Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62010CJ0159
Judgment of the Court (Second Chamber) of 21 July 2011.#Gerhard Fuchs (C-159/10) and Peter Köhler (C-160/10) v Land Hessen.#References for a preliminary ruling: Verwaltungsgericht Frankfurt am Main - Germany.#Directive 2000/78/EC - Article 6(1) - Prohibition of discrimination on grounds of age - Compulsory retirement of prosecutors on reaching the age of 65 - Legitimate aims justifying a difference of treatment on grounds of age - Coherence of the legislation.#Joined cases C-159/10 and C-160/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' Lulju 2011.
Gerhard Fuchs (C-159/10) u Peter Köhler (C-160/10) vs Land Hessen.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Frankfurt am Main - il-Ġermanja.
Direttiva 2000/78/KE - Artikolu 6(1) - Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Irtirar obbligatorju tal-prosekuturi pubbliċi li jagħlqu l-65 sena - Għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw trattament differenti bbażat fuq l-età - Koerenza tal-leġiżlazzjoni.
Każijiet Magħquda C-159/10 u C-160/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' Lulju 2011.
Gerhard Fuchs (C-159/10) u Peter Köhler (C-160/10) vs Land Hessen.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Frankfurt am Main - il-Ġermanja.
Direttiva 2000/78/KE - Artikolu 6(1) - Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Irtirar obbligatorju tal-prosekuturi pubbliċi li jagħlqu l-65 sena - Għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw trattament differenti bbażat fuq l-età - Koerenza tal-leġiżlazzjoni.
Każijiet Magħquda C-159/10 u C-160/10.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-06919
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:508
Kawżi magħquda C-159/10 u C-160/10
Gerhard Fuchs
u
Peter Köhler
vs
Land Hessen
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main)
“Direttiva 2000/78/KE — Artikolu 6(1) — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Irtirar obbligatorju tal-prosekuturi pubbliċi li jilħqu l-età ta’ 65 sena — Għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw trattament differenti bbażat fuq l-età — Koerenza tal-leġiżlazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għal kategorija ta’ uffiċjali permanenti, l-irtirar obbligatorju malli jilħqu l-età ta’ 65 sena, filwaqt li tippermettilhom ikomplu jaħdmu sal-età ta’ 68 sena għal raġunijiet iġġustifikati mill-interess tas-servizz
(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 6(1))
2. Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għal kategorija ta’ uffiċjali permanenti, l-irtirar obbligatorju malli jilħqu l-età ta’ 65 sena, filwaqt li tippermettilhom ikomplu jaħdmu sal-età ta’ 68 sena għal raġunijiet iġġustifikati mill-interess tas-servizz
(Direttiva tal-Kunsill 2000/78)
1. Id-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ma tipprekludix liġi li tipprevedi l-irtirar obbligatorju tal-uffiċjali permanenti, f’dan il-każ tal-prosekuturi pubbliċi, meta dawn jilħqu l-età ta’ 65 sena, filwaqt li tagħtihom il-possibbiltà li jibqgħu jaħdmu, jekk dan ikun meħtieġ mill-interess tas-servizz, sal-età massima ta’ 68 sena, u dan sakemm din il-liġi jkollha l-għan li tistabbilixxi struttura ta’ età bbilanċjata sabiex ikunu ffavoriti r-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ persuni ta’ età żgħira, sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun il-ġestjoni tal-persunal u fl-istess ħin sabiex jiġi evitat tilwim eventwali dwar il-kapaċità tal-impjegat li jeżerċita l-attività tiegħu wara ċerta età u sakemm din il-liġi tippermetti li jintlaħaq dan l-għan permezz ta’ mezzi adegwati u neċessarji.
Sabiex tintwera n-natura adegwata u neċessarja tal-miżura kkonċernata, din il-miżura ma għandhiex tidher li hija irraġonevoli fid-dawl tal-għan segwit u għandha tkun ibbażata fuq elementi li l-valur probatorju tagħhom għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali. Dawn l-elementi jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, data ppreżentata fil-forma ta’ statistika.
(ara l-punti 75, 82, 83 u d-dispożittiv 1, 2)
2. Liġi nazzjonali li tipprevedi l-irtirar obbligatorju tal-uffiċjali permanenti, f’dan il-każ tal-prosekuturi pubbliċi, meta jilħqu l-età ta’ 65 sena, ma għandhiex natura inkoerenti minħabba s-sempliċi fatt li f’ċerti każijiet tippermettilhom jibqgħu jaħdmu sal-età ta’ 68 sena, minħabba li tinkludi, barra minn hekk, dispożizzjonijiet intiżi sabiex jitnaqqas l-irtirar qabel l-età ta’ 65 sena u minħabba li dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħra tal-Istat Membru kkonċernat jipprevedu ż-żamma fis-servizz ta’ ċerti uffiċjali, b’mod partikolari ta’ ċerti uffiċjali eletti, lil hinn minn din l-età kif ukoll żieda progressiva fl-età tal-irtirar minn 65 għal 67 sena.
L-eċċezzjoni dwar l-estensjoni tal-attività tal-prosekuturi pubbliċi sal-età ta’ 68 sena tista’ ttaffi r-riġidità tal-liġi u tista’ tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-servizz pubbliku kkonċernat billi tippermetti li tinsab soluzzjoni għal sitwazzjonijiet partikolari fejn it-tluq tal-prosekutur pubbliku jista’ jkun sfavorevoli għat-twettiq bl-aħjar mod possibbli tal-funzjoni li tkun ġiet fdata lilu. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ sempliċi mogħdija ta’ żmien bejn il-bidliet introdotti fil-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ Land u dawk introdotti fi Stat ieħor jew f’Land oħra, intiżi sabiex tiżdied l-età li tagħti dritt għal pensjoni ta’ rtirar sħiħa, ma tistax, fiha nfisha, tagħti lil-leġiżlazzjoni inkwistjoni natura inkoerenti.
(ara l-punti 87, 90, 97, 98 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
21 ta’ Lulju 2011 (*)
“Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 6(1) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Irtirar obbligatorju tal-prosekuturi pubbliċi li jilħqu l-età ta’ 65 sena – Għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw trattament differenti bbażat fuq l-età – Koerenza tal-leġiżlazzjoni”
Fil-Kawżi magħquda C-159/10 u C-160/10,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ Marzu 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2010, fil-proċeduri
Gerhard Fuchs (C‑159/10),
Peter Köhler (C‑160/10)
vs
Land Hessen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ April 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal-Land Hessen, minn M. Deutsch, avukat,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u B. Doherty, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u J. Enegren, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn G. Fuchs u l-Land Hessen u bejn P. Köhler u l-istess Land, dwar l-irtirar tagħhom fl-età ta’ 65 sena.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu:
“(8) Il-Linji Gwida ta’ l-Impjieg għall-2000 miftehma mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999 emfasizzaw il-bżonn li jiġi promoss suq tax-xogħol favorevoli għall-integrazzjoni soċjali permezz tal-formolazzjoni ta’ għadd ta’ linji politiċi koerenti bl-iskop li jikkumbattu diskriminazzjoni kontra gruppi bħal ta’ persuni b’diżabilità. Jenfasizzaw wkoll il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sostenn ta’ ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol.
(9) L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.
[...]
(11) Id-diskriminazzjoni bbażata fuq [...] età [...] tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat [UE], speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.”
4 Il-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi:
“Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”
5 Skont l-Artikolu 1 tagħha, “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel [tistabbilixxi] parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.
6 L-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-direttiva msemmija jipprovdu:
“1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.
2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
a) għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1”.
7 Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:
“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:
[...]
(ċ) il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;
[...]”
8 L-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdu:
“1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.
Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
(a) l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;
(b) L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;
(ċ) l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.
2. Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 Il-leġiżlatur federali ttraspona d-Direttiva 2000/78 permezz tal-Liġi ġenerali dwar l-ugwaljanza fit-trattament (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGB1. 2006 I, p. 1897), kif emendata bl-Artikolu 15(66) tal-Liġi tal-5 ta’ Frar 2009 (BGB1. 2009 I, p. 160).
10 Il-leġiżlatur imsemmi adotta dispożizzjonijiet dwar l-irtirar tal-uffiċjali permanenti tal-Länder u tal-muniċipalitajiet, li jinsabu fl-Artikolu 25 tal-Liġi federali li tikkoordina r-regolamenti tal-persunal tal-uffiċjali tal-Länder (Beamtenstatusgesetz), tas-17 ta’ Ġunju 2008 (BGB1. 2008 I, p. 1010), kif emendata bl-Artikolu 15(16) tal-Liġi tal-5 ta’ Frar 2009 (BGB1. 2009 I, p. 160), fit-termini segwenti:
“L-uffiċjali permanenti għandhom jiġu rtirati wara li jilħqu l-limitu tal-età.”
11 Din id-dispożizzjoni ma tiddeterminax hija stess dan il-limitu tal-età iżda tħalli d-determinazzjoni tiegħu f’idejn il-Länder.
12 L-Artikolu 50 tal-Liġi dwar is-servizz pubbliku tal-Land Hessen (Hessisches Beamtengesetz), kif emendata bil-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem il-“HBG”), jiffissa l-età obbligatorja għall-irtirar tal-uffiċjali tal-Land Hessen kif ġej:
“(1) L-uffiċjali permanenti għandhom jirtiraw fl-aħħar tax-xahar li matulu jagħlqu l-65 sena (limitu tal-età).
(2) B’deroga mill-paragrafu (1), l-uffiċjali permanenti msemmija hawnhekk huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet segwenti:
1. l-għalliema fl-iskejjel pubbliċi għandhom jirtiraw fl-aħħar tal-aħħar xahar tas-sena skolastika li matulha jkunu għalqu l-65 sena;
2. il-professuri, l-għalliema fi skejjel superjuri, il-kollaboraturi xjentifiċi u artistiċi, kif ukoll l-għalliema inkarigati b’funzjonijiet partikolari fl-istabbilimenti ta’ tagħlim superjuri tal-Land għandhom jirtiraw fl-aħħar tal-aħħar xahar tal-perijodu skolastiku li matulu jagħlqu l-65 sena.
(3) Jekk ikun meħtieġ fl-interess tas-servizz, l-irtirar jista’, fuq talba tal-uffiċjal, jiġi ddifferit, lil hinn mill-età ta’ 65 sena, għal perijodi ta’ mhux iktar minn sena u bil-kundizzjoni li f’ebda każ ma tinqabeż it-68 sena. Id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-ogħla awtorità ġerarkika jew mill-awtorità nnominata minnha.”
13 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, sal-1992, iż-żamma ta’ uffiċjal fis-servizz wara l-limitu tal-età kienet tiġi awtorizzata meta tintalab u jekk dan ma kienx prekluż mill-interess tas-servizz. Minn wara dik is-sena, din iż-żamma kienet suġġetta għall-kundizzjoni li ż-żamma tkun fl-interess tas-servizz.
14 Il-HGB tinkludi dispożizzjoni partikolari dwar il-limitu tal-età tal-uffiċjali maħtura għal żmien determinat b’riżultat ta’ elezzjoni diretta, bħas-sindki jew il-membri tal-kunsilli reġjonali. Dawn tal-aħħar huma obbligati jirtiraw meta jagħlqu l-71 sena jekk il-mandat tagħhom ikun għadu ma ntemmx f’dik id-data.
15 Fuq livell federali u sat-12 ta’ Frar 2009, il-limitu tal-età ġenerali applikabbli għall-uffiċjali kien stabbilit bħala 65 sena. Minn wara dik id-data, il-leġiżlazzjoni tipprevedi estensjoni progressiva ta’ dan il-limitu tal-età għal 67 sena. Fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawżi prinċipali, dispożizzjonijiet simili kienu ġew adottati f’ċerti Länder iżda mhux fil-Land Hessen.
16 Fl-oqsma l-oħra minbarra s-servizz pubbliku, sa mill-1 ta’ Jannar 2008 l-Artikolu 35 tal-Volum VI tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali (Sozialgesetzbuch, sechstes Buch), applikabbli għall-impjegati suġġetti għad-dritt privat, jipprevedi wkoll estensjoni progressiva għal 67 sena tal-età li minnha l-persuna kkonċernata tkun intitolata għal pensjoni tax-xjuħija. Skont dispożizzjonijiet tranżitorji, din l-età għandha tibqa’ stabbilita bħala 65 sena għall-persuni li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar 1947.
Il-fatti fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
17 Il-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma kważi identiċi u d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma l-istess.
18 Ir-rikorrenti fiż-żewġ kawżi prinċipali, jiġifieri G. Fuchs u P. Köhler, imwielda fl-1944, eżerċitaw il-funzjonijiet ta’ prosekutur pubbliku prinċipali sa meta laħqu l-età ta’ 65 sena matul is-sena 2009, età din li kellha normalment timplika l-irtirar tagħhom taħt l-Artikolu 50(1) tal-HBG.
19 Il-persuni kkonċernati talbu li jibqgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għal sena oħra taħt l-Artikolu 50(3) tal-HBG.
20 Peress li l-Ministru tal-Ġustizzja tal-Land Hessen ċaħad it-talbiet tagħhom minħabba li l-interess tas-servizz ma kienx jeħtieġ li jinżammu fil-kariga, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn naħa, ippreżentaw ilment quddiem il-ministru msemmi u, min-naħa l-oħra, fetħu proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main.
21 Dik il-qorti laqgħet it-talbiet għal miżuri provviżorji mressqa u ordnat li l-Land Hessen iżżomm lil G. Fuchs u P. Köhler fl-impjieg tagħhom. Madankollu, id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main kienu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof, li annullathom u ċaħdet it-talbiet għal miżuri provviżorji mressqa mill-persuni kkonċernati. Sa mill-1 ta’ Ottubru 2009, dawn tal-aħħar ma setgħux jibqgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ prosekuturi pubbliċi prinċipali u bdew jirċievu pensjoni tal-irtirar.
22 Peress li l-ilmenti ta’ G. Fuchs u P. Köhler ġew ukoll miċħuda permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Ministru tal-Ġustizzja tal-Land Hessen, il-persuni kkonċernati ppreżentaw rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main kontra dawn id-deċiżjonijiet.
23 Dik il-qorti għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tal-limitu tal-età stabbilit għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ prosekutur pubbliku, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78. Fil-fehma tagħha, l-irtirar obbligatorju mal-età ta’ 65 tal-persuni li jeżerċitaw dawn il-funzjonijiet jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78.
24 Il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dispożizzjoni kontenzjuża kienet introdotta fi żmien meta kien ikkunsidrat li l-kapaċità għax-xogħol ma kinitx tibqa’ suffiċjenti wara dik l-età. Attwalment, diversi xogħlijiet ta’ riċerka juru li din il-kapaċità tvarja minn persuna għall-oħra. Barra minn hekk, il-fatt li t-tul tal-ħajja twal wassal lil-leġiżlatur, fir-rigward tal-uffiċjali li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fuq livell federali u tal-impjegati mas-settur privat, sabiex iżid għal 67 sena l-limitu tal-età ġenerali għall-irtirar u għall-intitolament għal pensjoni. Barra minn hekk, il-HBG tipprovdi li l-uffiċjali maħtura b’riżultat ta’ elezzjoni jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom sal-età ta’ 71 sena.
25 Skont il-qorti tar-rinviju, mill-osservazzjonijiet tal-Land Hessen li jinsabu mal-HBG fil-verżjoni tagħha tal-1962 jirriżulta li din il-liġi kienet intiża li tiffavorixxi l-impjieg tal-persuni ta’ età żgħira u li b’hekk tiggarantixxi struttura ta’ età adegwata. Madankollu, skont l-istess qorti, tali għan ma huwiex ġustifikazzjoni oġġettiva għaliex ma jeżistix kriterju suffiċjentement preċiż fid-dritt nazzjonali sabiex tiġi ddefinita struttura ta’ età li tista’ titqies li hija favorevoli jew sfavorevoli. Tali għan ma jaqdix l-interess ġenerali iżda l-interess individwali ta’ min iħaddem. Fi kwalunkwe każ, il-Land Hessen la ppreżentat in-natura u lanqas ir-raġunijiet tal-istruttura ta’ età li hija tqis li hija adegwata. Il-figuri pprovduti minnha juru li parti sostanzjali mill-impjegati tal-Ministeru Pubbliku hija diġà komposta minn persuni ta’ età żgħira. Il-qorti tar-rinviju żżid li studji reċenti juru li ma hemm ebda korrelazzjoni bejn l-irtirar obbligatorju tal-persuni li jkunu laħqu l-limitu tal-età u d-dħul fil-professjoni ta’ persuni ta’ età iżgħar. Dik il-qorti għandhu wkoll dubju dwar jekk figuri li jikkonċernaw biss il-Land Hessen u, fi ħdan din il-Land, l-uffiċjali suġġetti għad-dritt pubbliku, liema uffiċjali jirrappreżentaw biss parti żgħira mill-aġenti tal-Land imsemmija u tal-impjegati tal-Istat Membru kkonċernat, jistgħux juru l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali u jekk tali għan jeżiġix li jiġi estiż għal livell ogħla, b’mod partikolari għal-livell tal-uffiċjali u tal-aġenti kollha tal-Land Hessen, jekk mhux ukoll għall-uffiċjali u għall-aġenti kollha tal-imsemmi Stat Membru.
26 Il-qorti tar-rinviju żżid li l-irtirar tal-prosekuturi pubbliċi mhux dejjem jagħti lok għal reklutaġġ sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet li jkunu saru vakanti. Hija tissuġġerixxi li b’hekk il-Land Hessen qiegħda tipprova tnaqqas in-nefqa baġitarja.
27 Barra minn hekk, ċerti miżuri ma humiex koerenti. Dan jista’ jingħad b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li l-impjegat jinżamm fis-servizz sal-età ta’ 68 sena minkejja preżunzjoni inkonfutabbli ta’ nuqqas ta’ kapaċità għas-servizz mill-età ta’ 65 sena, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-irtirar volontarju qabel din l-età tal-aħħar u fir-rigward taż-żieda fl-età tal-irtirar diġà prevista f’ċerti testi leġiżlattivi.
28 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Id-dispożizzjonijiet tal-[HBG] dwar il-limitu obbligatorju tal-età tal-irtirar tal-uffiċjali, huma bbażati fuq [għan ta’] interess ġenerali [meta evalwati] skont il-kriterji tad-dritt tal-Unjoni?
F’dan ir-rigward, jitqajmu fuq kollox is-segwenti domandi partikolari:
– X’inhuma r-rekwiżiti speċifiċi li għan bħal dan ta’ interess ġenerali għandu jissodisfa fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni? X’aspetti oħra għandhom jiġu eżaminati mill-qorti tar-rinviju sabiex jiġu ċċarati l-fatti?
– L-interess li jiġu ekonomizzati r-riżorsi tal-baġit u li jiġu llimitati l-ispejjeż tar-riżorsi umani – f’dan il-każ li jiġi evitat reklutaġġ sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-persunal – jammonta għal għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78[...]?
– L-għan ta’ entità pubblika li tħaddem li tippjana sa ċertu punt l-irtirar [definittiv] tal-uffiċjali jista’ jiġi kkunsidrat bħala għan leġittimu ta’ interess ġenerali, anki meta kull entità pubblika li tħaddem suġġetta għall-HBG jew għall-[Liġi federali li tikkoordina r-regolamenti tal-persunal tal-uffiċjali tal-Länder] tista’ tiżviluppa u tapplika l-pjanijiet tagħha f’dak li jirrigwarda t-tmexxija tar-riżorsi umani?
– Jista’ l-interess ta’ ‘tqassim favorevoli skont il-faxxa ta’ età’ jew ta’ ‘struttura favorevoli skont l-età’ ikun għan ta’ interess ġenerali, anki fin-nuqqas [ta’ ]dispożizzjonijiet legali jew [ta’] regoli ġenerali fuq dak li huwa mixtieq fil-qasam tal-faxxa ta’ età jew struttura skont l-età?
– Jista’ l-ftuħ [ta’] possibiltajiet [ta’] promozzjoni għall-uffiċjali jiġi kkunsidrat bħala għan leġittimu ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78[...]?
– Inkwantu għandu bħala għan li jevita disputi [tilwim] ma’ persuni iktar anzjani dwar jekk għadhomx tajbin sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, limitu tal-età għandu għan leġittimu ta’ interess ġenerali?
– L-interess ġenerali previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78[...] jippresupponi kunċett [ta’ ]politika tax-xogħol li jmur oltre entitajiet pubbliċi [...] u/jew privati individwali [li jħaddmu]? Jekk fl-affermattiv, kemm għandu jkun uniformi u obbligatorju dan il-kunċett?
– Huwa possibbli li l-limiti fl-età ta’ portata tant ristrettiva jippermettu lil entitajiet pubbliċi [...] jew privati individwali [li jħaddmu] li jsegwu għanijiet ta’ interess ġenerali għal gruppi ta’ impjegati, limitati f’dan il-każ għall-uffiċjali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-HBG?
– Taħt liema kundizzjonijiet jista’ l-għan[, –] li jista’ jiġi mħaddan [għalkemm] b’mod mhux obbligatorju [minn entitajiet pubbliċi li jħaddmu], li jiġu okkupati postijiet vakanti ta’ impjegati li rtiraw, minn rekluti ġodda, fejn ikun neċessarju wara li impjegati eżistenti ġew promossi, jiġi kkunsidrat li huwa fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE? Ir-referenza għall-interess pubbliku għandha tkun appoġġata mhux biss minn talbiet [dikjarazzjoni] ġenerali li r-regoli jissodisfaw dak l-għan, iżda wkoll minn statistika jew sejbiet oħra li minnhom jista’ jiġi stabbilit li għan bħal dan huwa suffiċjentement serju u jista’ attwalment jintlaħaq?
2) a) X’inhuma r-rekwiżiti li limitazzjoni fl-età fis-sens tal-HBG għandha jkollha sabiex tkun xierqa u adattata għat-twettiq tal-għan imħaddan?
b) Hemm bżonn ta’ investigazzjonijiet iktar profondi sabiex jiġi stabbilit ir-rapport [bejn in-]numru – probabbli – ta’ ħaddiema tas-servizz pubbliku li jibqgħu volontarjament fis-servizz wara l-età tal-irtirar [u n-]numru li jixtiequ jirċievu pensjoni sħiħa meta jaslu għall-età tal-pensjoni, jekk mhux qabel, u b’hekk ċertament iridu jitilqu mis-servizz? Ma jkunx xieraq f’dan ir-rigward li tingħata preferenza [lill-irtirar volontarju] fuq [l-]irtirar obbligatorju, li arranġamenti għall-pensjonijiet [li j]siru sabiex jitnaqqsu meta dawn jittieħdu qabel ma tintlaħaq l-età stabbilita ta’ rtirar [isiru] sabiex jiġi prekluż infiq mhux raġonevoli ta’ baġit għall-pensjonijiet u spejjeż relatati tax-xogħol? (tluq volontarju minflok tluq obbligatorju bħala l-arranġament iktar xieraq u fil-prattika, mhux inqas adegwat).
c) Jista’ ikun xieraq u neċessarju li tintemm awtomatikament, fuq il-bażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli ta’ inadegwatezza għas-servizz, ir-relazzjoni tax-xogħol tal-uffiċjali li jkunu laħqu ċerta età, fil-każ preżenti li jkunu għalqu 65 sena?
d) Huwa xieraq li ż-żamma fis-servizz pubbliku, li fih innifsu huwa possibbli, f’kwalunkwe każ sal-età ta’ 68 sena, ikun esklussivament abbażi tal-interessi partikolari tal-entità pubblika li tħaddem u li n-nuqqas ta’ interess ta’ dan it-tip iwassal neċessarjament għat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol, mingħajr l-ebda possibbiltà ġuridika taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li wieħed jerġa’ jinħatar?
e) Meta, minflok tillimita ruħha għall-iffissar, b’mod konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78[...], tal-kundizzjonijiet ta’ kisba ta’ pensjoni ta’ rtirar bir-rata sħiħa, il-limitu tal-età jinvolvi neċessarjament it-telf tax-xogħol, dan il-limitu għandu jkun ikkunsidrat bħala li jaffettwa b’mod mhux iġġustifikat l-interessi tal-persuni anzjani, ikkomparat ma’ dawk ta’ persuni iżgħar fl-età, li l-valur tagħhom, bħala prinċipju, ma huwiex ogħla?
f) Jekk l-għan li jiġu ffaċilitati r-reklutaġġ u/jew il-promozzjonijiet huwa rrikonoxxut bħala leġittimu, x’inhuma r-rekwiżiti fattwali speċifiċi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi stabbilit sa liema punt il-possibbiltajiet korrispondenti huma verament meħuda? F’dan ir-rigward, għandha ssir referenza għal kull entità pubblika li tħaddem li tapplika l-limitu tal-età jew għall-entitajiet pubbliċi li jħaddmu kollha li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni, u s-suq tax-xogħol inġenerali għandu jkun inkluż jew le?
g) Fid-dawl tal-lakuni ta’ karattru demografiku diġà perċepibbli fis-suq tax-xogħol u tal-ħtieġa imminenti ta’ persunal ikkwalifikat ta’ kull tip, inkluż fosthom fis-servizz pubbliku federali u tal-[Länder], huwa xieraq u neċessarju li l-uffiċjali adatti għas-servizz u li jixtiequ jeżerċitaw l-attività tagħhom ikunu mġegħla jitilqu mis-servizz pubbliku, minkejja l-ħtieġa imminenti u kunsiderevoli ta’ persunal, li s-suq tax-xogħol bil-kemm ikun jista’ jissodisfa? F’dan ir-rigward ikun neċessarju li fil-futur tinġabar din l-informazzjoni li tirrigwarda kull parti tas-suq tax-xogħol?
3) a) X’rekwiżiti fil-qasam tal-koerenza għandhom jiġu sodisfatti mid-dispożizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-limitu fl-età previsti mil-leġiżlazzjoni ta[l-Land ta’] Hessen, u jekk ikun il-każ, mil-leġiżlazzjoni federali Ġermaniża?
b) Jista’ jiġi kkunsidrat li ma hemmx kontradizzjoni bejn il-paragrafu 1 u l-paragrafu 3 tal-Artikolu 50 tal-HBG, b’mod li l-proroga fir-relazzjoni tax-xogħol wara l-limitu tal-età tiddependi esklużivament fuq interessi tal-entità pubblika li tħaddem?
c) Interpretazzjoni tal-Artikolu 50(3) tal-HBG konformi mad-[Direttiva 2000/78] tista’, jekk ikun il-każ, twassal sabiex, bl-iskop li tiġi evitata diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ir-relazzjoni tax-xogħol tkun dejjem ipprorogata jekk l-ebda raġuni tas-servizz ma tipprojbiha? X’inhuma r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn raġuni bħal din ta’ servizz? Għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex l-interessi ta’ servizz jeħtieġu ż-żamma tar-relazzjoni tax-xogħol, huwa biżżejjed li t-tmiem tagħha jwassal għal diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bbażata fuq l-età?
d) B’liema mod interpretazzjoni bħal din tal-Artikolu 50(3) tal-HBG tista’ tippermetti li tipproroga jew terġa’ tibda l-kariga ta’ uffiċjal tar-[rikorrent], anki jekk dak l-impjieg kien diġà ġie tterminat? F’din is-sitwazzjoni jeħtieġ li l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-HBG tibqa’ inapplikabbli sakemm ir-rikorrent[ j]agħlaq 68 sena?
e) Huwa xieraq u neċessarju li minn naħa jitwaqqaf it-tluq volontarju mill-età ta’ 60 jew 63 sena rispettivament, billi jitnaqqas b’mod permanenti l-ammont tal-pensjoni ta’ irtirar, [filwaqt li] min-naħa l-oħra tiġi eskluża l-proroga volontarja tar-relazzjoni tax-xogħol wara l-65 sena, ħlief jekk l-entità pubblika li tħaddem turi eċċezzjonalment interess partikolari f’din il-proroga?
f) L-eżistenza ta’ skemi iktar vantaġġużi previsti għall-persuni li jibbenefikaw minn xogħol part-time għal persuni anzjani minn naħa u għall-uffiċjali reklutati għal perijodu fiss min-naħa l-oħra jneħħu mil-limitu fl-età previst fl-Artikolu 50(1) tal-HBG l-karattru tiegħu xieraq u neċessarju?
g) Mill-perspettiva tal-koerenza, kif jeħtieġ li jiġu evalwati r-regolamenti differenti tad-dritt tas-servizz pubbliku, tad-dritt tax-xogħol u tad-dritt tas-sigurtà soċjali li minn naħa għandhom bħala għan li permanentement iżidu l-età tal-pensjoni tal-irtirar bir-rata sħiħa, minn naħa oħra jipprojbixxu t-terminazzjoni minħabba li tkun intlaħqet l-età prevista għall-pensjoni tax-xjuħija normali u minn naħa oħra [jimponu] t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol tal-persuni li laħqu din l-età?
h) Huwa importanti mill-perspettiva tal-koerenza li ż-żieda progressiva tal-limiti fl-età fis-sigurtà soċjali u fis-servizz pubbliku tal-Istat Federali u ta’ ċerti [Länders] isservi qabel kollox l-interess tal-impjegati sabiex ikunu suġġetti l-iktar tard possibbli għall-kundizzjonijiet iktar stretti applikabbli għall-kisba ta’ pensjoni tax-xjuħija bir-rata sħiħa fis-settur pubbliku jew fis-settur privat? Dawn id-domandi għandhom ikunu kkunsidrati irrilevanti għaliex l-uffiċjali suġġetti għall-HBG għadhom ma huma suġġetti għall-ebda żieda fil-limitu fl-età, filwaqt li din iż-żieda hija imminenti għall-membri tal-persunal bil-kuntratt?”
29 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2010, il-Kawżi C‑159/10 u C‑160/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u għall-finijiet tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
30 Il-qorti tar-rinviju tqajjem diversi mistoqsijiet, miġbura essenzjalment fi tliet domandi, li wħud minnhom jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 267 TFUE, ma għandhiex il-kompetenza li tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-regoli li jagħmlu parti mid-dritt nazzjonali. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 63).
31 Għaldaqstant, fl-għoti ta’ risposti għad-domandi magħmula għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din il-limitazzjoni.
Fuq l-ewwel domanda
32 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2000/78 tipprekludix liġi, bħalma hija l-HBG, li tipprevedi l-irtirar obbligatorju tal-uffiċjali permanenti, f’dan il-każ tal-prosekuturi pubbliċi, malli jilħqu l-età ta’ 65 sena, bla ħsara għall-possibbiltà li dawn jibqgħu jaħdmu jekk dan ikun meħtieġ mill-interess tas-servizz sal-età massima ta’ 68 sena, u dan sa fejn din il-liġi jkollha għan jew iktar minn dawn li ġejjin, jiġifieri l-istabbiliment ta’ “struttura favorevoli skont l-età”, il-possibbiltà li jkun jista’ jiġi ppjanat it-tluq, il-promozzjoni tal-uffiċjali, il-prevenzjoni ta’ tilwim jew it-tnaqqis fin-nefqa baġitarja.
33 Huwa paċifiku li t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tal-uffiċjali tal-Land Hessen, b’mod partikolari tal-prosekuturi pubbliċi, meta dawn jilħqu l-età li minnha jistgħu jibbenefikaw minn irtirar b’pensjoni sħiħa, jiġifieri l-età ta’ 65 sena, tikkostitwixxi trattament differenti bbażat fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2000/78.
34 Fil-fatt, dispożizzjoni bħall-Artikolu 50(1) tal-HBG taffettwa l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, minħabba li tipprekludi lill-prosekuturi pubbliċi kkonċernati milli jkomplu jaħdmu wara l-età ta’ 65 sena. Barra minn hekk, billi tittratta lil dawn il-persuni b’mod inqas favorevoli minn kif titratta lill-persuni li ma jkunux laħqu din l-età, din id-dispożizzjoni tintroduċi trattament differenti bbażat direttament fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.
35 L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li trattament differenti bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni meta jkun oġġettivament u raġonevolment ġustifikat, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minħabba għan leġittimu, b’mod partikolari minħabba għanijiet leġittimi marbuta mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol u mat-taħriġ professjonali, u meta l-mezzi magħżula sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu adegwati u neċessarji.
36 Għalhekk, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjoni msemmija hijiex ġustifikata minħabba għan leġittimu u jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan humiex adegwati u neċessarji.
Fuq l-eżistenza ta’ għan leġittimu
37 Preliminarjament, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ indikazzjoni speċifika fil-HBG tal-għan segwit minnha, il-konsegwenzi li jirriżultaw minn bidla f’dan l-għan u mill-kuntest tiegħu, kif ukoll jekk huwiex possibbli li jiġu invokati diversi għanijiet.
38 L-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-HBG ma tippreċiżax b’mod ċar l-għan li hija ssegwi permezz tal-Artikolu 50(1) tagħha, fejn il-limitu tal-età għall-uffiċjali permanenti jiġi stabbilit bħala 65 sena.
39 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi dedott li l-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tippreċiżax l-għan segwit iwassal sabiex jiġi eskluż awtomatikament li din il-leġiżlazzjoni tista’ tkun ġustifikata taħt id-dispożizzjoni msemmija. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, huma elementi oħra misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata li għandhom jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan li fuqu tkun ibbażata din il-miżura għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-leġittimità tagħha u fir-rigward tan-natura adegwata u neċessarja tal-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punti 56 u 57; tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, p. I‑47, punt 40, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, p. I‑9391, punt 58).
40 Fir-rigward tal-bidla tal-għan segwit, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, inizjalment, l-Artikolu 50 tal-HBG kien ibbażat fuq il-preżunzjoni inkonfutabbli li l-persuna kkonċernata ma tkunx għadha tajba għax-xogħol wara l-età ta’ 65 sena. Matul is-seduta, ir-rappreżentanti tal-Land Hessen u tal-Gvern Ġermaniż enfasizzaw, madankollu, li din il-preżunzjoni ma kellhiex tibqa’ titqies li tikkostitwixxi l-bażi tal-limitu tal-età u li l-leġiżlatur kien aċċetta li l-persuni jistgħu jibqgħu tajbin għax-xogħol wara din l-età.
41 F’dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat li bidla fil-kuntest ta’ liġi, li twassal sabiex jinbidel l-għan ta’ din il-liġi, ma tistax, fiha nfisha, teskludi li din il-liġi għandha għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.
42 Għalkemm iċ-ċirkustanzi jistgħu jinbidlu, il-liġi tista’ tinżamm fis-seħħ għal raġunijiet oħra.
43 B’hekk, fil-kawżi prinċipali ineżami, minbarra l-bidla fir-rigward tal-perċezzjoni tal-kapaċità li persuna tibqa’ taħdem wara li tilħaq l-età ta’ 65 sena, il-fatt imsemmi mill-qorti tar-rinviju li l-limitu tal-età kien ġie introdott matul perijodu fejn kien hemm ix-xogħol u mbagħad inżamm matul perijodu fejn kien jipprevali l-qgħad, seta’ wassal għal bidla fl-għan segwit, mingħajr madankollu ma jeskludi li dan l-għan huwa għan leġittimu.
44 Fir-rigward tal-invokazzjoni simultanja ta’ diversi għanijiet, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-koeżistenza ta’ diversi għanijiet ma hijiex ostakolu għall-eżistenza ta’ għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.
45 Dan kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 43 u 45 ta’ dik is-sentenza, li għanijiet bħal dawk invokati mill-Gvern Ġermaniż setgħu jitqiesu li jaqgħu taħt l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.
46 L-għanijiet invokati jistgħu jkunu marbuta ma’ xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Georgiev, C‑250/09 u C‑268/09, p. I‑11869, punti 45, 46 u 68), jew ikklassifikati f’ordni ta’ importanza bħalma kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, fejn, kif jirriżulta mil-punti 41 u 65 ta’ dik is-sentenza, il-Gvern Ġermaniż kien invoka, prinċipalment, għan u, sussidjarjament, għan ieħor.
Fuq l-għanijiet invokati mill-qorti tar-rinviju
47 Skont il-qorti tar-rinviju, l-għan tal-Artikolu 50(1) tal-HBG huwa, b’mod partikolari, li jistabbilixxi “struttura favorevoli skont l-età”, liema struttura tkun ikkostitwita mill-preżenza simultanja fil-professjoni inkwistjoni, jiġifieri dik ta’ prosekuturi pubbliċi, ta’ impjegati ta’ età żgħira li jkunu għadhom jibdew il-karriera tagħhom u ta’ impjegati iktar anzjani li jkunu fi stadju avvanzat tal-karriera tagħhom. Il-Land Hessen u l-Gvern Ġermaniż jenfasizzaw li dan huwa l-għan prinċipali segwit minn din id-dispożizzjoni. L-irtirar obbligatorju mal-età ta’ 65 sena huwa intiż, fil-fehma tagħhom, li jiġi stabbilit bilanċ bejn il-ġenerazzjonijiet, bilanċ li miegħu jistgħu jintrabtu tliet għanijiet oħra msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li jkunu jistgħu jiġu ppjanti b’mod effikaċi t-tluq u r-reklutaġġ, li jkun iffavorit ir-reklutaġġ kif ukoll il-promozzjoni ta’ impjegati ta’ età żgħira u li jiġi evitat tilwim dwar il-kapaċità tal-impjegat li jeżerċita l-attività tiegħu wara din l-età.
48 Il-Land Hessen u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-preżenza, fis-servizz pubbliku kkonċernat, ta’ persunal b’etajiet differenti tippermetti wkoll skambju ta’ esperjenza mill-impjegati iktar anzjani lil dawk ta’ età iżgħar u l-komunikazzjoni minn dawn tal-aħħar ta’ konoxxenzi miksuba reċentement, filwaqt li tikkontribwixxi sabiex is-servizz pubbliku tal-ġustizzja jkun servizz ta’ kwalità.
49 Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-promozzjoni tar-reklutaġġ tikkostitwixxi, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-politika tal-impjieg tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta tiffavorixxi l-aċċess ta’ persuni ta’ età żgħira għal professjoni (sentenza Georgiev, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-koabitazzjoni ta’ diversi ġenerazzjonijiet ta’ impjegati tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-kwalità tal-attivitajiet eżerċitati, b’mod partikolari billi tiffavorixxi l-iskambju ta’ esperjenza (ara f’dan is-sens, fir-rigward ta’ għalliema u ta’ riċerkaturi, is-sentenza Georgiev, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).
50 Bl-istess mod, għandu jiġi kkunsidrat li l-għan li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata bejn uffiċjali ta’ età żgħira u uffiċjali iktar anzjani sabiex jiġu ffavoriti r-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ persuni ta’ età żgħira, sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun il-ġestjoni tal-persunal u fl-istess ħin sabiex jiġi evitat it-tilwim eventwali dwar il-kapaċità tal-impjegat li jeżerċita l-attività tiegħu lil hinn minn ċerta età, u dan filwaqt li l-intenzjoni tkun li jiġi offrut servizz tal-ġustizzja ta’ kwalità, jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol.
51 Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk miżura bħall-Artikolu 50(1) tal-HBG tissodisfax l-interess ta’ min iħaddem minflok l-interess ġenerali. Hija tqajjem b’mod partikolari l-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet adottati minn Land waħda, għal parti mill-aġenti tagħha, f’dan il-każ l-uffiċjali permanenti li jagħmlu parti minnhom il-prosekuturi pubbliċi, jikkonċernawx grupp limitat wisq ta’ persuni sabiex jikkostitwixxu miżura li ssegwi għan ta’ interess ġenerali.
52 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għanijiet li jistgħu jitqiesu bħala “leġittimi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, huma għanijiet li jkollhom in-natura ta’ interess ġenerali u li jkunu distinti minn motivi purament individwali partikolari għas-sitwazzjoni ta’ min iħaddem, bħat-tnaqqis tal-ispejjeż jew it-titjib tal-kompetittività, mingħajr madankollu ma huwa possibbli li jiġi eskluż li regola nazzjonali tirrikonoxxi, sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet leġittimi, ċertu livell ta’ flessibbiltà lil min iħaddem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C‑388/07, Ġabra p. I‑1569, punt 46).
53 Għandu jiġi kkonstatat li għanijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-uffiċjali kkonċernati kollha, fil-kuntest ta’ preokkupazzjonijiet li jaqgħu taħt il-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol, intiżi li jiġi żgurat servizz pubbliku ta’ kwalità, f’dan il-każ dak tal-ġustizzja, jistgħu jitqiesu li huma għanijiet ta’ interess ġenerali.
54 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtoritajiet kompetenti fuq il-livell nazzjonali, reġjonali jew settorjali għandhom igawdu mill-possibbiltà li jemendaw il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq għan leġittimu ta’ interess ġenerali, pereżempju billi jadattawhom għall-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-impjieg fl-Istat Membru kkonċernat (sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).
55 B’hekk, il-fatt li dispożizzjoni tkun adottata fuq livell reġjonali ma jfissirx li ma jistax ikollha għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Fi Stat bħal ma hija r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-leġiżlatur jista’ jqis li, fl-interess tal-persuni kkonċernati kollha, huma l-Länder u mhux l-awtoritajiet federali li għandhom jadottaw ċerti miżuri leġiżlattivi koperti minn din id-dispożizzjoni, bħalma hija l-età tal-irtirar tal-uffiċjali permanenti.
56 Huwa meħtieġ ukoll li l-irtirar, bħala prinċipju b’mod obbligatorju fl-età ta’ 65 sena, bħal dak previst fl-Artikolu 50(1) tal-HBG, ikun adegwat u neċessarju għal dan il-għan.
57 Fir-rigward tan-natura adegwata ta’ tali miżura, il-Land Hessen u l-Gvern Ġermaniż isostnu li n-numru ta’ pożizzjonijiet disponibbli fis-servizz pubbliku huwa limitat, b’mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjonijiet ta’ prosekutur pubbliku, u b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-ogħla gradi. Fid-dawl tar-rekwiżiti baġitarji, il-possibbiltà li jinħolqu pożizzjonijiet ġodda hija limitata. Huma jispeċifikaw li l-prosekuturi pubbliċi, bħall-uffiċjali kollha, huma maħtura b’mod permanenti u li huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li dawn jirtiraw mill-kariga tagħhom b’mod voluntarju jew qabel iż-żmien. B’hekk, l-iffissar ta’ età obbligatorja għall-irtirar tal-prosekuturi pubbliċi huwa l-uniku mezz kif l-impjieg jinqasam b’mod ġust bejn il-ġenerazzjonijiet.
58 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet, fil-kuntest ta’ professjonijiet fejn in-numru ta’ pożizzjonijiet disponibbli kien limitat, li l-irtirar f’età stabbilita mil-liġi kien ta’ natura li jiffaċilita l-aċċess ta’ persuni ta’ età żgħira għall-impjieg (ara f’dan is-sens, fir-rigward ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, is-sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70, u, fir-rigward ta’ professuri tal-università, is-sentenza Georgiev, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).
59 Fir-rigward tal-professjoni ta’ prosekutur pubbliku fil-Ġermanja, jidher li l-aċċess għal din il-professjoni huwa limitat mill-obbligu li l-membri ta’ din il-professjoni jkunu kisbu kwalifika partikolari wara li jkunu segwew b’suċċess ċiklu ta’ studji u perijodu ta’ prattika. Barra minn hekk, id-dħul ta’ persuni ta’ età żgħira jista’ jkun limitat minħabba li l-uffiċjali kkonċernati jinħatru b’mod permanenti.
60 F’kundizzjonijiet bħal dawn, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jqisu li miżura bħall-Artikolu 50(1) tal-HBG tista’ tkun ta’ natura li tippermetti li jintlaħaq l-għan li tiġi implementata struttura ta’ età bbilanċjata sabiex ikun iffaċilitat l-ippjanar tat-tluq, sabiex tkun żgurata l-promozzjoni tal-uffiċjali, b’mod partikolari ta’ dawk li jkunu ta’ età żgħira, u sabiex jiġi evitat tilwim li jista’ eventwalment jimmaterjalizza meta jiġu rtirati l-uffiċjali.
61 Għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu l-għan imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).
62 Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux iċaħħdu mis-sustanza tagħha l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita fid-Direttiva 2000/78. Din il-projbizzjoni għandha tinqara fid-dawl tad-dritt li wieħed jaħdem irrikonoxxut fl-Artikolu 15(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
63 Minn dan jirriżulta li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tal-ħaddiema anzjani fil-ħajja professjonali u, b’hekk, fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali. Iż-żamma ta’ dawn il-persuni fil-ħajja attiva tiffavorixxi d-diversità fl-impjieg, diversità li hija għan rikonoxxut fil-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78. Barra minn hekk, din iż-żamma tikkontribwixxi għall-iżvilupp personali kif ukoll għall-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema kkonċernati, inkonformità mal-preokkupazzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni ddikjarati fil-premessi 8, 9 u 11 ta’ din id-direttiva.
64 Madankollu, l-interess li dawn il-persuni jinżammu attivi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl ta’ interessi oħra li jistgħu jkunu interessi diverġenti. Il-persuni li jilħqu l-età li tagħtihom dritt għal pensjoni ta’ rtirar jistgħu jkunu jixtiequ jinvokaw dan id-dritt u jitilqu mill-kariga tagħhom bil-benefiċċju ta’ tali pensjoni minflok ma jkomplu jaħdmu. Barra minn hekk, klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt ta’ xogħol tal-impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar jistgħu jiffavorixxu, fl-interess ta’ tqassim tax-xogħol bejn il-ġenerazzjonijiet, l-inklużjoni professjonali ta’ ħaddiema ta’ età żgħira.
65 B’hekk, meta jiddefinixxu l-politika soċjali tagħhom fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, ekonomika, soċjali, demografika u/jew baġitarja, l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati jistgħu jagħżlu li jtawlu t-tul tal-ħajja attiva tal-ħaddiema jew, għall-kuntrarju, li jipprovdu għall-irtirar iktar kmieni ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punti 68 u 69). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jilħqu bilanċ ġust bejn id-diversi interessi inkwistjoni, filwaqt li jiżguraw li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Palacios de la Villa, punti 69 u 71, kif ukoll Rosenbladt, punt 44).
66 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li miżura li tippermetti l-irtirar obbligatorju ta’ ħaddiema meta jilħqu l-età ta’ 65 sena tista’ tissodisfa l-għan li jiġi promoss ir-reklutaġġ u tista’ titqies li hija miżura li ma tippreġudikax b’mod eċċessiv l-aspettattivi leġittimi tal-ħaddiema kkonċernati sakemm dawn il-persuni jkunu jistgħu jgawdu minn pensjoni li l-livell tagħha ma jistax jitqies li huwa irraġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward ta’ miżura li timponi t-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol f’din l-età, f’settur fejn, skont il-qorti tar-rinviju, din il-miżura setgħet tikkawża preġudizzju finanzjarju importanti għall-ħaddiem ikkonċernat, li din il-miżura ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jinlaħqu l-għanijiet mixtieqa, b’mod partikolari l-promozzjoni tar-reklutaġġ. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ħaddiem seta’ jikseb il-likwidazzjoni tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni filwaqt li jibqa’ fuq is-suq tax-xogħol u filwaqt li jibbenefika mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 sa 76).
67 Fil-kawżi prinċipali ineżami, mill-proċess jirriżulta li l-prosekuturi pubbliċi huma obbligati jirtiraw, bħala prinċipju, malli jilħqu l-età ta’ 65 sena u bil-benefiċċju ta’ pensjoni sħiħa li tikkorrispondi għal kważi 72 % tal-aħħar salarju tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 50(3) tal-HBG jipprevedi l-possibbiltà li l-prosekuturi pubbliċi jibqgħu jaħdmu għal tliet snin oħra, sal-età ta’ 68 sena, jekk huma jitolbu dan u jekk dan ikun meħtieġ mill-interess tas-servizz. Fl-aħħar nett, id-dritt nazzjonali ma jipprekludix lil dawn il-persuni milli jeżerċitaw attività professjonali oħra, bħal dik ta’ konsulent legali, fejn ma hemmx limitu ta’ età.
68 Fid-dawl ta’ tali elementi, għandu jiġi kkunsidrat li miżura li tipprevedi l-irtirar tal-prosekuturi pubbliċi meta jilħqu l-età ta’ 65 sena, bħal dik prevista fl-Artikolu 50(1) tal-HBG, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata sabiex jiġu ffavoriti r-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ persuni ta’ età żgħira, sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun il-ġestjoni tal-persunal u fl-istess ħin sabiex jiġi evitat tilwim dwar il-kapaċità tal-impjegat li jeżerċita l-attività tiegħu wara ċerta età.
69 Għandu jiġi osservat ukoll li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll dwar il-leġittimità, fid-dawl tal-Aritkolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, ta’ għan li jikkonsisti f’li titnaqqas in-nefqa baġitarja.
70 Madankollu, il-Land Hessen u l-Gvern Ġermaniż sostnew li, fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 50(1) tal-HBG ma għandux tali għan. Skont il-Land Hessen, il-fatt li ċerti uffiċjali permanenti, f’dan il-każ prosekuturi pubbliċi, ma ġewx issostitwiti huwa dovut għall-fatt li dawn tal-aħħar kienu nħatru fid-dawl ta’ żieda eċċezzjonali fin-numru ta’ kawżi partikolari u f’mument partikolari. Din il-Land tosserva li, jekk ma jittiħidx inkunsiderazzjoni dan it-tnaqqis, in-numru ta’ prosekuturi pubbliċi żdied minn wara s-sena 2006.
71 F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-għan li titnaqqas in-nefqa baġitarja huwiex għan segwit mill-HBG.
72 Għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, p. I‑5667, punt 27). F’dan il-każ, peress li ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawżi prinċipali u peress li lanqas ma jidher li l-problema hija ta’ natura ipotetika, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda magħmula.
73 Kif jirriżulta mill-punt 65 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri dwar l-irtirar, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet baġitarji fl-istess ħin ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, soċjali jew demografika sakemm, meta jagħmlu dan, l-Istati Membri josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.
74 F’dan ir-rigward, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet tal-politika soċjali ta’ Stat Membru u jistgħu jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li Stat Membru jkun jixtieq jadotta, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.
75 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva 2000/78 ma tipprekludix liġi, bħall-HBG, li tipprevedi l-irtirar obbligatorju tal-uffiċjali permanenti, f’dan il-każ tal-prosekuturi pubbliċi, meta dawn jilħqu l-età ta’ 65 sena, filwaqt li tagħtihom il-possibbiltà li jibqgħu jaħdmu, jekk dan ikun meħtieġ mill-interess tas-servizz, sal-età massima ta’ 68 sena, u dan sakemm din il-liġi jkollha l-għan li tistabbilixxi struttura ta’ età bbilanċjata sabiex ikunu ffavoriti r-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ persuni ta’ età żgħira, sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun il-ġestjoni tal-persunal u fl-istess ħin sabiex jiġi evitat tilwim eventwali dwar il-kapaċità tal-impjegat li jeżerċita l-attività tiegħu wara ċerta età u sakemm din il-liġi tippermetti li jintlaħaq dan l-għan permezz ta’ mezzi adegwati u neċessarji.
Fuq it-tieni domanda
76 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qegħda essenzjalment tistaqsi liema hija l-informazzjoni li l-Istat Membru għandu jipproduċi sabiex juri n-natura adegwata u neċessarja tal-miżura inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u, b’mod partikolari, jekk għandhomx jiġu pprovduti statistika u data oħra bbażata fuq ċifri preċiżi.
77 Mill-punt 51 tas-sentenza Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li sempliċi dikjarazzjonijiet ġenerali li jindikaw li miżura hija adegwata sabiex tipparteċipa għall-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tal-formazzjoni professjonali ma humiex biżżejjed sabiex juru li l-għan ta’ din il-miżura huwa ta’ natura li jiġġustifika deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u lanqas ma jikkostitwixxu elementi li jippermettu raġonevolment li jitqies li l-mezzi magħżula huma adegwati sabiex ikun jista’ jintlaħaq dan l-għan.
78 Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, fil-punt 67 ta’ dik is-sentenza, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu, sa livell probatorju għoli, in-natura leġittima tal-għan invokat bħala ġustifikazzjoni.
79 Skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2000/78, l-evalwazzjoni tal-fatti li abbażi tagħhom tkun tista’ tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni għandha titwettaq mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali jew minn awtorità kompetenti oħra skont id-dritt nazzjonali jew skont il-prassi nazzjonali. Dawn jistgħu jipprovdu, b’mod partikolari, li d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi stabbilita b’kull mezz, inkluż fuq il-bażi ta’ data ppreżentata fil-forma ta’ statistika.
80 Sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ preċiżjoni tal-provi meħtieġa, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla ta’ miżura li huma jqisu adegwata.
81 Din l-għażla tista’ għalhekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika, soċjali, demografika u/jew baġitarja, kunsiderazzjonijiet li jinkludu kemm data eżistenti u li tista’ tiġi kkonfermata u kif ukoll previżjonijiet li, min-natura tagħhom stess, jistgħu jirriżultaw ineżatti u li għalhekk jimplikaw ċerta inċertezza. Il-miżura msemmija tista’, barra minn hekk, tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, kunsiderazzjonijiet li ħafna drabi jimplikaw arbitraġġ bejn diversi soluzzjonijiet possibbli u li lanqas ma jippermettu li tingħata ċertezza lir-riżultat mistenni.
82 Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, il-valur probatorju tal-provi mressqa quddiemu, liema provi jistgħu jinkludu b’mod partikolari data ppreżentata fil-forma ta’ statistika.
83 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li, sabiex tintwera n-natura adegwata u neċessarja tal-miżura kkonċernata, din il-miżura ma għandhiex tidher li hija irraġonevoli fid-dawl tal-għan segwit u għandha tkun ibbażata fuq elementi li l-valur probatorju tagħhom għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali.
Fuq it-tielet domanda
84 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar in-natura koerenti ta’ liġi bħall-HBG. Hija qiegħda essenzjalment tistaqsi, b’mod iktar partikolari, jekk din il-liġi għandhiex nuqqasijiet ta’ koerenza sa fejn tobbliga lill-prosekuturi pubbliċi jirtiraw meta jilħqu l-età ta’ 65 sena filwaqt li, fl-ewwel lok, tippermettilhom ikomplu l-attivitajiet tagħhom sal-età ta’ 68 sena jekk dan ikun meħtieġ mill-interess tas-servizzi, fit-tieni lok, tipprova twaqqaf l-irtirar volontarju fl-età ta’ 60 sena jew ta’ 63 sena billi tnaqqas, f’dan il-każ, l-ammont tad-drittijiet għal pensjoni u, fit-tielet lok, il-liġijiet applikabbli għas-servizz pubbliku fuq livell federali u f’diversi Länder oħra kif ukoll il-Kodiċi tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-impjegati tas-settur privat jipprevedu ż-żieda progressiva minn 65 għal 67 sena tal-età tal-irtirar b’pensjoni sħiħa.
85 Għandu jitfakkar, skont ġurisprudenza stabbilita, li leġiżlazzjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk tkun verament intiża li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauter, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 55, u Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).
86 L-eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta’ liġi jistgħu, f’ċerti każijiet, jippreġudikaw il-koerenza tagħha b’mod partikolari meta, minħabba l-portata tagħhom, iwasslu għal riżultat li jkun kuntrarju għall-għan imfittex mil-liġi msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).
87 Fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar l-estensjoni tal-attività tal-prosekuturi pubbliċi sal-età ta’ 68 sena, stabbilita fl-Artikolu 50(3) tal-HBG, għandu jiġi kkonstatat li din tapplika biss jekk din l-estensjoni tkun meħtieġa mill-interess tas-servizz u jekk il-persuna kkonċernata titlob tali estensjoni.
88 Matul is-seduta, il-Land Hessen indikat li din l-eċċezzjoni hija intiża li tkopri l-każ fejn prosekutur pubbliku jilħaq l-età ta’ 65 sena meta jkun għadu inkarigat bi proċeduri kriminali li jkunu għadhom ma ntemmewx. Sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet eventwali minħabba s-sostituzzjoni tal-persuna kkonċernata, l-HBG tipprevedi, b’mod eċċezzjonali, li din il-persuna tista’ tkompli teżerċita l-funzjonijiet tagħha. Għalhekk, fl-interess tas-servizz, l-amministrazzjoni kkonċernata tkun tista’ tqis li huwa preferibbli li l-prosekutur pubbliku inkwistjoni jinżamm fil-kariga milli li jinħatar sostitut li jkollu jkompli proċeduri li ma jkunx jaf id-dettalji tagħhom.
89 Għandu jiġi kkonstatat li tali eċċezzjoni ma tidhirx li hija ta’ natura li tippreġudika l-għan segwit, jiġifieri li tiġi ggarantita struttura ta’ età bbilanċjata sabiex, b’mod partikolari, tiġi żgurata kwalità ta’ servizz għolja.
90 Għall-kuntrarju, eċċezzjoni ta’ dan it-tip tista’ ttaffi r-riġidità ta’ liġi, bħall-HBG, fl-interess stess tas-servizz pubbliku kkonċernat. Fil-fatt, għalkemm l-ippjanar tat-tluq u tar-reklutaġġ, permezz tat-tluq sistematiku tal-prosekuturi pubbliċi meta jilħqu l-età ta’ 65 sena, jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-servizz imsemmi, l-introduzzjoni, f’din il-liġi, tal-eċċezzjoni msemmija fil-punt 88 ta’ din is-sentenza tippermetti li tinsab soluzzjoni għal sitwazzjonijiet partikolari fejn it-tluq tal-prosekutur pubbliku jista’ jkun sfavorevoli għat-twettiq bl-aħjar mod possibbli tal-funzjoni li tkun ġiet fdata lilu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-eċċezzjoni ma tidhirx li hija inkoerenti fir-rigward tal-liġi kkonċernata.
91 Għandu jingħad ukoll li l-eċċezzjonijiet l-oħra li jinsabu fil-HBG u li ssemmew mill-qorti tar-rinviju, bħaż-żamma fis-servizz ta’ ċerti għalliema matul numru ta’ xhur addizzjonali, wara l-età ta’ 65 sena, sabiex jintemm perijodu ta’ tagħlim jew ta’ ċerti individwi eletti sabiex jiġi żgurat il-mandat tagħhom sat-tmiem tiegħu, huma intiżi, bl-istess mod, li jiggarantixxu t-twettiq tal-funzjonijiet fdati lill-persuni kkonċernati u lanqas ma jidhru li jippreġudikaw l-għan segwit.
92 Skont il-qorti tar-rinviju, problema oħra ta’ koerenza hija marbuta mal-fatt li l-HBG tipprova twaqqaf l-irtirar volontarju tal-prosekuturi pubbliċi li jkunu laħqu l-età ta’ 60 sena jew ta’ 63 sena permezz ta’ dispożizzjoni li tipprevedi t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni mogħtija f’dawn il-każijiet, filwaqt li l-Artikolu 50(1) ta’ din il-liġi jipprekludihom milli jkomplu bl-attività tagħhom wara l-età ta’ 65 sena.
93 Għandu jiġi kkonstatat li l-problema ta’ koerenza mqajma mill-qorti tar-rinviju ma hijiex stabbilita b’mod ċar. Dispożizzjoni, bħal dik invokata mill-qorti tar-rinviju, tidher, għall-kuntrarju, li hija l-konsegwenza loġika tal-Artikolu 50(1) tal-HBG. L-implementazzjoni ta’ tali artikolu, li jimplika ppjanar tat-tluq minħabba rtirar fl-età ta’ 65 sena, teżiġi, fil-fatt, li d-derogi għal dan it-tluq ikunu limitati. Issa, dispożizzjoni li tipprevedi tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni hija ta’ natura li tiddiswadi jew, minn tal-inqas, tnaqqas it-tluq antiċipat tal-prosekuturi pubbliċi. B’hekk, tali dispożizzjoni tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u minħabba fiha ma jistax jiġi kkunsidrat li l-HBG hija vvizzjata minħabba nuqqas ta’ koerenza.
94 Il-qorti tar-rinviju tevoka wkoll iż-żieda progressiva minn 65 għal 67 sena tal-età li tagħti dritt għal pensjoni ta’ rtirar sħiħa, kemm fil-liġi applikabbli għas-servizz pubbliku fuq livell federali, kemm fil-liġijiet adottati minn diversi Länder u kif ukoll fil-Kodiċi tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-impjegati suġġetti għad-dritt privat. Fid-data tal-fatti fil-kawżi prinċipali, żieda simili kienet qegħda tiġi kkunsidrata mil-Land Hessen iżda kienet għadha ma ġietx adottata.
95 F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-leġiżlatur jikkunsidra, f’mument partikolari, li jibdel il-liġi sabiex iżid l-età li tagħti dritt għal pensjoni ta’ rtirar sħiħa, ma jistax, sa minn dak il-mument, jimplika l-illegalità tal-liġi eżistenti. Għandu jiġi rikonoxxut li tali bidla eventwali minn liġi għal oħra ma hijiex immedjata iżda tirrikjedi ċertu ammont ta’ żmien.
96 Kif jirriżulta mill-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78, il-pass li bih jiġu introdotti bidliet jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tagħhom. Dan il-pass jista’ anki jkun differenti minn reġjun għal ieħor, f’dan il-każ minn Land għal oħra, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi reġjonali u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa.
97 Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ sempliċi mogħdija ta’ żmien bejn il-bidliet introdotti fil-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ Land u dawk introdotti fi Stat ieħor jew f’Land oħra, intiżi sabiex tiżdied l-età li tagħti dritt għal pensjoni ta’ rtirar sħiħa, ma tistax, fiha nfisha, tagħti lil-leġiżlazzjoni inkwistjoni natura inkoerenti.
98 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li liġi, bħall-HBG, li tipprevedi l-irtirar obbligatorju tal-prosekuturi pubbliċi meta jilħqu l-età ta’ 65 sena, ma għandhiex natura inkoerenti minħabba s-sempliċi fatt li f’ċerti każijiet tippermettilhom jibqgħu jaħdmu sal-età ta’ 68 sena, minħabba li tinkludi, barra minn hekk, dispożizjonijiet intiżi sabiex jitnaqqas l-irtirar qabel l-età ta’ 65 sena u minħabba li dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħra tal-Istat Membru kkonċernat jipprevedu ż-żamma fis-servizz ta’ ċerti uffiċjali, b’mod partikolari ta’ ċerti uffiċjali eletti, lil hinn minn din l-età kif ukoll żieda progressiva fl-età tal-irtirar minn 65 għal 67 sena.
Fuq l-ispejjeż
99 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ma tipprekludix liġi, bħal-Liġi dwar is-servizz pubbliku tal-Land Hessen (Hessisches Beamtengesetz), kif emendata bil-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2009, li tipprevedi l-irtirar obbligatorju tal-uffiċjali permanenti, f’dan il-każ tal-prosekuturi pubbliċi, meta dawn jilħqu l-età ta’ 65 sena, filwaqt li tagħtihom il-possibbiltà li jibqgħu jaħdmu, jekk dan ikun meħtieġ mill-interess tas-servizz, sal-età massima ta’ 68 sena, u dan sakemm din il-liġi jkollha l-għan li tistabbilixxi struttura ta’ età bbilanċjata sabiex ikunu ffavoriti r-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ persuni ta’ età żgħira, sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun il-ġestjoni tal-persunal u fl-istess ħin sabiex jiġi evitat tilwim eventwali dwar il-kapaċità tal-impjegat li jeżerċita l-attività tiegħu wara ċerta età u sakemm din il-liġi tippermetti li jintlaħaq dan l-għan permezz ta’ mezzi adegwati u neċessarji.
2) Sabiex tintwera n-natura adegwata u neċessarja tal-miżura kkonċernata, din il-miżura ma għandhiex tidher li hija irraġonevoli fid-dawl tal-għan segwit u għandha tkun ibbażata fuq elementi li l-valur probatorju tagħhom għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali.
3) Liġi, bħal-Liġi dwar is-servizz pubbliku tal-Land Hessen, kif emendata bil-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2009, li tipprevedi l-irtirar obbligatorju tal-prosekuturi pubbliċi meta jilħqu l-età ta’ 65 sena, ma għandhiex natura inkoerenti minħabba s-sempliċi fatt li f’ċerti każijiet tippermettilhom jibqgħu jaħdmu sal-età ta’ 68 sena, minħabba li tinkludi, barra minn hekk, dispożizjonijiet intiżi sabiex jitnaqqas l-irtirar qabel l-età ta’ 65 sena u minħabba li dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħra tal-Istat Membru kkonċernat jipprevedu ż-żamma fis-servizz ta’ ċerti uffiċjali, b’mod partikolari ta’ ċerti uffiċjali eletti, lil hinn minn din l-età kif ukoll żieda progressiva fl-età tal-irtirar minn 65 għal 67 sena.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.