EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0341

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Jannar 2010.
Domnica Petersen vs Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Sozialgericht Dortmund - il-Ġermanja.
Direttiva 2000/78/KE - Artikoli 2(5) u 6(1) - Projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa l-età ta’ 68 sena bħala l-età massima għall-prattika tal-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa - Għan imfittex - Kunċett ta’ ‘miżura neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa’ - Koerenza - Karattru adattat u approprjat tal-miżura.
Kawża C-341/08.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:4

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

“Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2(5) u 6(1) — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa għal 68 sena l-età massima għall-prattika tal-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa — Għan li għandu jintlaħaq — Kunċett ta’ ‘miżura neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa’ — Koerenza — Natura adatta u xierqa tal-miżura”

Fil-Kawża C-341/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sozialgericht Dortmund (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

Domnica Petersen

vs

Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe,

fil-preżenza ta’:

AOK Westfalen-Lippe,

BKK-Landesverband Nordrhein-Westfalen,

Vereinigte IKK,

Deutsche Rentenversicherung Knappschaft-Bahn-See - Dezernat 0.63,

Landwirtschaftliche Krankenkasse NRW,

Verband der Angestellten-Krankenkassen eV,

AEV — Arbeiter-Ersatzkassen-Verband eV,

Kassenzahnärtzliche Vereinigung Westfalen-Lippe,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President, E. Levits, P. Lindh (Relatur), Presidenti ta’ Awla, C. W. A Timmermans, A. Rosas, P. Kūris, A. Borg Barthet, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D. Petersen, minn H.-J. Brink, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. McGarry, BL,

għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz, J. Enegren u B. Conte, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Petersen au Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe (Bord tal-Appell tad-dentisti fid-distrett ta’ Westphalie-Lippe) rigward ir-rifjut ta’ din il-kummissjoni li tawtorizza lill-parti kkonċernata milli teżerċita l-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa wara l-età ta’ 68 sena.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-Direttiva ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 13 KE. Id-disa’, il-ħdax u l-ħamsa u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva jipprovdu s-segwenti:

“(9)

L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

[…]

(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

[…]

(25)

Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

4

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva għandha bħala għan “li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’; għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

6

L-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva jipprovdi:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

7

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati [xierqa] u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

ċ)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

8

B’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva, it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fis-sistema legali tal-Istati Membri għandha ssir sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003. Madankollu, skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu:

“Sabiex jittieħed kont ta’ kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, jekk neċessarju, jkollhom perijodu addizzjonali ta’ 3 snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri total ta’ 6 snin, biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u ta’ diżabilità. F’dak il-kaz għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih […]”

9

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu minn din il-possibbiltà, b’mod li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-età u tad-diżabilità kellha ssir f’dan l-Istat Membru mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2006.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10

Il-liġi ġenerali fuq it-trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”), ittrasponiet id-Direttiva. Din il-liġi la ħassret u lanqas ma emendat il-limitu fl-età applikabbli għad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, imsemmija iktar ’il quddiem.

11

Il-liġi fuq il-garanzija u t-titjib tal-istrutturi tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard (Gesetz zur Sicherung und Strukturverbesserung der gesetzlichen Krankenversicherung), tal-21 ta’ Diċembru 1992 (BGBl. 1992 I, p. 2266, iktar ’il quddiem il-“GSG 1993”), introduċiet limitu fl-età massima li tapplika għat-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jinsab, sa mill-14 ta’ Novembru 2003, fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tal-Ktieb V tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch, BGBl. 2003 I, p. 2190, iktar ’il quddiem “SGB V”).

12

It-tielet sentenza tal-imsemmi Artikolu 95(7) tipprovdi li, mill-1 ta’ Jannar 1999, l-awtorizzazzjoni biex wieħed jeżerċita l-attività ta’ tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiskadi fl-aħħar tat-trimestru li fih it-tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jilħaq l-età ta’ 68 sena.

13

B’mod konformi mat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(1) tal-SGB V, din id-dispożizzjoni tapplika b’analoġija għad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

14

Il-qorti tar-rinviju ssostni li dan il-limitu fl-età huwa konformi mal-Artikolu 102 tal-SGB V li introduċa mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni tat-tobba (dentisti) skont l-eżiġenzi tar-reġjun, applikabbli ukoll sa mill-1 ta’ Jannar 1999.

15

L-espożizzjoni tal-motivi tal-GSG 1993 hija fformulata kif ġej:

“Iż-żieda fin-numru ta’ tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jikkostitwixxi waħda mill-kawżi essenzjali taż-żidiet eċċessivi fl-ispejjeż tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard. Fid-dawl taż-żieda kostanti fin-numru ta’ tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali, jidher li huwa meħtieġ li jiġi llimitat in-numru ta’ tobba fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. L-eċċess fil-provvista ma jistax jiġi kkontrollat biss b’limitazzjonijiet fl-awtorizzazzjoni u għaldaqstant bi żvantaġġ għall-ġenerazzjoni żagħżugħa tat-tobba. L-introduzzjoni ta’ limitu obbligatorju fl-età tat-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa hija meħtieġa wkoll għal dan il-għan.”

16

Mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan il-limitu fl-età japplika suġġett għall-erba’ eċċezzjonijiet segwenti, li minnhom l-ewwel tlieta huma inklużi fil-leġiżlazzjoni kkonċernata u l-aħħar waħda tirriżulta minnha:

il-parti kkonċernata kienet ħadmet, għal inqas minn 20 sena, ta’ tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, sakemm għalqet l-età ta’ 68 sena u kienet diġà ġiet awtorizzata taħdem ta’ tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa qabel l-1 ta’ Jannar 1993; f’dan il-każ, l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi estiża l-iktar sal-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ 20 sena;

nuqqas ta’ tobba (dentisti) li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa f’ċerti żoni tar-reġjun tal-awtorizzazzjoni;

f’każ ta’ mard, leave jew parteċipazzjoni f’taħriġ tat-tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa;

il-leġiżlazzjoni tapplika biss għal tobba (dentisti) li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, barra minn din is-sistema t-tobba u d-dentisti jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom mingħajr ma jkun impost fuqhom limitu fuq l-età.

17

Permezz tal-liġi li temenda d-dritt tat-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa u liġijiet oħra (Gesetz zur Änderung des Vertragsarztrechts und anderer Gesetze — Vertragsarztänderungsgesetz), tat-22 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006, p. 3439), il-leġiżlatur ħassar l-Artikolu 102 tas-SGB V li kien jipprovdi l-kwoti tat-tobba (dentisti) skont l-eżiġenzi skont ir-reġjuni, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, iżda żamm il-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

D. Petersen, li twieldet fl-24 ta’ April 1939, laħqet l-età ta’ 68 sena fix-xahar ta’April 2007. Hija kienet ilha awtorizzata tipprovdi servizzi ta’ dentista fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa sa mill-1 ta’ April 1974.

19

B’deċiżjoni tal-25 ta’ April 2007, iz-Zulassungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe (il-Kummissjoni ta’ Awtorizzazzjoni tad-Dentisti tad-Distrett ta’ Westphalie-Lippe) ikkonstatat li l-awtorizzazzjoni ta’ D. Petersen biex tipprovdi servizzi ta’ kura fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa kienet tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2007.

20

D. Petersen ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni fejn, b’mod partikolari, esponiet li din kienet tmur kontra l-AGG.

21

Peress li l-appell tagħha ġie miċħud mill-Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe, D. Petersen ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sozialgericht Dortmund.

22

Din il-qorti tesponi li ċ-ċaħda tal-ilment ta’ D. Petersen hija valida fid-dawl tad-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-analiżi tal-Bundessozialgericht u tal-Bundesverfassungsgericht, li jipprovdu illi l-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien iġġustifikat. Madankollu kull waħda minn dawn il-qrati bbażat ruħha fuq motivi differenti. Il-Bundessozialgericht tikkunsidra li dan il-limitu fl-età kien ippermetta li jiġi żgurat it-tqassim ekwu tal-piżijiet bejn il-ġenerazzjonijiet u li dan jibqa’ utli sabiex jinżammu l-possibbiltajiet ta’ impjieg ta’ dentisti żgħażagħ li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, din il-ġustifikazzjoni ma tibqax valida wara t-tneħħija tal-kwoti tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa u t-tneħħija tan-natura eċċessiva fil-provvista tal-kuri.

23

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-għan imressaq mill-Bundesverfassungsgericht f’sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2007. Skont din is-sentenza, l-imsemmi limitu fl-età huwa ġġustifikat bin-neċessità li jiġu protetti l-pazjenti benefiċjarji tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard kontra r-riskji ppreżentati mid-dentisti anzjani li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, li l-kapaċità tagħhom ma għadhiex l-aħjar. Il-Bundesverfassungsgericht sostniet l-analiżi li kienet żviluppat preċedentement f’sentenza tal-1998 u kienet iddeċidiet li l-leġiżlatur, fil-marġni ta’ diskrezzjoni li jiddisponi minnha, ma huwiex obbligat li jipprovdi eżami individwali tal-kapaċitajiet fiżiċi u mentali ta’ kull tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li laħaq l-età ta’ 68 sena. Għall-kuntrarju, il-leġiżlatur seta’ jadotta leġiżlazzjoni ġenerali bbażata fuq l-informazzjoni marbuta mal-esperjenza. Il-Bundesverfassungsgericht kienet iddeċidiet ukoll li n-nuqqas ta’ riferiment għall-protezzjoni tas-saħħa tal-assigurati fl-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi huwa irrilevanti u kienet fakkret li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kostituzzjonalità ta’ dispożizzjoni legali, hija kkunsidrat l-aspetti kollha u ma kinitx illimitata minn din l-espożizzjoni.

24

Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk din l-analiżi tapplikax ukoll fir-rigward tad-Direttiva. Skontha, il-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex miżura fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva, peress li l-protezzjoni tas-saħħa ma hijiex, fl-opinjoni stess tal-leġiżlatur, ir-raġuni li wasslitu jadotta d-dispożizzjoni kkonċernata. Dan il-limitu fl-età lanqas ma jammonta għal ħtieġa professjonali essenzjali u determinanti, fi ħdan l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stabbiliti. Fl-aħħar nett, din il-qorti tesprimi dubji fir-rigward tal-konformità tal-imsemmi limitu fl-età fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

25

L-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-protezzjoni tas-saħħa tal-assigurati, imressqa mill-Bundesverfassungsgericht, tistax tammonta għal għan leġittimu fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, peress li dan l-għan, fir-realtà, ma jikkorrispondix mal-intenzjoni tal-leġiżlatur.

26

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu effett li jippenalizza ħafna lid-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jixtiequ jaħdmu l-professjoni tagħhom wara dan il-limitu, peress li l-popolazzjoni taqa’, b’perċentwali ta’ 90%, taħt is-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard ibbażata fuq is-sistema kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Hija tistaqsi jekk miżura inqas restrittiva, bħall-eżami tas-sitwazzjonijiet individwali każ b’każ, hijiex possibbli.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sozialgericht Dortmund iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Tista’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi età massima għall-aċċess għal professjoni (f’dan il-każ għall-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa) fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva […] tkun miżura objettiva u raġonevoli għall-protezzjoni ta’ għan leġittimu (f’dan il-każ is-saħħa tal-pazjenti li għandhom assigurazzjoni tas-saħħa statutorja) u mezz xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan meta din il-leġiżlazzjoni hija bbażata esklużivament fuq il-preżunzjoni, derivata mill-esperjenza ġenerali tal-ħajja, li wara età partikolari tibda tmur lura l-kapaċità ġenerali ta’ dak li jkun mingħajr ma tittieħed b’ebda mod inkunsiderazzjoni l-kapaċità attwali tal-persuna kkonċernata?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: jista’ għan (leġiżlattiv) (f’dan il-każ il-protezzjoni tas-saħħa tal-pazjenti li għandhom assigurazzjoni tas-saħħa statutorja) jiġi kkunsidrat bħala leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6 anki jekk dan l-għan ma kellu ebda rwol fil-perċezzjoni mil-leġiżlatur tad-diskrezzjoni leġiżlattiva tiegħu?

3)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda: liġi promulgata qabel l-adozzjoni tad-Direttiva […] li mhijiex kompatibbli ma’ din id-direttiva għandha, minħabba l-preċedenza tad-dritt Ewropew, ma tiġix applikata jekk il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (f’dan il-każ [l-AGG]) ma tipprevedi ebda konsegwenza legali fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

28

Il-Gvern Ġermaniż isostni, fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fid-dawl tat-tibdil imminenti tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li jkollu bħala konsegwenza li jneħħi l-projbizzjoni mill-prattika tal-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa wara li jkun laħaq l-età ta’ 68 sena.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ċ-ċirkustanza li tibdil bħal dan kellu jseħħ huwa irrilevanti. Fil-fatt, mill-informazzjoni li tidher fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-awtorizzazzjoni ta’ D. Petersen sabiex tipprattika l-professjoni ta’ dentist fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa ġiet irrevokata u li hija ġiet miċħuda mill-possibbiltà li teżerċità din l-attività mit-30 ta’ Ġunju 2007. B’hekk jirriżulta li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula hija deċiżiva għall-eżitu tal-kawża prinċipali u li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

30

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprojbixxix miżura nazzjonali li tistabbilixxi età massima għall-prattika tal-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, fil-każ preżenti dik ta’ 68 sena, sabiex tipproteġi s-saħħa tal-pazjenti li jibbenefikaw mis-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, peress li l-kapaċità ta’ dawn id-dentisti tkun preżunta li tonqos minn din l-età. Hija tistaqsi jekk il-fatt li dan l-għan ma ġiex ikkunsidrat mil-leġiżlatur huwiex rilevanti.

31

Sabiex tingħata risposta lill-imsemmija domandi, għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, jekk hija tintroduċix differenza fit-trattament skont l-età u, fl-affermattiv, jekk id-Direttiva tipprekludix din id-differenza fit-trattament.

32

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva, li din tapplika, fil-kuntest tal-kompetenzi tal-Komunità, għall-persuni kollha għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għax-xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ impieg u ta’ xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija u ta’ remunerazzjoni (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C-411/05, Ġabra p. I-8531, punt 43, u tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C-388/07, Ġabra p. I-1569, punt 24).

33

Il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi età massima għall-prattika tal-professjoni ta’ dentist fil-kuntest tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard. Issa, hekk kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-pazjenti, f’perċentwali ta’ 90%, jaqgħu taħt din is-sistema. B’hekk jirriżulta li l-fatt li dentist ma jistax jeżerċità, fil-kuntest tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, jista’ jillimita d-domanda għal dak li jirrigwarda s-servizzi offerti minn dan. Konsegwentement, billi tistabbilixxi età li minnha l-aċċess għall-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa u l-prattika ta’ din l-attività ma humiex possibbli iktar, it-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tal-SGB V tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu3(1)(ċ) tagħha.

34

It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fihiex differenza fit-trattament skont l-età għal dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, li l-frażi “prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandha tinftiehem bħala n-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jippreċiża li, għall-eżiġenzi tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi ttrattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Palacios de la Villa, punt 50, u Age Concern England, punt 33).

35

L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħat-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V għadha l-konsegwenza li persuni, fil-każ preżenti dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn persuni oħra li jeżerċitaw l-istess professjoni minħabba li huma qabżu l-età ta’ 68 sena. Dispożizzjoni bħal din introduċiet trattament differenti abbażi tal-età, fis-sens tad-Direttiva.

36

It-tielet nett, għandu jiġi ddeterminat jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-applikazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V hijiex konformi jew le mad-Direttiva.

37

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi identifikat l-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li fir-rigward tagħhom għandu jsir eżami ta’ din il-miżura.

38

Il-qorti tar-rinviju semmiet numru ta’ għanijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, il-protezzjoni tas-saħħa tal-pazjenti li jaqgħu taħt is-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, il-kapaċità tad-dentisti li hija preżunta li tonqos sa minn ċerta età, it-tieni nett, it-tqassim tal-possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet u, t-tielet nett, il-bilanċ tal-finanzi tas-sistema tas-saħħa Ġermaniża. Hija madankollu sostniet wieħed biss, jiġifieri l-ewwel, fejn enfasizzat li dan l-għan ma jikkorrispondix mal-intenzjoni tal-leġiżlatur.

39

Għandu jingħad li l-qorti tar-rinviju ma rreferietx għax-xogħlijiet preparatorji, għad-dibattiti parlamentari jew għal espożizzjoni tal-motivi tal-liġi li jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom id-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali nżammet fis-seħħ, filwaqt li d-dispożizzjoni li din kienet takkumpanja, li kienet tipprovdi kwota ta’ tobba (dentisti) skont il-bżonnijiet skont ir-reġjun, tħassret.

40

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, huwa importanti li elementi oħra, ibbażati fuq il-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan li għandha din tal-aħħar għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-leġittimità tagħha kif ukoll għan-natura xierqa u neċessarja tal-mezzi implementati sabiex dan l-għan jiġi milħuq (ara s-sentenzi ċċitati Palacios de la Villa, punt 57 u Age Concern England, punt 45).

41

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż indika fl-osservazzzjonijiet tiegħu ppreżentati fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jżomm il-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal perijodu ta’ osservazzjoni limitata, sabiex jiġi vverifikat li l-problemi marbuta mal-karattru eċċessiv tal-provvista tal-kuri mogħtija mid-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa kienu spiċċaw minkejja l-abolizzjoni tal-kwoti. Sakemm kienu għandhom mistennija r-riżultati ta’ din il-verifika, il-leġiżlatur kien ikkunsidra prudenti li jżomm miżura bil-għan li jiġi llimitat n-numru ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa u, b’hekk, l-ispejjeż tas-saħħa billi jipprovdi li mid-dentisti prattikanti li kienu laħqu l-età ta’ 68 sena ma setgħux ikomplu jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-kuntest ta’ ħidma fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Iż-żamma tal-imsemmi limitu fl-età b’hekk, skont dan il-gvern, kienet tħaddan l-għan inizjali tal-GSG 1993, jiġifieri prinċipalment li tikkontrolla l-ispejjeż tas-saħħa pubblika.

42

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali biss li hija kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża li qed tidher quddiemha u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li tfittex ir-raġuni taż-żamma tal-miżura kkonċernata u li b’hekk tidentifika l-għan tagħha.

43

Sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tirrisolvi l-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi stabbilit jekk id-Direttiva tipprekludix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl ta’ kull wieħed mill-għanijiet imqajma.

Fuq l-ewwel u t-tielet għanijiet invokati

44

Għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tielet għanijiet. Fil-fatt, l-ewwel wieħed jikkonċerna direttament il-qasam tas-saħħa tal-pazjenti, fir-rigward tal-kompetenza tat-tobba u tad-dentisti. It-tielet, għalkemm relattiv għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, jirrigwarda wkoll dan il-qasam, madankollu minn angolu differenti.

45

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li mhux biss l-għan intiż għall-manteniment ta’ servizz mediku ta’ kwalità, iżda wkoll dak li jikkonsisti f’li jipprevjeni riskju ta’ preġudizzju gravi fil-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali jaqgħu taħt l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika sa fejn huma jikkontribwixxu t-tnejn kemm huma għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra p. I-4325, punti 103 u 104, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punti 46 u 47).

46

Hekk kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-każ fejn il-limitu fl-età stabbilit għal 68 sena fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V huwa strument li jifforma parti minn politika ta’ ppjanar tal-provvista ta’ kura dentali intiża sabiex tiġi kkontrollata ż-żieda tal-ispejjeż tas-saħħa tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, dan il-limitu fl-età għandu l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, meħud fir-rigward tal-preżervazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

47

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-eżami tal-konformità tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva għandu jseħħ fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tagħha.

48

Madankollu, għandu jitfakkar li l-fatt li qorti tar-rinviju fformulat formalment id-domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawza li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti għandha tieħu mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ dritt Komunitarju li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni tas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C-115/08, Ġabra p. I-10265, punt 81).

49

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva jsemmi speċifikament il-protezzjoni tas-saħħa. Skont din id-dispożizzjoni, id-Direttiva ma għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika.

50

Konsegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet għanijiet fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 2(5).

51

Fir-rigward ta’ miżura meħuda fil-qasam tas-saħħa, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza kif ukoll mal-Artikolu 152(5) KE, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, u b’mod partikolari, sabiex jadottaw dispożizzjonijiet bil-għan li jorganizzaw u jagħtu servizzi ta’ saħħa u ta’ kura medika. L-Istati Membri għandhom ċertament jeżerċitaw din il-kompetenza billi jirrispettaw id-dritt Komunitarju iżda fl-evalwazzjoni tar-rispett ta’ dan l-obbligu, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi l-livell li fih huwa għandu l-intenzjoni li jipproteġi s-saħħa pubblika u l-mod kif dan il-livell jista’ jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni (ara s-sentenzi Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30, u tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C-171/07 u C-172/07, Ġabra p. I-4171, punti 18 u 19).

52

Fid-dawl tal-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni, hemm lok li jiġi ammess li fil-kuntest tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva, Stat Membru jista’ jikkunsidra neċessarju li jiġi stabbilit limitu fl-età għall-prattika ta’ professjoni medika bħal dik ta’ dentist, sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-pazjenti. Din il-kunsiderazzjoni tgħodd għall-għan tal-protezzjoni tas-saħħa jew fir-rigward tal-kompetenza tad-dentisti jew minn dak tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema nazzjonali tas-saħħa. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar, ma jistax jiġi eskluż fil-fatt, li ż-żieda tan-numru tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa wassal għal żieda eċċessiva tal-provvista tal-kuri li ssarraf f’livell kbir wisq ta’ spejjeż għall-Istat u li t-tluq mill-parti l-iktar anzjana ta’ dawn id-dentisti tippermetti li tnaqqas dawn l-ispejjeż u li tevita riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Fir-rigward tal-iffissar tal-limitu fl-età għal 68 sena, għandu jingħad li din l-eta tista’ tkun ikkunsidrata bħala suffiċjentement avvanzata sabiex isservi ta’ terminu għall-awtorizzazzjoni għall-prattika ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

53

L-evalwazzjoni tan-natura neċessarja tal-miżura, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq teħtieġ ukoll li tivverifika li l-eċċezzjonijiet għal-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jippreġudikawx il-koerenza tal-leġiżlazzjoni kkonċernata billi jwasslu għal riżultat li jmur kontra dan l-għan. Fil-fatt, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni hija adegwata biss sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat jekk hija verament tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara s-sentenza Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

54

Hekk kif jirriżulta mill-punt 16 tas-sentenza preżenti, ir-regola inkwistjoni fil-kawża principali għandha erba’ eċċezzjonijiet. It-tieni u t-tielet waħda minnhom ikopru n-nuqqas ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa minħabba kemm nuqqas ta’ prattikanti f’ċerti reġjuni, kif ukoll minħabba mard, leave jew parteċipazzjoni tagħhom f’taħriġ. F’dawn il-każijiet, il-pazjenti li jaqgħu fis-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard jistgħu jiġu kkurati minn dentisti ta’ età ta’ iktar minn 68 sena.

55

Għandu jingħad li dawn l-eċċezzjonijiet ma jippreġudikawx l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa. Għall-kuntrarju, huma għandhom l-għan li jiggarantixxu li l-pazjenti kkonċernati jistgħu madankollu jiġu kkurati. Barra minn hekk, maħsuba għal sitwazzjonijiet ta’ nuqqas fil-provvista ta’ kura dentali, ma humiex essenzjalment ta’ natura li jipperikolaw eċċess tal-imsemmija provvista li jista’ jippreġudika l-bilanċ finanzjarju tas-sistema nazzjonali tas-saħħa.

56

L-ewwel eċċezzjoni tikkonċerna d-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa awtorizzati li jipprattikaw fl-1 ta’ Jannar 1993 iżda li, għalkemm laħqu l-età ta’ 68 sena, ma akkumulawx 20 sena ta’ prattika taħt is-sistema ta’ ħidma fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-eċċezzjoni għandha l-għan li ma tisfavorixxix lid-dentisti li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u minkejja età diġà avvanzata, ma kinux eżerċitaw għal żmien suffiċjentement twil sabiex ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar. Din l-eċċezzjoni tikkonċerna b’mod iktar partikolari lid-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja. Skont il-Gvern Ġermaniż, li ma ġiex kontradett fuq dan il-punt, id-dentisti li jaqgħu taħt din l-eċċezzjoni madankollu jirrapreżentaw biss grupp speċifiku u, barra minn hekk, din l-eċċezzjoni hija tranżitorja peress li tintemm wara perijodu massimu ta’ 20 sena.

57

Fid-dawl tal-elementi li jnaqqsu l-portata ta’ din l-ewwel eċċezzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li din ma tippreġudikax il-koerenza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-pazjenti li jaqgħu taħt is-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, previsti kemm fir-rigward tal-kompetenza tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa kif ukoll dak tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

58

Ir-raba’ eċċezzjoni ma tidhirx bħala tali fil-leġiżlazzjoni, iżda tirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Fil-fatt, it-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V tirrigwarda biss id-dentisti li jipprattikaw fil-kuntest tas-sistema ta’ ħidma fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. B’hekk, barra minn dan il-kuntest, id-dentisti jistgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom tkun xi tkun l-età tagħhom u, konsegwentement, il-pazjenti jistgħu jikkuraw ruħhom minn dentisti ta’ età ta’ iktar minn 68 sena.

59

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ammettiet ċerti eċċezzjonijiet għal regoli adottati f’isem il-protezzjoni tas-saħħa, iżda dawn huma limitati fiż-żmien u fil-portata tagħhom (ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italija, C-531/06, Ġabra p. I-4103, punt 73).

60

Sabiex tevalwa l-impatt ta’ din ir-raba’ eċċezzjoni fuq il-koerenza tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva, għandha. Barra minn hekk, jiġu kkunsidrati n-natura u l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Peress li din hija deroga għall-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet, hija għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Il-kliem użat fl-imsemmi Artikolu 2(5) iwassal ukoll għal approċċ bħal dan.

61

Issa, miżura li tammetti eċċezzjoni wiesgħa daqs dik li tirrigwarda d-dentisti li jipprattikaw barra mis-sistema ta’ ħidma fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma tistax tkun ikkunsidrata bħala essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fil-fatt, jekk il-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa tal-pazjenti, ikkunsidrat mill-aspett tal-kompetenza tal-prattikanti kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni, il-pazjenti ma humiex protetti. Din l-eċċezzjoni b’hekk tidher li tmur kontra l-għan li għandu jintlaħaq. Barra minn hekk, hija mhix limitata fiż-żmien u, għalkemm ma ngħataw l-ebda ċifri, hija tapplika potenzjalment għad-dentisti kollha u tidher li tista’ tikkonċerna numru mhux żgħir ta’ pazjenti.

62

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li jekk l-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-pazjenti, ikkunsidrat mill-aspett tal-kompetenza tat-tobba u tad-dentisti, din il-miżura għandha inkoerenzi minħabba l-eżistenza tar-raba’ eċċezzjoni msemmija iktar ’il fuq. F’dan il-każ, il-limitu fl-età impost fuq id-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma huwiex neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva.

63

Jekk, min-naħa l-oħra, l-imsemmija miżura għandha bħala għan li tippreżerva l-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-saħħa pubblika, din ir-raba’ eċċezzjoni ma tippreġudikax l-għan li għandu jintlaħaq. Fil-fatt, din is-sistema taqa’ f’qasam li għalih l-Istat huwa finanzjarjament responsabbli u, mit-tifsira stess, ma testendix għas-sistema tas-saħħa privata. Konsegwentement, l-iffissar ta’ limitu fl-età applikabbli biss għad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, sabiex jiġu kkontrollati l-ispejjeż tas-settur pubbliku tas-saħħa, huwa kompatibbli mal-għan li għandu jintlaħaq. Il-fatt li d-dentisti li joperaw barra mis-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard ma humiex ikkonċernati b’hekk ma tippreġudikax il-koerenza tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.

64

Konsegwentement, sakemm il-miżura tmantni l-imsemmi limitu fl-età bil-għan tal-prevenzjoni ta’ riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali sabiex jintlaħaq livell ta’ protezzjoni tas-saħħa, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, din il-miżura tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva.

Fuq it-tieni għan invokat

65

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Bundessozialgericht ikkunsdrat li l-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien iġġustifikat minn għan ieħor, intiż sabiex jinqasmu l-possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-professjoni tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Dan l-għan ġie wkoll invokat, sussidjarjament, mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet orali tiegħu.

66

L-imsemmi għan mhux previst fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva. Min-naħa l-oħra għandu jiġi eżaminat jekk dan jistax jikkostitwixxi għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

67

Skont it-termini tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, l-għan li jista’ jiġi kkunsidrat bħala “leġittimu”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, huwa b’mod partikolari għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew ta’ taħriġ professjonali.

68

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-promozzjoni tar-reklutaġġ jammonta inkontestabbilment għal għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri u li din l-evalwazzjoni għandha evidentement tapplika għall-istrumenti ta’ politika tas-suq nazzjonali tax-xogħol bil-għan li jinkisbu l-possibbiltajiet ta’ inklużjoni fil-ħajja ta’ attività ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema (ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65). Bl-istess mod, miżura meħuda sabiex tiffavorixxi l-aċċess ta’ żgħażagħ għall-prattika tal-professjoni ta’ dentist fil-kuntest tas-sistema ta’ ħidma fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tista’ tkun ikkunsidrata bħala miżura li taqa’ taħt il-politika tal-impjiegi.

69

Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi vverifikat, skont it-termini tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan humiex “approprjati [xierqa] u neċessarji”.

70

F’dan ir-rigward, skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-impjieg fis-settur ikkonċernat, ma jidhirx mhux raġonevoli għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jikkunsidraw li l-applikazzjoni ta’ limitu fl-età, li twassal għall-ħruġ mis-suq tax-xogħol tal-prattikanti l-iktar anzjani, tista’ tippermetti li tiffavorixxi l-impjieg tal-professjonisti l-iktar żgħar fl-età. Fir-rigward tal-iffissar ta’ dan il-limitu fl-età ta’ 68 sena, hekk kif ingħad fil-punt 52 tas-sentenza preżenti, din l-età tidher suffiċjentement avvanzata sabiex isservi ta’ limitu għall-awtorizzazzjoni tal-prattika bħala dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

71

Madankollu tqum id-domanda dwar jekk l-applikazzjoni ta’ limitu fl-età hijiex xierqa u neċessarja għall-finijiet li jintlaħaq l-għan imfittex. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, meta n-numru ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa preżenti fis-suq tax-xogħol ikkonċernat ma jaqbiżx dak tal-ħtiġijiet tal-pazjenti, id-dħul fis-suq ta’ professjonisti ġodda u, b’mod partikolari, ta’ dawk li għadhom żgħar fl-età huwa normalment possibbli, indipendentement mill-preżenza tad-dentisti li qabżu ċerta età, fil-każ preżenti dak ta’ 68 sena. F’dan il-każ, l-iffissar ta’ limitu fl-età la jista’ jkun xieraq u lanqas neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq.

72

Il-Gvern Ġermaniż indika fis-seduta, mingħajr ma ġie kontradett, li l-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma japplikax fir-reġjuni li fihom kien ġie kkonstatat nuqqas ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Huwa sostna wkoll li fil-qasam tas-saħħa, huwa importanti li l-Istat ikun jista’ juża s-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jieħu l-miżuri neċessarji, mhux biss fil-preżenza ta’ problema attwali ta’ eċċess fil-provvista, iżda wkoll f’każ ta’ riskju moħbi li jkun hemm problema bħal din.

73

F’dan ir-rigward, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri, imsemmija fil-punt 51 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi rrikonoxxut li, fil-preżenza ta’ sitwazzjoni li fiha n-numru ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa huwa eċċessiv jew hemm riskju moħbi li sseħħ sitwazzjoni bħal din, Stat Membru jista’ jikkunsidra neċessarju li jiġi impost limitu fl-età bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg ta’ dentisti iżgħar fl-età.

74

Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ sitwazzjoni bħal din.

75

F’din is-sitwazzjoni, jibqa’ irid jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex koerenti fid-dawl tal-erba’ eċċezzjonijiet imsemmija fil-punt 16 tas-sentenza preżenti.

76

F’dan ir-rigward, l-ewwel tlieta minn dawn l-eċċezzjonijiet, maħsuba kemm għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ nuqqas ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, kif ukoll għal perijodu limitat fiż-żmien, ma jippreġudikawx l-għan li jikkonsisti f’li jiffavorixxi d-dħul ta’ dentisti li għadhom żgħar fl-età li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa fis-suq tax-xogħol. Fir-rigward tar-raba’ eċċezzjoni, din tikkonċerna s-settur ta’ dentisti li ma jaħdmux fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa u bl-ebda mod ma taffettwa d-dħul fl-imsemmi suq ta’ dentisti li għadhom żgħar fl-età fil-kuntest ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa fis-suq tax-xogħol.

77

Minn dan jirriżulta li jekk miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha bħala għan il-qsim tal-possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-professjoni tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li tirriżulta minn din, tista’ tkun ikkunsidrata bħala oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn dan l-għan u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan, xierqa u neċessarji, sa fejn teżisti sitwazzjoni li fiha n-numru ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa huwa eċċessiv jew hemm riskju moħbi li jkun hemm problema bħal din.

78

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li:

l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa limitu fl-età massima għall-prattika tal-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, fil-każ preżenti ta’ 68 sena, meta din il-miżura għandha bħala l-uniku għan, li tiġi protetta s-saħħa tal-pazjenti mit-tnaqqis ta’ kapaċità ta’ dawn id-dentisti wara din l-età, peress li dan l-istess limitu fl-età ma huwiex applikabbli għad-dentisti li ma jaħdmux fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa;

l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix li miżura bħal din, meta din għandha bħala għan it-tqassim tal-possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-professjoni tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq tal-impjieg ikkonċernat, din il-miżura hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan;

hija l-qorti nazzjonali li għandha tidentifika l-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura li tistabbilixxi l-imsemmi limitu fl-età billi tfittex ir-raġuni taż-żamma ta’ din il-miżura.

Fuq it-tielet domanda

79

It-tielet domanda tirrigwarda l-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw mill-konstatazzjoni li regola nazzjonali preċedenti għad-Direttiva hija inkompatibbli magħha, meta d-dritt nazzjonali ma jipprovdix għaċ-ċaħda ta’ regola bħal din.

80

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma suġġetti għall-obbligu li jiġi rrispettat il-primat tad-dritt Komunitarju, l-organi kollha tal-amministrazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, Ġabra p. 1839, punt 32, u tad-29 ta’ April 1999, Ciola, C-224/97, Ġabra p. I-2517, punt 30). Din il-kunsiderazzjoni tapplika għal organu amministrattiv bħall-Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe. Il-fatt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jeżistu diġà qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva huwa irrilevanti. Dan jgħodd ukoll għall-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux għall-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tiċħadhom f’każ ta’ inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju.

81

Konsegwentement ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li, fil-każ fejn leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-għan li hija tfittex, tmur kontra d-Direttiva, hija l-qorti nazzjonali, li tkun qed tisma’ kawża bejn individwu u organizzazzjoni amministrattiva, bħall-Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe, li għandha tiddeċiedi li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni anki jekk din kienet preċedenti għad-Direttiva u d-dritt nazzjonali ma jipprovdix għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa limitu fl-età massima għall-prattika tal-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, fil-każ preżenti ta’ 68 sena, meta din il-miżura għandha bħala uniku għan li tiġi protetta s-saħħa tal-pazjenti mit-tnaqqis ta’ kapaċità ta’ dawn id-dentisti wara din l-età, peress li dan l-istess limitu fl-età ma huwiex applikabbli għad-dentisti li ma jaħdmux fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix li miżura bħal din, meta din għandha bħala għan it-tqassim tal-possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-professjoni tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq tal-impjieg ikkonċernat, din il-miżura hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tidentifika l-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura li tistabbilixxi l-imsemmi limitu fl-età billi tfittex ir-raġuni taż-żamma ta’ din il-miżura.

 

2)

Fil-każ fejn leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-għan li hija tfittex, tmur kontra d-Direttiva 2000/78, hija l-qorti nazzjonali, li tkun qed tisma’ kawża bejn individwu u organizzazzjoni amministrattiva, bħall-Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe, li għandha tiddeċiedi li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni anki jekk din kienet preċedenti għad-Direttiva u d-dritt nazzjonali ma jipprovdix għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq