EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0485

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-26 ta' Mejju 2011.
Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen vs H. Akdas et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Centrale Raad van Beroep - il-Pajjizi l-Baxxi.
Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti - Revoka tal-klawżoli ta’ residenza - Portata - Suppliment mal-pensjoni ta’ invalidità mogħti mill-Istat Membru ospitanti sabiex jiġi żgurat il-livell minimu vitali għall-benefiċjarji - Emenda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali - Tneħħija tal-imsemmi suppliment fil-każ li l-benefiċjarju jkun residenti f’territorju li ma huwiex dak tal-Istat Membru kkonċernat.
Kawża C-485/07.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:346

Kawża C‑485/07

Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen

vs

H. Akdas et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep)

“Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Revoka tal-klawżoli ta’ residenza — Portata — Suppliment mal-pensjoni ta’ invalidità mogħti mill-Istat Membru ospitanti sabiex jiġi żgurat il-livell minimu vitali għall-benefiċjarji — Emenda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Tneħħija tal-imsemmi suppliment fil-każ li l-benefiċjarju jkun residenti f’territorju li ma huwiex dak tal-Istat Membru kkonċernat”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ftehim internazzjonali – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti

(Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1))

2.        Ftehim internazzjonali – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti

(Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1)

3.        Ftehim internazzjonali – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti

(Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 59; Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 10(a)(1); Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1))

4.        Ftehim internazzjonali – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità – Portata fil-qasam tas-sigurtà soċjali

(Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 9; Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 3(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1))

1.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni dwar l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa għandu effett dirett, b’mod li ċ-ċittadini Torok li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt li jużawha direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex ma jiġux applikati r-regoli tad-dritt nazzjonali li jiksru din id-dispożizzjoni.

Fil-fatt, din ir-regola tistabbilixxi obbligu ta’ riżultat preċiż, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe limitu impost fir-rigward tal-esportazzjoni tad-drittijiet miksuba miċ-ċittadini Torok ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Għalhekk, dan l-obbligu jista’ jiġi invokat minn individwu quddiem qorti nazzjonali sabiex jitlobha ma tapplikax id-dispożizzjonijiet kuntrarji tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri ta’ applikazzjoni supplimentari.

(ara l-punti 69, 74, u d-dispożittiv 2)

2.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni dwar l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tneħħi l-għoti ta’ benefiċċju bħalma huwa s-suppliment mal-pensjoni ta’ invalidità, mogħti abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward ta’ ex ħaddiema migranti Torok ladarba dawn jirritornaw lura lejn it-Turkija wara li jkunu tilfu d-dritt ta’ soġġorn tagħhom fl-Istat Membru ospitanti minħabba l-fatt li huma kienu ntlaqtu minn invalidità f’dan l-Istat Membru.

(ara l-punt 96, u d-dispożittiv 2)

3.        Il-konstatazzjoni li ċittadini Torok jistgħu validament jibbażaw ruħhom fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni dwar l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom sabiex jeżiġu li l-benefiċċju supplimentari li huma jirċievu abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru jibqa’ jingħatalhom fit-Turkija ma hija affettwata la mill-fatt li, fir-rigward ta’ benefiċċju soċjali bħalma huwa l-benefiċċju supplimentari, l-iskema attwalment stabbilita bir-Regolament Nru 1408/71 hija differenti minn dik implementata mill-imsemmija deċiżjoni, u lanqas mill-fatt li, fuq din il-bażi, l-Istat Membru inkwistjoni pproċeda bit-tneħħija, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-għoti ta’ benefiċċju supplimentari ladarba l-benefiċjari ma jibqgħux residenti fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

Tali sitwazzjoni ma tistax titqies bħala inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali mehmuż mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, li jipprovdi li ċittadini Torok ma jistgħux jitqiegħdu f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża mis-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ ex ħaddiema migranti Torok li rritornaw lura lejn it-Turkija wara li tilfu d-dritt tagħhom ta’ soġġorn fl-Istat Membru ospitanti minħabba l-fatt li kienu ntlaqtu minn invalidità f’dan l-Istat Membru, ma tistax, għal ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 59, tiġi utilment mqabbla ma’ dik taċ-ċittadini tal-Unjoni sa fejn dawn, bħala proprjetarji tad-dritt ta’ moviment fl-Unjoni kif ukoll ta’ soġġorn liberu fit-territorji tal-Istati Membri u jżommu għalhekk id-dritt ta’ soġġorn tagħhom fl-Istat Membru li jagħti l-benefiċċju inkwistjoni, minn naħa, jistgħu jagħżlu li jitilqu mit-territorju ta’ dan l-Istat billi jitilfu, minħabba dan il-fatt, l-għoti ta’ dan il-benefiċċju u, min-naħa l-oħra, għandhom id-dritt li jirritornaw f’kull mument fl-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punti 82, 83, 87, 88, 95)

4.        L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni dwar l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom jikkostitwixxi l-implementazzjoni u l-konkretizzazzjoni, fil-qasam partikolari tas-sigurtà soċjali, tal-prinċipju ġenerali tan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 9 tal-imsemmi Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, l-imsemmi Artikolu 3(1) japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari tal-imsemmija deċiżjoni.

Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-istess deċiżjoni jikkostitwixxi tali dispożizzjoni partikolari. Għalhekk, l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma japplikax għal sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1).

(ara l-punti 98-101 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Mejju 2011 (*)

“Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Revoka tal-klawżoli ta’ residenza – Portata – Suppliment mal-pensjoni ta’ invalidità mogħti mill-Istat Membru ospitanti sabiex jiġi żgurat il-livell minimu vitali għall-benefiċjarji – Emenda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali – Tneħħija tal-imsemmi suppliment fil-każ li l-benefiċjarju jkun residenti f’territorju li ma huwiex dak tal-Istat Membru kkonċernat”

Fil-Kawża C‑485/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2007, fil-proċedura

Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen

vs

H. Akdas,

H. Agartan,

Z. Akbulut,

M. Bas,

K. Yüzügüllüer,

E. Keskin,

C. Topaloglu,

A. Cubuk,

S. Sariisik,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għar-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen, minn F. Keunen u I. Eijkhout, bħala aġenti,

–        għal H  Akdas, minn C. de Roy van Zuydewijn, avukat,

–        għal H. Agartan, minn D. Schaap, avukat,

–        għal M. Bas, minn N. Türkkol, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, C. ten Dam u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Bryanston-Cross, bħala aġent, assistita minn J. Coppel u T. Ward, barristers,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 43, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), kif ukoll tal-Artikolu 3(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom (ĠU 1983, C 110, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 3/80).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (iktar ’il quddiem l-“Uwv”) u H. Akdas u tmien ex ħaddiema migranti Torok oħra dwar ir-revoka ta’ suppliment mal-pensjoni ta’ invalidità (iktar ’il quddiem il-“benefiċċju supplimentari) mogħti lil dawn tal-aħħar skont il-leġiżlazzjoni Olandiża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 L-assoċjazzjoni KEE-Turkija

–        Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni) kif ukoll bl-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment (l-Artikolu 13 tal-imsemmi Ftehim) u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 14 tal-istess Ftehim), bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ għajxien tal-poplu Tork u tiġi ffaċilitata sussegwentment l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità (ir-raba’ premessa tal-preambolu u l-Artikolu 28 ta’ dan il-Ftehim).

4        Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (l-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim), fażi tranżitorja li matulha jiġu żgurati l-implementazzjoni progressiva ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika (l-Artikolu 4 tal-imsemmi Ftehim), u fażi definittiva li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u tinvolvi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti (l-Artikolu 5 tal-istess Ftehim).

5        L-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa redatt kif ġej:

“Sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni, il-Partijiet kontraenti għandhom jiltaqgħu fi ħdan Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li għandu jaġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mill-ftehim.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, bit-titolu “Implementazzjoni tal-fażi tranżitorja”:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi, qabel ma tibda l-fażi tranżitorja, u skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 1 tal-Protokoll provviżorju, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmi tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma koperti mit-[Trattat KE] li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari dawk imsemmija f’dan it-titolu, kif ukoll kull klawżola ta’ salvagwardja li tirriżulta utli”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fl-istess Titolu II ta’ dan tal-aħħar, huwa redatt kif ġej:

“Il-Partijiet kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità hija pprojbita skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu [12 KE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li wkoll jinsab fit-Titolu II tiegħu, Kapitolu 3, bit-titolu “Dispożizzjonijiet oħra ta’ natura ekonomika”, jistipula:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li ser ikunu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex bejniethom jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Skont l-Artikolu 22(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

“Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Ftehim [ta’ Assoċjazzjoni] u fil-każijiet previsti minnu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni. Kull waħda miż-żewġ partijiet għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

‑      Il-Protokoll Addizzjonali

10      Il-Protokoll Addizzjonali li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jagħmel parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, l-modalitajiet u r-ritmi tat-twettiq tal-fażi tranżitorja prevista fl-Artikolu 4 tal-imsemmi Ftehim.

11      Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, bit-titolu “Moviment ta’ persuni u ta’ servizzi”, li l-Kapitolu I tiegħu jikkonċerna “[i]l-ħaddiema”.

12      L-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, li jifforma parti mill-imsemmi Kapitolu I, jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ser jitwettaq progressivament, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bejn l-aħħar tat-tnax u tat-tnejn u għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi dwar l-modalitajiet neċessarji għal dan il-għan.

13      L-Artikolu 39(1) tal-Protokoll Addizzjonali huwa redatt kif ġej:

“Qabel it-tmiem ta’ l-ewwel sena wara d-dħul b’effett ta’ dan il-Protokoll, il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu jadotta miżuri ta’ sigurtà soċjali għal ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka li jiċċaqilqu fil-Komunità u għall-familji tagħhom li jabitaw fil-Komunità.

2.      Dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiffaċilitaw lill-ħaddiema ta’ nazzjonalita Torka, b’konformità ma l-arranġamenti li għandhom ikunu stabbiliti, il-perijodu aggregati għall-assigurazzjoni jew l-impieg imwettqa fi Stati Membri ndividwali fir-rigward tal-penzjoni ta’ l-età, il-benefiċji tal-mewt u l-penzjonijiet ta’ l-invalidità, u wkoll fir-rigward tal-provvediment tas-servizzi tas-saħħa għal ħaddiema u l-familji tagħhom li jabitaw fil-Komunità. Dawn il-miżuri m’għandhomx joħolqu l-ebda obligazzjoni fuq l-Istati Membri sabiex jikkonsidraw il-perijodi mwettqa fit-Turkija.

3.      Il-miżuri msemmija hawn fuq għandhom jassiguraw li l-benefiċji tal-familja ikunu mħallsa jekk il-familja tal-ħaddiem tkun tabita fil-Komunità.

4.      Għandu jkun possibbli li tkun trasferita lejn it-Turkija l-penzjoni ta’ l-età, il-benefiċji tal-mewt u l-penzjoni ta’ l-invalidità akwistati permezz tal-miżuri adotti permezz tal-paragrafu 2.

5.      Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Artkolu m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet u l-obligi li joriġinaw mill-ftehim bilaterali bejn it-Turkija u l-Istati Membri tal-Komunità, sa kemm dawn il-ftehim jipprovdu għal arranġamenti aktar favorevoli għal ċittadini Torok”.

14      L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi li:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità.”

–        Id-Deċiżjoni Nru 3/80

15      Id-Deċiżjoni Nru 3/80, li ġiet adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali, hija intiża li tikkoordina s-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri sabiex il-ħaddiema Torok li jaħdmu jew li ħadmu fi wieħed jew iktar mill-Istati Membri tal-Komunità, kif ukoll il-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema u s-superstiti tagħhom, jibbenefikaw mill-benefiċċji li jaqgħu taħt l-oqsma tradizzjonali tas-sigurtà soċjali. Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni huma essenzjalment riprodotti f’ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1,p. 35)

16      Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Persuni koperti”

“Din id-deċiżjoni tapplika:

–        għall-ħaddiema li huma jew li kienu suġġetti għal-liġi ta’ wieħed jew iktar Stati Membri u li huma ta’ ċittadinanza Torka,

–        għall-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema, residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri,

–        għas-superstiti ta’ dawn il-ħaddiema”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Trattament ugwali”, u li jirriproduċi kliem l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jipprovdi:

“Il-persuni residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri u li għalihom id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni japplikaw għandhom jiġu suġġetta għall-obbligi u għandhom jingħataw il-benefiċċji li jirriżultaw mil-liġi ta’ kull Stat Membru taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tiegħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari ta’ din id-deċiżjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Materji koperti”, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jistabbilixxi:

“1.      Din id-deċiżjoni għandha tapplika għal-leġiżlazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

a)      benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

b)      benefiċċji tal-invalidità, inklużi dawk maħsuba għall-manteniment jew it-titjib fil-kapaċità tal-qligħ (tal-flus);

ċ)      benfiċċji tax-xjuħija;

d)      benefiċċji tas-superstiti;

e)      benefiċċji rigward inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard kawżat mix-xogħol;

f)      għotijiet minħabba mwiet;

g)      benefiċċji tal-qgħad;

h)      benefiċċji tal-familja.

2.      Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-iskemi kollha u speċjali ta’ sigurtà soċjali, sewwa jekk kontributorji u sewwa jekk mhux kontributorji […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19      L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Revoka tal-klawżoli ta’ residenza […]” u li jikkorrispondi għall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71, jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Għajr fejn provdut xorta oħra f’din id-deċiżjoni, il-benefiċċji fi flus għall-invalidità, ix-xjuħija jew is-sopravivenza, il-pensjonijiet għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard kawżat mix-xogħol u għotjiet għall-imwiet miksuba skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar għandhom ikunu bla ħsara għal kull tnaqqis, modifika, żamma, treġġigħ lura jew konfiska minħabba l-fatt illi min jirċevihom jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      It-Titolu III tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Dispożizzjonijiet partikolari għall-kategoriji differenti ta’ benefiċċji”, jinkludi d-dispożizzjonijiet ta’ koordinament, iggwidati mir-Regolament Nru 1408/71, dwar b’mod partikolari l-benefiċċji ta’ invalidità, tax-xjuħija u fil-każ ta’ mewt (pensjonijiet).

21      Skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Nru 3/80 :

“It-Turkija u l-Komunità għandhom, kull waħda f’dak li jirrigwardha, jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22      Fit-8 ta’ Frar 1983, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentat proposta għal Regolament tal-Kunsill (KEE) intiża sabiex tiġi applikata, fil-Komunità Ekonomika Ewropea, id-Deċiżjoni Nru 3/80 (ĠU C 110, p. 1), li tipprovdi li din “tapplika fil-Komunità” (l-Artikolu 1) u li tistabbilixxi l-“modalitajiet għall-applikazzjoni supplimentari” ta’ din id-deċiżjoni.

23      Madankollu, sa llum, din il-proposta ma wasslitx għall-adozzjoni ta’ regolament mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament Nru 1408/71

24      Ir-Regolament Nru 1408/71 jinkludi Artikolu 3, bit-titolu “Ugwaljanza ta’ trattament”, fejn il-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi:

“Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni li għalih japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat”.

25      L-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-materji koperti minnu billi jipprovdi s-segwenti:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

a)      benefiċċji tal-mard u tal-maternità ;

b)      benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk maħsuba għall-manteniment jew it-titjib fil-kapaċità tal-qligħ (tal-flus);

ċ)      benfiċċji tax-xjuħija ;

d)      benefiċċji tas-superstiti ;

e)      benefiċċji rigward inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard kawżat mix-xogħol;

f)      għotijiet minħabba mwiet ;

g)      benefiċċji tal-qgħad;

h)      benefiċċji familjari/tal-familja.

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-iskemi kollha u speċjali ta’ sigurtà soċjali, sewwa jekk kontributorji u sewwa jekk mhux kontributorji […]”.

26      L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1247/92, tat-30 ta’ April 1992, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vo. 2, p. 41), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1992, żied mal-Artikolu 4 l-paragrafu 2a li huwa redatt kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li huma pprovduti taħt leġislazzjoni jew skemi li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1 jew esklużi permezz tal-paragrafu 4, billi dawn il-benefiċċji huma maħsuba:

a)      jew sabiex jipprovdi protezzjoni supplimentari, sostitwita jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-friegħi ta’ sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (h), jew

b)      unikament bħala protezzjoni speċifika għall-persuni b’diżabilità”.

27      L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 647/2005 emenda l-imsemmi Artikolu 4(2a), li issa jistabbilixxi:

“Dan l-Artikolu għandu japplika għall-benefiċċji ta’ flus speċjali u mhux kontributorji provduti f’liġi li, minħabba l-ambitu personali tagħha, l-għanijiet tagħha u/jew il-kundizzjonijiet għal dritt taħtha, għandha l-karatteristiċi kemm tal-liġi dwar is-sigurtà soċjali msemmija fil- paragrafu 1 kif ukoll ta’ assistenza soċjali.

Benefiċċji ta’ flus speċjali u mhux kontributorji tfisser dawk li:

a)      huma ntiżi sabiex jipprovdu jew

i)      assigurazzjoni supplimentari, sostituttiva jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-oqsma tas-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1, u li jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati dħul minimu għas-sussistenza waqt li jittieħed kont tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru ikkonċernat jew

ii)      protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabbiltà, li jkollha x’taqsam mill-qrib ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna msemmija fl-Istat Membru kkonċernat, u

b)      fejn il-finanzjament ikun derivat esklużivament minn tassazzjoni obbligatorja maħsuba sabiex tkopri l-infiq ġenerali pubbliku u l-kondizzjonijiet sabiex jipprovdu u jikkalkolaw il-benefiċċji mhumiex dipendenti minn kwalunkwe kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madankollu, il-benefiċċji provduti sabiex jiġi supplimentat benefiċċju kontributorju m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji kontributorji għal din ir-raġuni waħedha;

u

ċ)      huma elenkati fl-Anness IIa”.

28      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71:

“Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament il-benefiċċji għall-invalidità, għax-xjuħija u għall-ħlas tas-superstiti, il-pensjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard u l-mewt okkupazzjonali akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ma jkunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska minħabba l-fatt li r-reċipjent jabita fit-territorju ta’ Stat membru għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas”.

29      L-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1247/92 inkluda wkoll fir-Regolament Nru 1408/71 Artikolu 10a ġdid, fejn il-paragrafu 1 tiegħu huwa redatt kif ġej:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 u t-Titolu III, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom jingħataw benefiċċji speċjali monetarji mhux kontributorji msemmija fl-Artikolu 4(2a) esklussivament fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jirrisjedu, skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat, basta dawk il-benefiċċji huma mniżżla fl-Anness IIa. Benefiċċji bħal dawn għandhom jingħataw minn, u a spejjeż ta’, l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza”

30      L-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 647/2005 emenda l-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 10a, li issa jistabbilixxi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 u tat-Titolu III m’għandhomx japplikaw għall-benefiċċji ta’ flus speċjali u mhux kontributorji msemmija fl-Artikolu 4(2a). Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom jirċievu dawn il-benefiċċji esklużivament fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jirrisjedu u skond il-liġi ta’ dak l-Istat, sakemm dawn il-benefiċċji jkunu msemmija fl-Anness IIa. Il-benefiċċji għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza u bi spejjeż tagħha”.

31      Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1247/92:

“1.      L-Applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ma għandux fih innifsu jeffettwa l-irtirar tal-benefiċċji mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mill-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu III tar-Regolament [...] Nru 1408/71, li għalih id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament japplikaw”.

2.      L-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament ma għandux fih innifsu jeffettwa ċ-ċaħda ta’ l-applikazzjoni għall-benefiċċju speċjali mhux kontributorju, mogħti b’żieda ta’ pensjoni, magħmula minn mill-pretendent jew il-benefiċjarju li ssodisfa l-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ dak il-benfiċċju qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament anke jekk hu jew hi residenti fit-territorju ta’ Stat Membru li mhux l-Istat kompetenti, basta l-applikazzjoni għall-benefiċċju hija magħmula ħames snin qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”.

32      Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali Kapitolu 5, Vol. 1, p. 53).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

33      Fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Liġi dwar l-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni għal inkapaċità ta’ xogħol (Wet op de arbeidsongeschiktheidsverzekering, iktar ’il quddiem il-“WAO”), fis-seħħ mill-1966, tistabbilixxi l-assigurazzjoni għall-ħaddiema bi salarju kontra l-inkapaċità ta’ xogħol.

34      Il-Liġi dwar is-supplimenti (Toeslagenwet), tas-6 ta’ Novembru 1986 (iktar ’il quddiem it-“TW”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1987, hija intiża li tagħti lill-persuni li jirċievu, abbażi ta’ assigurazzjoni soċjali bħal dik implementata bil-WAO (fuq l-istess bażi bħal, b’mod partikolari, l-assigurazzjoni għan-nies qiegħda, l-assigurazzjoni għall-morda u l-assigurazzjoni għan-nies involuti f’inċident fuq il-post ta’ xogħol), allowance għal telf fis-salarju li huwa inqas mis-salarju minimu, benefiċċju supplimentari intiż li jqiegħed id-dħul ta’ sostituzzjoni tagħhom fuq livell li, fl-ogħla livell, jilħaq dak tas-salarju minimu fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi. Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, dan il-benefiċċju supplimentari kien iffissat għal 30 % ta’ dan is-salarju minimu, b’mod li dawk li kellhom dritt u li kienu jirċievu allowance ta’ invalidità li kien 70 % inqas mill-imsemmi salarju kellhom dħul li kien inqas mis-salarju minimu. L-Uwv tistabbilixxi, fuq talba tal-persuna kkonċernata, l-eżistenza ta’ dritt għal suppliment abbażi tat-TW.

35      Il-Liġi dwar ir-restrizzjoni fl-esportazzjoni tal-allowances (Wet beperking export uitkeringen), tas-27 ta’ Mejju 1999 (iktar ’il quddiem il-“BEU”), introduċiet fit-TW Artikolu 4a ġdid, li l-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi li l-persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika mill-allowances abbażi ta’ din l-aħħar liġi ma għandhiex dritt għalihom matul il-perijodu li fih ma tkunx residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din tispeċifika li l-esportazzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni hija possibbli biss sa fejn hemm ftehim bilaterali konkluż mal-Istat ta’ residenza tal-parti kkonċernata li jiggarantixxi l-applikazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni Olandiża.

36      Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-BEU, din l-emenda tal-TW kienet intiża li tissostitwixxi l-prinċipju ta’ personalità mal-prinċipju ta’ territorjalità sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta’ kontroll tal-allowances mogħtija lill-benefiċjarji residenti barra ’l pajjiż. F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Olandiż invoka wkoll insostenn tal-imsemmija emenda n-natura tal-benefiċċju supplimentari maħsub sabiex jiżgura l-minimu vitali fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-fatt li l-finanzjament tal-benefiċċju huwa żgurat mill-baġit tal-Istat.

37      L-emenda msemmija iktar ’il fuq tat-TW daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000.

38      Madankollu, ġiet stabbilita skema tranżitorja, li permezz tagħha l-persuni li għandhom dritt, fid-data li fiha daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni l-ġdida, għall-allowances stabbiliti bit-TW u li, f’dik id-data, ma humiex residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi:

“1      jirċievu l-ħlas [sħiħ] tal-ammont li għalih huma għandhom dritt li kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi matul l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi [jiġifieri matul is-sena 2000];

2      jirċievu ħlas li jammonta għal żewġ terzi tal-ammont li għalih huma għandhom dritt li kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi matul it-tieni sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi [jiġifieri matul is-sena 2001];

3      jirċievu ħlas li jammonta għal terz tal-ammont li għalih huma għandhom dritt li kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi matul it-tielet sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi [jiġifieri matul is-sena 2002];”

39      Għas-snin sussegwenti, il-benefiċċju tneħħa kompletament għall-persuni li ma humiex residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

40      Ir-Regolament Nru 647/2005 żied lit-TW, kif emendata fl-2000 bil-BEU, fil-lista li tinsab fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 1247/92, dwar benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributtiva fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, li għalihom, skont l-Artikolu 10a ta’ dan l-aħħar regolament, l-obbligu ta’ esportazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax.

41      Sussegwentement, ġiet introdotta fit-TW, b’effett mis-7 ta’ Diċembru 2006, dispożizzjoni tranżitorja ġdida favur persuni li ma humiex residenti fil-pajjiżi l-Baxxi, iżda fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Isvizzera, li permezz tagħha dawn il-persuni, kemm-il darba dawn għandhom, fil-jum qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 647/2005, id-dritt għal allowances skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71,

–      jirċievu, matul is-sena 2007, il-ħlas sħiħ tal-ammont li għalih huma kien ikollhom dritt kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi;

–      jirċievu, matul is-sena 2008, ħlas li jammonta għal żewġ terzi tal-ammont li għalih huma kien ikollhom dritt kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi;

–      jirċievu, matul is-sena 2009, ħlas li jammonta għal terz tal-ammont li għalih huma kien ikollhom dritt kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

42      Għall-imsemmija persuni, il-benefiċċju tneħħa kompletament mill-1 ta’ Jannar 2010.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

43      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuti fil-kawża prinċipali huma ċittadini Torok li matul ċertu perijodu ħadmu b’salarju fil-Pajjiżi l-Baxxi.

44      Dawk, li ntlaqtu minn invalidità, talbu u kisbu, qabel l-2000, il-benefiċċju ta’ allowance abbażi tal-WAO mogħtija mill-Istat Olandiż.

45      Peress li l-ammont tal-imsemmi allowance kien inqas mis-salarju minimu, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kisbu wkoll, skont it-TW fis-seħħ qabel l-2000, l-għoti ta’ benefiċċju supplimentari, li kien maħsub sabiex jiżguralhom dħul li l-livell tiegħu jkun kemm jista’ jkun qrib is-salarju minimu.

46      Minħabba l-inkapaċità fiżika tagħhom li jkomplu jaħdmu, il-konvenuti fil-kawża prinċipali sussegwentement irritornaw lejn it-Turkija għand il-familji tagħhom, billi żammew il-benefiċċju ta’ dawn iż-żewġ benefiċċji, skont l-Artikolu 39(4) tal-Protokoll Addizzjonali. Il-ħlas dejjem sar fil-forma ta’ għoti wieħed li ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn l-ammont tal-pensjoni ta’ invalidità u l-ammont tal-benefiċċju supplimentari.

47      Wara l-emenda tat-TW bil-BEU, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000, l-awtoritajiet kompetenti Olandiżi ddeċidew, skont l-iskema tranżitorja msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, it-tneħħija progressiva, b’rata ta’ terz fis-sena li bdiet tiddekori mill-1 ta’ Jannar 2001, tal-benefiċċju supplimentari li kien ingħatalhom sa dak iż-żmien.

48      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikorsi kontra din it-tneħħija progressiva.

49      B’deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2003, is-Centrale Raad van Beroep qieset li din it-tneħħija kienet tikser l-obbligu li jipprovdi li l-esportazzjoni tal-benefiċċji għandha tiġi permessa, stabbilita fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim 118 dwar it-trattament ugwali ta’ ċittadini u persuni li ma humiex ċittadini fil-qasam tas-sigurtà soċjali, adottata f’Genève fit-28 ta’ Ġunju 1964 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (iktar ’il quddiem il-“Ftehim 118 tal-OIX”).

50      Fit-18 ta’ Awwissu 2003, l-Uwv iddeċidiet għalhekk li tagħti lill-konvenuti fil-kawża prinċipali benefiċċju supplimentari sħiħ għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2003. Min-naħa l-oħra, mill-1 ta’ Lulju 2003, l-għoti ta’ dan il-benefiċċju kien tneħħa b’mod definittiv.

51      L-azzjonijiet ippreżentati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali kontra dawn id-deċiżjonijiet ġew miċħuda.

52      B’sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2004 u tat-23 ta’ Awwissu 2004, ir-Rechtbank te Amsterdam iddikjarat bħala fondat ir-rikorsi ġudizzjarji ppreżentati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali u annullat l-imsemmija deċiżjonijiet, billi qieset li t-tneħħija tal-benefiċċju supplimentari li dawn tal-aħħar ibbenefikaw minnu kienet inkompatibbli mhux biss mal-Artikolu 5(1) tal-Ftehim 118 tal-OIX, iżda wkoll mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 u mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), moqrija flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1952 (iktar ’il quddiem, l-“Ewwel Protokoll Addizzjonali”), kif ukoll mal-Artikolu 26 tal-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat fis-16 ta’ Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjoni Unit u li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 1976.

53      Għaldaqstant, l-Uwv ippreżentat appell kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem is-Centrale Raad van Beroep.

54      Wara li kkonstatat, bħalma għamlet ir-Rechtbank te Amsterdam u fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-partijiet fil-kawża pendenti quddiemha, li l-benefiċċji supplimentari mogħtija abbażi tal-WAO, fejn l-għoti ma jiddependix minn evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-persuna li titlob, għandhom jitqiesu bħala benefiċċju ta’ invalidità fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 u jaqa’ għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan tal-aħħar, is-Centrale Raad van Beroep tistaqsi madankollu, minn naħa, kemm fuq l-effett dirett kif ukoll fuq il-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn din tipprojbixxi b’mod assolut il-klawżoli ta’ residenza, filwaqt li, wara d-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata, ir-Regolament Nru 1408/71 ġie emendat fis-sens li din l-istess projbizzjoni ma tapplikax, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-benefiċċji speċjali ta’ natura li ma hijiex kontributtiva.

55      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tesprimi ċerti dubji dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità fil-kuntest tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija.

56      F’dan ir-rigward, kif ir-Rechtbank te Amsterdam diġà ddeċieda, ir-regola ta’ trattament ugwali li tinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 ma tistax tintuża b’mod utli f’din il-kawża, inkwantu din id-dispożizzjoni tapplika biss għal “persuni li huma residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri”, u l-konvenuti fil-kawża prinċipali huma issa residenti fit-Turkija. Madankollu, dan ma jgħoddx għall-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li ma jinkludix riżerva simili.

57      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li dan l-aħħar artikolu għandu effett dirett. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li tipprojbixxi mhux biss id‑diskriminazzjonijiet diretti bbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma indiretta ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal‑użu ta’ kriterji oħra li jiddistingwu, iwassal fil‑fatt għall‑istess riżultat.

58      F’din il-kawża, is-Centrale Raad van Beroep tinnota l-eżistenza ta’ żewġ forom differenti ta’ distinzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tat-TW, li għandhom jiġu evalwati b’mod separat f’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni eventwali tagħhom.

59      L-ewwel nett, huwa minnu li n-numru ta’ persuni li huma intitolati għal benefiċċju u li huma ta’ nazzjonalità li ma hijiex Olandiża, li fosthom hemm grupp sinjifikattiv ta’ ċittadini Torok, u li ma għadx għandhom dritt għall-benefiċċju supplimentari abbażi tat-TW minħabba li ma għadhomx residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa ikbar min-numru ta’ persuni li huma intitolati għal benefiċċju u li huma ta’ nazzjonalità Olandiża, li spiss jibqgħu residenti fit-territorju Olandiż.

60      F’dan ir-rigward, il-ġustifikazzjonijiet invokati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex itemm il-possibbiltà tal-esportazzjoni tal-benefiċċji supplimentari mogħtija abbażi tat-TW huma l-kontroll allegatament diffiċli sabiex tiġi vverifikata s-sitwazzjoni personali u patrimonjali tal-benefiċjarji li ma humiex residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-finanzjament ta’ dan il-benefiċċju mill-baġit tal-Istat, ix-xewqa tal-leġiżlatur nazzjonali li jirritorna għall-qofol tas-sistema tas-sigurtà soċjali, jiġifieri l-allowances ta’ sussidji lir-residenti, kif ukoll in-natura partikolari tat-TW, intiża li ssaħħaħ il-benefiċċju ta’ sigurtà soċjali sabiex jintlaħaq is-salarju minimu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

61      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ kontroll, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-eżistenza ta’ ftehim bilaterali konkluż mar-Repubblika tat-Turkija, li jistabbilixxi l-possibbiltajiet ta’ kontroll f’dan l-Istat. Għaldaqstant, is-Central Raad van Beroep tistaqsi jekk ir-raġunijiet l-oħra, marbuta essenzjalment ma’ raġunijiet ta’ natura finanzjarja, jistgħux jikkostitwixxu ġustifikazzjoni suffiċjenti għad-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża li hija trid tiddeċiedi.

62      It-tieni nett, hemm distinzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, inkwantu l-benefiċċju supplimentari mogħti lill-konvenuti tneħħa kompletament mill-1 ta’ Lulju 2003 minħabba l-fatt li l-partijiet kkonċernati kienu residenti fit-Turkija, filwaqt li l-applikazzjoni tal-iskema tranżitorja għall-finijiet tat-tneħħija progressiv ta’ dan il-benefiċċju mogħti lill-persuni intitolati u li huma ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni jew ta’ ċerti Stati terzi, iżda residenti fit-territorju tal-Unjoni, bdiet biss fl-2007.

63      F’dan il-kuntest, l-Uwv sostniet li d-distinzjoni inkwistjoni għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-għanijiet limitati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jikkonsistu fit-twettiq gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok u li jissaħħu b’mod kontinwu u ekwilibrat ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Istati Membri u t-Turkija. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jingħata l-istess portata bħal dik mogħtija lill-Artikolu 12 KE.

64      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar jekk din ir-raġuni tikkostitwixxix ġustifikazzjoni suffiċjenti għad-differenza fit-trattament ikkonstatat. Hija żżied tgħid li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, hija tixtieq tikseb iktar informazzjoni dwar l-elementi rilevati li jistgħu jippermettulha tevalwa l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom, bħalma huma dawk iggarantiti mill-KEDB u l-Ewwel Protokoll Addizzjonali.

65      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, is‑Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tat-termini kif ukoll ta’ l-għan u tan-natura tad-Deċiżjoni 3/80 u tal-Ftehim [ta’ Assoċjazzjoni], id-dispożizzjoni ta’ l-[ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 3/80 tikkostitwixxi obbligu ċar u preċiż li mhuwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ xi att ulterjuri ieħor, b’tali mod li din id-dispożizzjoni jista’ jkollha effett dirett?

2)      Jekk l-ewwel risposta tingħata risposta affermattiva:

a)      Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 3/80, għandhom jiġu kkunsidrati b’xi mod jew ieħor il-modifikazzjonijiet imwettqa lir-Regolament Nru 1408/71 [3] wara d- 19 ta’ Settembru 1980 fir-rigward ta’ benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji?

b)      L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali anness mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa rilevanti f’dan ir-rigward?

3)      L-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 4a tat-TW Olandiża, li twassal għal distinzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità,

–        l-ewwel nett, safejn in-numru ta’ persuni ta’ nazzjonalità mhux Olandiża, fosthom grupp kbir ta’ ċittadini Torok, li m’għandhomx (jew li m’għadx għandhom) dritt għal benefiċċju supplimentari peress li m’għadhomx residenti fl-Olanda huwa ogħla minn dak ta’ persuni ta’ nazzjonalità Olandiża u,

–        it-tieni nett, safejn il-benefiċċji supplimentari taċ-ċittadini Torok residenti fit-Turkija twaqqfu mill-1 ta’ Lulju 2003 filwaqt li l-benefiċċji supplimentari ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ pajjiżi [Stati] terzi, sakemm huma residenti fit-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea, ma bdewx jitwaqqfu (gradwalment) qabel l-1 ta’ Jannar 2007?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

66      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) għandux effett dirett fl-Istati Membri.

67      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni ta’ ftehim konkluż mill-Komunità ma’ Stati terzi għandha titqies bħala li hija ta’ effett dirett meta, fir-rigward tal-kliem tagħha kif ukoll tal-għan u tan-natura tal-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u preċiż li ma huwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għal intervent ta’ ebda att ulterjuri. L-istess kundizzjonijiet japplikaw meta jkun hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jistgħux ikollhom effett dirett (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Sürül, C‑262/96, Ġabra p. I‑2685, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Fir-rigward tal-kliem tiegħu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jipprojbixxi, b’mod ċar, preċiż u inkundizzjonali, li l-Istati Membri jnaqqsu, jemendaw, jissospendu, jirrevokaw jew jikkonfiskaw il-benefiċċji li din id-dispożizzjoni telenka minħabba l-fatt illi l-persuni li għandhom dritt huma residenti fit-Turkija jew f’territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih tinsab l-istituzzjoni debitriċi.

69      Kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, din ir-regola tistabbilixxi obbligu ta’ riżultat preċiż, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe limitu impost fir-rigward tal-esportazzjoni tad-drittijiet miksuba miċ-ċittadini Torok ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Għalhekk, dan l-obbligu jista’ jiġi invokat minn individwu quddiem qorti nazzjonali sabiex jitlobha ma tapplikax id-dispożizzjonijiet kuntrarji tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri ta’ applikazzjoni supplimentari (ara, b’analoġija, is-sentenza Sürül, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

70      Għalhekk, in-natura tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tiddistingwixxiha b’mod ċar minn dik li tikkaratterizza lid-dispożizzjonijiet tekniċi ta’ koordinament tad-differenti leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali bħalma huma dawk li jinsabu fl-Artikoli 12 u 13 tal-istess deċiżjoni, li kienu inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 1996, Taflan-Met et (C‑277/94, Ġabra p. I‑4085), u li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hemmx effett dirett fit-territorju tal-Istati Membri sa kemm il-miżuri supplimentari indispensabbli għall-implementazzjoni ma ġewx adottati mill-Kunsill.

71      L-interpretazzjoni preċedenti ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tispeċifika li l-projbizzjoni tal-klawżoli ta’ residenza li hija tistabbilixxi tipproduċi l-effetti tagħha “għajr fejn provdut xorta oħra f’din id-deċiżjoni”. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi osservat f’dan ir-rigward li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi l-ebda deroga jew restrizzjoni għall-projbizzjoni tal-klawżoli ta’ residenza stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni.

72      Barra minn hekk, għar-raġunijiet identiċi bħal dawk stabbiliti fil-punti 70 sa 72 tas-sentenza Sürül, iċċitata iktar ’il fuq, il-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jista’ jirregola direttament is-sitwazzjoni tal-individwi ma huwiex f’kontradizzjoni mal-eżami tal-għan u tan-natura tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li miegħu din id-dispożizzjoni hija marbuta.

73      Isegwi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jistabbilixxi regola preċiża u inkundizzjonali li tippermetti li tiġi applikata minn qorti nazzjonali u, għalhekk, tista’ tirregola s-sitwazzjoni legali tal-individwi.

74      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa għandu effett dirett, b’mod li ċ-ċittadini Torok li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt li jużawha direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex ma jiġux applikati r-regoli tad-dritt nazzjonali li jiksru din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

75      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 4 tat-TW, inkwantu din tneħħi l-għoti ta’ benefiċċju supplimentari, mogħti abbażi ta’ liġi nazzjonali, ladarba l-benefiċjarji ta’ dan il-benefiċċju ma jibqgħux residenti fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-klawżoli ta’ residenza fir-rigward tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali li hija ssemmi, li fosthom hemm il-benefiċċji fi flus għall-invalidità.

77      Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-partijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrikonoxxu li benefiċċju soċjali bħalma huwa l-benefiċċju supplimentari, mogħti abbażi ta’ skema ta’ assigurazzjoni soċjali bħal dik stabbilita bil-WAO, għandu jitqies bħala benefiċċju ta’ invalidità fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 u jaqa’, għalhekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess deċiżjoni.

78      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-konvenuti fil-kawża prinċipali huma ċittadini Torok li legalment kienu residenti u ħadmu fit-territorju ta’ Stat Membru. Wara li ħadmu f’attività b’salarju matul ċertu perijodu, huma kisbu d-dritt għal benefiċċji soċjali abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti. F’dan il-każ, dawn kienu l-pensjoni ta’ invalidità, peress li l-partijiet ikkonċernati sabu ruħhom fis-sitwazzjoni li ma setgħux ikomplu jaħdmu, kif ukoll il-benefiċċju supplimentari stabbilit bit-TW, għaliex l-ammont tal-pensjoni li għalih huma kellhom dritt kien inqas mis-salarju minimu. Dawn iż-żewġ benefiċċji tagħhom ingħataw matul ċertu perijodu ta’ żmien, inkluż iż-żmien fit-Turkija wara li rritornaw fl-imsemmi pajjiż, skont l-Artikolu 39(4) tal-Protokoll Addizzjonali li jistabbilixxi l-possibbiltà li jiġu esportati l-pensjonijiet u l-għotjiet ta’ xjuħija, ta’ invalidità u fil-każ ta’ mewt miksuba fl-Istati Membri.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 inkwantu ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka li jibbenefikaw mill-benefiċċji fi flus għall-invalidità miksuba abbażi ta’ liġi ta’ Stat Membru u li issa huma residenti fit-Turkija.

80      Għandu jingħad ukoll, kif diġà ntqal fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li d-Deċiżjoni Nru 3/80 ma tistabbilixxi l-ebda deroga jew restrizzjoni għall-projbizzjoni tal-klawżoli ta’ residenza ddikjarata fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tagħha.

81      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma sodisfatti.

82      Isegwi li ċittadini Torok bħalma huma l-konvenuti fil-kawża prinċipali jistgħu validament jibbażaw ruħhom fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex jeżiġu li l-benefiċċju supplimentari li huma jirċievu abbażi tal-WAO jibqa’ jingħatalhom fit-Turkija.

83      Il-konstatazzjoni preċedenti ma hijiex affettwata mill-fatt li, fir-rigward ta’ benefiċċju soċjali bħalma huwa l-benefiċċju supplimentari, l-iskema attwalment stabbilita bir-Regolament Nru 1408/71 hija differenti minn dik implementata bid-Deċiżjoni Nru 3/80.

84      Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1408/71 ġie emendat wara li r-Regolament Nru 1247/92 ġie adottat. Fil-fatt, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-aħħar regolament fl-1 ta’ Ġunju 1992, il-benefiċċji speċjali fi flus ta’ natura mhux kontributtiva tal-istess tip bħall-benefiċċju supplimentari ġew espressament inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 1408/71, skont l-Artikolu 4(2a) tiegħu.

85      Barra minn hekk, mill-istess data, ir-Regolament Nru 1247/92 daħħal fir-Regolament Nru 1408/71 Artikolu 10a ġdid li introduċa eċċezzjoni għall-obbligu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji stabbilit fl-Artikolu 10(1) ta’ dan l-aħħar regolament.

86      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 647/2005 żied lit-TW, kif emendata fl-2000 bil-BEU, fil-lista li tinsab fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 1247/92, dwar benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributtiva fis-sens tal-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 1408/71, li għalihom l-obbligu ta’ esportazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10 ta’ dan l-aħħar regolament ma japplikax, skont kif stabbilit fl-Artikolu 10a tiegħu.

87      Huwa fuq din il-bażi li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi pproċeda bit-tneħħija, għaċ-ċittadini tal-unjoni, tal-għoti ta’ benefiċċju supplimentari stabbilit preċedentement bit-TW, ladarba l-benefiċjari ma jibqgħux residenti fit-territorju Olandiż.

88      Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, sitwazzjoni li fiha ex ħaddiema migranti Torok li rritornaw lura lejn it-Turkija jibqgħu jibbenefikaw, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, minn benefiċċju soċjali bħalma huwa l-benefiċċju supplimentari, anki jekk dan tneħħa għaċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jibqgħux residenti fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ta l-benefiċċju, ma tistax titqies bħala inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, li jipprovdi li ċittadini Torok ma jistgħux jitqiegħdu f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża mis-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Soysal u Savatli, C‑228/06, Ġabra p.  I‑1031, punt 61).

89      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 39(4) tal-istess Protokoll Addizzjonali jistabbilixxi espressament l-esportazzjoni lejn it-Turkija ta’ ċerti benefiċċji tas-sigurtà soċjali, fosthom il-pensjonijiet u l-għoti ta’ invalidità miksuba mill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar.

90      Min-naħa l-oħra, it-tieni inċiż tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-ħaddiema Torok “li kienu suġġetti” għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, mingħajr ma tispeċifika xejn iktar, filwaqt li, fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema, it-tieni inċiż tal-istess Artikolu 2 jeżiġi li dawn il-membri tal-familja jkunu “residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri”.

91      Fil-fatt, l-applikazzjoni, fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 3/80, tas-sistema attwalment fis-seħħ ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1408/71 fir-rigward tal-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributtivi, twassal biex l-imsemmija deċiżjoni tiġi emendata; madankollu, din is-setgħa, skont l-Artikoli 8 u 22 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, hija rriżervata biss għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

92      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-konvenuti fil-kawża prinċipali rritornaw lejn it-Turkija wara li ntlaqtu minn invalidità fl-Istat Membru ospitanti.

93      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin Tork, li kien jifforma parti mis-suq regolari tal-impjieg ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, ma jistax jislet minn din id-deċiżjoni d-dritt li jibqa’ residenti fit-territorji ta’ dan l-Istat Membru wara li jkun ġarrab inċident fuq il-post tax-xogħol li wassal għall-inkapaċità permanenti ta’ xogħol li twaqfu definittivament milli jaħdem fis-suq tal-impjieg (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt, C‑434/93, Ġabra p. I‑1475, punt 42).

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi validament sostnut li l-partijiet ikkonċernati kienu telqu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti abbażi tar-rieda tagħhom u mingħajr raġunijiet leġittimi u li dan l-aġir kien wassal għat-telf tad-drittijiet miksuba abbażi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2010, Genc, C-14/09, Ġabra p. I-00931, punt 42).

95      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ ex ħaddiema migranti Torok bħalma huma l-konvenuti fil-kawża prinċipali, ladarba huma rritornaw lura lejn it-Turkija wara li tilfu d-dritt tagħhom ta’ soġġorn fl-Istat Membru ospitanti minħabba l-fatt li kienu ntlaqtu minn invalidità f’dan l-Istat Membru, ma tistax, għal ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, tiġi utilment mqabbla ma’ dik taċ-ċittadini tal-Unjoni sa fejn dawn, bħala proprjetarji tad-dritt ta’ moviment fl-Unjoni kif ukoll ta’ soġġorn liberu fit-territorji tal-Istati Membri u jżommu għalhekk id-dritt ta’ soġġorn tagħhom fl-Istat Membru li jagħti l-benefiċċju inkwistjoni, minn naħa, jistgħu jagħżlu li jitilqu mit-territorju ta’ dan l-Istat billi jitilfu, minħabba dan il-fatt, l-għoti ta’ dan il-benefiċċju u, min-naħa l-oħra, għandhom id-dritt li jirritornaw f’kull mument fl-Istat Membru kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin, C‑325/05, Ġabra p. I‑6495, punt 68, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt, C‑303/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa jipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 4 tat-TW, tneħħi l-għoti ta’ benefiċċju bħalma huwa l-benefiċċju supplimentari, mogħti abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward ta’ ex ħaddiema migranti Torok ladarba dawn jirritornaw lura lejn it-Turkija wara li jkunu tilfu d-dritt ta’ soġġorn tagħhom fl-Istat Membru ospitanti minħabba l-fatt li huma kienu ntlaqtu minn invalidità f’dan l-Istat Membru.

 Fuq it-tielet domanda

97      It-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar l-effett, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità “bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti [mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni] skont l-Artikolu 8”.

98      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jikkostitwixxi l-implementazzjoni u l-konkretizzazzjoni, fil-qasam partikolari tas-sigurtà soċjali, tal-prinċipju ġenerali tan-nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (ara s-sentenzi Sürül, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64; tal-14 ta’ Marzu 2000, Kocak u Örs, C‑102/98 u C‑211/98, Ġabra p. I-1287, punt 36, kif ukoll tat-28 ta’ Arpil 2004, Öztürk, C‑373/02, Ġabra p. I‑3605, punt 49).

99      Kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 japplika, min-naħa tiegħu, “bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari ta’ din id-deċiżjoni”.

100    Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-istess deċiżjoni jikkostitwixxi tali dispożizzjoni partikolari dwar il-portata li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fl-ewwel u fit-tieni domanda.

101    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

102    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-subparagrafu 1 tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa għandu effett dirett, b’mod li ċ-ċittadini Torok li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt li jużawha direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex ma jiġux applikati r-regoli tad-dritt nazzjonali li jiksru din id-dispożizzjoni.

2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa jipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 4 tal-liġi dwar is-supplimenti (Toeslagenwet) tas-6 ta’ Novembru 1986, tneħħi l-għoti ta’ benefiċċju bħalma huwa s-suppliment mal-pensjoni ta’ invalidità, mogħti abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward ta’ ex ħaddiema migranti Torok ladarba dawn jirritornaw lura lejn it-Turkija wara li jkunu tilfu d-dritt ta’ soġġorn tagħhom fl-Istat Membru ospitanti minħabba l-fatt li huma kienu ntlaqtu minn invalidità f’dan l-Istat Membru.

3)      L-Artikolu 9 tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq