EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0568

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-9 ta' Diċembru 2010.
Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie et. vs Provincie Drenthe.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Rechtbank Assen - l-Olanda.
Kuntratti pubbliċi - Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet - Direttiva 89/665/KEE - Obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu proċedura ta’ reviżjoni - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji li jawtorizza deċiżjoni għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li ulterjorment jista’ jiġi deċiż li jmur kontra r-regoli tad-dritt tal-Unjoni mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu - Kompatibbiltà mad-direttiva - Għoti ta’ danni lill-offerenti leżi - Kundizzjonijiet.
Kawża C-568/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-12655

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:751

Kawża C-568/08

Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie et

vs

Provincie Drenthe

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Assen)

“Kuntratti pubbliċi — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Direttiva 89/665/KEE — Obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu proċedura ta’ reviżjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jawtorizza deċiżjoni għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li sussegwentement jista’ jiġi deċiż li jmur kontra r-regoli tad-dritt tal-Unjoni mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu — Kompatibbiltà mad-direttiva — Għoti ta’ danni lill-offerenti leżi — Kundizzjonijiet”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli — Domandi mhux relatati mas-suġġett fil-kawża prinċipali

(Artikolu 234 KE)

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet — Direttiva 89/665 — Obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu proċedura ta’ reviżjoni — Proċeduri għal miżuri provviżjori

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18; Direttiva tal-Kunsill 89/665, kif emendata bid-Direttiva 92/50, Artikoli 1(1) u (3), u 2(1) u (6))

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet — Direttiva 89/665 — Obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu proċedura ta’ reviżjoni — Proċeduri għal miżuri provviżjori

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18; Direttiva tal-Kunsill 89/665, kif emendata bid-Direttiva 92/50)

4.        Dritt tal-Unjoni — Drittijiet mogħtija lill-individwi — Ksur minn Stat Membru — Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi

1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq domanda preliminari mressqa minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandhom ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula lilha.

(ara l-punt 43)

2.        L-Artikolu 1(1) u (3), u l-Artikolu 2(1) u (6) tad-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 92/50, ma jipprekludux sistema li fiha, sabiex tinkiseb, f’terminu qasir, deċiżjoni ġudizzjarja, l-unika proċedura disponibbli hija dik li hija kkaratterizzata mill-fatt li hija għandha bħala għan li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżura mandatorja bil-ħeffa, li l-avukati ma għandhomx id-dritt li jiskambjaw opinjonijiet, li l-provi bħala prinċipju jistgħu jiġu amministrati biss bil-miktub, li r-regoli legali tal-provi ma japplikawx u li l-kawża ma twassalx għal iffissar definittiv tar-relazzjonijiet legali u ma tagħmilx parti minn proċess deċiżjonali li jipproduċi r-res judicata.

Kif tippreċiża l-ħames premessa tad-Direttiva 89/665, it-tul daqshekk qasir tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jeħtieġ trattament urġenti tal-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

Fid-dawl ta’ dan il-għan, din id-direttiva tħalli lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali fl-għażla tal-garanziji ta’ proċedura li hija tipprovdi u formalitajiet relatati magħhom.

(ara l-punti 51, 57, 59, 65 u d-dispożittiv 1)

3.        Id-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 92/50, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li l-Imħallef għal miżuri provviżorji, sabiex jadotta miżura provviżorja, jagħti interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, li hija, sussegwentement, ikkunsidrata bħala żbaljata mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu.

Minn naħa, l-Imħallef għal miżuri provviżorji huwa mitlub jagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza li fiha kemm il-ġabra tal-provi kif ukoll l-eżami tal-motivi tal-partijiet huma neċessarjament iqsar milli fil-kuntest tal-proċeduri fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, l-intervent tal-Imħallef għal miżuri provviżorji ma huwiex intiż, kuntrarjament għal dak tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu, li jkunu deċiżi definittivament it-talbiet li huma ppreżentati lilu, iżda li jipproteġi provviżorjament l-interessi preżenti, jekk ikun il-każ, billi jistabbilixxi bilanċ bejniethom.

(ara l-punti 77, 80 u d-dispożittiv 2)

4.        F’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lil individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni li huma imputabbli lilu, l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens fejn ir-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, il-ksur ta’ din ir-regola huwa biżżejjed ikkaratterizzat u teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, ladarba jiġu osservati dawn il-kundizzjonijiet, li għandu jiffissa l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom id-dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandu jiġi kkonstatat u evalwat, sa fejn il-prinċipi ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jiġu osservati.

(ara l-punt 92 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Direttiva 89/665/KEE – Obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu proċedura ta’ reviżjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jawtorizza deċiżjoni għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li sussegwentement jista’ jiġi deċiż li jmur kontra r-regoli tad-dritt tal-Unjoni mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu – Kompatibbiltà mad-direttiva – Għoti ta’ danni lill-offerenti leżi – Kundizzjonijiet ”

Fil-Kawża C‑568/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Rechtbank Assen (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2008, fil-proċedura

Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie,

Van Spijker Infrabouw BV,

De Jonge Konstruktie BV

vs

Provincie Drenthe,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie, Van Spijker Infrabouw BV u De Jonge Konstruktie BV, minn H. Hoogwout, avukat,

–        għall-Provincie Drenthe, minn M. Mutsaers u A. Hoekstra‑Borzymowska, avukati,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Konstantinidis u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1) u (3) u 2(1) u (6) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie, Van Spijker Infrabouw BV u De Jonge Konstruktie BV (iktar ’il quddiem “Combinatie”) kontra l-Provincie Drenthe (provinċja ta’ Drenthe, iktar ’il quddiem il-“Provincie”), dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont il-ħames premessa tad-Direttiva 89/665:

“Billi, ladarba l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma ta’ tul daqshekk qasir, il-korpi kompetenti ta’ reviżjoni għandhom, fost ħwejjeġ oħra, jkunu awtorizzati jieħdu miżuri interim immirati lejn is-sospensjoni ta’ din il-proċedura jew l-implimentazzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ tittieħed mill-awtorità kuntrattwali; billi ż-żmien qasir tal-proċeduri jfisser li l-ksur imsemmi qabel għandu jiġi ttrattat b’mod urġenti”.

4        L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt li jaqgħu taħt l-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE, 77/62/KEE, u 92/50/KEE deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu rriveduti effettivament u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew ir-regoli tan-nazzjon li jimplimentaw dik il-liġi

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni.”

5        L-Artikolu 2(1) sa (6) tad-Direttiva 89/665 huwa miktub kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:

a)      jieħdu, ma’ l-ewwel opportunità u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri interim bl-iskop li jikkoreġu l-ksur allegat jew jipprevienu aktar ħsara għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri biex jissospendu jew jiżguraw is-sospensjoni tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ xi deċiżjoni meħuda mill-awtorità li tagħmel il-kuntratt;

b)      jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluża t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji fl-invit għal offerta, fid-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li jirrelata għall-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt;

c)      jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur.

2.      Il-poteri speċifikati fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli għal aspetti differenti tal-proċedura tar-reviżjoni.

3.      Mhux meħtieġ li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkollhom fihom infushom l-effett tas-sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratt li jirrelataw għalihom.

4.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi meta qed jikkunsidraw jekk jordnawx miżuri interim il-korp responsabbli jista’ jieħu kont tal-konsegwenzi probabbli tal-miżuri għall-interessi kollha li x’aktarx jintlaqtu, kif ukoll l-interess pubbliku, u jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jaqbżu l-benefiċċji tagħhom. Deċiżjoni li ma jingħatawx miżuri interim m’għandhiex tippreġudika kull pretensjoni oħra tal-persuna li tkun qiegħda tfittex dawn il-miżuri.

5.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi meta jintalbu danni fuq il-bażi li deċiżjoni kienet ittieħdet illegalment, id-deċiżjoni kontestata għandha l-ewwel tiġi mwarrba mill-korp li jkollu l-poteri meħtieġa.

6.      L-effetti ta’ l-eżerċizzju tal-poteri msemmij fil-pargrafu 1 dwar kuntratt konkluż sussegwentement għall-għoti tiegħu għandhom jiġu stabbilit bil-liġi nazzjonali.

Barraminnhekk, ħlief meta deċiżjoni għandha titwarrab qabel ma jingħataw id-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt wara l-għoti tiegħu, il-poteri tal-korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jiġu limitati għall-għoti ta’ danni lil kull persuna li ssofri minn ksur.”

6        Skont, rispettivament, l-Artikolu 33 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110), u tal-Artikolu 33 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110), id-Direttivi tal-Kunsill 71/305/KEE, tas-26 ta’ Lulju 1971, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (ĠU L 185, p. 5), u 77/62/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1976, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 13, p. 1) huma mħassra.

7        L-Artikolu 82 tad-Direttiva 2004/18KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), jipprovdi li d-Direttiva 92/50/KEE, ħlief għall-Artikolu 41 tagħha kif ukoll id-Direttivi 93/36/KEE u 93/37/KEE huma mħassra. Ir-riferimenti għal dawn id-direttivi mħassra kollha għandhom għaldaqstant jiġu interpretati bħala riferiment għad-Direttiva 2004/18.

8        Skont l-Artikolu 7(c) tad-Direttiva 2004/18, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005, tad-19 ta’ Diċembru 2005 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, 321M, p. 381), din id-direttiva kienet applikabbli, bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2007, għal kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) kien ugwali jew iktar minn EUR 5 278 000.

9        L-Artikolu 9(5)(a) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“Fejn xogħol propost jew xiri ta' servizzi jistgħu jirriżultaw li kuntratti jistgħu jkunu mogħtija fl-istess żmien fil-forma ta’ lottijiet separati, għandu jittieħed akkont tal-valur stmat totali tal-lottijiet kollha bħal dawn.

[...]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      Fiż-żmien tal-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kienx adotta miżuri speċifiċi sabiex jittrasponi d-Direttiva 89/665 fid-dritt nazzjonali, billi qies li l-leġiżlazzjoni Olandiża fis-seħħ kienet diġà twieġeb għar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

11      Skont il-punti li jinsabu fil-proċess, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jaqa’ taħt id-dritt privat, peress li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jikkostitwixxi att ta’ dritt privat u d-deċiżjonijiet ta’ qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku meħuda mill-korpi amministrattivi huma kkunsidrati bħala atti preparatorji ta’ dritt privat. Il-qorti ċivili hija kompetenti sabiex tiddeċiedi l-kawżi fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, f’dak li jikkonċerna kemm l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji kif ukoll il-proċedura dwar il-mertu. Il-ġurisdizzjoni tal-qorti amministrattiva hija eskluża ħlief jekk liġi tipprovdi b’mod differenti.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Provincie ddeċidiet li tirrestawra żewġ pontijiet li jintrefgħu u jitbaxxew bil-kontrapiż fuq il-kanal Erica-Ter Apel fil-komun ta’ Emmen (il-Pajjiżi l-Baxxi). Dan il-kanal kellu importanza kbira fuq livell internazzjonali. L-Unjoni Ewropea kienet tat sussidju insostenn ta’ dan il-proġett, bil-kundizzjoni li x-xogħlijiet jitlestew f’terminu speċifiku, li kien ġie ffissat għall-1 ta’ Lulju 2008.

13      Il-kuntratt ta’ restawr tal-pontijiet li jintrefgħu u jitbaxxew bil-kontrapiż ġie suġġett għal sejħa għal offerti pubblika fuq livell Ewropew. In-notifika ta’ kuntratt tat-13 ta’ Lulju 2007 kienet ġiet ippubblikata fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

14      L-offerenti kienu ġew suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet b’mod partikolari fil-qasam ta’ kapaċitajiet tekniċi, ta’ integrità u ta’ solvenza. Kundizzjonijiet oħra kienu jirrigwardaw l-offerti stess, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-provi li kellhom jiġu prodotti magħhom. Il-kriterju ta’ għoti tal-kuntratt kien dak tal-prezz l-iktar baxx.

15      In-notifika ta’ kuntratt ġiet emendata b’avviż tat-23 ta’ Lulju 2007.

16      L-offerti, li kellhom jiġu ppreżentati qabel id-19 ta’ Settembru 2007, kienu nfetħu f’din id-data u l-Provincie tat il-minuti fi tmiem din l-operazzjoni. Hija b’mod partikolari indikat f’dan l-att li erba’ offerenti kienu ressqu offerta u li l-offerta l-iktar baxxa, ta’ ammont ta’ EUR 1 117 200, kienet dik ta’ Machinefabriek Emmen BV (iktar ’il quddiem “MFE”), filwaqt li l-offerta ta’ Combinatie, ta’ ammont ta’ EUR 1 123 400, kienet tinsab fit-tieni post.

17      B’ittra tat-2 ta’ Ottubru 2007, il-Provincie infurmat lil Combinatie li hija kellha l-intenzjoni li tagħti l-kuntratt lil MFE peress li l-offerta ta’ MFE kienet l-iktar waħda baxxa, mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet oħra.

18      Combinatie kkontestat din id-deċiżjoni, b’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2007, billi sostniet li provi serji kienu jippermettu li jiġi ddubitat li MFE kienet tissodisfa sew il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt. Din l-ittra tat lok għal diskussjoni telefonika mas-servizzi provinċjali li matulha ġie evokat il-punt jekk impriża sussegwenti tistax tibbaża ruħha fuq ir-riferimenti tal-predeċessura tagħha.

19      Fit-18 ta’ Ottubru 2007, Combinatie ppreżentat proċeduri għal miżuri provviżorji kontra l-Provincie quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-Rechtbank Assen, fejn talbitu li jagħti deċiżjoni li MFE kienet għamlet offerta mhux valida, li Combinatie kienet għamlet l-offerta l-iktar baxxa, u li l-Provincie kellha tagħti l-kuntatt lil din tal-aħħar meta hija tasal biex tagħti dan il-kuntratt.

20      B’ittra tal-1 ta’ Novembru 2007, il-Provincie kienet infurmat lill-offerenti kollha li hija kienet iddeċidiet li tirtira s-sejħa għal offerti tagħha għar-raġuni li, wara l-analiżi mis-servizzi tagħha tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, kien deher li din il-proċedura kienet ivvizzjata minn difettti tali li ma kienx iktar possibbli li titkompla. Skont din l-ittra, id-difetti prinċipali kienu li ġejjin. L-ewwel nett, ir-rekwiżit li jikkonċerna l-esperjenza tnaqqas minn 60 % sa 50 % tal-ammont tas-suq inkwistjoni, u r-rekwiżit li jikkonċerna d-dħul mill-bejgħ kien tnaqqas mnin 150 % għal 125 % ta’ dan l-ammont. It-tieni nett, il-perijodu ta’ riferiment għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ żdied minn 3 sa 5 snin. It-tielet nett, il-kriterju tal-esperjenza ġie emendat fis-sens li ma kienx jikkorrispondi iktar totalment mal-kriterju inizjalment magħmul. Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, dawn l-emendi kienu ġew ikkomunikati fuq is-sit internet aanbestedingskalender.nl, iżda mhux fuq is-sit internet li fih is-sejħa għal offerti kienet ġiet ippubblikata, jiġifieri www.ted.europa.eu. F’din l-istess ittra, il-Provincie kienet indikat li hija studjat il-possibbiltà li tagħmel sejħa għal offerti ġdida.

21      Combinatie qieset li l-ittra tal-1 ta’ Novembru 2007 ma kinitx element biżżejjed li jippermettilha li tirtira t-talba għal miżuri provviżorji tagħha, iżda hija madankollu emendat it-talbiet tagħha.

22      Fid-9 ta’ Novembru 2007, MFE intervjentiet fil-proċeduri għal miżuri provviżorji fuq il-parir tal-Provincie, fejn talbet sabiex lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jogħġbu jagħtiha l-kuntratt.

23      B’deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2007, l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-Rechtbank Assen ikunsidra li MFE kienet argumentat b’mod konvinċenti, permezz tad-dokumenti ppreżentati waqt il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u kkummentati waqt is-seduta, fuq il-fatt li x-xogħlijiet li kienu twettqu fil-passat minn Machinefabriek Hidding BV, li kienet saret fis-sena 2005 Synmet Engineering & Production BV, setgħu jiġu attribwiti lilha. L-Imħallef għal miżuri provviżorji kkonstata wkoll li MFE kienet twieġeb għall-kundizzjonijiet magħmula mill-Provincie fis-sejħa għal offerti u hija kienet ipprovdiet fil-ħin l-informazzjoni neċessarja, li l-firma u d-dikjarazzjoni mudell K ippreżentata mir-rappreżentat ta’ MFE kellha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti, u li MFE kienet ippreżentat l-offerta l-iktar baxxa.

24      L-Imħallef għal miżuri provviżorji ddeċieda li l-Provincie ma kinitx aġixxiet b’mod konsistenti meta hija ddefinixxiet il-kriterji tad-dħul mill-bejgħ kif ukoll tal-esperjenza u li emendi dwar il-mertu kienu ġew ippreżentati fis-sejħa ta’ offerti. Mandakollu, huwa rrileva li l-emendi kienu saru fi stadju kmieni tal-proċedura ta’ għoti, li ma kienx deher li dawn l-emendi kienu ġew introdotti sabiex jiġi ppreferut wieħed mill-offerenti u lanqas li terzi kienu ppreżentaw offerta wara li l-proġett kien ġie mibdul. F’dan iċ-ċirkustanzi, l-Imħallef għal miżuri provviżorji kien ikkunsidra li l-emendi ma kinux ta’ importanza tali li kienu jippermettu li jiġi konkluż li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx biżżejjed trasparenti.

25      L-Imħallef għal miżuri provviżorji qies li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ aspettattivi leġittimi, kif ukoll minħabba l-bona fide prekuntrattwali, ma kienx iktar possibbli għall-Provincie, f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, li tagħti, wara t-tieni sejħa għal offerti, l-istess kuntratt ta’ xogħlijiet lil impriża li ma kinitx dik li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet magħmula waqt l-ewwel sejħa għal offerti.

26      Konsegwentement, l-Imħallef għal miżuri provviżorji pprojbixxa lill-Provincie milli tagħti l-kuntratt lil impriża li ma kinitx MFE u ddikjara din id-deċiżjoni eżekutorja b’effett immedjat.

27      Fit-3 ta’ Diċembru 2007, il-Provincie tat il-kuntratt lil MFE.

28      Fil-11 ta’ Diċembru 2007, Combinatie ppreżentat rikors interlokutorju quddiem il-Gerechsthof Leeuwarden fejn talbet li d-deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji tat-28 ta’ Novembru 2007 tiġi sospiża.

29      B’deċiżjoni interlokutorja tat-30 ta’ Jannar 2008, il-Gerechsthof Leeuwarden ċaħdet din it-talba għar-raġuni li MFE kellha interess protett għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji.

30      Il-Gerechtshof Leeuwarden irrilevat li l-kuntratt konkluż fil-frattemp mill-Provincie u MFE kellu jiġi kkunsidrat bħala li kien ġie konkluż b’mod validu u li, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet individwali, is-sempliċi fatt li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti hija vvizzjata minn difetti ma jagħmilx din il-validità suxxettibbli li tiġi kkontestata. L-imsemmija Gerechtshof ikkonkludiet li l-uniku rikors li kien għad kellha Combinatie, jekk ksur tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi kien ikkonstatat, kien rikors għad-danni.

31      Fid-19 ta’ Diċembru 2007, Combinatie ppreżentat appell ieħor mid-deċiżjoni għal miżuri provviżorji, sabiex tikseb l-annullament tagħha u l-għoti tal-kuntratt. Hija irtirat dan l-appell wara li saret taf bid-deċiżjoni interlokutorja tal-Gerechtshof Leeuwarden tat-30 ta’ Jannar 2008 u ddeċidiet li tfittex lill-Provincie għal kumpens għal dannu tagħha quddiem ir-Rechtbank Assen. Iċ-ċitazzjoni nħarġet fid-29 ta’ Frar 2008.

32      Fl-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-Rechtbank Assen ikkunsidrat li d-deċiżjoni tal-1 ta’ Novembru 2007, li biha l-Provincie ddeċidiet li tirtira d-deċiżjoni tagħha ta’ għoti tal-kuntratt tat-2 ta’ Ottubru 2007 u li tagħmel sejħa għal offerti ġdida, hija l-unika applikazzjoni korretta tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Hija tqis li l-Provincie ma setgħetx tnaqqas ir-rekwiżit ta’ esperjenza minn 60 % sa 50 % u dak tad-dħul mill-bejgħ minn 150 % sa 125 %, li hija ma setgħetx ittawwal il-perijodu ta’ riferiment għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ minn 3 sa 5 snin u li hija jmissha ppubblikat l-emendi li hija kienet għaldaqstant għamlet għas-sejħa għal offerti fuq l-istess sit internet bħal dak li fih hija kienet ippubblikat din is-sejħa għal offerti. Ir-Rechtbank Assen tiddikjara li, għal dawn ir-raġunijiet, hija għandha l-intenzjoni li tagħti deċiżjoni definittiva li tissostitwixxi dik tal-Imħallef għal miżuri provviżorji. Ir-Rechtbank Assen tikkunsidra li, peress li l-kuntratt kien ingħata u li x-xogħlijiet kienu diġà bdew, jew anki li forsi kienu diġà ntemmu, l-unika kwistjoni hija li jekk ikun il-każ jingħataw danni lil Combinatie.

33      Ir-Rechtbank Assen tistaqsi jekk l-att illegali għandux jiġi imputat lil Provincie fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom dan kien twettaq u tal-istruttura legali tal-protezzjoni legali li fiha dan seħħ. Fl-opinjoni ta’ din il-qorti, l-interessi soċjali kunsiderevoli invokati mill-Provincie u d-deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji kif ukoll l-għażla tal-leġiżlatur Olandiż li jistabbilixxi sistema legali jistgħu jservu bħala raġuni ta’ ġustifikazzjoni.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Assen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)     L-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 2(1) u (6) tad-Direttiva 89/665 KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma inkompatibbli ma’ sistema li fiha l-protezzjoni ġuridika li l-qorti nazzjonali għandha tiżgura f’kawżi li jirrigwardaw kuntratti pubbliċi rregolati mid-dritt Ewropew issir iktar diffiċli minħabba li, f’din is-sistema, li fiha kemm il-qorti amministrattiva kif ukoll il-qorti ċivili jistgħu jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess deċiżjoni u tal-effetti tagħha, dawn il-qrati jistgħu jagħtu deċiżjonijiet paralleli inkompatibbli?

b)      Huwa legali f’dan il-kuntest li l-qorti amministrattiva għandha tillimita ruħha li tiddeċiedi fuq id-deċiżjoni ta’ għoti u, fl-affermattiv, għaliex u taħt liema kundizzjonijiet?

ċ)      Huwa legali f’dan il-kuntest li l-Algemene wet bestuursrecht, li tirregola b’mod ġenerali r-rikorsi quddiem il-qorti amministrattiva, ma tippermettix li l-kawża titressaq quddiem din tal-aħħar fil-każ ta’ deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet mill-awtorità kontraenti ma’ wieħed mill-offerenti u, fl-affermattiv, għaliex u taħt liema kundizzjonijiet?

d)      Ir-risposta għat-[tieni] domanda hija sinjifikanti f’dan ir-rigward?

2)      a)      L-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 2(1) u (6) tad-Direttiva 89/665 KEE għandhom ikunu interpretati fis-sens li ma jipprekludux sistema li fiha, sabiex tinkiseb deċiżjoni malajr, l-unika proċedura disponibbli hija dik ikkaratterizzata mill-fatt li din, prinċipalment, għandha bħala għan li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżura mandatorja bil-ħeffa, li l-avukati m’għandhomx id-dritt jiskambjaw opinjonijiet, li l-provi jistgħu, bħala regola, jiġu ppreżentati biss bil-miktub u li r-regoli legali dwar il-prova mhumiex applikabbli?

b)      F’każ ta’ risposta negattiva, dan japplika wkoll meta s-sentenza ma twassalx għall-iffissar definittiv tar-relazzjonijiet ġuridiċi u ma tifformax parti minn proċess deċiżjonali li jipproduċi r-res judicata?

ċ)      Huwa irrilevanti li s-sentenza torbot biss lill-partijiet anki jekk jista’ ikun hemm partijiet ikkonċernati oħra?

3)      Huwa kumpatibbli mad-Direttiva 89/665 KEE l-fatt li imħallef għal miżuri provviżorji jordna lill-awtorità kontraenti tadotta deċiżjoni ta’ għoti li, fil-kors ta’ proċeduri fuq il-mertu ulterjuri, hija ddikjarata inkompatibbli mar-regoli Ewropej dwar il-kuntratti pubbliċi?

4)      a)     F’każ ta’ risposta negattiva [għat-tielet domanda], l-awtorità kontraenti għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija responsabbli u, fl-affermattiv, f’liema sens?

b)      Dan japplika wkoll f’każ ta’ risposta affermattiva [għat-tielet]-domanda?

ċ)      Jekk din l-awtorità kontraenti kellha tikkumpensa d-dannu, id-dritt Komunitarju jipprovdi kriterji li abbażi tagħhom dan id-dannu għandu jiġi kkonstatat u evalwat, u, fl-affermattiv, liema huma?

d)      Jekk l-awtorità kontraenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala responsabbli, id-dritt Komunitarju jippermetti li tiġi indikata persuna oħra li tkun responsabbli u fuq liema bażi?

5)      Jekk, skont id-dritt nazzjonali jew abbażi tar-risposti għad-domandi preċedenti, jew skont it-tnejn, jirriżulta li huwa impossibbli jew estremament diffiċli fil-prattika li jiġu stabbiliti l-effetti tar-responsabbiltà, x’għandha tagħmel il-qorti nazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

35      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 89/665 hija applikabbli f’dak li jikkonċerna l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 71/305, fejn din l-aħħar direttiva kienet ġiet sostitwita bid-Direttiva 93/37, hija stess sostitwita bid-Direttiva 2004/18.

36      Skont l-Artikolu 7(c) tagħha, id-Direttiva 2004/18 kienet tapplika, kemm fid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifika tal-kuntratt kif ukoll fid-data tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet li l-valur stmat tagħhom barra l-VAT kien ugwali jew iktar minn EUR 5 278 000.

37      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-ammont tal-offerta fil-proċedura li tat lok għall-kawża prinċipali kien ta’ EUR 1 117 200, VAT inkluża.

38      Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk is-suq inkwistjoni jaqax, jew le, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18.

39      Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-qorti tar-rinviju, fit-8 ta’ Diċembru 2009, talba għal kjarifiki skont l-Artikolu 104(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun ippreċiżat il-valur stmat tas-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, li jiġi ppreċiżat jekk dan is-suq kienx parti minn xogħol fis-sens tal-Artikolu 9(5)(a) tal-imsemmija direttiva, b’mod li jkollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur globali ta’ dan ix-xogħol.

40      B’ittra tat-28 ta’ Jannar 2010, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Frar 2010, il-qorti tar-rinviju indikat li s-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda xogħlijiet li jagħmlu parti minn proġett iktar wiesgħa, jiġifieri r-restawr tal-kanal Erica-Ter Apel, għal ammont stmat għal EUE 6 100 000.

41      Huwa possibbli li jiġi dedott minn din it-tweġiba li s-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħmel parti minn xogħol, fis-sens tal-Artikolu 9(5)(a) tad-Direttiva 2004/18, fejn l-ammont globali tiegħu jaqbeż il-limitu ta’ applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan il-kuntratt jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, konsegwentement taħt dak tad-Direttiva 89/665.

 Fuq l-ewwel domanda

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali biss, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59, u tat-2 ta’ April 2009, Elshani, C‑459/07, Ġabra p. I‑2759, punt 40).

43      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma setgħetx tiddeċiedi fuq domanda preliminari mressqa minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandhom ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula lilha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bosman, punt 61, u Elshani, punt 41).

44      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ewwel domanda hija bbażata fuq il-premessa li, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, kemm il-qorti amministrattiva kif ukoll il-qorti ċivili jista’ jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, li jista’ jwassal sabiex jiġu adottati deċiżjonjiet ġudizzjarji kontradittorji.

45      Madankollu minn osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jirriżulta li, fid-dritt Olandiż, il-qorti ċivili għandha, bħala regola ġenerali, ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tagħti deċiżjonijiet fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Skont dawn l-osservazzjonijiet, il-qorti amministrattiva għandha ġurisdizzjoni fil-qasam jekk liġi partikolari tipprovdi dan. F’dan il-każ, hija jkollha ġurisdizzjoni esklużiva. Huwa eskluż li, fid-dritt Olandiż, qorti amministrattiva u qorti ċivili t-tnejn li huma jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess kawża fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħti deċiżjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, żgur li ma tistax tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 1976, Saieva, 32/76, Ġabra p. 1523, punt 7; tad-9 ta’ Ottubru 1974, Heineken Brouwerijen, 91/83 u 127/83, Ġabra p. 3435, punt 10, kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et, C‑92/92 u C‑326/92, Ġabra p. I‑5145, punt 13).

47      Madankollu, huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, ma hemm ebda riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji mill-fatt tal-intervent ta’ qorti amministrattiva peress li l-proċeduri kollha seħħew quddiem il-qrati ċivili.

48      Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba fl-ewwel domanda għalhekk ma għandha ebda relazzjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

49      Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.

 Fuq it-tieni domanda

50      Permezz tat-tieni domanda tagħha taħt (a), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 89/665 tipprekludix sistema li fiha, sabiex tinkiseb deċiżjoni ta’ malajr, l-unika proċedura disponibbli hija dik li hija kkaratterizzata mill-fatt li hija għandha bħala għan li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżura mandatorja bil-ħeffa, li l-avukati ma għandhomx id-dritt li jiskambjaw opinjonijiet, li l-provi jistgħu, bħala prinċipju, ikunu amministrati biss bil-miktub u li r-regoli legali tal-prova ma japplikawx.

51      Għandu jitfakkar, kif tippreċiża l-ħames premessa tad-Direttiva 89/665, li t-tul daqshekk qasir tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jeħtieġ li l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi ttrattat b’mod urġenti.

52      Fid-dawl ta’ dan l-għan, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi l-implementazzjoni, fl-Istati Membri, ta’ reviżjonijiet effettivi u, b’mod partikolari, malajr kemm possibbli, kontra deċiżjonijiet li setgħu kisru d-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt.

53      Iktar speċifikament, l-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri li jinkludu dispożizzjonijiet għal poteri biex “jieħdu, ma’ l-ewwel opportunità u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri interim [provviżorji] bl-iskop li jikkoreġu l-ksur allegat jew jipprevienu aktar ħsara għall-interessi kkonċernati.”

54      Peress li l-Artikolu 2(2) tal-istess direttiva jipprovdi li l-poteri speċifikati fl-Artikolu 2(1) jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli għal aspetti differenti tal-proċeduri ta’ reviżjoni, minn dan isegwi b’mod partikolari li l-Istati membri jistgħu jagħtu poter sabiex jittieħdu miżuri provviżorji u dak li jingħataw danni lil korpi separati.

55      L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi li mhux meħtieġ li l-proċeduri ta’ reviżjoni, waħdehom ikollhom effetti sospensivi awtomatiċi fuq il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti li huma relatati magħhom. Minn dan jirriżulta li din id-direttiva tippermetti lill-Istati Membri li jipprovdu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, li miżuri sospensivi jistgħu jiġu mitluba, skont fil-każ, fi proċeduri separati minn dawk intiżi għall-mertu tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi.

56      L-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva li jippreċiża li deċiżjoni li ma jingħatawx miżuri provviżorji ma għandhiex tippreġudika drittijiet oħra mitluba mill-persuna li tkun qiegħda tfittex dawn il-miżuri, jammetti wkoll il-possibbiltà ta’ proċedura fuq il-mertu distinta mill-proċedura intiża għall-għoti ta’ miżuri provviżorji.

57      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 89/665 tħalli lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali fl-għażla tal-garanziji ta’ proċedura li hija tipprovdi u formalitajiet relatati magħom.

58      Għandu jiġi rrilevat li l-karatteristiċi tal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-kawża prinċipali huma inerenti għall-proċeduri intiżi għall-adozzjoni, fl-iqsar termini possibbli, ta’ miżuri provviżjorji, huma konformi, inkwantu tali, ma’ dak stabbilit mill-Artikoli 1(1) u 2(1)(a) tad-Direttiva 89/665.

59      Minn dak li ntqal jirriżulta li d-Direttiva 89/665 ma tipprekludix sistema li fiha, sabiex tinkiseb deċiżjoni ta’ malajr, l-unika proċedura disponibbli hija dik li hija kkaratterizzata mill-fatt li hija għandha bħala għan li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżura mandatorja bil-ħeffa, li l-avukati ma għandhomx id-dritt li jiskambjaw opinjonijiet, li l-provi bħala prinċipju jistgħu jiġu amministrati biss bil-miktub u li r-regoli legali tal-provi ma japplikawx.

60      Permezz tat-tieni domanda (b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-analiżi preċedenti tapplikax ukoll meta d-deċiżjoni għal miżuri provviżorji ma twassalx għall-iffissar definittiv tar-relazzjonijiet ġuridiċi u ma tagħmilx parti mill-proċess deċiżjonali li jipproduċi r-res judicata.

61      Permezz tan-natura tagħha, miżura provviżorja ma tiffissax definittivament ir-relazzjonijiet ġuridiċi. Minbarra dan, l-effetti prodotti mill-proċess deċiżjonali li fih din il-miżura tagħmel parti minnu jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istat ikkonċernat. Konsegwentement, id-Direttiva 89/665 ma tipprekludix l-adozzjoni ta’ tali miżura.

62      Permezz tat-tieni domanda (ċ) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jagħmilx differenza li d-deċiżjoni għal miżuri provviżorji torbot biss il-partijiet meta jista’ jkun hemm partijiet ikkonċernati oħra.

63      Din il-parti tad-domanda hija bbażata fuq ipoteżi li ma tirriżultax mill-kawża prinċipali. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-proċeduri għal miżuri provviżorji ma humiex limitati għar-rikorrenti u għall-konvenuta, jiġifieri Combinatie u l-Provincie. Bil-kontra, terz ikkonċernat, jiġifieri MFE, seta’ jintervjeni sabiex jiddefendi l-interessi tiegħu, barra minn hekk b’suċċess.

64      Konsegwentement, ma hemmx lok li din il-parti tad-domanda tiġi risposta.

65      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 2(1) u (6) tad-Direttiva 89/665 ma jipprekludux sistema li fiha, sabiex tinkiseb, f’terminu qasir, deċiżjoni ġudizzjarja, l-unika proċedura disponibbli hija dik li hija kkaratterizzata mill-fatt li hija għandha bħala għan li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżura mandatorja bil-ħeffa, li l-avukati ma għandhomx id-dritt li jiskambjaw opinjonijiet, li l-provi bħala prinċipju jistgħu jiġu amministrati biss bil-miktub, li r-regoli legali tal-provi ma japplikawx u li l-kawża ma twassalx għal iffissar definttiv tar-relazzjonijiet legali u ma tagħmilx parti minn proċess deċiżjonali li jipproduċi r-res judicata.

 Fuq it-tielet domanda

66      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 89/665 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li Imħallef għal miżuri provviżorji jordna lil awtorità kontraenti tadotta deċiżjoni għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li, waqt proċedura fuq il-mertu ulterjuri, tiġi ddikjarata inkompatibbli mad-Direttiva 2004/18.

67      Hekk kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja.

68      It-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa li, fil-kawża prinċipali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ordna lill-awtorità kontraenti tagħti l-kuntratt inkwistjoni lil MFE.

69      Skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinivju, din il-premessa hija ineżatta. Hekk kif tikkonstata l-qorti tar-rinviju, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ipprojbixxa lil Provincie milli tagħti l-kuntratt lil impriża li ma kinitx MFE. Madankollu mill-provi li jinsabu fil-proċess jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji kien impona fuq il-Provincie li tagħti l-kuntratt lil MFE.

70      F’dan ir-rigward, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, Combinatie, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni sostnew li l-Provincie setgħet tieħu diversi azzjonijiet wara d-deċiżjoni għal miżuri provviżorji tat-28 ta’ Novembru 2007, minbarra dik li tikkonsisti f’li jingħata l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil MFE.

71      Minbarra dan, mit-tweġibiet irċevuti mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Provincie setgħet tirrinunzja milli tagħti l-kuntratt jew li tippreżenta rikors quddiem qorti fuq il-mertu jew ukoll li tappella deċiżjoni għal miżuri provviżorji tat-28 ta’ Novembru 2007, jew, fl-aħħar nett, li tistenna, qabel ma tagħti l-kuntratt, li eventwali appell jiġi ppreżentat minn Combinatie kontra din id-deċiżjoni għal miżuri provviżorji.

72      Fir-rigward ta’ din ir-raba’ possibbiltà, mill-proċess jirriżulta li Combinatie effettivament ippreżentat appell, fil-11 ta’ Diċembru 2007, kontra d-deċiżjoni għal miżuri provviżorji, filwaqt li l-Pronvincie kienet tat il-kuntrat lil MFE fit-3 ta’ Diċembru 2007.

73      Isegwi li l-ipoteżi li Imħallef għal miżuri provviżorji ordna lill-awtorità kontraenti li tadotta deċiżjoni għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma hijiex ivverifikata fil-kawża prinċipali.

74      Biex tingħata risposta utli effettiva għall-qorti tar-rinviju, huwa għalhekk neċessarju li t-tielet domanda tiġi fformulata mill-ġdid. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali tfittex li ssir taf jekk id-Direttiva 89/665 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li l-Imħallef għal miżuri provviżorji milli jadotta miżura provviżorja, jagħti interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18 li hija, sussegwentement, ikkwalifikata bħala żbaljata mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu.

75      Kif diġà ntqal fil-punti 52 sa 54 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 89/665 timponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu proċeduri interlokutorji kontra deċiżjonijiet fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi li jimplikaw ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt.

76      L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li tali reviżjonijiet jistgħu jiġu ttrattati minn korpi separati minn dawk li huma responsabbli għar-rikorsi dwar il-mertu, bħal rikorsi għad-danni.

77      Fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi prevista tali sistema, ma jistax jiġi eskluż li l-Imħallef għal miżuri provviżorji u l-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu, imsejħa sabiex jitrattaw suċċessivament l-istess kawża, jagħtu interpretazzjoni diverġenti tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli. Minn naħa, l-Imħallef għal miżuri provviżorji huwa mitlub jagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza li fiha kemm il-ġabra tal-provi kif ukoll l-eżami tal-motivi tal-partijiet huma neċessarjament iqsar milli fil-kuntest tal-proċeduri fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, l-intervent tal-Imħallef għal miżuri provviżorji ma huwiex intiż, kuntrarjament għal dak tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu, li jkunu deċiżi definittivament it-talbiet li huma ppreżentati lilu, iżda li jipproteġi provviżorjament l-interessi preżenti, jekk ikun il-każ, billi jistabbilixxi bilanċ bejniethom.

78      Il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonixxa n-natura speċifika tal-missjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji fl-Artikolu 2(1)(a) u (4) tad-Direttiva 89/665, billi jsostni b’mod partikolari n-natura provviżorja tal-miżuri meħuda mill-Imħallef għal miżuri provviżorji.

79      Huwa inerenti għas-sistema ta’ rikors prevista minn din id-direttiva li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jagħti interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari tad-Direttiva 2004/18, differenti minn dik tal-Imħallef għal miżuri provviżorji. Tali diverġenza ta’ evalwazzjoni ma timplikax li sistema ġudizzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 89/665.

80      Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 89/665 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li l-Imħallef għal miżuri provviżorji, sabiex jadotta miżura provviżorja, jagħti interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18 li hija, sussegwentement, ikkunsidrata bħala żbaljata mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu.

 Fuq ir-raba’ domanda

81      Permezz tar-raba’ domanda tagħha (a) u (b), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk awtorità kontraenti għandhiex tiġi kkunsidrata bħala responsabbli meta hija tkun ħadet deċiżjoni għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku wara ordni f’dan is-sens mill-Imħallef għal miżuri provviżorji u li din deċiżjoni, matul proċeduri dwar il-mertu ulterjuri, tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

82      Dawn il-mistoqsijiet huma bbażati fuq l-ipoteżi li, fil-kawża prinċipali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ordna lill-awtorità kontraenti li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lil ċertu operatur.

83      Issa, kif ġie sostnut fil-punti 69 sa 73 ta’ din is-sentenza, din l-ipoteżi ma seħħitx fil-kawża prinċipali.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda (a) u (b).

85      Permezz tar-raba’ domanda tagħha taħt (ċ), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fl-ipoteżi fejn l-awtorità kontraenti għandha tikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, id-dritt tal-Unjoni jipprovdix kriterji li d-dannu għandu jiġi kkonstatat u evalwat fuq il-bażi tagħhom u, fl-affermattiv, liema huma dawn il-kriterji.

86      L-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 89/665 jindika b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà li jingħataw danni f’każ ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iżda ma fih ebda preċiżazzjoni la rigward il-kundizzjonijiet li bihom awtorità kontraenti tista’ tiġi kkunsidrata responsabbli u lanqas rigward id-determinazzjoni tal-ammont tad-danni għall-ħlas li għalih tista’ jiġi kkundannata.

87      Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi konkretizzazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa imputabbli lilhom. Skont ġurisprudenza żviluppata wara l-adozzjoni tad-Direttiva 89/665, iżda illum stabbilita, dan il-prinċipju huwa parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens sakemm jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju, u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357, punt 35; tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punti 31 u 51, kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punti 19 u 20).

88      Fl-istat attwali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma pprovdietx, f’dak li jikkonċerna reviżjonijiet għal għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kriterji iktar iddettaljati li d-dannu għandu jiġi kkonstatat u evalwat fuq il-bażi tagħhom.

89      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 89/665 ġiet emendata sew bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil, tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE (ĠU L 335, p. 31) adottata wara d-data tal-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali. Madankollu, f’din l-okkażjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni naqas milli jadotta dispożizzjonijet fuq dan il-punt.

90      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonjiet tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom id-dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kutratti pubbliċi għandu jiġi kkonstatat u evalwat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT, C‑315/01, Ġabra p. I‑6351, punt 46, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2010, Strabag et, C‑314/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33) sa fejn il-prinċipju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività huma osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 98).

91      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-regoli ddettaljati proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li l-individwi jieħdu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5; tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 43; tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 46, kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).

92      Konsegwentement, ir-raba’ domanda (ċ) għandha tiġi risposta li, f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lil individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni li huma imputabbli lilu, l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens fejn ir-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, il-ksur ta’ din ir-regola huwa biżżejjed ikkaratterizzat u teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku legali intern ta’ kull Stat Membru, ladarba jiġu osservati dawn il-kundizzjonijiet, li għandu jiffissa l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom id-dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandu jiġi kkonstatat u evalwat, sa fejn il-prinċipi ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jiġu osservati.

93      Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda (d).

 Fuq il-ħames domanda

94      Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar dak li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel jekk jirriżulta impossibbli jew estremament diffiċli fil-prattika li jiġu implementati l-effetti tar-responsabbiltà.

95      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti u fid-dawl tal-proċess tal-kawża, xejn ma jindika li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

96      Għalhekk din id-domanda ma teħtieġx risposta.

 Fuq l-ispejjeż

97      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 2(1) u (6) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, ma jipprekludux sistema li fiha, sabiex tinkiseb, f’terminu qasir, deċiżjoni ġudizzjarja, l-unika proċedura disponibbli hija dik li hija kkaratterizzata mill-fatt li hija għandha bħala għan li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżura mandatorja bil-ħeffa, li l-avukati ma għandhomx id-dritt li jiskambjaw opinjonijiet, li l-provi bħala prinċipju jistgħu jiġu amministrati biss bil-miktub, li r-regoli legali tal-provi ma japplikawx u li l-kawża ma twassalx għal iffissar definittiv tar-relazzjonijiet legali u ma tagħmilx parti minn proċess deċiżjonali li jipproduċi r-res judicata.

2)      Id-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 92/50, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li l-Imħallef għal miżuri provviżorji, sabiex jadotta miżura provviżorja, jagħti interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, li hija, sussegwentement, ikkunsidrata bħala żbaljata mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu.

3)      F’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lil individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni li huma imputabbli lilu, l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens fejn ir-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, il-ksur ta’ din ir-regola huwa biżżejjed ikkaratterizzat u teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, ladarba jiġu osservati dawn il-kundizzjonijiet, li għandu jiffissa l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom id-dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandu jiġi kkonstatat u evalwat, sa fejn il-prinċipi ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jiġu osservati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq