Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0306

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-21 ta' Ottubru 2010.
    I.B.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour constitutionnelle - il-Belġju.
    Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali - Deċiżjoni-Qafas 2002/584/ĠAI - Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri - Artikolu 4 - Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni - Artikolu 4(6) - Mandat ta’ arrest maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena - Artikolu 5 - Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti - Artikolu 5(1) - Kundanna fil-kontumaċja - Artikolu 5(3) - Mandat ta’ arrest għall-finijiet tal-prosekuzzjoni - Konsenja suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna mfittxija tiġi ritornata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni - Applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 5(1) u 5(3) - Kompatibbiltà.
    Kawża C-306/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-10341

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:626

    Kawża C-306/09

    I. B.

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

    mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju)]

    “Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri — Artikolu 4 — Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 4(6) — Mandat ta’ arrest maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena — Artikolu 5 — Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti — Artikolu 5(1) — Kundanna fil-kontumaċja — Artikolu 5(3) — Mandat ta’ arrest għall-finijiet tal-prosekuzzjoni — Konsenja suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna mfittxija tiġi rritornata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni — Applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 5(1) u (3) — Kompatibbiltà”

    Sommarju tas-sentenza

    Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ Arrest Ewropew u għall-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri — Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

    (Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, Artikoli 4(6), u 5(1) u (3))

    L-Artikoli 4(6) u 5(3) tad‑Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l‑Istati Membri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kkonċernat ikun implementa l-Artikolu 5(1) u (3) ta’ din id-deċiżjoni qafas fis‑sistema legali interna tiegħu, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena fil-kontumaċja fis‑sens tal-Artikolu 5(1) jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata, ċittadin jew resident tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tiġi rritornata f’dan tal-aħħar sabiex, skont il-każ, tiskonta l-piena mogħtija fil-konfront tagħha, insegwitu għall-smigħ mill-ġdid miżmum fil-preżenza tagħha, fl-Istat Membru emittenti.

    Fil-fatt, billi s-sitwazzjoni ta’ persuna kkundannata fil-kontumaċja u li għad għandha l-possibbiltà li titlob smigħ mill-ġdid hija analoga għal dik ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-prosekuzzjoni, ebda raġuni oġġettiva ma tipprekludi lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li applikat l‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 milli tapplika l-kundizzjoni fl‑Artikolu 5(3) tiegħu.

    (ara l-punti 57, 61 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    21 ta’ Ottubru 2010 (*)

    “Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA – Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Artikolu 4 – Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 4(6) – Mandat ta’ arrest maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena – Artikolu 5 – Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti – Artikolu 5(1) – Kundanna fil-kontumaċja – Artikolu 5(3) – Mandat ta’ arrest għall-finijiet tal-prosekuzzjoni – Konsenja suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna mfittxija tiġi rritornata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 5(1) u (3) – Kompatibbiltà”

    Fil-Kawża C-306/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’

    I. B.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal I. B., minn P. Huget, avukat,

    –        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, assistit minn J. Bourtembourg u F. Belleflamme, avukati,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u J. Kemper, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u C. Meyer‑Seitz, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent,

    –        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn O. Petersen u I. Gurov, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 4(6) u 5(1) u (3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l‑Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif ukoll fuq il-validità tal-Artikoli 4(6) u 5(3).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-eżekuzzjoni mit‑Tribunal de première instance de Nivelles (qorti tal-ewwel istanza ta’ Nivelles) (il-Belġju), ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-13 ta’ Diċembru 2007 mit‑Tribunalul Bucureşti (qorti tal-ewwel istanza ta’ Bukarest) (ir‑Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità ġudizzjarja emittenti Rumena”) fil-konfront ta’ I. B., ċittadin Rumen residenti fil‑Belġju, għall-iskop tal-eżekuzzjoni ta’ piena għal erba’ snin ta’ reklużjoni imposta mill-qorti b’deċiżjoni fil-kontumaċja.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

    3        Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56), jirriżulta li r-Renju tal-Belġju għamel dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 35(2) UE li biha aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

    4        Skont l-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji annessi mat-Trattat FUE, il-poteri tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE ma nbidlux fir-rigward tal-atti tal-Unjoni li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, inklużi fejn dawn ġew aċċettati taħt l-Artikolu 35(2) UE.

     Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

    5        Il-premessi 1, 5, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jaqraw kif ġej:

    “(1)      Skond il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u b’mod partikolari l-punt 35 tagħhom, il-proċedura formali ta’ l-estradizzjoni għandha tkun abolita fostl-Istati Membri fir-rigward ta’ persuni li qed jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew ikkundannati definittivament u l-proċeduri ta’ l-estradizzjoni għandhom jiġu mħaffin fir-rigward ta’ persuni suspettati li wettqu reat.

    […]

    (5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    […]

    (10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

    […]

    (12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. […]

    […].”

    6        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi:

    “1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

    2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

    3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

    7        L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jiddisponi:

    “Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti […] jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.”

    8        L-Artikolu 3 tal-istess Deċiżjoni Qafas jelenka tliet “[r]aġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”.

    9        L-Artikolu 4 tal-istess Deċiżjoni Qafas, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jistabilixxi, f’seba’ punti, dawn ir-raġunijiet. L-Artikolu 4(6) jiddisponi f’dan ir-rigward:

    “L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

    […]

    6)      jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu”.

    10      L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru [emittenti] f’każijiet partikolari”, huwa fformulat kif ġej:

    “L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

    1)      fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni ta’ piena jew ordni ta’ detenzjoni imposta minn deċiżjoni mogħtija in absentia u jekk il-persuna kkonċernata ma ġietx imħarrka personalment jew infurmata b’mod ieħor bid-data u l-post tas-smigħ li wasslet għad-deċiżjoni mogħtija in absentia, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tagħti assigurazzjoni kkunsidrata adatta biex tiggarantixxi li l-persuna soġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew ikollha opportunità biex tapplika għal kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti u li tkun preżenti għas-sentenza;

    […]

    3)      fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lill-Istat Membru ta’ esekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti.”

    11      L-Artikolu 8 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jiddisponi:

    “1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

    […]

    c)      l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

    […]

    f)      il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

    […]”

    12      L-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jistabbilixxi:

    “Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8 […]”.

    13      L-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiddisponi:

    “It-talbiet għall-estradizzjoni riċevuti qabel l-1 ta’ Jannar 2004 jkomplu jkunu rregolati minn istrumenti eżistenti dwar l-estradizzjoni. It-talbiet riċevuti wara dik id-data jkunu rregolati mir-regoli adottati mill-Istati Membri skond din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]. Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fil-ħin ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru mill-Kunsill, jagħmel dikjarazzjoni li tindika li bħala Stat Membru ta’ esekuzzjoni hu ser ikompli jittratta talbiet dwar atti mwettqin qabel data li jispeċifika skond is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mis-7 ta’ Awissu 2002. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.”

     Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI

    14      Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU L 81, p. 24), li, skont l-Artikolu 8(1) tiegħu għandhom jiġu implementati mill-Istati Membri mhux iktar tard mit-28 ta’ Marzu 2011, ħassar l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u daħħal f’dan tal-aħħar l-Artikolu 4a.

    15      Madankollu, dan l-Artikolu 4a, intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”, japplika biss għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata matul is-seduta mit-28 ta’ Marzu 2011.

     Id-dritt nazzjonali

     Il-leġiżlazzjoni Belġjana

    16      Il-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (Moniteur belge tat-22 ta’ Diċembru 2003, p. 60075, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew”) jittrasponi fid-dritt nazzjonali d-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    17      L-ewwel nett, fir-rigward tar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jiddisponi:

    “L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi rrifjutat fil-każijiet segwenti:

    […]

    5      jekk ikunu jeżistu raġunijiet serji sabiex jitqies li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jipproduċi l-effett ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 6 [UE]”.

    18      It-tieni nett, fir-rigward tar-raġunijiet għall-għażla ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jippreċiża:

    “L-eżekuzzjoni tista’ tiġi rrifjutata fil-każijiet segwenti:

    […]

    4      jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, meta l-persuna kkonċernata hija Belġjana jew tirrisjedi fil-Belġju u li l-awtoritajiet kompetenti Belġjani jimpenjaw ruħhom biex jeżegwixxu din il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni b’mod konformi mal-liġi Belġjana;

    […]”

    19      F’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni effettiva ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 6(4) tal-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Artikolu 18(2) tal-liġi tat-23 ta’ Mejju 1990, dwar it-trasferiment bejn Stati ta’ persuni kkundannati, il-konsenja u t-trasferiment tas-sorveljanza fuq persuni kkundannati b’piena sospiża kondizzjonali jew bi probation, kif ukoll il-konsenja u t-trasferiment tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ kustodja jew ordnijiet ta’ detenzjoni (Moniteur belge tal-20 ta’ Lulju 1990, p. 14304), kif emendat bil-liġi tas-26 ta’ Mejju 2005 (Moniteur belge tal-10 ta’ Ġunju 2005, p. 26718, iktar ’il quddiem “liġi dwar it-trasferiment”) jiddisponi:

    “Id-deċiżjoni ġudizzjarja adottata fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tal-liġi […] dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, tieħu lura l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni pprovduta f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja. Il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni tiġi eżegwita b’mod konformi għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

    20      L-Artikolu 18 tal-liġi dwar it-trasferiment, li huwa inkluż fil-Kapitolu VI ta’ dan, intitolat “Tal-eżekuzzjoni fil-Belġju ta’ sentenzi ta’ kustodja u ordnijiet ta’ detenzjoni barra l-pajjiż”, għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 25 ta’ din l-istess liġi, li jiddisponi:

    “Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli V u VI mhumiex applikabbli għall-kundanni kriminali deċiżi fil-kontumaċja, minbarra l-każijiet li jinsabu fl-Artikolu 18(2), dejjem jekk huwa l-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja li saret res iudicata.”

    21      It-tielet nett, fir-rigward tal-garanziji li l-Istat Membru emittenti għandu josserva l-Artikoli 7 u 8 tal-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, li rispettivament jittrasponu l-Artikolu 5(1) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi jipprovdi, għall-eżekuzzjoni ta’ piena imposta minn deċiżjoni fil-kontumaċja:

    “Jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni imposti permezz ta’ deċiżjoni ppronunzjata fil-kontumaċja, u jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet notifikata personalment u lanqas ma ġiet b’mod ieħor informata bid-data u l-post tas-seduta li wasslet għad-deċiżjoni ppronunzjata fil-kontumaċja, il-konsenja hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdi garanziji meqjusa suffiċjenti sabiex jiggarantixxu lill-persuni suġġetti għall-mandat ta’ arrest Ewropew il-possibbiltà li jitolbu smigħ mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti u li jkunu preżenti fis-seduta.

    L-eżistenza, fid-dritt tal-Istat Membru emittenti, ta’ dispożizzjoni li tipprovdi l-possibbiltà ta’ rikors u l-indikazzjoni ta’ kundizzjonijiet għat-tressiq tiegħu li minnhom jirriżulta li l-persuna kkonċernata tista’ effettivament tinvoka, jridu jiġu kkunsidrati garanziji suffiċjenti skont l-ewwel paragrafu.”

    22      L-Artikolu 8 tal-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew jiddisponi:

    “Meta l-persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew bil-għan ta’ prosekuzzjoni tkun Belġjana jew tirrisjedi fil-Belġju, il-konsenja tista’ tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li din il-persuna, wara li tkun ġiet ġudikata, tiġi ritornata fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni sabiex tiskonta l-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni imposta fuqha mill-Istat emittenti.”

     Il-leġiżlazzjoni Rumena

    23      L-Artikolu 522a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Rumen jiddisponi:

    “Proċedura għal smigħ mill-ġdid ta’ persuni ġġudikati fil-kontumaċja fil-każ ta’ estradizzjoni.

    Fil-każ ta’ talba għal estradizzjoni ta’ persuna ġġudikata u kkundannata fil-kontumaċja, il-kawża tista’ tinstema’ mill-ġdid mill-qorti fl-ewwel istanza, fuq talba tal-ikkundannat.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 405 sa 408 huma applikabbli b’analoġija.”

    24      L-Artikolu 405 ta’ dan il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi:

    “Eżami mill-ġdid tal-kawża, wara li t-talba għal reviżjoni tkun fil-prinċipju ġiet approvata, huwa mwettaq b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura applikabbli għal kawża fl-ewwel istanza.

    Jekk tqis li jkun meħtieġ, il-qorti tista’ mill-ġdid tipproċedi għall-eżami tal-provi prodotti fil-kuntest tal-ewwel kawża jew meta fil-prinċipju tkun approvata t-talba għal reviżjoni.”

     Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    25      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2000, it-Tribunalul București kkundanna lil I. B. għal erba’ snin ta’ reklużjoni għar-reat ta’ traffikar ta’ materjal nukleari u radjuattiv. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Curtea de apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest) permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ April 2001.

    26      Dawn iż-żewġ qrati kienu awtorizzaw lil I. B. iservi l-piena tiegħu, imposta u kkonfermata fil-kuntest ta’ proċeduri kontradittorji, fuq il-post tax-xogħol tiegħu minflok taħt detenzjoni.

    27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2002, il-Curtea Supremă de Justiţie (qorti suprema tal-ġustizzja) (ir-Rumanija), iddeċidiet fil-kontumaċja, skont id-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, u mingħajr ma I. B. ġie informat personalment dwar id-data u l-post tas-seduta, annullat id-deċiżjonijiet mogħtija qabel sa fejn dawn kienu jawtorizzaw lil I. B. jeżegwixxi l-piena tiegħu għal erba’ snin ta’ reklużjoni fuq il-post tax-xogħol tiegħu, u imponiet li din il-piena trid tiġi eżegwita taħt detenzjoni

    28      Matul ix-xahar ta’ Frar 2002, I. B. iddeċieda li jmur il-Belġju wara, li hekk kif huwa jsostni, sar suġġett għal ksur gravi tad-dritt għal smigħ xieraq. Martu u ż-żewġt itfal tiegħu ngħaqdu suċċessivament miegħu mix-xahar ta’ Ottubru 2002.

    29      Fil-11 ta’ Diċembru 2007, I. B. tqiegħed taħt arrest fil-Belġju, abbażi ta’ senjalazzjoni magħmula fis-sistema ta’ informazzjoni Schengen (SIS) mill-awtoritajiet Rumeni fl-10 ta’ Frar 2006, sabiex jiġi arrestat u għall-konsenja tiegħu lil dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-piena ta’ detenzjoni imposta fuqu.

    30      Peress li din is-senjalazzjoni kellha l-valur ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-prosekutur tar-Re rrefera l-kawża lill-imħallef inkwirenti, li ddeċieda, permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, li jillibera kundizzjonalment lil I. B., sakemm tittieħed deċiżjoni finali fuq il-konsenja tiegħu.

    31      Fit-13 ta’ Diċembru 2007, it-Tribunalul Bucureşti ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra I. B. bil-għan tal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ erba’ snin ta’ reklużjoni imposta fuqu fir-Rumanija

    32      Fid-19 ta’ Diċembru 2007 I. B. ressaq talba għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat fil-Belġju quddiem l-Uffiċċju tal-barranin.

    33      Fid-29 ta’ Frar 2008, il-prosekutur tar-Re talab lit-tribunal de première instance de Nivelles għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti Rumeni.

    34      Fit-2 ta’ Lulju 2008, I. B. ġie rrifjutat l-istatus ta’ refuġjat u l-protezzjoni sussidjarja. Dan ir-rifjut, li ġie kkonfermat f’Marzu 2009 mill-kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin, huwa attwalment is-suġġett ta’ kawża pendenti quddiem il-Conseil d'État (il-Belġju).

    35      Permezz ta’ digriet mogħti fit-22 ta’ Lulju 2008, it-tribunal de première instance de Nivelles, waqt il-verifika tal-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati mill-mandat ta’ arrest Ewropew sabiex dan jiġi eżegwit, jiddikjara li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati mil-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew. B’mod partikolari, huwa sab li ma kienx hemm raġuni serja sabiex jitwemmen li l-eżekuzzjoni tal-mandat tista’ tippreġudika d-drittijiet fundamentali ta’ I. B.

    36      F’dan ir-rigward, din il-qorti osservat li jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali effettivament jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fil-kontumaċja, madankollu l-awtorità ġudizzjarja emittenti Rumena pprovdiet biżżejjed garanziji li jistgħu jitqiesu bħala suffiċjenti għall-finijiet tal-Artikolu 7 tal-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, peress li dan il-mandat ta’ arrest jippreċiża li, skont l-Artikolu 522a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Rumen, il-kawża tista’ fuq talba tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja, terġa’ tinstema’ mill-ġdid mill-qorti fl-ewwel istanza.

    37      It-tribunal de première instance de Nivelles ikkonstata li I. B. ma setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 6(4) tal-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, li jipprovdi li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi rrifjutat jekk dan ikun ġie maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ detenzjoni, meta l-persuna kkonċernata tirrisjedi fil-Belġju u li l-awtoritajiet kompetenti jintrabtu li jeżegwixxu din il-piena skont il-liġi nazzjonali.

    38      Fil-fatt, din ir-raġuni għal rifjut tapplika biss għal kundanni fil-kontumaċja li saru res judicata, hekk kif ippreċiżat fl-Artikolu 25 tal-liġi dwar it-trasferiment, moqri flimkien mal-Artikolu 18(2) ta’ dan. I. B. xorta għad għandu l-għażla li jitlob smigħ mill-ġdid.

    39      Barra minn dan, din il-qorti nnotat li, għalkemm l-Artikolu 8 tal-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew jipprovdi li l-konsenja ta’ persuna li tirrisjedi fil-Belġju u li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest għall-prosekuzzjoni tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata, wara li tkun ġiet iġġudikata, tista’ tintbagħat lura fil-Belġju sabiex tiskonta l-piena ta’ detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti, l-Artikolu 7 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-mandat ta’ arrest ibbażat fuq deċiżjoni fil-kontumaċja hija kkunsidrata bħala li ngħatat għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza.

    40      Meta wieħed iqis li din id-differenza fit-trattament tista’ tirriżulta f’diskriminazzjoni u fid-dawl taċ-ċirkustanza li I. B. huwa residenti fil-Belġju fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, it-tribunal de première instance de Nivelles, fil-każ fejn dan l-Artikolu 8 għandu jiġi interpretat bħala li japplika biss għall-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-prosekuzzjoni u mhux ukoll għall-mandat ta’ arrest maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ detenzjoni fil-kontumaċja u li fir-rigward tagħha l-ikkundannat għadu jiddisponi minn rimedju, tistaqsi lill-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali) dwar il-kompatibbiltà ta’ dan l-Artikolu 8 mal-Artikoli 10 u 11 tal-Kostituzzjoni, dwar il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni.

    41      Wara li kkonstatat li l-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew kienet intiża biss sabiex tiġi implementata fis-sistema legali nazzjonali id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Cour constitutionnelle ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija in absentia mingħajr ma l-persuna kkundannata tkun ġiet informata bid-data u l-post tas-seduta, u kontra liema din il-persuna għad għandha rimedju, għandu jiġi kkunsidrat mhux bħala mandat ta’ arrest għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], iżda bħala mandat ta’ arrest għall-iskopijiet ta’ prosekuzzjoni, skont l-Artikolu 5(3) tal-istess Deċiżjoni Qafas?

    2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 4(6) u 5(3) tal-istess Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bħala li ma jippermettux lill-Istati Membri li jissuġġettaw il-kunsinna lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat li joħroġ il-mandat ta’ persuna residenti fit-territorju tagħhom, li hija s-suġġett, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, ta’ mandat ta’ arrest għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, għall-kundizzjoni li din il-persuna tintbagħat lura fl-Istat ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk tiskonta s-sentenza ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni mogħtija b’mod definittiv fil-konfront tagħha fl-Istat li joħroġ il-mandat?

    3)      Fil-każ ta’ risposta [fl-affermativ] għat-tieni domanda, dawn l-istess Artikoli jiksru l-Artikolu 6(2) [UE] u, b’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ ugwaljanza u nondiskriminazzjoni?

    4)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 3 u 4 tal-istess Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jekk hemm raġunijiet validi sabiex jiġi maħsub li l-eżekuzzjoni tiegħu jkollha l-effett li tikser id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, kif stabbiliti fl-Artikolu 6(2) [UE]?”

     Fuq id-domandi preliminari

    42      L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dan japplika għal talbiet għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest irċevuti mill-1 ta’ Jannar 2004, sakemm l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkunx qal li se jkompli jittratta t-talbiet dwar fatti li twettqu qabel is-7 ta’ Awwissu 2002 skont is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel din id-data. Minkejja li t-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda fatti preċedenti din l-aħħar data, huwa stabbilit li r-Renju tal-Belġju ma għamilx tali dikjarazzjoni. Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni Qafas hija applikabbli f’din il-kawża.

    43      It-tieni, għandu jiġi mfakkar li fost ir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew elenkati fl-Artikoli 3 u 4 tal-istess Deċiżjoni Qafas, ma hemmx l-eżistenza ta’ talba għall-ażil u lanqas ta’ talba għall-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja.

    44      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, talba għall-ażil lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru minn ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, l-Artikolu Uniku tal-Protokoll Nru 29 dwar l-asil għal ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat KE (li sar il-Protokoll Nru 24 anness mat-Trattat FUE) b’mod partikolari jipprovdi li, minħabba l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali fl-Istati Membri, dawn huma kkunsidrati li jikkostitwixxu reċiprokament pajjiżi ta’ oriġini ta’ sigurtà għall-kwistjonijiet legali u prattiki kollha marbuta ma’ kawżi ta’ ażil.

    45      Bl-istess mod, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li talba għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja mressqa minn ċittadin ta’ Stat Membru ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ protezzjoni internazzjonali stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

    46      Għalhekk, il-fatt li I. B. ressaq talab, quddiem l-awtoritajiet kompetenti Belġjani, għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja fis-sens tad-Direttiva 2004/83 ma jistax jiġi kkunsidrat rilevanti għar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    47      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li tgħid li hija rċeviet talba għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fil-kontumaċja fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Jekk ikun il-każ, huwa għal din li tagħmel użu mill-possibbiltajiet lilha offerti mill-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas sabiex tivverifika dan il-punt. F’kull każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li huma esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju.

     Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    48      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija fil-kontumaċja fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata, ċittadin jew resident tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tiġi rritornata f’dan tal-aħħar sabiex, skont il-każ, tiskonta l-piena mogħtija fil-konfront tagħha, insegwitu għall-smigħ mill-ġdid miżmum fil-preżenza tagħha, fl-Istat Membru emittenti.

    49      Sabiex tingħata risposta lil dawn id-domandi, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li l-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jkun dirett, hekk kif previst fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, lejn żewġ sitwazzjonijiet. Għalhekk, dan il-mandat ta’ arrest jista’ jinħareġ, minn naħa, għall-prosekuzzjoni kriminali jew, min-naħa l-oħra, għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

    50      Waqt illi s-sistema stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, hekk kif rifless fl-Artikoli 3 sa 5 ta’ din, dan ir-rikonoxximent madankollu ma jimplikax obbligu assolut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ.

    51      Fil-fatt, is-sistema tad-Deċiżjoni Qafas, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli, tħalli l-possibbiltà għall-Istati Membri li jippermettu, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti li jiddeċiedu li pieta imposta għandha tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    52      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari permezz tal-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għaż-żewġ tipi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jirreferi għalihom dan tal-aħħar, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jagħtu attenzjoni partikolari għaż-żieda fil-possibbiltà ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna mfittxija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, Ġabra p. I‑9621, punt 62).

    53      Ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi minn dan il-għan il-persuni mfittxija fuq il-bażi ta’ kundanna fil-kontumaċja.

    54      Fil-fatt, minn naħa, deċiżjoni ġudizzjarja fil-kontumaċja, fejn il-persuna kkonċernata ma ġietx imsejħa u lanqas informata bid-data u l-post tas-seduta li wasslet għal din id-deċiżjoni, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li preċiżament fl-Artikolu 5(1) tagħha tipprovdi li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest maħruġ insegwitu għal tali deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna inkwistjoni jkollha l-possibbiltà li titlob li l-kawża tinstema’ mill-ġdid.

    55      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li dan l-Artikolu 5(1) jissuġġetta għal tali kundizzjoni l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ insegwitu għal deċiżjoni fil-kontumaċja ma għandux l-effett li jagħmel inapplikabbli għal mandat ta’ dan it-tip ir-raġuni jew il-kundizzjoni stabbiliti, rispettivament, fl-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex tiżdied il-possibbiltà ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna mfittxija.

    56      Fil-każ fejn il-kundanna fil-kontumaċja li, fil-kawża prinċipali, hija l-bażi tal-mandat ta’ arrest ma saritx infurzabbli, l-iskop u l-għan tal-konsenja huma speċifikament li jippermettu li titkompla l-prosekuzzjoni jew li tinstema’ mill-ġdid, jiġifieri, li ssir konsenja għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali li tikkorrispondi għas-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    57      Billi s-sitwazzjoni ta’ persuna kkundannata fil-kontumaċja u li għad għandha l-possibbiltà li titlob smigħ mill-ġdid hija analoga għal dik ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-prosekuzzjoni, ebda raġuni oġġettiva ma tipprekludi lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li applikat l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 milli tapplika l-kundizzjoni fl-Artikolu 5(3) ta’ dan.

    58      Barra minn dan, tali interpretazzjoni hija l-unika li tippermetti, attwalment, żieda reali fil-possibbiltà ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid ta’ persuna mfittxija fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li, wara li ġiet ikkundannata b’deċiżjoni mhux infurzabbli, tista’ tkun is-suġġett ta’ smigħ ġdid fl-Istat Membru emittenti.

    59      Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni tippermetti, hekk kif ġie enfasizzat b’mod partikolari mill-Gvern Svediż, li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja ma tiġix kostretta tirrinunzja għal smigħ mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti sabiex bl‑applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-kundanna tagħha tiġi eżegwita fl-Istat Membru fejn hija tirrisjedi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din tal-aħħar.

    60      Minn dan isegwi li, hekk kif ġie sostnut mill-Istati Membri kollha u mill‑Kummissjoni Ewropea, li ppreżentaw osservazzjonijiet fir-rigward tal-ewwel u t-tieni domanda, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huwa awtorizzat jissuġġetta l‑konsenja ta’ persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ I. B. għal applikazzjoni konġunta tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, huwa meħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi li l-Artikoli 4(6) u 5(3) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kkonċernat ikun implementa l-Artikolu 5(1) u (3) ta’ din id-deċiżjoni qafas fis-sistema legali interna tiegħu, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena fil-kontumaċja fis‑sens tal-Artikolu 5(1) jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata, ċittadin jew resident tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tiġi rritornata f’dan tal-aħħar sabiex, skont il-każ, tiskonta l-piena mogħtija fil-konfront tagħha, insegwitu għall-smigħ mill-ġdid miżmum fil-preżenza tagħha, fl-Istat Membru emittenti.

     Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

    62      It-tielet u r-raba’ domanda ġew fil-fatt mitluba fil-każ li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma tkunx tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta l-konsenja tal‑persuna kkonċernata bil-kundizzjoni li tiġi rritornata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    63      Billi din il-possibbiltà li tissuġġetta l-konsenja għall-garanzija prevista fl‑Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet approvata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-risposta tagħha għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta lit-tielet u lir-raba’ domanda.

     Fuq l-ispejjeż

    64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal‑Kunsill 2002/584/JHA, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l‑proċeduri ta’ konsenja bejn l‑Istati Membri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kkonċernat ikun implementa l-Artikolu 5(1) u (3) ta’ din id-deċiżjoni qafas fis-sistema legali interna tiegħu, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall‑eżekuzzjoni ta’ piena fil-kontumaċja fis-sens tal-Artikolu 5(1) jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata, ċittadin jew resident tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tiġi rritornata f’dan tal-aħħar sabiex, skont il-każ, tiskonta l-piena mogħtija fil-konfront tagħha, insegwitu għall-smigħ mill-ġdid miżmum fil-preżenza tagħha, fl-Istat Membru emittenti.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq