Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CC0042

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fl-20 ta’ Marzu 2012.
João Pedro Lopes Da Silva Jorge.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel d’Amiens.
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri — Artikolu 4(6) — Raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew — Implementazzjoni fid-dritt nazzjonali — Persuna arrestata li hija ċittadina tal-Istat Membru li ħareġ il-mandat — Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ persuni rikjesti li għandhom iċ-ċittadinanza tal-imsemmi Stat.
Kawża C-42/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:151

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fl-20 ta’ Marzu 2012 ( 1 )

Kawża C-42/11

João Pedro Lopes Da Silva Jorge

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel d’Amiens (Franza)]

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ Arrest Ewropew u għall-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-fakultà tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, f’każ ta’ persuni rikjesti li għandhom iċ-ċittadinanza tal-imsemmi Stat — Diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza”

1. 

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li joriġina mill-Cour d’appel d’Amiens (Franza), joffri mill-ġdid l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri ( 2 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna, b’mod partikolari, tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha u tipproċedi biex issib bilanċ bejn il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-Istati Membri meta jimplementaw l-imsemmija deċiżjoni qafas u l-firxa ta’ garanziji li għandhom jiġu offruti liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea meta jkunu fil-mira ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biex tiġi eżegwita piena li ċċaħħad mil-libertà.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt internazzjonali

2.

Il-Konvenzjoni dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati, iffirmata fil-21 ta’ Marzu 1983 fi Strasbourg, li għaliha l-Istati Membri kollha huma partijiet, tistabbilixxi, fl-Artikolu 2(1), li “[l]-Partijiet jintrabtu sabiex kemm jista’ jkun jikkooperaw ma’ xulxin fil-qasam tat-trasferiment ta’ persuni kkundannati, skont il-kundizzjonijiet previsti bil-Konvenzjoni preżenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.

L-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati jistabbilixxi:

“Ma jistax isir trasferiment skont it-termini ta’ din il-Konvenzjoni jekk mhux bil-kundizzjonijiet segwenti:

a il-persuna kkundannata għandha tkun ċittadina tal-Istat ta’ eżekuzzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.

L-Artikolu 3(4) tal-Konvenzjoni dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati jippreċiża li “[k]walunkwe Stat jista’, fi kwalunkwe mument, permezz ta’ dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, jiddefinixxi, inkwantu jikkonċerna lilu, it-terminu “ċittadin” għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

5.

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tiddefinixxi kif ġej, fl-Artikolu 1 tagħha, il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu tal-eżekuzzjoni tiegħu:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-priċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

6.

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jitkellem dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Dan jistabbilixxi, fil-paragrafu 6 tiegħu, li “[l]-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew […] jekk [dan] ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu”.

7.

L-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi li “[it]-talbiet għall-estradizzjoni riċevuti qabel l-1 ta’ Jannar 2004 jkomplu jkunu rregolati minn istrumenti eżistenti dwar l-estradizzjoni. It-talbiet riċevuti wara dik id-data jkunu rregolati mir-regoli adottati mill-Istati Membri skond din id-Deċiżjoni Kwadru. Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fil-ħin ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru mill-Kunsill, jagħmel dikjarazzjoni li tindika li bħala Stat Membru ta’ esekuzzjoni hu ser ikompli jittratta talbiet dwar atti mwettqin qabel data li jispeċifika skond is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004 […]”.

8.

Id-dikjarazzjoni tar-Repubblika Franċiża relatata mal-imsemmi Artikolu 32 hija redatta kif ġej:

“Franza tiddikjara, skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, li, bħala Stat ta’ eżekuzzjoni, hija ser tkompli tittratta, skont is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004, it-talbiet relatati ma’ atti kommessi qabel l-1 ta’ Novembru 1993 […].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2. Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI

9.

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea ( 3 ), tistabbilixxi sistema li l-għan tagħha huwa li jiffaċilita l-eżekuzzjoni ta’ piena fi Stat Membru għajr dak l-Istat li jkun ta s-sentenza kriminali, biex tiġi żgurata r-rijabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata.

10.

L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprovdi li “[l]-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena”.

11.

L-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jistabbilixxi li “[t]albiet riċevuti qabel il-5 ta’ Diċembru 2011 għandhom jibqgħu jiġu rregolati skond l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati. Talbiet li jaslu wara dik id-data għandhom jiġu rregolati minn regoli adottati mill-Istati Membri skond din id-Deċiżjoni Qafas”.

C – Id-dritt nazzjonali

12.

L-Artikolu 695-24 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Franċiż jistabbilixxi r-raġunijiet meta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi rrifjutata. B’hekk jistabbilixxi li “[l]-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi rrifjutata:

[…]

2.   Jekk il-persuna rikjesta għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu mil-libertà, hija ta’ ċittadinanza Franċiża, kemm-il darba l-awtoritajiet Franċiżi kompetenti jintrabtu li jipproċedu għal din l-eżekuzzjoni”.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.

Fl-14 ta’ Settembru 2006, qorti kriminali Portugiża ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-konvenut fil-kawża prinċipali, J. P. Lopes Da Silva Jorge, ċittadin Portugiż, bl-għan li tiġi eżegwita piena ta’ ħames snin priġunerija, mogħtija fl-2003 għal atti kommessi fl-2002. Minn dakinhar, J. P. Lopes Da Silva Jorge beda jgħix Franza.

14.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li fil-11 ta’ Lulju 2009, J. P. Lopes Da Silva Jorge żżewweġ ċittadina Franċiża u jgħix magħha fit-territorju Franċiż. Ilu impjegat mit-3 ta’ Frar 2008, għal żmien indeterminat, bħala xufier tat-trakkijiet reġjonali ma’ kumpannija Franċiża.

15.

Fid-19 ta’ Mejju 2010, wara li ġie msejjaħ jagħmel dan permezz ta’ telefonata, J. P. Lopes Da Silva Jorge ppreżenta ruħu quddiem il-pulizija Franċiża. Dakinhar huwa ġie informat dwar l-eżistenza tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront tiegħu kif ukoll dwar it-talba ta’ konsenja għall-eżekuzzjoni tal-piena, magħmula mill-awtoritajiet Portugiżi. Fl-20 ta’ Mejju 2010, il-prosekutur ġenerali tal-qorti tal-appell ta’ Amiens talab lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ J. P. Lopes Da Silva Jorge lill-awtoritajiet Portugiżi.

16.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-prosekutur ġenerali essenzjalment sostna li l-mandat ta’ arrest Ewropew kien inħareġ mill-awtoritajiet Portugiżi skont ir-rekwiżiti legali u li ma kien hemm l-ebda raġuni obbligatorja jew fakultattiva għar-rifjut tal-eżekuzzjoni, prevista fil-Kodiċi ta’ proċedura kriminali Franċiż, li kienet applikabbli. Meta ġie mistieden jieħu pożizzjoni dwar l-impatt tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Wolzenburg ( 4 ), il-prosekutur ġenerali sostna li, minkejja li J. P. Lopes Da Silva Jorge kellu d-dritt jipprevalixxi ruħu mil-liġi Franċiża li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, skont dawk stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk jipprevalixxi ruħu mill-Artikolu 695-24 tal-Kodiċi ta’ proċedura kriminali, ir-raġuni msemmija fl-imsemmi artikolu, li tikkonċerna biss liċ-ċittadini Franċizi, hija għalkollox fakultattiva u dan skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għalhekk, l-Artikolu 695-24 tal-Kodiċi ta’ proċedura kriminali ma japplikax ħlief jekk tiġi sodisfatta l-kundizzjoni doppja li l-mandat ta’ arrest inħareġ fil-konfront ta’ ċittadin Franċiż u li l-awtoritajiet Franċiżi kompetenti jintrabtu li jipproċedu huma stess għall-eżekuzzjoni tal-piena. Huwa jikkonkludi għalhekk li J. P. Lopes Da Silva Jorge għandu jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Portugiżi.

17.

Waqt il-proċedura fil-kawża prinċipali, J. P. Lopes Da Silva Jorge ddikjara, għall-kuntrarju, li ma kienx jaqbel li jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Portugiżi u talab li jinżamm priġunier fi Franza billi invoka, fl-ewwel lok, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), u l-ksur sproporzjonat tad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata li d-deċiżjoni għall-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Portugiżi tista’ tkun għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fit-tieni lok, billi bbaża ruħu fuq is-sentenza Wolzenburg, iċċitata iktar ’il fuq, huwa invoka ċ-ċirkustanza li d-dritt Franċiż ma jagħtix il-fakultà li wieħed jirrifjuta l-konsenja, ħlief lil ċittadini Franċiżi, u qajjem dubju dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 695-24 tal-Kodiċi kriminali mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, b’mod iktar wiesa’, mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kif misjub fl-Artikolu 18 TFUE ( 5 ).

18.

Quddiem din id-diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-awla tal-istruttorja tal-Cour d’appel d’Amiens iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u permezz ta’ deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Jannar 2011, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn iż-żewġ domandi preliminari, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE:

“1)

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fl-Artikolu [18 TFUE] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 695-24 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li jipprevedi l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena li tnaqqas [iċċaħħad] il-libertà fil-każ li l-persuna rikjesta jkollha ċittadinanza Franċiża u li l-awtoritajiet Franċiżi kompetenti jkunu impenjaw ruħhom [intrabtu] li jipproċedu b’din l-eżekuzzjoni?

2)

[Il-prinċipju tal-]applikazzjoni fid-dritt nazzjonali tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previst mill-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni kwadru [2002/584] għandha titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri jew għandha natura obbligatorja, u b’mod partikolari Stat Membru jista’ jadotta miżura li tinkludi fiha diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

J. P. Lopes Da Silva Jorge, il-Gvernijiet Ċek, Ġermaniż, Franċiż, Olandiż, Awstrijak u Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

20.

Waqt is-seduta li saret fil-31 ta’ Jannar 2012, il-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet Ġermaniż, Franċiż, Olandiż u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

IV – Analiżi legali

21.

Minħabba raġunijiet ta’ loġika u wara xi rimarki preliminari, ser nibda l-analiżi tiegħi mit-tieni domanda preliminari.

A – Rimarki introduttivi

1. Fuq il-ġurisdizzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja

22.

Ir-Repubblika Franċiża għamlet dikjarazzjoni abbażi tal-ex Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi preliminarjament, skont ir-regoli stabbiliti fl-ex Artikolu 35(3)(b) UE ( 6 ). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, anness mat-Trattat FUE, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja skont it-titolu VI preċedenti tat-Trattat UE kellhom jibqgħu l-istess għal dak li għandu x’jaqsam mal-atti tal-Unjoni adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, inkluż fejn dawn ikunu ġew aċċettati skont l-ex Artikolu 35(2) UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2. Fuq l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584

23.

Għalkemm l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jawtorizza lill-Istati Membri tal-eżekuzzjoni jkomplu japplikaw is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004, mid-dikjarazzjoni tar-Repubblika Franċiża jirriżulta li hija rriżervat din il-possibbiltà unikament għall-atti kommessi qabel l-1 ta’ Novembru 1993. Hija għalhekk is-sistema stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li hija applikabbli f’sitwazzjoni bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, fejn l-atti attribwiti lill-imputat fil-bidu tat-talba seħħew fl-2002 u fejn it-talba nfisha għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inħarġet wara l-1 ta’ Jannar 2004.

24.

Madankollu hemm lok li wieħed jistaqsi dwar l-impatt, fuq il-kawża prinċipali, tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Din tal-aħħar, adottata fis-27 ta’ Novembru 2008, għandha l-għan li tistabbilixxi r-regoli li jippermettu lil Stat Membru jirrikonoxxi deċiżjoni u jeżegwixxi l-kundanna, u dan bl-għan li l-persuna kkundannata tiġi rijabilitata soċjalment ( 7 ). Id-data assoluta għall-implementazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ din id-deċiżjoni qafas kienet ġiet stabbilita għall-5 ta’ Diċembru 2011 ( 8 ). L-intervent ta’ din l-iskadenza matul il-proċedura preliminari madankollu, ma għandux impatt dirett fuq il-kawża preżenti. Fil-fatt, l-Artikolu 28 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistabbilixxi li, kemm-il darba ma jkunx hemm dikjarazzjoni unilaterali kuntrarja, it-talbiet li jkunu waslu qabel il-5 ta’ Diċembru 2011 għandhom ikomplu jiġu rregolati permezz tal-istrumenti legali eżistenti fil-qasam tat-trasferiment ta’ persuni kkundannati. Peress li t-talba għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew waslet għand l-awtoritajiet Franċiżi qabel il-5 ta’ Diċembru 2011, is-sitwazzjoni tal-konvenut fil-kawża prinċipali għandha għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni f’sens kuntrarju mir-Repubblika Franċiża.

B – Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni mħollija lill-Istati Membri għal dak li għandu x’jaqsam mal-implementazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584

25.

Bit-tieni domanda indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tiddetermina jekk l-Istati Membri humiex marbuta jimplementaw, fl-ordinamenti ġuridiċi interni rispettivi tagħhom, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, f’każ ta’ risposta pożittiva, jekk humiex marbuta jagħmlu dan għall-każijiet ipotetiċi kollha previsti fl-imsemmi punt, jiġifieri kemm fir-rigward ta’ ċittadini nazzjonali kif ukoll ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu jew joqogħdu fit-territorju tagħhom.

26.

Fl-opinjoni tiegħi, id-diffikultà mhix daqshekk marbuta ma’ problema tar-redazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, iżda iktar hija waħda ta’ inċertezzi ġurisprudenzjali li setgħu jagħtu lok għal interpretazzjonijiet diverġenti. Għalhekk, l-ewwel ser neżamina l-formulazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll l-istruttura ġenerali ta’ din tal-aħħar qabel ma nipproċedi għall-analiżi tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27.

Madankollu, nixtieq preliminarjament, nagħmel għadd ta’ osservazzjonijiet li jidhirli li huma essenzjali biex wieħed jifhem aħjar il-kawża preżenti u l-kwistjonijiet li għandna quddiemna. Huwa fundamentali, f’dan ir-rigward, li jitfakkar li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistqarr li din tal-aħħar “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali” kif stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

28.

Ir-referenza li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jagħmel għad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali, għandha taġixxi bħala barriera. Fil-qasam kopert mill-imsemmija deċiżjoni qafas u b’mod iktar wiesa’ fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, mhux possibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jinsab fil-qalba tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, bl-istess mod bħal meta l-kwistjoni tkun waħda għar-rikonoxximent ta’ diploma universitarja jew liċenzja tas-sewqan li jkunu nħarġu minn Stat Membru ieħor. Il-kwistjoni lanqas ma hija waħda fejn l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li jkollha l-konsegwenza li tinjora d-drittijiet fundamentali ta’ persuni li l-komportament tagħhom seta’ jikkostitwixxi theddida għal-libertà, għas-sigurtà jew għall-ġustizzja. Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, b’mod iktar partikolari meta japplika fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, ma jistax japplika b’mod awtomatiku iżda għandu, għall-kuntrarju, jiġi previst fid-dawl tal-kuntest personali u uman tas-sitwazzjoni individwali li tinsab fil-bażi ta’ kull talba għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Għalhekk — u l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 qiegħed hemm biex ifakkar dan —, meta jiġi applikat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fis-sens tal-imsemmija deċiżjoni qafas, il-preservazzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-ewwel fosthom id-dinjità tal-persuna kkundannata ( 9 ), għandha tkun l-ossessjoni tal-leġiżlatur nazzjonali meta dan jittrasponi l-atti tal-Unjoni, tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali meta dawn jagħmlu użu mill-prerogattivi konċessi lilhom mid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja meta jsirulha domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Huwa b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju superjuri tal-protezzjoni tad-dinjità umana, li jikkostitwixxi l-pedament tad-drittijiet fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li l-moviment liberu tad-deċiżjonijiet kriminali għandu jiġi żgurat, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, limitat.

29.

Huwa b’qies kontinwu għal din l-interpretazzjoni umanista tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li nipproponi issa li ngħaddu għall-analiżi.

1. Interpretazzjoni letterali u teleoloġika

30.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet qafas, bħala atti legali tal-Unjoni, jorbtu, skont it-termini tal-ex Artikolu 34(2)(b) UE, lill-Istati Membri “dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi”.

31.

Iktar partikolarment, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi, fl-Artikoli 3 u 4 tagħha, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew indirizzati għall-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Limitatament enumerati fl-imsemmija deċiżjoni qafas, biex ma jitpoġġiex fil-periklu l-prinċipju nnifsu tal-konsenja, dawn ir-raġunijiet xi kultant jikkonċernaw in-nuqqas tal-eżekuzzjoni obbligatorja u xi kultant in-nuqqas tal-eżekuzzjoni fakultattiva. Jirriżulta, fil-fatt, mit-titolu tal-Artikolu 4 (“Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”) li r-raġunijiet ma humiex dawk ir-raġunijiet li l-implementazzjoni tagħhom mill-Istati Membri hija fakultattiva, iżda l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew imħollija għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ( 10 ).

32.

Ikkunsidrat b’mod iżolat mill-punti l-oħra li jinsabu fih, it-test tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tirrifjuta l-mandat ta’ arrest Ewropew, jekk dan tal-aħħar ġie maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena, meta l-persuna rikjesta toqgħod fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, hija ċittadina jew tirrisjedi hemmhekk u meta dan l-Istat Membru jintrabat li jeżegwixxi din il-piena skont id-dritt intern tiegħu.

33.

L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-ex Artikolu 34 UE, jeżiġi għalhekk li l-Istati Membri jimplementaw, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tagħhom, ir-raġuni għan-nuqqas tal-eżekuzzjoni li l-imsemmi paragrafu jipprovdi, u dan fil-forom kollha tagħha. Ma jidhirlix li wieħed għandu jagħti importanza sinjifikanti lill-użu tal-konġunzjoni “jew” fil-test tal-imsemmi paragrafu. Ċertament, kif stqarrew ċerti partijiet li kienu preżenti waqt is-seduta, il-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi jużaw l-imsemmija konġunzjoni ( 11 ) filwaqt li l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, pereżempju, tuża l-kelma “und” (u) biex tiddetermina l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Ma nistax ma ngħidx li tali argument huwa, tal-inqas, dgħajjef, jekk mhux ukoll irrilevanti, tant li ma kienx jagħmel sens li l-Artikolu 4(6) jiġi redatt, fil-verżjoni Franċiża tiegħu, bl-użu tal-konġunzjoni “u”. Ir-riskju seta’ kien li wieħed jara jiżviluppa quddiemu argument assurd, li jgħid li hija biss persuna li hija ċittadina tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, li toqgħod hemmhekk jew tirrisjedi hemmhekk li setgħet tibbenefika mill-imsemmija raġuni.

34.

Anki li kieku wieħed kellu jippreżupponi li l-Istati Membri ma humiex marbuta jimplementaw l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, inkwantu l-leġiżlatur Franċiż kellu l-intenzjoni manifesta li jipproċedi għat-traspożizzjoni tagħha, permezz tal-Artikolu 695-24 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, l-imsemmi leġiżlatur nazzjonali kien marbut jagħmel dan fir-rigward tal-kategoriji ta’ persuni kollha msemmija fl-Artikolu 4(6). Fil-fatt, lil hinn mid-diverġenzi lingwistiċi potenzjali, jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi mingħajr dubju, mill-għan li huwa segwit mill-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, li l-Istati Membri huma marbuta jimplementaw dan il-punt b’mod li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom ikunu f’pożizzjoni, eventwalment, li jirrifjutaw li jeżegwixxu l-mandat ta’ arrest Ewropew mhux biss fir-rigward taċ-ċittadini tagħhom stess iżda wkoll fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, kemm-il darba jwieġbu għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u dan billi jipproċedu għal analiżi globali tas-sitwazzjoni individwali tagħhom.

35.

Li wieħed jikkonkludi f’dan is-sens ma jidhirlix, kuntrarjament għal dak sostnut mill-biċċa l-kbira tal-partijiet li intervjenew matul il-kawża preżenti, li jmur kontra l-prinċipju fundamentali li fuqu hija msejsa d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri dak tar-rikonoxximent reċiproku. Skont dawn il-partjijiet, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbiliti fl-imsemmija deċiżjoni qafas għandhom jiġu interpretati b’mod partikolarment restrittiv, sabiex il-konsenja tiġi ffaċilitata, u dan b’mod konformi mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

36.

Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju, “li fuqu hija bbażata s-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jimplika, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri huma fil-prinċipju obbligati jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew” ( 12 ). Madankollu ninnota, minkejja l-importanza mogħtija lill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fl-imsemmija deċiżjoni qafas, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ippreveda raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Dan madankollu b’mod limitattiv u preċiżament b’mod li jiġi ggarantit li l-prinċipju jibqa’ dak tal-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu l-għan li jżid il-possibbiltajiet tar-rijabilitazzjoni soċjali tal-persuna rikjesta, mal-iskadenza tal-piena tiegħu ( 13 ). Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku kif implementat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, importanti kemm huwa importanti, ma ġiex ikkonċeput, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bħala assolut. Ir-referenza għad-drittijiet fundamentali li jinsabu fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tikkonferma dan, kif indikajt preliminarjament. L-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jirriżulta wkoll li huwa manifestazzjoni ċara tal-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli f’idejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, jekk ikun il-każ, il-possibbiltà li jaslu għal konċiljazzjoni mal-imsemmi prinċipju, meta jkollhom quddiemhom sfida tant ieħor fundamentali li għandha tiġi ppreżervata, daqs kemm hija r-rijabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata.

37.

Dan l-għan tar-rijabilitazzjoni ma huwiex biss fl-interess individwali tal-persuna kkundannata. Rijabilitazzjoni soċjali li tkun irnexxiet, f’ambjent li huwa familjari għall-imsemmija persuna, huwa wkoll garanzija supplimentari għas-soċjetà li magħha l-eżistenza tiegħu hija marbuta, li l-probabbiltajiet li l-komportament devjanti tiegħu jirrepeti ruħu, ikunu inqas. Għalhekk, l-importanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lil dan il-fatt ġiet ikkonfermata b’mod espliċitu permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li l-għan tagħha huwa, skont l-Artikolu 3(1) tagħha, “li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata”.

38.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-għan […] fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 […] huwa b’mod partikolari li tkun tista’ tingħata importanza partikolari lill-possibbiltà li jitkabbru l-opportunitajiet għar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna rikjesta wara li tkun skontat il-piena li għaliha tkun ġiet ikkundannata, tali għan, għalkemm importanti, ma jistax jeskludi li l-Istati Membri, fl-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, jillimitaw, fis-sens indikat mir-regola essenzjali stabbilita fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, is-sitwazzjonijiet li fihom għandu jkun possibbli li tiġi rrifjutata l-konsenja ta’ persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4(6)” ( 14 ). B’dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet xejn ħlief fakkret li l-imsemmi Artikolu 4(6) ma għandux il-pretensjoni li jikkonċedi dritt inkondizzjonat, lill-persuna kkundannata, li tiskonta l-piena tagħha fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u li, fil-każ preżenti, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tissuġġetta l-benefiċċju tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, għal perijodu ta’ residenza regolari ta’ ħames snin, kienet konformi mal-imsemmija deċiżjoni qafas. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ħadet pożizzjoni dwar l-applikazzjoni, f’sitwazzjoni partikolari ta’ leġiżlazzjoni li kienet tillimita, mingħajr madankollu ma telimina, l-ipoteżijiet li fihom kien possibbli li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Barra minn hekk ser nirreferi iktar ’il quddiem għall-prudenza li biha l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi invokata ( 15 ).

39.

Kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Franċiż, l-interpretazzjoni li qed nipproponi tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, la tagħti lok li tiġi konċessa l-impunità lill-perusna rikjesta u lanqas ma tqajjem kwistjonijiet relatati mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku peress li, fil-fatt, l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jistax jirrifjuta li jeżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew ħlief bil-kundizzjoni espressa li jintrabat li jeżegwixxi l-piena fit-territorju tiegħu, mingħajr qatt ma jikkontesta d-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet imposta l-piena. F’dan is-sens, il-loġika tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati hija għal kollox ippreżervata, anki fl-ipoteżi fejn il-persuna rikjesta tiskonta l-piena tagħha fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, u mhux f’dak li jkun ta l-piena. L-interpretazzjoni li nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jidhirlix għalhekk li hija kuntrarja la għall-istruttura ġenerali u lanqas għall-għanijiet tagħha.

40.

Fl-aħħar nett, ma nistax ma naħsibx li interpretazzjoni tal-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, li tippermetti li tiġi meqjusa bħala konformi ma’ din tal-aħħar, leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, mingħajr l-ebda distinzjoni, lil kull ċittadin tal-Unjoni li joqgħod jew jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru, mill-benefiċċju potenzjali tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, għall-unika raġuni li ma għandux iċ-ċittadinanza tal-imsemmi Stat Membru, tmur b’mod dirett kontra numru sostanzjali ta’ drittijiet u prinċipji legali fundamentali li l-osservanza tagħhom hija imposta mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bil-konsegwenza li hija stess tkun diffiċilment kompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri u l-kamp tal-applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584

41.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza tagħha Wolzenburg, iċċitata iktar ’il fuq, li “[f]l-implementazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’mod partikolari fl-implementazzjoni tal-Artikolu 4(6) tagħha, […] l-Istati Membri neċessarjament għandhom marġni reali ta’ diskrezzjoni”  ( 16 ). Ma naħsibx mandankollu li b’dan hija kellha f’moħħha ħaġa oħra għajr il-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxuta permezz tat-trattat lill-Istati Membri, għal dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-forma u tal-metodi għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet qafas. Fi kwalunkwe każ, din il-marġni ta’ diskrezzjoni għandha tiġi eżerċitata b’rispett tad-dritt tal-Unjoni ( 17 ).

42.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet mitluba tinterpreta l-Artikolu 4(6) tad-deċiżjoni qafas u l-partijiet interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ din il-kawża għamlu referenzi estensivi għas-sentenzi Kozłowski ( 18 ) u Wolzenburg, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija f’dan ir-rigward. Il-maġġoranza tal-imsemmija partijiet iddeduċew, mill-punt 58 ta’ din is-sentenza Wolzenburg, favur il-konċessjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-libertà lil-leġiżlatur nazzjonali li jimplementa d-diversi raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Skont dan il-punt tal-imsemmija sentenza Wolzenburg, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “leġiżlatur nazzjonali li, abbażi tal-possibbiltajiet mogħtija lilu mill-Artikolu 4 tad-deċiżjoni qafas imsemmija, jagħżel li jillimita s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tista’ tirrifjuta l-konsenja ta’ persuna rikjesta jkun qiegħed sempliċement isaħħaħ is-sistema ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas favur spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”.

43.

Wieħed ma jistax madankollu jinsa li s-sitwazzjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali kienet differenti ħafna fil-kuntest tal-kawża Wolzenburg, peress li hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar liġi li effettivament kienet timplementa l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, anki fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra għajr dak ta’ eżekuzzjoni. Din hija differenza fundamentali meta mqabbla mal-kawża preżenti u titlob għalhekk prudenza kbira meta wieħed jiġi biex jinspira ruħu mid-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinsabu fis-sentenzi mogħtija f’dan ir-rigward, u b’mod partikolari s-sentenza Wolzenburg, iċċitata iktar ’il fuq, liema sentenzi, ipso facto ma jistgħux jiġu trasposti għall-każ ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tirriżerva l-benefiċċju tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 liċ-ċittadini tiegħu biss. L-interpretazzjoni ta’ dan il-punt 58 għandha għalhekk issir fid-dawl tal-kuntest nazzjonali partikolari inkwistjoni ta’ dak il-każ.

44.

Għalhekk, kieku wieħed kellu jislet konklużjoni mill-imsemmi punt, din tkun li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu dritt inkondizzjonat liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu jew joqogħdu fit-territorju tagħhom, biex b’hekk tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jikkonċernahom. Il-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxuta lill-Istati Membri, li wkoll hija kkonċernata f’din is-sentenza, tista’ tkun espressa permezz tal-limitazzjoni ta’ każijiet bħal dawn ( 19 ), iżda ċertament mhux permezz ta’ esklużjoni totali taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, mill-benefiċċju tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, stabbilita fl-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Huwa ċar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tobbliga lill-Istati Membri li jipprevedu, permezz tal-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom, il-kompitu li jeżaminaw kull sitwazzjoni individwali permezz ta’ evalwazzjoni globali, fl-ipoteżi fejn l-imsemmija awtoritajiet ikunu mitluba ma jipproċedux bil-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena fir-rigward ta’ ċittadin tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, ta’ persuna li toqgħod jew li tirrisjedi hemmhekk ( 20 ).

45.

Barra minn hekk jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li din tal-aħħar ma tqisx il-kamp tal-applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 bħala wieħed li jista’ jkollu fil-mira tiegħu jew liċ-ċittadini nazzjonali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jew inkella ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu jew joqogħdu fit-territorju tiegħu, jew inkella t-tnejn f’daqqa. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddikjarat fil-punt 34 tas-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq, li, “skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni huwa limitat għall-persuni li, jekk ma jkunux ċittadini tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, “toqgħod [joqogħdu]” hemm jew huma “residenta [residenti]” hemm”.

46.

Għar-raġunijiet kollha hawn fuq indikati, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għat-tieni domanda preliminari fis-sens li, bla ħsara għall-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnu u b’rispett tad-dritt tal-Unjoni għal dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li għalihom tista’ tkun suġġetta l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu jew joqogħdu fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri huma marbuta jimplementaw l-imsemmi Artikolu 4(6) b’mod li l-awtoritajiet ġudizzjarji eżekuttivi jkollhom il-fakultà li jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena, kemm għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ċittadini tagħhom kif ukoll ma’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra li joqogħdu jew jirrisjedu fit-territorju tagħhom, liema fakultà l-imsemmija awtoritajiet għandu jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitawha fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari.

C – Fuq l-ewwel domanda preliminari

47.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda eżaminata preċedentement hija biżżejjed biex toffri kjarifiki utli lill-qorti tar-rinviju. Madankollu, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-Istati Membri ma humiex marbuta, unikament abbażi tat-termini tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jimplementaw l-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, kemm fir-rigward taċ-ċittadini tagħhom kif ukoll fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li joqogħdu jew jirrisjedu fit-territorju tagħhom u kellha tikkonkludi li l-Istat Franċiż għamel użu mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu b’mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ikollha tieħu pożizzjoni dwar il-fatt li jiġi stabbilit jekk il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik fil-kawża prinċipali.

48.

Irid jingħad, fl-ewwel lok, li l-konvenut fil-kawża prinċipali għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment meta mar fit-territorju Franċiż fejn jirrisjedi legalment u fejn stabbilixxa ħajja familjari. L-Istati Membri ma jistgħux, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ deċiżjoni qafas, jippreġudikaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relalati mal-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri ( 21 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi legalment fi Stat Membru ieħor jista’ jinvoka l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad mil-libertà ( 22 ). A fortiori, dan għandu jkun il-każ fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali li teskludi lil kull ċittadin tal-Unjoni, ħlief liċ-ċittadini Franċiżi, mill-benefiċċju tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Konsegwentement, hemm lok li wieħed iqis li l-konvenut fil-kawża prinċipali għandu d-dritt jipprevalixxi ruħu mill-Artikolu 18 TFUE fir-rigward tal-imsemmija leġiżlazzjoni. Jibqa’ għalhekk li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 695-24 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali fihx diskriminazzjoni msejsa fuq iċ-ċittadinanza.

49.

Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 23 ).

50.

Jirriżulta b’mod manifest mil-leġiżlazzjoni Franċiża li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra huma suġġetti għal trattament li huwa differenti meta mqabbel ma’ dak applikabbli għaċ-ċittadini Franċiżi. Fil-fatt, l-argument imressaq minn ċerti gvernijiet li jsostni li, f’tali ipoteżi, l-individwi nazzjonali ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli għal dik taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ma jistax jintlaqa’. Dawn il-gvernijiet insistew fuq id-differenza bejn in-natura tar-rabta li tgħaqqad ċittadin mal-Istat ta’ ċittadinanza tiegħu mar-rabta li tgħaqqad ċitaddin tal-Unjoni mal-Istat ta’ residenza tiegħu, li tiegħu ma għandux iċ-ċittadinanza. Huwa naturali li kull ċittadin Franċiż, pereżempju, ikollu rabta qawwija ħafna, li tikkonkretizza ruħha bil-pussess taċ-ċittadinanza, mas-soċjetà Franċiża u dan jiġġustifika li l-Istat Franċiż jintrabat fir-rigward uniku tiegħu li jeżegwixxi l-piena mogħtija minn Stat Membru tal-Unjoni fit-territorju tiegħu. Ma nistax ma naħsibx li, li kieku kellna nieqfu fuq dan it-tip ta’ argumenti, id-dritt tal-Unjoni ma kienx ċertament jesperjenza l-iżviluppi straordinarji li kkaratterizzawh sal-lum il-ġurnata. Inħoss li diskors bħal dan għadda żmienu.

51.

Wieħed jista’ faċilment jifhem ix-xewqa ta’ Stat Membru li jadotta ċerti garanziji u li jintrabat li jeżegwixxi piena li tkun ingħatat minn pajjiż ieħor — u dan żgur mhux forsi li jirrappreżenta responsabbiltà qawwija għall-imsemmi stat — fir-rigward biss ta’ persuni li għandhom rabta reali, stabbli u dejjiema mas-soċjetà tal-Istat inkwistjoni. Min-naħa l-oħra mhux eżatt li wieħed isostni li huma biss il-persuni mogħnija biċ-ċittadinanza ta’ dak il-pajjiż li huma f’pożizzjoni li jkollhom tali rabta. Il-każ tal-konvenut fil-kawża prinċipali huwa eżempju ċar ħafna. Il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, konċessa mid-dritt tal-Unjoni, għandha wkoll bħala konsegwenza diretta l-fatt li llum il-ġurnata mhux possibbli li wieħed jippreżumi, b’mod indiskutibbli, li l-possibbiltajiet ta’ rijabilitazzjoni ta’ persuna kkundannata huma l-iktar għolja fl-uniku pajjiż li tiegħu l-persuna għandha ċ-ċittadinanza. Għalhekk, żgur li hemm lok li jiġi meqjus li l-leġiżlazzjoni Franċiża tittratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti.

52.

Tali differenza fit-trattament tista’ tirriżulta li hija konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jekk tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan leġittimu segwit, jiġifieri li hija ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan ( 24 ).

53.

Il-Gvern Franċiż sostna li d-differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċittadini ta’ Stati Membri oħra tispjega ruħha oġġettivament. Huwa jirreferi għal diffikultà marbuta mal-istat tad-dritt intern tiegħu. L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fil-fatt jipprevedi li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jintrabat li jeżegwixxi l-piena mogħtija f’pajjiż ieħor, fit-territorju tiegħu skont id-dritt intern tiegħu. Irid jingħad li d-dritt pożittiv Franċiż ma jippermettix lill-Istat Franċiż li jieħu din ir-responsabbiltà. Il-Gvern Franċiż fakkar f’dan r-rigward li l-eżekuzzjoni, fi Franza, ta’ piena mogħtija f’pajjiż ieħor tqajjem domandi legali importanti legali li ma humiex irregolati permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, raġuni li għaliha l-Artikolu 4(6) jirreferi għad-drittijiet interni tal-Istati Membri. Is-sistema legali li teżegwixxi l-pieni mogħtija f’pajjiż ieħor ma hijiex uniformi u tiddependi, ta’ spiss, minn konvenzjonijiet internazzjonali, bilaterali u multilaterali, u l-Istat Franċiż ma jistax jiddeċiedi unilateralment li jeżegwixxi, fit-territorju tiegħu, piena mogħtija fi Stat Membru ieħor, inkwantu ma jkunx jista’ jiggarantixxi lill-persuna kkundannata li l-eżekuzzjoni tal-piena tagħha tkun irrikonoxxuta fl-Istat li ta din il-piena.

54.

Jidhirli li dan l-argument jista’ jiġi attakkat b’żewġ modi, l-ewwel nett billi tiġi miċħuda l-ġustifikazzjoni magħmula u, sussegwentement, billi tiġi enfasizzata n-natura manifestament sproporzjonata tal-leġiżlazzjoni Franċiża.

55.

Għal dak li għandu x’jaqsam mad-diffikultà invokata mill-Gvern Franċiż, marbuta mal-istat tad-dritt intern tiegħu, infakkar, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja rarament tirriżerva destin favorevoli lil dan it-tip ta’ argumenti.

56.

Ninnota sussegwentement li l-Gvern Franċiż ammetta, waqt is-seduta, li jekk id-dritt Franċiż ma jippermettix, preżentement, li tiġi eżegwita piena mogħtija minn Stat Membru fir-rigward ta’ persuna li ma hijiex ta’ ċittadinanza Franċiża, dan huwa iktar minħabba l-interpretazzjoni tal-leġiżlatur fir-rigward tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tgħid li dan tal-aħħar ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu ta’ trattament ugwali bejn iċ-ċittadini nazzjonali u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, milli minħabba ostakolu legali insurmontabbli, irrappreżentat mid-dritt internazzjonali konvenzjonali li attwalment jorbot lill-Istat Franċiż. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssollevat, ġustament, li l-Istat Franċiż huwa parti, bħall-Istati Membri kollha tal-Unjoni, għall-konvenzjoni dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati ( 25 ). Din tistabbilixxi li t-trasferiment jista’ jsir meta l-persuna kkundannata hija ċittadina tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ( 26 ) iżda tiddisponi wkoll li l-Istati li huma partijiet jistgħu jiddeterminaw unilateralment, permezz ta’ dikjarazzjoni li tista’ ssir fi kwalunkwe mument, id-definizzjoni li għandhom l-intenzjoni li jagħtu lill-kunċett ta’ “ċittadin” fis-sens tal-imsemmija konvenzjoni ( 27 ), b’mod li l-Istat Franċiż seta’ effettivament jestendi l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ( 28 ).

57.

Fl-aħħar nett, anki li kieku wieħed kellu jippreżupponi — u minn dan bl-ebda mod ma jien konvint — li huwa biss wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li l-aspetti legali marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija fi Stat Membru ieħor bdew jiġu rregolati, irrid ngħid li, billi naqas li jimplementa, fit-termini konċessi, l-imsemmija deċiżjoni qafas, il-leġiżlatur Franċiż huwa, mill-5 ta’ Diċembru 2011, l-uniku responsabbli għall-allegat nuqqas fid-dritt intern tiegħu u jista’ għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ b’mod favorevoli l-argument relatat mad-diffikultajiet ikkawżati mill-istat tad-dritt pożittiv Franċiż, ikompli jislet vantaġġ min-negliġenza tiegħu. Irid jingħad — u dan ġie wkoll ammess mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta —, li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fih referenza flessibbli għad-dritt intern b’mod li anki jekk it-talbiet li rċieva l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, qabel il-5 ta’ Diċembru 2011, għadhom qed jiġu rregolati mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-kontribut tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni preċiżament għaliex, permezz tal-implementazzjoni tagħha, hija ġabet bidla u adattament fid-drittijiet interni tal-Istati Membri.

58.

Barra minn hekk, huwa ċar li liġi li għandha, bħala riżultat, l-esklużjoni, purament u sempliċement, taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li ma għandhomx iċ-ċittadinanza Franċiża, mill-benefiċċju tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija sproporzjonata. Hija ċċaħħad, b’mod sistematiku, lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti mis-setgħa diskrezzjonali tas-sitwazzjonijiet individwali u tippreżumi, b’mod kemm perentorju kif ukoll irribattibbli, l-impossibbiltà legali li wieħed jipproċedi għall-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju Franċiż. Jirriżulta mill-argument żviluppat mill-Gvern Franċiż, li s-sitwazzjoni hija iktar varjata u li minħabba li ma jistax jiġi stabbilit qafas legali uniku għall-każijiet kollha ipotetiċi li jistgħu jqumu quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat, għal kull każ partikolari, id-dritt applikabbli peress li dan jista’ jinbidel skont l-Istat taċ-ċittadinanza tal-persuna kkundannata. Il-liġi fil-kawża prinċipali hija sproporzjonata inkwantu teskludi a priori, mill-benefiċċju tal-imsemmija raġuni, lil persuni kkundannati li madankollu setgħu potenzjalment jitolbu, fid-dawl tar-regoli tad-dritt applikabbli għat-talba tagħhom, li l-piena tagħhom tiġi eżegwita fit-territorju Franċiż.

59.

Għar-raġunijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fis-sens li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, jipprekludi liġi nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tirriżerva l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, fil-każ fejn il-persuna rikjesta hija ta’ ċittadinanza Franċiża u l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi jintrabtu li jipproċedu għal din l-eżekuzzjoni.

D – Fuq l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi

60.

Fis-sentenza Pupino, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi japplika fir-rigward ta’ deċiżjonijiet-qafas adottati fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Waqt li tapplika d-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju li trid tinterpreta dan id-dritt għandha, kemm huwa possibbli, tagħmel dan fid-dawl tat-test u ta’ l-għan tad-deċiżjoni-qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat maħsub f’din ta’ l-aħħar u sabiex ikun hemm konformità ma’ l-[ex] Artikolu 34(2)(b) UE” ( 29 ). Barra minn hekk, “[l]-obbligu ta’ Mħallef nazzjonali li jirreferi għall-kontenut ta’ deċiżjoni-qafas fl-interpretazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali tiegħu jispiċċa meta dan l-obbligu ma jkunx jista’ jiġi applikat b’mod li jinkiseb riżultat kompatibbli ma’ dak maħsub minn din id-deċiżjoni-qafas. Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax ikun ta’ bażi għal interpretazzjoni li tmur kontra l-liġi nazzjonali” ( 30 ).

61.

Għandu jkun il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk fl-imsemmija kawża, huwiex possibbli li tingħata interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali tagħha. Ser nillimita ruħi biex infakkar li, fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni hija possibbli, pereżempju billi tinterpreta l-espressjoni “ta’ ċittadinanza Franċiża” li tinsab fl-Artikolu 695-24(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura kriminali, bħala waħda li tqis ukoll bħala ċittadinanzi ekwivalenti, dawk tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni, l-imsemmija qorti jkollha tqis id-diversi għanijiet segwiti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jinkludu s-suċċess tar-rijabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, u tkun tista’ utilment tispira ruħha mill-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 48 tas-sentenza Kozłowski kif ukoll mid-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 76 tas-sentenza Wolzenburg, iċċitata iktar ’il fuq, biex tipproċedi għall-evalwazzjoni globali tar-rabta ta’ konnessjoni bejn il-konvenut fil-kawża prinċipali u s-soċjetà Franċiża, biex jiġi ddeterminat jekk huwa għandux jitlob li l-piena tiegħu tiġi eżegwita fit-territorju Franċiż.

V – Konklużjoni

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għaż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-Cour d’appel d’Amiens:

“1.

Bla ħsara għall-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnu, u b’rispett tad-dritt tal-Unjoni għal dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li għalihom tista’ tkun suġġetta l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu jew joqogħdu fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri huma marbuta jimplementaw l-imsemmi Artikolu 4(6) b’mod li l-awtoritajiet ġudizzjarji eżekuttivi jkollhom il-fakultà li jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena, kemm għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ċittadini tagħhom kif ukoll ma’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra li joqogħdu jew jirrisjedu fit-territorju tagħhom, liema fakultà l-imsemmija awtoritajiet għandu jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitawha fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari.

2.

Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE jipprekludi liġi nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, fil-każ fejn il-persuna rikjesta hija ta’ ċittadinanza Franċiża u l-awtoritajiet Franċiżi jintrabtu li jipproċedu għal din l-eżekuzzjoni.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34; Rettifika fil-ĠU L 17, 22.1.2009, p. 14.

( 3 ) ĠU L 327, p. 27.

( 4 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009 (C-123/08, Ġabra p. I-9621).

( 5 ) Jekk l-atti, u b’mod partikolari t-talba għal deċiżjoni preliminari, jirreferu għall-Artikolu 12 KE, dan għandu ċertament jitqies li huwa l-Artikolu 18 TFUE li huwa intenzjonat.

( 6 ) Ara l-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet mir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Ungerija dwar l-aċċettazzjoni tagħhom tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex [t]agħti sentenzi preliminari dwar l-atti msemmija fl-Artikolu 35 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU L 175 M, 29.6.2006, p. 190)

( 7 ) Ara l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

( 8 ) Ara l-Artikolu 29 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Ir-Repubblika Franċiża ma osservatx dan it-terminu peress li l-abbozz ta’ liġi li għandu l-għan li jimplementa, fl-ordinament ġuridiku Franċiż, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għadu, sal-ġurnata tal-preżentata tal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża, qed jiġi diskuss quddiem il-Parlament (ara l-abbozz ta’ liġi li jikkonċerna diversi dispożizzjonijiet fil-qasam kriminali u ta’ proċedura kriminali skont l-obbligi internazzjonali ta’ Franza, ippreżentat quddiem is-Senat fil-11 ta’ Jannar 2012).

( 9 ) Id-dinjità umana hija l-ewwel mid-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara l-Artikolu 1 tal-imsemmija karta).

( 10 ) Ir-redazzjoni hija wkoll ċara fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra: nirreferi hawnhekk essenzjalment għat-titolu tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fil-verżjonijiet tiegħu bil-lingwa Spanjola (“Motivos de no ejecución facultativa de la orden de detención europea”), Ingliża (“Grounds for optional non-execution of the European arrest warrant”), Taljana (“Motivi di non esecuzione facoltativa del mandato di arresto europeo”), kif ukoll Portugiża (“Motivos de não execução facultativa do mandado de detenção europeu”).

( 11 ) Dan huwa l-każ b’mod partikolari tal-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Ingliża, Franċiża, Taljana u Portugiża.

( 12 ) Sentenza Wolzenburg, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57).

( 13 ) Ibidem (punt 67).

( 14 ) Ibidem (punt 62).

( 15 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Sentenza Wolzenburg, iċċitata iktar ’il fuq (punt 61).

( 17 ) Ibidem (punt 45).

( 18 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski (C-66/08, Ġabra p. I-6041).

( 19 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, barra minn hekk, li l-liġi Olandiża li tirriżerva l-benefiċċju tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’mod inkundizzjonat għaċ-ċittadini Olandizi, u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra bil-kundizzjoni li jkunu ilhom jirrisjedu legalment fit-territorju Olandiż b’mod kontinwu għall-inqas għal ħames snin, kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni.

( 20 ) Il-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 titlob, b’mod ċar, f’dan is-sens meta tistabbilixxi li “[d]eċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni fuq il-konsenja tagħha”.

( 21 ) Ara s-sentenza Wolzenburg, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).

( 22 ) Ibidem (punt 47).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Wolzenburg, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).

( 24 ) Is-sentenza Wolzenburg, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69).

( 25 ) Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara l-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati.

( 27 ) Ara l-Artikolu 3(4) tal-Konevnzjoni dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati.

( 28 ) Jirriżulta, barra minn hekk, mill-analiżi tad-dikjarazzjonijiet unilaterali tal-Istati li huma partijiet għall-Konvenzjoni dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati, li għallinqas seba’ Stati Membri tal-Unjoni estendew il-kunċett ta’ “ċittadini”, fis-sens tal-imsemmija konvenzjoni, għal persuni li għandhom ir-residenza jew id-domiċilju tagħhom fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jew għal persuni li stabbilixxew ruħhom hemmhekk b’mod definittiv (Ir-Renju tad-Danimarka, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju tal-Isvezja). L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jipprevedu, min-naħa tagħhom, il-possibbiltà li jestendu l-imsemmi kunċett wara l-evalwazzjoni tar-rabtiet stretti li jorbtu lill-persuna kkundannata mal-Istat ikkonċernat.

( 29 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, Ġabra p. I-5285, punt 43).

( 30 ) Ibidem (punt 47).

Fuq