EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CJ0094

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-20 ta' Ottubru 2011.
Danfoss A/S u Sauer-Danfoss ApS vs Skatteministeriet.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Vestre Landsret - id-Danimarka.
Taxxi indiretti - Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali - Inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni - Nuqqas ta’ restituzzjoni tas-sisa lix-xerrejja ta’ prodotti li fuqhom is-sisa ġiet mgħoddija.
Kawża C-94/10.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-09963

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:674

Kawża C-94/10

Danfoss A/S

u

Sauer-Danfoss ApS

vs

Skatteministeriet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret)

“Taxxi indiretti — Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni — Nuqqas ta’ ħlas lura tas-sisa lix-xerrejja ta’ prodotti li fuqhom ġiet mgħoddija s-sisa”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dritt tal-Unjoni — Effett dirett — Taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Ħlas lura — Rifjut — Kundizzjoni

2.        Dritt tal-Unjoni — Effett dirett — Taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Ħlas lura — Talba għal rimbors imressqa mix-xerrej finali liema xerrej ma ħallasx it-taxxa lill-awtoritajiet tat-taxxa

3.        Dritt tal-Unjoni — Effett dirett — Taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Talba għad-danni

1.        Id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkomplimenta d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi. Għaldaqstant, l-Istat Membru huwa obbligat, bħala prinċipju, li jirrimborsa t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-ħlas lura jista’ jiġi rrifjutat biss meta dan iwassal għal arrikkiment indebitu tal-aventi kawża, jiġifieri meta huwa stabbilit li l-persuna responsabbli li tħallas dawn id-dazji tkun effettivament għaddiethom direttament fuq ix-xerrej.

(ara l-punti 20, 21)

2.        Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jopponi talba għal rimbors ta’ taxxa indebita mressqa mix-xerrej li fuqu għaddiet dik it-taxxa, għar-raġuni li ma huwiex dan tal-aħħar li ħallasha lill-awtoritajiet tat-taxxa, dment li dan jista’, taħt id-dritt intern, iressaq azzjoni ċivili għall-irkupru ta’ ħlas indebitu fir-rigward tal-persuna taxxabbli u dment li r-rimbors minn dan tal-aħħar tat-taxxa indebita ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli;

Madankollu, jekk ir-rimbors mill-persuna taxxabbli jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza ta’ dan l-aħħar imsemmi, il-prinċipju ta’ effettività jirrikjedi li x-xerrej ikun jista’ jagħmel it-talba tiegħu għal rimbors direttament lill-awtoritajiet tat-taxxa, u li, għalhekk, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-għodda u l-metodi proċedurali neċessarji.

(ara l-punti 28, 29, u d-dispożittiv 1)

3.        Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jiċħad talba għad-danni mressqa mix-xerrej li fuqu l-persuna taxxabbli għaddiet taxxa indebita, fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ rabta kawżali diretta bejn il-ġbir ta’ dik it-taxxa u d-dannu subit, dment li x-xerrej jista’, fuq il-bażi tad-dritt intern, jidderieġi l-imsemmija talba kontra l-persuna taxxabbli u li l-kumpens, minn dan tal-aħħar, tad-dannu subit mix-xerrej ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

Madankollu, jekk il-kumpens mill-persuna taxxabbli, tad-dannu subit mix-xerrej li ġarr il-piż ekonomiku tat-taxxa indebita u li ġiet mgħoddija lilu jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari f’każ ta’ insolvenza tal-persuna taxxabbli, il-prinċipju ta’ effettività jeħtieġ li l-imsemmi xerrej ikun f’pożizzjoni li jidderieġi t-talba tiegħu għad-danni direttament kontra l-Istat, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun jista’ validament jopponi n-nuqqas tar-rabta kawżali diretta bejn il-ġbir tat-taxxa indebita u d-dannu subit mix-xerrej.

(ara l-punti 38, 39, u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Taxxi indiretti – Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni – Nuqqas ta’ ħlas lura tas-sisa lix-xerrejja ta’ prodotti li fuqhom ġiet mgħoddija s-sisa”

Fil-Kawża C-94/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2010, fil-proċedura

Danfoss A/S,

Sauer-Danfoss ApS

vs

Skatteministeriet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Danfoss A/S, minn T. K. Kristjánsson u H. S. Hansen, avukati,

–        għal Sauer-Danfoss ApS, minn A. Møllin u E. Vistisen, avukati,

–        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, K. Lundgaard Hansen u B. Weis Fogh, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn K. Rokicka, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn P. Mantle, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Fenger u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-irkupru ta’ ħlas indebitu u tar-responsabbiltà tal-Istat Membru minħabba ġbir ta’ taxxa inkompatibbli ma’ dan id-dritt.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Danfoss A/S (iktar ’il quddiem “Danfoss”) u Sauer-Danfoss ApS (iktar ’il quddiem “Sauer-Danfoss”) kontra Skatteministeriet (Ministeru tal-Kontribuzzjonijiet), dwar ir-rifjut li jirrimborsahom it-taxxa fuq iż-żjut minerali miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u l-kumpens tad-danni subiti minħabba l-ġbir tal-imsemmija taxxa illegali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179), tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi l-arranġamenti għal prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa u taxxi indiretti oħra li huma mposti direttament jew indirettament mal-konsum ta’ dawk il-prodotti, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi stabbiliti mill-Komunità.

2.      Id-dispożizzjonijiet partikolari li jirrelataw ma’ l-istrutturi u r-rati ta’ dazju fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom jiġi stabbiliti f’Direttivi speċifiċi.”

4        Skont l-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.      Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:

–        żjut minerali,

–        alkoħol u xorb alkoħoliku,

–        tabakk maħdum.

2.      Il-prodotti elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal għanijiet speċifiċi, iżda dawk it-taxxi jkunu jikkonformaw mar-regoli ta’ taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa u għall-għanijiet tal-VAT għal dak li għandu x’jaqsam ma’ d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa.”

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 316, p. 12), jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ żjut minerali, japplikaw dazju tas-sisa armonizzat b’mod konformi ma’ din id-direttiva.

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rati tagħhom b’mod konformi mad-Direttiva 92/82/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali.”

6        Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81:

“1.      Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 92/12/KEE dwar l-eżenzjoni ta’ użu ta’ prodotti suġġetti għas-sisa u bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti li ġejjin mid-dazju tas-sisa armonizzat, skont il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jipprevjenu l-frodi, l-evażjoni u l-abbużi:

a)      iż-żjut minerali intiżi għal użu differenti minn dak ta’ karburant jew ta’ karburant li jsaħħan;

b)      żjut minerali forniti biex jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni bl-ajru minbarra s-safar turistiku privat.

[...]”

7        Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Novembru 1990, fuq il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tirrigwarda l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali [COM(90) 434 finali], tippreċiża speċifikament li l-lubrikanti u ż-żjut idrawliċi jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista mid-Direttiva 92/81.

 Id-dritt nazzjonali

8        Għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 92/12 u 92/81, il-leġiżlatur Daniż adotta l-Liġi Nru 1029, tad-19 ta’ Diċembru 1992, dwar it-tassazzjoni taż-żjut minerali (iktar ’il quddiem il-“Liġi THM”). L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Il-prodotti taż-żejt huma suġġetti għal dazju tas-sisa fit-territorju nazzjonali. Ir-rata hija stabbilita kif ġej:

[...]

12)      Lubrikanti, żjut idrawliċi u prodotti oħra simili: DKK 1.78 il-litru.”

9        Is-sisa fuq iż-żjut lubrikanti u idrawliċi kienet dovuta mill-kumpanniji taż-żejt, iżda l-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi THM kienet tbassar li din it-taxxa kienet tiġi mgħoddija lix-xerrejja taż-żjut intaxxati.

10      Sussegwentement għall-għoti tas-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1999, Braathens (C‑346/97, Ġabra p. I‑3419), ikkonfermata mis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑437/01, Ġabra p. I‑9861), li minnha jirriżulta li l-istabbiliment ta’ taxxa indiretta tal-prodotti eżentati mis-sisa armonizzata kien ineħħi l-effettività tal-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 u b’hekk ma jkunx ibbażat fuq l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, l-awtoritajiet fiskali Daniżi ddeċidew li jissospendu amministrattivament il-ġbir tat-taxxa fuq iż-żjut lubrikanti u idrawliċi, b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2001. Il-Liġi Nru 395, tas-6 ta’ Ġunju 2002, iddeċidiet li tneħħi din it-taxxa b’effett ukoll mill-1 ta’ Diċembru 2001.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Bejn l-1 ta’ Jannar 1995 u t-30 ta’ Novembru 2001, Danfoss xtrat żjut lubrikanti minn impriżi differenti taż-żejt Daniżi li, wara li ħallsu t-taxxa fuq iż-żjut minerali lit-Teżor Daniż, dawn għaddew l-ammont kollu tat-taxxa lil Danfoss, jiġifieri DKK 6 108 054.

12      Bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u t-30 ta’ Novembru 2001, Danfoss biegħet parti minn dawn iż-żjut lil Sauer-Danfoss fejn fil-prezz tal-bejgħ tagħhom inkludiet l-ammont tat-taxxa fuq iż-żjut minerali għal total ta’ DKK 1 686 096.

13      Sussegwentement għat-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żjut minerali, Danfoss u Sauer‑Danfoss talbu lill-awtoritajiet fiskali Daniżi r-rimbors tal-parti tal-prezz totali taż-żjut lubrikanti li huma kienu xtraw li tikkorrispondi għat-taxxa illegali, jiġifieri DKK 6 108 054 u DKK 1 686 096 rispettivament, fejn madankollu ġie ppreċiżat li, jekk Danfoss tikseb l-ammont kollu mitlub mill-awtoritajiet fiskali, hija tħallas lil Sauer‑Danfoss l-ammont ta’ DKK 1 686 096 li jikkorrispondi għall-parti tal-prezz tal-bejgħ ta’ Danfoss li jammonta għat-taxxa fuq iż-żjut minerali inkluża f’dan il-prezz u li f’dan il-każ, Sauer-Danfoss kienet tirtira t-talba tagħha. Għaldaqstant, it-talba ppreżentata minn din tal-aħħar hija ta’ natura sussidjarja meta mqabbla ma’ dik ta’ Danfoss.

14      Barra minn hekk jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kumpanniji taż-żejt ma talbu ebda rimbors tas-sisa mħallsa fuq iż-żjut lubrikanti mibjugħa lil Danfoss.

15      Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti għall-kawża prinċipali sostnew li, peress li kellhom ibatu l-konsegwenzi finanzjarji tat-taxxa illegali, il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li huma biss u mhux il-kumpanniji taż-żejt ikunu intitolati jitolbu r-rimbors. Huma talbu wkoll lill-Istat Daniż kumpens għad-dannu subit minħabba l-fatt tal-ġbir tal-imsemmija taxxa.

16      It-talbiet tar-rikorrenti għall-kawża prinċipali ġew miċħuda. Skont l-awtoritajiet Daniżi, fil-fatt, id-dritt għall-irkupru ta’ ħlas indebitu previst mid-dritt tal-Unjoni huwa biss mogħti lill-persuna taxxabbli direttament u mhux lill-partijiet ulterjuri fil-proċess kummerċjali, li ma kinux marbuta jħallsu t-taxxa, u barra minn hekk, huma stess ma ħallsu l-ebda ammont lit-Teżor, li tiegħu huma setgħu jitolbu r-rimbors.

17      Fir-rigward tad-dritt għall-kumpens, l-awtoritajiet Daniżi eskludew kull kumpens għaliex, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għall-għoti tas-sentenza Braathens, iċċitata iktar ’il fuq, l-inkompatibbiltà tat-taxxa prevista mil-Liġi THM ma kinitx suffiċjentement evidenti sabiex il-ġbir tagħha jkun ta’ natura li jwassal għar-responsabbiltà tal-Istat u, fir-rigward tal-perijodu sussegwenti għal dan l-għoti tas-sentenza, għaliex kien impossibbli li jiġi stabbilit f’liema stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni kien subit id-dannu, u b’hekk ma kienx hemm rabta kawżali diretta. Fil-fatt, f’każ li taxxa indebita li tkun inġabret tkun ġiet mgħoddija, id-domanda dwar jekk u, jekk ikun il-każ, b’liema mod ċerti impriżi jew ċerti utenti partikolari, li jinstabu iktar ’l isfel fil-katina ta’ distribuzzjoni, effettivament isostnu l-piż ta’ din it-taxxa jiddependi minn bosta fatturi, b’mod partikolari l-politika tal-prezz applikat, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, mill-persuna taxxabbli u minn kull wieħed mill-aġenti ekonomiċi li jinsabu iktar ’l isfel, bil-mod li fih l-imsemmija prodotti huma użati u tal-istat tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

18      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’hekk appellaw id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tat-talbiet tagħhom quddiem il-Vestre Landsret li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt [tal-Unjoni] jipprekludi lil Stat Membru milli jiċħad talba għal rimbors ta’ impriża, li ġie mgħoddi lilha dazju tas-sisa impost kontra direttiva, fejn tali ċaħda, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, hija bbażata fuq l-argument li ma hijiex l-impriża li ħal[l]set id-dazju lill-Istat?

2)      Id-dritt [tal-Unjoni] jipprekludi lil Stat Membru milli jiċħad talba għal kumpens għad-danni ta’ impriża, li ġie mgħoddi lilha dazju tas-sisa impost kontra direttiva, fejn tali ċaħda, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, hija bbażata fuq argumenti invokati mill-Istat Membru (speċifikament, li l-impriża ma hijiex il-parti li sofriet id-danni direttament u li ma hemmx rabta kawżali bejn kwalunkwe danni u l-imġiba li ħolqot ir-responsabbiltà)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk Stat Membru jistax jipprekludi talba għal rimbors imressqa minn operatur li fuqu l-ammont tat-taxxa indebita ġie mgħoddi, fuq il-bażi li huwa ma huwiex il-persuna taxxabbli u b’hekk ma ħallasx dan l-ammont lill-awtoritajiet tat-taxxa.

20      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett għandu jitfakkar li d-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkomplimenta d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi. Għaldaqstant, l-Istat Membru huwa obbligat, bħala prinċipju, li jirrimborsa t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, Ġabra p. 3595, punt 12; tat-28 ta’ Jannar 2010, Direct Parcel Distribution Belgium, C‑264/08, Ġabra p. I‑731, punt 45, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2011, Lady & Kid et, C‑398/09, Ġabra p. I‑0000, punt 17).

21      Madankollu, b’eċċezzjoni għall-prinċipju tar-rimbors ta’ taxxi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-ħlas lura ta’ taxxa indebita miġbura jista’ jiġi rrifjutat biss meta dan iwassal għal arrikkiment indebitu tal-avventi kawża, jiġifieri meta huwa stabbilit li l-persuna responsabbli li tħallas dawn id-dazji tkun effettivament għaddiethom direttament fuq ix-xerrej (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lady & Kid et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 u 20).

22      Fil-fatt, f’tali kundizzjonijiet, il-ħlas tat-taxxa indebita miġbura ma kienx imġarrab mill-persuna taxxabbli iżda mix-xerrej li fuqu t-taxxa ġiet mgħoddija. Għaldaqstant, ir-rimbors lill-persuna taxxabli tat-taxxa mħallsa li huwa diġà għadda fuq ix-xerrej tkun ekwivalenti għalih għal ħlas doppju li jista’ jikkwalifika bħala arrikkiment indebitu, filwaqt li jibqgħu ma jkunux irrimedjati l-konsegwenzi tat-taxxa illegali li jirriżultaw għax-xerrej (sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C‑192/95 sa C‑218/95, Ġabra p. I‑165, punt 22, u Lady & Kid et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

23      Minn dan jidher li d-dritt għall-irkupru ta’ ħlas indebitu għandu l-għan li jirrimedja l-konsegwenzi tal-inkompatibbiltà tat-taxxa mad-dritt tal-Unjoni billi jinnewtralizza l-piż ekonomiku li hija indebitament imponiet fuq l-operatur li, definittivament, effettivament sofrieha.

24      Apparti dan, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-talbiet ta’ ħlas lura tat-taxxi, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tipprovdi għall-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jsiru dawn it-talbiet, liema kundizzjonijiet għandhom iħarsu l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2005, MyTravel, C‑291/03, Ġabra p. I‑8477, punt 17, u tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, Ġabra p. I‑2425, punt 37).

25      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-għan tad-dritt għall-irkupru ta’ ħlas indebitu hekk kif imfakkar fil-punt 23 tas-sentenza preżenti, l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività teħtieġ li l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni għall-irkupru ta’ ħlas indebitu jkunu stabbiliti mill-Istati Membri skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, b’tali mod li l-piż ekonomiku tat-taxxa mhux dovuta jista’ jiġi newtralizzat.

26      F’din il-perspettiva, diġà ġie deċiż li, jekk ix-xerrej finali huwa, taħt id-dritt intern, f’pożizzjoni li jikseb ir-rimbors mingħand il-persuna taxxabbli, tal-ammont tat-taxxa li għaddiet għal fuqu, l-imsemmija persuna taxxabbli għandha, min-naħa tagħha, tkun f’pożizzjoni li tikseb ir-rimbors mill-awtoritajiet nazzjonali (ara s-sentenza Comateb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). Bl-istess mod, sistema ġuridika nazzjonali li tippermetti lill-fornitur li bi żball ħallas il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa, li jitlob ir-rimbors tagħha u li tippermetti lil dak li jirċievi s-servizzi li jressaq azzjoni ċivili għall-irkupru ta’ ħlas indebitu fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, tirrispetta l-prinċipju ta’ effettività, peress li tippermetti lill-imsemmija persuna li ħallset it-taxxa imposta bi żball li tikseb ir-rimbors tas-somom indebitament imħallsa (ara s-sentenza Reemtsma Cigarettenfabriken, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

27      B’hekk jirriżulta li Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jiċħad talba għal rimbors tat-taxxa indebita li titressaq mix-xerrej finali li fuqu ġiet mgħoddija dik it-taxxa, għar-raġuni li ma huwiex l-imsemmi xerrej li ħallasha lill-awtoritajiet tat-taxxa, dment li, il-konsumatur li eventwalment iħallasha, jista’, taħt id-dritt intern, jeżerċita’ azzjoni ċivili għall-irkupru ta’ ħlas indebitu fir-rigward tal-persuna taxxabbli.

28      Madankollu, jekk ir-rimbors mill-persuna taxxabbli tirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza ta’ dan l-aħħar imsemmi, il-prinċipju ta’ effettività jirrikjedi li x-xerrej ikun jista’ jagħmel talba għal rimbors direttament lill-awtoritajiet tat-taxxa, u li, għalhekk, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-għodda u l-metodi proċedurali neċessarji (ara s-sentenza Reemtsma Cigarettenfabriken, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

29      B’hekk, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda fis-sens li Stat Membru jista’ jopponi talba għal rimbors ta’ taxxa indebita mressqa mix-xerrej li fuqu għaddiet dik it-taxxa, għar-raġuni li ma huwiex l-imsemmi xerrej li ħallasha lill-awtoritajiet tat-taxxa, dment li dan jista’, taħt id-dritt intern, iressaq azzjoni ċivili għall-irkupru ta’ ħlas indebitu fir-rigward tal-persuna taxxabbli u dment li r-rimbors minn dan tal-aħħar tat-taxxa indebita ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

 Fuq it-tieni domanda

30      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk Stat Membru jistax jiċħad talba għad-danni mressqa minn impriża li fuqha taxxa indebita li tħallset ġiet mgħoddija mill-persuna taxxabbli, għar-raġuni li rabta kawżali diretta bejn il-ġbir ta’ dik it-taxxa mill-Istat u d-dannu subit mill-imsemmija impriża hija eskluża mill-bidu.

31      Billi tagħmel dan, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk id-deċiżjoni meħuda liberament mill-persuna taxxabli li tgħaddi t-taxxa indebita iktar ’l isfel fil-katina ta’ distribuzzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikser l-imsemmija rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-fatt tal-Istat Membru u d-dannu subit mix-xerrej.

32      Preliminarjament, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti klassifikazzjoni ġuridika tar-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju ta’ talbiet għal rimbors tat-taxxa indebita jew ta’ talba għal kumpens għad-danni subiti (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C‑397/98 u C‑410/98, Ġabra p. I‑1727, punt 81, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑446/04, Ġabra p. I‑11753, punt 201), u li azzjoni għad-danni tista’ sseħħ fl-istess waqt ma’ azzjoni għal irkupru ta’ ħlas indebitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Comateb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

33      Għandu jitfakkar ukoll li r-rikonoxximent lill-individwi leżi ta’ dritt għall-kumpens għad-danni subiti minħabba l-fatt tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru huwa suġġett li jseħħu tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-imsemmija individwi, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi (ara sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, Ġabra p. I‑635, punt 30, u tad-9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw‑De Jonge Konstruktie et, C‑568/08, Ġabra p. I‑12655, punt 87).

34      Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ rabta ta’ kawżalità diretta, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, bħala prinċipju, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk id-dannu allegat jirriżultax b’mod dirett biżżejjed mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Istat Membru (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 65; tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 122, u tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET, C‑470/03, Ġabra p. I‑2749, punt 83).

35      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli, tagħtiha l-indikazzjoni kollha li hija teħtieġ neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark, C‑150/99, Ġabra p. I‑493, punt 38, u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Stadeco, C‑566/07, Ġabra p. I‑5295, punt 43).

36      Għal dan il-għan, għandu jingħad li sistema legali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skont din rabta kawżali diretta tista’ tiġi stabbilita biss bejn il-ġbir mill-Istat ta’ taxxa indebita u d-dannu subit mill-persuna taxxabbli, ma tistax tinterpreta dak ir-rekwiżit tal-imsemmija rabta b’tali mod li l-kisba tal-kumpens għad-danni subiti jkun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

37      B’hekk jirriżulta li sistema legali nazzjonali bħal din hija, bħala prinċipju, konformi mal-prinċipju ta’ effettività, dment li x-xerrej, li fuqu l-persuna taxxabbli għaddiet l-imsemmija taxxa, jista’, fuq il-bażi tad-dritt intern, jidderieġi l-azzjoni tiegħu għall-kumpens tad-dannu subit minħabba dan il-fatt kontra l-imsemmija persuna taxxabbli.

38      Madankollu, b’analoġija ma’ dak li ssemma fil-punt 28 tas-sentenza preżenti, jekk il-kumpens mill-persuna taxxabbli, tad-dannu subit mix-xerrej li ġarr il-piż ekonomiku tat-taxxa indebita u li ġiet mgħoddija lilu jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari f’każ ta’ insolvenza tal-persuna taxxabbli, il-prinċipju ta’ effettività jeħtieġ li l-imsemmi xerrej ikun f’pożizzjoni li jidderieġi t-talba tiegħu għad-danni direttament kontra l-Istat, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun jista’ validament jopponi n-nuqqas tar-rabta kawżali diretta bejn il-ġbir tat-taxxa indebita u d-dannu subit mix-xerrej.

39      B’hekk għandha tingħata risposta għat-tieni domanda fis-sens li Stat Membru jista’ jiċħad talba għad-danni mressqa mix-xerrej li fuqu l-persuna taxxabbli għaddiet taxxa indebita, fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ rabta kawżali diretta bejn il-ġbir ta’ dik it-taxxa u d-dannu subit, dment li x-xerrej jista’, fuq il-bażi tad-dritt intern, jidderieġi l-imsemmija talba kontra l-persuna taxxabbli u li l‑kumpens, minn dan tal-aħħar, tad-dannu subit mix-xerrej ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

1)      Stat Membru jista’ jopponi talba għal rimbors ta’ taxxa indebita mressqa mix-xerrej li fuqu għaddiet dik it-taxxa, għar-raġuni li ma huwiex dan tal-aħħar li ħallasha lill-awtoritajiet tat-taxxa, dment li dan jista’, taħt id-dritt intern, iressaq azzjoni ċivili għall-irkupru ta’ ħlas indebitu fir-rigward tal-persuna taxxabbli u dment li r-rimbors minn dan tal-aħħar tat-taxxa indebita ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli;

2)      Stat Membru jista’ jiċħad talba għad-danni mressqa mix-xerrej li fuqu l-persuna taxxabbli għaddiet taxxa indebita, fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ rabta kawżali diretta bejn il-ġbir ta’ dik it-taxxa u d-dannu subit, dment li x-xerrej jista’, fuq il-bażi tad-dritt intern, jidderieġi l-imsemmija talba kontra l-persuna taxxabbli u li l-kumpens, minn dan tal-aħħar, tad-dannu subit mix-xerrej ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Fuq