Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CC0409

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 26 ta' Jannar 2010.
    Winner Wetten GmbH vs Bürgermeisterin der Stadt Bergheim.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Köln - il-Ġermanja.
    Artikoli 43 KE u 49 KE - Libertà ta’ stabbiliment - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Organizzazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi li fil-livell ta’ Land huma suġġetti għal monopolju tal-Istat - Deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht li tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni dwar tali monopolju mal-Kostituzzjoni Ġermaniża, iżda li żżommha fis-seħħ matul perijodu tranżitorju intiż sabiex tinġieb konformi mal-Kostituzzjoni - Prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni - Ammissibbiltà u kundizzjonijiet eventwali għal perijodu tranżitorju ta’ dan it-tip meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tikser ukoll l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
    Kawża C-409/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-08015

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:38

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2010 1(1)

    Kawża C-409/06

    Winner Wetten GmbH

    vs

    Bürgermeisterin der Stadt Bergheim

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja)]

    “Logħob tal-ażżard – Imħatri fuq l-isports – Restrizzjoni mhux ġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kunflitt bejn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u regola Komunitarja direttament applikabbli – Kompitu tal-qorti nazzjonali – Obbligu li tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju billi ma tiġix applikata dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali – Deroga”





    1.        Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-imħatri fuq l-isports għal sistema ta’ monopolju sabiex tipproteġi l-konsumaturi kontra r-riskju tad-dipendenza fuq il-logħob iżda li ma tippermettix li jintlaħaq dan l-għan, b’mod li tmur kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tista’ tinżamm fis-seħħ għal perijodu tranżitorju u, jekk dan huwa possibbli, taħt liema kundizzjonijiet u għal kemm żmien?

    2.        B’dawn id-domandi, il-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja) tistaqsi b’hekk lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, u eventwalment taħt liema kundizzjonijiet, wieħed jista’ jidderoga mill-obbligu stabbilit fis-sentenza Simmenthal (2) u kkonfermat b’ġurisprudenza stabbilita, fejn jingħad li l-qorti nazzjonali, meta jkollha quddiemha kunflitt bejn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u regola Komunitarja direttament applikabbli, għandha l-obbligu li skont il-prinċipju ta’ supremazija, tiżgura l-effett sħiħ ta’ din ir-regola billi ma tapplikax id-dritt nazzjonali tagħha.

    3.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qorti tar-rinviju xi indikazzjonijiet li għandhom jippermettulha tivverifika l-fondatezza tal-premessa tagħha li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tmur kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    4.        Sussegwentement, wara li jiġi aċċettat li din il-premessa hija fondata, ser insemmi l-ostakoli li jipprekludu, fil-prinċipju, l-applikazzjoni u ż-żamma fis-seħħ, anki kieku biss għal perijodu trażitorju, ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra regola Komunitarja direttament applikabbli. Fl-aħħar nett, ser nindika l-motivi li għalihom, jekk wieħed jippreżupponi li huwa possibbli li ssir deroga mill-obbligu li jirriżulta mill-ġurisprudenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, tali possibbiltà għandha tiġi eskluża f’dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

    I –    Il-kuntest ġuridiku

    5.        L-Artikolu 12(1) tal-Liġi Fundamentali (Grundgesetz) jipprovdi:

    “Kull ċittadin Ġermaniż għandu d-dritt li jagħżel liberament il-professjoni tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu u l-post tat-taħriġ tiegħu. L-eżerċizzju tal-professjoni jista’ jkun irregolat mil-liġi jew ibbażat fuq liġi.”

    6.        L-Artikolu 31 tal-liġi dwar il-qorti kostituzzjonali federali (Bundesverfassungsgerichtsgesetz) jipprovdi:

    “(1)      Id-deċiżjonijiet tal-Bundesverfassungsgericht għandhom jorbtu l-awtoritajiet kostituzzjonali tal-federazzjoni u tal-Länder, kif ukoll il-qrati u l-awtoritajiet kollha.

    (2)      […] id-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht għandha saħħa ta’ liġi […] meta l-Bundesverfassungsgericht tiddikjara li liġi hija kompatibbli jew inkompatibbli mal-kostituzzjoni jew hija nulla […] id-dispożittiv tad-deċiżjoni għandha tiġi ppublikata fil-Bundesgesetzblatt […]”

    7.        L-Artikolu 284(1) tal-kodiċi penali (Strafgesetzbuch) jipprovdi:

    “Kull persuna li, mingħajr awtorizzazzjoni amministrattiva, torganizza xi logħob tal-ażżard għall-pubbliku jew tipprovdi l-istruttura meħtieġa għal dan il-għan għandha tiġi ppenalizzata b’piena ta’ ħabs sa żmien sentejn jew permezz ta’ multa”.

    8.        Permezz tat-trattat dwar il-lotteriji fil-Ġermanja (Staatsvertrag zum Lotteriewesen in Deutschland), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004, il-Länder ħolqu qafas uniformi sabiex jiġi organizzat u jsir il-logħob tal-ażżard. Jirriżulta mill-Artikolu 5 ta’ dan it-trattat li l-Länder huma obbligati jiżguraw provvista suffiċjenti fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, obbligu li huma jistgħu jwettqu permezz ta’ persuna ġuridika rregolata bil-liġi pubblika jew kumpanniji privati b’parteċipazzjoni pubblika maġġoritarja. L-istess dispożizzjoni tipprevedi li, ħlief f’każ ta’ ftehim ma Land oħra, l-attività ta’ kull Land hija limitata għat-territorju tagħha biss.

    9.        L-Artikolu 1(1) tal-liġi fuq l-imħatri fuq l-isports tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (Sportwettengesetz Nordrhein-Westfalen), tat-3 ta’ Mejju 1955, jipprevedi:

    “Il-gvern tal-Land jista’ jagħti permess lill-kumpanniji tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi. Il-kumpanniji tal-imħatri msemmija għandhom neċessarjament ikunu persuna ġuridika rregolata bil-liġi pubblika jew persuna ġuridika rregolata bil-liġi privata li l-maġġoranza tal-ishma jkunu jappartjenu lil persuni ġuridiċi rregolati bil-liġi pubblika […]”

    10.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, kienet biss il-Westdeutsche Lotterie GmbH & Co. OHG (3) li kienet kisbet permess biex torganizza l-imħatri fuq l-isports fil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (4).

    11.      Skont l-Artikolu 14(1) tal-liġi li tapplika għall-awtoritajiet tal-pulizija fil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (Ordnungsbehördengesetz für das Land Nordrhein-Westfalen):

    “L-awtoritajiet tal-pulizija jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu, f’każijiet partikolari, periklu li jhedded is-sigurtà pubblika jew l-ordni pubblika”.

    II – Il-kawża prinċipali u d-deċiżjoni għar-rinviju preliminari

    12.      Winner Wetten GmbH (5), li hija stabbilita fil-Ġermanja, fl-1 ta’ Ġunju 2005 ħadet fond kummerċjali f’Bergheim, fil-Land ta’ NRW, fejn hija partikolarment tieħu l-imħatri fuq l-isports magħrufa “Oddset” (imħatri ta’ kwota fissa) f’isem il-kumpannija Tipico Co. Ltd (6). Tipico hija stabbilita u rreġistrata f’Malta, fejn hija għandha liċenzja nazzjonali biex torganizza l-imħatri fuq l-isports.

    13.      B’deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2005, il-Bürgermeisterin der Stadt Bergheim (is-sindku tal-belt ta’ Bergheim) ipprojbixxa lil WW milli tkompli bl-imħatri fuq l-isports li l-organizzatur tagħhom ma għandux permess mogħti mil-Land ta’ NRW u wissa lil din il-kumpannija li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-projbizzjoni tista’ twassal għall-għeluq tal-fond kummerċjali tagħha.

    14.      WW ikkontestat din id-deċiżjoni, u din ġiet sussegwentement miċħuda fit-22 ta’ Settembru 2005 mil-Landrat des Rhein-Erft-Kreises (kap tas-servizzi amministrattivi ta’ Rhein-Erft-Kreises). Għaldaqstant hija ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni msemmija u d-deċiżjoni li biha ġiet miċħuda l-kontestazzjoni tagħha, quddiem il-Verwaltungsgericht Köln.

    15.      Fil-kuntest tar-rikors tagħha, WW sostniet li l-monopolju fil-qasam tal-imħatri fuq l-isports li kien fis-seħħ fil-Land ta’ NRW kien imur kontra l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi prevista fl-Artikolu 49 KE, u dan kif ġie interpretat fis-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (7). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li operatur stabbilit fit-territorju nazzjonali li jieħu l-imħatri fil-kapaċità tiegħu ta’ intermedjarju ta’ persuna li tipprovdi s-servizz tal-imħatri stabbilita fi Stat Membru ieħor seta’ jipprevalixxi ruħu mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Hija ddikjarat ukoll li monopolju tal-Istat fuq l-imħatri jkun konformi mad-dritt Komunitarju biss jekk ikun jillimita din l-attività b’mod koerenti u sistematiku. F’dan il-każ, dan ma japplikax għall-Ġermanja minħabba r-reklamar magħmul mill-organizzaturi nazzjonali tal-imħatri fuq l-isports.

    16.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Verwaltungsgericht Köln tgħid, fl-ewwel lok, li WW kisret effettivament il-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ NRW meta pprovdiet servizz li tilqa’ l-imħatri fuq l-isports fil-kapaċità ta’ intermedjarja tal-kumpannija Tipico meta dawn iż-żewġ kumpanniji m’għandhomx u ma setgħux jiksbu permess għal dan il-għan.

    17.      Fit-tieni lok, hija ssostni li, fid-dawl tar-rekwiżiti esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, il-monopolju fil-qasam tal-imħatri fuq l-isports fil-Land ta’ NRW jikser id-dispożizzjonijiet tat-trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    18.      Il-Verwaltungsgericht Köln tirreferi f’dan ir-rigward, għas-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2006 u għad-digriet tat-2 ta’ Awwissu 2006 mogħtija mill-Bundesverfassungsgericht, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Bayern u dik tal-Land ta’ NRW rispettivament. F’dawn id-deċiżjonijiet, il-Bundesverfassungsgericht sostniet li l-monopolji fil-qasam tal-imħatri fuq l-isports f’dawn iż-żewġ Länder huma ta’ preġudizzju sproporzjonat għal-libertà professjonali ggarantita mill-Artikolu 12(1) tal-Liġi Fundamentali peress li ma jiggarantixxux il-ġlieda effettiva kontra d-dipendenza fuq il-logħob. Hija sostniet ukoll li r-rekwiżiti kif ukoll l-għanijiet tal-Liġi Fundamentali jaqblu ma’ dawk tad-dritt Komunitarju, kif ġew esposti fis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq.

    19.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, sussegwentement, li l-Bundesverfassungsgericht żammet is-sitwazzjoni ġuridika eżistenti sal-31 ta’ Diċembru 2007, bil-kundizzjoni li, matul dan il-perijodu tranżitorju, id-dritt applikabbli fil-qasam tal-imħatri fuq l-isports jiġu organizzati mill-ġdid sabiex tiġi osservata l-Liġi Fundamentali. Il-qorti kostituzzjonali pprevediet b’hekk li l-entità inkarigata mill-organizzazzjoni tal-imħatri fuq l-isports kellha tintroduċi mingħajr dewmien minimu ta’ koerenza bejn l-eżerċizzju effettiv tal-monopolju tagħha u l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-passjoni għal-logħob kif ukoll id-dipendenza fuqu.

    20.      Il-qorti tar-rinviju tesponi, madankollu, li l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-kundizzjonijiet materjali għall-eżerċizzju tal-monopolju nazzjonali tal-imħatri fuq l-isports skont ir-rekwiżiti tal-Bundesverfassungsgericht ma hijiex biżżejjed biex tneħħi n-nuqqas ta’ konformità li hemm mad-dritt Komunitarju. Skont il-qorti msemmija, it-tneħħija ta’ dan il-ksur tagħmilha neċessarja li jinbidlu l-kundizzjonijiet ġuridiċi li fih jaħdem il-monopolju. Hija tfakkar, barra minn hekk, li s-supremazija ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju direttament applikabbli tqajjem l-obbligu li ma jiġix applikat id-dritt nazzjonali li jkun imur kontriha.

    21.      Il-qorti tar-rinviju tgħid, madankollu, li l-Oberverwaltungsgericht Nordrhein-Westfalen (it-tribunal amministrattiv reġjonali superjuri tal-Land ta’ NRW), f’digriet tat-28 ta’ Ġunju 2006, iddeċieda li jżomm il-leġiżlazzjoni tal-imħatri fuq l-isports f’dan il-Land bl-istess kundizzjonijiet temporali u materjali bħal dawk previsti mill-Bundesverfassungsgericht f’dak li jikkonċerna l-liġi ta’ Bayern, sabiex ma joħloqx “lakuna legali inaċċettabbli”.

    22.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Verwaltunsgericht Köln, b’digriet tal-21 ta’ Settembru 2006, iddeċidiet għalhekk li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikoli 43 [KE] u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-monopolju tal-Istat fuq l-imħatri fuq l-isports li jinvolvu restrizzjonijiet illegali fuq il-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ggarantiti mill-Artikoli 43 [KE] u 49 KE inkwantu ma jikkontribwixxux biex jiġu limitati l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq) jistgħu jkomplu japplikaw b’mod eċċezzjonali għal perijodu tranżitorju minkejja s-supremazija tal-prinċipju tad-dritt Komunitarju direttament applikabbli?

    2)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, taħt liema kundizzjonijiet wieħed jista’ jaċċetta eċċezzjoni għall-prinċipju tas-supremazija u kif għandu jiġi kkalkolat il-perijodu tranżitorju?”

    III – Il-korrispondenza skambjata mal-qorti tar-rinviju

    23.      Il-qorti tar-rinviju minn jeddha bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja ittra tal-11 ta’ Mejju 2007, fejn esponiet li, “skont ġurisprudenza stabbilita […] l-element deċiżiv għall-evalwazzjoni tar-rikors li wassal għat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa s-sitwazzjoni tad-dritt u ta’ fatt eżistenti fil-mument tad-deċiżjoni li qatgħet il-kwistjoni (f’dan il-każ, it-22 ta’ Settembru 2005)”. Hija indikat li, “f’każ ta’ emendi li daħlu sussegwentement fil-prattika tal-imħatri fuq l-isports – pereżempju wara d-deċiżjonijiet tal-Bundesverfassungsgericht tat-28 ta’ Marzu 2006 u tat-2 ta’ Awwissu 2006 –[,] dawn bl-ebda mod ma jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-kwistjoni prinċipali”.

    24.      Fix-xahar ta’ Lulju 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki, abbażi tal-Artikolu 104(5) tar-regoli tal-proċedura tagħha, fejn talbitha tindika jekk id-domandi preliminari jibqgħux meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kawża, fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Bundesverfassungsgericht fit-22 ta’ Novembru 2007.

    25.      F’dik is-sentenza, il-Bundesverfassungsgericht iddeċidiet li l-miżuri tranżitorji previsti fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Marzu 2006, li jippermettu li taħt ċerti kundizzjonijiet tinżamm il-leġiżlazzjoni tal-imħatri fuq l-isports li tapplika fil-Land ta’ Bayern, ma jistgħux jeliminaw l-illegalità tad-deċiżjonijiet amministrattivi projbittivi mogħtija qabel is-sentenza msemmija, b’mod li tali deċiżjonijiet għandhom jiġu annullati.

    26.      Fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Awwissu 2008, il-qorti tar-rinviju indikat li biex tissolva l-kawża xorta waħda tibqa’ meħtieġa r-risposta għad-domandi preliminari tagħha. Hija esponiet li l-Oberverwaltungsgericht Nordrhein-Westfalen, f’digriet tat-18 ta’ April 2007, sostna li l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni kontra l-imħatri fuq l-isports kellha tiġi evalwata fid-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja li trid tittieħed. Il-qorti tar-rinviju spjegat ukoll li, inkwantu s-sitwazzjoni ġuridika li kienet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008 kienet differenti ħafna mis-sitwazzjoni preċedenti, hija ser tieħu d-data tal-31 ta’ Diċembru 2007 biex tevalwa l-legalità tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005 u tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2005 li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, jiġifieri f’mument li fih il-liġi l-qadima kellha tkompli tapplika, u dan b’kuntrast mad-dritt Komunitarju.

    IV – Kunsiderazzjonijiet

    27.      Qabel l-analiżi tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, jidher li huwa meħtieġ li jsiru r-rimarki segwenti f’dak li jikkonċerna, minn banda, l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi u, mill-banda l-oħra, il-premessa li fuqha huma bbażati.

    A –    L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

    28.      L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju setgħet ġiet ikkontestata minħabba s-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht mogħtija fit-22 ta’ Novembru 2007. Hija ġiet ikkontestata wkoll mill-gvern Noveġiż, li jsostni li dawn id-domandi huma ipotetiċi peress li ma ntwerietx in-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ NRW mad-dritt Komunitarju.

    29.      Fuq l-ewwel punt, huwa permess li wieħed jistaqsi dwar jekk, bis-saħħa tas-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht, iċċitata iktar ’il fuq, l-atti kkontestati fil-kawża prinċipali kellhomx jiġu annullati, b’mod li d-digriet tar-rinviju preliminari preżenti jsir bla skop.

    30.      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tagħha tat-8 ta’ Awwissu 2008, il-qorti tar-rinviju indikat li d-domandi preliminari tagħha jibqgħu rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża. Hija spjegat li kellha tpoġġi ruħha fis-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 2007 biex tiddeċiedi fuq il-kawża prinċipali, jiġifieri f’mument fejn, bis-saħħa tal-miżuri tranżitorji adottati mill-Bundesverfassungsgericht u mill-Oberverwaltungsgericht Nordrhein-Westfalen, il-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi lil WW milli toffri s-servizz li tilqa’ l-imħatri fuq l-isports f’isem il-kumpannija Tipico tibqa’ tapplika.

    31.      Il-kwistjoni dwar liema data l-Verwaltungsgericht Köln għandha tpoġġi ruħha fiha biex tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament li għandha quddiemha kif ukoll biex tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi li hija għandha tislet mis-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht tat-22 ta’ Novembru 2007 f’dak li jikkonċerna l-atti li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali jiddependu fuq regoli sostantivi u proċedurali tad-dritt nazzjonali u jaqgħu għalhekk taħt is-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-qorti tar-rinviju.

    32.      B’applikazzjoni tat-tqassim tal-funzjonijiet bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura preliminari u tal-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jirregola din il-proċedura, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Verwaltungsgericht Köln dejjem tibqa’ titqies li għandha l-kawża quddiemha u li tibqa’ tinsisti fuq id-domandi tagħha.

    33.      Peress li d-domandi msemmija jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, hija obbligata tagħti deċiżjoni u dan peress li skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (8).

    34.      Fuq it-tieni punt, dwar l-oġġezzjoni tal-gvern Norveġiż, huwa minnu li, bħalma enfasizzaw il-Kummissjoni u l-gvern Ġermaniż, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju ma jqumux ħlief jekk il-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ NRW dwar l-imħatri fuq l-isports tkun verament kontra d-dritt Komunitarju. L-istess bħall-partijiet li intervjenew, jiena tal-fehma wkoll li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-fondatezza tal-evalwazzjoni tagħha fuq dan il-punt tista’ tiġi kkontestata.

    35.      Dan il-fatt jiġġustifika, fil-fehma tiegħi, li, skont l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jirregola l-proċedura preliminari u bil-għan li l-qorti tar-rinviju tiġi pprovduta bl-elementi kollha li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli biex hija tiddeċiedi l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil din il-qorti l-indikazzjonijiet li jippermettulha teżamina mill-ġdid il-fondatezza tal-premessa tagħha.

    36.      Għaldaqstant, f’każ li l-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, tibdel din il-premessa tagħha, dan ma għandux iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara d-domandi preliminari ta’ dik il-qorti bħala inammissibbli u tirrifjuta li tirrispondihom. Fil-fatt, jekk, fid-dawl tal-proċess, il-premessa msemmija hija s-suġġett ta’ diskussjoni, hija tista’ wkoll tiġi kkonfermata mill-qorti nazzjonali, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ NRW inftehmitx u ġietx attwalment implementata b’mod li tilħaq l-għanijiet tal-protezzjoni b’mod koerenti u sistematiku toħroġ finalment mill-evalwazzjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tagħha (9).

    37.      F’dan il-każ, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrifjuta milli tirrispondi għal domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta lill-qorti tar-rinviju li tkun utli għas-soluzzjoni tal-kawża (10).

    38.      Dawn il-motivi ta’ rifjut ma japplikawx għal din il-kawża.

    39.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju, li tqis li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-imħatri fuq l-isports, li abbażi tagħha jkunu ttieħdu l-atti kkontestati quddiemha, tmur kontra l-libertà ta’ stabbiliment u kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tixtieq tkun taf jekk, u jekk dan hu l-każ taħt liema kundizzjonijiet, jista’ jiġi evitat l-obbligu, impost mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju, li ma tiġix applikata dik il-leġiżlazzjoni u li jiġu annullati dawk l-atti. Hija tagħmel din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja peress li l-qorti kostituzzjonali federali u mbagħad il-qorti ta’ appell tagħha ddeċidew li l-leġiżlazzjoni msemmija, għalkemm kienet tmur kontra l-Liġi Fundamentali, kellha tinżamm fis-seħħ.

    40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, għandha biżżejjed punti ta’ fatt u ta’ dritt biex tirrispondi għal din id-domanda. Barra minn hekk, il-fatt li l-premessa li fuqha saret id-domanda toħroġ mill-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali u tista’ tiġi kkonfermata minnha stess juri li din id-domanda ma saritx f’kuntest ta’ problema purament ipotetika, u lanqas li hija manifestament bla rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    41.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

    B –    Il-premessa tal-qorti tar-rinviju fejn tgħid li l-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ NRW tmur kontra d-dritt Komunitarju

    42.      Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ NRW fil-qasam tal-imħatri fuq l-isports tmur kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u dan kif din il-libertà ġiet interpretata fis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba li l-parteċipazzjoni f’dawn l-imħatri hija inkoraġġuta mill-organizzazzjonijiet nazzjonali awtorizzati, b’mod li din il-leġiżlazzjoni ma tiggarantixxix ġlieda effettiva kontra d-dipendenza fuq il-logħob. Hija tesponi, sussegwentement, li t-tibdil li għamlet WestLotto fl-attivitajiet tagħha wara li applikat l-istruzzjonijiet tal-Bundesverfassungsgericht ma jeliminawx din in-nuqqas ta’ konformità mad-dritt Komunitarju peress li l-eliminazzjoni msemmija teħtieġ ukoll tibdil fil-kundizzjonijiet ġuridiċi li fihom jaħdem il-monopolju.

    43.      Il-partijiet mir-raġunament ġuridiku li bih il-qorti tar-rinviju tikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma jidhrux li huma ħżiena.

    44.      Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, li WW li toffri s-servizz li tilqa’ l-imħatri fuq l-isports bħala intermedjarja ta’ kumpannija stabbilita f’Malta, tista’ tipprevalixxi ruħha mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 KE (11). Barra minn hekk, jiena naqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni fejn jingħad li WW ma tistax tipprevalixxi ruħha ħlief mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mhux dawk dwar il-libertà ta’ stabbiliment, u dan peress li din hija kumpannija ffurmata skont id-dritt Ġermaniż li teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-Ġermanja.

    45.      Barra minn hekk, huwa stabbilit li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ NRW, li tipprojbixxi li wieħed joffri f’dak il-pajjiż is-servizz tal-imħatri fuq l-isports organizzati minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    46.      Imbagħad, għalkemm tali restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata minħabba l-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew minħabba raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku bħalma hija l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-ħajra għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob, din xorta trid tkun proporzjonata għal dan l-għan, ħaġa li timplika li r-restrizzjoni trid taħdem b’mod koerenti u sistematiku (12). Fis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li din il-kundizzjoni ma tkunx sodisfatta meta Stat Membru jkun introduċa leġiżlazzjoni restrittiva fil-qasam tal-logħob tal-ażżard bil-għan biss li jipproteġi l-konsumaturi kontra r-riskji ta’ infiq eċċessiv meta fir-realtà, huwa jħaddan politika li tħajjar bil-qawwa lil dawn l-istess konsumaturi biex jipparteċipaw f’dan il-logħob (13).

    47.      Fl-aħħar nett, kif diġà ġie mfakkar, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex implementata b’mod konkret skont l-għanijiet imfittxija.

    48.      Mill-banda l-oħra, il-konklużjoni li waslet għaliha l-qorti tar-rinviju tista’ tiġi kkontestata minħabba ż-żewġ kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

    49.      Fl-ewwel lok, kif sostna l-gvern Norveġiż, ma jistax jiġi eskluż li l-kundizzjonijiet rikjesti mil-Liġi Fundamentali jkunu iktar stretti minn dawk meħtieġa mid-dritt Komunitarju, tal-inqas fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula fil-ġurisprudenza wara s-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq.

    50.      B’hekk, fis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (14), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li għalkemm il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fil-qasam tal-logħob tal-ażżard ikollu l-għan li l-logħob tal-ażżard jgħaddi minn sistemi kontrollabbli sabiex jitwaqqaf l-użu tagħhom għal attivitajiet b’finijiet kriminali, l-operaturi awtorizzati għandhom jagħtu alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għall-attività pprojbita, li fiha nnifisha tkun tista’ timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, riklamar ta’ ċerta wesgħa u l-użu ta’ teknika ġdida ta’ distribuzzjoni (15).

    51.      Fil-preżent, fil-kawżi pendenti Sporting Exchange (C‑203/08) u Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International (C‑258/08), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-logħob tal-ażżard għal sistema ta’ monopolju bil-għan kemm li tipproteġi l-konsumaturi kontra l-vizzju tal-logħob u wkoll biex tiġġieled il-kriminalità.

    52.      Jiena kont ipproponejt lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tgħid li l-fatt li t-titulari tad-drittijiet esklużivi biex jiġġestixxu l-logħob tal-ażżard f’dak l-Istat Membru jkunu awtorizzati jrendu l-offerta tagħhom iktar attraenti billi joħolqu logħob ġdid u billi jirrikorru għar-reklamar ma huwiex, minnu nnifsu, inkoerenti mal-għanijiet imfittxija minn dak l-Istat meħudin kollha f’daqqa. Dak li hu rilevanti, f’dan il-każ, huwa li l-ħolqien ta’ logħob ġdid u r-reklamar ikunu kkontrollati mill-qrib mill-Istat Membru u jkunu limitati sabiex ikunu wkoll kompatibbli mal-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-vizzju tal-logħob.

    53.      Inkwantu l-punt ta’ bilanċ bejn dawn iż-żewġ għanijiet huwa diffiċli li jinstab b’mod konkret, jiena pproponejt ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri. Sussegwentement, il-punt dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, fil-modi konkreti ta’ kif tiġi applikata mill-awtoritajiet kompetenti u t-titular jew titulari tad-dritt esklużiv li joffru l-logħob tal-ażżard, issegwix tali għanijiet b’mod koerenti u sistematiku għandu jirriżulta mill-analiżi li tagħmel il-qorti nazzjonali fir-rigward tal-effetti konkreti ta’ din il-leġiżlazzjoni.

    54.      Fi kliem ieħor, il-fatt li t-titular jew titulari tad-dritt li joffru l-logħob tal-ażżard jirreklamaw fi Stat Membru li jkun irrestrinġa l-eżerċizzju ta’ din l-attività sabiex jipproteġi l-konsumaturi kontra l-ħajra għal infiq eċċessiv u r-riskju tad-dipendenza ma jurix bilfors li tkun inkisret il-kundizzjoni li l-għanijiet għandhom jiġu mfittxija b’mod koerenti u sistematiku u lanqas, minn daqshekk, li dik il-leġiżlazzjoni tmur kontra d-dritt Komunitarju. Hija l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet kollha tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u li tevalwa l-effetti konkreti tal-istess leġiżlazzjoni fuq il-konsumaturi filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri b’dan il-mod.

    55.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ma spjegatx ir-raġunijiet li minħabba fihom il-kundizzjonijiet ġuridiċi li jirregolaw l-attività tat-titulari tad-dritt li joffri s-servizz tal-imħatri fuq l-isports imorru kontra d-dritt Komunitarju, b’mod li, skont l-istess qorti, it-tibdiliet li għamlet WestLotto fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha meta applikat l-istruzzjonijiet tal-Bundesverfassungsgericht ma jistgħux ineħħu din in-nuqqas ta’ konformità.

    56.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-preżent għandha quddiemha diversi domandi preliminari pendenti, fil-kawżi magħquda Stoß et(16), li għandhom bħala suġġett preċiżament li jippermettu li tiġi evalwata l-konformità mad-dritt Komunitarju tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-imħatri fuq l-isports li tapplika fil-Länder ta’ Baden-Württemberg u ta’ Hesse, li tixbah ħafna l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-Land ta’ NRW.

    57.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tista’ tasal ukoll biex tirrevedi l-premessa tagħha wara s-sentenzi li ser jingħataw f’dawn il-kawżi, li qegħdin jiġu ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess żmien ma’ dawn il-proċeduri.

    58.      Konsegwentement, jiena tal-fehma li jkun utli li qabel l-analiżi tad-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju tiġi pprovduta bl-indikazzjonijiet segwenti fir-rigward tal-premessa li fuqha huma bbażati dawn id-domandi:

    –        Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrestrinġi l-provvista tas-servizz ta’ imħatri fuq l-isports bil-għan li tiddefendi l-interessi kkontemplati fit-Trattat jew li huma meqjusa bħala leġittimi mill-ġurisprudenza għandha, biex tkun konformi mad-dritt Komunitarju, tfittex l-għanijiet tagħha b’mod koerenti u sistematiku.

    –        Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet kollha tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u billi tevalwa l-effetti konkreti tagħha fuq il-konsumaturi filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward ta’ din il-materja.

    –        Il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu ikunsiderazzjoni wkoll l-indikazzjonijiet ipprovduti mis-sentenzi li ser jingħataw fil-kawżi magħquda Stoß et, iċċitati iktar ’il fuq.

    C –    L-eżami tal-mertu

    59.      Fil-kuntest tal-eżami tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba li hija ma tikkontribwixxix biex tiġi limitata l-attività tal-imħatri b’mod koerenti u sistematiku.

    60.      Il-qorti msemmija ssostni ġustament li, minħabba dan il-kunflitt bejn il-leġiżlazzjoni tagħha u d-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju direttament applikabbli (17), hija tinsab obbligata li ma tapplikax dik il-leġiżlazzjoni.

    61.      Fil-fatt, skont il-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, u kkonfermata sussegwentement b’ġurisprudenza stabbilita, f’każ ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u regola tad-dritt Komunitarju l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ din ir-regola billi, jekk ikun il-każ, ex officio ma tapplikax kull dispożizzjoni konfliġġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk adottata sussegwentement, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew ta’ kull proċedura kostituzzjonali oħra (18).

    62.      Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-obbligu jistax ikun hemm deroga minnu.

    63.      Għaldaqstant, hija tistaqsi, fis-sustanza, jekk qorti ta’ Stat Membru tistax tkompli tapplika b’mod eċċezzjonali u tranżitorju l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha fil-qasam tal-imħatri fuq l-isports meta dik il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkwantu hija ma tikkontribwixxix biex tiġi limitata l-attività tal-imħatri b’mod koerenti u sistematiku.

    64.      Il-qorti tar-rinviju tindika li qiegħda tagħmel din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li, fid-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2006, l-Oberverwaltungsgericht Nordrhein-Westfalen eskluda provviżorjament is-supremazija tad-dritt Komunitarju sabiex ma jħallix li tinħoloq “lakuna legali inaċċettabbli”. Skont dak id-digriet, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-liġi tal-imħatri fuq l-isports jibqgħu għalhekk japplikaw provviżorjament, minkejja l-ksur tal-Artikolu 49 KE, taħt l-istess kundizzjonijiet temporali u materjali bħal dawk imsemmija mill-Bundesverfassungsgericht dwar il-leġiżlazzjoni ta’ Bayern fir-rigward tad-dritt għal-libertà professjonali prevista fl-Artikolu 12 tal-Liġi Fundamentali.

    65.      Jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet tagħha li l-Bundesverfassungsgericht, fid-digriet tat-2 ta’ Awwissu 2006, adottat l-istess miżuri tranżitorji fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ NRW.

    66.      Dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jinftiehmu fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tistax issir deroga mill-obbligu impost mill-ġurisprudenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, għal żewġ raġunijiet differenti, jiġifieri, minn banda, id-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht li żżomm fis-seħħ il-leġiżlazzjoni inkwistjoni sal-31 ta’ Diċembru 2007 u, mill-banda l-oħra, il-ħtieġa li tiġi evitata lakuna ġuridika li tista’ tkun ta’ preġudizzju għall-konsumaturi tal-Land ta’ NRW.

    67.      Ir-risposta għad-domanda preliminari eżaminata, f’dak li jikkonċerna l-impatt tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qorti kostituzzjonali federali, tista’ tiġi dedotta b’mod ċar ħafna mis-sentenza Filipiak, iċċitata iktar ’il fuq.

    68.      Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha sitwazzjoni fejn leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul, li rriżultat li kienet tmur kontra l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kienet ġiet iddikjarata li mhix konformi mal-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat Membru mill-qorti kostituzzjonali tagħha. Madankollu, din kienet iddifferiet id-data li fiha dik il-leġiżlazzjoni kellha titlef l-effett vinkolanti tagħha.

    69.      Il-qorti nazzjonali, li kellha quddiemha kwistjoni bejn l-amministrazzjoni fiskali u l-persuna taxxabbli li kien eżerċita waħda mil-libertajiet ta’ moviment, staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-prinċipju tas-supremazija kienx jobbligaha li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni msemmija minkejja d-differiment tal-effetti tagħha mill-qorti kostituzzjonali tagħha.

    70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret kif il-kunflitt bejn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u regola Komunitarja direttament applikabbli għandu jiġi solvut mill-qorti nazzjonali. Skont il-ġurisprudenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, dan il-kunflitt jissolva, mill-qorti nazzjonali, bl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, billi ma tapplikax id-dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, u mhux bil-konstatazzjoni tan-nullità tad-dispożizzjoni nazzjonali, peress li l-kompetenza tal-korpi u tal-qrati hija f’dan ir-rigward ta’ kull Stat Membru (19).

    71.      Hija indikat li d-differiment min-naħa tal-qorti kostituzzjonali, tad-data li fiha d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati kellhom jitilfu l-effett vinkolanti tagħhom ma jistax jipprekludi lill-qorti tar-rinviju, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, milli ma tapplikax dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha (20).

    72.      Fi kliem ieħor, il-verifika tal-kostituzzjonalità u tal-konformità mad-dritt Komunitarju għandhom ikunu jistgħu jipproduċu l-effetti tagħhom mingħajr ma jikkontradixxu lil xulxin. Għaldaqstant, bl-istess mod bħalma xogħol il-qorti nazzjonali skont il-ġurisprudenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, huwa limitat għas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt bejn regola Komunitarja u dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali li tiddiferixxi l-effetti tan-nuqqas ta’ konformità tal-liġi nazzjonali mal-kostituzzjoni ma jistax ifixkel id-dmir tal-qorti nazzjonali li tiżgura s-supremazija tad-dritt Komunitarju kull darba li jkollha quddiemha kunflitt bħal dan.

    73.      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-fatt li l-leġiżlazzjoni kkontestata tmur ukoll kontra l-Liġi Fundamentali u li l-Bundesverfassungsgericht ddeċidiet li żżomm din il-leġiżlazzjoni fis-seħħ għal perijodu tranżitorju ma jistax ixejjen l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li ma tapplikahiex fil-kawża li jkollha quddiemha, meta hija tqis li l-leġiżlazzjoni msemmija tmur kontra l-Artikolu 49 KE.

    74.      Skont il-ġurisprudenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk ma tapplikax il-leġiżlazzjoni kkontestata fil-konfront ta’ prestatarju tas-servizzi bħalma hija WW, li tista’ tipprevalixxi ruħha mill-Artikolu 49 KE. Mill-banda l-oħra, din il-ġurisprudenza bl-ebda mod ma tipprekludi li l-leġiżlazzjoni msemmija tkompli tiġi applikata għal prestatarji tas-servizz tal-imħatri fuq l-isports stabbiliti fi Stati terzi, li ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew mil-libertà ta’ stabbiliment.

    75.      L-istudju tal-kwistjoni eżaminata fir-rigward tat-tieni motiv invokat mill-qorti tar-rinviju jwassal biex jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni kkontestata tistax tinżamm fis-seħħ, minkejja li tkun kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għaż-żmien meħtieġ biex l-awtoritajiet kompetenti jadottaw leġiżlazzjoni ġdida li tkun konformi mad-dritt Komunitarju.

    76.      Din iż-żamma fis-seħħ għandha bħala għan li tevita li, matul dak iż-żmien, ikun hemm lakuna ġuridika li tippermetti lill-prestatarji kollha tas-servizz tal-imħatri fuq l-isports stabbiliti fi Stati Membri oħra li joffru s-servizz tagħhom tal-imħatri lill-konsumaturi stabbiliti fil-Land ta’ NRW, mingħajr miżuri oħra regolatorji ħlief dawk li jkunu fis-seħħ fl-Istat tal-oriġni tagħhom.

    77.      Għaldaqstant, iż-żamma tal-leġiżlazzjoni kkontestata jkollha l-konsegwenza mhux biss li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplikaha fil-kuntest ta’ kawża li jkollha quddiemha, imma wkoll li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kollha, inkluż l-awtoritajiet ġudizzjarji, li jkomplu japplikawha għal perijodu tranżitorju kollu li jkun hekk definit.

    78.      Sabiex tiġi evalwata sew il-kwistjoni tal-problema eżaminata, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-premessa tal-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tippermettix li jkun hemm ġlieda effettiva kontra d-dipendenza fuq il-logħob. Fi kliem ieħor, skont din il-premessa, din il-leġiżlazzjoni għandha bħala effett li tipprojbixxi lill-prestatarji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli joffru s-servizz tal-imħatri fuq l-isports lill-konsumaturi li jirrisjedu fil-Land ta’ NRW iżda ma hijiex xierqa biex tipproteġi lill-istess konsumaturi kontra l-ħajra eċċessiva għall-prattika tal-imħatri min-naħa tal-operatur awtorizzat.

    79.      Diversi Stati Membri li intervjenew f’dawn il-proċeduri sostnew li l-leġiżlazzjoni kkontestata tal-Land ta’ NRW kellha tkun tista’ tkompli tiġi applikata sakemm tiġi adottata leġiżlazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju. Huma bbażaw din il-pożizzjoni fuq diversi argumenti li jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod kif ġej.

    80.      Minn banda, att Komunitarju li jiġi ddikjarat illegali fil-kuntest kemm ta’ rinviju preliminari għall-istħarriġ tal-validità, u kif ukoll fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jista’, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, jinżamm fis-seħħ sabiex tiġi ppreżervata ċ-ċertezza legali u jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-liġi li tippreġudika l-għanijiet imfittxija minn dak l-att.

    81.      Mill-banda l-oħra, l-esklużjoni ta’ kull possibbiltà ta’ perijodu tranżitorju jmur kontra d-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-ordni soċjali u taċ-ċittadini tagħhom kontra r-riskji marbutin mal-logħob tal-ażżard.

    82.      Fl-aħħar nett, il-perijodu tranżitorju jirriżulta li huwa ammissibbli wkoll mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 228(2) KE, fejn jingħad li Stat Membru li jonqos milli jimxi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun ikkonstatat li huwa jkun naqas milli jwettaq obbligu għandu jiġi nnotifikat b’opinjoni motivata qabel ma jinbdew proċeduri għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, ħaġa li jkollha l-effett li tagħtih għal darba oħra terminu finali.

    83.      B’kuntrast ma’ dak li qalu dawn l-Istati Membri, jiena tal-fehma li l-qorti tar-rinviju ma tistax tapplika tali leġiżlazzjoni meta hija tkun ikkonstatat li l-istess leġiżlazzjoni mhix konformi mal-Artikolu 49 KE.

    84.      Jiena nibbaża din il-pożizzjoni fuq l-argumenti li ġejjin. Minn banda, fil-prinċipju stess, iż-żamma fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, anki jekk b’mod tranżitorju, tippreġudika s-supremazija tad-dritt Komunitarju u d-dritt għal rikors ġudizzjarju effettiv. Mill-banda l-oħra, anki jekk f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali tista’ tiġi kkontemplata deroga mill-obbligu impost mill-ġurisprudenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, din ma tistax tapplika meta, bħal f’din il-kawża, minn banda, il-leġiżlazzjoni kkontestata ma hijiex xierqa biex tilħaq l-għanijiet tagħha u, mill-banda l-oħra, ir-raġunijiet li minħabba fihom hija tmur kontra d-dritt Komunitarju joħorġu minn sentenza preliminari mogħtija iktar minn 18-il xahar qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati fil-kawża prinċipali.

    1.      L-ostakoli prinċipali

    85.      Preliminarjament, għandu jingħad li, sallum, il-possibbiltà li jiġu rregolati l-effetti temporali tad-dritt Komunitarju fuq id-dritt tal-Istati Membri ma ġietx aċċettata ħlief f’dak li jikkonċerna l-passat.

    86.      Għaldaqstant, mis-sentenza Defrenne (21), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li f’ċirkustanzi eċċezzjonali tista’ ssir deroga mill-prinċipju tal-effett retroattiv ta’ sentenza preliminari li tagħti interpretazzjoni, meta dak l-effett retroattiv ikollu riperkussjonijiet ekonomiċi serji fuq ir-relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu ġew iffurmati in bona fede minħabba l-inċertezza li kienet teżisti fir-rigward tal-portata reali tad-dritt Komunitarju (22).

    87.      Bl-istess mod, huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li b’konformità mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, id-dritt Komunitarju ma jeżiġix li l-Istati Membri jikkunsidraw mill-ġdid deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji li jkunu saru finali (23).

    88.      L-unika sitwazzjoni, sallum, fejn il-qorti nazzjonali hija awtorizzata tissospendi l-effetti ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju fil-futur hija dik fejn att tad-dritt sussidjarju jkun ikkontestat serjament quddiemha u li l-validità ta’ dak l-att tkun is-suġġett ta’ eżami quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ir-rikorrent għandu jkun ressaq elementi serji insostenn tal-eċċezzjoni tiegħu ta’ invalidità u għandu jkun wera lil dik il-qorti nazzjonali l-ħtieġa li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-istess att sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    89.      Madankollu, dan l-eżempju ma huwiex rilevanti għall-kwistjoni eżaminata f’din il-kawża, peress li huwa jirreferi għal dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li l-legalità tagħha tkun is-suġġett ta’ kontestazzjoni serja, li tkun għadha qiegħda tiġi eżaminata.

    90.      Ċertament, il-possibbiltà li jittawlu l-effetti ta’ dispożizzjoni legali meta hija tkun tmur kontra d-dritt Komunitarju hija prevista espressament fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, meta regolament ikun ġie ddikjarat invalidu fil-kuntest ta’ rikors dirett.

    91.      Huwa stabbilit ukoll li din id-dispożizzjoni ġiet estiża mill-qorti Komunitarja għall-atti kollha tad-dritt sussidjarju u ġiet applikata wkoll fil-kuntest tar-rinviji preliminari għall-istħarriġ tal-validità. Għaldaqstant, meta l-qorti Komunitarja tikkonstata, fil-kuntest ta’ rikors dirett għal anullament jew ta’ rinviju preliminari għall-istħarriġ tal-validità, li att Komunitarju tad-dritt sussidjarju huwa vvizzjat b’illegalità u għandu jiġi annullat, hija tista’ tipprevedi li dak l-att ikompli jipproduċi ċerti effetti, kemm sad-dħul fis-seħħ tal-att li jrid jiġi adottat biex jissostitwixxih, u kif ukoll għal żmien li dik il-qorti tistabbilixxi (24).

    92.      L-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija hija bbażata fuq raġunijiet marbutin mal-protezzjoni taċ-ċertezza legali. Hija timpedixxi li jiġu kkontestati sitwazzjonijiet ġuridiċi li jkunu nħolqu qabel ma tkun ingħatat is-sentenza jew ukoll tevita li l-annullament tal-att inkwistjoni joħloq lakuna ġuridika li tista’ tippreġudika l-għanijiet ta’ dak l-att.

    93.      B’hekk, reċentement, fis-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (25), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li r-regolament (26) li kien jipprevedi b’mod partikolari l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti, kien ġie adottat f’dak li jikkonċerna l-ksur ta’ diversi drittijiet fundamentali u kellu jiġi annullat, iddeċidiet li żżomm l-effetti tiegħu għal żmien tliet xhur b’effett mid-data tas-sentenza, sabiex tippermetti lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tirrimedja dan il-ksur (27).

    94.      B’kuntrast mal-Istati Membri li intervjenew f’dawn il-proċeduri, jiena tal-fehma li t-traspożizzjoni tal-possibbiltà prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, għar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra regola tad-dritt Komunitarju direttament applikabbli tikkuntrasta mal-ostakoli ta’ prinċipju li ma tantx jistgħu jinkisru.

    95.      Għaldaqstant, meta ser neżamina l-motivi li minħabba fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kompetenza tal-qorti nazzjonali meta din ikollha quddiemha kunflitt bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ regoli, jiena ser nikkonstata li hija ttrattat il-punti li ġejjin.

    96.      Fl-ewwel lok, regola Komunitarja direttament applikabbli għandha tiġi applikata b’mod sħiħ u uniformi fl-Istati Membri kollha mid-data li fiha tidħol fis-seħħ u matul il-perijodu ta’ validità tagħha kollu, u dan peress li hija tikkostitwixxi sors dirett ta’ drittijiet u obbligi għal kull min huwa kkonċernat, kemm jekk Stati Membri kemm jekk individwi (28).

    97.      Fit-tieni lok, skont il-prinċipju ta’ supremazija tar-regoli tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma direttament applikabbli għandhom l-effett li jagħmlu inapplikabbli ipso jure, bil-fatt biss tad-dħul tagħhom fis-seħħ, kull dispożizzjoni konfliġġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (29).

    98.      Fit-tielet lok, l-effett utli tal-Artikolu 234 KE jitnaqqas jekk il-qorti nazzjonali tkun prekluża milli tapplika immedjatament id-dritt Komunitarju b’mod li jkun konformi mas-sentenza preliminari.

    99.      Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li kull dispożizzjoni ta’ sistema legali nazzjonali jew kull prassi, amministrattiva jew ġudizzjarja, li jkollha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt Komunitarju bil-fatt li ċċaħħad lill-qorti li tkun kompetenti biex tapplika dan id-dritt, mis-setgħa li tagħmel, fil-mument innifsu meta dan jiġi applikat, dak kollu li jkun neċessarju biex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jistgħu jxekklu, anki jekk b’mod temporanju, l-effettività sħiħa tar-regoli Komunitarji, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għall-istess natura tar-regoli Komunitarji (30).

    100. Barra minn hekk, fis-sentenza Factortame et (31), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-rekwiżiti tal-effettività u tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju jagħtu lill-qorti nazzjonali s-setgħa li tissospendi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tkun preżunta inkompatibbli mad-dritt Komunitarju sabiex tikkawtela b’mod provviżorju d-drittijiet mogħtija mit-Trattat anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettilhiex dan.

    101. Huwa ċar ħafna li jekk wieħed jaċċetta li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li tmur kontra regola Komunitarja direttament applikabbli, tkun tista’ tkompli tiġi applikata, dan jippreġudika l-applikazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt Komunitarju u, għaldaqstant, jippreġudika l-prinċipju stess tas-supremazija ta’ dan id-dritt.

    102. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont is-sentenza Costa (32), il-“forza eżekuttiva tad-dritt komunitarju ma tistax tvarja minn stat wieħed għal ieħor skond il-liġijiet nazzjonali sussegwenti, mingħajr ma tippreġudika l-ksib ta’ l-għanijiet tat-Trattat […] u mingħajr ma tagħti lok għal diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu [12 KE]”, ħaġa li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattat (33).

    103. Bl-istess mod, l-applikazzjoni min-naħa tal-qorti nazzjonali ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali meta l-konformità tagħha mad-dritt Komunitarju tkun ġiet ġustament ikkontestata mir-rikorrenti tikkostitwixxi ċ-ċaħda stess tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 234 KE.

    104. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950; dan il-prinċipju barra minn hekk ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (34).

    105. L-effett utli tal-Artikolu 234 KE magħqud mal-effett dirett tad-drittijiet mogħtija mil-libertajiet tal-moviment għandu preċiżament l-għan li jippermetti lill-individwi jikkontestaw liġi ta’ Stat Membru u li din ma tiġix applikata fil-konfront tagħhom meta hija tkun tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju bħalma hija l-libertà fundamentali tal-moviment.

    106. Għaldaqstant, meta nanalizza l-ġurisprudenza dwar il-limitazzjoni tal-effett retroattiv ta’ sentenza preliminari, jiena nikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha biex tgħaqqad il-protezzjoni taċ-ċertezza legali tas-sitwazzjonijiet preċedenti maħluqa f’bona fide mad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, fejn ipprevediet eċċezzjoni waħda għan-nonretroattività tas-sentenza favur persuni li jkunu fetħu kawża fil-qorti jew talba ekwivalenti qabel ma ngħatat is-sentenza tagħha.

    107. Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat din il-ġurisprudenza kemm fis-sentenzi interpretattivi tagħha (35) kif ukoll fil-kuntest ta’ rinviji preliminari fejn hija ddikjarat regola Komunitarja bħala invalida (36).

    108. L-applikazzjoni fil-kawża prinċipali tal-leġiżlazzjoni kkontestata fil-konfront ta’ WW, li twassal biex jiġi miċħud ir-rikors tagħha bħala infondat, ikollha l-effett li ċċaħħad lil din ir-rikorrenti mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li ngħataw lilha direttament bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    109. Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju jikkostitwixxu għalhekk, fil-fehma tiegħi, ostakoli, li diffiċli jinkisru, għall-possibbiltà li jkun hemm deroga mill-obbligu previst fil-ġurisprudenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq.

    110. B’mod sussidjarju, anki jekk wieħed jippreżupponi li, fi tmiem l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar bejn l-interess protett mid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u d-drittijiet mogħtija mid-dispożizzjoni Komunitarja, li jkun jixbah lil dak li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, tista’ tiġi kkontemplata tali deroga, hija ma tistax tkun aċċettata, fil-fehma tiegħi, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, u dan għar-raġunijiet segwenti.

    2.      L-ostakoli addizzjonali marbutin ma’ din il-kawża

    111. Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ ostakoli li jipprekludu li liġi nazzjonali bħalma hija l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tkun tista’ tinżamm fis-seħħ meta hija tmur kontra d-dritt Komunitarju.

    112. L-ewwel wieħed minnhom huwa marbut mal-fatt li, skont il-premessa tal-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni ma tikkontribwixxix biex jiġu limitati l-attivitajiet tal-imħatri b’mod koerenti u sistematiku. Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni msemmija għandha l-effett li tipprojbixxi lill-organizzaturi tal-imħatri fuq l-isports stabbiliti fi Stati Membri oħra milli joffru l-logħob tagħhom lill-konsumaturi residenti fil-Land ta’ NRW iżda hija ma tipproteġix lil dawn il-konsumaturi kontra l-ħajra eċċessiva għal-logħob min-naħa tal-operatur awtorizzat.

    113. L-argument fejn jingħad li ż-żamma fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija meħtieġa biex jiġi evitat li jkun hemm lakuna ġuridika ma jistax għaldaqstant jiġi aċċettat peress li l-leġiżlazzjoni msemmija, minna nnifsha, ma hijiex xierqa biex tipproteġi lill-konsumaturi. Skont il-premessa tal-qorti tar-rinviju, dan ma jikkostitwixxix, fir-realtà, ħlief miżura diskriminatorja jew, tal-inqas, protezzjonista.

    114. It-tieni ostakolu huwa marbut mal-fatt li, skont l-istess premessa, il-leġiżlazzjoni ikkontestata tmur kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dan minħabba l-kriterji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, li ngħatat iktar minn 18-il xahar qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

    115. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-applikazzjoni retroattiva tas-sentenzi tagħha, hija tipprova tgħaqqad din id-deroga mill-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju mal-ħtieġa li tiġi żgurata interpretazzjoni unformi ta’ dan id-dritt fl-Istati Membri kollha. Għal dan il-għan, huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li, minn banda, din il-limitazzjoni ma tistax tiġi deċiża ħlief mill-Qorti tal-Ġustizzja stess (37).

    116. Mill-banda l-oħra, u huwa dan it-tieni punt li huwa rilevanti hawnhekk, il-limitazzjoni tal-effetti fiż-żmien ma tistax tirriżulta ħlief mis-sentenza li tinterpreta r-regola Komunitarja. B’hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, limitazzjoni bħal din tista’ biss tkun ammessa, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza stess li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni mitluba (38).

    117. Din il-kundizzjoni hija meħtieġa għar-raġuni li ġejja. Jeħtieġ li neċessarjament ikun hemm mument uniku ta’ determinazzjoni tal-effetti fiż-żmien tal-interpretazzjoni mitluba li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju. F’dan ir-rigward, il-prinċipju li limitazzjoni tista’ tiġi biss ammessa fis-sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba, jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri u tal-individwi l-oħra quddiem dan id-dritt u jissodisfa fl-istess ħin il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-prinċipju taċ-ċertezza legali (39).

    118. Konsegwentement, meta, f’sentenza preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-interpretazzjoni li hija tagħti lid-dritt Komunitarju tista’ tiġi dedotta minn waħda mis-sentenzi preċedenti tagħha fejn hija ma tkunx illimitat fiż-żmien l-effetti tal-istess sentenza, hija għandha tindika li l-effetti fiż-żmien tat-tieni sentenza ma jistgħux ikunu limitati (40).

    119. Għaldaqstant, jekk wieħed jaċċetta li f’din il-kawża tista’ ssir deroga mill-ġurisprudenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, dan ikun kontra l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Barra minn hekk, dan ikollu l-effett li jeżenta lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom, li joħroġ mid-dmir ta’ lealtà msemmi fl-Artikolu 10 KE, li jadattaw definittivament u fl-iqsar żmien il-liġijiet tagħhom skont il-ġurisprudenza Komunitarja, mingħajr ma jistennew li l-liġi tagħhom tiġi hija stess ikkontestata fil-kuntest ta’ rinviju preliminari jew ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    120. Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, jiena nipproponi li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju fis-sens li qorti ta’ Stat Membru ma tistax tkompli tapplika b’mod eċċezzjonali u tranżitorju l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-imħatri fuq l-isports jekk dik il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkwantu hija ma tikkontribwixxix biex jiġu limitati l-attivitajiet tal-imħatri b’mod koerenti u sistematiku.

    121. Inkwantu jiena qiegħed nipproponi li tingħata risposta fin-negattiv għall-punt dwar jekk jistax ikun hemm deroga mill-obbligu msemmi fil-ġurisprudenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, ma jidhirx li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni domanda preliminari, dwar il-kundizzjonijiet ta’ tali deroga.

    V –    Konklużjoni

    122. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi bil-mod kif ġej għad-domandi preliminari tal-Verwaltungsgericht Köln:

    “Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrestrinġi l-provvista tas-servizz tal-imħatri fuq l-isports bil-għan li jiġu protetti l-interessi kkontemplati fit-Trattat KE jew li huma meqjusa bħala leġittimi fil-ġurisprudenza għandha, biex tkun konformi mad-dritt Komunitarju, tfittex l-għanijiet tagħha b’mod koerenti u sistematiku.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet kollha tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u billi tevalwa l-effetti konkreti tagħha fuq il-konsumaturi filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward ta’ din il-materja.

    Il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu ikunsiderazzjoni wkoll l-indikazzjonijiet ipprovduti mis-sentenza li ser tingħata fil-kawżi magħquda Stoß et, (C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07).

    Qorti ta’ Stat Membru ma tistax tkompli tapplika b’mod eċċezzjonali u tranżitorju l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-imħatri fuq l-isports jekk dik il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkwantu hija ma tikkontribwixxix biex jiġu limitati l-attivitajiet tal-imħatri b’mod koerenti u sistematiku”.


    1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


    2 – Sentenza tad-9 ta Marzu 1978 (106/77, Ġabra p. 629).


    3 – Iktar ’il quddiem “WestLotto”.


    4 – Iktar ’il quddiem il-“Land ta’ NRW”.


    5 – Iktar ’il quddiem “WW”.


    6 – Iktar ’il quddiem “Tipico”.


    7 – C‑243/01, Ġabra p. I‑13031.


    8 – Għal applikazzjoni reċenti, ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C‑314/08, Ġabra p. I-11049, punt 40).


    9 – Sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C‑67/98, Ġabra p. I‑7289, punt 37) kif ukoll Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66).


    10 – Sentenza Filipiak, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    11 – Sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58).


    12 – Ibidem (punt 67).


    13 – Ibidem (punt 69).


    14 – C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891.


    15 – Punt 55.


    16 – C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07.


    17 – L-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ġiet irrikonoxxuta fis-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, Ġabra p. 1299).


    18 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Simmenthal (punt 24), u Filipiak (punt 81, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


    19 – Sentenza Filipiak, iċċitata iktar ’il fuq (punt 82).


    20 – Ibidem (punt 84).


    21 – Sentenza tat-8 ta’ April 1976 (43/75, Ġabra p. 455).


    22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et (C‑367/93 sa C‑377/93, Ġabra p. I‑2229, punt 43).


    23 – Sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C‑234/04, Ġabra p. I‑2585, punt 24), kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, Ġabra p. I‑8559, punt 51).


    24 – Sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1980, Providence agricole de la Champagne (4/79, Ġabra p. 2823, punti 45 u 46); tal-5 ta’ Lulju 1995, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑21/94, Ġabra p. I‑1827, punti 29 sa 32), kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑166/07, Ġabra p. I‑7135, punti 72 sa 75).


    25 – C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351.


    26 – Dan kien ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerta merkanzija u ċerti servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294).


    27 – Punti 373 et seq.


    28 – Sentenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq (punti 14 u 15).


    29 – Ibidem (punt 17).


    30 – Ibidem (punti 22 u 23).


    31 – Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1990 (C‑213/89, Ġabra p. I‑2433).


    32 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964 (6/64, Ġabra p. 1141).


    33 – Idem, p. 1159.


    34 – (ĠU C 364, p. 1). Ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 335 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


    35 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Sürül (C‑262/96, Ġabra p. I‑2685), fejn hija ddikjarat li l-effett dirett tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 3/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom (ĠU 1983, L 110, p. 60), ma setax jiġi invokat insostenn ta’ rivendikazzjonijiet marbutin ma’ prestazzjonijiet li jirreferu għall-perijodi ta’ qabel id-data tas-sentenza, minħabba l-inċertezzi li kienu jeżistu fir-rigward tal-portata ta’ dik id-dispożizzjoni u r-riskji ta’ taħwid fis-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, salv f’dak li jikkonċerna l-persuni li, qabel dik id-data, kienu fetħu kawża jew għamlu talba ekwivalenti (punti 112 u 113).


    36 – Fil-punti 25 sa 27 tas-sentenza tas-26 ta’ April 1994, Roquette Frères (C‑228/92, Ġabra p. I‑1445), il-Qorti indikat:


    “[…] hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, meta tagħmel użu mill-possibbiltà li tillimita l-effett fiż-żmien passat ta’ dikjarazzjoni preliminari ta’ invalidità ta’ regolament Komunitarju, għandha tistabbilixxi jekk eċċezzjoni għal din il-limitazzjoni tal-effett fiż-żmien, mogħtija bis-sentenza tagħha, tista’ tiġi prevista favur il-parti fil-kawża prinċipali li tkun ippreżentat quddiem il-qorti nazzjonali rikors kontra l-att nazzjonali li jeżegwixxi r-regolament, jew jekk, mill-banda l-oħra, anki fir-rigward ta’ dik l-istess parti, huwiex rimedju adegwat li tingħata dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ regolament li għandha biss effett fil-futur (ara s-sentenza [tas-27 ta’ Frar 1985, Société des produits de maïs, 112/83, Ġabra p. 719], punt 18).


    Fil-każ tal-parti li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikkontestat quddiem il-qorti nazzjonali avviż għall-ħlas ta’ [ammonti kompensatorji monetarji] adottat abbażi ta’ regolament Komunitarju invalidu, tali limitazzjoni tal-effetti fil-passat ta’ dikjarazzjoni preliminari ta’ invalidità jkollha l-konsegwenza li l-istess qorti nazzjonali tiċħad ir-rikors kontra l-avviż għall-ħlas kkontestat, minkejja li r-regolament, li fuqu dak l-avviż ikun inħareġ, ikun ġie ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-istess istanza.


    Operatur ekonomiku bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġi miċħuda għalhekk mid-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-każ ta’ ksur mill-istituzzjonijiet tal-legalità Komunitarja u l-effett utli tal-Artikolu [234 KE] jkun b’hekk ippreġudikat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


    37 – Sentenza tat-8 ta’ Frar 1996, FMC et (C‑212/94, Ġabra p. I‑389, punt 56). Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit fundamentali tal-applikazzjoni uniformi u ġenerali tad-dritt Komunitarju jimplika li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi fuq il-limitazzjonijiet intratemporali li għandu jkollha l-interpretazzjoni li hija tagħti [sentenza tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana (61/79, Ġabra p. 1205, punt 18)].


    38 – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, Ġabra p. I‑1835, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


    39 – Ibidem (punt 37).


    40 – Ibidem (punti 38 sa 41).

    Fuq