EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0274

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-10 ta' Marzu 2011.
Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler vs Zweckverband für Rettungsdienst und Feuerwehralarmierung Passau.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht München - il-Ġermanja.
Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2004/18/KE - Konċessjoni għal servizz pubbliku - Servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza - Distinzjoni bejn ‘kuntratt pubbliku għal servizzi’ u ‘konċessjoni għal servizzi’.
Kawża C-274/09.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:130

Kawża C-274/09

Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler

vs

Zweckverband für Rettungsdienst und Feuerwehralarmierung Passau

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München)

“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Konċessjoni għal servizz pubbliku — Servizz ta’ għajnuna ta’ emerġenza — Distinzjoni bejn ‘kuntratt pubbliku għal servizzi’ u ‘konċessjoni għal servizzi’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kuntratt pubbliku għal servizzi – Konċessjoni għal servizzi – Kriterji ta’ distinzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(a) u (d) u (4))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Konċessjoni għal servizzi — Kunċett

(Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(d) u (4))

1.        Mill-paragun bejn id-definizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u konċessjoni għal servizzi, ipprovduti, rispettivament, mill-Artikolu 1(2)(a) u (d) u mill-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], jirriżulta li d-differenza bejn kuntratt għal servizzi u konċessjoni għal servizzi tinsab fil-korrispettiv tal-provvista ta’ servizzi. Il-kuntratt ta’ servizzi jinvolvi korrispettiv li, mingħajr ma huwa l-uniku wieħed, jitħallas direttament mill-awtorità kontraenti lill-fornitur ta’ servizzi, filwaqt li, fil-każ ta’ konċessjoni ta’ servizzi, il-korrispettiv tal-provvista ta’ servizzi jikkonsisti fid-dritt tal-operat tas-servizz, jew waħdu, jew flimkien ma’ prezz.

Fil-każ ta’ kuntratt dwar servizzi, il-fatt li l-parti kontraenti ma titħallasx direttament mill-awtorità kontraenti, iżda jkollha d-dritt li tirċievi remunerazzjoni mingħand terzi, jissodisfa r-rekwiżit ta’ korrispettiv, previst fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18. Għalhekk, jekk il-metodu ta’ remunerazzjoni jkun wieħed mill-elementi determinanti sabiex tiġi kklassifikata konċessjoni għal servizzi, il-konċessjoni għal servizzi timplika li l-konċessjonarju jassumi r-riskju marbut mat-twettiq tas-servizzi inkwistjoni u li n-nuqqas ta’ trasferiment lill-fornitur tar-riskju marbut mal-provvista tas-servizzi jindika li t-tranżazzjoni msemmija tikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi u mhux konċessjoni għal servizzi. Sabiex jiġi konkluż li hemm konċessjoni għal servizzi, għad irid jiġi vverifikat jekk il-metodu ta’ remunerazzjoni miftiehem jawtorizzax lill-fornitur li jopera servizz u jimplikax li dan għandu jassumi r-riskju marbut mat-twettiq ta’ dan is-servizz inkwistjoni. Għalkemm l-oriġini ta’ dan ir-riskju jista’ ċertament ikun limitat ħafna, il-klassifikazzjoni bħala konċessjoni għal servizzi teżiġi, madankollu, li l-awtorità kontraenti tittrasferixxi lill-konċessjonarju r-riskju kollu jew, minn tal-inqas, parti sostanzjali mir-riskju tal-operat li huwa jkun suġġett għalih.

(ara l-punti 24-26, 29)

2.        L-Artikolu 1(2)(d) u (4) tad-Direttiva 2004/18/KE, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta r-remunerazzjoni tal-operatur ekonomiku magħżul titħallas kollha minn persuni li huma distinti mill-awtorità kontraenti li tkun tat il-kuntratt li jirrigwarda s-servizzi ta’ għajnuna ta’ emerġenza u li dan l-operatur ekonomiku jassumi r-riskju tal-operat, anki jekk b’mod limitat ħafna, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li l-ammont tad-drittijiet tal-użu tas-servizzi inkwistjoni jiddependi mir-riżultat tan-negozjati annwali ma’ terzi u li ma huwiex żgurat li huwa ser ikopri l-ispejjeż kollha sostnuti fil-kuntest tal-ġestjoni tal-attivitajiet tiegħu skont il-prinċipji stabbiliti mid-dritt nazzjonali, l-imsemmi kuntratt għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ “konċessjoni tas-servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva.

Il-fatt li l-livell tad-drittijiet tal-użu ma huwiex iddeterminat unilateralment mill-fornitur tas-servizzi ta’ għajnuna ta’ emerġenza, iżda permezz ta’ ftehim mal-korpi tas-sigurtà soċjali li għandhom huma stess il-kwalità ta’ awtorità kontraenti u li dawn id-drittijiet ma jitħallsux direttament mill-utenti ta’ dawn is-servizzi lill-fornitur magħżul, iżda minn uffiċċju ċentrali tal-ħlas responsabbli mill-ġbir u mill-għoti ta’ dawn id-drittijiet, fil-forma ta’ ħlas regolari, ma għandu l-ebda effett fuq din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, xorta jibqa’ l-fatt li r-remunerazzjonijiet kollha lill-fornitur ta’ servizzi ikunu ġejjin minn persuni distinti mill-awtorità kontraenti li tkun tagħtu l-kuntratt.

F’dan ir-rigward, għalkemm, fl-istadju preżenti tad-dritt tal-Unjoni, il-kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi ma huma rregolati mill-ebda waħda mid-direttivi li permezz tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu tali kuntratti huma xorta waħda obbligati josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, fil-każ fejn – fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju – il-kuntratt ikkonċernat ikollu interess transkonfinali ċert.

(ara l-punti 28, 48, 49 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Marzu 2011 (*)

“Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Konċessjoni għal servizz pubbliku – Servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza – Distinzjoni bejn ‘kuntratt pubbliku għal servizzi’ u ‘konċessjoni għal servizzi’”

Fil-Kawża C‑274/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler

vs

Zweckverband für Rettungsdienst und Feuerwehralarmierung Passau,

fil-preżenza ta’:

Malteser Hilfsdienst eV,

Bayerisches Rotes Kreuz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler, minn B. Stolz u P. Kraus, avukat,

–        għall-Zweckverband für Rettungsdienst und Feuerwehralarmierung Passau, minn M. Kuffer u D. Bens, avukat,

–        għal Maltaser Hilfsdienst eV, minn W. Schmitz-Rode, avukat,

–        għal Bayerisches Rotes Kreuz, minn E. Rindtorff, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn S. Johannesson, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) u (d) u tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 132).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler (iktar ’il quddiem l-“impriża Stadler”) u Zweckverband für Rettungsdienst und Feuerwehralarmierung Passau (grupp komunali responsabbli mis-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza u mill-emerġenza tan-nirien ta’ Passau, iktar ’il quddiem il-“grupp komunali ta’ Passau”) dwar il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi fil-qasam tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza. Il-partijiet ma jaqblux, b’mod partikolari, dwar il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-kuntratti bħala “kuntratti għal servizzi” jew bħala “konċessjoni għal servizzi”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18 jistabbilixxi:

“[…]

2.      a)     ‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[…]

d)      ‘Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

[…]

4.      ‘Konċessjoni tas-servizz’ huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Il-liġi tal-Bavarja dwar is-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza (Bayerisches Rettungsdienstgesetz, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-Bavarja”) daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2009. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha għall-kawża preżenti huma s-segwenti:

“Artikolu 1 Għan u skop

Din il-liġi tirregola l-għajnuna tal-emerġenza, it-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib, it-trasport tal-morda, l-għajnuna tal-emerġenza fil-muntanji u fl-għerien kif ukoll l-għajnuna tal-emerġenza akwatiċi (servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza). Il-provvista tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza li tkopri t-territorju kollu tikkostitwixxi ħidma għas-servizz pubbliku li għandha tiġi żgurata minn servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza […]

[…]

Artikolu 4      Korpi responsabbli mis-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza

(1)      Il-Landkreise [distretti amministrattivi territorjali] u l-komuni awtonomi għandhom jiżguraw is-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza fis-setturi operazzjonali skont din il-liġi […]

(2)      L-amministrazzjoni ċentrali kompetenti fil-qasam tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza għandha tistabbilixxi permezz ta’ liġi, wara li tkun semgħet il-konfederazzjoni tas-sindakati kkonċernati, is-setturi operazzjonali b’mod li s-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza jkun jista’ jiġi żgurat b’mod effikaċi u razzjonali.

(3)      Il-Landkreise u l-komuni awtonomi li jinsabu fl-istess settur operazzjonali għandhom iwettqu ħidmiethom skont din il-liġi flimkien ma’ sindikat komunali għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza u tal-emerġenza tan-nirien.

[…]

Artikolu 13      Korpi responsabbli mis-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza, tat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u t-trasport tal-morda

(1)      Il-grupp komunali għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza u tal-emerġenza tan-nirien għandu jafda l-eżekuzzjoni fuq l-art tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, tat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u t-trasport tal-morda

1.      lil Bayerisches Rotes Kreuz [Is-Salib l-Aħmar tal-Bavarja]

2.      lil Arbeiter-Samariter-Bund [Għaqda tal-ħaddiema samaritani]

3.      lil Malteser-Hilfsdienst [servizz ta’ għajuna tal-Ordni ta’ Malta]

4.      lil Johanniter-Unfall-Hilfe [volontarji ta’ San Ġwann] jew

5.      lil organizzazzjonijiet ta’ għajnuna simili.

[…]

(2)      Sa fejn l-organizzazzjonijet ta’ għajnuna ma humiex disposti li jaċċettaw inkarigu jew ma humiex f’pożizzjoni li jwettquh, il-grupp komunali għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza u tal-emerġenza tan-nirien għandu jafda lil terzi l-eżekuzzjoni fuq l-art tal-provvista tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza jew iwettaq l-imsemmi inkarigu huwa stess jew permezz tal-intermedjarji tal-membri tiegħu.

(3)      Il-grupp komunali għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza u tal-emerġenza tan-nirien għandu jiddeċiedi fuq l-għażla tal-operatur u fuq il-portata tal-inkarigu tiegħu, wara li jkun debitament qies iċ-ċirkustanzi. Id-deċiżjoni tal-għażla għandha tkun trasparenti u skont kriterji oġġettivi. Il-grupp komunali għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza u tal-emerġenza tan-nirien għandu jippubblika b’mod xieraq id-deċiżjoni li ser jieħu, biex jippermetti li l-fornituri tas-servizzi kkonċernati jkunu jistgħu jippreżentaw il-kandidatura tagħhom.

(4)      Ir-relazzjoni ġuridika bejn il-grupp komunali għas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza u l-emerġenza tan-nirien u l-operatur responsabbli mill-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-għajnuna hija rregolata permezz ta’ kuntratt tad-dritt pubbliku.

[…]

Artikolu 21 Obbligu li tintalab awtorizzazzjoni

(1)      Kull persuna li topera impriża ta’ għajnuna tal-emerġenza, ta’ trasport ta’ pazjenti akkumpanjati minn tabib jew ta’ trasport tal-morda għandha titlob awtorizzazzjoni.

[…]

Artikolu 24 Kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni

[…]

(2)      L-awtorizzazzjoni li tiżgura l-għajnuna tal-emerġenza, ta’ trasport ta’ pazjenti akkumpanjati minn tabib jew ta’ trasport tal-morda fil-kuntest tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza għandha tinħareġ meta […] isir kuntratt tad-dritt pubbliku skont l-Artikolu 13(4) […]

[…]

(4)      L-awtorizzazzjoni tat-trasport tal-morda barra mis-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza għandha tiġi rrifjutata meta jkun jidher li l-użu tagħha ser ikun ta’ dannu għall-interess pubbliku li jiġi pprovdut servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza operazzjonali […]

[…]

Artikolu 32      Ġbir u bażi ta’ drittijiet tal-użu

Il-provvisti tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, li jinkludu l-parteċipazzjoni tat-tobba, jagħtu lok għal ġbir ta’ drittijiet tal-użu. Dawn id-drittijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-ispejjeż li jistgħu jkunu stmati skont il-prinċipji ta’ ġestjoni tal-impriżi u li jikkorrispondu għal servizz tajjeb, għal ġestjoni razzjonali u ekonomika kif ukoll għal organizzazzjoni effikaċi […]

[…]

Artikolu 34      Id-drittijiet tal-użu tal-operaturi tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, tat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u tat-trasport tal-morda

[…]

(2)      Il-korpi tas-sigurtà soċjali għandhom jiftiehmu, b’mod uniformi mal-operaturi tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza jew mal-gruppi reġjonali tagħhom, id-drittijiet tal-użu li huma għandhom iħallsu għas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, għat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u għat-trasport tal-morda […]

(3)      Il-ftehim dwar id-drittijiet tal-użu għandu jiġi konkluż bil-quddiem kull sena.

(4)      L-ispejjeż ta’ għajnuna tal-emerġenza, tat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u tat-trasport tal-morda huma allokati lill-utenti skont kriterji uniformi. L-operaturi jitolbu wkoll id-drittijiet tal-użu miftiehma mal-korpi tas-sigurtà soċjali lill-persuni l-oħra kollha u lill-istituzzjonijiet li jużaw il-provvisti tas-servizz pubbliku tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza.

(5)      Id-drittijiet tal-użu huma bbażati, f’kull każ, fuq l-ispejjeż stmati tas-servizz li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 32 fis-setturi operazzjonali tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza, tat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u tat-trasport tal-morda, kif ukoll fuq in-numru mistenni ta’ interventi matul il-perijodu tal-intervent. L-ispejjeż tal-provvista tas-servizz jinkludu, b’mod partikolari wkoll l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tat-tobba fis-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza, […] kif ukoll l-ispejjeż marbutin mal-attività tal-uffiċċju ċentrali tal-ħlas tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza tal-Bavarja, b’mod konformi mal-paragrafu 8. Il-korpi tas-sigurtà soċjali għandhom jistabbilixxu, f’kull każ, f’negozjati separati mal-operaturi differenti, mal-amministraturi tad-dipartimenti integrati u l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fil-Bavarja, l-ispejjeż stmati li dawn tal-aħħar ikollhom matul il-perijodu rilevanti għal raġunijiet ta’ remunerazzjoni. L-ispejjeż jistgħu jiġu miftiehma bħala baġit.

(6)      Jekk ftehim dwar id-drittijiet tal-użu skont il-paragrafu 2 jew ftehim skont il-paragrafu 5 ma jiġix konkluż sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru tas-sena finanzjarja ta’ qabel il-perijodu ta’ ħlas tad-drittijiet ta’ użu, għandha tinbeda proċedura ta’ arbitraġġ dwar l-ammont ta’ spejjeż stmati u d-drittijiet tal-użu quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ […]. Id-drittijiet tal-użu ma jistgħux jiġu adottati b’mod retroattiv.

(7)      L-ispejjeż stmati miftiehma mal-korpi tas-sigurtà soċjali jew li saru res judicata huma koperti mid-drittijiet irċevuti għall-għajnuna tal-emerġenza, għat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u għat-trasport tal-morda (kumpens tad-dħul). Mal-iskadenza ta’ perijodu ta’ ħlas tad-drittijiet tal-użu, kull operatur, kull amministratur ta’ dipartiment integrat u l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fil-Bavarja għandhom iġibu prova tal-ispejjeż reali f’kont finali u jqabbluhom ma’ dawk miftiehma fil-ftehim fuq l-ispejjeż (preżentazzjoni tal-kontijiet). Fil-każ ta’ differenza bejn l-ispejjeż reali u l-ispejjeż stmati rrikonoxxuti mill-korpi tas-sigurtà soċjali għall-finijiet tal-ftehim dwar l-ispejjeż, ir-riżultat tal-preżentazzjoni tal-kontijiet għandu jiġi inkluż fl-aġenda tal-eqreb negozjati dwar id-drittijiet tal-użu; it-trasferiment ta’ dan ir-riżultat huwa eskluż jekk l-ispejjeż tal-operatur […] jew tal-uffiċċju ċentrali tal-ħlas kienu miftiehma bħala baġit.

(8)      Għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-paragrafi 2 sa 7 u tal-Artikolu 35, għandu jintuża l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fil-Bavarja, li b’mod partikolari għandu bħala xogħol

1.      li jipparteċipa bħala konsulent fil-ftehim dwar id-drittijiet tal-użu previst fil-paragrafu 2 u fil-ftehim previsti fil-paragrafu 5;

2.      li jikkalkola d-drittijiet tal-użu neċessarji fuq il-bażi tal-ispejjeż stmati tal-partijiet ikkonċernati u tan-numru ta’ interventi prevedibbli tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza, u li jipproponihom għal ftehim lill-partijiet ikkonċernati; dan huwa applikabbli wkoll għall-adattament neċessarju tad-drittijiet tal-użu matul is-sena finanzjarja kurrenti;

3.      li jiġbor mingħand il-persuni suġġetti għat-taxxa, id-drittijiet tal-użu tal-provvisti tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza […];

4.      li jwettaq il-kumpens tad-dħul;

5.      li jirrimborsa l-ammonti korrispondenti għall-ispejjeż tas-servizz lill-operaturi tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza [...];

6.      li jikkontrolla l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-operaturi [...] u li jivverifika l-plawżibbiltà u l-preċiżjoni tagħhom;

7.      li jistabbilixxi kont finali globali vverifikat tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza.

F’dan ir-rigward, l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna fil-Bavarja għandu jipprovdi s-servizzi tiegħu mingħajr profitt. Il-partijiet kollha kkonċernati huma marbuta li jgħinu lill-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fil-Bavarja fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu u li jibagħtulu l-informazzjoni u d-dokumenti bil-miktub neċessarji għal dan il-għan.

[...]

Artikolu 48 Tribunali ta’ arbitraġġ

[…]

(3)      It-tribunal ta’ arbitraġġ kompetenti fil-qasam tad-drittijiet tal-użu huwa komposta, mill-president u:

1.      fit-tilwim dwar id-drittijiet tal-użu ta’ għajnuna tal-emerġenza tal-art, minn tliet membri li jirrapreżentaw lill-operaturi tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza fuq l-art u minn tliet membri li jirrappreżentaw il-korpi tas-sigurtà soċjali […]

[…]

(5)      Il-president tat-tribunal tal-arbitraġġ u s-sostitut tiegħu huma nnominati b’mod konġunt mill-operaturi tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza, mill-Għaqda Bavarjana tat-tobba tal-assigurazzjoni tas-saħħa, mill-persuni responsabbli li jiżguraw il-parteċipazzjoni tat-tobba akkumpanjaturi u mill-korpi tas-sigurtà soċjali.

Artikolu 49      Awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza

(1)      L-awtoritajiet responsabbli mill-eżekuzzjoni ta’ din il-liġi […] huma:

1.      il-Ministeru tal-Intern tal-Bavarja bħala amminstratur ċentrali kompetenti fil-qasam tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza […]

[…]

Artikolu 53      Dispożizzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi

(1)      L-amministrazzjoni ċentrali kompetenti fil-qasam tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza tista’ tistabbilixxi permezz ta’ liġi

[…]

11.      l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizzi ta’ għajnua tal-emerġenza fil-Bavarja […]

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5        L-impriża Stadler ipprovdiet servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza għall-grupp komunali ta’ Passau, fil-Bavarja, sal-31 ta’ Diċembru 2008, id-data li fiha l-kuntratti li jorbothom ġew xolti. Hija kkontestat il-validità tal-imsemmi xoljiment quddiem il-Verwaltungsgericht u talbet miżuri provviżorji sabiex tkompli bil-kuntratt sakemm tittieħed deċiżjoni f’kawża prinċipali. It-talbiet kollha tagħha ma ġewx milqugħa.

6        Matul dawn il-proċeduri, il-grupp komunali ta’ Passau ddikjara li kellu f’moħħu li, mingħajr sejħa għal offerti bil-quddiem, jinkariga lil impriżi oħra bl-eżekuzzjoni tal-provvista tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, l-ewwel abbażi ta’ kuntratti temporanji, u sussegwentement jattribwixxi l-kuntratt finali fil-kuntest ta’ proċedura, fuq il-bażi tal-proċedura tal-għażla stabbilita fl-Artikolu 13(3) tal-liġi tal-Bavarja.

7        Il-grupp komunali ta’ Passau kkonkluda kuntratti temporanji mal-Malteser Hilfsdienst eV u mal-Bayerisches Rotes Kreuz.

8        Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2008, l-impriża Stadler ikkontestat il-proċedura segwita mill-grupp komunali ta’ Passau u ressqet azzjoni quddiem il-Vergabekammer (Bord tal-kuntratti pubbliċi), li ċaħad din l-azzjoni bħala inammissibbli.

9        Għalhekk, l-impriża Stadler ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht München.

10      Skont il-qorti tar-rinviju, l-għan tal-proċedura huwa li jiġi ddeterminat jekk il-provvista tas-servizzi inkwistjoni fil-Bavarja għandhiex tiġi kklassifikata bħala “konċessjoni għal servizzi” jew bħala “kuntratt għal servizzi” u l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn din il-klassifikazzjoni. Din tal-aħħar tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18 li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “konċessjoni tas-[għal] servizzi”.

11      Fit-territorju ta’ Passau, il-kuntratti dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza lill-popolazzjoni huma konklużi fil-forma msjeħa “mudell ta’ konċessjoni”, bejn l-awtorità kontraenti, il-grupp komunali ta’ Passau u fornitur ta’ servizzi.

12      L-ammont tal-drittijiet tal-użu previst għall-għoti ta’ dan is-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza huwa miftiehem bejn il-korp tas-sigurtà soċjali u l-fornitur tas-servizz magħżul. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 32 tal-liġi tal-Bavarja, id-drittijiet tal-użu għandhom jiġu konklużi fuq il-bażi tal-ispejjeż li jistgħu jiġu stmati skont il-prinċipji ta’ ġestjoni tal-impriżi u li jikkorrispondu għal servizz tajjeb, għal ġestjoni razzjonali u ekonomika kif ukoll għal organizzazzjoni effiċjenti tas-servizz. L-ispejjeż stmati miftiehma huma koperti mid-drittijiet irċevuti għall-għajnuna tal-emerġenza, għat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u għat-trasport tal-morda. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-korp tas-sigurtà soċjali u l-fornitur dwar l-ammont tad-drittijiet, tribunal tal-arbitraġġ jista’ jintalab li jiddeċiedi u d-deċiżjoni tiegħu tista’ tiġi kkontestata quddiem qrati amministrattivi.

13      Il-fornitur ta’ servizzi magħżul jirċievi d-drittijiet tiegħu mingħand uffiċċju ċentrali tal-ħlas, li huwa nnominat mill-Ministeru tal-Intern tal-Bavarja, li għandu legalment jirrikorri għas-servizzi tiegħu. Dan l-uffiċċju jittrasferixxi lill-fornitur tas-servizzi remunerazzjoni fil-forma ta’ ħlas, ta’ kull ġimgħa jew kull xahar, fuq il-bażi ta’ remunerazzjoni globali annwali kkalkolata bil-quddiem u irrispettivament minn numru ta’ interventi li realment saru. Jekk fl-aħħar tas-sena jidher li jkun hemm defiċit, dan ikun sussegwentement is-suġġett ta’ negozjati.

14      Il-persuni assigurati b’mod privat u l-persuni li ma humiex assigurati, li, skont il-qorti tar-rinviju jirrappreżentaw 10 % tad-debituri, għandhom iħallsu l-istess dritt tal-użu bħall-persuni assigurati b’mod obbligatorju.

15      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-Ġermanja, hemm mod alternattiv għall-provvista ta’ servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, imsejħa “ta’ appalt”. F’ċerti Länder, bħal f’Sachsen, l-awtorità kontraenti responsabbli mis-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza tħallas direttament lill-fornituri tas-servizzi. Id-dipartimenti pubbliċi responsabbli mill-għajnuna tal-emerġenza jiftiehmu dwar din ir-remunerazzjoni fil-kuntest ta’ negozjati mmexxija mal-korpi tas-sigurtà soċjali u sussegwentement jgħadduha lill-fornituri tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza. Dan il-mudell diġà ġie kklassifikat mill-Bundesgerichtshof bħala kuntratt għal servizzi.

16      Id-differenzi bejn il-mudell ta’ appalt ta’ Länder bħal f’Sachsen u l-mudell ta’ konċessjoni ta’ Länder bħal f’Bayern jinsabu fil-fatt li, fl-ewwel każ, id-drittijiet tal-użu stabbiliti mil-liġi huma nnegozjati bejn l-awtorità kontraenti responsabbli mis-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza u awtorità kontraenti oħra (korp tas-sigurtà soċjali) u li l-fornitur tas-servizzi huwa marbut permezz ta’ dan il-ftehim, filwaqt li, fit-tieni każ, il-fornitur tas-servizzi jaqbel fuq l-ammont tad-dritt tal-użu ma’ awtorità kontraenti oħra (il-korp tas-sigurtà soċjali).

17      Għalhekk, għall-qorti tar-rinviju tqum il-kwistjoni dwar jekk is-sempliċi fatt li jintgħażel metodu u mhux ieħor ta’ negozjar jistax iwassal sabiex, f’każ wieħed, is-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza għandu jkun is-suġġett ta’ sejħa għal offerti bħala kuntratt għal servizzi skont id-Direttiva 2004/18 u li, f’każ ieħor, l-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi jistgħux jiġu injorati għaliex il-kuntratt jikkostitwixxi konċessjoni għal servizzi.

18      Barra minn hekk, għall-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li, sabiex tikklassifika konċessjoni għal servizzi pubbliċi, meta r-remunerazzjoni tkun żgurata minn terzi, hemm bżonn li l-kontraenti jassumi r-riskju marbut mat-twettiq tas-servizzi inkwistjoni. Għalhekk, jekk jitqies li l-kriterju li jiddelimita b’mod deċiżiv bejn konċessjoni għal servizzi u kuntratt għal servizzi huwa l-fatt li l-kontraenti jassumi riskju ekonomiku, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-teħid tar-responsabbiltà tar-riskju, tkun liema tkun in-natura tiegħu, huwiex biżżejjed meta r-riskju, li altrimenti kien jaqa’ fuq l-awtorità kontraenti, jiġi totalment assunt.

19      Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, din id-delimitazzjoni hija iktar delikata meta, fil-każ tal-mudell ta’ konċessjoni, il-fornitur tas-servizzi jkun bata biss riskju ekonomiku limitat.

20      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Oberlandesgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Kuntratt dwar servizzi (f’dan il-każ, servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza) li, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, ma jipprevedix li l-awtorità kontraenti tħallas direttament lill-kuntrattur, iżda jipprovdi li:

a)      il-ħlas għall-użu ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti huwa stabbilit fl-ambitu ta’ negozjati bejn il-kuntrattur u terzi, li huma awtoritajiet kontraenti (f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali),

b)      fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, huwa previst li bord ta’ arbitraġġ stabbilit għal dan il-għan jagħti deċiżjoni fuq din il-kwistjoni, liema deċiżjoni hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Istat,

ċ)      il-ħlas ma jsirx direttament mill-utenti, iżda minn uffiċċju ċentrali ta’ ħlas, li l-kuntrattur huwa legalment marbut li jindirizza, u li jħallsu permezz ta’ ħlasijiet b’mod regolari,

għandu jiġi kkunsidrat għal din ir-raġuni biss bħala konċessjoni ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18/KE, u mhux kuntratt għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2004/18?

2)      Jekk għall-ewwel domanda preliminari tingħata risposta negattiva, ikun każ ta’ konċessjoni ta’ servizzi meta r-riskju ta’ operazzjoni marbut mas-servizz pubbliku jkun limitat, minħabba li:

a)      regola leġiżlattiva tipprevedi li l-ħlasijiet għall-użu tas-servizz għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-ispejjeż li jistgħu jiġu stmati skont il-prinċipji ta’ ġestjoni tal-impriżi u li jikkorrispondu għal servizz tajjeb, ġestjoni razzjonali u ekonomika kif ukoll organizzazzjoni effiċjenti,

b)      id-debituri tal-ħlasijiet għall-użu tas-servizz huma istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali solventi,

ċ)      ċerta esklużività tal-operazzjoni hija żgurata fil-qasam stabbilit kuntrattwalment,

iżda l-kuntrattur jassumi bis-sħiħ dan ir-riskju limitat?”

 Fuq id-domandi preliminari

21      Peress li ż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma marbuta, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

22      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kuntratti dwar il-provvista għal servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza lill-popolazzjoni, mogħtija mill-grupp komunali ta’ Passau, huma konklużi fil-forma msejħa “mudell ta’ konċessjoni”. Dan il-mudell ta’ għoti huwa differenti mill-mudell imsejjaħ “ta’ appalt”, li jikkostitwixxi metodu ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 131), inkwantu r-remunerazzjoni, fil-mudell ta’ konċessjoni, ma huwiex żgurat mill-awtorità kontraenti, iżda mill-ammonti miġbura mingħand l-utenti tas-servizz permezz tal-intermedjarju ta’ uffiċċju ċentrali tal-ħlas. Id-drittijiet tal-użu huma miftiehma bejn il-korp tas-sigurtà soċjali u l-fornitur magħżul mill-grupp komunali ta’ Passau.

23      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk tranżazzjoni għandhiex tiġi kklassifikata jew le bħala konċessjoni għal servizzi jew bħala kuntratt għal servizzi pubbliċi għandha tiġi evalwata esklużivament mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-382/05, Ġabra p. I-6657, punt 31, u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Acoset, C‑196/08, Ġabra p. I‑9913, punt 38).

24      Mill-paragun bejn id-definizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u konċessjoni għal servizzi, ipprovduti, rispettivament, mill-Artikolu 1(2)(a) u (d) u mill-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18, jirriżulta li d-differenza bejn kuntratt għal servizzi u konċessjoni għal servizzi tinsab fil-korrispettiv tal-provvista ta’ servizzi. Il-kuntratt għal servizzi jinvolvi korrispettiv, li ma huwiex l-uniku, li jitħallas direttament mill-awtorità kontraenti lill-fornitur ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Parking Brixen, C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punt 39, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 40) filwaqt li, fil-każ ta’ konċessjoni għal servizzi, il-korrispettiv tal-provvista ta’ servizzi jikkonsisti fid-dritt tal-operat tas-servizz, jew waħdu, jew flimkien ma’ ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Eurawasser, C‑206/08, Ġabra p. I-8377, point 51).

25      Fil-każ ta’ kuntratt dwar servizzi, il-fatt li l-kontraenti ma jitħallasx direttament mill-awtorità kontraenti, iżda li għandu d-dritt li jirċievi remunerazzjoni mingħand terzi jissodisfa r-rekwiżit tal-korrispettiv, previst fl-Artikolu 1(4) tad‑Direttiva 2004/18 (ara s-sentenza Eurawasser, iċċitat iktar ’il fuq, punt 57).

26      Għalhekk, jekk il-metodu ta’ remunerazzjoni huwa wieħed mill-elementi determinanti sabiex tiġi kklassifikata konċessjoni għal servizzi, mill-ġurisprudenza jirriżulta, barra minn hekk, li l-konċessjoni għal servizzi timplika li l-konċessjonarju jassumi r-riskju marbut mat-twettiq tas-servizzi inkwistjoni u li n-nuqqas ta’ trasferiment lill-fornitur tar-riskju marbut mal-provvista tas-servizzi jindika li t-tranżazzjoni msemmija tikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi u mhux konċessjoni għal servizzi (sentenza Eurawasser, iċċitat iktar ’il fuq, punti 59 u 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fil-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza hija żgurata mhux mill-awtorità kontraenti li tkun tat il-kuntratt inkwistjoni, iżda mid-drittijiet tal-użu li huwa hu awtorizzat li jimponi, skont il-liġi tal-Bavarja, mingħand il-korpi tas-sigurtà soċjali li l-assigurati bbenefikaw mis-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza tagħhom jew anki mingħand il-persuni assigurati privati u mingħand il-persuni li ma humiex assigurati li jkunu rċevew dawn is-servizzi.

28      Il-fatt li l-livell tad-drittijiet tal-użu ma huwiex iddeterminat unilateralment mill-fornitur tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, iżda permezz ta’ ftehim mal-korpi tas-sigurtà soċjali li għandhom huma stess il-kwalità ta’ awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Hans & Christophorus Oymanns, C‑300/07, Ġabra p. I‑4779, punti 40 sa 59) u li dawn id-drittijiet ma jitħallsux direttament mill-utenti ta’ dawn is-servizzi lill-fornitur magħżul, iżda minn uffiċċju ċentrali tal-ħlas responsabbli mill-ġbir u mill-għoti ta’ dawn id-drittijiet, fil-forma ta’ ħlas regolari, ma għandu l-ebda effett fuq din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, xorta jibqa’ l-fatt li r-remunerazzjonijiet kollha lill-fornitur ta’ servizzi ġejjin minn persuni distinti mill-awtorità kontraenti li tkun tagħtu l-kuntratt.

29      F’kawża bħal din inkwistjoni, sabiex jiġi konkluż li hemm konċessjoni għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18, għad irid jiġi vverifikat jekk il-metodu ta’ remunerazzjoni miftiehem jawtorizzax lill-fornitur li jopera servizz u jimplikax li dan għandu jassumi r-riskju marbut mat-twettiq ta’ dan is-servizz inkwistjoni. Għalkemm l-oriġini ta’ dan ir-riskju jista’ ċertament ikun limitat, il-klassifikazzjoni bħala konċessjoni għal servizzi teħtieġ, madankollu, li l-awtorità kontraenti tittrasferixxi lill-konċessjonarju r-riskju kollu jew, minn tal-inqas, parti sostanzjali mir-riskju tal-operat li huwa jkun suġġett għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eurawasser, iċċitat iktar ’il fuq, punti 77 u 80).

30      Fil-kawża prinċipali, il-grupp komunali ta’ Passau ttrasferixxa għal diversi snin lill-fornituri magħżula kull eżekuzzjoni teknika, amministrattiva u finanzjarja tal-provvista tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, li tagħhom huwa kien responsabbli, skont l-Artikolu 4(1) tal-liġi tal-Bavarja.

31      Għalhekk, il-fornituri magħżula huma responsabbli milli jiżguraw, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kuntratt u mil-liġi tal-Bavarja, is-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fid-distrett amministrattiv tal-grupp komunali ta’ Passau.

32      L-impriża Stadler tikkontesta d-dikjarazzjoni li tipprovdi li, permezz ta’ din it-tranżazzjoni, il-grupp komunali ta’ Passau ttrasferixxa wkoll ir-riskju tal-operat tas-servizzi inkwistjoni lill-fornitur magħżul.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta r-remunerazzjoni tal-fornitur tkun ġejja esklużivament minn terzi, it-trasferiment mill-awtorità kontraenti ta’ riskju tal-operat “limitat ħafna” huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm konċessjoni għal servizzi (ara s-sentenza Eurawasser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

34      Fil-fatt, huwa magħruf li ċerti setturi ta’ attività, b’mod partikolari s-setturi li jolqtu attivitajiet ta’ utilità pubblika, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni li tista’ jkollha l-effett li tillimita r-riskji ekonomiċi inkorsi. B’mod partikolari, għandu jibqa’ jkun possibbli għall-awtoritajiet kontraenti, filwaqt li jaġixxu bil-bona fide, li jiżguraw il-provvista ta’ servizzi permezz ta’ konċessjoni, fil-każ fejn iqisu li dan ikun l-aħjar metodu sabiex jiġi żgurat is-servizz pubbliku kkonċernat, u dan anki jekk ir-riskju marbut mal-operat huwa limitat ħafna (sentenza Eurawasser, iċċitat iktar ’il fuq, punti 72 u 74).

35      F’tali setturi, l-awtoritajiet kontraenti ma għandhom l-ebda influwenza fuq il-modalitajiet tad-dritt pubbliku applikabbli għall-organizzazzjoni tas-servizz, u għalhekk fuq il-livell ta’ riskju li għandu jiġi ttrasferit, u ma huwiex għalhekk raġonevoli li awtorità pubblika li tagħti konċessjoni tintalab toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ riskju ekonomiku iktar għoljin minn dawk li, minħabba l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-settur ikkonċernat, jeżistu f’dan tal-aħħar (ara s-sentenza Eurawasser, iċċitat iktar ’il fuq, punti 75 u 76).

36      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikklassifika konkretament it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa llimitat f’li tipprovdi lill-qorti nazzjonali interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni utli għad-deċiżjoni li hija għandha tieħu fil-kawża li għandha quddiemha (ara s-sentenza Parking Brixen, iċċitat iktar ’il fuq, punt 32). Il-klassifikazzjoni konkreta tal-kuntratt taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk iċ-ċirkustanzi kkonstatati jikkorrispondu għall-kriterji ġenerali stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-riskju tal-operat ekonomiku ta’ servizz għandu jinftiehem bħala riskju espost għall-inċertezzi tas-suq (ara, f’dan is-sens, is- sentenza Eurawasser, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 u 67), li jista’ jikkonsisti fir-riskju ta’ kompetizzjoni minn operaturi oħra, riskju ta’ nuqqas ta’ qbil xieraq bejn l-offertà u t-talba għas-servizzi, riskju ta’ insolvenza tad-debituri minħabba l-prezz tas-servizzi pprovduti, riskju li l-ispejjeż tal-operat ma jiġux kollha koperti mid-dħul jew anki riskju ta’ responsabbiltà ta’ dannu marbut ma’ nuqqas fis-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Contse et, C‑234/03, Ġabra p. I‑9315, punt 22, kif ukoll Hans & Christophorus Oymanns, iċċitat iktar ’il fuq, punt 74).

38      Min-naħa l-oħra, peress illi r-riskji bħal dawk marbuta ma’ amministrazzjoni ħażina jew ma’ żbalji fl-evalwazzjoni tal-operat ekonomiku huma, fil-fatt, inerenti f’kull kuntratt, kemm jekk huwa kuntratt pubbliku għal servizzi jew konċessjoni għal servizzi, dawn ir-riskji ma humiex determinanti għall-iskop li kuntratt jiġi kklassifikat bħala kuntratt pubbliku jew konċessjoni għal servizzi.

39      Fil-kawża prinċipali, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li d-drittijiet tal-użu ma humiex iddeterminati unilateralment mill-fornitur tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza iżda permezz ta’ ftehim mal-korpi tas-sigurtà soċjali fuq il-bażi ta’ negozjati li għandhom isiru ta’ kull sena. Dawn in-negozjati, li r-riżultati tagħhom huma biss parzjalment prevedibbli, jinkludu r-riskju li l-fornitur ta’ servizzi jkollu jaċċetta kundizzjonijiet imposti matul it-tul tal-kuntratt. Dawn il-kundizzjoniijiet jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari mill-ħtieġa li jsiru kompromessi matul in-negozjati jew matul il-proċedura ta’ arbitraġġ fir-rigward tal-livell tad-drittijiet tal-użu.

40      Fid-dawl tal-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju stess, li l-korpi tas-sigurtà soċjali li magħhom il-fornitur magħżul għandu jmexxi dawn in-negozjati jagħtu, fir-rigward tal-obbligi legali tagħhom, importanza li d-drittijiet tal-użu jiġu ffissati f’livell kemm jista’ jkun baxx, l-imsemmi fornitur jassumi għalhekk ir-riskju li l-imsemmija drittijiet ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ispejjeż kollha tal-operat tiegħu.

41      Il-fornitur ta’ servizzi ma jistax jipproteġi ruħu kontra dawn l-eventwalitajiet billi jirrinunzja għat-tkomplija tal-attività tiegħu għaliex, minn naħa, l-investimenti li huwa għamel mhux ser jiġu rkuprati u, min-naħa l-oħra, huwa jista’ jbati konsegwenzi ġuridiċi minħabba d-deċiżjoni tiegħu li jxolji l-kuntratt b’mod antiċipat. Fi kwalunkwe każ, impriża li tispeċjalizza fis-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza għandha biss flessibbiltà limitata fis-suq tat-trasport.

42      It-tieni nett, mil-liġi tal-Bavarja jirriżulta li din ma tiggarantixxix li ser tkopri l-ispejjeż kollha tal-operatur.

43      Fil-każ fejn l-ispejjeż reali tal-operatur imorru, matul perijodu partikolari, lil hinn mill-ispejjeż stmati li servew bħala bażi għall-kalkolu tad-drittijiet tal-użu, l-imsemmi operatur jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni ta’ defiċit u jkollu jiżgura prefinanzjament għal dawn l-ispejjeż permezz tal-mezzi tiegħu. Huwa fatt li t-talba fir-rigward tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza tista’ tvarja.

44      Barra minn hekk, fil-każ ta’ differenza bejn l-ispejjeż reali u l-ispejjeż stmati rrikonoxxuti mill-korpi tas-sigurtà soċjali, ir-riżultat tal-preżentazzjoni tal-kontijiet huwa inkluż biss fl-aġenda tan-negozjati segwenti, u dan ma jobbligax lill-korpi tas-sigurtà soċjali li jikkumpensaw defiċit eventwali matul is-sena segwenti u għalhekk ma hemmx garanzija ta’ kumpens sħiħ.

45      Għandu jingħad ukoll li, għalkemm l-ispejjeż huma stmati bħala baġit, ma jistax ikun hemm trasferiment tar-riżultat pożittiv jew negattiv tal-impriża għas-sena finanzjarja sussegwenti.

46      It-tielet nett, il-fornitur magħżul huwa espost, sa ċertu punt, għar-riskju ta’ falliment tad-debituri tad-drittijiet tal-użu. Huwa minnu li l-parti l-kbira tal-utenti tas-servizzi huma assigurati mill-korpi tas-sigurtà soċjali, iżda parti sostanzjali tal-utenti huma persuni li ma humiex assigurati jew huma assigurati b’mod privat. Għalkemm l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas huwa teknikament responsabbli mill-ġbir tad-dejn ta’ dawn tal-aħħar, huwa la jiġbor id-dejn tal-persuni li ma humiex assigurati jew li huma assigurati b’mod privat u lanqas ma jiggarantixxi l-ħlas effettiv tad-drittijiet tal-użu minn dawn il-persuni. Mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-uffiċċju ċentrali ma għandux il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

47      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-liġi tal-Bavarja ma teskludiex li diversi operaturi jistgħu jkunu awtorizzati li jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-istess żona. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, il-grupp komunali ta’ Passau kkonkluda kuntratti ma’ żewġ fornituri ta’ servizzi.

48      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li, meta r-remunerazzjoni tal-operatur ekonomiku magħżul titħallas kollha minn persuni li huma distinti mill-awtorità kontraenti li tkun tat il-kuntratt li jirrigwarda s-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza u li dan l-operatur ekonomiku jassumi r-riskju tal-operat, anki jekk b’mod limitat ħafna, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li l-ammont tad-drittijiet tal-użu tas-servizzi inkwistjoni jiddependi mir-riżultat tan-negozjati annwali ma’ terzi u li ma huwiex żgurat li huwa ser ikopri l-ispejjeż kollha sostnuti fil-kuntest tal-ġestjoni tal-attivitajiet tiegħu skont il-prinċipji stabbiliti mid-dritt nazzjonali, l-imsemmi kuntratt għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ “konċessjoni għal servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad‑Direttiva 2004/18.

49      Għandu jingħad ukoll li għalkemm, fl-istadju preżenti tad-dritt tal-Unjoni, il-kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi ma huma rregolati mill-ebda waħda mid-direttivi li permezz tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu tali kuntratti huma xorta waħda obbligati jirrispettaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, fil-każ fejn – fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju – il-kuntratt ikkonċernat ikollu interess transkonfinali ċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Wall, C-91/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2)(d) u (4) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta r-remunerazzjoni tal-operatur ekonomiku magħżul titħallas kollha minn persuni li huma distinti mill-awtorità kontraenti li tkun tat il-kuntratt li jirrigwarda s-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza u li dan l-operatur ekonomiku jassumi r-riskju tal-operat, anki jekk b’mod limitat ħafna, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li l-ammont tad-drittijiet tal-użu tas-servizzi inkwistjoni jiddependi mir-riżultat tan-negozjati annwali ma’ terzi u li ma huwiex żgurat li huwa ser ikopri l-ispejjeż kollha sostnuti fil-kuntest tal-ġestjoni tal-attivitajiet tiegħu skont il-prinċipji stabbiliti mid-dritt nazzjonali, l-imsemmi kuntratt għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ “konċessjoni tas-servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq