Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62009CJ0016
Judgment of the Court (Second Chamber) of 14 October 2010. # Gudrun Schwemmer v Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen - Familienkasse. # Reference for a preliminary ruling: Bundesfinanzhof - Germany. # Social security - Regulations (EEC) Nos 1408/71 and 574/72 - Family benefits - ‘Anti-overlap’ rules - Article 76(2) of Regulation No 1408/71 - Article 10(1)(a) of Regulation No 574/72 - Children residing in a Member State with their mother who fulfils the conditions for drawing family benefits there, and the father of whom, working in Switzerland and fulfilling, at first sight, the conditions for drawing family benefits of the same type under Swiss legislation, refrains from applying for the grant of those benefits. # Case C-16/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-14 ta' Ottubru 2010.
Gudrun Schwemmer vs Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen - Familienkasse.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Sigurtà soċjali - Regolament (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 - Benefiċċji tal-familja - Regoli "kontra l-akkumulazzjoni"- Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 - Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 - Tfal li jirresjedu fi Stat Membru ma’ ommhom li tissodisfa il-kundizzjonijiet sabiex tirċievi hemmhekk il-benefiċċji tal-familja, u li missierhom, li jaħdem fl-Isvizzera u li jissodisfa , a priori, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi benefiċċji tal-familja tal-istess tip skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, jastjeni milli japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.
Kawża C-16/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-14 ta' Ottubru 2010.
Gudrun Schwemmer vs Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen - Familienkasse.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Sigurtà soċjali - Regolament (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 - Benefiċċji tal-familja - Regoli "kontra l-akkumulazzjoni"- Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 - Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 - Tfal li jirresjedu fi Stat Membru ma’ ommhom li tissodisfa il-kundizzjonijiet sabiex tirċievi hemmhekk il-benefiċċji tal-familja, u li missierhom, li jaħdem fl-Isvizzera u li jissodisfa , a priori, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi benefiċċji tal-familja tal-istess tip skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, jastjeni milli japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.
Kawża C-16/09.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09717
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:605
Kawża C-16/09
Gudrun Schwemmer
vs
Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen - Familienkasse
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)
“Sigurtà soċjali — Regolamenti (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 — Benefiċċji tal familja — Regoli ‘antikumulu’ — Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 — Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 — Tfal li jirrisjedu fi Stat Membru ma’ ommhom li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tirċievi hemmhekk il-benefiċċji tal-familja, u li missierhom, li jaħdem fl-Isvizzera u li jissodisfa, a priori, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi benefiċċji tal-familja tal-istess tip skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, jastjeni milli japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji”
Sommarju tas-sentenza
Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Benefiċċji tal-familja — Regoli Komunitarji antikumulu
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 73 u 76, u Nru 574/72, Artikolu 10)
L-Artikoli 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u 10 tar-Regolament Nru 574/72, fil-verżjoni tagħhom emendata u implementata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendati bir-Regolament Nru 647/2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dritt, li ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg ta’ persuna li taħdem għal rasha, għall-benefiċċji, dovuti skont il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fih ġenitur jirrisjedi mat-tfal tiegħu li favurihom dawn il-benefiċċji jingħataw, ma jistax jiġi sospiżi parzjalment f’sitwazzjoni li fiha l-ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal ikkonċernati, ikollu fil-prinċipju dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il‑leġiżlazzjoni tal-Istat li fih huwa impjegat, jew sempliċement skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat, inkella bl-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tal-imsemmi Regolament Nru 1408/71, iżda ma jircevix effettivament l-imsemmija benefiċċji, għar-raġuni li huwa ma ppreżentax applikazzjoni għal dan il-għan.
Fil-fatt, sabiex il-benefiċċji tal-familja jistgħu jitqiesu li huma dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-liġi ta’ dan l-Istat Membru trid tirrikonoxxi d‑dritt għall-ħlas ta’ benefiċċji favur membru tal-familja li jaħdem f’dan l-Istat. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, kemm ta’ forma kif ukoll ta’ sustanza, imposti mil-leġiżlazzjoni interna ta’ dan l-Istat sabiex tkun tista’ teżerċita dan id-dritt, fosthom tista’ tkun inkluża, skont il-każ, il‑kundizzjoni li applikazzjoni preċedenti kellha tkun ġiet ippreżentata għall-ħlas ta’ tali benefiċċji.
(ara l-punti 53, 59 u dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
14 ta’ Ottubru 2010 (*)
“Sigurtà soċjali – Regolamenti (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 – Benefiċċji tal-familja – Regoli ‘antikumulu’ – Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 – Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 – Tfal li jirrisjedu fi Stat Membru ma’ ommhom li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tirċievi hemmhekk il-benefiċċji tal-familja, u li missierhom, li jaħdem fl-Isvizzera u li jissodisfa , a priori, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi benefiċċji tal-familja tal-istess tip skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, jastjeni milli japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji”
Fil-Kawża C-16/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat- 30 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2009, fil-proċedura
Gudrun Schwemmer
vs
Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President ta’ Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal- 10 ta’ Frar 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal G. Schwemmer, minn R. Romeyko, avukat,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti,
– għall-Gvern Litwan, minn E. Matulionytė, bħala aġent,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal- 15 ta’ April 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal‑14 ta’ Ġunju 1971, dwar l‑applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità u tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tagħhom kif emendati u aġġornati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendati bir-Regolament (KE) Nru 647/2005, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1408/71” u r-“Regolament Nru 574/72”, rispettivament).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri tal-appell (“Revision”) bejn G. Schwemmer u l-Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse (Aġenzija tal-Impjieg, Villingen-Schwenningen – Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja, iktar ’il quddiem il-“Familienkasse”), dwar rifjut ta’ ħlas lill-persuna kkonċernata tal-ammont sħiħ tal-benefiċċji tal-familja fil-Ġermanja, minn Jannar 2006.
Il-kuntest ġuridiku
Il-ftehim tal-1999
3 Il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l‑Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-1999”), jipprovdi, fl-Artikolu 8 tiegħu, koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali.
4 L-Anness II ta’ dan il-ftehim, bit-titolu “Koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali”, fl-Artikolu 1 tiegħu jipprovdi li:
“1. Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-kuntest tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-ftehim [tal-1999] u kif emendati bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.
2. Il-frażi “Stat membru(i)” fl-atti li għalihom isir riferiment fis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandha tinftiehem li tinkludi l-Isvizzera, flimkien mal-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni.”
5 Fis-Sezzjoni A, punti 1 u 2 tal-Anness II tal-Ftehim tal-1999, isir riferiment għar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 rispettivament, kif aġġornati minn diversi atti enumerati fl-imsemmija punti, fosthom jinkludu, fl-aħħar lok, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72, bil-ħsieb li jestenduhom sabiex ikopru studenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 355).
Ir-Regolament Nru 1408/71
6 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li, għall-għan ta’ dan ir‑Regolament:
“a) ‘persuna impjegata’ u ‘persuna li taħdem għal rasha’ jfissru rispettivament:
i) kull persuna li tkun assigurata, fuq bażi obbligatorja jew fuq bażi mhux obbligatorja l-ħin kollu, għal kontinġenza waħda jew aktar, koperti mill-fergħat ta’ skema tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom jew minn skema speċjali għall-uffiċjali;
ii) kull persuna li għandha polza ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja għall-waħda jew iktar mill-kontinġenzi koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali trattati f’dan ir-Regolament, fuq skema ta’ sigurtà soċjali għar-residenti kollha jew għall-popolazzjoni kollha tax-xogħol jekk dawn il-persuni:
– jistgħu jiġu identifikati bħala persuni [impjegati jew] qiegħda [jaħdmu għal rashom] bis-saħħa tal-manjiera li fiha hija amministrata jew finanzjata din l-iskema,
jew
– fin-nuqqas ta’ dawn il-kriterji, għandhom polza ta’ l‑assigurazzjoni għal xi kontinġenza oħra speċifikata fl-Anness [I] fuq skema għall-persuni fuq ix-xogħol [impjegati jew li jaħdmu għal rashom], jew bil-fors jew b’għażla fuq bażi kontinwa jew fejn ebda skema ma teżisti fl-Istat Membru konċernat, taqbel mad-definizzjoni mogħtija fl-Anness I;
[...]
iv) kwalunkwe persuna li hija volontarjament assigurata għall-kontinġenza waħda jew iktar koperti mill-friegħi li tkellimna dwarhom f’dan ir‑Regolament, taħt skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru għall-impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom jew għar-residenti kollha inkella għal ċerti kategoriji ta’ residenti:
– jekk tali persuna twettaq xi attività bħala impjegata jew taħdem għal rasha
jew
– jekk tali persuna kienet qabel assigurata bilfors għall-istess kontinġenza taħt skema għall-persuni impjegati jew jaħdmu għal rashom għall-istess Stat Membru;
[...]
f) i) ‘membru tal-familja’ tfisser kwalunkwe persuna definita jew magħrufa bħala membru tal-familja jew iddisinjat bħala membru ta’ dar bil-leġislazzjoni taħt liema benefiċċji huma pprovduti [...]; madanakollu, l‑imsemmija leġislazzjonijiet iqisu bħala membru ta’ familja jew membru ta’ dar biss persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħall-impjegat jew bħal dak li jaħdem għal rasu, din il-kondizzjoni tkun ikkunsidrata sodisfatta jekk il-persuna inkwestjoni tkun prinċipalment dipendenti fuq dik il-persuna. [...];
[...]
[...]
o) ‘istituzzjoni kompetenti’ tfisser:
i) l-istituzzjoni li magħha l-persuna kkonċernata hija assigurata fiż-żmien ta’ l-applikazzjoni għall-benefiċċji;
jew
ii) l-istituzzjoni li mingħandha l-persuna kkonċernata hija intitolata jew se tkun intitolata għall-benefiċċji jekk hi jew membru inkella membri tal-familja tagħha kienu residenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni
[...]
[...]
q) ‘Stat kompetenti’ jfisser l-Istat Membru fit-territorju ta’ liema tinsab l‑istituzzjoni kompetenti;
[...]
u) i) it-terminu ‘benefiċċju tal-familja’ jfisser il-benefiċċji kollha in natura u fi flus intenzjonati li jlaħħqu ma’ l-ispejjeż tal-familja taħt il‑leġislazzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 4(1)(h), [...]
ii) ‘kumpensi tal-familja’ [allowance tal-familja] jfissru l-benefiċċji perjodiċi fi flus mogħtija esklussivament b’riferenza għan-numru u, fejn meħtieġ, bl-età tal-membri tal-familja;
[...]”
7 L-Artikolu 2(1) tar-Regolametn Nru 1408/71 jipprovdi li:
“[D]an ir-Regolament se japplika għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom [u għall-istudenti] li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri u li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla Stat jew rifuġjati li jabitaw fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll membri tal-familji tagħhom u tas-superstiti tagħhom.”
8 Skont l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71, dan tal-aħħar japplika “għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali [...] benefiċċji tal-familja.”
9 Skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar la jista’ jagħti u lanqas iżomm id-dritt għal diversi benefiċċji tal-istess tip għall-istess perijodu ta’ assigurazzjoni.
10 Skont l-Artikolu 13 tal-istess regolament, fit-Titolu II tiegħu u bit-titolu “Regoli ġenerali”:
“1. […] persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru singolu biss. Dik il-leġislazzjoni tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.
2. [...]
a) persuna impjegata fit-territorju ta' Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor […]
[...]”
11 Taħt it-Titolu III, Kapitolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71, l-Artikolu 73 ta’ dan tal-aħħar, bit-titolu “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti”, jipprovdi:
“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”
12 Fl-imsemmi Kapitolu 7 wkoll, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Regoli jew [ta’] prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) [akkumulazzjoni ta’ drittijiet] għall-benefiċċji tal-familja taħt il‑leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja”, jipprovdi:
“1. Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t‑twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l‑intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta' Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l‑ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.
2. Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l‑ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru.”
13 Il-Punt I tal-Anness tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Persuni impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom [L-Artikolu 1(a)(ii) u (iii) tar-Regolament]”, jipprovdi li:
“[...]
D. IL-ĠERMANJA
Jekk l-istituzzjoni kompetenti biex tagħti benefiċċji tal-familja skond il‑Kapitolu 7 tat-Titolu III tar-Regolament hija istituzzjoni Ġermaniża, allura fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament:
a) persuna impjegata tfisser assigurata bil-fors kontra d-disimpjieg jew kwalunkwe persuna li, bħala riżultat ta' tali assigurazzjoni, tottjeni benefiċċji fi flus taħt assigurazzjoni għal mard jew benefiċċji komparabbli, jew kwalunkwe impjegat fis-servizz ċivili stabbilit salarjat minħabba l-pożizzjoni tiegħu/tagħha fis-servizz ċivili li huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak illi fil-każ ta' persuna impjegata tirriżulta f'assikurazzjoni obbligatorja kontra d-disimpjieg;
b) persuna li taħdem għal rasha tfisser kwalunkwe persuna li taħdem għal rasha li hija marbuta:
– li tingħaqad, jew tħallas kontribuzzjonijiet fejn tidħol, assigurazzjoni tax-xjuħija fi skema għall-persuni li jaħdmu għal rashom,
jew
– li tingħaqad fi skema fl-ambitu ta’ assigurazzjoni bil-fors tal-pensjoni.
[...]»
Ir-Regolament Nru 574/72
14 L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, bit-titolu “Regoli applikabbli fil-każ ta’ dħul fuq xulxin (overlapping) [akkumulazzjoni] tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja jew ta’ l-allowances tal-familja għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom”, jipprovdi li:
“1. a) L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg [ta’ persuna għal rasha], ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l‑Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament, sas-somma ta’dawk il‑benefiċċji.
b) Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:
i) fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament [Nru 1408/71] lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;
[...]”
Id-dritt Ġermaniż
15 L-Artikolu 62 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EstG”) jipprovdi li persuna li jkollha domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha fil-Ġermanja tkun intitolata għall-“benefiċċji tat-tfal” (“Kindergeld”) mħallsa favur it-tfal fis-sens tal-Artikolu 63 ta’ din il-liġi.
16 Il-kunċett ta’ “tfal” huwa ddefinit kif ġej fl-Artikolu 32(1) tal-EstG:
“‘It-tfal’ huma dawk li huma relatati fl-ewwel grad mal-persuna li tħallas it‑taxxa”.
17 L-Artikolu 65(1) tal-EStG jipprovdi li ma għandhomx jitħallsu benefiċċji tat-tfal lil taf li jibbenefikaw minn tali benefiċċji f’pajjiż ieħor jew li, jibbenefikaw minnhom jekk applikazzjoni f’dan is-sens kienet ippreżentata.
18 Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 27(2) tal-Ktieb III tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch, Drittes Buch), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tal-Ktieb IV tal-imsemmi kodiċi (Sozialgesetzbuch, Viertes Buch), il-persuni li jeżerċitaw “impjieg minuri” (“geringfügige Beschäftigung”), fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, mhumiex assigurati obbligatorjament kontra r-riskju ta’qgħad.
19 Mill-proċess jirriżulta wkoll li, skont l-Artikolu 5(2) tal-Ktieb VI tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch, Sechstes Buch), moqri flimkien mal-Artikolu 8(3) tal-Ktieb IV ta’ dan il-kodiċi, il-persuni li “jaħdmu għal rashom b’mod minuri” (“geringfügige selbständige Tätigkeit”), fis-sens ta’ din il‑leġiżlazzjoni, mhumiex obbligati li jassiguraw ruħhom jew li jikkontribwixxu fir-rigward tar-riskju tax-xjuħija għal skema ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, jew li jassiguraw ruħhom fil-kuntest tal-assigurazzjoni obbligatorja għall-irtirar.
Id-dritt Svizzeru
20 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-allowances cantonali għat-tfal dipendenti u tal-edukazzjoni jitħallsu biss, b’mod partikolari, jekk issir applikazzjoni għalihom.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, G. Schwemmer tirrisjedi fil-Ġermanja flimkien maż-żewġ it-tfal tagħha, li twieldu fl‑1992 u fl-1995, matul l‑2005, hija bdiet “attività rasha fil-qasam tas-servizzi tal-immaniġġjar, sorveljanza u tindif tal-proprjetà”. Minn Mejju 2006, hija eżerċitat “impjieg minimali” ma’ impriża. Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan kien jirrigwarda “minijob” (impjieg minuri bi ħlas). Din l-atttività kienet eżenti mill-assigurazzjoni soċjali.
22 Matul il-perijodu inkwistjoni, G. Schwemmer ħallset volontarjament kontribuzzjonijiet lill-korpi Ġermaniżi fir-rigward tal-assigurazzjoni għall-irtirar, l-assigurazzjoni għall-mard u tal-assigurazzjoni għad-dipendenza.
23 Missier it-tfal, li G. Schwemmer kienet ilha li ddivorzjat minn miegħu mill‑1997, jaħdem fl-Isvizzera. Huwa ma applikax f’dan l-Istat għall-benefiċċji tal-familja, għall-ammont ta’ EUR 109.75 għal kull wild, li għalihom, skont il-qorti tar-rinviju, huwa kien intitolat taħt il-liġi Svizzera.
24 B’deċiżjoni tal‑ 21 ta’ Marzu 2006, ikkonfermata b’rikors amministrativ fit-8 ta’ Mejju 2006, il-Familienkasse ffissa l-benefiċċju tat-tfal għall-ammont parzjali ta’ EUR 44.25 għal kull wild minn Jannar 2006, li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont tal-benefiċċji tat-tfal stabbilit bil-liġi Ġermaniża, jiġifieri EUR 154, u dak tal-benefiċċji tal-familja li għaliha kien intitolat il-missier fl-Isvizzera, jiġifieri EUR 109.75 għal kull wild
25 Il-Familienkasse jikkunsidra li, id-dritt ta’ G. Schwemmer għall-benefiċċju tat-tfal irid jiġi ddeterminat b’riferiment għad-dispożizzjonijiet dwar l-akkumulazzjoni ta’ benefiċċji stabbiliti fir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72. Skont dan il-korp, peress li G. Schwemmer ma wettqitx attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-Isvizzera jieħu l-prijorità fuq id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72. Skont l‑Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li japplika b’analoġija, il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċji tal-familja stabbiliti bil-liġi Svizzera ġewx effettivament imħallsa, dejjem skont il-Familienkasse, hija irrilevanti. Skont dan il-korp, u l‑Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi) li quddiemha tressqu l-proċeduri legali, l-unika interpretazzjoni possibbli tas-setgħa diskrezzjonali li baqagħlu l-Istat Membru hija biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u ġustifikati li jista’ jitqies li l-ebda benefiċċju tal-familja ma jkun ingħata fil-pajjiż tal-impjieg.
26 G. Schwemmer tikkontesta din l-interpretazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi ssostni b’mod partikolari li missier it-tfal kien astjena milli japplika għall-benefiċċji tal-familja fl-Isvizzera u dan sabiex jikkaġunalha ħsara. Din is‑sitwazzjoni mhijiex irregolata bir-Regolament Nru 574/72.
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 76 (2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tapplika mutatis mutandis għall-Artikolu 10 (1) (a) tar-Regolament Nru 574/72 fil-każijiet meta l-ġenitur li jkollu dritt li jitlob għall-benefiċċji tal-familja li għalihom jkun intitolat ma japplikax għalihom fil-pajjiż ta’ impjieg?
2) Fil-każ li l-Artikolu 76, [paragrafu 2], tar-Regolament Nru 1408/71 għandu japplika mutatis mutandis: liema kunsiderazzjonijiet ta’ diskrezzjoni tista’ tibbaża fuqhom l-istituzzjoni responsabbli għall-benefiċċji tal-familja fil-pajjiż ta’ residenza biex tapplika l-Artikolu 10 (1) (a) tar-Regolament Nru 574/72, bħallikieku l-benefiċċji kienu ngħataw fil-pajjiż ta’ impjieg? Is-setgħa diskrezzjonali biex wieħed jippreżumi li l-benefiċċji tal-familja jkunu tħallsu fil-pajjiż ta’ impjieg tista’ tiġi limitata meta l-persuna li tkun intitolata għalihom, intenzjonalment ma tapplikax għall-benefiċċji tal-familja u dan sabiex tikkaġuna ħsara lill-persuna intitolata għall-benefiċċju tat-tfal fil-pajjiż ta’ residenza?”
Fuq id-domandi preliminari
28 Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, essenzjalment, il‑kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhomx id-dritt li jnaqqsu l-benefiċċji tat-tfal li għalihom G. Schwemmer hija intitolata, skont il-liġi Ġermaniża, għat-tfal ikkonċernati – dritt li mhumiex suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg ta’ persuna għal rasha – għal ammont li jikkorrispondi għall-benefiċċji tal-familja li huma dovuti fl-Isvizzera, skont dawn l-istess awtoritajiet, lill-ex konjuġi ta’ G. Schwemmer, jekk dan tal-aħħar sempliċement japplika għalihom.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju għandha l‑intenzjoni, essenzjalment, li tiddetermna jekk, fid-dawl tar-regoli antikumulu tad-drittijiet għall-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, dritt, li mhuwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew impjieg ta’ persuna għal rasha, għall-benefiċċji dovuti skont il-liġi ta’ Stat Membru li fih wieħed mill-ġenituri jirrisjedi mat-tfal tiegħu li favurihom jingħataw dawn il‑benefiċċji jistax jiġi sospiż parzjalment f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal ikkonċernati, ikun fil-prinċipju intitolat għall-benefiċċju tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih huwa impjegat, jew sempliċiment skont il-liġi nazzjonali ta’ dan l-Istat, inkella skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, iżda ma jirċevix effettivament l-imsemmija benefiċċji peress li ma applikax għalihom.
30 Fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha, l-imsemmija qorti tistaqsi b’mod iktar partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-raġuni li għaliha l-benefiċċji tal-familja inkwistjoni ma ġewx mitluba jistax ikollha rilevanza fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Din id-domanda qed issir biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkunsidra jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhomx setgħa diskrezzjonali li jnaqqsu jew le l-imsemmija benefiċċji.
31 F’dan il-każ, huwa paċifiku li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali, skont il-Ftehim tal-1999, b’mod iktar partikolari l-Anness II tiegħu, u kif jirriżulta mill-punt 4 ta’ din is-sentenza, il-frażijiet “Stat(i) membru(i)” li jinsabu fir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 jitqiesu li jirreferu, minbarra l-Istati tal-Unjoni Ewropea koperti minn dawn l-atti, għall-Konfederazzjoni Svizzera, b’tali mod li dawn ir-regolamenti jistgħu jiġu fil-kuntest tal-kawża prinċipali.
32 F’dawn il-proċeduri, fid-dawl tal-għan tal-kawża prinċipali, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament Nru 647/2005 huwiex kopert bil-Ftehim tal-1999, bħala regola ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Anness II ta’ dan il-ftehim, għall-atti tal-Unjoni li għalihom jirreferi l-imsemmi anness. Fil-fatt, kemm jekk hija l-verżjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 li jirriżultaw mir-Regolament Nru 307/1999, jiġifieri l-aħħar regolament li jemenda espressament imsemmi għal dak li jirrigwarda r-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 fl-imsemmi Anness II, jew dak li jirriżulta mir-Regolament Nru 647/2005 li jittieħed inkunsiderazzjoni, jeħtieg li jiġi kkonstatat li, f’dan il‑każ, id-dispożizzjonijiet rilevanti huma l-istess.
33 Mhuwiex ikkontestat li l-benefiċċji tat-tfal stabbiliti bil-liġi Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitqiesu bħala “benefiċċju tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(u) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara wkoll, għal dawk li jirrigwarda l-benefiċċiji stabbiliti fl-Artikolu 62 tal-EStG, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann, C‑352/06, Ġabra p. I‑3827, punti 10 u 27).
34 Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li, meta hija istituzzjoni Ġermaniża li hija kompetenti sabiex tagħti l-benefiċċji tal-familja skont it-Titolu III, Kapitolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71, id-definizzjoni fl-Artikolu 1a) ta’ dan ir-Regolament hija eskluża minn dik fl-Anness I, punt I, D (“Il-Ġermanja”), tal-imsemmi regolament (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1998, Kulzer, C‑194/96, Ġabra p. I‑895, punt 35), b’tali mod li l-persuni biss li huma, għad-differenza ta’ G. Schwemmer, assigurati obbligatorjament fil-kuntest ta’ waħda mill-iskemi msemmija fl-Anness I, punt I, D tar-Regolament Nru 1408/71 jistgħu jitqiesu li huma “persuna impjegata” u “persuna li taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 1(a)(ii) ta’ dan ir-regolament (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, Stöber u Piosa Pereira, C‑4/95 u C‑5/95, Ġabra p. I‑511, punti 29 sa 36; tat-12 ta’ Ġunju 1997, Merino García, C‑266/95, Ġabra p. I‑3279, punti 24 sa 26; tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, Ġabra p. I‑2691, punti 42 u 43, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 1999, Sürül, C‑262/96, Ġabra p. I‑2685, punt 89).
35 Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat il-fatt li persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ Ġ. Schwemmer ma tistax, għall-finijiet tal-għoti ta’ benefiċċji tal-familja skont it‑Titolu III, Kapitolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71, titqies bħala “persuna impjegata” jew “persuna li taħdem għal rasha” fis-sens tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Punt I, D tal-Anness I tiegħu, għandu jiġi rrilevat li f’dan il-każ huwa paċifiku li l-ex konjuġi ta’ G. Schwemmer, missier it-tfal ikkonċernati, jeżerċita, fl-Isvizzera, attività bħala “persuna impjegata” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament.
36 Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑imsemmija tfal, li huma dipendenti fuq G. Schwemmer u li favurihom il‑benefiċċji għat-tfal jitħallsu skont l-Artikolu 62 tal-EStG, għandhom jitqiesu bħala “membr[i] tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 tal-ex konjuġi ta’ G. Schwemmer.
37 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm huwa minnu li r-Regolament Nru 1408/71 ma jsemmix speċifikament is‑sitwazzjonijiet familjari wara divorzju, ma hemm xejn li jiġġustifika li jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1983, Robards, 149/82, Ġabra p. 171, punt 15; Kulzer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tal-5 ta’ Frar 2002, Humer, C‑255/99, Ġabra p. I‑1205, punt 42, u tas-26 ta’ Novembru 2009, Slanina, C‑363/08, Ġabra p. I-11111, punt 30).
38 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 dwar il-benefiċċji tal-familja għandhom jiġu interpretati li jistgħu jiġu applikati għal sitwazzjonijiet bħal dawk li taw lok għal-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, tagħti lok għall-bidu, fir-rigward tal-istess perijodu, ta’ drittijiet paralleli għal benefiċċji tal-familja, uħud min-naħa tal-omm, favur it-tfal ikkonċernati, u oħrajn min-naħa tal-missier. Min-naħa l-oħra, dawn it-tfal jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71, bħala membri tal-familja tal-ġenitur li għandu l-istatus ta’ impjegat, u dan irrispettivament minn jekk il-ġenitur l-ieħor jifformax parti jew le mill-familja ta’ dan l-ewwel ġenitur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1985, Kromhout, 104/84, Ġabra p. 2205, punt 15).
39 Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72.
40 Għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l‑Komunità hija b’mod partikolari intiża sabiex il-persuni kkonċernati jkunu, fil-prinċipju, suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, b’mod li l-akkumulazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l‑kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk. Dan il-prinċipju jinsab stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder, 302/84, Ġabra p. 1821, punti 19 u 20, kif ukoll Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).
41 Fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li ħaddiem suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għandu jkun intitolat, fir-rigward tal-membri tal-familja tiegħu li jirrisjedu fit-territoju ta’ Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-ewwel, daqs li kieku kienu residenti fit-territorju tiegħu l-ewwel (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Weide, C‑153/03, Ġabra p. I‑6017, punt 20, u Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17). Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiffaċilita lill-ħaddiema emigranti l-ġabra tal-allowances tal-familja fl-Istati fejn huma impjegati, meta l-familja tagħhom ma tiċċaqlaqx magħhom (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1990, Kracht, C‑117/89, Ġabra p. I‑2781, punt 15), u b’mod partikolari sabiex twaqqaf Stat Membru milli jissuġġetta l-għotja u l-ammont tal-benefiċċji tal-familja fuq ir-residenza tal-membri tal-familja tal-ħaddiem fl-Istat Membru li jipprovdi l-benefiċċji (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer, C‑543/03, Ġabra p. I‑5049, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
42 Madankollu, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-imsemmi Artikolu 73, filwaqt li jikkostitwixxi regola ġenerali fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja, mhuwiex regola assoluta (ara s-sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).
43 B’hekk, peress li hemm riskju li jkun hemm akkumulazzjoni tad-drittijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza flimkien ma’ dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg, id-dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikoli 13 u 73 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu mwieżna mar-regoli antikumulu li jinsabu f’dan tal-aħħar u fir-Regolament Nru 574/72 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).
44 Konsegwentement, din il-kawża għandha tiġi trattata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet preventivi ta’ akkumulazzjoni, jiġifieri l-Artikoli 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u 10 tar-Regolament Nru 574/72, li jipprovdu r-regoli sabiex intemmu akkumulazzjoni ta’ drittijiet stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tat-tfal ikkonċernati flimkien ma’ dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg ta’ wieħed mill-ġenituri tagħhom.
45 L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi, skont l-istess titolu tiegħu, “[r]egoli jew [ta’] prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) [akkumulazzjoni ta’ drittijiet] għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja.” Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija għandha l-għan li tirregola l-akkumulazzjoni ta’ drittijiet għal benefiċċji tal-familja dovuti, minn naħa, skont l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza tal-membri tal-familja li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Dodl u Oberhollenzer, punt 53, kif ukoll Slanina, punt 37).
46 Madankollu, huwa paċifiku f’dawn il-proċeduri li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tagħti dritt għall-benefiċċji tal-familja bil-kundizzjoni ta’ domiċilju jew residenza abitwali fil-Ġermanja, u mhux, “minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni”, kif jeżiġi l‑imsemmi Artikolu 76 sabiex japplika. Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 76 ma japplikax għal sitwazzjoni bħalma hija dik fil-kawża prinċipali.
47 Għaldaqstant hemm lok li tiġi eżaminata l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 għal sitwazzjonijiet bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
48 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, mir-regola antikumulu fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 jirriżulta li l‑benefiċċji dovuti fl-Istat Membru ieħor minn dak li fih jirrisjedi t-tifel ikkonċernat, jew skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali biss ta’ dan l-Istat Membru, inkella skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, jipprevalu l-benefiċċji dovuti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ dan it-tifel, li huma, bħala konsegwenza, sospiżi. Min-naħa l-oħra, fil-każ li tiġi mwettqa attività professjonali f’dan l-Istat tal-aħħar, l-Artikolu 10(1)(b)(i) tal-istess regolament jipprovdi s-soluzzjoni kuntrarja, jiġifieri li d-dritt għall-benefiċċji mogħtija mill-Istat Membru ta’ residenza tat-tifel jipprevali fuq id-dritt għall-benefiċċji mogħtija mill-Istat Membru ta’ impjieg, li huma mbagħad sospiżi (ara f’dan il-każ, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1992, McMenamin, C‑119/91, Ġabra p. I‑6393, punti 17 u 18, kif ukoll Weide, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
49 Minkejja li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 ma jinkludix dispożizzjoni analoga għall-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Familienkasse jsostni, fil-kawża prinċipali, li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72 għandu jinqara flimkien ma’/jew b’analoġija mal-imsemmi Artikolu 76(2), li jipprovdi, f’sitwazzjoni “kuntrarja” minn dik tal-kawża prinċipali, ikkaratterizzata b’mod partikolari min-nuqqas ta’ applikazzjoni għall-għoti tal-benefiċċji tal-familja ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal ikkonċernati, setgħa li jitnaqqsu l-benefiċċji tal-familja mogħtija mill-Istat ta’ impjieg, meta applikazzjoni għal benefiċċju ma ġietx ippreżentata fl-imsemmi Stat ta’ residenza.
50 G. Schwemmer issostni quddiem il-qorti tar-rinviju, għalkemm b’mod sussidjarjament li, fil-każ li l-imsemmi Artikolu 10(1) għandu jiġi interpretat b’analoġija mal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonalimogħtija lilhom minn tali interpretazzjoni b’analoġija, fid-dawl tal-fatt li l-ex konjuġi tagħha naqas milli japplika għall-benefiċċji stabbiliti bil-leġiżlazzjoni Svizzera, li għalihom huwa kien intitolat, u dan, fil-fehma tagħha, sabiex jikkawżalha ħsara.
51 Fuq dawn il-punti, jeħtieġ madankollu jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 10(1)(a), hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu u mill-mod kif inhu fformulat, ifittex biss soluzzjoni għall-każijiet ta’ akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja meta huma dovuti, fl-istess ħin, fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tifel ikkonċernat, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg, minn naħa, u, skont jew il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, jew l‑Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, fl-Istat Membru ta’ impjieg, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).
52 Sabiex ikun jista’ jitqies li tali akkumulazzjoni teżisti f’każ partikolari, mhuwiex biżżejjed, pereżempju, li tali benefiċċji jkunu dovuti fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tifel ikkonċernat u jkun, parallalment, biss jistgħu jkunu dovuti fi Stat Membru ieħor, fejn jaħdem wieħed mill-ġenituri ta’ dan it-tifel (ara, b’analoġija, is‑sentenza McMenamin, iċċitata iktar’il fuq, punt 26).
53 Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex il-benefiċċji tal-familja jistgħu jitqiesu bħala li huma dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-liġi ta’ dan l-Istat Membru trid tirrikonoxxi d-dritt għall-ħlas ta’ benefiċċji favur membru tal-familja li jaħdem f’dan l-Istat. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, kemm ta’ forma kif ukoll ta’ sustanza, imposti mil-leġiżlazzjoni interna ta’ dan l-Istat sabiex tkun tista’ teżerċita dan id-dritt, fosthom tista’ tkun inkluża, skont il-każ, il‑kundizzjoni li applikazzjoni preċedenti kellha tkun ġiet ippreżentata għall-ħlas ta’ tali benefiċċji (ara, b’analoġija mal-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza tal-20 ta’ April 1978, Ragazzoni, 134/77, Ġabra p. 963, punti 8 sa 11; tat-13 ta’ Novembru 1984, Salzano, 191/83, Ġabra p. 3741, punti 7 u 10; tat-23 ta’ April 1986, Ferraioli, 153/84, Ġabra p. 1401, punt 14, u Kracht, iċċitat iktar ’il fuq, punt 11).
54 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, f’dawn is-sentenzi tal-aħħar, ir-raġunijiet tan-nuqqas ta’ applikazzjoni preċedenti baqgħu irrilevanti fuq ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri kkonċernati.
55 Għaldaqstant hemm lok li jitqies li s-sospensjoni, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja dovuti skont il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-kisba tad-dritt għal dawn il-benefiċċji mhijiex suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg ta’ persuna li taħdem għal rasha, bħad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 62 tal-EStG, ma seħħx jekk il-benefiċċji ma tħallsux fl-Istat Membru kkonċernat, għar-raġuni li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru sabiex l-imsemmija benefiċċji jkunu effettivament mħallsa, inkluża l-kundizzjoni li applikazzjoni preċedenti kellha tkun ġiet ippreżentata (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ragazzoni, punt 12; Salzano, punt 11; Ferraioli, punt 15, u Kracht, punt 11).
56 Huwa minnu li, kif jirrileva l-Familienkasse, wara l-perijodu li matulu seħħew il‑fatti rilevanti fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ dak iż-żmien, li fuqu dawn is-sentenza jirrigwardaw, kien ġie emendat sabiex jinkludi paragrafu 2 intiż biex jippermetti lill-Istat Membru ta’ impjieg li jissospendi d-dritt għall-benefiċċji tal-familja jekk applikazzjoni intiża biex jingħataw dawn il-benefiċċju ma kinitx ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza u li, konsegwentement, dan tal-aħħar ma għamel ebda ħlas.
57 Madankollu, dan il-fatt ma naqqasx mill-importanza tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 ta’ din is-sentenza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, li, għad-differenza tal-imsemmija verżjoni preċedenti tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, ma kinitx ġiet issupplimentata bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3427/89, tat-30 ta’ Ottubru 1989 (ĠU L 331, p. 1), li madankollu emenda f’diversi aspetti kemm il-verżjoni fis-seħħ dak iż‑żmien tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll dik tar-Regolament Nru 574/72.
58 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ koordinazzjoni tal-liġijiet nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, fid-dawl b’mod partikolari tal-għanijiet li fuqhom hija bbażata, ma tistax, ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni espliċita skont dawn l-għanijiet, tiġi applikata b’mod li ċċaħħad il-ħaddiem emigrant jew lil dawk li għandhom dritt li jibbenefikaw mill-benefiċċji mogħtija skont il-leġiżlazzjoni biss ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Rossi, 100/78, Ġabra p. 831, punt 14, tat-12 ta’ Ġunju 1980, Laterza, 733/79, Ġabra p. 1915, punt 8; tad-9 ta’ Lulju 1980, Gravina, 807/79, Ġabra p. 2205, punt 7; tal-24 ta’ Novembru 1983, D’Amario, 320/82, Ġabra p. 3811, punt 4, u Kromhout, iċċitata iktar’il fuq, punt 21). Minn dan isegwi li ma jkunx konformi mal-imsemmi għanijiet li dispożizzjoni preventiva ta’ akkumulazzjoni, bħal dik tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 tiġi interpretata b’mod li jwassal għall-għoti effettiv ta’ ammont li huwa inferjuri għal kull benefiċċju meħud individwalment (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Rossi, iċċitata iktar ’il fuq, punti 14 et seq.; tad-19 ta’ Frar 1981, Beeck, 104/80, Ġabra p. 503, punt 12, kif ukoll Kromhout, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).
59 Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dritt, li mhuwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg ta’ persuna li taħdem għal rasha, għall-benefiċċji dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fih ġenitur jirrisjedi mat-tfal tiegħu li favurihom dawn il-benefiċċji jingħataw ma jistgħux jiġu sospiżi parzjalment f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal ikkonċernati, ikollu fil-prinċipju dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il‑leġiżlazzjoni tal-Istat li fih huwa impjegat, jew sempliċement skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat, inkella bl-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, iżda ma jircevix effettivament l-imsemmija benefiċċji għar-raġuni li huwa ma ppreżentax applikazzjoni għal dan il-għan.
Fuq l-ispejjeż
60 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità u l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendati bir-Regolament (KE) Nru 647/2005, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dritt, li mhuwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg ta’ persuna li taħdem għal rasha, għall-benefiċċji dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fih ġenitur jirrisjedi mat-tfal tiegħu li favurihom dawn il‑benefiċċji jingħataw ma jistgħux jiġu sospiżi parzjalment f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal ikkonċernati, ikollu fil-prinċipju dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih huwa impjegat, jew sempliċement skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat, inkella bl-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, iżda ma jircevix effettivament l‑imsemmija benefiċċji għar-raġuni li huwa ma ppreżentax applikazzjoni għal dan il-għan.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.