Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0002

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-3 ta' Ġunju 2010.
Regionalna Mitnicheska Direktsia - Plovdiv vs Petar Dimitrov Kalinchev.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Varhoven administrativen sad - il-Bulgarija.
Dazji tas-sisa - Tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati - Taxxa fuq il-vetturi bil-mutur użati li jiġu importati ogħla minn dik imposta fuq il-vetturi bil-mutur diġà f’ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali - Taxxa skont is-sena ta’ manufatturazzjoni u n-numru ta’ kilometri fuq l-arloġġ tal-vetturi bil-mutur - Kunċett ta’ ‘prodotti simili nazzjonali’.
Kawża C-2/09.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:312

Kawża C-2/09

Direktor na Agentsia “Mitnitsi”, li kienet Regionalna Mitnicheska Direktsia – Plovdiv

vs

Petar Dimitrov Kalinchev

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad)

“Dazji tas-sisa – Tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati – Taxxa fuq il-vetturi bil-mutur użati li jiġu importati ogħla minn dik imposta fuq il-vetturi bil-mutur diġà fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali – Taxxa skont is-sena ta’ manufattura u n-numru ta’ kilometri fuq l-arloġġ tal-vetturi bil-mutur – Kunċett ta’ ‘prodotti simili nazzjonali’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Dazju tas-sisa fuq il-vetturi bil-mutur użati meta dawn jiddaħħlu fit-territorju nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 92/12, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn prodotti importati u prodotti nazzjonali simili – Prodotti simili

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 110, TFUE)

3.        Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Sistema ta’ dazju tas-sisa applikata fuq il-vetturi bil-mutur użati

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE)

1.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, ma huwiex applikabbli fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dazju tas-sisa fuq vetturi bil-mutur u għaldaqstant ma jistax jipprekludi l-istabbiliment, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ tassazzjoni permezz ta’ dazju tas-sisa għall-vetturi bil-mutur użati meta dawn jiddaħħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, dazju tas-sisa li ma huwiex dovut mal-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur li jinstabu diġà fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li fir-rigward tagħhom tali dazju tas-sisa diġà tħallas meta dawn iddaħħlu inizjalment fit-territorju tal-Istat Membru, sakemm tali sistema ma tagħtix lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni kollha inkwistjoni tistax tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li jiġi ddikjarat id-dħul ta’ vettura bil-mutur fit-territorju nazzjonali ma huwiex marbut mal-qsim tal-fruntiera, iżda iżjed mad-determinazzjoni sussegwenti tal-ammont tad-dazju tas-sisa fil-mument tat-tnissil tal-obbligu li dan jitħallas. Fil-fatt, għalkemm id-dikjarazzjoni għandha tkun ippreżentata meta jseħħ l-akkwist intra‑Komunitarju tal-vettura, u għalhekk meta tinqasam il-fruntiera, tali formalità madankollu ma hijiex marbuta ma’ dan “il qsim” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12, iżda mal-obbligu li jitħallas id-dazju tas-sisa. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, peress li l-għan tal-imsemmija dikjarazzjoni huwa li jiġi żgurat il-ħlas tad-dejn li jikkorrispondi mad-dazju tas-sisa, formalità bħal din hija marbuta mal-avveniment li jagħti lok għad-dazju tas-sisa.

(ara l-punti 27, 28 u d-dispożittiv 1)

2.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vetturi bil-mutur użati importati fi Stat Membru għandhom jiġu kkunsidrati bħala prodotti simili għall-vetturi bil-mutur użati diġà rreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat u li ġew importati fit-territorju ta’ dan l-Istat bħala vetturi bil-mutur ġodda irrispettivament mill-oriġini tagħhom.

(ara l-punt 33 u d-dispożittiv 2)

3.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi sistema differenti tad-dazju tas-sisa applikata minn Stat Membru għall-vetturi bil-mutur peress li din is-sistema tolqot b’mod differenti l-vetturi bil-mutur użati importati minn Stati Membri oħra u l-vetturi bil-mutur użati diġà rreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat li ġew importati fit-territorju tiegħu bħala vetturi bil-mutur ġodda.

B’mod partikolari, is-sistema ta’ dazju tas-sisa li, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dazju tas-sisa għal vetturi bil-mutur użati importati minn Stati Membri oħra, la tieħu inkunsiderazzjoni s-sena ta’ manifattura u lanqas il-kilometraġġ ta’ dawn il-vetturi bil-mutur fid-data tal-importazzjoni tagħhom fit-territorju nazzjonali, iżda tipprevedi li l-valur taxxabbli u r-rata tad-dazju tas-sisa huma kkalkolati biss abbażi tas-saħħa tal-magna li hija karatteristika fissa ta’ vettura bil-mutur li ma tiddependix fuq il-livell ta’ teknoloġija reali tagħha, filwaqt li t-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati ssegwi metodi differenti mit-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur ġodda, ma tippermettix kalkolu newtrali tad-dazju tas-sisa għall-vetturi bil-mutur użati importati. Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dazju tas-sisa huwa impost fuq il-merkanzija importata darba waħda biss, skont l-imsemmija sistema, il-kalkolu tad-dazju tas-sisa għal vetturi bil-mutur ġodda huwa bla dubju ta’ xejn iktar favorevoli milli għal vetturi bil-mutur użati. Peress li l-vetturi bil-mutur użati li jiċċirkulaw diġà fit-territorju tal-Istat Membru, jiġifieri l-vetturi bil-mutur li diġà ġew importati bħala vetturi bil-mutur ġodda, huma intaxxati fil-mument li dawn jidħlu fit-territorju bħala vetturi bil-mutur ġodda, huwa relattivament iktar ogħli li tiġi importata vettura bil-mutur użata minn Stat Membru ieħor milli li tinxtara vettura bil-mutur tal-istess tip, tal-istess saħħa ta’ magna u tal-istess kilometraġġ, jiġifieri tal-istess teknoloġija, fit-territorju tal-Istat Membru, fatt li jista’ jinfluwenza l-għażla tal-konsumaturi.

(ara l-punti 43-47 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Ġunju 2010(*)

“Dazji tas-sisa – Tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati – Taxxa fuq il-vetturi bil-mutur użati li jiġu importati ogħla minn dik imposta fuq il-vetturi bil-mutur diġà fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali – Taxxa skont is-sena ta’ manufattura u n-numru ta’ kilometri fuq l-arloġġ tal-vetturi bil-mutur – Kunċett ta’ ‘prodotti simili nazzjonali’”

Fil-Kawża C‑2/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Jannar 2009, fil-kawża

Regionalna Mitnicheska Direktsia - Plovdiv

vs

Petar Dimitrov Kalinchev,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), M. Safjan, u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. D. Kalinchev, minn M. Ekimdžiev, аdvokat,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn A. Ananiev u T. Ivanov, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u S. Petrova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 KE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE, kif ukoll tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Kalinchev u r-Regionalna Mitnicheska Direktsia – Plovdiv (Direttorat Reġjonali tad-Dwana ta’ Plovdiv), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtih tnaqqis fl-ammont tad-dazju tas-sisa impost fuqu meta huwa importa l-vettura bil-mutur tiegħu

  Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 92/12 jipprovdi:

“1. Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:

–        żjut minerali,

–        alkoħol u xorb alkoħoliku,

–        tabakk maħdum.

–        [...]

3. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu taxxi li huma imposti fuq prodotti ħlief għal dawk li huma elenkati fil-paragrafu 1, b’dan illi, iżda, li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati membri.

Bla ħsara għall-istess proviso, l-Istati Membri għandhom ukoll iżommu d-dritt li jimponu taxxi fuq il-provvista ta’ servizzi li ma jistgħux jiġu karatterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ, inklużi dawk li jirrelataw ma’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar id-dazji tas-sisa u l-imħażen tas-sisa (Zakon za aktsizite i danachnite skladove, DV Nru  91, tal-15 ta’ Novembru 2005), kif emendata bil-Liġi (DV Nru 6, tat-23 ta’ Jannar 2009, iktar ’il quddiem iż-“ZADS”), l-alkoħol u xorb alkoħoliku, it-tabakk maħdum, il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku kif ukoll il-vetturi bil-mutur huma suġġetti għad-dazju tas-sisa.

5        Skont l-Artikolu 4(16) taż-ZADS:

“Vettura bil-mutur ġdida tfisser vettura bil-mutur li, fid-data tal-importazzjoni li tikkorrispondi għad-data tal-preżentata tad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 76d lill-awtoritajiet tad-dwana, tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet segwenti:

a) il-perijodu minn wara d-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħha (inkluża dik barra mill-pajjiż) ma jeċċedix sitt xhur, jew

b) il-kilometraġġ ma jeċċedix 6 000 km.”

6        Skont l-Artikolu 18 taż-ZADS, il-“vetturi bil-mutur” huma ddefiniti bħala “vetturi bil-mutur li jġorru l-passiġieri”, “vetturi bil-mutur b’użu mħallat” u “vetturi bil-mutur tat-tlielaq”, ġodda jew użati, li jistgħu jittrasportaw sa disa’ persuni, inkluż ix-xufier, b’magna b’saħħa ta’ iktar minn 120 kW skont l-istandard DIN jew ta’ iktar minn 126 kW skont l-istandard SAE, taħt il-kodiċi 8703 tan-Nomenklatura Magħquda.

7        L-Artikolu 19 taż-ZADS jipprovdi:

“1) Il-merkanzija msemmija fl-Artikolu 2 hija suġġetta għad-dazju tas-sisa, sakemm ma tkunx suġġetta għall-proċedura ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa:

1.1. mal-manufattura tagħha fit-territorju nazzjonali;

1.2. meta din tiddaħħal fit-territorju nazzjonali mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

1.3. mal-importazzjoni tagħha fit-territorju nazzjonali.

2) “Importazzjoni ta’ merkanzija suġġetta għad-dazju tas-sisa” tfisser l‑introduzzjoni ta’ merkanzija mhux Komunitarja suġġetta għad-dazju tas-sisa fit-territorju nazzjonali, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ merkanzija Komunitarja suġġetta għad-dazju tas-sisa minn territorji terzi li jiffurmaw parti mit-territorju doganali tal-Komunità.

3) Irrispettivament mill-Artikolu 19(2), jekk mal-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju nazzjonali din titqiegħed taħt proċedura tad-dwana, l-importazzjoni tagħha hija meqjusa li seħħet mar-rilaxx tagħha għal ċirkulazzjoni libera.

8        Skont l-Artikolu 30 taż-ZADS, il-valur taxxabbli tal-vetturi bil-mutur huwa s-segwenti:

“1) għall-vetturi bil-mutur użati – in-numru ta’ kW, li jindika s-saħħa tal-magna;

2) għall-vetturi bil-mutur ġodda – in-numru ta’ kW, li jindika s-saħħa tal-magna, sa fejn dan jeċċedi 120 kW skont l-istandard DIN jew 126 kW skont l-istandard SAE.”

9        L-Artikolu 40 taż-ZADS jipprevedi:

“1) Ir-rata tad-dazju tas-sisa fuq il-vetturi bil-mutur użati hija s-segwenti:

1. għall-vetturi bil-mutur b’ magna b’saħħa ta’ iktar minn 120 kW u sa 150 kW skont l-istandard DIN – BGN 35 għal kull kW;

2. għall-vetturi bil-mutur b’magna b’saħħa ta’ iktar minn 150 kW skont l‑istandard DIN – BGN 60 għal kull kW;

3. għall-vetturi bil-mutur b’magna b’saħħa ta’ bejn 126 kW u 157.5 kW skont l‑istandard SAE – BGN 33.33 għal kull kW;

4. għall-vetturi bil-mutur b’magna b’saħħa ta’ iktar minn 157.5 kW skont l‑istandard SAE – BGN 57.14 għal kull kW.

2) ir-rata tad-dazju tas-sisa għall-vetturi bil-mutur ġodda hija:

1. BGN seba’ ċenteżmi + BGN 90 għal kull kW li jeċċedi l-120 kW skont l‑istandard DIN;

2. BGN seba’ ċenteżmi + BGN 85.71 għal kull kW taħt il-126 kW skont l‑istandard SAE.”

10      L-Artikolu 76d taż-ZADS jipprevedi:

“1) Kull persuna li ddaħħal fit-territorju nazzjonali merkanzija suġġetta għad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 2(5) mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor hija obbligata tagħmel dikjarazzjoni skont il-mudell previst fid-dispożizzjonijiet ta’ implemetazzjoni ta’ din il-liġi.

2) Id-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 76(1) għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità tad-dwana kompetenti skont il-post jew ir-residenza tal-persuna kkonċernata, fiż-żmien 14–il jum minn meta tiddaħħal il-merkanzija. Id‑dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata qabel l-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur fir-Repubblika tal-Bulgarija.

3) L-awtoritajiet tad-dwana għandhom id-dritt jitolbu li, fl-istess ħin tad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 76d(2), tkun ippreżentata wkoll il-merkanzija.

4) Abbażi tad-dikjarazzjoni magħmula, l-awtorità tad-dwana kompetenti għandha tistabbilixxi l-ammont tad-dazju tas-sisa dovut u għandha tikkomunika dan l‑ammont lill-persuna kkonċernata.

11      L-Artikolu 72a tar-Regolament dwar l-applikazzjoni taż-ZADS, adottat mill-Ministru tal-Finanzi (DV Nru 42 tat-23 ta’ Mejju 2006), jipprevedi:

“1) Fil-każ previst fl-Artikolu 76d tal-Liġi, għadha tiġi introdotta dikjarazzjoni dwar id-dazji tas-sisa skont il-mudell previst fl-Anness Nru 13a qabel l-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur fir-Repubblika tal-Bulgarija, fiż-żmien 14-il jum minn meta tiddaħħal il-merkanzija fit-territorju nazzjonali.

2) Abbażi tad-data li tkun tinstab fid-dikjarazzjoni dwar id-dazji tas-sisa u dwar id-dokumenti ppreżentati, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jiffissaw u jistabbilixxu d-dazju tas-sisa fid-dikjarazzjoni tad-dwana. L-eżemplari Nru 2 tad-dikjarazzjoi msemmija fl-Artikolu 76d(1) hija informazzjoni skont l-Artikolu 44(1)(5) tal-Liġi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fit-13 ta’ Frar 2007, ir-rikorrent xtara, fi Franza, vettura bil-mutura tat-trade mark BMW, serje 530 D, b’magna b’saħħa ta’ 140 kW, irreġistrata għall-ewwel darba fis-6 ta’ Frar 1999 u b’kilometraġġ ta’ 160 000 km

13      Fi Frar 2007, huwa importa din il-vettura bil-mutur fit-territorju Bulgaru u ppreżentaha għar-reġistrazzjoni lill-pulizija tat-traffiku Bulgara fil-21 ta’ Frar 2007.

14      Fid-19 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrent ippreżenta, skont l-Artikolu 76d taż-ZADS, dikjarazzjoni li għandha tiġi ppreżentata meta prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 2(5) taż-ZADS huma mdaħħla fit-territorju nazzjonali minn Stat Membru ieħor. Mal-preżentata ta’ din id-dikjarazzjoni, huwa kien suġġett għal dazju tas-sisa ta’ BGN 4 900, ikkalkolat skont ir-regoli tal-Artikolu 40(1)(1) taż-ZADS.

15      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrent ikkontesta l-ammont tad-dazju tas-sisa hekk ikkalkolat billi allega li kellha tiġi mnaqqsa s-somma ta’ BGN 2 400, peress li skontu, dan l-ammont kien diskriminatorju u kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 90 KE.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tad-Dipartiment tad-Dwana ta’ Plovdiv, ikkonfermata mid-Direttur tar-Regionalna Mitnicheska Direktsia – Plovdiv, ir‑rikorrent ġie miċħud it-tnaqqis tal-ammont tad-dazju tas-sisa fuq il-vettura bil-mutur tiegħu. Ġie kkonfermat li d-dazju tas-sisa dovut kien ta’ BGN 4 900, ikkalkolat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(1)(1) taż-ZADS.

17      Id-deċiżjoni amministrattiva tal-amministrazzjoni tad-dwana ġiet ikkontestata quddiem l-Administrativen sad – Plovdiv (Qorti Amministrattiva ta’ Plovdiv), li ddeċidiet li tannulla dik id-deċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-parti tal-ammont totali ta’ BGN 4 900  li kienet teċċedi BGN 2 500 , billi laqgħet fid-deċiżjoni tagħha l‑oġġezzjoni tar-rikorrent dwar in-natura diskriminatorja tal-ammont ta’ BGN 2400.

18      Skont l-Administrativen sad – Plovdiv, id-dazju tas-sisa stabbilit skont l-Artikolu 40(1)(1) taż-ZADS għall-introduzzjoni, fit-territorju Bulgaru, ta’ vettura bil-mutur li ġġorr il-passiġieri huwa diskriminatorju u jikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE. Skont din il-qorti, l-ammont diskriminatorju tad-dazju tas-sisa jikkorrispondi mal-ammont li jeċċedi dak tad-dazju tas-sisa kkalkolat meta tiddaħħal fit-territorju Bulgaru vettura bil-mutur ġdida ta’ 140 kW, liema ammont ikun biss ta’ BGN 2 500 .

19      Ir-Regionalna Mitnicheska Direktsia ppreżenta appella fuq punt ta’ liġi kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad, li hija l-ogħla istanza.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1. L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [92/12] jawtorizza l-implementazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ sistema ta’ tassazzjoni permezz ta’ dazju tas-sisa għall-vetturi bil-mutur użati meta dawn jiddaħħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, dazju tas-sisa li mhuwiex direttament dovut waqt il-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur li jinsabu diġà fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li fir-rigward tagħhom tali dazju tas-sisa diġà tħallas meta dawn iddaħħlu inizjalment fit-territorju tal-Istat Membru?

2. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE, il‑kunċett ta’ "prodotti simili nazzjonali " għandu jiġi interpretat:

a) fis-sens li dawn joriġinaw mill-Istat Membru li stabbilixxa taxxi interni speċifiċi jew

b) fis-sens li dawn kienu diġà jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, indipendentement mill-oriġini tagħhom?

3. Sabiex tingħata risposta għaż-żewġ domandi preċedenti, l-Artikolu 25 KE u l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu s-sistema differenti tad-dazju tas-sisa applikata lill-vetturi bil-mutur, implementata mir-Repubblika tal-Bulgarija permezz tal-Artikoli 30 u 40 taż-[ZADS] skont is-sena ta’ manufattura tagħhom u n-numru ta’ kilometri fuq l‑arloġġ?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikoli 30 u 40 taż-ZADS, li tistabbilixxi l-valur taxxabbli u r‑rata tad-dazju tas-sisa għall-vetturi bil-mutur użati meta dawn jiddaħħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, filwaqt li d-dazju tas-sisa ma huwiex dovut mal-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur li jinstabu diġà fit-territorju ta’ dan l-Istat u li fir-rigward tagħhom tali dazju tas-sisa tħallas meta dawn iddaħħlu inizjalment fl-imsemmi territorju.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa ddefinit b’riferiment għal tliet kategoriji ta’ prodotti elenkati b’mod limitat, li jikkorrispondu, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa ta’ din id-direttiva, għall-merkanzija ttrattata bħala prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa "fl-Istati Membri kollha". Dan l-elenku ma jinkludix il-vetturi bil-mutur, li huma għalhekk esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva (sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 36).

23      Sussegwentement, fir-rigward tal-prodotti għajr dawk imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Istati Membri jżommu d-dritt li jintroduċu jew li jżommu fis-seħħ taxxi li huma imposti fuq dawn il-prodotti bil-kundizzjoni li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana, C-145/06 u C-146/06, Ġabra p. I‑5869, punt 44).

24      Hekk kif irrileva l-Gvern Bulgaru fid-depożizzjoni bil-miktub tiegħu, l-unika formalità fir-rigward tat-taxxa fuq vetturi li jiddaħħlu fit-territorju Bulgaru minn Stati Membri oħra hija dik prevista fl-Artikolu 76d taż-ZADS, b’mod partikolari l‑obbligu għal kull persuna li ddaħħal fit-territorju nazzjonali prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa minn Stat Membru ieħor, li tagħmel dikjarazzjoni skont id‑dispożizzjonijiet tal-liġi inkwistjoni.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 jista’ japplika f’dan il-każ biss jekk l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kienet ikkunsidrata bħala “formalità marbuta mal-qsim ta’ fruntiera” li tagħti lok għall-ġbir tad-dazju tas-sisa. (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007 Brzeziński, C‑313/05, Ġabra p. I‑513, punt 45).

26      Il-Gvern Bulgaru jqis li l-imsemmija formalità m hijiex marbuta mal-qsim tal-fruntiera, iżda iżjed mad-determinazzjoni sussegwenti tal-ammont tad-dazju tas-sisa fil-mument tat-tnissil tal-obbligu li dan jitħallas.

27      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata fis-sens li taha l‑Gvern Bulgaru. Fil-fatt, għalkemm id-dikjarazzjoni inkwistjoni għandha tkun ippreżentata meta jseħħ l-akkwist intra‑Komunitarju tal-vettura, u għalhekk meta tinqasam il-fruntiera, tali formalità madankollu ma hijiex marbuta ma’ dan “il‑qsim” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12, iżda mal-obbligu li jitħallas id-dazju tas-sisa. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, peress li l‑għan tal-imsemmija dikjarazzjoni huwa li jiġi żgurat il-ħlas tad-dejn li jikkorrispondi mad-dazju tas-sisa, formalità bħal din hija marbuta mal-avveniment li jagħti lok għad-dazju tas-sisa (sentenza Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 48).

28      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 ma huwiex applikabbli f’każ bħall-kawża prinċipali u għaldaqstant ma jistax jipprekludi l-istabbiliment, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ tassazzjoni permezz ta’ dazju tas-sisa għall-vetturi bil-mutur użati meta dawn jiddaħħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, dazju tas-sisa li ma huwiex dovut mal-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur li jinstabu diġà fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li fir-rigward tagħhom tali dazju tas-sisa diġà tħallas meta dawn iddaħħlu inizjalment fit-territorju tal-Istat Membru, sakemm tali sistema ma tagħtix lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri

 Fuq it-tieni domanda

29      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l‑vetturi bil-mutur użati importati fil-Bulgarija għandhom jiġu kkunsidrati bħala prodotti simili għall-vetturi bil-mutur użati li ġew importati fit-territorju ta’ dan l‑Istat bħala vetturi bil-mutur ġodda irrispettivament mill-oriġini tagħhom, peress li f’dan l-Istat ma jiġux nazzjonalment immanifatturati vetturi bil-mutur.

30      F’dan ir-rigward minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, fl-ewwel lok, li, skont il‑formulazzjoni tiegħu l-Artikolu 110 TFUE jipprojbixxi li jiġu applikati fuq il‑prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ogħla minn dawk applikati fuq prodotti simili nazzjonali jew li jiġu applikati taxxi interni tali li jagħtu protezzjoni indiretta lil produzzjonijiet oħra (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-47/88, Ġabra p. I-4509, punt 8).

31      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati importati, l‑110 TFUE huwa intiż sabiex jiggarantixxi n-newtralità perfetta tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti li jinstabu diġà fis-suq nazzjonali u l‑prodotti importati (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Krawczyński, C-426/07, Ġabra p. I-6021, punt 31).

32      Fit-tielet lok, għandu jiġi mfakkar li produzzjoni nazzjonali ta’ vetturi bil-mutur fil-Bulgarija ma hijiex rekwiżita sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ suq ta’ vetturi bil-mutur użati f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, prodott isir nazzjonali meta dan ikun ġie importat u tqiegħed fis-suq. Il-vetturi bil-mutur użati importati u dawk li huma mixtrija fil-post jikkostitwixxu prodotti simili jew kompetittivi. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 110 TFUE japplikaw fir-rigward tat-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni mal-importazzjoni ta’ vetturi bil-mutur użati (ara s‑sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

33      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vetturi bil-mutur użati importati fil-Bulgarija għandhom jiġu kkunsidrati bħala prodotti simili għall-vetturi bil-mutur użati diġà rreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat u li ġew importati fit-territorju ta’ dan l-Istat bħala vetturi bil-mutur ġodda irrispettivament mill-oriġini tagħhom.

 Fuq it-tielet domanda

34      Fil-kawża prinċipali hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikoli 30 u 40 taż-ZADS jipprevedu l-kalkolu tal-valur taxxabbli permezz ta’ dazju tas-sisa wieħed ta’ vetturi bil-mutur ġodda u użati, kif ukoll ir-rata tal-imsemmi dażju tas-sisa skont is-saħħa tal-magna ta’ tali vetturi bil-mutur. Skont l-Artikolu 4(16) taż-ZADS il-kriterju biex issir distinzjoni bejn il-vetturi bil-mutur ġodda u l-vetturi bil-mutur użati huwa l-perijodu li jkun għadda bejn id-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom (inkluża dik barra mill-pajjiż) u l-kilometraġġ fuq l-arloġġ. Huma kkunsidrati bħala ġodda dawk il-vetturi bil-mutur li, fid-data tal-importazzjoni tagħhom fit-territorju Bulgaru, ma jkunux ilhom jiċċirkolaw għal iktar minn sitt xhur mill-ewwel reġistrazzjoni tagħhom irrispettivament mill-oriġini tagħhom jew dawk li l‑kilometraġġ tagħhom ma jeċċedix is-6 000 km

35      Għaldaqstant, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi mifhuma bħala li essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 30 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludux sistema differenti tad-dazju tas-sisa applikata minn Stat Membru għall-vetturi bil-mutur peress li din is-sistema tolqot b’mod differenti l‑vetturi bil-mutur użati importati minn Stati Membri oħra u l-vetturi bil-mutur użati diġà irreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat li ġew importati fit-territorju tiegħu bħala vetturi bil-mutur ġodda.

36      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li dazju tas-sisa bħal dak stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt is-sistema ġenerali ta’ taxxi interni fuq il-merkanzija u għandu għaldaqstant jiġi eżaminat biss fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE (sentenza Krawczyński, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

37      Issa, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 110 TFUE jikkompleta d-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija tad-dazji doganali u tat-taxxi b’effett ekwivalenti. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tiżgura l‑moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni permezz tat-tneħħija ta’ kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Brzeziński, punt 27, u Krawczyński, punt 30,).

38      Barra minn hekk, sistema ta’ tassazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE biss jekk din hija stabbilita u arranġata b’mod li teskludi, f’kull każ, li l-prodotti importati jkunu intaxxati b’mod iżjed oneruż mill-prodotti nazzjonali u, għalhekk, jekk, f’ebda każ, din ma għandha effetti diskriminatorji (sentenza Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq , punt 40; digriet tal-10 ta’ Diċembru 2007, Kawala, C-134/07, Ġabra p. I-10703, punt 29, u s-sentenza Krawczyński, iċċitata iktar ’il fuq , punt 32).

39      Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, ikun hemm ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE meta t-taxxa imposta fuq il-prodott importat u dik imposta fuq prodott simili nazzjonali huma kkalkolati b’mod differenti u skont modalitajiet differenti, b’mod li jwasslu, anki jekk biss f’ċerti każijiet, għal tassazzjoni ogħla tal-prodott importat (sentenzi tat-22 ta’ Frar 2001, Gomes Valente, C‑393/98, Ġabra p. I‑1327, punt 21; tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C‑387/01, Ġabra p. I‑4981, punt 67; Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑74/06, Ġabra p. I-7585, punt 25). F’dan il‑kuntest għandu jiġi mfakkar li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss ir-rata tat-taxxa interna imposta direttament jew indirettament fuq il-prodotti nazzjonali u importati, iżda ukoll il‑bażi ta’ din it-taxxa (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, Ġabra p. 557, punt 21, u Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

40      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-dazju tas-sisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex impost bl-istess mod kemm fuq vettura bil-mutur użata importata fil-Bulgarija kif ukoll fuq vettura bil-mutur użata tal-istess tip, tal-istess karatteristiċi u tal-istess teknoloġija, importata bħala vettura bil-mutur ġdida fil-Bulgarija u diġà rreġistrata f’dan l-Istat, billi dawn iż-żewġ kategoriji ta’ vetturi bil-mutur jikkostitwixxu “prodotti simili” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE.

41      Fil-kuntest ta’ tqabbil bħal dan, għandu jiġi enfasizzat li d-dazju tas-sisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitħallas, għal kull vettura bil-mutur intiża biex tiġi rreġistrata fil-Bulgarija, darba waħda biss, kemm fuq il-vetturi bil-mutur ġodda kif ukoll fuq il-vetturi bil-mutur użati.

42      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni, huwa neċessarju li l-iskali fissi stabbiliti mil-liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u kkalkolati fuq il-bażi ta’ kriterji bħaż-żmien tal-vettura bil-mutur, il-kilometraġġ, l-istat ġenerali, il-metodu ta’ propulsjoni, it‑trade mark jew il-mudell tal-vettura jippermettu li jintlaħaq l-għan ta’ tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati importati li f’ebda każ ma tkun ogħla mill-ammont tat-taxxa residwa inkorporata fil-valur tal-vetturi bil-mutur użati simili diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weigel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75). Dan it-tip ta’ kalkolu huwa b’mod partikolari neċessarju sabiex tiġi żgurata n-natura fiskalment newtrali tad-dazju tas-sisa inkwistjoni fir-rigward tal-vetturi bil-mutur użati importati.

43      Għandu jiġi kkonstatat li skala fissa ta’ saħħa tal-magna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix kalkolu newtrali tad-dazju tas-sisa għal vetturi bil-mutur użati importati.

44      B’mod partikolari, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dazju tas-sisa għal vetturi bil-mutur użati importati minn Stati Membri oħra, tali sistema la tieħu inkunsiderazzjoni s-sena ta’ manifattura u lanqas il-kilometraġġ ta’ dawn il-vetturi bil-mutur fid-data tal-importazzjoni tagħhom fit-territorju Bulgaru. B’mod partikolari, il-perijodu li jkun għadda mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni (inkluża dik barra mill-pajjiż) u l-kilometraġġ fuq l-arloġġ ta’ vettura bil-mutur iservu biss, skont din is-sistema, bħala kriterji ta’ distinzjoni bejn vettura bil-mutur ġdida u vettura bil-mutur użata.

45      F’kawża bħal dik prinċipali, il-valur taxxabbli u r-rata tad-dazju tas-sisa huma kkalkolati biss abbażi tas-saħħa tal-magna li hija karatteristika fissa ta’ vettura bil-mutur li ma tiddependix fuq il-livell ta’ teknoloġija reali tagħha, madankollu it‑tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati ssegwi metodi differenti mit-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur ġodda.

46      Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dazju tas-sisa huwa impost fuq il‑merkanzija importata darba waħda biss, skont l-imsemmija sistema, il-kalkolu tad-dazju tas-sisa għal vetturi bil-mutur ġodda huwa bla dubju ta’ xejn iktar favorevoli milli għal vetturi bil-mutur użati. Peress li l-vetturi bil-mutur użati li jiċċirkulaw diġà fit-territorju Bulgaru, jiġifieri l-vetturi bil-mutur li diġà ġew importati bħala vetturi bil-mutur ġodda, huma intaxxati fil-mument li dawn jidħlu fit-territorju Bulgaru bħala vetturi bil-mutur ġodda, huwa relattivament iktar ogħli li tiġi importata vettura bil-mutur użata minn Stat Membru ieħor milli li tinxtara vettura bil-mutur tal-istess tip, tal-istess saħħa ta’ magna u tal-istess kilometraġġ, jiġifieri tal-istess teknoloġija, fit-territorju Bulgaru, fatt li jista’ jinfluwenza l‑għażla tal-konsumaturi.

47      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi sistema differenti tad-dazju tas-sisa applikata minn Stat Membru għall-vetturi bil-mutur f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ peress li din is-sistema tolqot b’mod differenti l-vetturi bil-mutur użati importati minn Stati Membri oħra u l-vetturi bil-mutur użati diġà rreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat li ġew importati fit-territorju tiegħu bħala vetturi bil-mutur ġodda.

 Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

48      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Bulgaru talab lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ li hija tikkonstata li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE, tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza li tingħata.

49      Insostenn tat-talba tiegħu, huwa invoka n-natura inċerta tal-kalkolu tal-ammonti li għandhom jitħallsu lura kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tar-Repubblika tal-Bulgarija. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza.

50      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li huwa biss f’każijiet għal kollox eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika Komunitarja, tillimita l‑possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jkunu sodisfatti, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r‑riskju ta’ diffikultajiet serji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, Ġabra p. I‑199, punt 51, kif ukoll Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna, b’mod partikolari meta kienet teżisti probabbiltà ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji partikolarment minħabba n-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa sabiex jaġixxu b’mod li ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza oġġettiva u kbira fir-rigward tal-iskop tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inċertezza li għaliha kkontribwixxa wkoll l-aġir ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, Ġabra p. I‑3585, punt 42 u Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

52      Ukoll skont ġurisprudenza stabbilita, il-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minħabba sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fihom infushom ma jiġġustifikawx il-limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 52 ; tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I-2119, punt 68, u Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

53      Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dazju tas-sisa impost fuq il-vetturi bil-mutur użati importati fil-Bulgarija, mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 110 TFUE.

54      Waqt is-seduta, il-Gvern Bulgaru pproduċa data ċċifrata tal-ammont allegatament dovut wara tali kundanna mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx analiżi ta’ dawn iċ-ċifri, li tippermetti li jiġi evalwat il‑proporzjon ta’ dan l-ammont totali li jista’ jagħti lok għal rimbors. Għandu jingħad ukoll li għandhom jiġu rimborsati biss l-ammonti tad-dazju tas-sisa li jeċċedu dawk li jikkorispondu għad-dazju residwu inkluż f’vettura bil-mutur użata simili li toriġina mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

55      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, ta’ natura li tiġġustifika limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk huwiex sodisfatt il-kriterju relattiv għall-bona fide tal-persuni kkonċernati.

57       Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma hemmx lok li jiġu llimitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, ma huwiex applikabbli f’każ bħall-kawża prinċipali u għaldaqstant ma jistax jipprekludi l‑istabbiliment, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ tassazzjoni permezz ta’ dazju tas-sisa għall-vetturi bil-mutur użati meta dawn jiddaħħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, dazju tas-sisa li ma huwiex dovut mal-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur li jinstabu diġà fit-territorju ta’ dan l‑Istat Membru u li fir-rigward tagħhom tali dazju tas-sisa diġà tħallas meta dawn iddaħħlu inizjalment fit-territorju tal-Istat Membru, sakemm tali sistema ma tagħtix lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri

2)      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vetturi bil-mutur użati importati fil-Bulgarija għandhom jiġu kkunsidrati bħala prodotti simili għall-vetturi bil-mutur użati diġà rreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat u li ġew importati fit-territorju ta’ dan l-Istat bħala vetturi bil-mutur ġodda irrispettivament mill-oriġini tagħhom.

3)      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi sistema differenti tad-dazju tas-sisa applikata minn Stat Membru għall-vetturi bil-mutur f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ peress li din is-sistema tolqot b’mod differenti l-vetturi bil-mutur użati importati minn Stati Membri oħra u l-vetturi bil-mutur użati diġà rreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat li ġew importati fit-territorju tiegħu bħala vetturi bil-mutur ġodda.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq