EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0496

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-17 ta' Novembru 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Nuqqas ta’ eżekuzzjoni - Artikolu 228 KE - Sanzjonijiet pekunjarji.
Kawża C-496/09.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:740

Kawża C-496/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 228 KE — Sanzjonijiet pekunjarji”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna illegali — Motivi ta’ difiża — Impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 10 KE, 88(2) KE u 228(2) KE)

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Skop — Għażla tas-sanzjoni xierqa

(Artikolu 228(2) KE)

3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Kundanna għall-ħlas — Kundizzjoni — Nuqqas li jibqa’ jeżisti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 228(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, premessa 13)

4.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Forma tal-pagamenti ta’ penalità — Determinazzjoni tal-ammont — Kriterji

(Artikolu 228(2) KE)

5.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Determinazzjoni tal-ammont — Prova tal-progress tal-eżekuzzjoni li għandha tiġi prodotta mill-Istat Membru kkonċernat

(Artikolu 228(2) KE)

6.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-kanċellament tagħha — Determinazzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru — Obbligu ta’ rkupru — Portata

(Artikolu 88(2) KE; Artikoli 3(3) UE u 51 UE; Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni)

7.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Għajnuna mogħtija mill-Istati — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Modalitajiet ta’ estinzjoni tal-pagamenti ta’ penalità — Benefiċjarji f’diffikultà jew f’falliment — Assenza ta’ effett

(Artikolu 228(2) KE)

8.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Għajnuna mogħtija mill-Istati —Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Modalitajiet ta’ estinzjoni tal-pagamenti ta’ penalità – Ordnijiet ta’ rkupru li huma s-suġġett ta’ kontestazzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali — Obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali li jikkontestaw id-deċiżjonijiet nazzjonali li trendi ineffettiva d-deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 228(2) KE)

9.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza – Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Somma f’daqqa — Kumulu ta’ żewġ sanzjonijiet — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 228(2) KE)

10.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Obbligu — Dmir ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 88(2) KE)

1.        Meta deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżiġi l-kanċellazzjoni ta’ għajnuna mill‑Istat inkompatibbli mas-suq komuni ma kinitx is-suġġett ta’ kawża diretta jew meta tali azzjoni ġiet miċħuda, l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li tiġi eżegwita b’mod korrett l-imsemmija deċiżjoni. La l-biża’ ta’ diffikultajiet interni, anki jekk insormontabbli, u lanqas il-fatt li l-Istat Membru inkwistjoni jħoss il-ħtieġa li jivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata ma jistgħu jiġġustifikaw, għal dan il-għan, li dan ma josservax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

Għalhekk, id-dewmien li sar, wara l-ewwel sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mill-Istat Membru kkonċernat fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huwa essenzjalment dovut għad-dewmien tal-intervent tiegħu biex jirrimedja d-diffikultajiet ta’ identifikazzjoni u ta’ rkupru ta’ għajnuna ddikjarata illegali, ma tistax tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għal impossibbiltà assoluta ta’ natura temporanja tal‑eżekuzzjoni. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat informa lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet li nstabu fl-irkupru tal-imsemmija għajnuna u bis-soluzzjonijiet adottati biex jindirizzawhom.

(ara l-punti 30, 31)

2.        Fil-kuntest tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 228(2) KE, hija l-Qorti tal‑Ġustizzja, li għandha, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża mressqa quddiemha kif ukoll skont il-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha li jkun meħtieġ, tadotta s-sanzjonijiet pekunjarji li jkunu xierqa sabiex tiggarantixxi l-iktar eżekuzzjoni rapida possibbli tas‑sentenza li tkun preċedentement ikkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u sabiex tipprevjeni li ksur simili tad-dritt tal-Unjoni jerġa’ jseħħ. Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija minn din l-istituzzjoni.

Barra minn hekk, il-kuntest legali u fattwali ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jista’ jkun indikatur li l-prevenzjoni effettiva tar‑rikorrenza fil-futur ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni huwa tali li jeħtieġ l‑adozzjoni ta’ miżura dissważiva.

(ara l-punti 35-37, 89)

3.        L-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in‑nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill‑Qorti tal-Ġustizzja.

Dan huwa l-każ, fil-kuntest ta’ proċedura li hija intiża għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-irkupru ta’ għajnuna illegali, meta, fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali, l-Istat Membru li ta l-imsemmija għajnuna jkun għadu ma rkuprax parti sostanzjali minnha, u b’hekk jinħoloq ostaklu għal kompetizzjoni effettiva kif previst mill-premessa 13 tar‑Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE.

Il-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi għalhekk mezz finanzjarju adegwat sabiex dan tal-aħħar jiġi mħeġġeġ jadotta l‑miżuri neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni kompluta tad deċiżjoni tal‑Kummissjoni kif ukoll tas-sentenza preċedenti li stabbilixxiet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mogħtija fil-konfront tiegħu.

(ara l-punti 42, 44, 45)

4.        Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam, hija l-Qorti tal‑Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ikkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal‑Istat Membru kkonċernat.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji ta’ bażi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura obbligatorja tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall‑applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi pubbliċi u privati kif ukoll l-urġenza sabiex l‑Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu.

Fir-rigward ta’ kawża dwar in-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi għall-irkupru tal-għajnuna mħallsa, skont sistema ta’ għajnuna illegali, hemm lok li, bil-għan li tiġi ddeterminata l-forma tal‑pagamenti ta’ penalità, tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal‑operazzjonijiet li permezz tagħhom tiġi rkuprata l-imsemmija għajnuna, invokata minn Stat Membru li jagħti l-għajnuna.

Jekk ikun jidher li ser ikun partikolarment diffiċli għal dan l-Istat Membru biex jikseb, f’terminu qasir, eżekuzzjoni sħiħa tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni u, għalhekk, tas-sentenza preċedenti li stabbilixxiet in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mogħtija fil-konfront tiegħu, peress li l‑operazzjonijiet li jaqgħu taħtha jirrigwardaw numru kbir ta’ impriżi, l‑iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità li ma jkunux fissi iżda li jieħdu inkunsiderazzjoni l‑progress eventwali li jagħmel Stat Membru fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu tidher xierqa fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ u, għalhekk, proporzjonata man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat.

Għalhekk, il-ħlas perjodiku ta’ somma kkalkolata billi jiġi mmultiplikat ammont bażiku bil-perċentwali tal-għajnuna illegali li l-irkupru tagħha jkun għadu ma ġietx effettwat jew li ma jkunx ġie ipprovat meta mqabbel mal-ammonti kollha li jkunu għadhom ma nġabrux mid-data meta tingħata s-sentenza għandu jiġi kkunsidrat bħala xieraq.

(ara l-punti 47-49, 52, 53, 56, 57, 93)

5.        Għall-kalkolu ta’ pagamenti ta’ penalità imposti fuq Stat Membru li ma jkunx eżegwixxa sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponilu jirkupra għajnuna mogħtija illegalment, l-imsemmi rkupru jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss bil‑kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun ġiet informata b’dan u tkun tista’ tevalwa n‑natura xierqa tal-prova kkomunikata f’dan ir-rigward.

Fil-fatt, fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna illegali, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jipproduċi quddiem il-Kummissjoni l-prova tal-irkupru tal-imsemmija għajnuna, kif jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sabiex tiżgura konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

Barra minn hekk, għajr fil-każijiet fejn l-għajnuna illegali tiġi rrimborsata mill-impriża benefiċjarja, in-natura tal-prova meħtieġa għandha tiġi adattata għal partikolaritajiet tas-sitwazzjonijiet fattwali ffaċċjati mill-Istat Membru inkwistjoni fl-operazzjonijiet tiegħu ta’ rkupru.

(ara l-punti 50, 53, 71)

6.        Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat f’dak li jirrigwarda il-kompetizzjoni u partikolarment dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat, li huma l‑espressjoni ta’ waħda mill-missjonijiet ewlenin mogħtija lill-Unjoni Ewropea, għandhom natura fundamentali kif jirriżulta mill-Artikolu 3(3) TUE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ suq intern u mill Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni li, skont l‑Artikolu 51 TFUE, jagħmel parti integrali mit-Trattati u li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.

F’dan ir-rigward, l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni għandu l-għan li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill‑vantaġġ kompetittiv li l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ħa fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u b’hekk jistabbilixxi mill-ġdid is‑sitwazzjoni ta’ qabel il-ħlas tal-imsemmija għajnuna.

Barra minn hekk, l-irkupru jissanzjona mhux biss in-natura inkompatibbli tal-għajnuna inkwistjoni, iżda wkoll in-nuqqas tal-Istat Membru li jwettaq l-obbligu doppju msemmi fl‑Artikolu 108(3) TFUE, skont liema dan l‑Istat, min-naħa waħda, għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-pjanijiet sabiex tingħata jew tinbidel għajnuna u, min-naħa l-oħra, ma jistax jeżegwixxi l-miżuri proposti qabel ma din il-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali.

(ara l-punti 60-62)

7.        Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna illegali, n-natura tal-prova meħtieġa għandha tiġi adattata għall-partikolaritajiet tas-sitwazzjonijiet fattwali ffaċċjati mill-Istat Membru inkwistjoni fl-operazzjonijiet tiegħu ta’ rkupru.

Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna inkwistjoni għandha tiġi rkuprata minn impriżi fi stat ta’ falliment jew suġġetti għall-proċedura ta’ falliment fejn l‑għan huwa li ssir il-likwidazzjoni tal-attiv u l-clearance tal-passiv, il-fatt li impriżi jkunu f’diffikultà jew f’falliment ma jaffettwax l-obbligu ta’ rkupru. Fil-fatt, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ qabel u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal‑kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi d-dejn relatat mal-ħlas lura tal‑għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv.

F’dan ir-rigward, huwa l-Istat Membru inkwistjoni li għandu jipproduċi quddiem il‑Kummissjoni l-prova ta’ inklużjoni tad-debiti inkwistjoni fil‑kuntest ta’ proċeduri ta’ falliment. Fin-nuqqas li jagħmel hekk, huwa dan l‑Istat Membru li għandu jipproduċi kwalunkwe prova sabiex jistabbilixxi li huwa uża d-diliġenza kollha dovuta għal dan il-għan. B’mod partikolari, fil-każ fejn it-talba għal inklużjoni ta’ debiti tkun ġiet miċħuda, huwa għandu jerġa’ jipproduċi l-prova li huwa għamel, skont id-dritt nazzjonali, kull proċedura tali li tikkontesta l-imsemmi rifjut.

Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna illegali inkwistjoni għandha tiġi rkuprata mill-impriża li fil-konfront tagħhom ġew adottati mingħajr suċċess, miżuri protettivi u ta’ eżekuzzjoni individwali, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jadotta, imbagħad jikkomunika lill-Kummissjoni, kull miżura biex jikseb ir-rimbors tal-għajnuna illegali u, jekk meħtieġ, dawk intiżi biex jipprovokaw il-likwidazzjoni tagħhom, b’tali mod li jkun jista’ jsostni d-debiti fuq l-attivi ta’ dawn l-impriżi. Għalhekk, huwa l-Istat Membru li għandu jipproduċi prova, l-ewwel nett, ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment kontra l-impriżi kkonċernati u, it-tieni nett, tal‑inklużjoni tad-debiti mal-passiv ta’ dawn.

Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna illegali inkwistjoni għandha tiġi rkuprata minn impriżi li għebu, il-prova tal-kanċellazzjoni tagħhom mir‑reġistri hija biżżejjed biex tipprova l-ineżistenza tagħhom, u għalhekk, l-impossibbiltà li tiġi rkuprata din l-għajnuna.

(ara l‑punti 71, 74, 76, 77)

8.        Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna illegali, meta l-ordnijiet ta’ rkupru tal-għajnuna illegali mħallsa minn Stat Mmbru jkunu s-suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu, skont il-ħtieġa għall-irkupru effettiv ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, jikkontesta kull deċiżjoni nazzjonali li tagħmel ineffettiva d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, speċjalment għal raġunijiet li jirrigwardaw, bħal f’dan il-każ, l‑applikazzjoni tar-regoli tal-preskrizzjoni jew ta’ prova.

(ara l-punt 78)

9.        Fid-dawl tal-għanijiet tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 228(2) KE, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li ġiet mogħtija lilha fl-imsemmi artikolu, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa.

Id-deċiżjoni ta’ jekk tiġix imposta somma f’daqqa jew le, għandha f’kull każ, tibqa’ l-espressjoni tal-elementi kollha rilevanti li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-atitudni stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri mressqa abbażi tal-Artikolu 228 KE. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni jew le.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi ħlas ta’ somma f’daqqa, hija għandha, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiffissah b’mod li jkun, minn naħa, adatt għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, kif ukoll għall-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm b’mod partikolari elementi bħat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu illi jippersisti wara d-data tas-sentenza li tkun ikkonstatatu u l-gravità tal‑ksur. Barra minn hekk, il-prevenzjoni effettiva tar-rikorrenza fil-futur ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni huwa tali li jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva.

(ara l-punti 82, 83, 89, 93, 94)

10.      Fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna illegali, l-Istat Membru għandu jirnexxilu jirkupra b’mod effettiv is-somom dovuti peress li rkupru tardiv, wara t-termini previsti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-Trattat. F’dan il‑kuntest, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-ġustifikazzjonijiet invokati minn dan l-Istat Membru bbażati fuq diffikultajiet interni, marbuta mal-kumplessità tal-miżuri li kellhom jiġu implementati biex jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-għajnuna illegali inkwistjoni u biex tiġi rkuprata din l-għajnuna minn dawn, ma jistgħux jintlaqgħu.

(ara l-punti 86, 87)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Novembru 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 228 KE – Sanzjonijiet pekunjarji”

Fil-Kawża C‑496/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 228 KE, imressaq fit-30 ta’ Novembru 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Pignataro u E. Righini, kif ukoll B. Stromsky, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász, G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2011,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiddikjara li, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑99/02, Ġabra p. I‑3353), dwar l-irkupru mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna li, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/128/KE, tal-11 ta’ Mejju 1999, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Italja sabiex ikunu promossi l-impjiegi (ĠU 2000, L 42, p. 1), ġiet iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija deċiżjoni u l-Artikolu 288(1) KE;

–        tordna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità għal kull jum li jammontaw għal EUR 285 696 imnaqqsa sussegwentement għal EUR 244 800, għad-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, mill-ġurnata tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sal-ġurnata tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja;

–        tordna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont għal kull jum iffissat inizjalment għal EUR 31 744 imbagħad imnaqqas għal EUR 27 200 bin-numru ta’ ġranet ta’ tul tal-ksur mill-jum tal-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq u dik mogħtija f’din il-kawża għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni 2000/128, u

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

I –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fil-11 ta’ Mejju  1999, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/128, fejn l-Artikoli 1 sa 4 tad-dispożittiv huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 1

1.      L-għajnuna mogħtija illegalment minn Novembru 1995 mill-Italja għall-ingaġġ ta’ ħaddiema permezz ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol previsti mil-liġijiet 863/84, 407/90, 169/91 u 451/94, huma kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim taż-ŻEE jekk ikollhom x’jaqsmu ma:

–        il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fl-impriża benefiċjarja għall-ħaddiema li għadhom ma sabux impjieg jew li tilfu l-impjieg preċedenti tagħhom, kif definiti fil-linji gwida dwar għajnuna għax-xogħol,

–        l-ingaġġ ta’ ħaddiema li jesperjenzaw diffikultajiet partikolari biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Għall-finijiet ta’ din id‑deċiżjoni, ‘ħaddiema li jesperjenzaw diffikultajiet partikolari biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol’ huma żgħażagħ taħt il-25 sena, detenturi ta’ diploma universitarja ta’ ċertu tul (laurea) sa 29 sena inklużi u l-persuni qiegħda għal żmien twil, jiġifieri, dawk li ilhom qiegħda għal mill-inqas sena.

2.      L-għajnuna mogħtija permezz ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 huma inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.      L-għajnuna mogħtija mill-Italja skont l-Artikolu 15 tal-Liġi 196/97 għat-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat huma kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE sakemm jirrispettaw l-istatus ta’ ħolqien nett tal-impjiegi kif definit fil-linji gwida dwar għajnuna għax-xogħol.

In-numuru ta’ impjegati tal-impriża huwa kkalkolat wara li jitnaqqsu l-impjiegi li jibbenefikaw mit-trasformazzjoni u l-impjiegi maħluqa permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat jew li ma jiggarantixxux ċerta stabbiltà tal-impjieg.

2.      L-għajnuna għat-trasformazzjoni ta’ kuntratti tat-taħriġ u ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat, li ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

L-Italja għandha tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal‑Artikoli 1 u 2 mogħtija diġà b’mod illegali.

L-irkupru għandu jsir skont il-proċeduri tal-liġi nazzjonali. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom interessi mid-data li kienu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sa meta jiġu effettivament irkuprati. L-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna għal skop reġjonali.

Artikolu 4

L-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri meħuda biex tikkonforma ruħha magħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II –  Is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Italja

3        Fil-15 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni ppreżentat, skont l‑Artikolu 226 KE u abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 88(2) KE, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana li għandu bħala suġġett li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma kinitx adottat fit-terminu previst, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il‑benefiċjarji l-għajnuna li, skont id-Deċiżjoni 2000/128, instabet li kienet illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u li, fi kwalunkwe każ, dak l-Istat Membru kien naqas milli jinformaha bil-miżuri meħuda.

4        Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, ċċitatata iktar ’il fuq il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

“Billi naqset milli tadotta, fit-terminu previst, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna li, skont id-[Deċiżjoni 2000/128], instabet li kienet illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3 u 4 ta’ dik id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III –  Il-proċedura prekontenzjuża

5        Bħala segwitu għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, u biex tħaffef il-proċedura ta’ rkupru, il-Kummissjoni ddeċidiet, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2004, il-mod li bih dan l-irkupru kellu jsir. Fin-nuqqas ta’ tweġiba mill-awtoritajiet Taljani, hija talbet, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Diċembru 2004, informazzjoni dwar il-progress tal-proċedura ta’ rkupru.

6        Bi tweġiba għat-talbiet għal informazzjoni magħmula fit-28 ta’ Frar, fit‑12 ta’ April, fit-28 ta’ Ġunju u fid-19 ta’ Awwissu 2005, ir-Repubblika Taljana informat lill-Kummissjoni li 588 impriża kienet ibbenefikat minn għajnuna li taqbeż EUR 500 000 u 871 impriża kienet ibbenefikat minn għajnuna ta’ bejn EUR 250 000 u EUR 500 000 u li, f’Settembru 2005, 1 009 impriża minn 1 457 kienu destinatarji ta’ ordnijiet ta’ rkupru u li numru ta’ rikorsi kontra dawn tal‑aħħar tressqu mill-impriża benefiċjarji.

7        Wara talba tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2005, aċċettat in-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija wara Novembru 1995 sa fejn din tikkonċerna l-ingaġġ ta’ ħaddiema li sar qabel dik id-data. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni staqsiet ukoll lill-Istat Membru dwar ir-raġunijiet għaliex 448 ordnijiet ta’ rkupru ma kinux għadhom ġew mibgħuta lid-destinatarji tagħhom kif ukoll dwar l-ammonti diġà rkuprati u dwar dawk li għad iridu jiġu rkuprati, mistoqsijiet li ġew ripetuti permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Diċembru 2005.

8        Peress li r-Repubblika Taljana informat lill-Kummissjoni li 62 impriża kellha tkunu eskluża mill-proċedura ta’ rkupru, din l-istituzzjoni għalhekk interrogat lill-Istat Membru kkonċernat dwar ir-raġunijiet għal din l-esklużjoni, sa fejn il-proċeduri ta’ verifika kellhom jitlestew qabel il-bidu tal-2005, u għamlet mill-ġdid il-mistoqsijiet tagħha dwar il-progress ta’ rkupru.

9        Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2006, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni li l-esklużjoni ta’ 113 impriża addizzjonali mill‑proċedura ta’ rkupru u rrappurtat 363 rimedju ġudizzjarju mressaq kontra l-ordnijiet ta’ rkupru. Fil-11 ta’ April u s-6 ta’ Lulju 2006, il‑Kummissjoni tenniet it-talba tagħha għal kjarifika u dettalji u ddikjarat li kienet lesta li tiltaqa’ mal-imsemmija awtoritajiet.

10      F’din il-laqgħa, li saret fl-20 ta’ Lulju 2006, ir-Repubblika Taljana ħabbret il-ħolqien ta’ entità amministrattiva ġdida li tiċċentralizza l-proċeduri kollha ta’ rkupru.

11      Fl-10 ta’ Novembru 2006, l-awtoritajiet Taljani informaw lill‑Kummissjoni li l-ammont totali li ried jiġi rkuprat minn 1 059 impriża kien jammonta għal EUR 444 738 911.88 li EUR 2 481 950.42 minnhom kienu diġà ġew irkuprati.

12      Fid-19 ta’ Diċembru 2006, billi kkonstatat in-nuqqas ta’ progress tal‑proċeduri ta’ rkupru, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-awtoritajiet Taljani li kellha l-fakultà li tidher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skont l‑Artikolu 228(2) KE. Bi tweġiba, dawn tal-aħħar informaw lill‑Kummissjoni, b’ittra tat-23 ta’ Marzu 2007, li l-ammont totali ta’ għajnuna li kellha tiġi rkuprata kienet tammonta għal EUR 519 958 761.97, li EUR 1 626 129.22 minnhom kienu diġà ġew irkuprati.

13      Fid-19 Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana ittra ta’ intimazzjoni skont l-imsemmija dispożizzjoni, fejn hija enfasizzat l‑inabbiltà ta’ dak l-Istat Membru biex jiddefinixxi b’mod ċar l-għadd ta’ benefiċjarji li kienu obbligati li jħallsu lura l-għajnuna illegali inkwistjoni.

14      Bi tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika Taljana, fit-23 ta’ Settembru u fis-7 ta’ Diċembru 2007, informat lill-Kummissjoni, minn naħa waħda, li permezz ta’ digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tat-23 Mejju 2007, li jirregola l-modalità ta’ kif issir dikjarazzjoni minflok affidavit, fir-rigward ta’ ċerti għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mill-Kummissjoni Ewropea (GURI Nru 160, tat-12 ta’ Lulju 2007, p. 13), issa kien previst li l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni ma setgħux jingħataw għajnuna mill-Istat ġdida jekk dawn ma jkunux iddikjaraw minn qabel li rrimborsaw lil tal-ewwel u, min-naħa l-oħra, li hija kienet fetħet kont bankarju bblokkat mal-Banca d’Italia li jippermetti lill-impriżi involuti fil-proċeduri ta’ rkupru li jħallsu lura l-għajnuna. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru sostna d-diffikultajiet oġġettivi tal‑irkupru fid-dawl tal-għadd kbir ta’ benefiċjarji, minħabba li d‑Deċiżjoni 2000/128 kienet introduċiet kriterji ġodda għall-verifika tal‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mix-xahar ta’ Novembru 1995, bħad-diploma tal‑ħaddiema u ż-żieda eventwali fin-numru ta’ impjiegi b’riżultat ta’ ingaġġi ġodda.

15      Fl-1 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana opinjoni motivata skont l-Artikolu 228(2) KE, li permezz tagħha hija ħadet nota tad-diffikultajiet prattiċi li ltaqgħu magħhom din tal‑aħħar biex tipproċedi bl-irkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment u tal‑fatt li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2000/128 kienu nbdew finalment, iżda xorta waħda rrilevat li kien biss 0.5 % tal-għajnuna illegali inkwistjoni li ġiet irkuprata iktar minn tliet snin wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, hija stiednet ukoll lill-imsemmi Stat Membru biex jikkonforma mal-opinjoni motivata fi żmien xahrejn min-notifika tagħha u biex jadotta l-miżuri meħtieġa biex tiġi eżegwita l-imsemmija sentenza.

16      Bi tweġiba, l-awtoritajiet Taljani bagħtu diversi dokumenti lill‑Kummissjoni, li juru ż-żieda fl-ammonti rkuprati u l-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru  59, tat-8 ta’ April 2008, li jistabbilixxi miżuri urġenti għall-implementazzjoni ta’ obbligi Komunitarji u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (GURI Nru 84, tad-9 ta’ April 2008, p. 3), intiżi biex isolvu l-problema proċedurali relatata mas-sospensjoni tal-ordnijiet ta’ rkupru mill-qrati Taljani. Wara t-trażmissjoni ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, il-Kummissjoni aċċettat, permezz tal-ittri tal-14 ta’ Mejju u t-23 ta’ Lulju 2008, li tissospendi għal ftit xhur id-deċiżjoni tagħha li tidher quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tkun tista’ tevalwa l-effetti tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il‑proċedura ta’ rkupru.

17      Wara talba mill-Kummissjoni biex tikseb aġġornament komplut tal‑progress tal-proċeduri ta’ rkupru, ir-Repubblika Taljana ttrażmettiet, fil-11 ta’ Settembru 2008, dokumenti li juru somma globali għall-irkupru li tammonta għal EUR 389 712 614.57 u ammonti diġà rkuprati sa EUR 37 508 710.80 fit-3 ta’ Settembru 2008.

18      Fl-14 ta’ Novembru 2008, l-awtoritajiet Taljani ttrażmettew lill-Kummissjoni rendikont ġdid ta’ somom li kellhom jiġu rkuprati, imnaqqsa għal EUR 363 526 898.76, li EUR 43 348 730.34 minnhom diġà kienu tħallsu lura billi sostnew, din id-darba, li l-irkupru sfurzat tas-somom sar minn kumpannija li kellha l-flessibbiltà biex tiddetermina t-termini ta’ rkupru tad-debiti, li ma setgħatx madankollu tissejjaħ biex twieġeb għall-azzjonijiet tagħha ħlief minn tliet snin ikkalkolati mill-għoti tal-inkarigu.

19      Fit-22 ta’ Ġunju 2009, ir-Repubblika Taljana informat lill-Kummissjoni li l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jitnaqqsu għal EUR 281 525 686.79, li EUR 52 088 600.60 minnhom kienu diġà ġew irkuprati.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

IV –  Fuq in-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu

A –  L-argumenti tal-partijiet

21      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni, hija tqis li l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana ma kinitx irkuprat l-ammont sħiħ ta’ għajnuna mogħtija illegalment, jiġifieri EUR 519 958 761.97, l-ammont indikat fl-ittra ta’ dak l-Istat Membru tas-23 ta’ Marzu 2007.

22      Il-Kummissjoni teskludi wkoll kull l-impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata l-imsemmija għajnuna sa fejn issostni, minn naħa waħda, li l‑Istat Membru kkonċernat qatt ma invokaha matul il-proċedura prekontenzjużi u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l‑ammissjoni ta’ impossibbiltà bħal din ma humiex manifestament sodisfatti f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet, fil-punt 27 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, il-fatt li r-Repubblika Taljana invokat, f’dan ir-rigward, l-għadd kbir ta’ impriżi milquta mill-proċedura ta’ rkupru u iktar importanti minn hekk, il-ħaddiema kkonċernati.

23      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-ammont totali tas-somom li għandhom jiġu rkuprat, billi tistabilixxih għal EUR l251 271 032.37, filwaqt li tammetti li, f’Lulju 2010, hija kisbet rimbors ta’ EUR 63 062 555.46 biss, li magħhom għandhom madankollu, jiżdiedu EUR 73 353 387.28 b’modi varji, kif muri mid-dokumenti li jinsabu fid‑DVD mehmuża mal-kontroreplika.

24      F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, il-Kummissjoni aċċettat li l-ammont totali tal-għajnuna ddistribwita jammonta effettivament għal EUR 251 271 032.37 u li għajnuna li tammonta għal EUR 63 062 555.46 ġew effettivament irkuprati mir-Repubblika Taljana.

25      Biex tikkontesta l-eżistenza tal-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir‑Repubblika Taljana ssostni li l‑proċedura għall-irkupru ta’ għajnuna illegali inkwistjoni hija kkaratterizzata minn diffikultà partikolari ħafna biex jiġu sodisfatti l‑kundizzjonijiet għal impossibbiltà assoluta ta’ natura temporanja. F’dan ir-rigward, hija semmiet in-natura kundizzjonali tad-Deċiżjoni 2000/128. Hija ssostni wkoll li l-amministrazzjoni Taljana ma kinitx fil-pussess ta’ elementi li jippermettulha tivverifika l-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq komuni. Barra minn hekk, hija adottat il-miżuri kollha meħtieġa fil-konfront tal-impriżi kkonċernati biex tiġi implementata l‑proċedura ta’ rkupru. L-impenn tagħha fir-rigward tal-impriżi kollha li kisbu eżenzjoni mis-sigurtà soċjali u l-adattament tal‑qafas leġiżlattiv tagħha għal dan il-għan għamluha wkoll possibbli li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tipproċedi biex twettaq l-obbligi tagħha ta’ rkupru u wasslu għal żieda sinjifikattiva tal-ammonti rkuprati. Għalhekk, għall-perijodu li għalih l-awtoritajiet Taljani ma għandhomx informazzjoni biżżejjed biex jimplementaw il-proċeduri ta’ rkupru, il-kundizzjonijiet tal-impossibbiltà assoluta jkunu sodisfatti, fejn tali sitwazzjoni tieqaf hekk kif l-elementi meħtieġa jkunu disponibbli għal dawn il-proċeduri.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Repubblika Taljana adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi verifikat jekk l-ammonti ta’ għajnuna li huma s-suġġett tal-kawża kinux tħallsu lura mill-impriżi benefiċjarji.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 228(2) KE hija dik ta’ meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa skont din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, Ġabra p. I‑6263, punt 30; u tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑369/07, Ġabra p. I‑5703, punt 43) f’dan il-każ din hija l-1 ta’April 2008.

28      Madankollu, huwa paċifiku li, fl-imsemmija data, l-ammonti ta’ għajnuna mħallsa indebitament kienu għadhom ma ġewx irkuprati kollha mill‑awtoritajiet Taljani, u għalhekk li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, baqgħet parzjalment mhux eżegwita.

29      Fir-rigward tal-motiv imqajjem mir-Repubblika Taljana li jipprovdi li hija ffaċjat impossibbiltà assoluta temporanja li tirkupra l‑għajnuna inkwistjoni minħabba n-numru kbir ta’ impriżi benefiċjarji u tan-nuqqas ta’ informazzjoni meħtieġa għall-kwantifikazzjoni tas-sommom li għandhom jiġu rkuprati, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrifjutat li tilqa’ argument simili fil-punti 22 u 23 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, ċċitata iktar ’il fuq.

30      F’dan ir-rigward, wara li semmiet il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżiġi l-kanċellazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni ma kinitx is-suġġett ta’ kawża diretta jew li tali azzjoni ġiet miċħuda, l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li tiġi eżegwita b’mod korrett l-imsemmija deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punti 22 u 23, li la l-biża’ ta’ diffikultajiet interni, anki jekk insormontabbli, u lanqas il-fatt li l-Istat Membru inkwistjoni jħoss il-ħtieġa li jivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata ma jistgħu jiġġustifikaw, għal dan il-għan, li dan ma josservax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstat li l-miżuri implementati mir-Repubblika Taljana mis-sena 2006 biex tindirizza l-problemi ta’ identifikazzjoni u ta’ rkupru tal-ammonti ta’ għajnuna illegali inkwistjoni nstabu li jistgħu jgħinu fl-irkupru ta’ dawn tal-aħħar, kif sostna wkoll dan l-Istat Membru, u li d-dewmien fl-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/128 huwa essenzjalment dovut għad-dewmien tal-intervent tiegħu, li adotta l-imsemmija miżuri għall-inqas iktar minn sentejn wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, ċċitata iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat informa lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet li nstabu fl-irkupru tal-imsemmija għajnuna u bis-soluzzjonijiet adottati biex jindirizzawhom.

32      Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li r-Repubblika Taljana kellha bżonn iktar żmien biex tidentifika l-benefiċjarji u l-ammont ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ skema ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni milli kieku kien hemm biss inkwistjoni għajnuna individwali, element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-pagamenti ta’ penalità, ma jirriżultax mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑Istat Membru li, kif mitlub mill-eżekuzzjoni tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligur mogħtija f’każijiet bħal dan, il-miżuri kollha meħuda biex tiġi rkuprata l-għajnuna inkwistjoni kienet suġġetta għal kontroll permanenti u effettiv.

33      Ir-Repubblika Taljana għalhekk ma tistax validament issostni li adottat il-miżuri kollha neċessarji sabiex timplementa l-proċedura għall-irkupru tal‑għajnuna inkwistjoni.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li billi, fid-data ta’ skadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata maħruġa fl-1 ta’ Frar 2008 mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 228 KE, ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, dwar l-irkupru mill‑benefiċjarji ta’ għajnuna li, skont id-Deċiżjoni 2000/128, ġiet iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-deċiżjoni u l-Artikolu 228(1) KE.

V –  Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

35      Peress li kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma kkonformatx ruħha, fit-terminu stabbilit fl-imsemmija opinjoni motivata, mas‑sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 228(2) KE, tikkundanna lil dan l-Istat Membru għal ħlas ta’ somma f’daqqa jew għal pagamenti ta’ penalità.

36      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża mressqa quddiemha kif ukoll skont il-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha li jkun meħtieġ, tadotta s-sanzjonijiet pekunjarji li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu l-iktar eżekuzzjoni rapida possibbli tas-sentenza li preċedentement ikkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u sabiex jipprevjenu li ksur simili tad-dritt tal-Unjoni jerġa’ jseħħ (sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011 Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑407/09, Ġabra p. I‑2467, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija minn din l-istituzzjoni (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

A –  Fuq il-pagamenti ta’ penalità

1.     L-argumenti tal-partijiet

38      Billi tirreferi għall-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha SEC(2005) 1658 tat-13 ta’ Diċembru 2005 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 228 KE, kif aġġornata mill-Komunikazzjoni SEC(2010) 923, tal-20 ta’ Lulju 2010, intitolata “Implementazzjoni tal-Artikolu 260 tat‑Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Aġġornament tal-informazzjoni użata għall-kalkolu ta’ somom f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala parti mill-proċeduri ta’ ksur” (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2010”), il-Kummissjoni tikkunsidra li pagamenti ta’ penalità għal kull jum ta’ ammont inizjalment stabbilit għal EUR 285 696 u mnaqqas, skont il-Komunikazzjoni tal-2010, għal EUR 244 800, peress li tali pagamenti ta’ penalità huma kkalkolati abbażi ta’ somma f’daqqa bażika ta’ EUR 600 magħmula b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 8, b’koeffiċjent ta’ tul ta’ 3 u b’fattur n ta’ 17, hija proporzjonali għall-gravità u għat-tul tal-ksur b’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li tingħata lil dawk il-pagamenti ta’ penalità l-effett koerċittiv u deterrenti.

39      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa waħda, li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat huma wieħed mill-pedamenti tas-suq intern, u dan jirriżulta b’mod partikolari mill-istruttura tal-Artikolu 87 KE u l-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, l-effetti negattivi ta’ nuqqas ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali jistgħu jkunu ikbar jekk jitqies li dan huwa ta’ ammont konsiderevoli u li l-għajnuna ingħatat lil numru kbir ta’ impriżi, li, barra minn hekk, jaqgħu taħt setturi ekonomiċi diversi. Hija tinvoka wkoll il-fatt li t-tul tal-ksur sad-data tar-riferiment tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ta’ 62 xahar. Hija tirrileva wkoll li l-evalwazzjoni tagħha hija kkonfermata mill-punti 118 sa 120 tas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar’ il fuq.

40      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità mitlub mill-Kummissjoni huwa sproporzjonat u żbaljat. L-imsemmi ammont ma jiħux inkunsiderazzjoni, minn naħa waħda, il-progress fl-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ dak l-Istat Membru u li wasslu għal li ammont ekwivalenti għal 70 % tas-somom li kellhom jiġu rkuprati kien effettivament imħallas lura mill-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, diffikultajiet inerenti għall-irkupru inkwistjoni. L-imsemmi Stat Membru jsostni wkoll in-natura sproporzjonata tal-koeffiċjent ta’ gravità li għandu jkun iffissat għal 1, b’kunsiderazzjoni tal-koeffiċjent ta’ 4 propost mill-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-25 ta’ Novembru 2003 Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, Ġabra. p. I‑14141), dwar kwistjonijiet ta’ saħħa tal-bniedem u ta’ ambjent.

41      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li huwa neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li taġġusta l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità għall-progress li sar fl-eżekuzzjoni tal-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat, kif għamlet fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq. In-nuqqas ta’ tali adattament jikkostitwixxi fih innifsu difett importanti li jaffettwa l-metodi ta’ kalkolu propost mill-Kummissjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)     Fuq il-prinċipju ta’ impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità

42      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikat biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, ċċitati iktar ’il fuq punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, għall-irkupru ta ’għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-premessa 13 u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 339), jeżiġu li l-Istat Membru li jkun ta l-għajnuna jipproċedi għall-irkupru effettiv u mingħajr dewmien tal-imsemmija għajnuna sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreskrivi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija illegalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑232/05, Ġabra p. I‑10071, punti 42, 43 u 50).

44      F’dan il-każ, huwa ċar li, fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali f’din il‑kawża, parti sostanzjali tal-għajnuna ma kinitx ġiet irkuprata, u b’hekk inħoloq ostaklu għal kompetizzjoni effettiva kif previst mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 659/1999.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l‑kundanna tar-Repubblika Taljana għall-pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju adegwat sabiex din tiġi mħeġġa tadotta l‑miżuri neċessarji sabiex ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni kompluta tad‑Deċiżjoni 2000/128 kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq.

b)     Fuq l-impożizzjoni tal-pagamenti ta’ penalità

46      Għall-finijiet ta’ impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, il-forma tal-pagamenti ta’ penalità, it-tieni nett, l-ammont bażiku tagħhom u, t-tielet nett, il-kundizzjonijiet għall-estinzjoni tagħhom.

i)     Fuq il-forma tal-pagamenti ta’ penalità

47      Sabiex tiddetermina l-forma tal-pagamenti ta’ penalità, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità, invokata mir-Repubblika Taljana, tal-operazzjonijiet ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad‑Deċiżjoni 2000/128.

48      Fir-rigward tan-natura kostanti tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità propost mill‑Kummissjoni, jidher li se jkun partikolarment diffiċli għar-Repubblika Taljana biex tikseb, f’terminu qasir, eżekuzzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni 2000/128, u għalhekk, tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-operazzjonijiet li jaqgħu taħtha jirrigwardaw numru kbir ta’ impriżi.

49      Fid-dawl ta’ dan il-fatt partikolari, huwa konċepibbli li l-imsemmi Stat Membru jista’ jirnexxilu jżid kunsiderevolment il-grad tal-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/128 iżda mhux li jeżegwiha kompletament f’tali terminu. Jekk l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità kien kostanti, dan jibqa’ dovut kollu kemm hu sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx implementa għal kollox l-imsemmija deċiżjoni. F’dawn il‑kundizzjonijiet, sanzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-progress eventwali li jagħmel Stat Membru fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu, tidher xierqa fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ u, għalhekk, proporzjonata man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, punti 48 u 49).

50      Għandu jiġi rrilevat ukoll f’dan ir-rigward li, għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jipproduċi l-prova tal-irkupru tal-imsemmija għajnuna lil din l‑istituzzjoni, kif jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sabiex tiżgura konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u kif jirriżulta f’dan il-każ, mill‑Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2000/128 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75). Għalhekk, sabiex jiġu kkalkolati l-pagamenti ta’ penalità f’din il-kawża, l-irkupru tal-imsemmija għajnuna jista’ jitqies biss bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun ġiet informata u setgħet tevalwa n-natura xierqa tal-prova li ġiet ikkomunikata lilha f’dan ir-rigward.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa xieraq, sabiex il-pagamenti ta’ penalità jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ u proporzjonati għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, li jġi stabbilit l-ammont billi jitqies il-progress magħmul mill-Istat Membru konvenut fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2000/128 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50), sa fejn mill-proċess jirriżulta li dan l-Istat Membru jista’ jipproduċi prova diretta u attendibbli tal-imsemmija eżekuzzjoni, b’tali mod li l-iffissar ta’ tali pagamenti ta’ penalità varjabbli jkunu prattiċi. Iżda f’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana annettiet mal-kontroreplika tagħha DVD li fiha provi, fil-forma ta’ rapporti ta’ ħlas, li juru l-fluss dirett u attendibbli ta’ fondi li jirrappreżentaw l-irkupru ta’ għajnuna illegali diġà rimborsata. Mitluba bil-miktub, il-Kummissjoni indikat li dawn ir-rapporti ta’ ħlas għall-impriżi individwali, ipparagunati mal-ammonti rrappurtati fit‑tabella sommarja li hija mehmuża wkoll mal-imsemmija kontroreplika, jikkonfermaw id‑dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Taljana dwar l-ammonti ta’ għajnuna diġà rkuprata, jiġifieri EUR 63 062 555. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, il‑produzzjoni mill-Istat Membru ta’ tali rapporti jistgħu jitqiesu bħala l-produzzjoni ta’ prova diretta u attendibbli tal-eżekuazzjoni tal‑obbligi tagħha f’dan il-każ.

52      Madankollu, għandu jiġi impost fuq ir-Repubblika Taljana, il-ħlas perjodiku ta’ somma kkalkolata billi jiġi mmultiplikat ammont bażiku bil-perċentwali tal-għajnuna illegali li l-irkupru tagħha jkun għadu ma ġietx effettwat jew li ma jkunx ġiet ipprovat meta mqabbel mal-ammonti kollha li jkunu għadhom ma nġabrux mid-data meta tingħata din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq punt 50).

53      F’dan ir-rigward, għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità f’din il-kawża, l-irkupru tal‑imsemmija għajnuna ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni ħlief bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun ġiet informata u li setgħet tevalwa n-natura xierqa tal-prova li tkun ġiet ikkomunikata lilha f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq punt 75).

54      Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-perjodiċità tal-pagamenti ta’ penalità billi tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ sitt xhur sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-istatus tal-operazzjonijiet ta’ rkupru fid-dawl tas-sitwazzjoni li tipprevali fi tmiem il-perjodu inkwistjoni, filwaqt li tippermetti lill-Istat Membru konvenut juża ż-żmien meħtieġ għall-ġbir u l-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tad-dokumenti tali li jistabbilixxu, għall-perijodu kkonċernat, l-irkupru ta’ somom imħallsa indebitament.

55      Konsegwentement, il-kwantifikazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità għandha titwettaq fuq bażi ta’ sitt xhur u l-ammont tagħhom għandu jiġi kkalkolati billi jiġi mmultiplikat l-ammont bażiku bil-perċentwali tal-għajnuna illegali li l-irkupru tagħha ma twettaqx jew li ma jkunx ġie pprovat fi tmiem il-perjodu kkonċernat meta mqabbel mat-total tal-ammonti li jkunu għadhom ma nġabrux sad-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

ii)  Fuq l-ammont bażiku tal-pagamenti ta’ penalità

56      Għnadu jitfakkar li fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji ta’ bażi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura impożittiva tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi pubbliċi u privati kif ukoll l-urġenza sabiex l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Rigward it-tul tal-ksur, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-mument li fih hija tevalwa l-fatti u mhux lil min din tal-aħħar tressq il-każ quddiem il-Kummissjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Peress li r-Repubblika Taljana ma kinitx kapaċi turi li hija temmet in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħha li teżegwixxi bis-sħiħ is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, ċċitata iktar ’il fuq, kif ġie kkonstatat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, hemm lok għalhekk li jiġi kkunsidrat li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ilu jippersisti għal iktar minn seba’ snin, li huwa żmien pjuttost kunsiderevoli.

60      Fuq il-gravità tal-ksur, għandha titfakkar n-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat f’dak li jirrigwarda il-kompetizzjoni u partikolarment dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat, li huma l‑espressjoni ta’ waħda mill-missjonijiet ewlenin mogħtija lill-Unjoni Ewropea. Fil-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-opportunità u l‑ammont ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità, din in-natura fundamentali tirriżulta mill‑Artikolu 3(3) TFUE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ suq intern u mill‑Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni li skont l‑Artikolu 51 TFUE, jagħmel parti integrali tat-Trattati u li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.

61      F’dan ir-rigward, l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni għandu l-għan li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ħa fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u b’hekk jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni ta’ qabel il‑ħlas tal-imsemmija għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ April 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑348/93, Ġabra p. I‑673, punt 27).

62      Barra minn hekk, l-irkupru jissanzjona mhux biss in-natura inkompatibbli tal-għajnuna inkwistjoni, iżda wkoll in-nuqqas ta’ twettiq tal-Istat Membru tal-obbligu doppju msemmi fl‑Artikolu 108(3) TFUE, skont liema dan l-Istat, min-naħa waħda, għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-pjanijiet sabiex tingħata jew tinbidel għajnuna u, min-naħa l-oħra, ma jistax jeżegwixxi l-miżuri proposti qabel ma din il-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali.

63      Finalment, għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li l‑għajnuna illegali inkwistjoni hija partikolarment ta’ dannu għall‑kompetizzjoni minħabba l-ammont kbir tagħha, in‑numru partikolarment għoli ta’ benefiċjarji tagħha, kif ukoll tal-ħlas tagħha irrispettivament mis-settur ekonomiku tal-benefiċjarji, kif ġie ġustament indikat mill-Kummissjoni, huwa paċifiku li parti sostanzjali tas-somom inkwistjoni għad trid tiġi rkuprata jew li l-prova ta’ dan ma ġietx mogħtija lill-Kummissjoni.

64      Għaldaqstant, u kif jirriżulta mid-diskussjonijiet waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni jaqblu dwar l-ammont totali ta’ għajnuna ddistribwita, li tammonta għal EUR 251 271 032.37. Barra minn hekk, din tal-aħħar ammettiet li l-għajnuna fl-ammont kumulattiv ta’ EUR 63 062 555 għandha tiġi kkunsidrata bħala rkuprata.

65      F’dak li jikkonċerna l-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Taljana, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm il-darba ddeċidiet li l-metodu ta’ kalkolu li permezz tiegħu l-Kummissjoni tipproponi li timmoltiplika l-ammont bażiku b’koeffiċjent speċifiku li japplika għall-Istat Membru inkwistjoni jikkostitwixxi strument adegwat sabiex tiġi riflessa l-kapaċità ta’ ħlas dan tal-aħħar, filwaqt li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).Għalhekk, għandhom jiġu kkunsidrati, kif għamlet il-Kummissjoni skont il-Komunikazzjoni tal-2010, l-iżviluppi reċenti fl-inflazzjoni u l-prodott gross domestiku (PGD) fl-Istat Membru kkonċernat.

66      Madankollu, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal‑pagamenti ta’ penalità f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra wkoll il-karatteristiċi speċifiċi inerenti fl-irkupru ta’ għajnuna mogħtija skont l-iskema ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, bil-mod previst fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

67      Skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li f’dan il-każ, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ ammont bażiku ta’ EUR 30 miljun kull sitt xhur hija adegwata.

68      Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità fl-ammont ekwivalenti għall-multiplikazzjoni tal-ammont bażiku ta’ EUR 30 miljun bil-perċentwali ta’ għajnuna illegali inkompatibbli li l-irkupru tagħha ma jkunx għadu ġie effettwat jew ma jkunx ġie ipprovat fi tmiem il-perijodu kkonċernat, ikkalkolat b’relazzjoni mat-totalità tal-ammonti kollha li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, u dak kull sitt xhur ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, b’effett mill-għoti ta’ din is-sentenza sal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza tal-1 ta’ April 2004.

iii)  Fuq il-modi ta’ estinzjoni tal-pagamenti ta’ penalità

69      Għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jipproduċi prova diretta u attendibbli lill-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tad‑Deċiżjoni 2000/128 u l-irkupru effettiv tal-ammonti ta’ għajnuna illegali involuti.

70      F’dan ir-rigward, fl-ipoteżi fejn l-għajnuna illegali inkwistjoni hija rimborsata mill-impriża benefiċjarja, ir-Repubblika Taljana għandha l-obbligu li tipproduċi rapporti ta’ ħlas li juru kull moviment ta’ ħlas li allegatament jikorrispondi għar-rimbors ta’ parti mill-għajnuna illegali li trid tiġi rkuprata.

71      Barra minn din l-ipoteżi, għandha tiġi adattata n-natura tal-prova meħtieġa għal partikolaritajiet tas-sitwazzjonijiet fattwali ffaċċjati mill-Istat Membru inkwistjoni fl-operazzjonijiet tiegħu ta’ irkupru.’’

72      Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna inkwistjoni għandha tiġi rkuprata minn impriżi fi stat ta’ falliment jew suġġetti għall-proċedura ta’ falliment fejn l-għan huwa li ssir il-likwidazzjoni tal-attiv u l-clearance tal-passiv, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li impriża tkun f’diffikultà jew f’falliment ma jaffettwax l-obbligu ta’ rkupru (ara, b’mod partikolari, s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑280/05, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Skont ġurisprudenza li wkoll hija stabbilita, l‑istabbiliment mill-ġdid tas‑sitwazzjoni ta’ qabel u l‑eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill‑għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi l-kreditu relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv (sentenza tal-14 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑331/09, Ġabra p. I‑2933, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità f’din il-kawża, hija r-Repubblika Taljana li għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bi prova ta’ reġistrazzjoni tad-debiti inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ falliment. Fin-nuqqas li tagħmel hekk, huwa l-Istat Membru li għandu jipproduċi kwalunkwe prova sabiex jistabbilixxi li huwa uża d-diliġenza kollha dovuta għal dan l-iskop. B’mod partikolari, fil-każ fejn it-talba għal inklużjoni ta’ debiti tkun ġiet miċħuda, huwa għandu jerġa’ jipproduċi l-prova li huwa għamel, skont id-dritt nazzjonali, kull proċedura tali li tikkontesta l-imsemmi rifjut.

75      Konsegwentement, u kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jistax jiġi addebitat lir-Repubblika Taljana, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità f’din il-kawża u fir-rigward ta’ impriżi fi stat ta’ falliment jew suġġetti għal proċedura ta’ falliment, l-obbligu li tiġi prodotta prova mhux biss tal-inklużjoni ta’ debiti mal-passiv ta’ dawn, iżda wkoll il-bejgħ tal-attiv tagħhom skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Kif ġustament isostni dan l-Istat Membru, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti tat-talba tal-Kummissjoni dwar il-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità dovuti b’riżultat tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, is-somom li għadhom ma ġewx irkuprati minn impriżi li fallew, iżda għall-irkupru li l-imsemmi Stat Membru jkun wettaq bid-diliġenza kollha meħtieġa. Fil-każ kuntrarju, l-imsemmija pagamenti ta’ penalità jitilfu n-natura tagħhom adattata u proporzjonata għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, kif previst fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, billi jimponu fuq ir-Repubblika Taljana piż pekunjarju li jirriżulta min-natura stess tal-proċedura ta’ falliment kif ukoll mit-tul inkompressibbli tagħha u fuq liema dan l-Istat ma għandux influwenza diretta.

76      Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna illegali inkwistjoni għandha tiġi rkuprata mill-impriża li fil-konfront tagħhom ġew adottati mingħajr suċċess, miżuri protettivi u ta’ eżekuzzjoni individwali, għandu jitfakkar li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jadotta, imbagħad jikkomunika lill-Kummissjoni, kull miżura biex jikseb ir-rimbors tal-għajnuna illegali u, jekk meħtieġ, dawk intiżi biex jipprovokaw il-likwidazzjoni tagħhom, b’tali mod li jkun jista’ jsostni d-debiti fuq l-attivi ta’ dawn l-impriżi (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, huwa l-Istat Membru li għandu jipproduċi prova, l-ewwel nett, ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment kontra l-impriżi kkonċernati u, it-tieni nett, tal-inklużjoni tad-debiti mal-passiv ta’ dawn skont il-prinċipji stabbiliti fil-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza.

77      Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna illegali inkwistjoni għandha tiġi rkuprata minn impriżi li għebu, il-prova tal-kanċellazzjoni ta’ tagħhom mir-reġistri hija biżżejjed biex tipprova l-ineżistenza tagħhom, u għalhekk, l-impossibbiltà li tiġi rkuprata din l-għajnuna.

78      Fl-aħħar nett, rigward l-ipoteżi li l-ordnijiet ta’ rkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni qed tiġi kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu, skont il-ħtieġa għall-irkupru effettiv ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, jikkontesta kull deċiżjoni nazzjonali li tagħmel ineffettiva d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, speċjalment għal raġunijiet li jirrigwardaw, bħal f’dan il-każ, l-applikazzjoni tar-regoli tal-preskrizzjoni (ara, b’analoġija, sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland, C‑24/95, Ġabra p. I‑1591, punti 34 u 38) jew ta’ prova.Konsegwentement, u għal raġunijiet simili għal dawk imsemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, il-prova ta’ tali diliġenza tkun biżżejjed sabiex teskludi l-għajnuna kkonċernata mill-volum ta’ għajnuna, li għadha ma ġietx irkuprata, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità.

B –  Fuq is-somma f’daqqa

1.     L-argumenti tal-partijiet

79      Billi tirreferi għall-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, kif aġġornata mill-Komunikazzjoni tal-2010, il-Kummissjoni tikkunsidra li somma f’daqqa ta’ammont għal kull jum inizjalment stabbilita għal EUR 31 744 u mnaqqsa, skont din il-komunikazzjoni tal-aħħar, għal EUR 27 200, ikkalkolata abbażi ta’ somma f’daqqa bażika ta’ EUR 200 affettwata b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 8, b’koeffiċjent ta’ tul ta’ 3 u b’ fattur n ta’ 17, immultiplikat bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur mill-1 ta’ April 2004 u l-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza, huwa adattat għall-gravità tal-ksur u jaqa’ taħt in-natura deterrenti meħtieġa.

80      Fir-rigward il-metodu tal-kalkolu tiegħu, il-Kummissjoni ssostni li dan irid jibqa’ f’kull każ, l-espressjoni tal-elementi kollha rilevanti, b’mod partikolari tat-tul tal-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sa mis-sentenza li kkonstatatu, tal-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni u tal-aġir tar-Repubblika Taljana. Fid-dawl tal-fatt li din tal-aħħar ma eżegwitx l-obbligi tagħha għaxar snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/128 u sitt snin wara s-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, u tal-fatt li l-għajnuna inkwistjoni kienet imħallsa indipendentement mis-settur ekonomiku ta’ benefiċjarji u ffavorixxiet prinċipalment impriżi Taljani, il-Kummissjoni tqis li l-proposta ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja hija adegwata.

81      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-ammont tas-somma f’daqqa huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-aġir tagħha u ma’ kwalunkwe dannu li jirriżulta mill-ksur ikkritikat, b’mod partikolari, fir-rigward tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, dak l-Istat Membru jinsisti dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-każ relatati mal-kumplessità intrinsika tad-Deċiżjoni 2000/128 u mal-impossibbiltà tal-eżekuzzjoni tagħha f’terminu qasir kif ukoll mal-aġir pożittiv tagħha matul il-proċedura.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)     Fuq il-prinċipju ta’ impożizzjoni ta’ somma f’daqqa

82      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-għanijiet tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 228(2) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li ġiet mogħtija lilha fl-imsemmi artikolu, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

83      L-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa għandha, f’kull każ, tibqa’ l-espressjoni tal-elementi kollha rilevanti li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-atitudni stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri mressqa abbażi tal-Artikolu 228 KE. F’dan ir-rigward, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni jew le (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan il-każ, minbarra l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kif stabbilit fil-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, fid-data tat-tmiem tal-proċedura orali, iktar minn seba’ snin wara d-data tal-għoti tas-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar’ il fuq, u iktar minn 12-il sena wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/128, fil-11 ta’ Mejju 1999, ir-Repubblika Taljana kienet għadha mhux f’pożizzjoni li taċċerta l-ammont totali finali ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, kif jirriżulta mill-kontroreplika ta’ dan l-Istat Membru.

85      Barra minn hekk, ma huwiex ħlief, fl-aħjar każ, sentejn wara l-għoti ta’ din l-istess sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja li l-ewwel miżuri konsegwenti ġew adottati mill-imsemmi Stat Membru biex jirrimedjaw id-diffikultajiet ta’ identifikazzjoni u ta’ rkupru ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli permezz tad-Deċiżjoni 2000/128, kif jirriżulta mill-punti 10 sa 19 ta’ din is-sentenza u kif ġie rikonoxxut mir-Repubblika Taljana waqt is-seduta. B’mod partikolari, l-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 59, tat-8 ta’ April 2008, bil-għan li ssolvi l-problema proċedurali ikkawżata mis-sospensjoni mill-qrati Taljani tal-ordnijiet biex tiġi rkuprata l-għajnuna illegali inkwistjoni saret biss wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa fl-1 ta’ Frar 2008 u għenet biss biex jiġi rimedjat b’mod imperfett id-dewmien fl-irkupru tal-għajnuna koperta mill-imsemmija deċiżjoni (ara, b’analoġija, s-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, C‑304/09, Ġabra p. I‑13903, punti 40 sa 42, u tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑305/09, Ġabra p. I‑0000, punti 38 sa 40).

86      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Istat Membru għandu jirnexxielu jirkupra b’mod effettiv is-sommom dovuti, peress li rkupru tardiv, wara t-termini previsti, ma jissodisfax r-rekwiżiti tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza iċċitata).

87      Il-ġustifikazzjonijiet invokati mir-Repubblika Taljana f’dan ir-rigward, jiġifieri l-fatt li d-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza kien dovut għal diffikultajiet interni marbuta mal-kumplessità tal-miżuri li kellhom jiġu implementati biex jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-għajnuna illegali involuti u biex tiġi rkuprata l-għajnuna minn dawn, ma jistgħux jintlaqgħu. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, minn naħa waħda, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑568/07, Ġabra p.I‑4505, punt 50) u min-naħa l-oħra, l-kanċellazzjoni ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha u din il-konsegwenza li ma tistax tiddependi fuq il-forma li fiha ngħatat l‑għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata ikar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r-Repubblika Taljana hija akkużata bih ippersista għal perijodu kunsiderevoli, u fi kwalunkwe każ, mingħajr relazzjoni mad-diffikultajiet marbuta mal-irkupru tal-għajnuna mħallsa taħt skema ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni.

89      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kuntest legali u fattwali ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jista’ jkun indikatur li l-prevenzjoni effettiva tar-rikorrenza fil-futur ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni huwa tali li jeħtieġ l‑adozzjoni ta’ miżura deterrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑121/07, Ġabra p. I‑9159, punt 69).

90      B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana diġà kienet is-suġġett ta’ diversi sentenzi mogħtija abbażi tal-Artikolu 88(2) KE li kkonstataw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba l-fatt li hija ma rkupratx b’mod immedjat u effettiv l-għajnuna mogħtija permezz ta’ skemi ddikjarati illegali u inkompatibbli mas-suq komuni.

91      Fil-fatt, minbarra l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni 2000/128 magħmula fis-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, fejn in-nuqqqas ta’ eżekuzzjoni wassal għal din il-proċedura, saru diversi konstatazzjonijiet oħra mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar nuqqasijiet oħra ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod partikolari mis-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑207/05), kif ukoll mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, u tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja.

92      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, fil-kuntest tal-kawża preżenti, ikun ġust li r-Repubblika Taljana tiġi ordnata tħallas somma f’daqqa.

b)     Fuq l-ammont tas-somma f’daqqa

93      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa, hija għandha, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiffissaha b’mod li tkun, minn naħa waħda, adattata għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għan-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll għall-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas (ara sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

94      Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu b’mod partikolari elementi bħal kemm dam jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wara li ngħatat is-sentenza li kkonstatatu u l-gravità tal-ksur (ara f’dan is-sens, is‑sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punti  147 u 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Bħala kontrobilanċ għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 58 sa 63, 84 u 85 ta’ din is-sentenza, dwar it-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-gravità tiegħu, għandhom jiġu kkunsidrati l-provi invokati mir-Repubblika Taljana li jiddikjaraw li l-irkupru ta’ għajnuna illegali inkwistjoni saret iktar diffiċli minħabba l-fatt li dawn kienu mħallsa permezz ta’ skema ta’ għajnuna, li d-Deċiżjoni 2000/128 kienet issottomettiet il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni għal kundizzjonijiet u, għalhekk, l-eżekuzzjoni tagħha kienet tassumi, minn qabel, min-naħa ta’ dak l-Istat Membru, l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji ta’ tali għajnuna u l-ammont riċevut minn kull wieħed minnhom.

96      Fid-dawl ta’ dawn il-provi kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li tkun għamlet evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ billi tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa li għandu jitħallas mir-Repubblika Taljana, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 228(2) KE, għal EUR 30 miljun.

97      Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 30 miljun.

VI –  Fuq l-ispejjeż

98      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, u peress li ġie kkonstatat li hija naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma adottatx, fid-data li fiha skada t-terminu previst fl-opinjoni motivata maħruġa fl-1 ta’ Frar 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej skont l-Artikolu 228 KE, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑99/02), dwar l-irkupru mill-benefiċjarji ta’ għajnuna li, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/128, tal-11 ta’ Mejju 1999, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Italja sabiex ikunu promossi l-impjiegi, ġiet iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-deċiżjoni u l-Artikolu 228(1) KE.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità fl-ammont ekwivalenti għall-multiplikazzjoni tal-ammont bażiku ta’ EUR 30 miljun bil-perċentwali ta’ għajnuna illegali inkompatibbli li l-irkupru tagħha ma jkunx għadu ġie effettwat jew ma jkunx ġie ipprovat fi tmiem il-perijodu kkonċernat, ikkalkolat b’relazzjoni mat-totalità tal-ammonti kollha li għadhom ma ġewx irkuprati mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, u dak kull sitt xhur ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑99/02), b’effett mll-għoti ta’ din is-sentenza sal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza tal-1 ta’ April 2004.

3)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tħallas lill‑Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 30 miljun.

4)      Ir‑Repubblika Taljana hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq