Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0325

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-21 ta' Lulju 2011.
    Secretary of State for Work and Pensions vs Maria Dias.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
    Moviment liberu tal-persuni - Direttiva 2004/38/KE - Artikolu 16 - Dritt ta’ residenza permanenti - Perijodi mwettqa qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva - Residenza legali - Residenza abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ skont id-Direttiva 68/360/KEE u mingħajr ma huma sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-ibbenefikar minn kwalunkwe dritt ta’ residenza.
    Kawża C-325/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-06387

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:498

    Kawża C-325/09

    Secretary of State for Work and Pensions

    vs

    Maria Dias

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))

    “Moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 16 — Dritt ta’ residenza permanenti — Perijodi mwettqa qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva — Residenza legali — Residenza abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ skont id-Direttiva 68/360/KEE u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Dritt ta’ residenza permanenti taċ-ċittadini tal-Unjoni — Ksib fit-tmiem ta’ perijodu ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti — Perijodi mwettqa legalment qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva — Inklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 16(1))

    2.        Moviment liberu tal-persuni — Dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri — Ħruġ ta’ permess ta’ residenza — Natura dikjaratorja u li ma tikkostitwixxix drittijiet — Effetti

    (Direttivi tal-Kunsill 68/360 u 90/364)

    3.        Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Dritt ta’ residenza permanenti taċ-ċittadini tal-Unjoni — Ksib fit-tmiem ta’ perijodu ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti — Perijodi mwettqa legalment qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 — Esklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 16(1) u (4); Direttiva tal-Kunsill 68/360)

    1.        Il-perijodi ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin, imwettqa qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, jiġifieri t-30 ta’ April 2006, skont strumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għal din id-data, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, assenzi mill-Istat Membru ospitanti, ta’ inqas minn sentejn konsekuttivi, li seħħew qabel it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data, ma humiex ta’ natura li jaffettwaw l-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-imsemmi Artikolu 16(1).

    (ara l-punt 35)

    2.        Id-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jgħixu hemmhekk, għall-finijiet mixtieqa mit-Trattat, jikkostitwixxi dritt mogħti direttament minnu, jew, skont il-każ, mid-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni tal-imsemmi Trattat. Il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat Membru ma għandux jitqies bħala att li jikkostitwixxi drittijiet, imma bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. In-natura dikjaratorja tal-permessi ta’ residenza timplika li dawn il-permessi jattestaw biss dritt eżistenti diġà. Konsegwentement, hekk kif din in-natura timpedixxi li tiġi kklassifikata illegali, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ir-residenza ta’ ċittadin għar-raġuni biss li huwa ma għandux permess ta’ residenza, hija tipprekludi li titqies legali, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ir-residenza ta’ ċittadin tagħha minħabba l-fatt biss li tali permess inħariġlu b’mod validu.

    (ara l-punti 48, 54)

    3.        L-Artikolu 16(1) u (4), tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    - perijodi ta’ residenza mwettqa qabel it-30 ta’ April 2006 abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva tal-Kunsill 68/360, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom, u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza ma jistgħux jitqiesu bħala mwettqa legalment għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, u li

    - perijodi ta’ residenza ta’ inqas minn sentejn konsekuttivi, imwettqa abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ dritt ta’ residenza, li seħħew qabel it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data, ma humiex ta’ natura li jaffettwaw il-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-imsemmi Artikolu 16(1).

    Fil-fatt, anki jekk l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 jirreferi biss għall-assenzi mill-Istat Membru ospitanti, ir-rabta ta’ integrazzjoni bejn il-persuna kkonċernata u dan l-Istat Membru hija wkoll ippreġudikata fil-każ ta’ ċittadin li, filwaqt li għex legalment matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, sussegwentment jiddeċiedi li jibqa’ f’dan l-Istat Membru mingħajr ma jkollu dritt ta’ residenza. F’dan ir-rigward, l-integrazzjoni, li hija ċentrali għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, ma hijiex ibbażata biss fuq fatturi territorjali u temporali, imma wkoll fuq fatturi kwalitattivi, li jirrigwardaw il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti.

    (ara l-punti 63, 64, 67 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    21 ta’ Lulju 2011 (*)

    “Moviment liberu tal-persuni – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 16 – Dritt ta’ residenza permanenti – Perijodi mwettqa qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – Residenza legali – Residenza abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ skont id-Direttiva 68/360/KEE u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza”

    Fil-Kawża C‑325/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Awwissu 2009, fil-proċedura

    Secretary of State for Work and Pensions

    vs

    Maria Dias,

    Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal M. Dias, minn A. Berry, barrister, inkarigat minn J. Borrero, solicitor,

    –        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn K. Smith, barrister,

    –        għall-Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u M. Wilderspin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Frar 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u, rettifiki, ĠU L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34), għal dak li jikkonċerna perijodi ta’ residenza li seħħew qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27), għal dak li jikkonċerna l-permessi ta’ residenza maħruġa skont din id-direttiva tal-aħħar.

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Secretary of State for Work and Pensions (Ministru tax-Xogħol u tal-Pensjonijiet) u M. Dias dwar id-dritt ta’ din tal-aħħar li tibbenefika mill-għoti ta’ appoġġ tad-dħul (“income support”).

    I –  Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

     Id-Direttiva 68/360

    3        Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta’ residenza fit-territorju tagħhom [liċ-ċittadini tal-imsemmija Stati u lill-membri tal-familja tagħhom li japplika għalihom ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15)], li jistgħu jipproduċu d-dokumenti mniżżla f’paragrafu 3.

    2.      Bħala prova tad-dritt ta’ residenza, għandu jinħareġ dokument intitolat “Permess għal Residenza għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-KEE”. Dan id-dokument għandu jinkludi dikjarazzjoni li jkun inħareġ bis-saħħa tar-Regolament [...] Nru 1612/68 u mal-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva preżenti. It-test ta’ din id-dikjarazzjoni hu mogħti fl-Anness għal din id-Direttiva.

    3.      Għall-ħruġ ta’ dak il-Permess ta’ Residenza għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-KEE, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-preżentazzjoni tad-dokumenti segwenti:

    –        mill-ħaddiem:

    a)      id-dokument li bih tkun daħlet fit-territorju tagħhom;

    b)      konferma ta’ impjieg minn dak li jħaddem jew ċertifikat ta’ impjieg;

    […]” 

    4        L-Artikolu 6 tal-imsemmija Direttiva 68/360 kien jipprovdi li:

    “1.      Il-permess ta’ residenza:

    a)      għandu jkun validu fit-territorju kollu ta’ l-Istat Membru li jkun ħarġu;

    b)      għandu jkun validu għal ħames snin mid-data tal-ħruġ u għandu jiġġedded awtomatikament.

    2. Waqfien fir-residenza li ma jaqbżux sitt xhur konsekuttivi u nuqqas milli jsir servizz militari m’għandhomx jaffettwaw il-validità għal permess ta’ residenza.

    3.      Fejn ħaddiem ikun impjegat għal perijodu li jaqbeż tliet xhur iżda li ma jaqbiżx sena għas-servizz ta’ dak li jħaddem fl-Istat ospitanti jew fl-impjieg ta’ persuna li tipprovdi servizzi, l-Istat Membru ospitanti għandu joħroġlu permess ta’ residenza temporanja, li l-validità tiegħu tista’ tkun illimitata sakemm idum il-perijodu ta’ impjieg.

    Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8(1)(ċ), permess ta’ residenza temporanja għandu jinħareġ ukoll għal ħaddiem staġjonali impjegat għal perijodu ta’ aktar minn tliet xhur. Il-perjodu ta’ impjieg għandu jintwera fid-dokumenti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 4(3)(b).”

    5        L-Artikolu 7 tal-istess direttiva kien jipprovdi li:

    “1.      Permess validu ta’ residenza m’għandux ikun irtirat minn ħaddiem minħabba raġunijiet biss li ma jkunx aktar fl-impjieg, jew minħabba li jkun temporanjament inkapaċi li jaħdem minħabba marda jew aċċident, jew minħabba li jkun mingħajr xogħol b’mod involontarju, dan ikun ikkonfermat bix-xieraq mill-uffiċċju ta’ impjieg kompetenti.

    2.      Meta l-permess ta’ residenza jkun imġedded għall-ewwel darba, il-perjodu ta’ residenza jista’ jkun ristrett, iżda mhux għal inqas minn tnax-il xahar, fejn il-ħaddiem ikun ġie mkeċċi mix-xogħol fl-Istat Membru għal aktar minn tnax-il xahar konsekuttivi.”

    6        L-Anness tad-Direttiva 68/360, intitolat “Test ta’ l-Istat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(2)”, kien jipprovdi li:

    “Dan il-permess hu maħruġ bis-saħħa tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta’ Ottubru 1968 u bil-miżuri meħuda fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968.

    Bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament imsemmi fuq, id-detentur ta’ dan il-permess għandu d-dritt li jidħol għal u li jkompli attività bħala persuna impjegata f’[...] territorju taħt l -istess kondizzjonijiet ta’ [...] ħaddiema.”

     Id-Direttiva 90/364/KEE

    7        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 3), kien jipprovdi li:

    “L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta’ residenza liċ-ċittadini ta’ Stati Membri li ma jgawdux minn dan id-dritt taħt dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Komunità u lill-membri tal-familji tagħhom kif definit fil-paragrafu 2, basta li huma nfushom u l-membri tal-familji tagħhom ikunu koperti b’assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u li jkollhom riżorsi biżżejjed sabiex jevitaw li jsiru piż fuq is-sistema ta’ l-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta' residenza tagħhom.”

    8        Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmija direttiva:

    “1.      L-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza għandu jkun ippruvat permezz tal-ħruġ ta’ dokument magħruf bħala “Permess ta’ residenza għal ċittadin ta’ Stat Membru tal-KEE”, li l-validità tiegħu tista’ tkun limitata għal ħames snin fuq bażi rinnovabbli. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, meta huma jqisu li dan huwa meħtieġ, jitolbu t-tiġdid tal-validità tal-permess fit-tmiem ta’ l-ewwel sentejn ta’ residenza. Meta membru tal-familja ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru, dan għandu jinħariġlu dokument ta’ residenza ta’ l-istess validità bħal dak maħruġ liċ-ċittadin li fuqu huwa jiddependi.

    Għall-iskop tal-ħruġ tal-permess jew dokument ta’ residenza, l-Istat Membru jista’ jitlob biss li l-applikant jippreżenta karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u jipprovdi prova li huwa jew hija t/jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1.

    2.      L-Artikoli 2, 3, 6(1)(a) u (2) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 68/360/KEE għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva.

    […]

    L-Istati Membri m’għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ħlief għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. […]”

    9        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprovdi li:

    “Id-dritt ta’ residenza għandu jibqa’ sakemm il-benefiċjarji ta’ dak id-dritt jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1.”

    Id-Direttiva 2004/38

    10      Skont il-premessa 17 tad-Direttiva 2004/38:

    “It-tgawdija ta’ residenza permanenti miċ-ċittadini tal-Unjoni li għażlu li jittrasferixxu ruħhom għal perjodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti għandha ssaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza tal-Unjoni u hi element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, li hi waħda mill-għanijiet fondamentali tal-Unjoni. Għandu għalhekk jiġi stabbilit dritt ta’ residenza permanenti għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li għixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija.”

    11      Il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat, “Dritt ta’ residenza”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 15 tagħha.

    12      Taħt it-titolu “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, l-imsemmi Artikolu 6 jipprovdi li:

    “1.      Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta tal-identità jew passaport li huma validi.

    2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni.”

    13      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, huwa redatt kif ġej:

    “1.      Iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

    a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

    b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

    ċ)      –       miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

    –        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

    d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin tal-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

    2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).

    3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin tal-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew [...] li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    a)      il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

    b)      il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta' l-impjieg rilevanti;

    ċ)      il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma‘ l-uffiċċju ta‘ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

    d)      il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.

    4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1(d) u 2 t’hawn fuq, ir-raġel jew il-mara, is-sieħeb/sieħba reġistrat/a previsti fl-Artikolu 2(2)(b) u t-tfal dipendenti biss għandhom id-dritt ta’ residenza bħala membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet taħt 1(ċ) t’hawn fuq. L-Artikolu 3(1) għandu japplika għall-qraba diretti dipendenti tiegħu u għar-raġel, għall-mara jew għas-sieħeb/sieħba reġistrat/a.”

    14      Taħt il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, l-Artikolu 16 tagħha, li huwa stess intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jipprovdi li:

    “1.      Iċ-ċittadin tal-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

    2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

    3.      Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

    4.      Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

    15      L-Artikolu 38 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li:

    “1.      L-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 għandhom jitħassru b’effett mit-30 ta’ April 2006.

    2.      Id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 0 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandhom jitħassru b’effett mit-30 ta’ April 2006.

    3.      Ir-referenzi li jsiru għad-disposizzjonijiet u għad-Direttivi mħassra għandhom jitqiesu bħala li qed isiru għal din id-Direttiva.”

    16      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2004/38, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw magħha qabel it-30 ta’ April 2006.

     Id-dritt nazzjonali

    17      Il-Liġi tal-1992 dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali (Social Security Contributions and Benefits Act 1992) u r-Regolament (Ġenerali) tal-1987 dwar l-appoġġ tad-dħul [Income Support (General) Regulations 1987] jikkostitwixxu l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-appoġġ tad-dħul.

    18      L-appoġġ tad-dħul huwa benefiċċju mogħti skont ir-riżorsi lil gruppi differenti ta’ persuni. L-għoti ta’ dan il-benefiċċju huwa suġġett, fost kundizzjonijiet oħra, għal dik li tipprovdi li d-dħul ma għandux jaqbeż l-“ammont applikabbli” stabbilit, li jista’ jiġi ffissat għal żero, li jimplika li, fil-prattika, ebda benefiċċju ma jingħata f’dan il-każ.

    19      L-ammont applikabbli ffissat għal “persuna minn barra” huwa żero, peress li din il-persuna hija ddefinita bħala “persuna li mhix residenti fir Renju Unit, fiċ-Channel Islands, f’Isle of Man jew fir-Repubblika tal-Irlanda”. Sabiex tkun tista’ titqies bħala residenti abitwali fir-Renju Unit, fiċ-Channel Islands, fuq l-Isle of Man jew fir-Repubblika tal-Irlanda, jeħtieġ li l-persuna li titlob l-appoġġ tad-dħul tkun il-proprjetarja ta’ “dritt ta’ residenza”.

    20      Id-“dritt ta’ residenza” li jippermetti li jintalab l-appoġġ tad-dħul ma huwiex definit espliċitament. Sa mix-xahar ta’ Mejju tas-sena 2004, id-dritt nazzjonali pprova jillimita l-ħlas ta’ dan il-benefiċċju, sabiex ċerti persuni ma jsirux piż irraġonevoli għas-sistema ta’ assigurazzjoni soċjali.

    21      Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, ċerti drittijiet ta’ residenza, bħal dak mogħti skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, huma esklużi u għalhekk ma jippermettux il-ħlas tal-imsemmi appoġġ. Min-naħa l-oħra, fost gruppi oħrajn ta’ persuni, il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom fis-sens tal-istess direttiva, – inkluż dawk li jżommu tali status, skont l-Artikolu 7(3) ta’ din tal-aħħar–, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom fis-sens tal-imsemmija direttiva, ma humiex meqjusa bħala “persuni minn barra” għall-finijiet tal-appoġġ tad-dħul u għaldaqstant għandhom id-dritt għall-ħlas tiegħu.

    22      Huwa ġeneralment aċċettat li d-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi dritt ta’ residenza li jippermetti l-ibbenefikar mill-appoġġ tad-dħul.

    II –  Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    23      M. Dias hija ċittadina Portugiża li daħlet fir-Renju Uit matul ix-xahar ta’ Jannar tas-sena 1998. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-residenza tal-persuna kkonċernata tinqasam fil-ħames perijodi li ġejjin (iktar ’il quddiem, l-“ewwel sal-ħames perijodi” rispettivament”):

    –        minn Jannar 1998 sas-sajf 2002: impjegata;

    –        mis-sajf 2002 sas-17 ta’ April 2003: fuq leave tal-maternità;

    –        mit-18 ta’ April 2003 sal-25 ta’ April 2004: mingħajr impjieg;

    –        mis-26 ta’ April 2004 sat-23 ta’ Marzu 2007, impjegata, u

    –        mill-24 ta’ Marzu 2007: mingħajr impjieg.

    24      Fit-13 ta’ Mejju 2000, il-Home Office ħareġ lil M. Dias permess ta’ residenza li jikkorrispondi għad-dritt ta’ residenza previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360. Dan il-permess kien jinkludi d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Anness ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, huwa kien jindika perijodu ta’ validità mit-13 ta’ Mejju 2005 u kien jispeċifika li “[i]l-validità ta’ dan il-permess tirrappreżenta l-iskadenza tar-residenza tiegħek fir-Renju Unit. Din l-iskadenza tapplika, sakemm ma tinbidilx b’data oħra, għal kull ammissjoni sussegwenti fit-territorju li inti tista’ tikseb wara assenza mir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ validità ta’ dan il-permess”.

    25      Fl-aħħar tax-xahar ta’ Marzu tas-sena 2007, M. Dias applikat għall-għoti tal-appoġġ tad-dħul.

    26      Skont is-Social Security Commissioner (Kummissarju tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju”), peress li M. Dias ma kellhiex iktar, fl-imsemmija data, l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tad-Direttiva 2004/38, hija ma setgħetx titlob l-għoti tal-appoġġ tad-dħul bħala proprjetarja ta’ dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissarju qies li l-imsemmi dritt ta’ residenza seta’ jiġi invokat biss wara d-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38 fir-Renju Unit, jiġifieri mit-30 ta’ April 2006.

    27      Sa fejn, skont il-Kummissarju, M. Dias ma kinitx għadha ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni matul it-tielet perijodu tar-residenza tagħha fir-Renju Unit, huwa qies li hija ma setgħetx iżżid dan il-perijodu, għall-finijiet tad-dritt ta’ residenza permanenti, la mal-ewwel u mat-tieni perijodi ta’ residenza u lanqas mar-raba’ perijodu, bħala tali.

    28      Madankollu, il-Kummissarju qies li r-residenza fir-Renju Unit ta’ M. Dias matul it-tielet perijdou setgħet titqies bħala residenza valida għall-finijiet tad-dritt ta’ residenza permanenti, jew minħabba l-permess ta’ residenza li kien inħarġilha, inkella skont l-Artikolu 18 KE.

    29      Konsegwentement, il-Kummissarju ddeċieda li jagħti l-appoġġ tad-dħul lil M. Dias.

    30      Id-deċiżjoni tal-Kummissjarju ġiet ikkontestata mis-Secretary of State for Work and Pensions quddiem il-qorti tar-rinviju.

    31      Skont din il-qorti, id-deċiżjoni tal-Kummissjarju titlaq mill-premessa li d-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ residenza li ntemmew qabel it-30 ta’ April 2006, id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fir-Renju Unit. Fil-fehma tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis li dawn il-perijodi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imsemmi dritt ta’ residenza. Madankollu, sa fejn din id-domanda kienet is-suġġett tad-domanda preliminari mressqa minnha fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C‑162/09, p. I‑9217), hija ma qisitx neċessarju li tirrinvija mill-ġdid l-istess domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    32      Billi titlaq mill-premessa tal-Kummissarju, il-qorti tar-rinviju tqis, bħalu, li M. Dias ma setgħetx titqies bħala ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni matul it-tielet perijodu ta’ residenza tagħha fir-Renju Unit. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tqis li, matul dan il-perijodu, il-persuna kkonċernata ma setgħetx tislet dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 abbażi biss tal-permess ta’ residenza li kien inħarġilha. Fl-aħħar nett, skont l-istess qorti, ir-residenza ta’ M. Dias matul l-imsemmi perijodu setgħet titqies bħala residenza valida għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt ta’ residenza permanenti, skont l-Artikolu 18 KE biss, fil-każ li jkun ikkonstatat li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 fih lakuna għal dak li jikkonċerna r-residenzi mwettqa qabel id-data ta’ traspożizzjoni tagħha fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri.

    33      Huwa f’dan il-kuntest li l-Court of Appeal (England Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jinsab fi Stat Membru li tiegħu huwa ma għandux in-nazzjonalità u li kellu, qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38 [...], permess għal residenza maħruġ b’mod validu skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 68/360 [...] , iżda li, għal perijodu ta’ żmien matul il-validità ta’ dan il-permess, dan kien volontarjament bla xogħol, inkapaċi li jmantni lilu nnifsu u ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jibbenefika minn tali permess, jibqa’ matul dan il-perijodu, abbażi tal-permess għal residenza tiegħu biss, individwu li “għex legalment” fl-Istat Membru ospitanti għall-finijiet tal-ksib sussegwenti ta’ permess għal residenza permanenti taħt l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38?

    2)      Jekk il-fatt li għex legalment bħala ħaddiem matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin qabel it-30 ta’ April 2006 [fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti] ma jwassalx għad-dritt ta’ residenza permanenti stabbilit mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 [...], din ir-residenza kontinwa bħala ħaddiem toħloq dritt ta’ residenza permanenti li jirriżulta direttament mill-Artikolu 18(1) KE minħabba li hemm lakuna fid-Direttiva?”

     Fuq id-domandi preliminari

     Osservazzjonijiet preliminari li jikkonċernaw ir-rilevanza tas-sentenza Lassal, fuq il-kawża prinċipali

    34      Kif ġie rrilevat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jitilqu mill-premessa tal-Kummissjarju li tipprovdi li peress li l-perijodi ta’ residenza ta’ M. Dias fir-Renju Unit twettqu qabel id-data ta’ traspożizzjoni f’dan l-Istat Membru tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri t-30 ta’ April 2006, huma ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. Din il-qorti tqis li tali premessa hija żbaljata, iżda hija madankollu ma tqisx neċessarju li tirrinvija domanda ġdida lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, peress li din id-domanda kienet diġà s-suġġett tad-domanda preliminari mressqa mill-istess qorti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lassal, iċċitata iktar il fuq.

    35      Issa, fl-imsemmija sentenza Lassal, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-perijodi ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin, imwettqa qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri t-30 ta’ April 2006, skont strumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għal din id-data, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, li assenzi mill-Istat Membru ospitanti, ta’ inqas minn sentejn konsekuttivi, li seħħew bejn it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data, ma humiex ta’ natura li jaffettwaw l-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-imsemmi Artikolu 16(1).

    36      Minn dan isegwi li l-premessa li fuqha huma bbażati d-domandi preliminari hija, kif irrilevat ġustament il-qorti tar-rinviju, żbaljata u li huwa fid-dawl tas-sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, li hemm lok li jiġu eżaminati dawn id-domandi.

    37      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li M. Dias għexet fir-Renju Unit bħala ħaddiem, fis-sens tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ f’dak iż-żmien, mix-xahar ta’ Jannar 1998 sas-17 ta’ April 2003 (l-ewwel u t-tieni perijodi tar-residenza tagħha).

    38      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li M. Dias wettqet perijodu ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin fir-Renju Unit qabel id-data ta’ traspożizzjoni f’dan l-Istat Membru tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri t-30 ta’ April 2006, skont l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ qabel din id-data u li dan il-perijodu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

    39      Min-naħa l-oħra, matul it-tielet perijodu tar-residenza tagħha fir-Renju Unit, jiġifieri mit-18 ta’ April 2003 sal-25 ta’ April 2004, M. Dias kienet volontarjament bla xogħol u għaldaqstant ma kellhiex l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ dak iż-żmien. Min-naħa l-oħra, hija kienet irkuprat tali status matul ir-raba’ perijodu tal-imsemmija residenza, jiġifieri mis-26 ta’ April 2004 sat-23 ta’ Marzu 2007. Barra minn hekk, matul it-tielet perijodu, M. Dias kienet kompliet iżżomm il-permess ta’ residenza li kien inħarġilha b’mod validu fit-13 ta’ Mejju 2000 bħala ħaddiem, skont id-Direttiva 68/360, u dan minkejja l-fatt li, matul dan il-perijodu, hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettulha li tibbenefika minn dritt ta’ residenza, la skont id-dritt ta’ Unjoni u lanqas taħt id-dritt nazzjonali.

    40      Sa fejn id-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jista’ jinkiseb biss mit-30 ta’ April 2006 (sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38), tqum għaldaqstant il-kwistjoni dwar x’inhuwa l-effett, għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti, skont din id-dispożizzjoni, ta’ perijodu ta’ residenza bħala dak li seħħ mit-18 ta’ April 2003 sal-25 ta’ April 2004, jiġifieri t-tielet perijodu tar-residenza ta’ M. Dias fir-Renju Unit.

    41      Għaldaqstant, fid-dawl tas-sentenza Lassal iċċitata iktar ’il fuq, id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu rriformulata fis-sens li din id-domanda tal-aħħar tistaqsi, essenzjalment, jekk il-perijodi ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ospitanti, imwettqa abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza, li seħħew qabel it-30 ta’ April 2006 u wara perijodu ta’ residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data, humiex ta’ natura li jaffettwaw il-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

     Fuq id-domandi preliminari, kif irriformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tas-sentenza Lassal

    42      Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif irriformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk il-perijodi ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ospitanti mwettqa abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 u filwaqt li l-proprjetarju ta’ dan il-permess ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn kwalunkwe dritt ta’ residenza jistgħux jitqiesu bħala mwettqa legalment għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

    43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-perijodi ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin, imwettqa qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, skont strumenti tad-dritt tal-Unjoni qabel din id-data, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva (sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 59).

    44      Peress li t-tielet perijodu tar-residenza ta’ M. Dias fir-Renju Unit kien ibbażat biss fuq il-pussess ta’ permess ta’ residenza maħruġ skont id-Direttiva 68/360, din il-kawża timplika għaldaqstant li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk dawn il-permessi ta’ residenza kinux ta’ natura dikjaratorja jew kinux jikkostitwixxu drittijiet.

    45      F’dan ir-rigward, M. Dias issostni li permess ta’ residenza maħruġ mill-Gvern tal-Istat Membru ospitanti u mhux irrevokat minn dan tal-aħħar, għalkemm huwa kellu l-possibbiltà jagħmel dan, kien jikkonferixxi dritt ta’ residenza lill-persuna kkonċernata matul il-validità kollha ta’ dan il-permess. Skontha, sa fejn id-Direttiva 68/360 ma kienet tinkludi ebda dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/364, id-dritt ta’ residenza rikonoxxut skont id-Direttiva 68/360 u attestat bil-ħruġ ta’ permess ta’ residenza kien jibqa’ fis-seħħ sakemm dan il-permess ikun skada jew ikun ġie rrevokat, irrispettivament mill-fatt li l-proprjetarju tal-permess waqaf milli jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji għar-residenza.

    46      Min-naħa l-oħra, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u Daniż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, iqisu li l-permess ta’ residenza maħruġ skont id-Direttiva 68/360 kellu valur purament dikjaratorju u ma kien jikkostitwixxi ebda dritt ta’ residenza.

    47      It-teżi sostnuta minn M. Dias ma tistax tintlaqa’.

    48      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’diversi okkażjonijet, id-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jgħixu hemmhekk, għall-finijiet mixtieqa mit-Trattat, jikkostitwixxi dritt mogħti direttament minnu, jew, skont il-każ, mid-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni tal-imsemmi Trattat. Il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat Membru ma għandux jitqies bħala att li jikkostitwixxi drittijiet, imma bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑408/03, Ġabra p. I‑2647, punti 62 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49      Tali natura dikjaratorja u li ma tikkostitwixxix drittijiet, fir-rigward tal-permessi ta’ residenza, ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja irrispettivament mill-fatt li dan il-permess kien inħareġ skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 68/360 jew tad-Direttiva 90/364 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

    50      Minn dan isegwi li d-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 90/364 u 68/360 ma jistgħux jiġġustifikaw it-teżi li tipprovdi li, kuntrarjament għall-prinċipju mfakkar fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-permessi ta’ residenza maħruġa skont din id-direttiva tal-aħħar kienu ta’ natura li jikkostitwixxu drittijiet għall-benefiċċju tal-proprjetarji tagħhom.

    51      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/364 ma jirreferix għall-permess maħruġ sabiex jikkonstata d-dritt ta’ residenza, iżda għad-dritt ta’ residenza bħala tali kif ukoll għall-kundizzjonijiet previsti għall-għoti ta’ dan id-dritt. Konsegwentement, l-ebda konsegwenza ma tista’ tinstilet minn din id-dispożizzjoni għal dak li jikkonċerna n-natura tal-permess ta’ residenza previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/364, u lanqas a fortiori ta’ dak previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 68/360.

    52      Barra minn hekk, l-unika dispożizzjoni tad-Direttiva 68/360 li kienet tirreferi għall-irtirar tal-permess ta’ residenza, jiġifieri l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, tikkonferma l-eżistenza ta’ rabta intrinsika bejn l-imsemmi permess u d-dritt ta’ residenza eżistenti diġà taċ-ċittadin ikkonċernat. Fil-fatt, bħad-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem li, l-istess bħall-kundizzjoni ta’ ħaddiem innifisha, ma jintilifx minħabba l-fatt biss li l-proprjetarju tiegħu ma kienx għadu iktar impjegat, jew għaliex huwa kien ġie milqut minn inkapaċità temporanja ta’ xogħol li tirriżulta minn mard jew minn inċident, inkella għaliex huwa kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ qagħad involontarju debitament ikkonstatata mill-uffiċċju tax-xogħol kompetenti, l-imsemmija dispożizzjoni lanqas ma kienet tippermetti l-irtirar tal-permess ta’ residenza li kien għadu validu ta’ ħaddiem li kien jinsab f’tali sitwazzjoni.

    53      Fl-aħħar nett, huwa ċertament veru li, fir-rigward tan-natura dikjaratorja tal-permessi ta’ residenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss dwar sitwazzjonijiet li fihom tali permess ma kienx inħareġ għalkemm iċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea kkonċernat kien jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jgħix fl-Istat Membru ospitanti skont id-dritt tal-Unjoni.

    54      Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 48 sa 52 ta’ din is-sentenza, in-natura dikjaratorja tal-permessi ta’ residenza timplika li dawn il-permessi jattestaw biss dritt eżistenti diġà. Konsegwentement, hekk kif din in-natura timpedixxi li tiġi kklassifikata illegali, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ir-residenza ta’ ċittadin għar-raġuni biss li huwa ma għandux permess ta’ residenza, hija tipprekludi li titqies legali, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ir-residenza ta’ ċittadin tagħha minħabba l-fatt biss li tali permess inħariġlu b’mod validu.

    55      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-perijodi ta’ residenza mwettqa qabel it-30 ta’ April 2007, abbażi biss ta’ permess maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza, ma jistgħux jitqiesu bħala mwettqa legalment għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

    56      Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, id-domandi magħmula, kif irriformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, jimplikaw li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, l-effett ta’ tali perijodi ta’ residenza, li seħħew qabel it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data, fuq il-ksib tal-imsemmi dritt ta’ residenza permanenti.

    57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 jista’ jinkiseb biss mit-30 ta’ April 2006, kif intqal fil-punt 40 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, kuntrarjament għall-perijodi ta’ residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa minn din id-data, li jikkonferixxu liċ-ċittadini tal-Unjoni, mill-mument stess meta huma ġew imwettqa, id-dritt ta’ residenza permanenti, il-perijodi mwettqa qabel din id-data ma jippermettux lil dawn tal-aħħar li jibbenefikaw minn tali dritt ta’ residenza qabel it-30 ta’ April 2006.

    58      Sa fejn il-perijodi ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ospitanti, imwettqa abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360, iżda mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza, ma jistgħux jitqiesu bħala mwettqa legalment għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, għaldaqstant tqum il-kwisjtoni dwar x’inhuwa l-effett fuq dan il-ksib ta’ tali perijodu ta’ residenza li seħħ qabel it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin diġà mwettqa qabel din id-data.

    59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 jirrigwarda t-telf tad-dritt ta’ residenza permanenti minħabba assenzi ta’ perijodu itwal minn sentejn konsekuttivi mill-Istat Membru ospitanti u li tali miżura hija ġġustifikata bil-fatt li, wara tali assenza, ir-rabta mal-Istat Membru ospitanti hija mdgħajfa (sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

    60      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex tiġi applikata irrispettivament mill-punt dwar jekk perijodi ta’ residenza mwettqa qabel jew wara t-30 ta’ April 2006 humiex ikkonċernati, għar-raġuni li, sa fejn il-perijodi ta’ residenza ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 16(4) għall-imsemmija perijodi timplika li l-Istati Membri jkunu obbligati li jagħtu l-imsemmi dritt ta’ residenza permanenti anki fil-każ ta’ assenzi sinjifikattivi li jippreġudikaw ir-rabta bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru ospitanti (sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

    61      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 għal perijodi ta’ residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel it-30 ta’ April 2006 timplika b’mod partikolari li l-assenzi mill-Istat Membru ospitanti, ta’ inqas minn sentejn konsekuttivi, li seħħew wara dawn il-perijodi, iżda qabel din id-data, ma humiex ta’ natura li jaffettwaw ir-rabta ta’ integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat u li, konsegwentement, dawn l-assenzi ma humiex ta’ natura li jaffettwaw il-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-imsemmi Artikolu 16(1) (sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 58).

    62      Tali raġunament għandu jiġi applikat ukoll b’analoġija għall-perijodi ta’ residenza mwettqa abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza, li seħħew qabel it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data.

    63      Fil-fatt, anki jekk l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 jirreferi biss għall-assenzi mill-Istat Membru ospitanti, ir-rabta ta’ integrazzjoni bejn il-persuna kkonċernata u dan l-Istat Membru hija wkoll ippreġudikata fil-każ ta’ ċittadin li, filwaqt li għex legalment matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, sussegwentment jiddeċiedi li jibqa’ f’dan l-Istat Membru mingħajr ma jkollu dritt ta’ residenza.

    64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punti 106 u 107 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-integrazzjoni, li hija ċentrali għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, ma hijiex ibbażata biss fuq fatturi territorjali u temporali, imma wkoll fuq fatturi kwalitattivi, li jirrigwardaw il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti.

    65      Għaldaqstant fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet komparabbli, minn dan jirriżulta li r-regola stabbilita fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 għandha tiġi applikata wkoll b’analoġija għall-perijodi ta’ preżenza fl-Istat Membru ospitanti mwettqa abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza, li seħħew qabel it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data.

    66      Minn dan isegwi li l-perijodi ta’ inqas minn sentejn konsekuttivi, imwettqa abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza, li seħħew qabel it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data, ma humiex ta’ natura li jaffettwaw il-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

    67      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    –        perijodi ta’ residenza mwettqa qabel it-30 ta’ April 2006 abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza ma jistgħux jitqiesu bħala mwettqa legalment għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1)ta’ din id-direttiva, u

    –        perijodi ta’ residenza ta’ inqas minn sentejn konsekuttivi, imwettqa abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ dritt ta’ residenza, li seħħew qabel it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data, ma humiex ta’ natura li jaffettwaw il-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-imsemmi Artikolu 16(1).

     Fuq l-ispejjeż

    68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 16(1) u (4), tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEEgħandu jiġi interpretat fis-sens li:

    –        perijodi ta’ residenza mwettqa qabel it-30 ta’ April 2006 abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom, u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza ma jistgħux jitqiesu bħala mwettqa legalment għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1)ta’ din id-direttiva, u

    –        perijodi ta’ residenza ta’ inqas minn sentejn konsekuttivi, imwettqa abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva 68/360 u mingħajr ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ dritt ta’ residenza, li seħħew qabel it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin imwettqa qabel din id-data, ma humiex ta’ natura li jaffettwaw il-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-imsemmi Artikolu 16(1).

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq