Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62009CJ0038
Judgment of the Court (Second Chamber) of 15 April 2010.#Ralf Schräder v Community Plant Variety Office (CPVO).#Appeal - The Court’s power of review - Regulations (EC) Nos 2100/94 and 1239/95 - Agriculture - Community plant variety rights - Distinctness of the candidate variety - Variety a matter of common knowledge - Proof - Plant variety SUMCOL 01.#Case C-38/09 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' April 2010.
Ralf Schräder vs L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO).
Appell - Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja - Regolamenti (KE) Nru 2100/94 u Nru 1239/95 - Agrikoltura - Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti - Karattru distintiv tal-varjetà li saret applikazzjoni għaliha - Popolarità tal-varjetà - Prova - Varjetà tal-pjanta SUMCOL 01.
Kawża C-38/09 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' April 2010.
Ralf Schräder vs L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO).
Appell - Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja - Regolamenti (KE) Nru 2100/94 u Nru 1239/95 - Agrikoltura - Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti - Karattru distintiv tal-varjetà li saret applikazzjoni għaliha - Popolarità tal-varjetà - Prova - Varjetà tal-pjanta SUMCOL 01.
Kawża C-38/09 P.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:196
Kawża C-38/09 P
Ralf Schräder
vs
L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO)
“Appell — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja — Regolamenti (KE) Nri 2100/94 u 1239/95 — Agrikoltura — Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Karattru distintiv tal-varjetà li saret applikazzjoni għaliha — Popolarità tal-varjetà — Prova — Varjetà tal-pjanta SUMCOL 01”
Sommarju tas-sentenza
1. Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi — Inammissibbiltà
(Artikolu 225(1) KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)
2. Agrikoltura — Leġiżlazzjonijiet uniformi — Drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Kundizzjonijiet għall-għoti tad-drittijiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94, Artikoli 7(1), u 73(2))
3. Appell — Aggravji — Kritika tal-motivi mingħajr effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata — Aggravju ineffettiv
1. Skont l-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali hija għaldaqstant unikament kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u biex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi, suġġett bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.
Il-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha. Hija biss għandha s-setgħa li tevalwa n-natura probatorja tal-atti tal-kawża, u ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell, ħlief f’każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar jirriżultaw mid-dokumenti fil-proċess.
(ara l-punti 69, 75)
2. Fatti li ma jiġux invokati mill-partijiet quddiem id-dipartimenti tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) qatt ma jistgħu jiġu invokati fl-istadju tar-rikors ippreżentat quddiem il-qorti Komunitarja. Din tal-aħħar hija fil-fatt inkarigata li tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ssir minnu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatti li jkunu ġew sottomessi lill-imsemmi bord, iżda hija ma tistax, min-naħa l-oħra, tagħmel stħarriġ tali li tqis fatti ġodda prodotti quddiemha.
Barra minn hekk, il-qorti Komunitarja, li lilha biss tappartjeni l-kompetenza li tiddeċiedi fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 2100/94, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, ma hijiex marbuta li tagħmel stħarriġ sħiħ sabiex tiddetermina jekk varjetà ta’ pjanata hijiex jew le nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, iżda tista’, fid-dawl tal-komplessità xjentifika u teknika tal-imsemmija kundizzjoni li l-osservanza tagħha għandha barra minn hekk tiġi mistħarrġa permezz ta’ eżami tekniku li bih is-CPVO għandu jinkariga lil wieħed mill-korpi nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 55 tal-imsemmi regolament, tistħarreġ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni.
(ara l-punti 76, 77)
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad kategorikament l-ilmenti kollha kontra motivi sussidjarji ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għaliex dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament tagħha u huma għalhekk ineffettivi.
(ara l-punt 122)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
15 ta’ April 2010 (*)
“Appell – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja – Regolamenti (KE) Nri 2100/94 u 1239/95 – Agrikoltura – Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti – Karattru distintiv tal-varjetà li saret applikazzjoni għaliha – Popolarità tal-varjetà – Prova – Varjetà tal-pjanta SUMCOL 01”
Fil-Kawża C‑38/09 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-28 ta’ Jannar 2009,
Ralf Schräder, residenti f’Lüdinghausen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn T. Leidereiter, avukat,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. Ekvad u B. Kiewiet, bħala aġenti, assistiti minn A. von Mühlendahl, avukat,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala l-President tat-Tieni Awla, C. Toader, C.W.A. Timmermans, K. Schiemann u P. Kūris (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2009,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tiegħu, R. Schräder qed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-1.12.09), tad-19 ta’ Novembru 2008, Schräder vs CVPO (SUMCOL 01) (T‑187/06, Ġabra p. II‑3151, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż li jannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) tat-2 ta’ Mejju 2006 (Każ A 003/2004, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Il-kuntest ġuridiku
2 Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2506/95, 25 ta’ Ottubru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 3, Vol. 18, p. 255, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2100/94”) id-drittijiet Komunitarji tal-varjetajiet ta’ pjanti huma mogħtija lill-varjetajiet li huma distinti, uniformi, stabbli u ġodda.
3 L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94 jistabbilixxi:
“1. Varjetà tkun meqjusa li tkun distinta jekk tkun distingwibbli b’mod ċar b’referenza għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew taħlita ta’ ġenotipi, minn kull varjetajiet oħra li l-eżistenza tagħha jkun fatt li jafu kulħadd fid-data ta’ l-applikazzjoni […]
2. L-eżistenza ta’ varjetajiet oħrajn għandhom b’mod partikolari ikunu meqjusa li jkunu fatt li jafu kulħadd jekk fid-data ta’ l-applikazzjoni […]:
a) kienet il-għan [is-suġġett] ta’ dritt tal-varjetajiet ta’ pjanti jew imdaħħla f’reġistru uffiċjali ta’ varjetajiet ta’ pjanti, fil-Komunità jew xi Stat, jew f’xi organizzazzjoni intergovernattiva bil-kompetenza relevanti;
b) applikazzjoni għall-għoti ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti jew dwar id-dħul tagħhom f’dak ir-reġistru uffiċjali kienet magħmula, sakemm dik l-applikazzjoni tkun wasslet għall-għoti jew id-dħul sadanittantant.
Ir-Regoli ta’ l-implimentazzjoni […] jistgħu jispeċifikaw aktar każi bħala eżempju li għandhom ikunu meqjusa bħala fatt li jafu kulħadd.”
4 Skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 2100/94, is-CPVO għandu jeżamina, b’mod partikolari, jekk il-varjetà tistax tkun is-suġġett ta’ dritt Komunitarju tal-varjetajiet ta’ pjanti, jekk il-varjetà hijiex ġdida u jekk l-applikant huwiex intitolat li jdaħħal applikazzjoni. Huwa għandu jeżamina jekk id-denominazzjoni tal-varjetà proposta hijiex eliġibbli. Għal dan il-għan, huwa jista’ juża s-servizzi ta’ korpi oħrajn. L-ewwel applikant huwa meqjus li għandu d-dritt Komunitarju tal-varjetajiet ta’ pjanti.
5 Skont l-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, meta s-CPVO jikkonstata li ma hemm l-ebda ostakolu għal dritt Komunitarju tal-varjetajiet ta’ pjanti, huwa għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex l-eżami tekniku, intiż li jivverifika li l-kundizzjonijiet meħtieġa huma sodisfatti, isir, tal-inqas f’wieħed mill-Istati Membri, mill-korp jew korpi kompetenti inkarigati mill-Kunsill Amministrattiv bl-eżami tekniku tal-varjetajiet tal-ispeċi kkonċernati (Uffiċċji tal-Eżami).
6 Skont l-Artikoli 61 u 62 tal-imsemmi regolament, jekk l-Uffiċċju jqis li r-riżultati ta’ dan l-eżami huma suffiċjenti sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni u ma hemmx impedimenti skont l-Artikoli 59 u 61 ta’ dan l-istess regolament, huwa għandu jagħti d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni għal dritt Komunitarju tiġi miċħuda jekk ir-riżultat tal-imsemmi eżami ma jkunx konklużiv.
7 Skont l-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 2100/94, appell ippreżentat kontra deċiżjoni tas-CPVO li tiċħad l-applikazzjoni għal dritt Komunitarju għandu effett sospensiv. Madankollu, is-CPVO jista’, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, jordna li d-deċiżjoni kkontestata ma tiġix sospiża.
8 L-Artikolu 70(2) tal-istess regolament jistabbilixxi:
“Jekk id-deċiżjoni ma tkun[x] ratifikata fi żmien xahar wara l-wasla ta’ l-istqarrija tal-bażi, għall-appell, l-Uffiċċju għandu minnfih:
– jiddeċiedi jekk jieħux azzjoni skond l-Artikolu 67(2), it-tieni sentenza;
u
– jibgħat l-appell lill-Bord ta’ l-Appell”.
9 Mill-Artikoli 71 sa 73 tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżulta li l-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi l-appell li jitressaq quddiemu kemm billi jeżerċita l-kompetenzi tas-CPVO, kif ukoll billi jibgħat il-kawża lura lid-dipartiment kompetenti tas-CPVO għal azzjoni ulterjuri. Id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell li jiddeċiedu fuq appell jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-appell jista’ jsir għal inkompetenza, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, ksur tat-Trattat, tar-Regolament Nru 2100/94 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali marbuta mal-applikazzjoni tagħhom, jew minħabba abbuż ta’ poter. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni kemm biex tannulla kif ukoll biex tirriforma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.
10 L-Artikolu 75 ta’ dan ir-regolament, li jiffoka fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet u d-dritt għal smigħ, jistabbilixxi:
“Id-deċiżjonijiet tas-[CPVO] għandhom ikollhom magħhom dikjarazzjoni tal-bażi li fuqhom ikunu bbażati. Għandhom ikunu bbażati biss fuq bażi jew xiehda li tagħhom il-partijiet fil-proċeduri kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom orali jew bil-miktub”.
11 L-Artikolu 76 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li s-CPVO għandu jipproċedi b’investigazzjoni ex officio fuq il-fatti, sa fejn dawn ikunu s-suġġett tal-eżami previst fl-Artikoli 54 u 55 tal-istess regolament. Is-CPVO għandu jinjora l-fatti li ma ġewx invokati jew l-provi li ma ġewx prodotti fit-terminu stabbilit minnu.
12 L-Artikolu 88 tal-imsemmi regolament iwaqqaf l-ispezzjoni pubblika.
13 Mill-Artikolu 15(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1239/95, tal-31 ta’ Mejju 1995, li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 327) jirriżulta li, meta r-responsabbiltà tal-eżami tekniku tingħata lill-Uffiċċju tal-Eżami, ftehim bil-miktub għandu jiġi konkluż bejn dan l-uffiċċju u s-CPVO. L-effett tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim huwa li jagħti lill-atti mwettqa jew li għad iridu jitwettqu, skont il-ftehim, mill-membri tal-persunal tal-Uffiċċju tal-Eżami, il-kwalità ta’ atti tas-CPVO li jistgħu jiġu kkontestati minn terzi.
14 Skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 1239/95, meta s-CPVO jqis li hemm bżonn li jisma’ lill-partijiet fil-proċedimenti, jew li jisma’ x-xhieda jew l-esperti, jew li jwettaq spezzjoni f’postijiet, huwa għandu, għal dan il-għan, jieħu deċiżjoni li tiddikjara l-mezzi tal-ġbir ta’ provi, il-fatti rilevanti li għandhom jiġu pprovati, kif ukoll id-data, il-ħin u l-post għall-finijiet tal-imsemmija mezzi tal-ġbir ta’ provi. Jekk is-smigħ tax-xhieda u tal-esperti tkun intalbet minn wieħed mill-partijiet fil-proċedimenti, id-deċiżjoni tas-CPVO għandha tistabbilixxi t-terminu li fih din il-parti għandha tikkomunika lill-imsemmi uffiċċju l-ismijiet u l-indirizzi tax-xhieda jew tal-esperti li hija tixtieq li jinstemgħu.
15 Skont l-Artikolu 62(1) ta’ dan ir-regolament, is-CPVO jista’ jissuġġetta l-eżekuzzjoni tal-ġbir ta’ provi għal depożitu ta’ somma li għandu jsir mill-parti li titlob li jinġabru tali provi.
16 Skont l-Artikolu 63(2) tal-imsemmi regolament, il-verbal tad-depożizzjoni ta’ xhud, ta’ espert jew ta’ parti fil-proċedimenti għandu jinqara jew jiġi ssottomess lilu jew lilha sabiex jiġi eżaminat minnu jew minnha. Il-verbal għandu jsemmi li din il-formalità tkun saret u li l-persuna li tkun għamlet id-depożizzjoni tkun approvatu jew tkun ressqet oġġezzjonijiet.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
17 Fis-7 ta’ Ġunju 2001, R. Schräder ippreżenta applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti lis-CPVO għal varjetà tal-pjanta SUMCOL 01, li tappartjeni lill-ispeċi Plectranthus ornatus. Hija ġejja mit-tlaqqim bejn pjanta ta’ din l-ispeċi u pjanta tal-ispeċi Plectranthus ssp., li toriġina mill-Amerika Latina.
18 Fl-1 ta’ Lulju 2001, is-CPVO inkariga lill-Bundessortenamt (Uffiċċju Federali ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti, il-Ġermanja) sabiex jagħmel eżami tekniku, skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 2100/94.
19 Matul l-ewwel sena tal-proċedura ta’ eżami, il-kompetituri ta’ R. Schräder opponew li jingħata d-dritt mitlub billi sostnew li l-varjetà li saret applikazzjoni għaliha ma kinitx varjetà ta’ pjanta ġdida, iżda varjetà selvaġġa provenjenti mill-Afrika t’Isfel u kkummerċjalizzata għal diversi snin f’dan il-pajjiż, kif ukoll fil-Ġermanja.
20 Wara l-ewwel paragun bejn il-varjetà li saret applikazzjoni għaliha u l-varjetà ta’ referenza pprovduta fil-Ġermanja, il-Bundessortenamt ikkuntattja lil E. van Jaarsveld, kollaboratur tal-ġnien botaniku ta’ Kirstenbosch (l-Afrika t’Isfel) sabiex jipprovdi tirqida jew żerriegħa tal-ispeċi Plectranthus comosus jew Plectranthus ornatus.
21 Wara skambju ta’ posta elettronika fil-25 ta’ Marzu u fis-16 ta’ Ottubru 2002, il-Bundessortenamt irċeeva, fit-12 ta’ Diċembru 2002, it-tirqida mibgħuta minn E. van Jaarsveld u din ġiet ippreżentata bħala li ttieħdet mill-ġnien privat ta’ dan tal-aħħar.
22 Dawn il-pjanti ġew ikkultivati u eżaminati matul l-2003. Biż-żmien deher li l-varjetà li saret applikazzjoni għaliha tiddistingwi ruħha biss b’mod minimu mill-pjanti miksuba permezz tat-tirqida li E. van Jaarsveld bagħat. Skont posta elettronika tad-19 ta’ Awwissu 2003, miktuba minn Heine, eżaminatriċi tal-Bundessortenamt responsabbli mill-eżami tekniku, id-differenzi kienu ċertament “sinjifikattivi”, iżda bilkemm viżibbli.
23 B’ittra tas-7 ta’ Awwissu 2003, is-CPVO informa lil R. Schräder li, skont il-Bundessortenamt, “[kienu] jeżistu nuqqasijiet fid-distintività tal-pjanti fil-konfront tal-pjanti eżaminati fil-ġnien botaniku ta’ Kirstenbosch”. Madankollu, kien paċifiku bejn il-partijiet li dawn il-pjanti kienu fil-fatt miġjuba mill-ġnien privat ta’ E. van Jaarsveld. Din l-ittra kienet issemmi wkoll il-fatt li, skont Heine, l-appellant ma kienx kapaċi jidentifika l-varjetà SUMCOL 01 waqt l-ispezzjoni tiegħu tal-ġnien ta’ sperimentazzjoni tal-Bundessortenamt.
24 F’Settembru 2003, R. Schräder espona l-osservazzjonijiet tiegħu b’risposta għar-riżultati tal-eżami tekniku. Fuq il-bażi, min-naħa waħda, tar-riżultati tal-vjaġġ investigattiv tiegħu fl-Afrika t’Isfel, li sar bejn id-29 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru 2003, u, min-naħa l-oħra, fuq ir-riżultati taż-żjara tiegħu fil-ġnien botaniku ta’ Meise (il-Belġju), fil-15 ta’ Settembru 2003, huwa ddikjara ruħu konvint li l-pjanti miġjuba mill-ġnien ta’ E. van Jaarsveld, użati għall-finijiet tal-paragun, ma kinux jappartjenu għall-varjetà ta’ referenza, iżda għall-varjetà SUMCOL 01 stess. Barra minn hekk, huwa esprima d-dubji tiegħu fir-rigward tal-popolarità tal-varjetà ta’ referenza.
25 Ir-rapport finali tal-Bundessortenamt tad-9 ta’ Diċembru 2003, stabbilit skont ir-regoli tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (UPOV), ġie kkomunikat għall-osservazzjonijiet lill-appellant flimkien ma’ ittra tas-CPVO tal-15 ta’ Diċembru 2003. Dan ir-rapport jikkonkludi li l-varjetà li saret applikazzjoni għaliha SUMCOL 01 hija nieqsa minn karattru distintiv meta mqabbla mal-varjetà ta’ referenza Plectranthus ornatus tal-Afrika t’Isfel, ipprovduta minn E. van Jaarsveld.
26 R. Schräder sostna l-aħħar osservazzjonijiet tiegħu fuq dan ir-rapport fit-3 ta’ Frar 2004.
27 Permezz tad-Deċiżjoni R 446 tad-19 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rifjut”), is-CPVO ċaħad, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94, l-applikazzjoni għal drittijiet Komunitarji minħabba n-nuqqas ta’ karattru distintiv tal-varjetà SUMCOL 01.
28 Fil-11 ta’ Ġunju 2004, R. Schräder ippreżenta appell mid-deċiżjoni ta’ rifjut quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO. Fl-istess okkażjoni, huwa talab sabiex ikun jista’ jikkonsulta l-atti tal-proċedimenti. Din it-talba ġiet milqugħa fil-25 ta’ Awwissu 2004, jiġifieri ħamest ijiem qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur għal preżentata ta’ nota li tesponi l-bażi tal-appell, skont l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 2100/94. Il-persuna kkonċernata ppreżentat din in-nota fit-30 ta’ Awwissu 2004.
29 Id-deċiżjoni ta’ rifjut ma kinitx suġġetta għal reviżjoni interlokutorja fit-terminu ta’ xahar wara l-wasla tan-nota tal-appell. Madankollu, b’ittra tat-30 ta’ Settembru 2004, is-CPVO għarraf lill-appellant bid-deċiżjoni tiegħu tal-istess jum li “jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu” fuq dan il-punt għal ġimagħtejn oħra minħabba li kien qies li kien utli li jsiru investigazzjonijiet ġodda.
30 Wara skambju ta’ posta elettronika ma’ E. van Jaarsveld fit-8 u fil-15 ta’ Ottubru 2004 u wara intervent mill-Ministeru tal-Agrikoltura tal-Afrika t’Isfel, is-CPVO ddeċieda, fl-10 ta’ Novembru 2004, li ma jibdilx id-deċiżjoni ta’ rifjut u bagħat l-appell quddiem il-Bord tal-Appell.
31 Fir-risposta bil-miktub tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2005 għal mistoqsija magħmula mill-Bord tal-Appell, u billi rrefera għal ittra li bagħat lil Heine fl-20 ta’ Ġunju 2005 li kienet tispjega li l-Bundessortenamt ma setax “jagħmel distinzjoni bejn il-pjanti li huma s-suġġett tal-applikazzjoni u l-pjanti tal-Afrika t’Isfel, u għal din ir-raġuni jista’ jiġi argumentat li l-pjanti kollha joriġinaw mill-pjanti li huma s-suġġett tal-applikazzjoni”, is-CPVO rrikonoxxa li l-bdil fil-klima u fil-post seta’ jwassal lill-pjanta sabiex tirreaġixxi u li għaldaqstant, hekk kif kien spjega l-Bundessortenamt, ma setax jiġi kompletament eskluż li varjetajiet li kellhom differenzi daqstant minimi bħall-varjetà li saret applikazzjoni għaliha u l-varjetà ta’ referenza kienu jidħlu taħt l-istess varjetà.
32 Il-partijiet instemgħu mill-Bord tal-Appell waqt is-seduta tat-30 ta’ Settembru 2005. Mill-verbal ta’ din is-seduta jirriżulta li Heine assistiet fiha bħala rappreżentant tas-CPVO. B’mod partikolari hija ddikjarat li, mis-sitt tirqidiet mibgħuta minn E. van Jaarsveld, erba’ biss kienu rnexxielhom jaslu qawwija u sħaħ wara t-trasport. Sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li d-differenzi bejn il-varjetà li saret applikazzjoni għaliha u l-varjetà ta’ referenza jkunu dovuti għal fatturi ambjentali, kien sar tirqid ġdid u ntuża bħala varjetà ta’ referenza. Peress li dawn kienu tat-tieni ġenerazzjoni, id-differenzi kkonstatati kellhom, fil-fehma tagħha, jiġu attribwiti għal fatturi ġenotipiċi.
33 Mill-verbal tas-seduta jirriżulta wkoll li, fi tmiem is-seduta, il-Bord tal-Appell ma kienx konvint ħafna mill-popolarità tal-varjetà ta’ referenza. Mingħajr ma qiegħed f’dubju l-kredibbiltà u l-esperjenza teknika ta’ E. van Jaarsveld, huwa qies li wħud mid-dikjarazzjonijiet f’dan ir-rigward ta’ E. van Jaarsveld ma kinux sostnuti biżżejjed, b’tali mod li kien jidhirlu neċessarju li ssir żjara fil-postijiet fl-Afrika t’Isfel minn wieħed mill-membri tagħha bħala mezz ta’ ġbir ta’ provi previst mill-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 2100/94.
34 Fis-27 ta’ Diċembru 2005, il-Bord tal-Appell adotta l-miżura dwar il-ġbir ta’ provi inkwistjoni permezz ta’ digriet. Huwa ssuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura għall-kundizzjoni li l-appellant iħallas depożitu fuq l-ispejjeż ta’ EUR 6 000 skont l-Artikolu 62 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1239/95 […].
35 F’nota tas-6 ta’ Jannar 2006, l-appellant osserva li ma kienx obbligat iressaq provi u li ma kienx hu li talab il-miżura dwar il-ġbir ta’ provi. Huwa enfasizza li huwa s-CPVO li kellu jiddetermina l-karattru distintiv skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħu, “vjaġġ ta’ rikonoxximent” fl-Afrika t’Isfel huwa previst biss taħt l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94. B’hekk, huwa ma kellux iħallas l-ispejjeż.
36 Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut. Essenzjalment, huwa qies li l-varjetà SUMCOL 01 ma setgħetx tiġi distinta b’mod ċar minn varjetà ta’ referenza magħrufa sewwa fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni, f’dan il-każ il-varjetà P. ornatus Südafrika li t-tip tagħha ġiet ipprovduta minn E. van Jaarsveld. Barra minn hekk, huwa ma eżegwixxix id-digriet tal-miżura dwar il-ġbir ta’ provi għaliex “fl-aħħar ġie konvint li l-varjetà użata għall-paragun kienet il-varjetà ta’ referenza u mhux is-SUMCOL 01 u li l-varjetà ta’ referenza kienet magħrufa sewwa fid-data tal-preżentata tal-applikazzoni”.
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (illum il-Qorti Ġenerali) u s-sentenza appellata
37 Fit-18 ta’ Lulju 2006, R. Schräder ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali rikors intiż li jannulla d-deċiżjoni kkontestata u fih qajjem tmien motivi.
38 L-ewwel motiv, li kien jinqasam fi tliet partijiet, kien ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet maqgħuda tal-Artikoli 62 u 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 2100/94. It-tieni u t-tielet motivi kienu bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament u tal-“projbizzjoni ġenerali, fi Stat tad-dritt, li jittieħdu deċiżjonijiet għall-għarrieda”. Ir-raba’ u l-ħames motivi kienu bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 1239/95 u tal-Artikolu 62(1) tal-istess regolament rispettivament. Is-sitt, is-seba’ u t-tmien motivi kienu bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 2100/94, tal-Artikolu 70(2) ta’ dan l-aħħar regolament u fuq l-ewwel sentenza tal-Artikolu 67(2) tal-istess regolament rispettivament.
39 Wara li ddefinixxiet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kunsiderazzjonijiet fil-mertu magħmula mill-Bord tal-Apppel skont l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 2100/94. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-pjanta miġjuba mill-ġnien privat ta’ E. van Jaarsveld kinitx il-pjanta tal-varjetà SUMCOL 01, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li l-varjetà li saret applikazzjoni għaliha u l-varjetà ta’ referenza miġjuba mill-ġnien privat ta’ E. van Jaarsveld huma żewġ varjetajiet differenti. Barra minn hekk, hija qieset, fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, li l-Bord tal-Appell seta’ ġustament jasal għall-konklużjoni li, minn naħa, il-varjetà ta’ referenza kienet magħrufa sewwa, u dan wara li tkun ikkonstatat li l-appellant la ressaq argument speċifiku u lanqas provi partikolari biex jikkontesta x-xebh bejn il-varjetà ta’ referenza miġjuba mill-ġnien ta’ E. van Jaarsveld u l-varjetà tal-Afrika t’Isfel tal-ispeċi Plectranthus ornatus u, min-naħa l-oħra, li d-dikjarazzjonijet ta’ E. van Jaarsveld kienu kkorroborati mill-awtoritajiet tal-Afrika t’Isfel u minn diversi pubblikazzjonijiet xjentifiċi.
40 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-appellant, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 2100/94, li l-varjetà SUMCOL 01 kienet distinta mill-varjetà ta’ referenza b’mod ċar, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, kontradizzjoni f’dan l-argument u qieset li l-premessa li fuqha dan l-argument kien ibbażat kienet żbaljata.
41 Għaldaqstant, hija ċaħdet l-ewwel motiv invokat.
42 Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li “[i]l-Bord tal-Appell seta’ validament jiddeduċi li l-varjetà SUMCOL 01 ma setgħetx tiġi distinta b’mod ċar minn varjetà ta’ riferenza magħrufa sew fil-mument ta’ meta saret l-applikazzjoni” u li “għaldaqstant, huwa ma kienx marbut li jagħmel eżami tekniku ġdid”.
43 It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 2100/94, ġie miċħud peress li, hekk kif il-Bord tal-Appell jista’ jiddeċiedi ex officio dwar miżura ta’ ġbir ta’ provi, huwa jista’ wkoll jiddeċiedi ex officio li jiddifferixxiha, peress li l-kwistjoni fundamentali hija jekk il-partijiet setgħux jieħdu pożizzjoni fuq ir-raġunijiet u l-provi mressqa minn dan il-bord.
44 Fir-rigward tar-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 1239/95, dwar il-kundizzjonijiet li fihom Heine pparteċipat fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li “Heine dehret [fis-seduta tal-Bord tal-Appell] bħala aġent tas-CPVO u mhux fil-kwalità ta’ xhud jew espert”.
45 Fir-rigward tal-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1239/95, u li jipprovdi li l-Bord tal-Appell ma setax legalment jimponi fuq R. Schräder il-fatt li dan tal-aħħar jiddepożita ammont sabiex jingħata digriet għal miżura ta’ ġbir ta’ provi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li dan il-motiv kien jidher fondat u, għalhekk, id-digriet dwar il-miżura ta’ ġbir ta’ provi tas-27 ta’ Novembru 2005 kien ivvizzjat b’illegalità. Madankollu, fil-punt ta’ wara ta’ din is-sentenza, hija ċaħdet dan il-motiv bħala ineffettiv fid-dawl tas-sens tad-deċiżjoni kkontestata.
46 Fir-rigward tas-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 2100/94, u li jipprovdi li R. Schräder ma setax jieħu konjizzjoni tal-inkartament, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li “r-rikorrent ingħata l-inkartament kollu u li tqiegħed f’pożizzjoni li jsostni l-fehma tiegħu b’mod effettiv”.
47 Fir-rigward tas-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 2100/94, li jirrigwarda t-termini li fihom is-CPVO għandu jiddeċiedi u li jippreġudika b’mod serju d-drittijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 142 u 143 tas-sentenza appellata, is-segwenti:
“142 Għalkemm it-terminu previst fl-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 2100/94 inqabeż b’xahar u għaxart-ijiem, il-Qorti [Ġenerali] tqis li dan id-dewmien huwa ġġustifikat fid-dawl tal-fatti partikolari tal-każ, b’mod partikolari tan-neċessità li jsiru mistoqsijiet lil persuni li jinsabu f’pajjiż imbiegħed.
143 F’kull każ, il-qbiż ta’ dan it-terminu ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda l-iktar l-iktar il-ħlas ta’ danni jekk ikun jidher li r-rikorrent ikun sofra xi ħsara”.
48 Fir-rigward tat-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 2100/94, dwar il-kundizzjonijiet tat-tħassir tal-applikazzjoni għal dritt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 148 tas-sentenza appellata:
“F’dan ir-rigward, u anki jekk jitqies li l-applikazzjoni għal dritt ġiet imħassra mir-reġistru tas-CPVO immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut, bi ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 2100/94, li jgħid li appell imressaq kontra tali deċiżjoni għandu l-effett li jissospendi, tali illegalità ma tirriżultax mid-deċiżjoni ta’ rifjut stess, u għaldaqstant, la tista’ taffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni u lanqas, bħala konsegwenza, il-validità tad-deċiżjoni kkontestata”.
49 Konsegwentament, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ R. Schräder.
It-talbiet tal-partijiet
50 R. Schräder jitlob, prinċipalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u, f’kull każ, tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż kollha sostnuti matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.
51 Is-CPVO jitlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż marbuta mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.
Fuq l-appell
52 Insostenn tal-appell tiegħu, R. Schräder jinvoka żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed fuq difetti proċedurali, li jinqasam f’sitt partijiet, u t-tieni wieħed fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju, li jinqasam f’ħames partijiet.
53 Is-CPVO jitlob, prinċipalment, l-inammissibbiltà tal-appell għaliex dan jirrigwarda biss il-fatti u l-evalwazzjoni tal-provi, u, sussidjarjament, li kull wieħed mill-aggravji jiġi miċħud u għalhekk li l-appell jiġi miċħud.
Fuq l-ewwel aggravju
54 L-ewwel aggravju jinqasam f’sitt partijiet.
Fuq l-ewwel u t-tieni parti, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94
– L-argumenti tal-partijiet
55 Permezz ta’ dawn iż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju, R. Schräder essenzjalment jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali marbuta mal-kwistjoni dwar jekk il-pjanta miġjuba mill-ġnien privat ta’ E. van Jaarsveld, li ġiet użata bħala varjetà ta’ referenza, u l-varjetà li saret applikazzjoni għaliha SUMCOL 01 kinux fil-fatt l-istess varjetà.
56 Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju, R. Schräder jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punti 76, 79 u 131 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw id-dikjarazzjonijiet ta’ Heine, dwar il-kwistjoni jekk il-varjetà li saret applikazzjoni għaliha SUMCOL 01 u l-varjetà ta’ referenza ta’ E. van Jaarsveld kinux identiċi.
57 F’dan ir-rigward, huwa jsostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali għamlet żball meta kkonstatat, fl-imsemmi punt 131, li huwa ma kienx ipproduċa provi insostenn tal-allegazzjoni tiegħu li d-dikjarazzjonijiet ta’ Heine kienu ġew irreġistrati b’mod inkomplet fid-deċiżjoni inkwistjoni.
58 It-tieni nett, R. Schräder isostni li l-verbal tas-seduta tal-Bord tal-Appell tat-30 ta’ Settembru 2005, imsemmi fil-punt 79 tas-sentenza appellata, ma jistax iservi ta’ prova definittiva tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet matul din is-seduta inkwantu dan kien sar bi ksur tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1239/95.
59 It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali għamlet żball meta bbażat ruħha, fl-imsemmi punt 79 tas-sentenza appellata, fuq provi li ma jinsabux fil-proċess u għalhekk żnaturat il-provi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-posta elettronika ta’ Heine tal-20 ta’ Ġunju 2005, hija kienet ibbażat il-konstatazzjonijiet tagħha fuq sempliċi suppożizzjoni.
60 Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ibbażata fuq difett proċedurali marbut mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jidhru fil-punti 36, 71, 73, 74, 79 u 131 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-varjetà ta’ referenza u l-varjetà li saret applikazzjoni għaliha ma kinux fil-fatt identiċi, R. Schräder essenzjalment jikkontesta l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali billi jqis li l-pjanti mibgħuta minn E. van Jaarsveld ma jappartjenux għall-varjetà SUMCOL 01.
61 Għal dan l-għan, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi.
62 L-ewwel żball ta’ liġi jirriżulta mill-fatt li l-Qorti Ġenerali imponiet rekwiżiti eċċessivi fil-konfront tal-argument tiegħu u b’hekk kisret il-prinċipji li jirregolaw il-ġbir tal-provi. B’mod partikolari, peress li kien għadda ż-żmien minn meta l-pjanti kienu ġew eżaminati, R. Schräder ma setax jipproduċi iktar provi sabiex jirribatti l-allegazzjonijiet magħmula minn Heine matul s-seduta quddiem il-Bord tal-Appell. Barra minn hekk, R. Schräder isostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, indikat li Heine kienet għamlet id-dikjarazzjonijiet tagħha bħala parti fil-proċedimenti u mhux bħala xhud jew espert. Peress li R. Schräder kien ikkontesta dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali ma setgħux jagħtu preferenza lid-dikjarazzjonijiet tas-CPVO mingħajr ma jaċċettaw l-provi li huwa ried iressaq. Bir-rifjut, b’mod ġenerali, tat-talbiet għal tressiq ta’ provi magħmula minn R. Schräder, il-Qorti Ġenerali kienet tkun qed tikser id-dritt għal smigħ tiegħu.
63 It-tieni żball ta’ liġi jikkonsisti fi żnaturament tal-fatti u tal-provi. R. Schräder isostni li, meta waslet għall-konklużjoni kkontestata li tinsab fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-elementi invokati minnu ma kinux suffiċjentement speċifiċi, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li R. Schräder kien ressaq kummenti, matul is-seduta quddiem il-Bord tal-Appell, dwar il-varjetajiet imqabbla fl-2003 u kkummenta wkoll, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu tal-14 ta’ Ottubru 2005, dwar id-differenzi speċifiċi bejn il-varjetajiet imqabbla. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali injorat it-talba tiegħu għal tressiq ta’ provi, li tinsab bil-punt 43 tar-rikors, fejn ippropona li jipprovdi rapport ta’ espert insostenn tal-affermazzjoni tiegħu li dawn id-differenzi setgħu jiġu spjegati mir-riproduzzjoni tal-varjetà ta’ referenza min-naħa tal-Bundessortenamt.
64 Fir-rigward tal-ewwel parti, is-CPVO sostna, l-ewwel nett, li r-rapport tat-12 ta’ Diċembru 2003, ippreżentat minn Heine, juri l-eżistenza ta’ tliet differenzi minimi bejn iż-żewġ varjetajiet ikkonċernati. It-tqegħid f’dubju u l-evalwazzjoni ta’ tali konstatazzjoni ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda biss taħt dik tal-esperti.
65 It-tieni nett, huwa josserva li R. Schräder qatt ma kkontesta l-imsemmi rapport. Filwaqt li l-posta elettronika tal-20 ta’ Ġunju 2005 hija manifestament spekulattiva u mhux definittiva, l-opinjoni ta’ Heine hija mfassla fuq bażi xjentifika.
66 Fl-aħħar nett, is-CPVO jirrileva li l-kredibbiltà ta’ Heine hija msaħħa mill-kompetenza magħrufa tal-Bundessortenamt fil-qasam tal-omologazzjoni u l-ħarsien tal-varjetajiet tal-pjanti.
67 Fir-rigward tat-tieni parti, is-CPVO essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali setgħet biss teżerċita stħarriġ ristrett fuq il-konstatazzjoni tad-differenzi li hemm bejn iż-żewġ pjanti kkonċernati u fuq l-oriġini ta’ dawn tal-aħħar. Huwa jżid jgħid li l-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta li tirrikorri għal opinjoni ta’ espert.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
68 Peress li l-ewwel żewġ parijiet tal-aggravju jittrattaw il-ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94, hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien.
69 Skont l-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali hija għaldaqstant unikament kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u biex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi, suġġett bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara b’mod partikolari s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 22, u tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche Sisi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p.I‑551, punt 35).
70 Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat l-argument ta’ R. Schräder li jgħid li s-CPVO u l-Bord tal-Appell kienu żbaljati meta kkunsidraw li l-varjetà SUMCOL 01 kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2100/94.
71 Fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-elementi invokati minn R. Schräder ma kinux biżżejjed sabiex jistabbilixxu li l-Bundessortenamt u, bħalu, is-CPVO kif ukoll il-Bord tal-Appell kienu wettqu, fuq dan il-punt, żball manifest ta’ evalwazzjoni li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
72 R. Schräder jopponi din il-konstatazzjoni inkwantu, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, indikat li l-elementi li huwa ressaq dwar l-effett tal-fatturi ambjentali ma kinux biżżejjed biex jirribattu l-konklużjonijiet kontrarji tal-Bundessortenamt u, it-tieni nett, inkwantu l-Qorti Ġenerali ma aċċettatx, fil-punti 77 sa 79 tal-imsemmija sentenza, l-argumenti invokati minn R. Schräder dwar il-bażi tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Heine matul is-seduta quddiem il-Bord tal-Appell u fil-posta elettronika indirizzata lis-CPVO.
73 Billi jipprova juri li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi b’mod raġonevoli li l-fatti u ċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq ma kinux suffiċjenti biex jirribattu l-konklużjoni li wasal għaliha l-Bundessortenamt u li ġiet ikkonfermata mill-Bord tal-Appell, R. Schräder, għalkemm jinvoka formalment żball ta’ liġi, qiegħed, essenzjalment, ifittex li jqiegħed fid-dubju l-evalwazzjonijiet tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, li jikkontesta l-valur probatorju li ġie attribwit lil dawn il-fatti
74 Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju huma, f’dan il-kuntest, inammissibbli.
75 Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi meta evalwat l-argumenti bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Heine u fuq l-impatt eventwali tal-fatturi ambjentali fuq id-differenzi bejn il-varjetà ta’ referenza u l-varjetà li saret applikazzjoni għaliha, hemm lok li jitfakkar li hija l-Qorti Ġenerali biss li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha. Hija biss għandha s-setgħa li tevalwa n-natura probatorja tal-atti tal-kawża, u ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell, ħlief f’każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar jirriżultaw mid-dokumenti fil-proċess (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra p. I‑6619, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
76 Fatti li ma jiġux invokati mill-partijiet quddiem id-dipartimenti tas-CPVO ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju tar-rikors imressaq quddiem il-qorti Komunitarja. Il-Qorti Ġenerali hija fil-fatt inkarigata tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li ssir minnu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatti li jkunu ġew sottomessi lill-imsemmi bord, iżda hija ma tistax, min-naħa l-oħra, tagħmel stħarriġ tali li tqis fatti ġodda prodotti quddiemha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punt 54).
77 Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, li lilha biss tappartjeni l-kompetenza li tiddeċiedi fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 2100/94, ma kinitx marbuta li tagħmel stħarriġ komplet sabiex tiddetermina jekk il-varjetà SUMCOL 01 kinitx jew le nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2100/94, iżda setgħet, fid-dawl tal-komplessità xjentifika u teknika tal-imsemmija kundizzjoni li l-osservanza tagħha għandha barra minn hekk tiġi mistħarrġa permezz ta’ eżami tekniku li bih is-CPVO għandu jinkariga lil wieħed mill-korpi nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 2100/94, tisħarreġ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni.
78 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet korrettament tqis li l-elementi li jinsabu fil-proċess kienu biżżejjed sabiex jippermettu lill-Bord tal-Appell jiddeċiedi fuq id-deċiżjoni ta’ rifjut.
79 Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fil-punt 74 tas-sentenza appellatta, għal indikazzjoni li l-ispjegazzjonijiet, ix-xhieda u r-rapporti ta’ esperti invokati minn R. Schräder ma kinux biżżejjed sabiex jirribattu l-konklużjoni li għaliha wasal il-Bundessortenamt.
80 Il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ħadet din id-deċiżjoni.
81 Fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijet ta’ Heine, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjoni magħmula minn Heine fil-posta elettronika tal-20 ta’ Ġunju 2005 ma kellhiex għalfejn tingħata sinjifikat partikolari peress li din ma ġietx sostnuta matul s-seduta tal-Bord tal-Appell.
82 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma kisritx ir-regoli dwar il-produzzjoni jew l-oneru tal-prova meta fl-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tagħha stabbilixxiet il-valur probatorju li kellu jingħata li din id-dikjarazzjoni.
83 Barra minn hekk, anki jekk wieħed jissuponi li ġie stabbilit, kif isostni R. Schräder, li l-verbal tal-imsemmija seduta ma tqegħidx għall-approvazzjoni tal-partijiet, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1239/95, għandu jitqies li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt 79 jaqgħu taħt l-evalwazzjoni esklużiva tagħha u li dawn ma jistgħux jitqiegħdu f’dubju fl-istadju tal-appell.
84 Fil-fatt, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tistabbilixxi jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ Heine ġewx irreġistrati b’mod inkomplet fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, billi fil-punt 131 tas-sentenza appellata ġie kkunsidrat li dan ma kienx il-każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żnaturament tal-fatti tal-każ ineżami.
85 Barra minn hekk, din l-irregolarità, anki jekk wieħed jissuponi li ġiet stabbilita, ma għandha l-ebda effett fuq il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ Heine li ġie kkunsidrat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 ta’ dan is-sentenza.
86 Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni parti tal-aggravju eżaminat għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.
Fuq it-tielet, ir-raba’ u l-ħames partijiet, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta’ E. van Jaarsveld.
– L-argumenti tal-partijiet
87 Permezz ta’ dawn il-tliet partijiet tal-ewwel aggravju, R. Schräder essenzjalment jikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali peress li, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, hija kkonfermat il-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi “li l-esperjenza ‘tidher li teskludi’ li l-pjanti tal-varjetà SUMCOL 01 setgħu jaslu fil-ġnien privat ta’ E. van Jaarsveld”.
88 F’dan ir-rigward, permezz tat-tielet parti tal-aggravju, R. Schräder isostni li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza appellata huma żbaljati sa fejn huwa wera, mid-19 ta’ Awwissu 2003, li l-pjanti li jappartjenu għal din il-varjetà setgħu jinxtraw bil-posta fil-Ġermanja u li, fl-Afrika t’Isfel, l-imsemmija varjetà ma kinitx disponsibbli fil-kummerċ ortikolu iżda biss fil-ġnien privat ta’ E. van Jaarsveld. Barra minn hekk, R. Schräder iqis li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li huwa pproduċa sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-varjetà ta’ referenza kienet ġeneralment disponibbli fl-imxietel fl-Afrika t’Isfel.
89 Permezz tar-raba’ parti tal-aggravju, filwaqt li jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 84, 93 u 95 tas-sentenza appellata dwar il-kredibbiltà u l-imparzjalità ta’ E. van Jaarsveld, R. Schräder isostni li l-Qorti Ġenerali injorat il-provi li huwa pproduċa dwar ir-raġunijiet li E. van Jaarsveld kellu sabiex iwaqqaf milli l-varjetà SUMCOL 01 tibbenefika minn dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti.
90 Permezz tal-ħames parti tal-aggravju, huwa jsostni li, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat l-ispjegazzjoni tiegħu dwar il-“kredibbiltà” ta’ E. van Jaarsveld u dwar in-natura verosimili tad-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.
91 Min-naħa tiegħu, is-CPVO jqis li R. Schräder qed jikkontesta biss il-konstatazzjonijiet ta’ fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistħarreġ. Barra minn hekk, meta jallega li E. van Jaarsveld huwa kompetitur, R. Schräder qed iqajjem għall-ewwel darba dan l-argument fl-istadju tal-appell, u dan bi ksur tal-Artikolu 42 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
92 Peress li t-tielet, ir-raba’ u l-ħames partijiet tal-ewwel aggravju jittrattaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-preżenza tal-pjanta SUMCOL 01 fil-ġnien privat ta’ E. van Jaarsveld, fl-Afrika t’Isfel, hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien.
93 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li “l-argument ta’ [R. Schräder] intiż sabiex tiġi miċħuda t-teżi, adottata mill-Bord tal-Appell, li tgħid li l-esperjenza “tidher li teskludi” li pjanti tal-varjetà SUMCOL 01 setgħu jaslu fil-ġnien privat ta’ E. van Jaarsveld huwa, f’kull każ, ineffettiv”.
94 Din ir-risposta għal din il-parti tal-aggravju ma hija vvizzjata minn l-ebda żball ta’ liġi.
95 Fil-fatt, kif setgħet tikkonstata l-Qorti Ġenerali, anki jekk jitqies li jista’ jiġi stabbilit li l-varjetà SUMCOL 01 kienet preżenti fil-ġnien ta’ E. van Jaarsveld, fl-Afrika t’Isfel, dan il-fatt ma għandu l-ebda effett fuq il-konstatazzjonijiet xjentifiċi, li jipprovdu li d-differenzi li kienu jeżistu bejn din l-aħħar varjetà u l-pjanta miġjuba mill-ġnien ta’ E. van Jaarsveld, użata bħala l-varjetà ta’ referenza, konstatazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata inkwistjoni.
96 Għadaqstant, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames partijiet tal-aggravju eżaminat għandhom jiġu miċħuda u jitqiesu li huma ineffettivi.
Fuq is-sitt parti tal-aggravju, ibbażata fuq il-konstatazzjoni li l-varjetà ta’ referenza setgħet titqies li hija magħrufa sewwa.
– L-argumenti tal-partijiet
97 Permezz tas-sitt parti ta’ dan l-aggravju, R. Schräder essenzjalment jikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 90, 91, 68, 80 u 96 tas-sentenza appellata, sa fejn dawn jirrigwardaw il-popolarità tal-pjanti tal-ġnien privat ta’ E. van Jaarsveld, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 2100/94.
98 Għal dan l-għan, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi.
99 L-ewwel nett, R. Schräder isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-provi meta ppreżumiet b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, is-CPVO u l-Bundessortenamt kienu pparagunaw il-varjetà ta’ referenza ta’ E. van Jaarsveld mal-“varjetà” deskritta minn L. E. Codd, botanista mill-Afrika t’Isfel.
100 It-tieni nett, is-sentenza hija kontradittorja sa fejn, fil-punti 80 u 96 tas-sentenza appellata, hemm imsemmi li L. E. Codd iddeskriva “speċi” botanika msejħa Plectranthus ornatus filwaqt li l-punt 91 ta’ din is-sentenza jirreferi għal “varjetà” Plectranthus ornatus.
101 It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali estendiet is-suġġett tal-kawża minkejja li ddikjarat, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li s-CPVO ma setax jinvoka għall-ewwel darba quddiemha “varjetà” deskritta minn L. E. Codd inkwantu din tal-aħħar ma kinitx ġiet ikkunsidrata mill-Bord tal-Appell.
102 Is-CPVO jqis li din il-parti tal-aggravju invokat għandu nuqqas ta’ preċiżjoni u għalhekk għandha tiġi miċħuda skont l-Artikolu 112 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
103 Madankollu, huwa jsostni li l-varjetà ta’ referenza għandha titqies li hija magħrufa sewwa għaliex E. van Jaarsveld jikkonferma li din kienet diġà kkumerċjalizzata fl-Afrika t’Isfel fid-data meta applika għal dritt Komunitarju, li l-imsemmija pjanti nġiebu mingħand ħbieb tiegħu stess, li l-Qorti Ġenerali ġustament ivverifikat jekk il-“varjetà” kinitx magħrufa sewwa u mhux “l-ispeċi”, u li R. Schräder ma weriex li d-dispożittiv tas-sentenza kkontestata kien ikun differenti li kieku l-Qorti Ġenerali injorat il-letteratura xjentifika.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
104 It-tliet argumenti invokati insostenn ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju huma intiżi sabiex jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-varjetà ta’ referenza kienet magħrufa sewwa.
105 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni R. Schräder, fil-punt 91 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma pparagunax il-varjetà ta’ referenza prodotta minn E. van Jaarsveld mal-varjetà deskritta minn L. E. Codd, iżda li l-imsemmi bord ipparaguna biss l-imsemmija varjetà ta’ referenza mal-varjetà magħrufa fl-Afrika t’Isfel li tappartjeni għall-ispeċi Plectranthus ornatus. B’dan il-mod, hija riedet tiċħad l-argument ta’ R. Schräder li l-pjanta mibgħuta minn E. van Jaarsveld kienet pjanta iżolata li tinsab fil-ġnien tiegħu.
106 It-tieni nett, fir-rigward tal-kontradizzjoni li teżisti bejn il-punti 80, 81 u 91 tas-sentenza appellata, minħabba l-allegata konfużjoni bejn il-kunċetti “varjetà” u “speċi”, għandu jiġi kkonstatat li minn dawn il-punti ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali ma qisitx kif meħtieġ id-distinzjoni bejn l-imsemmija kunċetti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 80 tal-imsemmija sentenza, li Plectranthus ornatus hija speċi li tagħha hemm diversi varjetajiet u, fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal “varjetà tal-Afrika t’Isfel tal-ispeċi Plectranthus ornatus”.
107 Barra minn hekk, l-ebda kontradizzjoni ma tista’ tiġi rrilevata mis-sempliċi fatt li, kif R. Schräder isostni, il-Qorti Ġenerali ssuġġerixxiet b’mod żbaljat li L. E. Codd iddeskriva varjetà tal-Plectranthus ornatus minflok l-ispeċi korrispondenti fil-pubblikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura stess ta’ “speċi” hija li tkun ikkostitwita mill-varjetajiet differenti tagħha u, għalhekk, deskrizzjoni dettaljata ta’ tali speċi ma tistax tiġi faċilment separata mill-varjetajiet li din tinkludi.
108 It-tielet nett, peress li l-argument li joħroġ minn estensjoni tas-suġġett tal-kawża huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 91 tas-sentenza appellata, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.
109 Minn dan isegwi li s-sitt parti tal-aggravju eżaminat għandha tiġi miċħuda.
110 Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq it-tieni aggravju
111 Dan it-tieni aggravju jinqasam f’ħames partijiet.
Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet partijiet, ibbażati fuq kontradizzjonijiet, żbalji u ksur tad-dritt Komunitarju fir-rigward tal-fatt li pubblikazzjonijiet xjentifiċi ġew ikkunsidrati sabiex jiġi stabbilit il-fatt li l-varjetà ta’ referenza hija magħrufa sewwa
– L-argumenti tal-partijiet
112 Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, R. Schräder essenzjalment isostni, minn naħa, li, fil-punti 66, 80 u 96 sa 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha billi qieset li “l-varjetajiet l-iktar varji” setgħu jappartjenu għall-ispeċi botanika Plectranthus ornatus u billi ammettiet, b’mod definittiv, li d-deskrizzjonijiet li jidhru fil-pubblikazzjonijiet jikkorrispondu għad-deskrizzjoni ta’ “speċi” botanika. Fil-fatt, id-dokument TG/1/3 tal-UPOV, tad-19 ta’ April 2002, (iktar ’il quddiem id-“dokument TG/1/3”), jirreferri biss għad-deskrizzjoni “ta’ varjetà waħda” sabiex jevalwa l-popolarità tal-varjetà.
113 Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-portata tal-istħarriġ tagħha kif speċifikat fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta li tivverifika jekk l-ispeċi inkwistjoni kinitx diġà magħrufa billi tibbaża ruħha fuq deskrizzjoni dettaljata.
114 Is-CPVO jsostni din l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija sempliċement is-sitt parti tal-ewwel aggravju mtennija mill-ġdid.
115 Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, R. Schräder iqis li l-investigazzjoni tal-fatti magħmula kemm mis-CPVO kif ukoll mill-Bord tal-Appell u mill-Qorti Ġenerali kienet manifestament inkompleta inkwantu ma sarx paragun bejn l-espressjoni tal-karatteristiċi li jinsabu fil-pubblikazzjoni ta’ L. E. Codd u dik tal-varjetà li saret applikazzjoni għaliha.
116 Is-CPVO jirrileva li mhuwiex possibbli li fl-istadju tal-appell jiġi kkontestat l-eżami tal-fatti magħmula minnu stess jew mill-Bord tal-Appell.
117 Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, R. Schräder isostni li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprekludi, bħala regola ġenerali, li deskrizzjoni dettaljata ta’ varjetà li tidher f’pubblikazzjoni tiġi invokata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ varjetà li saret applikazzjoni għaliha. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti tat-2 ta’ Diċembru 1961, fil-verżjoni emendata tagħha tad-19 ta’ Marzu 1991, li tagħha l-Komunità Ewropea hija parti, ma żżommx iktar l-eżempju tad-deskrizzjoni dettaljata ta’ varjetà sabiex tiġġustifika l-popolarità ta’ din il-varjetà, u dan anki jekk dan ir-rekwiżit huwa espressament imsemmi fil-verżjoni emendata ta’ din il-konvenzjoni tat-23 ta’ Ottubru 1978. Konsegwentement, la l-Bord tal-Appell u lanqas il-Qorti Ġenerali ma setgħu jibbażaw ruħhom fuq id-deskrizzjoni li tidher fil-pubblikazzjoni ta’ L. E. Codd.
118 Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tagħti lill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 2100/94 tmur kontra l-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-varjetajiet ta’ pjanti, tinjora l-karatteristiċi partikolari tal-oġġett protett, li huwa kkostitwit minn materja ħajja, u tmur kontra d-duttrina.
119 Is-CPVO jindika li kull tip ta’ prova huwa ammissibbli sabiex isir eżami tal-popolarità tal-varjetà li saret applikazzjoni għaliha u li fir-Regolament Nru 2100/94 ma hemm l-ebda deroga.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
120 Permezz tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet partijiet tat-tieni aggravju, R. Schräder essenzjalment jikkontesta l-fatt li l-Qorti Ġenerali aċċettat li d-deskrizzjoni dettaljata ta’ varjetà li tidher f’pubblikazzjoni xjentifika tista’ tiġi kkunsidrata sabiex tiġġustifika l-popolarità ta’ varjetà fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 2100/94.
121 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi, sussidjarjament, għal-letteratura xjentifika biex tikkonferma d-dikjarazzjonijiet ta’ E. van Jaarsveld. Fil-punti 97 u 98 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont id-direttivi tal-UPOV u, b’mod partikolari, skont il-punt 5.2.2.1, “Popolarità”, tad-dokument TG/1/3 “il-pubblikazzjoni ta’ deskrizzjoni dettaljata hija, b’mod partikolari, waħda minn fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi stabbilita l-popolarità.” Fil-punt 99 tal-imsemmija sentenza, hija aċċettat li dan l-element jista’ wkoll jitqies skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 2100/94 u, fil-punt 100 tal-istess sentenza, hija ddeċidiet li l-Bord tal-Appell seta’ jieħu inkunsiderazzjoni d-deskrizzjonijiet dettaljati li jinsabu fix-xogħlijiet ta’ L. E. Codd sabiex jistabbilixxi l-popolarità tal-varjetà ta’ referenza.
122 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad kategorikament l-ilmenti kollha kontra motivi sussidjarji ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għaliex dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament tagħha u huma għalhekk ineffettivi (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2002, Hirschfeldt vs AEE, C‑184/01 P, Ġabra p. I‑10173, punt 48).
123 F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 96 sa 100 tas-sentenza appellata għandha natura sussidjarja meta mqabbla ma’ dik li tinsab fil-punti 89 sa 85 tal-imsemmija sentenza.
124 Minn dan isegwi li l-ewwel, it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni aggravju huma ineffettivi u għalhekk għandhom jiġu miċħuda.
Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat l-argumenti ta’ R. Schräder dwar il-ksur tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 2100/94
– L-argumenti tal-partijiet
125 R. Schräder isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat l-argument tiegħu bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 2100/94. Huwa jsostni li fil-punt 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li t-teżi tiegħu, spjegata fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, li s-CPVO kellu jirrikonoxxi li l-varjetà SUMCOL 01 kienet distinta b’mod ċar, kienet f’kontradizzjoni ċara mat-teżi minnu żviluppata, li tipprovdi li l-varjetà li saret applikazzjoni għaliha u l-varjetà ta’ referenza kienu fil-fatt l-istess u jikkostitwixxu varjetà waħda. L-allegata kontradizzjoni ma tistax tirriżulta peress li, jekk il-pjanti mibgħuta minn E. van Jaarsveld kienu jappartjenu għall-varjetà SUMCOL 01, ma kienx ikun hemm “varjetà ta’ referenza” sabiex id-distinzjoni inkwistjoni tiġi stabbilita.
126 Is-CPVO jitlob li din il-parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
127 Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kienet diġà ċaħdet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-premessa li fuqha jistrieħ l-argument ta’ R. Schräder li l-varjetà ta’ referenza u l-varjetà li saret applikazzjoni għaliha huma fil-fatt l-istess u jikkostitwixxu pjanta waħda.
128 Anki jekk wieħed kellu jqis li fil-punt 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-pożizzjoni ta’ R. Schräder kienet kontradittorja, minkejja li dan tal-aħħar ressaq, fil-kuntest tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 2100/94, motiv b’mod sussidjarju, għandu xorta waħda jiġi kkonstatat, madankollu, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv għar-raġunijiet irriprodotti fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li R. Schräder ma kkritikax.
129 Għaldaqstant, hemm lok li r-raba’ parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda.
Fuq il-ħames parti tal-aggravju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Heine fis-seduta
– L-argumenti tal-partijiet
130 R. Schräder isostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 60(1) u 15(2) tar-Regolament Nru 1239/95 meta eżaminat, fil-punti 129 sa 132 tas-sentenza appellata, il-kundizzjonijiet li fihom Heine pparteċipat fis-seduta quddiem il-Bord tal-Appell.
131 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa jispeċifika li l-Qorti Ġenerali ma tatx biżżejjed importanza lill-fatt li kien hemm bżonn ta’ deċiżjoni li tordna miżura ta’ ġbir ta’ provi sabiex jinstema’ parti fil-proċedimenti, it-tieni nett, li l-Qorti Ġenerali indikat b’mod żbaljat li Heine kienet aġent tas-CPVO meta fil-fatt kienet impjegata tal-Bundessortenamt u, it-tielet nett, li la s-CPVO u lanqas il-Bord tal-Appell ma wrew li r-rekwiżiti ta’ rappreżentanza legali tas-CPVO minn Heine kienu ġew sodisfatti.
132 Is-CPVO jsostni li s-sejħiet li huwa għamel għall-finijiet tas-seduta tat-30 ta’ Mejju 2005 kienu regolari. Huwa biss il-President tas-CPVO li għandu jiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni tiegħu u għalhekk dwar il-parteċipazzjoni ta’ Heine, li pparteċipat fit-tħejjija tad-deċiżjoni ta’ rifjut.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
133 Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li mill-verbal tas-seduta tal-Bord tal-Appell jirriżulta li Heine dehret quddiem dan tal-aħħar bħala aġent tas-CPVO u mhux bħala xhud jew espert.
134 Għaldaqstant, ladarba Heine għandha titqies li hija aġent tas-CPVO, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 60(1) u 15(1) tar-Regolament Nru 1239/95 ma jistgħux jiġu utilment invokati.
135 Fil-fatt, skont l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 2100/94, ladarba s-CPVO kien parti fil-proċedura għat-tressiq ta’ kawża u Heine l-aġent tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 1239/95 meta ddeċidiet, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li l-preżenza tagħha fis-seduta ma kinitx teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżura ta’ ġbir ta’ provi fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.
136 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat li, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1239/95, l-atti mwettqa minn Heine, skont it-termini tal-ftehim konkluż bejn is-CPVO u l-Bundessortenamt dwar l-eżami tekniku, għandhom il-kwalità ta’ atti tas-CPVO li jistgħu jiġu kkontestati minn terzi.
137 Minn dan isegwi li l-ħames parti tal-aggravju eżaminat għandha tiġi miċħuda.
138 Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
139 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
140 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li R. Schräder tilef il-kawża, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mis-CVPA.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) R. Schräder huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.