Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CJ0109

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta' Ottubru 2011.
    Solvay SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell - Kompetizzjoni - Suq tas-soda fil-Komunità - Abbuż minn pożizzjoni dominanti - Ksur tad-drittijiet tad-difiża - Aċċess għall-fajl - Smigħ tal-impriża.
    Kawża C-109/10 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-10329

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:686

    Kawża C-109/10 P

    Solvay SA

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Appell — Kompetizzjoni — Suq tas-soda fil-Komunità — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Smigħ tal-impriża”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Aċċess għall-fajl — Suġġett — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

    2.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Smigħ tal-impriżi — Portata tal-obbligu wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni

    (Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27)

    1.        Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl fil-kawżi ta’ kompetizzjoni jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża ta’ din l-impriża. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra.

    Il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl matul il-proċedura preliminari għall-adozzjoni tad-deċiżjoni jista’, fil-prinċipju, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni fejn dan jippreġudika d-drittijiet tad-difiża. F’każ bħal dan, il-ksur li jseħħ ma jiġix rettifikat mis-sempliċi fatt li l-aċċess sar possibbli matul il-proċedura ġudizzjarja li tikkonċerna rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, peress li l-eżami tal-Qorti Ġenerali huwa limitat għal stħarriġ ġudizzjarju tal-motivi mqajma, dan la għandu l-għan u lanqas l-effett li jissostitwixxi investigazzjoni sħiħa tal-każ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, l-għarfien tardiv ta’ ċerti dokumenti tal-fajl ma jpoġġix lill-impriża, li tkun ippreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku hija setgħet tibbaża ruħha fuq l-istess dokumenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha quddiem din l-istituzzjoni.

    Meta l-aċċess għall-fajl, u b’mod iktar partikolari għal dokumenti li jiskaġunaw, ikun żgurat fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, l-impriża kkonċernata ma għandhiex turi li, kieku hija kellha aċċess għad-dokumenti mhux ikkomunikati, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li dawn id-dokumenti setgħu kienu utli għad-difiża tagħha. F’dan ir-rigward, peress li l-impriża kkonċernata ma kellhiex aċċess għal dokumenti nieqsa li fihom ma huwiex eskluż li hija setgħet issib elementi li jippermettulha li tagħti interpretazzjoni tal-fatti differenti minn dik mogħtija mill-Kummissjoni, u li l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti la huwa determinat u lanqas ma jista’ jiġi ddeterminat, din l-impriża ma tistax tiġi obbligata tippreċiża l-argumenti li hija setgħet tinvoka kieku hija kellha dawn id-dokumenti għad-dispożizzjoni tagħha, liema ħaġa kienet fiżikament impossibbli għaliha li tkun taf.

    (ara l-punti 54-57, 62, 63)

    2.        Meta l-Kummissjoni, wara l-annullament tad-deċiżjoni li tissanzjona impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81(1) KE, minħabba difett proċedurali li jikkonċerna esklużivament ir-regoli dettaljati tal-adozzjoni definittiva tagħha mill-kulleġġ tal-kummissarji, tadotta deċiżjoni ġdida, b’kontenut sostanzjalment identiku u fondat fuq l-istess ilmenti, hija ma għandhiex l-obbligu li tisma’ mill-ġdid lill-impriżi kkonċernati.

    Madankollu, ma jistax jingħad l-istess meta l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni hija affettwata minn difett, jiġifieri ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba li l-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, ma tatx lill-impriża kkonċernata aċċess suffiċjenti għad-dokumenti u b’mod partikolari għal dawk li setgħu jintużaw għad-difiża ta’ din l-impriża, difett li huwa ferm iktar kmieni mid-difett proċedurali ċċitat iktar ’il fuq. Meta tadotta, f’tali ċirkustanżi, l-istess deċiżjoni bħal dik li kienet ġiet annullata minħabba dan id-difett proċedurali mingħajr ma tiftaħ proċedura amministrattiva ġdida li fil-kuntest tagħha l-impriża kkonċernata tinstema’ minnha wara li tingħata aċċess għall-fajl, il-Kummissjoni tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ din l-impriża.

    (ara l-punti 67-71)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    25 ta’ Ottubru 2011 (*)

    “Appell – Kompetizzjoni – Suq tas-soda fil-Komunità – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Ksur tad-drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl – Smigħ tal-impriża”

    Fil-Kawża C‑109/10 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2010,

    Solvay SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn P. Foriers, R. Jafferali, F. Louis, u A. Vallery, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2011,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal-14 ta’ April 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tal-appell tagħha, Solvay SA (iktar ’il quddiem “Solvay”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Diċembru 2009 (T‑57/01) (Ġabra p. II‑4621, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/6/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (COMP/33.133 - C: Karbonat tas-soda - Solvay) (ĠU 2003, L 10, p. 10, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), u, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha.

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2        Solvay hija impriża importanti tal-kimika. Il-fundatur tagħha, Ernest Solvay, ivvinta proċess li bih tiġi prodotta b’mod sintetiku s-soda, li huwa materjal użat prinċipalment fil-produzzjoni tal-ħġieġ. Is-soda tintuża wkoll fl-industrija tal-kimika, għall-produzzjoni ta’ deterġenti, kif ukoll fil-metallurġija.

    3        Lejn l-1870, Solvay tat liċenzja ta’ produzzjoni lil Brunner, Mond & Co., waħda mill-kumpanniji li jikkostitwixxu l-Imperial Chemical Industries (iktar ’il quddiem “ICI”). Solvay kif ukoll Brunner, Mond & Co. qasmu l-isferi ta’ influwenza tagħhom (“Alkali Cartel”), fejn Solvay kienet attiva fil-kontinent Ewropew filwaqt li Brunner, Mond & Co. kienet attiva fil-Gżejjer Britanniċi, il-Commonwealth tal-Gran Brittanja u pajjiżi oħra tal-Afrika, tal-Asja u tal-Amerika ta’ Isfel. Il-ftehim inizjali ġie mġedded diversi drabi, b’mod partikolari fl-1945.

    4        Fi tmiem is-snin 1980, Solvay kienet il-produttur prinċipali tas-soda sew fil-Komunità Ewropea, fejn kienet tirrapreżenta 60 % tas-suq, kif ukoll fuq livell dinji. ICI kienet it-tieni produttur. Warajha kienu jsegwu erba’ produtturi żgħar, jiġifieri Rhône-Poulenc, Akzo, Matthes & Weber kif ukoll Chemische Fabrik Kalk (iktar ’il quddiem “CFK”).

    5        Soda naturali kienet tiġi estratta fl-Istati Uniti. L-ispiża tal-produzzjoni tagħha kienet inferjuri minn dik tas-soda sintetika, iżda ma’ dan l-ammont kellhom jiżdiedu l-ispejjeż tat-trasport. Għal xi snin, l-impriżi Komunitarji kienu protetti permezz ta’ miżuri antidumping, iżda dawn il-miżuri kienu suġġetti għal eżami mill-ġdid malli l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat bidu għall-proċeduri kkontestati. Fil-fatt, kien possibbli li d-dumping ma jibqax fis-seħħ.

    6        Il-produtturi tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant ukoll kienu kompetituri, iżda għal kwantitajiet ta’ soda ftit sinjifikattivi. L-importazzjoni minn dawn il-pajjiżi wkoll kienet suġġetta għal miżuri antidumping.

    7        Fis-suq Komunitarju, setgħu jiġu kkonstatati t-tqassim tal-isferi ta’ influwenza bejn Solvay u ICI, kif ukoll segmentazzjoni tas-swieq nazzjonali, b’differenzi sinjifikattivi fil-prezzijiet.

    8        Billi ssuspettat li kienu jeżistu ftehim bejn l-impriżi produtturi differenti tal-Komunità, il-Kummissjoni, fil-bidu tas-sena 1989, wettqet verifiki fi ħdan produtturi prinċipali tas-soda u ġabret kopja ta’ għadd kbir ta’ dokumenti. Dawn il-verifiki ġew issupplimentati minn talbiet għal informazzjoni.

    9        Fit-13 ta’ Marzu 1990, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet komuni lil Solvay, lil ICI u lil CFK. L-allegati ksur kienu jikkonsistu fi ksur:

    –        tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 85 tat-Trattat KE, li sar huwa stess l-Artikolu 81 KE), minn Solvay u minn ICI,

    –        tal-Artikolu 85 tat-Trattat, minn Solvay u minn CFK,

    –        tal-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 86 tat-Trattat KE, li sar huwa stess l-Artikolu 82 KE), minn Solvay,

    –        tal-Artikolu 86 tat-Trattat KEE, minn ICI.

    10      Il-Kummissjoni ma bagħtitx lil kull impriża inkawża d-dokumenti kollha, iżda biss id-dokumenti li jirrigwardaw il-ksur li kienet akkużata bih. Barra minn hekk, għadd kbir ta’ dokumenti jew partijiet ma ntbagħtux lill-impriżi kkonċernati minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

    11      L-imsemmija impriżi ġew mistiedna sabiex jinstemgħu. Jidher li Solvay ma xtaqitx tipparteċipa fis-seduti.

    12      Fid-19 ta’ Diċembru 1990, il-Kummissjoni adottat l-erba’ deċiżjonijiet li ġejjin:

    –        id-Deċiżjoni 91/297/KEE, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/33.133 – A: Karbonat tas-soda – Solvay, ICI) (ĠU 1991, L 152, p. 1), li permezz tagħha hija akkużat lil Solvay u lil ICI essenzjalment li komplew jaqsmu s-suq tas-soda bejniethom, minkejja l-affermazzjoni ta’ dawn l-impriżi li l-ftehim li kkonkludew matul is-sena 1945 ma kienx baqa’ jintuża, u sabiex permezz tagħha turi li l-aġir ma kienx awtonomu (“aġir parallel”), hija sostniet b’mod partikolari li, f’ċerti ċirkustanzi, kienet Solvay li aġixxiet għan-nom ta’ ICI, kif ukoll l-eżistenza ta’ kuntatt frekwenti bejn dawn iż-żewġ impriżi;

    –        id-Deċiżjoni 91/298/KEE, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/33.133 – B: Karbonat tas-soda – Solvay, CFK) (ĠU 1991, L 152, p. 16), li permezz tagħha allegat li Solvay u CFK ikkonkludew ftehim dwar prezz, inkambju, għal CFK, ta’ garanzija ta’ distribuzzjoni u bejgħ ta’ kwantità minima rivedibbli kull sena;

    –        id-Deċiżjoni 91/299/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu [82 KE] (IV/33.133 – C: Karbonat tas-soda – Solvay) (ĠU 1991, L 152, p. 21), li permezz tagħha hija akkużat lil Solvay li abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha meta applikat sistemi ta’ tnaqqis, roħs u skonti b’riferiment għal tunnellaġġ marġinali, intiż li jorbot lill-klijenti għall-bżonnijiet tagħhom kollha u li jeskludi lill-kompetituri;

    –        id-Deċiżjoni 91/300/KEE, dwar proċedura skont l-Artikolu [82 KE] (IV/33.133 – D: Karbonat tas-soda – ICI) (ĠU 1991, L 152, p. 40), li permezz tagħha hija akkużat aġir simili lil ICI.

    13      Dawn l-erba’ deċiżjonijiet ġew ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali. Solvay talbet l-annullament tad-Deċiżjonijiet 91/297 (Kawża T‑30/91), 91/298 (Kawża T‑31/91) u 91/299 (Kawża T‑32/91). ICI talbet l-annullament tad-Deċiżjonijiet 91/297 (Kawża T‑36/91) u 91/300 (Kawża T‑37/91). Min-naħa l-oħra, CFK ħallset il-multa li ġiet imposta fuqha bid-Deċiżjoni 91/298.

    14      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fis-27 ta’ Frar 1992, il-Qorti Ġenerali ddikjarat deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar akkordju bejn impriżi li jipproduċu l-klorur tal-polivinil (PVC) bħala ineżistenti minħabba n-nuqqas ta’ awtentikazzjoni regolari tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza tas-27 ta’ Frar 1992, BASF et vs Il‑Kummissjoni, T‑79/89, T‑84/89, T‑85/89, T‑86/89, T‑89/89, T‑91/89, T‑92/89, T‑94/89, T‑96/89, T‑98/89, T‑102/89 u T‑104/89, Ġabra p. II‑315). Fil-kawżi msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza li fihom hija kienet ir-rikorrenti, Solvay ippreżentat “rikorsi addizzjonali”, fejn fihom hija qajmet motiv ġdid intiż sabiex id-deċiżjoni li hija inizjalment kienet talbet l-annullament tagħha tiġi ddikjarata bħala ineżistenti, b’riferiment għal żewġ artikoli fl-istampa li minnhom irriżulta li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li fl-aħħar 25 sena hija ma kienet awtentikat l-ebda deċiżjoni.

    15      Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-appell mill-imsemmija sentenza permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555), il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet miżuri oħra ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ din il-kawża, u stiednet b’mod partikolari lill-Kummissjoni, sabiex fost oħrajn, tipproduċi t-test tad-deċiżjoni kkontestata mill-appellanti, kif awtentikata f’dak iż-żmien. Il-Kummissjoni wieġbet li kien jidhrilha xieraq li ma tiġix indirizzata l-fondatezza ta’ dan il-motiv sakemm il-Qorti Ġenerali tkun għadha ma ddeċidietx dwar l-ammissibbiltà tiegħu. Billi sadanittant, permezz ta’ digriet tal-25 ta’Ottubru 1994, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi t-test imsemmi hawn fuq, din wettqet l-ordni u pproduċiet it-test tal-imsemmija deċiżjoni. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 u tas-7 ta’ Diċembru 1994.

    16      Fid-29 ta’ Ġunju 1995 il-Qorti Ġenerali tat ħames sentenzi.

    17      Id-Deċiżjoni 91/297 ġiet annullata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża permezz tas-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑30/91, Ġabra p. II‑1775), u ICI vs Il‑Kummissjoni (T‑36/91, Ġabra p. II‑1847), minħabba li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma tatx aċċess suffiċjenti għad-dokumenti u b’mod partikolari għal dawk li setgħu jkunu utli għad-difiża. Sabiex jitqies li d-difett proċedurali amministrattiv ma setax jiġi rregolarizzat matul il-proċedura tal-qorti, il-Qorti Ġenerali osservat b’mod partikolari, fil-punt 98 tas-sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li, “jekk ir-rikorrenti seta’ jkollha, matul il-proċedura amministrattiva, dokumenti li setgħu jiskaġunawha, ir-rikorrenti setgħet eventwalment tinfluwenza l-evalwazzjonijiet magħmula mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, tal-inqas fir-rigward tal-valur probatorju tal-aġir parallel u passiv li bih hija ġiet akkużata fil-bidu, u għaldaqstant għaż-żmien tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kemm fis-sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fis-sentenza ICI vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, tal-inqas, il-Kummissjoni kellha tipprovdi lista tad-dokumenti provenjenti minn impriżi oħra, sabiex tippermetti li ssir verifika tal-kontenut tagħhom u tal-użu tagħhom għad-difiża.

    18      Id-Deċiżjoni 91/298 ġiet annullata f’dak li jikkonċerna lil Solvay permezz tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑31/91, Ġabra p. II‑1821), peress li din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kinitx ġiet suġġetta għal awtentikazzjoni regolari.

    19      Id-Deċiżjoni 91/299 ġiet annullata permezz tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑32/91, Ġabra p. II‑1825) għall-istess raġuni.

    20      Id-Deċiżjoni 91/300 kienet is-suġġett tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il‑Kummissjoni (T‑37/91, Ġabra p. II‑1901). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi u l-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti provenjenti minn impriżi oħra, minħabba li dawn id-dokumenti ma setgħux ikunu utli għad-difiża tar-rikorrenti, kif ukoll in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ lista ta’ dokumenti tar-rikorrenti stess. Madankollu l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ awtentikazzjoni regolari.

    21      Is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni, (T‑31/91), u Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑32/91), kienu s-suġġett ta’ appelli mill-Kummissjoni li taw lok għas-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs Solvay (C‑287/95 P u C‑288/95 P, Ġabra p. I‑2391). Bl-istess mod, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il‑Kummissjoni (T‑37/91), iċċitata iktar ’il fuq, kienet is-suġġett ta’ appell li ta lok għas-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI (C‑286/95 P, Ġabra p. I‑2341). Dawn l-appelli ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz taż-żewġ sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Solvay u Il‑Kummissjoni vs ICI.

    22      Fir-rigward ta’ Solvay, fit-13 ta’Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet ġodda, jiġifieri:

    –        Id-deċiżjoni inkwistjoni, li hija l-ekwivalenti tad-Deċiżjoni 91/299. It-termini ta’ dawn id-deċiżjonijiet huma essenzjalment l-istess. Id-deċiżjoni inkwistjoni, barra minn hekk, tinkludi deskrizzjoni tal-proċedura. Id-destinatarja tagħha hija Solvay, impriża li l-Kummissjoni imponiet fuqha multa ta’ EUR 20 miljun.

    –        Id-Deċiżjoni 2003/5/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (COMP/33.133 – B: Karbonat tas-soda – Solvay, CFK) (ĠU 2003, L 10, p. 1), li hija l-ekwivalenti tad-Deċiżjoni 91/298, iżda li barra minn hekk tinkludi deskrizzjoni tal-proċedura. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni timponi fuq Solvay multa ta’ EUR 3 miljun.

    23      Solvay ippreżentat xi rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet. Permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, Solvay vs Il‑Kummisjoni (T‑58/01, Ġabra p. II‑4781), u permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi.

     Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

    24      Billi r-rikorrenti qajmet il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ aċċess għall-fajl, il-Qorti Ġenerali, fid-19 ta’ Diċembru 2003, stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi, b’mod partikolari, lista enumerattiva dettaljata tad-dokumenti kollha tal-fajl. Wara li talbet rapport tat-terminu mogħti, il-Kummissjoni pprovdiet l-ewwel, u wara, it-tieni lista. Solvay talbet li tikkonsulta ċerti dokumenti. Huwa matul dan il-perijodu ta’ investigazzjonijiet li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li kienet tilfet xi fajls u li kien impossibbli għaliha li tagħti l-lista ta’ dokumenti li kien hemm fihom, peress li lanqas l-indiċi tad-diviżjonijiet, skont hi, ma setgħu jinstabu. Fil-15 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni rispettivament ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar l-utilità tad-dokumenti kkonsultati minn Solvay għad-difiża tagħha. Diversi domandi oħra ġew magħmula lill-partijiet matul is-sena 2008. Is-seduta saret fis-26 ta’ Ġunju tal-istess sena.

     Is-sentenza appellata

     L-argument invokat insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni

    25      Ir-rikorrenti qajmet sitt motivi, maqsuma f’partijiet, liema partijiet jinkludu għadd ta’ argumenti.

     L-ewwel motiv, dwar id-dekorrenza taż-żmien

    –       L-applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ preskrizzjoni

    26      Solvay sostniet li l-preskrizzjoni tal-proċeduri, ikkalkolata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perjodi ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] fil-proċedimenti [proċeduri] u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 61), ma tiġix sospiża matul il-proċedura ta’ appell. Skont Solvay, il-Kummissjoni setgħet tadotta deċiżjoni ġdida immedjatament wara l-għoti tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑31/91), iċċitata iktar ’il fuq. Meta ppreżentat appell, hija ħadet riskju, iktar u iktar peress li hija kienet taf bis-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF et, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni fuq il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ awtentikazzjoni ta’ atti.

    27      Filwaqt li bbażat argument fuq is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375), dwar it-tieni deċiżjoni “PVC”, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, qieset li kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-perijodu li matulu l-appell kien pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kien jikkostitwixxi perijodu ta’ sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni (punti 96 sa 109). Hija qajmet id-diffikultajiet prattiċi kkawżati mis-soluzzjoni proposta minn Solvay, jiġifieri il-koeżistenza eventwali ta’ żewġ deċiżjonijiet, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kummissjoni.

    –       Il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli

    28      Il-Qorti Ġenerali eżaminat kull fażi tal-proċedura u din tal-aħħar fit-totalità tagħha. Barra minn hekk hija rrilevat li, billi d-deċiżjoni inkwistjoni hija essenzjalment identika għad-Deċiżjoni 91/299, id-drittijiet tad-difiża ma ġewx miksura minkejja d-dekorrenza taż-żmien. B’mod partikolari hija osservat, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti kienet irrinunzjat espressament għall-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-multa bħala kumpens u li hija lanqas ma kienet ressqet talba għad-danni.

     It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali meħtieġa għall-adozzjoni u l-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

    29      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fir-rigward tal-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet ifformulata f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tad-Deċiżjoni 91/299 u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex tisma’ lir-rikorrenti mill-ġdid (punt 191 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, barra minn hekk, parti mill-imsemmi motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni ġdida tal-kumitat konsultattiv dwar akkordji u pożizzjonijiet dominanti kif ukoll dwar il-kompożizzjoni irregolari ta’ dan il-kumitat.

    30      Fil-punti 218 sa 230 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet parti mill-istess motiv ibbażata fuq l-użu ta’ dokumenti elevati bi ksur tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). Solvay qieset li, billi d-deċiżjoni ta’ verifika tal-5 ta’ April 1989 kienet biss intiża għal ksur tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni ma setgħetx tuża d-dokumenti elevati sabiex tibda proċeduri kontra r-rikorrenti skont l-Artikolu 82 KE. Il-Qorti Ġenerali wieġbet li l-Kummissjoni, f’din id-deċiżjoni tagħha ta’ verifika, ma kellhiex tagħmel analiżi preċiża tal-ksur u li, f’dan il-każ, parti mill-fatti allegati msemmija f’din id-deċiżjoni ta’ verifika, jiġifieri l-“implementazzjoni ta’ arranġamenti ta’ xiri esklużiv”, kienu l-istess bħal dawk miżmuma fil-kuntest tal-ksur ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma qabżitx il-qafas legali stabbilit bl-istess deċiżjoni ta’ verifika.

    31      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll parti mill-istess motiv, li hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità.

     It-tielet motiv, ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq ġeografiku rilevanti

    32      Wara li eżaminat dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 256 tas-sentenza appellata kkonkludiet li Solvay kienet tinsab f’pożizzjoni dominanti, li s-suq ġeografiku rilevanti huwa ddefinit bħala li huwa l-Komunità, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, jew bħala li huwa kull wieħed mill-Istati li fihom il-ksur tal-Artikolu 82 KE kien ġie attribwit lilha fis-suq tal-karbonat tas-soda.

     Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti

    33      Fil-punti 275 sa 279 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti. Hija kkonstatat il-partijiet tas-suq miżmuma minn Solvay u qieset, fil-punti 286 sa 304, li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma kinux jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw li l-konstatazzjoni li Solvay kienet f’pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni tiġi kkontestata.

     Il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti

    34      Wara li żgurat ruħha diversi drabi, fil-punti 325, 327, 349, 368, 369, 376 u 388 tas-sentenza appellata, li Solvay ma kkontestatx il-materjalità tal-provi prodotti kontriha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-prattiki akkużati, jiġifieri t-tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali, it-tnaqqis għal fedeltà, it-tnaqqis “grupp” lill-klijent prinċipali u l-ftehim ta’ esklużività, kienu jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti. Hija esponiet b’mod partikolari kif is-sistema ta’ tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali jwassal għal prattiki diskriminatorji.

     Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

    35      Il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk in-nuqqas ta’ aċċess għal ċerti dokumenti, matul il-proċedura amministrattiva, ipprekludiex lir-rikorrenti milli taqra d-dokumenti li setgħu jiġu użati għad-difiża tagħha. Hija kkonkludiet fin-negattiv, wara li stħarrġet jekk id-dokumenti invokati setgħux jibdlu d-determinazzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti, dak tas-suq tal-prodott inkwistjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet li Solvay kellha pożizzjoni dominanti u kienet abbużat minn din il-pożizzjoni. Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-parti bbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni kompleta tal-fajl. Wara li ppruvat tistabbilixxi l-kontenut tal-fajls mitlufa mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali vverifikat li l-aġir li Solvay kienet akkużata bih kien ippruvat bid-dokumenti li jinsabu fil-fajls eżistenti u kkonkludiet, fil-punt 479 tas-sentenza appellata, li “[seta’] jiġi eskluż li l-rikorrenti setgħet issib dokumenti utli għad-difiża tagħha […] fil-‛fajls sussidjarji’ neqsin”.

     L-argument invokat insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

    36      Ir-rikorrenti invokat ħames motivi, ibbażati fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur, fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, fuq in-natura sproporzjonata tal-multa u fuq id-dekorrenza taż-żmien.

    37      Fil-punti 510 u 511 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, f’deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiviżmu ġġustifikata minn kundanni minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE ma tistax tiġi aċċettata, u li, barra minn hekk, il-ksur li tagħhom Solvay diġà ġiet ikkundannata kienu differenti ħafna minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ. Konsegwentement, hija naqqset il-multa imposta b’5 %.

    38      Bħala tweġiba għall-ħames motiv invokat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li multa żżomm in-natura punittiva u dissważiva, anki wara ċertu mogħdija ta’ żmien.

    39      Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-multa għal EUR 19 miljun. Hija kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll 95 % ta’ dawk tal-Kummissjoni, u kkundannat lil din tal-aħħar għal 5 % tal-ispejjeż tagħha stess.

     Fuq l-appell

    40      L-appellanti tinvoka disa’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-dritt li l-kawża tiġi deċiża f’terminu raġonevoli. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 14 u 20 tar-Regolament Nru 17. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, li jirriżulta mill-fatt li, wara li rrifjutat lir-rikorrenti l-aċċess għall-fajl matul il-proċess amministrattiv, il-Kummissjoni tilfet parti minn dan tal-aħħar. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dak li jikkonċerna d-dokumenti li jiskaġunaw li setgħu jiġu kkonsultati fir-reġistru. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ li l-appellanti kellha qabel ma l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni inkwistjoni. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għas-sentenzi u tal-Artikolu 82 KE f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti meqjusa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għas-sentenzi u tal-Artikolu 82 KE matul l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni dominanti mwettqa fis-sentenza appellata. It-tmien aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għas-sentenzi u tal-Artikolu 82 KE f’dak li jikkonċerna t-tnaqqis mogħti lill-grupp Saint‑Gobain. Id-disa’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għas-sentenzi u tal-Artikolu 82 KE f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ abbuż ta’ diskriminazzjoni.

    41      Għandhom jiġu eżaminati, qabelxejn u flimkien, it-tielet u l-ħames aggravji, li t-tnejn li huma jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

     L-argumenti tal-partijiet

    42      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellanti tallega li, meta l-Qorti Ġenerali obbligatha turi li d-dokumenti mitlufa setgħu jiġu użati fid-difiża tagħha, il-Qorti Ġenerali imponiet fuqha prova impossibbli, peress li dawn id-dokumenti ma setgħux jiġu eżaminati.

    43      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-prinċipju li kien ikun biżżejjed li l-imsemmija dokumenti kienu jirrapreżentaw ċans, anki jekk żgħir, li jinfluwenzaw id-deċiżjoni inkwistjoni.

    44      Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti Ġenerali ma limitatx ruħha għal eżami provviżorju tal-fajl sabiex tivverifika jekk id-dokumenti nieqsa setgħux jinfluwenzaw id-deċiżjoni, iżda ddeċidiet fuq il-mertu mal-ewwel. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett ikkunsidrat li l-motivi fuq il-mertu invokati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni kellhom jiġu miċħuda sabiex minn hekk jiġi dedott, it-tieni nett, li d-dokumenti li ma ġewx żvelati lir-rikorrenti ma setgħu jkollhom l-ebda influwenza fuq l-imsemmija deċiżjoni.

    45      Permezz tar-raba’ parti tal-istess aggravju, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 470 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat “[li] ebda indikazzjoni ma [kienet] tippermetti preżunzjoni li [hija] setgħet issir taf fil-‘faljs sussidjarji’ neqsin b’dokumenti li jikkontestaw il-konstatazzjoni li hija kienet iżżomm pożizzjoni dominanti” fuq il-bażi tal-partijiet tas-suq biss u li għalhekk qalbet l-oneru tal-prova u kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza. L-appellanti kkontestat l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti u ma jistax jiġi eskluż li dokumenti oħra kienu jippermettulha li ssaħħaħ l-argument tagħha.

    46      Permezz tal-ħames parti tat-tielet aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża meta fil-punt 474 tas-sentenza appellata, hija kkunsidrat, dwar it-tnaqqis “grupp” mogħti lil Saint‑Gobain, li hija “jmissha għamlet l-aħjar li setgħet sabiex tindika sa fejn provi oħra setgħu jikkontestaw il-kontenut tal-protokoll sigriet jew, tal-inqas, jagħtuh dawl ġdid”.

    47      Permezz tas-sitt parti ta’ dan l-aggravju, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża meta fil-punt 471 tas-sentenza appellata kkunsidrat li żball tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq ġeografiku “ma setax ikollu influwenza determinanti fir-rigward tal-konklużjoni” b’mod li r-rikorrenti ma setgħetx issib, fid-diviżjonijiet mitlufa mill-Kummissjoni, dokumenti utli għad-difiża tagħha.

    48      Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argument tagħha li hija kellha tinstema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, minkejja l-eżistenza tas-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn il-proċedura amministrattiva kienet affettwata minn irregolaritajiet li rriżultaw min-nuqqas ta’ aċċess għall-fajl fi stadju preċedenti għal dak tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li jaffettwa l-validità tal-miżuri preparatorji tagħha, u peress li dawn l-irregolaritajiet kienu ġew ikkontestati mill-Qorti Ġenerali qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, fis-sentenza tad-29 ta’Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑30/91), iċċitata iktar ’il fuq.

    49      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tirrikonoxxi li, qabel adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tisma’ lill-impriża inkwistjoni minħabba li sentenza tal-Qorti Ġenerali, anki jekk tingħata fil-kuntest ta’ proċedura differenti, tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ difett li jkun affettwa l-miżuri preparatorji għad-deċiżjoni annullata. F’dan ir-rigward, l-appellanti tfakkar is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑30/91), iċċitata iktar ’il fuq, u tenfasizza li l-proċedura, f’din il-kawża, kienet affettwata mill-istess difetti bħal dawk imqajma fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza. Skont l-Artikolu 233 KE, il-Kummissjoni kienet obbligata li tislet il-konsegwenzi kollha minn sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali. Anki jekk id-Deċiżjoni 91/299 kienet ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba nuqqas ta’ awtentikazzjoni, il-Kummissjoni xorta kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑30/91), iċċitata iktar ’il fuq, li kienet ikkonstatat b’mod definittiv, irregolarità ta’ proċedura oħra. Il‑Kummissjoni għaldaqstant kienet marbuta, skont l-appellanti, li tkopri dan id-difett proċedurali kkonstatat mill-Qorti Ġenerali sabiex tirregolarizza l-proċedura u, għalhekk, li tqiegħda f’pożizzjoni li taċċeddi għall-fajl u li tippermettilha li tissottometti l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali kollha tagħha, u dan qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

    50      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà u l-fondatezza tal-aggravji u tal-argumenti invokati mill-appellanti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    51      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, permezz tal-aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, ir-rikorrenti ma tikkritikax l-evalwazzjonijiet tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali, iżda r-regoli applikati minnha fir-rigward tal-oneru tal-prova tal-utilità tad-dokumenti li parti minnhom ġiet mitlufa. Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali applikatx kriterju legali korrett fl-evalwazzjoni tal-utilità ta’ dawn id-dokumenti għad-difiża tar-rikorrenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt suġġett għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 40, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 117).

    52      Id-drittijiet tad-difiża huma drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P, u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 64).

    53      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi proċedura quddiem il-Kummissjoni li jkollha l-għan li timponi multa fuq impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jeħtieġ li l-impriża kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tgħarraf effettivament il-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66). Dawn id-drittijiet jinsabu fl-Artikoli 41(2)(a) u (b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    54      Hekk kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 405 tas-sentenza appellata, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża ta’ din l-impriża. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 315, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 68).

    55      Il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl matul il-proċedura preliminari għall-adozzjoni tad-deċiżjoni jista’, fil-prinċipju, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni fejn dan jippreġudika d-drittijiet tad-difiża (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 317).

    56      F’każ bħal dan, il-ksur li jseħħ ma jiġix rettifikat mis-sempliċi fatt li l-aċċess sar possibbli matul il-proċedura ġudizzjarja (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 318). Fil-fatt, peress li l-eżami tal-Qorti Ġenerali huwa limitat għal stħarriġ ġudizzjarju tal-motivi mqajma, dan la għandu l-għan u lanqas l-effett li jissostitwixxi investigazzjoni sħiħa tal-każ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, l-għarfien tardiv ta’ ċerti dokumenti tal-fajl ma jpoġġix lill-impriża, li tkun ippreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku hija setgħet tibbaża ruħha fuq l-istess dokumenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha quddiem din l-istituzzjoni (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57      Meta l-aċċess għall-fajl, u b’mod iktar partikolari għal dokumenti li jiskaġunaw, ikun żgurat fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, l-impriża kkonċernata ma għandhiex turi li, kieku hija kellha aċċess għad-dokumenti mhux ikkomunikati, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li dawn id-dokumenti setgħu kienu utli għad-difiża tagħha (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 128; Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 318, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 131).

    58      Għalkemm il-Qorti Ġenerali b’mod korrett fakkret dawn il-prinċipji, madankollu, fil-punt 481 tas-sentenza appellata, hija kkonkludiet li, “anki jekk ir-rikorrenti ma kellhiex aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni, din iċ-ċirkustanza ma pprekludithiex f’dan il-każ milli tiżgura d-difiża tagħha f’dak li jikkonċerna l-ilmenti dwar il-mertu li l-Kummissjoni [kienet] [i]kkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni [inkwistjoni]”.

    59      Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali preliminarjament eżaminat l-ilmenti mressqa fl-imsemmija deċiżjoni u l-provi materjali prodotti insostenn tagħhom. Tali mod ta’ proċedura ma jistax jiġi kkritikat peress li huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li l-utilità ta’ dokumenti oħra għad-difiża għandhom jiġu evalwati.

    60      Madankollu, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari bbażat il-konklużjoni tagħha fuq il-kunsiderazzjonijiet li, l-ewwel nett, “partijiet mis-suq estremament importanti jikkostitwixxu minnhom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti” u, jekk wieħed jassumi li ċirkustanzi bħal dawn kienu eżistew, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjorahom (punt 470 tas-sentenza appellata), it-tieni nett, “eventwali żball tal-Kummissjoni [f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas-suq ġeografiku] ma setax ikollu influwenza determinanti fir-rigward tal-konklużjoni” (punt 471 ta’ din is-sentenza) u, it-tielet nett, “ir-rikorrenti jmissha għamlet l-aħjar li setgħet sabiex tindika sa fejn provi oħra setgħu jikkontestaw il-kontenut tal-protokoll sigriet jew, tal-inqas, jagħtuh dawl ġdid” (punt 474 tal-imsemmija sentenza).

    61      Affermazzjonijiet bħal dawn jinjoraw il-konsegwenzi li jirriżultaw mit-telf ta’ fajls, f’dan il-każ, għad-drittijiet tar-rikorrenti. Fil-fatt, b’dan ir-raġunament, il-Qorti Ġenerali tibbaża fuq ipoteżijiet mhux biss f’dak li jikkonċerna l-kontenut tad-dokumenti li ntilfu, iżda wkoll f’dak li jikkonċerna l-għarfien li r-rikorrenti kellu jkollha tal-kontenut. B’mod partikolari, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 202 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax għaliex ir-rikorrenti stess kellha tkun taf b’ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu jikkontribwixxu sabiex jirribattu l-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti bbażata fuq l-informazzjoni relattiva għall-partijiet mis-suq.

    62      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-Kummissjoni, il-fajls sussidjarji neqsin x’aktarx kien fihom it-tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni magħmula skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Għalhekk, ma huwiex eskluż li, f’dawn il-fajls sussidjarji, ir-rikorrenti setgħet issib elementi li ġejjin minn impriżi oħra u li jippermettulha li tagħti interpretazzjoni tal-fatti differenti minn dik mogħtija mill-Kummissjoni, li setgħet tkun utli għad-difiża tagħha.

    63      Peress li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għal dawn id-dokumenti u li l-kontenut tagħhom la kien determinat u lanqas ma seta’ jiġi ddeterminat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet fuq ir-rikorrenti, hekk kif għamlet fil-punt 474 tas-sentenza appellata, sabiex tippreċiża l-argumenti li hija setgħet tinvoka kieku hija kellha dawn id-dokumenti għad-dispożizzjoni tagħha, liema ħaġa kienet fiżikament impossibbli għaliha li tkun taf.

    64      Għandu jiġi enfasizzat li f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni ta’ xi dokumenti neqsin li l-kontenut tagħhom seta’ jiġi kkostitwit mill-ġdid minn sorsi oħra, iżda ta’ fajls sussidjarji sħaħ li, jekk is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni indikati fil-punt 62 ta’ din is-sentenza kienu eżatti, setgħu jinkludu dokumenti essenzjali tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni u li setgħu jkunu rilevanti għad-difiża tar-rikorrenti.

    65      Minn dan isegwi li, meta fil-punt 481 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li s-sitwazzjoni fejn ir-rikorrenti ma kellhiex aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni ma pprekludithiex milli tiżgura d-difiża tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-ksur, mill-Kummissjoni, tad-drittijiet tad-difiża, kisret il-prinċipji tal-oneru tal-prova u bbażat ruħha fuq suppożizzjonijiet, fir-rigward tal-kontenut tad-dokumenti nieqsa, li kien impossibbli għall-Qorti Ġenerali stess li tivverifika.

    66      Fir-rigward tas-smigħ tal-impriża kkonċernata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, invokat mill-appellanti fil-ħames aggravju tagħha, għandu jitfakkar li dan jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża. Issa, ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi eżaminat skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

    67      Fil-punt 184 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret li, meta l-Kummissjoni, wara l-annullament tad-deċiżjoni li tissanzjona impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81(1) KE, minħabba difett proċedurali li jikkonċerna esklużivament ir-regoli dettaljati tal-adozzjoni definittiva tagħha mill-kulleġġ tal-kummissarji, tadotta deċiżjoni ġdida, b’kontenut sostanzjalment identiku u fondat fuq l-istess ilmenti, hija ma għandhiex l-obbligu li tisma’ mill-ġdid lill-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 83 sa 111).

    68      F’dan il-każ, il-kwistjoni tas-smigħ tar-rikorrenti madankollu, ma tistax tiġi sseparata mill-aċċess għall-fajl. Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjoni inkwistjoni għandha kontenut sostanzjalment identiku u hija bbażata fuq l-istess ilmenti tal-ewwel deċiżjoni annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba difett proċedurali li seħħ fl-aħħar stadju tal-proċedura, jiġifieri nuqqas ta’ awtentikazzjoni regolari mill-kulleġġ tal-kummissarji, xorta jibqa’ l-fatt li l-adozzjoni ta’ din l-ewwel deċiżjoni kienet ukoll affettwata minn difett ferm iktar kmieni minn dan l-aħħar difett. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija l-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni ma pprovdietx lir-rikorrenti bid-dokumenti kollha li kienu fil-fajl tagħha, b’mod partikolari d-dokumenti li jiskaġunaw.

    69      Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑30/91), u ICI vs Il‑Kummissjoni (T‑36/91), il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fir-rigward tad-Deċiżjoni 91/297 imsemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, liema deċiżjoni hija konnessa mad-deċiżjoni inkwistjoni u li hija s-suġġett tal-istess komunikazzjoni ta’ lmenti, li din il-proċedura amministrattiva kienet ivvizzjata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li l-Kummissjoni ma kinitx tat lill-impriża kkonċernata aċċess suffiċjenti għad-dokumenti u b’mod partikolari għal dawk li setgħu jintużaw għad-difiża ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat dawn id-deċiżjonijiet, filwaqt li fakkret, b’mod partikolari, li minn naħa, l-aċċess għall-fajl fil-kawżi ta’ kompetizzjoni, jaqa’ taħt il-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-dritijiet tad-difiża, u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi stabbilita lista ddettaljata ta’ dokumenti li jifformaw parti mill-fajl, u dan sabiex l-impriża kkonċernata tkun tista’ tevalwa l-opportunità li titlob li jkollha aċċess għal dokumenti speċifiċi li jistgħu ikunu utli għad-difiża tagħha (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, punti 59 u 101 kif ukoll ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑36/91, punti 69 u 111).

    70      Minkejja dawn l-elementi u minkejja ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonferma l-importanza tal-aċċess għall-fajl u, b’mod iktar partikolari, għad-dokumenti li jiskaġunaw (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235), il-Kummissjoni adottat l-istess deċiżjoni bħal dik li kienet ġiet annullata fuq nuqqas ta’ awtentikazzjoni regolari, mingħajr ma fetħet proċedura amministrattiva ġdida li fil-kuntest tagħha l-appellanti kienet tinstema’ minnha wara li kienet tingħata aċċess għall-fajl.

    71      Minn dan jirriżulta li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, u b’mod partikolari billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-ewwel deċiżjoni kienet ġiet annullata fuq nuqqas ta’ awtentikazzjoni regolari u li t-tieni deċiżjoni kienet tinkludi l-istess ilmenti, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, qieset li s-smigħ tar-rikorrenti ma kienx neċessarju. Għalhekk hija wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-drittijiet tad-difiża u meta ma semgħetx lil din tal-aħħar qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

    72      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li t-tielet u l-ħames aggravji huma fondati u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata peress li, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali naqset milli tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    73      Billi r-rikonoxximent tal-fondatezza tat-tielet u l-ħames aggravji jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra.

     Fuq ir-rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni

    74      Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija tista’ għalhekk tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ hawnhekk.

    75      Mill-punti 51 sa 72 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rikors huwa fondat u li hemm lok li d-deċiżjoni inkwistjoni tiġi annullata minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża.

     Fuq l-ispejjeż

    76      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet fil-parti l-kbira tal-aggravji tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż kollha sostnuti mill-appellanti, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, kif mitlub mill-appellanti.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-17 ta’ Diċembru 2009, Solvay vs Il-Kummissjoni (T‑57/01), hija annullata.

    2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/6/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (COMP/33.133 – C: Karbonat tas-soda – Solvay), hija annullata.

    3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq