Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62008CJ0456
Judgment of the Court (Third Chamber) of 28 January 2010.#European Commission v Ireland.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Directive 93/37/EEC - Public works contracts - Notification to candidates and tenderers of decisions awarding contracts - Directive 89/665/EEC - Procedures for review of the award of public contracts - Period within which actions for review must be brought - Date from which the period for bringing an action starts to run.#Case C-456/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Jannar 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs l-Irlanda.
Direttiva 93/37/KEE - Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet - Notifika lill-kandidati u lill-offerenti tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-kuntratt - Direttiva 89/665/KEE - Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi- Terminu għall-preżentata ta’ rikors - Data minn meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.
Kawża C-456/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Jannar 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs l-Irlanda.
Direttiva 93/37/KEE - Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet - Notifika lill-kandidati u lill-offerenti tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-kuntratt - Direttiva 89/665/KEE - Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi- Terminu għall-preżentata ta’ rikors - Data minn meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.
Kawża C-456/08.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:46
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
28 ta’ Jannar 2010 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 93/37/KEE — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Notifika lill-kandidati u lill-offerenti tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-kuntratt — Direttiva 89/665/KEE — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Data minn meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors”
Fil-Kawża C-456/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-20 ta’ Ottubru 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Zavvos, M. Konstantinidis u E. White, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2009,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata illi, minħabba d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-termini li għalihom huwa suġġett id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju tal-offerenti fil-kuntest ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u minħabba l-fatt li ma nnotifikatx d-deċiżjoni tal-għoti lil min qed jagħmel l-ilment fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti kkonċernat, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, fir-rigward tat-termini applikabbli, taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KE, tat-18 ta’ Ġunju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163), kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/37”). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt li jaqgħu taħt l-iskop tad-Direttivi [tal-Kunsill] 71/305/KEE [tas-26 ta’ Lulju 1971, dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (ĠU L 185, p. 5)], [tal-Kunsill] 77/62/KEE [tal-21 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti (ĠU L 1977, L 13, p. 1)] u 92/50/KEE, deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu rriveduti effettivament u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku [tal-kuntratti pubbliċi] jew ir-regoli tan-nazzjon li jimplimentaw dik il-liġi.” |
3 |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:
|
4 |
L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37 jipprovdi: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jinfurmaw minnufih lill-kandidati u lil dawk li għamlu offerta [offerenti] bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għoti ta’ kuntratti, inklużi r-raġunijiet li għalihom ikunu ddeċidew li ma jagħtux kuntratt li għalih ikun hemm sejħa għall-offerti jew li jibdew mill-ġdid il-proċedura u, għandhom jagħmlu dan bil-miktub, jekk mitlub. Għandhom ukoll jinfurmaw lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’deċiżjonijiet bħal dawn.” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 |
L-Artikolu 84A(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati superjuri (Rules of the Superior Courts) fil-verżjoni li tirriżulta mill-iStatutory Instrument N°374/1998 (iktar ’il quddiem l-“RSC”), jipprovdi: “Il-proċeduri ta’ reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt jew kontra l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandhom jitressqu malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet xhur minn meta r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-istess proċeduri saru pubbliċi għall-ewwel darba, sakemm il-qorti adita ma tikkunsidrax li huwa ġġustifikat li l-imsemmi terminu jiġi estiż.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
6 |
In-National Roads Authority (iktar ’il quddiem l-“NRA”) hija entità pubblika responsabbli għall-bini u l-manutenzjoni tat-toroq fl-Irlanda. |
7 |
SIAC Construction Limited (iktar ’il quddiem “SIAC”) hija kumpannija b’responsabbiltà limitata bl-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Irlanda, involuta fis-settur tal-kostruzzjoni. |
8 |
L-NRA ppubblikat sejħa għal espressjoni ta’ interess fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Lulju 2001 għall-proġettazzjoni, il-bini, il-finanzjament u l-ġestjoni tal-bypass fil-punent tal-belt ta’ Dundalk. Il-kuntrattur kien mitlub jistabbilixxi relazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata mal-NRA u jiġġestixxi l-imsemmija triq għal perijodu ta’ madwar 30 sena. |
9 |
F’Diċembru 2001, erba’ kandidati ġew mistiedna jipproċedu bin-negozjati. |
10 |
F’April 2003, minn fost dawn l-erba’ kandidati ntgħażlu tnejn sabiex jipproċedu b’negozjati iktar approfonditi, jiġifieri l-konsorzju EuroLink, li minnu SIAC kienet tagħmel parti, u l-konsorzju Celtic Roads Group (iktar ’il quddiem “CRG”). |
11 |
Fit-8 ta’ Awwissu 2003, l-NRA talbet lil Eurolink u lil CRG sabiex jagħmlu l-aħjar offerta finali tagħhom (best and final offer). |
12 |
B’ittra tal-14 ta’ Ottubru 2003, l-NRA informat lil EuroLink bid-deċiżjoni tagħha li tagħżel lil CRG bħala l-offerent ippreferut minnha. Madankollu, fl-istess ittra l-NRA għamlitha ċara li l-offerta ta’ EuroLink ma ġietx irrifjutata. L-imsemmija ittra kienet tispjega li l-NRA kienet ser tkompli d-diskussjonjiet ma’ CRG, liema diskussjonijiet setgħu jwasslu għall-għoti tal-kuntratt relatat mal-proġett inkwistjoni. Madankollu, jekk dawn in-negozjati ma kinux se jwasslu sabiex jingħata l-kuntratt, l-NRA kienet qed tirriżerva d-dritt li tibda negozjati ma’ EuroLink minflok CRG. |
13 |
Fid-9 ta’ Diċembru 2003, l-NRA ddeċidiet li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lil CRG. |
14 |
Fil-5 ta’ Frar 2004, l-NRA ffirmat kuntratt ma’ CRG. Fid-9 ta’ Frar 2004, deher avviż dwar dan fis-sit Internet tal-NRA. Fit-3 ta’ April 2004 l-avviż tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. |
15 |
Fit-8 ta’ April 2004, SIAC ippreżentat rikors għad-danni quddiem il-High Court (l-Irlanda). Hija lmentat b’mod partikolari, l-ewwel nett, mill-għażla tal-proċedura nnegozjata, u t-tieni nett, minn ċerti irregolaritajiet li, skont hi, seħħew fl-istadju tal-bidu u tal-evalwazzjoni tal-aħjar offerti finali. Dwar it-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni, SIAC sostniet li d-data minn meta beda jiddekorri dan it-terminu kienet d-data tal-iffirmar tal-kuntratt ma’ CRG, jiġifieri, il-5 ta’ Frar 2004. |
16 |
Il-High Court ikkunsidrat li l-motivi relatati mar-rikors rriżultaw fid-data meta l-konsorzju li minnu kienet tagħmel parti SIAC ġie informat bl-identità tal-offerent ippreferut minnha, jiġifieri l-14 ta’ Ottubru 2003. SIAC kellha tippreżenta r-rikors tagħha mhux iktar tard minn tliet xhur wara din id-data, skont l-Artikolu 84A tal-RSC. Konsegwentement, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Lulju 2004, il-High Court ċaħdet ir-rikors ta’ SIAC għaliex kien tardiv. |
17 |
SIAC ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni. Fl-10 ta’ April 2006, din tal-aħħar bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda, li dan l-Istat Membru rrisponda fit-30 ta’ Mejju 2006. |
18 |
Fil-15 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lill-Irlanda, li dan l-Istat Membru rrisponda fil-21 ta’ Frar 2007. |
19 |
Minħabba li ma kinitx konvinta bl-ispjegazzjonijiet mogħtija, il-Kummissjoni, fl-1 ta’ Frar 2008, bagħtet opinjoni mmotivata lill-Irlanda, fejn stednitha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha magħha fi żmien xahrejn, liema terminu jibda jiddekorri min-notifika ta’ din l-opinjoni. L-Irlanda rrispondiet din l-opinjoni mmotiviata fil-25 ta’ Ġunju 2008. |
20 |
Billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
Fuq l-ewwel ilment
21 |
L-ewwel ilment imressaq mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-fatt li l-NRA ma informatx lill-offerent li ma ntgħażilx bid-deċiżjoni tagħha tal-għoti tal-kuntratt għall-proġettazzjoni, il-bini, il-finanzjament u l-ġestjoni tal-bypass fil-punent tal-belt ta’ Dundalk. |
L-argumenti tal-partijiet
22 |
Il-Kummissjoni ssostni li n-notifika tad-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku lill-kandidati u lill-offerenti mhux magħżula hija obbligatorja skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37. Barra minn hekk, hija tafferma illi, fil-kuntest tad-Direttiva 89/665, protezzjoni ġudizzjarja kompleta tippresupponi l-obbligu li l-kandidati u l-offerenti jiġu informati b’din id-deċiżjoni. |
23 |
Il-komunikazzjoni lil EuroLink, permezz tal-ittra tal-NRA tal-14 ta’ Ottubru 2003, li sejħet lil CRG bħala l-offerent ippreferut, ma kinitx tfisser li l-offerta ta’ EuroLink ġiet miċħuda. Minħabba f’hekk, din l-ittra ma kinitx tikkostitwixxi n-notifika tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt, kif stipulata fid-Direttiva 89/665 u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37. |
24 |
Peress li huwa paċifiku li SIAC ma rċevietx notifika tal-għoti finali tal-kuntratt inkwistjoni, ir-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma ġewx osservati. |
25 |
L-Irlanda tammetti li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jinformaw malajr kemm jista’ jkun lill-kandidati u lill-offerenti dwar id-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għoti ta’ kuntratt u ssostni li hija ttrasponiet l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37, li jistipula dan l-obbligu, b’mod korrett fil-liġi nazzjonali tagħha. Il-Kummissjoni ma tallegax li l-liġi Irlandiża f’dan il-qasam ma hijiex konformi mad-dritt Komunitarju. |
26 |
Dwar il-kuntratt tal-bypass ta’ Dundalk, l-Irlanda tammetti li l-komunikazzjoni dwar l-offerent ippreferut, li ntbagħtet lil EuroLink fl-14 ta’ Ottubru 2003, ma hijiex ekwivalenti għal notifika tad-deċiżjoni tal-għoti ta’ dan il-kuntratt. |
27 |
Madankollu, mis-sentenza tal-High Court tas-16 ta’ Lulju 2004 jirriżulta li, f’din id-data, kien evidenti għal SIAC li kienet ġiet adottata deċiżjoni ta’ għoti tal-imsemmi kuntratt. SIAC ma setgħetx tinjora l-fatt li l-NRA kienet involuta fi proċess ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ma’ CRG. Skont l-Irlanda, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, jirriżulta li n-nuqqas ta’ notifika ta’ għoti finali tal-kuntratt inkwistjoni ma kkawża l-ebda dannu. |
28 |
L-Irlanda ssostni li, sakemm il-liġi nazzjonali tittrasponi b’mod korrett is-sistema Komunitarja ta’ notifika tad-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ma għandux jiġi kkunsidrat li l-Irlanda naqset mill-obbligi tagħha taħt id-dritt Komunitarju abbażi ta’ każ wieħed ta’ nuqqas ta’ notifika. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
29 |
L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37 jipprovdi li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinformaw malajr kemm jista’ jkun lill-kandidati u l-offerenti bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għoti ta’ kuntratt. In-notifika tad-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku lill-kandidati u lill-offerenti mhux magħżula hija obbligatorja bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. |
30 |
Dan l-istess obbligu jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/65 peress li protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratt tippresupponi li l-kandidati u l-offerenti jiġu informati fil-ħin b’dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-212/02, punt 21, u tat-3 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-444/06, Ġabra p. I-2045, punt 38). |
31 |
Huwa paċifiku li, f’dan il-każ, l-NRA qatt ma nnotifikat uffiċjalment lil EuroLink bid-deċiżjoni tagħha li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lil CRG. |
32 |
L-avviż ta’ din l-informazzjoni fis-sit Internet tal-NRA fid-9 ta’ Frar 2004, u l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali fit-3 ta’ April 2004, ma jistgħux joffru alternattiva adegwata. |
33 |
Fil-fatt, din l-informazzjoni ġiet mogħtija lill-pubbliku wara l-iffirmar tal-kuntratt, fil-5 ta’ Frar 2004, filwaqt li sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-kandidati u lill-offerenti, dawn kellhom jiġu informati bid-deċiżjoni tal-għoti meħuda mill-NRA xi żmien qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 21, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 38). |
34 |
Konsegwentement l-NRA, fil-kuntratt ikkonċernat, ma osservatx l-obbligi ta’ informazzjoni li kellha taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37 u taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. |
35 |
F’dan ir-rigward, l-Irlanda, filwaqt li tirreferi għall-ittra tal-NRA tal-14 ta’ Ottubru 2003, issostni li, fil-kawża inkwistjoni, SIAC xorta ma subit l-ebda dannu. Skont dan l-Istat Membru, wara din id-data, SIAC ma setgħetx tinjora l-fatt li l-NRA kienet involuta fil-proċess ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ma’ CRG. |
36 |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
37 |
L-ewwel nett, bl-ittra tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2003, l-NRA ma nnotifikatx d-deċiżjoni ta’ għoti finali tal-kuntratt inkwistjoni. Hija sempliċement indikat li CRG kienet l-offerent ippreferut. L-NRA ppreċiżat ukoll li, jekk id-diskussjonijiet bejnha u CRG ma jwasslu għal imkien, hija kienet qed tirriżerva d-dritt li tibda diskussjonijiet ma’ EuroLink minflok CRG. F’dan l-istadju, Eurolink ma kinitx eskluża definittivament minn kull possibbiltà li tingħata dan il-kuntratt u setgħet leġittimament tikkunsidra li l-proċedura tal-għoti tal-imsemmi kuntratt ma kinitx spiċċat. |
38 |
It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu ma hijiex marbuta ma’ dik dwar dannu li jirriżulta minn dan in-nuqqas (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-263/96, Ġabra p. I-7453, punt 30, u tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609, punt 42). |
39 |
Fl-aħħar nett, l-Irlanda tallega li l-liġi nazzjonali inkwistjoni hija konformi mal-obbligi ta’ notifika imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, każ iżolat ta’ nuqqas ta’ notifika ta’ deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jiġġustifikax il-konklużjoni li l-Istat Membru naqas mill-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju. |
40 |
Dan l-argument ukoll ma jistax jintlaqa’. |
41 |
Mingħajr il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-liġi nazzjonali inkwistjoni tittrasponiex b’mod adegwat ir-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju f’dan il-qasam, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tippermetti mhux biss li tiġi vverifikata l-konformità tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru mad-dritt Komunitarju, iżda wkoll li jiġi stabbilit li awtorità ta’ Stat Membru kisret il-liġi Komunitarja f’każ speċifiku (ara, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-275/08, punt 27). |
42 |
Minn dan jirriżulta li l-ewwel ilment huwa fondat. |
Fuq it-tieni lment
43 |
It-tieni lment tal-Kummissjoni għandu żewġ partijiet. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-liġi nazzjonali inkwistjoni twassal għal inċertezza fir-rigward tad-deċiżjoni li kontriha jrid jiġi ppreżentat ir-rikors. It-tieni nett, hija ssostni li din il-liġi twassal għal inċertezza sabiex jiġu stabbiliti t-termini li fihom għandu jiġi ppreżentat rikors. |
Fuq l-ewwel parti tat-tieni lment
— L-argumenti tal-partijiet
44 |
Il-Kummissjoni tispjega li għall-offerenti huwa diffiċli li jkunu jafu liema deċiżjoni tal-awtorità kontraenti huma għandhom jattakkaw u mil-liema data t-terminu għall-preżentata ta’ rikors sabiex jattakkaw din id-deċiżjoni jibda jiddekorri. Hija tallega li din l-inċertezza hija dovuta għall-kliem tal-Artikolu 84A(4) tal-RSC u mill-interpretazzjoni inċerta tiegħu. |
45 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-espressjoni “deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt jew […] l-għoti ta’ kuntratt pubbliku” użata fl-Artikolu 84A(4) tal-RSC tirreferi għad-deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors u li din id-dispożizzjoni ma ssemmiex id-deċiżjonijiet provviżorji meħuda preċedentement mill-awtorità kontraenti. Fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Lulju 2003, il-High Court ikkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma tapplikax biss għad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt jew għall-għoti ta’ tali kuntratt, iżda wkoll għad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti. |
46 |
Skont il-Kummissjoni, il-liġi nazzjonali inkwistjoni ma tidhirx li hija konformi mal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali u mar-rekwiżit ta’ effettività msemmi fid-Direttiva 89/665, li jikkostitwixxi applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, peress li l-offerenti jitħallew fl-inċertezza dwar is-sitwazzjoni tagħhom meta jkun fi ħsiebhom jippreżentaw rikors kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt meħuda minn awtorità kontraenti fil-kuntest ta’ proċedura f’żewġ stadji, fejn id-deċiżjoni tal-għoti finali tittieħed wara l-għażla tal-offerent. |
47 |
Il-Kummissjoni targumenta li għandu jiġi kkjarifikat b’mod ċar għall-offerenti jekk l-Artikolu 84A(4) tal-RSC japplikax mhux biss għad-deċiżjonijiet tal-għoti ta’ kuntratti, iżda wkoll għal deċiżjonijiet provviżorji meħuda minn awtorità kontraenti matul il-proċedura tas-sejħa għal offerti, bħal dawk, b’mod partikolari, li jikkonċernaw l-għażla tal-offerent ippreferut. |
48 |
L-Irlanda tfakkar li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 jimponi lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u mhux biss deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ dawn il-kuntratti jkunu jistgħu jiġu rriveduti effettivament. Skont l-Irlanda, l-qrati nazzjonali jinterpretaw u japplikaw l-Artikolu 84A(4) tal-RSC b’mod konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. B’mod partikolari, is-sentenza tal-High Court tas-16 ta’ Lulju 2004 kienet iddeċidiet b’mod ċar li din id-dispożizzjoni kienet tippermetti li jiġi ppreżentat rikors kontra kull deċiżjoni tal-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, ħaġa li hija konformi mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665. |
49 |
Fir-rigward tad-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu sabiex deċiżjoni provviżorja tal-awtorità kontraenti tiġi kkontestata, l-Irlanda tispjega li d-Direttiva 89/665 titlob li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors li jiġi deċiż malajr. Rikors ma jistax jiġi eżaminat malajr ħlief jekk iż-żewġ partijiet fil-kawża għandhom l-obbligu li jaġixxu malajr kemm jista’ jkun fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Dan il-għan ma jistax jintlaħaq jekk, minkejja l-fatt li għandhom l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa sabiex jibdew tali proċedura, il-partijiet kienu awtorizzati jistennew in-notifika formali tad-deċiżjoni tal-għoti qabel ma jippreżentaw rikors. |
50 |
L-Irlanda ssostni li, jekk offerent seta’ sempliċement jistenna n-notifika ta’ deċiżjoni formali li l-kuntratt inkwistjoni ma ngħatax lilu, minkejja l-fatt li huwa kien jaf li dan il-kuntratt ma ngħatax lilu, kif ikkonstatat il-High Court fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2004, jirriżultaw estensjonijiet kunsiderevoli tat-termini sabiex jiġu eżaminati d-deċiżjonijiet kollha tal-awtoritajiet kontraenti. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
51 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 89/665 ma tipprekludix liġi nazzjonali milli tistabbilixxi li kull rikors kontra deċiżjoni tal-awtorità kontraenti għandu jsir f’terminu previst għal dan il-għan u li kull irregolarità fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratti invokata insostenn ta’ dan ir-rikors għandha titqajjem fl-istess terminu, taħt piena ta’ dekadenza, b’tali mod li, meta jiskadi dan it-terminu, ma jkunx iktar possibbli li tali deċiżjoni tiġi kkontestata jew li tali irregolarità tiġi invokata, kemm-il darba t-terminu inkwistjoni jkun raġonevoli (sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl, C-241/06, Ġabra p. I-8415, punt 50 u ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li r-realizzazzjoni sħiħa tal-għan tad-Direttiva 89/665 tkun kompromessa jekk il-kandidati u l-offerenti jkunu jistgħu jinvokaw, f’kull mument tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, il-ksur tar-regoli tal-għoti tal-kuntratti, u b’hekk jobbligaw lill-awtorità kontraenti terġa’ tibda l-proċedura kollha sabiex tikkoreġi dan il-ksur (sentenza Lämmerzahl, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). |
53 |
Min-naħa l-oħra, it-termini ta’ dekadenza nazzjonali, inklużi l-metodi ta’ kif dawn jiġu applikati, ma għandhomx ikunu minnhom infushom kapaċi li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-persuna kkonċernata għandha, jekk ikun il-każ, bid-dritt Komunitarju (sentenza Lämmerzahl, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). |
54 |
L-Artikolu 84A(4) tal-RSC jipprovdi li “il-proċeduri ta’ reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt jew kontra l-għoti ta’ kuntratt pubbliku” għandhom jinbdew f’ċertu terminu. |
55 |
Madankollu, hekk kif ġara fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-High Court tas-16 ta’ Lulju 2004, il-qrati Irlandiżi jistgħu jinterpretaw din id-dispożizzjoni fis-sens li hija tapplika mhux biss għad-deċiżjoni finali tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku iżda wkoll għad-deċiżjonijiet intermedji meħuda minn awtorità kontraenti matul il-proċedura tal-għoti ta’ dan il-kuntratt. Jekk id-deċiżjoni finali ta’ għoti ta’ kuntratt tittieħed qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni intermedja kkonċernata, ma jistax jiġi eskluż li kandidat jew offerent interessat jiġi ostakolat, minħabba li jkun skada t-terminu, milli jippreżenta rikors dwar l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni. |
56 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ dekadenza nazzjonali ma jistax iwassal sabiex l-eżerċizzju tad-dritt biex deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt tiġi rriveduta jiġi miċħud mill-effettività prattika tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 72; tas-27 ta’ Frar 2003, Santex, C-327/00, Ġabra p. I-1877, punti 51 u 57, u Lämmerzahl, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). |
57 |
Kif tesponi l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa biss fejn jirriżulta b’mod inekwivokabbli mil-liġi nazzjonali li anki l-atti preparatorji jew id-deċiżjonijiet intermedji meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku jagħtu lok sabiex jibda jiddekorri terminu ta’ dekadenza, li l-offerenti u l-kandidati jistgħu jadottaw il-miżuri meħtieġa fi żmien utli sabiex il-ksur eventwali tal-liġi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jiġi rrivedut effettivament, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. |
58 |
Għaldaqstant, il-fatt li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC jiġi estiż għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet intermedji meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, mingħajr ma dan jirriżulta b’mod ċar mit-test ta’ dan l-artikolu, mhux kompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. |
59 |
L-Irlanda toġġezzjona għal tali konklużjoni, u ssostni li l-applikazzjoni ta’ tali terminu għall-imsemmija deċiżjonijiet intermedji tissodisfa l-għanijiet tad-Direttiva 89/665, b’mod partikolari r-rekwiżit tal-ħeffa. |
60 |
Ċertament, huwa veru li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ reviżjoni effettivi, mibdija malajr kemm jista’ jkun. Sabiex jintlaħaq l-għan tal-ħeffa segwit f’din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jimponu termini għall-preżentata ta’ rikors sabiex l-operaturi jkunu obbligati jikkontestaw f’termini qosra l-miżuri preparatorji u d-deċiżjonijiet intermedji meħuda fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Universale-Bau et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 75 sa 79; tat-12 ta’ Frar 2004, Grossmann Air Service, C-230/02, Ġabra p. I-1829, punti 30 u 36 sa 39, u Lämmerzahl, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51). |
61 |
Madankollu, l-għan ta’ ħeffa segwit fid-Direttiva 89/665 għandu jintlaħaq fid-dritt nazzjonali bl-osservanza tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jimplementaw sistema ta’ termini preċiża biżżejjed, ċara u prevedibbli sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-361/88, Ġabra p. I-2567, punt 24, u tas-7 ta’ Novembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-221/94, Ġabra p. I-5669, punt 22). |
62 |
Dan il-għan ta’ ħeffa ma jippermettix lill-Istati Membri li jinjoraw il-prinċipju ta’ effettività, li bih il-metodi ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ termini ta’ dekadenza nazzjonali ma għandhomx jagħmlu impossibli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-persuni interessati għandhom fid-dritt Komunitarju, prinċipju li huwa l-bażi tal-għan tal-effettività tal-azzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva. |
63 |
L-estensjoni tat-terminu ta’ dekadenza stipulat fl-Artikolu 84A(4) tal-RSC fir-rigward tad-deċiżjonijiet intermedji meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, b’metodi li jwasslu sabiex il-persuni interessati jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom ta’ proċeduri ta’ reviżjoni, ma hijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u lanqas mal-għan ta’ effettività tal-proċeduri. Il-persuni interessati għandhom jiġu informati b’mod ċar biżżejjed li s-sistema tat-termini tapplika għall-imsemmija deċiżjonijiet intermedji, sabiex huma jkunu jistgħu jippreżentaw il-proċeduri ta’ reviżjoni fit-termini imposti. In-nuqqas ta’ tali informazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat mill-għan tal-ħeffa tal-proċeduri. |
64 |
L-Irlanda targumenta li l-qrati Irlandiżi jinterpretaw u japplikaw l-Artikolu 84A(4) tal-RSC skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 89/665. Dan l-argument jirreferi għar-rwol importanti li għandha l-ġurisprudenza fil-pajjiżi tal-common law bħall-Irlanda. |
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk it-traspożizzjoni ta’ direttiva mhux neċessarjament teħtieġ inklużjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dispożizzjoni legali espressa u speċifika, u kuntest ġuridiku ġenerali jista’ jkun biżżejjed, madankollu huwa neċessarju li dan il-kuntest ġuridiku jkun ċar u preċiż biżżejjed sabiex il-benefiċjarji jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u, jekk ikun il-każ, li jużawhom quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-474/08, punt 19 u ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
L-Artikolu 84A(4) tal-RSC ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti peress li jippermetti lill-qrati nazzjonali japplikaw, b’analoġija, it-terminu ta’ dekadenza stipulat f’dan l-Artikolu għal proċeduri ta’ reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għal proċeduri ta’ reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet intermedji meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-għoti ta’ dawn il-kuntratti, fir-rigward ta’ liema l-leġiżlatur ma speċifikax espliċitament dan it-terminu ta’ dekadenza. Is-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta ma hijiex ċara u preċiża biżżejjed sabiex teskludi r-riskju li l-kandidati u l-offerenti kkonċernati jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom ta’ proċeduri ta’ reviżjoni kontra dawn id-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi minn qorti nazzjonali abbażi ta’ interpretazzjoni li hija tagħmel ta’ din id-dispożizzjoni. |
67 |
Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni lment hija fondata. |
Fuq it-tieni parti tat-tieni lment
— L-argumenti tal-partijiet
68 |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 84A(4) tal-RSC jipprovdi li l-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jitressqu “malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet xhur”. Skont il-Kummissjoni, dan il-kliem iħalli lill-offerenti fl-inċertezza meta jkun qed jaħsbu sabiex jeżerċitaw id-dritt mogħti lilhom mid-dritt Komunitarju li jibdew proċeduri ta’ reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti. Fil-fatt, l-offerenti mhux se jkunu jafu l-interpretazzjoni li se tingħata lit-termini “malajr kemm jista’ jkun” ħlief wara li jkunu bdew il-proċeduri tagħhom u l-qorti kompetenti teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Tali sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
69 |
Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni toħloq inċertezza addizzjonali dwar f’liema każ se jiġi applikat it-terminu ta’ tliet xhur u f’liema każijiet it-terminu se jkun iqsar peress li kien possibbli li l-proċeduri jinbdew qabel. |
70 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 84A(4) tal-RSC mhux ċar u joħloq inċertezza legali. Il-Kummissjoni tafferma li fir-rigward tal-obbligu ta’ konformità mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-terminu applikabbli għandu jkun terminu fiss li jista’ jiġi interpretat b’mod ċar u prevedibbli mill-offerenti kollha. |
71 |
L-Irlanda targumenta li, sa issa, l-ebda qorti Irlandiża ma ċaħdet bħala tardiva proċedura ta’ reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti, meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, li saret fit-terminu ta’ tliet xhur u mhux malajr kemm jista’ jkun. Skont l-Irlanda, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata peress li l-espressjoni “fi kwalunkwe każ” tindika li kull proċeduri mibdija matul it-tliet xhur huma fit-terminu. Barra minn hekk, il-High Court espressament iddeċidiet li, jekk meħtieġ, it-terminu ta’ tliet xhur jiġi estiż. |
72 |
L-Irlanda tenfasizza li l-Artikolu 84A(4) tal-RSC jagħti lill-qrati Irlandiżi l-poter li jestendu t-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni. Il-fatt li l-liġi nazzjonali tagħti dan il-poter lil qorti huwa mod leġittimu disponibbli għall-Istati Membri sabiex jirregolaw it-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni. L-Istati Membri ma humiex obbligati jistabbilixxu termini li ma jistgħux jitbiddlu. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
73 |
Peress li d-Direttiva 89/665 għandha għan ta’ ħeffa, huwa leġittimu li Stat Membru, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ din id-direttiva, jimponi fuq il-persuni interessati obbligu ta’ diliġenza sabiex jibdew il-proċeduri ta’ reviżjoni f’dan il-qasam. |
74 |
Madankollu, il-kliem tal-Artikolu 84A(4) li l-proċeduri ta’ reviżjoni kollha “għandhom jitressqu malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet xhur” jirriżulta f’inċertezza. Ma jistax jiġi eskluż li tali dispożizzjoni tawtorizza lill-qrati nazzjonali sabiex jiċħdu proċeduri għal reviżjoni bħala tardivi anki qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, jekk jikkunsidraw li l-proċeduri ma nbdewx “malajr kemm jista’ jkun” skont din id-dispożizzjoni. |
75 |
It-tul ta’ terminu ta’ dekadenza ma huwiex prevedibbli għall-persuni interessati jekk jitħalla għall-evalwazzjoni tal-qorti kompetenti. Għaldaqstant, dispożizzjoni nazzjonali li tistipula terminu bħal dan ma tiżgurax traspożizzjoni effettiva tad-Direttiva 89/665. |
76 |
Għall-kuntrarju ta’ tali konklużjoni, l-Irlanda ssostni li l-ebda proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi ma ġiet miċħuda minn qorti Irlandiża għar-raġuni li ma tressqitx “malajr kemm jista’ jkun”. |
77 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, sabiex jiġi stabbilit jekk it-traspożizzjoni ta’ direttiva hijiex insuffiċjenti, ma huwiex neċessarju li dejjem jiġu stabbiliti l-effetti reali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implementazzjoni. Is-sitwazzjoni hija differenti jekk l-inadegwatezza tat-traspożizzjoni tkun inerenti fit-test stess ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 60). |
78 |
L’Irlanda tispjega li l-Artikolu 84A(4) tal-RSC jagħti lill-qrati Irlandiżi s-setgħa li jestendu t-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni. |
79 |
Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistipula l-applikazzjoni ta’ terminu previst “ħlief fejn il-qorti tikkunsidra li huwa ġġustifikat li l-imsemmi terminu jiġi estiż”. |
80 |
Għandu jiġi rikonoxxut li tali dispożizzjoni tkun, fiha nnifisha u indipendentement mill-kuntest tagħha, ammissibbli fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-Direttiva 89/665. F’qasam bħal dak tal-kuntratti pubbliċi, li fih il-proċeduri jistgħu jkunu komplessi u b’elementi fattwali varji ħafna, il-fakultà mogħtija mil-leġiżlatur nazzjonali lill-qrati nazzjonali li jestendu t-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni minħabba raġunijiet ta’ ekwità tista’ tkun fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
81 |
Madankollu, il-fakultà tal-qorti li testendi t-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni, stipulata fl-Artikolu 84A(4) tal-RSC, ma timliex il-lakuni li għandha din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-kjarezza u tal-preċiżjoni mitluba mid-Direttiva 89/665 fir-rigward tas-sistema ta’ termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni. Anki jekk jikkunsidra din il-fakultà ta’ estensjoni, il-kandidat jew l-offerent ikkonċernat, minħabba r-riferiment għall-obbligu li jibda kull proċedura fl-iqsar terminu possibbli, ma jistax jipprevedi b’ċertezza t-terminu li se jingħata lilu sabiex jibda proċedura ta’ reviżjoni. |
82 |
Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni lment għandha tiġi kkunsidrata bħala fondata. |
83 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Irlanda,
naqset, fir-rigward tal-ewwel ilment, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 u taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37, u fir-rigward tat-tieni lment, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. |
Fuq l-ispejjeż
84 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.