Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CJ0465

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-21 ta' Diċembru 2011.
    Ministre de l’Intérieur, de l’Outre-mer, des Collectivités territoriales et de l’Immigration vs Chambre de commerce et d'industrie de l'Indre.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - Franza.
    Talba għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Artikolu 3 - Fondi b’finalità strutturali - Regolament (KEE) Nru 2052/88 - Regolament (KEE) Nru 4253/88 - Awtorità kontraenti benefiċjarja ta’ sussidju taħt il-Fondi Strutturali - Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-benefiċjajru ta’ sussidju mogħti taħt il-Fondi Strutturali - Bażi tal-obbligu ta’ rkupru ta’ sussidju tal-Unjoni fil-każ ta’ irregolarità - Kunċett ta’ ‘irregolarità’ - Kunċett ta’ ‘irregolarità kontinwa’ - Metodi ta’ rkupru - Terminu ta’ preskrizzjoni - Termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal - Prinċipju ta’ proporzjonalità.
    Kawża C-465/10.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:867

    Kawża C-465/10

    Ministre de l’Intérieur, de l’Outre-mer, des Collectivités territoriales et de l’Immigration

    vs

    Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Artikolu 3 — Fondi b’finalità strutturali — Regolament (KEE) Nru 2052/88 — Regolament (KEE) Nru 4253/88 — Awtorità kontraenti benefiċjarja ta’ sussidju taħt il-Fondi Strutturali — Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-benefiċjarju ta’ sussidju FEŻR — Bażi tal-obbligu ta’ rkupru ta’ sussidju tal-Unjoni fil-każ ta’ irregolarità — Kunċett ta’ ‘irregolarità’ — Kunċett ta’ ‘irregolarità kontinwa’ — Metodi ta’ rkupru — Terminu ta’ preskrizzjoni — Termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Koeżjoni ekonomika u soċjali — Interventi strutturali — Finanzjament Komunitarju – Tħassir ta’ għajnuna finanzjarja minħabba irregolaritajiet — Obbligu ta’ rkupru — Bażi legali

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 2052/88, Artikolu 7(1), u Nru 4253/88, it-tielet inċiż tal-Artikolu 23(1); Direttiva tal-Kunsill 92/50)

    2.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Irregolarità — Kunċett

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 1; Direttiva tal-Kunsill 92/50)

    3.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Irregolarità kontinwa — Terminu ta’ preskrizzjoni — Att interruttiv

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1); Direttiva tal-Kunsill 92/50)

    4.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Proċeduri legali kontra l-irregolaritajiet — Terminu ta’ preskrizzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 3(3))

    1.        It-tielet inċiż tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 2052/88, fir-rigward tal-koordinazzjoni bejn l-interventi tad-diversi Fondi Strutturali, min-naħa waħda, u bejniethom u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2082/93, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2052/88, dwar il-kompiti tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, jikkostitwixxi bażi legali li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, mingħajr ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni taħt id-dritt nazzjonali, jirkupraw mingħand il-benefiċjarju l-intier ta’ sussidju mogħti taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fuq il-bażi li, fil-kwalità tiegħu ta’ “awtorità kontraenti”, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/36, dan il-benefiċjarju ma osservax l-istipulazzjonijiet ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li kellu bħala għan l-implementazzjoni tal-operazzjoni li abbażi tagħha dan il-benefiċjarju ngħata dan is-sussidju.

    (ara l-punt 41 u d-dispożittiv 1)

    2.        In-nuqqas ta’ osservanza, minn awtorità kontraenti li tibbenefika minn sussidju mogħti taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-Direttiva 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/36, fl-għoti tal-kuntratt intiż għall-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata jikkostitwixxi irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, anki meta l-awtorità nazzjonali kompetenti ma setgħetx ma tkunx taf, meta ngħata dan is-sussidju, li l-benefiċjarju kien diġà ddeċieda l-identità tal-fornitur lil min huwa kien ser jafda l-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata.

    (ara l-punt 49 u d-dispożittiv 2)

    3.        Sa fejn, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, il-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ma jkunx osserva r-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tad-Direttiva 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/36, fl-għoti tal-kuntratt intiż għall-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata:

    - l-irregolarità għandha tiġi kkunsidrata bħala irregolarità kontinwa fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, u, konsegwentement, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst minn din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-irkupru tas-sussidju indebitament imħallas lil dan il-benefiċjarju għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih il-kuntratt pubbliku mogħti b’mod illegali jiġi eżegwit.

    - in-notifika lill-benefiċjarju tas-sussidju ta’ rapport ta’ verifika li jikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li jirrakkomanda lill-awtorità nazzjonali teżiġi konsegwentement ir-rimbors tal-ammonti mħallsa tikkostitwixxi att suffiċjentement speċifiku intiż għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri legali fir-rigward tal-“irregolarità”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    (ara l-punt 62 u d-dispożittiv 3)

    4.        Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi, fil-kuntest tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-possibbiltà lilhom mogħtija mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena għall-irkupru ta’ vantaġġ indebitament miksub mill-baġit tal-Unjoni.

    Fil-fatt, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li fir-rigward tiegħu l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, jew anki ta’ tliet snin, kien diġà fih innifsu terminu suffiċjenti sabiex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu fir-rigward ta’ irregolarità li tippreġudika dawn l-interessi finanzjarji u li jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ miżura bħall-irkupru ta’ vantaġġ miksub indebitament, jidher li l-fatt li l-awtoritajiet jingħataw terminu ta’ tletin sena jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal amministrazzjoni diliġenti.

    (ara l-punti 65, 66 u d-dispożittiv 4)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    21 ta’ Diċembru 2011 (*)

    “Talba għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 3 – Fondi b’finalità strutturali –Regolament (KEE) Nru 2052/88 –Regolament (KEE) Nru 4253/88– Awtorità kontraenti benefiċjarja ta’ sussidju taħt il-Fondi Strutturali – Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti FEŻR – Bażi tal-obbligu ta’ rkupru ta’ sussidju tal-Unjoni fil-każ ta’ irregolarità – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ – Kunċett ta’ ‘irregolarità kontinwa’ – Metodi ta’ rkupru – Terminu ta’ preskrizzjoni – Termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

    Fil-Kawża C‑465/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2010 li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura

    Ministre de l’Intérieur, de l’Outre-mer, des Collectivités territoriales et de l’Immigration

    vs

    Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Cabouat, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-15 ta’ Settembru 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda essenzjalment l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea [tal-Komunitajiet Ewropej] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340) kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88, fir-rigward tal-koordinazzjoni bejn l-interventi tad-diversi Fondi Strutturali, min-naħa waħda, u bejniethom u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4253/88).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-ministre de l’Intérieur, de l’Outre-mer, des Collectivités territoriales et de l’Immigration u x-Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre [Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija tal-Indre] (iktar ’il quddiem iċ-“CCI tal-Indre”) dwar, b’mod partikolari, ir-rimbors minn din tal-aħħar ta’ sussidju li hija kisbet taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (iktar ’il quddiem is-“sussidju FEŻR”).

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni dwar il-Fondi Strutturali

    3        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar il-kompiti tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu (ĠU L 185, p. 9), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2052/88”), jipprovdi:

    “Kontabbiltà u kontroll

    1. L-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali jew mill-BEI jew minn strument finanzjarju ieħor eżsitenti għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-trattati u ta’ l-atti adottati fuq il-bażi tagħhom, kif ukoll mal-linji ta’ politika Komunitarji, inklużi dawk li jikkonċernaw […] l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4        L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 4253/88 jipprovdi:

    “Kontroll finanzjarju

    1. Sabiex jiġi ggarantit is-suċċess ta’ l-azzjonijiet immexxija minn promoturi pubbliċi jew privati, l-Istati Membri għandhom jieħdu, fl-implementazzjoni ta’ l-azzjonijiet, il-miżuri neċessarji sabiex:

    –        jivverifikaw regolarment li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità kienu tmexxew korrettement,

    –        jipprevjenu u jsegwu l-irregolaritajiet,

    –        jirkupraw il-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli sussidjarjament għall-ħlas lura ta’ l-ammonti mħallsa indebitament, ħlief meta l-Istat Membru u/jew l-intermedjarju u/jew il-promotur juru li ma humiex responsabbli għall-abbuż jew negliġenza. […].

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ttieħdu għal dan l-għan u, b’mod partikolari, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-deskrizzjoni tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ amministrazzjoni stabbiliti sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni effikaċi ta’ l-azzjonijiet. Huma għandhom jinfurmaw regolarment lill-Kummissjoni bil-progress tal-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/1060/KE, tas-16 ta’ Diċembru 1994, dwar l-approvazzjoni tad-Dokument Uniku ta’ Programmar għall-interventi strutturali Komunitarji fir-reġjun Centre li jaqa’ taħt l-Objettiv 2 fi Franza (ĠU L 384, p. 83) jipprovdi:

    “Id-Dokument Uniku ta’ Programmar għandu jiġi eżegwit b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, dawk […] tad-direttivi Komunitarji li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Id-Direttiva 92/50/KEE

    6        L-Artikolu 1(a)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110) (iktar ’il quddiem id-Direttiva 92/50”), jiddefinixxi l-“kuntratti ta’ servizz pubbliku” [kuntratti pubbliċi għal servizzi] bħala li huma fil-prinċipju kuntratti għal interess pekunarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, filwaqt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(b) ta’ din id-direttiva jindika li huma fil-prinċipju kkunsidrati bħala “awtoritajiet kontraenti” l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, il-korpi rregolati mil-liġi pubblika, l-assoċjazzjonijiet ifformati minn xi waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi rregolati mil-liġi pubblika.

    7        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/50 jipprovdi li din id-direttiva għandha tapplika għal kuntratti pubbliċi għal servizzi li l-valur stmat tagħhom, mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud, jammonta għal jew jaqbeż EUR 200 000.

     Ir-Regolament Nru 2988/95

    8        Skont it-tielet u l-ħames premessi tar-Regolament Nru 2988/95, “atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha”, u, f’dan ir-rigward, “mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skond dan ir-Regolament”.

    9        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

    “1. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

    2. Għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

    10      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

    “1. Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

    F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

    It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

    […]

    3. L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragraf[u] 1 […]”

    11      L-Artikolu 4(1) u (4) tal-istess regolament jistipula:

    “1. Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b'mod skorrett:

    – permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

    […]

    4. Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

     Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12      Fil-5 ta’ Diċembru 1995, iċ-CCI tal-Indre ppreżentat quddiem il-préfet [rappreżentant statali] tal-Indre applikazzjoni għal sussidju taħt il-FEŻR sabiex issir operazzjoni bl-isem “Objectif Entreprises” intiża għat-tfittix ta’ investituri Franċiżi u barranin li jistgħu jistabbilixxu ruħhom fir-reġjun tal-Indre.

    13      Din l-applikazzjoni wasslet għall-iffirmar, fl-20 ta’ Diċembru 1996, ta’ ftehim bejn il-préfet tal-Indre u ċ-CCI tal-Indre dwar l-għoti ta’ sussidju FEŻR fl-ammont totali ta’ FRF 400 000 (EUR 60 979.60). Il-ftehim inkluda b’mod partikolari riferimenti għar-Regolamenti Nru 2081/93 u Nru 2082/93. Din l-għajnuna tħallset f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda, f’ammont ta’ FRF 100 000, fis-17 ta’ Diċembru 1997 u t-tieni waħda, f’ammnot ta’ FRF 300 000, fit-8 ta’ Diċembru 1998.

    14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li ċ-CCI tal-Indre bbenefikat għal din l-istess operazzjoni minn żewġ sussidji nazzjonali. Awtoritajiet territorjali oħra pprovdew ukoll finanzjamenti supplimentari għal din l-operazzjoni.

    15      L-eżekuzzjoni tal-operazzjoni “Objectif Entreprises” tat lok għal verifika skont ittra ta’ inkarigu tal-préfet tar-reġjun Centre tad-9 ta’ Mejju 2000. Din il-verifika, li saret fil-bini taċ-CCI fl-14 ta’ Ġunju 2000, ġiet konkluża bl-adozzjoni ta’ rapport tal-14 ta’ Marzu 2001, li ntbagħat, fit-18 ta’ Lulju 2001, liċ-CCI tal-Indre. Dan ir-rapport, bl-isem “Audit sur l’utilisation des Fonds structurels européens”, ikkonkluda b’mod partikolari li kien hemm nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-kuntratti pubbliċi f’dak li jirrigwarda l-għoti miċ-CCI tal-Indre lill-kumpannija DDB-Needham tal-kuntratt tal-implementazzjoni ta’ din l-operazzjoni.

    16      F’dan ir-rigward, dan ir-rapport indika li ċ-CCI tal-Indre kien organizza proċedura ta’ sejħa għal offerti li tat lok għal pubblikazzjoni fil-bulletin officiel des annonces des marchés publics (B.O.A.M.P.) tal-4 ta’ Novembru 1995. Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni tal-Kuntratti taċ-CCI tal-Indre, li ltaqgħet fit-8 ta’ Diċembru 1995, iddeċidiet li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lill-kumpannija DDB-Needham, billi indikat li din l-offerta kellha tintgħażel bi preferenza għall-unika offerta oħra ammissibbli minħabba l-kontenut vantaġġuż tal-proġett u l-livell iktar baxx tal-ispejjeż proposti minn din il-kumpannija.

    17      Madankollu, ir-rapport irrileva, minn naħa, li l-kuntratt konkluż bejn iċ-CCI tal-Indre u l-kumpannija DDB-Needham ma kienx jinkludi data ta’ ffirmar u, min-naħa l-oħra, li nota sommarja li tippreżenta l-fajl tal-operazzjoni ntbagħtet miċ-CCI tal-Indre, fis-27 ta’ Settembru 1995, lill-préfet tal-Indre bl-indikazzjoni li “l-għażla taċ-[CCI] kienet tal-aġenzija DDB-Needham”.

    18      Għalhekk, dan ir-rapport ikkonkluda li “dawn l-elementi huma ta’ natura li jippermettu li jitqies li l-proċedura sussegwenti ta’ sejħa għal offerti kellha biss bħala għan ir-regolarizzazzjoni formali tas-sitwazzjoni ta’ dritt diġà eżistenti taħt il-kuntratt (mingħajr data)”. Peress li dawn id-diskrepanzi tad-data implikaw bħala fatt irregolarità, dan l-istess rapport indika li l-osservanza tar-regoli li jirrigwardaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, setgħet twassal għal offerta bi prezz irħas. Konsegwentement, l-awturi ta’ dan ir-rapport qiesu li din l-ipoteżi kienet ta’ natura li tiġġustifika talba għall-ħlas lura tas-sussidju FEŻR kollu.

    19      B’deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2002, il-préfet tal-Indre indika liċ-CCI tal-Indre li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għar-reklutaġġ ta’ fornitur ta’ servizzi inkarigat bl-implementazzjoni tal-operazzjoni “Objectif Entreprises”, is-sussidji, b’mod partikolari dawk miksuba taħt il-FEŻR, kellhom jiġu rrimborsati.

    20      Iċ-CCI tal-Indre oppona l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ ħlas maħruġa mill-préfet tal-Indre u li kienu ekwivalenti għall-ammonti pretiżi. Din l-oppożizzjoni ġiet miċħuda b’deċiżjoni impliċita tat-trésorier-payeur général [il-paymaster general].

    21      Għalhekk, iċ-CCI tal-Indre ppreżenta azzjonijiet, intiżi b’mod partikolari għall-annullament tad-deċiżjoni tal-préfet tal-Indre tat-23 ta’ Jannar 2002, quddiem it-tribunal administratif de Limoges [Qorti Amministrattiva ta’ Limoges] li ċaħdithom b’sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2004.

    22      Adita miċ-CCI tal-Indre, il-cour administrative d’appel de Bordeaux (Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Bordeaux) annullat, b’sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, dawn is-sentenzi kif ukoll, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-préfet tal-Indre tat-23 ta’ Jannar 2002 u l-ordnijiet ta’ ħlas maħruġa minnu. F’dan ir-rigward, din il-qorti kkunsidrat li s-Servizzi tal-préfet ġew informati, b’posta li ntbagħtitilhom fis-27 ta’ Settembru 1995 miċ-CCI tal-Indre, bl-għażla ta’ din tal-aħħar li tirrikorri għas-servizzi tal-kumpannija DDB-Needham. Għalhekk, dawn is-Servizzi kienu informati b’din l-għażla qabel ma nbdiet il-proċedura tas-sejħa għal offerti peress li, minn naħa, il-Kummissjoni tal-Kuntratti li pproponiet li żżomm il-kandidatura ta’ din il-kumpannija ltaqgħet fit-8 ta’ Diċembru 1995, u min-naħa l-oħra, il-kuntratt ġie ffirmat fid-29 ta’ Mejju 1996 fil-preżenza tal-istess préfet.

    23      Filwaqt li kkonstatat li ċ-CCI tal-Indre injorat ir-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-għoti ta’ dan il-kuntratt, li barra minn hekk lanqas ma ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-cour administrative d’appel de Bordeaux ikkunsidrat madankollu li l-ftehim konkluż bejn il-préfet tal-Indre u ċ-CCI tal-Indre li jipprovdi għall-għoti tas-sussidju FEŻR ma għamel ebda riferiment għall-għoti ta’ kuntratt, li dan il-ftehim ma pprovdiex għall-komunikazzjoni tad-dokumenti kollha li jippermettu verifika tal-osservanza tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u, finalment, li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 ma kellux bħala għan jew bħala effett il-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jirtiraw l-għajnuna finanzjarja minn fondi Komunitarji minbarra s-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.

    24      Għalhekk, il-cour administrative d’appel de Bordeaux ikkonkludiet, minn naħa, li ebda dispożizzjoniji invokata mill-amministrazzjoni konvenuta u ebda stipulazzjoni tal-ftehim tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar is-sussidju FEŻR ma pprovdew li l-għoti ta’ dan tal-aħħar kellu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-kuntratti eventwalment konklużi miċ-CCI tal-Indre għall-implementazzjoni ta’ din l-operazzjoni kellhom josservaw ir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Min-naħa l-oħra, din il-qorti qieset li, peress li s-Servizzi tal-Istat kienu informati bl-għażla tal-kumpannija DDB-Needham sa mis-27 ta’ Settembru 1995, f’dan il-każ qabel ma nbdiet il-proċedura tas-sejħa għal offerti, is-sussidji mogħtija wara ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li kienu impliċitament suġġetti għall-osservanza ta’ din il-kundizzjoni.

    25      B’rikors ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2007 quddiem il-Conseil d’État, il-ministre de l’Intérieur, de l’Outre-mer, des Collectivités territoriales et de l’Immigration ressaq appell mis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007 tal-cour administrative d’appel de Bordeaux.

    26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ bażi legali li minnha jirriżulta obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija liċ-CCI:

    Meta awtorità kontraenti li tkun il-benefiċjarja ta’ sussidji mogħtija taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ma tosservax regola jew regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-kuntest tat-twettiq tal-azzjoni ssusidjata, u meta, barra minn hekk, ikun paċifiku li l-azzjoni hija eliġibbli għal dan il-fond u tkun effettivament twettqet, teżisti dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 […] u fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 […], li tistabbilixxi obbligu ta’ rkupru tas-sussidji? Jekk teżisti tali dispożizzjoni, tali obbligu japplika għal kull nuqqas li jiġu osservati r regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew japplika biss għal nuqqas fir-rigward ta’ uħud minn dawn ir-regoli? F’dan il-każ tal-aħħar, fir-rigward ta’ liema regoli?

    2)      Fil-każ ta’ risposta minn tal-inqas parzjalment pożittiva għall-ewwel domanda, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ rkupru ta’ għajnuna mħallsa indebitament:

    a)      In-nuqqas ta’ osservanza, minn awtorità kontraenti li tkun il-benefiċjarja ta’ għajnuna mogħtija taħt il-FEŻR, ta’ regola jew regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fir-rigward tal-għażla tal-fornitur inkarigat bit-twettiq tal-azzjoni sussidjata, jikkostitwixxi irregolarità fis-sens tar-Regolament Nru 2988/95? Il-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti ma setgħetx ma tkunx taf, meta ddeċidiet li tagħti l-għajnuna mitluba taħt il-FEŻR, li l-operatur benefiċjarju kien kiser ir-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi fir-rigward tal-għażla, saħansitra qabel l-għoti tal-għajnuna, tal-fornitur inkarigat sabiex iwettaq l-azzjoni ffinanzjata minn din l-għajnuna, huwa ta’ natura li jkollu impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ irregolarità fis-sens tar-Regolament Nru 2988/95?

    b)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda 2(a) u sa fejn, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja [f’sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et (C-278/07 sa C-280/07, Ġabra p. I‑457)], it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 japplika għall-miżuri amministrattivi bħall-irkupru ta’ għajnuna riċevuta indebitament minn operatur minħabba irregolaritajiet imwettqa minnu:

    –        il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi ffissat bħala d-data tal-ħlas tal-għajnuna lill-benefiċjarju tagħha jew bħala d-data tal-użu, minn dan tal-aħħar, tas-sussidju riċevut sabiex jitħallas il-fornitur magħżul bi ksur ta’ regola jew regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi?

    –        dan it-terminu għandu jitqies li huwa miksur mit-trażmissjoni, mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-benefiċjarju tas-sussidju, ta’ rapport ta’ kontroll li jikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li jirrakkomanda lill-awtorità nazzjonali tikseb bħala konsegwenza l-ħlas lura tas-somom imħallsa?

    –        meta Stat Membru juża l-possibbiltà li jagħtih l-Artikolu 3(3) tar Regolament Nru 2988/95 li japplika terminu ta’ preskrizzjoni itwal, b’mod partikolari meta jiġi applikat, fi Franza, it-terminu tad-dritt komuni previst, fid-data meta seħħew il-fatti inkwistjoni, fl-Artikolu 2262 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, li jipprovdi: ‛Toutes les actions, tant réelles que personnelles, sont prescrites par trente ans [...]’ (‛L-azzjonijiet kollha, kemm reali u kemm personali, jaqgħu bil preskrizzjoni għeluq tletin sena […]’), il-kompatibbiltà ta’ tali terminu mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-tul massimu ta’ preskrizzjoni prevista mit-test nazzjonali li jservi bħala bażi legali għat-talba għall-irkupru tal-amministrazzjoni nazzjonali jew inkella fid-dawl tat-terminu effettivament implementat fil-każ ineżami?

    c)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 2(a), l-interessi finanzjarji tal-Komunità jipprekludu li, għall-ħlas ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża ineżami, il-qorti tapplika regoli nazzjonali dwar l-irtirar ta’ deċiżjonijiet li jistitwixxu drittijiet, liema regoli jipprovdu, ħlief fil-każijiet ta’ ineżistenza, ta’ kisba frawdolenti, jew ta’ talba mill-benefiċjarju, li l-amministrazzjoni tista’ tirtira deċiżjoni individwali li tistitwixxi drittijiet, jekk tkun illegali, biss fi żmien erba’ xhur mit-teħid ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li deċiżjoni amministrattiva individwali tista’, madankollu, b’mod partikolari meta tkun tikkonċerna l-ħlas ta’ għajnuna, tkun marbuta b’kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni li l-applikazzjoni tagħhom tippermetti l-irtirar tal-għajnuna inkwistjoni mingħajr kundizzjoni ta’ żmien – u dan dejjem fid-dawl tal-fatt li l-Conseil d’État iddeċieda li kien hemm lok li din ir-regola nazzjonali tiġi interpretata fis-sens li ma tistax tiġi invokata mill-benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija indebitament skont test Komunitarju ħlief jekk dan kien in bona fide?”

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    27      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tielet inċiż tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2052/88, jikkostitwixxix bażi legali li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jirkupraw, mingħand il-benefiċjarju, l-intier ta’ sussidju mogħti taħt il-FEŻR minħabba li, fil-kwalità tiegħu ta’ “awtorità kontraenti” fis-sens tad-Direttiva 92/50, dan il-benefiċjarju ma osservax l-istipulazzjonijiet ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li kellu bħala għan l-implementazzjoni tal-operazzjoni li abbażi tagħha dan il-benefiċjarju ngħata dan is-sussidju.

    28      Għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li ċ-CCI tal-Indre kellha l-kwalità ta’ awtorità kontraenti, li l-ammont tal-kuntratt pubbliku għal servizzi inkwistjoni kien ogħla mil-limitu ta’ EUR 200 000 previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/50 u li, għall-finijiet tal-għoti ta’ dan il-kuntratt, iċ-CCI tal-Indre ma osservatx ir-regoli tal-għoti ta’ dan it-tip ta’ kuntratt previsti mid-Direttiva 92/50, b’mod partikolari peress li hija kienet diġà għażlet il-kokontraent tagħha qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt u, barra minn hekk, dan l-avviż ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    29      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2052/88, il-finanzjament Komunitarju ta’ proġett huwa suġġett għall-osservanza mill-benefiċjarju ta’ proċeduri tal-għoti ta’ “kuntratti ta’ servizz pubbliku” [kuntratti pubbliċi għal servizzi] fis-sens tad-Direttiva 92/50, meta tali benefiċjarju jkun “awtorità kontraenti”, fis-sens ta’ din id-direttiva, u li l-kuntratt pubbliku li permezz tiegħu dan il-benefiċjarju jintendi jimplementa dan il-proġett jaqbeż il-limitu previst l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/50 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et, C‑44/96, Ġabra p. I‑73, punti 48 u 49).

    30      Skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, l-Istati Membri għandhom jieħdu, bil-għan li jiggarantixxu s-suċċess tal-azzjonijiet ġestiti mill-promoturi pubbliċi jew privati, il-miżuri neċessarji, fl-implementazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, sabiex jivverifikaw regolarment li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea ġew ġestiti korrettament, jipprekludu u jieħdu azzjoni kontra l-irregolaritajiet u kif ukoll sabiex jirkupraw il-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, C‑383/06 sa C‑385/06, Ġabra p. I‑1561, punt 37).

    31      Peress li mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2052/88 jirriżulta b’mod espliċitu li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni għandhom jiġu ġestiti b’konformità sħiħa mad-direttivi li jirrigwardaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-ksur mill-benefiċjarju ta’ sussidju tal-Unjoni, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, tar-regoli previsti mid-Direttiva 92/50 għall-implementazzjoni tal-operazzjoni koperta minn dan is-sussidju jikkostitwixxi irregolarità bħalma hija dik prevista fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 u l-imġiba ta’ dan il-benefiċjarju għandha tiġi kklassifikata, skont il-każ, bħala “abbuż” jew bħala “negliġenza”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    32      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2052/88, meta l-eżami ta’ azzjoni ffinanzjata mill-FEŻR juri ksur tal-kundizzjonijiet previsti għall-implementazzjoni ta’ din l-azzjoni, f’dan il-każ il-kundizzjoni marbuta mal-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta l-benefiċjarju tal-finanzjament għandu l-kwalità ta’ awtorità kontraenti, l-Istat Membru li jkun ta għajnuna finanzjarja mill-FEŻR jista’, sabiex jipprekludi u jieħu azzjoni kontra l-irregolaritajiet, jirrevoka din l-għajnuna u jitlob mingħand dan il-benefiċjarju r-rimbors ta’ dan il-finanzjament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2004, COPPI, C‑271/01, Ġabra 2004 p. I‑1029, punt 48).

    33      F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 4253/88 jikkostitwixxi l-bażi legali rilevanti għall-finijiet tal-irkupru u mhux ir-Regolament Nru 2988/95, li sempliċement jistabbilixxi r-regoli ġenerali ta’ kontrolli u ta’ sanzjonijiet bl-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Huwa għaldaqstant fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 23(1) li dan l-irkupru għandu jsir (ara s-sentenza Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

    34      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, kull eżerċizzju, mill-Istat Membru inkwistjoni, ta’ setgħa diskrezzjonali fir-rigward ta’ jekk għandux jew le jeżiġi l-ħlas lura tal-fondi Komunitarji mogħtija indebitament jew irregolarment ikun inkompatibbli mal-obbligu li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 jimponi fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali li jirkupraw il-fondi mħallsa indebitament jew irregolarment (ara s-sentenza Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

    35      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament 4253/88 joħloq obbligu għall-Istati Membri, mingħajr ma hija neċessarja awtorizzazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali, li jirkupraw il-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza (ara s-sentenza Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

    36      Dwar dan l-aspett, għandu jiġi osservat, kif il-Gvern Franċiż isostni, li, minħabba tali irregolarità, il-fondi indebitament miksuba jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza” ta’ dan il-benefiċjarju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, filwaqt li jirreferi għal-obbligu ta’ rkupru tal-“fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza”, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 jispeċifika sussegwentement li, minbarra l-każ fejn l-Istat Membru u/jew l-intermedjarju u/jew il-promotur iġibu prova li l-abbuż jew in-negliġenza ma huwiex imputabli lilhom, l-Istat Membru huwa sussidjarjament responsabbli għar-rimbors tas-“somom indebitament imħallsa”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tassimila dawn iż-żewġ kunċetti.

    37      Fil-kawża prinċipali, tqum ukoll il-kwistjoni ta’ jekk, meta, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-azzjoni, il-benefiċjarju ta’ sussidju, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, injora r-regoli applikabbli għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi, l-awtorità nazzjonali tistax, fuq il-bażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, titlob ir-rimbors tal-intier tal-imsemmi sussidju, anki jekk l-azzjoni, iffinanzjata parzjalment mill-FEŻR, tkun fil-fatt ġiet implementata.

    38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-ksur tal-obbligi li l-osservanza tagħhom għandha importanza fundamentali għall-funzjonament ta’ sistema Komunitarja, bħall-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 92/50 fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-FEŻR, jista’ jiġi ssanzjonat bit-telf ta’ dritt li joħroġ mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1995, Cereol Italia, C‑104/94, Ġabra p. I‑2983, punt 24; tal-24 ta’ Jannar 2002, Conserve Italia vs Il-Kummissjoni, C‑500/99 P, Ġabra p. I-867, punt 100 sa 102, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Diċembru 2004, APOL u AIPO vs Il-Kummissjoni, C‑222/03 P, punt 53).

    39      Min-naħa l-oħra, l-irkupru ta’ somom mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza ma huwiex applikabbli biss fil-każijiet fejn l-azzjoni ffinanzjata mill-Fondi Strutturali ma tkunx ġiet implementata kompletament jew parzjalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, C‑240/03 P, Ġabra p. I‑731, punt 77).

    40      Minkejja li ċertament ma huwiex eskluż, kif il-Kummissjoni tenfasizza, li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-konstatazzjoni ta’ irregolarità żgħira twassal biss għal rimbors parzjali tal-fondi mħallsa, għandu madankollu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, meta, fil-kuntest ta’ azzjoni ffinanzjata mill-FEŻR, jiġi kkonstatat ksur mill-benefiċjarju ta’ wieħed mill-obbligi fondamentali previsti mid-Direttiva 92/50, bħalma huwa l-fatt li jkun iddeċieda li jagħti kuntratt pubbliku għal servizzi qabel ma jkun għamel il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni, barra minn hekk, ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-possibbiltà li tali irregolarità tiġi ssanzjonata bit-tħassir komplet tal-għajnuna hija l-unika waħda li tista’ tipprovdi l-effett disważiv neċessarju għall-ġestjoni tajba tal-Fondi Strutturali (ara, b’analoġija, is-sentenza Conserve Italia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101).

    41      Fid-dawl tal-premess, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tielet inċiż tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2052/88, jikkostitwixxi bażi legali li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, mingħajr ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni taħt id-dritt nazzjonali, jirkupraw mingħand il-benefiċjarju s-sussidju kollu mogħti taħt il-FEŻR minħabba li, fil-kwalità tiegħu ta’ “awtorità kontraenti” fis-sens tad-Direttiva 92/50, dan il-benefiċjarju ma osservax l-istipulazzjonijiet ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li kellu bħala għan l-implementazzjoni tal-operazzjoni li abbażi tagħha dan il-benefiċjarju ngħata dan is-sussidju.

     Fuq id-domanda 2(a)

    42      Permezz tad-domanda 2(a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ksur, minn awtorità kontraenti li tibbenefika minn sussidju FEŻR, tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-Direttiva 92/50 fl-għoti tal-kuntratt intiż għall-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata jikkostitwixxix “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, u, jekk dan huwa l-każ, jekk il-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti ma setgħetx tinjora, fl-għoti ta’ dan is-sussidju, il-fatt li l-benefiċjarju kien diġà ddeċieda l-identità tal-fornitur lil min kien ser jafda l-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata għandux effett fuq din il-klassifikazzjoni.

    43      Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, jikkostitwixxi irregolarità kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni jew il-baġits immexxija minnha, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħha stess miġbura direttament għan-nom tal-Unjoni, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.

    44      Il-kunċett ta’ “irregolarità”, fis-sens tar-Regolament Nru 2988/95, jipprevedi l-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew minn nuqqas ta’ operatur ekonomiku b’mod li r-regola tal-preskrizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament ma hijiex intiża li tapplika għall-proċeduri legali fir-rigward ta’ irregolaritajiet li jirriżultaw minn żbalji tal-awtoritajiet nazzjonali li jagħtu vantaġġ finanzjarju f’isem u għan-nom tal-baġit tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2009, Bayerische Hypotheken- und Vereinsbank, C‑281/07, Ġabra p. I‑91, punti 20 sa 22).

    45      F’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja l-kwalità tagħha ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, iċ-CCI tal-Indre, bħala benefiċjarju ta’ sussidju mill-baġit tal-Unjoni, tista’ tiġi assimilata, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, ma’ operatur ekonomiku akkużat bi ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Issa, f’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-allegat ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-Direttiva 92/50 jirriżulta minn att taċ-CCI tal-Indre u mhux mill-awtorità li tatha sussidju FEŻR f’isem u għan-nom tal-baġit tal-Unjoni.

    46      Peress li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2052/88, il-Fondi Strutturali ma jistgħux iservu sabiex jiffinanzjaw azzjonijiet ġestiti bi ksur tad-Direttiva 92/50, il-ksur mill-benefiċjarju ta’ sussidju FEŻR, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi bil-għan li tiġi implementata l-azzjoni ssussidjata jinvolvi spiża indebita u għalhekk joħloq preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni.

    47      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li anki irregolaritajiet li ma għandhomx effett finanzjarju speċifiku jistgħu jaffettwaw serjament l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra p. I‑8027, punt 31).

    48      Fir-rigward tal-fatt li l-awtoritajiet kompetenti kienu informati mill-benefiċjarju tas-sussidju bl-għażla tal-kokontraenti anki qabel ma nbdiet il-proċedura tas-sejħa għal offerti intiża għall-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, dan ma għandu, bħala tali, ebda effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ “irregolarità” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Emsland-Stärke, C‑94/05, Ġabra p. I‑2619, punt 62).

    49      Fid-dawl tal-premess, għad-domanda 2(a) għandha tingħata r-risposta li n-nuqqas ta’ osservanza, minn awtorità kontraenti li tibbenefika minn sussidju FEŻR, tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tad-Direttiva 92/50 fl-għoti tal-kuntratt intiż għall-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, anki meta l-awtorità nazzjonali kompetenti ma setgħetx ma tkunx taf, meta ngħata dan is-sussidju, li l-benefiċjarju kien diġà ddeċieda l-identità tal-fornitur lil min huwa kien ser jafda l-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata.

     Fuq l-ewwel u t-tieni inċiżi tad-domanda 2(b)

    50      Bl-ewwel u t-tieni inċiżi tad-domanda 2(b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’ċirkustanzi fejn, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, il-benefiċjarju ta’ sussidju FEŻR ma osservax ir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tad-Direttiva 92/50 fl-għoti tal-kuntratt intiż għall-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata, minn meta jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u jekk tali terminu ta’ preskrizzjoni huwiex interrott, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 3(1), bin-notifika lill-benefiċjarju tas-sussidju ta’ rapport ta’ verifika li jikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u jirrakkomanda lill-awtorità nazzjonali sabiex teżiġi konsegwentement ir-rimbors tal-ammonti mħallsa.

    51      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jintroduċi “regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità”, u dan, kif jirriżulta mit-tielet premessa ta’ dan ir-regolament, sabiex “atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha”.

    52      Bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 u, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam u li biha ried, minn naħa, jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, jirrinunzja għall-possibbiltà ta’ rkupru tal-ammonti indebitament miksuba mill-baġit tal-Unjoni wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ erba’ snin mit-twettiq tal-irregolarità li taffettwa l-ħlasijiet ikkontestati (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Corman, C‑131/10, Ġabra p. 1‑14199, punt 39, kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, C‑201/10 u C‑202/10, Ġabra p. 1‑3545, punt 24).

    53      Din ir-regola ta’ preskrizzjoni hija applikabbli għall-irregolaritajiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, Ġabra p. I‑6171, punt 34, kif ukoll Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

    54      Fil-kawża prinċipali u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bidu ta’ dekorrenza tal-preskrizzjoni, jekk għandhiex tqis id-data tal-ħlas tal-għajnuna lill-benefiċjarju tagħha jew id-data li fiha dan il-benefiċjarju uża dan is-sussidju sabiex iħallas lill-fornitur magħżul b’nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi previsti mid-Direttiva 92/50.

    55      F’dan ir-rigward, peress li fondi tal-baġit tal-Unjoni ma jistgħux jintużaw fil-kuntest ta’ azzjonijiet implementati bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50, għandu jiġi kkunsidrat li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fondi mogħtija lill-benefiċjarju jassumu natura indebita sa mill-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet minn dan il-benefiċjarju.

    56      Fir-rigward ta’ tali ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti previsti mid-Direttiva 92/50, li ġiet adottata bil-għan li tneħħi l-ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi u sabiex tipproteġi l-interessi tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru li jkunu jixtiequ jipprovdu servizzi lill-awtoritajiet kontraenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, Ġabra p. I‑7725, punt 32), għandu jitfakkar li l-preġudizzju għall-moviment liberu tas-servizzi minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 jissussisti matul iż-żmien kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi bi ksur ta’ din id-direttiva (ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑20/01 u C‑28/01, Ġabra p. I‑3609, punt 36, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑503/04, Ġabra p. I‑6153, punt 29).

    57      Fil-fatt, jekk huwa veru li ċerti dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jawtorizzaw lill-Istati Membri jżommu l-effetti ta’ kuntratti konklużi bi ksur ta’ dawn id-direttivi u b’hekk jipproteġu l-aspettattivi leġittimi tal-kokontraenti, dawn madankollu ma jistgħux, mingħajr ma titnaqqas il-portata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jistabbilixxu s-suq intern, ikollhom l-effett li l-aġir tal-awtorità kontraenti fir-rigward tal-baġit tal-Unjoni jiġi kkunsidrat li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni wara l-konklużjoni ta’ tali kuntratti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 39, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 33).

    58      Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ksur mill-benefiċjarju ta’ sussidju FEŻR tar-regoli previsti mid-Direttiva 92/50 bil-għan li tiġi implementata l-azzjoni ssussidjata, liema ksur jinvolvi spiża indebita u għalhekk preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni, jissussisti matul iż-żmien kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż b’mod illegali bejn il-fornitur u l-benefiċjarju ta’ dan is-sussidju b’mod li tali irregolarità għandha tiġi kkunsidrata bħala “irregolarità kontinwa”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    59      Skont din id-dispożizzjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru tas-sussidju indebitament imħallas lill-benefiċjarju jiddekorri mill-jum li fih l-irregolarità tintemm. Konsegwentement, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-kuntratt intiż għall-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata mill-FEŻR ma ġiex rexiss iżda ġie eżegwit, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jibda jiddekorri mill-jum li fih il-kuntratt pubbliku mogħti b’mod illegali jiġi eżegwit.

    60      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk in-notifika ta’ verifika li tikkonstata il-ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tikkostitwixxix att ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri legali dwar l-irregolarità li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jiġi mfakkar li t-termini ta’ preskrizzjoni jaqdu, b’mod ġenerali, il-funzjoni li tiġi ggarantita ċ‑ċertezza legali u li tali funzjoni ma tkunx sodisfatta kompletament jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ikun jista’ jiġi interrott b’kull att ta’ kontroll, ta’ natura ġenerika, mill-amministrazzjoni nazzjonali li ma jkunx relatat ma’ suspetti ta’ irregolaritajiet rigward operazzjonijiet li jkunu ċirkoskritti bi preċiżjoni suffiċjenti (ara s-sentenza Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

    61      Madankollu, meta l-awtoritajiet nazzjonali jibagħtu lil persuna rapport li jirrimarka irregolarità li għaliha hija kkontribwixxiet inkonnessjoni ma’ operazzjoni speċifika, jitolbuha informazzjoni addizzjonali dwar din l-operazzjoni jew saħansitra japplikaw, fil-konfront ta’ din il-persuna, sanzjoni inkonnessjoni mal-imsemmija operazzjoni, dawn l-awtoritajiet ikunu qegħdin jadottaw atti suffiċjentement preċiżi intiżi għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri legali fir-rigward tal-irregolarità fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, Ġabra p. 1‑10761, punt 69).

    62      Fid-dawl tal-premess, għall-ewwel u t-tieni inċiżi tad-domanda 2(b) għandha tingħata r-risposta li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, fejn, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, il-benefiċjarju ta’ sussidju FEŻR ma jkunx osserva r-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tad-Direttiva 92/50 fl-għoti tal-kuntratt intiż għall-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata:

    –        l-irregolarità inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala “irregolarità kontinwa” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, u, konsegwentement, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst minn din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-irkupru tas-sussidju indebitament imħallas lil dan il-benefiċjarju għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih il-kuntratt pubbliku mogħti b’mod illegali jiġi eżegwit;

    –        in-notifika lill-benefiċjarju tas-sussidju ta’ rapport ta’ verifika li jikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li jirrakkomanda lill-awtorità nazzjonali teżiġi konsegwentement ir-rimbors tal-ammonti mħallsa tikkostitwixxi att suffiċjentement speċifiku intiż għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri legali fir-rigward tal-“irregolarità”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

     Fuq it-tielet inċiż tad-domanda 2(b)

    63      Bit-tielet inċiż tad-domanda 2(b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, Stat Membru jistax japplika għall-irkupru ta’ vantaġġ indebitament miksub mill-baġit tal-Unjoni terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena bħala terminu ta’ preskrizzjoni itwal fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95.

    64      Fil-kuntest tal-possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni, l-Istati Memrbi għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-iffissar ta’ termini ta’ preskrizzjoni itwal li huma jkollhom l-intenzjoni li japplikaw f’każ ta’ irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenza Corman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

    65      Madankollu, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li fir-rigward tiegħu l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, jew anki ta’ tliet snin, kien diġà fih innifsu terminu suffiċjenti sabiex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu fir-rigward ta’ irregolarità li tippreġudika dawn l-interessi finanzjarji u li jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ miżura bħall-irkupru ta’ vantaġġ miksub indebitament, jidher li l-fatt li l-awtoritajiet jingħataw terminu ta’ tletin sena jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal amministrazzjoni diliġenti (ara s-sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

    66      Għalhekk, għat-tielet inċiż tad-domanda 2(b) għandha tingħata r-risposta li, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi, fil-kuntest tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-possibbiltà lilhom mogħtija mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena għall-irkupru ta’ vantaġġ indebitament miksub mill-baġit tal-Unjoni.

     Fuq id-domanda 2(c)

    67      Din id-domanda tressqet biss fil-każ li tingħata risposta negattiva għad-domanda 2(a).

    68      Fid-dawl tar-risposta pprovduta għal din l-aħħar domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda 2(c) tal-qorti tar-rinviju.

     Fuq l-ispejjeż

    69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      F’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tielet inċiż tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88, fir-rigward tal-koordinazzjoni bejn l-interventi tad-diversi Fondi Strutturali, min-naħa waħda, u bejniethom u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, tal-20 ta’ Lulju 1993, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar il-kompiti tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, tal-20 ta’ Lulju 1993, jikkostitwixxi bażi legali li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, mingħajr ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni taħt id-dritt nazzjonali, jirkupraw mingħand il-benefiċjarju l-intier ta’ sussidju mogħti taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fuq il-bażi li, fil-kwalità tiegħu ta’ “awtorità kontraenti”, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, dan il-benefiċjarju ma osservax l-istipulazzjonijiet ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li kellu bħala għan l-implementazzjoni tal-operazzjoni li abbażi tagħha dan il-benefiċjarju ngħata dan is-sussidju.

    2)      In-nuqqas ta’ osservanza, minn awtorità kontraenti li tibbenefika minn sussidju FEŻR, tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tad-Direttiva 92/50, kif emendata bid-Direttiva 93/36, fl-għoti tal-kuntratt intiż għall-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea [tal-Komunitajiet Ewropej], anki meta l-awtorità nazzjonali kompetenti ma setgħetx ma tkunx taf, meta ngħata dan is-sussidju, li l-benefiċjarju kien diġà ddeċieda l-identità tal-fornitur lil min huwa kien ser jafda l-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata.

    3)      F’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, fejn, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, il-benefiċjarju ta’ sussidju FEŻR ma jkunx osserva r-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tad-Direttiva 92/50, kif emendata bid-Direttiva 93/36, fl-għoti tal-kuntratt intiż għall-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata:

    –        l-irrégularità inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala “irregolarità kontinwa” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u, konsegwentement, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst minn din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-irkupru tas-sussidju indebitament imħallas lil dan il-benefiċjarju għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih il-kuntratt pubbliku mogħti b’mod illegali jiġi eżegwit;

    –        in-notifika lill-benefiċjarju tas-sussidju ta’ rapport ta’ verifika li jikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li jirrakkomanda lill-awtorità nazzjonali teżiġi konsegwentement ir-rimbors tal-ammonti mħallsa tikkostitwixxi att suffiċjentement speċifiku intiż għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri legali fir-rigward tal-“irregolarità”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    4)      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi, fil-kuntest tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-possibbiltà lilhom mogħtija mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena għall-irkupru ta’ vantaġġ indebitament miksub mill-baġit tal-Unjoni.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq