Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0362

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-16 ta' Diċembru 2010.
    Athinaïki Techniki AE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell - Għajnuna mill-Istat - Ilment - Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment - Irtirar tad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni - Kundizzjonijiet ta’ legalità tal-irtirar - Regolament (KE) Nru 659/1999.
    Kawża C-362/09 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13275

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:783

    Kawża C-362/09 P

    Athinaïki Techniki AE

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    “Appell — Għajnuna mill-Istat — Ilment — Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment — Irtirar tad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni — Kundizzjonijiet għal-legalità tal-irtirar — Regolament (KE) Nru 659/1999”

    Sommarju tas-sentenza

    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami tal-ilmenti — Obbligi tal-Kummissjoni — Fażi tal- eżami preliminari — Obbligu li tingħalaq din il-fażi permezz ta’ deċiżjoni — Irtirar tad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ ilment dwar allegata għajnuna illegali — Kundizzjonijiet

    (Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 4(2), (3) u (4), 13(1) u 20(2))

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jimponi fuq il-Kummissjoni, ladarba l-osservazzjonijiet addizzjonali jiġu ppreżentati mill-persuna interessata jew it-terminu raġonevoli jiskadi, l-obbligu li tagħlaq il-fażi preliminari tal-eżami billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jew deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, jew dik li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew dik li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    Jekk, wara deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ lment dwar allegata għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kienet intitolata li tirtira att, din tista’ tipperpetwa n-nuqqas tagħha milli tieħu azzjoni matul il-fażi ta’ eżami preliminari b’mod li jmur kontra l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 13(1) u 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 u tevita kull stħarriġ ġudizzjarju. Jekk tiġi ammessa tali possibbiltà, dan imur kontra ċ-ċertezza legali li r-Regolament Nru 659/1999 jixtieq ġustament isaħħaħ, kif jirriżulta mill-premessi 3, 7 u 11 tiegħu.

    Konsegwentement, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali, kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, għandu jitqies, minn naħa, li l-Kummissjoni tista’ tirtira biss deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ lment dwar allegata għajnuna illegali, bl-għan li tirrimedja illegalità fl‑imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li wara tali rtirar hija ma tistax tkompli l-proċedura minn stadju ta’ qabel il-punt preċiż li fih l-illegalità kkonstatata tkun twettqet.

    (ara l‑punti 63, 68-70)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    16 ta’ Diċembru 2010 (*)

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Ilment – Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment – Irtirar tad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni – Kundizzjonijiet għal-legalità tal-irtirar – Regolament (KE) Nru 659/1999”

    Fil-Kawża C‑362/09 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-7 ta’ Settembru 2009

    Athinaïki Techniki AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn S. Pappas, dikigoros,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Athens Resort Casino AE Symmetochon, stabbilita f’Marrousi (il‑Greċja), irrappreżentata minn N. Korogiannakis, dikigoros,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Settembru 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tal-appell tagħha, Athinaïki Techniki AE (iktar ’il quddiem “Athinaïki Techniki”) jew l-“appellanti” titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali), tas-29 ta’ Ġunju 2009, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (T-94/05, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu din iddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Ġunju 2004, li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment tal-appellanti dwar allegata għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Ellenika lill-konsorzju Hyatt Regency fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku “Casino Mont Parnès” peress li din id-deċiżjoni ma kienx għad għandha skop (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”.

     Il-kuntest ġuridiku

    2        Kif jirriżulta mill-premessa 2 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jikkodifika u jirrinforza l-prattika, fir-rigward tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat, stabbilita mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    3        Skont il-premessa 3 tar-Regolament Nru 659/1999:

    “[…] regolament proċedurali dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat iżid it-trasparenza u ċertezza legali”.

    4        Skont il-premessa 7 tar-Regolament Nru 659/1999:

    “[…] l-perjodu li fih il-Kummissjoni għandha tlesti l-eżami preliminari dwar l-għajnuna notifikata għandu jkun ta’ xahrejn mir-riċevuta ta’ notifika lesta jew mir-riċevuta ta’ stqarrija raġunata sew ta’ l-Istat Membri kkonċernat li hu jikkunsidra li n-notifika hija kompluta minħabba li l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa mill-Kummissjoni m’hijiex disponibbli jew diġa kienet provvduta; […] għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dak l-eżami għandu jintemm b’deċiżjoni”.

    5        Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 659/1999 tipprovdi li:

    “[…] sabiex tkun assigurata l-konformità ma’ l-Artikolu [88] tat-Trattat, u b’mod partikolari ma’ l-obbligu ta’ notifika u l-klawsola ta’ waqfien totali fl-Artikolu [88](3), il-Kummissjoni għandha teżamina l-każijiet kollha ta’ għajnuna kontra l-liġi; […] fl-interessi tat-trasparenza u ċertezza legali, il-proċeduri li għandhom ikunu segwiti f’dawn il-każijiet għandhom jitpoġġew; […] meta Stat Membru ma jkunx irrispetta l-obbligu tan-notifika jew il-klawsola ta’ waqfien totali, il-Kummissjoni m’għandhiex tkun marbuta b’limiti taż-żmien”.

    6        Fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura dwar għajnuna notifikata”, l-Artikolu 4 jipprovdi li:

    “1.      Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

    2.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

    3.       Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [87](1) tat-Trattat, għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ’l quddiem imsejjaħ ‘deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

    4.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [88](2) tat-Trattat (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni [proċedura ta’ investigazzjoni formali]’).

    […]”

    7        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999 jippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

    8        Il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament jirregola l-proċedura li tirrigwarda għajnuna illegali.

    9        Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament:

    “Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.”

    10      L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

    “L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f'deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.”

    11      Fil-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Partijiet interessati”, l-Artikolu 20 jipprovdi li:

    “1.      Kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.

    2.      Kull parti interessata tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta’ l-argument ta’ l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta’ dik id-deċiżjoni lill-parti interessata.

    3.      Fuq talba tagħha, kull parti interessata għandha tikseb kopja ta’ kull deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11.”

    12      Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999:

    “Deċiżjonijiet meħudha skond il-Kapitoli II, III, IV, V u VII għandhom ikunu indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat. […]”

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    13      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti kif ġej mill-Qorti Ġenerali fil-punti 4 sa 6 tad-digriet appellat:

    “4      F’Ottubru 2001, l-awtoritajiet Elleniċi bdew proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku bil-għan li jittrasferixxu 49 % tal-kapital tal-kasinò Mont Parnès. Kien hemm żewġ kandidati li kkompetew, jiġifieri l-konsorzju Casino Attikis u Hyatt Consortium. Wara proċedura allegatament ivvizzjata, il-kuntratt ingħata lil Hyatt Consortium.

    5      Membru tal-konsorzju Casino Attikis, Egnatia SA, li wara amalgamazzjoni kienet sostitwita mir-rikorrenti Athinaïki Techniki […], ippreżenta lmenti quddiem il-Kummissjoni […] dwar għajnuna mill-Istat li ngħatat lil Hyatt Consortium fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Wara s-sottomissjoni tal-ilment intbagħtet korrispondenza bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, kif ukoll saru talbiet għal informazzjoni addizzjonali min-naħa tal-Kummissjoni.

    6      Fit-2 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“ittra inkwistjoni”) li kienet ifformulata kif ġej:

    ‘Nirreferi għat-telefonata tiegħek fejn tlabt konferma dwar jekk il-Kummissjoni hijiex qed tkompli għaddejja bl-investigazzjoni tagħha fil-każ imsemmi jew jekk ġietx adottata deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri.

    B’ittra tas-16 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni informatek li fuq il-bażi tal-informazzjoni li tiddisponi minnha, ma hemmx raġunijiet suffiċjenti biex tkompli bl-eżami ta’ dan il-każ (skont [l-Artikolu] 20 tar-[Regolament Nru 659/1999]).

    Fin-nuqqas ta’ informazzjoni supplimentari li tiġġustifika t-tkomplija tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni għalqet amministrattivament il-każ fit-2 ta’ Ġunju 2004.’”

     L-ewwel proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

    14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-18 ta’ Frar 2005, Athinaïki Techniki ppreżentat rikors għall-annullament tal-att ikkontestat li hija saret taf bih permezz tal-ittra inkwistjoni.

    15      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-21 ta’ April 2005, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    16      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Settembru 2006, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (T-94/05), il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li, bl-arkivjar tal-ilment, il-Kummissjoni ma kinitx adottat pożizzjoni definittiva dwar il-klassifikazzjoni u l-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-miżura li kienet is-suġġett tal-ilment tal-appellanti, b’tali mod li l-ittra inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata skont l-Artikolu 230 KE.

    17      Fit-18 ta’ Diċembru 2006, l-appellanti appellat minn dan id-digriet skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    18      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar dan l-appell permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C-521/06 P, Ġabra p. I‑5829).

     Is-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni

    19      Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni u rrinvjat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rriżervat l-ispejjeż.

    20      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat in-natura tal-atti adottati wara l-fażi preliminari ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat.

    21      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox fakkret li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari tal-eżami tal-għajnuna li għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni prima facie dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni, u min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ eżami fiha nnifisha, li hija intiża sabiex tippermetti li din l-istitiuzzjoni jkollha għarfien sħiħ dwar il-fatti kollha tal-kawża, fejn din it-tieni fażi hija ta’ natura essenzjali meta l-Kummissjoni jkollha diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni (punti 33 u 34).

    22      Hija rrilevat li huwa biss fil-kuntest ta’ din l-aħħar fażi li t-Trattat KE jobbliga lill-Kummissjoni tavża lill-persuni interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, b’tali mod li meta l-Kummissjoni, fi tmiem l-ewwel fażi, tadotta deċiżjoni li ma tinvolvix il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, dawn il-persuni interessati jkollhom id-dritt jikkontestawha sabiex jiżguraw l-osservanza ta’ dawn il-garanziji proċedurali (punti 35 u 36).

    23      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li r-Regolament Nru 659/1999 jagħti lill-imsemmija persuni interessati d-dritt li jagħtu bidu għall-fażi ta’ eżami preliminari billi jibagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali u li dan jobbligaha tinvestiga, mingħajr dewmien, l-eżistenza eventwali ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Il-persuni interessati li ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża f’din il-proċedura għandhom, madankollu, id-dritt li jkunu assoċjati magħha b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, u dan jimplika li meta l-Kummissjoni tinformahom, b’mod konformi mat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li ma hemmx biżżejjed motivi sabiex tiddeċiedi fuq il-każ, hija għandha xorta waħda tippermettilhom jippreżentaw, f’terminu raġonevoli, osservazzjonijiet supplimentari (punti 37 sa 39).

    24      Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet ir-raġunament tagħha b’dan il-mod, fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza:

    “40      Ladarba dawn l-osservazzjonijiet jiġu ppreżentati jew it-terminu raġonevoli jiskadi, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tagħlaq il-fażi preliminari ta’ eżami billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. B’hekk, din l-istituzzjoni mhijiex awtorizzata tipperpetwa n-nuqqas tagħha milli tieħu azzjoni matul il-fażi preliminari ta’ eżami. Meta jasal il-mument, għandha jew tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni sussegwenti, jew tagħlaq il-każ billi tadotta deċiżjoni f’dan is-sens (ara, fil-kuntest tal-proċedura f‘kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, Ġabra p. I-1503, punt 36). Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni bħal din wara li tkun irċeviet informazzjoni minn parti interessata, hija għandha tibagħtilha kopja ta’ dik id-deċiżjoni.

    41      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tista’ tieħu waħda mid-deċiżjonijiet fuq imsemmija previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 mingħajr madankollu ma tikkwalifikaha bħala deċiżjoni skont din id-dispożizzjoni.”

    25      F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament li tipprovdi li għandha tingħata importanza lis-sustanza stess tal-atti kkontestati kif ukoll lill-intenzjoni tal-awtur tagħhom sabiex dawn l-atti jiġu kkwalifikati. Hija indikat li, bħala regola, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati l-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, indipendentament mill-forma ta’ dawn l-atti u minn jekk jissodisfawx jew le r-rekwiżiti formali, bħalma huma t-titolu tagħhom, il-motivazzjoni tagħhom jew jekk isemmux id-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tagħhom (punti 42 sa 44).

    26      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li għalhekk kien irrilevanti li l-att ikkritikat ma jissejjaħx “deċiżjoni” jew li ma jirreferix għall-Artikolu 4(2), (3) jew (4) tar-Regolament Nru 659/1999, jew ukoll li ma ġiex innotifikat mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, bi ksur tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament.

    27      Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx ġustament tikkonkludi li d-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. F’dan ir-rigward hija qieset dan li ġej fil-punti 52 sa 62 tal-istess sentenza:

    “52      Mis-sustanza ta’ [l-att ikkontestat] u mill-intenzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li din b’hekk iddeċidiet li ġġib fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari mibdija minn Athinaïki Techniki. Permezz ta’ dan l-att, il-Kummissjoni kkonstatat li l-eżami mwettaq ma kienx ippermetta li jiġi konkluż li teżisti għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE u hija rrifjutat b’mod impliċitu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [tat-2 ta’ April 1998] Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, [C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719], punt 47).

    53      Minnbarra dan jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza li, f’sitwazzjoni bħal din, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti f’din id-dispożizzjoni jistgħu jiżguraw li dawn jiġu osservati biss jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati Komunitarji skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Dan il-prinċipju japplika kemm fil-każ fejn id-deċiżjoni tittieħed minħabba li l-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni kif ukoll meta hija tkun tal-opinjoni li l-eżistenza stess ta’ għajnuna għandha tkun eskluża.

    54      L-att ikkontestat ma jistax jiġi kkwalifikat bħala att preliminari jew preparatorju, billi dan mhux ser jiġi segwit, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija, minn ebda att ieħor li jista’ jagħti lok għal rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza [tas-16 ta’ Ġunju 1994], SFEI et vs Il‑Kummissjoni, [C‑39/93 P, Ġabra p. I‑2681], punt 28).

    55      Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, mhuwiex rilevanti f’dan ir-rigward li l-parti interessata tkun għad tista’ tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni supplimentari li tista’ tobbligaha tirrevedi l-pożizzjoni tagħha fuq il-miżura tal-Istat inkwistjoni.

    […]

    57      Jekk parti interessata tipprovdi informazzjoni supplimentari wara li l-każ ikun ingħalaq, jista’ jiġri li l-Kummissjoni jkollha tiftaħ, jekk ikun hemm bżonn, proċedura amministrattiva ġdida. Min-naħa l-oħra, din l-informazzjoni m’għandhiex impatt fuq il-fatt li l-ewwel proċedura preliminari ta’ eżami hija diġà magħluqa.

    58      […] kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidet fil-punt 29 tad-digriet appellat, il-Kummissjoni adottat pożizzjoni definittiva fuq it-talba ta’ [l-appellanti] li tikkonstata ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE.

    […]

    60      […] L-att ikkontestat għalhekk għandu jiġi kkwalifikat bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) u t-tielet sentenza tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament.

    61      Billi dan l-att ostakola lil [l-appellanti] milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE, huwa pproduċa effetti legali vinkolanti li setgħu jaffettwaw l-interessi ta’ din il-kumpannija.

    62      Għaldaqstant, l-att ikkontestat jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE.”

    28      Fuq il-bażi ta’ dan ir-raġunament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-appellanti ressqet rikors għal annullament kontra att li ma jipproduċix effett legali u li għalhekk ma jistax jiġi kkontestat taħt l-Artikolu 230 KE, u konsegwentement, annullat id-digriet Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u rrinvijat il-kawża quddiemha sabiex tagħti deċiżjoni fuq it-talbiet ta’ Athinaïki Techniki għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Ġunju 2004, li ma titteħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment dwar l-allegata għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Ellenika lill-konsorzju Hyatt Regency fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku li jirrigwarda t-trasferiment ta’ 49 % tal-kapital tal-kasinò Mont Parnès.

     It-tieni proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

    29      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li, fis-26 ta’ Settembru 2008, hija kienet bagħtet ittra lill-appellanti li kienet tgħid dan li ġej:

    “Nirreferi għall-ittra tat-[2 ta’ Diċembru 2004] li permezz tagħha s-servizzi tad-DĠ Kompetizzjoni informawk li abbażi tal-informazzjoni li għandha ma kienx hemm biżżejjed raġunijiet sabiex ikomplu bl-eżami tal-fajl imsemmi fis-suġġett u li, fin-nuqqas ta’ informazzjoni addizzjonali li tiġġustifika t-tkomplija tal-eżami, il-Kummissjoni għalqet il-fajl inkwistjoni fuq livell amministrattiv.

    Fid-dawl tas-sentenza [Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq], id-dipartimenti tad-DĠ Kompetizzjoni jinnotifikawk bl-irtirar ta’ din l-ittra u l-ftuħ mill-ġdid tal-fajl imsemmi iktar ’il fuq.

    Għalhekk, aħna nirtiraw it-talba preċedenti tagħna u nistiednuk mill-ġdid [li] tibgħatilna evidenza li turi l-għoti ta’ għajnuna illegali mill-Istat fil-kuntest tal-bejgħ tal-każinò Mont Parnès.”

    30      Skont il-Kummissjoni, l-ittra tas-26 ta’ Settembru 2008 timplika li, peress li l-każ ma kienx għad għandu skop, ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni.

    31      Fl-osservazzjonijiet tagħha, tas-26 ta’ Novembru 2008, ippreżentati bħala risposta għat-talba sabiex jiġi kkonstatat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni, l-appellanti kkontestatha.

    32      F’dan ir-rigward, l-appellanti invokat erba’ aggravji bbażati fuq il-fatt li l-ittra tas-26 ta’ Settembru 2008 ma kinitx tikkostitwixxi att li għandu l-effett li jtemm is-saħħa legali tal-att ikkontestat, li peress li l-att ikkontestat itemm l-eżami preliminari ma kienx rivokabbli, li l-ittra tas-26 ta’ Settembru 2008 essenzjalment kienet intiza sabiex tevita li l-att ikkontestat ikun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju u li l-imsemmija ittra kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ res judicata li jirriżulta mis-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, rispettivament.

    33      Fl-osservazzjonijiet tagħha, tas-27 ta’ Novembru 2008, Athens Resort Casino AE Symmetochon uriet is-sostenn tagħha għat-talba sabiex jiġi kkonstatat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni.

     Id-digriet appellat

    34      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għall-annullament tal-att ikkontestat minħabba r-raġunijiet li ġejjin, esposti fil-punti 31 sa 37 tad-digriet appellat.

    “31      Hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ittra tas-26 ta’ Settembru 2008 tal-Kummissjoni tqajjem kwistjoni proċedurali li għandha tiġi rregolata mingħajr proċedura orali, skont l-Artikolu 114(3) tar-Regoli tal-Proċeduri.

    32      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li fid-digriet tagħha tat-18 ta’ Novembru 1992, SFEI et vs Il-Kummissjoni (C-22/92, [...], punti 1 u 2), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fil-każ ta’ appell minn deċiżjoni amministrattiva li ma titteħidx azzjoni fir-rigward ta’ ilment dwar allegazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ eżami preliminari jikkostitwixxi l-irtirar tad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imsemmi appell ma kienx għad għandu skop u ddikjarat li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni (digriet SFEI et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 5 u 7; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, [Ġabra p. I‑4777], punt 3, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Ġunju 2006, UFEX et vs Il-Kummissjoni, T‑613/97, Ġabra p. II‑1531, punti 8 u 11).

    33      It-tieni nett, mill-punti 52, 54 u 58 tas-sentenza [Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq] jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li l-att ikkontestat stabbilixxa b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżura kontroversjali, kienet neċessarja biex l-imsemmija att ikun jista’ tiġi kkunsidrata att li jista’ jiġi kkontestat. Madankollu, wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ eżami preliminari u wara li r-rikorrenti stiednuha tippreżenta d-dokumenti li jsostnu l-ilmenti tagħha, ma jibqax jeżisti iktar att li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni b’mod definittiv u, għaldaqstant, wieħed li jista’ jiġi kkontestat.

    34      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-att ikkontestat ġie adottat fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami preliminari u, skont is-sentenza [Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq] għandu jiġi interpretat jew bħala deċiżjoni impliċita li tikkonstata li l-miżura inkwistjoni ma hijiex għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jew bħala deċiżjoni impliċita li ma tqajjimx oġġezzjonijiet. Għalhekk, fil-każ ta’ annullament, il-Kummissjoni hija obbligata li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami preliminari u, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 40 tas-sentenza [Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq], li tadotta formalment waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jew deċiżjoni li ma tieħux azzjoni li tikkostitwixxi att ġdid li jista’ jiġi kkontestat.

    35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-irtirar tal-att ikkontestat jipproduċi effetti ekwivalenti għal dawk ta’ sentenza li tannulla l-att ikkontestat, għaliex il-proċedura ta’ eżami preliminari b’hekk miftuħa mill-ġdid tingħalaq b’waħda mid-deċiżjonijiet formali imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jew minn deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni. Fil-fatt, sentenza li tannulla l-att ikkontestat ma tagħti lok għal ebda konsegwenza ġuridika supplimentari għall-konsegwenzi tal-irtirar li jkun sar (digriet tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Diċembru 1999, Elder vs Il-Kummissjoni, T‑178/99, Ġabra. p. II‑3509, punt 20).

    36      Għalhekk, ir-rikorrenti ma għandha ebda interess li tikseb l-annullament tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ Mejju 1997, Proderec vs Il-Kummissjoni, T‑145/95 Ġabra, p. II-823, punt 27 u Elder vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

    37      Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-appell preżenti ma għadx għandu skop u li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.”

    35      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali elenkat ir-raġunijiet li minħabba fihom hija kkunsidrat li l-argumenti tal-appellanti ma kinux jippreġudikaw it-talbiet tagħha .

    36      F’dan ir-rigwrad, għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-argument tal-appellanti li l-ittra inkwistjoni kienet issemmi lill-Kummissjoni, filwaqt li l-ittra tas-26 ta’ Settembru 2008 kienet tirreferi għad-dipartimenti tal-Kummissjoni, hija indikat li dan l-argument ma għandux effett fil-klassifikazzjoni ta’ din l-ittra tal-aħħar.

    37      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma setgħetx ma tieħux azzjoni u li għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Qorti Ġenerali indikat li l-appellanti ma semmiet ebda regola tad-dritt li tobbliga lill-Kummissjoni li, wara l-irtirar tad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni, tibda proċedura differenti minn dik li wasslet għal din id-deċiżjoni.

    38      It-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-appellanti li, minn naħa, ir-raġunament tal-Kummissjoni kien intiż sabiex jevita li d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma tkunx suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarji u, min-naħa l-oħra, l-istedina biex tagħti informazzjoni ma kinitx rilevanti, hija rrilevat li minnhom ma jista’ jiġi dedott ebda argument legali.

    39      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li mid-dokumenti ppreżentati mill-appellanti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ma kienx jirriżulta li hija kienet diġà spjegat, fil-proċedura amministrattiva, kif il-miżuri kkritikati kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw l-eżistenza ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, b’tali mod li hija ma setgħetx validament tikkontesta li l-istedina tal-Kummissjoni li tippreżenta informazzjoni addizzjonali ma kinitx tikkostitwixxi approċċ xieraq fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

    40      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-prinċipju ta’ res judicata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li permezz tas-sentenza Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet, tas-26 ta’ Settembru 2006, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, mingħajr ma l-imsemmija sentenza kellha effett fuq il-validità tad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni.

     It-talbiet tal-partijiet

    41      Permezz tal-appell tagħha, Athinaïki Techniki titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tannulla d-digriet appellat;

    –        tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, u

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tiċħad l-appell bħala manifestament infondat, u

    –        tikkundanna lill‑appellanti għall‑ispejjeż.

    43      Athens Resort Casino AE Symmetochon titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tiċħad l-appell bħala manifestament infondat, u

    –        tikkundanna l-appellanti għall-ispejjeż.

     Fuq l-appell

     L-argumenti tal-partijiet

    44      L-appellanti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    45      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija tqis li l-Qorti Ġenerali għamlet interpretazzjoni ħażina tal-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-irtirar ta’ att amministrattiv li tgħid li l-irtirar ta’ att amministrattiv huwa legali bil-kundizzjoni li l-att revokat ikun legali u li l-irtirar isir fi żmien raġonevoli. Minn naħa, id-deċiżjoni ta’ rtirar ġiet adottata iktar minn erba’ snin u nofs qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni oriġinali, jiġifieri lil hinn minn żmien raġonevoli. Min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rtirar ma tirreferix għall-illegalità tad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni iżda esklużivament għas-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Issa, peress li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali jmissha ħadet inkunsiderazzjoni ex officio n-nuqqas ta’ din il-motivazzjoni u kkonstatat l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rtir.

    46      Sussegwentement, permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni tal-abbuż ta’ poter. F’dan ir-rigward hija ssostni li l-irtirar ta’ att jista’ jkollu biss l-għan li jippermetti lill-amministrazzjoni tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità. Madankollu, il-motivazzjoni tal-irtirar inkwistjoni kienet limitata għal sempliċi referenza għas-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li ma ddeċidietx dwar il-legalità tal-att ikkontestat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tirtira dan l-att mhux sabiex tosserva l-prinċipju ta’ legalità iżda sempliċement sabiex tevita l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja.

    47      Fil-kuntest tat-tielet aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-unika konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni kienet l-obbligu li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami preliminari. Madankollu, fil-każ li l-qorti kienet ikkonstatat direttament ksur tal-Artikolu 87 KE, il-Kummissjoni kien ikollha tassumi l-konsegwenzi tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat li, skont l-Artikolu 88(2) KE, jimplika li l-Istat inkwistjoni jkollu jħassar l-għajnuna jew ibiddilha fit-terminu li tkun ddeċidiet il-Kummissjoni.

    48      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli għamlet żball ta’ liġi meta applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ res judicata li jirriżulta mis-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, mill-punt 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tibqa’ mingħajr ma tieħu azzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, bl-irtirar tal-att ikkontestat, il-Kummissjoni marret preċiżament lura għas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma ġiet adottata din id-deċiżjoni u meta l-Qorti Ġenerali, billi naqset milli tikkundanna dan l-irtirar, wettqet żball ta’ liġi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tibqa’ żżomm fis-seħħ stat ta’ inċertezza. Għall-kuntrarju, hija obbligata tieħu deċiżjoni u li eventwalment tissuġġetta ruħha għad-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja.

    49      Qabel kollox, il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti kollha dwar l-irtirar tal-att ikkontestat ma jikkonċernawx id-digriet ikkontestat iżda jikkonċernaw biss l-irtirar ta’ dan l-att li ma kienx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Minbarra dan, il-parti tal-appell dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ irtirar tal-att ikkontestat għandha natura abbużiva. Fil-fatt, l-irtirar mill-Kummissjoni tal-att ikkontestat kien favur l-appellanti u potenzjalment għad-detriment tal-kompetitriċi tagħha. Għaldaqstant, l-appellanti ma għandha ebda interess tqajjem il-kwistjoni tad-dewmien fir-rigward ta’ rtirar li suppost kien ta’ benefiċċju għaliha. L-istess japplika għall-argument dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rtirar. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li, fl-ittra tas-26 ta’ Settembru 2008, kien indikat b’mod ċar li hija pproċediet għal dan l-irtirar fid-dawl tas-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-appellanti kienet taf biha għaliex kienet hija stess ir-rikorrenti fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza.

    50      Rigward il-mertu, il-Kummissjoni tirrispondi b’mod ġenerali għall-aggravji dwar l-abbuż ta’ poter, kif ukoll għall-konsegwenzi tas-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, peress li fil-fehma tagħha, dawn l-aggravji huma kollha relatati mal-idea li hija xtaqet sempliċement tevita l-istħarriġ ġudizzjarju tal-att ikkontestat u marret lura għal stat ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni. Madankollu, dawn l-allegazzjonijiet huma żbaljati għaliex meta fetħet mill-ġdid il-fażi ta’ eżami preliminari hija kienet fil-proċess li teżamina l-informazzjoni fil-fajl.

    51      Minbarra dan, l-appellanti ma telenkax ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Addizzjonalment, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu deċiżjoni ultra petita. Madankollu, wara li ġie rtirat l-att ikkontestat, ir-rikors għal annullament tilef l-iskop tiegħu u kwalunkwe talba oħra dwar il-metodu kif tipproċedi l-Kummissjoni ma hijiex koperta mit-talbiet tar-rikors.

    52      Athens Resort Casino AE Symmetochon issostni, min-naħa tagħha, li fin-nuqqas ta’ regoli speċjali, il-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-revoka ta’ atti amministrattivi huma l-prinċipji ta’ legalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata. Madankollu, peress li l-appellanti ilha mill-bidu tikkontesta l-legalità tal-att ikkontestat, hija ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Minbarra dan, għal dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tal-irtirar, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex indispensabbli li l-motivazzjoni tirriżulta mill-att innifsu, iżda tista’ tiġi dedotta, b’mod indirett, mir-regoli applikabbli jew mill-kuntest tal-att inkwistjoni.

    53      Minbarra dan, Athens Resort Casino AE Symmetochon tikkunsidra, minn naħa, li l-Kummissjoni mhux talli ma evitatx l-istħarriġ ġudizzjarju iżda, għall-kuntrarju, marret “lil hinn” mis-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, peress li ddeċidiet li terġa’ tibda l-investigazzjoni tagħha u b’hekk aċċettat li tiskopri informazzjoni ġdida li ma kinitx taf dwarha. Min-naħa l-oħra, minn din is-sentenza kien jirriżulta biss li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li ma tieħux deċiżjoni u kellha ttemm il-proċedura inkwistjoni, billi tieħu deċiżjoni fi żmien raġonevoli minn meta ġie ppreżentat l-ilment u mhux li tmur lura għall-proċedura ta’ eżami preliminari li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma kienx permess.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     Fuq l-ammissibbiltà

    54      Fir-rigward tal-allegata inammissibblità tal-ilmenti li jimminaw il-legaltà tal-irtrirar tal-att ikkontestat minħabba l-fatt li dawn jirrigwardaw id-deċiżjoni ta’ rtirar, għandu jiġi rrilevat li dawn l-ilmenti huma intiżi kontra d-digriet ikkontestat u mhux id-deċiżjoni ta’ rtirar. Fil-fatt, fid-diversi aggravji tagħha, l-appellanti essenzjalment tikkritika lill-Qorti tal-Ġustizzja li wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni l-irtirar tal-att ikkontestat, anki jekk dan l-irtirar kien illegali.

    55      Fir-rigward tal-argument li dawn l-istess aggravji huma inammissibbli peress li d-deċiżjoni ta’ irtirar ma kinitx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju, mid-digriet appellat jirriżulta li dawn l-aggravji kienu verament ġew ssottomessi mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u li kienu jidħlu fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-kwistjoni dwar jekk, bis-saħħa tal-ittra tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Settembru 2008, li permezz tagħha din l-istituzzjoni ħabbret, b’mod partikolari, l-irtirar tal-att ikkontestat, l-appell minn dan l-att kienx spiċċa mingħajr skop. Minbarra dan, kif jirriżulta mill-punti 23 sa 30 tal-imsemmi digriet, l-appellanti kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali l-legalità tal-irtirar imħabbar fl-ittra tas-26 ta’ Settembru 2008.

    56      Fl-aħħar nett, ma hemmx raġuni għaliex jiġi msostni li l-appellanti ma kellha ebda interess tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-legalità ta’ dan l-irtirar tal-att ikkontestat, peress li dan l-intesress kien jiddependi direttament mir-risposta tal-kwistjoni dwar jekk l-appell kontra l-att ikkontestat kienx sar bla skop jew le, liema kwistjoni hija s-suġġett tal-kawża preżenti.

    57      Minn dan isegwi li l-aggravji tal-appell huma ammissibbli fl-intier tagħhom.

     Fuq il-mertu

    58      Permezz tal-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravji tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors, peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Settembru 2008, kienet tikkostitwixxi att ta’ rtirar tal-att ikkontestat, meta dan l-irtirar kien illegali.

    59      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li billi sostniet, f’dan ir-rigward, li l-irtirar tal-att ikkontestat ma kienx sar f’terminu raġonevoli, l-appellanti bbażat fuq il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li joħloq drittijiet suġġettivi (ara, s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il-Kummissjoni, 54/77, Ġabra p. 585, punt 38; tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punt 10; tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni, 15/85, Ġabra p. 1005, punt 12, u tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il-Parlament, C-90/95 P, Ġabra p. I-1999, punt 35).

    60      Madankollu, huwa paċifiku li l-att ikkontestat ma jikkostitwixxix, fir-rigward tal-appellanti, att li joħloq drittijiet iżda att li jikkawża preġudizzju. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

    61      Minħabba f’hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni għarrfet lill-appellanti, fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Settembru 2008, li fid-dawl tas-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hija rtirat l-ittra inkwistjoni, fetħet mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami preliminari, irtirat it-talba preċedenti tagħha, filwaqt li stiednet lill-appellanti tipprovdilha informazzjoni biex tipprova l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat u li kienet irtirat l-att ikkontestat.

    62      Madankollu, fis-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret x’kienu l-obbligi tal-Kummissjoni meta persuna interessata tagħti bidu għall-fażi ta’ eżami preliminari previst fl-Artikolu 88(3) KE, skont l-Artikolu 10(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

    63      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jimponi fuq il-Kummissjoni, ladarba l-osservazzjonijiet addizzjonali jiġu ppreżentati mill-persuna interessata jew it-terminu raġonevoli jiskadi, l-obbligu li tagħlaq il-fażi preliminari tal-eżami billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jew deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, jew dik li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew dik li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, s-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

    64      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata tipperpetwa n-nuqqas tagħha milli tieħu azzjoni matul il-fażi ta’ eżami preliminari. Meta jasal il-mument, għandha jew tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni sussegwenti, jew tagħlaq il-każ billi tadotta deċiżjoni f’dan is-sens u, fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni bħal din wara li tkun irċeviet informazzjoni minn parti interessata, hija għandha tibagħtilha kopja ta’ dik id-deċiżjoni (ara, s-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

    65      Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, permezz tal-atti kkontestat, il-Kummissjoni kienet ħadet deċiżjoni li tadotta att amministrattiv li jarkivja l-każ. Permezz ta’ dan l-att, l-imsemmija istituzzjoni ddeċidiet li ttemm il-proċedura ta’ eżami preliminari mibdija mill-appellanti, ikkonstatat li l-eżami mwettaq ma kienx ippermetta li jiġi konkluż li teżisti għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE u hija rrifjutat b’mod impliċitu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara, s-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 52).

    66      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Kummissjoni adottat pożizzjoni definittiva fuq it-talba tal-appellanti li tikkonstata ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. Barra minn hekk, peress li l-att ostakola lill-appellanti milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE, huwa pproduċa effetti legali vinkolanti li setgħu jaffettwaw l-interessi ta’ din. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-att ikkontestat jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE (ara s-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58,61 u 62).

    67      L-appellanti, fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE, kienet għaldaqstant intitolata li tikkontesta l-legalità tal-att ikkontestat bħala persuna direttament u individwalment ikkonċernata mill-att inkwistjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punti 41 u 48). B’mod iktar preċiż, hija kienet intitolata li tikseb stħarrig, mill-qorti Komunitarja, tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni li, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kellha fit-2 ta’ Ġunju 2004, din tal-aħħar setgħet legalment tipproċedi għad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni f’dan il-każ u, impliċitament, tgħid li ma kienx hemm lok li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    68      Kieku l-Kummissjoni kienet intitolata li tirtira att bħall-att ikkontestat fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, din setgħet tipperpetwa n-nuqqas tagħha milli tieħu azzjoni matul il-fażi ta’ eżami preliminari b’mod li jmur kontra l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 13(1) u 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 u tevita kull stħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet, huwa biżżejjed li din l-istituzzjoni ma tieħux azzjoni fir-rigward ta’ ilment imressaq minn persuna interessata u, wara l-introduzzjoni ta’ rikors minn tali persuna, tirtira d-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni, terġa tiftaħ mill-ġdid il-fażi ta’ eżami preliminari u tirrepeti dawn il-proċeduri kemm il-darba jkun hemm bżonn sabiex tevita kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju tal-azzjonijiet tagħha.

    69      Jekk tiġi ammessa tali possibbiltà, qabel kollox, dan imur kontra ċ-ċertezza legali li r-Regolament Nru 659/1999 jixtieq ġustament isaħħaħ, kif jirriżulta mill-premessi 3, 7 u 11 tiegħu.

    70      Fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali, kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, għandu jitqies, minn naħa, li l-Kummissjoni tista’ tirtira biss deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ ilment dwar allegata għajnuna illegali, bl-għan li tirrimedja illegalità fl-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li wara tali rtirar hija ma tistax tkompli l-proċedrua minn stadju ta’ qabel il-punt preċiż li fih l-illegalità kkonstatata tkun twettqet.

    71      F’dan il-każ jidher li l-ittra tas-26 ta’ Settembru 2008 kienet intiża sabiex tirrimedja illegalità li kien fih l-att ikkontestat. Fil-fatt, l-imsemmija ittra ma tindikax in-natura tal-illegalità li huwa vvizzjat biha l-att ikkontestat, li hija biss setgħet tiġġustifika l-irtirar tiegħu.

    72      F’din l-ittra l-Kummissjoni sempliċement għarrfet lill-appellanti li “[f]id-dawl tas-sentenza [Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq], id-dipartimenti tad-DĠ Kompetizzjoni jinnotifikawk bl-irtirar ta’ din l-ittra u l-ftuħ mill-ġdid tal-fajl imsemmi iktar ’il fuq”. Madankollu, huwa paċifiku li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar il-legalità tal-att ikkontestat iżda sempliċement fuq il-klassifikazzjoni tiegħu bħala att li jista’ jiġi kkontestat, b’tali mod li s-sempliċi rinviju ma jistax jiġġustifika d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-att ikkontestat.

    73      Minbarra dan, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-irtirar tal-att ikkontestat kien meħtieg peress li ma kienx immottivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi, għandu jiġi kkonstatat li tali illegalità setgħet tiġi rrimedjata bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni oħra li ma tittiħidx azzjoni u, għaldaqstant, ma tiġġustifikax, fi kwalunkwe każ, il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi ta’ eżami preliminari.

    74      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet intitolata li tirtira l-att ikkontestat fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ittra tas-26 ta’ Settembru 2008.

    75      Minn dan isegwi li l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha, u li bihom hija tikkritika l-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-att ikkontestat kien ġie rtirat meta dan l-irtirar kien illegali, huma fondati.

    76      F’dawn iċ-ċirkustanzi ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat it-tielet aggravju invokat mill-appellanti.

    77      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-appell għandu jintlaqa’ u li d-digriet għandu jiġi annullat.

     Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

    78      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

    79      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi l-kawża peress li l-appell tal-appellanti mill-att ikkontestat ma ġiex eżaminat fil-mertu mill-Qorti Ġenerali.

    80      Għaldaqstant il-kawża għandha tiġi rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet tal-appellanti għall-annullament tal-att ikkontestat.

     Fuq l-ispejjeż

    81      Peress li l-kawża ġiet irrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tad-29 ta’ Ġunju 2009, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (T‑94/05) huwa annullat. 

    2)      Il-kawża hija rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq