Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62010CJ0115
Judgment of the Court (First Chamber) of 9 June 2011. # Bábolna Mezőgazdasági Termelő, Fejlesztő és Kereskedelmi Zrt. v Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve. # Reference for a preliminary ruling: Fővárosi Bíróság - Hungary. # Common agricultural policy - Regulation (EC) No 1782/2003 - Complementary direct national aid - Conditions for grant. # Case C-115/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-9 ta' Ġunju 2011.
Bábolna Mezőgazdasági Termelő, Fejlesztő és Kereskedelmi Zrt. vs Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Fővárosi Bíróság - l-Ungerija.
Politika Agrikola Komuni - Regolament (KE) Nru 1782/2003 - Għajnuna diretta nazzjonali komplementari - Kundizzjonijiet għall-għoti.
Kawża C-115/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-9 ta' Ġunju 2011.
Bábolna Mezőgazdasági Termelő, Fejlesztő és Kereskedelmi Zrt. vs Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Fővárosi Bíróság - l-Ungerija.
Politika Agrikola Komuni - Regolament (KE) Nru 1782/2003 - Għajnuna diretta nazzjonali komplementari - Kundizzjonijiet għall-għoti.
Kawża C-115/10.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:376
Kawża C-115/10
Bábolna Mezőgazdasági Termelő, Fejlesztő és Kereskedelmi Zrt.
vs
Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság)
“Politika agrikola komuni — Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Għajnuna diretta nazzjonali komplementari — Kundizzjonijiet għall-għoti”
Sommarju tas-sentenza
Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna — Għajnuna nazzjonali komplementari
(Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/281)
Ir-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, kif emendat bid-Deċiżjoni 2004/281, li tadatta l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, bħala riżultat tar-riforma tal-politika agrikola komuni, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-benefiċċju tal-għajnuna nazzjonali komplementari lill-persuni ġuridiċi li jeżerċitaw attività agrikola fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għar-raġuni li huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ xoljiment volontarju, fejn kundizzjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ proċedura bħal din ma kinitx is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.
Fil-fatt, jekk ir-Regolament Nru 1782/2003 jagħti l-Istati Membri ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-għajnuna nazzjonali komplementari, din il-marġni ta’ diskrezzjoni hija madankollu limitata sa fejn, b’mod konformi ma’ dak li jipprovdi l-Artikolu 143c(7) tal-imsemmi regolament, l-ammont sa fejn l-għajnuna nazzjonali komplementari jista’ jingħata kif ukoll ir-rata ta’ din l-għajnuna u l-kundizzjonijiet eventwali ta’ għoti tagħha għandhom ikunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.
(ara l-punti 36, 38, 41 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
9 ta’ Ġunju 2011 (*)
“Politika agrikola komuni – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Għajnuna diretta nazzjonali komplementari – Kundizzjonijiet għall-għoti”
Fil-Kawża C‑115/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Fővárosi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura
Bábolna Mezőgazdasági Termelő, Fejlesztő és Kereskedelmi Zrt.
vs
Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u A. Sipos, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92, tas-27 ta’ Novembru 1992, li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 223), u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 424).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Bábolna Mezőgazdasági Termelő, Fejlesztő és Kereskedelmi Zrt. (iktar ’il quddiem “Bábolna”) u Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve (Uffiċċju tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali, iktar ’il quddiem il-“Hivatal”) dwar l-għoti lil Bábolna tal-għajnuna nazzjonali komplementari għas-sena 2004.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
Id-Deċiżjoni 2004/281/KE
3 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/281/KE, tat-22 ta’ Marzu 2004, li tadatta l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, bħala riżultat tar-riforma tal-politika agrikola komuni (ĠU L 93, p. 1), ġiet adottat skont l-Artikolu 2(3) tat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir‑Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir‑Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja għall-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Ateni fis-16 ta’ April 2003 (ĠU 2003, L 236, p. 17, iktar ’il quddiem it‑“Trattat ta’ adeżjoni”) u tal-Artikolu 23 tal-att ta’ adeżjoni li jirrigwardawha (ĠU L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”).
4 Din id-deċiżjoni tipprovdi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 punt 5 tagħha, is‑sostituzzjoni tal-punt 27 tal-Kapitolu 6.A tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni, li jemenda r-Regolament Nru 1259/1999, permezz ta’ dispożizzjonijiet li jemendaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269, u corrigendum ĠU 2004, L 94, p. 70) sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi introdotti fil-leġiżlazzjoni dwar il-politika agrikola komuni (PAK) bl-adozzjoni ta’ dan l‑aħħar regolament, kif seħħ wara li ġew iffirmati l-istrumenti ta’ adeżjoni.
5 Il-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2004/281 tipprovdi:
“Sabiex tinżamm il-koerenza tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari, hemm bżonn li jsiru ċerti adattamenti wara l-introduzzjoni ta’ l-iskema ġdida ta’ pagament uniku. Speċifikament, hemm bżonn li jiġu aġġustati l-arranġamenti fl-Att ta’ Adeżjoni sabiex jiġi żgurat li tali pagamenti kumplementarji jkunu jistgħu jiffunzjonaw kif intiżi fi tliet xenarji differenti: l-ewwel, bħala l-iskema ta’ pagament dirett ‘klassika’, it-tieni, bħala l-għażla reġjonali ta’ l-iskema ġdida ta’ pagament uniku, u t-tielet, bħala l-iskema ta’ pagament uniku bl-area.”
Ir-Regolament Nru 1782/2003
6 Ir-Regolament Nru 1782/2003 ħassar ir-Regolamenti Nru 3508/92 u 1259/1999 b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004.
7 Skont il-premessa 21 tar-Regolament Nru 1782/2003:
“L-iskemi ta’ appoġġ taħt il-[PAK] jipprovdu għal appoġġ permezz ta’ dħul dirett b’mod partikolari bil-għan li jiġi żgurat livell ta’ għajxien imparzjali għall-Komunità agrikola. Dan l-għan hu relatat mill-qrib mal-manteniment taż-żoni rurali. […]”
8 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bid-Deċiżjoni 2004/281 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1782/2003”), jipprovdi:
“Dan ir-Regolament jistabbilixxi:
– regoli komuni fuq pagamenti diretti taħt skemi ta’ appoġġ għad-dħul fl-isfond tal-[PAK] li huma ffinanzjati mit-Taqsima ‘Garanzija’ [elenkati fl-Anness 1] tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), ħlief dawk ipprovduti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999;
– appoġġ għad-dħul għall-bdiewa) (iktar ’il quddiem imsemmija ‘l-iskema ta’ pagament uniku’),
– appoġġ transitorju bbażat fuq id-dħul simplifikat għall-bdiewa fl-Istati Membri l-ġodda (riferit minn hawn ’l quddiem bħala ‘l-iskema ta’ pagament uniku bl-area’),
[…]”
9 Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1782/2003:
“[…] għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:
a) ‘bidwi’ ifisser persuna naturali jew legali, jew grupp ta’ persuni naturali jew legali, hu x’inhu l-istatus legali mogħti lil dan il-grupp u lill-membri tiegħu mil-liġi nazzjonali, li l-ażjenda tiegħu tinsab f’territorju tal-Komunità, kif imsemmi fl-Artikolu 299 [KE], u li jeserċita attività agrikola,
b) ‘ażjenda’ tfisser il-‘units’ kollha ta’ produzzjoni immexxija minn bidwi li jinsab fit-territorju ta’ l-istess Stat Membru,
ċ) ‘attività agrikola’ tfisser il-produzzjoni, trobbija jew tkabbir ta’ prodotti agrikoli inklużi l-ħsad, produzzjoni tal-ħalib, trobbija ta’ annimali u ż-żamma ta’ annimali għal skop ta’ biedja, jew il-manteniment ta’ l-art f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba kif stabbilit taħt l-Artikolu 5.”
10 Taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Disposizzjonijiet Ġenerali”, l-Artikolu 22 ta’ dan tal-aħħar, hu stess intitolat “Applikazzjonijiet għall-għajnuna”, jipprovdi fil-paragrafu 1:
“Kull sena, bidwi għandu jissottometti applikazzjoni għall-pagamenti diretti suġġetti għas-sistema integrata, li tindika, fejn hu applikabbli:
– il-biċċiet kollha ta’ art agrikoli ta’ l-ażjenda,
– in-numru u l-ammont tad-drittjiet ta’ pagament,
– xi informazzjoni oħra pprovduta minn dan ir-Regolament
– jew mill-Istat Membru konċernat.”
11 L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, intitolat “Pagament”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Ħlief fejn ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament, pagamenti taħt l-iskemi ta’ appoġġ imniżżla fl-Anness I għandhom jingħataw b’mod sħiħ lill-benefiċjarji.”
12 It-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 jitratta l-iskema ta’ pagament uniku. Skont l-Artikolu 44(1) sa (3) tal-imsemmi regolament:
“1. Kull dritt għall-pagament akkumpanjat b’ettaru eliġibbli għandu jagħti dritt għall-pagament ta’ l-ammont iffissat mid-dritt ta’ pagament.
2. ‘Ettaru eliġibbli’ ifisser kull żona agrikola ta’ l-azjenda meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli.
3. Il-bidwi għandu jiddikjara l-biċċiet ta’ art li jikkorrispondu ma’ l-ettaru eliġibbli li jakkumpanja kull dritt għall-pagament. Ħlief fil-każ ta’ ‘force majeure’ jew ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn il-biċċiet ta’ art għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi għal mill-inqas perjodu ta’ 10 xhur, li jibdew minn data ffissata mill-Istat Membru, imma mhux qabel l-1 ta’ Settembru tas-sena kalendarja ta’ qabel is-sena meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-partiċipazzjoni fl-iskema unika ta’ pagament.”
13 It-Titolu IVa tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa intitolat “Implimentazzjoni ta’ Skemi ta’ Appoġġ fl-Istati Membri l-Ġodda”.
14 Skont l-Artikolu 143a tal-imsemmi regolament:
“Fl-Istati Membri l-ġodda għandhom jiġu ntrodotti pagamenti diretti skond l‑iskeda li ġejja ta’ inkrementi espressi bħala persentaġġ tal-livell li jkun applikabbli dakinhar ta’ dawn il-pagamenti fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004:
– 25 % fl-2004,
– 30 % fl-2005,
– 35 % fl-2006,
– 40 % fl-2007,
– 50 % fl-2008,
– 60 % fl-2009,
– 70 % fl-2010,
– 80 % fl-2011,
– 90 % fl-2012,
– 100 % mill-2013 ’il quddiem.”
15 L-Artikolu 143b tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Skema ta’ Pagament Uniku bl-Area”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3:
“1. Istati Membri l-ġodda jistgħu jiddeċiedu mhux aktar tard mid-data ta’ l‑adeżjoni li jissostitwixxu l-pagamenti diretti matul il-perijodu ta’ applikazzjoni msemmi fil-paragrafu 9 b’pagament uniku bl-area li għandu jkun ikkalkulat skond il-paragrafu 2.
2. Il-pagament uniku bl-area għandu jsir darba fis-sena. Huwa għandu jkun ikkalkulat billi jkun diviż il-pakkett finanzjarju annwali stabbilit skond il‑paragrafu 3 bl-area agrikola ta’ kull Stat Membru ġdid stabbilita skond il‑paragrafu 4.
3. Għal kwalunkwe Stat Membru ġdid, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pakkett finanzjarju annwali:
– bħala s-somma ta’ fondi li tkun disponibbli fir-rigward tas-sena kalendarja kkonċernata għall-għoti ta’ pagamenti diretti fl-Istat Membru l-ġdid,
– skond ir-regoli Komunitarji pertinenti u abbażi tal-parametri kwantitattivi, bħalma huma l-area ta’ bażi, il-limiti massimi ta’ premium u l-Kwantitajiet Massimi Garantiti (KMG), speċifikati fl-Att ta’ Adeżjoni u fil-leġislazzjoni Komunitarja sussegwenti għal kull pagament dirett, u
– aġġustati permezz tal-persentaġġ pertinenti speċifikat fl-Artikolu 143a għall-introduzzjoni gradwali ta’ pagamenti diretti.”
16 L-Artikolu 143ċ tal-imsemmi regolament, intitolat “Pagamenti diretti nazzjonali komplementari u pagamenti diretti”, jipprovdi:
“[…]
2. L-Istati Membri l-ġodda għandhom ikollhom il-possibbiltà, suġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, li jikkomplementaw kwalunkwe pagamenti diretti sa:
[…]
L-appoġġ globali dirett li l-bidwi jista’ jingħata fl-Istati Membri l-ġodda wara l‑adeżjoni taħt il-pagament dirett rilevanti nkluż kull pagament dirett nazzjonali komplementari ma għandux jaqbeż il-livell ta’ appoġġ dirett li l-bidwi jkun intitolat jirċievi taħt il-pagament dirett korrispondenti applikabbli dakinhar għall-Istati Membri fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004.
[…]
4. Jekk xi Stat Membru ġdid jiddeċiedi li japplika l-iskema ta’ pagament uniku bl-area, dak l-Istat Membru l-ġdid jista’ jagħti għajnuna diretta nazzjonali komplementari skond il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 5 u 8.
5. Fir-rigward tas-sena 2004, l-ammont globali ta’ għajnuna nazzjonali komplementari mogħti dik is-sena għal kull (sub)settur meta tkun qed tiġi applikata l-iskema ta’ pagament uniku bl-area għandu jkun limitat b’pakkett finanzjarju speċifiku għal kull (sub)settur. Dan il-pakkett għandu jkun daqs id‑differenza bejn:
– l-ammont globali ta’ appoġġ għal kull (sub)settur li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 2, skond il-każ li jkun, u
– l-ammont globali ta’ appoġġ dirett li jkun disponibbli fl-Istat Membru l-ġdid rilevanti għall-istess (sub)settur fis-sena konċernata taħt l-iskema ta’ pagament uniku bl-area.
Fir-rigward ta’ kwalunkwe sena mill-2005 ’il quddiem, ir-rekwiżit li jopera l‑limitu hawn fuq msemmi permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ pakketti finanzjarji speċifiċi għas-(sub)setturi ma għandux japplika. Madankollu, l-Istati Membri l‑ġodda għandhom iżommu d-dritt li japplikaw pakketti finanzjarji speċifiċi għas-(sub)setturi, bil-kondizzjoni li dan il-pakkett finanzjarju speċifiku għas-(sub)settur jirrigwarda biss
– il-pagamenti diretti magħquda ma’ l-iskema ta’ pagament uniku, u/jew
– wieħed jew aktar mill-pagamenti diretti li huma esklużi jew li jistgħu jkunu esklużi mill-iskema ta’ pagament uniku skond l-Artikolu 70(2) jew li jistgħu jkunu soġġetti għal implimentazzjoni parzjali kif imsemmi fl-Artikolu 64(2).
6. L-Istat Membru l-ġdid jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi u wara l‑awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, fuq l-ammonti ta’ għajnuna nazzjonali komplementari li għandha tingħata.
7. L-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni għandha:
– fejn japplika l-punt (b) tal-paragrafu 2, tispeċifika l-iskemi rilevanti ta’ pagamenti diretti nazzjonali li jixbħu l-PAK,
– tiddefinixxi l-livell sa fejn tista’ titħallas l-għajnuna nazzjonali komplementari, ir-rata ta’ l-għajnuna nazzjonali komplementari u, fejn ikun il-każ, il-kondizzjonijiet li taħthom għandha tiġi mogħtija,
– tingħata soġġetta għal kull aġġustament li jista’ jsir meħtieġ minħabba l‑iżviluppi tal-[PAK].
8. Ma għandu jsir l-ebda pagament nazzjonali komplementari u ma għandha tingħata l-ebda għajnuna għal attivitajiet agrikoli li fir-rigward tagħhom m’hemmx previsti pagamenti diretti fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004.
[…]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
17 L-Artikolu 3(1)(a) tad-Digriet tal-Gvern Nru 6/2004, tat-22 ta’ Jannar 2004, dwar il-kundizzjonijiet ġenerali għall-għoti tal-għajnuna tal-Unjoni Ewropea, għall-għajnuna komplementari għal dik ipprovduta mill-baġit nazzjonali u tal-għajnuna agrikola li taqa’ fil-kompetenza nazzjonali (Magyar Közlöny, Nru 2004/7) jipprovdi li huma eliġibbli għall-għajnuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija sentenza, fosthom l-għajnuna nazzjonali komplementari, il-persuni ġuridiċi u l-impriżi li ma għandhomx personalità ġuridika li ma humiex is-suġġett ta’ proċeduri ta’ arranġament (“csődeljárás”), ta’ proċeduri għal falliment (“felszámolás”), ta’ proċeduri ta’ arranġament mal-kredituri (“adósságrendezés”) jew proċeduri għal xoljiment volontarju (“végelszámolás”).
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 Fit-28 ta’ Mejju 2004, Bábolna ppreżentat lill-Hivatal applikazzjoni għal Pagament Uniku bl-Area u għajnuna komplementari nazzjonali marbuta miegħu.
19 Fl-1 ta’ Settembru 2004, inbdew proċedimenti ta’ xoljiment volontarju ta’ Bábolna skont id-Deċiżjoni Governattiva Nru 2186/2004, tat-22 ta’ Lulju 2004, li twassal għar-reorganizzazzjoni tal-kapital u l-privatizzazzjoni tal-kumpannija Bábolna Mezőgazdasági Termelő, Fejlesztő és Kereskedelmi Zrt. [Határozatok Tára Nru 2004/33 (22 ta’ Lulju)].
20 Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2005, il-Hivatal laqa’ parzjalment l‑applikazzjoni ta’ Bábolna billi ħallasha HUF 174,410,400 bħala Pagament Uniku bl-Area u HUF 70,677,810 bħala għajnuna nazzjonali komplementari għal art li tinħarat.
21 Madankollu, wara li kkonstatat li Bábolna kienet is-suġġett, sa mill-1 ta’ Settembru 2004, ta’ proċedura ta’ xoljiment volontarju, Hivatal adotta deċiżjoni ġdida li temenda dik tas-17 ta’ Mejju 2005. Permezz ta’ din id-deċiżjoni li temenda, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Digriet tal-Gvern Nru 6/2004, tat‑22 ta’ Jannar 2004, hija ċaħdet it-talba għal għajnuna nazzjonali komplementari għal art li tinħarat u ordnat lil Bábolna sabiex tirrimborsa s-somma ta’ HUF 15,829,789 li kienu diġà tħallsu lilha b’dan il-mod.
22 Bábolna ippreżentat rikors bil-għan tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni ta’ modifika u għaż-żamma tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2005.
23 Quddiem il-Fővárosi Bíróság (Qorti ta’ Budapest), hija ssostni li r-regoli Komunitarji applikabbli fil-każ preżenti ma jipprovdu għal ebda esklużjoni marbuta ma’ sitwazzjoni ta’ xoljiment volontarju. L-għoti tal-għajnuna kienet suġġetta għall-unika kundizzjoni li l-impriża kkonċernata tinsab fit-territorju tal-Komunità, l-istatus ġuridiku tal-applikant fir-rigward tad-dritt nazzjonali hija rrilevanti f’dan ir-rigward.
24 Il-Hivatal ssostni li r-rikors għandu jiġi miċħud.
25 Skont il-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju, sabiex tiġi deċiża din il-kawża pendenti quddiemha, li jiġi stabbilit jekk kumpannija li teżerċità attività agrikola fi Stat Membru għandhiex id-dritt li tirċievi għajnuna nazzjonali komplementari meta hija tkun għaddejja minn xoljiment volontarju.
26 Il-Fővárosi Bíróság tistaqsi b’mod partikolari jekk l-għajnuna nazzjonali komplementari tistax tiġi rregolata b’mod awtonomu, indipendentement mill-prinċipji u mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Din il-qorti b’hekk tipprova tistabbilixxi jekk Stat Membru jistax jissuġġetta l-għoti tal-għajnuna nazzjonali komplementari għall-kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku bl-area stabbilita minn dan id-dritt.
27 L-imsemmija qorti min-naħa l-oħra tosserva, fir-rigward tal-ħames domanda preliminari li hija tressaq, li l-liġi Ungeriża tikkrea statuti ġuridiċi distinti għall-proċeduri ta’ arranġament, ta’ falliment u ta’ xoljiment volontarju.
28 Peress li s-sustanza tal-kawża quddiemha tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, il-Fővárosi Bíróság iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) Jista’ wieħed jiddistingwi bejn il-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti, minn naħa, l-għajnuna Komunitarja (tal-FAEGG) li taqa’ taħt il-[PAK] u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna nazzjonali komplementari, jew – fi kliem ieħor – il-kundizzjonijiet ta’ għajnuna nazzjonali komplementari jistgħu jiġu previsti minn regoli oħra, iktar stretti minn dawk li jirregolaw l-għajnuna ffinanzjata mill-FAEGG?
2) Il-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit, għal dak li jikkonċerna l-benefiċjarji tal-għajnuna, mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92, tas-27 ta’ Novembru 1992, li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità , u mill-Artikolu 10(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni , għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑għajnuna hija, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarji tagħha, suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet biss: jiġifieri li għandha tingħata a) lil grupp ta’ produtturi agrikoli (jew produttur agrikolu individwali) b) li l‑ażjenda tiegħu tkun fit-territorju tal-Komunità?
3) Ir-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l‑produttur agrikolu li l-ażjenda tiegħu tkun fit-territorju tal-Komunità, iżda li jrid iwaqqaf l-attività tiegħu fil-futur (wara li juża s-sussidju), ma għandux id-dritt li jibbenefika minn għajnuna?
4) Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ status ġuridiku mogħti skont id-dritt nazzjonali, fis-sens taż-żewġ regolamenti ċċitati iktar ’il fuq?
5) L-istatus ġuridiku mogħti skont id-dritt nazzjonali jinkludi wkoll l-istatus ġuridiku marbut mal-mod tax-xoljiment eventwali tal-attività tal-produttur agrikolu (jew tal-grupp ta’ produtturi)? […]
6) Jistgħu jiġu previsti b’mod distint, u b’mod kompletament indipendenti minn xulxin, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjonijiet, minn naħa, tal-pagament uniku bbażat fuq iż-żona (skema Komunitarja) u, min-naħa l-oħra, tal-għajnuna nazzjonali komplementari? Liema huma r-relazzjonijiet li jeżistu (jew li jistgħu jeżistu) bejn il-prinċipji, l-iskema u l-għanijiet taż-żewġ tipi ta’ sussidji?
7) Jista’ grupp (jew produttur individwali) li jissodisfa, barra minn hekk, il‑kundizzjonijiet tal-iskema Komunitarja ta’ pagament uniku bbażat fuq iż‑żona jiġi eskluż mill-benefiċju tal-għajnuna nazzjonali komplementari?
8) Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 1259/1999 jestendi wkoll, skont l‑Artikolu 1(4) tiegħu, għall-għajnuna nazzjonali komplementari, fid-dawl tal-fatt li meta l-FAEGG tiffinanzja parzjalment biss, l-għajnuna nazzjonali komplementari tiffinanzja kif xieraq?
9) Produttur agrikolu li l-ażjenda tiegħu, li qed topera effettivament u legalment, tkun fit-territorju tal-Komunità, għandu dritt għal għajnuna nazzjonali komplementari?
10) Jekk id-dritt nazzjonali jirregola l-proċess ta’ xoljiment tal-kumpanniji kummerċjali permezz ta’ leġiżlazzjoni distinta, din għandha rilevanza għall-għajnuna Komunitarja (u l-għajnuna nazzjonali relatata magħha)?
11) Ir-regoli Komunitarji u nazzjonali li jirregolaw il-funzjonament tal-[PAK] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dawn għandhom joħolqu sistema ġuridika kumplessa li tista’ tiġi interpretata b’mod uniformi u li taħdem skont prinċipji u taħt kundizzjonijiet identiċi?
12) Il-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 3508/92 u mill-Artikolu 10(a) tar-Regolament Nru 1259/1999 jista’ jiġi interpretat fis-sens li, mill-aspett tas-sussidju, l-intenzjoni tal-produttur agrikolu li jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu fil-futur, jew ukoll l-istatus ġuridiku li joħroġ minnha, hija kompletament irrilevanti?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjoni preliminari
29 Fil-kuntest tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea li seħħ fl-2004, l-Att ta’ Adeżjoni pprovda għall-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri ġodda u għall-iskema ta’ pagament uniku bl-area fir-Regolament Nru 1259/1999. Dawn ġew sussegwentement integrati permezz tad-Deċiżjoni 2004/281 fir-Regolament Nru 1782/2003 li ħassret, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, ir-Regolamenti Nru 3508/92 u 1259/1999.
30 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kawża prinċipali hija rregolata, hekk kif jirriżulta mid-data tal-fatti, mir-Regolament Nru 1782/2003.
31 Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-funzjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu dwar il-kawża li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C‑45/06, Ġabra. p. I‑2089, punt 31), id-domandi preliminari għandhom jiġu interpretati bħala li jirrigwardaw ir-Regolament Nru 1782/2003 jew jaqgħu fil-kuntest ta’ dan ir‑regolament.
Fuq id-domandi kollha
32 Permezz tat-tnax-il domanda tagħha, li għandhom jiġu trattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tipprova tistabbilixxi essenzjalment jekk ir-Regolament Nru 1782/2003 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-benefiċċju tal-għajnuna nazzjonali komplementari lill-persuni ġuridiċi li jeżerċitaw attività agrikola fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, peress li huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ xoljiment volontarju.
33 Ir-Regolament Nru 1782/2003 jistabbilixxi b’mod partikolari, skont l-Artikolu 1 tiegħu, regoli komuni fil-qasam tal-pagamenti diretti taħt skemi ta’ appoġġ għad-dħul fl-isfont tal-PAK, għajnuna għad-dħul tal-bdiewa (l-iskema ta’ pagament uniku) kif ukoll għajnuna għad-dħul simplifikat u tranżitorju destinat għall-bdiewa tal-Istati Membri ġodda (l-Iskema ta’ Pagament Uniku bl-Area).
34 B’mod konformi mal-Artikoli 143a u 143c tar-Regolament Nru 1782/2003, il‑pagamenti diretti jew, jekk ikun il-każ, l-iskema ta’ pagament uniku bl-area huma introdotti progressivament fl-Istati Membri l-ġodda. Din l-introduzzjoni progressiva tal-iskemi ta’ għajnuna tal-Unjoni fl-Istati Membri l-ġodda għandhom bħala għan li ma jnaqqsux il-proċess ta’ ristrutturazzjoni neċessarja tas-settur agrikolu ta’ dawn l-Istati Membri u li ma jikkreawx differenzi fid-dħul kunsiderevoli u ta’ distorsjonijiet soċjali permezz tal-għoti tal-għajnuniet sproporzjonati mal-livel ta’ dħul tal-bdiewa u tal-popolazzjoni ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il-Kunsill, C‑273/04, Ġabra p. I‑8925, punt 69).
35 Skont l-Artikolu 143c(2) u (4) tar-Regolament Nru 1782/2003, l-Istati Membri l‑ġodda għandhom madankollu l-possibbiltà, li jikkompletaw il-pagamenti diretti jew il-pagament uniku bl-area permezz ta’ għajnuna nazzjonali komplementari iffinanzjata, għall-inqas parzjalment, mill-baġit nazzjonali tagħhom.
36 F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1782/2003 jagħti lill-imsemmija Stati Membri ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-għajnuna nazzjonali komplementari. B’mod partikolari, l-Artikolu 143c(6) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-Istati Membri l-ġodda jistgħu jiddeċiedu, fuq il-bażi tal-kriterji oġġettivi u wara li jkunu rċevew l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, ta’ ammonti ta’ għajnuna nazzjonali komplementari x’jagħtu.
37 Madankollu, fir-rigward tal-fatt li l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kuntest tal-PAK, leġiżlazzjoni bħal din ma tkunx stabbilita jew applikata b’tali mod li tikkomprometti l-għanijiet imħaddna minn din il-politika, u b’mod iktar partikolari dawk previsti mis-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li tirrigwarda ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Kurt und Thomas Etling et, C-230/09 u C-231/09, Ġabra p. I‑0000, punt 75), u b’mod iktar partikolari dawk previsti mill-iskemi ta’ appoġġ previsti mir-Regolament Nru 1782/2003.
38 Is-setgħa diskrezzjonali li jiddisponu minnha l-Istati l-Membri l-ġodda hija madankollu limitata sa fejn, b’mod konformi ma’ dak li jipprovdi l‑Artikolu 143c(7) tal-imsemmi regolament, l-ammont sa fejn l-għajnuna nazzjonali komplementari jista’ jingħata, li għandu jaqa’ fil-limiti definiti fil-paragrafu 2 – jew, skont il-każ, il-paragrafu 5 – tal-imsemmi artikolu, kif ukoll ir‑rata ta’ din l-għajnuna u l-kundizzjonijiet eventwali ta’ għoti tagħha għandhom ikunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.
39 Issa, fil-każ preżenti, għandu jingħad li mill-atti jirriżulta li l-program tar-Repubblika tal-Ungerija tat-18 ta’ Mejju 2004 dwar il-pagamenti diretti nazzjonali komplementari, approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2004 [C(2004)2295], ma jikkontjenix il-kundizzjoni li skont dan l-għajnuna nazzjonali komplementari tista’ tingħata biss lill-bdiewa, fis-sens tar-Regolament Nru 1782/2003, li ma humiex is-suġġett ta’ proċedura ta’ xoljiment volontarju.
40 Konsegwentement, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1782/2003 jipprekludi, għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ għajnuna nazzjonali komplementari bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-impożizzjoni ta’ kundizzjoni li ma ġietx awtorizzata mill-Kummissjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà ta’ din mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament u, b’mod ġenerali, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l‑Istati Membri huma wkoll marbuta josservaw (ara is-sentenza Kurt und Thomas Etling et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).
41 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha imsemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għad-domandi li saru, li r-Regolament Nru 1782/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-benefiċċju tal-għajnuna nazzjonali komplementari lill-persuni ġuridiċi li jeżerċitaw attività agrikola fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għar-raġuni li huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ xoljiment volontarju, fejn kundizzjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ proċedura bħal din ma kinitx is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.
Fuq l-ispejjeż
42 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/281/KE, tat-22 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi lil- leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-benefiċċju tal-għajnuna nazzjonali komplementari lill-persuni ġuridiċi li jeżerċitaw attività agrikola fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għar-raġuni li huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ xoljiment volontarju, fejn kundizzjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ proċedura bħal din ma kinitx is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.