Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0280

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-14 ta' Ottubru 2010.
    Deutsche Telekom AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell - Kompetizzjoni - Artikolu 82 KE - Swieq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni - Aċċess għan-netwerk fiss tal-operatur eżistenti - Prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mogħtija lill-kompetituri - Prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ipprovduti lill abbonati - Prattiki tal-prezzijiet ta’ impriża dominanti - Pressjoni fuq il marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri - Prezzijiet approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali - Marġni ta’ flessi.
    Kawża C-280/08 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09555

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:603

    Kawża C-280/08 P

    Deutsche Telekom AG

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Appell — Kompetizzjoni — Artikolu 82 KE — Swieq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet — Aċċess għan-netwerk fiss tal-operatur eżistenti — Prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mogħtija lill-kompetituri — Prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ipprovduti lill-abbonati — Prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti — Pressjoni fuq il‑marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri — Prezzijiet approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali — Marġni ta’ manuvra tal-impriża f’pożizzjoni dominanti — Imputabbiltà tal-ksur — Kunċett ta’ ‘abbuż’ — Kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti — Kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Effetti tal-abbuż — Ammont tal-multa”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali — Inammissibbiltà — Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mwettqa mill-Qorti Ġenerali — Ammissibbiltà

    (Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 112(1)(ċ))

    2.        Appell — Aggravji — Motiv ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell — Inammissibbiltà

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 113(2))

    3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Dritt ta’ azzjoni tal-Kummissjoni — Eżerċizzju diskrezzjonali

    (Artikolu 81 KE, 82 KE u 226 KE)

    4.        Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ telekominikazzjonijiet ipprovduti mill-operatur li huwa l-proprjetarju tal-unika infrastruttura disponibbli — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż minkejja l-approvazzjoni tat-tariffi mill-awtorità nazzjonali regolatorja — Imputabbiltà tal-ksur

    (Artikoli 81 KE u 82 KE)

    5.        Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Ammissibbiltà

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

    6.        Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Twettiq intenzjonali jew b’negliġenza — Kunċett — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li jirriżulta mit-tariffi ta’ impriża f’pożizzjoni ta’ monopolju fis-suq tas-servizzi intermedjarji u f’pożizzjoni ta’ kważi monopolju fis-suq tas-servizzi bl-imnut

    (Regolament tal-Kunsill Nru 17, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15(2))

    7.        Atti tal-istituzzjonijiet — Obbligu ta’ motivazzjoni — Skop — Portata

    (Artikolu 253 KE)

    8.        Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ telekominikazzjonijiet ipprovduti mill-operatur li huwa l-proprjetarju tal-unika infrastruttura disponibbli — Differenza negattiva jew insuffiċjenti bejn it-tariffi għall-kompetituri u t-tariffi bl-imnut

    (Artikolu 82 KE)

    9.        Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Kunċett

    (Artikolu 82 KE)

    10.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet ipprovduti mill-operatur li huwa l-proprjetarju tal-unika infrastruttura disponibbli — Kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri

    (Artikolu 82 KE)

    11.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Opportunitajiet indaqs — Assenza — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul li jirriżulta minn servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet oħra — Esklużjoni

    (Artikolu 82 KE)

    12.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Aġir li għandu effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni

    (Artikolu 82 KE)

    13.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal- ksur — Ksur gravi — Effett ta’ pressjoni fuq il-prezzijiet li jirriżulta minn tariffi ta’ impriża f’pożizzjoni ta’ monopolju — Ċirkustanzi attenwanti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tieni paragrafu tal-punt 1 A)

    14.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħat tal-Kummissjoni — Bidla fil-prassi preċedenti — Ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Assenza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 17)

    1.        Mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l‑elementi tas-sentenza li ġew ikkritikati u li tagħhom intalab l-annullament kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jissostanzjaw din it-talba b’mod speċifiku. L-appell li, mingħajr lanqas ma jinkludi argumentazzjoni intiża speċifikament sabiex tidentifika l-iżball ta’ liġi li jinsab fis-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, liema ċirkustanza taħrab mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l‑applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma setax jibbaża b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq aggravji u argumenti li diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura ta’ appell tkun nieqsa minn parti mis-sens tagħha.

    (ara l-punti 24, 25)

    2.        L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti quddiem l-ewwel istanza. Għaldaqstant parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex b’hekk hija tressaq kwistjoni iktar wiesgħa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, minn dik li kellha quddiemha l-Qorti Ġenerali.

    (ara l-punti 34, 42, 49)

    3.        Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jadotta l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali kollha sabiex jiżguraw l-implementazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-obbligi li jirriżultaw bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikoli 81 KE u 82 KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 10 KE, jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jiħdux jew li ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja, li jkunu jistgħu jneħħu l‑effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi.

    Madankollu, fir-rigward tal-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru, meta s‑sentenza appellata tikkonċerna biss il-legalità ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 82 KE fil-konfront ta’ kumpannija appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest tal-appell, tieħu ħsieb li tivverifika jekk l‑ilmenti mressqa insostenn tal-appell humiex tali li jiżvelaw li l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-legalità ta’ tali deċiżjoni huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi, u dan indipendentement mill-fatt dwar jekk il‑Kummissjoni setgħetx, parallelament jew alternattivament, tadotta deċiżjoni ta’ ksur ta’ liġi tal-Unjoni kontra l-Istat Membru inkwistjoni.

    B’hekk, anki jekk ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kisru l-liġi tal-Unjoni u jekk il-Kummissjoni tabilħaqq setgħet għażlet li f’dan il-kuntest tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE kontra Stat Membru, dawn il‑possibbiltajiet huma mingħajr rilevanza fl-istadju tal‑appell. Fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u ma humiex il-qrati tal-Unjoni li għandhom jevalwaw l-opportunità tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

    (ara l-punti 45-47)

    4.        Huwa biss jekk aġir antikompetittiv ikun impost fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din toħloq kuntest legali li jelimina huwa stess kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom li l‑Artikoli 81 KE u 82 KE ma humiex applikabbli. F’sitwazzjoni tali, fil-fatt, ir-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma tkunx ikkawżata, kif jimplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, mill-aġir awtonomu tal-impriżi.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 81 KE u 82 KE jistgħu jkunu applikabbli jekk jirriżulta li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali tħalli lok għall-possibbiltà li jkun hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi. Il-possibbiltà li jiġi eskluż aġir antikompetittiv partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, minħabba l-fatt li dan ġie impost fuq l-impriżi inkwistjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti jew li din neħħiet kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom, ġiet ammessa b’mod restrittiv biss min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk liġi nazzjonali sempliċement tinkoraġġixxi jew tiffaċilita l-adozzjoni, mill-impriżi, ta’ aġir antikompetittiv awtonomu, dawn tal-aħħar jibqgħu suġġetti għall-Artikoli 81 KE u 82 KE. Huma fil-fatt l-impriżi dominanti li għandhom responsabbiltà partikolari li ma jippreġudikawx, permezz tal-aġir tagħhom, kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni.

    F'dan ir-rigward, is-sempliċi ċirkustanza li impriża dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet tkun ġiet inkoraġġuta, permezz tal-interventi ta’ awtorità regolatorja nazzjonali, bħall-awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet u tal-posta, iżżomm fis-seħħ il-prattiki tariffarji tagħha li jwasslu għal pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri minn tal-inqas daqstant effiċjenti tagħha ma tistax, fiha nnifisha, telimina r-responsabbiltà tagħha taħt l-Artikolu 82 KE.

    Fil-fatt, peress li, minkejja t-tali interventi, l-impriża kellha marġni ta’ manuvra sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet inkwistjoni hija imputabbli lilha. In-natura żbaljata jew mhux żbaljata li tikkonsisti f’li din il-marġni ta’ manuvra ma tintużax ma hijiex tali li tmur kontra l‑ konstatazzjoni li tgħid li l-appellanti kellha marġni ta’ manuvra sabiex tadottaha, iżda tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tad-determinazzjoni tan-natura ta’ ksur ta’ dan l-aġir kif ukoll fl-istadju tal-iffissar tal-ammont tal-multi.

    (ara l-punti 80-85, 88, 89)

    5.        Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex suffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li, bħala tali, tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell.

    (ara l-punt 123)

    6.        Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni twettaqx intenzjonalment jew b’negliġenza u jekk jistax, għalhekk, jiġi ppenalizzat b’multa, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, din il-kundizzjoni hija sodisfatta peress li impriża ma tistax tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, kemm jekk hija kienet konxja jew le li kienet qed tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat.

    Dan huwa l-każ ta’ impriża fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet li ma setgħetx tinjora l-fatt, minn naħa, li hija kellha, minkejja d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet u tal-posta, marġni ta’ manuvra reali sabiex tiffissa l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u li, min-naħa l-oħra, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet twassal, fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha ta’ monopolju fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk lokali u tal-pożizzjoni tagħha ta’ kważi monopolju fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, għal restrizzjonijiet serji fuq il-kompetizzjoni.

    (ara l-punti 124, 125)

    7.        L-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il‑kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

    (ara l-punti 130, 131)

    8.        L-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE jipprojbixxi, b’mod espliċitu, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli timponi b’mod dirett jew indirett prattiki tariffarji mhux ekwi u, b’mod partikolari, li tapplika prattiki tariffarji li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri daqstant effiċjenti tagħha, attwali jew potenzjali, jiġifieri prattiki li jistgħu jagħmluha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibbli, għal dawn tal-aħħar li jkollhom aċċess għas-suq, kif ukoll li jagħmluha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibbli, għall-kontroparti tagħha, li jkollhom għażla bejn numru ta’ sorsi ta’ provvista jew imsieħba kummerċjali, sabiex b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tirrikorri għal mezzi li ma humiex dawk li jaqgħu taħt tip ta’ kompetizzjoni bbażata fuq mertu. F’din il-perspettiva, kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ma tistax għaldaqstant titqies li hija leġittima.

    Sa fejn impriża f’pożizzjoni dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet għandha marġni ta’ manuvra sabiex tnaqqas jew telimina pressjoni fuq il‑marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri mill-inqas daqstant effikaċji tagħha, permezz tat-tibdil fil-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, fid-dawl tal-effett ta’ esklużjoni li tista’ tikkawża fuq l‑imsemmija kompetituri, din il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tista’ fiha nnifisha tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

    L-imsemmi Artikolu 82 KE huwa intiż b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ kompetizzjoni mhux distorta. F’dan ir-rigward huwa mingħajr rilevanza li l-impriża dominanti jkollha żżid il-prezzijiet tagħha sabiex telimina l-abbuż.

    Billi tnaqqas konsegwentement il-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti f’suq, dak tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, li diġà huwa mdgħajjef preċiżament minħabba l-preżenza tal-imsemmija impriża, u billi b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ din tal-aħħar fis-suq, l-imsemmija pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għandha wkoll l-effett li l-konsumaturi jsofru dannu b’riżultat tal-limitazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ għażla tagħhom u, għaldaqstant, b’riżultat tal-perspettiva ta’ tnaqqis, fuq terminu iktar twil, tal-prezzijiet bl-imnut minħabba l-kompetizzjoni adottata minn kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċji fl-imsemmi suq.

    Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-obbligu li tistabbilixxi li l-prezzijiet bl-ingrossa tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali jew prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati huma fihom infushom abbużivi minħabba, skont il-każ, in-natura eċċessiva jew ta’ sfruttament tagħhom.

    (ara l-punti 172, 177, 180-183)

    9.        Sabiex jiġi evalwat jekk il-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti jistgħux jeliminaw kompetitur bi ksur tal-Artikolu 82 KE, għandu jiġi adottat kriterju bbażat fuq l‑ispejjeż u fuq l-istrateġija tal-impriża dominanti nnifisha. F'dan ir-rigward impriża dominanti ma tistax teskludi mis-suq impriżi li possibbilment huma wkoll effikaċji daqsha, iżda li, minħabba l‑kapaċità finanzjarja żgħira tagħhom, ma humiex kapaċi li jirreżistu għall-kompetizzjoni li ssir fil-konfront tagħhom.

    F’sitwazzjoni fejn in-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti tirriżulta mill-effett ta’ esklużjoni tagħhom għall-kompetituri tagħha, l-analiżi dwar l-imsemmija natura abbużiva għandha tkun ibbażata biss b’riferiment għat-tariffi u għall-ispejjeż tal-impriża dominanti. Fil-fatt, tali kriterju jippermetti li jiġi vverifikat jekk impriża dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet kinitx f’pożizzjoni li tipproponi s-servizzi tagħha bl-imnut għall-abbonati mingħajr ma tagħmel telf, jekk hija ġiet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali. Konsegwentement, dan il-kriterju huwa utli sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti kellhomx effett ta’ esklużjoni fil-konfront tal-kompetituri permezz tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    Tali approċċ huwa barra minn hekk ġustifikat billi huwa wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-impriża dominanti jippermettilha, fid-dawl tar-responsabbiltà partikolari li għandha skont l-Artikolu 82 KE, tevalwa l‑legalità tal-aġir tagħha stess. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti għandha għarfien dwar l-ispejjeż u t‑tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju hija ma tafx x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha.

    Dawn il-konstatazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati permezz taċ-ċirkustanza li ssostni li l-kompetituri tal-impriża dominanti huma suġġetti għal kundizzjonijiet legali u materjali inqas onerużi sabiex jipprovdu s‑servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet tagħhom lill-abbonati. Fil-fatt, li kieku wieħed kellu jassumi li din iċ-ċirkustanza ġiet stabbilita, l-istess ċirkustanza xorta waħda ma tasalx ikollha inċidenza fuq il-fatt li impriża dominanti ma tistax tadotta prattiki tariffarji li jeskludu lil kompetituri minn tal-inqas daqstant effiċjenti mis-suq ikkonċernat u lanqas fuq il-fatt li t-tali impriża għandha, fid-dawl tar-responsabbiltà partikolari tagħha skont l‑Artikolu 82 KE, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina waħedha jekk il-prattiki tariffarji tagħha humiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

    (ara l-punti 198-203)

    10.      Anki jekk, mill-perspettiva tal-abbonat, is-servizzi ta’ aċċess u ta’ komunikazzjoni jistgħu effettivament jikkostitwixxu ħaġa waħda, il‑Kummissjoni għandha d-dritt teżamina l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il‑marġni tal-prezzijiet biss mill-perspettiva tas-servizzi ta’ aċċess mingħajr ma tinkludi s-servizzi ta’ komunikazzjoni, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ristrutturazzjoni tal-prezzijiet u ta’ opportunitajiet indaqs.

    F’dan ir-rigward, ma twettaq ebda żball ta’ liġi l-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ristrutturazzjoni tal-prezzijiet, li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni relatata mas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, sabiex teżamina l-fondatezza tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 82 KE għall-prattiki tariffarji abbużivi ta’ impriża dominanti. Fil-fatt, billi l‑leġiżlazzjoni relatata mas-settur tat-telekomunikazzjonijiet tiddefinixxi l‑qafas legali applikabbli għal dan is-settur u li, b’hekk tikkontribwixxi sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li fihom impriża dominanti teżerċita n-negozju tagħha fis-swieq ikkonċernati, hija tikkostitwixxi element rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għall-aġir adottat minn din l-impriża, kemm jekk sabiex tiddefinixxi s‑swieq ikkonċernati, sabiex tevalwa n-natura abbużiva ta’ tali aġir jew ukoll sabiex tiffissa l-ammont tal-multi.

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l‑prinċipju tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet japplika biss għall-impriża dominanti u mhux għall-kompetituri tagħha, ladarba l-Qorti Ġenerali, sabiex tiddetermina n‑natura abbużiva, fir-rigward tal-Artikolu 82 KE tal-prattiki tariffarji tal-imsemmija impriża dominanti, tkun ibbażat ruħha fuq is‑sitwazzjoni u l‑ispejjeż tal-impriża dominanti, skont il-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċji.

    B’hekk, billi l-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-ristrutturazzjoni mill-ġdid tal-prezzijiet intiż mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet kellu jsir, b’mod partikolari, permezz ta’ tnaqqis fit-tariffi tal-komunikazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u permezz ta’ żieda fl-abbonament ta’ kull xahar u tal-prezz tal-komunikazzjonijiet lokali, hija setgħet ukoll tislet minn dan li t-teħid inkunsiderazzjoni separat tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess u tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ komunikazzjoni għall-konstatazzjoni tan-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji inkwistjoni tal-appellanti tinsab fil-prinċipju tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet.

    (ara l-punti 221, 223-226)

    11.      Sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs tal-operaturi ekonomiċi differenti.

    Dan jimplika li impriża dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet u l‑kompetituri mill-inqas daqstant effikaċji tagħha jkunu fuq livell ta’ ugwaljanza fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Din il‑kundizzjoni ma tiġix sodisfatta jekk il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mħallsa lill-impriża dominanti jistgħu jkollhom effett fuq il-prezzijiet bl-imnut tagħhom għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati biss billi joffru dawn is-servizzi b’telf.

    Fil-fatt, peress li, minn naħa, is-suq bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati jikkostitwixxi suq separat u li, min-naħa l-oħra, is-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma indispensabbli għal kompetituri minn tal-inqas effikaċji daqsha sabiex jidħlu effettivament f’kompetizzjoni f’dan is-suq flimkien ma’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti fl-istess suq fil-biċċa l‑kbira minħabba l-monopolju legali li hija kellha qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, it‑twaqqif ta’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta jitlob li din l‑impriża dominanti, permezz tal-prattiki tariffarji tagħha f’dan is-suq bl-imnut, ma timponix żvantaġġ kompetittiv fuq il-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċji li jkun tali li jipprekludi jew jirrestrinġi l-aċċess għal dan is-suq jew l-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom fuq dan is-suq.

    Dan huwa b’mod partikolari l-każ billi, peress li l-provvista eventwali minn dawn il-kompetituri ta’ servizzi oħra ta’ telekomunikazzjonijiet lill-abbonati permezz tan-netwerk fiss tal-impriża dominanti teżiġi wkoll l‑akkwist tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mingħandha, dan l-iżvantaġġ kompetittiv fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati jkollu neċessarjament inċidenza, fis-swieq marbuta ma’ dawn is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet oħra. Madankollu, din l‑aħħar ċirkustanza ma timplikax li d-dħul derivanti minn dawn is-servizzi l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk il-kompetituri minn tal-inqas effikaċji daqs l‑impriża dominanti jinsabux f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fil-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Fil-fatt, dawn is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet l-oħra jaqgħu fi swieq distinti meta mqabbla ma’ dan l‑aħħar suq.

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-prattiki tariffarji tal-impriża dominanti fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati jqiegħdu immedjatament il-kompetituri mill-inqas daqstant effikaċji tagħha f’sitwazzjoni ta’ inugwaljanza magħha stess f’dan l-istess suq, li jagħti lok għal pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-imsemmija kompetituri fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess.

    (ara l-punti 230, 233-236, 240)

    12.      Meta jipprojbixxi l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq sa fejn il-kummerċ bejn Stat Membri jista’ jiġi affettwat, l‑Artikolu 82 KE jirreferi għall-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li jkollu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi abbażi tal-prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni li tkun għadha teżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il‑kompetizzjoni. B’hekk l-eżistenza ta’ prattika tariffarja minn impriża dominanti li twassal għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri mill-inqas daqstant effikaċji tagħha tikkostitwixxi prattika abbużiva fis-sens tal-Artikolu 82 KE biss jekk tiġi prodotta l-prova ta’ effett antikompetittiv.

    Fir-rigward tal-prattiki tariffarji minn impriża dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet li jwasslu għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri mill-inqas daqstant effikaċji tagħha, l-effett antikompetittiv li l-Kummissjoni għandha tipprova jirreferi għall-ostakoli eventwali li l‑imsemmija prattiki tariffarji tal-appellanti setgħu kkawżaw fuq l‑iżvilupp tal-offerta fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u, b’hekk, fuq il-livell ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq. Tali prattika hija abbużiva fis-sens tal-Artikolu 82 KE, peress li, billi tipproduċi effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri minn tal-inqas effikaċji daqsha, l-imsemmija prattika tista’ tagħmilha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibli, li jkun hemm aċċess għas-suq ikkonċernat min-naħa tal-kompetituri tagħha u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-impriża fuq l-istess suq, b’detriment għall-interessi tal-konsumaturi.

    Meta impriża dominanti effettivament timplementa prattika tariffarja li twassal għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri minn tal-inqas daqstant effiċjenti tagħha fejn l-għan ta’ din il-prattika hija li teskludi lil dawn il-kompetituri mis-suq ikkonċernat, iċ-ċirkustanza li r-riżultat mixtieq, effettivament, ma jinkisibx ma jistax jeskludi l-kwalifika bħala abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Madankollu, fin-nuqqas tal-iċken effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri, tali prattika tariffarja ma tistax tiġi kkwalifikata bħala prattika ta’ esklużjoni meta d-dħul ta’ dawn il-kompetituri fis-suq ikkonċernat ma jsirx iktar diffiċli minħabba din il-prattika.

    (ara l-punti 251-254)

    13.      Il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, irregolat bil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA, jinkludi varji elementi ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali evalwatx b’mod korrett l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali.

    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, fosthom, b’mod partikolari, iċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju. Fost l-elementi li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l-aġir tal-impriża kkonċernata, ir-rwol tagħha f’kull stabbiliment tal-prattika inkwistjoni, il-qligħ li din setgħet tikseb minn din il-prattika, id‑daqs tagħha u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni.

    (ara l-punti 271-274)

    14.      Il-fatt li l‑Kummissjoni applikat, fl-imgħoddi, multi ta’ ċertu livell fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l‑implementazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. L-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli tal-Unjoni dwar il‑kompetizzjoni titlob, fil-fatt, li f’kull mument il-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika.

    (ara l-punt 294)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    14 ta’ Ottubru 2010 (*)

    Werrej

    I –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

    II –  Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    III –  It-talbiet tal-partijiet

    IV –  Fuq l-appell

    A –  Fuq l-ammissibbiltà

    B –  Fuq il-mertu

    1.  Osservazzjonijiet preliminari

    2.  Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi dwar it-trattament tar-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tal-appellanti mir-RegTP fil-kapaċitŕ tagħha bħala awtoritŕ regolatorja nazzjonali kompetenti

    a)  Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, fuq l-imputabbiltà tal-ksur

    i)  Sentenza appellata

    ii)  L‑argumenti tal-partijiet

    iii)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    b)  Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

    i)  Sentenza appellata

    ii)  L-argumenti tal-partijiet

    iii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    c)  Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, dwar in-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur tal-Artikolu 82 KE

    i)  Sentenza appellata

    ii)  L-argumenti tal-partijiet

    iii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    d)  Konklużjoni fuq l-ewwel aggravju

    3.  Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE

    a)  Sentenza appellata

    b)  Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, dwar ir-rilevanza tal-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għall-konstatazzjoni ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE

    i)  L-argumenti tal-partijiet

    ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    c)  Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, dwar in-natura adegwata tal-metodu ta’ kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    i)  Fuq l-ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja

    –  L-argumenti tal-partijiet

    –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    ii)  Fuq l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi billi s-servizzi ta’ komunikazzjoni u s‑servizzi l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

    –  L-argumenti tal-partijiet

    –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    d)  Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju, dwar l-effetti tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

    i)  L-argumenti tal-partijiet

    ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    e)  Konklużjoni fuq it-tieni aggravju

    4.  Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fil-kalkolu tal-multi minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet

    a)  Sentenza appellata

    b)  L-argumenti tal-partijiet

    i)  Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, dwar in-natura gravi tal-ksur

    –  L-argumenti tal-partijiet

    –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    ii)  Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni xierqa tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bħala ċirkustanza attenwanti

    –  L-argumenti tal-partijiet

    –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    iii)  Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju, dwar l-għoti ta’ multa simbolika

    –  L-argumenti tal-partijiet

    –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    c)  Konklużjoni fuq it-tielet aggravju

    Fuq l-ispejjeż

    “Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 82 KE – Swieq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Aċċess għan-netwerk fiss tal-operatur eżistenti – Prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mogħtija lill-kompetituri – Prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ipprovduti lill-abbonati – Prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti – Pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri – Prezzijiet approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali – Marġni ta’ manuvra tal-impriża f’pożizzjoni dominanti – Imputabbiltà tal-ksur – Kunċett ta’ ‘abbuż’ – Kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja – Kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet – Effetti tal-abbuż – Ammont tal-multa”

    Fil-Kawża C‑280/08 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-23 ta’ Ġunju 2008,

    Deutsche Telekom AG, stabbilita f’Bonn (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn U. Quack, S. Ohlhoff u M. Hutschneider, Rechtsanwälte,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Mojzesowicz, kif ukoll minn W. Mölls u O. Weber, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Vodafone D2 GmbH, li qabel kienet Vodafone AG & Co. KG, li qabel kienet Arcor AG & Co. KG, stabbilita f’Eschborn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann, Rechtsanwalt,

    Versatel NRW GmbH, li qabel kienet Tropolys NRW GmbH, li qabel kienet CityKom Münster GmbH Telekommunikationsservice u TeleBeL Gesellschaft für Telekommunikation Bergisches Land mbH, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja),

    EWE TEL GmbH, stabbilita f’Oldenburg (il-Ġermanja),

    HanseNet Telekommunikation GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

    Versatel Nord GmbH, li qabel kienet Versatel Nord‑Deutschland GmbH, li qabel kienet KomTel Gesellschaft für Kommunikations- und Informationsdienste mbH, stabbilita fi Flensburg (il-Ġermanja),

    NetKöln Gesellschaft für Telekommunikation mbH, stabbilita f’Köln (il‑Ġermanja),

    Versatel Süd GmbH, li qabel kienet Versatel Süd‑Deutschland GmbH, li qabel kienet tesion Telekommunikation GmbH, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja),

    Versatel West GmbH, li qabel kienet Versatel West‑Deutschland GmbH, li qabel kienet Versatel Deutschland GmbH & Co. KG, stabbilita f’Dortmund (il‑Ġermanja),

    irrappreżentati minn N. Nolte, Rechtsanwalt,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2009,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ April 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tal-appell tagħha, Deutsche Telekom AG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Isanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali, iktar ’il quddiem, il-“Qorti Ġenerali”) tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑271/03, Ġabra p. II‑477, iktar ’il quddiem is‑“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/707/KE, tal-21 ta’ Mejju 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (Każijiet COMP/C‑1/37.451, 37.578, 37.579 – Deutsche Telekom AG) (ĠU L 263, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    I –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 24 tas-sentenza appellata kif ġej:

    “1      Ir-rikorrenti, Deutsche Telekom AG, hija l-operatur storiku [eżistenti] ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja. […]

    2      Ir-rikorrenti tiġġestixxi n-netwerk telefoniku Ġermaniż. Qabel il‑liberalizzazzjoni totali tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet, hija bbenefikat minn monopolju legali fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet lill-abbonati fuq in-netwerk fiss. Mid-daħla fis-seħħ tat-Telekommunikationsgesetz (il-liġi Ġermaniża dwar it‑telekomunikazzjonijiet, iktar’il quddiem it-“TKG”) tal-25 ta’ Lulju 1996 (BGBl. 1996 I, p. 1120), fl-1 ta’ Awwissu 1996, is-suq tal-provvista ta’ infrastrutturi u s-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet ġew illiberalizzati fil-Ġermanja. Minn dak iż-żmien, fuq dawn iż-żewġt iswieq, ir-rikorrenti għandha kompetizzjoni, fuq livelli differenti, minn operaturi oħra.

    3.      In-netwerks lokali tar-rikorrenti jinkludu diversi linji lokali għall-abbonati. L-espressjoni “linja lokali” tindika ċ-ċirkuwitu fiżiku li jqabbad il-punt fejn jispiċċa n-netwerk fil-fond ta’ l-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew ma’ faċilità ekwivalenti tan-netwerk tat-telefon pubbliku fiss.

    4.      Ir-rikorrenti tipprovdi l-aċċess għal-linji lokali tagħha kemm lill-operaturi l‑oħra ta’ telekomunikazzjonijiet u kif ukoll lill-abbonati. Fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess u t-tariffi tar-rikorrenti, għandha għalhekk issir distinzjoni bejn is-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk lokali pprovduti mir-rikorrenti lill-kompetituri tagħha [iktar’il quddiem is-“servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali”] u s-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk lokali pprovduti mir-rikorrenti lill-abbonati tagħha (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ aċċess għall-abbonati”).

    I – [Servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali]

    5.      B’deċiżjoni Nru 223a tal-Ministeru Federali tal-Posta u Telekomunikazzjonijiet […], tat-28 ta’ Mejju 1997, ir-rikorrenti ġiet kostretta, minn Ġunju 1997, tagħti aċċess disassoċjat totali għal-linja lokali lill-kompetituri tagħha.

    6.      Fir-rigward tat-tariffi għas-[servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali] tar-rikorrenti, dawn huma magħmula minn żewġ komponenti, jiġifieri tariffa għall-abbonament ta’ kull xahar, minn naħa, u ħlas inizjali, min-naħa l-oħra. […]

    7.      It-tariffi għas-[servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali] tar-rikorrenti għandhom, skond l-Artikolu 25(1) tat-TKG, jiġu l-ewwel approvati mir-Regulierungsbehörde für Telekommunikation und Post (l‑awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet u tal-posta, iktar’il quddiem ir-“RegTP”).

    8.      F’dan il-kuntest, ir-RegTP tivverifika jekk it-tariffi proposti mir-rikorrenti għas-[servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali] jissodisfawx il‑kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ l-Artikolu 24 tat-TKG. Għalhekk, skond l-Artikolu 24(1) tat-TKG, it-“[t]ariffi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizzi effikaċja”. […]

    […]

    II – Servizzi ta’ aċċess għall-abbonati

    10.      Fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, ir-rikorrenti toffri żewġ għażliet bażiċi, jiġifieri l-linja analoga tradizzjonali […] u l-linja diġitali narrowband […]. Dawn iż-żewġ għażliet bażiċi li jippermettu l-konnessjoni ta’ l-abbonati jistgħu jiġu pprovduti fuq in-netwerk eżistenti tar-rikorrenti magħruf bħala “copper pair network” (konnessjonijiet narrowband). Din ta’ l-aħħar toffri wkoll lill-abbonati tagħha konnessjonijiet broadband ([…] ADSL), li għalihom hija kellha taġġorna n-netwerks [narrowband] eżistenti […] sabiex tkun tista’ toffri servizzi broadband, pereżempju aċċess rapidu għall-Internet.

    […]

    12.      [Il-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati] huma magħmula minn żewġ komponenti: abbonament ta’ kull xahar, li jiddependi mill-kwalità tal-linji u mis-servizzi pprovduti, u ħlas inizjali għall-konnessjoni jew it-trasferiment ta’ linja, […]

    A – Tariffi għal-linji ta’ abbonati analogi [analoġiċi] […] u diġitali narrowband […]

    13.      Il-prezzijiet ta’ aċċess għal-linji ta’ abbonati analogi [analoġiċi] u [diġitali narrowband] huma ffissati fil-kuntest ta’ sistema li tistabbilixxi l-prezzijiet massimi. Skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 27(1), skond l-Artikolu 25(1) tat-TKG […], il-prezzijiet bl-imnut għall-konnessjoni man-netwerk tar-rikorrenti u għall-komunikazzjonijiet mhumiex iffissati individwalment għal kull servizz fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż sostnuti, iżda huma ddeterminati globalment għal diversi servizzi, bid-diversi servizzi miġbura flimkien fi gruppi.

    14      […] Is-sistema kkonċernata ġiet implementata mir-RegTP fl-1 ta’ Jannar 1998. F’din l-okkażjoni, ir-RegTP stabbilixxiet żewġ gruppi ta’ servizzi, bl‑ewwel wieħed jinkludi s-servizzi residenzjali u, it-tieni, is-servizzi professjonali. Iż-żewġ gruppi ta’ servizzi kienu jinkludu kemm is-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati […] u kif ukoll il-medda kollha ta’ offerti tar-rikorrenti fil-qasam tat-telefonija bħall-komunikazzjonijiet lokali, reġjonali, interurbani u internazzjonali.

    […]

    17.      Bis-saħħa tad-deċiżjoni tal-[Ministeru Federali tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet] tas-17 ta’ Diċembru 1997, ir-rikorrenti kellha tnaqqas b’4.3 % il-prezz globali ta’ kull wieħed miż-żewġ gruppi ta’ servizzi matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 1999 (l-ewwel perijodu fejn ġew stabbiliti prezzijiet massimi). Fit-tmiem ta’ dan l-ewwel perijodu, fil-31 ta’ Diċembru 1999, ir-RegTP, b’deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 1999, essenzjalment żammet il-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ servizzi u naqset il-prezzijiet b’5.6 % għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2001 (it-tieni perijodu fejn ġew stabbiliti prezzijiet massimi).

    18.      Fi ħdan dan il-kuntest vinkolanti ta’ tnaqqis tal-prezzijiet, ir-rikorrenti setgħet timmodifika t-tariffi tad-diversi komponenti ta’ kull grupp ta’ servizzi wara li tkun kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel tar-RegTP. […] Is‑sistema kienet tippermetti b’hekk iż-żieda tat-tariffi ta’ wieħed jew diversi komponenti ta’ grupp ta’ servizzi, safejn il-prezzijiet massimi tal-grupp ma jinqabżux. […]

    19.      Matul l-ewwel żewġ perijodi fejn ġew stabbiliti prezzijiet massimi [mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001], ir-rikorrenti baxxiet il-prezzijiet bl-imnut għaż-żewġ gruppi ta’ servizzi, tnaqqis li mar lil hinn minn dak li ġie impost fuqha. Dan it-tnaqqis fit-tariffi kkonċerna sostanzjalment il‑prezzijiet tal-komunikazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet bl-imnut għal-linji analogi [analoġiċi] […] baqgħu l-istess matul iż-żewġ perijodi msemmija, […] Fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut għal-linji [diġitali narrowband], ir-rikorrenti matul dan l-istess perijodu naqset it-tariffi għall-abbonament ta’ kull xahar […].

    20.      Mill-1 ta’ Jannar 2002, teżisti sistema ġdida ta’ prezzijiet massimi […]. Fis-sistema l-ġdida, iż-żewġ gruppi ta’ servizzi preċedenti li jinkludu s-servizzi residenzjali u s-servizzi professjonali huma sostitwiti b’erba’ gruppi ta’ servizzi, li jinkludu s-servizzi li ġejjin: linji telefoniċi (grupp A), komunikazzjonijiet lokali (grupp B), komunikazzjonijiet interurbani nazzjonali (grupp Ċ) u komunikazzjonijiet internazzjonali (grupp D).

    21.      Fil-15 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti informat lir-RegTP bl-intenzjoni tagħha li żżid l-abbonamenti ta’ kull xahar għal-linji analogi [analoġiċi] u [diġitali narrowband] […]. Din iż-żieda ġiet awtorizzata mir-RegTP […]

    22.      Fil-31 ta’ Ottubru 2002, ir-rikorrenti għamlet talba ġdida għal żieda tat-tariffi bl-imnut tagħha. Din it-talba ġiet parzjalment miċħuda mir-RegTP […]

    B – Tariffi għal-linji ADSL […]

    23.      It-tariffi ADSL […] mhumiex irregolati fil-kuntes t ta’ sistema ta’ prezzijiet massimi. Skond l-Artikolu 30 tat-TKG, dawn it-tariffi jistgħu jiġu suġġetti għal regolazzjoni a posteriori.

    24.      Fit-2 ta’ Frar 2001, wara li rċeviet diversi lmenti minn naħa ta’ kompetituri tar-rikorrenti, ir-RegTP bdiet investigazzjoni a posteriori fuq il-prezzijiet ADSL tar-rikorrenti, sabiex tistabbilixxi, jekk ikun il-każ, il-prattika ta’ bejgħ b’telf kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni Ġermaniżi. Ir-RegTP għalqet il-proċedura, fil-25 ta’ Jannar 2002, wara li kkonstatat li ż-żieda tat-tariffi mħabbra mir-rikorrenti, fil-15 ta’ Jannar 2002, ma kinitx tagħti lok għal sospett ta’ bejgħ b’telf.”

    3        Wara li matul is-sena 1999 tressqu lmenti minn impriżi li jikkompetu mal-appellanti, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha hija akkużat lill-appellanti, b’mod partikolari fil-premessi 57, 102, 103 u 107 ta’ din id-deċiżjoni, talli wettqet abbuż taħt forma ta’ “effett ta’ għafsa” (“margin squeeze, iktar ’il quddiem il-“pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet”), li tirriżulta minn differenza mhux xierqa bejn il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u l-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    4        Fir-rigward ta’ din il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tfakkar dak li ntqal fil-premessi 102 sa 105 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jgħidu li ġej:

    “102      Hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet meta s-somma ta’ l-abbonament ta’ kull xahar u tal-ħlas inizjali li għandhom jitħallsu [lir-rikorrenti] għas-servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] tobbliga lill-kompetituri jiffatturaw lill-abbonati tagħhom prezzijiet ogħla minn dawk li [r-rikorrenti] tiffattura lill-abbonati tagħha għall-istess servizzi. Jekk il‑prezzijiet [bl-ingrossa] tas-servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] jkunu ogħla mill-prezzijiet bl-imnut [għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati], il-kompetituri tar-[rikorrenti] qatt ma jistgħu jagħmlu profitt, anki jekk ikunu effikaċja ta’ l-inqas daqs ir-[rikorrenti], minħabba li minbarra l‑prezzijiet tas-servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] huma għandhom iħallsu spejjeż oħra (kummerċjalizzazzjoni, fatturi, irkupru...).

    103.      Billi tiffattura lill-kompetituri tagħha tariffi [bl-ingrossa] ta’ servizzi intermedjarji [ta’] aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali li huma ogħla mill-prezzijiet bl-imnut li hija tiffattura lill-abbonati tagħha, [ir-rikorrenti] tipprekludihom milli joffru, barra mis-sempliċi komunikazzjonijiet telefoniċi, servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali. […]

    104.      [Ir-rikorrenti] tikkunsidra li f’dan il-każ ma jistax ikun hemm prattika ta’ tariffi abbużivi fil-forma ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet minħabba li t-tariffi [bl-ingrossa] tas-servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] huma ffissati b’mod vinkolanti mir-RegTP. […]

    105.      Madankollu, kuntrarjament għal dak li tiddikjara [r-rikorrenti], il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tikkostitwixxi forma ta’ abbuż li hija rilevanti għal dan il-każ. Fuq is-swieq relatati, fejn il-kompetituri jixtru servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] mingħand l-operatur storiku [eżistenti] u għandhom interess li jagħmlu dan jekk iridu jistabbilixxu ruħhom f’suq ta’ prodotti jew ta’ servizzi [bl-imnut] sussegwenti, jista’ tabilħaqq ikun hemm pressjoni bejn il-prezzijiet [bl-ingrossa] irregolati tas-servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] u l-prezzijiet bl-imnut [għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati]. Sabiex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ pressjoni [fuq il-marġni tal-prezzijiet], huwa biżżejjed li jkun hemm sproporzjon bejn iż-żewġ livelli ta’ prezzijiet li jirriżulta f’restrizzjoni tal-kompetizzjoni. […]”

    5        Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni għaldaqstant ikkonkludiet li, “sa mill-1998, ir-[rikorrenti] twettaq ksur tal-Artikolu 82(a) tat-Trattat KE, minħabba l-fatt li hija titlob tariffi li mhumiex ġusti għall-konnessjoni u l-abbonament ta’ kull xahar li jikkonċerna l-aċċess għan-netwerk lokali tal-kompetituri tagħha u tal-abbonati [tagħha], fejn b’hekk tipprekludi b’mod kunsiderevoli l-kompetizzjoni fis-suq tal-aċċess għan-netwerk lokali”.

    6        Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti ngħatat multa mill-Kummissjoni li kienet tammonta għal EUR 12.6 miljun għal dan il-ksur.

    II –  Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    7        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Lulju 2003, l-appellanti ressqet rikors, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa mogħtija lilha.

    8        Insostenn tat-talba tagħha ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellanti qajment, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 82 KE kif ukoll motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    9        Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 82 KE jinkludi bosta partijiet, li minnhom tlieta huma rilevanti fil-kuntest ta’ dan l-appell, jiġifieri l-ewwel parti bbażata fuq in-nuqqas ta’ mġiba abbużiva minħabba l-marġni ta’ manuvra insuffiċjenti li kellha r-rikorrenti sabiex tevita l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, it-tieni parti li tikkonċerna l-illegalità tal-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l‑pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u r-raba’ parti bbażata fuq in-nuqqas ta’ effett fis-suq tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    10      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-partijiet kollha, billi kkonstatat, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, fil-punti 150 sa 242 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx ikkontestat, fir-rikors tagħha, id-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni kkunsidrata fid-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, suq bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u, min-naħa l-oħra, suq bl-imnut ta’ aċċess għan-netwerk lokali, li jinkludi suq tal-aċċess għal ‘narrowband’ u suq tal-aċċess għal ‘broadband’, kollha swieq ta’ daqs nazzjonali.

    11      Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 140 sa 151 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li r-rikorrenti kellha marġni ta’ manuvra suffiċjenti matul il-perijodu inkwistjoni sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fl-imsemmija deċiżjoni billi tbiddel prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    12      Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, l-ilment tal-appellanti li jgħid li n-natura abbużiva tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tista’ tirriżulta biss min-natura abbużiva tal-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Sussegwentement hija qieset, fil-punti 193, 203 u 206 ta’ din is-sentenza, li l‑Kummissjoni ġustament ibbażat l-analiżi tagħha dwar in-natura abbużiva tal-prattiki tat-tariffi tar-rikorrenti biss b’referenza, skont il-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja, għas-sitwazzjoni speċifika ta’ dan tal-aħħar, jiġifieri b’riferenza għat-tariffi u għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll billi ħadet inkunsiderazzjoni biss id-dħul mis-servizzi ta’ aċċess billi eskludiet id-dħul minn servizzi oħra, bħas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet, u billi pparagunat il-prezz bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mal-prezz bl-imnut għas-servizzi kollha ta’ aċċess għall-abbonati, jiġifieri l-aċċess ‘narrowband’ u l-aċċess ‘broadband’.

    13      Fir-rigward tar-raba’ parti tal-istess motiv, il-Qorti Ġenerali osservat, b’mod partikolari, fil-punt 237 tas-sentenza kkontestata, li l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet inkwistjoni bħala prinċipju tipprekludi l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-swieq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    14      Il-motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ġie wkoll kollu kemm hu miċħud mill-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-ilment li jgħid li l-Kummissjoni tissuġġetta t-tariffi miltuba mill-appellanti għal regolamentazzjoni doppja u li b’hekk kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, indikat, fil-punt 265 tas-sentenza appellata:

    “Anki jekk ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet Ġermaniżi kisru wkoll id-dritt Komunitarju – u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [tal-Kummissjoni 90/388, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar kompetizzjoni fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 192, p. 10)], kif emendata bid-Direttiva [tal-Kummissjoni 96/19, tat-13 ta’ Marzu 1996 (ĠU L 74, p. 13)] – billi għażlu bilanċ mill-ġdid progressiv bejn it-tariffi ta’ konnessjonijiet u ta’ komunikazzjonijiet, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, li kieku kellu jiġi kkonstatat, ma jeliminax il‑marġni ta’ manuvra li r-rikorrenti effettivament kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni.”

    15      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet tar-RegTP ma rnexxilhomx inibbtu t-tali aspettattiva leġittima fi ħsieb l-appellanti.

    16      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq abbuż ta’ poter, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 271 ta’ din is-sentenza:

    “Fid-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni ssemmi biss il-prattiki tat-tariffi tar-rikorrenti u mhux id-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi. Anki jekk ir-RegTp kisret norma Komunitarja u anki jekk il-Kummissjoni setgħet b’hekk tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tali eventwalitajiet b’ebda mod m’huma ta’ natura li jaffettwaw il‑legalità tad-deċiżjoni [kontenzjuża]. F’din id-deċiżjoni, fil-fatt, il-Kummissjoni sempliċement tikkonstata li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 82 KE, dispożizzjoni li ma tirrigwardax lill-Istati Membri, iżda biss lill-operaturi ekonomiċi. Il‑Kummissjoni għalhekk ma wettqet ebda abbuż ta’ poter meta għamlet din il‑konstatazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 82 KE.”

    17      L-appellanti ressqet sitt motivi in sostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-multa mogħtija, fosthom, b’mod partikolari, it-tielet motiv li jirrigwarda n-nuqqas ta’ negliġenza u ta’ nuqqas intenzjonali, ir-raba’ li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tar-regolamentazzjoni tat-tariffi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa filwaqt li s-sitt wieħed jirrigwarda n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn it-tliet motivi fil-punti 290 sa 321 tas-sentenza appellata.

    18      B’hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu u kkundannat lill-appellanti sabiex tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

    III –  It-talbiet tal-partijiet

    19      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tannulla s-sentenza appellata;

    –        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

    –        sussidjarjament, tnaqqas, skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-multa li ngħatat lilha fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kontenzjuża, u

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    20      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    21      Vodafone D2 GmbH, li qabel kienet Vodafone AG & Co. KG, li qabel kienet Arcor AG & Co. KG (iktar ’il quddiem “Vodafone”), titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew, minn tal-inqas, infondat, kif ukoll tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    22      Versatel NRW GmbH, li qabel kienet Tropolys NRW GmbH, li qabel kienet CityKom Münster GmbH Telekommunikationsservice u TeleBeL Gesellschaft für Telekommunikation Bergisches Land mbH, EWE TEL GmbH, HanseNet Telekommunikation GmbH, Versatel Nord GmbH, li qabel kienet Versatel Nord-Deutschland GmbH, li qabel kienet KomTel Gesellschaft für Kommunikations- und Informationsdienste mbH, NetCologne Gesellschaft für Telekommunikation mbH, Versatel Süd GmbH, li qabel kienet Versatel Süd-Deutschland GmbH, li qabel kienet tesion Telekommunikation GmbH, kif ukoll Versatel West GmbH, li qabel kienet Versatel West‑Deutschland GmbH, li qabel kienet Versatel Deutschland GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem, flimkien, “Versatel”), talbu wkoll, waqt is-seduta, għaċ-ċaħda tal-appell, billi ssottoskrivew rwieħhom għat-talbiet tal-Kummissjoni u dawk ta’ Vodafone.

    IV –  Fuq l-appell

    A –  Fuq l-ammissibbiltà

    23      Vodafone u Versatel jeċċepixxu, preliminarjament, l-inammissibbiltà tal-appell billi, fl-ewwel aggravju tiegħu kif ukoll fl-ewwel u fit-tieni partijiet tat-tieni aggravju, li essenzjalment huma intiżi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE fuq il‑prattiki tat-tariffi inkwistjoni tal-appellanti u dwar ir-rispett tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tirriproduċi l-argumentazzjoni invokata mill-appellanti matul il-proċedura fl-ewwel istanza bis-sempliċi għan li tikseb l-eżami mill-ġdid ta’ din l‑argumentazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    24      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi tas-sentenza li ġew ikkritikati u li tagħhom intalab l-annullament kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jissostanzjaw din it-talba b’mod speċifiku. L-appell li, mingħajr lanqas ma jinkludi argumentazzjoni intiża speċifikament sabiex tidentifika l-iżball ta’ liġi li jinsab fis-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, liema ċirkustanza taħrab mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 34 u 35, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il‑Kunsill, C‑76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punti 46 u 47).

    25      Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma setgħax jibbaża b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq aggravji u argumenti li diġà intużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura ta’ appell tkun nieqsa minn parti mis-sens tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il‑Kummissjoni, C‑321/99 P, Ġabra p. I‑4287, punt 49).

    26      Issa, f’dan il-każ, l-appell huwa preċiżament intiż, permezz tal-ewwel u t-tieni aggravji kkunsidrati flimkien, sabiex jikkontesta l-pożizzjoni deċiża mill-Qorti Ġenerali fuq numru ta’ kwistjonijiet ta’ liġi li tressqu quddiemha fl-ewwel istanza fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għall-prattiki tat-tariffi inkwistjoni tar-rikorrenti u tar-rispett ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward jikkomporta l-indikazzjoni preċiża tal-aspetti tas-sentenza appellata li huma kkritikati kif ukoll tal-aggravji u tal-ilmenti li fuqhom huwa jistrieh

    27      B’hekk jirriżulta li l-ewwel u t-tieni aggravji, ikkunsidrati flimkien, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli. Madankollu għandha tiġi eżaminata l‑ammissibbiltà tal-ilmenti speċifiċi mressqa insostenn ta’ dawn l-aggravji fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ kull waħda minnhom.

    B –  Fuq il-mertu

    28      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tliet aggravji, rispettivament ibbażati fuq żbalji ta’ liġi dwar it-trattament tar-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tagħha mir-RegTP fil-kapaċità tagħha bħala awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE u fuq żbalji ta’ liġi fil-kalkolu tal-multi minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

    29      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet fl-intier ir-rikors ippreżentat mill-appellanti kontra d-deċiżjoni kontenzjuża billi ddeċidiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-punti 3 sa 6 ta’ din is-sentenza, ġustament tat multa lil din tal-aħħar għal ksur tal-Artikolu 82 KE minħabba l-implementazzjoni ta’ prattika tat-tariffi inġusta li tat lok għal pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, b’riżultat ta’ differenza mhux xierqa bejn il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u l-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, fejn kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċja bħalha, ma jippermettulhomx li jagħtu kompetizzjoni effettiva għall-provvista ta’ dawn l-aħħar servizzi.

    30      Permezz tat-tliet aggravji tagħha, l-appellanti għandha l-intenzjoni, rispettivament, li tikkontesta b’mod sostanzjali l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata dwar:

    –        l-imputabbiltà tal-ksur minħabba l-marġni ta’ manuvra li hija kellha sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u għar-rilevanza tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE;

    –        in-natura xierqa, għall-konstatazzjoni ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, tal-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fid-dawl tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, kif ukoll il-legalità tal-metodu ta’ kalkolu ta’ din il-pressjoni u l‑analiżi tal-effetti tagħha fil-konfront tal-istess artikolu, u

    –        in-natura ġustifikata tal-ammont tal-multa, fid-dawl tar-regolamentazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

    31      Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma tikkontestax fil-prinċipju l-fatt li prattika tariffarja adottata minn impriża dominanti li twassal għal pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċja għandha titqies li hija mhux ġusta fil-konfront tal-Artikolu 82 KE.

    32      Fil-fatt, l-appellanti ma tilmentax lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li impriża tisfrutta b’mod abbużiv il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni meta l-prattiki tat-tariffi tagħha, minħabba differenza mhux ġusta bejn il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati fi swieq fejn hija dominanti, iwasslu għal tali pressjoni. F’dan ir-rigward hija tieħu l-ħsieb li ssostni, fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, li l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ma tikkostitwixxix, f’dan il-każ, kriterju rilevanti sabiex jiġi kkonstatat li hija wettqet ksur tal-Artikolu 82 KE meta l-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma suġġetti għal leġiżlazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

    33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu eżaminati l-aggravji fl-ordni li fiha ġew ippreżentati mill-appellanti, liema ordni tikkorrispondi għal dik li fiha l-motivi tal-ewwel istanza ġew ippreżentati u eżaminati fis-sentenza appellata mill-Qorti Ġenerali.

    1.     Osservazzjonijiet preliminari

    34      Bil-għan li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-aggravji mressqa mill-appellanti kontra din is-sentenza, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti quddiem l-ewwel istanza. Għaldaqstant parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex b’hekk hija tressaq kwistjoni iktar wiesgħa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, minn dik li kellha quddiemha l-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 59; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il‑Kummissjoni, C‑68/05 P, Ġabra p. I‑10367, punt 96, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2009, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑564/08 P, Ġabra p. I-191, punt 22).

    35      Kemm fl-appell tagħha kif ukoll waqt is-seduta, l-appellanti sostniet li hija ma kellha ebda marġni ta’ manuvra sabiex tiddetermina l-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, billi dawn huma ffissati mill-awtorità regolatorja nazzjonali, jiġifieri r-RegTP. Issa, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet inkwistjoni, fil-verità, hija dovuta għal-livell eċċessiv ta’ dawn il‑prezzijiet bl-ingrossa hekk kif inhuma ffissati mir-RegTP. Sabiex ittemm din il‑pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni għaldaqstant imissha, minflok ma adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 82 KE kontra l-appellanti, ippreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni li l-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma ffissati abbażi tal-ispejjeż tal-appellanti, hija żbaljata. Dawn il-prezzijiet huma determinati mir-RegTP abbażi tal-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizz effettiv, skont mudell stabbilit mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

    36      Il-Kummissjoni u Versatel isostnu, min-naħa l-oħra, li l-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma imputabbli għall-appellanti billi, skont id-dispożizzjonijiet tat-TKG, dawn il-prezzijiet huma ffissati mir-RegTP fuq il-bażi ta’ talba mressqa mill-appellanti skont l-ispejjeż tagħha nnifisha. Għaldaqstant din tal-aħħar ma tistax tilmenta dwar in-natura eċċessiva ta’ dawn il-prezzijiet. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellanti hija wara kollox legalment kostretta li tressaq talba ġdida quddiem ir-RegTP bil-għan li tnaqqas il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali ladarba jonqsu l-ispejjeż tagħha.

    37      F’dan ir-rigward, Versatel barra minn hekk allegat, waqt is-seduta, li, sa mill-1997, l-appellanti kienet sistematikament ippruvat tippreġudika l-iżvolġiment korrett tal-proċedura nazzjonali ta’ ffissar tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali billi tirtira t-talbiet tagħha ta’ awtorizzazzjoni u billi tastjeni, minkejja l-obbligu previst f’dan is-sens mid-dritt nazzjonali, sabiex tipprovdi l-inqas prova jew attestazzjoni li tikkonċerna l‑ispejjeż li jistgħu jiġġustifikaw dawn il-prezzijiet bl-ingrossa.

    38      Fir-rigward ta’ dawn il-punti kontenzjużi bejn il-partijiet, għandu madankollu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-kwistjoni tal-marġni ta’ manuvra tal-appellanti sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali ma ġietx dibattuta quddiem il-Qorti Ġenerali, li adottat is-sentenza appellata billi kkonstatat l-ipoteżi, li ma ġietx ikkontestata quddiemha, li tgħid li r‑rikorrenti ma kellhiex it-tali marġni ta’ manuvra.

    39      Fil-fatt, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, minkejja li l-Kummissjoni ma teskludix il-possibbiltà għall-appellanti li tnaqqas il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, hija eżaminat biss il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kellhiex marġni reali ta’ flessibbiltà sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    40      Billi dan l-approċċ ma ġiex ikkontestat quddiemha, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant illimitat ruħha, fil-punti 85 sa 152 tas-sentenza kkontestata, sabiex teżamina, għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkontestata fid-deċiżjoni kontenzjuża kinitx imputabbli lill-appellanti, jekk il‑Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, f’din id-deċiżjoni, li l-appellanti kellha marġni reali ta’ flessibbiltà sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati sabiex telimina jew tnaqqas din il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. F’dan ir-rigward, hija kkonkludiet, fil-punti 140 u 151 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li t-tali marġni ta’ manuvra kienet teżisti minkejja r-regolamentazzjoni mir-RegTP tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    41      Bl-istess mod, qabel ma ċaħdet, fil-punti 183 sa 213 tas-sentenza appellata, l‑ilmenti mressqa mill-appellanti sabiex tikkontesta n-natura abbużiva u l-metodu ta’ kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 167 ta’ din is-sentenza, li l‑Kummissjoni kienet stabbiliet biss li l-appellanti kellha marġni ta’ manuvra sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ dan l-appell, li għandha teżamina sa fejn l-appellanti setgħet, li kieku kien il-każ, tbiddel, bħalma jallegaw il-Kummissjoni u Versatel, il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, billi t-tali eżami jmur lil hinn mill-motivi li ġew dibattuti fl-ewwel istanza. Kull aggravju jew ilment fuq dan il-punt jeċċedi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-limiti ta’ dan l-appell u għaldaqstant, huwa inammissibbli.

    43      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ilmenti invokati mill-appellanti sabiex tikkontesta l-legalità tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-ilmenti tagħha intiżi sabiex tikkontesta l-imputabbiltà tal-ksur fil-konfront tagħha kif ukoll in‑natura abbużiva tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kontenzjuża, liema lmenti huma s-suġġett tal-ewwel u tat-tieni aggravji, hemm għaldaqstant lok li tibbaża ruħha biss fuq l-ipoteżi kkonstatata minn din is‑sentenza li tgħid li r-rikorrenti kellha marġni ta’ manuvra biss sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, fejn din il‑marġni ta’ manuvra, barra minn hekk, mhijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

    44      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li dan l-appell ma jistax, mingħajr ma jbiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, jakkuża lill-istess Qorti talli ma kkundannatx lill-Kummissjoni talli naqset milli tieħu azzjoni kontra l-imġiba tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, sa fejn dawn, billi ffissaw il-prezz bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali għal livell eċċessiv, huma l-uniċi responsabbli għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kontenzjuża.

    45      Ċertament, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jadotta l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali kollha sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 85). Barra minn hekk, l-Artikoli 81 KE u 82 KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 10 KE, jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jiħdux jew li ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jkunu jistgħu jneħħu l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 1977, GB‑Inno‑BM, 13/77, Ġabra p. 2115, punt 31, u tal-5 ta’ Ottubru 1995, Centro Servizi Spediporto, C‑96/94, Ġabra p. I‑2883, punt 20).

    46      Madankollu, fir-rigward tal-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru kkonċernat, meta s‑sentenza appellata tikkonċerna biss il-legalità ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 82 KE fil-konfront tal-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest ta’ dan l-appell, tieħu ħsieb li tivverifika jekk l‑ilmenti mressqa insostenn ta’ dan l-appell humiex tali li jiżvelaw li l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-legalità ta’ tali deċiżjoni tinkludi żbalji ta’ liġi, u dan indipendentement mill-fatt dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx, parallelament jew alternattivament, tadotta deċiżjoni ta’ ksur ta’ liġi tal-Unjoni kontra l-Istat Membru inkwistjoni.

    47      B’hekk, anki jekk, kif il-Qorti Ġenerali nnifisha kkonstatat, b’mod partikolari fil-punti 265 u 271 tas-sentenza appellata, ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, f’dan il-każ, kisru l-liġi tal-Unjoni u jekk il-Kummissjoni tabilħaqq setgħet għażlet li f’dan il-kuntest tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dawn il-possibbiltajiet huma mingħajr rilevanza fl-istadju ta’ dan l‑appell. Dan hu wisq iżjed il-każ ġaladarba, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u mhumiex il-qrati tal-Unjoni li għandhom jevalwaw l-opportunità tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑233/00, Ġabra p. I‑6625, punt 31).

    48      Fir-rigward tan-natura eċċessiva tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, allegata mill-appellanti, hemm lok, barra minn hekk, sabiex jiġi osservat li, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija fl-ebda mument ma ppruvat tikkontesta l-legalità ta’ dawn il-prezzijiet fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, l-appellanti ħadet il-ħsieb li ssostni, minn naħa, li, jekk il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma ffissati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali mingħajr ma tkun tista’ tbiddilhom, huma biss il-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati li jistgħu jkunu abbużivi fis-sens tal-Artikolu 82 KE u, min-naħa l-oħra, li, jekk il-politika tat-tariffi ta’ dawn l-awtoritajiet li tikkonċerna dawn is-servizzi hija kuntrarja għal-liġi tal-Unjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dawn tal-aħħar.

    49      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-appell, teżamina lmenti intiżi sabiex jikkontestaw il-legalità tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, b’mod partikolari minħabba n-natura allegatament eċċessiva tagħhom meta mqabbla mal-ispejjeż sostnuti mill-appellanti għall-provvista tagħhom (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Arcor, C‑55/06, Ġabra p. I‑2931, punt 69). Billi tali lmenti jmorru lil hinn mill-motivi dibattuti fl-ewwel istanza, dawn huma, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, inammissibbli fl-istadju ta’ dan l-appell.

    50      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza, l‑appellanti ma kkontestatx, bħalma osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 150 u 242 tas-sentenza appellata, id-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni kkunsidrata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li, minn naħa, is-suq ġeografiku inkwistjoni huwa s-suq Ġermaniż u min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-swieq tgas-servizzi inkwistjoni, is-suq bl-ingrossa tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali jikkostitwixxi suq wieħed, separat mis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, li jinkludi żewġ oqsma distinti, jiġifieri, minn naħa, l-aċċess għal-linji ‘narrowband’ u, min-naħa l-oħra, l-aċċess għal-linji ‘broadband’.

    51      Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li l-appellant, fl-ebda mument ma kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża li tgħid li hija kellha pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE fuq dawn is-swieq ta’ servizzi kollha.

    52      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, la d‑definizzjoni tas-swieq inkwistjoni kkunsidrata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u lanqas il-konstatazzjoni li tgħid li l-appellanti kellha pożizzjoni dominanti f’dawn is-swieq kollha ma jistgħu jiġu kkontestati fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-appell.

    53      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, l‑evalwazzjoni tad-data dwar is-suq u dwar is-sitwazzjoni kompetittiva, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 225 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għall-kwistjonijiet legali. L-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief f’każ ta’ distorsjoni eventwali tal-fatti jew tal-provi, li ma ġietx invokata f’din il‑kawża, kwistjoni legali suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑95/04 P, Ġabra p. I‑2331, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54      Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu eżaminati l-motivi mqajma mill-appellanti insostenn ta’ dan l-appell.

    2.     Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi dwar it-trattament tar-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tal-appellanti mir-RegTP fil-kapaċità tagħha bħala awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti

    55      L-ewwel aggravju invokat mir-rikorrenti jinqasam fi tliet partijiet li jikkonċernaw, rispettivament, l-atribwibbiltà tal-ksur, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u n-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur tal-Artikolu 82 KE.

    a)     Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, fuq l-imputabbiltà tal-ksur

    i)     Sentenza appellata

    56      Fir-rigward tal-marġni ta’ manuvra li kellha l-appellanti sabiex tevita l-pressjoni tal-marġni fuq il-prezzijiet, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret, fil-punti 85 sa 89 tas-sentenza kkontestata, il-prinċipji li ħarġu mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, eżaminat, fil-punti 97 sa 152 ta’ din is-sentenza, jekk il-qafas ġuridiku Ġermaniż, b’mod partikolari t-TKG u d-deċiżjonijiet meħuda mir-RegTP matul il-perijodu msemmi mid-deċiżjoni kontenzjuża, kienx neħħa kull possibbiltà ta’ mġiba kompetittiva tal-appellanti jew jekk kienx iħalli biżżejjed marġni ta’ manuvra sabiex hija tkun tista’ tiffissa l-prezzijiet tagħha fuq livell tali li kien jirnexxila telimina jew tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kontenzjuża.

    57      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, il-Qorti Ġenerali, wara li osservat, fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, li, fi ħdan il-qafas leġiżlattiv applikabbli, l-appellanti setgħet tbiddel il-prezzijiet tagħha wara li tkun kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel tar-RegTP, ikkonkludiet, fil-punt 105 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkonstatat li, fid-dawl tas-sitt talbiet għat-tnaqqis fil-prezz tal-komunikazzjonijiet li saru matul dan il-perijodu, l-appellanti, matul l-imsemmi perijodu, kellha marġni ta’ manuvra sabiex tressaq talbiet ta’ żieda fil-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess tagħha ‘narrowband’ għall-abbonati, filwaqt li tosserva l-limitu massimu globali tal-gruppi tas-servizzi residenzjali u tas-servizzi professjonali.

    58      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 106 sa 124 tas-sentenza appellata, jekk, minkejja din il-marġni ta’ manuvra, l-intervent tar-RegTP fl-iffissar tal-prezzijiet bl-imnut tal-appellanti għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati kellux bħala konsegwenza li din tal-aħħar ma tkunx suġġetta għall-Artikolu 82 KE. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet, fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, li l-fatt li dawn il-prezzijiet bl-imnut għandhom jiġu approvati mir-RegTP ma teskludix ir-responsabbiltà tal-appellanti skont l-Artikolu 82 KE billi hija taġixxi fuq l-ammont tal-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati permezz ta’ talbiet ta’ awtorizzazzjoni ppreżentati fi ħdan ir-RegTP.

    59      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 108 sa 124 tas-sentenza appellata, l-argumentazzjoni tal-appellanti li tgħid li hija ma għandha l-ebda responsabbiltà taħt l-Artikolu 82 KE billi r-RegTP twettaq stħarriġ ex ante tal-kompatibbiltà tal-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati mal-Artikolu 82 KE.

    60      Fil-punti 109 sa 114 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali osservat li l-prezzijiet bl-imnut għall-aċċess għal-linji analoġiċi kienu bbażati fuq deċiżjonijiet meħuda, taħt il-qafas tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel l-adozzjoni tat-TKG, mill-Ministeru Federali tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet, li d-dispożizzjonijiet tat-TKG ma jurux li r-RegTP teżamina l-kompatibbiltà tat-talbiet ta’ bidla fil-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ‘narrowband’ mal-Artikolu 82 KE, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jaġixxu skont id-dritt nazzjonali, li dan jista’ jkollu għanijiet li, filwaqt li jidħlu fil-politiki tat-telekomunikazzjonijiet, huma differenti minn dawk tal-politika ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni u li d-diversi deċiżjonijiet tar-RegTP li tirreferi għalihom l-appellanti insostenn tal-argument tagħha ma jinkludu ebda referenza għall-Artikolu 82 KE.

    61      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li, f’numru ta’ deċiżjonijiet, ir-RegTP eżaminat il‑kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 116 sa 119 tas-sentenza appellata, li l-fatt li r-RegTP, wara li kkonstatat id-differenza negattiva bejn il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u l-prezzijiet bl-imnut tal-appellanti, ikkunsidrat, kull darba, li l-użu tas-sussidji trażversali bejn il-prezzijiet għas-servizzi ta’ aċċess u l-prezzijiet għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet kellu jippermetti lill-operaturi l-oħra joffru lill-abbonati tagħhom prezzijiet kompetittivi juri li r-RegTP ma eżaminatx il-kompatibbiltà tal-prezzijiet inkwistjoni mal-Artikolu 82 KE jew li, minn tal-inqas, applikata b’mod żbaljat.

    62      Il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li, fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li r-RegTP hija obbligata teżamina l-kompatibbiltà tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati proposti mill-appellanti mal-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta b’deċiżjoni mogħtija minn awtorità nazzjonali b’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    63      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 121 sa 123 tas-sentenza appellata, li sabiex ksur eventwali jkun jista’ jiġi imputat lill-appellanti, hija rilevanti l-kwistjoni dwar jekk hija kellhiex, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża, marġni ta’ manuvra suffiċjenti sabiex tiffissa l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess ‘narrowband’ għall-abbonati fuq livell tali li kien jippermettilha telimina jew tnaqqas l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Il-Qorti Ġenerali tenniet f’dan ir-rigward li l-appellanti setgħet tinfluwenza l-ammont ta’ dawn il-prezzijiet bl-imnut permezz ta’ talbiet ta’ awtorizzazzjoni ppreżentati quddiem ir-RegTP. Barra minn hekk, hija osservat li, fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Frar 2004, il-Bundesgerichtshof kienet espressament ikkonfermat ir‑responsabbiltà tal-appellanti tar-rikorrenti sabiex tressaq tali talbiet u l-fatt li l‑kuntest ġuridiku Ġermaniż ma kienx jeskludi li r-RegTP awtorizzat tariffi li jiksru l-Artikolu 82 KE.

    64      B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li, minkejja l-intervent tar-RegTP fl-iffissar tal-prezzijiet tagħha bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ‘narrowband’ għall-abbonati’, l-appellanti kellha, matul il‑perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, marġni ta’ manuvra suffiċjenti sabiex il-politika tal-prezzijiet tagħha tkun tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE.

    65      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002, wara li kkonstatat, fil-punti 144 u 145 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma tikkontestax l-argument li hija setgħet iżżid il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’ (ADSL) minn din id-data u li, peress li tiffissahom liberament fil-limiti previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-prattiki tariffarji tagħha f’dan il‑qasam jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 82 KE, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 147 sa 151 ta’ din is-sentenza, jekk l-appellanti setgħetx naqset il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi żżid il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’. Il-punti 148 u 149 ta’ din is-sentenza huma redatti kif ġej:

    “148      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi s-servizzi ta’ aċċess, fuq il‑livell tas-servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali], jippermettu li jiġu pprovduti, fuq il-livell ta’ l-abbonati, is-servizzi kollha ta’ aċċess […], il-marġni ta’ flessibbiltà [manuvra] għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti sabiex tgħolli [l-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’] huwa tali li jnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni bejn il-prezzijiet [bl-ingrossa] tas-servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali], minn naħa, u l‑prezzijiet bl-imnut għas-servizzi kollha ta’ aċċess [għall-abbonati] min-naħa l-oħra. Għandha ssir analiżi konġunta, fuq il-livell ta’ l-abbonati, tas-servizzi ta’ aċċess […] mhux biss minħabba li jikkorrispondu għal provvista waħda ta’ servizzi fuq il-livell intermedjarju, iżda wkoll minħabba l-fatt li, kif spjegat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni [kontenzjuża] mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, l-ADSL ma jistax jiġi offert lill-abbonati b’mod iżolat, billi jimplika dejjem, għal raġunijiet tekniċi, aġġornament tal-linji analogi [analoġiċi] jew […] narrowband.

    149      L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar allegata elastiċità trażversali tal-prezzijiet bejn l-ADSL u l-konnessjonijiet narrowband kif ukoll bejn id‑diversi varjanti ADSL għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, minn naħa, dawn l-osservazzjonijiet ma jikkontradixxux l-eżistenza ta’ marġni ta’ flessibbiltà tar-rikorrenti sabiex tgħolli t-tariffi ADSL tagħha. Min-naħa l-oħra, żieda limitata fit-tariffi ADSL kienet tirriżulta f’tariffa bl-imnut medja ogħla għas-servizzi ta’ aċċess narrowband u broadband u għalhekk kienet tnaqqas il‑pressjoni fuq il-marġni kkonstatata. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl b’mod partikolari tal-vantaġġi tal-broadband fuq il-livell tat-trasferiment tad-data, l-abbonati tas-servizzi ta’ aċċess għal broadband mhumiex awtomatikament ser jiffavorixxu ritorn lejn konnessjoni narrowband f’każ ta’ żieda tal-prezzijiet bl-imnut ta’ aċċess ADSL.”

    ii)  L‑argumenti tal-partijiet

    66      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, l-appellanti ssostni, permezz ta’ lment preliminari, li l-Qorti Ġenerali hija żbaljatament ibbażata fuq il-premessa li tgħid li l-eżistenza ta’ marġni ta’ manuvra sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati hija kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti ta’ imputabbiltà tal-ksur. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ manuvra ma tippermettix li tingħata tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-appellanti ma talbitx awtorizzazzjoni lir-RegTP sabiex tgħolli dawn il-prezzijiet bl-imnut kienx jikkostitwixxi żball.

    67      Issa, skont l-appellanti, f’dan il-kuntest il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li r-RegTP eżaminat l-allegat pressjoni fuq il‑marġni tal-prezzijiet u tqis li din ma kinitx tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Meta impriża f’pożizzjoni dominanti tkun suġġetta għar-regolamentazzjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali maħluqa f’dan ir-rigward f’qafas legali ffukat fuq il‑kompetizzjoni u meta mġiba partikolari tiġi eżaminata, mingħajr ma tiġi kkontestata, mill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti fi ħdan dan il-qafas, ir-responsabbiltà għall-preżervazzjoni tal-istruttura tas-suq min-naħa tal-impriża dominanti tiġi ssostitwita mir-responsabbiltà ta’ din l-awtorità. Fl-istess każ, ir‑responsabbiltà tal-impriża dominanti tkun limitata għall-obbligu ta’ trażmissjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-informazzjoni kollha neċessarja għall-istħarriġ tal-imġiba tagħha.

    68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti ssostni li l-punt 113 tas-sentenza kkontestata hija żbaljata peress li r-RegTP kellha l-obbligu li tosserva d-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Bl-istess mod, il-punt 123 ta’ din is-sentenza jikkomporta żball. Fil-fatt il-Bundesgerichtshof ma ddeċidietx li r-responsabbiltà tal-appellanti li tifformula talbiet għat-tibdil fit-tariffi tagħha timplika li hija għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għal dik tal-awtorità regolatorja nazzjonali. Barra minn hekk, il‑punt 120 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għandha tiġi imputata lilha peress li l-Kummissjoni ma tistax tkun vinkolata b’deċiżjoni mogħtija minn awtorità nazzjonali b’applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, mhuwiex konvinċenti. Fil-fatt, minn naħa, il-kwistjoni f’dan il-każ tikkonċerna biss l-imputabbiltà u mhux il-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tar-RegTP tivvinkolax lill-Kummissjoni fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom rwol awtonomu fil-kuntest tal-ħolqien ta’ sistema ta’ kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li impriża dominanti li tkun suġġetta għar-regolamentazzjoni nazzjonali tkun tista’ tafda l-eżattezza tagħha.

    69      Permezz tat-tieni lment, l-appellanti ssostni li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 111 sa 119 tas-sentenza appellata huma neqsin minn rilevanza jew jikkomportaw żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jwassal għal ċirku vizzjuż illegali billi jiddeduċi mir-riżultat differenti li għalih waslet li l‑appellanti ma kellhiex dritt li tistrieh fuq ir-riżultat tal-eżami mwettaq mir-RegTP. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “sussidji trażversali” użat minn din tal-aħħar ma tax lok għall-iċken dubju fir-rigward tal-eżattezza tal-konstatazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, il-punti 111 sa 114 ta’ din is-sentenza huma legalment żbaljati għal raġunijiet diġà msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza.

    70      Permezz tat-tielet ilment, l-appellanti ssostni li, bil-kontra ta’ dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punti 109 u 110 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-prezzijiet bl-imnut tagħha għall-aċċess għal-linji analoġiċi kienu jiddependu fuq awtorizzazzjoni mill-Ministeru Federali tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet huwa nieqes minn rilevanza għall-eżami tal-imputabbiltà. Iċ-ċaħda mir-RegTP tal-ilment ibbażat fuq pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirrestrinġi l‑kompetizzjoni min-naħa l-oħra hija determinanti.

    71      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-21 ta’ Mejju 2003, l-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li s-sentenza appellata hija żbaljata sa fejn, bħal fil-każ tal-perijodu preċedenti, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mhijiex imputabbli lilha.

    72      It-tieni nett, l-appellanti tqis li s-sentenza appellata tinkludi kontradizzjoni bejn l‑eżami tal-imputabbiltà tal-ksur u l-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tirrikjedi “sussidju trażversali” bejn żewġt iswieq, jiġifieri dak tal-aċċess għan-‘narrowband’, minn naħa, u dak tal-aċċess għall-‘broadband’ min-naħa l-oħra, meta, fil-kuntest tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Qorti Ġenerali tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni dħul li l-kompetituri jiksbu mis-servizzi ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari peress li huma ma jistgħux ikunu suġġetti għall-possibbiltà ta’ sussidju trażversali bejn żewġt iswieq, jiġifieri s-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, minn naħa, u dak tas-servizzi ta’ komunikazzjoni, min-naħa l-oħra.

    73      It-tielet nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi għamlet suppożizzjonijiet infondati fir-rigward tal-possibbiltà ta’ tnaqqis fil-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Il-konstatazzjoni, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-elastiċità trażversali tal-prezzijiet ma tneħħix il-marġni ta’ manuvra tal-appellanti sabiex tgħolli l-prezzijiet tagħha għall-ADSL, minkejja li hija eżatta, hija nieqsa minn rilevanza. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk, u sa fejn, abbonat għal linja ‘narrowband’ jibqa’ lura milli jaqleb għal linja ‘broadband’ minħabba ż-żieda fil-prezzijiet ta’ din tal-aħħar.

    74      Il-Kummissjoni tenfasizza n-natura żbaljata tat-teżi ewlenija tal-appellanti li tgħid, minn naħa, li l-ksur mhuwiex imputabbli lilha peress li l-fatti jaqaw taħt ir‑responsabbiltà tal-awtorità regolatorja nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il‑Kummissjoni ma tistax tressaq azzjoni direttament kontra impriża rregolata f’każ li diġà kien suġġett għal deċiżjoni tar-RegTP. L-ilmenti tal-appellanti għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

    75      Fir-rigward ta’ Vodafone, hija ssostni li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli peress li l-appellanti tirriproduċi sempliċement l-argumenti li hija kienet diġà invokat matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-sempliċi għan li tikseb eżami mill-ġdid ta’ dan l-argument min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussidjarjament, l-ilmenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    76      Matul is-seduta, Versatel sostniet ukoll li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li l-appellanti kellha biżżejjed marġni ta’ manuvra sabiex iżżid il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    iii)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    77      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti, filwaqt li ċertament ittenni essenzjalment l-argumentazzjoni ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, tilmenta li l-istess Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat kriterju legali żbaljat fir-rigward tal-imputabbiltà tal-ksur skont l-Artikolu 82 KE. Bil-kontra ta’ dak li ssostni Vodafone, din il-parti tal-ewwel aggravju hija għaldaqstant ammissibbli, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

    78      Fir-rigward tal-mertu tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi osservat li l‑appellanti essenzjalment tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet imputabbli lilha taħt l-Artikolu 82 KE għas-sempliċi raġuni li hija kellha marġni ta’ manuvra sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Din il-parti kollha tal-ewwel aggravju hija bbażata f’dan ir-rigward fuq il-premessa li tgħid li tali marġni ta’ manuvra mhijiex kundizzjoni suffiċjenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE meta, bħal f’dan il-każ, il-prattika tal-prezzijiet inkwistjoni ġiet approvata mill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijet, jiġifieri r-RegTP.

    79      Issa, it-tali premessa hija żbaljata.

    80      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk aġir antikompetittiv ikun impost fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din tal-aħħar toħloq kuntest legali li jelimina huwa stess kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom, l-Artikoli 81 KE u 82 KE mhumiex applikabbli. F’sitwazzjoni tali, fil-fatt, ir-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma tkunx ikkawżata, kif jimplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, mill-aġir awtonomu tal-impriżi. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 81 KE u 82 KE jistgħu jkunu applikabbli jekk jirriżulta li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali tħalli lok għall-possibbiltà li jkun hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, Il‑Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C‑359/95 P u C‑379/95 P, Ġabra p. I‑6265, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    81      Il-possibbiltà li jiġi eskluż aġir antikompetittiv partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, minħabba l-fatt li dan ġie impost fuq l‑impriżi inkwistjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti jew li din neħħiet kull possibbiltà ta’ aġir antikompetittiv min-naħa tagħhom, ġiet ammessa b’mod restrittiv biss min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1985, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 41/83, Ġabra p. 873, punt 19; tal-10 ta’ Diċembru 1985, Stichting Sigarettenindustrie et vs Il‑Kummissjoni, 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, punti 27 sa 29, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF, C‑198/01, Ġabra p. I‑8055, punt 67).

    82      B’hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, jekk liġi nazzjonali sempliċement tinkoraġġixxi jew tiffaċilita l-adozzjoni, mill-impriżi, ta’ aġir antikompetittiv awtonomu, dawn tal-aħħar jibqgħu suġġetti għall-Artikoli 81 KE u 82 KE (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 36 sa 73, kif ukoll CIF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

    83      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma fil-fatt l-impriżi dominanti li għandhom responsabbiltà partikolari li ma jippreġudikawx, permezz tal-aġir tagħhom, kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461 punt 57).

    84      B’hekk is-sempliċi ċirkustanza li l-appellanti ġiet inkoraġġuta, permezz tal-interventi ta’ awtorità regolatorja nazzjonali bħalma hi r-RegTP, iżżomm fis-seħħ tal-prattiki tariffarji tagħha li jwasslu għal pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċja tagħha ma tistax, fiha nnifisha, telimina r-responsabbiltà tagħha taħt l-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-30 ta’ Jannar 1985, Clair, 123/83, Ġabra p. 391, punti 21 sa 23).

    85      Peress li, minkejja t-tali interventi, l-appellanti kellha marġni ta’ manuvra sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, il‑Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi, għal din is-sempliċi raġuni, li l‑pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet inkwistjoni hija imputabbli lilha.

    86      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumentazzjoni li hija tiżviluppa taħt l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ma tikkontestax l‑eżistenza ta’ tali marġni ta’ manuvra. B’mod partikolari, l-appellanti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 97 sa 105 u 121 sa 151 tas-sentenza appellata, li jgħidu, essenzjalment, li hija setgħet tressaq it-talbiet ta’ awtorizzazzjoni tagħha quddiem ir-RegTP bil-għan li tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, b’mod iktar partikolari l-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ‘narrowband’, fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2001, u l-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002.

    87      Min-naħa l-oħra, l-appellanti tieħu ħsieb, permezz tad-diversi lmenti u argumenti tagħha, li tesponi n-natura ta’ inkoraġġiment tar-RegTP billi tenfasizza, b’mod partikolari, minn naħa, li din l-awtorità regolatorja nazzjonali nnifisha eżaminat u approvat il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet inkwistjoni kemm fir-rigward tad-dritt nazzjonali kif ukoll fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni dwar it‑telekomunikazzjonijiet kif ukoll tal-Artikolu 82 KE u, min-naħa l-oħra, li l‑Bundesgerichtshof iddeċidiet, f’sentenza tal-10 ta’ Frar 2004, li l-appellanti ma tistax tissostitwixxi ruħha għar-RegTP sabiex tevalwa jekk prattika tal-prezzijiet tmurx kontra l-Artikolu 82 KE.

    88      Għar-raġunijiet esposti fil-punti 80 sa 85 ta’ din is-sentenza, dawn iċ-ċirkustanzi assolutament ma jistgħux joħolqu dubji dwar il-fatt li din il-prattika tal-prezzijiet hija imputabbli lill-appellanti billi huwa paċifiku li din tal-aħħar kellha marġni ta’ manuvra sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u, għaldaqstant, tali ċirkustanzi mhumiex rilevanti sabiex jiġu kkontestati l‑evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt.

    89      B’mod partikolari, l-appellanti ma tistax tilmenta f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk hija wettqitx “żball” billi ma użatx il-marġni ta’ manuvra li hija kellha sabiex titlob l-awtorizzazzjoni lir-RegTP sabiex tbiddel il‑prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Fil-fatt, in‑natura sew jekk “żbaljata” sew jekk le ta’ tali aġir mhijiex tali li tmur kontra l‑konstatazzjoni li tgħid li l-appellanti kellha marġni ta’ manuvra sabiex tadottah, iżda tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tad-determinazzjoni tan-natura ta’ ksur ta’ dan l-aġir kif ukoll fl-istadju tal-iffissar tal-ammont tal-multi.

    90      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, hekk kif iddeċidiet il‑Qorti Ġenerali fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun marbuta b’deċiżjoni mogħtija minn awtorità nazzjonali skont l-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, Ġabra, p. I‑11369, punt 48). F’dan il-każ, l‑appellanti wara kollox ma tiċħadx il-fatt li d-deċiżjonijiet tar-RegTP ma jivvinkolawx lill-Kummissjoni.

    91      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż, bħalma tosserva l-appellanti, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali nnifishom kisru l-Artikolu 82 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 10 KE, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet f’dan is-sens tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, t-tali ċirkustanza hija wkoll mingħajr inċidenza fuq il-marġni ta’ manuvra li kellha l-appellanti sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u, għaldaqstant, hekk kif jirriżulta diġà mill-punti 44 sa 49 ta’ din is-sentenza, hija ineffettiva fl-istadju ta’ dan l-appell għall-kontestazzjoni tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq l‑imputabbiltà tal-ksur lill-appellanti.

    92      L-istess jgħodd għaċ-ċirkustanza allegata mill-appellanti li tgħid li r‑regolamentazzjoni magħmula mir-RegTP għandha bħala għan li tiftaħ is-swieq ikkonċernati għall-kompetizzjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li din ir‑regolamentazzjoni assolutament ma ċċaħħadx lill-appellanti mill-possibbiltà li tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u, għaldaqstant, mill-possibbiltà li tadotta aġir awtonomu suġġett għall-Artikolu 82 KE, fejn f’dan ir-rigward ir-regoli dwar il-kompetizzjoni previsti mit-Trattat KE jikkompletaw, billi ssir verifika ex post, il-qafas leġiżlattiv adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni bil-għan li jiġu rregolati ex ante s-swieq tat-telekomunikazzjonijiet.

    93      Bl-istess mod, għandu jiġi eskluż l-ilment li jgħid li l-Qorti Ġenerali, minħabba l‑elastiċità trażversali tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’, u l-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ‘narrowband’, wettqet żball ta’ liġi fil-punt 149 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-possibbiltà għall-appellanti li tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mill-1 ta’ Jannar 2002 billi tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’. Fil-fatt, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali f’dan l-istess punt, dan l-ilment imkien ma jikkontradiċi l-eżistenza ta’ marġni ta’ manuvra tal-appellanti sabiex tbiddel il‑prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’. Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti għandha wkoll l-intenzjoni li tikkontesta li din iż-żieda wasslet għal prezz bl-imnut medju ogħla għas-servizzi ta’ aċċess ‘narrowband’ u ‘broadband’ mingħajr distinzjoni, dan l-ilment għandu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud bħala inammissibbli peress li huwa intiż sabiex iqajjem dubji, mingħajr ma jallega l-iċken żnaturament, dwar l‑evalwazzjoni definittiva tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    94      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq raġunijiet kontradiċenti, imsemmi fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, dan lanqas ma jista’ jiġi milqugħ peress li jibbaża ruħu fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 119 u 199 sa 201 tas-sentenza appellata, eskludiet il‑possibbiltà, fl-istadju tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, ta’ sussidju trażversali bejn żewġt iswieq separati, jiġifieri, rispettivament, dak tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u dak tas-servizzi ta’ komunikazzjoni għall-abbonati, huwa żbaljat li jiġi kkunsidrat li kienet tirrikjedi tali sussidju trażversali fl-istadju tal-eżami tal-imputabbiltà tal-ksur.

    95      Fil-fatt, fil-punti 148 sa 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, f’dan ir-rigward, sabiex tikkonstata li l-marġni ta’ manuvra li kellha l‑appellanti sabiex iżżid il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’ kienet tali li tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirriżulta mid-differenza bejn il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u l-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi kollha ta’ aċċess għall-abbonati. B’hekk, il-Qorti Ġenerali assolutament ma kienet irrikjediet prattika ta’ sussidji trażversali bejn is-servizzi ta’ aċċess ‘narrowband’ u s-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’, u dan wisq inqas meta, hekk kif jikkonstata l-punt 148 tas-sentenza appellata mingħajr ma ssir kontestazzjoni mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell, jeżisti, fil-qafas tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, suq uniku ta’ servizzi separat, fejn is-servizzi ta’ aċċess ipprovduti f’dan il‑livell jippermettu lill-kompetituri tal-appellanti jipprovdu lill-abbonati tagħhom kemm is-servizzi ta’ aċċess ‘narrowband’ kif ukoll is-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’, fejn barra minn hekk, għal raġunijiet tekniċi, dawn l-aħħar servizzi ma jistgħux jiġu proposti lill-abbonati b’mod iżolat.

    96      Għaldaqstant l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi kollu kemm hu miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiv jew infondat.

    b)     Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

    i)     Sentenza appellata

    97      Wara li fakkret, fil-punt 267 tas-sentenza appellata, li, f’numru ta’ deċiżjonijiet meħuda matul il-perijodu inkwistjoni, ir-RegTP ikkunsidrat li, anki jekk teżisti differenza negattiva bejn il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali tal-appellanti u l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, ir-rikors għas-sussidju trażversali bejn is‑servizzi ta’ aċċess u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet kellu jippermetti lill-operaturi l-oħra li joffru lill-abbonati tagħhom prezzijiet kompetittivi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 268 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjonijet tar-RegTP ma jinkludu ebda referenza għall-Artikolu 82 KE u li jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament mid-deċiżjonijiet tar-RegTP li l-prattiki tariffarji tal-appellanti għandhom effett antikompetittiv, filwaqt li l-kompetituri tal-appellanti għandhom jirrikorru għal sussidju trażversali sabiex ikunu jistgħu jibqgħu kompetittivi fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess.

    98      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet f’dan ir-rigward fil-punt 269 tas-sentenza appellata:

    “F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjonijiet tar-RegTP ma setgħux jiġġustifikaw aspettattivi leġittimi għar-rikorrenti li l-prattiki tat-tariffi tagħha kienu konformi ma’ l-Artikolu 82 KE. Għandu jiġi enfasizzat barra minn dan li l‑Bundesgerichtshof, fis-sentenza tagħha ta’ l-10 ta’ Frar 2004 li tannulla s‑sentenza ta’ l-Oberlandesgericht Düsseldorf tas-16 ta’ Jannar 2002, ikkonfermat li “l-proċedura amministrattiva ta’ evalwazzjoni [mir-RegTP] [...] ma [t]eskludix il-possibbiltà prattika li impriża tippreżenta tariffa li permezz tagħha hija tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha u tikseb l-awtorizzazzjoni tagħha minħabba li l‑abbuż ma jinkixifx matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni”.

    ii)  L-argumenti tal-partijiet

    99      L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali applikat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi b’mod żbaljat. Fil-fatt, peress li d-deċiżjonijiet tar-RegTP ċaħdu b’mod ripetittiv l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, dawn ħolqu, fi ħsiebha, aspettattiva fil-legalità tat-tariffi tagħha li jistħoqqilha protezzjoni.

    100    F’dan ir-rigward, l-appellanti, permezz tal-ewwel ilment tagħha, tallega li l‑kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet tar-RegTP jagħmlux riferenza espliċita għall-Artikolu 82 KE hija nieqsa minn rilevanza peress li fi kwalunkwe każ din tal-aħħar ċaħdet l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirrestrinġi l‑kompetizzjoni.

    101    Permezz tat-tieni lment, l-appellanti ssostni li, bil-kontra ta’ dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 267 u 268 tas-sentenza appellata, ma jirriżultax la mill-espożizzjoni tar-RegTP dwar il-possibbiltà ta’ “sussidju trażversali” mal-prezzijiet tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet u lanqas mill-użu tal-espressjoni “sussidju trażversali”, li l-prattiki tariffarji tagħha għandhom effett antikompetittiv.

    102    Permezz tat-tielet ilment, l-appellanti ssostni li r-referenza, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, għal sentenza tal-Bundesgerichtshof tal-10 ta’ Frar 2004 hija nieqsa minn kull rilevanza. Fil-fatt, billi ġiet adottata wara l-perijodu ta’ referenza, din is-sentenza ma tistax tkun determinanti għall-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kellhiex dritt tistrieh fuq l-eżattezza tad-deċiżjonijiet tar-RegTP matul dan il‑perijodu. Bil-kontra, minn sentenza tal-Oberlandesgericht Düsseldorf tas-16 ta’ Jannar 2002 l-appellanti setgħet tiddeduċi elementi oħra li jindikaw li hija kellha dritt tistrieh fuq id-deċiżjonijiet tar-RegTP, fejn din il-qorti ddeċidiet li d‑deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar kienu jeskludu kull ksur tal-Artikolu 82 KE.

    103    Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm id-dikjarazzjonijiet tar-RegTP ma jantiċipawx l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-Artikolu 82 KE, dawn lanqas ma jistgħu joħolqu aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni għandha ssegwi l-opinjoni ta’ din ir-RegTP. L-ilmenti tal-appellanti għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda bħala ineffettivi jew infondati.

    104    Vodafone tqis li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli peress li l‑appellanti, essenzjalment, tirrepeti sempliċement l-ilmenti diġà invokati quddiem il-Qorti Ġenerali dwar l-importanza tad-deċiżjonijiet preċedenti tar-RegTP, fejn l‑affermazzjonijiet tagħha jikkonċernaw il-possibbiltà ta’ sussidju trażversali u s‑sinjifikat ta’ sentenza tal-Oberlandesgericht Düsseldorf. Fi kwalunkwe każ, din il-parti hija infondata peress li tista’ tinħoloq aspettattiva leġittima biss permezz tal-awtorità kompetenti għas-sitwazzjoni ġuridika inkwistjoni.

    iii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    105    Għandu jiġi osservat li, permezz ta’ dawn l-ilmenti, l-appellanti tieħu l-ħsieb li ssostni, mingħajr ma tiżviluppa argumentazzjoni ġuridika tali li turi r-raġuni li għaliha l-punti 267 sa 269 tas-sentenza appellata kienu jinkludu żball ta’ liġi, li d‑deċiżjonijiet adottati mir-RegTP jew mogħtija minn ċerti qrati nazzjonali setgħu joħolqu fiha l-aspettattiva leġittima li l-prattiki tariffarji tagħha kienu konformi mal-Artikolu 82 KE, fejn reġgħet tenniet jew żviluppat f’dan ir-rigward l-argumenti li diġà ġew invokati fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali bil-għan li juru ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    106    Għandu jiġi kkonstatat li, b’hekk, l-appellanti, billi għaldaqstant tikkontesta d‑deċiżjoni kontenzjuża, għandha l-intenzjoni li tikseb eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u li, għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, l-ilmenti tagħha huma, fuq dan il-punt, inammissibbli.

    107    Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti, fil-kuntest tat-tieni lment tagħha, tikkontesta l-fatt li hija setgħet tiddeduċi mid-deċiżjonijiet tar-RegTP li l-prattiki tariffarji tagħha pproduċew effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li hija għandha l-intenzjoni li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma tallega l-inqas żnaturament u li, għaldaqstant, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, tali lment għandu wkoll jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli.

    108    Fl-aħħar nett, sa fejn it-tielet ilment huwa intiż sabiex jikkontesta r-rilevanza tas-sentenza mogħtija mill-Bundesgerichtshof fl-10 ta’ Frar 2004, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv peress li huwa bbażat fuq raġuni mhux rilevanti mogħtija sabiex tissostanzja konstatazzjonijiet oħra magħmula mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    109    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-użu tal-frażi “barra minn hekk” fil-bidu tat-tieni sentenza tal-punt 269 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet riferenza għall-konstatazzjonijiet magħmula f’din is-sentenza tal-Bundesgerichtshof bis-sempliċi għan li tikkonferma l-konklużjoni li tirriżulta mill-motivi esposti fil-punti 267 u 268 tas-sentenza appellata u li kienu diġà jinsabu fl-ewwel sentenza tal-imsemmi punt 269 li jgħid li d-deċiżjonijiet tar-RegTO ma setgħux jagħtu lok għal aspettattiva leġittima fil-ħsieb tal-appellanti li l-prattiki tariffarji tagħha kienu konformi mal-Artikolu 82 KE.

    110    B’hekk, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiv.

    c)     Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, dwar in-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur tal-Artikolu 82 KE

    i)     Sentenza appellata

    111    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tal-appellanti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur billi kkonstatat, fil-punt 286 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża tinkludi referenza għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) li tippreċiża, fl-ewwel subparagrafu tagħha, il‑kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timponi multi, fosthom dawk il-kundizzjonijiet dwar in-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur.

    112    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 287 ta’ din is-sentenza, li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni esponiet fid-dettall, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-prattika tal-prezzijiet tar-rikorrenti hija abbużiva fis-sens tal-Artikolu 82 KE kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom l-appellanti għandha titqies li hija responsabbli tal-ksur ikkonstatat, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom japprovaw it-tariffi tagħha.

    113    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-motiv tal-appellanti bbażat fuq nuqqas ta’ negliġenza jew ta’ ksur intenzjonali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 296 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma setgħetx tinjora li, minkejja d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tar-RegTP, hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha marġni ta’ manuvra reali sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, u lanqas il-fatt li din il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet tagħti lok għal restrizzjonijiet serji għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-pożizzjoni monopolistika tagħha fis-suq tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u tal-pożizzjoni kważi monopolistika tagħha fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    114    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 298 tas-sentenza appellata, li l-ftuħ ta’ proċedura prekontenzjuża kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kienx jeffettwa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 peress li l-appellanti ma setgħetx tinjora, minn naħa, li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha marġni ta’ manuvra reali sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u, min-naħa l-oħra, li l-prattiki tariffarji tagħha kienu jostakolaw l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk lokali, li fih il-livell ta’ kompetizzjoni kien diġà limitat, b’mod partikolari minħabba l-preżenza tagħha.

    115    Fl-aħħar nett, fil-punt 299 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment ibbażat fuq l-eżami tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mir-RegTP għar-raġunijiet esposti fil-punti 267 sa 269 ta’ din is-sentenza, li huwa s-suġġett tal-punti 97 u 98 ta’ din is-sentenza.

    ii)  L-argumenti tal-partijiet

    116    L-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li s-sentenza appellata, fil-punti 284 sa 289 tagħha tagħmel kunsiderazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE billi b’mod żbaljat tibda mill-prinċipju li l-kritika ta’ negliġenza jew ta’ ksur intenzjonali kien immotivat biżżejjed fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, din id‑deċiżjoni ma tinkludi ebda konstatazzjoni legali jew fattwali dwar il-kwistjoni tan-negliġenza jew ta’ ksur.

    117    Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li mhuwiex biżżejjed, minn perspettiva ġuridika, li l-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fit-tieni premessa tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, il-premessa ma tagħmilx parti mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni, iżda tindika sempliċement il-bażi legali tagħha. Fi kwalunkwe każ, mit-tali premessa ma joħorġux ir-raġunijiet li għalihom il‑Kummissjoni tqis li l-ksur twettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza.

    118    Fit-tieni lok, l-appellanti tqis li konstatazzjonijiet sostantivi tal-Kummissjoni li għalihom tirreferi l-Qorti Ġenerali fil-punt 287 tas-sentenza appellata mhumiex tali li jimmotivaw il-kritika ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE imwettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza billi dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhom ebda rabta mal-kwistjoni tal-imputabbiltà suġġettiva tal-aġir, jiġifieri mal-kwistjoni dwar jekk l-appellanti setgħetx tinjora jew le n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha.

    119    It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-evalwazzjoni tal-ksur mill-Qorti Ġenerali fiha nuqqas ta’ motivazzjoni, billi, barra minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, l-imputabbiltà suġġettiva ta’ ksur eventwali tal-Artikolu 82 KE hija nieqsa. Issa, fir-rigward tad-deċiżjonijet tar-RegTP u n-nuqqas ta’ preċedent fl-Unjoni Ewropea, l-appellanti injorat in-natura allegatament antikompetittiva tal-aġir tagħha.

    120    Skont l-appellanti, il-kunsiderazzjonijiet dwar id-deċiżjonijeit tar-RegTP li jinsabu fil-punti 267 sa 269 tas-sentenza appellata u li għalihom tirreferi l-Qorti Ġenerali fil-punt 299 ta’ din is-sentenza ma jippermettux li jiġi konkluż li wettqet ksur. Il‑fatt li r-RegTP ma rreferietx b’mod espliċitu għall-Artikolu 82 KE mhuwiex determinanti peress li l-evalwazzjoni tal-iżball ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk l-impriża kkonċernata kinitx taf li l-aġir tagħha jikser l-Artikolu 82 KE. Barra minn hekk, la l-kunċett ta’ sussidju trażversali użat mir-RegTP u lanqas is‑sentenza tal-Bundesgerichtshof tal-10 ta’ Frar 2004 ma jippermettux li tiġi dedotta l-eżistenza ta’ ksur imwettaq mill-appellanti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-konklużjonijiet li l-appellanti kellha d-dritt li tislet mill-imġiba globali tal-Kummissjoni li tirriżulta mhux biss mit-tressiq tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni informat lill-appellanti dwar l‑intenzjoni tagħha li ma tkomplix bil-proċeduri mressqa kontriha.

    121    Il-Kummissjoni ssostni li r-regolamentazzjoni tas-settur hija rilevanti biss għall-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx taf bin-natura illegali tal-aġir tagħha u mhux sabiex tiġi determinata n-natura intenzjonali tal-ksur. It-tielet parti tal-ewwel aggravju hija għaldaqstant ineffettiva jew, fi kwalunkwe każ, infondata.

    122    Vodafone tqis li l-appellanti reġgħet tenniet, mill-ġdid, l-argumentazzjoni invokata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tispjega li ma twettaq l-ebda ksur. Fi kwalunkwe każ, l-argumentazzjoni tal-appellanti hija inammissibbli sa fejn hija teżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-motivazzjoni ta’ din is-sentenza, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-bqija, din il-parti hija infondata.

    iii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    123    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li anki jekk dawn l-ilmenti jirrepetu b’mod parzjali l-argumentazzjoni ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta’ din is-sentenza dawn huma ammissibbli peress li huma intiżi li jikkritikawha talli kkunsidrat kriterju ġuridiku żbaljat għall-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar in-natura negliġenti jew intenzjonali tal-ksur u għall-verifika tal-osservanza ta’ din il-kundizzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex suffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li, bħala tali, tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 90).

    124    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilmenti li jikkonċernaw il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’negliġenza u jekk jistax, għalhekk, jiġi ppenalizzat b’multa, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-impriża kkonċernata ma tistax tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, kemm jekk hija kienet konxja jew le li kienet qed tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat (ara s‑sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 45, kif ukoll Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107).

    125    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 296 u 297 tas-sentenza appellata, qieset li din il-kundizzjoni ġiet sodisfatta billi, minn naħa, l-appellanti ma setgħetx tinjora l-fatt li hija kellha, minkejja d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tar-RegTP, ta’ marġni ta’ manuvra reali sabiex tiffissa l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u li, min-naħa l-oħra, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet twassal, fid-dawl tal-pożizzjoni monopolistika tagħha fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk lokali u tal-pożizzjoni kważi monopolistika tagħha fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, għal restrizzjonijiet serji fuq il-kompetizzjoni.

    126    Għandu jiġi kkonstatat li tali raġunament, li jistrieh fuq konstatazzjonijiet fattwali li jaqgħu, fin-nuqqas ta’ allegazzjoni ta’ żnaturament, taħt l-evalwazzjoni definittiva tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, ma huwa vvizjat b’ebda żball ta’ liġi.

    127    Fil-fatt, sa fejn l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tar-RegTP jew dwar in-nuqqas ta’ preċedent fl-Unjoni, għandu sempliċement jiġi kkonstatat li tali argumentazzjoni hija intiża biss sabiex tipprova li r-rikorrenti injorat in-natura illegali tal-aġir ikkritikat fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant, skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, tali argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    128    L-istess jgħodd għall-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ftuħ tal-proċedura prekontenzjuża skont l-Artikolu 226 KE kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-fatt, anki li kieku kellu jkun ammess li l-Kummissjoni informat lill-appellanti dwar l-intenzjoni tagħha li ma tkomplix bil-proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 82 KE kontriha, it-tali ċirkustanza mkien ma taffettwa l-konstatazzjoni li tgħid li l-appellanti ma setgħetx tinjora n‑natura antikompetittiva tal-aġir tagħha. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 298 tad-deċiżjoni appellata, li t‑tressiq tal-proċeduri inkwistjoni kienet mingħajr effett fuq in-natura intenzjonali jew negliġenti ta’ ksur fis-sens tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

    129    Fir-rigward tal-ilment imressaq mill-appellanti kontra l-punt 299 tas-sentenza appellata, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 ta’ din is‑sentenza, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li huwa bbażat fuq raġuni mhux rilevanti mogħtija insostenn tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 296 u 297 tas-sentenza kkontestata, li waħedhom huma biżżejjed sabiex jipprovaw in-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur.

    130    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tan-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35).

    131    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il‑kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 166).

    132    F’dan il-każ, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punt 286 tas-sentenza appellata, li din id‑deċiżjoni kienet tinkludi referenza għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li jsemmi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timponi multi, fosthom dik tan-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 287 tal-istess sentenza, li, f’din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni esponiet fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-prattiki tariffarji tal-appellanti huma abbużivi u r-raġunijiet li għalihom l-appellanti għandha tiġi meqjusa bħala responsabbli għall-ksur ikkonstatat, minkejja l‑approvazzjoni tat-tariffi tagħha mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

    133    Billi dawn il-konstatazzjonijiet jindikaw ir-raġunijiet li għalihom ittieħdet id‑deċiżjoni kontenzjuża, huma jippermettu lill-appellanti ssir taf ir-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ftuh fil-konfront tal-appellanti previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għall-għoti tal-multi. Għalhekk il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma tikser l‑Artikolu 253 KE, tislet minn dan li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet immotivata biżżejjed fuq dan il-punt fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id‑dispożizzjoni. Għaldaqstant l-ilment tal-appellanti f’dan ir-rigward huwa infondat.

    134    Sa fejn l-appellanti żżid f’dan ir-rigward li l-konstatazzonijiet tal-Kummissjoni li għalihom issir referenza fil-punt 287 tas-sentenza appellata huma mingħajr rilevanza sabiex tiġi ddeterminata n-natura intenzjonali jew negliġenti ta’ ksur, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li tali lment, intiż sabiex tiġi kkritikata l‑fondatezza tal-motivazzjoni kkonstatata fid-deċiżjoni kontenzjuża, hija inammissibbli, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, fl-istadju ta’ dan l-appell.

    135    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Naipes Heraclio Fournier vs UASI, C‑311/05 P, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    136    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, sabiex il-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni meħuda u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Il‑Kunsill vs de Nil u Impens, C‑259/96 P, Ġabra p. I‑2915, punti 32 u 33, kif ukoll tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 70).

    137    F’dan is-sens, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, bħalma jirriżulta diġà mill-punt 125 ta’ din is-sentenza, il-punti 296 u 297 tas-sentenza appellata juru b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura negliġenti jew intenzjonali tal-ksur allegat. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq dan il-punt huwa nieqes minn kull bażi.

    138    B’hekk, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiv jew infondat.

    d)     Konklużjoni fuq l-ewwel aggravju

    139    Miċ-ċirkustanzi preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    3.     Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE

    140    It-tieni aggravju mqajjem mill-appellanti jinqasam fi tliet partijiet, rispettivament dwar ir-rilevanza tal-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet sabiex jiġi kkonstatat abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, dwar in-natura adegwata tal-metodu ta’ kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u dwar l-effetti tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    a)     Sentenza appellata

    141    Fil-punti 153 sa 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti tal-appellanti li jsostnu l-metodu użat mill-Kummissjoni għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    142    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 166 sa 168 tas-sentenza appellata, l-ilment tal-appellanti li n-natura abbużiva ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tista’ tirriżulta biss min-natura abbużiva tal-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Billi kkonstatat, fil-punt 166 ta’ din is-sentenza, li, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, l-abbuż imwettaq mill-appellanti jikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ prezzijiet inġusti fil-forma ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għad-detriment tal-kompetituri tagħha, billi l-Kummissjoni kkunsidrat, li teżisti pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet abbużiv meta d-differenza bejn il‑prezzijiet bl-imnut ta’ impriża dominanti u l-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji għal servizzi paragunabbli għall-kompetituri tagħha hija negattiva jew insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-prodotti tal-operatur dominanti għall-provvista tas-servizzi bl-imnut tiegħu stess għall-abbonati, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 167 ta’ din is-sentenza:

    “Huwa minnu li, fid-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni tistabbilixxi biss l‑eżistenza tal-marġni ta’ manuvra li r-rikorrenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex taġġusta l-prezzijiet bl-imnut tagħha [għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati]. Madankollu, in-natura abbużiva ta’ l-imġiba tar-rikorrenti hija marbuta man-natura inġusta tad-differenza bejn il-prezzijiet [bl-ingrossa] tagħha għas-[servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali] u l-prezzijiet bl-imnut tagħha [għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati], fil-forma ta’ pressjoni fuq il‑marġni tal-prezzijiet. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ l-abbuż ikkonstatat fid-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprova, fid-deċiżjoni [kontenzjuża], li l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti kienu abbużivi fihom infushom.”

    143    It-tieni nett, fil-punti 183 sa 194 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l‑ilment li permezz tiegħu l-appellanti kkritikat lill-Kummissjoni talli kkalkolat il‑pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet abbażi tat-tariffi u l-ispejjeż ta’ impriża dominanti vertikalment integrata billi eskludiet il-pożizzjoni speċifika tal-kompetituri fis-suq. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, wara li enfasizzat, fil-punt 185 ta’ din is-sentenza, li l-istħarriġ li teżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter, iddeċidiet, b’mod partikolari, dan li ġej:

    “186      Għandu jitfakkar l-ewwel nett li, fid-deċiżjoni [kontenzjuża], il‑Kummissjoni eżaminat jekk il-prattika tat-tariffi ta’ l-impriża dominanti kinitx ta’ natura tali li telimina mis-suq operatur ekonomiku effikaċja daqs l‑impriża dominanti. Għalhekk, sabiex tevalwa jekk il-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti kinitx abbużiva, il-Kummissjoni bbażata ruħha biss fuq it-tariffi u l-ispejjeż tar-rikorrenti, u mhux fuq is-sitwazzjoni speċifika tal-kompetituri, attwali jew potenzjali, tar-rikorrenti.

    187      Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, ‘wieħed jista’ jikkonkludi li hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet abbużiva meta d-differenza bejn il-prezzijiet bl-imnut ta’ impriża dominanti u t-tariffi [bl-ingrossa] tas-servizzi intermedjarji għal servizzi komparabbli għall-kompetituri tagħha hija negattiva jew insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-prodotti ta’ l-operatur dominanti għall-provvista tas-servizzi tiegħu stess għall-abbonati fuq is-suq [bl-imnut]’ […]. F’dan il-każ, il-pressjoni fuq il-marġni [tal-prezzijiet] hija abbużiva safejn ir-rikorrenti stess ‘ma kinitx tkun f’pożizzjoni […] li toffri s-servizzi tagħha lill-abbonati mingħajr ma tinkorri telf li kieku kienet obbligata tħallas, fil-forma ta’ ħlas bejn kumpanniji, it-tariffa ta’ aċċess għas-servizzi intermedjarji interni għas-servizzi tagħha lill-abbonati’ […]. F’tali ċirkustanzi, ‘kompetituri [li] huma effikaċja’ daqs ir-rikorrenti ma jistgħux ‘joffru s-servizzi ta’ konnessjoni lill-abbonati bi prezz kompetittiv sakemm ma jsibux vantaġġi ta’ effiċjenza oħra’ […]

    188      [Għ]andu jiġi kkonstatat li, anki jekk, s’issa, il-qorti Komunitarja għadha qatt ma ddeċidiet espliċitament fuq il-metodu li għandu jiġi applikat sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar, madankollu, li n-natura abbużiva tal-prattika tat-tariffi ta’ impriża dominanti hija prinċipalment iddeterminata b’referenza għas-sitwazzjoni tagħha stess u, għalhekk, b’referenza għat-tariffi u għall-ispejjeż tagħha, u mhux b’referenza għas-sitwazzjoni ta’ kompetituri attwali jew potenzjali.

    […]

    192      Għandu jiġi miżjud li kull approċċ ieħor huwa ta’ natura li jista’ jikser il‑prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, li kieku l-legalità tal-prattika tat-tariffi ta’ impriża dominanti kienet tiddependi mis-sitwazzjoni speċifika ta’ l-impriżi kompetituri, b’mod partikolari mill-istruttura ta’ l-ispejjeż ta’ dawn ta’ l-aħħar, li hija data li mhijiex ġeneralment magħrufa mill-impriża dominanti, din ta’ l-aħħar ma tkunx kapaċi tevalwa l-legalità ta’ l-imġiba tagħha.

    193      Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ibbażat l-analiżi tagħha dwar in-natura abbużiva tal-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti biss b’referenza għas-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti u, għaldaqstant, b’referenza għat-tariffi u għall-ispejjeż tagħha.

    194      Peress li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti stess, jew impriża effikaċja daqsha, kinitx tkun f’pożizzjoni li toffri s-servizzi tagħha lill-abbonati mingħajr ma tinkorri telf li kieku kienet obbligata l-ewwel minn qabel, fil-forma ta’ ħlas bejn kumpanniji, tali tariffi għas-servizzi intermedjarji interni, l-argument tar-rikorrenti li l-kompetituri tagħha ma jipprovawx jirripproduċu l-istruttura ta’ klijentela tagħha u jistgħu jiksbu dħul addizzjonali permezz ta’ prodotti ġodda li huma biss joffru fuq is-suq, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda preċiżjoni, huwa irrilevanti. Għall-istess raġunijiet, l-argument li l-kompetituri jistgħu jeskludu l‑possibbiltà ta’ għażla (bil-quddiem) ma jistax jiġi aċċettat.”

    144    It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 195 sa 206 ta’ din l-istess sentenza, l-ilment li jgħid li l-Kummissjoni kienet ħadet biss inkunsiderazzjoni d-dħul tas-servizzi kollha ta’ aċċess filwaqt li eskludiet id-dħul minn servizzi oħra, b’mod partikolari dak derivanti mill-komunikazzjonijiet.

    145    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, qabel kollox, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, li d-Direttiva 96/19/KE, li tagħmel distinzjoni, fir-rigward tal-istruttura tal-prezzijiet tal-operaturi eżistenti, bejn il-ħlas inizjali tal-konnessjoni, l-abbonament ta’ kull xahar u t-tariffi lokali, nazzjonali u internazzjonali, kellha l‑intenzjoni li tikseb ekwilibriju mill-ġdid tal-prezzijiet bejn dawn l-elementi differenti skont l-ispejjeż reali, sabiex ikun hemm lok għal kompetizzjoni sħiħa fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet u li, konkretament, din l-operazzjoni kellha twassal għal tnaqqis fit-tariffi tal-komunikazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u b’żieda fil-ħlas tal-konnessjoni, tal-abbonament ta’ kull xahar u tal-prezz tal-komunikazzjonijiet lokali. Dwar dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 197 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet għaldaqstant ġustament enfasizzat li t‑teħid inkunsiderazzjoni separata tal-prezz tal-aċċess u tal-prezz tal-komunikazzjonijiet għaldastant diġà tinsab fil-prinċipju tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet prevista mid-dritt tal-Unjoni.

    146    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 198 tas-sentenza appellata, li sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta bejn l-appellanti u l-kompetituri tagħha tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġu żgurati opportunitajiet indaqs bejn id-diversi operaturi ekonomiċi. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet kif ġej:

    “199      Anki jekk jiġi rikonoxxut li, mill-perspettiva ta’ l-abbonat, is-servizzi ta’ aċċess u ta’ komunikazzjonijiet jikkostitwixxu ħaġa waħda, jibqa’ l-fatt li, għall-kompetituri tar-rikorrenti, il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet lill-abbonat permezz tan-netwerk fiss tar-rikorrenti tippresupponi aċċess għal-linja lokali. L-opportunitajiet indaqs bejn l-operatur storiku li huwa l-proprjetarju tan-netwerk fiss, bħar-rikorrenti, minn naħa, u l-kompetituri tagħha, min-naħa l-oħra, jimplikaw għalhekk li l‑prezzijiet għas-servizzi ta’ aċċess ikunu ffissati fuq livell tali li jqiegħdu lill-kompetituri f’pożizzjoni indaqs ma’ l-operatur storiku għall-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet. Dawn l-opportunitajiet indaqs huma żgurati biss jekk l-operatur storiku jiffissa l-prezzijiet bl-imnut tiegħu [għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati] fuq livell li jippermetti lill-kompetituri – li huwa preżunt li huma effikaċja daqs l-operatur storiku – li jgħaddu l-ispejjeż kollha relatati mas-servizz intermedjarju [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] fuq il-prezzijiet bl-imnut tagħhom. Madankollu, jekk l-operatur storiku ma jirrispettax dan il-prinċipju, ikun biss b’telf li l-operaturi l-ġodda jistgħu joffru s-servizzi ta’ aċċess lill-abbonati tagħhom. Huma jkollhom għalhekk jikkompensaw it-telf soffrut fuq il-livell ta’ l-aċċess għal-linja lokali permezz ta’ tariffi għolja fuq il-livell tal-komunikazzjonijiet, ħaġa din li tfixkel ukoll il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq is-suq tal-komunikazzjonijiet.

    200      Minn dan jirriżulta li, anki li kieku kien minnu li, kif tallega r-rikorrenti, mill-perspettiva ta’ l-abbonat is-servizzi ta’ aċċess u ta’ komunikazzjonijiet jikkostitwixxu ‘cluster’, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament, fil-premessa 119 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], li, għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk il-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti tfixkilx il-kompetizzjoni, kellha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni [tal-prezzijiet] fuq il-livell biss tas-servizzi ta’ aċċess u għalhekk mingħajr ma jiġu inklużi t-tariffi ta’ komunikazzjonijiet fil-kalkolu tagħha.

    201      Barra minn dan, il-kalkolu ta’ kumpens bejn it-tariffi ta’ aċċess u t-tariffi ta’ komunikazzjonijiet, imsemmi mir-rikorrenti, jikkonferma diġà li r-rikorrenti u l-kompetituri tagħha mhumiex f’pożizzjoni indaqs fuq il-livell ta’ l-aċċess għal-linja lokali, li tikkostitwixxi madankollu l-kundizzjoni neċessarja sabiex ma tiġix imfixkla l-kompetizzjoni fuq is-suq tal-komunikazzjonijiet.

    202      F’kull każ, in kwantu r-rikorrenti naqqset il-prezzijiet tagħha b’mod konsiderabbli għall-komunikazzjonijiet matul il-perijodu kopert mid-deċiżjoni [kontenzjuża] […], ma jistax jiġi eskluż li l-kompetituri lanqas biss kellhom il-possibbiltà ekonomika li jagħmlu l-kumpens issuġġerit mir-rikorrenti. Fil-fatt, il-kompetituri, li soffrew diġà żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mar-rikorrenti fuq il-livell ta’ l-aċċess għal-linja lokali, għandhom joffru tariffi ta’ komunikazzjoni saħansitra aktar baxxi mir-rikorrenti, sabiex jinkoraġġixxu l-klijenti potenzjali jikkanċellaw l-abbonament tagħhom mar-rikorrenti, u minflok jagħmlu abbonament magħhom. ”

    147    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, li għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, ħadet inkunsiderazzjoni biss id-dħul mis-servizzi ta’ aċċess filwaqt li eskludiet id-dħul minn servizzi oħra, bħas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

    148    Barra minn hekk, wara li indikat, fil-punt 223 tas-sentenza appellata, li l-iżball ta’ kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-ispejjeż speċifiċi tal-appellanti ma kienx tali li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża billi n‑natura inġusta, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, tal-prattika tal-prezzijiet tal-appellanti hija marbuta mal-eżistenza stess ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, u mhux mad-differenza preċiża tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 234 sa 244 ta’ din is-sentenza, l-ilmenti tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ effett fuq is-suq, billi kkonstatat, b’mod partikolari, dan li ġej:

    “234      Skond il-Kummissjoni, il-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti limitat il‑kompetizzjoni fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Hija tasal għal din il-konstatazzjoni fid-deċiżjoni [kontenzjuża] […] mill-eżistenza stess tal-pressjoni fuq il-marġni [tal-prezzijiet]. Ebda prova ta’ effett anti-kompetittiv m’hija meħtieġa, anki jekk, sussidjarjament, hija tagħmel tali eżami fil-premessi 181 sa 183 tad-deċiżjoni [kontenzjuża].

    235      Safejn, sad-dħul ta’ l-ewwel kompetitur fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, fl-1998, ir-rikorrenti kellha monopolju de facto fuq is-suq bl-imnut, l-effett anti-kompetittiv li l-Kummissjoni hija obbligata tipprova jikkonċerna d-distorsjoni eventwali li l-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti setgħet tikkawża fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq dan is-suq.

    236      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li r-rikorrenti hija proprjetarja tan-netwerk telefoniku fiss fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, li mhuwiex ikkontestat li, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessi 83 sa 91 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], fil-ħin ta’ l-adozzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni, fil-Ġermanja ma kienet teżisti ebda infrastruttura oħra li kienet tippermetti lill-kompetituri tar-rikorrenti li jidħlu b’mod viżibbli fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    237      Fid-dawl tal-fatt li s-servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] tar-rikorrenti huma […] indispensabbli sabiex waħda mill-kompetituri tagħha tkun tista’ tikkompeti magħha fuq is-suq [bl-imnut] tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, pressjoni fuq il-marġni [tal-prezzijiet] bejn it-tariffi [bl-ingrossa] tas-servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] u t‑tariffi bl-imnut [għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati] tar-rikorrenti tfixkel bħala prinċipju l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq is-swieq [bl-imnut]. Fil-fatt, jekk il-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti jkunu anqas mit-tariffi [bl-ingrossa] tas-servizzi intermedjarji tagħha [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] jew jekk id-differenza bejn it-tariffi [bl-ingrossa] [ta’ dawn is-servizzi] intermedjarji u [l-imsemmija] tariffi bl-imnut tar-rikorrenti tkun insuffiċjenti sabiex operatur effikaċja daqsha jkun jista’ jkopri l-ispejjeż speċifiċi tiegħu għall-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, kompetitur potenzjali effikaċja daqs ir-rikorrenti jista’ jidħol fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati biss billi jinkorri telf.

    238      Huwa minnu li, kif tenfasizza r-rikorrenti, il-kompetituri tagħha normalment jirrikorru għal sussidju trażversali, fis-sens li huma jikkumpensaw it-telf subit fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati bil-profitt li huwa jiġġeneraw minn swieq oħra, bħas-swieq tal-komunikazzjonijiet. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti, bħala proprjetarja tan-netwerk fiss, m’għandhiex bżonn li tirrikorri għal servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali] sabiex tkun tista’ toffri servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u li, kuntrarjament għall-kompetituri tagħha, hija mhijiex obbligata għalhekk, minħabba prattika tat-tariffi ta’ impriża dominanti, tipprova tikkumpensa telf subit fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, il‑pressjoni fuq il-marġni [tal-prezzijiet] [i]kkonstatata fid-deċiżjoni [kontenzjuża] tfixkel il-kompetizzjoni mhux biss fuq is-suq ta’ aċċess għall-abbonati, iżda wkoll fuq is-suq tal-komunikazzjonijiet […]

    239      Barra minn dan, l-ishma żgħar tas-suq miksuba mill-kompetituri tar-rikorrenti fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, mil-liberalizzazzjoni tas-suq permezz tad-daħla fis-seħħ tat-TKG, fl-1 ta’ Awwissu 1996, huma xhieda ta’ l-ostakoli li l-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti ħolqot għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq dawn is-swieq. […]

    240      Barra minn dan, mhuwiex ikkontestat li, jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni biss il-linji analogi, li kienu jirrappreżentaw fil-Ġermanja, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni [kontenzjuża], 75 % tal-linji kollha, is-sehem tal-kompetituri tar-rikorrenti waqa’ minn 21 % fl-1999 għal 10 % fl-2002 […].

    […]

    244      […] F’kull każ, ir-rikorrenti, li tonqos milli tikkwantifika l-preżenza tal-kompetituri fuq il-livell nazzjonali, ma tressaq ebda element ta’ natura tali li jinvalida l-konstatazzjonijiet, magħmula fil-premessi 180 sa 183 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], fis-sens li l-prattika tat-tariffi tagħha effettivament tfixkel il-kompetizzjoni fuq is-suq Ġermaniż tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.”

    b)     Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, dwar ir-rilevanza tal-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għall-konstatazzjoni ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE

    i)     L-argumenti tal-partijiet

    149    L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija vvizjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni billi ma eżaminatx l-argument imressaq minnha fl-ewwel istanza u li jgħid li l-Kummiussjoni jmissha applikat, minħabba l-iffissar tat-tariffi tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mir-RegTP, il-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Is-sentenza appellata tistrieh f’dan il-kuntest fuq ċirku vizzjuż. Il-Qorti Ġenerali fil-fatt tapplika l-kriterju magħżul mill-Kummissjoni nnifisha sabiex tiddetermina l-elementi li fuqhom għandha tkun ibbażata l-eżami tat-tariffi tal-appellanti. L-oġġezzjoni tal-appellanti tikkonċerna madankollu stadju preċedenti tar-raġunament, jiġifieri l-kwistjoni li tikkonċerna n‑natura, fi kwalunkwe ipoteżi, xierqa tal-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet magħżula mill-Kummissjoni.

    150    It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat l-Artikolu 82 KE b’mod żbaljat fil-punti 166 sa 168 tas-sentenza appellata, billi l-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mhijiex tali li tistabbilixxi natura abbużiva tat-tariffi tagħha peress li t-tariffi bl-ingrossa tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma ffissati b’mod restrittiv mill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti.

    151    L-appellanti tqis li, f’sitwazzjoni bħal din, in-natura xierqa tal-kriterju tal-effett tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jiddependi mil-livell tat-tariffa bl-ingrossa tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali ffissat mill-awtorità li, fiha nnifisha, ma tistax, fin-nuqqas ta’ marġni ta’ manuvra tal-impriża rregolata, tkun suġġetta għal kritika li tikkonċerna abbuż. Fil-fatt, filwaqt li l-awtorità regolatorja nazzjonali tiffissa tariffa bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali li tkun eżaġerata, l-impriża f’pożizzjoni dominanti suġġetta għar-regolament għandha l-obbligu, min-naħa tagħha, li tapplika prezz bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati eżaġerat sabiex tiġi żgurata marġni xierqa. F’dan il-każ, l-impriża hija marbuta tagħżel bejn żewġ forom ta’ abbuż differenti, jiġifieri pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jew żieda abbużiva tal-prezzijiet. L-impriża f’pożizzjoni dominanti ma tistax għaldaqstant tevita li twettaq abbuż.

    152    Skont l-appellanti, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, l-impriża f’pożizzjoni dominanti twettaq abbuż biss ladarba t-tariffa bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati hija, fiha nnifisha, abbużivament baxxa.

    153    Il-Kummissjoni tqis li s-sentenza appellata hija mmotivata biżżejjed u, mill-bqija, li ż-żieda tal-appellanti mhijiex fondata.

    154    Skont Vodafone, indipendentement mill-fatt li l-ilmenti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju huma inammissibbli billi jikkostitwixxu ripetizzjoni tal-argumenti tal-ewwel istanza u jikkonċernaw evalwazzjoni sostantiva żbaljata, huma wkoll neqsin minn rilevanza kemm mill-aspett fattwali kif ukoll minn dak ġuridiku.

    ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    155    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni Vodafone, l‑ewwel parti tat-tieni motiv hija ammissibbli, għall-istess raġunijiet bħal dawk deċiżi fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, billi l-appellanti, anki jekk essenzjalment tirrepeti l-argumentazzjoni ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, tikkritikaha talli wettqet żball ta’ liġi billi kkonstatat kriterju ġuridiku żbaljat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE u billi mmotivat b’mod insuffiċjenti s-sentenza appellata fuq dan il-punt.

    156    Fir-rigward tal-fondatezza tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward, fl-ewwel lok, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, li l-appellanti b’mod żbaljat tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma weġbitx b’mod motivat, f’din is-sentenza, għall-argument tagħha li jgħid li l-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet huwa mingħajr rilevanza billi, bħal f’dan il-każ, il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma ffissati minn awtorità regolatorja nazzjonali u, għaldaqstant, talli ma mmotivatx b’mod suffiċjenti skont il-liġi n-natura xierqa tal-għażla mill-Kummissjoni tal-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet sabiex tikkonstata abbuż taħt l-Artikolu 82 KE.

    157    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 166 sa168 tas-sentenza appellata, osservat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, ikkonstatat biss l-eżistenza ta’ marġni ta’ manuvra li l-appellanti kellha sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u, min-naħa l-oħra, ikkonstatat li n-natura abbużiva tal-aġir ta’ din tal-aħħar, li kienet tikkonsisti fil-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċja daqsha, kienet marbuta man-natura inġusta tad-differenza bejn il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u l-imsemmija prezzijiet bl-imnut, b’mod li l-Kummissjoni ma kellhiex l‑obbligu li tipprova n-natura abbużiva ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, fil-punti 183 sa 213 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali spjegat ir-raġunijiet li għalihom l-ilmenti mressqa mill-appellanti kontra l-metodu adottat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola din il-pressjoni tal-marġni fuq il-prezzijiet għandhom jiġu miċħuda.

    158    Għandu jiġi kkonstatat li, b’hekk, il-Qorti Ġenerali impliċitament iżda neċessarjament indikat ir-raġunijiet li għalihom ir-regolamentazzjoni allegata tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma kinitx, f’dan il-każ, tali li tostakola l-fatt li l-prattiki tariffarji tal-appellanti jistgħu jiġu kkwalifikati bħala abbużivi fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

    159    Fil-fatt, jirriżulta kjarament minn dawn id-diversi konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 166 sa 168 u 183 sa 213 tas-sentenza appellata, li, skontha, mhuwiex il-livell tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, li, hekk kif diġà ġie indikat fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ dan l-appell, u lanqas ma huwa dak tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, li jmur kontra l-Artikolu 82 KE, iżda d-differenza bejniethom.

    160    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 135 u 136 ta’ din is-sentenza, l-appellanti kienet għaldaqstant f’pożizzjoni, meta wieħed jara dawn il-partijiet iċċitati tas-sentenza appellata, li taf ir-raġunijiet li għalihom ir-regolamentazzjoni allegata tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kienet, skont il-Qorti Ġenerali, mingħajr effett fuq l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Artikolu 82 KE għall-prattiki tariffarji tagħha.

    161    Minn dan jirriżulta li l-punti 166 sa 168 tas-sentenza appellata, moqrija flimkien mal-punti 183 sa 213 ta’ din is-sentenza, jikkomportaw motivazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, minkejja l-iffissar tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-għażla mill-Kummissjoni tal-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet xierqa sabiex jiġi kkonstatat li l‑prattiki tariffarji tal-appellanti kienu abbużivi fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

    162    L-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

    163    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-kriterju ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet biex jiġi kkonstatat abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, għandu jitfakkar li, bħalma ġie indikat preċedentement fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma tikkontestax, permezz ta’ dan l‑ilment, li prattika tal-prezzijiet ta’ impriża dominanti li twassal għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċja tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi prattika abbużiva fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Permezz ta’ dan l-ilment, hija ssostni, min-naħa l-oħra, li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, billi l-prezzijiet tagħha bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma ffissati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatat mis-sentenza appellata mhijiex xierqa biex jiġi kkonstatat li l-prattiki tariffarji tagħha huma abbużivi fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

    164    Ċertament, hekk kif jirriżulta mill-punti 38 sa 43 ta’ din is-sentenza, hemm lok, fil-kuntest ta’ dan l-appell, li wieħed jibbaża ruħu fuq l-ipoteżi, ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata kif ukoll mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li l-appellanti ma għandhiex marġni ta’ manuvra biex tbiddel l-imsemmija prezzijiet bl-ingrossa.

    165    B’hekk, bil-għan li tiġi pprovata n-natura mhux xierqa tal-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, l-appellanti ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma ffissati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fuq livell eċċessiv. Fil-fatt, anki li kieku wieħed kellu jammetti, bħalma sostniet l‑appellanti waqt is-seduta, li l-ilmenti tal-kompetituri li taw lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża huma bbażati fuq din iċ-ċirkustanza, it-tali premessa, hekk kif diġà ġie indikat fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, għandha titqies li hija waħda li tmur lil hinn mil-limiti ta’ dan l-appell.

    166    Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-ilment tal-appellanti li jgħid li n‑natura żbaljata tal-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jirriżulta mill-fatt li, biex jiġi evitat l-abbuż ikkritikat, hija ma għandhiex għażla oħra, f’dan il-każ, fid-dawl tal-livell eċċessiv tal-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali hekk kif iffissati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, minbarra li tgħolli b’mod abbużiv il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati għal livell eċċessiv, billi tali lment jibbaża ruħu fuq premessa ipotetika li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell.

    167    Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti ssostni li n-natura xierqa tal-kriterju tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tiddependi fuq il-livell tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali ffissati mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 166 sa 168 tas-sentenza appellata, in-natura abbużiva, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, tal-prattika tal-prezzijiet tal-appellanti li hija s-suġġett ta’ din is‑sentenza tirriżulta min-natura inġusta tad-differenza, li twassal għal pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċja, bejn il-prezzijiet bl-ingrossa inkwistjoni u l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Hekk kif ġie speċifikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 223 ta’ din is-sentenza, liema punti ma ġiex ikkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, in-natura inġusta fis-sens tal-Artikolu 82 KE tal-prattiki tariffarji tal-appellanti hija għaldaqstant marbuta għall-eżistenza stess tal-pressjoni fuq il‑marġni tal-prezzijiet u mhux mad-differenza preċiża tagħha.

    168    B’hekk il-livell tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali hija, fiha nnifisha, mingħajr rilevanza biex tiġi kkritikata l‑fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għall-prattiki tariffarji inkwistjoni.

    169    Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-eżami tal-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali ġustament, b’mod partikolari fil-punti 166 u 168 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li, anki li kieku kellu jitqies li l-appellanti ma għandhiex marġni ta’ manuvra biex tbiddel il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, il-prattiki tariffarji tagħha jistgħu xorta waħda jiġu kkwalifikati bħala abbużivi fis-sens tal-Artikolu 82 KE, peress li, indipendentement mill-punt dwar jekk dawn il‑prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati huma, fihom infushom, abbużivi, id-differenza bejniethom turi natura inġusta, jiġifieri, skont din is-sentenza, meta din id-differenza tkun jew negattiva, jew insuffiċjenti biex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-prodotti tal-appellanti għall-provvista tas-servizzi tagħha stess, b’tali mod li kompetitur effikaċja daqs l-appellanti ma jkunx jista’ jikkompeti magħha għall-provvista tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    170    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑Artikolu 82 KE huwa espressjoni tal-għan ġenerali mogħti lill-azzjoni tal-Komunità Ewropea, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta fis-suq komuni. B’hekk, il‑pożizzjoni dominanti prevista fl-Artikolu 82 KE tikkonċerna sitwazzjoni ta’ poter ekonomiku li jkollha impriża li jagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi jagħtiha l-possibbiltà ta’ aġir indipendenti f’miżura sinjifikattiva fil-konfront tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u, fl-aħħar nett, tal-konsumaturi (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 38, u tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 103).

    171    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma tikkontestax l-argument li hija għandha pożizzjoni dominanti fis-swieq kollha tas-servizzi kkonċernati, jiġifieri kemm fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali kif ukoll fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    172    Fir-rigward tan-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji tal-appellanti, għandu jiġi osservat li s-subparagrafu (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE jipprojbixxi espliċitament il-fatt li impriża dominanti timponi prezzijiet inġusti b’mod dirett jew indirett.

    173    Barra minn hekk, il-lista tal-prattiki abużivi li tinsab fl-Artikolu 82 KE mhijiex eżawrjenti, b’tali mod li l-prattiki msemmija fiha jikkostitwixxu sempliċement eżempji ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, il-prattiki abbużivi msemmija f’din id-dispożizzjoni ma jelenkawx il-metodi ta’ sfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti pprojbit mit-Trattat (ara s-sentenza British Airways vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    174    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, billi jipprojbixxi l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi affettwat, l-Artikolu 82 KE jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, li, f’suq fejn, preċiżament wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà mdgħajjef u li għandu l-effett li jostakola, bir-rikors għal mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi fuq il-bażi ta’ prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, sabiex jinżamm livell ta’ kompetizzjoni li jeżisti diġà fis-suq jew għall-iżvilupp ta’ din il‑kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoffman‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91; Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70; tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il‑Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 69; British Airways vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

    175    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiddetermina jekk l‑impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti sfruttatx b’mod abbużiv din il‑pożizzjoni bl-applikazzjoni tal-prattiki tariffarji tagħha, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha u għandu jiġi eżaminat jekk din il-prattika għandhiex it-tendenza li telimina jew tnaqqas il-possibbiltà ta’ għażla tax-xerrej fir-rigward tas-sorsi tiegħu ta’ fornitura, li twaqqaf l-aċċess għas-suq lill-kompetituri, li tapplika kundizzjonijiet differenti għal servizzi ekwivalenti fil-konfront ta’ sħab kummerċjali, billi minħabba f’hekk tikkawżalhom żvantaġġ kompetittiv, jew li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 73, u British Airways vs Il‑Kummissjoni, punt 67).

    176    Għalhekk, peress li l-Artikolu 82 KE jipprevedi mhux biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu billi jippreġudikaw l-istruttura ta’ kompetizzjoni, l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti, hekk kif diġà tfakkar fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha l‑kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza France Télécom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    177    B’hekk l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli tapplika prattiki tariffarji li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri daqstant effikaċja tagħha, attwali jew potenzjali, jiġifieri prattiki li huma kapaċi li jagħmluha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibbli, għal dawn tal-aħħar li jkollhom aċċess għas-suq, kif ukoll li jagħmluha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibbli, għall-kontroparti tagħha, li jkollhom għażla bejn numru ta’ sorsi ta’ provvista jew imsieħba kummerċjali, biex b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tirrikorri għal mezzi li mhumiex dawk li jaqgħu taħt tip ta’ kompetizzjoni bbażata fuq mertu. F’din il-perspettiva, kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ma tistax għaldaqstant titqies li hija leġittima (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 73; AKZO vs Il‑Kummissjoni, punt 70, u British Airways vs Il‑Kummissjoni, punt 68).

    178    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma tikkontestax il-fatt li, anki li kieku kellu jitqies li hija ma għandhiex marġni ta’ manuvra biex tbiddel il‑prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, id-differenza bejn dawn il-prezzijiet u l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonat tista’ tipproduċi effett ta’ esklużjoni għall-kompetituri daqstant effikaċja tagħha, attwali jew potenzjali, billi l-aċċess tagħhom għas-suq tas-servizzi kkonċernati huwa, minn tal-inqas, iktar diffiċli minħabba l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li għalihom it-tali differenza tista’ twassal.

    179    Waqt is-seduta, l-appellanti madankollu sostniet li l-kriterju kkunsidrat fis-sentenza appellata biex jiġi kkonstatat abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE kien jobbligaha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fid-dawl tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati b’detriment għall-abbonati tagħha stess.

    180    Ċertament, hekk kif diġà jirriżulta mill-punti 175 sa 177 ta’ din is-sentenza, l‑Artikolu 82 KE huwa intiż, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ kompetizzjoni mhux distorta (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et, C‑468/06 sa C‑478/06, Ġabra p. I‑7139, punt 68).

    181    Madankollu, is-sempliċi ċirkustanza li l-appellanti għandha tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati biex tevita l-pressjoni fuq il‑marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri effikaċja daqsha bl-ebda mod ma tista’, fiha nnifisha, teskludi r-rilevanza tal-kriterju adottat mill-Qorti Ġenerali f’dan il-każ biex tikkonstata abbuż skont l-Artikolu 82 KE.

    182    Fil-fatt billi tnaqqas konsegwentement il-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti f’suq, dak tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, li diġà huwa mdgħajjef preċiżament minħabba l-preżenza tal-appellanti, u billi b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ din tal-aħħar fis-suq, l-imsemmija pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għandha wkoll l-effett li l-konsumaturi jsofru dannu b’riżultat tal-limitazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ għażla tagħhom u, għaldaqstant, b’riżultat tal-perspettiva ta’ tnaqqis, fuq terminu iktar twil, tal-prezzijiet bl-imnut minħabba l-kompetizzjoni adottata minn kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċja fl-imsemmi suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza France Télécom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112).

    183    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn, hekk kif inhu mfakkar fil-punti 77 sa 86 ta’ din is‑sentenza, l-appellanti għandha marġni ta’ manuvra biex tnaqqas jew telimina tali pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet permezz taż-żieda fil-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ġustament ikkunsidrat, fil-punti 166 sa 168 tas-sentenza appellata, li din il‑pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, fid-dawl tal-effett ta’ esklużjoni li tista’ tikkawża lill-kompetituri minn tal-inqas effikaċja daqs l-appellanti, tista’ fiha nniffisha, tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali bl’ebda mod ma kellha l-obbligu li barra minn hekk tistabbilixxi li l‑prezzijiet bl-ingrossa tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali jew tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati ma kienu fihom infushom saħansitra abbużivi minħabba, skont il-każ, in-natura eċċessiva jew ta’ sfruttament tagħhom.

    184    Minn dan jirriżulta li l-ilment tal-appellanti bbażat fuq in-natura żbaljata tal-kriterju adottat mill-Qorti Ġenerali biex jiġi kkonstatat abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    185    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

    c)     Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, dwar in-natura adegwata tal-metodu ta’ kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    186    L-appellanti ssostni li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-metodu użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn bosta żbalji ta’ liġi billi l-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, fir-rigward ta’ bosta aspetti ċentrali tal-kwistjoni, fuq kriterji li mhumiex kompatibbli mal-Artikolu 82 KE. F’dan il-kuntest l-appellanti tqajjem żewġ ilmenti bbażati, minn naħa, fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja u, min-naħa l-oħra, fuq żball ta’ liġi billi s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet u s-servizzi l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    i)     Fuq l-ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja

    –       L-argumenti tal-partijiet

    187    L-appellanti ssostni li, jekk jitqies li hija teskludi li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, bħala impriża f’pożizzjoni dominanti, l-appellanti mhijiex suġġetta għall-istess kundizzjonijiet leġiżlattivi bħall-kompetituri tagħha u li, għal raġunijiet materjali, is-sitwazzjoni kompetittiva tagħha hija differenti minn dik tal-kompetituri tagħha, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja għall-fatti ta’ din il-kawża, liema kriterju jirreferi għat-tariffi u għall-ispejjeż tal-impriża dominanti.

    188    Skont l-appellanti, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 188 tas-sentenza appellata, mhijiex is-sitwazzjoni tal-impriża dominanti li hija determinanti għall-evalwazzjoni ta’ aġir mill-perspettiva tal-Artikolu 82 KE, iżda dik tal-kompetituri u l-possibbiltà tagħhom li jikkompetu ma’ din l-impriża għas-servizzi, b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet partikolari tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

    189    F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li, ċertament, is-sitwazzjoni tal-impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tkun indikatur affidabbli meta l-kundizzjonijiet kompetittivi storiċi, materjali u ġuridiċi fis-suq ikunu identiċi għall-impriża f’pożizzjoni dominanti u għall-kompetituri ta’ din tal-aħħar, fejn il-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja jista’ f’dan il-każ jikkostitwixxi strument utli sa fejn inaqqas il-promozzjoni ta’ kompetituri mhux effikaċja u jżid iċ-ċertezza legali għall-impriża f’pożizzjoni dominanti. Madankollu dan mhuwiex il-każ ladarba l‑kompetituri jkunu suġġetti għal kundizzjonijet ġuridiċi jew meterjali differenti. Jekk it-tali sitwazzjoni tirriżulta, jkollu jiġi aġġustat il-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja.

    190    Issa, f’dan il-każ, l-appellanti tosserva li hija kienet marbuta taċċetta l-abbonati kollha indipendentement min-natura attraenti ekonomika tagħhom. Barra minn hekk, mill-aspett legali, hija kellha l-obbligu li toffri lill-klijenti tagħha l-għażla (minn qabel) tal-operatur permezz tal-għażla minn qabel, jiġifieri l-għażla fit-tul tal-operatur, li tissejjaħ “call-by-call”, jiġifieri l-għażla tal-operatur skont il-każ partikolari. Il-kompetituri tagħha mhumiex suġġetti għal dawn l-obbligi u jeskludu, b’mod ġenerali, l-għażla (minn qabel) tal-operatur, biex b’hekk jiġu kkummerċjalizzati l-konnessjonijiet u l-komunikazzjonijiet bħala prodott uniku.

    191    Ir-rikorrenti tqis li, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja jmissu ġie aġġustat. Għalkemm kien possibbli, biex jiġu ddeterminati l-ispejjeż u d-dħul medju tal-kompetituri tagħha, li tibbaża ruħha fuq it-tariffi bl-ingrossa tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u t-tariffi bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati kif ukoll fuq l‑ispejjeż speċifiċi tal-prodotti tal-appellanti, min-naħa l-oħra, mhuwiex ġustifikat li tibbaża ruħha fuq l-istruttura tal-klijentela ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, kien neċessarju li fl-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jiġu integrati l‑komunikazzjonijiet kif ukoll servizzi oħra ta’ telekomunikazzjonijiet.

    192    Skont l-appellanti, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jimponix li jiġu kkunsidrati b’mod żbaljat l-anomaliji li jirriżultaw mill-aspett tal-istruttura tal-klijentela ta’ din tal-aħħar jew id-differenzi bejn il-kundizzjonijiet leġiżlattivi li fihom l-impriża f’pożizzjoni dominanti u l-kompetituri tagħha jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom.

    193    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-appellanti ma tistax tiddefendi ruħha billi ssostni li hija ma kinitx effikaċja daqs il-kompetituri tagħha peress li l-liġi tal-kompetizzjoni ma tipproteġix l-impriżi li mhumiex effikaċja. L-argumentazzjoni tal-appellanti għaldaqstant mhijiex fondata.

    194    Vodafone issostni li dan l-ilment huwa inammissibbli. L-appellanti fil-fatt tirrepeti l-argumentazzjoni li hija invokat quddiem il-Qorti Ġenerali matul il-proċeduri quddiem il-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija essenzjalment tqajjem ilmenti li mhumiex suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, il‑kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja jikkostitwixxi kriterju xieraq biex jiġi vverifikat jekk aġir jistax iwassal għal effetti ta’ esklużjoni mis-suq. Għaldaqstant l-argumenti tal-appellanti huma infondati.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    195    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni Vodafone, dan l-ilment, anki jekk itenni parti mill-argumentazzjoni ppreżentata fl-ewwel istanza, hija ammissibbli peress li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, billi rrikorriet għall-kriterju tal-kompetituri daqstant effikaċja meta l-appellanti mhijiex suġġetta għall-istess kundizzjonijiet legali u materjali bħall-kompetituri tagħha, adottat kriterju ġuridiku żbaljat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għall-prattiki tariffarji inkwistjoni u, għaldaqstant, talli wettqet żball ta’ liġi fuq dan il-punt.

    196    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 186 tas-sentenza appellata, u hekk kif jirriżulta wkoll mill-punti 4 u 12 ta’ din is-sentenza, il-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata tikkonsisti fl-eżami ta’ jekk hemmx probabbiltà li l-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti jeskludux mis-suq operatur ekonomiku effikaċja daqs din l-impriża billi tibbaża ruħha biss fuq it‑tariffi u l-ispejjeż ta’ din tal-aħħar, u mhux fuq is-sitwazzjoni speċifika tal-kompetituri tagħha, attwali jew potenzjali.

    197    F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta fil-punt 169 ta’ din is-sentenza, l-ispejjeż tal-appellanti ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali biex tiġi ddeterminata n‑natura abbużiva tal-prattiki tariffarji tagħha meta d-differenza bejn il‑prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati kienet pożittiva. Fit-tali każ, fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-prattiki tariffarji setgħu ġustament jiġu kkunsidrati bħala inġusti mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 82 KE peress li l-imsemmija differenza kienet insuffiċjenti biex jiġu koperti l-ispejjeż speċifiċi tal-prodotti tal-appellanti għall-provvista tas-servizzi tagħha stess.

    198    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, biex jiġi evalwat jekk il-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti jistgħux jeliminaw kompetitur bi ksur tal-Artikolu 82 KE, għandu jiġi adottat kriterju bbażat fuq l‑ispejjeż u fuq l-istrateġija tal-impriża dominanti nnifisha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq AKZO vs Il‑Kummissjoni, punt 74, u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 108).

    199    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li impriża dominanti ma tistax fil-fatt teskludi mis-suq impriżi li possibbilment huma wkoll effikaċja daqsha, iżda li, minħabba l-kapaċità finanzjarja żgħira tagħhom, mhumiex kapaċi li jirreżistu għall-kompetizzjoni li ssir fil-konfront tagħhom (ara s-sentenza AKZO vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

    200    F’dan il-każ, billi n-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji inkwistjoni fis-sentenza appellata, hekk kif jirriżulta mill-punti 178 u 183 ta’ din is-sentenza, jirriżultaw bl-istess mod mill-effett ta’ esklużjoni tagħhom għall-kompetituri tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 193 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża l-analiżi tagħha dwar in-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji tal-appellanti biss b’referenza għat-tariffi u għall-ispejjeż tagħha.

    201    Fil-fatt, hekk kif ikkonstatat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punti 187 u 194 tas-sentenza appellata, billi tali kriterju jippermetti li jiġi vverifikat jekk l‑appellanti nnifisha kinitx f’pożizzjoni li tipproponi s-servizzi tagħha bl-imnut għall-abbonati mingħajr ma tagħmel telf, jekk hija ġiet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, dan kien utli biex jiġi ddeterminat jekk il-prattiki tariffarji tal-appellanti kellhomx effett ta’ esklużjoni fil-konfront tal-kompetituri permezz tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    202    It-tali approċċ huwa barra minn hekk ġustifikat billi, hekk kif indikat il-Qorti Ġenerali essenzjalment fil-punt 192 tas-sentenza appellata, hija wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-impriża dominanti jippermettilha, fid-dawl tar-responsabbiltà partikolari li għandha skont l-Artikolu 82 KE, tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha stess. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti għandha għarfien dwar l-ispejjeż u t‑tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju hija ma tafx x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha.

    203    Dawn il-konstatazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati permezz taċ-ċirkustanza allegata mill-appellanti li ssostni li l-kompetituri tagħha huma suġġetti għal kundizzjonijiet legali u materjali inqas onerużi biex jipprovdu s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet tagħhom lill-abbonati. Fil-fatt, li kieku wieħed kellu jassumi li din iċ-ċirkustanza ġiet stabbilita, l-istess ċirkustanza xorta waħda ma tasalx ikollha inċidenza fuq il-fatt li impriża dominanti, bħall-appellanti, ma tistax tadotta prattiki tariffarji li jeskludu lil kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċja mis-suq ikkonċernat u lanqas fuq il-fatt li t-tali impriża għandha, fid-dawl tar-responsabbiltà partikolari tagħha skont l-Artikolu 82 KE, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina waħedha jekk il-prattiki tariffarji tagħha humiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

    204    Għaldaqstant l-ilment tal-appellanti bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja għandu jiġi miċħud.

    ii)  Fuq l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi billi s-servizzi ta’ komunikazzjoni u s‑servizzi l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

    –       L-argumenti tal-partijiet

    205    Permezz ta’ dan l-ilment, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tal-prattika tal-prezzijiet inkwistjoni, minbarra servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, servizzi ta’ komunikazzjoni u servizzi oħra ta’ telekomunikazzjonijiet pprovduti lilhom. Dan il‑metodu ma ħuwiex kompatibbli, la max-xjenza ekonomika attwali u lanqas mal-prassi deċiżjonali ta’ awtoritajiet oħra kompetenti fl-Ewropa jew fl-Istati Uniti. Hija tinsab ukoll f’kontradizzjoni mas-sitwazzjoni reali tas-suq, billi la l-abbonati fil-kuntest tal-għażla tal-operatur tagħhom u lanqas l-operaturi meta jfasslu l‑offerta tagħhom ma jikkunsidraw il-konnessjonijiet b’mod iżolat.

    206    Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni f’dan il-kuntest li, mill-perspettiva ekonomika, l-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jipprovdi indikazzjonijiet fuq ostaklu għall-kompetizzjoni biss meta din tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul u l‑ispejjeż kollha marbuta mal-provvista ta’ servizzi intermedjarji. Fil-fatt, fil-każ ta’ impriżi li joffru bosta prodotti li jipproponu servizzi intermedjarji li jistgħu jintużaw għal varjetà ta’ servizzi għall-abbonati, ikun opportun li ssir l-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fuq diversi livelli ta’ aggregazzjoni. F’dan il‑każ, l-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet adottata mill-Qorti Ġenerali hija għaldaqstant inkompleta. Issa, il-kompetituri tal-appellanti għandhom id-dritt jeskludu s-selezzjoni (minn qabel) tal-operaturi u li joffru b’mod kollettiv konnessjonijiet, komunikazzjonijiet kif ukoll servizzi oħra pprovduti permezz tan-netwerk lokali.

    207    Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-punti 196 sa 202 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq bosta żbalji ta’ liġi. Il-punt dwar jekk, fil-kuntest tal-konstatazzjoni ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni kellhiex raġun li ma tiħux inkunsiderazzjoni tariffi tal-komunikazzjonijiet jiddependi mill-kwistjoni ġuridika tal-prinċipju li jikkonċerna l-metodu li għandu jintuża biex tiġi ddeterminata l‑eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fil-każ ta’ impriżi li joffru numru ta’ prodotti. Il-Qorti Ġenerali ma tistax tissuġġetta ruħha għal din l‑evalwazzjoni billi tenfasizza n-natura ristretta tal-istħarriġ tagħha.

    208    L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata li jikkonċernaw il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni dwar ir-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet huma legalment żbaljati.

    209    Qabel kollox, l-appellanti tqis li s-sentenza appellata hija f’dan ir-rigward f’kontradizzjoni mal-punt 113 ta’ din is-sentenza, li fiha l-Qorti Ġenerali, sabiex timmotiva l-attribuzzjoni tal-ksur lill-appellanti, enfasizzat li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni dwar is-settur tat-telekomunikazzjonijiet jistgħu jkunu differenti meta mqabbla ma’ dawk tal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Issa, fil-punti 196 u 197 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali tislet minn prinċipju leġiżlattiv li analiżi distinta tas-servizzi ta’ aċċess u tas-servizzi ta’ komunikazzjoni hija meħtieġa għall-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fid-dawl tal-Artikolu 82 KE.

    210    Sussegwentement, l-appellanti ssostni li l-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata mhumiex immotivati biżżejjed billi l-Qorti Ġenerali ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom il-fehma tagħha hija korretta u ma teżaminax l-oġġezzjonijiet imqajma minnha, b’mod partikolari l-fatt li l-prinċipju ta’ ristrutturazzjoni tal-prezzijiet japplika ruħu biss għaliha stess u li l-kompetituri tagħha joffru b’mod kollettiv is‑servizzi ta’ aċċess u ta’ komunikazzjoni.

    211    Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata huma materjalment żbaljati u jiksru l-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, minn naħa, il-prinċipju tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet ma jipprovdix kriterju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, iżda huwa intiż biss sabiex l-Istati Membri jħaffu mill-piż finanzjarju tal-impriżi responsabbli mill-provvista ta’ servizz universali. Min-naħa l-oħra, billi l-appellanti mhijiex suġġetta għall-istess kundizzjonijiet leġiżlattivi bħall-kompetituri tagħha, il-prinċipju ta’ ristrutturazzjoni tal-prezzijiet tapplika biss għall-appellanti nnifisha. Min-naħa l-oħra dan il-prinċipju ma jsemmi xejn dwar il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni tal-kompetituri tagħha. B’hekk il-prinċipju ta’ ristrutturazzjoni tal-prezzijiet ma jsostnix il-konklużjoni tal-esklużjoni, għal raġunijiet leġiżlattivi, ta’ kkollettivizzar tas-servizzi ta’ aċċess u tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet marbutin man-netwerk lokali fid-dawl tal-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    212    It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-punti 199 sa202 tas-sentenza appellata dwar opportunitajiet indaqs huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

    213    Qabel kollox, l-appellanti tqis li l-punt 199 tas-sentenza appellata mhijiex immotivata biżżejjed skont il-liġi peress li l-Qorti Ġenerali jmissha eżaminat il‑kwistjoni dwar liema servizzi huma bbażati fuq in-netwerk lokali bħala servizzi intermedjarji, billi huwa biss mir-riżultat ta’ dan l-eżami li l-Qorti Ġenerali setgħet tislet konklużjonijiet fir-rigward tal-opportunitajiet indaqs bejn l-appellanti u kompetitur jew ieħor. Fil-fatt, l-opportunitajiet indaqs jiġu żgurati meta analiżi globali tat-tariffi kollha u tal-ispejjeż kollha ta’ telekomunikazzjonijiet ibbażati fuq in-netwerk lokali turi li l-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali miżjuda bl-ispejjeż speċifiċi tal-prodotti ma jaqbżux il-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    214    Sussegwentement, l-appellanti tallega li li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-liġijiet tal-loġika. Fil-fatt, din tal-aħħar titlaq mill-prinċipju, fil-punt 238 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma tbati minn ebda telf dovut għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ konnessjonijiet telefoniċi lil abbonati u li, għaldaqstant, hija ma għandhiex l-obbligu li tpaċi permezz ta’ dħul derivanti minn komunikazzjonijiet. Issa, il-Qorti Ġenerali tqis li l-prezzijiet tas-servizzi ta’ aċċess tal-appellanti għall-abbonati tagħha huma inferjuri għall-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u tirrikonoxxi li dawn huma ffissati skont l-ispejjeż tal-appellanti. It-teżi tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-appellanti ma tinkorri ebda spiża għal servizzi ta’ aċċess hija għaldaqstant manifestament żbaljata u inkompatibbli mal-premessi kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali.

    215    Barra minn hekk, l-appellanti tallega li l-espożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 202 tas-sentenza appellata, hija kontradiċenti. Fil-fatt, il-perspettiva li tgħid li l-kompetituri tagħha kellhom japplikaw tariffi ta’ komunikazzjoni iktar baxxi mit-tariffi tagħha biex klijenti potenzjali jiġu inċentivati jxolju l-abbonament tagħhom magħha tinsab f’kontraddizzjoni diretta mal-kriterju tal-komeptitur daqstant effikaċja li jgħid li hija biss l-istruttura tal-ispejjeż u tat-tariffi tal-appellanti li hi determinanti.

    216    Fl-aħħar net, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju legali żbaljat fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova sa fejn, fil-punti 201 u 202 tas-sentenza appellata, hija ssostni sempliċement li “ma jistax jiġi eskluż” li l-kompetituri ma kellhomx possibbiltà jpaċu telf eventwali ġġenerat minn konnessjonijiet telefoniċi permezz ta’ dħul derivanti minn komunikazzjonijiet, filwaqt li l-appellanti kellha l-intenzjoni li tipprova, fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, li kien possibbli li jsir sussidju trażversali.

    217    Il-Kummissjoni tqis li mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi l-Qorti Ġenerali kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni fil-punti 195 sa 207 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant hija tikkonkludi li l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda.

    218    Vodafone issostni li dan l-ilment huwa inammissibbli. L-appellanti fil-fatt terġa’ ttenni l-argumentazzjoni li hija invokat quddiem il-Qorti Ġenerali u matul il‑proċeduri quddiem il-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija tqajjem essenzjalment ilmenti li mhumiex suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali eżaminat biżżejjed l-ilmenti tal-appellanti.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    219    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni Vodafone, u għall-istess raġunijiet bħal dawk ikkonstatati fil-punt 155 ta’ din is-sentenza, dan l-ilment, anki jekk jerġa’ jtenni parzjalment l-argumentazzjoni ppreżentata fl-ewwel istanza, huwa ammissibbli billi huwa intiż sabiex jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli adottat, billi rrikorriet għall-kriterji tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet u tal-opportunitajiet indaqs, kriterju legali żbaljat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għall-prattiki tariffarji inkwistjoni.

    220    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura allegatament inkompleta tal-analiżi tal-pressjoni fuq il‑marġni tal-prezzijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali minħabba li hija tikkunsidra b’mod żbaljat li l-aċċess għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali jippermetti lill-kompetituri jipproponu lill-abbonati tagħhom offerta kollettiva ta’ servizzi li jinkludu b’mod partikolari l-komunikazzjonijiet, dan l-ilment jibbaża ruħu fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.

    221    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-punti 199 u 200 ta’ din is-sentenza, il‑Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eskludiet, bil-kontra ta’ dak li ssostni l‑appellanti, li, mill-perspettiva tal-abbonat, is-servizzi ta’ aċċess u ta’ komunikazzjoni jistgħu effettivament jikkostitwixxu ħaġa waħda, iżda kkunsidrat li, anki li kieku dan kellu jkun il-każ, il-Kummissjoni kellha raġun billi eżaminat l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet biss mill-perspettiva tas-servizzi ta’ aċċess mingħajr ma tinkludi s-servizzi ta’ komunikazzjoni. Hekk kif jirriżulta mill-punti 196 sa 201 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali siltet din il-konklużjoni, b’mod partikolari, mill-eżami mwettaq mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ ristrutturazzjoni tal-prezzijiet u ta’ opportunitajiet indaqs.

    222    Minn dan jirriżulta li dan l-ilment għandu, f’dan il-kuntest, jiġi miċħud bħala infondat.

    223    Fit-tieni lok, sa fejn dan l-ilment huwa bbażat fuq il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-prinċipju tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi ħadet tali prinċipju inkunsiderazzjoni, fil-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata, derivanti mil-leġiżlazzjoni relatata mas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, biex teżamina l-fondatezza tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 82 KE għall-prattiki tariffarji tal-appellanti.

    224    Fil-fatt, billi l-leġiżlazzjoni relatata mas-settur tat-telekomunikazzjonijiet tiddefinixxi l-qafas legali applikabbli għal dan is-settur u li, b’hekk tikkontribwixxi biex jiġu determinati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li fihom impriża bħall-appellanti teżerċita n-negozju tagħha fis-swieq ikkonċernati, hija tikkostitwixxi, hekk kif diġà rriżulta mill-punti 80 sa 82 ta’ din is-sentenza, element rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għall-aġir adottat minn din l-impriża, kemm jekk biex tiddefinixxi s-swieq ikkonċernati, biex tevalwa n‑natura abbużiva ta’ tali aġir jew ukoll biex tiffissa l-ammont tal-multi.

    225    Din il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata mill-fatt, allegat mill-appellanti, li l‑prinċipju tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet japplika biss għaliha nnifisha u mhux għall-kompetituri tagħha. Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 196 sa 203 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament, sabiex tiddetermina n-natura abbużiva fir-rigward tal-Artikolu 82 KE tal-prattiki tariffarji inkwistjoni, ibbażat ruħha, skont il-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċja, fuq is‑sitwazzjoni u l-ispejjeż tal-impriża dominanti.

    226    B’hekk, billi l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, mingħajr mal-appellanti tikkontestaha fil-kuntest ta’ dan l-appell, li r-ristrutturazzjoni mill-ġdid tal-prezzijiet intiż mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet kellu jsir, b’mod partikolari, permezz ta’ tnaqqis fit-tariffi tal-komunikazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u permezz ta’ żieda fl-abbonament ta’ kull xahar u tal-prezz tal-komunikazzjonijiet lokali, hija setgħet ukoll tislet minn dan, fil-punt 197 ta’ din is-sentenza, li t-teħid inkunsiderazzjoni separat tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess u tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ komunikazzjoni għall-konstatazzjoni tan-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji inkwistjoni tal-appellanti tinsab fil-prinċipju tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet.

    227    Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, ma teżisti ebda kontradizzjoni ta’ raġunijiet bejn dawn l-aħħar konstatazzjonijiet u dawk li jinsabu fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-settur tat-telekomunikazzjonijiet jista’ jkollha għanijiet differenti minn dawk tal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Fil-fatt, tali ċirkustanza ma għandhiex relazzjoni mal-punt dwar jekk il-leġiżlazzjoni dwar is-settur tat-telekomunikazzjonijiet tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għall-aġir ta’ impriża dominanti. B’mod partikolari, hija bl-ebda mod ma timplika, bil-kontra ta’ dak li tassumi l-appellanti, li din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi totalment injorata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE.

    228    L-appellanti hija wkoll żbaljata meta ssostni li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx biżżejjed is-sentenza appellata fuq dan il-punt. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-eżami preċedenti, il-Qorti Ġenerali b’mod ċar indikat, fil-punti 196 u 197 ta’ din is-sentenza, fiex il-prinċipju tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet jikkostitwixxi element li jippermetti lill-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni servizzi ta’ komunikazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 221 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ttrattat, fil-punti 199 u 200 tas-sentenza appellata, l-argument tal-appellanti li jgħid li l-kompetituri tagħha joffru b’mod kollettiv is-servizzi tagħhom ta’ aċċess u ta’ komunikazzjoni. Bl-istess mod, hija esponiet, fil-punti 186 sa 194 ta’ din is‑sentenza, il-motivi li għalihom il-Kummissjoni setgħet tibbaża l-analiżi tagħha tan-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji inkwistjoni biss b’referenza għas-sitwazzjoni speċifika tal-appellanti. B’hekk, il-Qorti Ġenerali osservat ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huma applikabbli għaliha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u l‑Artikolu 81 tar-Regoli tal-proċedura tagħha, hekk kif jissemmew fil-punti 135 u 136 ta’ din is-sentenza.

    229    Minn dan jirriżulta li, fuq dawn il-punti differenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    230    Fit-tielet lok, sa fejn dan l-ilment jirreferi għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-opportunitajiet indaqs, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġi żgurat li d-diversi operaturi ekonomiċi jkollhom opportunitajiet indaqs (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1991, GB‑Inno‑BM, C‑18/88, Ġabra p. I‑5941, punt 25; tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria, C‑462/99, Ġabra p. I‑5197, punt 83; tal-20 ta’ Ottubru 2005, ISIS Multimedia Net u Firma O2, C‑327/03 u C‑328/03, Ġabra p. I‑8877, punt 39, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 51).

    231    F’dan il-każ, l-appellanti ma tikkontestax il-fatt li, hekk kif ikkonstatat essenzjalment il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 199 kif ukoll 236 u 237 tas-sentenza appellata, fin-nuqqas ta’ infrastruttura alternattiva, l-aċċess tal-kompetituri għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali fuq in‑netwerk fiss tal-appellanti huwa indispensabbli biex dawn ikunu jistgħu jidħlu b’mod vijabbli fis-swieq bl-imnut tas-servizzi għall-abbonati biex fihom jikkompetu b’mod effettiv mal-appellanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103).

    232    Barra minn hekk, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma tikkontestax il-fatt li kemm is-suq bl-ingrossa tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, kif ukoll is-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati jikkostitwixxu t-tnejn li huma swieq separati, b’mod partikolari meta mqabbla mas-swieq bl-imnut li jikkonċernaw il-provvista ta’ servizzi oħra ta’ telekomunikazzjonijiet. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 51 ta’ din is‑sentenza, l-appellanti lanqas ma tikkontesta l-fatt li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    233    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 199 u 237 tas-sentenza appellata, li l-opportunitajiet indaqs jimplikaw li l-appellanti u l-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċja jitqiegħdu fl-istess pożizzjoni fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u li dan mhuwiex il-każ jekk il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mħallsa lill-appellanti jista’ jkollhom inċidenza fuq il‑prezzijiet bl-imnut tagħhom għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati biss jekk joffru dawn is-servizzi b’telf.

    234    Fil-fatt, peress li s-suq bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati jikkostitwixxi suq separat kif ukoll li s-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma indispensabbli għal kompetituri minn tal-inqas effikaċja daqsha biex jidħlu effettivament f’kompetizzjoni f’dan is-suq flimkien ma’ impriża li, bħall-appellanti, għandha pożizzjoni dominanti fl-istess suq, fil-biċċa l‑kbira minħabba l-monopolju legali li hija kellha qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, it-twaqqif ta’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta tirrikjedi li din l-impriża dominanti, permezz tal-prattiki tariffarji tagħha f’dan is-suq bl-imnut, ma timponix żvantaġġ kompetittiv fuq il-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċja tali li jipprekludi jew jirrestrinġi l-aċċess għal dan is-suq jew l-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom fuq dan is-suq.

    235    Dan huwa b’mod partikolari l-każ billi, peress li l-provvista eventwali minn dawn il-kompetituri ta’ servizzi oħra ta’ telekomunikazzjonijiet lill-abbonati permezz tan-netwerk fiss tar-rikorrenti teżiġi wkoll l-akkwist tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mingħandha, dan l-iżvantaġġ kompetittiv fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati jkollu neċessarjament inċidenza, hekk kif osservat il-Qorti Ġenerali essenzjalment fil-punt 199 tas-sentenza appellata, fis-swieq marbuta ma’ dawn is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet oħra.

    236    Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, din l-aħħar ċirkustanza madankollu ma timplikax li d-dħul derivanti minn dawn is-servizzi l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi eżaminat jekk il-kompetituri minn tal-inqas effikaċja daqs l-appellanti jinsabux f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fil-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Fil-fatt, dawn is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet l-oħra jaqgħu fi swieq distinti meta mqabbla ma’ dan l‑aħħar suq. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ġustament, fil-punt 199 tas-sentenza appellata, ma inkludithomx fl-analiżi tagħha għall-finijiet tal-eżami dwar jekk l‑opportunitajiet indaqs ġewx irrispettati fis-suq ikkonċernat.

    237    L-appellanti żbaljat ukoll billi invokat nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt. Fil-fatt, ir-raġunament mill-Qorti Ġenerali fil-punti 199 u 237 tas-sentenza appellata ma huwa vvizzjat b’ebda nuqqas ta’ motivazzjoni peress li jippermetti lill-appellanti, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 135 u 136 ta’ din is‑sentenza, li tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali qieset li l‑opportunitajiet indaqs kellhom jiġu żgurati fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    238    Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ ksur tal-liġijiet tal-loġika, sa fejn mill-punt 238 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq il-premessa żbaljata u kontradiċenti li l-appellanti ma tbatix minn telf fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati li hija għandha tpaċi fis-swieq l-oħra filwaqt li barra minn hekk tikkonstata li l-prezzijiet bl-imnut tal-appellanti għal dawn is-servizzi huma inferjuri għall-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali ffissati abbażi tal-ispejjeż tagħha, din għandha wkoll tiġi miċħuda.

    239    Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont kif ġie indikat fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, il-premessa fattwali ta’ din l-argumentazzjoni ma tistax titqies li ġiet stabbilita fil-kuntest ta’ dan l-appella peress li l-punt dwar jekk il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali humiex konformi mal-ispejjeż tal-appellanti ma jagħmilx parti mill-motivi diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali.

    240    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, billi kkonstatat, fil-punti 199 u 237 tas-sentenza appellata, li l-prattiki tariffarji tal-appellanti fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati jqiegħdu lill-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċja f’pożizzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza meta mqabbla magħha f’dan l-istess suq, li jagħtu lok, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 166 sa 168 u 194 ta’ din is-sentenza, għal pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-imsemmija kompetituri fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess, il-Qorti Ġenerali pprovat b’mod suffiċjenti li l-opportunitajiet indaqs ma ġewx osservati fis-suq ikkonċernat u, għaldaqstant, li sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta ma ġietx żgurata minnha. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali assolutament ma kellhiex l‑obbligu li teżamina barra minn hekk jekk din l-ugwaljanza ġietx irrispettata fi swieq oħra separati, bħal dak tas-servizzi ta’ komunikazzjoni, u, għaldaqstant, jekk setax wara kollox jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 82 KE f’dawn is-swieq. Minn dan jirriżulta li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 238 ta’ din is-sentenza jissemmew għal raġunijiet ta’ kompletezza.

    241    B’hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, din l‑argumentazzjoni tal-appellanti għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

    242    Bl-istess mod, billi huma diretti kontra aggravji diskussi għal raġunijiet ta’ kompletezza, il-kritika tal-appellanti dwar il-punti 201 u 202 tas-sentenza appellata għandhom ukoll jiġu miċħuda. Fil-fatt, fir-rigward tal-punt 238 ta’ din is-sentenza, dawn l-aggravji, introdotti rispettivament bl-espressjonijiet “barra minn hekk” u “fi kwalunkwe każ”, jikkonċernaw ukoll il-kwistjoni inkluża għal raġunijiet ta’ kompletezza tal-miżura li fiha l-prattiki tariffarji inkwistjoni setgħu kellhom inċidenza fuq il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-swieq l-oħra bl-imnut minbarra s-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    243    Minn dan jirriżulta li dan l-ilment għandu, għaldaqstant, fuq dawn il-punti differenti, jiġi miċħud, skont il-każ, bħala ineffettiv jew infondat.

    244    Fl-aħħar nett, barra minn hekk, sa fejn l-appellanti, permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet stħarriġ eċċessivament restrittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża u talli adottat metodu inkompatibbli max-xjenzi ekonomiċi kurrenti, mal-prassi deċiżjonali ta’ awtoritajiet kompetenti oħra u mar-realtajiet tas-suq, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is‑sentenza, dan l-ilment huwa inammissibbli billi ma jidentifikax l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali.

    245    Għaldaqstant it-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiv jew infondat.

    d)     Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju, dwar l-effetti tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

    i)     L-argumenti tal-partijiet

    246    L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet il-fehma tal-Kummissjoni li tgħid li ebda prova ta’ effett antikompetittiv huwa neċessarju. Madankollu, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effetti, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, fil-punt 237 tas-sentenza appellata, fuq pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tieħu biss inkunsiderazzjoni t-tariffi li jikkonċernaw is-servizzi ta’ aċċess. Barra minn hekk, fil-punt 238 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq il‑premessa żbaljata li tgħid li l-kompetituri tal-appellanti huma żvantaġġati meta mqabbla mal-istess appellanti fir-rigward tal-prattiki ta’ sussidji trażversali bejn is-servizzi ta’ aċċess u s-servizzi ta’ komunikazzjoni għall-abbonati.

    247    It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l‑effetti antikompetittivi tal-prattika inkwistjoni huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, fil-punt 239 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tieħu l-ħsieb li tindika li s-sehem mis-suq tal-kompetituri tal-appellanti fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess ‘broadband’ kif ukoll tas-servizzi ta’ aċċess ‘narrowband’ baqgħet dgħajfa mingħajr ma wettqet l-iċken konstatazzjoni dwar ir-rabta kawżali bejn dawn l‑ishma mis-suq u l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Issa, fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, penetrazzjoni bil-mod tas-suq minn operaturi tan-netwerk mhijiex sorprendenti fid-dawl tal-investimenti neċessarji għall-infrastruttura tan-netwerk lokali.

    248    Barra minn hekk, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 240 tas-sentenza appellata, għamlet interpretazzjoni ħażina tal-premessa 182 tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li hija tistabbilixxi tnaqqis mhux fis-sehem mis-suq tal-kompetituri fil-qasam tal-linji analoġiċi, iżda fis-sehem tal-linji analoġiċi fost is‑servizzi kollha ta’ aċċess ipprovduti mill-kompetituri lill-abbonati.

    249    Il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-approċċ tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ neċessità ta’ prova ta’ effett antikompetittiv fil-każ ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Fi kwalunkwe każ, l-ilmenti tal-appellanti huma infondati.

    ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    250    Bil-għan li tiġi eżaminata t-tielet parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 234 sa 244 tas-sentenza appellata, ġustament ċaħdet l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-eżistenza nnifisha ta’ prattika tal-prezzijiet ta’ impriża dominanti li twassal għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċja tikkostitwixxi prattika abbużiva fis-sens tal-Artikolu 82 KE mingħajr ma tkun meħtieġa l-prova ta’ effett antikompetittiv.

    251    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 174 ta’ din is-sentenza, meta jipprojbixxi l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjon dominanti fis-suq sa fejn il-kummerċ bejn Stat Membri jista’ jiġi affettwat minn dan, l‑Artikolu 82 KE jirreferi għall-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li jkollu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi abbażi tal-prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni li tkun għadha teżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni.

    252    Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 235 tas-sentenza appellata, li l-effett antikompetittiv li l-Kummissjoni għandha tipprova, fir-rigward tal-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti li jwasslu għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċja, jirreferi għall-ostakoli eventwali li l-prattiki tariffarji tal-appellanti setgħu kkawżaw fuq l-iżvilupp tal-offerta fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u, għaldaqstant, fuq il-livell ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq.

    253    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta diġà mill-punti 177 u 178 ta’ din is-sentenza, prattika tal-prezzijiet, bħal dik inkwistjoni fis-sentenza appellata, adottata minn impriża dominanti, bħall-appellanti, tikkostitwixxi prattika abbużiva fis-sens tal-Artikolu 82 KE, peress li, billi tipproduċi effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri minn tal-inqas effikaċja daqsha permezz tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tagħhom, tista’ tagħmilha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibli, li jkun hemm aċċess għas-suq ikkonċernat min-naħa tal-kompetituri tagħha u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fuq l-istess suq, b’detriment għall-interessi tal-konsumaturi.

    254    Huwa minnu li, meta impriża dominanti effettivament timplementa prattika tal-prezzijiet li twassal għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċja fejn l-għan ta’ din il-prattika hija li teskludi lil dawn il-kompetituri mis-suq ikkonċernat, iċ-ċirkustanza li r-riżultat mixtieq, effettivament, ma jinkisibx ma jistax jeskludi l-kwalifika bħala abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Madankollu, fin-nuqqas ta’ l-iċken effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri, prattika tal-prezzijiet bħal dik inkwistjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala prattika ta’ esklużjoni meta d-dħul ta’ dawn il-kompetituri fis-suq ikkonċernat ma jsirx iktar diffiċli minħabba din il-prattika.

    255    F’dan il-każ, peress li, kif ġie diġà kkonstatat fil-punt 231 ta’ din is-sentenza, is‑servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali pprovduti mill-appellanti huma indispensabbli għall-kompetituri tagħha biex jippenetraw b’mod effikaċja fis-swieq bl-imnut ta’ provvista ta’ servizzi lill-abbonati, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet fil-punt 237 tas-sentenza appellata, kif diġà jirriżulta mill-punti 233 sa 236 ta’ din is-sentenza, li pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, li tirriżulta mid-differenza bejn il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali u l-prezzijiet bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, bħala prinċipju tostakola l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-swieq bl-imnut tas-servizzi għall-abbonati, peress li kompetitur effikaċja daqs l‑appellanti jista’ jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati biss jekk ibati telf.

    256    Issa, l-appellanti ma kkontestatx din l-aħħar konstatazzjoni. Għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 233 sa 236 ta’ din is-sentenza, l-ilment li f’dan il-kuntest huwa mislut min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul derivanti mill-provvista eventwali ta’ servizzi oħra ta’ telekomunikazzjonijiet għall-abbonati għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fir-rigward ta’ dak li jirreferi għall-punt 238 tas-sentenza appellata, dwar il-possibbiltà ta’ sussidju trażversali, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv għar-raġunijiet indikati fil-punti 238 sa 241 ta’ din is-sentenza.

    257    Barra minn hekk, fil-punt 239 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fid-dawl tal-fatt li, fin-nuqqas ta’ allegazzjoni ta’ żnaturament, hija hi waħedha li għandha l-kompetenza tagħmel dan, li “l-ishma żgħar tas-suq miksuba mill-kompetituri […] fuq is-suq [bl-imnut] tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, mil-liberalizzazzjoni tas-suq permezz tad-daħla fis-seħħ tat-TKG, fl-1 ta’ Awwissu 1996, huma xhieda ta’ l-ostakoli li l-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti ħolqot għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq dawn is-swieq”. F’dan il-kuntest, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, mill-espressjoni “ħolqot” jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat rabta kawżali bejn il-prattiki tariffarji tal-appellanti u l‑ishma żgħar tas-suq miksuba mill-kompetituri. L-ilment tal-appellanti fuq dan il‑punt għaldaqstant huwa infondat.

    258    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 244 ta’ din is-sentenza, li lanqas ma ġie kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-appellanti ma kienet ressqet ebda prova li tinvalida l-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kontenzjuża, li jgħidu li l-prattiki tariffarji tagħha jostakolaw effettivament il‑kompetizzjoni fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    259    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet stabbiliet li l-prattiki tariffarji inkwistjoni tal-appellanti kkawżaw effetti konkreti ta’ esklużjoni għall-kompetituri minn tal-inqas effikaċja daqsha.

    260    Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-kritika fformulata mill-appellanti fid-dawl tal-punt 240 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, minkejja li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-kuntest, wettqet interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża, dan l‑iżball huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ dan l-appell peress li tirreferi fuq aggravju mressaq għal raġunijiet ta’ kompletezza insostenn, b’mod partikolari, tal-punti 237 sa 239 ta’ din is-sentenza, fejn jirriżulta mill-eżami preċedenti li huma suffiċjenti biex jiġi pprovat li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-prattika tal-prezzijiet inkwistjoni pproduċiet effetti ta’ esklużjoni fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    261    B’hekk, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

    e)     Konklużjoni fuq it-tieni aggravju

    262    Miċ-ċirkustanzi kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    4.     Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fil-kalkolu tal-multi minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet

    a)     Sentenza appellata

    263    Fil-punti 306 sa 321 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi tal-appellanti, rispettivament ibbażati fuq it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet fil-kalkolu tal-ammont tal-multa u tat-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti taċ-ċirkustanzi attenwanti.

    264    Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dan li ġej, fil-punti 310 sa 313 tas-sentenza appellata:

    “310      Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il‑Kummissjoni setgħet tikkwalifika bħala gravi l-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001 […]. Fil-fatt, il-prattika tat-tariffi kkritikata ssaħħaħ il-barrieri għad-dħul fuq is-swieq reċentement liberalizzati u tqiegħed b’hekk fil-perikolu l-funzjonament tajjeb tas-suq komuni. Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-linji gwida [dwar il‑metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-‘linji gwida’)] (it-tieni paragrafu tal-punt 1 A) jikkwalifikaw l-imġiba ta’ esklużjoni minn impriża f’pożizzjoni dominanti bħala ksur gravi, saħansitra bħala ksur gravi ħafna meta tkun involuta impriża f’sitwazzjoni ta’ kważi‑monopolju.

    311      Fir-rigward ta’ l-intervent tar-RegTP fl-iffissar tat-tariffi tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, fid-determinazzjoni tal-grad tal-penali, l-imġiba ta’ l‑impriża kkonċernata tista’ tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanza attenwanti kkostitwita mill-kuntest legali nazzjonali […]

    312      Matul is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li t-tnaqqis fil-multa ta’ 10 % li ngħata sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni tal-fatt li “l-prezzijiet bl-imnut [għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati] u l-prezzijiet [bl-ingrossa] tas-servizzi intermedjarji [ta’ aċċess għan-netwerk lokali tar-rikorrenti] […] huma […] suġġettu għal regolazzjoni settorjali fuq livell nazzjonali” (deċiżjoni [kontenzjuża], punt 212) huwa relatat ma’ l-intervent tar-RegTP fl-iffissar tal-prezzijiet tar-rikorrenti u maċ-ċirkustanza li din l-awtorità nazzjonali, għal diversi drabi matul il-perijodu msemmi fid-deċiżjoni [kontenzjuża], eżaminat il-kwistjoni ta’ l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il‑marġni li tirriżulta mill-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti.

    313      Fir-rigward tal-marġni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa […], għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni ħadet debitament in kunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punt preċedenti billi naqqset l-ammont bażiku tal-multa b’10 %.”

    265    Sussegwentement il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 315 sa 320 tas-sentenza appellata, l-argumentazzjoni tal-appellanti li tgħid li, bħal fil-każ tal-impriża dominanti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/892/KE, tal-25 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (COMP/C‑1/36.915 – Deutsche Post AG – Interċezzjoni ta’ posta transkonfinali) (ĠU L 331, p. 40, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Deutsche Post”), il-Kummissjoni jmissha imponitilha multa simbolika.

    266    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, iddeċidiet dan li ġej fil-punti 317 sa 319 tas-sentenza appellata:

    “317      […] għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija fundamentalment differenti mis-sitwazzjoni ta’ l-impriża kkonċernata fid-deċiżjoni Deutsche Post.

    318      Fil-fatt, [mi]d-deċiżjoni Deutsche Post, […] jirriżulta li l-Kummissjoni qieset adegwat li timponi biss multa simbolika fuq l-impriża kkonċernata minn din id-deċiżjoni għal tliet motivi: l-ewwel, l-impriża kkonċernata kienet ġabet ruħha b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi; it-tieni, ma kienx hemm ġurisprudenza Komunitarja li tirrigwarda speċifikament is-servizzi ta’ posta transkonfinali kkonċernati, u t-tielet, l‑impriża kkonċernata kienet ħadet ir-responsabbiltà li tistabbilixxi ‑-diffikultajiet prattiċi u, jekk ikun il-każ, li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ ostakoli futuri għal-kompetizzjoni libera.

    319      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-unika sentenza tal-qrati Ġermaniżi li għaliha tirreferi r-rikorrenti hija s-sentenza ta’ l‑Oberlandesgericht Düsseldorf, li ngħatat fis-16 ta’ Jannar 2002, jiġifieri matul il-perijodu li matulu l-ksur ġie kkwalifikat bħala mhux gravi ħafna mid-deċiżjoni [kontenzjuża] […]. F’kull każ, din is-sentenza ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof ta’ l-10 ta’ Frar 2004. It-tieni nett, mid-deċiżjoni [kontenzjuża] […] jirriżulta li l-Kummissjoni applikat l‑istess prinċipji bħal dawk li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni [88/518/KEE tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Lulju 1988, dwar proċedura skont l-Artikolu [82] tat-Trattat KEE (IV/30.178 – Napier Brown – British Sugar) (ĠU C 284, p. 41)]. Issa, fil-komunikazzjoni tat-22 ta’ Awwissu 1998 dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni għall-ftehim ta’ aċċess fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet – Kuntest ġenerali, swieq ikkonċernati u prinċipji [ĠU C 265, p. 2] (punti 117 sa 119), il-Kummissjoni kienet diġà ħabret li hija kienet qed tikkunsidra tapplika l-prinċipji tad-deċiżjoni [88/518] fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. […] Fl-aħħar, it-tielet nett, ir-rikorrenti, f’din il-kawża, ma kienet assumiet ebda responsabbiltà sabiex tevita kull ksur fil-futur.”

    b)     L-argumenti tal-partijiet

    267    It-tielet aggravju tal-appellanti tinqasam fi tliet partijiet relatati, rispettivament, man-natura gravi tal-ksur, man-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni xierqa tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bħala ċirkustanza attenwanti u mal-għoti ta’ multa simbolika.

    i)     Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, dwar in-natura gravi tal-ksur

    –       L-argumenti tal-partijiet

    268    L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 sa fejn la l-argumenti tal-Kummissjoni u lanqas il-motivi tas-sentenza appellata, fil-punti 306 sa 310 tagħha, ma jissostanzjaw l-affermazzjoni li tgħid li, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, hija wettqet ksur gravi fis-sens tal-linji gwida.

    269    Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-fatt li minkejja li, skont il-punt 1, A, tal-linji gwida, l-aġir ta’ esklużjoni “jista” tabilħaqq jikkostitwixxi ksur gravi dan mhuwiex neċessarjament il-każ. B’konsegwenza ta’ dan, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-argumenti kontra l-kwalifika ta’ ksur gravi, b’mod partikolari l‑kontribut żgħir tal-appellanti għall-ksur, li ġie rikonoxxut fil-punt 312 tas-sentenza appellata bi tnaqqis tal-ammont bażiku b’10 %.

    270    Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dawn l-argumenti bħala ineffettivi jew infondati.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    271    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-linji gwida fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (ara s‑sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    272    F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali evalwatx korrettament l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, ta’ din is-setgħa diskrezzjonali (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 48, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 134).

    273    F’dan ir-rigward, fejn jikkonċerna l-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il‑kompetizzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, fosthom, b’mod partikolari, iċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett disważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241; Dalmine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 54).

    274    Fost l-elementi li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l‑aġir tal-impriża kkonċernata, ir-rwol tagħha f’kull stabbiliment tal-prattika inkwistjoni, il-qligħ li din setgħet tikseb minn din il-prattika, id-daqs tagħha u l‑valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 129, kif ukoll Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 242).

    275    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 310 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tikkwalifika bħala gravi l-ksur imwettaq mill-appellanti għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, peress li, billi l-prattiki tariffarji inkwistjoni jsaħħu l-ostakoli għad-dħul fis-swieq reċentement liberalizzati, dawn iqiegħdu fil-periklu l‑funzjonament tas-suq komuni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, prattiki ta’ esklużjoni, bħal dik inkwistjoni, imwettqa minn impriżi dominanti jikkostitwixxu ksur partikolarment gravi tal-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 51, kif ukoll AKZO vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 162).

    276    B’hekk, skont it-tieni paragrafu tal-punt 1, A, tal-linji gwida, tali aġir ta’ esklużjoni tal-kompetituri mis-suq jista’, ġustament, jiġi kkwalifikat bħala ksur gravi, jew saħansitra gravi ħafna, meta jitwettaq minn impriża f’sitwazzjoni ta’ kważi monopolju.

    277    Il-kontribut żgħir tal-ksur allegat mill-appellanti fid-dawl tar-regolamentazzjoni tat-tariffi tagħha mir-RegTP ma jistax ibiddel dawn il-konstatazzjonijiet peress li r-rwol tal-impriża kkonċernata fil-ksur bħala prinċipju mhuwiex element mandatorju, iżda biss element rilevanti fost elementi oħra għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 132).

    278    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bħalma osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 311 tas-sentenza appellata, meta jiġi ddeterminat il-livell tal-piena, l-aġir tal-impriża kkonċernata jista’ jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanza attenwanti kkostitwita mill-qafas legali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 620, kif ukoll CIF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

    279    B’hekk ukoll il-Qorti Ġenerali ġustament, fil-punti 311 sa 313 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li, fid-dawl tal-marġni ta’ manuvra li għandha l‑Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, hija kienet ħadet debitament inkunsiderazzjoni r-rwol limitat tal-appellanti fir-rigward tal-intervent tar-RegTP fl-iffissar tat-tariffi tagħha billi naqqset l-ammont bażiku tal-multa b’10 %.

    280    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, billi wettqet it‑tali konstatazzjonijiet, fil-punti 310 sa 313 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali mmotivat din is-sentenza suffiċjentement skont il-liġi billi wriet b’mod ċar, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 135 u 136 ta’ din is-sentenza, ir‑raġunijiet li għalihom il-ksur kien gravi u ma kienx jiġġustifika kwalifika differenti minħabba r-rwol limitat li kellha l-appellanti.

    281    B’hekk, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    ii)  Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni xierqa tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bħala ċirkustanza attenwanti

    –       L-argumenti tal-partijiet

    282    L-appellanti tosserva li, fil-premessa 212 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il‑Kummissjoni ħadet biss inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ regolamentazzjoni speċifika għal settur fuq livell nazzjonali iżda mhux tal-portata tar-regolamentazzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, l-eżami u ċ-ċaħda min-naħa tar-RegTP tal-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirrestrinġi l‑kompetizzjoni.

    283    L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma kkritikatx lill-Kummissjoni talli għamlet kunsiderazzjoni żbaljata ta’ żewġ ċirkustanzi attenwanti oħra fis-sens tal-punt 3 tal-linji gwida. Fil-fatt, minħabba l-eżami taċ-ċaħda tal-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet antikompetittiva f’serje ta’ deċiżjonijiet, hija kienet konvinta bil-legalità tal-aġir tagħha. Barra minn hekk, il-ksur twettaq, l-iktar, b’negliġenza.

    284    Il-Kummissjoni tqis li dawn l-ilmenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    285    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanza li r-RegTP ċaħdet l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment jibbaża ruħu fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.

    286    Fil-fatt, fil-punt 312 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat b’mod espliċitu, li, fin-nuqqas ta’ allegazzjoni ta’ żnaturament, mill-evalwazzjoni esklużiva tagħha tal-fatti jirriżulta li t-tnaqqis fil-multa ta’ 10 % li ngħata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u l-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali tal-appellanti huma suġġetti għal regolamentazzjoni settorjali fuq livell nazzjonali huwa relatat kemm mal-intervent tar-RegTP fl-iffissar tal-prezzijiet tal-appellanti kif ukoll maċ-ċirkustanza li din l-awtorità nazzjonali, għal diversi drabi matul il-perijodu inkwistjoni, eżaminat il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirriżulta mill-prattika tal-prezzijiet tal-appellanti.

    287    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok biex dan l-ilment tal-appellanti jiġi miċħud bħala infondat.

    288    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-natura negliġenti tal-ksur, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 295 sa 298 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ negliġenza jew ta’ responsabbiltà intenzjonali tal-appellanti għandha tiġi miċħuda. Hekk kif jirriżulta mill-punti 124 sa 137 ta’ din is-sentenza, l-eżami tal-ilmenti mqajma mill-appellanti fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju ta’ dan l-appell ma tikkonstata ebda żball ta’ liġi jew nuqqas ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw dawn l‑aggravji.

    289    Issa, permezz ta’ dan l-ilment, l-appellanti ssostni li l-ksur twettaq, l-iktar, b’negliġenza. B’hekk hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma tallega l-iċken każ ta’ żnaturament, sabiex tevalwa hija stess il-fatti. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, dan l-ilment huwa għaldaqstant inammissibbli fl-istadju ta’ dan l-appell.

    290    B’hekk, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    iii)  Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju, dwar l-għoti ta’ multa simbolika

    –       L-argumenti tal-partijiet

    291    L-appellanti tallega li, fil-punt 319 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tad-dritt ta’ trattament ugwali billi ma tathiex, bħal fid-deċiżjoni Deutshe Post, multa simbolika, meta t-tliet kundizzjonijiet imposti għal dan il-għan mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni ġew ukoll sodisfatti f’dan il-każ.

    292    F’dan ir-rigward, l-appellanti tosserva, l-ewwel nett, li l-aġir tagħha kien konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi peress li r-RegTP ddeċidiet numru ta’ drabi matul il-perijodu inkwistjoni li l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mhijiex antikompetittiva. Mhuwiex rilevanti l-fatt li s-sentenza tal-Oberlandesgericht Düsseldorf, mogħtija fis-16 ta’ Jannar 2002, ġiet annullata fl-2004 mill-Bundesgerichtshof billi dan l-annullament jirriżulta mill-possibbiltà ta’ eċċezzjoni li mhijiex applikabbli f’dan il-każ u li huwa biss wara l-adozzjoni tas-sentenza minn din tal-aħħar li l-appellanti setgħet tipproċedi abbażi tal-prinċipju ta’ responsabbiltà possibbli min-naħa tagħha taħt l-Artikolu 82 KE. It-tieni nett, matul il-perijodu inkwistjoni, ma eżistiet ebda ġurisprudenza applikabbli tal-qrati tal-Unjoni. Il-komunikazzjoni tat-22 ta’ Awwissu 1998, imsemmija fil-punt 319 tas-sentenza appellata, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “ġurisprudenza” u ma tgħid xejn fuq il-kwistjoni li f’dan il-każ hija determinanti dwar jekk pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tistax tiġi kkonstatata fil-każ ta’ tariffi rregolati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi lilha nnifisha peress li, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, hija stess tosserva li l-qorti tal-Unjoni għadha ma tatx deċiżjoni espliċita fuq il-metodu li għandu jiġi applikat għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. It-tielet nett, impenn li l-ksur jintemm ma jistax jikkostitwixxi kundizzjoni restrittiva għall-għoti ta’ multa simbolika billi, bħal f’dan il-każ, ma hemm ebda diffikultà li jiġi aċċertat l-allegat ksur, billi l-evalwazzjoni tal-aġir biss hija kkontestata.

    293    Il-Kummissjoni ssostni li l-allegazzjoni tal-appellanti mhijiex rilevanti u, sussidjarjament, hija infondata.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    294    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l‑Kummissjoni applikat, fl-imgħoddi, multi ta’ ċertu livell fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l‑implementazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. L-applikazzjoni effikaċja tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni titlob, fil-fatt, li f’kull mument il-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109).

    295    Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali uriet fid-dettall, fil-punti 317 sa 320 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom is-sitwazzjoni tal-appellanti kellha titqies li hija fundamentalment differenti għal dik tal-impriża li għaliha tirreferi d-deċiżjoni Deutsche Post.

    296    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din l-argumentazzjoni, l-appellanti, essenzjalment, tikkontesta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan il-kuntest, billi ssostni li hija tinsab fl-istess sitwazzjoni bħall-impriża msemmija fid-deċiżjoni Deutsche Post peress li t-tliet raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tat multa simbolika f’din id-deċiżjoni huma wkoll preżenti f’dan il-każ, madankollu mingħajr ma tallega żnaturament tal-fatti jew mingħajr ma tindika r‑raġunijiet li għalihom din l-evalwazzjoni hija vvizzjata bi żball jew numru ta’ żbalji ta’ liġi.

    297    Għaldaqstant permezz ta’ din l-argumentazzjoni li terġa’ ttenni essenzjalment dak li qalet quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti tipprova tikseb eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem l-istess Qorti Ġenerali, li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

    298    Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti tinvoka aggravji kontradiċenti mal-punt 188 tas-sentenza appellata, l-ilment tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza, ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt, li l-Qorti tal-Unjoni għadha ma esprimietx ruħha b’mod espliċitu dwar il-metodu li għandu jiġi applikat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet assolutament mhijiex kontradiċenti mal-konstatazzjoni, fil-punt 319 ta’ din l-istess sentenza, li, min-naħa tagħha, il-Kummissjoni diġà kienet applikat il-prinċipji li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża u kienet ħabbret l-applikazzjoni tagħhom għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet.

    299    Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala, parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

    c)     Konklużjoni fuq it-tielet aggravju

    300    Miċ-ċirkustanzi kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    301    Għaldaqstant hemm lok sabiex dan l-appell jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    302    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell huwa infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il‑kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni, minn Vodafone u minn Versatel.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Deutsche Telekom AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq