EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0402

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-7 ta' April 2011.
Ioan Tatu vs Statul român prin Ministerul Finanţelor şi Economiei et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunalul Sibiu - ir-Rumanija.
Taxxi interni - Artikolu 110 TFUE - Taxxa fuq it-tniġġis miġbura meta l-vettura bil-mutur tiġi rreġistrata għall-ewwel darba - Newtralità tat-taxxa bejn vetturi bil-mutur użati importati u vetturi simili li diġà jinsabu fis-suq nazzjonali.
Kawża C-402/09.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:219

Kawża C-402/09

Ioan Tatu

vs

Statul român prin Ministerul Finanţelor şi Economiei et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Sibiu)

“Taxxi interni — Artikolu 110 TFUE — Taxxa fuq it-tniġġis miġbura mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur — Newtralità tat-taxxa bejn vetturi bil-mutur użati importati u vetturi simili li diġà jinsabu fis-suq nazzjonali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Taxxa fuq it-tniġġis imposta fuq vetturi bil-mutur mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fit-territorju nazzjonali

(Artikolu 110 TFUE)

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn prodotti importati u prodotti nazzjonali simili — Prodotti simili — Kunċett

(Artikolu 110 TFUE)

3.        Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Taxxa fuq it-tniġġis imposta fuq vetturi bil-mutur mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fit-territorju nazzjonali

(Artikolu 110 TFUE)

1.        L-Artikolu 110 TFUE jipprekludi lil kull Stat Membru milli jimponi fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ogħla minn dawk imposti fuq prodotti simili nazzjonali. Din id-dispożizzjoni tat-Trattat hija intiża sabiex tiggarantixxi n-newtralità totali tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u prodotti importati. Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati, hemm ksur tal-Artikolu 110 TFUE meta l-ammont tat-taxxa imposta fuq vettura użata importata jeċċedi l-ammont residwu tat-taxxa inkorporata fil-valur tal-vetturi użati simili li diġà huma rreġistrati fit-territorju nazzjonali.

F’dan ir-rigward, sistema li tistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis imposta fuq il-vetturi bil-mutur mal-ewwel reġistrazzoni tagħhom fit-territorju nazzjonali, li tikkunsidra, fil-kalkolu ta’ din it-taxxa, id-deprezzament tal-vettura bil-mutur permezz tal-użu ta’ skali fissi, iddettaljati u bbażati fuq l-istatistika li jikkonċernaw l-elementi relatati mal-età u mal-kilometraġġ annwali medju attwali ta’ din il-vettura, li magħhom jista’ jiżdied, fuq talba tal-persuna taxxabbli u bi spejjeż tagħha, it-twettiq ta’ kontroll dwar l-istat ġenerali tal-imsemmija vettura u tat-tagħmir tagħha, tiżgura li din it-taxxa, meta imposta fuq il-vetturi użati importati, ma teċċedix l-ammont residwu tal-imsemmija taxxa inkorporata fil-valur tal-vetturi użati simili li kienu ġew irreġistrati qabel fit-territorju nazzjonali u li kienu suġġetti, meta dawn ġew irreġistrati, għall-istess taxxa u ma toħloq, għalhekk, ebda diskriminazzjoni indiretta bejn il-vetturi bil-mutur użati importati u dawn tal-aħħar.

(ara l-punti 35, 38, 39, 47)

2.        Il-vetturi bil-mutur preżenti fis-suq fi Stat Membru huma “prodotti nazzjonali” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE. Meta dawn il-prodotti jitqiegħdu għall-bejgħ fis-suq tal-vetturi użati ta’ dan l-Istat Membru, dawn għandhom jitqiesu bħala “prodotti simili” għall-vetturi użati importati tal-istess tip, bl-istess karatteristiċi u tal-istess użu. Fil-fatt, il-vetturi użati mixtrija fis-suq tal-imsemmi Stat Membru u dawk mixtrija, għall-finijiet tal-importazzjoni u tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fih, fi Stati Membri oħra, jikkostitwixxu prodotti kompetituri.

(ara l-punt 55)

3.        L-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis imposta fuq vetturi bil-mutur meta dawn jiġu rreġistrati għall-ewwel darba f’dan l-Istat Membru, jekk din il-miżura fiskali hija stabbilita b’tali mod li tiskoraġġixxi t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, fl-imsemmi Stat Membru, ta’ vetturi użati mixtrija fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma tiskoraġġixxi x-xiri ta’ vetturi użati tal-istess età u tal-istess użu fis-suq nazzjonali.

L-Artikolu 110 TFUE jitlef is-sens tiegħu u l-għan tiegħu jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu taxxi ġodda li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiskoraġġixxu l-bejgħ ta’ prodotti importati favur il-bejgħ ta’ prodotti simili disponibbli fis-suq nazzjonali u introdotti fih qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija taxxi. Sitwazzjoni bħal din tippermetti lill-Istati Membri jevitaw, permezz tal-iffissar ta’ taxxi interni stabbiliti b’mod li l-effett tagħhom ikun dak deskritt iktar ’il fuq, il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 28 TFUE, 30 TFUE u 34 TFUE.

F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li vetturi użati importati u li huma kkaratterizzati minn età u minn użu sinjifikattivi huma, minkejja l-applikazzjoni ta’ tnaqqis kbir tal-ammont tat-taxxa sabiex jitqies id-deprezzament tagħhom, suġġetti għal taxxa li tista’ tqarreb it-30 % tal-valur kummerċjali tagħhom, filwaqt li vetturi simili mibjugħa fis-suq nazzjonali tal-vetturi użati ma huma bl-ebda mod suġġetti għal din it-taxxa, għandha bħala effett li tiddisswadi l-importazzjoni u t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali ta’ vetturi użati mixtrija fi Stati Membri oħra.


(ara l-punti 53, 58, 61 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ April 2011 (*)

“Taxxi interni – Artikolu 110 TFUE – Taxxa fuq it-tniġġis miġbura mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Newtralità tat-taxxa bejn vetturi bil-mutur użati importati u vetturi simili li diġà jinsabu fis-suq nazzjonali”

Fil-Kawża C-402/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunalul Sibiu (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura

Ioan Tatu

vs

Statul român prin Ministerul Finanţelor şi Economiei,

Direcţia Generală a Finanţelor Publice Sibiu,

Administraţia Finanţelor Publice Sibiu,

Administraţia Fondului pentru Mediu,

Ministerul Mediului,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, M. Ilešič (Relatur), E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal I. Tatu, minn D. Târşia, avukat,

–        għall-Gvern Rumen, minn A. Popescu u E. Gane, bħala aġenti, kif ukoll minn V. Angelescu, bħala konsulent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u K. Havlíčková, bħala aġenti

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u L. Bouyon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 90 KE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Tatu u s-Statul român prin Ministerul Finanţelor şi Economiei (Stat Rumen irrappreżentat mill-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi), id-Direcţia Generală a Finanţelor Publice Sibiu (Direttorat ġenerali tal-finanzi pubbliċi ta’ Sibiu), l-Administraţia Finanţelor Publice Sibiu (Amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi ta’ Sibiu), l-Administraţia Fondului pentru Mediu (Amministrazzjoni tal-fondi għall-ambjent) u l-Ministerul Mediului (Ministeru tal-Ambjent), dwar taxxa li I. Tatu kellu jħallas meta rreġistra l-vettura bil-mutur li ġejja minn Stat Membru ieħor.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-“istandards Ewropej dwar it-tniġġis” jirreflettu l-limiti aċċettabbli ta’ emissjonijiet ta’ gass prodotti minn vetturi bil-mutur ġodda mibjugħa fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel minn dawn l-istandards (komunement magħruf bħala “Euro 1”) ġie introdott permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/441/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1991, li temenda d-Direttiva 70/220/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis tal-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 329), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1992. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ir-regoli f’dan il-qasam saru progressivament iżjed stretti, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-arja fl-Unjoni Ewropea.

4        L-istandard “Euro 2” ġie stabbilit b’effett mill-1 ta’ Jannar 1996. Sussegwentement, il-leġiżlatur Komunitarju introduċa standards ġodda. Skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ġunju 2007, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, p. 1), il-limitu attwali fis-seħħ huwa dak tal-istandard “Euro 5” u l-implementazzjoni ta’ standard “Euro 6” hija prevista għas-sena 2014.

5        Barra minn hekk, id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi ( Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU L 263, p. 1), tagħmel distinzjoni bejn il-vetturi tal-kategorija M, li tinkludi l-“[vetturi bil-mutur] b’minn ta’ l-inqas erba’ roti mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ passiġġieri”, u dawk tal-kategorija N, li tinkludi, l-“[vetturi bil-mutur] b’minn ta’ l-inqas erba’ roti mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ merkanzija.” Dawn il-kategoriji huma s-suġġett ta’ subdiviżjonijiet skont in-numru ta’ postijiet bilqiegħda u l-piż massimu (kategorija M), jew biss skont il-piż massimu (kategorija N).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Id-digriet ta’ urġenza Nru 20/2008 li jistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur (Ordonanţă de Urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule), tal-21 ta’ April 2008 (Monitorul Oficial al României, Partea I, Nru 327 tat-28 ta’ April 2008, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 50/2008”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, jistabbilixxi, fl-Artikolu 3 tiegħu, taxxa fuq it-tniġġis għall-vetturi fil-kategoriji M1 sa M3 u N1 sa N3.

7        Skont il-preambolu tal-OUG Nru 50/2008, din it-taxxa tifforma parti mill-miżuri “intiżi li jtejbu l-kwalità tal-arja u li josservaw l-ammonti limiti previsti fil-leġiżlazzjoni tal-[Unjoni] fil-qasam” u hija stabbilita b’mod li “tiggarantixxi l-osservanza tar-regoli [tad-dritt tal-Unjoni] applikabbli, inkluż il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea]”.

8        L-Artikolu 1 tal-OUG Nru 50/2008 jistabbilixxi:

“1.      Dan id-digriet ta’ urġenza jiffissa l-kuntest legali tal-istabbiliment tat-taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur, iktar ’il quddiem imsejħa t-taxxa, li għandha titħallas lura lill-baġit tal-fondi għall-ambjent u li hija amministrata mill-amministrazzjoni tal-fondi għall-ambjent bi ħsieb li jiġu ffinanzjati programmi u proġetti ta’ ħarsien tal-ambjent.

2.      L-ammonti miġbura skont dan id-digriet ta’ urġenza għandhom iservu sabiex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti dwar il-ħarsien tal-ambjent, bħall-:

a)      programm ta’ għajnuna għat-tiġdid tal-park awtomobilistiku nazzjonali;

b)      programm nazzjonali għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent permezz tal-ippjanar ta’ żoni lokali ħodor;

c)      proġetti li jissostitwixxu jew jikkumplimentaw sistemi tradizzjonali ta’ tisħin permezz ta’ sistemi li jużaw l-enerġija solari, ġeotermika jew tar-riħ;

d)      proġetti li jiġġeneraw enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli [...]

[...]”.

9        Skont l-Artikolu 4(a) tal-OUG Nru 50/2008, ikun hemm obbligu ta’ ħlas tat-taxxa “mal-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura fir-Rumanija.” L-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan id-digriet jispeċifika li “[t]-taxxa hija kkalkolata mill-awtorità fiskali kompetenti” u li, “għall-finijiet li tiġi stabbilita t-taxxa, il-persuna fiżika jew ġuridika [...] li tixtieq tipproċedi bir-reġistrazzjoni tal-vettura għandha tippreżenta d-dokumenti li jinkludu l-elementi dwar il-kalkolu tat-taxxa, previsti fir-regolamenti għall-implementazzjoni tad-digriet ta’ urġenza preżenti.”

10      L-Artikolu 5(3) tal-OUG Nru 50/2008 jistabbilixxi li “l-ammont f’LEU tat-taxxa għandu jiġi ddeterminat abbażi tar-rata ta’ kambju stabbilit fl-ewwel jum ta’ xogħol ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”. Għalhekk, l-ewwel rata ta’ kambju applikabbli kienet dik ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 230, p. 2), li kienet tistabbilixxi li EUR 1 kien jiswa daqs LEU 3.3565.

11      L-Artikolu 6 tal-OUG Nru 50/2008 jistabbilixxi:

“1.      L-ammont tat-taxxa li għandu jitħallas għandu jiġi kkalkolat […] skont kif ġej:

[…]

b)      għall-vetturi bil-mutur fil-kategorija M1 li għandhom standard ta’ tniġġis non-Euro, Euro 1 jew Euro 2, skont il-formula segwenti

Ammont = C x D x (100-E) / 100

fejn:

C = daqs tal-magna (kapaċità ċilindrika)

D = taxxa speċifika fuq id-daqs tal-magna msemmija fit-tielet kolonna tat-tabella tal-Anness 2;

E = perċentwali ta’ tnaqqis tat-taxxa indikata fit-tieni kolonna tat-tabella tal-Anness 4;

[…].

3.      Il-perċentwali ta’ tnaqqis imsemmi fl-Anness 4 ġie ffissat skont l-età tal-vettura bil-mutur, l-ammont medju ta’ kilometri annwali, il-kundizzjoni mekkanika u t-tagħmir tal-vettura bil-mutur. Mal-kalkolu tat-taxxa għandu jingħata tnaqqis ieħor fuq is-somma ffissata meta l-fatturi li abbażi tagħhom l-ammont ikun ġie ffissat ivarjaw minn dak l-istandard, skont il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stipulati f’regolamenti għall-implementazzjoni ta’ dan id-digriet ta’ urġenza.

4.      L-età tal-vettura użata hija kkalkolata skont id-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħha.

[…]”.

12      Skont l-Artikolu 10 tal-OUG Nru 50/2008:

“1.      L-ammont imħallas abbażi tat-taxxa jista’ jiġi kkontestat meta l-persuna li ser tirreġistra vettura bil-mutur użata tkun tista’ tipproduċi provi li l-valur tal-vettura tagħha naqas b’mod ħafna ikbar minn dak indikat fl-iskala fissa stabbilita fl-Anness Nru 4.”

2.      L-istima tal-livell ta’ deprezzament għandha ssir fuq il-bażi tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-perċentwali tat-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 6(3).

3.      Fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-karatteristiċi tal-vettura bil-mutur użata previsti fil-paragrafu 2 huma stabbiliti, fuq talba tal-persuna taxxabbli, b’kontroll tekniku bi ħlas mill-Kontroll Awtonomu “Reġistru Rumen tal-vetturi bil-mutur”, abbażi tal-proċedura stabbilita bir-regolamenti għall-implementazzjoni tad-digriet ta’ urġenza preżenti”.

4.      It-tariffa sabiex isir il-kontroll tekniku hija ffissata mill-Kontroll Awtonomu “Reġistru Rumen tal-vetturi” skont l-operazzjonijiet marbuta mal-kontroll u ma tistax taqbeż l-ispejjeż tagħhom.

5.      Ir-riżultat tal-kontroll tekniku huwa mogħti f’dokument redatt mill-Kontroll Awtonomu “Reġistru Rumen tal-vetturi”, li jinkludi l-informazzjoni li tikkorrispondi għal kull waħda mill-elementi stabbiliti fil-paragrafu 2 u l-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżulta minnu.

6.      Id-dokument dwar ir-riżultat tal-kontroll tekniku redatt mill-Kontroll Awtonomu ‘Reġistru Rumen tal-vetturi’ għandu jiġi ppreżentat mill-persuna taxxabbli lill-awtoritajiet fiskali kompetenti.

7.      Meta d-dokument imsemmi fil-paragrafu 6 jiġi rċevut, l-awtorità fiskali kompetenti għandha tipproċedi bil-kalkolu tal-ammont il-ġdid li għandu jitħallas bħala taxxa, li jista’ jwassal għar-rimbors tad-differenza fil-konfront tat-taxxa mħallsa matul ir-reġistrazzjoni.

8.      Persuna li ma tkunx sodisfatta mit-tweġiba mogħtija għall-kontestazzjoni tista’ tressaq l-ilment tagħha lill-qrati kompetenti, skont kif stabbilit bil-liġi.

[…]”.

13      L-Anness Nru 4 tal-OUG Nru 50/2008 huwa redatt kif ġej:

Skala f’perċentwali tat-tnaqqis tat-taxxa

Età tal-vettura

Perċentwali ta’ tnaqqis (%)

1

2

Ġdida

0

≤ xahar

3

> xahar sa 3 xhur inklużi

5

> 3 xhur sa 6 xhur inklużi

8

> 6 xhur sa 9 xhur inklużi

10

> 9 xhur sa sena inkluża

13

> sena sa sentejn inklużi

21

> sentjen sa 3 snin inklużi

28

> 3 snin sa 4 snin inklużi

33

> 4 snin sa 5 snin inklużi

38

> 5 snin sa 6 snin inklużi

43

> 6 snin sa 7 snin inklużi

49

> 7 snin sa 8 snin inklużi

55

> 8 snin sa 9 snin inklużi

61

> 9 snin sa 10 snin inklużi

66

> 10 snin sa 11-il sena inkluża

73

> 11-il sena sa 12-il sena inkluża

79

> 12-il sena sa 13-il sena inkluża

84

> 13-il sena sa 14-il sena inkluża

89

> 14-il sena sa 15-il sena inkluża

93

Iktar minn 15-il sena

95


14      Ir-regolamenti għall-implementazzjoni tal-OUG Nru 50/2008 ġew adottati fl-24 ta’ Ġunju 2008 (Normele metodologice de aplicare a Ordonanţei de urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule, Monitorul Oficial al României, Partea I, Nru 480 tat-30 ta’ Ġunju 2008, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”).

15      L-Artikolu 3(5) u (6) tar-Regolamenti jipprovdi:

“5.      It-taxxa għandha titħallas f’LEU mill-persuna taxxabbli, permezz ta’ trasferiment bankarju jew fi flus kontanti, fl-aġenziji tat-Teżor pubbliku tal-korp fiskali taż-żona li fiha hija rreġistrata bħala persuna taxxabbli jew li fiha għandha d-domiċilju fiskali tagħha, fuq il-kont [...] ‘Fondi disponibbli mit-taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur’ [...].

6.      Fl-aħħar jum ta’ ħidma tax-xahar, l-aġenziji tat-Teżor pubbliku għandhom jittrasferixxu, fuq il-kont […] ‘Fondi disponibbli għall-ambjent’, miftuħ f’isem l-amministrazzjoni tal-fondi għall-ambjent fi ħdan it-Teżor, l-ammonti kollettivi […]”.

16      L-Artikolu 4 tar-Regolamenti, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħhom, intitolat “Il-kalkolu tat-taxxa”, jistabbilixxi fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

“4.      L-elementi li jservu ta’ bażi għall-iffissar tal-perċentwali tat-tnaqqis fl-ammont tat-taxxa dovuta għal vettura bil-mutur meqjusa bħala ‘standard’, perċentwali stabbiliti fl-Anness Nru 4 tal-[OUG Nur 50/2008], huma s-segwenti:

a)      l-età, li tikkonsisti fid-differenza bejn id-data li fiha jsir il-kalkolu u d-data tal-ewwel reġistrazzjoni,

b)      il-kilometraġġ medju annwali:

–      M1 – 15 000 km

–      N1 – 30 000 km

–      M2 u N2 – 60 000 km

–      M3 u N3 – 100 000 km

c)      l-istat ġenerali standard speċifiku għal vettura bil-mutur li tissodisfa l-kundizzjonijiet tekniċi kollha imposti matul l-approvazzjoni u l-ispezzjoni teknika perijodika, skont il-liġi fis-seħħ, u li l-bodi prinċipali tagħha ma jurix sinjal ta’ sadid jew ta’ deterjorament, li ma nżebgħatx mill-ġdid, u li l-aċċessorji tagħha huma f’kundizzjoni tajba u mhux deterjorati u l-elementi ta’ ġol-vettura huma fi stadju tajjeb;

d)       it-tagħmir: kondizzjonatur tal-arja, ABS u airbag.

5.      Għall-vetturi bil-mutur użati li huma rreġistrati għall-ewwel darba fir-Rumanija, id-data tal-ewwel reġistrazzjoni użata fil-kalkolu tat-taxxa hija dik li tinsab fit-taqsima li tikkorrispondi mad-dokument ta’ reġistrazzjoni barranija”.

17      L-Artikolu 5 tar-Regolamenti, li jinsab fil-Kapitolu V tagħhom, intitolat “Determinazzjoni tad-deprezzament attwali ta’ vettura bil-mutur użata” jistabbilixxi:

“1.      L-ammont ta’ taxxa li għandu jitħallas, ikkalkolat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-[OUG Nru 50/2008], jista’ jiġi aġġustat meta l-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni ta’ vettura użata tiddikjara b’ġurament li l-kilometraġġ medju annwali tal-vettura inkwistjoni huwa ogħla mill-kilometraġġ medju annwali meqjus bħala normali għall-kategorija kkonċernata tal-vetturi stabbiliti fl-Artikolu 4(4)(b).

2.      Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, l-ammont tat-taxxa huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżulta mill-perċentwali stabbilit fl-Anness Nru 4 tal-[OUG Nru 50/2008] flimkien mat-tnaqqis addizzjonali stabbilit fl-Anness 1. [...]

3.      Il-kilometraġġ medju annwali huwa kkalkolat skont ir-relazzjoni bejn il-kilometraġġ indikat mill-arloġġ kilometriku tal-vettura u l-età [...]

[...]

6.      L-ammont li għandu jitħallas bħala taxxa [...] jista’ wkoll jiġi aġġustat meta l-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni ta’ vettura użata tipproduċi l-prova, abbażi tal-kontroll tekniku mill-Kontroll Awtonomu ‘Reġistru Rumen tal-vetturi’, li d-deprezzament tal-vettura użata jeċċedi dak indikat fl-iskala fissa stabbilita fl-Anness Nru 4 tal-[OUG Nru 50/2008]

[...]”

18      L-Anness 1 tar-Regolamenti jinkludi t-tabella segwenti:

Skala f’perċentwali ta’ tnaqqis addizzjonali skont il-kilometraġġ medju attwali annwali tal-vettura bil-mutur


Kategorija ta’ vettura

Differenza bejn il-kilometraġġ medju attwali annwali u l-kilometraġġ medju standard annwali (km)

Perċentwali tat-tnaqqis addizzjonali (%)




M1

<5 000

5 001 – 10 000

10 001 – 15 000

15 001 – 20 000

20 001 – 25 000

25 001 – 30 000

>30 001

0

1,0

1,5

2,0

2,5

3,0

3,5




N1

<10 000

10 001 – 20 000

20 001 – 30 000

30 001 – 40 000

40 001 – 50 000

>50 0001

0

1,0

1,5

2,0

2,5

3,0




M2 u N2

<15 000

15 001 – 30 000

30 001 – 45 000

45 001 – 60 000

60 001 – 75 000

>75 001

0

1,0

1,5

2,0

2,5

3,0




M3 u N3

<25 000

25 001 – 50 000

50 001 – 100 000

100 001 – 150 000

150 001 – 200 000

>200 001

0

1,0

1,5

2,0

2,5

3,0


 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Matul ix-xahar ta’ Lulju 2008, I. Tatu, ċittadin Rumen residenti fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, xtara vettura bil-mutur użata fil-Ġermanja. Din il-vettura tinsab fost il-vetturi tal-kategorija M1, għandha kapaċità ċilindrika ta’ 2 155 cm3 u tosserva, fir-rigward tal-emissjonijiet li tipproduċi, l-istandard tat-tniġġis Euro 2. Din ġiet iffabrikata fl-1997 u ġiet rreġistrata fil-Ġermanja fl-istess sena.

20      I. Tatu xtaq jirreġistra l-imsemmija vettura fir-Rumanija. Għal dan il-għan, huwa kellu jħallas is-somma ta’ LEI 7 595 bħala taxxa fuq it-tniġġis prevista fl-OUG Nru 50/2008, skont deċiżjoni mogħtija fis-27 ta’ Ottubru 2008 mill-Administraţia Finanţelor Publice Sibiu.

21      Permezz tar-rikors promotur ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2008 fit-Tribunalul Sibiu, I. Tatu talab li l-konvenuti jiġu kkundannati jirrestitwixxulu l-imsemmija somma. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa sostna li t-taxxa inkwistjoni hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari inkwantu din tinġabar fir-rigward tal-vetturi użati importati fir-Rumanija minn Stat Membru ieħor u li huma rreġistrati għall-ewwel darba fir-Rumanija, filwaqt li din ma tinġabarx fir-rigward ta’ vetturi simili li huma diġà rreġistrati fir-Rumanija u li qed jerġgħu jinbiegħu bħala vetturi użati. Għalhekk, it-taxxa fuq il-vetturi użati importati hija ogħla minn dik fuq il-vetturi simili li diġà huma rreġistrati fir-Rumanija, fatt li jiggwida lill-konsumaturi Rumeni sabiex jixtru dawn tal-aħħar.

22      L-effett sinjifikattiv tad-diskriminazzjoni jintwera mill-fatti tal-kawża prinċipali, fejn il-vettura bil-mutur użata inkwistjoni li nxtrat fil-Ġermanja għal EUR 6 600 hija suġġetta għal taxxa fuq ir-reġistrazzjoni fir-Rumanija li tammonta għal LEI 7 595, ammont li jikkorrispondi għal iktar minn EUR 2 200. Għaldaqstant, l-ammont tat-taxxa mħallsa jaqbeż b’mod kunsiderevoli l-ammont residwu tat-taxxa inkluż fil-valur ta’ vettura simili li hija diġà rreġistrata fir-Rumanija.

23      I. Tatu sostna wkoll li l-għan tal-OUG Nru 50/2008, jiġifieri l-ħarsien tal-ambjent, seta’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri iktar xierqa, bħall-iffissar ta’ taxxa fuq it-tniġġis għall-vetturi bil-mutur kollha fiċ-ċirkulazzjoni u mhux biss għal dawk irreġistrati mill-1 ta’ Lulju 2008.

24      It-Tribunalul Sibiu jikkonferma li t-taxxa stabbilita bl-OUG Nru 50/2008 tinġabar biss fuq il-vetturi bil-mutur irreġistrati għall-ewwel darba fir-Rumanija mill-1 ta’ Lulju 2008, data li fiha daħal fis-seħħ dan id-digriet, u mhux fuq dawk li kienu, qabel din id-data, diġà jiċċirkulaw fit-territorju Rumen.

25      Barra minn hekk, huwa jirreferi għall-emendi sussegwenti tal-OUG Nru 50/2008, li fosthom hemm dawk tal-ewwel, introdotti permezz tad-digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 208/2008, li jistabbilixxi ċerti miżuri dwar it-taxxa fuq it-tniġġis imposta fuq il-vetturi bil-mutur (ordonanţă de Urgenţă a Guvernului nr. 208/2008 pentru stabilirea unor măsuri privind taxa pe poluare pentru autovehicule) tal-4 ta’ Diċembru 2008, (Monitorul Oficial al României, Partea I, Nru 825 tat-8 ta’ Diċembru 2008, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 208/2008”), daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2008.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Sibiu ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Huma d-dispożizzjonijiet tal-O.U.G Nru 50/08 kif emendata sussegwentement inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 KE, u jikkostitwixxu miżura manifestamentament [manifestament] diskriminatorja?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, għalkemm kull domanda preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni tgawdi minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex madankollu tirrispondi meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma hijiex marbuta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et , C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 25, tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, Ġabra p. I‑4629, point 36, kif ukoll tat-2 ta’ Diċembru 2010, Jakubowska, C‑225/09, Ġabra p. I‑0000, punt 28).

28      F’din il-kawża, mill-proċess jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali hija l-OUG Nru 20/2008 fil-verżjoni inizjali tagħha, peress li l-vettura bil-mutur inkwistjoni fl-imsemmija kawża ġiet intaxxata bit-taxxa fuq it-tniġġis fis-27 ta’ Ottubru 2008. Fil-fatt, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-OUG Nru 50/2008 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008 u l-emendi għal dan id-digriet li ġew introdotti permezz tal-OUG Nru 208/2008 daħlu fis-seħħ biss fil-15 ta’ Diċembru 2008.

29      Għalhekk, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, hemm lok li d-domanda magħmula tinftiehem fis-sens li din tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 90 KE jipprekludix sistema tat-taxxa bħal dik stabbilita bl-OUG Nru 50/2008 fil-verżjoni inizjali tiegħu.

30      Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni kif ukoll tal-għan tat-taxxa prevista fl-OUG Nru 50/2008, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 110 TFUE, li kliemu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 90 KE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis li hija imposta fuq vetturi bil-mutur meta dawn jiġu rreġistrati għall-ewwel darba f’dan l-Istat Membru.

31      I. Tatu jsostni, permezz ta’ argument li jikkorrispondi għal dak ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju u miġbur fil-qosor fil-punti 21 sa 23 ta’ din is-sentenza, l-inkompatibbiltà ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 110 TFUE. Il-Gvern Ċek huwa tal-istess fehma. Il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea jiddefendu l-argument oppost.

32      Kif fakkret l-Avukat Ġenerali fil-punti 20 et seq tal-konklużjonijiet tagħha, taxxa miġbura minn Stat Membru meta jiġu rreġistrati fit-territorju tagħha vetturi bil-mutur intiżi li jiċċirkulaw la tikkostitwixxi dazju doganali u lanqas taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE. Taxxa bħal din hija taxxa interna u għalhekk għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 110 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 2003, De Dsninke Bilimportører, C‑383/01, Ġabra p. I-6065, punt 34, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh, C‑290/05 u C‑333/05, Ġabra p. I‑10115, punti 38 sa 41).

33      Barra minn hekk, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE ma jinkludix it-taxxi interni msemmija fl-Artikolu 110 TFUE, taxxa fuq ir-reġistazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi evalwata fir-rigward tar-regoli dwar ir-restrizzjonijiet kwantitattivi għall-importazzjoni u l-miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet bħal dawn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi De Dsninke Bilimportører, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński, C‑313/05, Ġabra p. I-513, punt 50).

34      L-għan tal-Artikolu 110 TFUE huwa li dejjem jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Huwa intiż sabiex ineħħi kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑47/88, Ġabra p. I‑4509, punt 9; Brzeziński, ċċitati iktar ’il fuq, punt 27, u tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev, C‑2/09, Ġabra p. I‑4939, point 37).

35      Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi lil kull Stat Membru milli jimponi fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ogħla minn dawk imposti fuq prodotti simili nazzjonali. Din id-dispożizzjoni tat-Trattat hija intiża sabiex tiggarantixxi n-newtralità totali tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u prodotti importati (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punti 8 u 9, kif ukoll tad-29 ta’ April, Weigel, C‑387/01, Ġabra p. I‑4981, point 66).

36      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li, formalment, is-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita bl-OUG Nru 50/2008 ma tiddistingwixxix la bejn il-vetturi bil-mutur skont l-oriġini tagħhom u lanqas bejn il-proprjetarji ta’ dawn il-vetturi skont iċ-ċittadinanza tagħhom. Fil-fatt, it-taxxa inkwistjoni hija dovuta irrispettivament miċ-ċittadinanza tal-proprjetarju tal-imsemmija vettura, mill-Istat Membru li fih din tal-aħħar ġiet manifatturata u mill-kwistjoni dwar jekk din hijiex vettura li nxtrat fis-suq nazzjonali jew importata.

37      Madankollu, anki jekk il-kundizzjonijiet għal diskriminazzjoni diretta ma humiex issodisfatti, taxxa interna tista’ tkun indirettament diskriminatorja minħabba l-effetti tagħha (sentenza Nádasdi u Németh, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

38      Sabiex isir magħruf jekk taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloqx diskriminazzjoni indiretta bejn il-vetturi bil-mutur użati importati u l-vetturi bil-mutur użati simili diġà preżenti fit-territorju nazzjonali, hemm bżonn, fid-dawl tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk din it-taxxa hijiex newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-vetturi użati importati u l-vetturi użati simili li ġew irreġistrati qabel fit-territorju nazzjonali u li huma suġġetti, minn din ir-reġistrazzjoni, għat-taxxa msemmija fl-OUG Nru 50/2008. Sussegwentement, hemm lok li tiġi eżaminata n-newtralità ta’ din l-istess taxxa bejn il-vetturi użati importati u l-vetturi użati simili li ġew irreġistrati fit-territorju nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 50/2008.

 Newtralità tat-taxxa fir-rigward tal-vetturi użati importati u tal-vetturi użati simili li ġew irreġistrati qabel fit-territorju nazzjonali u suġġetti, minn din ir-reġistrazzjoni, għall-istess taxxa

39      Skont ġurisprudenza stabbilita hemm ksur tal-Artikolu 110 TFUE meta t-taxxa imposta fuq vettura użata importata teċċedi l-ammont residwu tat-taxxa inkorporata fil-valur tal-vetturi użati simili li diġà huma rreġistrati fit-territorju nazzjonali (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1995, Nunes Tadeu, C‑345/93, Ġabra p. I‑479, punt 20; tat-22 ta’ Frar 2001, Gomes Valente, C‑393/98, Ġabra p. I‑1327, punt 23, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2002, Tulliasiamies u Siilin, C‑101/00, Ġabra p. I‑7487, punt 55).

40      Dwar dan is-suġġett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, mill-ħlas ta’ taxxa fuq ir-reġistrazzjoni fi Stat Membru, l-ammont ta’ din it-taxxa tiġi inkorporata fil-valur tal-vettura. Għalhekk, meta vettura rreġistrata fl-Istat Membru kkonċernat sussegwentement tinbiegħ bħala vettura użata f’dan l-istess Stat Membru, il-valur kummerċjali tagħha, li jinkludi l-ammont residwu tat-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni, ikun daqs perċentwali, iddeterminat mid-deprezzament ta’ din il-vettura, tal-valur inizjali tagħha (sentenza Nádasdi u Németh, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). Għalhekk, sabiex tiġi ggarantita n-newtralità tat-taxxa, il-valur tal-vettura użata importata li jintuża bħala bażi taxxabbli għandu jirrifletti l-valur ta’ vettura simili diġà rreġistrata fit-territorju nazzjonali (sentenzi Weigel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑74/06, Ġabra p. I‑7585, punt 28).

41      Sabiex dan ir-riżultat jinkiseb, id-deprezzament attwali tal-vetturi użati importati għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi kkalkolat l-ammont tat-taxxa. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma għandux neċessarjament jagħti lok għal evalwazzjoni jew għal kontroll ta’ kull vettura. Fil-fatt, billi jevita l-piż inerenti għal sistema bħal din, Stat Membru jista’ jistabbilixxi, permezz ta’ skali fissi stabbiliti minn liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u kkalkolati fuq il-bażi ta’ kriterji bħall-età tal-vettura, il-kilometraġġ, l-istat ġenerali, il-metodu ta’ propulsjoni, id-ditta jew il-mudell tal-vettura, valur tal-vetturi użati li, bħala regola ġenerali, ikun qrib ħafna għall-valur attwali tagħhom (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gomes Valente, punt 24, Weigel, punt 73, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, punt 29).

42      Dawn il-kriterji oġġettivi li jservu sabiex jiġi stmat id-deprezzament tal-vetturi bil-mutur ma ġewx elenkati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod fiss (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). Għalhekk, dawn ma għandhomx neċessarjament jiġu applikati b’mod kumulattiv. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ skala bbażata fuq kriterju ta’ deprezzament wieħed biss, bħall-età tal-vettura, ma tiggarantixxix li l-iskala tirrifletti d-deprezzament attwali ta’ dawn il-vetturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Gomes Valente, punti 28 u 29, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, punt 38 sa 42). Madankollu, fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kilometraġġ, l-iskala użata mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma twassalx, bħala regola ġenerali, għal approssimazzjoni raġonevoli tal-valur attwali tal-vetturi użati importati (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

43      Fil-kawża prinċipali, mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta bla ebda dubju li l-ammont tat-taxxa huwa ffissat, minn naħa, skont parametri li jirriflettu sa ċertu punt it-tniġġis ikkawżat mill-vettura, bħaċ-ċilindrata tagħha u l-istandard Euro li din tikkorrispondi għalih, u, min-naħa l-oħra, billi jiġi kkunsidrat id-deprezzament tal-imsemmija vettura. Dan id-deprezzament, li jwassal għat-tnaqqis fl-ammont miksub fuq il-bażi tal-parametri ambjentali, huwa ddeterminat skont, mhux biss l-età tal-vettura (element E fil-formularji stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-OUG Nru 50/2008), iżda wkoll, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(3) tal-OUG Nru 50/2008 u mill-Artikoli 4 u 5 tar-Regolamenti, mill-kilometraġġ medju attwali annwali ta’ din tal-aħħar, sakemm il-persuna taxxabbli tkun ippreżentat dikjarazzjoni li tindika dan il-kilometraġġ. Barra minn hekk, jekk il-persuna taxxabbli tqis li l-età u l-kilometraġġ medju attwali annwali ma jirriflettux, b’mod korrett u suffiċjenti, id-deprezzament reali tal-vettura, hija tista’, skont l-Artikolu 10 tal-OUG Nru 50/2008, titlob li dan jiġi ddeterminat permezz ta’ kontroll li l-ispejjeż tiegħu, imħallsa mill-persuna taxxabbli, ma jistgħux jaqbżu l-ispiża tal-operazzjonijiet marbuta mal-kontroll.

44      Billi tintroduċi, fil-kalkolu tat-taxxa, l-età tal-vettura u l-kilometraġġ medju attwali annwali tagħha, u billi żiedet mal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji t-teħid inkunsiderazzjoni b’mod fakultattiv, bi spejjeż li ma humiex eċċessivi, tal-istat ta’ din il-vettura u tat-tagħmir tagħha permezz ta’ kontroll mill-awtorità kompetenti fil-qasam tar-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża tiggarantixxi li l-ammont tat-taxxa jitnaqqas skont approssimazzjoni raġonevoli tal-valur attwali tal-vettura.

45      Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-fatt li, fl-iskali fissi li jinsabu fl-Anness Nru 4 tal-OUG Nru 50/2008, ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tnaqqis annwali tal-valur tal-vetturi bil-mutur huwa normalment ogħla minn 5 % u li dan id-deprezzament ma huwiex lineari, b’mod partikolari fl-ewwel snin, fejn dan huwa ferm ogħla mis-snin segwenti (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn hekk, il-Gvern Rumen seta’ ġustament iqis li, il-kriterji ta’ deprezzament dwar l-istat tal-vettura u tat-tagħmir tagħha setgħu jiġu debitament applikati biss billi jkun hemm spezzjoni individwali ta’ din il-vettura minn espert u li, sabiex il-kontrolli ma jkunux wisq frekwenti u ma jkunux wisq ta’ piż, kemm amministrattivament kif ukoll finanzjarjament, fuq is-sistema stabbilita, il-persuna taxxabbli tintalab issostni l-ispejjeż tal-kontoll.

47      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li sistema bħal dik stabbilita permezz tal-OUG Nru 50/2008, li tikkunsidra, fil-kalkolu tat-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni, id-deprezzament tal-vettura bil-mutur permezz tal-użu ta’ skali fissi, iddettaljati u bbażati fuq l-istatistika li jikkonċernaw l-elementi relatati mal-età u mal-kilometraġġ annwali ta’ din il-vettura, li magħhom jista’ jiżdied, fuq talba tal-persuna taxxabbli u bi spejjeż tagħha, it-twettiq ta’ kontroll dwar l-istat ġenerali tal-imsemmija vettura u tat-tagħmir tagħha, tiżgura li din it-taxxa, meta imposta fuq il-vetturi użati importati, ma teċċedix l-ammont residwu tal-imsemmija taxxa inkorporata fil-valur tal-vetturi użati simili li kienu ġew irreġistrati qabel fit-territorju nazzjonali u li kienu suġġetti, meta dawn ġew irreġistrati, għat-taxxa msemmija fl-OUG Nru 50/2008.

 Newtralità tat-taxxa fir-rigward tal-vetturi użati importati u fir-rigward tal-vetturi użati simili rreġistrati fit-territorju nazzjonali qabel ma ġiet stabbilita l-imsemmija taxxa

48      I. Tatu josserva li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fir-Rumanija ta’ vettura mixtrija fi Stat Membru ieħor jimplika l-ħlas tat-taxxa fuq it-tniġġis, jiġifieri, fil-każ li jikkonċernah, taxxa ta’ ammont ta’ LEI 7 595 għal vettura b’kapaċità ċilindrika ta’ 2 155 cm3, ta’ standard Euro 2 u mibnija fl-1997, filwaqt li x-xiri, fis-suq Rumen ta’ vetturi użati, ta’ vettura rreġistrata fir-Rumanija qabel id-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 50/2008 u li għandha eżattament l-istess età u l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-imsemmija vettura importata huwa, bħala regola, finanzjarjament ħafna iktar interessanti għaliex l-ebda taxxa b’portata simili għal dik imposta bil-OUG Nru 50/2008 ma hija dovuta jew ma hija inkorporata fil-valur ta’ din il-vettura mixtrija fis-suq Rumen.

49      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Rumen isostni li l-Artikolu 110 TFUE ma jippreġudikax l-awtonomija fiskali tal-Istati Membri u li l-attrattività tas-suq Rumen tal-vetturi użati fil-konfront tas-suq tal-vetturi użati importati, enfasizzata minn I. Tatu, hija dovuta għall-fatt li l-OUG Nru 50/2008 ma japplikax għall-vetturi li ġew irreġistrati fir-Rumanija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet. F’dan ir-rigward, dan il-gvern isemmi l-punt 49 tas-sentenza Nádasdi u Németh, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li l-Artikolu 110 TFUE ma jistax jiġi invokat b’mod utli sabiex jiġi stabbilit effett diskriminatorju ta’ taxxa sempliċiment għaliex din hija imposta fuq vetturi rreġistrati wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwarha u ma hijiex imposta fuq dawk rreġistrati qabel dan id-dħul fis-seħħ

50      F’dan ir-rigward għandu l-ewwel nett jitfakkar, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 49 tas-sentenza Nádasdi u Németh, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Artikolu 90 KE ma huwiex intiż sabiex jimpedixxi lil Stat Membru milli jintroduċi taxxi ġodda jew milli jbiddel ir-rata jew il-bażi ta’ taxxi eżistenti.

51      Barra minn hekk u evidentement, meta Stat Membru jintroduċi liġi fiskali ġdida, huwa jiffissa d-data partikolari li minnha din tibda tapplika. Għaldaqstant, it-taxxa applikata wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi tista’ tkun differenti mir-rata ta’ taxxa fis-seħħ preċedentement. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 49 tal-imsemmija sentenza Nádasdi u Németh, invokata mill-Gvern Rumen, l-imsemmi fatt ma jistax, meħud waħdu, jitqies bħala li għandu effett diskriminatorju bejn is-sitwazzjonijiet preċedentement ikkostitwiti u dawk li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tar-regola l-ġdida.

52      Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija sentenza Nádasdi u Németh ma jirriżulta bl-ebda mod li s-setgħa tal-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ taxxi ġodda hija illimitata. Bil-kontra, skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 110 TFUE għandha tapplika kull darba li taxxa tkun tali li tista’ tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ oġġetti li joriġinaw minn Stati Membri oħra għall-benefiċċju ta’ prodotti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1988, Bergandi, 252/86, Ġabra p. 1343, punt 25; tas-7 ta’ Diċembru 1995, Ayuntamiento de Ceuta, C‑45/94, Ġabra p. I 4385, punt 29, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, C‑221/06, Ġabra p. I‑9643, punt 40).

53      Fil-fatt, l-Artikolu 110 TFUE jitlef is-sens tiegħu u l-għan tiegħu jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu taxxi ġodda li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiskoraġġixxu l-bejgħ ta’ prodotti importati favur il-bejgħ ta’ prodotti simili disponibbli fis-suq nazzjonali u introdotti fih qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija taxxi. Sitwazzjoni bħal din tippermetti lill-Istati Membri jevitaw, permezz tal-iffissar ta’ taxxi interni stabbiliti b’mod li l-effett tagħhom ikun dak deskritt iktar ’il fuq, il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 28 TFUE, 30 TFUE u 34 TFUE.

54      Fir-rigward tat-taxxi imposti fuq il-vetturi bil-mutur, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam jirriżulta li kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi dawn il-miżuri fiskali skont l-evalwazzjonijiet tiegħu. Dawn l-evalwazzjonijiet, bħall-miżuri adottati għall-finijiet tal-implementazzjoni tagħhom, ma għandhomx, madankollu, ikollhom l-effett deskritt fil-punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C‑451/99, Ġabra p. I‑3193, punt 40; tal-15 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑464/02, Ġabra p. I‑7929, punt 74, u tal-1 ta’ Ġunju 2006, De Dsninke Bilimportører, C‑98/05, Ġabra p. I‑4945, punt 28).

55      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-vetturi bil-mutur preżenti fis-suq fi Stat Membru huma “prodotti nazzjonali” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE. Meta dawn il-prodotti jitqiegħdu għall-bejgħ fis-suq tal-vetturi użati ta’ dan l-Istat Membru, dawn għandhom jitqiesu bħala “prodotti simili” għall-vetturi użati importati tal-istess tip, bl-istess karatteristiċi u tal-istess użu. Fil-fatt, il-vetturi użati mixtrija fis-suq tal-imsemmi Stat Membru u dawk mixtrija, għall-finijiet tal-importazzjoni u tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fih, fi Stati Membri oħra, jikkostitwixxu prodotti kompetituri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, punt 17, kif ukoll Kalinchev, punti 32 u 40).

56      Mill-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 110 TFUE jobbliga lil kull Stat Membru jagħżel u jistabbilixxi t-taxxi li huma imposti fuq il-vetturi bil-mutur b’mod li dawn ma jkollhomx l-effett li jiffavorixxu l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u li għalhekk jiskoraġġixxu l-importazzjoni ta’ vetturi użati simili.

57      Fil-kawża prinċipali, minkejja l-preżenza mhux ikkontestata ta’ statistika li turi tnaqqis kunsiderevoli ħafna ta’ reġistrazzjonijiet fir-Rumanija ta’ vetturi importati wara d-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 50/2008, il-Gvern Rumen enfasizza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-għan prinċipali ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa dak tal-ħarsien tal-ambjent.

58      Madankollu, mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta bla ebda dubju li l-effett tal-imsemmija leġiżlazzjoni huwa li vetturi użati importati u li huma kkaratterizzati minn età u minn użu sinjifikattivi huma, minkejja l-applikazzjoni ta’ tnaqqis kbir tal-ammont tat-taxxa sabiex jitqies id-deprezzament tagħhom, suġġetti għal taxxa li tista’ tqarreb it-30 % tal-valur kummerċjali tagħhom, filwaqt li vetturi simili mibjugħa fis-suq nazzjonali tal-vetturi użati ma huma bl-ebda mod suġġetti għal din it-taxxa. Ma jistax jiġi kkontestat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effett tal-OUG Nru 50/2008 huwa li jiddisswadi l-importazzjoni u t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fir-Rumanija ta’ vetturi użati mixtrija fi Stati Membri oħra.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 50 sa 53 ta’ din is-sentenza, li, għalkemm l-Istati Membri għandhom, fil-qasam fiskali, kompetenzi wiesgħin li jippermettulhom jaddottaw varjetà kbira ta’ miżuri, dawn għandhom xorta josservaw il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 110 TFUE.

60      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament osserva I. Tatu, li l-għan tal-ħarsien tal-ambjent sostnut mill-Gvern Rumen, li jikkonkretizza ruħu, minn naħa, permezz tal-projbizzjoni, bl-applikazzjoni ta’ taxxa dissważiva, taċ-ċirkulazzjoni fir-Rumanija ta’ vetturi li partikolarment iniġġsu, bħal dawk li jikkorrispondu għall-istandards Euro 1 u Euro 2 u li għandhom ċilindrata sinjifikattiva, u, min-naħa l-oħra, permezz tal-irkupru tad-dħul iġġenerat minn din it-taxxa sabiex jiġu ffinanzjati proġetti ambjentali, jista’ jintlaħaq b’mod iktar sħiħ u koerenti billi t-taxxa fuq it-tniġġis tiġi imposta fuq kull vettura ta’ dan it-tip li tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni fir-Rumanija. Taxxa bħal din, li l-implementazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ taxxa għaċ-ċirkulazzjoni annwali tista’ perfettament issir, ma tiffavorixxix is-suq nazzjonali tal-vetturi użati għad-detriment tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi użati importati u hija, barra minn hekk, konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

61      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis imposta fuq vetturi meta dawn jiġu rreġistrati għall-ewwel darba f’dan l-Istat Membru, jekk din il-miżura fiskali hija stabbilita b’tali mod li tiskoraġġixxi t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, fl-imsemmi Stat Membru, ta’ vetturi użati mixtrija fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma tiskoraġġixxi x-xiri ta’ vetturi użati tal-istess età u tal-istess użu fis-suq nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis imposta fuq vetturi meta dawn jiġu rreġistrati għall-ewwel darba f’dan l-Istat Membru, jekk din il-miżura fiskali hija stabbilita b’tali mod li tiskoraġġixxi t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, fl-imsemmi Stat Membru, ta’ vetturi użati mixtrija fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma tiskoraġġixxi x-xiri ta’ vetturi użati tal-istess età u tal-istess użu fis-suq nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Fuq