Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0271

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta' Lulju 2010.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE - Kuntratti pubbliċi għal servizzi - Assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża tal-impjegati tas-servizz pubbliku komunali - Għoti dirett ta’ kuntratti, mingħajr sejħa għal offerti fuq il-livell tal-Unjoni, lil korpi ta’ assigurazzjoni msemmija fi ftehim kollettiv konkluż bejn imsieħba soċjali.
    Kawża C-271/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-07091

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:426

    Kawża C-271/08

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża tal-impjegati tas-servizz pubbliku komunali — Għoti dirett ta’ kuntratti, mingħajr sejħa għal offerti fuq il-livell tal-Unjoni, lil korpi ta’ assigurazzjoni msemmija fi ftehim kollettiv konkluż bejn imsieħba soċjali”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Drittijiet fundamentali — Dritt ta’ negozjar kollettiv — Konċiljazzjoni mar-rekwiżiti dwar il-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 28; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; Direttiva tal-Kunsill 92/50)

    2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttivi 92/50 u 2004/18 — Kamp ta’ applikazzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18; Direttiva tal-Kunsill 92/50)

    3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttivi 92/50 u 2004/18 — Kamp ta’ applikazzjoni — Valur tal-kuntratt

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 9(8); Direttiva tal-Kunsill 92/50, Artikolu 7(4) u (5))

    1.        In-natura fundamentali tad-dritt ta’ negozjar kollettiv u l-għan soċjali ta’ ftehim kollettiv dwar il-konverżjoni, għall-impjegati tas-servizz pubbliku komunali, ta’ parti mir-remunerazzjoni f’kontribuzzjoni għall-pensjoni, meħuda fit-totalità tagħhom, ma jistgħux, fihom infushom, jimplikaw l-esklużjoni awtomatika tal-entitajiet komunali li jħaddmu mill-osservanza tar-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttivi 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] u 2004/18 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], li japplikaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    Fil-fatt il-klawżoli ta’ ftehim kollettivi ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-persuni.

    Barra minn hekk, l-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali bħad-dritt ta’ negozjar kollettiv jista’ jkun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet. B’mod partikolari għalkemm id-dritt ta’ negozjar kollettiv, fi Stat Membru, għandu protezzjoni kostituzzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat inkonformità mad-dritt tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa inerenti fl-eżerċizzju stess tal-libertà tal-imsieħba soċjali u tad-dritt ta’ negozjar kollettiv li jiġu ppreġudikati d-direttivi li japplikaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    Fl-aħħar nett, b’differenza mill-għan, miftiehem bejn l-imsieħba soċjali, li jittejjeb il-livell tal-pensjonijiet tal-impjegati tas-servizz pubbliku komunali, l-indikazzjoni ta’ korpi u ta’ impriżi fi ftehim kollettiv li għalihom huwa maħsub li jingħataw kuntratti ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija ta’ impriża ma taffettwax l-essenza tad-dritt ta’ negozjar kollettiv.

    (ara l-punti 41-43, 47, 49)

    2.        Stat Membru jonqos mill-obbligi tiegħu, sal-31 ta’ Jannar 2006, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 u tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] u, mill-1 ta’ Frar 2006, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 20 u 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], minħabba l-għoti dirett, mingħajr sejħa għal offerti, fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija ta’ impriża lil korpi jew lil impriżi pprovduti minn dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv, magħmul minn amministrazzjonijiet jew minn impriżi komunali li jkunu laħqu d-daqs kritiku, fin-numru ta’ impjegati, li minnhom il-valur tal-imsemmija kuntratti huwa daqs jew jaqbeż il-limitu rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttivi.

    Fil-fatt, l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ negozjar kollettiv għandu jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-libertajiet protetti mit-Trattat FUE u jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, bilanċ ġust fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi rispettivi involuti, jiġifieri t-titjib tal-livell tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-ħaddiema kkonċernati, minn naħa, u l-implementazzjoni tal-libertajiet ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-ftuħ għall-kompetizzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, ma huwiex osservat minn dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li tħalli barra kompletament, u għal perijodu indefinit, l-applikazzjoni tar-regoli taħt id-Direttivi 92/50 u 2004/18 fil-qasam tat-tfaddil għall-irtirar tal-impjegati komunali, minkejja li l-osservanza tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi ma tirriżultax li hija inkonsistenti mat-twettiq tal-għan soċjali segwit mill-firmatarji tal-ftehim kollettiv.

    Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li dawn l-imsemmija dispożizzjonijiet jissuġġettaw għall-kwalifika ta’ “kuntratti pubbliċi” huma sodisfatti meta, minn naħa, l-impjegati komunali, anki jekk jimplementaw, fil-qasam tal-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża, għażla definita minn qabel permezz ta’ ftehim kollettiv, madankollu huma awtoritajiet kontraenti, u, min-naħa l-oħra, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni bħala grupp għandhom interess ekonomiku dirett għall-entitajiet li jħaddmu li jikkonkluduhom, b’tali mod li dawn jirrigwardaw kuntratti onerużi. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-benefiċjarji finali ta’ benefiċċji ta’ pensjoni huma l-ħaddiema li ssieħbu fl-imsemmija miżura ma huwiex tali li joħloq dubji dwar in-natura oneruża tal-imsemmija kuntratti.

    (ara l-punti 44, 52, 53, 66, 75, 80, 89, 105 u d-dispożittiv)

    3.        Fir-rigward ta’ kuntratti dwar servizzi ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija ta’ impriża ta’ impjegati tas-servizz pubbliku komunali permezz tal-konverżjoni ta’ parti mir-remunerazzjoni ta’ tfaddil għall-irtirar, il-“valur stmat tal-kuntratt” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 92/50 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] kif ukoll l-Artikolu 9(8)(a)(i) tad-Direttiva 2004/18 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], jikkorrispondi mal-valur stmat tal-primjums, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet imnaqqsa, bħala konverżjoni tas-salarju, mir-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati fl-amministrazzjoni jew fl-impriża komunali kkonċernata, u ddedikati għall-finanzjament tas-servizzi finali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża. Fil-fatt, l-imsemmija primjums jikkostitwixxu l-korrispettiv prinċipali tas-servizzi pprovduti mill-korp jew mill-impriża li tipprovdi servizzi lill-entità komunali li tħaddem fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dawn is-servizzi. F’kuntest fejn indikazzjoni preċiża, fil-mument tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, tal-valur totali ta’ dawn il-primjums hija magħmula impossibbli minħabba l-għażla mogħtija lil kull impjegat, li jaderixxxi, jew le, għall-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju, u fid-dawl tat-tul ta’ tali kuntratt, li huwa twil, jew saħansitra indefinit, kemm it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 92/50 kif ukoll l-Artikolu 9(8)(b)(ii) tad-Direttiva 2004/18 jimponu li għandu jittieħed bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ dan il-kuntratt “il-ħlas fix-xahar immultiplikat bi 48”. Għaldaqstant, qabel kollox, il-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq stima tal-ammont medju ta’ kull xahar ta’ konverżjoni tar-rimunerazzjoni għal kull impjegat, immultiplikat bi 48, u, sussegwentement, għandu jkun iddeterminat, fid-dawl tar-riżultat ta’ din il-multiplikazzjoni, in-numru ta’ adeżjonijiet individwali ta’ impjegati għall-konverżjoni tas-salarju, neċessarju sabiex jintlaħaq il-limitu rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, u, fl-aħħar nett, abbażi ta’ stima tal-perċentwali ta’ parteċipazzjoni ta’ impjegati tas-servizz pubbliku komunali għall-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju, għandu jkun iddefinit l-ammont kritiku, f’numru ta’ impjegati, li abbażi tiegħu l-entitajiet komunali li jħaddmu taw kuntratti li jilħqu jew jaqbżu l-imsemmi limitu.

    (ara l-punti 86-89)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    15 ta’ Lulju 2010(*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża tal-impjegati tas-servizz pubbliku komunali – Għoti dirett ta’ kuntratti, mingħajr sejħa għal offerti fuq il-livell tal-Unjoni, lil korpi ta’ assigurazzjoni msemmija fi ftehim kollettiv konkluż bejn imsieħba soċjali”

    Fil-Kawża C‑271/08,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-24 ta’ Ġunju 2008,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Wilms u D. Kukovec, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn:

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh u C. Pilgaard Zinglersen, bħala aġenti,

    Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u A. Engman, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur), J.‑C. Bonichot u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2010,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, minħabba l-fatt li ċerti amministrazzjonijiet u impriżi komunali b’iktar minn 1 218 impjegat taw direttament, mingħajr sejħa għal offerti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea kuntratti għal servizzi ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija lil korpi u lil impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tal-ftehim kollettiv dwar il-konverżjoni, għall-impjegati tas-servizz pubbliku komunali, ta’ parti mir-remunerazzjoni f’kontribuzzjoni għall-pensjoni (Tarifvertrag zur Entgeltungwandlung für Arbeitnehmer im Kommunalen öffentlichen Dienst, iktar ’il quddiem il-“TV-EUmw/VKA”), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, sal-31 ta’ Jannar 2006, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322) u, mill-1 ta’ Frar 2006, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 20 u 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    2        Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ddefiniet mill-ġdid is-suġġett tar-rikors tagħha billi talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata n-nuqqas allegat ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba l-fatt li amministrazzjonijiet u impriżi komunali li għandhom iktar minn 2 044 impjegat, għall-perijodu li jikkonċerna s-snin 2004 u 2005, iktar minn 1 827 impjegat, għall-perijodu li jikkonċerna s-snin 2006 u 2007, u iktar minn 1 783 impjegat, għall-perijodu li jiddekorri mis-sena 2008, taw direttament, mingħajr sejħa għal offerti fuq il-livell tal-Unjoni, tali kuntratti lil korpi u impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA.

    3        Fis-seduta, il-Kummissjoni ddefiniet mill-ġdid is-suġġett tar-rikors tagħha billi talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba l-fatt li amministrazzjonijiet u impriżi komunali b’iktar minn 2 697 impjegat, għall-perjodu li jikkonċerna s-snin 2004 u 2005, u iktar minn 2 402 impjegat, għall-perijodu li jikkonċerna s-snin 2006 u 2007, għamlu tali għotjiet.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

     Id-Direttiva 92/50

    4        It-tmien premessa tad-Direttiva 92/50 tippreċiża li “d-dispożizzjoni tas-servizzi hija koperta b’din id-Direttiva biss sa fejn hija bbażata fuq kuntratti; billi d-dispożizzjoni tas-servizzi fuq bażijiet oħra, bħal-liġi jew regolamenti, jew kuntratti ta’ l-impjieg, mhijiex koperta”.

    5        Skont l-Artikolu 1(a)(viii) tad-Direttiva 92/50, il-“kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi]” huma, għall-finijiet tad-direttiva, “kuntratti għal interess pekunjarju [onerużi] konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti”.

    6        Skont l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50:

    “l-awtoritajiet kontraenti għandhom ifissru l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika.

    Korp irregolat mil-liġi pubblika jfisser kwalunkwe korp:

    –        stabbilit għall-iskop speċifiku li jissodisfa bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali,

    u

    –        li jkollu personalità ġuridika

    u

    –        iffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika; jew soġġett għal sorveljanza ta’ amministrazzjoni minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, li iktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika.

    […]”

    7        L-Artikolu 7(1)(4) u (5) tad-Direttiva 92/50 jipprovdi:

    “1.      a)     Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:

    […]

    –        kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] fir-rigward tas-servizzi msemmija fl-Anness I A […]:

    […]

    ii)      mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti elenkati fl-Artikolu 1(b) għajr dawk li hemm referenza għalihom fl-Anness I tad-Direttiva 93/36/KEE [tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110)] u fejn l-istima tal-valur nett mill-VAT ma tkunx inqas mill-ekwivalenti f’ecus ta’ 200000 [Dritt speċjali tal-Ġbid] SDRs”.

    […]

    4.      Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għat-tipi ta’ servizzi li ġejjin għandu jittieħed kont, meta approprjat:

    –        fir-rigward ta’ servizzi ta’ l-assigurazzjoni, ta’ premium pagabbli,

    […]

    5.      Fil-każ ta’ kuntratti li ma jispeċifikawx prezz totali, il-bażi għall-kalkolu tal-valur tal-kuntratt stmat għandu jkun:

    –        fil-każ ta’ kuntratti għal terminu fiss, meta t-terminu tagħhom huwa 48 xahar jew inqas, il-valur tal-kuntratt totali għat-tul tiegħu;

    –        fil-każ ta’ kuntratti ta’ tul indefinit jew b’terminu ta’ iktar minn 48 xahar, il-ħlas fix-xahar immultiplikat bi 48.”

    8        L-amministrazzjonijiet u l-impriżi komunali Ġermaniżi ma humiex imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 93/36.

    9        Skont l-Artikolu 8 tad-Direttva 92/50, “[k]untratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI”.

    10      It-titoli msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50 jikkonċernaw, rispettivament, l-għażla tal-proċeduri ta’ għoti u r-regoli applikabbli għall-kompetizzjonijiet (Titolu III), ir-regoli komuni fil-qasam tekniku (Titolu IV), ir-regoli komuni ta’ reklamar (Titoli V) u r-regoli komuni ta’ parteċipazzjoni, il-kriterji ta’ għażla kwalitattiva u l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt (Titolu VI).

    11      Fost is-“servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 8” elenkati fl-Anness I A tad-Direttiva 92/50, fil-kategorija 6 jidhru, is-“servizzi finanzjarji”, li jinkludu, fil-kategorija 6(a) is-“servizzi ta’ assigurazzjoni” u, fil-kategorija 6(b) is-“servizzi ta’ bankar [bankarji] u inverstiment”.

     Id-Direttiva 2004/18

    12      Skont il-premessa 28 tad-Direttiva 2004/18:

    “L-impjieg u x-xogħol huma elementi essenzali għall-garanzija ta’ opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu għall-integrazzjoni fis-soċjetà. F’dan il-kuntest, workshops protetti u programmi ta’ impjiegi protetti jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-integrazzjoni jew re-integrazzjoni ta’ nies bi bżonnijiet speċjali fis-suq tax-xogħol. Però, workshops bħal dawn jistgħu ma jkunx possibbli li jieħdu kuntratti taħt kondizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Konsegwentement, huwa għalhekk xieraq li tipprovdi illi l-Istati Membri jistgħu jirriservaw id-dritt li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ l-għoti għall-kuntratti pubbliċi lill-dawn il-workshops jew jirriservaw l-esekuzzjoni tal-kuntratti fil-kuntest tal-programmi ta’ xogħol protetti.”

    13      Id-Direttiva 2004/18 tiddefinixxi, fl-Artikolu 1(2)(a) u (d) il-“kuntratti pubbliċi” bħala “kuntratti għall-interess tal-flus [onerużi] konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva” u l-“kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal servizzi]” bħala “kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.”

    14      L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18 jiddefinixxi l-“Qafas ta’ ftehim [ftehim qafas]” bħala “ftehim bejn wieħed jew aktar mill-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] u wieħed jew aktar mill-operaturi ekonomiċi, fejn l-għan huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw l-kuntratti li jiġu mgħotija f’ċertu perjodu stabbilit, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn huma xierqa, il-kwantità prevvista.”

    15      Id-Direttiva 2004/18 għandha, fl-Artikolu 1(9) tagħha, definizzjoni ta’ “awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti]” analoga ħafna għal dik li tinsab fl-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50.

    16      Skont l-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18, din tal-aħħar tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) huwa daqs jew ogħla minn EUR 249 000. Dan l-ammont tniżżel, suċċessivament, għal EUR 236 000 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1874/2004, tat-28 ta’ Ottubru 2004, li jbiddel id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti ta’ applikazzjoni tagħhom fil-qasam tal-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), imbagħad għal EUR 211 000 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005, tad-19 ta’ Diċembru 2005, li jemenda d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ammonti minimi ta’ applikazzjoni għall-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti (ĠU L 333, p. 28).

    17      L-Artikolu 9(1), (8) u (9) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

    “1.      Il-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt pubbliku għandu jiġi ibbażat fuq l-ammont totali pagabbli, nett barra l-VAT, kif stmat mill-awtorità kontrattwanti [kontraenti]. Dan il-kalkolu għandu jagħti każ ta’ l-ammont totali stmat, inkluż kull forma ta’ għażla u tiġdid tal-kuntratt.

    […]

    8.      Fir-rigward ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku, il-valur li għandu jittieħed bħala bażi biex jiġi kkalkolat il-valur stmat tal-kuntratt għandu, fejn xieraq, ikun kif ġej:

    a)      għal dawn it-tipi ta’ servizzi li ġejjin:

    i)      servizzi ta’ assikurazzjoni: l-ammont [primjum] pagabbli u forom oħra ta’ rimunerazzjoni;

             […]

    għal kuntratti ta’ servizz li ma jindikawx prezz totali:

                      i)     fil-każ ta’ kuntratti ta’ termini fissi, jekk dak it-terminu huwa inqas minn jew ugwali għal 48 xahar: il-valur totali għat-terminu kollu tagħhom;

                      ii)   fil-każ ta’ kuntratti mingħajr terminu fiss jew b’terminu akbar minn 48 xahar: il-valur kull xahar multiplikat bi 48.

    9.      — Fir-rigward ta’ kwadru ta’ ftehim [ftehim qafas] […] il-valur li għandu jittieħed in konsiderazzjoni għandu jkun il-valur massimu stmat nett barra l-VAT tal-kuntratti kollha previsti għat-terminu totali tal-kwadru ta’ ftehim [ftehim qafas] […]”.

    18      Skont l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18, dan ma japplikax “għal kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] […] għal kuntratti ta’ xogħol”.

    19      Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18, “[k]untratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II A għandhom jingħataw skont l-Artikoli 23 sa 55”.

    20      L-Artikoli 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18 jistabbilixxu, sussegwentement, ir-regoli speċifiċi li jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet u d-dokumenti tal-kuntratt (Artikoli 23 sa 27), ir-regoli dwar il-proċeduri (Artikoli 28 sa 34), ir-regoli dwar reklamar u trasparenza (Artikoli 35 sa 43) u r-regoli dwar l-iżvolġiment tal-proċeduri (Artikoli 44 sa 55).

    21      Fost is-servizzi elenkati fl-Anness II A tad-Direttiva 2004/18, jinsabu, fil-kategorija 6, is-“servizzi finanzjarji”, li jinkludu, fil-kategorija 6(a) is-“servizzi ta’ assigurazzjoni” u, fil-kategorija 6(b) is-“servizzi bankarji u servizzi finazjarji oħra”.

    22      Fil-lista ta’ korpi u ta’ kategoriji ta’ korpi rregolati mid-dritt pubbliku msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, li jinsabu fl-Anness III ta’ din id-direttiva, huma imsemmija, taħt il-Taqsima III, iddedikata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, “[a]wtoritajiet, stabbilimenti u fondazzjonijiet governati mill-liġi pubblika u kreati mill-awtoritajiet Federali, Statali jew lokali”.

     Id-dritt nazzjonali

    23      Il-liġi dwar it-titjib tal-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża (Gesetz zur Verbesserung der betrieblichen Altersversorgung ), tad-19 ta’ Diċembru 1974 (BGBl. I, p. 3610), kif emendata bl-Artikolu 5 tal-liġi tal-21 ta’ Diċembru 2008 (BGBl. I, p. 2940, iktar ’il quddiem il-“BetrAVG”), tipprovdi, fl-Artikolu 1, intitolat “L-approvazzjoni ta’ min iħaddem għall-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża”:

    “(1)  Meta min iħaddem jagħti lil impjegat l-approvazzjoni tiegħu għall-benefiċċji ta’ pensjoni tax-xjuħija [assigurazzjoni għax-xjuħija], tal-invalidità jew tas-superstiti abbażi tar-relazzjoni tax-xogħol (pensjoni professjonali supplimentari [assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża]), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. L-implementazzjoni tal-pensjoni professjonali supplimentari [assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża] tista’ tiġi żgurata direttament minn min iħaddem jew permezz ta’ wieħed mill-korpi ta’ assigurazzjoni li jissemmew fl-Artikolu 1b(2) sa (4). Min iħaddem għandu jwieġeb għall-implementazzjoni tal-benefiċċji li jkun approva anki jekk huwa ma jiżgurax direttament l-implementazzjoni tagħhom.

    (2)       L-iskema ta’ pensjoni supplimentari [assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża] tirriżulta wkoll meta:

    […]

    3.      id-drittijiet futuri għal remunerazzjoni jiġu kkonvertiti fi dritt tal-istess valur għal benefiċċji ta’ pensjoni (konverżjoni tar-remunerazzjoni) jew

    4.      l-impjegat iħallas kontribuzzjonijiet imnaqqsa mir-remunerazzjoni tiegħu sabiex jiffinanzja benefiċċju ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża għal tipi differenti ta’ fondi tal-pensjoni, jew assigurazzjoni diretta, u li l-approvazzjoni ta’ min iħaddem jinkludi wkoll il-benefiċċji li jirriżultaw minn dawn il-kontribuzzjonijiet; id-dispożizzjonijiet dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni japplikaw f’dan ir-rigward mutatis mutandis, sa fejn il-benefiċċji awtorizzati li jirriżultaw minn dawn il-kontribuzzjonijiet huma ffinanzjati minn kapitalizzazzjoni.”

    24      L-Artikolu 1a(1) tal-BetrAVG, intitolat “Dritt għall-pensjoni professjonali supplementari [assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża] bil-konverżjoni tar-remunerazzjoni”, jipprovdi:

    “L-impjegati jistgħu jitolbu lil min iħaddimhom sabiex id-drittijiet futuri għal remunerazzjoni tagħhom jiġu allokati, sa 4 % tal-limitu applikabbli tal-kontribuzzjoni għall-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni tax-xjuħija, lill-pensjoni professjonali supplimentari [lill-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża] tagħhom bil-konverżjoni tar-remunerazzjoni tagħhom. L-implementazzjoni ta’ dan id-dritt tal-impjegat hija prevista bi ftehim. Jekk min iħaddem jaċċetta l-implementazzjoni ta’ dan id-dritt permezz ta’ tipi differenti ta’ fondi ta’ pensjoni (Artikolu 1b(3)), l-implementazzjoni għandha tiġi żgurata b’dan il-mod [il-ħlas tal-parteċipazzjoni fl-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża għandu jsir f’dawn il-fondi]; f’każ kuntrarju, l-impjegat jista’ jeżiġi li min iħaddmu jikkuntratta għalih assigurazzjoni diretta (Artikolu 1b(2)). Jekk isir użu ta’ dan id-dritt, l-impjegat għandu jagħmel kontribuzzjoni annwali ta’ ammont minimu ta’ perċentwali ta’ 0.625 % tar-remunerazzjoni msemmja fl-Artikolu 18(1) tar-Raba Ktieb tal-Kodiċi Soċjali għall-assigurazzjoni għax-xjuħija tiegħu. Jekk l-impjegat jalloka parti mir-remunerazzjoni attwali tiegħu għall-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża, min iħaddem jista’ jitlob li, matul is-sena kalendarja kurrenti, isiru pagamenti fix-xahar identiċi lilu.”

    25      L-Artikolu 17(3) u (5) tal-BetrAVG, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u l-klawżola tal-ftuħ tal-ftehim”, jipprovdi:

    “(3)      Jistgħu jsiru derogi mill-Artikoli 1a [...], ta’ din il-liġi fil-ftehim kollettivi. Id-dispożizzjonijiet ta’ deroga japplikaw bejn min iħaddem u l-ħaddiema mhux marbuta minn ftehim kollettiv, meta dawn jaqblu li japplikaw għalihom id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim. Għall-bqija, ma jistgħux isiru derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għad-detriment tal-ħaddiem.

    […]

    (5)      Sa fejn id-drittijiet għal remunerazzjoni jkunu bbażati fuq ftehim kollettiv, jista’ jkun hemm konverżjoni tar-remunerazzjoni għal dawn id-drittijiet biss sakemm dan ikun previst jew awtorizzat permezz ta’ ftehim kollettiv.”

    26      Fit-18 ta’ Frar 2003, ġie konkluż it-TV-EUmw/VKA bejn il-Vereinigung der kommunalen Arbeitgeberverbände (Federazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet ta’ entitajiet komunali li jħaddmu, iktar ’il quddiem, il-“VKA”) u l-Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft eV (ver.di) (sindakat unitarju tal-qasam tas-servizzi). Il-VKA kkonkluda ftehim kollettiv simili ma sindakat ieħor, jiġifieri dbb tarifunion.

    27      It-TV-EUmw/VKA jistabbilixxi, fl-Artikoli 2 u 3, id-dritt tal-impjegati koperti minn wieħed mill-ftehim kollettivi msemmija fl-Artikolu 1, li jitolbu mingħand min iħaddimhom il-konverżjoni parzjali, fil-limiti stabbiliti mill-BetrAVG, tad-drittijiet futuri tagħhom għal remunerazzjoni għal kontribuzzjonijiet għall-pensjoni. Skont l-Artikolu 5 tat-TV-EUmw/VKA, din it-talba għandha ssir bil-miktub lil min iħaddem. Skont l-istess artikolu, l-impjegat huwa marbut għal perijodu minimu ta’ sena bil-ftehim konkluż ma’ min iħaddem f’dak li jikkonċerna l-konverżjoni parzjali tar-remunerazzjoni futura tiegħu.

    28      L-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, intitolat “Metodi ta’ implementazzjoni”, jipprovdi:

    “Il-konverżjoni tas-salarju fil-kuntest tal-metodi ta’ implementazzjoni previsti mil-Liġi dwar it-titjib tal-iskema tal-pensjoni professjonali supplimentari għandha ssir ma’ korpi pubbliċi ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija supplimentari, bla ħsara għat-tieni u għat-tielet sentenzi.

    Min iħaddem jista’ wkoll, fil-kuntest tal-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża msemmija fl-ewwel sentenza, jiddetermina l-metodi ta’ implementazzjoni ssuġġeriti mill-grupp finanzjarju Sparkasse jew mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni komunali.

    Jekk ikun neċessarju, jistgħu jiġu adottati dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-ewwel u mit-tieni sentenzi permezz ta’ ftehim kollettiv fuq livell distrettwali.”

    29      L-Artikolu 7(1) tat-TV-EUmw/VKA jiffissa d-dħul fis-seħħ tiegħu għall-1 ta’ Jannar 2003. L-Artikolu 7(2) tat-TV-EUmw/VKA jipprovdi li dan tal-aħħar jista’ jiġi xolt, b’avviż minn qabel ta’ tliet xhur, sal-aħħar tas-sena kalendarja, l-iktar kmieni fil-31 ta’ Diċembru 2008.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    30      Wara lment, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’ittra ta’ intimazzzjoni tat-18 ta’ Ottubru 2005 li, minħabba l-għoti, min-naħa ta’ ċerti amministrazzjonijiet jew ta’ impriżi komunali, ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża lill-korpi u lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, mingħajr sejħa għall-offerti fil-livell tal-Unjoni, dan l-Istat Membru seta’ kiser id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 u tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50 kif ukoll, fi kwalunkwe każ, il-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    31      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat il-fatt li l-amministrazzjonijiet u l-impriżi komunali jaġixxu bħala “awtoritajiet kontraenti” fis-sens tad-Direttiva 92/50, meta dawn jissodisfaw il-funzjoni tagħhom bħala entitajiet li jħaddmu fil-qasam tal-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża. Dan l-Istat Membru sostna wkoll li l-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni jaqgħu taħt relazzjonijiet ta’ xogħol u ma jikkostitwixxux, konsegwentement, kuntratti pubbliċi, peress li l-entitajiet komunali li jħaddmu, fil-fatt, jassumu biss funzjoni ta’ korp ta’ ħlas għall-finijiet ta’ skambju ta’ benefiċċji bejn l-impjegati li għażlu l-konverżjoni parzjali tar-remunerazzjoni tagħhom f’kontribuzzjoni għall-pensjoni u l-korpi ta’ assigurazzjoni. Hija ssostni wkoll li l-applikazzjoni tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi għall-għoti tal-kuntratti kontenzjużi jkun kuntrarju għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali li tinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Kostituzzjoni Ġermaniża (Grundgesetz).

    32      Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opinjoni motivata, tal-4 ta’ Lulju 2006, li fiha hija spjegat li l-ilmenti tagħha għandhom jinftehmu li jirrigwardaw ukoll, mill-1 ta’ Frar 2006, ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 20 u tal-Artikoli 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18, li rriproduċew, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 invokati fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha.

    33      Fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata, tal-15 ta’ Novembru 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żammet il-pożizzjoni tagħha, billi annettiet ma’ din ir-risposta rapport ta’ espert li juri li l-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju inkwistjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ remunerazzjoni. Hija sostniet ukoll li l-limiti għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi ma kinux sodisfatti f’dan il-każ, fid-dawl tan-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni kull kuntratt individwali bħala tali. Fl-aħħar nett, hija enfasizzat li hija ma tistax, fi kwalunkwe każ, tirrimedja għal eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li hija ma għandhiex setgħa li tagħti istruzzjonijiet lill-imsieħba soċjali.

    34      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talba għal informazzjoni sabiex tevalwa, b’mod partikolari, jekk ir-raġunijiet ta’ politika soċjali jistgħux f’dan il-każ jiġġustifikaw eċċezzjoni għad-dritt tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi.

    35      Peress li kkunsidrat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-risposta tagħha għal din it-talba, tal-1 ta’ Marzu 2007, ma tat ebda ġustifikazzjoni xierqa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     Fuq l-applikabbiltà tad-Direttivi 92/50 u 2004/18 għall-għoti ta’ kuntratti lil korpi jew impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA

    36      Preliminarjament għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostnu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja, l-għoti ta’ kuntratti lil korpi jew impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA (iktar ’il quddiem l-“għoti tal-kuntratti kontenzjużi”), minħabba n-natura u l-għan tagħhom, jevadu l-applikazzjoni tad-Direttivi 92/50 u 2004/18. Peress li jirrakkomandaw traspożizzjoni għal dan il-kuntest tar-raġunament magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany (C‑67/96, Ġabra p. I‑5751), u tal-21 ta’ Settembru 2000, van der Woude (C‑222/98, Ġabra p. I‑7111), dawn l-Istati Membri kienu jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq il-fatt li l-imsemmi għoti implimenta ftehim kollettiv innegozjat bejn imsieħba soċjali, b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA.

    37      F’dan ir-rigward, hemm lok li, l-ewwel nett, jitfakkar li d-dritt ta’ negozjar kollettiv li, f’dan il-każ dak, eżerċitaw il-firmatarji tat-TV-EUmw/VKA huwa rikonoxxut kemm mid-dispożizzjonijiet ta’ diversi strumenti internazzjonali li l-Istati Membri kkooperaw jew aderew għalihom, bħall-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961, u rriveduta fi Strasbourg fit-3 ta’ Mejju 1996, kif ukoll dawk ta’ strumenti żviluppati mill-imsemmija Stati Membri fil-livell Komunitarju jew fil-qafas tal-Unjoni, kif ukoll il-punt 12 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew miżmuma fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989, u fl-Artikolu 28 tal-Karta tad Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li għalihom l-Artikolu 6 TUE jagħti l-istess valur ġuridiku bħal dak mogħti lit-Trattati.

    38      Mill-imsemmi Artikolu 28 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(6) tiegħu, jirriżulta li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali ta’ negozjar kollettiv għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ, b’mod partikolari, il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

    39      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 152 TFUE, l-Unjoni tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tal-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-diversità tas-sistemi nazzjonali.

    40      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, kif inhu paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża, it-TV-EUmw/VKA jirrispondi, b’mod ġenerali, għal għan soċjali. Huwa intiż, fil-fatt, li jtejjeb il-livell tal-pensjonijiet tal-irtirar għall-ħaddiema kkonċernati, billi jippromwovi, skont il-BetrAVG, l-iżvilupp tal-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni permezz ta’ konverżjoni parzjali tar-remunerazzjoni tal-impjegati kkonċernati.

    41      Madankollu, in-natura fundamentali tad-dritt ta’ negozjar kollettiv u l-għan soċjali tat-TV-EUmw/VKA meħuda fit-totalità tagħhom ma jistgħux, fihom infushom, jimplikaw l-esklużjoni awtomatika tal-entitajiet komunali li jħaddmu mill-osservanza tar-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttivi 92/50 u 2004/18, li japplikaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    42      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klawżoli ta’ ftehim kollettivi ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-persuni (ara sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, imsejħa “Viking Line”, C‑438/05, Ġabra p. I‑10779, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43      Barra minn hekk, l-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali bħad-dritt ta’ negozjar kollettiv jista’ jkun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Viking Line, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C‑341/05, Ġabra p. I‑11767, punt 91). B’mod partikolari, għalkemm, ċertament, id-dritt ta’ negozjar kollettiv fil-Ġermanja għandu l-protezzjoni kostituzzjonali mogħtija, b’mod ġenerali, mill-Artikolu 9(3) tal-Kostituzzjoni Ġermaniża għad-dritt li jiġu ffurmati assoċjazzjonijiet għas-salvagwardja u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 28 tal-Karta, dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat inkonformità mad-dritt tal-Unjoni.

    44      L-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ negozjar kollettiv b’hekk għandu jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-libertajiet protetti mit-Trattat FUE, li huma intiżi, f’dan il-każ, sabiex jimplementaw id-Direttivi 92/50 u 2004/18, u jkunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Viking Line, punt 46, u Laval un Partneri, punt 94).

    45      Huwa ċertament minnu li, b’mod partikolari fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Albany u van der Woude, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni li huma inerenti fi ftehim kollettiv, ftehim kollettiv konkluż bejn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema, u li jimplementa, f’qasam speċifiku, skema ta’ pensjoni supplimentari amministrata minn fond ta’ pensjoni li r-reġistrazzjoni magħha hija obbligatorja, ma taqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

    46      Madankollu, tali raġunament bl-ebda mod ma jagħti ġudizzju minn qabel dwar il-kwistjoni distinta, li hija dik li hemm f’din il-kawża, tal-osservanza, għall-finijiet tal-indikazzjoni ta’ korpi ta’ assigurazzjoni responsabbli mill-implementazzjoni tal-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju inkwistjoni, tar-regoli tal-Unjoni dwar l-applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, fil-kuntest ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol dwar l-entitajiet pubbliċi li jħaddmu.

    47      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa inerenti fl-eżerċizzju tal-libertà tal-imsieħba soċjali u tad-dritt ta’ negozjar kollettiv li jiġu ppreġudikati d-direttivi li japplikaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Viking Line, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

    48      Barra minn hekk, il-fatt li ftehim jew attività huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni ma jfissirx awtomatikament li dan il-ftehim jew din l-attività hija eskluża wkoll mill-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-disposizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi, meta dawn iż-żewġ tipi ta’ dispożizzjonijiet rispettivi jissodisfaw, il-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Viking Line, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, b’differenza mill-għan, miftiehem bejn l-imsieħba soċjali, li jittejjeb il-livell tal-pensjonijiet tal-impjegati tas-servizz pubbliku komunali, l-indikazzjoni ta’ korpi u ta’ impriżi fi ftehim kollettiv bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ ma taffettwax l-essenza tad-dritt ta’ negozjar kollettiv.

    50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-fatt li l-għoti tal-kuntratti kontenzjużi jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ma jwassalx, fih innifsu, għall-esklużjoni ta’ dan il-każ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 92/50 u 2004/18.

    51      Għaldaqstant titqajjem il-kwistjoni tar-rikonċiljazzjoni tar-rekwiżiti marbuta mat-twettieq tal-għan soċjali segwit f’dan il-każ mill-partijiet fin-negozjati kollettivi ma’ dawk li jirriżultaw mid-Direttivi 92/50 u 2004/18.

    52      Tali kwistjoni timplika li jiġi vverifikat, fid-dawl tad-dokumenti tal-proċess li, meta saret id-definizzjoni tal-kontenut tal-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, intiża mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha sa fejn dan l-artikolu jservi ta’ bażi għall-għoti ta’ kuntratti kontenzjużi, kien ġie osservat bilanċ ġust fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi rispettivi involuti, jiġifieri t-titjib tal-livell tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-ħaddiema kkonċernati, minn naħa, u l-implementazzjoni tal-libertajiet ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-ftuħ għall-kompetizzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, min-naħa l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punti 81 u 82).

    53      F’dan ir-rigward, għalkemm, ċertament, l-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA jaqa’ taħt ftehim kollettiv li, kif ġie enfasizzat fil punt 40 ta’ din is-sentenza, isegwi, b’mod ġenerali, għan soċjali, madankollu għandu jiġi kkonstatat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 176 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-imsemmi artikolu jħalli barra kompletament, u għal perijodu indefinit, l-applikazzjoni tar-regoli taħt id-Direttivi 92/50 u 2004/18 fil-qasam tat-tfaddil għall-irtirar tal-impjegati komunali, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ċaħditx dan.

    54      Dan l-Istat Membru madankollu jsostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA jirrifletti soluzzjoni komuni li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi rispettivi tal-firmatarji ta’ dan il-ftehim kollettiv. Huwa jenfasizza li l-indikazzjoni, fih, ta’ korpi u ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni li huma biss jistgħu jkunu responsabbli għall-implementazzjoni tal-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju stabbiliti fis-servizz pubbliku komunali tippermetti involviment ta’ ħaddiema u teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi ta’ dawn tal-aħħar li huma iktar favorevoli milli kieku l-għażla tal-assiguratur, jew tal-assiguraturi, saret minn kull entità komunali li tħaddem, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

    55      Madankollu hemm lok li jiġi osservat li huwa possibbli li tiġi rrikonċiljata l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ma’ dawk tal-mekkaniżmi, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mid-dritt soċjali Ġermaniż, li jiggarantixxu l-parteċipazzjoni, fi ħdan l-amministrazzjoni jew il-kumpannija komunali kkonċernata, tal-ħaddiema jew tar-rappreżentanti tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet rigward l-għażla tal-korp jew tal-korpi li ser jiġu fdati bl-implementazzjoni tal-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kkontestatx dan fis-seduta.

    56      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ma tistax teskludi li s-sejħa għal offerti tippreskrivi lill-offerenti interessati kundizzjonijiet li jirriflettu l-interessi tal-ħaddiema kkonċernati.

    57      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta fuq dan il-punt mir-Renju tad-Danimarka, issotni li l-offerti tal-korpi u tal-impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA huma bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà. Waqt is-seduta, saret l-enfasi fuq il-fatt li kuntratt ta’ assigurazzjoni jippermetti, permezz tal-ġbir flimkien tar-riskji, li jsir kumpens bejn ir-riskji “tajbin” u “ħżiena”, b’mod partikolari meta l-benefiċċji tal-assigurazzjoni għax-xjuħija jitħallsu fil-forma ta’ rendita vitalizja pagabbli sal-mewt tal-benefiċjarju. Kien ukoll enfasizzat li l-imsemmija korpi u impriżi ma jagħmlu ebda għażla tal-kandidati kkonċernati bbażata fuq kriterji mediċi.

    58      F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-preżervazzjoni ta’ dawn l-elementi ta’ solidarjetà min-natura tagħha, tista’ tiġi rrikonċiljata mal-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Il-ġbir flimkien tar-riskji, li fuqu huwa bbażat kwalunkwe negozju ta’ assigurazzjoni, jista’ fil-fatt, jiġi ggarantit minn korp jew minn impriża ta’ assigurazzjoni magħżula permezz ta’ offerta fuq il-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma hemm xejn, fid-direttivi dwar kuntratti pubbliċi, li jipprekludi li l-entità komunali li tħaddem tispjega, fit-termini tal-offerta, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati mill-offerenti biex jevitaw jew jirrestrinġu l-għażla, mill-aspett mediku, ta’ ħaddiema interessati fil-konverżjoni tas-salarju.

    59      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiffoka fuq l-esperjenza u s-saħħa finanzjarja ta’ korpi u ta’ impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA. Hija żżid li l-għażla ta’ dawn il-korpi u impriżi hija tali li tiżgura l-attrazzjoni tal-miżura ta’ konverżjoni fost l-impjegati tas-servizz pubbliku komunali.

    60      Madankollu, minbarra l-fatt li d-direttivi tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi għandhom regoli li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jiżguraw il-kompetenza professjonali u finanzjarja tal-offerenti, ma jistax jiġi preżunt li dawn il-fatturi ta’ esperjenza u ta’ saħħa finanzjarja jistgħu, b’mod ġenerali, ikunu nieqsa fir-rigward tal-korpi jew tal-impriżi ta’ assigurazzjoni minbarra dawk imsemmija fl-imsemmi Artikolu 6.

    61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li skont id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Novembru 2002, li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3), l-impriżi privati li jipprattikaw l-assigurazzjoni bħala grupp huma suġġetti għal regoli ta’ kontroll prudenti kkoordinati fuq il-livell tal-Unjoni, intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiggarantixxu s-solidità finanzjarja tagħhom.

    62      L-istituzzjonijiet ta’ pensjoni professjonali huma s-suġġett ta’ regoli tal-istess natura skont id-Direttiva 2003/41/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 350). Dawn ir-regoli, koordinati fuq il-livell tal-Unjoni għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà għall-pensjonanti futuri li għandhom jirċievu l-benefiċċji tal-imsemmija istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑343/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).

    63      Għandu jiġi osservat ukoll li, skont indikazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kuntratti ta’ assigurazzjoni kienu, fuq il-bażi tat-tielet sentenza tal-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, ingħataw direttament mill-entitajiet komunali li jħaddmu lil korpi barra minn dawk imsemmija f’dawn l-ewwel u t-tieni sentenzi ta’ dan l-Artikolu 6. Matul dawn il-proċeduri bl-ebda mod ma ġie stabbilit, u lanqas sostnut, li din is-soluzzjoni naqqset l-inċentiv tal-ħaddiema kkonċernati mill-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju.

    64      Fir-raba’ lok, l-imsemmi Stat Membru jenfasizza li l-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA jippermetti lill-entitajiet komunali li jħaddmu sabiex ma jagħmlux użu minn proċedura individwali għall-għażla tal-korp jew tal-korpi responsabbli għall-implementazzjoni tal-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju fuq il-livell tal-amministrazzjoni jew tal-impriża tagħhom stess. Barra minn hekk, l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni applikati mill-korpi u mill-impriżi msemmija f’dan l-Artikolu 6 huma ogħla.

    65      Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jilleġittimizzaw l-esklużjoni ta’ dispożizzjonijiet u proċeduri maħsuba biex jiżguraw, fl-interessi tal-entitajiet komunali li jħaddmu u tal-impjegati tagħhom, l-aċċess għal offerta usa’ ta’ servizzi fuq il-livell tal-Unjoni.

    66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punti 53 sa 65 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi konkluż li l-osservanza tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi ma tirriżultax li hija inkonsistenti mat-twettiq tal-għan soċjali segwit mill-firmatarji tat-TV-EUmw/VKA fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ negozjar kollettiv.

    67      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-għoti tal-kuntratti kontenzjużi jaqax taħt il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 92/50 u 2004/18.

     Fuq il-kwalifika tal-kuntratti inkwistjoni bħala kuntratti pubbliċi għal servizzi, fis-sens tad-Direttivi 92/50 u 2004/18

    68      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku bejn il-partijiet f’din il-kawża li l-kuntratti inkwistjoni jirrigwardaw servizzi ta’ assigurazzjoni, fis-sens tal-kategorija 6(a) tal-Annessi I A tad-Direttiva 92/50 jew II A tad-Direttiva 2004/18.

    69      Huwa wkoll paċifiku bejn dawk il-partijiet li dawn il-kuntratti ġew konklużi bil-miktub, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50 jew tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva Nru 2004/18.

    70      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tikkontesta, fl-ewwel lok, li l-kundizzjonijiet l-oħra li dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw għall-kwalifika ta’ “kuntratti pubbliċi”, fis-sens tal-imsemmija direttivi, huma sodisfatti f’dan il-każ.

    71      Hija tallega li l-entitajiet komunali li jħaddmu ma jaġixxux bħala awtoritajiet kontraenti meta jimplementaw biss, fil-qasam tal-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża, għażla definita minn qabel permezz ta’ ftehim kollettiv, mingħajr ma jkollhom awtonomija deċiżjonali li tista’ twassalhom sabiex jagħtu, volontarjament, preferenza lit-tali offerent jew lill-ieħor.

    72      Barra minn hekk hija ssostni li l-kuntratti inkwistjoni ma humiex kuntratti onerużi. Fil-fatt, teżisti relazzjoni ta’ skambju ekonomiku biss bejn il-korp ta’ assigurazzjoni u l-ħaddiem li jkun għażel il-konverżjoni tas-salarju. Min iħaddem jillimita ruħu, min-naħa tiegħu, li jibgħat lil dan il-korp, f’isem il-ħaddiem, il-primjums miġbura fir-rigward ta’ din il-konverżjoni, fuq ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Dawn il-kuntratti għandhom bħala għan l-implementazzjoni ta’ miżura li tibbenefika l-impjegati, u mhux l-għoti ta’ kuntratt għall-benefiċċju tas-setgħa pubblika.

    73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li la l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, u lanqas l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, ma jagħmlu distinzjoni bejn kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtorità kontraenti sabiex twettaq il-missjoni tagħha biex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u dawk li ma għandhom ebda konnessjoni ma’ din il-missjoni. In-nuqqas ta’ tali distinzjoni tirrifletti l-għan ta’ dawn id-direttivi, li huma intiżi sabiex jeskludu r-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti jew lill-kandidati nazzjonali waqt kull għoti ta’ kuntratt mogħti mill-awtoritajiet kontraenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et, C‑44/96, Ġabra p. I‑73, punti 32 u 33).

    74      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li t-TV-EUmw/VKA, b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu ġie nnegozjat, partikolarment mir-rappreżentanti tal-entitajiet komunali li jħaddmu. Dawn l-entitajiet li jħaddmu, konsegwentement, eżerċitaw influwenza, għall-inqas indirettament, fuq il-kontenut ta’ dan l-artikolu.

    75      Fl-aħħar nett, il-kundizzjoni dwar in-natura oneruża tal-kuntratti inkwistjoni timplika li għandu jiġi vverifkat jekk dawn il-kuntratti għandhomx interess ekonomiku dirett għall-entitajiet komunali li jħaddmu li jikkonkluduhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller, C‑451/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 48 u 49).

    76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-qasam tas-servizz pubbliku komunali, mill-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA jirriżulta li min iħaddem għandu jimplementa l-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju fost il-korpi pubbliċi msemmija fl-ewwel sentenza tal-imsemmi artikolu, jew, fin-nuqqas ta’ dan, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-miżura proposta minn impriżi msemmija fit-tieni sentenza tal-istess artikolu.

    77      Skont l-Artikolu 1(1) tal-BetrAVG, min iħaddem “għandu jkun responsabbli għall-implementazzjoni tal-benefiċċji li jkun approva anki jekk huwa ma jiżgurax direttament l-implementazzjoni tagħhom”.

    78      B’hekk, l-entità komunali li tħaddem tinnegozja t-termini ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni bħala grupp ma’ assiguratur professjonali suġġett għal rekwiżiti speċifiċi ta’ prudenza li jiżguraw is-solidità finanzjarja tagħha. Is-servizzi pprovduti minn dan tal-aħħar jippermettu lil min iħaddem jassumi l-obbligu tiegħu li jkun responsabbli għall-implementazzjoni korretta ta’ din il-forma ta’ kumpens differit li jirriżulta mill-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju. Barra minn hekk huma jeħilsuh mill-amministrazzjoni ta’ din il-miżura.

    79      Fil-kuntest ta’ tali kuntratt, l-entità komunali li tħaddem tħallas lill-korp jew lill-impriża inkwistjoni primjums li jitnaqqsu mir-rimunerazzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-persuni kkonċernati, bħala korrispettiv għall-kisba ta’ servizzi inerenti għall-obbligu tagħha, stabbilit fl-Artikolu 1(1) tal-BetrAVG, li tkun responsabbli għall-implementazzjoni ta’ benefiċċji tal-pensjoni favur ħaddiema li jkunu għażlu, bl-approvazzjoni tagħha, il-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju.

    80      Il-fatt li l-benefiċjarji finali ta’ benefiċċji ta’ pensjoni huma l-ħaddiema li ssieħbu fl-imsemmija miżura ma huwiex tali li joħloq dubji dwar in-natura oneruża ta’ tali kuntratt.

    81      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta fuq dan il-punt mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja, issostni, fit-tieni lok, li l-eċċezzjoni prevista, rispettivament, fl-Artikolu 1(a)(viii) tad-Direttiva 92/50 favur kuntratti tax-xogħol u fl-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18 favur kuntratti ta’ impjieg testendi għal kwalunkwe provvista ta’ servizz li l-bażi tagħha tinsab, bħal f’dan il-każ, f’kuntratt ta’ din in-natura jew fi ftehim kollettiv li jifforma parti integrali minnu, u li, minħabba l-għan tiegħu, jaqa’ taħt id-dritt tax-xogħol.

    82      Madankollu, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punti 4 u 12 ta’ din is-sentenza, din l-eċċezzjoni, li, bħala deroga għall-applikazzjoni tad-direttivi fuq il-kuntratti pubbliċi għal servizzi, għandha tingħata interpretazzjoni stretta, ma tistax tiġi estiża għal provvista ta’ servizzi li, bħal f’dan il-każ, huma bbażati mhux fuq kuntratt ta’ impieg, iżda fuq kuntratt konkluż bejn min iħaddem u impriża ta’ assigurazzjoni, u li huma, barra minn hekk, mhux relatati mat-tħassib speċifiku espress mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 28 tad-Direttiva 2004/18.

     Fuq id-determinazzjoni tal-valur tal-kuntratt u l-qabża tal-livelli ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 92/50 u 2004/18

    83      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ċaħditx ir-rilevanza tal-limiti ta’ EUR 236 000 u ta’ EUR 211 000 ikkunsidrati mill-Kummissjoni, rispettivament, għall-perijodu li jikkorrispondi għas-snin 2004 u 2005, u dik li tikkorrispondi għas-snin 2006 u 2007, sabiex jiġu definiti, f’dan il-każ, il-kuntratti li, minħabba l-valur tagħhom, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 jew tad-Direttiva 2004/18.

    84      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-eżattezza tal-metodu ta’ kalkolu kkunsidrat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-qies kritiku, f’numru ta’ impjegati, li abbażi tiegħu l-entitajiet komunali li jħaddmu huma meqjusa li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ assigurazzjoni li l-valur tagħhom huwa daqs jew jaqbeż il-limitu rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 jew dik tad-Direttiva 2004/18.

    85      Fl-ewwel lok, l-imsemmi Stat Membru jsostni li l-kalkolu tal-valur tal-kuntratt, fis-sens ta’ dawn id-direttivi, għandu, f’dan il-każ, ikun ibbażat esklużivament fuq l-ammont ta’ spejjeż ta’ amministrazzjoni mitluba mill-impriża għar-remunerazzjoni tas-servizzi pprovduti, u mhux fuq l-ammont totali ta’ primjums imħallsa fil-kuntest tal-konverżjoni tas-salarju, peress li dan l-aħħar ammont huwa, fil-fatt, impossibbli li jiġi stabbilit bi preċiżjoni waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    86      Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fir-rigward ta’ kuntratti dwar servizzi ta’ assigurazzjoni, fis-sens tal-kategorija 6(a) tal-Anness I A tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II A tad-Direttiva 2004/18, kemm l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 92/50 kif ukoll l-Artikolu 9(8)(a)(i) tad-Direttiva 2004/18 jirreferu għall-“primjum pagabbli” bħala element bażiku għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt rilevanti.

    87      Fir-rigward tas-servizzi ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża, il-“valur stmat tal-kuntratt”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, konsegwentement jikkorrispondi, hekk kif ġustament ikkunsidrat il-Kummissjoni, għall-valur stmat tal-primjums, f’dan il-każ, il-kontribuzzjonijiet imnaqqsa, bħala konverżjoni tas-salarju, mir-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati fl-amministrazzjoni jew fl-impriża komunali kkonċernata, u ddedikati għall-finanzjament tas-servizzi finali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża. Fil-fatt, l-imsemmija primjums jikkostitwixxu, f’dan il-każ, il-korrispettiv prinċipali tas-servizzi pprovduti mill-korp jew mill-impriża li tipprovdi servizzi lill-entità komunali li tħaddem fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dawn is-servizzi.

    88      F’kuntest, bħal dak inkwistjoni, fejn indikazzjoni preċiża, fil-mument tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, tal-valur totali ta’ dawn il-primjums hija magħmula impossibbli minħabba l-għażla mogħtija lil kull impjegat, li jaderixxxi, jew le, għall-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju, u fid-dawl tat-tul ta’ tali kuntratt, li huwa twil, jew saħansitra indefinit, kif ġie kkonfermat fid-dibattitu waqt is-seduta, kemm it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 92/50 kif ukoll l-Artikolu 9(8)(b)(ii) tad-Direttiva 2004/18 jimponu li għandu jittieħed bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ dan il-kuntratt “il-ħlas fix-xahar immultiplikat bi 48”.

    89      Kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 150 tal-konklużjonijiet tiegħu, għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, kif kellhom jagħmlu l-entitajiet komunali kkonċernati, ġustament qabel kollox ibbażat il-kalkolu tagħha fuq stima tal-ammont medju ta’ kull xahar ta’ konverżjoni tar-rimunerazzjoni għal kull impjegat, immultiplikat bi 48, li, sussegentement, hija ddeterminat, fid-dawl tar-riżultat ta’ din il-multiplikazzjoni, in-numru ta’ adeżjonijiet individwali ta’ impjegati għall-konverżjoni tas-salarju, neċessarju sabiex jintlaħaq il-limitu relevanti għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, u li, fl-aħħar nett, abbażi ta’ stima tal-perċentwali ta’ parteċipazzjoni ta’ impjegati tas-servizz pubbliku komunali għall-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju, iddefiniet l-ammont kritiku, f’numru ta’ impjegati, li abbażi tiegħu l-entitajiet komunali li jħaddmu taw kuntratti li jilħqu jew jaqbżu l-imsemmi limitu.

    90      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, naqset, fil-kalkoli tagħha, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, enfasizzat fl-istadju tal-proċeduri prekontenzjużi, li ċertu numru ta’ entitajiet komunali li jħaddmu kkonkludew, għall-implementazzjoni tal-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju fuq il-livell tal-amministrazzjoni jew tal-impriża proprja tagħhom, diversi kuntratti ma’ organizzazzjonijiet jew kumpanniji differenti. Fil-fehma tagħha, dan il-fatt kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-valur stmat tal-kuntratt skont kull kuntratt ta’ assigurazzjoni ffirmat mill-entità komunali li tħaddem.

    91      Madankollu, ikunu xi jkunu r-raġunijiet li wasslu lill-entitajiet komunali li jħaddmu sabiex jirrikorru għal din il-prassi, u irrispettivament minn jekk il-kuntratti kontenzjużi jikkostitwixxux − kif issostni l-Kummissjoni iżda kif tikkontesta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja – ftehim-qafas, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18, mill-kliem stess tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, li tistabbilixxi r-regola ġenerali għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt pubbliku, jirriżulta li dan il-kalkolu huwa bbażat fuq l-“ammont totali” ta’ dan il-kuntratt, stmat mill-awtorità kontraenti.

    92      F’dan il-każ, konsegwentement, il-kalkolu rilevanti għandu jkun ibbażat fuq l-ammont totali stmat tas-suq li jikkonċerna l-assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża fuq il-livell tal-amministrazzjoni jew tal-impriża kkonċernata, f’termini ta’ primjums marbuta mal-konverżjoni tas-salarju.

    93      Kif issostni l-Kummissjoni, fir-rigward ta’ tali kuntratt, li l-għan tiegħu huwa intrinsikament wieħed, kalkolu li, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jiddependi min-numru ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi mill-entità komunali kkonċernata li tħaddem iwassal għal diviżjoni artifiċjali ta’ dan il-kuntratt, li tista’ teskludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, għalkemm il-valur globali stmat tiegħu huwa ugwali jew jaqbeż il-limitu ta’ implementazzjoni rilevanti ta’ din il-leġiżlazzjoni.

    94      Barra minn hekk, dan il-kalkolu jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li, fil-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti potenzjali differenti, il-valur individwali tagħhom ma jistax jiġi stmat, fid-dawl tal-impossibbiltà li jiġi previst, b’mod approssimattiv biss, f’liema proporzjon l-għażla ulterjuri ta’ kull impjegat li jixtieq jaderixxi mal-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju ser tirrigwarda kull waħda mill-impriżi kkonċernati. Kalkolu simili, ibbażat fuq diviżjoni matematika pura tal-valur globali stmat tal-kuntratt skont in-numru ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni previsti, jista’ b’hekk iwassal sabiex jeskludi dawn il-kuntratti mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, meta jkun jirriżulta, sussegwentement, li l-valur ta’ wħud minn dawn il-kuntratti jilħaq jew jaqbeż il-limitu ta’ applikazzjoni rilevanti minħabba n-numru ta’ impjegati li jaderixxu u l-ammont tal-primjums imħallsa lill-impriża.

    95      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat, matul il-proċeduri kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżattezza taċ-ċifri kkunsidrati mill-Kummissjoni dwar ir-rati ta’ adeżjoni tal-impjegati fis-servizz pubbliku komunali għall-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju.

    96      Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li, f’kull stadju tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża l-kalkolu tagħha fuq il-figuri l-iktar affidabbli mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati komunali għall-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju, u dan wassalha sabiex finalment tillimita s-suġġett tar-rikors tagħha fis-sens indikat fil-punt 3 ta’ din is-sentenza f’dak li jikkonċerna l-perijodu li jkopri s-snin 2004 sa 2007.

    97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li s-suġġett ta’ din il-kawża jista’ jestendi għal għotjiet ta’ kuntratti kontenzjużi sussegwenti għad-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fl-4 ta’ Settembru 2006, peress li dawn l-għotjiet huma riżultat ta’ aġir tal-istess natura bħal dawk intiżi mill-imsemmija opinjoni motivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1983, Il-Kummissjoni vs Franza, 42/82, Ġabra p. 1013, punt 20; tal-4 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑113/86, Ġabra p. 607, punt 11, u tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑236/05, Ġabra p. I‑10819, punt 12).

    98      Min-naħa l-oħra, l-għażla magħmula mill-Kummissjoni, fil-kalkoli tagħha matul dawn il-proċeduri, li tapplika matul il-perijodu kopert mir-rikors tagħha, l-figuri relatati mas-sena 2006, li matulu t-terminu msemmi iktar ’il fuq kien skada, imur kontra l-fatt li l-entitajiet komunali li jħaddmu li kienu taw il-kuntratti kontenzjużi matul l-2004 jew l-2005 setgħu, min-naħa tagħhom, jevalwaw il-kuntratt inkwistjoni biss abbażi ta’ stimi marbuta ma’ sena waħda jew sena oħra minn dawn is-sentejn. Konsegwentement hija l-Kummissjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkoli dwar, rispettivament, is-sena 2004 u s-sena 2005, il-figuri għas-sena korrispondenti.

    99      Mill-indikazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kontroreplika tagħha jirriżulta li dawn il-figuri huma stabbiliti, kif ġej, f’termini, rispettivament, tal-ammont medju fix-xahar ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni għal kull impjegat u tal-perċentwali tal-parteċipazzjoni tal-impjegati tas-servizz pubbliku komunali għall-miżura ta’ konverżjoni tas-salarju:

    –        għas-sena 2004: EUR 77.95 u 1.4 %, u

    –        għas-sena 2005: EUR 89.14 u 1.76 %.

    100    Fid-dawl ta’ din id-data, u minħabba l-metodu ta’ kalkolu applikabbli, kif ġie osservat fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat in-nuqqas allegat sa fejn kuntratti ta’ assigurazzjoni ngħataw direttament, mingħajr sejħa għal offerti fuq il-livell tal-Unjoni, lil korpi jew impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA:

    –        fl-2004 minn amministrazzjonijiet jew minn impriżi komunali li dak iż-żmien kellhom iktar minn 4 505 impjegat;

    –        fl-2005 minn amministrazzjonijiet jew minn impriżi komunali li dak iż-żmien kellhom iktar minn 3 133 impjegat; kif ukoll

    –        fl-2006 u fl-2007 minn amministrazzjonijiet jew minn impriżi komunali li dak iż-żmien kellhom iktar minn 2 402 impjegat.

    101    Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-bliet ta’ Berlin, ta’ Bremen u ta’ Hamburg kienu ġew, b’mod żbaljat, ikkunsidrati bħala membri ta’ assoċjazzjoni reġjonali tal-VKA u, għaldaqstant, kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-TV-EUmw/VKA.

    102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, wara spjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt din il-proċedura, il-Kummissjoni warrbet lill-belt ta’ Berlin mis-suġġett tar-rikors tagħha.

    103    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-bliet ta’ Bremen u ta’ Hamburg, dan l-Istat Membru aċċetta li, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, dawn iż-żewġt ibliet kienu membri, rispettivament, tal-Kommunaler Arbeitgeberverband Bremen eV (Assoċjazzjoni tal-entitajiet komunali li jħaddmu ta’ Bremen) u tal-Arbeitsrechtliche Vereinigung Hamburg eV (Assoċjazzjoni ta’ dritt tax-xogħol ta’ Hamburg), li huma membri tal-VKA.

    104    Barra minn hekk, l-imsemmi Stat Membru ma ssostanzja b’ebda prova konkreta d-dikjarazzjoni, li tinsab fil-kontroreplika tiegħu, li l-uffiċjali tas-servizzi pubbliċi ta’ dawn iż-żewġt ibliet ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-TV-EUmw/VKA minħabba l-istatus speċifiku tal-membri ta’ kull waħda miż-żewġ assoċjazzjonijiet reġjonali msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

    105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn kuntratti ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża ngħataw direttament, mingħajr sejħa għal offerti fuq il-livell tal-Unjoni, lil korpi jew impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-Umw/VKA, fl-2004, minn amministrazzjonijiet jew impriżi komunali, li dak iż-żmien kellhom iktar minn 4 505 impjegat, fl-2005, minn amministrazzjonijiet jew impriżi komunali li dak iż-żmien kellhom iktar min 3 133 impjegat, kif ukoll fl-2006 u fl-2007, minn amministrazzjonijiet jew impriżi komunali li dak iż-żmien kellhom iktar minn 2 402 impjegat, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha, sal-31 ta’ Jannar 2006, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 u tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50 u, mill-1 ta’ Frar 2006, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 20 u 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18.

    106    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    107    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Fil-każ preżenti, peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfu xi wħud mit-talbiet tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    108    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess regoli, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja, li intervjenew f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Sa fejn kuntratti ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fi ħdan impriża ngħataw direttament, mingħajr sejħa għal offerti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, lil korpi jew impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tal-Ftehim kollettiv dwar il-konverżjoni, għall-impjegati tas-servizz pubbliku komunali, ta’ parti tar-remunerazzjoni ta’ tfaddil għall-irtirar (Tarifvertrag zur Entgeltungwandlung für Arbeitnehmer im Kommunalen öffentlichen Dienst), fl-2004, minn amministrazzjonijiet jew impriżi komunali li dak iż-żmien kellhom iktar minn 4 505 impjegat, fl-2005, minn amministrazzjonijiet jew impriżi komunali li dak iż-żmien kellhom iktar min 3 133 impjegat, kif ukoll fl-2006, u fl-2007, minn amministrazzjonijiet jew impriżi komunali li dak iż-żmien kellhom iktar minn 2 402 impjegat, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha, sal-31 ta’ Jannar 2006, taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 u tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizz] u, mill-1 ta’ Frar 2006, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 20 u 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti, u għal servizzi].

    2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

    3)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq