EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0458

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-18 ta' Novembru 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikolu 49 KE - Settur tal-kostruzzjoni - Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività f’dan is-settur - Ġustifikazzjoni.
Kawża C-458/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-11599

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:692

Kawża C-458/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Portugiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tal‑Artikolu 49 KE — Settur tal‑kostruzzjoni — Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall‑eżerċizzju ta’ attività f’dan is‑settur — Ġustifikazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża — Preċiżjoni tal-ilmenti inizjali fir-rikors promotur — Ammissibbiltà

(Artikolu 226 KE)

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Settur tal‑kostruzzjoni

(Artikolu 49 KE)

1.        Il‑fatt li l‑Kummissjoni, fir‑rikors tagħha, tesponi fid‑dettall l‑argumenti insostenn tat‑talba tagħha dwar in‑nuqqas allegat, liema argumenti kienu diġà ġew esposti b’mod iktar ġenerali fl‑ittra ta’ intimazzjoni u fl‑opinjoni motivata, filwaqt li sempliċement tispjega f’iktar dettall ir‑raġunijiet għalxiex hija tikkunsidra li sistema hija inkompatibbli mal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma jemendax is‑suġġett tan‑nuqqas imsemmi u għalhekk ma jkollu ebda impatt fuq il‑portata tal‑kawża.

(ara l-punt 47)

2.        Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE meta jeżiġi li l‑fornituri ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni stabbiliti fi Stat Membru ieħor jissodisfaw il‑kundizzjonijiet kollha li s‑sistema nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni timponi għall‑kisba tal‑awtorizzazzjoni għall‑eżerċizzju ta’ attività fis‑settur tal‑kostruzzjoni u meta b’hekk jeskludi li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l‑obbligi ekwivalenti li għalihom dawn il‑fornituri jkunu suġġetti fl‑Istat Membru fejn ikunu stabbiliti kif ukoll il‑verifiki li jkunu diġà twettqu f’dan ir‑rigward mill‑awtoritajiet tal‑aħħar Stat Membru.

Restrizzjoni għall‑Artikolu 49 KE tista’ tkun ġustifikata biss jekk l‑interess ġenerali li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali tkun intiża li tipproteġi ma jkunx protett mir‑regoli li għalihom ikun suġġett il‑fornitur fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment.

(ara l-punti 100, 108 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

18 ta’ Novembru 2010 ?(1)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ksur tal‑Artikolu 49 KE – Settur tal‑kostruzzjoni – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall‑eżerċizzju ta’ attività f’dan is‑settur – Ġustifikazzjoni”

Fil‑Kawża C‑458/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, ippreżentat fil‑21 ta’ Ottubru 2008,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Traversa u P. Guerra e Andrade, bħala aġenti, b’indirizz għan‑notifika fil‑Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir‑Repubblika tal‑Polonja, irrappreżentata minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Ir‑Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u F. Nunes dos Santos, bħala aġenti,

konvenuta,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal‑Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Levits, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2010,

wara li rat id‑deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l‑Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        Permezz tar‑rikors tagħha, il‑Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li, billi timponi, għall‑provvista ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni fil‑Portugall, l‑istess kundizzjonijiet bħal dawk għall‑istabbiliment, ir‑Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 49 KE.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Id‑Direttiva 2005/36/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas‑7 ta’ Settembru 2005, dwar ir‑rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22), tistabbilixxi r‑regoli li jipprovdu li Stat Membru li jissuġġetta l‑aċċess għal professjoni rregolata jew l‑eżerċizzju tagħha, fit‑territorju tiegħu, għall‑pussess ta’ kwalifiki professjonali partikolari għandu jirrikonoxxi, għall‑aċċess għal din il‑professjoni jew għall‑eżerċizzju tagħha, il‑kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor jew f’diversi Stati Membri oħra li jippermettu lid‑detentur ta’ dawn il‑kwalifiki jeżerċita l‑istess professjoni hemmhekk.

3        Il‑premessi 4, 6 u 27 ta’ din id‑direttiva huma fformulati kif ġej:

“(4)      Għandu jkun hemm regoli speċifiċi li l‑għan tagħhom hu li jestendu l‑possibiltà ta’ l‑eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali taħt it‑titolu professjonali oriġinali, sabiex teħfief il‑provvista libera ta’ servizzi. [...]

[...]

(6)      Il‑faċilitazzjoni tal‑provvista ta’ servizzi għandha tkun assigurata fil‑kuntest ta’ rispett serju tal‑protezzjoni tas‑saħħa u s‑sigurtà pubblika u l‑protezzjoni tal‑konsumatur. Għalhekk, għandhom ikunu maħsuba dispożizzjonijiet speċifiċi għall‑professjonijiet regolati li għandhom implikazzjonijiet fuq is‑saħħa jew is‑sigurtà pubblika, li joffru servizzi transkonfini ta’ natura temporanja jew ta’ kultant.

[…]

(27)      Id‑diżinn arkitettoniku, il‑kwalità tal‑bini, l‑inkorporazzjoni armonjuża tagħhom fl‑inħawi tagħhom, ir‑rispett għall‑pajsaġġi naturali u urbani u għall‑patrimonju pubbliku u privat huma materji ta’ interess pubbliku. Għalhekk ir‑rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki għandu jkun ibbażat fuq kriterji kwalitattivi u kwantitattivi li jassiguraw li t‑titolari ta’ kwalifiki rikonoxxuti jkunu f’pożizzjoni li jifhmu u jissodisfaw il‑bżonnijiet ta’ individwi, gruppi soċjali u awtoritajiet rigward ippjanar ta’ postijiet, id‑disinn, l‑organizzazzjoni u r‑realizzazzjoni ta’ l‑istrutturi, il‑konservazzjoni u l‑esplojtazzjoni tal‑wirt arkitettoniku, u l‑protezzjoni tal‑bilanċi naturali.”

4        Taħt it‑Titolu II tagħha, din id‑direttiva tinkludi dispożizzjonijiet dwar il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’dan ir‑rigward, l‑Artikolu 5(1) tal‑istess direttiva jipprovdi:

“Bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet speċifiċi tad‑dritt Komunitarju, kif ukoll l‑Artikoli 6 u 7 ta’ din id‑Direttiva, l‑Istati Membri m’għandhomx jirrestrinġu, għal xi raġuni relatata ma’ kwalifiki professjonali, il‑libertà li jiġu provduti servizzi fi Stat Membru ieħor:

a)       jekk il‑fornitur tas‑servizz huwa stabbilit legalment fi Stat Membru bl‑għan li jeżerċita l‑istess professjoni hemmhekk (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘l‑Istat Membru ta’ stabbiliment’), u

b)       fejn il‑fornitur tas‑servizz jibdel il‑pajjiż, jekk ikun eżerċita dik il‑professjoni fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment għal mhux inqas minn sentejn matul l‑għaxar snin ta’ qabel il‑provvista tas‑servizzi meta l‑professjoni mhijiex regolata f’dak l‑Istat Membru. Il‑kondizzjoni li teħtieġ sentejn ta’ eżerċizzju m’għandhiex tapplika fejn jew il‑professjoni jew l‑edukazzjoni u t‑taħriġ li jwasslu għall‑professjoni huma regolati.”

5        L‑Artikolu 7 tad‑Direttiva 2005/36, li jikkonċerna d‑dikjarazzjoni li għandha ssir bil‑quddiem fil‑każ li fornitur ta’ servizzi jemigra, jipprovdi:

“1.      L‑Istati Membri jistgħu jeħtieġu li, fejn il‑fornitur ta’ servizz imur minn Stat Membru għal ieħor għall‑ewwel darba sabiex jipprovdi servizzi, dan għandu jinforma lill‑awtorità kompetenti fl‑Istat Membru ospitanti b’dikjarazzjoni bil‑miktub li għandha ssir bil‑quddiem u li tinkludi d‑dettalji ta’ assigurazzjoni jew mezzi oħra ta’ protezzjoni personali jew kollettiva rigward responsabbiltà professjonali. Din id‑dikjarazzjoni għandha tiġi mġedda darba fis‑sena jekk il‑fornitur tas‑servizz jkollu l‑ħsieb li jipprovdi servizzi temporanji jew ta’ kultant f’dak l‑Istat Membru matul dik is‑sena. Il‑fornitur tas‑servizz jista’ jipprovdi d‑dikjarazzjoni b’kull mod.

2.      Barra minn hekk, għall‑ewwel provvista ta’ servizzi jew jekk hemm tibdil materjali fis‑sitwazzjoni sostanzjata mid‑dokumenti, l‑Istati Membri jistgħu jeħtieġu li d‑dikjarazzjoni tkun akkumpanjata mid‑dokumenti li ġejjin:

(a)       prova taċ‑ċittadinanza tal‑fornitur tas‑servizz,

(b)       attestazzjoni li tiċċertifika li t‑titolari huwa stabbilit legalment fi Stat Membru bl‑għan li jeżerċita l‑attivitajiet konċernati u li mhuwiex projbit milli jipprattika, anke fuq bażi temporanja, fil‑mument li titwassal l‑attestazzjoni,

(ċ)       prova ta’ kwalifiki professjonali,

(d)       għall‑każijiet imsemmija fl‑Artikolu 5(1)(b), kull mezz ta’ prova li l‑fornitur ta’ servizz eżerċita l‑attività konċernata għal mhux inqas minn sentejn matul l‑għaxar snin ta’ qabel,

(e)       għall‑professjonijiet fil‑qasam tas‑sigurtà, meta l‑Istat Membru jeħtieġ dan għaċ‑ċittadini tiegħu, evidenza li m’hemmx kundanni kriminali.

3.      Is‑servizz għandu jiġi provdut taħt it‑titolu professjonali ta’ l‑Istat Membru ta’ stabbiliment, safejn dak it‑titolu jeżisti f’dak l‑Istat Membru għall‑attività professjonali in kwistjoni. [...]

4.      Għall‑ewwel provvista ta’ servizzi, fil‑każ ta’ professjonijiet regolati li għandhom implikazzjonijiet għas‑saħħa pubblika jew is‑sigurtà [pubblika], li ma jibbenefikawx minn rikonoxximent awtomatiku taħt it‑Titolu III, Kapitolu III, l‑awtorità kompetenti ta’ l‑Istat Membru ospitanti tista’ tikkontrolla l‑kwalifiki professjonali tal‑fornitur tas‑servizz qabel ma ssir l‑ewwel provvista tas‑servizzi. Tali eżami minn qabel għandu jkun possibbli biss fejn l‑għan tal‑kontroll huwa li jiġi evitat dannu serju għas‑saħħa jew is‑sigurtà ta’ riċevitur tas‑servizz minħabba nuqqas ta’ kwalifiki professjonali tal‑fornitur tas‑servizz u fejn dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak il‑għan.

[…]

Fejn hemm differenza sostanzjali bejn il‑kwalifiki professjonali tal‑fornitur tas‑servizz u t‑taħriġ meħtieġ fl‑Istat Membru ospitanti, safejn dik id‑differenza hija tali li tkun ta’ ħsara għas‑saħħa pubblika jew is‑sigurtà [pubblika], l‑Istat Membru ospitanti għandu jagħti lill‑fornitur tas‑servizz l‑opportunità li juri, b’mod partikolari permezz ta’ test ta’ kapaċità, li huwa kiseb l‑għarfien jew il‑kompetenza li huma neqsin. [...]

[...]

F’każijiet fejn kwalifiki ġew verifikati taħt dan il‑paragrafu, is‑servizz għandu jiġi provdut taħt it‑titolu professjonali ta’ l‑Istat Membru ospitanti.”

6        Skont l‑Artikolu 8 ta’ din id‑direttiva, dwar il‑kooperazzjoni amministrattiva, l‑awtoritajiet kompetenti tal‑Istat Membru ospitanti jistgħu jitolbu lill‑awtoritajiet kompetenti tal‑Istat Membru ta’ stabbiliment, għal kull provvista ta’ servizzi, l‑informazzjoni rilevanti kollha dwar il‑legalità tal‑istabbiliment u dwar il‑kondotta tajba tal‑fornitur, kif ukoll dwar l‑assenza ta’ sanzjonijiet dixxiplinari jew kriminali ta’ natura professjonali. Skont dan l‑istess artikolu, l‑awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw l‑iskambju tal‑informazzjoni neċessarja sabiex l‑ilment ta’ destinatarju ta’ servizz fil‑konfront ta’ fornitur ta’ servizzi jkun trattat b’mod korrett.

7        L‑Artikolu 9 tad‑direttiva msemmija, intitolat “Tagħrif li għandu jingħata lir‑riċevituri tas‑servizz”, jipprovdi:

“F’każijiet fejn is‑servizz huwa provdut taħt it‑titolu professjonali ta’ l‑Istat Membru ta’ stabbiliment jew taħt il‑kwalifika formali tal‑fornitur tas‑servizz, minbarra r‑rekwiżiti l‑oħra relatati ma’ l‑informazzjoni li jinsabu fil‑liġi Komunitarja, l‑awtoritajiet kompetenti ta’ l‑Istat Membru ospitanti jistgħu jeħtieġu li l‑fornitur tas‑servizz iforni lir‑riċevitur tas‑servizz bi kwalunkwe informazzjoni jew bl‑informazzjoni kollha li ġejja:

(a)       jekk il‑fornitur ta’ servizz huwa reġistrat f’reġistru kummerċjali jew reġistru pubbliku simili, ir‑reġistru li fih huwa reġistrat, in‑numru ta’ reġistrazzjoni tiegħu, jew mezzi ekwivalenti ta’ identifikazzjoni li jinsabu f’dak ir‑reġistru;

(b)      jekk l‑attività hija soġġetta għal awtorizzazzjoni fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment, l‑isem u l‑indirizz ta’ l‑awtorità ta’ sorveljanza kompetenti;

(ċ)       kull assoċjazzjoni professjonali jew korp simili li magħhom il‑fornitur ta’ servizz huwa reġistrat;

(d)       it‑titolu professjonali jew, fejn dan it‑titolu ma jeżistix, il‑kwalifika formali tal‑fornitur tas‑servizz u l‑Istat Membru fejn tkun ingħatat;

(e)       jekk il‑fornitur tas‑servizz jeżerċita attività li hija soġġetta għall‑VAT, in‑numru ta’ identifikazzjoni [...];

(f)       dettalji ta’ assigurazzjoni jew mezzi oħra ta’ protezzjoni personali jew kollettiva rigward responsabbiltà professjonali.”

8        Taħt it‑Titolu III tagħha, dwar il‑libertà ta’ stabbiliment, id‑Direttiva 2005/36 tistabbilixxi regoli dwar ir‑rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ u ta’ esperjenza professjonali. L‑attivitajiet industrijali, tal‑artiġjanat u kummerċjali elenkati fl‑Anness IV ta’ din id‑direttiva huma s‑suġġett ta’ rikonoxximent awtomatiku tal‑kwalifiki attestati permezz tal‑esperjenza professjonali fil‑kundizzjonijiet stabbiliti fil‑Kapitolu II tat‑Titolu III tad‑direttiva msemmija. L‑Artikolu 16 ta’ din id‑direttiva jipprovdi, b’mod partikolari, li, meta Stat Membru jissuġġetta l‑aċċess għal tali attività jew l‑eżerċizzju tagħha għall‑pussess ta’ għarfien u ħiliet ġenerali, kummerċjali jew professjonali, dan l‑Istat Membru għandu jirrikonoxxi bħala prova suffiċjenti ta’ tali għarfien jew ħiliet l‑eżerċizzju preċedenti tal‑attività inkwistjoni fi Stat Membru ieħor. F’dan ir‑rigward, huwa meħtieġ li l‑attivitajiet elenkati fil‑Lista I tal‑Anness IV tad‑Direttiva 2005/36, li fosthom jissemmew, taħt il‑klassi 40, l‑attivitajiet fis‑settur tal‑kostruzzjoni u tal‑inġinerija ċivili, b’mod partikolari d‑demolizzjoni, il‑kostruzzjoni ta’ djar u bini ieħor, u l‑kostruzzjoni ta’ toroq, pontijiet u ferroviji, ikunu ġew eżerċitati skont l‑Artikolu 17 ta’ din id‑direttiva. Il‑Kapitolu III tal‑istess titolu jistabbilixxi regoli għar‑rikonoxximent awtomatiku ta’ provi ta’ taħriġ għal ċerti professjonijiet, bħat‑tobba, l‑ispiżjara u l‑periti, fuq il‑bażi ta’ koordinazzjoni tal‑kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ.

9        Id‑Direttiva 2006/123/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is‑servizzi fis‑suq intern (ĠU L 376, p. 36), li t‑terminu għat‑traspożizzjoni tagħha skada fit‑28 ta’ Diċembru 2009 u li ma tapplikax għal din il‑proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, tistabbilixxi d‑dispożizzjonijiet ġenerali intiżi sabiex jiġi ffaċilitat l‑eżerċizzju tal‑libertà ta’ stabbiliment tal‑fornituri kif ukoll il‑moviment liberu ta’ servizzi.

10      L‑Artikolu 16 ta’ din id‑direttiva, intitolat “Libertà tal‑provvista ta’ servizzi”, jipprovdi:

“1.      L‑Istati Membri għandhom jirrispettaw id‑dritt tal‑fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L‑Istat Membru fejn ġie provdut is‑servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it‑territorju tiegħu.

L‑Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l‑aċċess għal jew l‑eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit‑territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il‑prinċipji li ġejjin:

(a)       non‑diskriminazzjoni: ir‑rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir‑rigward tan‑nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir‑rigward ta’ l‑Istat Membru fejn huma stabbiliti,

(b)       bżonn: il‑bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal‑politika pubblika, is‑sigurtà pubblika, is‑saħħa pubblika jew il‑protezzjoni ta’ l‑ambjent,

(ċ)       proporzjonalità: ir‑rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l‑objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l‑objettiv.

2.      L‑Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il‑libertà għall‑provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir‑rekwiżiti li ġejjin:

(a)       obbligu fuq il‑fornitur li jkollu stabbiliment fit‑territorju tagħhom;

(b)       obbligu fuq il‑fornitur li jikseb awtorizzazzjoni mill‑awtoritjiet kompetenti tagħhom li jinkludi d‑dħul fir‑reġistru jew reġistrazzjoni ma’ korp jew assoċjazzjoni professjonali fit‑territorju tagħhom, ħlief fejn previst f’din id‑Direttiva jew strumenti oħrajn tal‑liġi Komunitarja;

[…]

3.      L‑Istat Membru fejn il‑fornitur imur m’għandux ikun imxekkel milli jimponi rekwiżiti fir‑rigward tal‑provvista ta’ attività ta’ servizz, fejn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il‑protezzjoni ta’ l‑ambjent u skond il‑paragrafu 1. [...]

[...]”

11      Skont l‑Artikolu 17(6) tad‑direttiva msemmija, l‑Artikolu 16 tagħha ma japplikax għall‑kwistjonijiet koperti mit‑Titolu II tad‑Direttiva 2005/36 u lanqas għar‑rekwiżiti fis‑seħħ fl‑Istat Membru fejn jiġi pprovdut is‑servizz, li jirriżervaw attività għal professjoni partikolari.

 Id‑dritt nazzjonali

12      Skont l‑Artikolu 4(1) tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, tad‑9 ta’ Jannar 2004 (Diário da República I, serje A, Nru 7, tad‑9 ta’ Jannar 2004), l‑eżerċizzju tal‑attività ta’ kostruzzjoni huwa suġġett għall‑ħruġ ta’ permess mill‑Istitut tal-kuntratti pubbliċi u privati għal xogħlijiet u tal‑proprjetà immobbli, li jagħmel parti mill‑amministrazzjoni tal‑Istat u li kien issostitwit, permezz tad‑Digriet Liġi Nru 144/2007, tas‑27 ta’ April 2007 (Diário da República I, serje A, Nru 82, tas‑27 ta’ April 2007), mill‑Istitut tal‑kostruzzjoni u tal‑proprjetà immobbli.

13      Skont l‑Artikolu 6 tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, fir‑rigward ta’ ċerti xogħlijiet żgħar li l‑valur tagħhom ma jaqbiżx ċertu limitu, dan il‑permess huwa ssostitwit b’ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

14      Il‑permess u ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni huma awtorizzazzjonijiet kostituttivi fis‑sens li, qabel il‑ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni, ma huwiex possibbli li tiġi eżerċitata l‑attività ta’ kostruzzjoni. Il‑permess u ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jagħtu l‑awtorizzazzjoni sabiex jitwettqu x‑xogħlijiet li jikkorrispondu għall‑attivitajiet awtorizzati tal‑impriża kkonċernata.

15      Skont l‑Artikoli 4(3) u 6(3) tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, l‑imprendituri individwali kollha u l‑kumpanniji kummerċjali kollha suġġetti għal‑liġi personali Portugiża jew li l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom jinsab f’wieħed mill‑Istati taż‑Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jitolbu permess jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

16      Madankollu, mill‑Artikolu 4(3) tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, moqri flimkien mal‑Artikolu 3(a) ta’ dan id‑digriet liġi, jirriżulta li ebda impriża ma tista’ twettaq fil‑Portugall xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, ta’ rikostruzzjoni, ta’ tkabbir, ta’ trasformazzjoni, ta’ tiswija, ta’ konservazzjoni, ta’ rinnovazzjoni, ta’ tindif, ta’ restawr, ta’ demolizzjoni u, b’mod ġenerali, ix‑xogħlijiet kollha marbuta mal‑kostruzzjoni, qabel ma din l‑impriża ma tkun is-suġġett ta’ klassifikazzjoni mill‑amministrazzjoni Portugiża.

17      Il‑klassifikazzjoni tal‑impriża, jiġifieri l‑verifika mill‑amministrazzjoni Portugiża tal‑attivitajiet awtorizzati tagħha għall‑finijiet tal‑aċċess tagħha għal kategorija sekondarja, għal kategorija u għal klassi, issir skont il‑proċedura stabbilita fil‑Kapitolu III tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004 u fid‑Digriet Nru 18/2004 tal‑Ministru tax‑Xogħlijiet Pubbliċi, tat‑Trasport u tad‑Djar, tal‑10 ta’ Jannar 2004 (Diário da República I, serje B, Nru 8, tal‑10 ta’ Jannar 2004).

18      Skont l‑Artikolu 3(c), (d) u (g) tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, il‑kategorija sekondarja tindika xogħol jew xogħlijiet speċjalizzati fi ħdan kategorija u l‑klassi hija l‑livell tal‑valur tax‑xogħlijiet li, għal kull tip ta’ xogħol, l‑impriżi jkunu awtorizzati jwettqu.

19      Skont l‑Artikolu 22 ta’ dan id‑digriet liġi, wara l‑preżentata ta’ applikazzjoni għal permess jew għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, l‑amministrazzjoni tista’, f’terminu ta’ 30 jum, tistieden lill‑applikant jipprovdilha informazzjoni jew jippreżentalha provi, fejn min‑naħa tiegħu l‑applikant ikollu terminu ta’ 22 jum sabiex jipproduċi din l‑informazzjoni jew dawn il‑provi. Meta l‑amministrazzjoni tikkunsidra li l‑fajl ikun komplet, hija għandha tinnotifika lill‑applikant l‑abbozz ta’ deċiżjoni f’terminu ta’ 66 jum. Hija għandha tieħu d‑deċiżjoni finali f’terminu ta’ 10 ijiem.

20      Mill‑Artikoli 7 u 11 tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004 jirriżulta li, sabiex ikunu kklassifikati u sabiex jiksbu l‑permess, l‑impriżi għandhom jipprovaw lill‑amministrazzjoni li huma jissodisfaw il‑kundizzjonijiet dwar ħila kummerċjali, dwar kapaċità teknika u dwar kapaċità ekonomika u finanzjarja. Skont l‑Artikolu 1 tad‑Digriet Nru 14/2004 tal‑Ministru tax‑Xogħlijiet Pubbliċi, tat‑Trasport u tad‑Djar, tal‑10 ta’ Jannar 2004 (Diário da República I, serje B, Nru 8, tal‑10 ta’ Jannar 2004), sabiex jiksbu ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, huma għandhom juru l‑ħila kummerċjali tagħhom u li huma attrezzati għax‑xogħlijiet inkwistjoni.

21      Skont l‑Artikolu 8 tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004 u l‑Artikolu 1(2) tad‑Digriet Nru 18/2004, il‑ħila kummerċjali tkopri l‑ħila kummerċjali tal‑impriża u dik tal‑imprenditur jew tar‑rappreżentanti legali ta’ din l‑impriża. Din hija pprovata, b’mod partikolari, permezz ta’ ċertifikati dwar il‑kondotta.

22      Skont l‑Artikolu 9 tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004 u l‑Artikolu 1 tad‑Digriet Nru 16/2004 tal‑Ministru tax‑Xogħlijiet Pubbliċi, tat‑Trasport u tad‑Djar, tal‑10 ta’ Jannar 2004 (Diário da República I, serje B, Nru 8, tal‑10 ta’ Jannar 2004), il‑kapaċità teknika hija stmata fid-dawl tal‑istruttura kif tkun organizzata l‑impriża, jiġifieri l‑organigramma u l‑esperjenza fl‑eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, fid-dawl tal‑evalwazzjoni tar‑riżorsi umani, jiġifieri n‑numru ta’ impjegati tekniċi, ta’ professjonisti, ta’ persuni responsabbli għax‑xogħlijiet u ta’ ħaddiema, kif ukoll il‑livell tal‑konoxxenza, tal‑ispeċjalizzazzjoni u tal‑esperjenza professjonali tagħhom, fid-dawl tal‑evalwazzjoni tal‑mezzi tekniċi tagħha, jiġifieri l‑apparat, u fid-dawl tal‑esperjenza effettiva tagħha tal‑attività, jiġifieri x‑xogħlijiet lesti u dawk li għadhom għaddejjin.

23      Skont l‑Artikolu 10 tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, il‑kapaċità ekonomika u finanzjarja hija stmata billi jiġu evalwati l‑kapital proprju, id‑dħul mill‑bejgħ totali kif ukoll id‑dħul mill‑bejgħ li jikkorrispondi għal xogħlijiet u billi jiġi evalwat il‑bilanċ finanzjarju, skont indikaturi ta’ likwidità ġenerali u ta’ awtonomija finanzjarja.

24      Skont l‑Artikolu 5 tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, it‑tul tal‑validità tal‑permess huwa ta’ mhux iktar minn sena u, skont l‑Artikolu 6(4) ta’ dan id‑digriet liġi, it‑tul tal‑validità taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni huwa ta’ ħames snin.

25      Mill‑Artikoli 18(1) u 19(1) tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004 jirriżulta li, sabiex jiksbu t‑tiġdid tal‑permess, l‑impriżi li jkollhom permess għandhom jissodisfaw il‑“kundizzjonijiet minimi ta’ permanenza”, jiġifieri jżommu l‑persunal tekniku, iżommu l‑valur tal‑ispejjeż tal‑persuna f’minn tal‑inqas 7 % tal‑valur limitu tal‑klassi preċedenti, iżommu l‑valur tal‑kapital proprju f’minn tal‑inqas 10 % tal‑valur limitu tal‑klassi prinċipali, iżommu dħul mill‑bejgħ minn xogħlijiet f’minn tal‑inqas ugwali għal 50 % tal‑valur limitu tal‑klassi preċedenti u jżommu ċerti valuri ta’ likwidità ġenerali u ta’ awtonomija finanzjarja.

26      Skont l‑Artikolu 19(8), (9) u (11) tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, jekk impriża ma tissodisfax dawn il‑kundizzjonijiet, l‑awtorizzazzjonijiet tagħha jiġu annullati. F’dan il‑każ, ma tkunx tista’ tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida għal klassifikazzjoni qabel l‑1 ta’ Awwissu tas‑sena ta’ wara. L‑annullament totali jew parzjali tal‑awtorizzazzjonijiet għandu l‑konsegwenza li jipprojbixxi lill‑impriża kkonċernata milli ttemm ix‑xogħlijiet mibdija, u dan jimplika t‑terminazzjoni immedjata ta’ kull kuntratt marbut ma’ tali xogħlijiet minħabba l‑impossibbiltà delittwali min‑naħa ta’ din l‑impriża.

27      Skont l‑Artikoli 37, 38 u 48 tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, il‑ksur tar‑regoli applikabbli taħt dan id‑digriet liġi huwa suġġett għal multa. Kull attività ta’ kostruzzjoni mwettqa mingħajr permess jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni hija kkunsidrata bħala reat gravi ħafna suġġett għal multa li tista’ tilħaq EUR 44 800. Barra minn hekk, japplikaw ukoll sanzjonijiet sekondarji skont il‑gravità tar‑reat. Fost dawn is‑sanzjonijiet jinsabu l‑projbizzjoni li tiġi eżerċitata l‑attività, is‑sospensjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew tal‑permess kif ukoll it‑tneħħija tad‑dritt ta’ parteċipazzjoni f’negozjati jew f’sejħiet għal offerti għall‑għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u servizzi. In‑nuqqas ta’ osservanza ta’ sanzjoni sekondarja jwassal għar‑responsabbiltà kriminali.

 Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

28      Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2006, il‑Kummissjoni informat lir‑Repubblika Portugiża li hija kienet tikkunsidra bħala inkompatibbli mal‑Artikolu 49 KE r‑regoli ta’ dan l‑Istat Membru dwar l‑aċċess għall‑attività ta’ kostruzzjoni u dwar l‑eżerċizzju tagħha fil‑Portugall, sa fejn dawn ir‑regoli jimponu l‑istess rekwiżiti għall‑provvista ta’ servizzi ta’ natura temporanja bħal dawk imposti għall‑istabbiliment ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni. F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari li l‑fatt li l‑eżami tal‑kapaċità professjonali, li minnu tiddependi l‑kisba tal‑permess jew taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, ma jagħmilx distinzjoni bejn fornituri ta’ servizzi li l‑kompetenzi u l‑kwalitajiet professjonali, tekniċi u ekonomiċi tagħhom kienu s‑suġġett ta’ kontroll fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment u fornituri ta’ servizzi li ma kinux suġġetti għal dan il‑kontroll, jostakola l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi tal‑fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra fejn diġà jissodisfaw il‑kundizzjonijiet ta’ stabbiliment u fejn jipprovdu servizzi identiċi jew simili.

29      Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Jannar 2007 ir-Repubblika Portugiża wieġbet li l‑attività ta’ kostruzzjoni hija, fil‑Portugall, attività espliċitament irriżervata għal impriżi u għal persuni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. L‑attività ta’ kostruzzjoni ma tistax, u lanqas ma għandha, tiġi eżerċitata liberament peress li dan jikkostitwixxi riskju għall‑kwalità tal‑patrimonju tal‑bini u għas‑sigurtà tal‑utenti. Il‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għal din l‑attività previsti mil‑liġi Portugiża huma għalhekk marbuta mal‑protezzjoni tal‑interess pubbliku, u b’mod partikolari mal‑protezzjoni tal‑konsumaturi, mas‑sigurtà, mal‑ġlieda kontra l‑frodi u mal‑protezzjoni tal‑ambjent. Għaldaqstant, ir‑restrizzjonijiet għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw minn dawn il‑kundizzjonijiet huma ġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

30      Peress li ma kinitx taqbel ma’ din il‑konklużjoni, il‑Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2007, bagħtet opinjoni motivata lir‑Repubblika Portugiża fejn stednitha tieħu l‑miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l‑opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn.

31      Permezz ta’ ittri tas‑17 ta’ Awwissu u tal‑10 ta’ Ottubru 2007, ir‑Repubblika Portugiża wieġbet għal din l‑opinjoni filwaqt li spjegat iktar fid‑dettall ir‑raġunijiet għaliex hija kienet tqis li d‑dispożizzjonijiet inkwistjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha huma kompatibbli mal‑Artikolu 49 KE.

32      Peress li ma kinitx sodisfatta b’din it‑tweġiba, il‑Kummissjoni ppreżentat ir‑rikors ineżami.

33      Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ April 2009, il‑President tal‑Qorti tal‑Ġustizzja aċċetta l‑intervent tar‑Repubblika tal‑Polonja insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni.

 Fuq ir‑rikors

 Fuq l‑ammissibbiltà

–       L‑argumenti tal‑partijiet

34      Ir‑Repubblika Portugiża tqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

35      L‑ewwel nett, hija ssostni li kważi l‑motivi kollha invokati fir‑rikors huma ġodda u ma ġewx esposti la fl‑opinjoni motivata u lanqas fi stadju preċedenti tal‑proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dawn il‑motivi lanqas ma jistgħu jinsiltu minn analiżi ta’ din l‑opinjoni. Barra minn hekk, dawn il‑motivi ma humiex relatati b’mod inambigwu u adegwat mal‑punti mqajma fit‑tweġiba tar‑Repubblika Portugiża għall‑opinjoni msemmija.

36      It‑tieni nett, il‑Kummissjoni ma tispjegax b’mod ċar, permezz tal‑motivi invokati minnha, liema huma l‑kundizzjonijiet u d‑dispożizzjonijiet konkreti, stabbiliti permezz tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, li jaffettwaw il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi u ma tispeċifikax għalxiex hija affettwata din il‑libertà. Barra minn hekk, hija ma tindikax liema huma r‑regoli li għandhom jiġu emendati u lanqas is‑sens tal‑emendi allegatament neċessarji. Ir‑rikors għalhekk fih motivazzjoni insuffiċjenti għat‑talbiet tiegħu. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ma tannetti ebda test legali mar‑rikors.

37      It‑tielet nett, il‑Kummissjoni ma tipproduċi ebda prova sabiex tissostanzja t‑talbiet tagħha fir‑rigward tal‑allegat effett restrittiv tal‑kundizzjonijiet previsti mid‑Digriet Liġi Nru 12/2004 u fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ġustifikazzjoni għal dawn il‑kundizzjonijiet. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l‑Kummissjoni li għandha tipprova l‑fatti u s‑sitwazzjonijiet li hija tallega f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

38      Il‑Kummissjoni titlob li dawn l‑allegazzjonijiet jiġu miċħuda kollha kemm huma.

39      Hija ssostni, b’mod partikolari, li hija ma bidlitx ir‑raġuni tar‑rikors tagħha, li hija l‑istess bħal dik esposta fl‑ittra ta’ intimazzjoni u fl‑opinjoni motivata, jiġifieri ksur tal‑Artikolu 49 KE li jirriżulta mill‑fatt li s‑sistema maħluqa mid‑Digriet Liġi Nru 12/2004 teżiġi, għall‑provvista ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni, l‑osservanza tal‑kundizzjonijiet ta’ stabbiliment. Barra minn hekk, matul il‑proċedura kollha, hija bbażat ruħha fuq argument wieħed, ifformulat b’modi differenti, intiż li juri li din is‑sistema kollha hija inkompatibbli mal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi.

40      Il‑Kummissjoni tispjega li hija ma hijiex qiegħda takkuża lir‑Repubblika Portugiża dwar element partikolari ta’ din is‑sistema iżda dwar ir‑riżultat li twassal għalih tali sistema. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ma huwiex meħtieġ li kull punt diskuss jiġi evalwat separatament. B’hekk, il‑kwistjoni ma hijiex dwar liema huma, fir‑realtà, id‑dispożizzjonijiet tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali li jiksru d‑dritt tal‑Unjoni, iżda jekk ir‑Repubblika Portugiża tiggarantixxix jew le, fit‑territorju tagħha, il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kostruzzjoni. Il‑Kummissjoni tqis li r‑rikors jelenka b’mod perfettament ċar ir‑rekwiżiti li jostakolaw il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil‑fatt, dan l‑ostakolu jirriżulta mill‑kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kollha, jiġifieri mill‑kundizzjonijiet kollha dwar il‑klassifikazzjoni, ir‑riklassifikazzjoni u l‑permanenza tal‑attività, u għalhekk mis‑sistema inkwistjoni kollha.

41      Fl‑aħħar nett, il‑Kummissjoni tikkunsidra li, fid‑dawl tal‑għan tal‑proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma huwiex meħtieġ li r‑rikors jirreferi għall‑punti kollha tat‑tweġiba mogħtija mill‑Istat Membru kkonċernat għall‑opinjoni motivata. Barra minn hekk, sa fejn id‑Digriet Liġi Nru 12/2004 huwa aċċessibbli faċilment, ma huwiex meħtieġ, skont il‑prinċipju jura novit curia, li dan jiġi ppreżentat lill‑Qorti tal‑Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, fir‑rikors hija ċċitat id‑dispożizzjonijiet nazzjonali kollha li fil‑fehma tagħha huma inkompatibbli mal‑Artikolu 49 KE.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

42      Fir‑rigward tal‑ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑proċedura prekontenzjuża għandha l‑għan li tagħti lill‑Istat Membru kkonċernat il‑possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal‑obbligi tiegħu taħt id‑dritt tal‑Unjoni u, min‑naħa l‑oħra, li jippreżenta b’mod effettiv id‑difiża tiegħu kontra l‑ilmenti mressqa mill‑Kummissjoni. Ir‑regolarità ta’ din il‑proċedura tammonta għal garanzija essenzjali mixtieqa mit‑Trattat KE, mhux biss għall‑protezzjoni tad‑drittijiet tal‑Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex tiġi żgurata li l‑eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett kawża ddefinita b’mod ċar (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Litwanja, C‑274/07, Ġabra p. I‑7117, punti 20 u 21, kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

43      Minn dan isegwi li s‑suġġett ta’ rikors ippreżentat skont l‑Artikolu 226 KE huwa ddefinit mill‑proċedura prekontenzjuża prevista f’din id‑dispożizzjoni. Għaldaqstant, ir‑rikors għandu jkun ibbażat fuq l‑istess raġunijiet u motivi bħall‑opinjoni motivata (ara s‑sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑287/00, Ġabra p. I‑5811, punt 18; tad‑9 ta’ Frar 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑305/03, Ġabra p. I‑1213, punt 22, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Litwanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

44      Madankollu, dan ir‑rekwiżit ma jistax iwassal sabiex jimponi, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn l‑espożizzjoni tal‑ilmenti fid‑dispożittiv tal‑opinjoni motivata u t‑talbiet tar‑rikors, sakemm is‑suġġett tal‑kawża, kif iddefinit fl‑opinjoni motivata, ma jiġix estiż jew emendat (ara s‑sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑433/03, Ġabra p. I‑6985, punt 28; tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑484/04, Ġabra p. I‑7471, punt 25, u tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 26).

45      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il‑każ, il‑Kummissjoni la estendiet u lanqas ma emendat is‑suġġett tal‑kawża kif iddefinit fl‑opinjoni motivata.

46      Fil‑fatt, kif tikkonferma barra minn hekk ir‑Repubblika Portugiża stess fil‑punt 46 tar‑risposta tagħha, il‑Kummissjoni indikat b’mod ċar, kemm fid‑dispożittiv tal‑opinjoni motivata u kif ukoll fit‑talbiet tar‑rikors, li hija kienet qiegħda takkuża lir‑Repubblika Portugiża talli naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 49 KE minħabba li timponi, b’mod partikolari permezz tas‑sistema stabbilita fuq il‑bażi tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, l‑istess kundizzjonijiet għall‑provvista ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni fil‑Portugall bħal dawk imposti għall‑istabbiliment.

47      B’hekk, il‑fatt li l‑Kummissjoni, fir‑rikors tagħha, esponiet fid‑dettall l‑argumenti insostenn tat‑talba tagħha dwar in‑nuqqas allegat, liema argumenti kienu diġà ġew esposti b’mod iktar ġenerali fl‑ittra ta’ intimazzjoni u fl‑opinjoni motivata, filwaqt li sempliċement spjegat f’iktar dettall ir‑raġunijiet għalxiex hija tikkunsidra li s‑sistema msemmija hija inkompatibbli mal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma jemendax is‑suġġett tan‑nuqqas imsemmi u għalhekk ma kellu ebda impatt fuq il‑portata tal‑kawża (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑185/00, Ġabra p. I‑14189, punti 84 sa 87, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

48      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, u sa fejn, għall‑kuntrarju ta’ dak li tidher li qiegħda tissuġġerixxi r‑Repubblika Portugiża, b’ebda mod ma huwa meħtieġ li l‑argumenti tal‑Kummissjoni fl‑istadju tar‑rikors ikunu marbuta speċifikament mal‑punti mqajma fit‑tweġibiet mogħtija minn dan l‑Istat Membru matul il‑fażi prekontenzjuża, liema punti barra minn hekk ġew fil‑parti l‑kbira tagħhom riprodotti mill‑Kummissjoni fir‑rikors tagħha, l‑ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

49      Fir‑rigward tat‑tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 38(1)(ċ) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jipprovdi li kull rikors promotur għandu jkun fih, b’mod partikolari, is‑suġġett tal‑kawża u sunt tal‑motivi invokati. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni għandha, f’kull rikors ippreżentat taħt l‑Artikolu 226 KE, tindika b’mod preċiż u koerenti biżżejjed l‑ilmenti invokati, sabiex b’hekk l‑Istat Membru jkun jista’ jipprepara d‑difiża tiegħu u l‑Qorti tal‑Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l‑eżistenza tan‑nuqqas allegat (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑98/04, Ġabra p. I‑4003, punt 18, u tad‑19 ta’ Novembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑540/07, Ġabra p. I‑10983, punt 17).

50      F’dan il‑każ, mill‑motivazzjoni kif ukoll mit‑talbiet tar‑rikors tal‑Kummissjoni jirriżulta b’mod ċar u preċiż biżżejjed li dan ir‑rikors jikkonċerna l‑kompatibbiltà mal‑prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi tas‑sistema stabbilita fuq il‑bażi tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004 fl‑intier tagħha. Barra minn hekk, huwa evidenti li r‑Repubblika Portugiża effettivament fehmet li l‑Kummissjoni qiegħda takkużaha li ma osservatx il‑prinċipju msemmi billi ssuġġettat, fit‑territorju tagħha, kull eżerċizzju ta’ attività ta’ kostruzzjoni għall‑kundizzjonijiet previsti minn din is‑sistema, billi obbligat b’mod partikolari lill‑impriżi ta’ kostruzzjoni diġà stabbiliti fi Stat Membru ieħor sabiex jiksbu minn qabel, mingħand l‑amministrazzjoni Portugiża, awtorizzazzjoni skont l‑istess rekwiżiti bħal dawk previsti għall‑impriżi li jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fil‑Portugall. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ir‑Repubblika Portugiża kienet perfettament f’pożizzjoni li ssostni b’mod effettiv id‑difiża tagħha.

51      Sa fejn ir‑Repubblika Portugiża tikkritika lill‑Kummissjoni talli ma indikatx kif, fil‑fehma tal‑Kummissjoni, is‑sistema msemmija kellha tiġi emendata, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tindika fl‑opinjoni motivata jew fir‑rikors promotur quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja l‑miżuri li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi eliminat in‑nuqqas allegat (ara s‑sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑247/89, Ġabra p. I‑3659, punt 22, u tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑559/07, punt 23).

52      Fl‑aħħar nett, għalkemm huwa minnu li l‑Kummissjoni ma annettietx mar‑rikors tagħha t‑test sħiħ tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, xorta waħda jibqa’ l‑fatt li, kemm fir‑rikors u kif ukoll fl‑opinjoni motivata annessa miegħu, il‑Kummissjoni rripproduċiet u spjegat il‑kontenut tad‑dispożizzjonijiet ta’ din il‑leġiżlazzjoni li fuqhom hija bbażat ir‑rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, ir‑Repubblika Portugiża ma kkontestax l‑eżistenza ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet iżda sempliċement daħlet inkwistjoni l‑interpretazzjoni kunċettwali tagħhom min‑naħa tal‑Kummissjoni u għamlet numru ta’ preċiżazzjonijiet li jidhrilha li huma meħtieġa sabiex il‑Qorti tal‑Ġustizzja tkun tista’ tevalwa kompletament il‑kontenut tad‑dispożizzjonijiet imsemmija. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, sa fejn il‑leġiżlazzjoni msemmija hija ppubblikata fid‑Diário da República u hija għalhekk aċċessibbli għall‑pubbliku, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tivverifika l‑veraċità tal‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni fir‑rigward tal‑kontenut tad‑dispożizzjonijiet inkwistjoni.

53      Għaldaqstant, it‑tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir‑Repubblika Portugiża għandha tiġi miċħuda wkoll.

54      Fir‑rigward tat‑tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jitfakkar li fil‑kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 226 KE, il‑Kummissjoni, li għandha l‑oneru tistabbilixxi l‑eżistenza tan‑nuqqas allegat, għandha tipproduċi quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja l‑provi meħtieġa għall‑verifika minn din tal‑aħħar tal‑eżistenza tan‑nuqqas imsemmi, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑434/01, Ġabra p. I‑13239, punt 21, u tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑342/05, Ġabra p. I‑4713, punt 23).

55      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il‑każ, il‑Kummissjoni b’ebda mod ma bbażat ruħha fuq sempliċi preżunzjonijiet mingħajr ma pproduċiet il‑provi meħtieġa sabiex il‑Qorti tal‑Ġustizzja tkun tista’ tevalwa n‑nuqqas allegat fil‑konfront tar‑Repubblika Portugiża. Fil‑fatt, kif diġà ġie rrilevat fil‑punt 52 ta’ din is‑sentenza, fir‑rikors tagħha hija rripproduċiet u spjegat il‑kontenut tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali li mill‑applikazzjoni tagħhom jirriżulta, fil‑fehma tagħha, in‑nuqqas allegat. Barra minn hekk, hija żviluppat argumenti legali dettaljati sabiex tesponi li s‑sistema stabbilita fuq il‑bażi tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004 timplika restrizzjoni għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi u li din ir‑restrizzjoni ma hijiex ġustifikata minħabba r‑raġunijiet ta’ interess ġenerali invokati mir‑Repubblika Portugiża. Mill‑bqija, matul is‑seduta hija spjegat li hija bdiet din il‑proċedura wara li rċeviet ilmenti min‑naħa ta’ impriżi ta’ kostruzzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma ngħatawx awtorizzazzjoni sabiex jipprovdu servizzi ta’ kostruzzjoni fil‑Portugall.

56      Fir‑rigward tal‑kwistjoni dwar jekk il‑Kummissjoni, permezz ta’ dawn il‑provi, effettivament ipprovatx b’mod suffiċjenti għall‑finijiet tal‑liġi l‑eżistenza tan‑nuqqas allegat, din il‑kwistjoni ma tikkonċernax l‑ammissibbiltà tar‑rikors iżda l‑mertu tiegħu.

57      Peress li t‑tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir‑Repubblika Portugiża għandha għalhekk tiġi miċħuda wkoll, ir‑rikors tal‑Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il‑mertu

 L‑argumenti tal‑partijiet

58      Il‑Kummissjoni tosserva li s‑sistema Portugiża, u b’mod partikolari d‑Digriet Liġi Nru 12/2004, hija bbażata fuq ir‑regola li, sabiex tkun tista’ tipprovdi servizzi ta’ kostruzzjoni fil‑Portugall, kull impriża ta’ kostruzzjoni għandha tikseb minn qabel aċċess għall‑attività ta’ kostruzzjoni fil‑Portugall, aċċess li għandu jingħatalha mill‑amministrazzjoni Portugiża. Issa, tali regola hija inkompatibbli mal‑Artikolu 49 KE. L‑impriżi ta’ kostruzzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra diġà kisbu aċċess għal din l‑attività u l‑awtorizzazzjonijiet tagħhom diġà kienu s‑suġġett ta’ kontroll fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ir‑Repubblika Portugiża ma tistax tassumi d‑dritt li tawtorizza għat‑tieni darba l‑aċċess għall‑attività tal‑kostruzzjoni ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor billi tissostitwixxi r‑regoli ta’ dan l‑Istat Membru tal‑aħħar bir‑regoli tagħha.

59      Il‑Kummissjoni tenfasizza li fir‑realtà hija qiegħda takkuża lir‑Repubblika Portugiża li ma hijiex tieħu inkunsiderazzjoni l‑kontrolli u l‑garanziji li għalihom l‑impriżi li jipprovdu servizzi huma diġà suġġetti fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment. Hija ssostni f’dan il‑kuntest li r‑Repubblika Portugiża ma tivverifikax jekk il‑livell ta’ protezzjoni fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment huwiex simili għal dak fil‑Portugall u lanqas jekk l‑attività li l‑fornitur jeżerċita fi Stati Membri oħra hijiex ekwivalenti għal dik li huwa jkun jixtieq jeżerċita fil‑Portugall.

60      Il‑Kummissjoni ssostni li l‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għall‑attività ta’ kostruzzjoni previsti mis‑sistema Portugiża huma kundizzjonijiet ta’ stabbiliment. Is‑sistema msemmija ma tagħmilx b’mod partikolari distinzjoni bejn l‑istabbiliment u l‑provvista ta’ servizzi ta’ natura temporanja. Il‑Kummissjoni tikkunsidra li l‑obbligu, impost fuq l‑impriżi diġà stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jipprovaw quddiem l‑amministrazzjoni Portugiża li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet ta’ stabbiliment kollha previsti mil‑liġi Portugiża sabiex ikun jista’ jkollhom aċċess għall‑attività ta’ kostruzzjoni jeskludi mis‑suq Portugiż kull provvista ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma jkunux stabbiliti fil‑Portugall. F’dan ir‑rigward hija tirreferi, b’mod partikolari, għas‑sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, Säger (C‑76/90, Ġabra p. I‑4221, punt 13), li minnha jirriżulta li Stat Membru ma jistax jissuġġetta t‑twettiq tal‑provvista ta’ servizzi fit‑territorju tiegħu għall‑osservanza tal‑kundizzjonijiet kollha meħtieġa għal stabbiliment, għaliex b’hekk ikun qiegħed iċaħħad mill‑effettività tagħhom id‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat intiżi preċiżament sabiex jiżguraw il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi.

61      Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ssostni li fis‑settur tal‑kostruzzjoni fil‑Portugall jeżisti nuqqas kunsiderevoli ta’ ċertezza legali. Hija tispjega li sabiex tkun tista’ tikseb aċċess għall‑attività ta’ kostruzzjoni fil‑Portugall, l‑impriża li tkun interessata hija meħtieġa tipprova li d‑diretturi u l‑amministraturi tagħha kienu diġà wettqu xogħlijiet b’valur u b’importanza bħal dawk li l‑impriża tkun tixtieq twettaq kif ukoll tipprova li hija diġà wettqet xogħlijiet li jikkorrispondu għat‑tip ta’ xogħlijiet li fir‑rigward tagħhom tkun tixtieq tikseb aċċess. Dawn ir‑rekwiżiti huma kontradittorji għaliex, jekk l‑impriża tkun diġà wettqet xogħlijiet li jikkorrispondu għal dan it‑tip ta’ xogħlijiet, dan ifisser li hija diġà kellha aċċess għall‑attività ta’ kostruzzjoni. Barra minn hekk, id‑dritt Portugiż ma jistabbilixxix kriterji għall‑evalwazzjoni tal‑esperjenza effettiva. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, huwa diffiċli ħafna għal impriżi li jipprovdu servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra sabiex jipprovdu servizzi ta’ kostruzzjoni fil‑Portugall.

62      Barra minn hekk, il‑Kummissjoni tikkunsidra li huwa inkompatibbli mal‑Artikolu 49 KE l‑fatt li, skont l‑Artikolu 19 tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004, l‑impriżi li jipprovdu servizzi ta’ kostruzzjoni ma humiex obbligati biss jiksbu aċċess għall‑attività iżda huma obbligati wkoll li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jeżerċitawha. F’dan il‑kuntest hija tenfasizza li l‑awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata l‑attività ta’ kostruzzjoni tingħata lill‑impriża kkonċernata għal perijodu qasir ħafna u li din l‑impriża għalhekk ikollha ġġedded b’mod regolari l‑awtorizzazzjoni tagħha jekk tkun tixtieq tkompli tipprovdi servizzi ta’ kostruzzjoni, ħaġa din li tfisser li l‑impriża jkollha tissodisfa b’mod permanenti l‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għall‑attività ta’ kostruzzjoni. Issa, mid‑definizzjoni tagħha stess, il‑provvista ta’ servizzi ta’ natura temporanja timplika preċiżament il‑fatt li l‑attività ma tkunx kontinwa.

63      Il‑Kummissjoni taċċetta li r‑Repubblika Portugiża tista’ tirregola l‑attività ta’ kostruzzjoni. Madankollu, hija tosserva li, minn naħa, is‑sistema inkwistjoni ma tikkostitwixxix regolazzjoni tal‑attività ta’ kostruzzjoni iżda regolazzjoni tal‑aċċess għal din l‑attività. Min‑naħa l‑oħra, hija tqis li din is‑sistema setgħet tiġi ssostitwita b’forom oħra ta’ regolazzjoni inqas restrittivi u b’mod partikolari b’kontroll aħjar tal‑eżerċizzju tal‑attività ta’ kostruzzjoni. F’dan il‑kuntest hija ssostni li l‑osservanza tar‑regoli tekniċi u legali li għalihom hija suġġetta l‑kostruzzjoni ta’ bini, invokati mir‑Repubblika Portugiża, tista’ tiġi ggarantita permezz tad‑dritt tal‑urbaniżmu u d‑dritt privat tal‑kostruzzjoni. Bl‑istess mod, il‑protezzjoni kif ukoll l‑iżvilupp tal‑patrimonju ta’ bini storiku jistgħu jiġu ggarantiti mid‑dritt tal‑urbaniżmu u t‑titjib tal‑ambjent mibni kif ukoll il‑kwalità tal‑bini jistgħu jiġu ggarantiti mid‑dritt tal‑ambjent. Fi kwalunkwe każ, ir‑Repubblika Portugiża la tista’ tawtorizza u lanqas tikkwalifika impriża skont id‑dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tinjora kompletament il‑kwalifiki u l‑kapaċitajiet miksuba minn din l‑impriża fl‑Istat Membru fejn hija stabbilita.

64      Fl‑aħħar nett, il‑Kummissjoni tirreferi għad‑Direttiva 2005/36, li, fit‑Titolu II tagħha, introduċiet sistema speċifika għall‑provvista ta’ servizzi. F’dan il‑kuntest, ir‑Repubblika Portugiża għad għandha l‑possibbiltà li tissuġġetta l‑provvista ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni għal sempliċi dikjarazzjoni minn qabel annwali, fil‑każ li l‑fornitur ta’ servizzi jmur fit‑territorju tagħha, bl‑esklużjoni ta’ kwalunkwe kundizzjoni oħra. Għaldaqstant, kull obbligu addizzjonali ieħor minbarra d‑dikjarazzjoni minn qabel annwali prevista fid‑direttiva msemmija jikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fir‑replika tagħha l‑Kummissjoni tispeċifika li, fir‑rikors tagħha, hija ma taffermax li l‑miżuri li għandhom jittieħdu mir‑Repubblika Portugiża għandhom jipprevedu sempliċi dikjarazzjoni minn qabel annwali, iżda sempliċement tiġbed l‑attenzjoni ta’ dan l‑Istat Membru għad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2005/36. Għalkemm din id‑direttiva għandha bħala suġġett il‑professjonijiet irregolati u mhux l‑attivitajiet ekonomiċi rregolati, il‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għall‑attività ta’ kostruzzjoni previsti mil‑leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni, u b’mod partikolari l‑kundizzjoni dwar kapaċità teknika, jinkludu rekwiżiti li ma jikkonċernawx biss l‑impriża iżda anki d‑diretturi, l‑amministraturi, il‑persuni tekniki, il‑professjonisti, il‑persuni responsabbli għax‑xogħlijiet u l‑ħaddiema. Barra minn hekk, l‑impriża individwali tkun ikkonċernata mir‑regoli tad‑Direttiva 2005/36 kull darba li l‑attività ekonomikament rilevanti tkun tista’ tiġi attribwita lil persuna li din l‑attività tikkostitwixxi l‑professjoni tagħha.

65      Ir‑Repubblika Portugiża tispjega li d‑Digriet Liġi Nru 12/2004 jistabbilixxi s‑sistema legali tal‑eżerċizzju tal‑attività ta’ kostruzzjoni li, billi tipprovdi li l‑aċċess għal din l‑attività huwa suġġett għall‑għoti ta’ liċenzja, tikkorrispondi għas‑sistema legali ta’ attività ekonomika rregolata. Hija ssostni li din is‑sistema, madankollu, ma tistax titqies li hija ostakolu għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li d‑dispożizzjonijiet inkwistjoni huma ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, b’mod partikolari r‑rekwiżit li jiġu ggarantiti s‑solidità u s‑sigurtà tal‑kostruzzjonijiet, kif ukoll minħabba l‑ħtieġa li jiġu protetti, minn naħa, l‑ambjent u l‑patrimonju urban, u, min‑naħa l‑oħra, id‑drittijiet tal‑konsumaturi u tal‑utenti ta’ bini b’mod ġenerali, liema drittijiet ikunu altrimenti ppreġudikati b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat.

66      Ir‑Repubblika Portugiża tqis, b’mod partikolari, li l‑kundizzjonijiet stabbiliti mis‑sistema msemmija huma ġustifikati minħabba s‑sitwazzjoni partikolari tal‑attività ta’ kostruzzjoni kkaratterizzata minn prattiki dannużi li huma manifesti fl‑azzjoni normali tal‑impriżi ta’ dan is‑settur. F’dan ir‑rigward hija tirreferi, b’mod partikolari, għall‑fatt li l‑attività ta’ kostruzzjoni u l‑eżerċizzju korrett tagħha huma essenzjali sabiex ikunu żgurati s‑sigurtà u l‑kwalità ta’ ħajja tan‑nies, għall‑fatt li din hija attività partikolarment kumplessa, b’livell għoli ta’ perikolu u kkaratterizzata minn użu massiv ta’ ħaddiema ftit li xejn ikkwalifikati u għall‑fatt li din l‑attività hija milquta minn fenomeni endemiċi ta’ ksur tal‑obbligi legali u minn aġir frawdolenti. Jekk ikun faċli li jinħolqu impriżi ta’ kostruzzjoni, dan iwassal għal prassi ġeneralizzata fejn l‑impriżi jieħdu l‑profitt min‑negozju konkluż u sussegwentement jisparixxu, mingħajr ma jħallsu r‑remunerazzjonijiet tal‑ħaddiema u l‑fatturi tal‑fornituri u mingħajr ma joneraw l‑obbligu li jagħtu garanzija fuq ix‑xogħlijiet imwettqa.

67      Ir‑Repubblika Porugiża tikkunsidra li, fid‑dawl ta’ dawn il‑karatteristiċi tal‑attività ta’ kostruzzjoni fil‑Portugall u fid‑dawl tal‑fatt li r‑rimedji li l‑għan tagħhom ikun wieħed purament ta’ sanzjoni ma humiex suffiċjenti sabiex jiġu evitati danni u preġudizzju li ma jkunux jistgħu jiġu rrimedjati, huwa imperattiv li din l‑attività tiġi rregolata. Fil‑fatt, peress li l‑proprjetà immobbli hija proprjetà li sservi għal żmien twil u li għandha impatt sinjifikattiv fuq il‑mod kif tiġi żviluppata l‑art u fuq il‑ħajja taċ‑ċittadini, l‑attività ta’ kostruzzjoni la tista’ u lanqas għandha tiġi eżerċitata b’mod liberu peress li dan jista’ jikkostitwixxi riskju għall‑kwalità tal‑patrimonju tal‑bini u, għaldaqstant, għas‑sigurtà tal‑utenti tiegħu. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġu previsti rekwiżiti minimi għall‑aċċess għal din l‑attività sabiex jiġi żgurat li l‑impriżi kollha ta’ kostruzzjoni jkollhom il‑kwalifiki u l‑kapaċitajiet suffiċjenti. Barra minn hekk, ir‑Repubblika Portugiża hija obbligata mill‑Kostituzzjoni tagħha sabiex tiżgura livell ta’ protezzjoni adegwat tad‑drittijiet u tal‑garanziji li din tistabbilixxi għaċ‑ċittadini u għall‑konsumaturi.

68      Ir‑Repubblika Portugiża ssostni li għandu jiġi żgurat livell minimu ta’ koerenza bejn l‑obbligi imposti fuq l‑Istati Membri permezz tal‑Artikolu 49 KE u d‑dispożizzjonijiet l‑oħra tad‑dritt tal‑Unjoni. F’dan il‑kuntest hija tirreferi b’mod partikolari għad‑Direttiva 2004/17/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l‑proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis‑setturi tas‑servizzi tal‑ilma, l‑enerġija, t‑trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), u għad‑Direttiva 2004/18/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l‑proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), li essenzjalment għandhom l‑istess sistema ta’ aċċess għall‑attivitajiet ikkonċernati bħal dik prevista mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, fil‑kuntest ta’ xogħlijiet privati, il‑konsumatur finali jinsab f’sitwazzjoni iktar dgħajfa minn entità pubblika. Is‑sistema inkwistjoni hija ġustament intiża sabiex tipproteġi lill‑konsumaturi u lill‑entitajiet privati li jkunu qegħdin jaġixxu bħala kummissjonanti ta’ xogħlijiet u li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fraġli. Issa, il‑protezzjoni tal‑konsumaturi hija politika fundamentali tal‑Unjoni li hija espressa, b’mod partikolari, fl‑Artikolu 153 KE.

69      Ir‑Repubblika Portugiża tqis li l‑interessi li d‑Digriet Liġi Nru 12/2004 huwa intiż li jipproteġi jaqgħu, parzjalment, taħt l‑ordni pubbliku u jikkostitwixxu, mill‑bqija, raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Il‑kundizzjonijiet previsti minn dan id‑digriet liġi fir‑rigward tal‑kisba ta’ awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata l‑attività ta’ kostruzzjoni jissodisfaw ir‑rekwiżiti kollha stabbiliti mill‑Qorti tal‑Ġustizzja sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li huma ġustifikati. Dawn il‑kundizzjonijiet japplikaw, b’mod partikolari, b’mod mhux diskriminatorju u huma neċessarji u proporzjonati fil‑konfront tal‑għanijiet mixtieqa.

70      F’dan il‑kuntest, ir‑Repubblika Portugiża tispjega li r‑rekwiżit ta’ ħila kummerċjali huwa intiż b’mod partikolari li jiggarantixxi l‑integrità tal‑impriża u l‑fatt li din hija ppreparata sabiex teżerċita l‑attività ta’ kostruzzjoni, fid‑dawl tad‑diversi normi legali, kuntrattwali u etiċi marbuta magħha, u li jiżgura ż‑żamma ta’ aġir legali u kummerċjalment onest. Ir‑rekwiżit ta’ kapaċita teknika huwa intiż li jiggarantixxi li l‑impriżi ta’ kostruzzjoni jkollhom riżorsi umani, b’mod partikolari fil‑livell tekniku u tal‑persunal, bi kwalifiki adegwati għax‑xogħlijiet li huma jkunu qegħdin jipproponu li jwettqu. Ir‑rekwiżit ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja huwa intiż b’mod partikolari li jiżgura s‑solvenza tal‑impriżi, il‑kapaċità tagħhom li joneraw l‑impenji meħuda u ġestjoni korretta u onesta minn dawn l‑impriżi tal‑proprjetà u tal‑interessi li jkunu fdati lilhom, kif ukoll li jevita l‑abbandun tax‑xogħlijiet u l‑aġir kriminali li jista’ jseħħ fl‑eżerċizzju tal‑attività.

71      Ir‑Repubblika Portugiża ssostni li, fid‑dawl tar‑raġunijiet li fuqhom huma bbażati n‑normi previsti fid‑Digriet Liġi Nru 12/2004 u fid‑dawl tal‑fatt li l‑kostruzzjoni hija attività ekonomika ta’ natura dewwiema u fit‑tul, ma huwiex possibbli li wieħed jimmaġina li impriża tista’ tiġi eżentata mill‑osservanza ta’ dawn in‑normi mingħajr ma tiġi mxejna s‑sistema stabbilita mid‑digriet liġi msemmi u mingħajr ma jiġu ppreġudikati l‑għanijiet ta’ din is‑sistema. B’mod partikolari, huwa indispensabbli għall‑protezzjoni tal‑konsumaturi li l‑impriżi jiġu suġġetti għal sistema uniformi, irrispettivament mill‑intensità tal‑attività eżerċitata mill‑operaturi ekonomiċi, nazzjonali jew ta’ Stat Membru ieħor, għaliex inkella jkun il‑konsumatur li jkollu jiffaċċja diversi sistemi legali li r‑regoli stabbiliti minnhom ma jistax ikun jafhom.

72      Barra minn hekk, ma jistax jitqies li d‑Digriet Liġi Nru 12/2004 jikser l‑Artikolu 49 KE minħabba s‑sempliċi fatt li ma jagħmilx distinzjoni bejn provvista ta’ servizzi u stabbiliment. Interpretazzjoni f’dan is‑sens tkun f’kontradizzjoni flagranti mal‑Artikolu 50(2) KE u ma tistax tiġi dedotta mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, b’mod partikolari mis‑sentenza Säger, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill‑Kummissjoni.

73      Ir‑Repubblika Portugiża ma taqbilx li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha ma tagħmilx distinzjoni bejn l‑istabbiliment ta’ impriża ta’ kostruzzjoni u l‑provvista ta’ servizzi minn tali impriża. F’dan ir‑rigward hija tispjega li, skont il‑Kodiċi Portugiż tal‑kumpanniji kummerjċali, kumpannija kummerċjali li tkun tixtieq teżerċita attività ta’ kostruzzjoni għal iktar minn sena għandha tinkorpora rappreżentanza u għandha taħtar ir‑rappreżentant tagħha. L‑impriżi ta’ kostruzzjoni li jipprovdu servizzi okkażjonali għal perijou ta’ mhux iktar minn sena ma humiex meħtieġa jkollhom rappreżentanza iżda huma meħtieġa biss jiksbu awtorizzazzjoni sabiex jeżerċitaw l‑attività ta’ kostruzzjoni. Għalhekk, ittieħdu passi sabiex il‑leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi mekkaniżmi sabiex l‑osservanza tal‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għall‑attività ta’ kostruzzjoni minn impriżi li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor tiġi adattata u ffaċilitata.

74      Barra minn hekk, sa fejn fornitur ta’ servizzi għandu l‑possibbiltà jiddeċiedi li ma jġeddidx l‑awtorizzazzjoni tiegħu li jeżerċita l‑attività ta’ kostruzzjoni jew li jannullaha, b’tali mod li dan il‑fornitur ma jkunx iktar obbligat josserva r‑rekwiżiti imposti mid‑Digriet Liġi Nru 12/2004, teżisti effettivament distinzjoni bejn il‑provvista ta’ servizzi u l‑istabbiliment.

75      Barra minn hekk, jekk fornitur ta’ servizzi jkun suġġett fl‑Istat Membru fejn ikun stabbilit għall‑istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti mil‑leġiżlazzjoni Portugiża, huwa jista’ jipproduċi prova ta’ dan sabiex jikseb l‑awtorizzazzjoni għall‑eżerċizzju tal‑attività ta’ kostruzzjoni fil‑Portugall. F’każ bħal dan, il‑fornitur jikseb din l‑awtorizzazzjoni b’mod kważi awtomatiku peress li jissodisfa l‑kundizzjonijiet meħtieġa kollha.

76      Madankollu, fid‑dawl tan‑natura eteroġena tas‑sistemi legali fl‑Unjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li s‑sempliċi eżistenza ta’ awtorizzazzjoni fi Stat Membru hija biżżejjed sabiex tippermetti l‑provvista ta’ servizzi mingħajr kundizzjonijiet addizzjonali fi Stati Membri oħra. Bl‑istess mod, fid‑dawl tal‑kwantità kbira ta’ dawn is‑sistemi legali, l‑amministrazzjoni Portugiża ma tistax tkun mistennija tivverifika l‑livell ta’ protezzjoni mogħti fi Stat Membru ieħor peress li jkun wisq diffiċli li ssir tali verifika. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri ma għandhomx leġiżlazzjoni li tikkonċerna l‑aċċess għall‑attività ta’ kostruzzjoni għal xogħlijiet privati.

77      Ir‑Repubblika Portugiża tikkunsidra bħala irrilevanti r‑riferiment magħmul mill‑Kummissjoni għad‑Direttiva 2005/36. Fil‑fatt, din id‑direttiva ma tapplikax għall‑proċedura ineżami peress li f’din il‑proċedura qiegħda titqajjem il‑kwistjoni tal‑eżerċizzju ta’ attività ekonomika rregolata suġġetta għal sistema legali ta’ aċċess minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali u mhux “professjoni” fis‑sens tad‑direttiva msemmija. Il‑kwalifika professjonali hija biss aspett wieħed minn fost ħafna kundizzjonijiet oħra li għalihom huma suġġetti l‑impriżi ta’ kostruzzjoni.

78      F’dan l‑istess kuntest, ir‑Repubblika Portugiża ssostni li r‑regolazzjoni tal‑eżerċizzju tal‑attività ta’ kostruzzjoni, sal‑adozzjoni tad‑Direttiva 2006/123, ma kinitx is‑suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal‑Unjoni. Hija tqis li, fid‑dawl tal‑obbligi stabbiliti permezz ta’ din id‑direttiva, li t‑terminu għat‑traspożizzjoni skada fit‑28 ta’ Diċembru 2009, ma jistax jingħad li dawn l‑istess obbligi jirriżultaw direttament mit‑Trattat. Fl‑aħħar nett, minħabba t‑traspożizzjoni tad‑direttiva msemmija, il‑leġiżlazzjoni rilevanti Portugiża kollha li tikkonċerna kważi mitt attività ekonomika rregolata, inkluż l‑attività ta’ kostruzzjoni, bħalissa tinsab għaddejja minn proċess ta’ evalwazzjoni. Sa fejn f’qasir żmien is‑sitwazzjoni regolatorja Portugiża kollha se tiġi emendata, l‑effett prattiku ta’ din il‑proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa limitat u din il‑proċedura għandha tiġi sospiża.

79      Ir‑Repubblika tal‑Polonja ssostni li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall‑provvista ta’ servizzi mill‑fornituri ta’ Stati Membri oħra tista’ tiġi ġġustifikata biss b’mod eċċezzjonali, u dan jekk jintwera li l‑kontroll li jsir waqt li l‑attività tkun għaddejja jew il‑kontroll li jsir a posteriori ma humiex suffiċjentement effikaċi. Issa, ir‑Repubblika Portugiża la stabbiliet li s‑sistema ta’ awtorizzazzjoni tagħha tikkontribwixxi effettivament sabiex issaħħaħ is‑sigurtà fis‑settur tal‑kostruzzjoni u lanqas ma turi li din is‑sistema hija neċessarja sabiex jintlaħqu l‑għanijiet mixtieqa. Fil‑fatt, dawn l‑għanijiet jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri li jissuġġettaw għal awtorizzazzjoni kostruzzjoni konkreta u mhux l‑attività ta’ kostruzzjoni stess. Tali miżuri, flimkien mal‑kontroll tal‑proċess ta’ kostruzzjoni, ikunu ħafna iktar effikaċi sabiex jiġu żgurati l‑kwalità, in‑natura dewwiema u s‑sigurtà tal‑kostruzzjoni, kif ukoll l‑osservanza tan‑normi legali u tekniċi nazzjonali.

80      Barra minn hekk, skont ir‑Repubblika tal‑Polonja, mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li l‑awtoritajiet tal‑Istat Membru ospitanti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r‑rekwiżiti li l‑operaturi ekonomiċi jew il‑persunal tagħhom diġà jissodisfaw fl‑Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Madankollu, billi tapplika dispożizzjonijiet identiċi fir‑rigward tal‑impriżi nazzjonali u ta’ dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, ir‑Repubblika Portugiża ma tiħux inkunsiderazzjoni l‑kundizzjonijiet diġà sodisfatti mill‑fornituri fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment. Barra minn hekk, ir‑Repubblika Portugiża ma tistax tinvoka l‑fatt li ma għandhiex konoxxenza tad‑dispożizzjonijiet tal‑Isati Membri l‑oħra u n‑natura eteroġena tal‑leġiżlazzjonijiet fis‑seħħ sabiex tiġġustifika r‑restrizzjoni għall‑moviment liberu tas‑servizzi.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

81      Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l‑eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid‑dawl tas‑sitwazzjoni tal‑Istat Membru fit‑tmiem tat‑terminu stabbilit fl‑opinjoni motivata u li l‑bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni mill‑Qorti tal‑Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u tas‑26 ta’ Novembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑13/09, punt 9). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, il‑Kummissjoni biss għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi jekk huwiex il‑mument opportun sabiex tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu u sabiex tiddeċiedi fuq liema aġir jew ommissjoni imputabbli lill‑Istat Membru kkonċernat għandha tinfetaħ din il‑proċedura (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑471/98, Ġabra p. I‑9681, punt 39, u tat‑12 ta’ Novembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑199/07, Ġabra p. I‑10669, punt 23).

82      Minn dan jirriżulta li għandu jiġi miċħud l‑argument tar‑Repubblika Portugiża li l‑effett prattiku ta’ din il‑proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu huwa limitat u li din il‑proċedura għandha tiġi sospiża minħabba li s‑sitwazzjoni regolatorja Portugiża se tiġi emendata f’qasir żmien sabiex tiġi trasposta d‑Direttiva 2006/123.

83      Fir‑rigward tal‑kompatibbiltà tas‑sistema nazzjonali inkwistjoni mal‑Artikolu 49 KE, skont ġurisprudenza stabbilita, dan l‑artikolu ma jeżiġix biss l‑eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil‑konfront tal‑fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n‑nazzjonalità tiegħu, iżda jeżiġi wkoll l‑eliminazzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni għall‑fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, jekk din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l‑attivitajiet tal‑fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn jipprovdi legalment servizzi simili (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2009, Kattner Stahlbau, C‑350/07, Ġabra p. I‑1513, punt 78 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan is‑sens, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l‑eżerċizzju ta’ ċerti servizzi fit‑territorju nazzjonali minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor għall‑ħruġ ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva tikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Säger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; tad‑9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst, C‑43/93, Ġabra p. I‑3803, punt 15; tad‑9 ta’ Marzu 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑355/98, Ġabra p. I‑1221, punt 35, u tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/02, Ġabra p. I‑5645, punt 60).

85      Barra minn hekk, il‑fatt, invokat mir‑Repubblika Portugiża, li t‑tlestija tal‑provvista ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni teħtieġ ġeneralment ċertu żmien u li, għalhekk, jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn dawn is‑servizzi u s‑sitwazzjoni fejn il‑fornitur ikun effettivament stabbilit fl‑Istat Membru ospitanti, b’ebda mod ma għandu l‑konsegwenza li jeskludi ex officio l‑imsemmi servizzi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 49 KE. F’dan is‑sens, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà kkonstatat li dan l‑artikolu jkopri wkoll servizzi li jiġu pprovduti fuq perijodu twil, jekk mhux ukoll fuq diversi snin, filwaqt li tat bħala eżempju, b’mod partikolari, is‑servizzi pprovduti fil‑kuntest tal‑kostruzzjoni ta’ bini kbir (ara s‑sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer, C‑215/01, Ġabra p. I‑14847, punt 30).

86      Mill‑ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta b’mod ċar li s‑sistema stabbilita mid‑Digriet Liġi Nru 12/2004, li tipprovdi li anki l‑impriżi li huma diġà stabbiliti legalment fi Stat Membru ieħor għandhom, qabel ma jkunu jistgħu jipprovdu servizzi ta’ kostruzzjoni b’mod temporanju fil‑Portugall, jiksbu mingħand l‑amministrazzjoni Portugiża awtorizzazzjoni li tattesta li jistgħu jwettqu t‑tip ta’ servizzi li huma jixtiequ jwettqu, tikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi.

87      Fir‑rigward tal‑argument invokat mir‑Repubblika Portugiża u bbażat fuq il‑fatt li d‑dispożizzjonijiet dwar il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti mid‑Direttiva 2006/123 għadhom ma japplikawx għal din il‑proċedura, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, anki jekk ma jkunx hemm miżuri ta’ armonizzazzjoni, restrizzjoni għall‑Artikolu 49 KE tista’ tkun ġustifikata biss minn dispożizzjonijiet li jkunu bbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li jkunu applikabbli għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit‑territorju tal‑Istat Membru ospitanti, bil‑kundizzjoni li dan l‑interess ma jkunx protett mir‑regoli li għalihom il‑fornitur huwa suġġett fl‑Istat Membru fejn huwa stabbilit u li dawn id‑dispożizzjonijiet ikunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l‑għan tagħhom u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Corsten, C‑58/98, Ġabra p. I‑7919, punt 35; tad‑9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑433/04, Ġabra 2006 p. I‑10653, punt 33, u tat‑18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑490/04, Ġabra p. I‑6095, punt 64, kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

88      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, b’mod partikolari l‑obbligu ġenerali stabbilit fl‑Artikolu 16(1) ta’ din id‑direttiva, li jipprovdi li l‑Istati Membri għandhom jiggarantixxu l‑aċċess għal attività ta’ servizz u l‑eżerċizzju tagħha fit‑territorju tagħhom billi jissuġġetaw dan l‑aċċess jew eżerċizzju biss għal rekwiżiti mhux diskriminatorji u oġġettivament ġustifikati, jirriżulta direttament mill‑Artikolu 49 KE.

89      Fir‑rigward tal‑kwistjoni dwar jekk ir‑restrizzjoni għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mis‑sistema nazzjonali inkwistjoni, li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull impriża ta’ kostruzzjoni attiva fit‑territorju Portugiż, hijiex oġġettivament ġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l‑motivi invokati f’dan ir‑rigward mir‑Repubblika Portugiża, jiġifieri b’mod partikolari r‑rekwiżiti li tiġi ggarantita s‑solidità u s‑sigurtà tal‑kostruzzjonijiet u li jiġu protetti l‑ambjent, il‑patrimonju urban kif ukoll il‑konsumaturi u l‑utenti tal‑bini, jikkostitwixxu effettivament tali raġunijiet (ara wkoll is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Corsten, punt 38, u Schnitzer, punt 35), mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat, għall‑finijiet ta’ din il‑kawża, jekk uħud minn dawn ir‑raġunijiet jaqgħux, kif issostni r‑Repubblika Portugiża, taħt il‑kunċett ta’ ordni pubbliku.

90      Madankollu, kif jirriżulta b’mod partikolari mil‑premessi 6 u 27 tad‑Direttiva 2005/36, il‑leġiżlatur tal‑Unjoni, meta adottaha, diġà ħa inkunsiderazzjoni dawn ir‑rekwiżiti, li huma għalhekk riflessi fid‑dispożizzjonijiet ta’ din id‑direttiva.

91      Issa, skont l‑Artikolu 5(1) ta’ din id‑direttiva, l‑Istati Membri ma jistgħux jillimitaw, minħabba raġunijiet marbuta mal‑kwalifiki professjonali, il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi jekk il‑fornitur ikun legalment stabbilit fi Stat Membru fejn il‑professjoni hija rregolata. Għalhekk, tali fornitur jista’ jipprovdi s‑servizzi tiegħu fi Stat Membru ieħor fuq il‑bażi tal‑kwalifika professjonali oriġinali tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ jitlob ir‑rikonoxximent tal‑kwalifiki tiegħu. Meta l‑professjoni inkwistjoni ma tkunx irregolata fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment, il‑fornitur ikollu jagħti prova ta’ esperjenza professjonali ta’ sentejn.

92      Skont l‑Artikolu 7(1) u (2) tad‑direttiva msemmija, l‑Istat Membru ospitanti jista’ jeżiġi li l‑fornitur jagħmel dikjarazzjoni minn qabel meta jwettaq l‑ewwel provvista ta’ servizzi fit‑territorju tiegħu, dikjarazzjoni li magħha għandu jannetti b’mod partikolari informazzjoni dwar assigurazzjoni għal responsabbiltà professjonali u dokumenti oħra bħal prova tan‑nazzjonalità tiegħu, tal‑istabbiliment legali tiegħu u tal‑kwalifiki professjonali tiegħu. Madankollu, il‑prova tal‑assenza ta’ kundanni kriminali tista’ tintalab biss għall‑professjonijiet fil‑qasam tas‑sigurtà u sa fejn din tintalab mingħand iċ‑ċittadini tal‑Istat Membru ospitanti.

93      L‑Artikolu 7(4) tad‑direttiva msemmija jipprevedi eċċezzjoni limitata għal dawn il‑prinċipji fir‑rigward tal‑professjonijiet irregolati li għandhom implikazzjonijiet fil‑qasam tas‑saħħa u tas‑sigurtà pubblika u li ma jibbenefikawx minn rikonoxximent awtomatiku taħt il‑Kapitolu III tat‑Titolu III tad‑Direttiva 2005/36. Huwa biss fir‑rigward ta’ dawn il‑professjonijiet li l‑awtorità kompetenti tal‑Istat Membru ospitanti tista’ twettaq verifika tal‑kwalifiki professjonali tal‑fornitur jekk l‑għan ta’ din il‑verifika jkun li tiġi evitata ħsara gravi għas‑saħħa jew għas‑sigurtà tad‑destinatarju tas‑servizz u sa fejn din il‑verifika tkun proporzjonata għal dan il‑għan.

94      Barra minn hekk, fl‑Artikolu 8 tagħha, id‑Direttiva 2005/36 stabbiliet kooperazzjoni amministrattiva li permezz tagħha l‑awtoritajiet kompetenti tal‑Istat Membru ospitanti jistgħu jitolbu lill‑awtoritajiet kompetenti tal‑Istat Membru ta’ stabbiliment, fir‑rigward ta’ kull provvista ta’ servizzi, kull informazzjoni rilevanti dwar il‑legalità tal‑istabbiliment u tal‑kondotta tajba tal‑fornitur kif ukoll dwar l‑assenza ta’ sanzjoni dixxipplinarja jew kriminali ta’ natura professjonali. Fl‑aħħar nett, sabiex ikunu protetti aħjar l‑interessi tad‑destinatarji tas‑servizz, l‑Artikolu 9 ta’ din id‑direttiva jippermetti lill‑Istat Membru ospitanti jeżiġi li l‑fornitur jipprovdi lid‑destinatarju ċerta informazzjoni li tinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni dwar l‑assigurazzjoni għal responsabbiltà professjonali.

95      Ir‑Repubblika Portugiża ma tikkontestax li r‑rekwiżiti li jirriżultaw mis‑sistema stabbilita permezz tad‑Digriet Liġi Nru 12/2004 imorru lil hinn minn dak li huwa previst mit‑Titolu II tad‑Direttiva 2005/36. Madankollu, dan l‑Istat Membru jikkontesta l‑applikabbiltà ta’ din id‑direttiva għas‑sistema msemmija minħabba li din is‑sistema ma tikkonċernax professjoni rregolata iżda attività ekonomika rregolata.

96      F’dan id‑dawl, għandu l‑ewwel nett jiġi kkonstatat li teżisti relazzjoni diretta, jekk mhux ukoll koinċidenza, bejn l‑eżerċizzju ta’ attività fis‑settur tal‑bini u l‑eżerċizzju tal‑professjonijiet marbuta ma’ dan is‑settur u li r‑regolazzjoni ta’ dawn il‑professjonijiet tista’ titqies li tagħmel parti mir‑regolazzjoni ta’ din l‑attività.

97      It‑tieni nett, għandu jiġi osservat li, skont is‑sistema nazzjonali inkwistjoni, impriża ta’ kostruzzjoni li tkun tixtieq tipprovdi s‑servizzi tagħha fil‑Portugall għandha, sabiex tiġi kklassifikata u tirċievi permess, tissodisfa kundizzjonijiet li ma jikkonċernawx biss l‑impriża stess iżda anki d‑diretturi u l‑persunal tagħha b’mod ġenerali. B’hekk, il‑kapaċità teknika ta’ impriża ma hijiex evalwata biss fuq il‑bażi tal‑istruttura ta’ organizzazzjoni tagħha, tan‑numru tal‑persunal, tal‑pussess tal‑mezzi tekniċi neċessarji u tal‑esperjenza effettiva tagħha, iżda anki fid‑dawl tal‑livell ta’ konoxxenza, tal‑ispeċjalizzazzjoni u tal‑esperjenza tal‑persunal tagħha. Barra minn hekk, il‑ħila kummerċjali tal‑impriża għandha b’mod partikolari tiġi pprovata permezz ta’ ċertifikati dwar il‑kondotta tal‑imprenditur u tar‑rapprażentanti legali tal‑kumpannija.

98      Fl‑aħħar nett, għandu jiġi osservat li l‑Artikoli 16 u 17 tad‑Direttiva 2005/36, moqrija flimkien mal‑Lista I tal‑Anness IV tagħha, u b’mod partikolari l‑klassi 40 li tinsab f’din il‑lista, jirreferu għall‑“attivitajiet” fis‑settur tal‑kostruzzjoni u tal‑inġinerija ċivili.

99      Madankollu, mingħajr ma jkun meħtieġ, għall‑finijiet ta’ din il‑proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, li jiġi ddeterminat sa fejn id‑Direttiva 2005/36 tapplika għas‑sistema nazzjonali inkwistjoni u jekk din is‑sistema hijiex kompatibbli mad‑direttiva msemmija, peress li inkompatibbiltà f’dan ir‑rigward ma ġietx invokata mill‑Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li din is‑sistema, fi kwalunkwe każ, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l‑għanijiet mixtieqa.

100    Fil‑fatt, kif ġie mfakkar fil‑punt 87 ta’ din is‑sentenza, restrizzjoni għall‑Artikolu 49 KE tista’ tkun ġustifikata biss jekk l‑interess ġenerali li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali tkun intiża li tipproteġi ma jkunx protett mir‑regoli li għalihom ikun suġġett il‑fornitur fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment. B’hekk, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li sistema nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju jekk ir‑rekwiżiti li għalihom ikun suġġett il‑ħruġ tal‑awtorizzazzjoni jkunu superfluwi fid‑dawl tal‑provi u tal‑garanziji ekwivalenti meħtieġa fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment, filwaqt li ddeduċiet minn dan, b’mod partikolari, l‑obbligu għall‑Istat Membru ospitanti li jieħu inkunsiderazzjoni l‑kontrolli u l‑verifiki diġà mwettqa fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1981, Webb, 279/80, Ġabra p. 3305, punt 20; tal‑4 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 205/84, Ġabra p. 3755, punt 47; tad‑9 ta’ Marzu 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, kif ukoll tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 u 66).

101    Issa, billi teżiġi li impriżi ta’ kostruzzjoni stabbiliti fi Stat Membru ieħor jissodisfaw il‑kundizzjonijiet kollha li s‑sistema nazzjonali, u b’mod partikolari d‑Digriet Liġi Nru 12/2004, timponi għall‑kisba tal‑awtorizzazzjoni għall‑eżerċizzju fil‑Portugall ta’ attività fis‑settur tal‑kostruzzjoni, din is‑sistema teskludi li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l‑obbligi ekwivalenti li għalihom tali impriża tkun suġġetta fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment u l‑verifiki diġà mwettqa f’dan ir‑rigward mill‑awtoritajiet tal‑Istat Membru msemmi.

102    Din il‑konstatazzjoni ma hijiex imdgħajfa mill‑fatt li l‑Kodiċi Portugiż tal‑kumpanniji kummerċjali jimponi l‑obbligu li tiġi inkorporata rappreżentanza u li jinħatar rappreżentant biss għall‑kumpanniji kummerċjali li jkunu jixtiequ jeżerċitaw l‑attivitajiet tagħhom fil‑Portugall għal iktar minn sena. Fil‑fatt, tali obbligu huwa sempliċement obbligu addizzjonali għal dak li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel skont il‑kundizzjonijiet kollha stabbiliti fid‑Digriet Liġi Nru 12/2004 u l‑eżenzjoni minn dan l‑obbligu b’ebda mod ma għandha l‑effett li, għall‑finijiet tal‑għoti ta’ din l‑awtorizzazzjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑obbligi ekwivalenti meħtieġa u vverifikati mill‑Istat Membru ta’ stabbiliment.

103    Bl‑istess mod, huwa irrilevanti l‑fatt, invokat ukoll mir‑Repubblika Portugiża, li l‑fornitur ta’ servizzi għandu l‑possibbiltà li ma jġeddidx jew li jannulla l‑permess jew iċ‑ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u li b’hekk jeħles mill‑obbligu li jissodisfa r‑rekwiżiti imposti mid‑digriet liġi msemmi. Għalkemm huwa manifestament possibbli li fornitur ta’ servizzi, fi kwalunkwe mument, jieqaf mill‑attivitajiet tiegħu fit‑territorju Portugiż, jekk l‑Artikolu 49 KE jiġi interpretat fis‑sens li s‑sempliċi eżistenza ta’ din il‑possibbiltà hija biżżejjed sabiex ostakolu għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi jitqies li huwa proporzjonat, din id‑dispożizzjoni tiġi mċaħħda mill‑effettività tagħha.

104    Sa fejn ir‑Repubblika Portugiża ssostni li hija tevalwa, fil‑prattika u b’mod limitat, l‑awtorizzazzjonijiet li impriża tkun kisbet fi Stati Membri oħra, għandu l‑ewwel nett jiġi kkonstatat li mill‑ispjegazzjonijiet mogħtija f’dan ir‑rigward mir‑Repubblika Portugiża fl‑atti tagħha u matul is‑seduta jirriżulta li hija taċċetta bħala prova elementi li jkunu diġà ġew ivverifikati mill‑Istat Membru ta’ stabbiliment biss fil‑każ li l‑awtoritajiet Portugiżi, wara kontroll fil‑fond sħiħ ta’ dawn l‑elementi, jaslu għall‑konklużjoni li l‑impriża inkwistjoni tissodisfa kompletament il‑kundizzjonijiet imposti mid‑Digriet Liġi Nru 12/2004. Issa, b’dan il‑mod, ir‑Repubblika Portugiża ma tiħux inkunsiderazzjoni l‑provi u l‑garanziji ekwivalenti meħtieġa fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment u vverifikati minn dan tal‑aħħar, iżda sempliċement tagħti lill‑impriżi l‑possibbiltà li, meta japplikaw għall‑permess jew għaċ‑ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, jippreżentaw mill‑ġdid l‑elementi li jkunu diġà ppreżentaw quddiem l‑awtoritajiet tal‑Istat Membru ta’ stabbiliment.

105    It‑tieni nett, għandu jiġi osservat li matul is‑seduta r‑Repubblika Portugiża, filwaqt li rreferiet għad‑diffikultajiet għall‑awtoritajiet amministrattivi tagħha li jivverifikaw il‑karatteristiċi taċ‑ċertifikati u tal‑awtorizzazzjonijiet maħruġa minn Stati Membri oħra, diffikultajiet li jirriżultaw min‑numru kbir u mill‑varjetà tas‑sistemi eżistenti fid‑diversi Stati membri, iddikjarat b’mod espress li taċċetta biss l‑elementi li jistgħu jipprovaw l‑esperjenza u l‑kapaċitajiet tekniċi f’xogħlijiet speċifiċi. Madankollu, mill‑ġurisprudenza mfakkra fil‑punt 100 ta’ din is‑sentenza jirriżulta li dawn id‑diffikultajiet, li sa ċertu punt jeżistu għas‑setturi kollha ta’ attivitajiet fejn il‑kundizzjonijiet ta’ aċċess ma ġewx armonizzati fuq il‑livell tal‑Unjoni, ma jistgħux jeżentaw lil Stat Membru mill‑obbligu li jevita li l‑ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għal fornitur diġà stabbilit fi Stat Membru ieħor ikun suġġett għal rekwiżiti li jkunu superfluwi fid‑dawl tal‑provi u tal‑garanziji ekwivalenti meħtieġa fl‑Istat Membru ta’ stabbiliment.

106    Fl‑aħħar nett, bi tweġiba għal mistoqsija tal‑Qorti tal‑Ġustizzja matul is‑seduta dwar il‑kwistjoni jekk il‑prassi ta’ evalwazzjoni limitata taċ‑ċertifikati u tal‑awtorizzazzjonijiet miksuba fi Stati Membri oħra, kif imwettqa mill‑awtoritajiet Portugiżi, tirriżultax minn leġiżlazzjoni, ir‑Repubblika Portugiża spjegat li d‑Digriet Liġi Nru 12/2004 ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir‑rigward iżda li l‑Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva nazzjonali jipprevedi regoli li jobbligaw lill‑amministrazzjoni timxi skont ċertu numru ta’ stadji u tevalwa l‑provi u d‑dokumenti ta’ sostenn kollha ppreżentati minn applikant.

107    F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel tkun ġustifikata anki meta tidderoga minn libertà fundamentali, din is‑sistema għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa minn qabel, liema kriterji jiżguraw li din is‑sistema tkun adegwata sabiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti l‑qafas għall‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tal‑awtoritajiet nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 64, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Issa, fil‑kuntest partikolari tal‑proċedura ta’ ħruġ ta’ permess jew ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, li tiddependi mill‑evalwazzjoni ta’ numru ta’ kriterji speċifiċi ħafna li jimplikaw evalwazzjoni suġġettiva u li fir‑rigward tagħha d‑Digriet Liġi Nru 12/2004 jipprevedi barra minn hekk dispożizzjonijiet speċjali, regola tant ġenerali bħal dik li għaliha tirreferi r‑Repubblika Portugiża ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi b’mod suffiċjenti l‑qafas għall‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tal‑awtoritajiet nazzjonali.

108    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi teżiġi li l‑fornituri ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni stabbiliti fi Stat Membru ieħor jissodisfaw il‑kundizzjonijiet kollha li s‑sistema nazzjonali inkwistjoni, u b’mod partikolari d‑Digriet Liġi Nru 12/2004, timponi għall‑kisba tal‑awtorizzazzjoni għall‑eżerċizzju fil‑Portugall ta’ attività fis‑settur tal‑kostruzzjoni u billi b’hekk teskludi li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l‑obbligi ekwivalenti li għalihom dawn il‑fornituri jkunu suġġetti fl‑Istat Membru fejn ikunu stabbiliti kif ukoll il‑verifiki li jkunu diġà twettqu f’dan ir‑rigward mill‑awtoritajiet tal‑Istat Membru msemmi, ir‑Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 49 KE.

 Fuq l‑ispejjeż

109    Skont l‑Artikolu 69(2), tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il-kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż kif mitlub mill‑Kummissjoni.

110    Skont l‑Artikolu 69(4) tar‑Regoli tal‑Proċedura, ir‑Repubblika tal‑Polonja għandha tbati l‑ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi teżiġi li l‑fornituri ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni stabbiliti fi Stat Membru ieħor jissodisfaw il‑kundizzjonijiet kollha li s‑sistema nazzjonali inkwistjoni, u b’mod partikolari d‑Digriet Liġi Nru 12/2004, tad‑9 ta’ Jananr 2004, timponi għall‑kisba tal‑awtorizzazzjoni għall‑eżerċizzju fil‑Portugall ta’ attività fis‑settur tal‑kostruzzjoni u billi b’hekk teskludi li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l‑obbligi ekwivalenti li għalihom dawn il‑fornituri jkunu suġġetti fl‑Istat Membru fejn ikunu stabbiliti kif ukoll il‑verifiki li jkunu diġà twettqu f’dan ir‑rigward mill‑awtoritajiet tal‑Istat Membru msemmi, ir‑Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 49 KE.

2)      Ir‑Repubblika Portugiża hija kkundannata għall‑ispejjeż.

3)      Ir‑Repubblika tal‑Polonja għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.

Firem


1? Lingwa tal‑kawża: il‑Portugiż

Fuq