Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62009CJ0227
Judgment of the Court (Second Chamber) of 21 October 2010. # Antonino Accardo and Others v Comune di Torino. # Reference for a preliminary ruling: Tribunale ordinario di Torino, Sezione Lavoro - Italy. # Social policy - Protection of the safety and health of workers - Organisation of working time - Municipal police officers - Directive 93/104/EC - Directive 93/104/EC as amended by Directive 2000/34/EC - Directive 2003/88/EC - Articles 5, 17 and 18 - Maximum weekly working time - Collective agreements or agreements concluded between the two sides of industry at national or regional level - Derogations relating to deferred weekly rest periods and compensatory rest - Direct effect - Interpretation in conformity with European Union law. # Case C-227/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' Ottubru 2010.
Antonino Accardo et. vs Comune di Torino.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale ordinario di Torino, Sezione Lavoro - l-Italja.
Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Uffiċjali tal-pulizija muniċipali -Direttiva 93/104/KE - Direttiva 93/104/KE kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE - Direttiva 2003/88/KE - Artikoli 5, 17 u 18 - Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa - Ftehim kollettiv jew ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali jew reġjonali - Derogi dwar il-mistrieħ ta’ kull ġimgħa differit u l-mistrieħ ta’ kumpens - Effett dirett - Interpretazzjoni konformi.
Kawża C-227/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' Ottubru 2010.
Antonino Accardo et. vs Comune di Torino.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale ordinario di Torino, Sezione Lavoro - l-Italja.
Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Uffiċjali tal-pulizija muniċipali -Direttiva 93/104/KE - Direttiva 93/104/KE kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE - Direttiva 2003/88/KE - Artikoli 5, 17 u 18 - Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa - Ftehim kollettiv jew ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali jew reġjonali - Derogi dwar il-mistrieħ ta’ kull ġimgħa differit u l-mistrieħ ta’ kumpens - Effett dirett - Interpretazzjoni konformi.
Kawża C-227/09.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-10273
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:624
Kawża C-227/09
Antonino Accardo et
vs
Comune di Torino
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Torino)
“Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Uffiċjali tal-pulizija muniċipali — Direttiva 93/104/KE — Direttiva 93/104/KE kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE — Direttiva 2003/88/KE — Artikoli 5, 17 u 18 — Ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa — Ftehim kollettiv jew ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali jew reġjonali — Derogi dwar il-mistrieħ ta’ kull ġimgħa differit u l-mistrieħ ta’ kumpens — Effett dirett — Interpretazzjoni konformi”
Sommarju tas-sentenza
1. Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttiva 93/104 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/34; Direttiva tal-Kunsill 93/104, Artikolu 17(3))
2. Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttivi 93/104 u 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol
(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/34 u 2003/88, Artikoli 17 u 18; Direttiva tal-Kunsill 93/104, Artikolu 17)
3. Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttivi 93/104 u 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol
(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/34 u 2003/88, Artikoli 17 u 18; Direttiva tal-Kunsill 93/104, Artikolu 17)
1. L-Artikolu 17(3) tad-Direttivi 93/104, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kemm fil-verżjoni oriġinali kif ukoll fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Direttiva 2000/34, għandu portata awtonoma fir-rigward tal-Artikolu 17(2), hekk li l-fatt li professjoni ma tkunx elenkata fl-imsemmi Artikolu 17(2) ma jipprekludix li din tista’ taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 17(3) taż-żewġ verżjonijiet tad-Direttiva 93/104.
(ara l-punt 36 u d-dispożittiv 1)
2. Id-derogi fakultattivi previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/104, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kemm fil-verżjoni oriġinali kif ukoll fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva 2000/34, kif ukoll, jekk ikun il-każ, fl-Artikoli 17 u/jew 18 tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ma jistgħux jiġu invokati kontra individwi. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jammettu direttament jew jipprojbixxu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi li jidderogaw mir-regoli li jittrasponu l‑Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehim tiddependi mid-dritt intern.
(ara l-punti 47, 53, 54, 59 u d-dispożittiv 2)
3. Peress li d-derogi previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/104, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kemm fil-verżjoni oriġinali kif ukoll fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Direttiva 2000/34, kif ukoll, jekk ikun il-każ, fl-Artikoli 17 u/jew 18 tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, huma fakultattivi, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jimplementawhom fil-liġi nazzjonali. Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għażla pprovduta minn dawn id-dispożizzjonijiet li jidderogaw, f’ċerti ċirkustanzi, mir-rekwiżiti, b’mod partikolari, tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttivi, l-Istati Membri huma mitluba jiddeċiedu li jagħmlu użu minn din l-għażla.
Għal dan il-għan, huma l-Istati Membri li għandhom jagħżlu t-teknika leġiżlattiva li tidher l-iktar xierqa għalihom, billi, skont l-istess kliem tad-dispożizzjonijiet ta’ deroga inkwistjoni, derogi bħal dawn jistgħu jsiru b’mod partikolari permezz ta’ ftehim kollettivi jew ta’ ftehim konklużi bejn imsieħba soċjali.
Meta d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva, dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jinkludu l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet li jippermettu derogi fakultattivi mill-prinċipji stabbiliti minn direttiva għandhom jiġu implementati bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmi prinċipju.
(ara l-punti 51, 52, 55)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
21 ta’ Ottubru 2010 (*)
“Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Uffiċjali tal-pulizija muniċipali –Direttiva 93/104/KE – Direttiva 93/104/KE kif emendata bid‑Direttiva 2000/34/KE – Direttiva 2003/88/KE – Artikoli 5, 17 u 18 – Ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa – Ftehim kollettiv jew ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali jew reġjonali – Derogi dwar il-mistrieħ ta’ kull ġimgħa differit u l-mistrieħ ta’ kumpens – Effett dirett – Interpretazzjoni konformi”
Fil-Kawża C‑227/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Torino, Sezione Lavoro (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura
Antonino Accardo,
Viola Acella,
Antonio Acuto,
Domenico Ambrisi,
Paolo Battaglino,
Riccardo Bevilacqua,
Fabrizio Bolla,
Daniela Bottazzi,
Roberto Brossa,
Luigi Calabro,
Roberto Cammardella,
Michelangelo Capaldi,
Giorgio Castellaro,
Davide Cauda,
Tatiana Chiampo,
Alessia Ciaravino,
Alessandro Cicero,
Paolo Curtabbi,
Paolo Dabbene,
Mauro D’Angelo,
Giancarlo Destefanis,
Mario Di Brita,
Bianca Di Capua,
Michele Di Chio,
Marina Ferrero,
Gino Forlani,
Giovanni Galvagno,
Sonia Genisio,
Laura Dora Genovese,
Sonia Gili,
Maria Gualtieri,
Gaetano La Spina,
Maurizio Loggia,
Giovanni Lucchetta,
Sandra Magoga,
Manuela Manfredi,
Fabrizio Maschio,
Sonia Mignone,
Daniela Minissale,
Domenico Mondello,
Veronnica Mossa,
Plinio Paduano,
Barbaro Pallavidino,
Monica Palumbo,
Michele Paschetto,
Frederica Peinetti,
Nadia Pizzimenti,
Gianluca Ponzo,
Enrico Pozzato,
Gaetano Puccio,
Danilo Ranzani,
Pergianni Risso,
Luisa Rossi,
Paola Sabia,
Renzo Sangiano,
Davide Scagno,
Paola Settia,
Raffaella Sottoriva,
Rossana Trancuccio,
Fulvia Varotto,
Giampiero Zucca,
Fabrizio Lacognata,
Guido Mandia,
Luigi Rigon,
Daniele Sgavetti
vs
Comune di Torino,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh (Relatur), u, P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal A. Accardo et, minn R. Lamacchia, avukat,
– għal F. Lacognata et, minn A. Grespan, avukat,
– għall-Comune di Torino, minn M. Li Volti, S. Tuccari u A. Melidoro, avukati,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante u L. Ventrella, avvocati dello Stato,
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadrouška, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u C. Cattabriga, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-Artikoli 5, 17 u 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Accardo et kif ukoll F. Lacognata et, u l-Comune di Torino, dwar talba għal kumpens ta’ danni li ġarrbu, matul is-snin 1998-2007, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa li kellhom igawdu minnhom l-uffiċjali tal-pulizija muniċipali tal-komun ta’ Torino.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix‑xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349) hija d‑direttiva qafas li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Dawn il-prinċipji ġew sussegwentament żviluppati permezz ta’ serje ta’ direttivi speċifiċi. Dawn id-direttivi jinkludu d-Direttiva 93/104 kif emendata bid-Direttiva 2000/34 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27), u d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“direttivi ‘ħin tax-xogħol’”).
4 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kif ġej:
“1. Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).
2. Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.
F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”
5 Id-Direttiva 93/104 ġiet emendata l-ewwel darba bid-Direttiva 2000/34. Sussegwentement, id-Direttiva 2003/88 ħassret u ssostwiet id-Direttiva 93/104 kif emendata, billi kkodifikatha.
6 Skont l-Artikolu 1 tad-direttivi “ħin tax-xogħol” intitolat “Għan u skop [kamp ta’ applikazzjoni]”:
“1. Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.
2. Din id-Direttiva tapplika għal:
(a) il-perjodi minimi ta’ serħan [mistrieħ] ta’ kull jum, serħan [mistrieħ] ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa;
u
(b) ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.
3. Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju […].
[…]
4. Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE għandhom ikunu applikabbli bis-sħiħ għall-materji kollha li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar iebsa u/jew speċifiċi li jinstabu f’din id‑Direttiva.”
7 Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tad-direttivi “ħinijiet tax-xogħol” jipprovdi:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. “ħin tax-xogħol” ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;
2. “perjodu ta’ serħan [mistrieħ]”; ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;
[…]”
8 L-Artikoli 3 sa 7 tad-direttivi “ħin tax-xogħol” jipprovdu l-miżuri li l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu sabiex kull ħaddiem jibbenefika minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum, ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u ta’ leave annwali mħallas. Huma jirregolaw ukoll il-waqfien u l-ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa.
9 Skont l-Artikolu 3 tad-direttivi “ħin tax-xogħol”, intitolat “Serħan [Mistrieħ] ta’ kull jum”, “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan [mistrieħ] kull jum ta’ 11-il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24-siegħa”.
10 F’dak li jirrigwarda l-mistrieħ ta’ kull ġimgħa, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tad-direttivi “ħin tax-xogħol” jipprovdi li l-Istati Membri “għandhom jieħdu l‑miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan [mistrieħ] kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3”. Mill-imsmemi Artikolu 5 jirriżulta wkoll li jekk ikun ġustifikat minn kundizzjonijiet oġġettivi tekniċi jew ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, jista’ jiġi applikat perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa.
11 L-Artikolu 16 tad-direttivi “ħin tax-xogħol” jistabbilixxi, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dawn id-direttivi, perijodu ta’ referenza li ma jeċċedix erbatax-il jum.
12 Id-direttivi “ħin tax-xogħol” jistabbilixxu serje ta’ derogi għal diversi regoli bażiċi tagħha, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika ta’ ċerti attivitajiet u suġġett li ċerti kundizzjonijiet jiġu sodisfatti.
13 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/104 u tad-Direttiva 93/104 kif emendat jiddisponi:
“[...]
2. Jistgħu ikunu adottati derogi permezz ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-indusrija [l-imsieħba soċjali] sakemm il-ħaddiema kkonċernati jingħataw perjodi xierqa ta’ mistrieħ b’kumpens jew li, f’każijiet ta’ eċċezzjoni fejn mhux possibbli, għal raġunijiet oġġettivi, jagħtu perjodi ekwivalenti ta’ serħan [mistrieħ] b’kumpens, u li l-ħaddiema kkonċernati huma mogħtija protezzjoni xierqa:
2.1 mill-Artikolu 3, 4, 5, 8 u 16:
[...]
b) f’każ ta’ l-attivitajiet ta’ sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu presenza permanenti bil-għan li jiġu protetti l-propjetà jew il-persuni, b’mod partikolari l-gwardji tas-sigurtà u gwardjani [purtinara] u ditti tas-sigurtà;
c) f’każ ta’ attivitajiet li jinvolvu il-bżonn tal-kontinwità tas-servizz jew tal-produzzjoni, partikolarment:
[...]
iii) [...], l-ambulanzi, is-servizzi tal-protezzjoni kontra n-nar u tal-protezzjoni ċivili;
[...]
3. Jistgħu isiru derogi mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija [l-imsieħba soċjali] fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew, b’konformità mar-regoli stipulati minnhom, permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija [l‑imsieħba soċjali] fl-livell aktar baxx.
Fl-Istati Membri fejn ma hemmx sistema statutorja li tiżgura il-ftehim kollettiv jew il-ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta’ l-indusrija [l-imsieħba soċjali] fil-livell nazzjonali jew reġjonali, fuq il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt din id-Direttiva, jew f’dawk l-Istati Membri fejn hemm qafas ta’ leġislazzjoni speċifiku għal dan l‑għan u fil-limiti tagħha, jistgħu, bi qbil mal-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, iħallu derogi mill- Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija fil-livell xieraq kollettiv.
Id-derogi pprovduti fl-ewwel u t-tieni sottoparagrafu għandhom ikunu permessi bil-kundizzjoni li perjodi ta’ serħan [mistrieħ] b’kumpens ekwivalenti jingħataw lill-ħaddiema kkonċernati jew, f’każi ta’ eċċezzjoni fejn mhux possibbli għal raġunijiet oġġettivi li jiggarantixxu dawn il-perjodi, il-ħaddiema kkonċernati jingħataw protezzjoni xierqa.
L-Istati Membri jistgħu jistipulaw regoli:
- għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu miż-żewġ naħat ta’ l-industrija [mill-imsieħba soċjali], u
- għall-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv jew tal-ftehim milħuq b’konformità ma’ dan il-paragrafu lil ħaddiema oħra bi qbil mal-legislazzjoni u/jew prattika nazzjonali.
[...]”
14 Skont l-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 93/104 u tad-Direttiva 93/104 kif emendata, l-Istati Membri għandhom jimplementaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrativi neċessarji sabiex jikkonformaw irwieħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit-23 ta’ Novembru 1996, jew għandhom jiżguraw rwieħhom li sa din id-data l-imsieħba soċjali jkunu adottaw il-miżuri meħtieġa bi ftehim, billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadottaw kull miżura neċessarja sabiex f’kull mument ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-direttiva.
15 Kif jirriżulta mill-punt 5 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 93/104 kif emendata ġiet imħassra u ssotitwita, mit-2 ta’ Awwissu 2004, bid-Direttiva 2003/88. Mit-termini tal-premessa 1 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża, għall-għan ta’ ċarezza, li tikkodifika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104 kif emendat. B’hekk, il-kontenut u l-enumerazzjoni b’mod partikolari tal-Artikoli 1 sa 3, 5 u 16, huma riprodotti b’mod identiku fid-Direttiva 2003/88. Il-punti 2.1 u 2.2 tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 93/104 kif emendata, issa huma mqassma bejn l‑Artikolu 17(2) u l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2003/88. L-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 93/104 kif emendata huwa riprodott fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/88.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
16 Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn l-1998 u l-2007, jikkonsisti fi tliet partijiet distinti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.
17 L-ewwel nett, sad-29 ta’ April 2003, id-dritt tal-ħaddiem għall-mistrieħ ta’ kull ġimgħa kien ibbażat, minn naħa, fuq it-tielet paragrafu tal-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni, li jipprovdi li “il-ħaddiem huwa intitolat għal mistrieħ ta’ kull ġimgħa [...] u ma għandu l-ebda dritt li jirrinunzja għal dan” u, min-naħa l-oħra, fuq l-Artikolu 2109(1) tal-Kodiċi Ċivili, li jgħid li “[k]ull min iwettaq xogħol għandu dritt għal jum ta’ serħan ta’ kull ġimgħa, li normalment jikkoinċidi mal-Ħadd”. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn A. Accardo et jirriżulta li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ġew ippromulgati ferm qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 93/104.
18 Sussegwentement, mid-29 ta’ April 2003, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 66 tat-8 ta’ April 2003, li jimplementa d-Direttivi 93/104/KE u 2000/34/KE fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 87, tal-14 ta’ April 2003, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 66/2003”), is-sistema ġenerali ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa hija bbażata fuq l-Artikolu 9(1) ta’ dan id-digriet, li jipprevedi d-dritt tal-ħaddiem li jibbenefika, kull sebat ijiem, minn perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas erbgħa u għoxrin siegħa konsekuttiva, li normalment jikkoinċidi mal-Ħadd, flimkien mas-sigħat ta’ mistrieħ ta’ kuljum imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ dan id‑digriet. Skont l-Artikolu 9(2)(b) u l-Artikolu 17(4) tal-istess digriet, jistgħu jsiru derogi għal din il-liġi permezz ta’ ftehim kollettivi, bil-kundizzjoni li jingħataw perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ bħala kumpens.
19 Fl-aħħar nett, mill-1 ta’ Settembru 2004, wara emenda introdotta bl-Artikolu 1(1)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 213 tad-19 ta’ Lulju 2004, li jemenda u jissupplimenta d-Digriet Leġiżlattiv Nru 66 tat-8 ta’ April 2003 li jikkonċernaw il-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet fil-qasam tal-ħin tax-xogħol (GURI, serje ġenerali, Nru 192, tas-17 ta’ Awwissu 2004, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 213/2004”), id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 66/2003 ma għadhomx applikabbli għall-uffiċjali tal-pulizija muniċipali.
20 Kemm qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 66/2003 kif ukoll wara l‑adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 213/2004, id-derogi għas-sistema normali tal-mistrieħ ta’ kull ġimgħa, applikabbli għall-uffiċjali tal-pulizija muniċipali, ġew previsti minn tliet “ftehim kollettivi nazzjonali ta’ xogħol” tal-qasam tal-awtoritajiet lokali, li ġew konklużi rispettivament fl-1987, fl-2000 u fl-2001 (iktar ’il quddiem, flimkien, “il-ftehim kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Kull wieħed minn dawn il-ftehim jipprovdi, b’mod partikolari, għall-“impjegati li, minħabba eżiġenzi speċifiċi tas-servizz”, ma jibbenfikawx minn jum ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, “dritt għal mistrieħ bħala kumpens li għandu jittieħed, bħala regola ġenerali, fi żmien ħmistax-il jum u, fi kwalunkwe każ, fix-xahrejn ta’ wara”. Barra minn hekk, il-ftehim kollettiv iffirmat fl-1987 kien jipprovdi, għal dawn l-impjegati, żieda ta’ 20 % tar-remunerazzjoni normali ta’ kuljum tagħhom, filwaqt li ż-żieda korrispondenti prevista mill-ftehim kollettivi konklużi fl-2000 u fl-2001 kien ta’ 50 %.
21 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokaw l‑Artikoli 1418 u 1419 tal-Kodiċi Ċivili, li jippenalizzaw b’nullità l-klawżoli tal-kuntratti “kuntrarji għal regoli imperattivi”, u fl-istess ħin jipprovdu li dawn il‑klawżoli “huma ssostitwiti mill-imsemmija regoli imperattivi, skont kif jipprovdi d-dritt”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma uffiċjali tal-pulizija muniċipali impjegati mal-komun ta’ Torino u jaħdmu għal 35 siegħa fil-ġimgħa. Bejn is-sena 1998 u s‑sena 2007, huma kienu kkollokati f’dipartimenti organizzati b’sistema ta’ xift li biha, darba kull ħames ġimgħat huma jaħdmu għal sebat ijiem konsekuttivi, u wara, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, hemm perijodu ta’ mistrieħ bħala kumpens li jwassal sabiex b’dan il-mod il-perijodu ta’ serħan ma jiġix eliminat, iżda sempliċiment differit.
23 Din is-sistema ta’ xogħol b’xift u l-fatt li l-mistrieħ tas-seba’ jum tal-ħames ġimgħa kien differit jirriżultaw minn ftehim sindikali ffirmat fit-2 ta’ Lulju 1986 bejn l-awtoritajiet komunali u r-rappreżentanti lokali tal-organizzazzjonijiet sindikali prinċipali Taljani (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-1986”).
24 Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fittxew lill-Comune di Torino sabiex jiġu kkumpensati għad-dannu ta’ għejja psikoloġika u fiżika li huma jallegaw li ġarrbu minħabba l-fatt tan-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa li huwa previst mid-dritt intern, peress li huma kienu ħadmu għal sebat ijiem konsekuttivi u sussegwentement irċevew biss jum wieħed ta’ mistrieħ fil-forma ta’ mistrieħ bħala kumpens. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma sostnew li peress li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 2109(1) tal-Kodiċi Ċivili jinkludu dispożizzjonijiet vinkolanti, għandu jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet legali xierqa, il-klawżoli rilevanti li jinsabu fil-ftehim tal-1986 u fil-ftehim kollettiv inkwistjoni huma illegali.
25 Il-Comune di Torino rrisponda li, skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 93/104, id‑derogi għal mistrieħ ta’ kull ġimgħa msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/104 jistgħu jiġu introdotti permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali jew reġjonali, bil-kundizzjoni li perijodi ekwivalenti ta’ serħan bħala kumpens jingħataw lill-ħaddiema kkonċernati.
26 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali madankollu jikkontestaw kemm l-effett dirett tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/104 qabel l-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 66/2003 kif ukoll l-applikabbiltà stess tal-Artikolu 17(3) għall-pulizija muniċipali. Fil-fatt, dan il-qasam ma jissemmiex espressament fil-lista msemmija fl-Artikolu 17(2)(2.1) tad-Direttiva 93/104 u għaldaqstant lanqas ma jibbenefika mid-dritt ta’ deroga previst fl-Artikolu 17(3). Din l-aħħar possibbiltà mhijiex dritt awtonoma, peress li tirrigwarda sempliċi kjarifika għall-imsemmi Artikolu 17(2).
27 Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala riżultat tal-emenda introdotta mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 213/2004, id-Digriet Leġislattiv Nru 66/2003 kollu kemm hu mhuwiex, fi kwalunkwe każ, iktar applikabbli għall-pulizija muniċipali, u dan jirriżulta, fir-rigward tagħhom, fl-inapplikabbiltà tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/104 u l-applikabbiltà, mill-ġdid, tal-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 2109 tal-Kodiċi Ċivili.
28 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Torino ddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikoli 5, 17 u 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistgħu jiġu applikati direttament fl-ordinament legali ta’ Stat Membru, irrispettivament minn jekk tkunx saret traspożizzjoni formali jew irrispettivament minn regoli tad-dritt nazzjonali li jillimitawlhom l-applikabbilità għal ċerti gruppi professjonali, f’kawża fejn l-imsieħba soċjali ffirmaw ftehim kollettiv li huwa konformi ma’ din id‑direttiva?
2) Irrispettivament mill-kwistjoni jekk id-direttiva inkwistjoni għandhiex effett dirett, il-qrati ta’ Stat Membru għandhom l-obbligu, fi kwalunkew każ, li japplikaw direttiva li għadha mhijiex trasposta fl-ordinament legali nazzjonali jew li l-applikabbilità tagħha, wara li tiġi trasposta, tidher li hija prekluża mir-regoli tal-imsemmi dritt nazzjonali bħala mezz ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u konsegwentement, li jibbażaw ruħhom fuq din id-direttiva sabiex isolvu ċerti dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni?
3) Il-qrati tal-Istat Membru huma preklużi milli jiddikjaraw aġir bħala illegali, u konsegwentement li jagħtu kumpens għal danni li jirriżultaw minn fatt inġust u illegali, meta tali aġir jidher li kien awtorizzat mill-imsieħba soċjali u tali awtorizzazzjoni hija konformi mad-dritt Komunitarju, għalkemm taħt il-forma ta’ direttiva mhux trasposta fid-dritt nazzjonali?
4) L-Artikolu 17(3) tad-direttiva [93/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza b’mod awtonomu, u konsegwentement b’mod kompletament indipendenti mill-paragrafu 2 u mil-lista ta’ attivitajiet u professjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu [tal-aħħar], l-intervent tal-imsieħba soċjali u r‑regoli li jintroduċu dwar derogi fir-rigward tal-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa?”
Fuq id-domandi preliminari
29 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju tirrigwarda espressament biss il-verżjoni oriġinali tad-Direttiva 93/104, madankollu, mill-proċess jirriżulta li, matul il-perijodu rilevanti tal-kawża prinċipali, id-direttivi “ħin tax-xogħol” ġew fis-seħħ suċċessivament. Jekk ikun il‑każ, fir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi preliminari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza.
Fuq ir-raba’ domanda
30 Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi trattata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 93/104 għandux portata awtonoma fir-rigward tal-Artikolu 17(2), hekk li l-fatt li professjoni mhijiex elenkata fl-imsemmi Artikolu 17(2) ma jipprekludix li din ma tistax taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 93/104.
31 Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, din il-kwistjoni għandha l-oriġini tagħha fl-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jgħid li l‑Artikolu 17(3) tad-Direttiva 93/104 ma jistax jinqara jew jiġi applikat separatament mill-Artikolu 17(3). Skont dawn tal-aħħar, mhuwiex possibbli li l‑Artikolu 17(3) tad-Direttiva 93/104 jiġi interpretat bħala li jippermetti derogi usa’ minn dawk previsti fl-Artikolu 17(2), u, għalhekk, bħala li jistabbilixxi sistema ta’ deroga awtonoma u distinta.
32 Madankollu, tali argument ma jistax jintlaqa’.
33 Fil-fatt, kif isostnu, essenzjalment, il-Comune di Torino, il-Gvern Taljan u l‑Gvern Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ma hemm xejn fl-istruttura jew fil-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/104 u tad-Direttiva 93/104 kif emendata li jissuġġerixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) huwa kkundizzjonat minn dak tal-Artikolu 17(2).
34 Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, minn naħa, dawn l-aħħar paragrafi ma jagħmlu ebda riferiment bejniethom u, min-naħa l-oħra, għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ derogi awtorizzati, l-imsemmija paragrafi jirriproduċu l‑kundizzjonijiet identiċi li għalihom, fil-każijiet kollha, il-possibbiltà li jiġi differit il-mistrieħ ta’ kull ġimgħa hija suġġetta.
35 Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 15 ta’ din is-sentenza, meta saret il‑kodifikazzjoni mid-Direttiva 2003/88, il-kliem tal-Artikolu 17(3) tad-Direttivi 93/104 u 93/104 kif emendata, ġew riprodotti, b’mod identiku, fl-Artikolu 18 ġdid, filwaqt li l-kontenut tal-Artikolu 17(2) tad-Direttivi 93/104 u 93/104 kif emendata nqasam bejn il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88. B’hekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 17 tad-Direttivi 93/104 u 93/104 kif emendata jistgħu, jew saħansitra għandhom, jinqraw separatament, li jippermetti li jinżammu separati matul il‑kodifikazzjoni.
36 Għaldaqstant għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda li l-Artikolu 17(3) tad-Direttivi 93/104 u 93/104 kif emendata għandu portata awtonoma fir-rigward tal-Artikolu 17(2) tal-istess direttiva, hekk li l-fatt li professjoni ma tkunx elenkata fl-imsemmi Artikolu 17(2) ma jipprekludix li din tista’ taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 17(3) tad-Direttivi 93/104 u 93/104 kif emendata.
Fuq l-ewwewl tliet domandi
37 Kif jirriżulta b’mod partikolari mid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li huwa paċifiku fil-kawża prinċipali li, għall-perijodu bejn id-29 ta’ April 2003 u d-29 ta’ Awwissu 2004, id-Digriet Leġislattiv Nru 66/2003 jippermetti, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 17 tad-Direttivi 93/104 u 93/104 kif emendata, li jkun hemm deroga, permezz tal-ftehim kollettiv iffirmat matul is-sena 2001, għall-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni u fl-Artikolu 2109(1) tal-Kodiċi Ċivili.
38 Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, barra minn dan l-aħħar perijodu, dawn id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u tal-Kodiċi Ċivili jidhru li jistgħu jipprekludu, fir-rigward tad-dritt intern, li l-Comune di Torino validament jibbaża ruħu, għad-difiża tiegħu, fuq il-ftehim kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jilleġittima s-sistema ta’ xogħol bix-xift inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, skont il-ftehim tal-1986, jipprovdi b’mod partikolari li l-mistrieħ tas-seba’ jum tal-ħames ġimgħa jiġi differit.
39 Kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-attivitajiet ta’ servizzi tal-pulizija muniċipali eżerċitati taħt kundizzjonijiet normali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/391 u, minħabba r-riferiment għall-Artikolu 2 tal-istess direttiva li jinsab fl-Artikolu 1(3) tad-direttivi “ħin tax-xogħol”, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar (ara b’analoġija, b’mod partikolari, id-digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg, C‑52/04, Ġabra p. I‑7111, punti 51 sa 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 2109(1) tal-Kodiċi Ċivili huma a priori, sa fejn b’mod partikolari jiġu applikati fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikoli 3 u 16 tad-Direttiva 93/104, tali li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-Artikolu 5 tad-direttivi “ħin tax-xogħol” fis-sistema legali Taljana, liema ċirkustanza għandha tiġi mistħarrġa mill-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ, ma kienx ġie ssuġġerit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jmorru kontra r-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 5.
41 Madankollu, għalkemm, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali tibda mill-premessa li s-sistema ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa prevista mill-ftehim tal-1986 hija, bħala prinċipju, permessa mid-derogi fakultattivi previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttivi 93/104 u 93/104 kif emendata, jew fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2003/88 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dispożizzjonijiet ta’ deroga inkwistjoni”), u li din l-istess qorti għandha tistħarreġ dan, hija għandha dubju fuq jekk dan il-ftehim kif ukoll il-ftehim kollettiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jidderogaw mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni u mill-Artikolu 2109(1) tal-Kodiċi Ċivili.
42 B’hekk hija ssaqsi, essenzjalment, fuq il-possibbiltajiet ta’ rimedju, direttament jew indirettament, abbażi tad-derogi inkwistjoni, sabiex jintgħelbu ostakoli eventwali li jaqgħu taħt id-dritt intern għall-applikazzjoni tal-ftehim kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel tliet domandi, li huwa xieraq li jiġu trattati flimkien, għandhom jinftiehmu bħala intiżi, essenzjalment, li jsaqsu jekk id-derogi inkwistjoni humiex tali li jiġu applikati direttament għal fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew jekk, fin-nuqqas ta’ tali effett dirett, il-qorti nazzjonali għandhiex jew tistax tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’tali mod li tkun ammessa deroga għall-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa previst fit-tielet paragrafu tal-Artikoli 36 tal-Kostituzzjoni u tal-Artikolu 2109(1) tal-Kodiċi Ċivili.
Fuq il-possibbiltà ta’ applikazzjoni diretta tad-derogi inkwistjoni
44 Filwaqt li huwa minnu li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 5 tad-direttivi “ħin tax-xogħol”, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, permezz tal-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf qabel kollox jekk il-konvenut fil-kawża prinċipali jistax jinvoka d-derogi inkwistjoni direttament kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sabiex jiġu miċħuda t-talbiet li taw lok għall-kawża prinċipali.
45 Issa, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, direttiva ma tistax, waħedha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 48; tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C‑91/92, Ġabra p. I‑3325, punt 20; tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 56; tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 108, kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, Ġabra p. I-365, punt 46).
46 B’hekk, sa fejn id-derogi inkwistjoni ma ġewx trasposti validament, liema ċirkustanza f’dan il-każ għandha tiġi mistħarrġa mill-qorti tar-rinviju, l‑awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma jkunux użaw din il-possibbiltà ma jistgħux jinvokaw l-ommissjoni stess ta’ dan l-Istat sabiex iċaħħdu lil individwi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju ta’ perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa li, bħala prinċipju, huwa suġġett għal stħarriġ li għandu jsir mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-direttivi “ħin tax-xogħol” (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Flughafen Köln vs Bonn, C‑226/07, Ġabra p. I‑5999, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-derogi inkwistjoni ma jistgħux jiġu invokati direttament kontra individwi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
Fuq l-obbligu jew il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt intern
48 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Tribunale ordinario di Torino, Sezione Lavoro, permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tiegħu, jistaqsi jekk madankollu hemmx lok li d-dritt intern jiġi interpretat fid-dawl tad-derogi inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Comune di Torino jistax validament jibbaża ruħu fuq il‑ftehim kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jidderoga mir-rekwiżiti tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 2109(1) tal-Kodiċi Ċivili.
49 F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha kif ukoll il-kompitu tagħhom li jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari adattati sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi l‑awtoritajiet ġudizzjarji fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom (ara, b’mod partikoalri, is-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, Ġabra p. 1891, punt 26, kif ukoll Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
50 Madankollu, l-eżistenza ta’ obbligu li jirriżulta mid-direttivi “ħin tax-xogħol” li d‑dritt intern jiġi interpretat sabiex jiffavorixxi l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi ta’ deroga mir-regoli ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dawn id-direttivi għandha tiġi eskluża.
51 Fil-fatt, peress li d-derogi previsti fid-derogi inkwistjoni huma fakultattivi, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix li l-Istati Membri għandhom jimplementawhom fil-liġi nazzjonali. Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għażla pprovduta minn dawn id-dispożizzjonijiet li jidderogaw, f’ċerti ċirkustanzi, mir-rekwiżiti, b’mod partikolari, tal-Artikolu 5 tad-direttivi “ħin tax-xogħol”, l-Istati Membri huma mitluba jiddeċiedu li jagħmlu użu minn din l-għażla (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, SALIX Grundstücks‑Vermietungsgesellschaft, C‑102/08, Ġabra p. I‑4629, punti 51, 52 u 55).
52 Għal dan il-għan, huma l-Istati Membri li għandhom jagħżlu t-teknika leġiżlattiva li tidher l-iktar xierqa għalihom (ara, b’analoġija, is‑sentenza SALIX Grundstücks‑Vermietungsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56), billi, taħt id‑derogi inkwistjoni, derogi bħal dawn jistgħu jsiru b’mod partikolari permezz ta’ ftehim kollettivi jew ta’ ftehim konklużi bejn imsieħba soċjali.
53 Bħala tali, id-direttivi “ħin tax-xogħol” ma jistgħux jiġu intepretati bħala li jipprekludu l-applikabbiltà ta’ ftehim kollettivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew għall-kuntrarju, minkejja dispożizzjonijiet oħra rilevanti tad-dritt intern, bħala li jirrikjedu tali applikabbiltà.
54 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk il-Comune di Torino jistax validament jibbaża ruħu, fil-kawża prinċipali, fuq il-ftehim tal-1986 kif ukoll fuq il-ftehim kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssir qabel kollox kwistjoni li l‑qorti tar-rinviju għandha ssolvi skont ir-regoli tad-dritt intern (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, Ġabra p. I‑7963, punti 55 sa 57).
55 Madankollu, għandu jiġi osservat li, meta d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva, dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom fir-rispett tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jinkludu l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal derogi fakultattivi stabbiliti minn direttiva għandhom jiġu implementati bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza rikjesta sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmi prinċipju.
56 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tiffaċċja żewġ alternattivi, jew il-ftehim kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u r-rekwiżiti tad-dritt intern sabiex jiġu implementati validament id-derogi inkwistjoni, jew li dawn il-ftehim jikkostitwixxu l-implementazzjoni, skont id-dritt Taljan u fir-rispett tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, tad-derogi li huma ammessi fl-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Unjoni.
57 Fl-ewwel minn dawn l-ipoteżi, kif sostna l-Gvern Ċek u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, għalkemm id-dritt intern Taljan jipprekludi l-applikazzjoni tal-ftehim tal-1986 kif ukoll tal-ftehim kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-direttivi “ħin tax-xogħol” ma jistgħux, waħedhom, jiġu invokati kontra individwi sabiex tiġi żgurata tali applikazzjoni (ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1987, Pretore di Salò vs X, 14/86, Ġabra p. 2545, punti 19 u 20; tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, Ġabra p. I‑3565, punti 73 u 74, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed, C‑321/05, Ġabra p. I‑5795, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Fit-tieni ipoteżi msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq, id-direttivi “ħin tax-xogħol” lanqas ma jipprekludu, f’dan ir-rigward, interpretazzjoni tad-dritt intern li biha l‑Comune di Torino tkun tista’ tirrikorri għal rimedju bbażat fuq il-ftehim kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn il-ftehim josservaw kompletament il-kundizzjonijiet stabbiliti għad-derogi inkwistjoni, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ dan. Fuq dan l‑aħħar punt, għandu jitfakkar li, bħala eċċezzjonijiet għas-sistema Komunitarja dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol stabbilita bid-Direttiva 93/104, id‑derogi inkwistjoni għandhom jiġu interpretati b’mod li l-portata tagħhom tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardati l‑interessi li dawn id-derogi jippermettu li jiġu protetti (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, Ġabra p. I‑8389, punt 89).
59 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-derogi inkwistjoni ma jistgħux jiġu invokati kontra individwi bħalma huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jammettu jew jipprekludu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-applikazzjoni ta’ dan il‑ftehim tiddependi mid-dritt intern.
Fuq l-ispejjeż
60 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 17(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kemm fil-verżjoni oriġinali kif ukoll fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 2000, għandu portata awtonoma fir-rigward tal-Artikolu 17(2) tal-istess direttiva, hekk li l-fatt li professjoni ma tkunx elenkata fl-imsemmi Artikolu 17(2) ma jipprekludix li din tista’ taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 93/104, fl-imsemmija żewġ verżjonijiet.
2) F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-derogi fakultattivi previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttivi 93/104 u 93/104 kif emendata, bid-Direttiva 2000/34, kif ukoll, jekk ikun il-każ, fl-Artikoli 17 u/jew 18 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ma jistgħux jiġu invokati kontra individwi bħalma huma r‑rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, dawn id‑dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jammettu jew jipprekludu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehim tiddependi mid-dritt intern.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it‑Taljan.