Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CC0057

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ppreżentati f* 1 ta’ Ġunju 2010.
Bundesrepublik Deutschland vs B (C-57/09) u D (C-101/09).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja.
Direttiva 2004/83/KE- Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja - Artikolu 12 - Esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat - Artikolu 12(2)(b) u (ċ) - Kunċett ta ‘delitt serju mhux politiku’ - Kunċett ta’ ‘atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ - Sħubija f’organizzazzjoni involuta f’atti ta’ terroriżmu - Tniżżil ulterjuri ta’ din l-organizzazzjoni fil-lista’ ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet li għalihom tapplika l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK - Responsabbiltà individwali għal parti mill-atti mwettqa mill-imsemmija organizzazzjoni - Kundizzjonijiet - Dritt ta’ ażil taħt id-dritt kostituzzjonali nazzjonali - Komptabbiltà tad-Direttiva 2004/83/KE.
Każijiet Magħquda C-57/09 u C-101/09.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:302

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-1 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawżi magħquda C‑57/09 u C‑101/09

Bundesrepublik Deutschland

vs

B (C‑57/09) u D (C‑101/09)

[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]

“Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat biex ikunu jistgħu jiksbu l-istatus ta’ refuġjat – Kriterji ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE – Parteċipazzjoni fil-passat ta’ applikant fl-attivitajiet ta’ organizzazzjoni mniżżla fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom tapplika l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK”





1.        Permezz ta’ żewġ digriet suċċessivi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal-Artikoli 68(1) u 234 KE, sensiela ta’ domandi preliminari li jirrigwardaw, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) (2), u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva. Dawn id-domandi saru fil-kuntest tal-kwistjonijiet bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata mill-Bundesministerium des Inneren (il-Ministeru Federali tal-Intern), li min-naħa tiegħu huwa rrappreżentat mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”) minn naħa, u B (kawża C‑57/09) u D (kawża C‑101/09) min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut tal-Bundesamt tat-talba għall-ażil ippreżentata minn B u r-revoka minn din l-istess awtorità tal-istatus ta’ refuġjat li kien ingħata inizjalment lil D.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Genève tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati

2.        Il-Konvenzjoni ta’ Genève tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1951” jew il-“Konvenzjoni”) (3) ġiet approvata fit-28 ta’ Lulju 1951 minn konferenza speċjali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata minn Protokoll adottat fl-1967 li estenda l-kuntest ta’ applikazzjoni li fil-bidu kien limitat għar-refuġjati li sabu ruħhom f’dan l-istat minħabba t-tieni gwerra dinjija u din tiddefinixxi l-kunċett ta’ “refuġjat” filwaqt li tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi konnessi mal-istatus ta’ refuġjat. Bħalissa għandha 146 Stat firmatarju.

3.        L-Artikolu 1, wara li jiddefinixxi, fit-Taqsima A, il-kunċett ta’ “refuġjat” għall-finijiet tal-Konvenzjoni, jippreċiża dan li ġej fit-Taqsima F paragrafi (a), (b) u (ċ):

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni ma japplikawx għall-persuni li dwarhom ikun hemm raġuni serja li jiġi susspettat li:

a) ikkommettew delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità, fis-sens tal-istrumenti internazzjonali li jinkludu dispożizzjonijiet fuq dawn id-delitti;

b) ikkommettew delitt serju mhux politiku barra l-pajjiż ospitanti qabel ma ġew aċċettati bħala refuġjati;

ċ) saru ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” (4).

4.        L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni, bit-titolu “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u tkeċċija lejn il-fruntiera” jistabbilixxi li:

“1. L-ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jibgħat lura, bi kwalunkwe mod, rifuġjat lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.

Madankollu din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal refuġjat jekk għal raġunijiet serji huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala periklu għas-sigurtà tal-pajjiż fejn huwa residenti jew huwa, minħabba kundanna definittiva għal delitt jew delitt partikolarment gravi, theddida għall-kollettività ta’ dak il-pajjiż”.

2.      Ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

5.        Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”), filwaqt li aġixxa abbażi tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, adotta r-Riżoluzzjoni 1373(2001). Bis-saħħa tal-punt 2(ċ) ta’ din ir-riżoluzzjoni l-Istati “għandhom jirrifjutaw li jagħtu ażil lil min jiffinanzja, jorganizza, jappoġġa jew jikkommetti atti ta’ terroriżmu jew jaħbi lill-awturi tagħhom” (5). Skont il-punt 3(f) u (g) suċċessiv, l-Istati huma mitluba “jieħdu l-miżuri xierqa, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tad-dritt internazzjonali, inklużi l-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġi żgurat, qabel ma jingħata l-istatus ta’ refuġjat, li l-applikanti għal ażil ma jkunux organizzaw jew iffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi u li ma jkunux ħadu sehem fihom” u sabiex “jieħdu ħsieb, skont id-dritt internazzjonali, biex l-awturi jew l-organizzaturi ta’ atti terroristiċi jew dawk li jiffaċilitaw dawn l-atti ma jużawx għall-benefiċċju tagħhom l-istatus ta’ refuġjat, u biex il-pretensjoni ta’ raġunijiet politiċi ma tiġix kkunsidrata tali li tiġġustifika r-rifjut tat-talbiet ta’ estradizzjoni ta’ terroristi allegati”. Fl-aħħar nett, fil-punt 5 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà jiddikjara “li l-atti, il-metodi u l-prattiki terroristiċi jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u li l-finanzjament u l-organizzazzjoni ta’ atti terroristiċi jew l-istigazzjoni biex jitwettqu dawn l-atti, magħmula bil-ħsieb, imorru wkoll kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” (6).

6.        F’riżoluzzjonijiet suċċessivi wieħed isib ukoll dikjarazzjonijiet li sostanzjalment huma tal-istess sinjifikat li jirrigwardaw theddid għall-paċi internazzjonali u għas-sigurtà kkawżati mit-terroriżmu, l-ewwel bir-Riżoluzzjoni 1377 (2001), li magħha tinsab annessa dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fuq livell ministerjali fejn tiġi sostnuta wkoll “il-kundanna inekwivokabbli tal-atti, l-metodi u l-prattiki kollha bħala kriminali u mhux ġustifikabbli, indipendentement mir-raġunijiet warajhom, fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tagħhom, jagħmilhom min jagħmilhom u kull fejn jitwettqu” (7).

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-dritt primarju

7.        Abbażi tal-Artikolu 2 TUE “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l- ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi […]”. L-Artikolu 3(5) TUE suċċessiv jipprovdi li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-“protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem […] kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”.

8.        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TEU l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li għandha l-istess valur ġuridiku tat-Trattati. L-Artikolu 18 tal-Karta tiddikjara li “id-dritt għall-ażil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni [tal-1951] […] u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea”.

9.        Abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63(1)(ċ) KE, il-Kunsill, f’terminu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, għandu jadotta miżuri dwar l-ażil, skont il-Konvenzjoni tal-1951, u tat-trattati l-oħra rilevanti, b’mod partikolari fis-settur ta’ “standards minimi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalifika bħala refuġjati ta’ persuni ta’ ċittadinanza ta’ pajjiżi terzi”.

2.      Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK

10.      Abbażi tal-premessi tagħha, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, adottata bis-saħħa tal-Artikoli 15 UE u 34 UE, għandha l-għan li timplementa l-miżuri kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li hemm fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373/2001 imsemmija iktar ’il fuq (8). Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, din tapplika għall-“persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness”. Il-paragrafu (2) suċċessiv jgħid li, għall-finijiet tal-Pożizzjoni Komuni, “persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi” għandhom ifissru “persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi jew jipparteċipaw jew, jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi” u “gruppi u entitajiet ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni, gruppi jew entitajiet li jaġixxu f’isem jew immexxija minn dawn il-persuni, gruppi u entitajiet, inklużi fondi li ġejjin jew iġġenerati minn proprjetà jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni u persuni, gruppi u entitajiet assoċjati”. L-Artikolu 1(3) jinkludi d-definizzjonijiet ta’ “att terroristiku” u ta’ “grupp terroristiku” skont il-Pożizzjoni Komuni. Bis-saħħa tal-Artikoli 2 u 3 tagħha, il-“Komunità Ewropea, li taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandha tordna l-iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, gruppi u entitatjiet elenkati fl-Anness” u “tassigura li fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi u finanzjarji u servizzi relatati ma jkunux disponibbli direttament jew indirettament” għall-benefiċċju ta’ dawn il-persuni, gruppi u entitajiet.

11.      Taħt l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/340/PESK, tat-2 ta’ Mejju 2002 (9), ġiet aġġornata għall-ewwel darba l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom tapplika l-Pożizzjoni Komuni 2001/931. F’dik l-okkażjoni, ġew inklużi fil-lista l-“Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK)” u “l-Armata/Front/Partit Rivoluzzjonarju Popolari ta’ Liberazzjoni (DHKP/C) [magħruf ukoll bħala Devrimci Sol (Xellug Rivoluzzjonarju), Dev Sol]”, b’effett mid-data ta’ adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni (Artikolu 2) (10).

3.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI

12.      Id-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (11) tipprovdi definizzjoni komuni ta’ reati terroristiċi, ta’ reati li għandhom x’jaqsmu ma’ grupp terroristiku u ta’ reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi, u tistabbilixxi li kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li dawn ir-reati jiġu kkastigati permezz ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, u li jistgħu jinkludu l-estradizzjoni. Abbażi tal-Artikolu 2 tagħha bit-titolu “Reati li għandhom x’jaqsmu ma’ grupp terroristiku”, għall-finijiet ta’ din id-deciżjoni qafas, “organizzazzjoni terroristika” għandha tfisser “grupp li għandu struttura ta’ aktar minn żewġ persuni, imwaqqaf fuq perjodu ta’ żmien u li jaġixxi flimkien sabiex iwettaq reati terrostiċi”. Il-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li kull Stat Membru “għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżgura li l-atti intenzjonali li ġejjin ikunu kastigabbli: a) it-tmexxija ta’ grupp terroristiku; b) il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, inkluż bl-ogħti ta’ informazzjonji jew riżorsi materjali, jew bl-iffinanzjar ta’ l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mod, bil-konoxxenza tal-fatt illi parteċipazzjoni bħal din ser tgħin lill-attivitajiet kriminali tal-grupp terroristiku”.

4.      Id-Direttiva

13.      Matul laqgħa straordinarja li saret f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew qabel li “jaħdem għat-twaqqif ta’ sistema Ewropea komuni fil-qasam tal-ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève f’kull element tagħha” li twassal, skont il-kalendarju stabbilit fit-Trattat ta’ Amsterdam u fil-pjan ta’ azzjoni ta’ Vjenna, l-ewwel nett, għall-adozzjoni, b’mod partikolari, ta’ “regoli komuni għal proċedura ta’ ażil ekwa u effikaċi” u “l-approssimazzjoni tal-liġijiet dwar ir-rikonoxximent u l-elementi sostanzjali tal-istatus ta’ refuġjat” (12).

14.      Skont dan il-għan programmatiku, id-Direttiva tħares sabiex jiġi żgurat, kif speċifikat fil-premessa 6 tagħha, minn naħa, “li Stati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali” u min-naħa l-oħra “li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha”. Kif jidher, b’mod partikolari, mill-premessi 16 u 17 tagħha, id-Direttiva għandha l-intenzjoni li tiffissa “[l]ivelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ refuġjat għandhom jiġu preskritti sabiex jiggwidaw il-korpi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra” u “kriterji komuni għall-għarfien ta’ applikanti għal kenn (asylum) [ażil] bħala refuġjati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”. Il-premessa 3 tad-Direttiva tiddikjara li l-Konvenzjoni ta’ Ġenève u l-Protokoll tal-1967 jikkostitwixxu “l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati ”, u l-premessa 15 tirrikonoxxi li “[k]onsultazzjonijiet mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għal Refuġjati jistgħu jipprovdu gwida ta’ valur għal Stati Membri meta jistabbilixxu stat ta’ refuġjat skond l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni [tal-1951]”. Il-premessa 8 tippreċiża li “huwa fin-natura vera ta’ livelli stabbiliti minimi li Stati Membri għandhom ikollhom il-poter li jdaħħlu jew iżommu aktar dispożizzjonijiet favorevoli għal ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, fejn din it-talba hija mifhuma li hija fuq il-bażi li l-persuna interessata hija jew refuġjat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, jew persuna li nkella teħtieġ protezzjoni internazzjonali”. Fl-aħħar nett, skont il-premessa 22 tad-Direttiva, “[a]tti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti huma dikjarati fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu tan-Nazzjonijiet Uniti u huma, fost oħrajn, ġor-Risoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu, li jiddikjaraw li ‘atti, metodi u prattiċi ta’ terroriżmu huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ u li l-‘finanzjament, l-ippjanar u t-tqanqil ta’ atti terroristiċi apposta huma wkoll kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’”.

15.      Abbażi tal-Artikolu 1 tagħha bl-isem “Kontenut tas-suġġett u skop”, id-Direttiva “tippreskrivi livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija”. L-Artikolu 2 jinkludi ċerti definizzjonijiet tad-Direttiva. B’mod partikolari skont il-paragrafu ċ) ta’ dan l-artikolu, “refuġjat” ifisser “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih”.

16.      Abbażi tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, bit-titolu “Livelli stabbiliti aktar favorevoli”, l-Istati Membri “jistgħu jdaħħlu jew jżommu livelli stabbiliti aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, sakemm u safejn dawk il-livelli stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva”.

17.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva bit-titolu “Esklużjoni”, jagħmel parti mill-Kapitolu III “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jipprovdu:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serja li jitqiesu li:

a) huwa jew hija jkunu kommettew delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

b) huwa jew hija jkunu kommettew delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refġjuta [refuġjat] qabel id-dħul tiegħu jew tagħha bħala refuġjat; li jfisser il-ħin tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi ta’ l-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

ċ) huwa jew hija kienu ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu [Karta] tan-Nazzjonijiet Uniti.

3. Paragrafu 2 japplika għal persuni li jinstigaw jew inkella jipparteċipaw fil-kommissjoni tad-delitti jew atti msemmija fih”.

18.      Skont l-Artikolu 14(3)(a) tad-Direttiva li jinsab fil-Kapitolu IV intitolat “Stat ta’ refuġjat”, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew mingħajr stat jekk, wara r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, l-Istat Membru kkonċernat ikun stabbilixxa li l-individwu inkwistjoni “huwa jew hija messhom kienu jew huma esklużi milli jkunu refuġjati bi qbil ma’ l-Artikolu 12”.

19.      Il-Kapitolu VII intitolat, “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali” jipprovdi regoli li jiddefinixxu l-obbligi tal-Istati Membri fil-konfront tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rilaxx tal-permess ta’ residenza u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, l-aċċess għax-xogħol, għall-edukazzjoni, għall-akkomodazzjoni, għall-assistenza soċjali u sanitarja. L-Artikolu 21 jaqa’ wkoll taħt dan il-kapitolu bit-titolu “Protezzjoni minn refoulement” fejn il-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi li l-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta’ “non refoulement” skont l-obbligi internazzjonali tagħhom.

C –    Id-dritt nazzjonali

20.      Bis-saħħa tal-Artikolu 16a tal-Grundgesetz (Liġi fundamentali) “il-persegwitati politiċi għandhom jibbenefikaw mid-dritt għal ażil”. Abbażi tal-informazzjoni li pprovdiet il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar l-istatus ta’ refuġjat, għal dak li jirrigwarda l-aspetti li jikkonċernaw din il-kawża, tista’ tiġi spjegata kif ġej.

21.      Ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat għall-ewwel kien irregolat mill-Artikolu 51 tal-Gesetz über die Einreise und den Aufenthalt von Ausländern im Bundesgebiet (Liġi fuq id-dħul u r-residenza ta’ barranin fit-territorju Federali, “Ausländerngesetz”). Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu ġie emendat, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002 mit-Terrorismusbekämpfungsgesetz (Liġi fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu), li introduċiet il-kriterji ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat stabbiliti fit-Taqsima F tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

22.      Wara d-dħul fis-seħħ, fis-27 ta’ Awwissu 2007, tal-Gesetz zur Umsetzung aufenthalts-und asylrechtlicher Richtlinien der Europäischen Union (Liġi ta’ traspożizzjoni tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta’ residenza u ta’ ażil “Richtlinienumsetzungsgesetz”) tad-19 ta’ Awwissu 2007, li biha ġiet trasposta wkoll id-Direttiva 2004/83, il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jirriżultaw mill-qari flimkien tal-Artikoli 60(1) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (Liġi fuq ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju Federali “Aufenthaltsgesetz”) u tal-Artikolu 3(1) tal-Asylverfahrensgesetz (Liġi fuq il-proċedura ta’ ażil). Skont din l-aħħar dispożizzjoni “barrani huwa kkunsidrat refuġjat skont il-[Konvenzjoni tal-1951] meta, fil-pajjiż fejn għandu ċ-ċittadinanza, huwa espost għat-theddid elenkat fil-Artikolu 60(1) tal-[Aufenthaltgesetz]”.

23.      It-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 3(2) tal-Asylenverfahrengesetz, li mis-27 ta’ Awwissu 2007 issostitwixxa t-tieni sentenza tal-Artikolu 60(8) tal-Aufenthaltgesetz, li, min-naħa tiegħu, issostitwixxa t-tieni sentenza tal-Artikolu 51(3) tal-Ausländerngesetz, jittrasponi l-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva fid-dritt Ġermaniż. Fost l-oħrajn jipprovdi li ċittadin barrani huwa eskluż mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 3(1) meta jkun hemm raġunijiet serji biex jiġi kkunsidrat li:

“2. ikkommetta delitt serju mhux politiku barra mit-territorju nazzjonali qabel ma ġie ammess bħala refuġjat, b’mod partikolari azzjoni krudili, anki jekk dan id-delitt twettaq b’għan allegatament politiku jew

3. kien ħati ta’ atti li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”.

24.      Abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2), dak stabbilit fl-ewwel sentenza jgħodd ukoll għaċ-ċittadini barranin li instigaw dawn ir-reati jew atti jew li b’xi mod kienu kompliċi fihom.

25.      L-Artikolu 73(1) tal-Asylenverfahrensgesetz (Liġi fuq il-proċedura tal-ażil), kif emendat, jipprovdi li d-dritt għal ażil u għall-istatus ta’ refuġjat huma revokati minnufih jekk il-kundizzjonijiet mitluba għar-rikonoxximent tagħhom ma jkunux iktar sodisfatti.

II – Il-kawżi nazzjonali, id-domandi preliminari u l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –    Il-kawża Bundesrepublik Deutschland vs B (C‑57/09)

26.      B, li twieled fl-1975, huwa ċittadin Tork ta’ oriġini Kurda. Lejn l-aħħar tal-2002, huwa mar il-Ġermanja, fejn applika għal ażil. Dakinhar, huwa ddikjara li kien issimpatizza, fit-Turkija, mad-Dev Sol (li sar id-DHKP/C), meta kien għadu student u li kien appoġġa l-kunflitt bl-armi tal-gwerrilja fil-muntanji bejn l-aħħar tal-1993 u l-bidu tal-1995. Wara l-arrest tiegħu, fi Frar tal-1995, huwa kien sofra vjolenza fiżika gravi u nġiegħel jagħmel dikjarazzjoni taħt tortura. F’Diċembru 1995, huwa ġie kkundannat għal għomru l-ħabs u fl-2001 kien ġie kkundannat mill-ġdid għal għomru l-ħabs wara li ammetta r-responsabbiltà għall-qtil ta’ ħabsi ieħor. Fil-ħarifa tal-2000 huwa ħa sehem fi strajk tal-ġuħ u, minħabba l-ħsara li saret lil saħħtu, f’Diċembru 2002, ibbenefika minn perijodu ta’ libertà kkundizzjonata fejn ħataf l-opportunità biex jitlaq mit-Turkija. Minħabba dawn il-ġrajjiet, huwa jbati minn sindromi gravi ta’ stress post-trawmatiku kif ukoll, minħabba l-istrajk tal-ġuħ, minn leżjonijiet ċerebrali u minn fenomeni ta’ amneżija relatati. Bħalissa B huwa kkunsidrat bħala traditur mid-DHKP/C.

27.      Fl-14 ta’ Settembru 2004, il-Bundesamt (13) ċaħad it-talba ta’ ażil wara li kkonstata li l-kundizzjonijiet mitluba fl-Artikolu 51(1) tal-Ausländergesetz ma kinux sodisfatti. Il-Bundesamt iddeċieda li japplika l-kriterju ta’ esklużjoni stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 51(3), it-tieni fergħa tal-alternattiva, tal-Ausländergesetz, (li saret il-punt 2 tal-Artikolu 3(2) tal-Asylenverfahrengesetz). Barra minn hekk, il-Bundesamt ikkonstata li ma kienx hemm ostakoli għat-tkeċċija ta’ B lejn it-Turkija u ddikjara li huwa kien suġġett għal din it-tkeċċija.

28.      Fit-13 ta’ Ottubru 2004, il-Verwaltungsgericht ta’ Gelsenkirchen annullat id-deċiżjoni tal-Bundesamt u ordnat lil dan tal-aħħar jirrikonoxxi d-dritt għal ażil u biex tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ B lejn it-Turkija.

29.      Fis-27 ta’ Marzu 2007, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Bundesamt, billi qalet li kellu jiġi rikonoxxut id-dritt għal ażil fil-konfront ta’ B skont l-Artikolu 16a tal-Grundgesetz, kif ukoll l-istatus ta’ refuġjat. Skont dik il-qorti, il-kriterju ta’ esklużjoni stabbilit mit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(3) tat-tieni fergħa tal-alternattiva tal-Ausländergesetz ma japplikax meta jirriżulta li ċ-ċittadin barrani ma jirrappreżentax iktar periklu – pereżempju għaliex ikun abbanduna kull attività terroristika jew minħabba l-istat tas-saħħa tiegħu – u l-applikazzjoni tiegħu tkun teħtieġ evalwazzjoni globali ta’ kull każ partikolari individwali fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

30.      Il-Bundesamt ippreżenta appell kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht u invoka l-applikazzjoni taż-żewġ kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti mit-tieni sentenza tal-Artikolu 51(3) tal-Ausländergesetz (it-tieni u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 3(2) tal-Asylenverfahrengesetz) u sostna li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva, fejn jidhru dawn il-kriterji ta’ esklużjoni, jagħmel parti mill-prinċipji li, bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-istess att, l-Istati ma jistgħux jidderogaw minnhom. Il-Vertreter des Bundesinteresses (il-Kummissarju Federali tal-Gvern) intervjena fil-kawża u kkontesta l-argument li sostniet il-qorti tal-appell.

B –    Il-kawża Bundesrepublik Deutschland vs D (C‑101/09)

31.      D, imwieled fl-1968, huwa ċittadin Tork ta’ oriġini Kurda. F’Mejju tal-2001, huwa mar il-Ġermanja, fejn applika għall-ażil. F’dik l-okkażjoni ddikjara li kien ġie arrestat u ttorturat tliet darbiet lejn l-aħħar tas-snin 80 minħabba l-impenn tiegħu għad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-Kurdi. Fl-1990 huwa kien issieħeb mal-PKK, fejn iġġieled fil-gwerrilja u wasal sabiex ikollu rwol ta’ rappreżentant għoli tal-partit. Lejn l-aħħar tal-1998, il-PKK bagħtuh fit-tramuntana tal-Iraq fejn baqa’ sal-2001. Minħabba diverġenza politika mat-tmexxija tal-partit, huwa telaq il-PKK f’Mejju tal-2000 u minn dakinhar ġie kkunsidrat traditur u mhedded bħala tali. D jibża’ mill-persekuzzjonijiet kemm min-naħa tal-awtoritajiet Torok kif ukoll min-naħa tal-PKK.

32.      F’Mejju tal-2001, il-Bundesamt (14) irrikonoxxa d-dritt għall-ażil ta’ D abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ dakinhar. Wara d-dħul fis-seħħ, fl-2002, tat-Terrorismusbekämpfungsgesetz, il-Bundeskriminalamt (il-Pulizija Kriminali Federali) issuġġeriet lill-Bundesamt sabiex tinbeda proċedura ta’ revoka tad-dritt għal ażil. Skont l-informazzjoni li kellha f’idejha l-pulizija federali, minn Frar tal-1999, D kien wieħed mill-41 mexxej tal-PKK. F’Awwissu tal-2000, l-Interpol ta’ Ankara ħarġet mandat ta’ tfittxija fil-konfront tiegħu billi kkunsidratu responsabbli, bejn l-1993 u l-1998, għall-parteċipazzjoni f’attentati li kumplessivament ikkawżaw il-mewt ta’ 126 persuna u l-qtil ta’ żewġ gwerrilji tal-PKK. B’deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2004, il-Bundesamt irrevoka r-rikonoxximent tad-dritt għal ażil u tal-istatus ta’ refuġjat lil D bis-saħħa tal-Artikolu 73(1) tal-Asylenverfahrengesetz. Il-Bundesamt iddeċieda li fuq D kien hemm suspetti fundati li kkommetta reat serju mhux politiku barra mit-territorju tar-Repubblika Federali Ġermaniża u li kien ħati ta’ atti li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u li għalhekk kienu applikabbli f’dan il-każ il-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti inizjalment fit-tieni sentenza tal-Artikolu 51(3) tal-Ausländergesetz, imbagħad fit-tieni sentenza tal-Artikolu 60(8) tal-Aufenthaltgesetz u fl-aħħar fl-Artikolu 3(2) tal-Asylenverfahrengesetz.

33.      Fid-29 ta’ Novembru 2005, il-Verwaltungsgericht ta’ Gelsenkirschen annullat id-deċiżjoni ta’ revoka. L-appell ippreżentat mill-Bundesamt inċaħad mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein‑Westfalen permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Marzu 2007. B’raġunament analogu għal dak li kien hemm fis-sentenza, li ngħatat fl-istess jum, li fiha nċaħad l-appell tal-Bundesamt fil-kawża dwar iċ-ċaħda tat-talba għal ażil ta’ B, dik il-qorti ddeċidiet li ma kinux japplikaw anki fil-każ ta’ D l-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

34.      Il-Bundesamt ippreżenta appell quddiem il-Bundesverwaltungsgericht kontra din is-sentenza. Il-Vertreter des Bundesinteresses intervjena fil-kawża billi kkontesta l-argument li sostniet il-qorti tal-appell.

C –    Id-domandi preliminari

35.      Billi qieset li s-soluzzjoni tal-kwistjonijiet kienet tiddependi mill-interpetazzjoni tad-Direttiva, b’digrieti tal-14 ta’ Ottubru 2008 (C‑57/09) u tal-25 ta’ Novembru 2008 (C‑101/09), il-Bundesverwaltungsgericht issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kull kawża dawn il-ħames domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Jista’ jingħad li hemm delitt serju tad-dritt komuni [reat serju mhux politiku] jew atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sens tal-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, jekk

(Kawża C‑57/09) l-applikant kien jagħmel parti minn organizzazzjoni mniżżla fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li tinsab fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2002 (15) dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li teżerċita metodi terroristiċi u meta l-applikant ikun sostna b’mod attiv il-ġlieda bl-armi ta’ din l-organizzazzjoni?

(Kawża C‑101/09) iċ-ċittadin barrani kien għal żmien twil involut bħala kombattent u bħala uffiċjal - inkluż, għal xi żmien, bħala membru fit-tmexxija tagħha - ta’ organizzazzjoni (f’dan il-każ il-PKK) li fil-ġlieda bl-armi tagħha kontra l-Istat (f’dan il-każ it-Turkija) applikat b’mod kontinwu metodi terroristiċi u li hija inkluża fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li tinsab fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2002, dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u meta dan iċ-ċittadin barrani għalhekk sostna b’mod attiv il-ġlieda bl-armi ta’ din l-organizzazzjoni?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-esklużjoni tal-għarfien tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE hija suġġetta għall-fatt li dan iċ-ċittadin barrani jkun għadu jirrappreżenta periklu?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: l-esklużjoni tal-għarfien tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE hija suġġetta għal eżami ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-każ ineżami?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

a)      fil-kuntest tal-eżami ta’ proporzjonalità, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċittadin barrani jibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija taħt l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950, jew taħt dispożizzjonijiet nazzjonali?

b)      L-esklużjoni tkun sproporzjonata biss f’każijiet eċċezzjonali li jkollhom karatteristiċi partikolari?

5)      Ikun kompatibbli mad-Direttiva 2004/83/KE, fis-sens tal-Artikolu 3 tagħha li

(Kawża C‑57/09) applikant jibbenefika, minkejja l-eżistenza ta’ kriterju ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 12(2) tagħha, minn dritt għall-ażil skont id-dritt kostituzzjonali nazzjonali?

(Kawża C‑101/09) ċ-ċittadin barrani jibqa’, minkejja l-eżistenza ta’ kriterju ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 12(2) tagħha u minkejja li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 14(3) tagħha, jibbenefika mill-għarfien tad-dritt għall-ażil taħt id-dritt kostituzzjonali nazzjonali?”

D –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 2009, il-Kawżi C‑57/09 u C‑101/09 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u tas-sentenza. Ippreżentaw noti u osservazzjonijiet bil-miktub taħt l-Artikolu 23(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja B, D, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni. B, D, il-gvernijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali Ġermaniża nstemgħu fis-seduta li saret fid-9 ta’ Marzu 2010.

III – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

37.      Qabel ma wieħed jgħaddi għall-eżami tad-domandi preliminari, jeħtieġ li l-ewwel isiru xi kunsiderazzjonijiet fil-qosor.

38.      Qabel kollox nosserva li l-miżuri ta’ ċaħda u ta’ revoka tar-rikonoxximent tad-dritt għal ażil u tal-istatus ta’ refuġjat, maħruġa rispettivament fil-konfront ta’ B u ta’ D, ġew adottati abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt Ġermaniż (li saret bir-Richtilinienumsetzungsgesetz, li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Awwissu 2007), u għandhom data li tippreċedi l-iskadenza tat-terminu impost fuq l-Istati Membri biex din tiġi implementata (l-10 ta’ Ottubru 2006) (16). Minkejja dan, il-Bundesverwaltungsgericht tqis li huma rilevanti d-domandi preliminari li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Sostanzjalment, hija tgħid li jekk kriterju ta’ esklużjoni minnhom jew it-tnejn li huma previsti fl-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva kienu japplikaw għal B u D, dan jipprekludi l-annullament tal-miżuri adottati fil-konfront tagħhom. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ D, il-qorti tar-rinviju tassumi li l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva jeżiġi li jiġi revokat l-istatus rikonoxxut lil min kellu jiġi eskluż taħt l-Artikolu 12, anki jekk dan ir-rikonoxximent ikun ġara qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Skont din il-qorti għalhekk anki jekk tirriżulta illegali taħt ir-regoli fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni, il-miżura tar-revoka maħruġa fil-konfront ta’ D ma tkunx tista’ madankollu tiġi annullata, bis-saħħa tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, billi jkollha tiġi ssostitwita minnufih b’miżura b’kontenut identiku. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tħalli mdendla l-kwistjoni dwar jekk, abbażi tad-dritt Ġermaniż, tibdil fis-sitwazzjoni ġuridika jistax jiġġustifika revoka tal-istatus ta’ refuġjat. Ma jidhirlix li l-elementi esposti jistgħu jpoġġu f’dubju l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Bħala prinċipju, fil-fatt hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa r-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kwistjoni li titressaq quddiemha. Fir-rigward tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn is-sitwazzjonijiet ma humiex koperti ratione temporis mid-Direttiva, nirreferi biss għal dak li sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fil-punt 48 tas-sentenza Aydin Salahadin Abdulla et (17).

39.      Barra minn hekk nosserva li, abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti tal-appell, li bihom hija marbuta fil-kuntest tal-appell ta’ quddiemha, il-Bundesverwaltungsgericht ivverifikat l-eżistenza, fir-rigward ta’ B u D, tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat skont kemm id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali applikabbli qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva kif ukoll ta’ din tal-aħħar, u qed tistaqsi biss dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ kriterju ta’ esklużjoni ta’ dan l-istatus. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma hija mitluba tiddeċiedi fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Fil-kawżi nazzjonali ġiet ikkonstatata wkoll is-sħubija ta’ B u ta’ D rispettivament fil-PKK u fid-Dev sol, kif ukoll it-tul ta’ żmien, l-intensità u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet ta’ dawn il-gruppi. Għalhekk, anki fuq dawn l-aspetti l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għaldaqstant toqgħod fuq ir-riżultati tal-konstatazzjonijiet li saru mill-qrati fir-rigward tal-kuntest tal-kawżi nazzjonali.

B –    Fuq id-domandi preliminari

1.      Kunsiderazzjonijiet ta’ introduzzjoni

40.      It-tensjoni bejn l-obbligi tal-Istati fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-responsabbiltà tagħhom fl-applikazzjoni tal-istrumenti li jħarsu dawk li jinvokaw il-protezzjoni internazzjonali biex jaħarbu mill-persekuzzjoni f’pajjiżhom qiegħda fil-bażi tad-domandi preliminari li għamlet il-Bundesverwaltungsgericht. Il-kundanna iebsa tal-komunità internazzjonali tal-atti ta’ terroriżmu internazzjonali u l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi taħt it-Titolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, indirizzati fil-konfront ta’ individwi jew organizzazzjonijiet li huma kkunsidrati responsabbli għal dawn l-atti, għandhom effett dirett fuq aspetti sostanzjali tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat (18). Id-domandi preliminari jirrigwardaw proprju s-suġġett delikat tal-esklużjoni ta’ dak l-istatus ta’ persuni li fil-passat kienu membri f’organizzazzjonijiet imniżżlin fuq listi annessi ma’ strumenti Komunitarji ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu.

41.      Meta wieħed jaffronta dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ li tiġi kkunsidrata r-relazzjoni stretta li teżisti bejn id-Direttiva u l-Konvenzjoni tal-1951, in-natura tad-dritt tar-refuġjati u, b’mod iktar partikolari, in-natura tal-għanijiet tal-kriterji ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat.

a)      Id-Direttiva u l-Konvenzjoni tal-1951

42.      Il-koerenza bejn ir-regoli tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali li assumew l-Istati Membri, b’mod partikolari bil-Konvenzjoni tal-1951, hija rekwiżit fundamentali fil-qasam tal-ażil li wieħed jista’ jiddeżumiha mill-istess bażi legali tad-Direttiva (19) u mill-oriġini tagħha (20), minbarra l-fatt li hija espressa b’mod ċar fil-preambolu tagħha (21) u hija evidenti mit-tifsira ta’ numru kbir ta’ dispożizzjonijiet tagħha, li jirriproduċu, kważi testwalment, il-kontenut tar-regoli konvenzjonali korrispondenti. Dan ir-rekwiżit ġie kkonfermat ukoll reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja (22).

43.      Minn din il-perspettiva, minbarra l-konsultazzjonijiet mal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-“UNHCR”), li għalih tirreferi l-premessa 15 tad-Direttiva (23), huma riferimenti ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li joriġinaw mit-test tal-Konvenzjoni, il-Konklużjonijiet fuq il-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati adottati mill-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR li jippreċiżaw il-kontenut tal-livelli ta’ protezzjoni stabbiliti mill-Konvenzjoni (24), il-Manwal fuq il-Proċeduri u l-Kriterji għad-Determinazzjoni tal-Istatus ta’ Refuġjat (Handbook on Procedures and Criteria for Determining Refugees Status, iktar ’il quddiem il-“Handbook”) (25) u l-Linji Gwida fuq il-Protezzjoni Internazzjonali (Linji Gwida on International Protection, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), maħruġa mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Internazzjonali tal-UNHCR wara approvazzjoni sommarja tal-Kumitat Eżekuttiv, li jiddiskutu fid-dettall suġġetti speċifiċi bl-iskop li jikkompletaw il-Handbook. Fid-duttrina ma naqasx li jissemma (26) li din il-kwantità ta’ testi, li f’ċerti każijiet huma kontraddiċenti bejniethom, u magħhom il-pożizzjonijiet adottati għal diversi raġunijiet mill-UNHCR (l-opinjoni annessa mal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ B huma eżempju ta’ dan), ma tiffaċilitax l-iżvilupp ta’ prassi interpretattiva u applikattiva uniformi tal-Konvenzjoni min-naħa tal-Istati Kontraenti. Fil-bqija tal-analiżi ser jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet li jirriżultaw mid-diversi sorsi msemmija iktar ’il fuq.

b)      Natura tad-dritt tar-refuġjati

44.      Għalkemm tradizzjonalment huwa kkunsidrat bħala sistema legali awtonoma, id-dritt tar-refuġjati huwa marbut mill-qrib mad-dritt internazzjonali umanitarju u mad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod li l-progress miksub mill-komunità internazzjonali f’dawn il-kuntesti jirrifletti fuq il-kontenut u l-portata tal-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati f’kuntest ta’ interrelazzjoni mill-qrib (27). In-natura essenzjalment umanitarja tad-dritt tar-refuġjati u l-konnessjoni intima tiegħu mad-dinamika evoluttiva tad-drittijiet tal-bniedem għalhekk jibqgħu bilfors fl-isfond kull darba li wieħed irid jinterpreta u japplika l-istrumenti ta’ dik il-protezzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha reċentement f’dan is-sens meta, fil-punt 54 tas-sentenza Aydin Salahadin Abdulla et (28), sostniet li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rikonoxxuti partikolarment fil-Karta.

45.      F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li d-dritt li wieħed ifittex ażil mill-persekuzzjoni huwa rikonoxxut bħala dritt fundamentali tal-Unjoni u fil-Karta jgħodd mad-drittijiet ta’ libertà.

c)      Natura u għan tal-kriterji ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat

46.      Il-kriterji ta’ esklużjoni jċaħħdu lill-individwi mill-garanziji previsti mill-Konvenzjoni tal-1951 u mid-Direttiva fejn ikun ġie kkonstatat li għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali (29), u f’dan is-sens huma bħal eċċezzjonijiet jew limiti fuq l-applikazzjoni ta’ regola umanitarja. Minħabba l-konsegwenzi potenzjali tal-applikazzjoni tagħhom, jeħtieġ li jkun hemm approċċ partikolarment kawt (30). Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti mill-Konvenzjoni tal-1951, anki fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (31), ġiet affermata b’mod kostanti mill-UNHCR.

47.      Fir-rigward tal-għanijiet tal-kriterji ta’ esklużjoni, fix-xogħlijiet preparatorji tal-Konvenzjoni tal-1951 kien sar riferiment għal żewġ għanijiet differenti; minn naħa, dak li jinċaħad l-istatus ta’ refuġjat lil dawk li, minħabba l-kondotta tagħhom, “ma kinux denji” tal-protezzjoni internazzjonali mogħtija mill-Konvenzjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat li dawn l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom tad-dritt tar-refuġjati biex jaħarbu mill-ġustizzja. F’dan is-sens, il-kriterji ta’ esklużjoni għandhom l-iskop li jippreżervaw l-integrità u l-kredibbiltà tas-sistema tal-Konvenzjoni u għaldaqstant għandhom jiġu applikati “skrupolożament” (32).

2.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

48.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-parteċipazzjoni ta’ B u D, skont il-kundizzjonijiet ikkonstatati fid-deċiżjonijiet fuq il-mertu rilevanti, f’organizzazzjonijiet imniżżla fil-lista fl-anness tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, kif aġġornat, li jaħdmu, anki parzjalment, b’metodi terroristiċi, tirriżultax f’reat gravi ta’ dritt komuni jew att kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva.

49.      Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ qabel kollox definizzjoni tal-kunċetti ta’ “delitt serju mhux politiku” u “l-atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” skont id-Direttiva. Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi evalwat b’liema mod dawn il-kunċetti jistgħu jirreferu għall-attivitajiet ta’ organizzazzjoni mniżżla fil-listi ta’ suġġetti li għalihom tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Fl-aħħar nett, għandu jiġi ddeterminat jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni bħal din tikkwalifika bħala “delitt serju mhux politiku” u/jew “att kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”.

a)      Fuq il-kunċett ta’ “delitt serju mhux politiku” tal-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva

50.      Sabiex aġir partikolari jikkostitwixxi dak li hemm ipprovdut fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva, dan għandu qabel kollox jiġi kklassifikat bħala “delitt”. Il-konnotazzjoni differenti li dan it-terminu jista’ jkollu skont l-ordinament ġuridiku użat bħala riferiment tikkontribwixxi biex id-definizzjoni tkun diffiċli ħafna, kemm fil-kuntest tal-Konvenzjoni tal-1951 kif ukoll f’dak tad-Direttiva. Għall-finijiet ta’ din l-analiżi għandu sempliċement jiġi osservat li, minħabba l-oriġini tad-dispożizzjoni inkwistjoni – li tirriproduċi testwalment id-dispożizzjoni tal-Artikolu 1F(b) tal-Konvenzjoni – u l-għan tad-Direttiva msemmi iktar ’il fuq, din il-klassifikazzjoni teħtieġ prinċipalment l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali, għalkemm jiġu identifikati wkoll kriterji applikati fl-ordinament ġurdiku fejn tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil u, eventwalment, prinċipji komuni għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jew imnissla mid-dritt tal-Unjoni.

51.      Mix-xogħolijiet ta’ tħejjija tal-Konvenzjoni u minn interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 1F(b) (33), kif ukoll, b’mod ġenerali, min-natura u l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, jirriżulta li l-attivazzjoni tal-kriterju ta’ esklużjoni li tipprovdi, teħtieġ livell għoli ta’ gravità tar-reat inkwistjoni. Interpretazzjoni f’dan is-sens hija kkonfermata mill-interpretazzjoni ta’ diversi każijiet tal-UNHCR u mill-prassi ta’ applikazzjoni tal-Istati Kontraenti (34), minbarra l-fatt li d-duttrina taqbel ma’ dan (35).

52.      B’mod konkret, l-evalwazzjoni tal-gravità tar-reat għandha ssir skont il-każ partikolari fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha attenwanti u aggravanti, minbarra kull ċirkustanza oħra rilevanti soġġettiva (36) jew oġġettiva (37), kemm qabel kif ukoll wara l-aġir inkriminat (38), u timplika l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali pjuttost milli lokali. Din l-evalwazzjoni inevitabbilment tħalli marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-awtorità inkarigata li tużaha.

53.      Fost il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati, il-UNHCR, fil-Linji Gwida tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2003 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2003’) (39), jiċċita b’mod mhux eżawrjenti: in-natura tal-att, il-konsegwenzi li effettivament jirriżultaw minnu, il-proċeduri użati biex jitwettaq ir-reat, in-natura tal-piena, u jekk dan jikkostitwixxix reat gravi f’numru rilevanti ta’ sistemi legali (40). B’mod partikolari hija rilevanti l-entità tal-piena prevista fl-Istat fejn qed tiġi eżaminata t-talba ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew fejn ingħatat realment (41), għalkemm ma hijiex fiha nnifisha element determinanti, fid-dawl tan-natura varjabbli minn sistema legali għal oħra. Ġeneralment jiġu kkunsidrati bħala gravi r-reati ta’ attentati kontra l-ħajja, l-integrità fiżika jew il-libertà ta’ persuna (42).

54.      Id-deskrizzjoni tar-reat bħala “mhux politiku” hija meħtieġa sabiex jiġi prekluż li l-istatus ta’ refuġjat jiġi invokat biex wieħed jaħrab minn proċeduri kriminali jew mill-eżekuzzjoni ta’ piena fl-Istat ta’ oriġini, u għandu l-iskop li jiddistingwi bejn “fugitives from justice” (43) u dawk li wettqu azzjonijiet rilevanti mill-aspett kriminali u mmotivati minn għanijiet politiċi ta’ spiss direttament marbuta mal-biża’ ta’ persekuzzjoni. F’dan is-sens, din il-kundizzjoni turi rabtiet mal-istitut tal-estradizzjoni, għalkemm il-fatt li reat jiġi kkunsidrat bħala wieħed mhux politiku fi trattat fuq l-estadizzjoni, minkejja li rilevanti, ma huwiex fih innifsu konklużiv għall-finijiet tal-evalwazzjoni abbażi tal-Artikolu 1F(b) tal-Konvenzjoni tal-1951 (44), u lanqas ma għandu jkun hekk abbażi tad-Direttiva.

55.      Fl-evalwazzjoni tan-natura politika jew le ta’ reat, il-UNHCR jirrakkomanda l-ewwel nett l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ prevalenza li abbażi tiegħu r-reat fejn il-motivazzjonijiet mhux politiċi (pereżempju personali u ta’ profitt) huma predominanti għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed mhux politiku. Fatturi bħan-natura tal-att (45), il-kuntest li fih twettaq (46), il-metodi (47), il-motivazzjoni tiegħu (48) u l-proporzjonalità fir-rigward tal-għanijiet invokati, huma elementi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura politika ta’ reat (49).

56.      B’mod partikolari, meta ma teżistix rabta ċara jew diretta bejn ir-reat u l-għan politiku allegat, jew meta l-att inkwistjoni huwa sproporzjonat fir-rigward ta’ dan l-għan, jitqies li jipprevalu motivazzjonijiet li ma humiex politiċi (50). Il-leġiżlatur Komunitarju esprima ruħu b’mod analogu fir-rigward tal-fatt li meta rriproduċa fl-Artikolu 12(2)(b), it-test tal-Artikolu 1F(b) tal-Konvenzjoni tal-1951, huwa ppreċiża, billi kkodifika l-indikazzjonijiet interpretattivi tal-UNHCR, li “partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi”. Jixirqilhom id-deskrizzjoni ta’ “azzjonijiet krudili”, minbarra r-reati li s-soppressjoni tagħhom hija stabbilita mill-istrumenti internazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju, dawk li jinvolvu l-użu ta’ vjolenza anormali u indiskriminata (bħal pereżempju fil-każ ta’ użu ta’ bombi), partikolarment meta mmirati lejn objettivi ċivili.

57.      Ma tistax tiġi miċħuda n-natura kumplessa u delikata ta’ dan l-eżami, iktar milli minn aspett ġuridiku, minn aspett etiku – peress li hija impliċita l-idea ta’ użu leġittimu, f’ċerti limiti, tal-vjolenza – u politiku. Din l-evalwazzjoni diffiċilment tinsilet minn ġudizzju validu tal-motivazzjonijiet wara l-att, u dan il-ġudizzju realistikament jittieħed inkunsiderazzjoni bħala fattur ta’ riflessjoni tad-diversi ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-każ partikolari (51). B’hekk inevitabbilment jirriżulta ċertu marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet inkarigati biex jeżaminaw it-talba għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li, konkretament, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istat fejn tkun saret din it-talba, pereżempju interessi ekonomiċi, politiċi jew militari.

b)      Fuq il-kunċett ta’ “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”

58.      Il-frażi “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” li tidher fl-Artikolu 1F(ċ) tal-Konvenzjoni tal-1951 u fl-Artikolu 12(2)(c) tad-Direttiva hija vaga u tagħmel id-definizzjoni diffiċli kemm tat-tip ta’ atti li jistgħu jaqgħu f’dik il-kategorija kif ukoll tal-individwi li jistgħu jikkommettu dawn l-atti. Fir-rigward tar-regola fil-Konvenzjoni, l-Artikolu 12(2)(c) tad-Direttiva jippreċiża li l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti huma “kif dikjarat fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu tan-Nazzjonijiet Uniti”.

59.      It-termini ġeneriċi użati f’din tal-aħħar, minbarra n-nuqqas ta’ prassi ta’ applikazzjoni kkonsolidata tal-Istati, jissuġġerixxu qari restrittiv tal-Artikolu 1F(ċ), li hija kkonfermata wkoll fix-xogħlijiet ta’ tħejjija tal-Konvenzjoni, fejn jirriżulta li dik id-dispożizzjoni “tkopri l-iktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem li, għalkemm ma jikkostitwixxux delitti kontra l-umanità, għandhom xorta waħda natura eċċezzjonali”. Fid-diversi dokumenti mħejjija mill-UNHCR tiġi enfasizzata n-natura eċċezzjonali ta’ dik id-dispożizzjoni u hemm twissija kontra l-periklu li wieħed jirrikorri għaliha b’mod abbużiv (52). Għalhekk fil-Linji Gwida tal-2003, il-UNHCR jafferma li din tapplika biss f’“ċirkustanzi estremi”, fil-konfront ta’ attivitajiet li “jimminaw il-bażi stess tal-koeżistenza tal-komunità nazzjonali”. Skont il-UNHCR, dawn l-attivitajiet għandhom madankollu jkollhom dimensjoni internazzjonali, bħal fil-każ ta’ “delitti li jistgħu jaffettwaw il-paċi internazzjonali, is-sigurtà u r-relazzjonijiet paċifiċi bejn l-Istati” kif ukoll “ksur serju u ssostanzjat tad-drittijiet tal-bniedem”. Fil-Background Note on the Application of the Exclusion Clauses tal-4 ta’ Settembru 2003 (iktar ’il quddiem il-“Background Note”) (53), il-UNHCR jippreċiża li riferimenti għall-għanijiet u għall-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti jinsabu f’diversi strumenti, bħal, pereżempju, il-konvenzjonijiet multilaterali konklużi taħt il-kappa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jew riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà; madankollu jekk kull azzjoni kontra dawn l-istrumenti tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1F(ċ) dan ma jkunx skont l-ispirtu u l-għanijiet ta’ dik id-dispożizzjoni (54). Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 12(2)(c) għandu jiġi interpretat fl-istess sens.

60.      Hemm ukoll il-kwistjoni dwar l-individwi li jistgħu jkunu ħatja ta’ dawn l-azzjonijiet. Billi l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tapplika esklużivament għall-Istati, inizjalment ingħad li huma biss individwi fil-quċċata tal-ġerarkija ta’ Stat jew ta’ entitajiet parastatali li jistgħu jwettqu atti li jistgħu jaqgħu fid-definizzjoni tal-Artikolu 1F(ċ) tal-Konvenzjoni (55). Din l-interpretazzjoni li hija sostnuta kemm fix-xogħlijiet ta’ tħejjija tal-Konvenzjoni (56) kif ukoll fil-Handbook (57), madankollu tidher li fil-prattika twarrbet u d-dispożizzjoni inkwistjoni ġiet applikata konkretament anki għal individwi li ma jeżerċitawx poteri pubbliċi (58).

c)      Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) għall-“atti ta’ terroriżmu”

61.      Waħda mill-kwistjonijiet l-iktar kumplessi u diskussi dwar l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni fl-Artikolu 1F(b) u (ċ) tal-Konvenzjoni tal-1951 tirrigwarda l-atti ta’ terroriżmu. Id-diffikultà hija parzjalment dovuta għall-fatt li bħalissa ma teżistix definizzjoni ta’ terroriżmu rikonoxxuta internazzjonalment. Reċentement, ċerti riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (59) u tal-Kunsill tas-Sigurtà (60), u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Abolizzjoni tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (61), ippruvaw jiddefinixxu n-natura terroristika ta’ att b’riferiment għan-natura tiegħu (atti kontra l-popolazzjoni ċivili bl-intenzjoni li tiġi kkawżata l-mewt jew jiġu kkawżati feriti gravi) u l-għanijiet tiegħu (tixrid tat-terrur jew intimidazzjoni tal-popolazzjoni, grupp ta’ persuni jew individwi, biex gvern jew organizzazzjoni jinġiegħlu jagħmlu att jew jastjenu milli jagħmluh). Fuq l-istess linja hemm ukoll id-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI, fejn l-Artikolu 1 tagħha jipprovdi definizzjoni artikolata ħafna tal-kunċett ta’ “reati terroristiċi”.

62.      In-numru kbir ta’ strumenti internazzjonali li jirregolaw aspetti individwali tat-terroriżmu, bħall-finanzjament, jew aġir speċifiku li huwa kkunsidrat komunement bħala li jidħol fil-kategorija tal-atti terroristiċi – bħall-ħtif ta’ mezzi tat-trasport, teħid ta’ ostaġġi, tqegħid ta’ bombi, reati kontra diplomatiċi, jew l-hekk imsejjaħ “terroriżmu nukleari” – u d-diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fuq dan is-suġġett, inevitabbilment għandhom impatt fuq id-dritt tar-refuġjati u b’mod partikolari fuq il-kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat. Diġà sar riferiment f’dan is-sens fir-Riżoluzzjonijiet 1373 u 1269 tal-Kunsill tas-Sigurtà fejn l-Istati ġew imħeġġa jikkonstataw li l-applikanti għall-ażil ma kinux ippjanaw, ipparteċipaw jew aġevolaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi u li jirrifjutaw l-istatus ta’ refuġjat lil min ikun responsabbli għal dawn l-atti. Il-Kunsill tas-Sigurtà jikkwalifika wkoll atti, prattiki u metodi terroristiċi bħala li jmorru kontra l-prinċipji u l-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u jeħtieġ li jiġu ddepolitiċizzati, kemm għall-finijiet ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll ta’ estradizzjoni. L-istess leġiżlatur Komunitarju jagħmel riferiment għal dan fil-preambolu tad-Direttiva, fejn fil-premessa 22, jippreċiża li atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti “huma, fost oħrajn, ġor-Risoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu, li jiddikjaraw li ‘atti, metodi u prattiċi ta’ terroriżmu huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ u li l-‘finanzjament, l-ippjanar u t-tqanqil ta’ atti terroristiċi apposta huma wkoll kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’”.

63.      Madankollu, quddiem pożizzjoni bħal din, minn naħa, għandu jiġi osservat li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà mhux dejjem għandhom natura vinkolanti f’kull parti tagħhom u li dan l-organu għandhu xorta waħda l-obbligu li jaġixxi skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u skont il-prinċipji u l-għanijiet tagħha, bil-konsegwenza, fost l-oħrajn, li jeżistu limiti għall-possibbiltà tal-istess organu li jinterferixxi fl-obbligi internazzjonali assunti mill-Istati (62). Min-naħa l-oħra, ma għandux jintesa li l-Assemblea Ġenerali u l-istess Kunsill b’mod kostanti ġibdu l-attenzjoni tal-Istati għall-osservanza, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tal-istrumenti internazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Konvenzjoni tal-1951 u l-prinċipju ta’ non-refoulement.

64.      Issa, kif ma tonqosx milli ssemmi d-duttrina, id-dritt tar-refuġjati huwa bbażat fuq is-sistema tal-Konvenzjoni tal-1951, li fil-kuntest tagħha ġew elaborati standards internazzjonali speċifiċi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat u l-kundizzjonijiet li bihom ir-rikonoxximent ta’ dan l-istatus jista’ jinċaħad (63). Hija fuq kollox fuq din is-sistema li l-koerenza u organiċità tagħha għandha, kemm jista’ jkun, tiġi żgurata u miżmuma, li wieħed għandu jevalwa jekk att kriminali partikolari, indipendentement minn fejn jiġi kkunsidrat li jagħmel parti minn kategorija ta’ reati definita skont karatteristiċi komuni, huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni taħt l-Artikolu 1F(b) u (ċ) tal-Konvenzjoni.

65.      Bl-istess mod, qabel kollox, huwa mar-regoli ta’ din is-sistema li wieħed għandu jirrelata meta jiġi biex jinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, anki fejn għandhom jiġu applikati kunċetti li għandhom definizzjoni awtonoma li tapplika għalihom f’atti tad-dritt tal-Unjoni adottati f’setturi differenti minn dawk tad-dritt tar-refuġjati.

66.      Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat bi prudenza estrema l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li biex jiġi evalwat jekk is-sħubija f’organizzazzjoni terroristika tikkostitwixxix “delitt serju mhux politiku” skont l-Artikolu 12(2)(b), jeħtieġ li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI. Fil-fatt din ġiet adottata f’kuntest, dak tal-ġlieda kontra attivitajiet terroristiċi, li jissodisfa ħtiġijiet differenti minn dawk, ta’ natura essenzjalment umanitarja, li jeżistu fil-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati. L-argument tal-Kummissjoni, għalkemm iddettat mir-rieda favur l-elaborazzjoni fuq livell tal-Unjoni ta’ kriterji uniformi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1951, madankollu jonqos milli jikkunsidra li, abbażi tal-istess direttiva, l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet u tal-prassi tal-Istati Membri fuq dan is-suġġett għandha tiġi segwita b’osservanza tal-Konvenzjoni u billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura internazzjonali tad-dispożizzjonijiet tagħha.

67.      B’hekk, ġie osservat iktar ’il fuq li waħda mill-karatteristiċi pekuljari tas-sistema tal-Konvenzjoni tikkonsisti fl-approċċ każistiku fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni tal-Artikolu 1F(b) u (ċ), approċċ li fih innifsu ma tantx joqgħod mal-użu ta’ ġeneralizzazzjonijiet u kategorizzazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, ma naqsux milli jiġu enfasizzati, fl-istess kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-riskji ta’ użu indiskriminat għall-kwalifika ta’ terroriżmu (64).

68.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għalhekk inqis, kif issuġġerit mill-UNHCR fid-dokument imħejji għall-finijiet ta’ din il-kawża, li, minbarra d-definizzjonijiet, għandu jsir riferiment għan-natura u s-serjetà tal-att fih innifsu.

69.      L-interpretazzjoni li ġiet irrakkomandata mill-UNHCR, u li tinsab ġeneralment aċċettata kemm fid-duttrina kif ukoll fil-prattika, hija fis-sens li l-atti kriminali li jissejħu terroristiċi jiġu kkunsidrati bħala sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet politiċi invokati (65), sa fejn jikkawżaw vjolenza indiskriminata u huma mmirati lejn il-popolazzjoni ċivili jew persuni li ma għandhom ebda rabta mal-għanijiet imfittxija. Dawn l-atti, sakemm issir l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti fil-każ konkret, normalment jirċievu l-isem ta’ reati mhux politiċi.

70.      Bl-istess mod, l-orjentament l-iktar reċenti li żviluppa fi ħdan id-diversi istanzi tal-UNCHR jidher li huwa fis-sens li dawn l-atti, minħabba n-natura tagħhom, il-metodi użati u l-gravità tagħhom, jitqiesu li jmorru kontra l-prinċipji u l-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, taħt l-Artikolu 1F(ċ) tal-Konvenzjoni. Kif rajna, il-Linji Gwida tal-2003 u l-Background Note jissuġġerixxu madankollu li jiġi evalwat jekk dawn jassumux dimensjoni internazzjonali, b’mod partikolari f’termini ta’ gravità, impatt u implikazzjonijiet għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali (66). F’dawn il-limiti, jidher għalhekk li huwa ammissibbli li ssir distinzjoni bejn terroriżmu internazzjonali u terroriżmu intern. Anki f’dan il-każ, l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl ta’ numru ta’ ċirkustanzi rilevanti.

71.      Fil-fehma tiegħi, l-istess approċċ għandu jiġi segwit fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva.

d)      Il-parteċipazzjoni f’entità mniżżla f’lista mħejjija mill-Unjoni fil-qafas ta’ strumenti ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu bħala kriterju ta’ esklużjoni taħt l-Artikolu 12(2)(b)(ċ)

72.      Il-kunsiderazzjonijiet magħmula sa issa jwassluni sabiex neskludi li s-sempliċi fatt li l-applikant għal ażil jidher fil-listi ta’ persuni involuti f’atti ta’ terroriżmu mħejjija fil-kuntest ta’ miżuri ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu adottati mill-Unjoni fih nnifsu jitqies deċiżiv, jew anki sempliċement preżunt,, favur l-applikazzjoni ta’ kriterju wieħed jew taż-żewġ kriterji ta’ esklużjoni taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva. Kif ġie osservat iktar ’il fuq, fil-fatt, u kif innota b’mod partikolari l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma teżisti ebda relazzjoni bejn dawn l-istrumenti u d-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet imfittxija. Barra minn hekk, konklużjoni kuntrarja tikkuntrasta mal-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-1951, li jeħtieġu evalwazzjoni attenta tas-sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu sabiex jinċaħad ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, li għandu jsir fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ partikolari.

73.      A fortiori, ma jidhirlix li huwa ammissibbli li wieħed jiddeduċi b’mod awtomatiku l-eżistenza tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ta’ esklużjoni tas-sħubija fil-passat tal-applikant fi grupp jew f’organizzazzjoni mniżżla f’dawn il-listi. Mingħajr ma wieħed jidħol fil-mertu tal-kapaċità ta’ dawn il-listi – fejn il-mod kif ġew ikkompilati ġie kkritikat (67) ‑ li jirriflettu r-realtà, ta’ spiss kumplessa, tal-organizzazzjonijiet jew tal-gruppi mniżżla fihom, biżżejjed li jiġi osservat li l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni inkwistjoni hija suġġetta għall-aċċertament tar-responsabbiltà individwali tal-individwu kkonċernat, li fir-rigward tiegħu għandhom jissussistu raġunijiet gravi sabiex jitqies li wettaq reat serju ta’ dritt komuni jew li kien ħati ta’ att kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva jew, taħt l-Artikolu 12(3) suċċessiv, li instiga jew inkella pparteċipa fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih.

74.      Issa, ħlief jekk wieħed jipproċedi permezz ta’ preżunzjonijiet (68), is-sempliċi sħubija volontarja tal-individwu kkonċernat f’organizzazzjoni ma tippermettix fiha nnifisha li wieħed jikkonkludi fis-sens li huwa effettivament involut fl-attivitajiet li ddeterminaw iċ-ċirkustanza li titniżżel fil-listi inkwistjoni (69).

75.      Minbarra dak li għadu kif ingħad b’mod ġenerali, fil-kawżi prinċipali jirriżulta wkoll il-fatt li B u D ilhom żmien diżassoċjati mill-gruppi inkwistjoni fil-mument li dawn tniżżlu fil-listi inkwistjoni. Kif rajna, fil-fatt, il-PKK u d-Dev sol jidhru fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 mit-2 ta’ Mejju 2002. Skont dak li ġie ddikjarat kontestwalment mal-applikazzjonijiet ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, B kien jagħmel parti mid-Dev sol mill-1993 sal-1995, filwaqt li D kien issieħeb mal-PKK fil-perijodu bejn l-1990 u l-1998. B’hekk, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat, b’ċaħda awtomatika mill-Gvernijiet intervenjenti kollha u mill-Kummissjoni, li s-sempliċi sħubija volontarja fi grupp imniżżel fil-listi msemmija iktar ’il fuq, tikkostitwixxi aġir rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni taħt l-Artikolu 12(2)(b)(ċ), din il-kundizzjoni xorta waħda ma tkunx ġiet sodisfatta għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ militanza ta’ B u D fid-Dev sol u fil-PKK.

76.      Għaldaqstant, jidhirli li l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza tar-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva fil-każ ta’ sħubija fl-imgħoddi tal-individwu kkonċernat ma’ grupp involut f’attivitajiet kriminali li jistgħu jiġu deskritti bħala terroristiċi sostanzjalment tinvolvi tliet fażijiet.

77.      Fl-ewwel waħda jeħtieġ li jiġu kkunsidrati n-natura, l-istruttura, l-organizzazzjoni, l-attivitajiet u l-metodi tal-grupp inkwistjoni, kif ukoll il-kuntest politiku, ekonomiku u soċjali fejn kien jopera fil-perijodu meta l-individwu inkwistjoni kien membru tagħha. Għalkemm it-tniżżil f’lista mħejjija fuq il-livell nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali, jikkostitwixxi indiċi rilevanti, dan ma jeżentax, madankollu, lill-awtoritajiet kompetenti milli jagħmlu dan l-eżami (70).

78.      Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk jeżistux biżżejjed elementi biex tiġi kkonstatata, wara li jiġi kkunsidrat il-livell ta’ prova meħtieġ mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva, ir-responsabbiltà individwali tal-individwu kkonċernat għall-atti mwettqa mill-grupp fil-perijodu meta kien membru fih, wara li jiġu kkunsidrati l-kriterji kemm oġġettivi (aġir materjali) kif ukoll soġġettivi (għarfien u intenzjoni) ta’ imputazzjoni. Għal dan l-iskop huwa meħtieġ li jiġi kkonstatat ir-rwol li dan l-individwu effettivament kellu fit-twettiq ta’ dawn l-atti (instigazzjoni, parteċipazzjoni fit-twettiq tal-att, attività ta’ tkixxif jew ta’ appoġġ, eċċ), il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-grupp (involviment fil-proċessi deċiżjonali, inkarigi ta’ tmexxija jew rappreżentattivi, żvolġiment ta’ attivitajiet ta’ prożelitiżmu jew ta’ ġbir ta’ fondi, eċċ.), il-livell ta’ għarfien li kellu jew li jmissu kellu dwar l-attivitajiet tiegħu, kostrizzjonijiet fiżiċi jew psikoloġiċi eventwali li jkun għadda minnhom jew fatturi oħra li jistgħu jaffettwaw l-element soġġettiv tal-aġir (pereżempju diżabbiltà mentali, età minuri, eċċ.) (71), l-eżistenza ta’ possibbiltà effettiva min-naħa tiegħu li jimpedixxi t-twettiq tal-atti inkwistjoni jew li jiddiżassoċja ruħu minnhom (mingħajr ma jgħaddi minn riskju għas-sigurtà tiegħu). Dawn li għadhom kif issemmew huma biss uħud mill-elementi li huma rilevanti f’dan l-eżami, billi l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà individwali tal-membru għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-każ individwali (72).

79.      Fit-tielet fażi, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-atti li għalihom din ir-responsabbiltà tista’ titqies li ġiet ikkonstatata jidħlux fost dawk ikkontemplati fl-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva meta jiġi kkunsidrat dak li hemm espressament ipprovdut fl-Artikolu 12(3) li jgħid li l-“[p]aragrafu 2 japplika għal persuni li jinstigaw jew inkella jipparteċipaw fil-kommissjoni tad-delitti jew atti msemmija fih”. Din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti kollha u ta’ kull ċirkustanza rilevanti oħra.

80.      Il-kriterji msemmija iktar ’il fuq, u l-kunsiderazzjonijiet kollha li saru sa issa, għandhom jippermettu li l-qorti tar-rinviju tiġi ggwidata fuq il-punt li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari. Madankollu, mit-termini użati minn din il-qorti, jirriżulta li hija fil-verità qed titlob, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, deċiżjoni fuq il-partikolaritajiet konkreti li hemm quddiemha għad-deċiżjoni. Huma tnejn ir-raġunijiet li għalihom nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tilqa’ din it-talba.

81.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju biss taf iċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-każijiet speċifiċi, kif irriżultaw fil-fażi amministrattiva tal-eżami tad-domandi magħmula minn B u D u fid-diversi istanzi tal-ġudizzju; li jiġi stabbilit jekk il-kriterji ta’ esklużjoni inkwistjoni humiex konkretament applikabbli kontra B u D jfisser evalwazzjoni u riflessjoni attenta ta’ dawn iċ-ċirkustanzi.

82.      Fit-tieni lok, id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni minimi għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat bil-għan li tiggwida lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1951. Id-Direttiva ma tistabbilixxix sistema uniformi fuq dan is-suġġett (73), u lanqas ma tistabbilixxi proċedura ċentralizzata ta’ eżami tal-applikazzjonijiet ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk huma l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati tal-Istati Membri, responsabbli mill-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet, li jevalwaw konkretament, fid-dawl tal-kriterji komuni stabbiliti mid-Direttiva kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza tar-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ dan l-istatus, inklużi l-kundizzjonijiet tal-esklużjoni eventwali tiegħu.

3.      Fuq it-tieni domanda preliminari

83.      Permezz tat-tieni domanda preliminari, li hija identika fiż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv tal-ewwel domanda, jekk l-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tippresupponix li l-applikant ikompli jikkostitwixxi sors ta’ perikolu. B u D jissuġġerixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi fl-affermattiv, filwaqt li l-qorti tar-rinviju, il-gvernijiet intervenjenti kollha u l-Kummissjoni jxaqilbu lejn risposta negattiva (74).

84.      Naqbel ma’ din l-aħħar soluzzjoni, li tirriżulta minn interpretazzjoni testwali u teleoloġika tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva. Mit-test ta’ dan l-artikolu fil-fatt jirriżulta b’mod ċar li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni previsti minnu huwa aġir passat tal-applikant li jikkompleta l-partikolaritajiet deskritti u li jkun seħħ qabel ir-rikonoxximent tiegħu bħala refuġjat. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-forom verbali użati – “[i]kunu kommettew” fis-subparagrafu (b) u “huwa jew hija kienu ħatja” fis-subparagrafu (ċ) – u mill-preċiżazzjoni, li hemm fis-subparagrafu (b) li l-aġir inkwistjoni għandu jiġi qabel l-ammissjoni tal-applikant bħala refuġjat, jiġifieri, kif inhu ċċarat ulterjorment fl-istess dispożizzjoni preċedenti “fil-ħin tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi ta’ l-għoti ta’ stat ta’ refuġjat”.

85.      Għall-kuntrarju, la d-dispożizzjoni inkwistjoni u lanqas ir-regola tal-Konvenzjoni korrispondenti, ma jinkludu riferiment espliċitu jew impliċitu għal ġudizzju ta’ natura perikoluża soċjali attwali tal-applikant bħala kundizzjoni miżjuda li għaliha tkun suġġetta l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni inkwistjoni. Din l-ommissjoni hija koerenti mal-għanijiet imfittxija mill-kriterji ta’ esklużjoni li jikkonsistu kif rajna f’li wieħed jevita, minn naħa, li min ikun ikkommetta delitti gravi jew reati mhux politiċi, ikun jista’, bl-invokazzjoni tad-dritt tar-refuġjati, jaħrab mill-ġustizzja u, min-naħa l-oħra, li l-istatus ta’ refuġjat jiġi rikonoxxut lil min, minħabba l-kondotta tiegħu, ikun irrenda ruħu “mhux denju” ta’ protezzjoni internazzjonali u dan indipendentement mill-fatt li n-natura perikoluża soċjali ma tkunx għadha teżisti.

86.      Huwa veru li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1F(b) tal-Konvenzjoni tal-1951, il-UNHCR sostna li fil-każ li applikant, ikkundannat għal reat serju ta’ dritt komuni, ikun skonta l-piena, ikun ingħata amnestija jew kien is-suġġett ta’ miżura ta’ maħfra, il-kriterju ta’ esklużjoni prevista minn din id-dispożizzjoni titqies li ma għadhiex applikabbli, “sakemm ma jiġix ippruvat li, minkejja l-amnestija jew il-maħfra, in-natura kriminali tal-applikant għadha predominanti” (75). Madankollu, din l-affermazzjoni tidher li tissuġġerixxi biss li l-Istat ikkonċernat jista’, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ikompli jeskludi l-applikant mill-istatus ta’ refuġjat minħabba n-natura perikoluża soċjali tiegħu, b’mod li jevoka l-mekkaniżmu tal-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-refoulement taħt l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni (76). Madankollu ma jistax jiġi konkluż, lanqas billi wieħed jirraġuna bil-maqlub, li hemm pożizzjoni ta’ natura ġenerali favur interpretazzjoni tar-regola li tipprekludi, f’kull ċirkustanza, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ esklużjoni inkwistjoni fil-każ meta l-applikant ma jkunx għadu iktar soċjalment perikoluż.

87.      Fl-aħħar nett, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirlix li huwa la neċessarju u lanqas opportun li wieħed jirrikorri għal analiżi komparattiva bejn l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva, li tistabbilixxi, abbażi tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni tal-1951, l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-refoulement. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux qed tintalab tiddeċiedi fuq il-possibbiltà li applikant jiġi eskluż mill-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-kunsiderazzjonijiet dwar in-natura perikoluża tiegħu, l-istess bħal dawk li jistgħu jawtorizzaw lill-Istati Membri milli jidderogaw mill-prinċipju ta’ non-refoulement, iżda biss jekk il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ din in-natura perikoluża tipprekludix l-applikazzjoni ta’ waħda mill-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 12 (b) u (ċ) tad-Direttiva.

88.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi t-tieni domanda preliminari fis-sens li l-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva ma tippresupponix li l-applikant jibqa’ jikkostitwixxi sors ta’ perikolu.

4.      Fuq it-tielet u fuq ir-raba’ domandi preliminari

89.      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tippresupponix eżami tal-proporzjonalità. Permezz tar-raba’ domanda, magħmula fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, hija tistaqsi, minn naħa, jekk huwiex rilevanti f’dan l-eżami l-fatt li applikant igawdi mill-prinċipju ta’ non-refoulement bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-KEDB jew tad-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jekk l-esklużjoni għandhiex tiġi kkunsidrata sproporzjonata biss f’każijiet eċċezzjonali, li jippreżentaw karatteristiċi partikolari.

90.      Dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, iqajmu huma wkoll kwistjoni delikata u li ilha dibattuta fil-kuntest tal-Konvenzjoni tal-1951: l-applikazzjoni tal-Artikolu 1F ta’ din il-Konvenzjoni timplika bilanċ bejn il-gravità tar-reat jew tal-att u l-konsegwenzi tal-esklużjoni, b’mod li tiġi żgurata applikazzjoni ta’ dik ir-regola proporzjonata mal-għan tagħha? Minkejja li t-termini tal-kwistjoni jidhru li nbidlu parzjalment bl-estensjoni u l-konsolidazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ protezzjoni mit-tortura, l-evoluzzjoni tad-dritt kriminali internazzjonali u tal-istitut tal-estradizzjoni (77) kif ukoll it-tendenza għal rikonoxximent progressiv ta’ ġurisdizzjoni universali fil-konfront ta’ reati internazzjonali gravi (78), is-suġġett jibqa’ attwali.

91.      Il-UNHCR jidher li jaċċetta bilanċ bħal dan għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 1F(b) tal-Konvenzjoni tal-1951, u jeskludih, fil-prinċipju, għall-Artikolu 1F(ċ) minħabba n-natura partikolarment gravi tal-atti kkontemplati f’dik id-dispożizzjoni (79). Diversi qrati ta’ Stati Kontraenti ddeċidew f’sens kuntrarju anki fil-kuntest tal-ewwel dispożizzjoni (80). Fost l-intervenjenti, il-Gvern Franċiż, Ġermaniż, tar-Renju Unit, u tal-Pajjiżi l-Baxxi huma kuntrarji għall-eżami ta’ proporzjonalità, filwaqt li dak Svediż, bħall-Kummissjoni, qalu li kienu favur.

92.      Uħud mill-Gvernijiet intervenjenti enfasizzaw li l-ebda element, fit-test tal-Artikolu 1F tal-Konvenzjoni tal-1951 u tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva, ma jidher li jawtorizza eżami ta’ proporzjonalità. Madankollu, jidhirli li huwa daqstant possibbli li wieħed isostni li ma hemm xejn f’dawn l-artikoli li jmur kontra dan. Il-ħtieġa ta’ eżami bħal dan issemmiet espressament ukoll fix-xogħlijiet ta’ tħejjija tal-Konvenzjoni mid-Danimarka (81).

93.      Intqal ukoll, b’riferiment għall-oriġini tad-Direttiva, li argument kontra t-tali eżami ta’ proporzjonalità jirriżulta wkoll mill-fatt li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni kien fiha riferiment speċifiku għall-proporzjonalità, li madankollu ma tidhirx fit-test finali tad-Direttiva. Madankollu, ma nikkunsidrax li dan l-argument huwa partikolarment probatorju, billi n-nuqqas inkwistjoni jista’ jkun sempliċement attribwibbli għar-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jaderixxi mat-test tal-Konvenzjoni tal-1951 u jħalli li s-soluzzjoni għal din il-kwistjoni tiġi mill-aspett ta’ interpretazzjoni u b’dan il-mod jista’ jkun hemm iktar adattabbiltà għat-tibdil possibbli fil-prassi ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni.

94.      Ġie osservat ukoll li skont l-Artikolu 1F(b) u (ċ) tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva l-esklużjoni tiddependi biss minn aġir passat tal-applikant u titnissel mis-serjetà u mill-gravità tat-theddida ta’ persekuzzjoni li hemm fuqu. Anki dan l-argument ma jidhirlix li huwa deċiżiv. Fil-verità rajna iktar ’il fuq li anki l-elementi ta’ wara l-aġir inkriminat huma ġeneralment ikkunsidrati – tal-anqas fil-kuntest tal-paragrafu (b) – fl-evalwazzjoni dwar jekk dak l-aġir jidħolx fil-kriterji ta’ esklużjoni inkwistjoni. Diversi gvernijiet intervenjenti, anki meta huma kuntrarji għal eżami ta’ proporzjonalità, jinkludu, pereżempju, fost dawn l-elementi, iċ-ċirkustanza li l-applikant, persuna militanti attiva fi grupp ikkunsidrat responsabbli ta’ atti terroristiċi, ikun iddiżassoċja ruħu u jkun ċar li telaq minnu, filwaqt li l-UNHCR ikkunsidra l-fatt li kien skonta l-piena jew, iktar sempliċement, il-fatt li għadda żmien sinjifikanti mit-twettiq tal-att, bħal fatturi rilevanti u potenzjalment xierqa sabiex tiġi impedita l-esklużjoni.

95.      Il-prinċipju ta’ proporzionalità għandu rwol ċentrali fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u b’mod ġenerali fl-applikazzjoni tal-istrumenti tad-dritt internazzjonali umanitarju. Dawn l-istrumenti jeħtieġu wkoll li jiġu applikati b’mod flessibbli u dinamiku. L-introduzzjoni ta’ element ta’ riġidità fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni, anki meta jkun motivat mill-intenzjoni li tiġi ppreżervata l-kredibbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati, ma jidhirlix li hija mixtieqa: għall-kuntrarju, inqis li huwa fundmentali li f’dan il-kuntest tiġi ppreżervata l-flessibbiltà meħtieġa, minn naħa, sabiex jitqies il-progress tal-komunità internazzjonali fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u, min-naħa l-oħra, sabiex jingħata lok għal approċċ ibbażat fuq l-eżami taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-każ speċifiku, anki jekk dan jimplika l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ bilanċ doppju (fil-mument tal-evalwazzjoni tan-natura gravi biżżejjed tal-aġir għall-finijiet ta’ esklużjoni u fil-mument li din il-gravità tiġi bbilanċjata mal-konsegwenzi tal-esklużjoni).

96.      Għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju, jidhirli, barra minn hekk, li wieħed jista’ jiddistingwi l-bilanċ bejn il-gravità tal-aġir u l-konsegwenzi ta’ esklużjoni eventwali, minn naħa, u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, min-naħa l-oħra.

97.      Taħt l-ewwel aspett, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-applikant jibbenefika minn protezzjoni effettiva kontra r-refoulement, kemm bl-applikazzjoni ta’ strumenti internazzjonali (82) kif ukoll bis-saħħa tad-dritt nazzjonali. Meta din il-protezzjoni tkun disponibbli u aċċessibbli b’mod konkret, l-applikant jista’ jiġi eskluż mill-istatus ta’ refuġjat, li jfisser sensiela ta’ drittijiet li jmorru lil hinn mill-protezzjoni kontra r-refoulement u li għandhom, bħala prinċipju, jinċaħdu lil min juri ruħu mhux denju ta’ protezzjoni internazzjonali; iżda fil-każ fejn ir-rikonoxximent ta’ dak l-istatus jikkostitwixxi l-unika possibbiltà biex jiġi evitat li jintbagħat lejn pajjiż fejn l-applikant għandu raġunijiet serji biex jibża’ li għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, appartenenza fi grupp soċjali partikolari jew għall-fehmiet politiċi tiegħu, ikun suġġett għal persekuzzjonijiet tali li ħajtu jew l-integrità fiżika tiegħu jitqiegħdu f’perikolu jew li jsofri trattament inumani jew degradanti, l-esklużjoni ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata. Madankollu, għalkemm tista’ tidher inaċċettabbli l-possibbiltà li titnaqqas ukoll il-protezzjoni minima li tikkonsisti fin-non-refoulement, inqis li, fil-preżenza ta’ delitti partikolari ta’ gravità eċċezzjonali, dan il-bilanċ xorta waħda ma huwiex ammissibbli (83).

98.      Taħt it-tieni aspett, jidhirli li l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati tal-Istati Membri għandhom jiżguraw applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva li tkun proporzjonata mal-għan tagħha u, b’mod iktar ġenerali, man-natura umanitarja tad-dritt tar-refuġjati. Dan jimplika essenzjalment li l-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha twassal għal evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-każ individwali partikolari.

99.      Għal dawn ir-raġunijiet nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tielet u r-raba’ domandi preliminari fis-sens indikat iktar ’il fuq fil-punti 97 u 98.

5.      Fuq il-ħames domanda preliminari

100. Permezz tal-ħames domanda preliminari, li l-formulazzjoni tagħha, ħlief għall-adattamenti meħtieġa minħabba l-karatteristiċi ta’ kull kawża, hija sostanzjalment identika fiż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht tistaqsi jekk ir-rikonoxximent ta’ dritt għal ażil bis-saħħa ta’ regoli kostituzzjonali nazzjonali lil individwu eskluż mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(2) huwiex kompatibbli mad-Direttiva.

101. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li, b’mod konformi mal-bażi legali tagħha, id-Direttiva tillimta ruħha sabiex tiffissa regoli minimi komuni u li, bis-saħħa tal-Artikolu 3 tagħha, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jintroduċu jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar favorevoli fir-rigward tad-determinazzjoni tal-individwi li jistgħu jiġu kunsidrati refuġjati kif ukoll fir-rigward tad-definizzjoni tal-elementi sostanzjali tal-protezzjoni internazzjonali, sakemm dawn ikunu kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie enfasizzat, id-Direttiva tiddefinixxi l-istatus ta’ refuġjat skont il-Konvenzjoni ta’ Genève.

102. Kif ġie osservat, il-kriterji ta’ esklużjoni għandhom rwol fundamentali fil-preżervazzjoni tal-kredibbiltà tas-sistema maħluqa mill-Konvenzjoni tal-1951 u biex jiġu evitati abbużi possibbli. Fejn ikun hemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom għaldaqstant l-obbligu, bis-saħħa tal-Konvenzjoni u tad-Direttiva, li jeskludu lill-applikant mill-istatus ta’ refuġjat. F’każ kuntrarju, dawn ikunu qed jiksru kemm l-obbligi internazzjonali tagħhom kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva, li tawtorizza dispożizzjonijiet iktar favorevoli fir-rigward tad-determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat biss meta jkunu kompatibbli magħha.

103. Id-domanda magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht, madankollu, tirrigwarda l-possibbiltà għall-Istati Membri li dan l-individwu jingħata protezzjoni bis-saħħa ta’ liġijiet nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar il-kompatibbiltà ta’ protezzjoni bħal din mad-Direttiva, jekk, kif jidher li huwa l-każ tad-dritt ta’ ażil garantit bis-saħħa tal-Artikolu 16a tal-Kostituzzjoni Ġermaniża skont l-informazzjoni pprovduta minn dik il-qorti, il-kontenut tagħha huwa ddefinit permezz ta’ riferiment għall-Konvenzjoni tal-1951. Issa, din tal-aħħar, hekk kif ma timponix fuq l-Istati Kontraenti li jadottaw miżuri partikolari fil-konfront tal-applikanti esklużi, lanqas ma tipprojbixxi li dawn l-individwi jingħataw protezzjoni eventwalment prevista mil-liġijiet nazzjonali fuq id-dritt tal-ażil. Din il-projbizzjoni lanqas ma tirriżulta mid-Direttiva.

104. Madankollu, huwa ċar li f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ġuridika ta’ dawn l-individwi hija rregolata esklużivament mid-dritt nazzjonali u li – kif ġie barra minn hekk espressament iddikjarat fil-premessa 9 tad-Direttiva għal dak li jirrigwarda “iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji ta’ l-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi għaqlija (discretionary)” – la d-Direttiva u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Genève ma japplikaw għalihom.

105. B’hekk, kif fil-fehma tiegħi enfasizzat b’mod korrett il-Kummissjoni, l-għan tal-kriterji ta’ esklużjoni li tiġi ppreżervata l-kredibbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati tiġi kompromessa jekk il-protezzjoni nazzjonali mogħtija tkun tali li tqajjem dubji dwar l-oriġini tagħha u li tippermetti li jiġi deċiż li d-detentur tagħha jgawdi mill-istatus ta’ refuġjat skont il-Konvenzjoni u d-Direttiva. Għaldaqstant, huwa l-Istat Membru, li għandu l-intenzjoni li jagħti l-ażil abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku tiegħu lil individwi esklużi mill-istatus ta’ refuġjat skont id-Direttiva, li għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jippermetti li ssir distinzjoni ċara bejn din il-protezzjoni u dik mogħtija abbażi tad-Direttiva, u dan mhux tant skont il-kontenut tagħha, li, fil-fehma tiegħi, id-determinazzjoni tagħha tibqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda minħabba l-possibbiltà ta’ konfużjoni dwar is-sors li minnu tiġi pprovduta din il-protezzjoni.

106. Abbażi ta’ dak li ntqal, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ħames domanda preliminari fis-sens li d-Direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, ma tipprekludix li Stat Membru jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew mingħajr stat eskluż mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva l-protezzjoni stabbilita mil-liġijiet nazzjonali fuq id-dritt tal-ażil, bil-kundizzjoni li din il-protezzjoni ma tiġix konfuża ma dik mogħtija lir-refuġjati abbażi tad-Direttiva.

IV – Konklużjonijiet

107. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht kif ġej:

1) Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, fil-każ fejn l-applikant kien fil-passat imsieħeb fi grupp imniżżel fil-listi mħejjija fil-kuntest ta’ miżuri tal-Unjoni ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkunsidraw in-natura, l-istruttura, l-organizzazzjoni, l-attivitajiet u l-metodi tal-grupp inkwistjoni, kif ukoll il-kuntest politiku, ekonomiku u soċjali fejn kien jopera fil-perijodu meta l-individwu kkonċernat kien membru tiegħu. Barra minn hekk, għandhom jivverifikaw jekk jeżistux biżżejjed elementi biex tiġi kkonstatata, fid-dawl tal-livell ta’ prova meħtieġ mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/83/KE, ir-responsabbiltà individwali tal-individwu kkonċernat għall-atti mwettqa mill-grupp fil-perijodu meta kien membru tiegħu, wara li jiġu kkunsidrati l-kriterji kemm oġġettivi kif ukoll soġġettivi ta’ imputazzjoni u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-każ partikolari. Fl-aħħar nett, dawn l-awtoritajiet għandhom jiddeterminaw jekk l-atti li fir-rigward tagħhom dik ir-responsabbiltà tista’ titqies li ġiet ikkonstatata jidħlux fost dawk ikkontemplati mill-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE, fid-dawl ta’ dak li hemm espressament ipprovdut dwar dan fl-Artikolu 12(3). Din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti kollha u ta’ kull ċirkustanza rilevanti oħra.

Huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri inkarigati mill-eżami ta’ talba għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat u l-qrati aditi fil-kuntest ta’ rikors kontra miżura adottata meta jintemm dak l-eżami, li għandhom jevalwaw konkretament, fid-dawl tal-kriterji komuni stabbiliti mid-Direttiva kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza tar-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ dan l-istatus, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ esklużjoni eventwali tiegħu taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE.

2) L-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE ma tippresupponix li l-applikant ikompli jikkostitwixxi sors ta’ periklu.

3) Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE, l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati tal-Istati Membri inkarigati mill-eżami ta’ talba ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat għandhom isibu bilanċ bejn il-gravità tal-aġir li jiġġustifika l-esklużjoni ta’ dan l-istatus u l-konsegwenzi ta’ din l-esklużjoni. Dan l-eżami għandu jsir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikant jibbenefika taħt titolu ieħor minn protezzjoni effettiva kontra r-refoulement. Meta din il-protezzjoni tkun disponibbli u aċċessibbli konkretament, l-applikant għandu jiġi eskluż; iżda fil-każ fejn ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jikkostitwixxi l-unika possibbiltà biex tiġi evitata t-tkeċċija lejn pajjiż fejn l-applikant għandu raġunijiet serji biex jibża’ li minħabba motivi ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, appartenenza fi grupp soċjali partikolari jew għall-fehmiet politiċi tiegħu, huwa ser ibati minn persekuzzjonijiet li jipperikolawlu ħajtu jew l-integrità fiżika tiegħu jew li jsofri trattamenti inumani jew degradanti, l-esklużjoni ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata. Meta jkun hemm delitti ta’ gravità eċċezzjonali, dan il-bilanċ ma huwiex ammess.

L-awtoritajiet kompetenti u l-qrati tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tkun proporzjonata mal-għan tagħha u, b’mod iktar ġenerali, man-natura umantarja tad-dritt tar-refuġjati.

4) Id-Direttiva 2004/83/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, ma tipprekludix li Stat Membru jagħti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew mingħajr stat eskluż mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva, il-protezzjoni stabbilita mir-regoli nazzjonali fuq id-dritt tal-ażil, bil-kundizzjoni li din il-protezzjoni ma tiġix konfuża ma’ dik mogħtija lir-refuġjati abbażi tad-Direttiva.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.


3 – Recueil des traités des Nations unies, I‑2545, Vol. 189.


4 –      [Nota li tirrigwarda l-verżjoni Taljana biss. Traduzzjoni bil-Malti mhux uffiċjali].


5 – [Nota rilevanti għall-verżjoni Taljana. It-traduzzjoni mhux uffiċjali tar-riżoluzzjoni bil-Malti hija bbażata fuq it-test Taljan].


6 – Fl-istess sens, ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1269 (1999) tad-19 ta’ Ottubru 1999.


7 – Pereżempju, fir-Riżoluzzjoni 1566 (2004), adottata fit-8 ta’ Ottubru 2004, dejjem abbażi tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà jfakkar li “l-atti kriminali, partikolarment dawk immirati kontra l-popolazzjoni ċivili bl-intenzjoni li jiġi kkawżat il-mewt jew li jiġu kkawżati feriti gravi jew li jittieħdu ostaġġi bl-iskop li jixxerred it-terrur fil-popolazzjoni, grupp ta’ persuni jew individwi, biex tiġi intimidata l-popolazzjoni jew biex gvern jew organizzazzjoni internazzjonali jkunu mġegħla jagħmlu att jew li jastjenu milli jagħmluh, previsti u kkwalifikati bħala ksur tal-konvenzjonijiet u tal-protokolli internazzjonali dwar it-terroriżmu, fl-ebda ċirkustanza ma jistgħu jiġu ġġustifikati minn motivi ta’ natura politika, filosofika, ideoloġika, razzjonali, etnika, reliġjuża jew simili”.


8 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217.


9 – ĠU L 166, p. 75.


10 – F’April tal-2004, għal dak li jirrigwarda l-PKK, l-isem ġie emendat kif ġej: “L-Għaqda tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) (magħruf bħala KADEK, magħruf bħala KONGRA-GEL)”, ara l-Pożizzjoni Komuni 2003/309/PESK, tat-2 ta’April 2004 (ĠU L 99, p. 61).


11 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18.


12 – Traduzzjoni mhux uffiċjali. Ara l-konklużjonijiet tal-presidenza, disponibbli fuq http://www.europarl.europa.eu/summits/.


13 – Id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Bundesamt für die Anerkennung ausländischer Flüchtlinge (Uffiċċju Federali għar-rikonoxximent tad-drittijiet tar-refuġjati barranin), li wara ġie ssostitwit mill-Bundesamt.


14 – Anki fil-każ ta’ D, bħal fil-każ ta’ B, id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Bundesamt für die Anerkennung ausländischer Flüchtlinge, li wara sar il-Bundesamt.


15 –      Din hija l-Pożizzjoni Komuni 2001/931; ara, f’dan ir-rigward, iktar ’il fuq, il-punt 11.


16 – Id-deċiżjoni ta’ revoka, tas-6 ta’ Mejju 2004, fil-każ ta’ D u d-deċiżjoni ta’ ċaħda, tal-14 ta’ Settembru 2004, fil-każ ta’ B, barra minn hekk ġew qabel l-istess dħul fis-seħħ tad-Direttiva (20 ta’ Ottubru 2004).


17 – Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, (C‑175/08, C‑176/08 u C‑179/08, Ġabra p. I-1493.)


18 – Ara, pereżempju, ir-Riżoluzzjoni 1373/2001 li tiddikjara li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti “atti prattiċi u metodi terroristiċi” u tipprojbixxi lill-Istati milli jagħtu ażil lil dawk li “jiffinanzjaw, jorganizzaw, isostnu jew jikkommettu atti ta’ terroriżmu”. Ara, iktar ’il fuq, il-punti 5 u 6.


19 – B’mod partikolari l-Artikolu 63(1)(ċ) KE li jidher fost id-dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom ġiet addottata d-Direttiva.


20 – Ara, iktar ’il fuq, il-punt 13.


21 – Ara, iktar ’il fuq, il-punt 14.


22 – Sentenza Aydin Salahadin Abdulla et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 53).


23 – Ara, iktar ’il fuq, il-punt 14. It-twaqqif ta’ konsultazzjonijiet mal-UNHCR kien previst diġà fid-dikjarazzjoni nru 17 annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam. L-importanza tar-rwol tal-UNHCR ġiet reċentement ikkonfermata mill-ġdid fil-Patt Ewropew fuq l-Immigrazzjoni u l-Ażil tal-2008 u fil-proposta ta’ Regolament dwar il-ħolqien ta’ Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil 2009 [COM(2009) 66 finali].


24 – Il-Kumitat Eżekuttiv, li bħalissa huwa kompost minn 78 membru, rappreżentanti ta’ Stati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti jew membri ta’ waħda mill-aġenziji speċjalizzati, inħoloq fl-1959 mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fuq talba tal-Assemblea Ġenerali. Il-konklużjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv jiġu adottati b’kunsens. Ġabra tematika tal-konklużjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv, aġġornata f’Awwissu 2009, hija disponibbli fuq is-sit Internet tal-UNCHR. Għalkemm ma għandhomx natura vinkolanti, l-osservanza ta’ dawn il-konklużjonijiet tidħol fil-kuntest tal-kooperazzjoni mal-UNHCR, li fil-konfront tagħha l-Istati Kontraenti huma impenjati bis-saħħa tal-Artikolu 35(1) tal-Konvenzjoni.


25 – UNHCR, Handbook on Procedures and Criteria for Determining Refugees Status under the 1951 Convention and the 1967 Protocol relating to the Status of Refugees, tal-1 ta’ Jannar 1992, disponibbli fuq http://www.unhcr.org/refworld/docid/3ae6b3314.html. It-tħejjija tal-Manwal riedha l-Kumitat Eżekuttiv fl-1977. Anki f’dan il-każ dan huwa test li ma huwiex vinkolanti għall-Istati Kontraenti, iżda huwa rikonoxxut ċertu effett persważiv fil-konfront tiegħu; ara Hathaway, The Rights of Refugees under International Law, Cambridge University Press, 2005, p. 114.


26 – Hathaway, op. cit, p. 115 u 116.


27 – Il-Konklużjoni fuq il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 81, tal-1997, tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR, fl-ittra e) tħeġġeġ lill-Istati “to take all necessary measures to ensure that refugees are effectively protected, including through national legislation, and in compliance with their obligations under international human rights and humanitarian law instruments bearing directly on refugee protection, as well as through full cooperation with UNHCR in the exercise of its international protection function and its role in supervising the application of international conventions for the protection of refugees”; fil-Konklużjoni Nru 50, tal-1988, il-Kumitat Eżekuttiv jafferma, fil-paragrafu c) “States must continue to be guided, in their treatment of refugees, by existing international law and humanitarian principles and practice bearing in mind the moral dimension of providing refugee protection”.


28 – Iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.


29 – L-analiżi dwar il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat tapplika, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, qabel dik dwar l-eżistenza ta’ kriterji ta’ esklużjoni (“inclusion before exclusion”).


30 – Global consultations on International Protection, 3 u 4 ta’ Mejju 2001, punt 4 tal-Konklużjonijiet, disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-UNHCR.


31 – “Special Rapporteur on the promotion and the protection of human rights and fundamental freedoms while countering terrorism”, rapport tal-15 ta’ Awwissu 2007, paragrafu 71, disponibbli fuq, http://www.uchr.org/refworld/docid/472850e92.html.


32 – F’dan is-sens, ara, inter alia, il-Konklużjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR Nru 82, tal-1997, fuq is-salvagwardja tal-ażil.


33 – B’mod partikolari, meta din id-dispożizzjoni tinqara’ fid-dawl taż-żewġ kriterji l-oħra ta’ esklużjoni previsti fil-paragrafi (a) u (ċ) tal-istess artikolu tal-Konvenzjoni.


34 – Ara, f’dan ir-rigward, id-dokument imħejji mill-UNHCR għall-finijiet ta’ din il-kawża, anness mal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ B, paragrafu 4.1.1.1.


35 – Ara, pereżempju, Grahl-Madsen, Status of Refugees, Vol. 1, p. 294; Goodwin‑Gill u MacAdam, The Refugee in International Law, Oxford University Press, it-Tielet Edizzjoni, p. 117.


36 – Pereżempju, l-età fil-mument tat-twettiq tar-reat, jew il-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-applikant tal-istatus ta’ refuġjat, b’mod partikolari meta jkun hemm individwi li jkunu f’kategoriji speċifiċi (pereżempju minoranzi etniċi jew reliġjużi).


37 – F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi kkunsidrata, pereżempju, is-sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika fl-Istat fejn sar il-ksur kif ukoll il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.


38 – Skont il-Handbook, paragrafi 151 sa 161, huwa rilevanti l-fatt li, anki għall-finijiet tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kriterju ta’ esklużjoni, l-applikant għall-istatus ta’ refuġjat kien, għal kollox jew parzjalment, skonta l-piena, jew kien suġġett ta’ amnestija jew maħfra.


39 – “UNHCR, Linji Gwida on International Protection: Application of the Exclusion Clauses: Article 1F of the 1951 Convention relating to the Status of Refugees”, 4 ta’ Settembru 2003, punt 14.


40 – Ibidem.


41 – Skont il-Handbook, ir-reat għandu tal-anqas ikun “a capital crime or a very grave punishable act”, filwaqt li fil-konklużjonijiet tal-Global Consultations on International Protection tat-3 u l-4 ta’ Mejju 2001, jiġi deskritt bħala serju reat li jikkorrespondi ma’ perijodu twil ta’ detenzjoni (paragrafu 11). Ara, f’dan is-sens ukoll, Gilbert, Current Issues in the Application of the Exclusion Clasues, 2001, disponibbli fuq http://www.unhcr.org/3b389354b.html, p. 17.


42 – Goodwin‑Gill u McAdam, op. cit, p. 177 u d-duttrina ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 216.


43 – L-espressjoni hija użata fix-xogħlijiet ta’ tħejjija tal-Konvenzjoni tal-1951 b’riferiment għall-Artikolu 1F(b).


44 – Linji Gwida tal-2003, paragrafu 15.


45 – Ċerti reati, bħal pereżempju s-serq bi vjolenza u t-traffiku ta’ drogi, anki jekk imwettqin bl-iskop li jiġu ffinanzjati l-għanijiet politiċi, jistgħu, minħabba n-natura tagħhom jiġu kklassifikati bħala li ma humiex politiċi.


46 – Il-qtil jew attentat ta’ qtil jistgħu, f’ċerti limiti, jiġu evalwati b’mod differenti jekk ikunu seħħu fil-kuntest ta’ gwerra ċivili jew ta’ rewwixta.


47 – Pereżempju, huwa rilevanti jekk l-att huwiex imwettaq kontra objettivi ċivili jew militari jew anki politiċi, jekk isir rikors għall-vjolenza bla rażan jew jitwettaq bi krudeltà.


48 – Minbarra l-motivazzjoni individwali, jeħtieġ li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta kawżali evidenti u diretta mal-għan politiku. Ara, f’dan is-sens, il-Handbook, paragrafu 152, u l-Linji Gwida tal-2003, paragrafu 15.


49 – Ara l-Handbook, paragrafu 152 u l-Linji Gwida tal-2003, paragrafu 15.


50 – Ara l-Handbook, paragrafu 152 u l-Linji Gwida tal-2003, paragrafu 15.


51 – Pereżempju, att partikolari jista’ jiġi evalwat b’mod differenti meta jidħol fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għal reġimi totalitarji, kolonjalisti, razzisti jew responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li skont l-UNHCR, sabiex reat ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala politiku, l-għanijiet imfittxija għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.


52 – Il-Kummissarjat Għoli josserva li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, huma pjuttost il-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti fil-paragrafi (a) u (b) li jiġu applikati.


53 – It-test huwa disponibbli fuq: http://www.unhcr.org/refworld/pdfid/4110d7334.pdf.


54 – Paragrafu 47.


55 – Ara Goodwin-Gill u McAdam, op. cit., p. 22, nota ta’ qiegħ il-paġna 143.


56 – Fejn deher kif id-dispożizzjoni inkwistjoni ma kinitx indirizzata għall-“bniedem komuni” (man in the street), ara l-Background Note, paragrafu 48.


57 – Paragrafu 163.


58 – Fil-Linji Gwida tal-1996, l-UNHCR jirriferi għall-applikazzjoni ta’ dak l-artikolu, fis-snin 50, għal individwi li kienu ħatja ta’ rapporti lill-awtoritajiet ta’ okkupazzjoni b’konsegwenzi estremi għall-persuni li kienu ġew irrappurtati, inkluża l-mewt, (paragrafu 61). Ara Gilbert, op. cit., p. 22, nota ta’ qiegħ il-paġna 144; madankollu dan l-awtur jidher li jaqbel ma’ interpretazzjoni inqas wiesgħa tad-dispożizzjoni inkwistjoni u jissuġġerixxi l-applikazzjoni tagħha biss għal individwi li għandhom pożizzjonijiet għolja fil-Gvern ta’ Stat jew ġewwa moviment ta’ ribelljoni li jikkontrolla parti mit-territorju ġewwa Stat.


59 – Ara r-Riżoluzzjoni 53/108 tas-26 ta’ Jannar 1999.


60 – Ara l-punt 5 iktar ’il fuq.


61 – Annessa mar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 54/109, tal-25 ta’ Frar 2000.


62 – Ara, f’dan ir-rigward, inter alia, Halberstam u Stein, The United Nations, The European Union and the King of Sweden: Economic sanctions and individual rights in a plural world order, fil-Common Market Law Review, 2009, p. 13 et seq.


63 – Goodwin-Gill u McAdam, op. cit., p. 195.


64 – Ara UN doc. E/CN.4/2004/4 tal-5 ta’ Awwissu 2003.


65–      Ara l-Linji Gwida tal-2003, paragrafu 15.


66 – Il-Background Note u l-Linji Gwida tal-2003 jirreferu għal “egregious acts of international terrorism affecting global security”. Il-Background Note tippreċiża wkoll li “only the leaders of groups responsible for such atrocities would in principle be liable to exclusion under this provision”, (paragrafu 49). Jidher li jxaqleb fl-istess sens id-dokument tal-UNHCR imħejji għall-finijiet ta’ din il-kawża.


67 – Kif inhu magħruf, bejn l-aħħar tal-2006 u l-ewwel xhur tal-2008, f’deċiżjonijiet li tat wara rikorsi ppreżentati minn ċerti organizzazzjonijiet inklużi f’din il-lista, il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, essenzjalment annullat minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tad-drittijiet tad-difiża, id-deċiżjonijiet li bihom il-Kunsill kien niżżel l-organizzazzjonijiet rikorrenti, sa fejn kienu jikkonċernaw lil dawn tal-aħħar; ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-PKK, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ April 2008, PKK vs Il-Kunsill (T‑229/02, Ġabra p. II-45).


68 – Fil-Linji Gwida tal-2003, l-UNHCR isostni li preżunzjoni ta’ responsabbiltà tista’ titnissel mis-sħubija volontarja ma’ gruppi “li l-għanijiet, l-attivitajiet u l-metodi tagħhom huma ta’ natura partikolarment vjolenta”. Madankollu din il-preżunzjoni dejjem tista’ tingħeleb (paragrafu 19).


69 – Pereżempju, ma jistax jiġi eskluż li dawk responsabbli għal dawn l-attivitajiet huma biss ċerti fazzjonijiet estremisti li magħhom l-individwu qatt ma jkun għamel kuntatt jew li dan tal-aħħar ikun għamel parti mill-organizzazzjoni f’perijodu preċedenti jew sussegwenti ta’ meta twettqu l-istrateġiji terroristiċi, jew inkella li jkun issieħeb biss għaż-żmien neċessarju sakemm jinduna bil-metodi prattikati u jiddiżassoċja ruħu minnhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza van Duyn, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, għalkemm fil-kuntest differenti tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, li s-sħubija fi grupp jew organizzazzjoni hija rilevanti bħala att volontarju u aġir personali tal-persuna kkonċernata meta tirrifletti parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-grupp jew tal-organizzazzjoni u identifikazzjoni mal-iskopijiet tagħha u mal-programmi tagħha [sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punt 17)].


70 – Il-grupp inkwistjoni jista’, sempliċement biex jingħataw ftit eżempji, ikun kompost minn biċċiet u jinvolvi fi ħdanu diversi ċelloli jew kurrenti, anki f’kunflitt bejniethom, li minnhom uħud ikunu moderati u oħrajn estremisti, jew maż-żmien ikun bidel l-għanijiet u l-istrateġiji tiegħu, pereżempju billi jgħaddi mill-oppożizzjoni politika għall-gwerrilja u viċiversa, minn li jagħti preferenza għal objettivi militari għat-twettiq ta’ strateġija terroristika vera u proprja u oħrajn. Bl-istess mod, il-kuntest li fih dan il-grupp jopera jista’ jinbidel minħabba, pereżempju, bidla fis-sitwazzjoni politika, jew ta’ estensjoni tal-attività tal-grupp minn kuntest lokali jew reġjonali għal kuntest internazzjonali.


71 – Ara l-Linji Gwida tal-2003.


72 – Pereżempju, skont il-Linji Gwida tal-2003, il-kriterji ta’ esklużjoni jistgħu ma jiġux applikati fil-każ li r-reat ikun ġie espjat (pereżempju fejn piena tkun ġiet skontata jew ikun għadda żmien konsiderevoli minn meta twettaq l-att). L-UNHCR huwa iżjed kawt fil-każ li tkun ingħatat maħfra jew amnestija, b’mod partikolari meta jkun hemm delitti jew atti partikolarment brutali (punt 23).


73 – Fil-programm ta’ den Haag, li jistabbilixxi l-għanijiet u l-istrumenti fir-rigward tal-ġustizzja u l-affarijiet interni għall-perijodu 2005 sa 2010, il-Kunsill Ewropew esprima l-impenn tiegħu li jiżviluppa ulterjorment is-sistema Ewropea komuni tal-ażil permezz ta’ emenda għall-qafas leġiżlattiv u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni prattika, partikolarment permezz tat-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew tal-Appoġġ għall-Ażil. Madankollu, kif ġie mfakkar reċentement mill-Kunsill Ewropew fil-Patt Ewropew fuq l-immigrazzjoni u l-ażil tal-2008, l-għoti tal-protezzjoni u partikolarment tal-istatus ta’ refuġjat jidħol fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru.


74 – Il-UNHCR esprima lilu nnifsu fl-istess sens fid-dokument imħejji għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni.


75 – Ara l-Handbook, pararagrafu 157.


76 – Ara Goodwin‑Gill u McAdam, op. cit., p. 174.


77 – Gilbert, op. cit., p. 5, jenfasizza li l-parti l-kbira tat-trattati fuq l-estradizzjoni jistabbilixxu obbligu ta’ estradizzjoni u ta’ ġudizzju (aut dedere aut judicare) u li diversi konvenzjonijiet multilaterali fuq ir-ripressjoni tat-terroriżmu jinkludu klawżoli li jeskludu l-estradizzjoni fil-każ ta’ riskju ta’ persekuzzjonijiet għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjonijiet politiċi u oriġini etniċi.


78 – Ibidem, p. 4.


79 – Ara l-Linji Gwida tal-2003. Ara wkoll il-Handbook tal-1979, paragrafu 156. Din id-distinzjoni ma jidhirlix li, madankollu, tirriżulta daqshekk ċara mid-dokument imħejji mill-UNHCR għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni.


80 – Ara Gilbert, op. cit., p. 18.


81 – Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 tad-dokument imħejji mill-UNHCR għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni.


82 – Pereżempju, taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB jew taħt l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni kontra t-tortura jew pieni oħra jew trattamenti krudili, inumani jew degradanti, konkluża fi New York fl-10 ta’ Diċembru 1984.


83 – Għall-individwi li kienu ħatja ta’ dawn id-delitti eventwalment tista’ tkun disponibbli protezzjoni informali tal-Istat tat-talba, li jista’ wkoll jipproċedi kriminalment fil-konfront tagħhom bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni universali rikonoxxuta għal delitti partikolari fi trattati multilaterali. Ara, f’dan is-sens, Gilbert, op. cit., p. 19.

Fuq