Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0377

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-29 ta' Lulju 2010.
Françoise-Eléonor Hanssens-Ensch vs Il-Komunità Ewropea.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de commerce de Bruxelles - il-Belġju.
Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE - Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa kontra l-Komunità Ewropea - Azzjoni sabiex jiġi kkumpensat it-telf fis-sens tal-Artikolu 530(1) tal-Kodiċi Belġjan dwar il-kumpanniji - Azzjoni mressqa minn kuratur fi proċedura ta’ falliment ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata kontra il-Komunità Ewropea - Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar tali azzjoni.
Kawża C-377/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-07751

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:459

Kawża C-377/09

Françoise-Eléonor Hanssens-Ensch, bħala kuratriċi tal-proċedura ta’ falliment ta’ Agenor SA

vs

Il-Komunità Ewropea

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de commerce de Bruxelles)

“Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa kontra l-Komunità Ewropea — Azzjoni sabiex jiġi kkumpensat it-telf fis-sens tal-Artikolu 530(1) tal-Kodiċi Belġjan dwar il-kumpanniji — Azzjoni mressqa minn kuratur fi proċedura ta’ falliment ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata kontra l-Komunità Ewropea — Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar tali azzjoni”

Sommarju tas-sentenza

Rikors għad-danni — Suġġett — Talba għal kumpens għal dannu imputabbli lill-Komunità

(Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

Azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa kontra l-Komunità Ewropea, anki jekk tkun ibbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema legali partikolari li hija differenti mis-sistema komuni tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili, ma taqax, skont l-Artikolu 235 KE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

Il-fatt li tali azzjoni għal responsabbiltà tista’ ssir biss taħt kundizzjonijiet partikolari, b’mod partikolari, il-fatt li r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata tiġi ddikjarata biss jekk ikun hemm żball serju, ma jistax jaħbi l-fatt li din l-azzjoni għandha l-karatteristiċi ġenerali ta’ azzjoni intiża għall-kumpens ta’ danni fir-rigward ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE li, skont l-Artikolu 235 KE, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati Komunitarji.

(ara l-punti 17, 22, 26 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Lulju 2010 (*)

“Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa kontra l-Komunità Ewropea ‑ Azzjoni sabiex jiġi kkumpensat it-telf fis-sens tal-Artikolu 530(1) tal-Kodiċi Belġjan dwar il-kumpanniji ‑ Azzjoni mressqa minn kuratur fi proċedura ta’ falliment ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata kontra l-Komunità Ewropea – Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar tali azzjoni”

Fil-Kawża C‑377/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal de commerce de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2009, fil-proċedura

Françoise-Eléonor Hanssens-Ensch, bħala l-kuratriċi ta’ proċedura ta’ falliment ta’ Agenor SA,

vs

Il-Komunità Ewropea,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, T. von Danwitz (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F.‑E. Hanssens‑Ensch, bħala l-kuratriċi ta’ proċedura ta’ falliment ta’ Agenor SA minn J. P. Renard u M. Elvinger, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.‑P. Keppenne u M. Owsiany‑Hornung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn F.‑H. Hanssens‑Ensch bħala l-kuratriċi ta’ proċedura ta’ falliment ta’ Agenor SA (iktar ’il quddiem “Agenor”), u l-Komunità Ewropea, dwar it-talba lil din tal-aħħar għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 2 miljuni minħabba l-allegat aġir żbaljat tagħha li kkontribwixxa għall-falliment ta’ din il-kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont l-Artikolu 530(1) tal-Kodiċi Belġjan dwar il-kumpanniji:

“Fil-każ ta’ falliment ta’ kumpannija u ta’ insuffiċjenza tal-attiv u jekk jiġi stabbilit li żball serju min-naħa tagħhom ikkontribwixxa għall-falliment, kull amministratur jew ex amministratur, kif ukoll kull persuna oħra li effettivament kellha s-setgħa li tamministra l-kumpannija, jistgħu jiġu ddikjarati personalment responsabbli in solidum jew le, fir-rigward tad-djun kollha tal-kumpannija jew parti minnhom, sal-ammont tal-insuffiċjenza tal-attiv […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4        L-għan tan-negozju ta’ Agenor huwa li tipprovdi kunsulenza, għarfien, studji, taħriġ u kull servizz intellettwali ieħor assoċjat magħhom. Wara sejħa għal offerti magħmula fi tmiem is-sena 1994, hija ngħatat il-funzjonijiet tal-Uffiċċju ta’ Assistenza Teknika (iktar ’il quddiem il-“UAT”) fil-kuntest tal-programm Ewropew “Leonardo da Vinci”. Għal dan il-għan, fit-13 ta’ Ġunju 1995, hija kkonkludiet l-ewwel kuntratt ta’ tnax-il xahar mal-Komunitajiet Ewropej.

5        Skont l-Artikolu 3 tiegħu, dan il-kuntratt seta’ jiġġedded jekk il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet sodisfatta bis-servizzi pprovduti minn Agenor u skont id-disponibbiltà ta’ fondi fil-baġit tal-Komunitajiet. Taħt din id-dispożizzjoni, ġew iffirmati kuntratti għall-perijodi suċċessivi mill-1 ta’ Ġunju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1997 u mill-1 ta’ Ġunju 1997 sal-31 ta’ Mejju 1998.

6        Mill-1 ta’ Ġunju 1998, il-kuntratt li skada fil-31 ta’ Mejju 1998 ġie estiż permezz ta’ addendum sat-30 ta’ Settembru 1998. Sussegwentement, ġie konkluż kuntratt ieħor għall-perijodu li ntemm fil-31 ta’ Jannar 1999.

7        Fis-6 ta’ Jannar 1999, il-Kummissjoni bagħtet lil Agenor rapport ta’ verifika li kien twettaq minn Marzu 1998. Dan ir-rapport enfasizza ċertu numru ta’ dgħufijiet u nuqqasijiet fl-amministrazzjoni tal-UAT. Ġie ppreċiżat ukoll li, sabiex titkompla r-relazzjoni kuntrattwali, kien meħtieġ titjib sinjifikattiv fil-funzjonament tal-UAT u li fil-każ ta’ tiġdid tal-kuntratt lil hinn mill-31 ta’ Jannar 1999, kien meħtieġ ristrutturar tal-UAT. Ġie elenkat titjib divers li tqis neċessarju.

8        Fid-29 ta’ Jannar 1999, il-Kummissjoni pproponiet lil Agenor addendum għall-kuntratt fis-seħħ matul dak iż-żmien, li jestendih sal-15 ta’ Frar 1999. Din il-proposta ma ntlaqatx minn Agenor. Għaldaqstant, fil-11 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni ddikjarat li dan il-kuntratt skada fil-31 ta’ Jannar 1999. Fil-11 ta’ Frar 1999 ukoll, Agenor informatha li hija kienet tikkontesta din il-pożizzjoni.

9        Fit-3 ta’ Marzu 1999 Agenor għamlet dikjarazzjoni ta’ falliment.

10      Fit-30 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li taġixxi bħala l-kuratriċi ta’ proċedura ta’ falliment ta’ Agenor, ressqet azzjoni għal responsabbiltà kontra l-Komunità Ewropea, quddiem it-tribunal de commerce de Bruxelles, ibbażata prinċipalment, fuq l-Artikolu 530(1) tal-Kodiċi dwar il-kumpanniji, filwaqt li akkużat lill-Kummissjoni li, minn naħa, imponiet fuq Agenor restrizzjonijiet fir-rigward tal-ġestjoni li inevitabbilment wasslu għall-falliment u, min-naħa l-oħra, “abbandunat” u “llinċjat” lil Agenor, b’mod partikolari, billi rrifjutat li ġġedded il-kuntratt li kien jorbot lill-partijiet.

11      Il-Kummissjoni kkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju billi sostniet li, skont l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar talba bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

12      Skont il-qorti tar-rinviju, jeżisti dubju dwar il-kwistjoni jekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tiddeċiedi dwar azzjonijiet għal responsabbiltà mhux kuntrattwali suġġetti għal sistema legali partikolari bħal dik tal-Artikolu 530 tal-Kodiċi dwar il-kumpanniji Belġjan.

13      Għaldaqstant, it-tribunal de commerce de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 [KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà bbażata fuq l-Artikolu 530 tal-Kodiċi tal-Kumpanniji Belġjan u [mressqa] minn kuratur, sabiex jikseb il-kundanna tal-Komunità Ewropea sabiex tagħmel tajjeb għall-passiv tal-kumpannija falluta, minħabba li l-Komunità kellha s-setgħa de facto li tamministra kumpannija kummerċjali u kienet wettqet, fl-amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija, żball gravi u kkaratterizzat [serju] li kkontribwixxa għall-falliment tagħha, jikkostitwixxi azzjoni mhux kuntrattwali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

14      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk azzjoni għal responsabbiltà mressqa kontra l-Komunità u bbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema legali partikolari li hija differenti mis-sistema komuni tal-Istat Membru kkonċernat fil-qasam ta’ responsabbiltà ċivili, tikkostitwixxix azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE li, skont l-Artikolu 235 KE, taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li, fir-rigward tar-riferiment għall-“prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri” li jinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, din id-dispożizzjoni hija biss intiża sabiex timmina r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tad-dritt komuni tal-Komunità bħal kif jirriżulta, pereżempju, fid-dritt Belġjan, mill-Artikolu 1382 tal-Kodiċi Ċivili. Min-naħa l-oħra, azzjoni bbażata fuq kwalunkwe dispożizzjoni oħra taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali anki jekk ma tkunx tirrigwarda azzjoni li għandha bażi kuntrattwali. Għaldaqstant, azzjoni bbażata fuq l-Artikolu 530 tal-Kodiċi dwar il-kumpanniji Belġjan, li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ dritt komuni, għalkemm din l-azzjoni ma għandhiex bażi kuntrattwali.

16      It-Trattat KE jipprovdi tqassim ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u l-qrati nazzjonali għal dak li jikkonċerna l-azzjonijiet legali mressqa kontra l-Komunità li permezz tagħhom ir-responsabbiltà tagħha għal dannu hija mminata.

17      Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, kawżi bħal dawn jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-Artikolu 235 KE jipprovdi li din għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar kawżi għal kumpens tad-danni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, li jkopri l-imsemmija responsabbiltà mhux kuntrattwali. Din il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji hija esklużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il‑Kummissjoni, C‑282/90, Ġabra p. I‑1937, punt 14, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2002, First u Franex, C‑275/00, Ġabra p. I‑10943, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kawżi dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità, it-Trattat KE ma jagħtix ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar tali kawżi ħlief fl-Artikolu 238 KE, jiġifieri taħt klawżola ta’ arbitraġġ f’kuntratt konkluż mill-Komunità jew għan-nom tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, Ġabra p. 4057, punt 11, kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2001, Flemmer et, C‑80/99 sa C‑82/99, Ġabra p. I-7211, punt 42).

19      Peress li l-Artikolu 235 KE jirreferi biss għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, li jsemmi biss ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, filwaqt li r-responsabbiltà kuntrattwali hija msemmija biss fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 KE, mill-Artikolu 235 KE ma tistax tiġi dedotta il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni bbażata fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Flemmer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-Artikolu 240 KE, fin-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, il-kawżi dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2009, Guigard vs Il-Kummissjoni, C‑214/08 P, punt 41).

20      Minn dak li ntqal jirriżulta li, sabiex tiġi ddeterminata liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni legali partikolari mressqa kontra l-Komunità sabiex din tikkumpensa dannu, għandu jiġi eżaminat jekk din l-azzjoni hijiex relatata mar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità jew mar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha.

21      F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-riferiment magħmul mill-Artikolu 235 KE għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, jikkonċerna biss il-kunċett ta’ dannu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, jiġifieri d-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment magħmul għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għall-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri ma jagħmilx parti minn dan il-kunċett. Dan ir-riferiment, min-naħa tiegħu, għandu l-għan li jiddetermina l-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti sabiex il-Komunità jkollha obbligu tikkumpensa tali danni.

22      Barra minn hekk, fir-rigward tal-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, kif tammetti ir-rikorrenti stess fil-kawża prinċipali, din l-azzjoni ma għandhiex bażi kuntrattwali. Apparti dan, il-fatt li din l-azzjoni tista’ ssir biss taħt kundizzjonijiet partikolari, b’mod partikolari, il-fatt li r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata tiġi ddikjarata biss jekk ikun hemm “żball serju”, ma jistax jaħbi l-fatt li din l-azzjoni għandha l-karatteristiċi ġenerali ta’ azzjoni intiża għall-kumpens ta’ danni fir-rigward ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li fuqha hija bbażata azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa kontra l-Komunità, hija sistema legali partikolari li hija differenti mis-sistema komuni tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili, ma jistax ikollu l-effett li jeskludi din l-azzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 235 KE.

24      Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1991, Grifoni vs EAEC (C‑330/88, Ġabra p. I‑1045, punt 20), invokata mir-rikorrenti fil-kawża principali, ma tistax timmina l-konklużjoni preċedenti, peress li r-rikors li wassal għal din is-sentenza kien ibbażat fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità.

25      Għaldaqstant, it-teżi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tipprovdi li, minbarra r-responsabbiltà kuntrattwali u r-responsabbiltà mhux kuntrattwali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, teżisti t-tielet kategorija ta’ responsabbiltà li, skont l-Artikolu 240 KE, taqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati nazzjonali, hija infondata.

26      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa kontra l-Komunità, anki jekk tkun ibbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema legali partikolari li hija differenti mis-sistema komuni tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili, ma taqax, skont l-Artikolu 235 KE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

27      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa kontra l-Komunità, anki jekk tkun ibbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema legali partikolari li hija differenti mis-sistema komuni tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili, ma taqax, skont l-Artikolu 235 KE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq