Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62010CJ0348
Judgment of the Court (Second Chamber) of 10 November 2011.#Norma-A SIA and Dekom SIA v Latgales plānošanas reģions.#Reference for a preliminary ruling: Augstākās tiesas Senāts - Latvia.#Public procurement - Directive 2004/17/EC - Article 1(3)(b) - Directive 92/13/EEC - Article 2d(1)(b) - Concept of ‘service concession’ - Provision of public bus services - Right to operate the services and compensation of the service provider for losses - Risk associated with operation of the service limited by national law and the contract - Appeal procedures in the field of public contracts - Direct applicability of Article 2d(1)(b) of Directive 92/13/EEC to contracts concluded before the expiry of the time-limit for the transposition of Directive 2007/66/EC.#Case C-348/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-10 ta' Novembru 2011.
Norma-A SIA u Dekom SIA vs Latgales plānošanas reģions.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Augstākās tiesas Senāts - il-Latvja.
Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2004/17/KE - Artikolu 1(3)(b) - Direttiva 92/13/KEE - Artikolu 2d(1)(b) - Kunċett ta’ ‘konċessjoni għal servizzi’ - Provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku b’karozzi tal-linja - Dritt li jiġi operat is-servizz u ħlas lill-fornitur ta’ ammont bħala kumpens għat-telf - Riskju marbut mal-operat limitat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-kuntratt - Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratt - Applikabbiltà diretta tal-Artikolu 2d(1)(b) tad-Direttiva 92/13/KEE għall-kuntratti konklużi qabel it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66/KE.
Kawża C-348/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-10 ta' Novembru 2011.
Norma-A SIA u Dekom SIA vs Latgales plānošanas reģions.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Augstākās tiesas Senāts - il-Latvja.
Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2004/17/KE - Artikolu 1(3)(b) - Direttiva 92/13/KEE - Artikolu 2d(1)(b) - Kunċett ta’ ‘konċessjoni għal servizzi’ - Provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku b’karozzi tal-linja - Dritt li jiġi operat is-servizz u ħlas lill-fornitur ta’ ammont bħala kumpens għat-telf - Riskju marbut mal-operat limitat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-kuntratt - Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratt - Applikabbiltà diretta tal-Artikolu 2d(1)(b) tad-Direttiva 92/13/KEE għall-kuntratti konklużi qabel it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66/KE.
Kawża C-348/10.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:721
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
10 ta’ Novembru 2011 (*)
“Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/17/KE – Artikolu 1(3)(b) – Direttiva 92/13/KEE – Artikolu 2d(1)(b) – Kunċett ta’ ‘konċessjoni għal servizzi’ – Provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku b’karozzi tal-linja – Dritt li jiġi operat is-servizz u ħlas lill-fornitur ta’ ammont bħala kumpens għat-telf – Riskju marbut mal-operat limitat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-kuntratt – Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratt – Applikabbiltà diretta tal-Artikolu 2d(1)(b) tad-Direttiva 92/13/KEE għall-kuntratti konklużi qabel it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66/KE”
Fil-Kawża C‑348/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 KE, imressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġutsizzja fid-9 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura
Norma-A SIA,
Dekom SIA
vs
Latgales plānošanas reģions, aventi kawża tal-Ludzas novada dome,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Norma-A SIA, minn L. Krastiņa u I. Azanda, avukati,
– għal Latgales plānošanas reģions, aventi kawża tal-Ludzas novada dome, minn J. Pļuta,
– għall-Gvern Latvjan, minn M. Borkoveca u K. Krasovska, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra u A. Sauka, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19, u tal-Artikolu 2d(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 335, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Norma-A SIA u Dekom SIA, u Latgales plānošanas reģions, aventi kawża tal-Ludzas novada dome [Kunsill reġjonali ta’ Ludza [il-Latvja)], rigward l-għoti lil Ludzas autotransporta uzņēmums SIA tal-“konċessjoni” għal servizzi ta’ trasport pubbliku bil-karozza tal-linja li topera fil-belt u fid-distrett ta’ Ludza.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 L-Artikolu 1(2)(a) u (d) u 3(b) tad-Direttiva 2004/17 jipprovdi:
“2. a) ‘Kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizz’ huma kuntratti għal interess ta’ flus (pecuniary) konklużi bil-miktub bejn waħda jew aktar mill-entitajiet kontraenti riferiti fl-Artikolu 2(2), u provveditur ta’ servizz, kuntrattur jew supplent wieħed jew aktar;
[...]
d) ‘Kuntratti ta’ servizz’ huma kuntratti oħra għajr kuntratti ta’ xogħol jew ta’ provvista li għandhom bħala l-għan tagħhom il-provvediment ta’ servizzi riferiti fl-Anness XVII.
[...]
3. [...]
b) ‘Konċessjoni ta’ servizz’ hija kuntratt ta’ l-istess tip tal-kuntratt ta’ servizz minbarra għall-fatt li l-konsiderazzjoni għall-provvediment ta’ servizzi tikkonsisti jew fid-dritt biex jiġi esplojtat is-servizz biss jew f'dak id-dritt flimkien ma’ ħlas.”
4 L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:
“1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
a) ‘awtoritajiet kontraenti’ - stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali,
[...]
2. Din id-Direttiva għandha tapplika għal entitajiet kontraenti:
a) li huma awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jsegwu waħda mill-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 3 sa 7;
[...]”
5 L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/17 jipprovdi:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-provvediment jew l-operat ta' xbieki li jipprovdi servizz lil pubbliku fil-qasam ta’ trasport bil-ferrovija, sistemi automated, bit-trammijiet, trolley bus, karozza tal-linja jew kejbil.
[...]
2. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal entitajiet li jipprovdu servizzi tat-trasport lill-pubbliku li kienu esklużi mill-iskop tad-Direttiva 93/38/KEE skond l-Artikolu 2(4) tiegħu.”
6 L-Artikolu 1(2)(a) u (4) tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), jipprovdi:
“2. a) ‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta' din id-Direttiva.
[…]
4. ‘Konċessjoni tas-servizz’ huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f'dan id-dritt kif ukoll bi ħlas.”
7 Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/13:
“Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/17/KE [...], ħlief jekk tali kuntratti jkunu esklużi skond l-Artikoli 5(2), l-Artikoli 18 sa 26, l-Artikolu 29 sa 30 jew l-Artikolu 62 ta’ dik id-Direttiva.
[...]”
8 L-Artikolu 2d(1) tad-Direttiva 92/13 jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każijiet li jmiss:
[…]
b) fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, jekk dan il-ksur ikun ċaħħad lill-offerent milli japplika għal reviżjoni tal-possibbiltà li jiġu segwiti rimedji pre-kuntrattwali,fejn ksur bħal dan ikun flimkien ma’ ksur tad-Direttiva 2004/17[…], jekk dak il-ksur ikun affettwa l-opportunita’ għall-offerent li qed japplika għal reviżjoni biex jikseb il-kuntratt;
[...]”
9 Skont l-Artikolu 2f(1)(b) tad-Direttiva 92/13:
“1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 2d(1) għandha ssir:
[...]
b) u fi kwalunkwe każ, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-anqas 6 xhur b’effett mill-jum wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.”
10 L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2007/66, li inkluda d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 7 sa 9 ta’ din is-sentenza fid-Direttiva 92/13, jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa l- 20 ta’ Diċembru 2009. [...]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 Skont l-Artikolu 1(7) tal-liġi dwar is-sħubija pubblika-privata (Publiskās un privātās partnerības likums, Latvijas Vēstnesis, 2009, Nru 107, p. 4093), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2009, kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi huwa kuntratt li permezz tiegħu soċju privat, fuq it-talba ta’ soċju pubbliku, jipprovdi s-servizzi msemmija fl-Anness 2 tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi (Publisko iepirkumu likums) u jikseb, bħala korrispettiv jew bħala komponent essenzjali tal-korrispettiv, id-dritt li jopera dawn is-servizzi iżda, fl-istess ħin, ukoll jieħu r-riskju jew il-parti essenzjali tar-riskju marbut ma’ dan l-operat.
12 Skont dan l-Artikolu 1(8), id-dritt li jitwettaq xogħol jew li jiġi operat servizz jinkludi d-dritt ta’ ħlas mill-utenti tax-xogħol jew tas-servizz, jew id-dritt li jinkiseb korrispettiv mis-soċju pubbliku, li l-ammont tiegħu jiddependi mit-talba tal-utenti, jew ukoll id-dritt li jinġabar ħlas mill-utenti u korrispettiv mis-soċju pubbliku.
13 Skont dan l-Artikolu (1)(9), jeżistu riskji marbuta mat-twettiq ta’ xogħol jew mal-operat ta servizzi (riskji ekonomiċi) meta d-dħul minn soċju privat jiddependi mit-talba ta’ użu tax-xogħol jew mit-talba għal servizzi min-naħa tal-utenti (riskju marbut mat-talba) u/jew mal-fatt li s-servizz ipprovdut lill-utenti huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-kuntratt ta’ konċessjoni (riskju marbut mad-disponibbiltà), jew ukoll, meta d-dħul jiddependi kemm mir-riskju marbut mat-talba kif ukoll mar-riskju marbut mad-disponibbiltà.
14 L-Artikolu 6(3) tal-liġi dwar is-servizzi ta’ trasport pubbliku (sabiedriskā transporta pakalpojumu likums, Latvijas Vēstnesis, 2007, Nru 106, p. 3682) jipprovdi b’mod partikolari li s-servizzi ta’ trasport pubbliku huma organizzati skont it-talba għal tali servizzi, billi jittiedħu inkunsiderazzjoni l-volum u r-regolarità neċessarji għat-trasport fil-kuntest ta’ netwerks, l-iskala u l-kwalità tas-servizzi, il-vijabbiltà ekonomika tat-trasport u billi jiġi ddeterminat il-metodu ta’ organizzazzjoni tat-trasport ta’ vjaġġaturi.
15 L-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi jistabbilixxi li t-telf subit mill-fornitur li jipprovdi s-servizz u l-ispejjeż tiegħu marbuta mal-provvista ta’ dawn is-servizzi huma kkumpensati skont ir-regoli previsti fl-Artikoli 11 u 12 ta’ din il-liġi.
16 Skont l-Artikolu 11(1) tal-istess liġi:
“[...]il-fornitur għandu jingħata kumpens għat-telf marbut mal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku:
1) għall-ammont sħiħ tiegħu, minn fondi previsti għal dan il-għan fil-baġit tal-Istat, f’dak li jikkonċerna r-rotot ta’ netwerks interurbani ta’ netwerk ta’ trasport reġjonali;
11) mill-fondi allokati għal dan il-għan fil-baġit tal-Istat, fil-każ tar-rotot li jagħmlu parti minn netwerk ta’ trasport reġjonali li jipprovdi servizzi lokali;
12) mill-fondi tal-baġits tal-awtoritajiet lokali, għal parti tal-arranġament ta’ servizzi lokali ta’ netwerk ta’ trasport reġjonali li teċċedi l-fondi allokati fil-baġit tal-Istat sabiex jiġu ggarantiti dawn is-servizzi;
[...].”
17 Skont l-Artikolu 12 tal-liġi dwar is-servizzi ta’ trasport pubbliku:
“1) Jekk l-Istat jistabbilixxi għall-fornitur ta’ trasport regoli kwalitattivi minimi li dan, filwaqt li jaġixxi b’għan ta’ lukru, ma għandux għalfejn japplika u li l-implementazzjoni tagħhom twassal għal spejjeż supplimentari, il-fornitur għandu d-dritt li jitob kumpens mill-Istat għal dawn l-ispejjeż supplimentari kollha.
2) Il-fornitur ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku fil-kuntest ta’ arranġament għal servizz pubbliku huwa kkumpensat l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 12(1) jekk ir-regoli kwalitattivi minimi jkunu imposti meta l-provvista ta’ trasport pubbliku tkun diġà bdiet.
3) Ir-regoli li jirregolaw id-definizzjoni, il-kalkolu u l-kumpens tal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 12(1), l-allokazzjoni għall-awtoritajiet lokali mill-fondi tal-baġit nazzjonali intiża sabiex tkopri dawn l-ispejjeż, kif ukoll il-kontroll tal-legalità u tal-konformità tal-użu ta’ dawn il-miżuri huma stabbiliti mill-Kunsill tal-Ministri.”
18 Id-Digriet Nru 672 tal-Kunsill tal-Ministri, dwar l-iskema ta’ kumpens tat-telf u spejjeż li nħolqu bil-provvista ta’ servizzi ta’ trapsort pubbliku, u dwar l-iskema tal-iffissar tat-tariffi (sabiedriskā transporta pakalpojumu sniegšanā radušos zaudējumu un izdevumu kompensēšanas un sabiedriskā transporta pakalpojuma tarifa noteikšanas kārtība, Latvijas Vēstnesis, 2007, Nru 175, p. 3751), tat-2 ta’ Ottubru 2007, fis-seħħ sal-20 ta’ Novembru 2009, u d-Digriet Nru 1226 tal-Kunsill tal-Ministri, tas-26 ta’ Ottubru 2009 (Latvijas Vēstnesis, 2009, Nru 183, p. 4169, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2009/1226”) , li ssostitwixxih fl-21 ta’ Novembru 2009, huma t-tnejn li huma bbażati fuq il-liġi dwar is-servizzi ta’ trasport pubbliku.
19 L-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 2009/1226 jipprovdi li:
“[...] il-fornitur huwa kkumpensat għat-telf li ġej marbut mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku għal trasport:
2.1) il-parti mill-infiq inevitabbli marbut mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku għal trasport pubbliku li teċċedi d-dħul;
2.2) l-infiq li nħoloq mill-applikazzjoni tat-tariffi stabbliti mill-parti rikjedenti;
2.3) it-telf minn dħul li jirriżulta mill-fatt li l-parti rikjedenti imponiet tnaqqis tariffarju fir-rigward ta’ kategoriji differenti ta’ passiġġieri.”
20 L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet jipprovdi li l-fornitur għandu d-dritt li jitlob kumpens għall-ispejjeż ikkawżati minħabba l-osservanza tar-regoli kwalitattivi stabbiliti mill-parti rikjedenti jew minn atti regolatorji meta l-provvista ta’ servizzi għal trasport pubbliku tkun diġà bdiet, peress li l-osservanza ta’ dawn ir-regoli twassal għal spejjeż supplimentari.
21 L-Artikolu 38 tad-Digriet Nru 2009/1229 jistipula li l-parti rikjedenti tistabbilixxi l-ammont tat-telf li t-trasportatur għandu jiġi kkumpensat għalih billi tibbaża fuq ir-rapport imsemmi fil-punt 32.2 ta’ dan id-digriet u l-informazzjoni msemmija fil-punti 32.3 u 32.4 tiegħu, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt jekk huwa ffissax jew le t-tariffi (titoli ta’ trasport).
22 Skont l-Artikolu 39 ta’ dan id-digriet, il-parti rikjedenti għandha tistabbilixxi t-telf effettiv mid-dħul totali li jkun inkiseb mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku għal trasport pubbliku, billi jiġu esklużi l-ispejjeż iġġustifikati li jirriżultaw mill-provvista tas-servizz għal trasport pubbliku. Fis-sens ta’ dan l-istess digriet, huma kkunsidrai bħala dħul, id-dħul mill-bejgħ tal-biljetti kif ukoll abbonamenti kif ukoll dħul ieħor li jirriżulta mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku għal provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku.
23 L-Artikolu 40 tad-Digriet Nru 2009/1226 jipprovdi li l-parti rikjedenti għandha tistabbilixxi l-ammont li għandha tħallas bħala kumpens għat-telf, billi żżid ma’ dan, kif iddefinit fl-Artikolu 39 ta’ dan id-digriet, profitt. L-ammont ta’ dan il-profitt għandu jiġi stabbilit billi d-dħul jiġi mmultiplikat b’perċentwali ta’ profitt ikkalkulat billi tiżdied ir-rata ta’ 2.5 % mar-rata medja tas-suq interbankarju Ewropew (EURIBOR) matul it-12-il xahar tas-sena ta’ riferiment
24 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 49 ta’ dan id-digriet, l-ammont tal-kumpens tat-telf ma għandux jaqbeż l-ammont tat-telf reali li jkun ġie kkalkulat, jekk il-fornitur ikun osserva t-tariffi stabbiliti mill-parti rikjedenti. (ħlas tat-trasport).
25 Skont l-Artikolu 50 tal-istess digriet, jekk id-dritt li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport pubbliku jkun ingħata skont il-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, l-ammont tal-kumpens għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tad-differenza bejn il-prezz kuntrattwali tal-kuntratt għal trasport pubbliku u d-dħul reali.
26 Skont l-Artikolu 57 tad-Digriet Nru 2009/1226:
“[...] meta l-kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ trasport pubbliku jintemm
1) il-fornitur ser jirrimborsa lill-parti rikjedenti l-flus żejda mħallsa jekk, matul il-perijodu ta’ provvista għal servizzi ta’ trasport pubbliku, il-kumpens tat-telf jaqbeż l-ammont tal-kumpens realment dovut, u l-parti rikjedenti għandha talloka dawn il-fondi għall-kumpens tat-telf subit minn fornituri oħra;
2) il-parti rikjedenti ser tħallas kumpens jekk l-ammont tal-kumpens tat-telf matul il-perijodu ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport huwa inqas mill-ammont tal-kumpens realment dovut.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
27 Fis-17 ta’ Ġunju 2009, il-Ludzas rajona padome (Kunsill distrettwali ta’ Ludza) ippubblika sejħa għal offerti miftuħa rigward id-dritt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku permezz tal-karozzi tal-linja fil-belt u d-distrett ta’ Ludza. Fis-6 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu l-offerta tagħhom.
28 Fil-31 ta’ Awwissu 2009, il-kuntratt inkwistjoni ngħata lil Ludzas autotransporta uzņēmums SIA u, konsegwentement, fit-2 ta’ Settembru 2009, il-Ludzas novada dome ddeċieda li jikkonkludi kuntratt għal konċessjoni ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku ma’ din il-kumpannija.
29 Fis-16 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali) rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-Ludzas novada dome tat-2 ta’ Settembru 2009 u ppreżentaw talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha. Din it-talba ntlaqgħet b’deċiżjoni ta’ din il-qorti tas-16 ta’ Ottubru 2009, ikkonfermata, fl-14 ta’ Diċembru 2009, mill-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva tal-appell)
30 Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali d-dritt li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Ludzas novada dorme tat-2 ta’ Settembru 2009 quddiem l-Uffiċċju ta’ sorvejlanza tal-kuntratti pubbliċi u li din il-konstatazzjoni kienet ipprekludiet lill-awtorità kontraenti milli tagħti l-kuntratt qabel ma dan l-uffiċċju seta’ jagħti d-deċiżjoni tiegħu.
31 Fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-Ludzas rajona padome u Ludzas autotransporta uzņēmums SIA kkonkludew kuntratt ta’ “konċessjoni” li jirrigwarda l-provvista tas-servizzi ta’ trasport ikkonċernati.
32 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżentaw rikors quddiem l-Administratīvā rajona tiesa sabiex tiddikjara l-invalidità ta’ dan il-kuntratt. Fit-3 ta’ Diċembru 2009, dan ir-rikors ġie miċħud għar-raġuni li dan il-kuntratt kien jaqa’ taħt id-dritt privat u għaldaqstant, il-qrati amministrattivi ma kellhomx kompetenza sabiex jagħtu deċiżjoni dwar dan ir-rikors.
33 Fil-11 ta’ Mejju 2010, l-Administratīva apgabaltiesa annullat is-sentenza mogħtija fil-prim’istanza, filwaqt li ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal invalidità għar-raġuni li, peress li l-kuntratt kien ġie konkluż qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhomx dritt suġġettiv sabiex jippreżentaw tali rikors quddiem il-qrati.
34 Fil-21 ta’ Mejju 2010, dawn ir-rikorrenti ppreżentaw appell mid-deċiżjoni tal-Administratīva apgabaltiesa quddiem il-qorti tar-rinviju. Huma sostnew b’mod partikolari li d-Direttiva 2007/66 kienet tagħtihom dritt suġġettiv li jitolbu l-annullament tal-kuntratt inkwistjoni, kif jirriżulta mill-għan ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti li lil terzi jingħata d-dritt li jitolbu li kuntratti mogħtija minn korpi tal-Istat jew minn awtoritajiet lokali jiġu ddikjarati ineffettivi.
35 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2004/17[...] għandu jkun interpretat fis-sens li kuntratt li permezz tiegħu persuna kontraenti tingħata d-dritt li topera servizzi ta’ transport pubbliku permezz tal-karozzi tal-linja għandu jitqies bħala konċessjoni ta’ servizz pubbliku meta l-korrispettiv ikun jikkonsisti, parzjalment, fid-dritt li jkunu operati s-servizzi inkwistjoni, li l-awtorità [entità] kontraenti għandha tikkumpensa lill-persuna li tipprovdi s-servizzi [fornitur] għat-telf li jirriżulta mill-operat u li, minbarra dan, ir-regoli ta’ dritt pubbliku [u l-klawżoli kuntrattwali] li jirregolaw il-provvista ta’ dawn is-servizzi jillimitaw ir-riskju ta’ operat ta’ dan is-servizz?
2) F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 2d(1)(b) tad-Direttiva 92/13[...], huwa direttament applikabbli fir-Repubblika tal-Latvja sa mill-21 ta’ Diċembru 2009?
3) F’każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 2d(1)(b) tad-Direttiva 92/13[...], għandu jkun interpretat fis-sens li japplika għal kuntratti mogħtija qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66[...]?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
36 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/17, din tapplika għall-entitajiet kontraenti li huma “awtoritajiet kontraenti” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva, fejn fosthom insibu l-“awtoritajiet lokali”, u li “jsegwu waħda mill-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 3 sa 7” ta’ din id-direttiva.
37 Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali taqa’ taħt id-Direttiva 2004/17, peress li l-entità kontraenti kkonċernata teżerċità attività fil-qasam tat-trasport bil-karozzi tal-linja, fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.
38 Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Latvjan, peress li din l-entità ma tipprovdix hija stess servizzi ta’ trasport pubbliku lill-abitanti, id-Direttiva 2004/18 hija applikabbli fil-kawża prinċipali.
39 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/18 tinkludi, fl-Artikolu 1(2)(a) u (4) tagħha, definizzjoni tal-“kuntratt pubbliku” u tal-“konċessjoni tas-servizz” analogi essenzjalment għad-definizzjonijiet korrispondenti li jinsabu fl-Artikolu 1(2)(a) u (3)(b) tad-Direttiva 2004/17, Dan ix-xebh jirrikjedi li l-istess kunsiderazzjonijiet jintużaw għall-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ kuntratt għal servizzi u ta’ konċessjoni għal servizzi fil-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi taż-żewġ direttivi msemmija iktar ’il fuq (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Eurawasser, C‑206/08, Ġabra p. I‑8377, punti 42 u 43). Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) u (3)(b) tad-Direttiva 2004/17 hija direttament trasponibbli għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2004/18, kif barra minn hekk jirrikonoxxi l-Gvern Latvjan.
40 Il-kwistjoni jekk it-tranżazzjoni għandhiex tiġi kkwalifikata bħala konċessjoni għal servizzi jew bħala kuntratt pubbliku għal servizzi għandha tiġi evalwata esklużivament mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler, C‑274/09, Ġabra p. I‑1335, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Minn dawn il-kunċetti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u konċessjoni għal servizzi, iddefiniti, rispettivament fl-Artikolu 1(2)(a) u (d) u (3) tad-Direttiva 2004/17 jirriżulta li d-differenza bejn kuntratt għal servizzi u konċessjoni għal servizzi tinsab fil-korrispettiv tal-provvista ta’ servizzi. Il-kuntratt għal servizzi jinvolvi korrispettiv li jitħallas direttament mill-awtorità kontraenti lill-fornitur ta’ servizzi filwaqt li, fil-każ ta’ konċessjoni għal servizzi, il-korrispettiv tal-provvista għal servizzi jikkonsisti fid-dritt tal-operat tas-servizz, kemm waħdu, jew flimkien ma’ prezz (ara f’dan is-sens, is-sentenza Eurawasser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).
42 Fir-rigward ta’ kuntratt li jikkonċerna servizzi, iċ-ċirkustanza li l-parti kontraenti ma titħallasx direttament mill-awtorità kontraenti, iżda li għandha d-dritt li tirċievi remunerazzjoni mingħand terzi, tissodisfa r-rekwiżit ta’ korrispettiv, previst fl-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2004/17 (ara’ b’mod partikolari, is-sentenza Eurawasser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).
43 Dan huwa l-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-fornitur tas-servizzi ta’ trasport pubbliku bil-karozza tal-linja jingħata d-dritt li jopera servizzi li bħala korrispettiv tagħhom huwa jitħallas mill-utenti ta’ dawn is-servizzi skont it-tariffa fissa.
44 Jekk il-metodu ta’ remunerazzjoni huwa wieħed mill-elementi determinanti sabiex tiġi kkwalifikata konċessjoni għal servizzi, mill-ġurisprudenza jirriżulta, barra minn hekk, li l-konċessjoni għal servizzi timplika li l-konċessjonarju jieħu r-riskju marbut mal-operat tas-servizzi inkwistjoni. L-assenza ta’ trasferiment lill-fornitur tar-riskju marbut mal-provvista tas-servizzi tindika li t-tranżazzjoni msemmija tikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi u mhux konċessjoni għal servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).
45 Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk il-fornitur jiħux ir-riskju marbut mal-operat tas-servizz. Għalkemm dan ir-riskju, jista’, ċertament, sa mill-bidu, ikun limitat ħafna, il-kwalifika bħala konċessjoni għal servizzi teħtieġ, madankollu, li l-awtorità kontraenti tittrasferixxi lill-konċessjonarju r-riskju kollu jew, tal-inqas, parti sostanzjali mir-riskju tal-operat li huwa jkun suġġett għalih (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
46 Fil-fatt, huwa magħruf li ċerti setturi ta’ attività, b’mod partikolari s-setturi ta’ utilità pubblika bħal dak fil-kawża prinċipali, huma suġġetti għal leġiżlazzjoni li jista’ jkollha l-effett li tillimita r-riskji ekonomiċi inkorsi. Minn naħa, ir-regoli tad-dritt pubbliku li huwa suġġett għalihom l-operat ekonomiku u finanzjarju tas-servizz jiffaċilitaw il-kontroll tal-operat ta’ dan tal-aħħar u jnaqqsu l-fatturi li jistgħu jippreġudikaw it-trasparenza u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jkun jibqa’ possibbli għall-awtoritajiet kontraenti, filwaqt li jaġixxu bil-bona fide, li jiżguraw il-provvista ta’ servizzi permezz ta’ konċessjoni, fil-każ fejn iqisu li dan ikun l-aħjar metodu sabiex jiġi żgurat is-servizz pubbliku kkonċernat, u dan anki jekk ir-riskju marbut mal-operat huwa limitat ħafna (sentenza Eurawasser, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 sa 74).
47 F’tali sitwazzjonijiet, peress li l-awtorità kontraenti ma għandha ebda influwenza fuq ir-regoli tad-dritt pubbliku applikabbli għall-organizzazzjoni tas-servizz, huwa impossibbli li din tintroduċi, u għalhekk, tittrasferixxi fatturi ta’ riskju li huma esklużi minn dawn ir-regoli. Barra minn hekk, ma huwiex raġonevoli li awtorità pubblika konċedenti tintalab toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ riskju ekonomiku iktar għoljin minn dawk li, minħabba l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-settur ikkonċernat, jeżistu f’dan tal-aħħar (ara s-sentenza Eurawasser, iċċitata iktar ’il fuq, punti 75 u 76).
48 Ir-riskju marbut mal-operat għandu jinftiehem bħala r-riskju ta’ espożizzjoni għall-inċertezzi tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eurawasser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67), li jista’ jikkonsisti b’mod partikolari fir-riskju ta’ kompetizzjoni minn operaturi oħra, riskju ta’ diskrepanza bejn l-offertà u t-talba għas-servizzi, riskju ta’ insolvenza tad-debituri minħabba l-prezz tas-servizzi pprovduti, riskju li l-ispejjeż tal-operat ma jiġux koperti mid-dħul jew anki r-riskju ta’ responsabbiltà ta’ dannu marbut ma’ nuqqas fis-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).
49 Min-naħa l-oħra, riskji bħal dawk marbuta ma’ amministrazzjoni ħażina jew ma’ żbalji fl-evalwazzjoni tal-operatur ekonomiku ma humiex determinati għall-kwalifika ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi jew konċessjoni għal servizzi, peress li dawn ir-riskji huma fil-fatt parti minn kull kuntratt, kemm jekk dan jikkorrispondi ma’ kuntratt pubbliku għal servizzi jew konċessjoni għal servizzi (sentenza Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).
50 Jekk, kif ġie rrilevat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, ir-riskju ekonomiku marbut mal-operat jista’ jkun, sa mill-bidu, limitat ħafna minħabba r-regoli ta’ dritt pubbliku tal-organizzazzjoni tas-servizz, il-kwalifika bħala konċessjoni għal servizzi teħtieġ madankollu li l-awtorità kontraenti titrasferixxi lill-konċessjonarju r-riskju kollu, jew tal-inqas, parti sinjifikattiva mir-riskju marbut mal-operat li huwa jkun suġġett għalih.
51 Issa, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali tipprovdi li l-entità kontraenti tikkumpensa lill-fornitur ta’ serivzzi għat-telf ta’ operat, u barra minn hekk, minħabba regoli ta’ dritt pubbliku u klawżoli kuntrattwali li jirregolaw il-provvista ta’ dawn is-servizzi, il-fornitur ma jiħux parti sinjifikattiva mir-riskju marbut mal-operat.
52 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, b’mod partikolari, skont klawżoli kuntrattwali, il-parti rikjedenti tikkumpensa, skont il-fondi allokati għall-baġit mill-Istat, it-telf marbut mal-provvista tas-servizzi ta’ trasport, ikkawżat minn din il-provvista, kif ukoll l-ispejjeż konnessi, ladarba jitnaqqas id-dħul tal-operat tas-servizzi ta’ trasport.
53 Barra minn hekk, skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Digriet Nru 2009/1226, il-fornitur huwa kkumpensat għat-telf marbut mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt f’dak li jikkonċerna l-parti tal-infiq inevitabbli marbut mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku għal trasport li jaqbeż id-dħul, l-infiq ikkawżat mill-applikazzjoni tat-tariffi stabbiliti mill-parti rikjedenti, it-telf tad-dħul dovut għall-fatt li l-parti rikjedenti imponiet tnaqqis tariffarju fir-rigward ta’ kategoriji ta’ passiġġieri differenti, u l-ispejjeż ikkawżati minħabba l-osservanza ta’ regoli kwalitattivi imposti meta l-provvista tas-servizz tkun diġà bdiet, peress li dawn ir-regoli jwasslu għal spejjeż addizzjonali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ kwalità meħtieġa preċedentement.
54 Ma’ dan għandu jingħad li l-Artikolu 40 tad-Digriet Nru 2009/1226 jipprovdi l-ħlas lill-persuna li tieħu l-kuntratt ta’ ammont bħala profitti, li huwa ffissat billi jiġi mmultiplikat id-dħul b’perċentwali ta’ profitt ikkalkulat billi jiżdied 2.5 % mar-rata medja tas-suq interbankarju Ewropew (Euribor) matul it-tnax-il-xahar tas-sena ta’ riferiment.
55 Fir-rigward ta’dawn il-klawżoli u dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, ma jistax jiġi konkluż li parti sinjifikattiva tar-riskju ta’ espożizzjoni għall-inċertezzi tas-suq jiġi sosntut mill-parti li tieħu l-kuntratt. Għalhekk, tali tranżazzjoni għandha tiġi kkwalifikata bħala “kuntratt ta’ servizz” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Diretiva 2004/17 u mhux bħala “konċessjoni ta’ servizz” fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b) ta’ din id-direttiva.
56 Ċertament, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ma qablux dwar l-iskala tar-riskju konkretament meħud mill-persuna li tieħu l-kuntratt. Għalhekk, il-Gvern Latvjan u l-konvenut fil-kawża prinċipali jsostnu, kuntrarjament għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea, li fatturi differenti, bħat-tnaqqis tar-riżorsi pubbliċi ddestinati sabiex ikopru t-telf possibbli, l-assenza ta’ kopertura ta’ ċertu nfiq u telf, marbuta b’mod partikolari mal-bidla fir-rotot u l-vjaġġi, jew ukoll l-inċertezza rigward it-talba tal-utenti, iżidu r-riskju b’mod li parti sostanzjali tiegħu hija fil-verità sostnuta mill-persuna li tieħu l-kuntratt, iktar u iktar meta t-tul tal-kuntratt huwa ta’ tmien snin. Għaldaqstant, din hija tassew konċessjoni għal servizzi.
57 Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkwalifika konkretament it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li kwalifika bħal din taqa’ biss fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat li tipprovdi lill-qorti nazzjonali interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni utli għad-deċiżjoni li hija għandha tieħu fil-kawża li tressqet quddiemha (ara’ b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubur 2005, Parking Brixen, C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punt 32).
58 Il-qorti nazzjonali hija l-unika fil-pożizzjoni, minn naħa, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha u, min-naħa l-oħra, li tevalwa l-parti tar-riskju li tittieħed konkretament mill-parti kontraenti skont dan id-dritt u tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali inkwistjoni. Madankollu, l-eżami tat-tranżazzjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali, bħal dawk li ġew sostnuti fid-deċiżjoni tar-rinviju, iwassal, fl-ewwel lok, għall-konklużjoni li din it-tranżazzjoni tippreżenta l-karatteristiċi ta’ kuntratt għal servizzi.
59 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2004/17 għandha tiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “kuntratt għal servizzi” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) ta’ din id-direttiva kuntratt li permezz tiegħu parti kontraenti, skont regoli ta’ dritt pubbliku u klawżoli kuntrattwali li jirregolaw il-provvista ta’ dawn is-servizzi, ma tieħux parti sinjifikattiva mir-riskju li l-awtorità kontraenti tkun suġġetta għalih. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi kkwalifikata bħala konċessjoni għal servizzi jew bħala kuntratt pubbliku għal servizzi fid-dawl tal-karatteristiċi kollha ta’ din it-tranżazzjoni.
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
60 Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-ipoteżi fejn il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu jiġi kkwalifikat bħala “kuntratt pubbliku għal servizzi” fis-sens tad-Direttiva 2004/17, l-Artikolu 2d(1)(b) tad-Direttiva 92/13 li, skont l-Artikolu 1 tagħha, japplika għall-kuntratti intiżi mid-Direttiva 2004/17, japplika għal-dan il-kuntratt, meta dan kien ġie konkluż qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66, liema direttiva inkludiet l-imsemmi Artikolu 2d(1)(b) fid-Direttiva 92/13 u, f’każ ta’ risposta pożittiva, jekk din l-aħħar dispożizzjoni hija direttament applikabbli.
61 Fil-każ fejn, bħalma jsostni l-Gvern Latvjan, id-Direttiva 2004/18 hija applikabbli, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/66 inkluda fid-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), id-dispożizzjonijiet identiċi għal dawk tal-Artikoli 2d u 2f tad-Direttiva 92/13, b’mod li l-interpretazzjoni ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet hija direttament trasponibbli għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 89/665 kif emendata.
62 Skont l-Artikolu 2d(1)(b) tad-Direttiva 92/13, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni, b’mod partikolari jekk ġie konkluż li, skont l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, korp tal-prim’istanza, li hu indipendenti mill-entità kontraenti, jkollu jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, jew jekk ġie konkluż mingħajr ma ġie osservat it-terminu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 2a(2) ta’ din id-direttiva.
63 Mingħajr ma hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66, individwu jistax jibbaża fuq l-Artikolu2d(1)(b) tad-Direttiva 92/13 quddiem il-qrati nazzjonali kontra awtorità kontraenti bħall-konvenut fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni fi kwalunkwe każ ma hijiex applikabbli għal kuntratti li, bħal fil-kawża prinċipali, ġew konklużi qabel l-iskadenza, fl-20 ta’ Diċembru 2009, tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66, peress li t-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar ma seħħitx qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.
64 Huwa paċifiku li d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni ttieħdet fit-2 ta’ Settembru 2009 u li l-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż fid-9 ta’ Ottubru 2009.
65 Iċ-ċirkustanza li, skont l-Artikolu 2f(1)(b) tad-Direttiva 92/13, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-applikazzjoni għal reviżjoni skont l-Artikolu 2d(1) ta’ din id-direttiva għandha sseħħ f’kull każ qabel l-iskadenza ta’ “perijodu ta’ mill-anqas 6 xhur b’effett mill-jum wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt” ma tippermettix li jiġi konkluż li kuntratti li, bħal fil-kawża prinċipali, ġew konklużi fis-sitt xhur qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66 jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 2d(1)(b).
66 Fl-assenza ta’ kull indikazzjoni fid-Direttiva 2007/66 dwar ir-retroattività tad-dispożizzjoni inkwistjoni, imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tapplika għal kuntratti li kienu ġew konklużi qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.
67 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 2d(1) tad-Direttiva 92/13 ma japplikax għal kuntratti pubbliċi mogħtija qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66.
Fuq l-ispejjeż
68 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu rrimborsati.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-Direttiva 2004/17 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali għandha tiġi interpretata fis-sens li jikkostitwixxi “kuntratt għal servizzi” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) ta’ din id-direttiva kuntratt li permezz tiegħu parti kontraenti, skont regoli ta’ dritt pubbliku u klawżoli kuntrattwali li jirregolaw il-provvista ta’ dawn is-servizzi, ma tieħux parti sinjifikattiva mir-riskju li l-awtorità kontraenti tkun suġġetta għalih. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi kkwalifikata bħala konċessjoni għal servizzi jew bħala kuntratt pubbliku għal servizzi fid-dawl tal-karatteristiċi kollha ta’ din it-tranżazzjoni
2) L-Artikolu 2d(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, ma japplikax għal kuntratti pubbliċi mogħtija qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.