EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0279

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010.
DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft mbH vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Kammergericht - il-Ġermanja.
Protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni - Dritt ta’ aċċess għal qorti - Għajnuna legali - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta l-għajnuna legali lil persuni ġuridiċi fin-nuqqas ta’ ‘interessi ġenerali’.
Kawża C-279/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13849

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:811

Kawża C-279/09

DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft mbH

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht)

“Protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni — Dritt ta’ aċċess għal qorti — Għajnuna legali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta l-għajnuna legali lil persuni ġuridiċi fin-nuqqas ta’ ‘interessi ġenerali’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stabbiliment mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem — Teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

2.         Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Stabbiliment mill-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta azzjoni legali għall-ħlas ta’ depożitu ta’ spejjeż ta’ proċedura u/jew għal-assistenza ta’ avukat — Esklużjoni ta’ persuna ġuridika, li ma tkunx tista’ tagħmel dan id-depożitu, mill-benefiċċju tal-għajnuna legali —– Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Evalwazzjonijiet mill-qorti nazzjonali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

1.        Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, jeħtieġ, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, “l-istess valur legali bħat-Trattati”. L-Artikolu 51(1) tal-imsemmija Karta jipprovdi fil-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma intiżi għall-Istati Membri meta jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, skont l-ispjegazzjonijiet relattivi għall-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-istess Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(ara l-punti 29-32)

2.        Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex eskluż li dan jiġi invokat minn persuni ġuridiċi u li l-għajnuna mogħtija b’applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju tista’, tkopri, b’mod partikolari, l-eżenzjoni mill-ħlas tad-depożitu fuq l-ispejjeż tal-proċeduri u/jew l-assistenza ta’ avukat.

F’dan ir-rigward hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kundizzjoniijiet għall-għoti tal-għajnuna legali jikkostitwixxux limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-qrati li tippreġudika dan id-dritt fis-sustanza tiegħu stess, jekk humiex intiżi sabiex jilħqu għan leġittimu u jekk teżistix relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imsemmi.

Fil-kuntest ta’ dik l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-kawża, il-probabbiltajiet ta’ suċċess ta’ min jitlob l-għajnuna, il-gravità tal-importanza għalih, il-kumplessità tad-dritt u tal-proċedura applikabbli kif ukoll il-kapaċità ta’ dak li jitlob l-għajnuna li jiddefendi b’mod effettiv il-kawża tiegħu. Sabiex tevalwa l-proporzjonalità, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ammont tal-ispejjeż tal-proċeduri li fuqhom għandu jitħallas depożitu u tal-karattru insuperabbli jew le tal-ostakolu li huma eventwalment jikkostitwixxu għall-aċċess għall-ġustizzja.

Fir-rigward b’mod iktar speċjali tal-persuni ġuridiċi, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-forma u l-għan ta’ lukru jew le tal-persuna ġuridika inkwistjoni kif ukoll il-kapaċità finanzjarja tas-soċji jew azzjonisti tagħha u l-possibbiltà ta’ dawn tal-aħħar, li jiksbu l-ammonti neċessarji għall-preżentata tal-azzjoni legali.

(ara l-punti 59-62 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Diċembru 2010(*)

“Protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni – Dritt ta’ aċċess għal qorti – Għajnuna legali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta l-għajnuna legali lil persuni ġuridiċi fin-nuqqas ta’ ‘interessi ġenerali’”

Fil-Kawża C‑279/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Kammergericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft mbH

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft mbH, minn L. Schwarz, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u R. Holdgaard, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-P. Keppenne u F. Hoffmeister, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn F. Simonetti, I. Hauger u L. Armati, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, kif ġie stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk dan il-prinċipju jeżiġix li tingħata l-għajnuna legali lil persuni ġuridiċi.

2        It-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “DEB”) u l-Bundesrepublik Deutschland li tikkonċerna talba għal għajnuna legali mressqa minn din il-kumpannija quddiem il-qrati Ġermaniżi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE, tas‑27 ta’ Jannar 2003, biex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwimiet bejn il-konfini [transkonfinali] billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 19, Vol. 6, p. 90) huma redatti kif ġej:

“5)      Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni ta’ għajnuna legali f’tilwimiet bejn konfini [transkonfinali] għal persuni li m’għandhomx riżorsi biżżejjed fejn għajnuna tkun meħtieġa biex ikun żgurat aċċess effettiv għal ġustizzja. Id-dritt ġeneralment irrikonoxxut għal aċċess għal ġustizzja huwa wkoll irriaffermat bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”].

[…]

11.      L-għajnuna legali għandha tkopri parir qabel il-litigazzjoni bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim qabel jinbdew proċedimenti ġudizzjarji, assistenza legali biex jinġieb każ quddiem qorti u rappreżentanza fil-qorti u assistenza fl-ispiża tal-proċeduri jew eżenzjoni minnhom.”

4        Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dritt tal-għajnuna legali huwa ddefinit kif ġej fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/8:

“Persuni naturali involuti f’tilwima koperta b’din id-Direttiva għandhom ikunu intitolati biex jirċievu għajnuna legali xierqa biex jiżguraw l-aċċess effettiv għal ġustizzja tagħhom skond il-kondizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 6(3) tad-direttiva msemmija jippreċiża:

“Meta jkunu qegħdin jieħdu deċiżjoni fuq il-meriti ta’ applikazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, [l-i]Stati Membri għandhom iqisu l-importanza tal-każ individwali għal min iressaq l-ilment imma jistgħu wkoll iqisu n-natura tal-każ meta l-applikant ikun qiegħed jitlob danni għar-reputazzjoni tiegħu jew tagħha imma ma jkunx ġarrab telf materjali jew finanzjarju jew meta l-applikazzjoni tikkonċerna pretensjoni kkawżata direttament min-negozju jew il-professsjoni ta’ min jaħdem għal rasu ta’ l-applikant”.

6        L-Artikolu 94(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991 (verżjoni kkonsolidata ppubblikata f’ĠU 2010 C 177, p. 37) huwa redatt kif ġej:

“2.      Kull persuna fiżika li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tistax, totalment jew parzjalment, tkopri l-ispejjeż msemmija fil-paragrafu 1, għandha d-dritt li tibbenefika mill-għajnuna legali.

Is-sitwazzjoni ekonomika tiġi evalwata billi jiġu kkunsidrati elementi oġġettivi bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni familjari.

3.      L-għajnuna legali tiġi miċħuda jekk l-azzjoni, li għaliha hi mitluba, tidher manifestament inammissibbli jew manifestament infondata.”

7        L-Artikolu 95(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal‑25 ta’ Lulju 2007 (verżjoni kkonsolidata ppubblikata f’ĠU 2010, C 177, p. 71) huwa redatt f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 94(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

 Id-dritt nazzjonali

8        L-Artikolu 12(1) tal-liġi dwar l-ispejjeż ġudizzjarji (Gerichtkostengesetz), li jiddefinixxi l-prinċipju ta’ ħlas ta’ depożitu fuq l-ispejjeż ġudizzjarji applikabbli għar-rikorrenti f’kawżi ċivili, huwa redatt kif ġej:

“Fil-kawżi ċivili, ir-rikors għandu jiġi nnotifikat biss wara l-ħlas tat-taxxa proċedurali ġenerali. Fil-każ ta’ estensjoni tar-rikors, ma għandu jsir l-ebda att ġudizzjarju qabel ma titħallas it-taxxa proċedurali ġenerali, anki fil-kuntest ta’ appell”.

9        L-Artikolu 78(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”) jipprevedi:

“Quddiem il-Landgerichte u l-Oberlandesgerichte, il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat […]”

10      Skont l-Artikolu 114 taz-ZPO:

“Parti li, minħabba s-sitwazzjoni personali u finanzjarja tagħha, ma tistax tħallas l-ispejjeż ta’ kawża, jew li tista’ tħallashom biss parzjalment jew bin-nifs, għandha tikseb l-għajnuna legali meta titlobha jekk l-azzjoni jew id-difiża f’azzjoni legali prevista toffri possibbiltajiet suffiċjenti ta’ suċċess u ma tidhirx li tkun frivola […]”

11      L-Artikolu 116 taz-ZPO jiddikjara:

“Għandhom jiksbu l-għajnuna legali meta jitolbuha

1.      […]

2.      persuna ġuridika jew assoċjazzjoni li jkollha locus standi u li tkun twaqqfet u ġiet stabbilita […] fil-Ġermanja, meta la hija u lanqas il-persuni li jkollhom sehem ekonomiku fis-suġġett tal-kawża ma jkunu jistgħu jħallsu l-ispejjeż u li r-rinunzja tal-azzjoni jew tad-difiża f’azzjoni legali tmur kontra xi interessi ġenerali.”

12      L-Artikolu 122(1) taż-ŻPO jipprovdi:

“L-għoti tal-għajnuna legali għandha bħala effett li

1.      is-sistema fiskali tal-Istat Federali jew tal-Land tista’ teżiġi mingħand il-parti kkonċernata l-ħlas

a)      tal-ispejjeż ġudizzjarji u tal-marixxal li saru jew li għad irid jsiru,

b)      tal-ħlas tad-djun       dovuti lill-avukati maħtura, li ġew ittrasferiti lilha,

biss skont id-dispożizzjonijiet tal-qorti;

2.      il-parti għandha tinħeles mill-obbligu li tipprovdi garanzija għall-ispejjeż tal-proċedura;

3.      l-avukati maħtura ma jistgħux jitolbu drittijiet mingħand il-parti kkonċernata.

[…]”

13      L-Artikolu 123 taz-ZPO huwa redatt kif ġej:

“L-għoti tal-għajnuna legali ma għandux ikollu effett fuq l-obbligu tar-rifużjoni tal-ispejjeż sostnuti mill-parti opposta”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      DEB qed titlob l-għajnuna legali sabiex tippreżenta kawża għad-danni kontra l-Bundesrepublik Deutschland abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

15      DEB titlob kumpens għad-dewmien tal-imsemmi Stat Membru fl-implementazzjoni tad-Direttivi 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ġunju 1998, li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 28), u 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), li kellhom jippermettu aċċess mingħajr diskriminazzjoni għan-netwerks tal-gass nazzjonali. Minħabba dak id-dewmien fl-implementazzjoni, ir-rikorrenti prinċipali ma setgħetx tikseb aċċess għan-netwerks tal-gass ta’ operaturi Germanżi, u dan wassalha sabiex titlef profitt ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 3.7 biljun provenjenti minn kuntratti ta’ provvista ta’ gass konklużi ma’ fornituri.

16      Minħabba n-nuqqas ta’ dħul u ta’ patrimonju, DEB, li bħalissa ma għandha la impjegati u lanqas kredituri, ma tistax tħallas id-depożitu fuq l-ispejjeż skont l-Artikolu 12(1) tal-liġi dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, li jammontaw għal EUR 274 368.

17      Hija lanqas ma għandha l-mezzi sabiex tkun irrappreżentata minn avukat, liema rappreżentazzjoni hija waħda obbligatorja fil-kawża prinċipali.

18      Il-Landgericht Berlin irrifjutat li tagħti l-għajnuna legali minħabba li l-kundizzjonijiet imposti mill-punt 2 tal-Artikolu 116 taż-ZPO ma ġewx sodisfatti.

19      Il-Kammergericht, li quddiemha nstemgħet il-kawża fl-appell, qieset bl-istess mod li l-kundizzjonijiet imposti mill-punt 2 tal-Artikolu 116 taz-ZPO ma ġewx sodisfatti.

20      Hija kkunsidrat, billi rriferiet għall-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof li tirrigwarda dik id-dispożizzjoni, li f’din il-kawża, rinunzja għall-azzjoni legali ma tmurx kontra l-interessi ġenerali. Dan jista’ jkun il-każ biss jekk id-deċiżjoni tkun tikkonċerna partijiet sinjifikattivi tal-popolazzjoni jew tal-ħajja ekonomika jew li jista’ jkollha konsegwenzi soċjali (ara d-digriet tal-Bundesgerichtshof tal‑20 ta’ Diċembru 1989, VIII ZR 139/89). Rinunzja għall-azzjoni legali tista’ tmur kontra l-interessi ġenerali meta din twaqqaf persuna ġuridika milli tkompli twettaq missjoni ta’ interess ġenerali jew inkella meta l-eżistenza ta’ dik il-persuna ġuridika tkun tiddependi mir-rikors li hija tipprevedi li tippreżenta u meta tkun taffettwa l-impjiegi jew meta numru kbir ta’ kredituri jkunu qegħdin f’riskju li jiġu ppreġudikati. Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandha bħalissa la impjegati u lanqas kredituri.

21      Ċertament, il-kunċett ġuridiku ta’ “interessi ġenerali” jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ġenerali kollha possibbli favur il-persuna ġuridika (ara d-digriet tal-Bundesgerichtshof tal‑24 ta’ Ottubru 1990, VIII ZR 87/90). Madankollu, bħal regola ġenerali, ma huwiex suffiċjenti li tittieħed deċiżjoni korretta sabiex tkun tikkorrispondi għall-interess ġenerali. Lanqas ma huwa suffiċjenti, li sabiex tiġi deċiża l-kawża, għandhom jingħataw risposti għal kwistjonijiet ta’ dritt ta’ interess ġenerali (ara d-digriet tal-Bundesgerichtshof tal‑24 ta’ Ottubru 1990, iċċitat iktar ’il fuq). F’tali każ, bħal f’din il-kawża, minbarra n-nuqqas ta’ għoti ta’ sentenza, jonqos inkonvenjent effettiv li jikkonċerna l-kollettività. DEB tammetti hija stess li kundanna tal-Bundesrepublik Deutschland ma tistax tixpruna direttament il-ftuħ tas-suq tal-enerġija li hija invokat sabiex tiġġustifika l-allegazzjoni li r-rikors tagħha jaqa’ taħt l-interess ġenerali fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 116 taz-ZPO.

22      L-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-leġiżlatur Ġermaniż, ma tippermettix estensjoni u applikazzjoni tagħha għal kwalunkwe effett, anki indirett. Il-ġurisprudenza dejjem ikkunsidrat, filwaqt li tinvoka x-xogħol preparatorju taz-ZPO, li huwa neċessarju li, minbarra l-persuni li jkollhom interess ekonomiku fil-kawża, għandha tkun affettwata kategorija kbira ta’ persuni minn rinunzja għall-azzjoni legali.

23      Il-punt 2 tal-Artikolu 116 taż-ŻPO huwa wkoll konformi mal-Kostituzzjoni (Grundgesetz). B’mod partikolari, il-fatt li l-kundizzjonijet imposti għall-għoti tal-għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi huma iktar stretti meta mqabbla ma’ dawk meħtieġa għall-persuni fiżiċi ma huwiex kritikabbli mil-lat tad-dritt kostituzzjonali.

24      Il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) irripetiet dan kollu diversi drabi. L-għoti tal-għajnuna legali jikkostitwixxi fl-aħħar mill-aħħar miżura ta’ għajnuna soċjali derivata mill-prinċipju tal-Istat soċjali, u li hija neċessarja għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, li ma tikkonċernax il-persuni ġuridiċi. Dawn tal-aħħar huma kreazzjonijiet atrifiċjali, taħt forma ġuridika awtorizzata mill-ordinament ġuridiku ta’ Stat, li għandhom għan prattiku. Dik il-forma ġuridika toffri vantaġġi ekonomiċi lill-assoċjati, b’mod partikolari l-limitazzjoni tal-portata tar-responsabbilità tal-assi tal-kumpannija. Barra minn dan, il-persuna ġuridika għandha jkollha assi suffiċjenti. Din tal-aħħar hija kundizzjoni għall-kreazzjoni tagħha u hija neċessarja għall-eżistenza ulterjuri tagħha. Din hija r-raġuni għala, fil-prinċipju, il-persuna ġuridika ma hijiex ġġustifikata li tiġi rrikonoxxuta mill-ordinament ġuridiku ħlief jekk hija tkun f’pożizzjoni li ssegwi l-għan tagħha u twettaq il-missjoni tagħha bil-mezzi tagħha stess. Konsegwentement, il-punt 2 tal-Artikolu 116, taż-ŻPO jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-persuni ġuridiċi (ara d-digriet tal-Bundesverfassungsgericht tat‑3 ta’ Lulju 1973, 1 BvR 153/69).

25      Il-Kammergericht tistaqsi madankollu jekk ir-rifjut li tingħata l-għajnuna legali lil DEB sabiex tippreżenta rikors għad-danni kontra l-Istat abbażi tad-dritt tal-Unjoni jistax imur kontra l-prinċipji ta’ dak id-dritt, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, tali rifjut sempliċiment iwaqqaf lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli tagħmel rikors għad-danni kontra l-Istat abbażi ta’ dak id-dritt. B’hekk, ikun għaliha prattikament impossibbli, jew tal-inqas eċċessivament diffiċli, li tikseb kumpens. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi r-responsabbiltà tal-Istat abbażi tad-dritt tal-Unjoni mill-ħtieġa tal-effettività sħiħa tal-liġijiet ta’ dan tal-aħħar, u dan preċiżament sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-persuni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357), isostni din l-interpretazzjoni.

26      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kammergericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Peress li l-istruttura nazzjonali tal-kundizzjonijiet legali għall-għoti ta’ kumpens għal danni u tal-proċedura għal kawża għad-danni kontra l-Istat abbażi tad-dritt [tal-Unjoni], ma tistax tagħmel il-kisba ta’ kumpens għad-danni, abbażi tal-prinċipju tar-responsabbiltà tal-istat, prattikament impossibbli jew eċċezzjonalment diffiċli, huwa problematiku li leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ rimedju legali għall-ħlas ta’ depożitu fuq l-ispejjeż u tipprovdi li ma tistax tingħata għajnuna legali lil persuna ġuridika li ma tkunx tinsab f’pożizzjoni li tħallas dan id-depożitu?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kawża għad-danni kontra l-Istat ippreżentata abbażi tal-imsemmi dritt, dak il-prinċipju jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ azzjoni legali għall-ħlas ta’ depożitu fuq l-ispejjeż u tipprovdi li l-għajnuna legali ma tistax tingħata lil persuna ġuridika, anki jekk din tal-aħħar ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas dan id-depożitu.

28      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza ferm stabbilita, il-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi li huma intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tal-liġi tal-Unjoni ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5; tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 43, u tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 46). Il-qorti nazzjonali tistaqsi essenzjalment jekk il-fatt li persuna ġuridika ma tistax tibbenefika mill-għajnuna legali jirrendix l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha prattikament impossibbli fis-sens li tali persuna ġuridika ma tkunx f’pożizzjoni li jkollha aċċess għal qorti minħabba l-impossibbiltà għaliha li tħallas depożitu fuq l-ispejjeż legali u li tikseb l-assistenza ta’ avukat.

29      Id-domanda magħmula tikkonċerna wkoll id-dritt ta’ persuna ġuridika għal aċċess effettiv għall-ġustizzja u għaldaqstant, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dak il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punti 18 u 19; tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 14; tas‑27 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑424/99, Ġabra p. I‑9285, punt 45; tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 39; tad‑19 ta’ Ġunju 2003, Eribrand, C‑467/01, Ġabra p. I‑6471, punt 61, u Unibet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

30      Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, jeħtieġ, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-Karta, li għandha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, “l-istess valur legali bħat-Trattati”. L-Artikolu 51(1) tal-imsemmija Karta jipprovdi fil-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma intiżi għall-Istati Membri meta jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

31      F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura, għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu. Skont it-tieni paragrafu tal-istess artikolu, kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata. It-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu jipprovdi speċifikament li għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.

32      Skont l-ispjegazzjonijiet relattivi għal dak l-artikolu li, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

33      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jeħtieġ li tiġi rriformulata d-domanda magħmula fis-sens li hija tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilita fl-Artikolu 47 tal-Karta, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kawża għad-danni kontra l-Istat ippreżentata abbażi tad-dritt tal-Unjoni, dik id-dispożizzjoni tipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ azzjoni legali għall-ħlas ta’ depożitu fuq l-ispejjeż u tipprovdix li l-għajnuna legali ma tistax tingħata lil persuna ġuridika, anki jekk din ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas dan id-depożitu.

34      Mill-Artikolu 122(1) taz-ZPO jirriżulta li l-għajnuna legali tista’ tkopri kemm l-ispejjeż legali kif ukoll il-ħlas tad-djun dovuti lill-avukati. Peress li l-qorti nazzjonali ma ppreċiżatx jekk id-domanda magħmula tirrigwardax l-aspett biss tad-depożitu fuq l-ispejjeż ġudizzjarji, hemm lok li jiġu eżaminati dawn iż-żewġ aspetti.

35      Fir-rigward tal-Karta, l-Artikolu 52(3) ta’ din tal-aħħar jippreċiża li, sakemm din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, is-sinjifikat u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni. Skont l-ispjegazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, is-sens u l-portata tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test tal-KEDB, iżda wkoll, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. It-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tipprovdi li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) ma żżommx lid-dritt tal-Unjoni milli jipprovdi protezzjoni iktar estensiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Otturbu 2010, McB., C‑400/10 PPU, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53).

36      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-Artikolu 47(3) tal-Karta, l-aħħar paragrafu tal-ispjegazzjoni relattiva għal dak l-artikolu isemmi s-sentenza Airey vs L-Irlanda tad‑9 ta’ Ottubru 1979 (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Serje A n° 32, p. 11), li skontha għajnuna legali għandha tingħata meta n-nuqqas ta’ tali għajnuna jkun jirrendi ineffikaċi l-garanzija ta’ rimedju legali effettiv. Ma ġiex ippreċiżat jekk tali għajnuna għandhiex tingħata lil persuna ġuridika u lanqas in-natura tal-ispejjeż koperti minnha.

37      Jeħtieġ li dik id-dispożizzjoni tiġi interpretata fil-kuntest tagħha, fid-dawl ta’ testi oħra tad-dritt tal-Unjoni, tad-dritt tal-Istati Membri u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

38      Kif irrilevat il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjoniet bil-miktub tagħha, it-terminu “persuna” użat fl-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta jista’ jirrigwarda individwi, iżda, mill-perspettiva purament lingwistika, dan ma jeskludix il-persuni ġuridiċi.

39      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, jekk l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta ma jagħtu ebda kjarifika f’dan is-suġġett, l-użu tat-terminu “Person”, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-imsemmi Artikolu 47, kuntrarjament għat-terminu “Mensch”, użat f’diversi dispożizzjonijiet oħra, pereżempju fl-Artikoli 1, 2, 3, 6, 29, 34 u 35 ta’ dik il-Karta, jista’ jindika li l-persuni ġuridiċi ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu 47.

40      Barra minn dan, id-dritt għal rimedju legali effettiv quddiem qorti, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jinstab taħt it-Titolu VI ta’ din tal-aħħar, dwar il-ġustizzja, li fih hemm stabbiliti prinċipji proċedurali oħra li japplikaw għal persuni kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi.

41      Il-fatt li d-dritt tal-benefiċċju ta’ għajnuna legali ma jinstabx fit-Titolu IV tal-Karta, dwar is-solidarjetà, jindika li dak id-dritt ma huwiex maħsub prinċipalment bħala għajnuna soċjali, bħalma donnu li jidher li huwa l-każ fid-dritt Ġermaniż, peress li dan huwa element invokat mill-Gvern Ġermaniż sabiex isostni li dik l-għajnuna għandha tkun irriżervata għall-persuni fiżiċi.

42      Bl-istess mod, l-inklużjoni tad-dispożizzjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna legali fl-artikolu tal-Karta li jirrigwarda d-dritt għal rimedju effettiv tindika li l-evalwazzjoni tan-neċessità tal-għoti ta’ dik l-għajnuna għandha ssir billi jittieħed bħala l-punt tat-tluq, id-dritt tal-persuna stess li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni nkisru u mhux l-interess ġenerali tas-soċjetà, anki jekk dan tal-aħħar jista’ jkun wieħed mill-elementi ta’ evalwazzjoni tan-neċessità tal-għajnuna.

43      Fir-rigward ta’ testi oħra tad-dritt tal-Unjoni invokati mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u mill-Kummissjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2003/8, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn ma jipprovdux l-għoti tal-għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi. Minn dan madankollu ma tistax tiġi dedotta l-konklużjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, meta jirriżulta, minn naħa waħda, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva u, min-naħa l-oħra, mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li dawn it-testi huma intiżi għal kategoriji speċifiċi ta’ kawżi.

44      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 76 sa 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżami tad-dritt tal-Istati Membri juri n-nuqqas ta’ prinċipju verament komuni kondiviż mill-kollettività ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam tal-attribuzzjoni tal-għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi. Min-naħa l-oħra, fil-punt 80 tal-imsemmija konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali rrileva wkoll li, fil-prattika tal-Istati Membri li jagħtu l-għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi, teżisti distinzjoni, relattivament komuni bejn il-persuni ġuridiċi li jkollhom għanijiet ta’ lukru u dawk li jkollhom għanijiet mhux ta’ lukru.

45      L-eżami tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem juri li, diversi drabi, din il-qorti fakkret li d-dritt ta’ aċċess għal qorti jikkostitwixxi element inerenti tad-dritt għal smigħ xieraq ddikajarat fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza McVicar vs Ir-Renju Unit tas‑7 ta’ Mejju 2002, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2002-III, § 46). Jeħtieġ f’dan ir-rigward li r-rikorrent jingħata l-possibbiltà li jiddefendi b’mod utli l-kawża tiegħu quddiem il-qorti (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Steel u Morris vs Ir-Renju Unit tal‑15 ta’ Frar 2005, § 59). Madankollu d-dritt ta’ aċċess għal qrati ma huwiex wieħed assolut.

46      F’kawża li tirrigwarda l-qasam tal-għajnuna legali taħt il-forma tal-assistenza ta’ avukat, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna legali hijiex neċessarja sabiex il-proċedura tkun waħda xierqa għandha tiġi deċiża fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u tiddependi b’mod partikolari mill-gravità tal-kwistjoni għar-rikorrent, mill-kumplessità tad-dritt u tal-proċedura applikabbli, kif ukoll mill-kapaċità tar-rikorrent li jiddefendi b’mod effettiv il-kawża tiegħu (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Airey vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, § 26; McVicar vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, § 48 u 49; P., C. u S. vs Ir-Renju Unit tas‑16 ta’ Lulju 2002, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2002-VI, § 91, kif ukoll Steel u Morris vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, § 61). Jista’ madankollu jittieħed kont tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ min iressaq l-ilment jew tal-probabbiltajiet ta’ suċċess tiegħu fil-proċedura (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Steel u Morris vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, § 62).

47      Fir-rigward tal-għajnuna legali taħt il-forma ta’ eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura jew ta’ cautio judicatum solvi qabel il-preżentata tal-azzjoni legali, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eżaminat ukoll iċ-ċirkustanzi kollha bil-għan li tivverifika jekk il-limitazzjonijiet applikati fir-rigward tad-dritt ta’aċċess għal qrati ma ppreġudikawx id-dritt fis-sustanza tiegħu stess, jekk dawn kinux intiżi sabiex jilħqu għan leġittimu u jekk kienx hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imsemmi (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Tolstoy-Miloslavsky vs Ir-Renju Unit tat‑13 ta’ Lulju 1995, Serje A no 316‑B, § 59 sa 67, u Kreuz vs Il-Polonja tad‑19 ta’ Ġunju 2001, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2001‑VI, § 54 u 55).

48      Minn dawk id-deċiżjonijiet jirriżulta li l-għajnuna legali tista’ tkopri kemm l-assistenza ta’ avukat kif ukoll l-eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura.

49      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem barra minn hekk iddeċidiet li, jekk tista’ tiġi stabbilita proċedura ta’ selezzjoni għall-kawżi bil-għan li jiġi vverifikat jekk l-għajnuna legali tistax tingħata, dik il-proċedura għandha tiffunzjona b’mod mhux arbitrarju (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Del Sol vs Franza tas‑26 ta’ Frar 2002, § 26; deċiżjoni Puscasu vs Il-Ġermanja tad‑29 ta’ Settembru 2009, p. 6, l-aħħar paragrafu; sentenza Pedro Ramos vs L-Isvizzera tal‑14 ta’ Ottubru 2010, § 49).

50      L-imsemmija Qorti kellha l-okkażjoni teżamina s-sitwazzjoni ta’ kumpannija kummerċjali li kienet talbet l-għajnuna legali, meta l-leġiżlazzjoni Franċiża tipprevedi dik l-għajnuna biss għal persuni fiżiċi u, eċċezzjonalment, għal persuni ġuridiċi li ma jkollhomx skop ta’ lukru bis-sede tagħhom fi Franza u li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti. Hija kkunsidrat li d-differenza fit-trattament bejn il-kumpanniji kummerċjali, minn naħa, u l-persuni fiżiċi kif ukoll il-persuni ġuridiċi li ma jkollhomx skop ta’ lukru, min-naħa l-oħra, tissejjes fuq ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli, li tirrigwarda s-sistema fiskali tal-għajnuna legali, li tipprovdi l-possibbiltà li titnaqqas it-totalità tal-ispejjeż tal-proċess mill-ammont taxxabbli totali u li l-ammont ta’ żbilanċ jitmexxa għas-sena taxxabbli sussegwenti (Qorti Ewropea D. B., deċiżjoni VP Diffusion Sarl vs Franza tas‑26 ta’ Awwissu 2008, p. 4, 5 u 7).

51      Bl-istess mod, fir-rigward ta’ komunità ta’ persuni li jużaw proprjetà rurali komuni li talbu l-assistenza legali sabiex jopponu azzjoni rivendikatorja fir-rigward ta’ proprjetà ta’ art, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fondi approvati mill-assoċjazzjonijiet u l-kumpanniji privati għad-difiża legali tagħhom jirriżultaw minn fondi aċċettati, approvati u kkontribwiti mill-membri tagħhom u enfasizzat li t-talba ġiet ifformulata sabiex tintervjeni f’kawża ċivili li tirrigwarda l-proprjetà ta’ art, kawża li r-riżultat tagħha jaffettwa biss il-membri tal-komunitajiet inkwistjoni (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, deċiżjoni CMVMC. O’Limo vs Spanja tal‑24 ta’ Novembru 2009, punt 26). Il-Qorti fiha kkonkludiet li r-rifjut li tingħata l-għajnuna legali b’xejn lill-komunità rikorrenti ma ppreġudikatx fis-sustanza tiegħu d-dritt ta’ aċċess għal qorti ta’ din tal-aħħar.

52      Mill-eżami tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-għoti tal-għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi ma huwiex fil-prinċipju eskluż, iżda għandu jiġi evalwat fid-dawl tar-regoli applikabbli u tas-sitwazzjoni tal-kumpannija kkonċernata.

53      Is-suġġett tal-kawża jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari l-importanza ekonomika tiegħu.

54      Fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità finanzjarja ta’ min jitlob l-għajnuna, meta din tkun persuna ġuridika, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-forma tal-kumpannija, – kumpannija b’kapital azzjonarju jew soċjetà, kumpannija b’responsabbiltà limitata jew le –, tal-kapaċità finanzjarja tal-azzjonisti tagħha, tal-għan tal-kumpannija, tal-modalitajiet ta’ kostituzzjoni tagħha u, b’mod iktar partikolari, tar-relazzjoni bejn il-mezzi li ngħatat u l-attività maħsuba.

55      Fl-osservazzjonijiet tagħha, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li, skont id-dritt Ġermaniż, kumpannija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ għajnuna legali f’sitwazzjoni fejn hija ma tkunx irnexxileha tistabilixxi ruħha verament, permezz ta’ impjegati u ta’ infrastrutturi oħra. Issa, dik il-kundizzjoni tista’ tkun tikkonċerna b’mod partikolari lil dawk li jitolbu tali għajnuna li jinvokaw drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, b’mod iktar partikolari l-libertà ta’ stabbiliment jew l-aċċess għal suq partikolari fi Stat Membru.

56      Hemm lok li jiġi osservat li tali element għandu ċertament jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali. Huma madankollu dawn tal-aħħar li għandhom ifittxu bilanċ ġust bil-għan li jiżguraw l-aċċess għall-qrati ta’ dawk li jitolbu l-għajnuna legali filwaqt li jinvokaw id-dritt tal-Unjoni, mingħajr madankollu ma jiffavorixxu lil dawn meta mqabbla ma’ persuni oħra li jitolbu l-għajnuna legali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju u l-gvern Ġermaniż indikaw li l-kunċett ġuridiku ta’ “interessi ġenerali” jista’, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof, jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ġenerali kollha possibbli favur il-persuna ġuridika.

57      DEB barra minn dan enfasizzat, waqt is-seduta, il-funzjoni doppja tal-Bundesrepublik Deutschland fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dan l-Istat Membru jkun mhux biss l-awtur tad-danni subiti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda wkoll dak li jiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ din tal-aħħar.

58      Hemm lok madankollu li jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni ma jopponix il-fatt li Stat Membru jkun fl-istess ħin leġiżlatur, amministratur u qorti, sakemm dawk il-funzjonijiet jiġu eżerċitati b’osservanza tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament tal-istat tad-dritt. Ma ġiex allegat li dan ma huwiex il-każ fl-Istat Membru inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59      Fid-dawl ta’ dawk l-elementi kollha, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex eskluż li dan jiġi invokat minn persuni ġuridiċi u li l-għajnuna mogħtija b’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tista’ tkopri, b’mod partikolari, l-eżenzjoni mill-ħlas tad-depożitu fuq spejjeż tal-proċeduri u/jew l-assistenza ta’ avukat.

60      F’dan ir-rigward hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kundizzjoniijiet għall-għoti tal-għajnuna legali jikkostitwixxux limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-qrati li tippreġudika dan id-dritt fis-sustanza tiegħu stess, jekk humiex intiżi sabiex jilħqu għan leġittimu u jekk teżistix relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imsemmi.

61      Fil-kuntest ta’ dik l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni is-suġġett tal-kawża, il-probabbiltajiet ta’ suċċess ta’ min jitlob l-għajnuna, il-gravità tal-importanza għalih, il-kumplessità tad-dritt u tal-proċedura applikabbli kif ukoll il-kapaċità ta’ dak li jitlob l-għajnuna li jiddefendi b’mod effettiv il-kawża tiegħu. Sabiex tevalwa l-proporzjonalità, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ammont tal-ispejjeż tal-proċeduri li fuqhom għandu jitħallas depożitu u tal-karattru insuperabbli jew le tal-ostakolu li huma eventwalment jikkostitwixxu għall-aċċess għall-ġustizzja.

62      Fir-rigward b’mod iktar speċjali tal-persuni ġuridiċi, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-forma u l-għan ta’ lukru jew le tal-persuna ġuridika inkwistjoni kif ukoll il-kapaċità finanzjarja tas-soċji jew azzjonisti tagħha u l-possibbiltà ta’ dawn tal-aħħar, li jiksbu l-ammonti neċessarji għall-preżentata tal-azzjoni legali.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex eskluż li dan jiġi invokat minn persuni ġuridiċi u li l-għajnuna mogħtija b’applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju tista’, tkopri, b’mod partikolari, l-eżenzjoni mill-ħlas tad-depożitu fuq l-ispejjeż tal-proċeduri u/jew l-assistenza ta’ avukat.

F’dan ir-rigward hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kundizzjoniijiet għall-għoti tal-għajnuna legali jikkostitwixxux limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-qrati li tippreġudika dan id-dritt fis-sustanza tiegħu stess, jekk humiex intiżi sabiex jilħqu għan leġittimu u jekk teżistix relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imsemmi.

Fil-kuntest ta’ dik l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-kawża, il-probabbiltajiet ta’ suċċess ta’ min jitlob l-għajnuna, il-gravità tal-importanza għalih, il-kumplessità tad-dritt u tal-proċedura applikabbli kif ukoll il-kapaċità ta’ dak li jitlob l-għajnuna li jiddefendi b’mod effettiv il-kawża tiegħu. Sabiex tevalwa l-proporzjonalità, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ammont tal-ispejjeż tal-proċeduri li fuqhom għandu jitħallas depożitu u tal-karattru insuperabbli jew le tal-ostakolu li huma eventwalment jikkostitwixxu għall-aċċess għall-ġustizzja.

Fir-rigward b’mod iktar speċjali tal-persuni ġuridiċi, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-forma u l-għan ta’ lukru jew le tal-persuna ġuridika inkwistjoni kif ukoll il-kapaċità finanzjarja tas-soċji jew azzjonisti tagħha u l-possibbiltà ta’ dawn tal-aħħar, li jiksbu l-ammonti neċessarji għall-preżentata tal-azzjoni legali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq