EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0482

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Settembru 2011.
Budějovický Budvar, národní podnik vs Anheuser-Busch Inc..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Trade marks - Direttiva 89/104/KEE - Artikolu 9(1) - Kunċett ta’ ‘qbil’ - Limitazzjoni b’konsegwenza ta’ qbil - Bidu tal-perijodu ta’ limitazzjoni - Kundizzjonijiet neċessarji biex jibda jiddekorri l-perijodu ta’ limitazzjoni - Artikolu 4(1)(a) - Reġistrazzjoni ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru prodotti identiċi - Funzjonijiet tat-trade mark - Użu onest kontemporanju.
Kawża C-482/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-08701

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:605

Kawża C-482/09

Budějovický Budvar, národní podnik

vs

Anheuser-Busch Inc.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))

“Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 9(1) — Kunċett ta’ ‘żamma tas-skiet [akkwixxenza]’ — Dekandenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza — Bidu tat-terminu tad-dekadenza — Kundizzjonijiet neċessarji sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza — Artikolu 4(1)(a) — Reġistrazzjoni ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru prodotti identiċi — Funzjonijiet tat-trade mark — Użu onest simultanju”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza — Kunċett

(Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, Artikolu 9(1))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza — Terminu ta’ dekadenza — Bidu tad-dekorrenza

(Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, Artikolu 9(1))

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Raġunijiet relattivi għal rifjut jew għal invalidità — Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika protetta għal prodotti identiċi — Eċċezzjoni — Użu onest simultanju u għal żmien twil li ma jippreġudikax il-funzjoni essenzjali tat-trade mark

(Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 4(1)(a))

1.        L-akkwixxenza fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks, huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni u l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ma jistax jitqies li qabel mal-użu onest simultanju stabbilit u għal żmien twil, li ilu jaf bih għal żmien twil, minn terz, ta’ trade mark sussegwenti identika għal dik ta’ dan il-proprjetarju jekk dan tal-aħħar kien imċaħħad minn kull possibbiltà li jopponi dan l-użu.

Fil-fatt, minn naħa, il-ħdax-il premessa tal-imsemmija direttiva tispeċifika li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu “koxjentement ittollera” l-użu ta’ trade mark sussegwenti għal tiegħu matul perijodu twil, jiġifieri “deliberatament”, “b’konoxxenza sħiħa tal-fatti”. Din l-istess premessa tispeċifika li ma għandhomx jiġu ppreġudikati b’mod “inekwitabbli” l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti. Issa, ikun inġust li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jiġi prekluż milli jitlob l-invalidità jew milli jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti identika, meta ma kellux il-possibbiltà jagħmel hekk.

Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 89/104 tipprova ssib bilanċ bejn l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark sabiex jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha u l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħra sabiex jużaw sinjali li jistgħu jindikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom. Dan l-għan jimplika li, sabiex tiġi mħarsa din il-funzjoni essenzjali, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti għandu jkun f’pożizzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, li jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti identika għal tiegħu.

Kull azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ppreżentata mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti matul il-perijodu previst mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 għandha l-effett li tinterrompi t-terminu ta’ dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza.

(ara l-punti 47-50, u d-dispożittiv 1)

2.        Ir-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti fl-Istat Membru kkonċernat ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza previst mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 dwar it-trade marks. Il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jibda jiddekorri dan it-terminu ta’ dekadenza huma, l-ewwel nett, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti fl-Istat Membru kkonċernat, it-tieni nett, il-fatt li din it-trade mark tkun ġiet ippreżentata in bona fide, it-tielet nett, l-użu tat-trade mark sussegwenti mill-proprjetarju tagħha fl-Istat Membru fejn ġiet irreġistrata u, ir-raba’ nett, li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jaf bir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti u bl-użu tagħha wara r-reġistrazzjoni tagħha.

(ara l-punt 62 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 4(1)(a) tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ma jistax jikseb dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ trade mark sussegwenti identika li tindika prodotti identiċi f’każ ta’ użu onest simultanju u għal żmien twil ta’ dawn iż-żewġ trade marks meta dan l-użu ma jippreġudikax jew ma jistax jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiġi ggarantita lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi. Din il-kundizzjoni tal-aħħar hija sodisfatta meta, minkejja l-identiċità tat-trade marks, il-prodotti huma kjarament identifikabbli bħala mmanifatturati minn impriżi differenti.

(ara l-punti 80, 81, 84 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Settembru 2011 (*)

“Trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 9(1) – Kunċett ta’ ‘żamma tas-skiet [akkwixxenza]’ – Dekandenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza – Bidu tat-terminu ta’ dekadenza – Kundizzjonijiet neċessarji sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza – Artikolu 4(1)(a) – Reġistrazzjoni ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru prodotti identiċi – Funzjonijiet tat-trade mark – Użu onest simultanju”

Fil-Kawża C‑482/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

Budějovický Budvar, národní podnik,

vs

Anheuser-Busch Inc.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Budějovický Budvar, národní podnik, minn J. Mellor u S. Malynicz, barristers, mandatarji ta’ M. Blair, solicitor,

–        għal Anheuser-Busch Inc., minn B. Goebel, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1)(a) u 9(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Budějovický Budvar, národní podnik (iktar ’il quddiem “Budvar”), birrerija stabbilita fil-belt ta’ České Budějovice (ir-Repubblika Ċeka), u Anheuser-Busch Inc. (iktar ’il quddiem “Anheuser-Busch”), birrerija li s-seda tagħha tinsab f’Saint Louis (l-Istati Uniti), fir-rigward tat-trade mark Budweiser li t-tnejn li huma ilhom proprjetarji tagħha fir-Renju Unit mid-19 ta’ Mejju 2000.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Raġunijiet aktar għar-rifjut jew invalidità li tikkonċerna [jikkonċernaw] l-konflitti mad-drittijiet preċedenti”, kien jipprovdi:

“1.      Trade mark ma tiġix reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suġġetta li tiġi dikjarata invalida:

a)      jekk hija identika għat-trade mark preċedenti, u l-merkanzija jew is-servizzi li għalihom t-trade mark hi applikata jew reġistrata huma identiċi għall-merkanzija jew is-servizzi li għalihom t-trade mark preċedenti hi protetta;

[...]

2.      ‘Trade marks preċedenti’ fis-sens tal-paragrafu 1 ifissru:

a)      trade marks tas-segwenti tipi b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li hija preċedenti mid-data ta’ l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, tenut kont, fejn xieraq, tal-prijoritajiet pretiżi fuq dawk it-trade marks:

i)      trade marks tal-Komunità;

ii)      trade marks reġistrati fl-Istati Membri jew, fil-każ tal-Belġju, Lussemburgu jew l-Olanda, fl-Uffiċċju tat-Trade Marks tal-Benelux;

iii)      trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fl-Istat Membru;

b)      Trade marks tal-Komunità li validament għandhom pretenzjoni sinjorità, skond ir-Regolament fuq it-trade mark tal-Komunità, minn trade mark li hemm riferenza għaliha f’ (a) (ii) u (iii), anke jekk din it-trade mark ta’ l-aħħar ġiet ċeduta jew permessa li tiskadi;

c)      applikazzjoniet għat-trade marks li hemm riferenza għalihom f’ (a) u (b), suġġetti għar- reġistrazzjoni;

d)      trade marks li, fid-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, jew, fejn xieraq, tal-prijorità pretiża dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, huma magħrufa sew fi Stat Membru, fis-sens li fih il-kliem ‘magħrufa sew’ huma użati fl-Artikolu 6 biss tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

[...]”

4        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark” kien jipprovdi, fil-paragrafu (1):

“It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi ghal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

[...]”

5        Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Limitazzjoni [Dekadenza] b’konsegwenza taż-żamma tas-skiet [akkwixxenza]”:

“1.      Fejn fi Stat Membru, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti kif hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 4(2) qabel għal perjodu ta’ ħames snin suċċessivi, fl-użu ta’ trade mark reġistrata wara f’dak l-Istat Membru filwaqt li jkun konxju ta’ tali użu, hu mhux għandu jkollu l-jedd aktar, abbażi tat-trade mark preċedenti jew li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark hi invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark dwar merkanzija jew servizzi li għalihom t-trade mark ta’ wara ġiet użata, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ta’ wara ma saritx in mala fede.

2.      Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistabbilixxi li l-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 4(4)(a) jew dritt ieħor preċedenti li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 4(4)(b) jew (ċ).

3.      Fil-każijiet li hemm riferenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2, il-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata wara mhux għandu jkollu l-jedd li jopponi għall-użu tad-dritt preċedenti, anke jekk dak id-dritt ma jistax ikun aktar invokat kontra t-trade mark sssegwenti”.

6        Id-Direttiva 89/104 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008 L 299, p. 25), li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2008. Madankollu, il-kawża prinċipali tibqa’ rregolata, fid-dawl tad-data tal-fatti, mid-Direttiva 89/104.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104 ġew trasposti fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit bil-liġi tal-1994 dwar it-trade marks (Trade Marks Act 1994), li daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Ottubru 1994.

8        Sabiex tiġi implementata d-Direttiva 89/104, il-liġi tal-1994 dwar it-trade marks issostitwiet il-liġi tal-1938 dwar it-trade marks (Trade Marks Act 1938).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, b’effett minn meta saru attivi fis-suq tar-Renju Unit, matul is-snin 1973 u 1974 rispettivament, Budvar u Anheuser-Busch it-tnejn jikkummerċjalizzaw il-birer tagħhom bis-sinjal verbali “Budweiser” jew b’termini li jinkludu dan is-sinjal.

10      Dejjem skont id-deċiżjoni tar-rinviju, għalkemm isimhom huwa l-istess, il-birer ta’ Budvar u Anheuser-Busch ma għandhomx l-istess karatteristiċi. Minn dejjem kienu differenti fit-togħma, fil-prezz u fil-preżentazzjoni u fis-swieq fejn huma jikkoeżistu, il-konsumaturi jgħarfu kjarament id-differenza, għalkemm dejjem jeżisti livell żgħir ta’ konfużjoni bejniethom.

11      Fix-xahar ta’ Novembru 1976, Budvar applikat għar-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-kelma “Bud”. Anheuser-Busch opponiet għal tali reġistrazzjoni.

12      Matul is-sena 1979, Anheuser-Busch fetħet kawża kontra Budvar għal abbuż tad-denominazzjoni (passing off), u talbet mandat ta’ inibizzjoni sabiex tipprojbixxi lil Budvar milli tuża l-kelma “Budweiser”. Budvar ippreżentat kontro-talba minħabba abbuż tad-denominazzjoni u min-naħa tagħha talbet li Anheuser-Busch tiġi pprojbita milli tuża l-kelma “Budweiser”.

13      Il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-kelma “Bud” ġew sospiżi sakemm jinqatgħu dawn il-proċeduri għal abbuż tad-denominazzjoni.

14      Fil-11 ta’ Diċembru 1979, Anheuser-Busch applikat sabiex tirreġistra l-kelma “Budweiser” bħala trade mark għall-prodotti “birra, ale u porter”. Budvar oġġezzjonat għal din l-applikazzjoni.

15      It-talba inizjali u l-kontro-talba minħabba abbuż tad-denominazzjoni ġew miċħuda fl-ewwel istanza u fl-appell, peress li l-qrati aditi kkunsidraw li l-ebda waħda mill-partijiet ma kienet għamlet rappreżentazzjoni falza u s-sinjal verbali “Budweiser” kien magħruf fiż-żewġ forom.

16      Il-kelma “Bud” imbagħad ġiet irreġistrata bħala trade mark favur Budvar, peress li l-oppożizzjoni ta’ Anheuser-Busch ġiet miċħuda.

17      Fit-28 ta’ Ġunju 1989, Budvar BB applikat min-naħa tagħha sabiex tirreġistra l-kelma “Budweiser” bħala trade mark, u Anheuser-Busch oġġezzjonat.

18      Matul ix-xahar ta’ Frar 2000, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) ċaħdet iż-żewġ oppożizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-terminu “Budweiser” u ddeċidiet li Budvar u Anheuser-Busch it-tnejn setgħu jirreġistraw dil il-kelma bħala trade mark. B’mod konformi mal-liġi tal-1994 dwar it-trade marks, din il-qorti bbażat ruħha fuq il-liġi tal-1938 dwar it-trade marks, li kienet tippermetti espressament r-reġistrazzjoni simultanja ta’ trade marks identiċi jew li tant jixxiebhu li jistgħu joħolqu konfużjoni f’każ li jkun jeżisti użu onest simultanju (“honest concurrent use”) jew ċirkustanzi speċjali oħra.

19      Wara din id-deċiżjoni, kull waħda miż-żewġ partijiet ġiet inkluża fir-reġistru tat-trade marks tar-Renju Unit, fid-19 ta’ Mejju 2000, bħala proprjetarja tat-trade mark verbali Budweiser għall-prodotti “birra, ale u porter”.

20      B’hekk, Budvar kisbet fir-Renju Unit żewġ reġistrazzjonijiet bħala trade mark, waħda għal Bud (applikazzjoni ppreżentata fix-xahar ta’ Novembru 1976) u l-oħra għal Budweiser (applikazzjoni ppreżentata fix-xahar ta’ Ġunju 1989). Anheuser-Busch hija l-proprjetarja ta’ reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ Budweiser (applikazzjoni ppreżentata fix-xahar ta’ Diċembru 1979).

21      Fit-18 ta’ Mejju 2005, jiġifieri erba’ snin u 364 ġurnata wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark Budweiser favur Budvar u Anheuser-Busch, din tal-aħħar ippreżentat fl-Uffiċċju tat-trade marks tar-Renju Unit talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark li kienet saret favur Budvar.

22      Fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, Anheuser-Busch sostniet, fl-ewwel lok, li anki jekk it-trade marks Budweiser ġew irreġistrati fl-istess ġurnata favur iż-żewġ kumpanniji kkonċernati, it-trade mark li hija l-proprjetarja tagħha Anheuser-Busch hija trade mark preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/104, peress li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet ippreżentata f’data preċedenti għal dik tal-applikazzjoni ta’ Budvar. Fit-tieni lok, peress li t-trade marks u l-prodotti huma identiċi fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess direttiva, Anheuser-Busch, fil-kwalità tagħha ta’ proprjetarja ta’ trade mark preċedenti, għandha d-dritt tikseb dikjarazzjoni tal-invalidità tat-trade mark ta’ Budvar. Fit-tielet lok, ma jkunx hemm dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza meta ma jkunx għadu skada t-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva.

23      L-Uffiċċju tat-trade marks tar-Renju Unit laqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni ppreżentata minn Anheuser-Busch.

24      Fid-19 ta’ Frar 2008, il-High Court of Justice (England & Wales) (Chancery Division) ċaħdet ir-rikors miġjub quddiemha minn Budvar għal dak li jirrigwarda l-prodotti “birra, ale u porter”.

25      Wara li Budvar appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar iddikjarat li għandha xi dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/104, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-kunċetti ta’ “żamma tas-skiet [akkwixxenza]” u ta’ “perjodu” imsemmija f’dan l-artikolu. Il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji wkoll dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 4(1)(a) tal-istess direttiva. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li Budvar sostniet quddiemha li, minkejja l-protezzjoni apparentement assoluta li minnha tgawdi t-trade mark preċedenti meta trade mark identika sussegwenti tkopri prodotti identiċi, tista’ tiġi ammessa eċċezzjoni għal din il-protezzjoni f’każ ta’ użu onest simultanju u għal żmien twil ta’ dawn iż-żewġ trade marks. Fil-fatt, f’każ bħal dan, l-użu tat-trade marks identiċi minn kull waħda mill-partijiet ma tippreġudikax il-garanzija tal-oriġini tal-prodotti li tagħti t-trade mark, peress li dawn it-trade marks ma humiex limitati biex ikopru l-prodotti ta’ impriża waħda, iżda jkopru l-prodotti tat-tnejn li huma.

26      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Xi jfisser “qabel” fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE (1) u b’mod partikolari:

a)      “qabel” huwa kunċett tad-dritt Komunitarju, jew il-qorti nazzjonali għandha d-diskrezzjoni li tapplika r-regoli nazzjonali rigward il-qbil [l-akkwixxenza] (inkluż dewmien jew użu onest kontemporanju stabbilit fit-tul)?

b)      jekk “qabel” huwa kunċett tad-dritt Komunitarju, il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jiġi kkunsidrat li qabel ma’ użu onest twil u stabbilit sew ta’ trade mark identika minn persuna oħra meta kien jaf għal żmien twil dwar dak l-użu iżda ma seta’ jagħmel xejn sabiex iwaqqfu?

c)      fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li l-proprjetarju ta’ trade mark ikollu t-trade mark tiegħu rreġistrata qabel ma jista’ jibda “jaqbel” mal-użu minn persuna oħra ta’ (i) trade mark identika jew (ii) simili tant li tikkawża konfużjoni?

2)      Meta jibda jiddekorri l-perijodu ta’ “ħames snin suċċessivi”, u b’mod partikolari, dan jista’ jibda (u jekk iva jista’ jiskadi) qabel mal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti attwalment jikseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu; u jekk ikun il-każ x’kundizzjonijiet huma neċessarji sabiex jibda jiddekorri t-terminu?

3)      L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE japplika sabiex jippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jipprevali anki fejn kien hemm perijodu twil ta’ użu onest kontemporanju ta’ żewġ trade marks identiċi għal oġġetti identiċi sabiex il-garanzija tal-oriġini tat-trade mark preċedenti ma tfissirx li t-trade mark tindika l-oġġetti tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti u xejn iktar, iżda minflok tindika l-oġġetti tiegħu jew l-oġġetti tal-proprjetarju l-ieħor?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-paragrafi (a) u (b) tal-ewwel domanda

27      Permezz tal-paragrafi (a) u (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk iż-“żamma tas-skiet [l-akkwixxenza]”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104, huwiex kunċett tad-dritt tal-Unjoni u, jekk iva, jekk il-proprjetarju ta’ trade mark jistax jitqies li qabel, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mal-użu onest stabbilit u għal żmien twil minn terz ta’ trade mark identika għal dik ta’ dan il-proprjetarju meta dan tal-aħħar kien ilu jaf b’dan l-użu, iżda ma setax iwaqqfu.

28      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 ma fih ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “żamma tas-skiet [akkwixxenza]”, li lanqas ma huwa ddefinit fl-artikoli l-oħra ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, din ma fiha ebda referenza espress għad-dritt tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda dan il-kunċett.

29      Skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, mill‑eżiġenzi kemm tal‑applikazzjoni uniformi tad-dritt tal‑Unjoni kif ukoll tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni Ewropea li ma tinkludi l-ebda referenza espressa għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment, fl-Unjoni Ewropea kollha, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fejn din l-interpretazzjoni tkun waħda studjata fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43, u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).

30      Għalkemm, skont it-tielet premessa tad-Direttiva 89/104, “ma jidhirx li hu neċessarju preżentement ssir approssimazzjoni kompleta tal-liġijiet tat-trade marks ta’ l-Istati Membri”, jibqa’ l-fatt li din id-direttiva fiha armonizzazzjoni fir-rigward ta’ xi regoli sostantivi ċentrali għal dan is-suġġett, jiġifieri, skont din il-premessa stess, regoli dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom l-iktar influwenza diretta fuq il-funzjonament tas-suq intern, u li din il-premessa ma teskludix li l-armonizzazzjoni fir-rigward ta’ dawn ir-regoli tkun kompleta (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied, C‑355/96, Ġabra p. I‑4799, punt 23, u tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, Ġabra p. I‑2439, punt 27).

31      Barra minn hekk, is-seba’ premessa tad-Direttiva 89/104 tfakkar li “l-ksib ta’ l-merkanzija [tal-għanijiet] li din l-approssimazzjoni tal-liġijiet [tal-Istati Membri] qed taspira għalihom tirrikjedi li l-kondizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark irreġistrata huma, ġeneralment identiċi fl-Istati Membri kollha”. Għal dak li jirrigwarda d-disa’ premessa, din tistipula li “huwa fundamentali, sabiex tkun iffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ merkanzija u servizzi, li jkun żgurat li minn issa ‘l quddiem trade marks irreġistrati jgawdu l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri kollha”. Fl-aħħar nett, il-ħdax-il premessa tal-imsemmija direttiva tindika li “huwa importanti għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u mingħajr preġudizzju inekwitabbli ta’ l-interessi ta’ proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, li jkun stipulat li dan ta’ l-aħħar ma jistax jitlob aktar dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-anqas ma jista’ jopponi l-użu ta’ trade mark li tiġi wara tiegħu u li hu koxjentement ittollera l-użu tagħha għal tul ta’ żmien sostanzjali, jekk l-applikazzjoni għat-trade mark sussegwenti ma tkunx saret in mala fede”.

32      Minħabba l-premessi tad-Direttiva 89/104, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 5 sa 7 ta’ din id-direttiva jwettqu armonizzazzjoni kompleta tar-regoli marbuta mad-drittijiet mogħtija minn trade mark u b’hekk jiddefinixxu d-drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-proprjetarji tat‑trade marks fl-Unjoni (sentenzi Silhouette International Schmied, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, Ġabra p. I‑8691, punt 39, kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2010, Coty Prestige Lancaster Group, C-127/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).

33      Bl-istess mod, minn dawn il-premessi għandu jiġi dedott li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/104 twettaq armonizzazzjoni kompleta tal-kundizzjonijiet li taħthom il-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata jista’, fil-kuntest tad-dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza, iżomm id-dritt tiegħu fuq din it-trade mark meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jitlob l-invalidità jew jopponi l-użu ta’ din it-trade mark sussegwenti.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104, u b’mod partikolari mill-Artikolu 9 tagħha, jirriżulta li din tipprova, b’mod ġenerali, toħloq bilanċ bejn, minn naħa, l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark sabiex jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħra sabiex jużaw sinjali li jistgħu jindikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom (sentenza tas-27 ta’ April 2006, Levi Strauss, C‑145/05, Ġabra p. I‑3703, punti 28 u 29).

35      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-istess kunċett ta’ “kunsens [żamma tas-skiet]” jintuża fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), fl-istess sens bħall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104.

36      Issa, is-sistema tat-trade marks Komunitarji hija sistema awtonoma, ikkostitwita minn numru ta’ regoli u li għandha għanijiet li huma speċifiċi għaliha, peress li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, Ġabra p. I‑9375, punt 65, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates, C‑202/08 P u C‑208/08 P, Ġabra p. I‑6933, punt 58).

37      Konsegwentement, iż-“żamma tas-skiet” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104, jikkostitwixxi kunċett tad-dritt tal-Unjoni, li s-sens u l-portata tiegħu għandhom ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha. B’hekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħtih interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

38      Għal dak li jirrigwarda l-paragrafu (b) tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm il-kunċett ta’ “żamma tas-skiet [akkwixxenza]” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104, jinkludi s-sitwazzjonijiet fejn il-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax iwaqqaf l-użu minn terz ta’ trade mark identika, Anheuser-Busch u Budvar, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, kif ġew l-ffarijiet, qablu dwar l-użu minn xulxin tas-sinjal verbali “Budweiser” fir-Renju Unit matul iktar minn 30 sena.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini, li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li fl-istess ħin jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C‑336/03, Ġabra p. I‑1947, punt 21; tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann, C‑549/07, Ġabra p. I‑11061, punt 17, u tad-29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP, C‑151/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

40      Barra minn hekk, il-preambolu ta’ att tad-dritt tal-Unjoni jista’ jispeċifika l-kontenut tiegħu (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 76, kif ukoll Wallentin-Hermann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

41      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 89/104, l-istess kelma tintuża kemm fil-ħdax-il premessa kif ukoll fl-Artikolu 9(1) tagħha biex tindika ż-“żamma tas-skiet [l-akkwixxenza]”. Il-fatt li l-verżjoni Ingliża tuża l-kliem “tolerated” fil-ħdax-il premessa u “acquiesced in” fl-Artikolu 9(1) ma tbiddel xejn peress li, hekk kif jirrileva l-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-użu tal-kelma “tolerated” ma jfissirx li għandha tingħata interpretazzjoni inqas restrittiva ta’ dan l-Artikolu 9(1).

42      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-verb “qabel” għandu diversi tifsiriet fil-lingwaġġ ta’ kuljum, li waħda minnhom hi “ħalla jissussisti” jew “ma impediex”.

43      Iż-“żamma tas-skiet [akkwixxenza]” b’hekk hija differenti mill-“kunsens”, imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104, li għandu jiġi espress b’mod li juri b’mod ċert rieda li wieħed jirrinunzja għal dritt (ara s-sentenza Zino Davidoff u Levi Strauss, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

44      Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, billi rreferiet b’mod partikolari għall-verżjoni Daniża u dik Svediża tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/104, min jittollera juri ċerta inerzja billi ma jiħux il-miżuri li hemm għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jirrimedja sitwazzjoni li jkun konxju minnha u li mhux neċessarjament hija mixtieqa. Fi kliem ieħor, il-kunċett ta’ “żamma tas-skiet” jimplika li min jittollera jibqa’ passiv quddiem sitwazzjoni li għandu l-possibbiltà jopponi għaliha.

45      Għall-finijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104, dan il-kunċett ta’ “żamma tas-skiet” b’hekk għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ma jistax jitqies li ttollera l-użu onest stabbilit u għal żmien twil, li ilu jaf bih għal żmien twil, minn terz, ta’ trade mark sussegwenti identika għal dik tal-proprjetarju jekk dan tal-aħħar kien imċaħħad minn kull possibbiltà li jopponi dan l-użu.

46      Din l-interpretazzjoni hija kkorriborata mill-kuntest tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 kif ukoll mill-għanijiet tagħha.

47      Fil-fatt, minn naħa, il-ħdax-il premessa tal-imsemmija direttiva tispeċifika li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu “koxjentement ittollera”l-użu ta’ trade mark sussegwenti għal tiegħu matul perijodu twil, jiġifieri “deliberatament”, “b’konoxxenza sħiħa tal-fatti”. Din l-istess premessa tispeċifika li ma għandhomx jiġu ppreġudikati b’mod “inekwitabbli” l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti. Issa, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, ikun inġust li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun impedut milli jitlob l-invalidità jew milli jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti identika, meta ma kellux il-possibbiltà jagħmel hekk.

48      Min-naħa l-oħra, hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 89/104 tipprova ssib bilanċ bejn l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark sabiex jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha u l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħra sabiex jużaw sinjali li jistgħu jindikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom. Dan l-għan jimplika li, sabiex tiġi mħarsa din il-funzjoni essenzjali, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti għandu jkun f’pożizzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, li jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti identika għal tiegħu.

49      Għandu jingħad ukoll li, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, kull azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ppreżentata mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti matul it-terminu previst mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 għandha l-effett li tinterrompi t-terminu ta’ dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-paragrafi (a) u (b) tal-ewwel domanda hija li ż-żamma tas-skiet fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104, huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni u li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ma jistax jitqies li qabel mal-użu onest simultanju stabbilit u għal żmien twil, li ilu jaf bih għal żmien twil, minn terz, ta’ trade mark sussegwenti identika għal dik ta’ dan il-proprjetarju jekk dan tal-aħħar kien imċaħħad minn kull possibbiltà li jopponi għal l-użu.

 Fuq il-paragrafu (c) tal-l-ewwel domanda u fuq it-tieni domanda

51      Permezz tal-paragrafu (c) tal-ewwel domanda u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-terminu ta’ dekadenza b’konsegwenza taż-żamma tas-skiet previst fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 jistax jibda jiddekorri qabel ma l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jikseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu u, jekk iva, x’inhuma l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jibda jiddekorri dan it-terminu ta’ dekadenza.

52      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ħdax-il premessa tad-Direttiva 89/104, ir-regola tal-dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza prevista mill-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva ġiet stabilita għal raġunijiet ta’ ċertezza legali.

53      Mill-kliem tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 jirriżulta li għandhom jiġu soddisfatti erba’ kundizzjonijiet sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza b’konsegwenza taż-żamma tas-skiet f’każ ta’ użu ta’ trade mark susseguenti identika għat-trade mark preċedenti jew simili tant li toħloq konfużjoni.

54      Fl-ewwel lok, peress li l-imsemmi Artikolu 9(1) jirreferi għal “trade mark reġistrata wara”, ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark fl-Istat Membru kkonċernat tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja. It-terminu ta’ dekadenza b’konsegwenza taż-żamma tas-skiet b’hekk ma jistax jibda jiddekorri mis-sempliċi użu ta’ trade mark susseguenti, anki jekk il-proprjetarju tagħha sussegwentement jirreġistraha.

55      Għal dak li jirrigwarda r-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti fl-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi rrilevat li l-premessa ħamsa tad-Direttiva 89/104 tispeċifika li “l-Istati Membri jibqgħu […] liberi li jiffissaw id-disposizzjonijiet ta’ proċedura dwar ir-reġistrazzjoni, ir-revokazzjoni u l-invalidità tat-trade marks miksuba mirreġistrazzjoni; billi jistgħu, per eżempju, jiddeterminaw il-forma tar reġistrazzjoni tat-trade marks u proċeduri ta’ invalidità, jiddeċiedu jekk drittijiet preċedenti għandhomx ikunu invokati jew għall-proċedura tar-reġistrazzjoni jew għall-proċedura ta’ invalidità jew għat-tnejn u, jekk jippermettu li drittijiet preċedenti jkunu invokati fil-proċedura tar-reġistrazzjoni, li jkollhom proċedura ta’ opposizzjoni jew eżami ex-uffiċio jew it-tnejn; billi l-Istati membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw l-effetti tar-revokazzjoni jew invalidità tat-trade marks”.

56      Fit-tieni lok, it-trade mark sussegwenti għandha tkun ġiet ippreżentata in bona fide mill-proporejtarju tagħha.

57      Fit-tielet lok, il-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti għandu juża t-trade mark tiegħu fl-Istat Membru fejn din hija rreġistrata.

58      Fir-raba’ lok, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jkun jaf bir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti u bl-użu ta’ di nit-trade mark wara r-reġistrazzjoni tagħha.

59      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn l-erba’ kundizzjonijiet neċessarji biex jibda jiddekorri l-limitu ta’ dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali.

60      Wara li ntqal dan, għandu jingħad ukoll li r-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti fl-Istat Membru kkonċernat ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja sabiex it-terminu ta’ dekadenza b’konsegwenza taż-żamma tas-skiet jibda jiddekorri.

61      Fil-fatt, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 jindika li t-“trade mark preċedenti” hija “kif hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 4(2)” ta’ din id-direttiva. Issa, skont din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, trade mark tista’ tiġi kkunsidrata bħala preċedenti mingħajr ma tkun ġiet irreġistrata, bħal fil-każ ta’ “applikazzjoniet għat-trade marks […] suġġetti għar-reġistrazzjoni” u tat-trade marks li “huma magħrufa sew”, imsemmija fl-Artikolu 4(2)(ċ) u (d) ta’ din id-direttiva rispettivament.

62      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-paragrafu (c) tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda hija li r-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti fl-Istat Membru kkonċernat ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza b’konsegwenza taż-żamma tas-skiet previst mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104. Il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jibda jiddekorri dan it-terminu ta’ dekadenza, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti nazzjonali, huma, l-ewwel nett, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti fl-Istat Membru kkonċernat, it-tieni nett, il-fatt li din it-trade mark tkun ġiet ippreżentata in bona fide, it-tielet nett, l-użu tat-trade mark sussegwenti mill-proprjetarju tagħha fl-Istat Membru fejn ġiet irreġistrata u, ir-raba’ nett, li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jaf bir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti u bl-użu tagħha wara r-reġistrazzjoni tagħha.

 Fuq it-tielet domanda

63      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jista’ jikseb l-annullament ta’ trade mark sussegwenti identika li tkopri prodotti identiċi f’każ ta’ użu onest simultanju u għal żmien twil ta’ dawn iż-żewġ trade marks.

64      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li Anheuser-Busch tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda inkwantu hija bbażata fuq is-suppożizzjoni ineżatta li t-trade mark ta’ Budweiser tindika kemm il-prodotti tagħha kif ukoll dawk ta’ Budvar. Barra minn hekk, Anheuser-Busch tuża t-trade mark Budweiser, per se, fis-suq tar-Renju Unit filwaqt li Budvar tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha taħt il-kliem “Budweiser Budvar”.

65      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Unjoni li jsiru mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, Ġabra p. I‑9641, punt 67; tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et, C‑515/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20, kif ukoll tal-5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable, C-119/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).

66      Minn dan isegwi li t-tielet domanda hija ammissibbli.

67      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/104 jiddefinixxi r-raġunijiet addizzjonali għar-rifjut jew invalidità f’każ ta’ konflitti ma’ drittijiet preċedenti. L-Artikolu 4(1)(a) b’hekk jipprovdi li trade mark irreġistrata tista’ tiġi ddikjarata invalida meta tkun identika għal trade mark preċedenti u l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata huma identiċi għal dawk li għalihom hija protetta t-trade mark preċedenti.

68      F’dan ir-rigward, l-għaxar premessa tad-Direttiva 89/104 tiddikjara li l-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata, li għan tagħha huwa b’mod partikolari li tiġi ggarantita l-funzjoni ta’oriġini tat-trade mark, hija assoluta f’każ ta’ identiċità bejn it-trade mark u s-sinjal kif ukoll bejn il-prodotti jew is-servizzi.

69      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 jikkorrispondu essenzjalment għal dawk tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva, li jiddetermina l-każijiet fejn il-proprjetarju ta’ trade mark huwa awtorizzat jipprojbixxi lil terzi milli jużaw sinjali identiċi għat-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata l-imsemmija trade mark (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2003, LTJ Diffusion, C‑291/00, Ġabra p. I‑2799, punt 41).

70      Konsegwentement, l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 tapplika wkoll għall-Artikolu 4(1)(a) tagħha, peress li l-imsemmija interpretazzjoni tista’ tiġi trasposta, mutatis mutandis, għad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar (ara s-sentenza LTJ Diffusion, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43)

71      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt esklużiv ipprovdut fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 ngħata sabiex jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju ta’ din it-trade mark, jiġifieri sabiex jiżgura ruħu li din it-trade mark tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha u li, għaldaqstant, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun riżervat għall-każijiet li fihom l-użu tas-sinjal minn terz jippreġudika jew ikun jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark. Fost dawn il-funzjonijiet hemm mhux biss il-funzjoni essenzjali tat-trade mark li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, iżda wkoll il-funzjonijiet l-oħra tagħha, bħal b’mod partikolari dik li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew servizz, jew dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, Ġabra p. I‑5185, punt 58, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, Ġabra p. I‑2417, punt 77).

72      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 ma jeżiġix il-prova tal-eżistenza, f’moħħ il-pubbliku, ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni sabiex tingħata protezzjoni assoluta f’każ ta’ identiċità tas-sinjal u tat-trade mark kif ukoll tal-prodotti jew tas-servizzi (sentenza LTJ Diffusion, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

73      F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 fid-dawl tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

74      F’dan il-kuntest, minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li trade mark sussegwenti rreġistrata tista’ tiġi ddikjarata invalida meta tkun identika għal trade mark preċedenti, meta l-prodotti li għalihom hija rreġistrata t-trade mark huma identiċi għal dawk li għalihom hija protetta t-trade mark preċedenti u meta l-użu tat-trade mark sussegwenti jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiġi ggarantita lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti.

75      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-użu minn Budvar tat-trade mark Budweiser fir-Renju Unit ma jippreġudikax il-funzjoni essenzjali tat-trade mark Budweiser li Anheuser-Busch hija l-proprjetarja tagħha.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi li taw lok għall-kawża prinċipali huma ta’ natura eċċezzjonali.

77      Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tindika li Anheuser-Busch u Budvar kienu ilhom jikkummerċjalizzaw il-birer tagħhom fir-Renju Unit taħt is-sinjal verbali “Budweiser” jew taħt trade mark li tinkludi dan is-sinjal għal kważi 30 sena qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom.

78      Fit-tieni lok, Anheuser-Busch u Budvar ġew awtorizzati jirreġistraw flimkien u b’mod simultanju t-trade marks tagħhom Budweiser wara sentenza mogħtija mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) matul ix-xahar ta’ Frar tas-sena 2000.

79      Fit-tielet lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, għalkemm Anheuser-Busch ippreżentat talba għar-reġistrazzjoni tat-terminu “Budweiser” bħala trademark fir-Renju Unit qabel Budvar, kull waħda minn dawn l-impriżi minn dejjem użaw it-trade marks Budweiser tagħhom in bona fide.

80      Fir-raba’ lok, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li, għalkemm l-ismijiet huma identiċi, il-konsumaturi tar-Renju Unit jipperċepixxu kjarament id-differenza bejn il-birer ta’ Budvar u dawk ta’ Anheuser-Busch, peress li t-togħma, il-prezz u l-preżentazzjoni tagħhom dejjem kienet differenti.

81      Fil-ħames lok, mill-koeżistenza ta’ dawn iż-żewġ trade marks fis-suq tar-Renju Unit jirriżulta li, anki li kienku t-trade marks kienu identiċi, il-birer ta’ Anheuser-Busch u ta’ Budvar kienu kjarament identifikabbli bħala mmanifatturati minn impriżi differenti.

82      Għaldaqstant, hekk kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-użu onest simultanju u għal żmien twil ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru prodotti identiċi ma jippreġudikax jew ma jistax jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiġi ggarantita lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi.

83      Għandu jingħad ukoll li, f’każ ta’ użu, fil-futur, ta’ kwalunkwe proċedura diżonesta fl-użu tat-trade marks Budweiser, tali sitwazzjoni tista’, skont il-każ, tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli dwar il-kompetizzjoni żleali.

84      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ma jistax jikseb dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ trade mark sussegwenti identika li tindika prodotti identiċi f’każ ta’ użu onest simultanju u għal żmien twil ta’ dawn iż-żewġ trade marks meta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-użu ma jippreġudikax jew ma jistax jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiġi ggarantita lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi.

 Fuq l-ispejjeż

85      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-akkwixxenza fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni u l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ma jistax jitqies li qabel mal-użu onest simultanju stabbilit u għal żmien twil, li ilu jaf bih għal żmien twil, minn terz, ta’ trade mark sussegwenti identika għal dik ta’ dan il-proprjetarju jekk dan tal-aħħar kien imċaħħad minn kull possibbiltà li jopponi dan l-użu.

2)      Ir-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti fl-Istat Membru kkonċernat ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza previst mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104. Il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jibda jiddekorri dan it-terminu ta’ dekadenza, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti nazzjonali, huma, l-ewwel nett, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti fl-Istat Membru kkonċernat, it-tieni nett, il-fatt li din it-trade mark tkun ġiet ippreżentata in bona fide, it-tielet nett, l-użu tat-trade mark sussegwenti mill-proprjetarju tagħha fl-Istat Membru fejn ġiet irreġistrata u, ir-raba’ nett, li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jaf bir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti u bl-użu tagħha wara r-reġistrazzjoni tagħha.

3)      L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ma jistax jikseb dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ trade mark sussegwenti identika li tindika prodotti identiċi f’każ ta’ użu onest simultanju u għal żmien twil ta’ dawn iż-żewġ trade marks meta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-użu ma jippreġudikax jew ma jistax jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiġi ggarantita lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq