Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0091

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta' April 2010.
Wall AG vs La ville de Francfort-sur-le-Main u Frankfurter Entsorgungs- und Service (FES) GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Frankfurt am Main - il-Ġermanja.
Konċessjonijiet ta’ servizzi - Proċedura għall-għoti - Obbligu ta’ trasparenza - Bidla sussegwenti ta’ subappaltatur.
Kawża C-91/08.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:182

Kawża C-91/08

Wall AG

vs

Stadt Frankfurt am Main

u

Frankfurter Entsorgungs- und Service (FES) GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Frankfurt am Main)

“Konċessjonijiet ta’ servizzi — Proċedura għall-għoti — Obbligu ta’ trasparenza — Bidla sussegwenti ta’ subappaltatur”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Konċessjoni ta’ servizz pubbliku — Trattament ugwali — Obbligu ta’ trasparenza — Emenda sostanzjali ta’ kuntratt ta’ konċessjoni matul il-perijodu ta’ validità

(Artikoli 43 KE u 49 KE)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Konċessjoni ta’ servizz pubbliku — Trattament ugwali — Obbligu ta’ trasparenza — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae

(Artikoli 43 KE u 49 KE)

3.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Konċessjoni ta’ servizz pubbliku — Trattament ugwali — Obbligu ta’ trasparenza — Effett dirett — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet individwali li jirriżultaw mill-obbligu ta’ trasparenza — Applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali

(Artikoli 43 KE u 49 KE)

1.        Meta emendi fid‑dispożizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi jkollhom karatteristiċi sostanzjalment differenti minn dawk li kienu ġġustifikaw l‑għoti tal‑kuntratt ta’ konċessjoni inizjali u jkunu, għaldaqstant, ta’ natura li juru r‑rieda tal‑partijiet li jinnegozjaw mill‑ġdid it‑termini essenzjali ta’ dan il‑kuntratt, ikun hemm lok li jiġu adottati, skont is‑sistema legali interna tal‑Istat Membru kkonċernat, il‑miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi stabbilita mill‑ġdid it‑trasparenza fil‑proċedura, inkluż proċedura għall‑għoti ġdida. Jekk ikun il‑każ, il‑proċedura għall‑għoti ġdida għandha tiġi organizzata skont modalitajiet aġġustati għall‑karatteristiċi speċifiċi tal‑konċessjoni ta’ servizzi inkwistjoni u għandha tippermetti li impriża stabbilita fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor ikun jista’ jkollha aċċess għal informazzjoni adegwata dwar din il‑konċessjoni qabel ma din tingħata.

Fl‑istat attwali tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi ma huma rregolati minn ebda waħda mid‑direttivi li permezz tagħhom il‑leġiżlatur tal‑Unjoni rregola l‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi. Madankollu, l‑awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu tali kuntratti huma obbligati jirrispettaw ir‑regoli fundamentali tat‑Trattat, b’mod partikolari l‑Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom. Dan l‑obbligu ta’ trasparenza japplika fl‑eventwalità li l‑konċessjoni ta’ servizzi kkonċernata tista’ tinteressa lil impriża li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak li fih tingħata din il‑konċessjoni.

L‑emenda ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi matul il‑perijodu ta’ validità tiegħu tista’ titqies bħala sostanzjali meta tintroduċi kundizzjonijiet li, li kieku kienu preżenti fil‑proċedura għall‑għoti inizjali, kienu jippermettu l‑ammissjoni ta’ offerenti differenti minn dawk inizjalment ammessi jew kienu jippermettu li tintlaqa’ offerta differenti minn dik inizjalment magħżula. Bidla ta’ subappaltatur, anki meta l‑possibbiltà ta’ tali bidla tkun prevista fil‑kuntratt, tista’, f’każijiet eċċezzjonali, tikkostitwixxi tali emenda ta’ wieħed mill‑elementi essenzjali tal‑kuntratt ta’ konċessjoni meta l‑użu ta’ subappaltatur minflok ieħor kien, fid‑dawl tal‑karatteristiċi speċifiċi tal‑prestazzjoni inkwistjoni, element determinanti tal‑konklużjoni tal‑kuntratt, ħaġa din li għandha tiġi vverifikata mill‑qorti tar‑rinviju.

(ara l-punti 33, 34, 38, 39, 43, u d-dispożittiv 1)

2.        Meta impriża li tkun ingħatat konċessjoni tikkonkludi kuntratt dwar servizzi li jaqgħu fil‑portata tal‑konċessjoni mogħtija lilha minn awtorità reġjonali jew lokali, l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll mill‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, ma japplikax jekk din l‑impriża:

- kienet ġiet inkorporata minn din l‑awtorità reġjonali jew lokali għall‑finijiet tar‑rimi tal‑iskart u tat‑tindif tat‑toroq iżda topera wkoll fis‑suq;

- hija miżmuma, sa livell ta’ 51 %, mill‑imsemmija awtorità reġjonali jew lokali iżda d‑deċiżjonijiet amministrattivi ma jistgħux jiġu adottati mingħajr maġġoranza ta’ tliet kwarti tal‑voti tal‑laqgħa ġenerali ta’ din l‑impriża;

- ikollha biss kwart mill‑membri tal‑bord ta’ superviżjoni, inkluż il‑president ta’ dan il‑bord, maħtura minn din l‑istess awtorità reġjonali jew lokali, u

- takkwista iktar min‑nofs id‑dħul mill‑bejgħ tagħha minn kuntratti sinallagmatiċi dwar ir‑rimi tal‑iskart u t‑tindif tat‑toroq fit‑territorju tal‑imsemmija awtorità reġjonali jew lokali, kuntratti li din tal‑aħħar tiffinanzja permezz tat‑taxxi lokali mħallsa mir‑residenti fit‑territorju tagħha.

Fil-fatt, sabiex jiġi stabbilit jekk kumpannija b’kapital kemm pubbliku u privat tistax tiġi ekwiparata għal awtorità pubblika marbuta mill‑obbligu ta’ trasparenza, għandu jsir riferiment għal ċerti aspetti tad‑definizzjoni tal‑kunċett ta’ “awtorità kontraenti” li tinsab fl‑Artikolu 1(b) tad‑Direttiva 92/50, dwar il‑kuntratti pubbliċi għal servizzi, sa fejn dawn l‑aspetti jissodisfaw ir‑rekwiżiti stabbiliti mill‑applikazzjoni tal‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE għall‑konċessjonijiet ta’ servizzi. Dawn l‑artikoli tal‑aħħar u l‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, għandhom għanijiet identiċi għal dawk tad‑direttiva msemmija, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑moviment liberu tas‑servizzi u l‑ftuħ għal kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fl‑Istati Membri. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk humiex sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li l‑impriża kkonċernata hija effettivament ikkontrollata mill‑Istat jew minn awtorità pubblika oħra u, min‑naħa l‑oħra, li din l‑impriża ma toperax f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis‑suq.

(ara l-punti 47-49, 60, u d-dispożittiv 2)

3.        Il‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, stabbiliti fl‑Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, ma jobbligawx lill‑awtoritajiet nazzjonali jxolju kuntratt u lanqas lill‑qrati nazzjonali jagħtu ordni f’kull każ ta’ allegat ksur ta’ dan l‑obbligu fl‑għoti ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi. Hija s‑sistema legali interna li għandha tirregola r‑rimedji legali maħsuba sabiex tiġi żgurata l‑protezzjoni tad‑drittijiet li l‑individwi jgawdu taħt dan l‑obbligu, b’tali mod li dawn ir‑rimedji ma jkunux inqas favorevoli mir‑rimedji legali simili ta’ natura interna u lanqas ma jagħmlu l‑eżerċizzju ta’ dawn id‑drittijiet prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

L‑obbligu ta’ trasparenza jirriżulta direttament mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE, li għandhom effett dirett fis‑sistemi legali interni tal‑Istati Membri u għandhom preċedenza fuq kull dispożizzjoni kuntrarja tad‑dritt nazzjonali. Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tagħti lil‑liġi nazzjonali li hija għandha tapplika, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar‑rekwiżiti tad‑dritt tal‑Unjoni u li tippermetti, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l‑osservanza tal‑obbligu ta’ trasparenza.

(ara l-punti 70, 71, u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ April 2010 (*)

“Konċessjonijiet ta’ servizzi – Proċedura għall‑għoti – Obbligu ta’ trasparenza – Bidla sussegwenti ta’ subappaltatur”

Fil‑Kawża C‑91/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mil‑Landgericht Frankfurt am Main (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2008, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2008, fil‑proċedura

Wall AG

vs

Stadt Frankfurt am Main,

Frankfurter Entsorgungs‑ und Service (FES) GmbH,

fil‑preżenza ta’:

Deutsche Städte Medien (DSM) GmbH,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann, J. Malenovský, A. Arabadjiev u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tad‑9 ta’ Ġunju 2009,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Wall AG, minn H.‑J. Otto, avukat, kif ukoll minn C. Friese u R. von zur Mühlen, Justitiare,

–        għall‑iStadt Frankfurt am Main, minn L. Horn u J. Sommer, avukati, kif ukoll minn B. Weiß, Justitiar,

–        għal Frankfurter Entsorgungs‑ und Service (FES) GmbH, minn H. Höfler, avukat,

–        għal Deutsche Städte Medien (DSM) GmbH, minn F. Hausmann u A. Mutschler‑Siebert, avukati,

–        għall‑Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Olandiż, minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes‑Purokoski, bħala aġent,

–        għall‑Gvern tar‑Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn J. Coppel, barrister,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn D. Kukovec, B. Schima u C. Zadra, bħala aġenti,

–        għall‑Awtorità ta’ Sorveljanza tal‑EFTA, minn N. Fenger u B. Alterskjær, kif ukoll minn L. Armati, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l‑interpretazzjoni tal‑Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE, tal‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, kif ukoll tal‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, fil‑konfront tal‑għoti ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi.

2        Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn Wall AG (iktar ’il quddiem “Wall”) u l‑iStadt Frankfurt am Main (iktar ’il quddiem l-“iStadt Frankfurt” dwar l‑għoti ta’ konċessjoni ta’ servizzi marbuta mal‑esplojtazzjoni u l‑manutenzjoni ta’ ċerti latrini pubbliċi fit‑territorju ta’ din il‑belt.

 Il‑kuntest ġuridiku

3        Id‑Direttiva tal‑Kummissjoni 80/723/KEE, tal‑25 ta’ Ġunju 1980, fuq it‑trasparenza fir‑relazzjonijiet finanzjarji bejn l‑Istati Membri u l‑impriżi pubbliċi kif ukoll fuq it‑trasparenza finanzjarja f’ċerti impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 20), kif emendata bid‑Direttiva tal‑Kummissjoni 2000/52/KE, tas‑26 ta’ Lulju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 11), tipprovdi, fl‑Artikolu 2 tagħha:

“1.      Għall‑iskop ta’ din id‑Direttiva:

[…]

(b)      ‘impriża pubblika’ tfisser kull impriża li fiha l‑awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis‑saħħa tal‑pussess li għandhom fiha, il‑parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir‑regoli li jirregolawha;

[…]

2.      Influenza dominanti mill‑parti ta’ l‑awtoritajiet pubbliċi tkun meqjusa meta dawn l‑awtoritajiet, direttament jew indirettament rigward impriżi:

(a)      ikollhom il‑biċċa l‑kbira tal‑kapital sottoskritt ta’ l‑impriżi; jew

(b)      jikkontrollaw il‑maġġoranza tal‑voti marbutin ma’ l‑azzjonijiet maħruġa mill‑impriżi; jew

(ċ)       jistgħu jaħtru iktar minn nofs il‑membri tal‑korp amministrattiv, tat‑tmexxija jew tas‑superviżuri ta’ l‑impriżi.”

4        Skont l‑Artikolu 1(b) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 92/50/KEE, tat‑18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal‑koordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti tas‑servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), kif emendata bid‑Direttiva tal‑Kummissjoni 2001/78/KE, tat‑13 ta’ Settembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 94, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 92/50”):

“b)       l‑awtoritajiet kontraenti għandhom ifissru l‑Istat, l‑awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil‑liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l‑awtoritajiet jew korpi regolati mil‑liġi pubblika.

Korp irregolat mil‑liġi pubblika jfisser kwalunkwe korp:

—       stabbilit għall‑iskop speċifiku li jissodisfa bżonnijiet fl‑interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali, u

—       li jkollu personalità ġuridika u

—       iffinanzjat, fil‑parti l‑kbira, mill‑Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil‑liġi pubblika; jew soġġett għal sorveljanza ta’ amministrazzjoni minn dawk il‑korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, li iktar minn nofs il‑membri tiegħu jkunu maħtura mill‑Istat, mill‑awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mil‑liġi pubblika.

[…]”

5        L‑Artikolu 17 tad‑Direttiva 2004/18/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, provvisti u servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall‑applikazzjoni ta’ l‑Artikolu 3, din id‑Direttiva m’għandhiex tapplika għal konċessjonijiet ta’ servizz kif definit fl‑Artikolu 1(4).”

6        L‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 80(1) tad‑Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“L‑Istati Membri għandhom idaħħlu fis‑seħħ il‑liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji li jikkonformaw ma’ din id‑Direttiva mhux aktar tard mill‑31 ta’ Jannar 2006. Huma għandhom minnufih jinfurmaw il‑Kummissjoni tagħhom [dwarhom].”

7        Skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 82 ta’ din id‑direttiva:

“Id‑Direttiva 92/50/KEE, ħlief għall‑Artikolu 41 tagħha, u d‑Direttivi 93/36/KEE u 93/37/KEE għandhom jiġu mibdula b’effett mid‑data esibita fl‑Artikolu 80, mingħajr preġudizzju għall‑obbligazzjonijiet ta’ l‑Istati Membri li jikkonċernaw l‑iskadenzi għat‑trasposizzjoni u l‑applikazzjoni ddikjarati fl‑Anness XI.”

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8        Wall tiġġestixxi spazji pubbliċitarji fit‑toroq u f’postijiet pubbliċi u, għal dan il‑għan, hija twettaq attivitajiet, b’mod partikolari, ta’ produzzjoni, installazzjoni, manutenzjoni u tindif ta’ latrini pubbliċi.

9        Frankfurter Entsorgungs‑ und Service GmbH (iktar ’il quddiem “FES”) hija kumpannija b’responsabbiltà limitata, persuna ġuridika taħt id‑dritt privat, li skont l‑istatut tagħha l‑attivitajiet tagħha jikkonċernaw ir‑rimi u l‑ġestjoni tal‑iskart, it‑tindif urban kif ukoll is‑sigurtà taċ‑ċirkolazzjoni, attivitajiet li hija twettaq f’isem awtoritajiet pubbliċi u persuni privati. L‑iStadt Frankfurt għandha sehem ta’ 51 % f’FES, filwaqt li d‑49 % l‑oħra huma miżmuma minn impriża privata. Id‑deċiżjonijiet ta’ FES huma adottati mil‑laqgħa ġenerali b’maġġoranza ta’ tliet kwarti mill‑voti f’din il‑laqgħa. Minn fost is‑sittax‑il membru tal‑bord ta’ superviżjoni ta’ FES, nofshom huma maħtura mid-detenturi tal-ishma. L‑impjegati jaħtru tmien membri u kull wieħed miż‑żewġ detenturi msemmija jaħtar erba’ membri. L‑iStadt Frankfurt għandha d‑dritt tipproponi kandidat għall‑pożizzjoni ta’ president tal‑bord ta’ superviżjoni, li l‑vot tiegħu jkun vot deċiżiv fil‑każ li n‑numru ta’ voti jkunu ndaqs. FES timpjega madwar 1 400 impjegat, u madwar 800 minnhom huma assenjati għal attivitajiet li jikkonċernaw l‑iStadt Frankfurt.

10      FES għandha dħul mill‑bejgħ nett ta’ EUR 92 miljun minn attivitajiet marbuta mal‑iStadt Frankfurt u ta’ EUR 52 miljun minn attivitajiet marbuta ma’ persuni oħra rregolati mid‑dritt pubbliku u mid‑dritt privat. Id‑dħul mill‑bejgħ nett miksub minn FES minn attivitajiet marbuta mal‑iStadt Frankurt fl‑2005, EUR 51.3 miljuni kienu minn rimi ta’ skart u EUR 36.2 miljuni mit‑tindif urban.

11      Fit‑18 ta’ Diċembru 2002, l‑iStadt Frankfurt nediet sejħa, permezz ta’ “pubblikazzjoni volontarja fuq livell tal‑Unjoni Ewropea” li dehret fil‑ġurnal uffiċjali ta’ din il‑belt, għal kandidaturi għal kompetizzjoni dwar kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi marbut mal‑esplojtazzjoni, il‑manutenzjoni, il‑manutenzjoni ta’ kuljum u t‑tindif ta’ ħdax‑il lattrina pubblika urbana għal perijodu ta’ sittax‑il sena. Tnejn minn dawn il‑ħdax‑il lattrina, jiġifieri dawk li jinsabu fl‑istazzjonijiet ferrovjarji ta’ Rödelheim u ta’ Galluswarte, kellhom jinbnew mill‑ġdid. Il‑korrispettiv għal dawn is‑servizzi kien limitat għad‑dritt li jintalab ħlas għall‑użu ta’ dawn il‑faċilitajiet kif ukoll għad‑dritt li jiġu esplojtati, matul il‑perijodu tal‑kuntratt, l‑ispazji pubbliċitarji li jinsabu fuq u ġewwa l‑lattrini kif ukoll f’postijiet pubbliċi oħra fit‑territorju tal‑iStadt Frankfurt.

12      Fl‑4 ta’ Lulju 2003, l‑iStadt Frankfurt stiednet lill‑impriżi interessati sabiex jagħmlu offerta. Ma’ din l‑istedina kien anness abbozz ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi, li l‑Artikoli 18(2) u 30(4) tiegħu kienu jipprovdu li bidla ta’ subappaltatur kienet awtorizzata biss bil-kunsens ta’ din il‑belt.

13      Wall, FES u tliet impriżi oħra, li wkoll huma stabbiliti fil‑Ġermanja, ippreżentaw offerti.

14      Mid‑deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta li, fl‑abbozz imħejji minn FES għall‑offerta tagħha, din l‑impriża tat l‑indikazzjonijiet segwenti: “Punti preliminari – [...] Is‑sejħa għal offerta [tal‑iStadt Frankfurt] tagħti lil FES il‑possibbiltà li ġġedded, permezz ta’ soċju kapaċi u ta’ esperjenza bħal [Wall], kemm il‑materjal kif ukoll in‑netwerk ta’ provvista tal‑latrini pubbliċi, kif ukoll li tippreżenta finanzjament mill‑ġdid realista u responsabbli fil‑konfront tal‑impjegati [...]. Galluswarte – [...] Bi ftehim mal‑awtoritajiet, City‑WC kompletament awtomatizzat ta’ [Wall] ser jiġi integrat fil‑pont tat‑trenn suburban [...]. Stazzjoni ta’ Rödelheim – Peress li l‑latrini tal‑istazzjonijiet ferrovjarji ta’ Rödelheim ser jiġu distrutti fil‑kuntest tal‑arranġament mill‑ġdid tal‑lokal, City‑WC kompletament awtomatizzat ta’ [Wall] ser jiġi integrat, inkonformità mal‑pjanti eżistenti [...]. Proġett fil‑qasam tas‑sigurtà – [...] Is‑City‑WC’s għandhom mekkaniżmu ta’ tindif kompletament awtomatiku. Proġett fil‑qasam pubbliċitarju – [...] Il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑ispazji pubbliċitarji hija operata permezz ta’ soċju ta’ FES, [Wall], speċjalist fil‑qasam pubbliċitarju li għandu ħafna esperjenza u li huwa attiv mad‑dinja kollha [...]. Mezzi pubbliċitarji użati – Ser jintużaw il‑prodotti moderni u estetiċi ta’ [Wall] [...]”

15      Wall hija proprjetarja ta’ diversi privattivi li jikkonċernaw il‑funzjonament tas‑“City‑WC”.

16      Fit‑18 ta’ Marzu 2004, Wall ġiet eskluża mill‑proċedura għall‑għoti, u l‑offerta tagħha ġiet miċħuda.

17      Fid‑9 ta’ Ġunju 2004, il‑konċessjoni ngħatat lil FES. Kuntratt korrispondenti ġie konkluż bejn din tal‑aħħar u l‑iStadt Frankfurt fl‑20 u t‑22 ta’ Lulju 2004, u huwa validu sal‑31 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem il‑“kuntratt ta’ konċessjoni”). Skont id‑deċiżjoni tar‑rinviju, il‑proġetti ta’ FES li rriżultaw min‑negozjati kienu s‑suġġett ta’ ftehim integrat f’dan il‑kuntratt. Madankollu, fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha, l‑iStadt Frankfurt issostni li l‑informazzjoni inkluża fil‑proġett ta’ FES ma ġietx integrata fil‑kontenut tal‑kuntratt ta’ konċessjoni. L‑unika ħaġa li ġiet integrata kienet l‑indikazzjoni ta’ Wall fost is‑subappaltaturi ta’ FES.

18      Mill‑eżami tat‑test tal‑kuntratt ta’ konċessjoni, li ġie ppreżentat flimkien mal‑proċess nazzjonali, jirriżulta li Wall hija identifikata bħala subappaltatur mingħajr ma ġew inklużi dettalji oħra dwar il‑prodotti jew is‑servizzi tagħha f’dan il‑kuntratt.

19      L‑Artikolu 18(2) tal‑kuntratt ta’ konċessjoni jipprovdi li FES għandha twettaq ix‑xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal‑latrini pubbliċi permezz tar‑riżorsi tagħha stess u/jew permezz ta’ subappaltaturi, li fosthom tissemma Wall. Din id‑dispożizzjoni tipprovdi li bidla ta’ subappaltatur tista’ ssir biss fuq awtorizzazzjoni bil‑miktub mill‑iStadt Frankfurt.

20      L‑Artikolu 30(4) tal‑istess kuntratt jippreċiża li Wall hija s‑subappaltatur ta’ FES għas‑servizzi pubbliċitarji koperti mill‑konċessjoni kkonċernata. Skont din id‑dispożizzjoni, bidla ta’ subappaltatur hija permessa biss fuq awtorizzazzjoni bil‑miktub mill‑iStadt Frankfurt.

21      Fil‑5 ta’ Jannar 2005, Wall ġiet mistiedna minn FES sabiex tippreżenta offerta għas‑servizzi pubbliċitarji li kienu s‑suġġett tal‑konċessjoni mogħtija lil din tal‑aħħar. FES stiednet ukoll lill‑impriża Deutsche Städte Medien GmbH (iktar ’il quddiem “DSM”) sabiex tissottometti tali offerta.

22      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Ġunju 2005, FES għalhekk talbet lill‑iStadt Frankfurt tagħti l‑kunsens tagħha għal bidla ta’ subappaltatur favur DSM fir‑rigward tal‑użu tal‑materjal pubbliċitarju. Din il‑belt tat il‑kunsens tagħha għal din il‑bidla ta’ subappaltatur fil‑21 ta’ Ġunju 2005.

23      FES attribwiet is‑servizzi msemmija lil DSM u, fil‑21 ta’ Ġunju 2005, hija kkonkludiet ma’ din tal‑aħħar kuntratt li kien jipprevedi l‑ħlas, minn DSM lil FES, ta’ remunerazzjoni annwali ta’ EUR 786 206.

24      Fit‑28 ta’ Lulju 2005, FES talbet offerta dwar il‑provvista ta’ żewġ “Wall‑City‑WC”. Wall issottomettiet offerta, iżda fis‑7 ta’ Settembru 2005, hija ġiet informata minn FES li din tal‑aħħar kienet irċeviet offerta iktar kompetittiva u li, għaldaqstant, FES ma setgħatx tieħu inkunsiderazzjoni l‑offerta ta’ Wall.

25      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Ottubru 2005, FES talbet lill‑iStadt Frankfurt tagħti l‑kunsens tagħha għal bidla ta’ subappaltatur, inkonformità mal‑kuntratt ta’ konċessjoni, sabiex dawn il‑latrini pubbliċi ma jiġux pprovduti minn Wall iżda minn kumpanniji oħra.

26      Fid‑19 ta’ Diċembru 2005, l‑iStadt Frankfurt wieġbet lil FES li ma kienx meħtieġ li l‑kwistjoni tal‑bidla tal‑appaltatur għal‑latrini pubbliċi titressaq quddiemha peress li fil‑fehma tagħha FES xtaqet li, minn dak il‑mument, twettaq ix‑xogħlijiet permezz tar‑riżorsi tagħha stess u taħt ir‑responsabbiltà tagħha biss. L‑iStadt Frankfurt ħadet din l‑opportunità sabiex tippreċiża li hija kienet qiegħda tikkunsidra li r‑rekwiżiti deskritti fid‑dokumenti kuntrattwali kienu ser jiġu osservati.

27      Wall ippreżentat rikors quddiem il‑qorti tar‑rinviju fejn talbet li dik il‑qorti tordna lil FES tastjeni, minn naħa, milli teżegwixxi l‑kuntratt fir‑rigward tas‑servizzi pubbliċitarji konkluż ma’ DSM u, min‑naħa l‑oħra, milli tikkonkludi ma’ terzi u/jew milli teżegwixxi kuntratt dwar il‑bini ta’ żewġ latrini pubbliċi li kellhom jinbnew mill‑ġdid. Wall talbet ukoll li l‑iStadt Frankfurt tiġi ordnata tastjeni milli tagħti l‑kunsens tagħha għall‑konklużjoni ta’ kuntratt bejn FES u parti li ma tkunx Wall stess fir‑rigward tal‑bini ta’ dawn iż‑żewġ lattrini pubbliċi. Sussidjarjament, Wall talbet li l‑iStadt Frankfurt u FES jiġu kkundannati, in solidum, iħallsuha s-somma ta’ EUR 1 038 682.12, bl‑interessi.

28      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Landgericht Frankfurt am Main iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-prinċipju Komunitarju ta’ non-diskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza, stabbiliti mill-Artikoli 12, 43 u 49 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dmirijiet ta’ trasparenza li jirriżultaw minnhom għall-awtoritajiet pubbliċi u li jikkonsistu fil-ftuħ, għall-għoti tal-konċessjonijiet ta’ servizzi, tal-kompetizzjoni b’livell ta’ reklamar xieraq u li jippermetti l-kontroll ta’ l-imparzjalità tal-proċedura ta’ għoti (ara s‑sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C‑324/98, Ġabra p. I‑10745, punti 60 sa 62; tal‑21 ta’ Lulju 2005, Coname, C‑231/03, Ġabra p. I‑7287, punti 17 sa 22; tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punti 46 sa 50; tas‑6 ta’ April 2006, ANAV, C‑410/04, Ġabra p. I‑3303, punt 21; u tat‑13 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑260/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra [Ġabra p. I‑7083], punt 24) jeżiġu li d-dritt nazzjonali għandu jagħti lill-offerent li l-offerta tiegħu ma tintlaqax id-dritt li jikseb inġunzjoni [ordni] sabiex jipprevjeni ksur imminenti ta’ dawn id-dmirijiet u/jew sabiex tali ksur jiġi mitmum?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari: id-dmirijiet ta' trasparenza fuq imsemmija jirriżultaw mid-dritt konswetudinarju tal-Komunitajiet Ewropej fis-sens li huma diġà applikati b’mod kostanti u kontinwu, uniformi u ġeneriku, u rikonoxxuti bħala regoli vinkolanti mis-suġġetti għad-dritt ikkonċernati?

3)      Id-dmirijiet ta’ trasparenza msemmija fl-ewwel domanda preliminari jimponu wkoll, meta hija prevista emenda għal kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi - inkluż meta din l-emenda hija intiża għall-bdil ta’ sub-kuntrattur [subappaltatur] speċifiku, li kien hemm enfażi fuqu matul il-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt -, li n-negozjati jinfetħu mill-ġdid għall-kompetizzjoni bil-garanzija ta’ livell ta’ reklamar xieraq u, jekk ikun il-każ, skond liema metodi għandu jiġi mwettaq tali ftuħ għall-kompetizzjoni?

4)      Il-prinċipji u d-dmirijiet ta’ trasparenza msemmija fl-ewwel domanda preliminari għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas fir-rigward tal-konċessjoni ta’ servizzi, il-kuntratt konkluż wara dan in-nuqqas u li huwa intiż sabiex joħloq jew jemenda obbligu ta’ teriminu mhux definit għandu jiġi xolt?

5)      Il-prinċipji u d-dmirijiet ta’ trasparenza msemmija fl-ewwel domanda preliminari u l-Artikolu 86(1) KE, meħuda flimkien, jekk ikun il-każ ma’ l-Artikolu 2(1)(b) u (2) tad-Direttiva tal-Kummissjoni [80/723] u l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva [2004/18] għandhom jiġu interpretati fis-sens li impriża, inkwantu impriża pubblika jew awtorità aġġudikatriċi [kontraenti], hija suġġetta għal dawn id-dmirijiet ta’ trasparenza meta:

–        hija ġiet stabbilita minn awtorità reġjonali [jew lokali] għar-rimi ta’ l-iskart u għat-tindif tat-toroq, iżda li hija wkoll attiva fis-suq liberu;

–        hija l-propjetà ta’ din l-awtorità reġjonali [jew lokali] għal 51 %, iżda d-deċiżjonijiet ta’ tmexxija jistgħu jiġu adottati biss b’maġġoranza ta’ tliet kwarti;

–        din l-awtorità reġjonali [jew lokali] taħtar biss kwart tal-membri tal-kunsill [bord] ta’ superviżjoni ta’ l-impriża in kwistjoni, inkluż il-president tal-kunsill [bord] ta’ superviżjoni; u meta

–        iktar min-nofs id-dħul mill-bejgħ tagħha ġej minn kuntratti bilaterali dwar r-rimi ta’ l-iskart u t-tindif tat-toroq fuq it-territorju ta’ din l-awtorità reġjonali [jew lokali], li tiffinanzjahom permezz tat-taxxi lokali mħallsa mir-residenti tagħha?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Osservazzjoni preliminari

29      Il‑proċeduri fil‑kawża prinċipali jikkonċernaw żewġ avvenimenti, jiġifieri, minn naħa, id‑deċiżjoni li permezz tagħha FES bidlet subappaltatur għas‑servizzi pubbliċitarji li kienu s‑suġġett tal‑konċessjoni mogħtija lil din tal‑aħħar mill‑iStadt Frankfurt, bil‑kuntratt li kkonferma din il‑bidla konkluż, bil‑ftehim ta’ din tal‑aħħar, fil‑21 ta’ Ġunju 2005, u, min‑naħa l‑oħra, l‑intenzjoni ta’ FES li tattribwixxi l‑bini mill‑ġdid ta’ żewġ latrini pubbliċi lil operatur ieħor minflok lil Wall. Din l‑intenzjoni ntweriet f’ittra tal‑10 ta’ Ottubru 2005 li permezz tagħha FES talbet lill‑iStadt Frankfurt tagħti l‑kunsens tagħha għal bidla ta’ subappaltatur għal dan is‑servizz. Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Diċembru 2005, din il‑belt wieġbet lil FES u informatha li ma kienx meħtieġ li l‑kwistjoni tal‑bidla tal‑appaltatur għal‑latrini pubbliċi titressaq quddiemha peress li fil‑fehma tagħha FES xtaqet li, minn dak il‑mument, twettaq ix‑xogħlijiet permezz tar‑riżorsi tagħha stess u taħt ir‑responsabbiltà tagħha biss. Fid‑deċiżjoni tar‑rinviju din it‑tweġiba hija interpretata fis‑sens li l‑iStadt Frankfurt tat il‑kunsens tagħha għall‑bidla ta’ subappaltatur għall‑provvista ta’ żewġ latrini pubbliċi. Fid‑dawl ta’ din l‑interpretazzjoni, għall‑finijiet tal‑eżami tat‑talba għal deċiżjoni preliminari, id‑data li għandha tittieħed bħala d‑data ta’ referenza hija d‑19 ta’ Diċembru 2005, id‑data tal‑ittra li permezz tagħha l‑iStadt Frankfurt hija meqjusa li tat il‑kunsens tagħha għall‑bidla ta’ subappaltatur mitluba minn FES.

 Fuq it‑tielet domanda

30      Permezz tat‑tielet domanda tagħha, li għandha tiġi kkunsidrata fl‑ewwel lok, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk il‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, stabbiliti fl‑Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, jeżiġux, meta tkun prevista emenda għal kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi – inkluż meta din l‑emenda hija intiża għall‑bdil ta’ subappaltatur speċifiku, li kien hemm enfażi fuqu matul il‑proċedura għall‑għoti tal‑kuntratt –, li n‑negozjati jinfetħu mill‑ġdid għall‑kompetizzjoni bil‑garanzija ta’ livell ta’ pubblikazzjoni xieraq u, jekk ikun il‑każ, skont liema metodi għandu jitwettaq tali ftuħ għall‑kompetizzjoni.

31      Din id‑domanda tikkonċerna l‑applikazzjoni tar‑regoli u l‑prinċipji msemmija fil‑punt preċedenti għal sitwazzjoni fejn, fil‑kuntest tal‑eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi, ikun ippjanat li jinbidel wieħed mis‑subappaltaturi tal‑parti li tkun ingħatat il‑konċessjoni.

32      Peress li l‑Artikoli 43 KE u 49 KE jikkostitwixxu applikazzjonijiet speċifiċi tal‑projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza stabbilita fl‑Artikolu 12 KE, sabiex tingħata risposta għal din id‑domanda ma huwiex meħtieġ li jsir riferiment għal dan l‑artikolu tal‑aħħar (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C‑397/98 u C‑410/98, Ġabra p. I‑1727, punti 38 u 39, kif ukoll tas‑17 ta’ Jannar 2008, Lammers & Van Cleeff, C‑105/07, Ġabra p. I‑173, punt 14).

33      Fl‑istat attwali tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi ma huma rregolati minn ebda waħda mid‑direttivi li permezz tagħhom il‑leġiżlatur tal‑Unjoni rregola l‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi (ara s‑sentenzi Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16, u tas‑17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, Ġabra p. I‑5641, punt 57). Madankollu, l‑awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu tali kuntratti huma obbligati jirrispettaw ir‑regoli fundamentali tat‑Trattat KE, b’mod partikolari l‑Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Telaustria u Telefonadress, punti 60 sa 62; Coname, punti 16 sa 19, u Parking Brixen, punti 46 sa 49).

34      Dan l‑obbligu ta’ trasparenza japplika fl‑eventwalità li l‑konċessjoni ta’ servizzi kkonċernata tista’ tinteressa lil impriża li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak li fih tingħata din il‑konċessjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17; ara wkoll, b’analoġija, is‑sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑507/03, Ġabra p. I‑9777, punt 29, u tal‑21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑412/04, Ġabra p. I‑619, punt 66).

35      Il‑fatt li, fil‑kawża prinċipali, il‑konċessjoni ta’ servizzi tista’ tinteressa lil impriżi li jinsabu fi Stat Membru differenti mir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja jirriżulta mid‑deċiżjoni tar‑rinviju sa fejn il‑qorti nazzjonali tikkonstata li s‑sejħa għal kandidaturi tħabbret fil‑ġurnal uffiċjali tal‑iStadt Frankfurt “fuq livell tal‑Unjoni Ewropea” u sa fejn il‑qorti msemmija tikkunsidra li ksur tal‑obbligu ta’ trasparenza jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni magħmula, minn tal‑inqas potenzjalment, għad‑detriment tal‑impriżi tal‑Istati Membri l‑oħra.

36      L‑obbligu ta’ trasparenza li għandhom l‑awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi jimplika li jiġi ggarantit, favur kull offerent potenzjali, livell ta’ pubblikazzjoni xieraq li jippermetti l‑ftuħ tal‑konċessjoni ta’ servizzi għall‑kompetizzjoni kif ukoll l‑istħarriġ tal‑imparzjalità tal‑proċeduri għall‑għoti (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Telaustria u Telefonadress, punti 60 sa 62; Parking Brixen, punti 46 sa 49, u ANAV, punt 21).

37      Bil‑għan li jiġu żgurati t‑trasparenza tal‑proċeduri u t‑trattament ugwali tal‑offerenti, emendi sostanzjali fid‑dispożizzjonijiet essenzjali ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi jistgħu jammontaw, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall‑għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ġdid meta jkollhom karatteristiċi sostanzjalment differenti minn dawk tal‑kuntratt ta’ konċessjoni inizjali u jkunu, għaldaqstant, ta’ natura li juru r‑rieda tal‑partijiet li jinnegozjaw mill‑ġdid it‑termini essenzjali ta’ dan il‑kuntratt (ara, b’analoġija mal‑kuntratti pubbliċi, is‑sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑337/98, Ġabra p. I‑8377, punti 44 u 46, kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2008, pressetext Nachrichtenagentur, C‑454/06, Ġabra p. I‑4401, punt 34).

38      L‑emenda ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi matul il‑perijodu ta’ validità tiegħu tista’ titqies bħala sostanzjali meta tintroduċi kundizzjonijiet li, li kieku kienu preżenti fil‑proċedura għall‑għoti inizjali, kienu jippermettu l‑ammissjoni ta’ offerenti differenti minn dawk inizjalment ammessi jew kienu jippermettu li tintlaqa’ offerta differenti minn dik inizjalment magħżula (ara, b’analoġija, is‑sentenza pressetext Nachrichtenagentur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

39      Bidla ta’ subappaltatur, anki meta l‑possibbiltà ta’ tali bidla tkun prevista fil‑kuntratt, tista’, f’każijiet eċċezzjonali, tikkostitwixxi tali emenda ta’ wieħed mill‑elementi essenzjali tal‑kuntratt ta’ konċessjoni meta l‑użu ta’ subappaltatur minflok ieħor kien, fid‑dawl tal‑karatteristiċi speċifiċi tal‑prestazzjoni inkwistjoni, element determinanti tal‑konklużjoni tal‑kuntratt, ħaġa din li fi kwalunkwe każ għandha tiġi vverifikata mill‑qorti tar‑rinviju.

40      Il‑qorti tar‑rinviju tosserva li, fl-abbozz mehmuż mal‑offerta sottomessa lill‑iStadt Frankfurt minn FES, din tal‑aħħar indikat li hija kienet ser tuża s‑“City‑WC” ta’ Wall. Skont dik il‑qorti, huwa probabbli li, f’tali każ, il‑konċessjoni ngħatat lil FES minħabba l‑identità tas‑subappaltatur li FES kienet ippreżentat.

41      Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk jeżistux is‑sitwazzjonijiet deskritti fil‑punti 37 sa 39 ta’ din is‑sentenza.

42      Jekk, fil‑kuntest ta’ din l‑evalwazzjoni, il‑qorti tar‑rinviju tikkonkludi li kien hemm emenda ta’ wieħed mill‑elementi essenzjali tal‑kuntratt ta’ konċessjoni, ikun hemm lok li jiġu adottati, skont is‑sistema legali interna tal‑Istat Membru kkonċernat, il‑miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi stabbilita mill‑ġdid it‑trasparenza fil‑proċedura, inkluż proċedura għall‑għoti ġdida. Jekk ikun il‑każ, il‑proċedura għall‑għoti ġdida għandha tiġi organizzata skont modalitajiet aġġustati għall‑karatteristiċi speċifiċi tal‑konċessjoni ta’ servizzi inkwistjoni u għandha tippermetti li impriża stabbilita fit‑territorju ta’ Stat Membru jkun jista’ jkollha aċċess għal informazzjoni adegwata dwar din il‑konċessjoni qabel ma din tingħata.

43      Għaldaqstant, ir‑risposta għat‑tielet domanda għandha tkun li, meta emendi fid‑dispożizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi jkollhom karatteristiċi sostanzjalment differenti minn dawk li kienu ġġustifikaw l‑għoti tal‑kuntratt ta’ konċessjoni inizjali u jkunu, għaldaqstant, ta’ natura li juru r‑rieda tal‑partijiet li jinnegozjaw mill‑ġdid it‑termini essenzjali ta’ dan il‑kuntratt, ikun hemm lok li jiġu adottati, skont is‑sistema legali interna tal‑Istat Membru kkonċernat, il‑miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi stabbilita mill‑ġdid it‑trasparenza fil‑proċedura, inkluż proċedura għall‑għoti ġdida. Jekk ikun il‑każ, il‑proċedura għall‑għoti ġdida għandha tiġi organizzata skont modalitajiet aġġustati għall‑karatteristiċi speċifiċi tal‑konċessjoni ta’ servizzi inkwistjoni u għandha tippermetti li impriża stabbilita fit‑territorju ta’ Stat Membru jkun jista’ jkollha aċċess għal informazzjoni adegwata dwar din il‑konċessjoni qabel ma din tingħata.

 Fuq il‑ħames domanda

44      Permezz tal‑ħames domanda tagħha, li għandha tiġi kkunsidrata fit‑tieni lok, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fid‑dawl tal‑Artikolu 86(1) KE, ikkunsidrat flimkien, jekk ikun il‑każ, mal‑Artikolu 2(1)(b) u (2) tad‑Direttiva 80/723 u mal‑Artikolu 1(9) tad‑Direttiva 2004/18, impriża li tingħata konċessjoni u li jkollha karatteristiċi bħal dawk ta’ FES hijiex marbuta mill‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll mill‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza meta tikkonkludi kuntratt dwar servizzi li jaqgħu fil‑portata tal‑konċessjoni li tkun ingħatatilha mill‑awtorità pubblika.

45      B’mod iktar preċiż, il‑qorti tar‑rinviju tixtieq tkun taf jekk l‑Artikolu 86(1) KE huwiex rilevanti sabiex jiġi ddefinit il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmi obbligu ta’ trasparenza.

46      Fir‑rigward tal‑Artikolu 86(1) KE, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li din id‑dispożizzjoni hija indirizzata lill‑Istati Membru u mhux direttament lill‑impriżi.

47      Sabiex jiġi stabbilit jekk entità li jkollha karatteristiċi bħal dawk ta’ FES tistax tiġi ekwiparata għal awtorità pubblika marbuta mill‑obbligu ta’ trasparenza, għandu jsir riferiment għal ċerti aspetti tad‑definizzjoni tal‑kunċett ta’ “awtorità kontraenti” li tinsab fl‑Artikolu 1(b) tad‑Direttiva 92/50, dwar il‑kuntratti pubbliċi għal servizzi, sa fejn dawn l‑aspetti jissodisfaw ir‑rekwiżiti stabbiliti mill‑applikazzjoni tal‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE għall‑konċessjonijiet ta’ servizzi.

48      Fil‑fatt, dawn l‑artikoli tal‑aħħar u l‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, għandhom għanijiet identiċi għal dawk tad‑direttiva msemmija, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑moviment liberu tas‑servizzi u l‑ftuħ għal kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fl‑Istati Membri.

49      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi vverifikat jekk humiex sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li l‑impriża kkonċernata hija effettivament ikkontrollata mill‑Istat jew minn awtorità pubblika oħra u, min‑naħa l‑oħra, li din l‑impriża ma toperax f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis‑suq.

50      Fir‑rigward tal‑ewwel waħda minn dawn iż‑żewġ kundizzjonijiet, mid‑deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta li, minkejja li l‑iStadt Frankfurt iżżomm 51 % mill‑kapital ta’ FES, dan is‑sehem ma jippermettilhiex tikkontrolla effettivament l‑amministrazzjoni ta’ din l‑impriża. Fil‑fatt, maġġoranza ta’ tliet kwarti mill‑voti fil‑laqgħa ġenerali hija meħtieġa għall‑adozzjoni tad‑deċiżjonijiet ta’ din tal‑aħħar.

51      Barra minn hekk, is‑sehem rimanenti ta’ 49 % mill‑kapital ta’ FES ma huwiex miżmum minn awtorità jew awtoritajiet pubbliċi oħra iżda minn impriża privata li, bħala tali, tfittex li taqdi kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ interessi privati u għandha għanijiet differenti mill‑interess pubbliku (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, Ġabra p. I‑1, punt 50).

52      Barra minn hekk, fi ħdan il‑bord ta’ superviżjoni ta’ FES, l‑iStadt Frankfurt għandha biss kwart tal‑voti. Il‑fatt li din tal‑aħħar għandha d‑dritt tipproponi kandidat għall‑pożizzjoni ta’ president tal‑bord ta’ superviżjoni ta’ din l‑impriża, li l‑vot tiegħu jkun vot deċiżiv fil‑każ li n‑numru ta’ voti jkunu ndaqs, ma huwiex biżżejjed sabiex din tkun tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq FES.

53      F’tali ċirkustanzi, il‑kundizzjoni dwar il‑kontroll effettiv mill‑Istat jew minn awtorità pubblika oħra ma hijiex sodisfatta.

54      Fir‑rigward tat‑tieni kundizzjoni msemmija fil‑punt 49 ta’ din is‑sentenza, il‑qorti tar‑rinviju tosserva li iktar min‑nofs tad‑dħul mill‑bejgħ ta’ FES jirriżulta minn kuntratti sinallagmatiċi dwar ir‑rimi tal‑iskart u t‑tindif tat‑toroq fit‑territorju tal‑iStadt Frankfurt.

55      Tali rabta għandha tiġi ekwiparata għal dik li teżisti fir‑relazzjonijiet kummerċjali normali li jiżviluppaw fil‑kuntest ta’ kuntratti ta’ natura sinallagmatika li jkunu ġew innegozjati b’mod liberu bejn diversi kontraenti (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge, C‑380/98, Ġabra p. I‑8035, punt 25).

56      Barra minn hekk, mid‑deċiżjoni tar‑rinviju jista’ jiġi dedott li FES teżerċita l‑attivitajiet tagħha f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis‑suq, kif jirriżulta, minn naħa, mill‑fatt li tikseb parti sostanzjali mid‑dħul tagħha minn attivitajiet ma’ awtoritajiet pubbliċi differenti mill‑iStadt Frankfurt u ma’ impriżi privati li joperaw fis‑suq u, min‑naħa l‑oħra, mill‑fatt li hija kellha tikkompeti ma’ impriżi oħra sabiex tikseb il‑konċessjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.

57      F’tali ċirkustanzi, lanqas it‑tieni kundizzjoni meħtieġa sabiex impriża tiġi ekwiparata għal awtorità pubblika ma hija sodisfatta.

58      Il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi wkoll lill‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑eventwali applikabbiltà tad‑Direttiva 80/723.

59      Sa fejn tkopri t‑trasparenza tar‑relazzjonijiet finanzjarji bejn l‑Istati Membri u l‑impriżi pubbliċi, din id‑direttiva, bħala tali, ma tapplikax għas‑suġġett tal‑ħames domanda.

60      Għaldaqstant, ir‑risposta għall‑ħames domanda għandha tkun li meta impriża li tkun ingħatat konċessjoni tikkonkludi kuntratt dwar servizzi li jaqgħu fil‑portata tal‑konċessjoni mogħtija lilha minn awtorità reġjonali jew lokali, l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll mill‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, ma japplikax jekk din l‑impriża:

–        kienet ġiet inkorporata minn din l‑awtorità reġjonali jew lokali għall‑finijiet tar‑rimi tal‑iskart u tat‑tindif tat‑toroq iżda topera wkoll fis‑suq;

–        hija miżmuma, sa livell ta’ 51 %, mill‑imsemmija awtorità reġjonali jew lokali iżda d‑deċiżjonijiet amministrattivi ma jistgħux jiġu adottati mingħajr maġġoranza ta’ tliet kwarti tal‑voti tal‑laqgħa ġenerali ta’ din l‑impriża;

–        ikollha biss kwart mill‑membri tal‑bord ta’ superviżjoni, inkluż il‑president ta’ dan il‑bord, maħtura minn din l‑istess awtorità reġjonali jew lokali, u

–        takkwista iktar min‑nofs id‑dħul mill‑bejgħ tagħha minn kuntratti sinallagmatiċi dwar ir‑rimi tal‑iskart u t‑tindif tat‑toroq fit‑territorju tal‑imsemmija awtorità reġjonali jew lokali, kuntratti li din tal‑aħħar tiffinanzja permezz tat‑taxxi lokali mħallsa mir‑residenti fit‑territorju tagħha.

 Fuq l‑ewwel, it‑tieni u r‑raba’ domandi

61      Permezz tal‑ewwel, it‑tieni u r‑raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, stabbiliti fl‑Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, jobbligawx, minn naħa, lill‑awtoritajiet nazzjonali jxolju kuntratt konkluż bi ksur tal‑imsemmi obbligu ta’ trasparenza u, min‑naħa l‑oħra, lill‑qrati nazzjonali jagħtu lill‑offerent li l‑offerta tiegħu ma ntlaqgħatx id‑dritt li jikseb ordni sabiex jiġi evitat ksur imminenti jew sabiex jitwaqqaf ksur li diġà seħħ ta’ dan l‑obbligu. Il‑qorti nazzjonali qiegħda tistaqsi wkoll jekk dan l‑obbligu jistax jitqies li jagħmel parti mid‑dritt konswetudinarju tal‑Unjoni.

62      Kif diġà ġie enfasizzat fil‑punt 33 ta’ din is‑sentenza, fl‑istat attwali tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi ma huma rregolati b’ebda waħda mid‑direttivi li jirregolaw il‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi.

63      Skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, fin‑nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal‑Unjoni, hija s‑sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tirregola r‑rimedji legali maħsuba sabiex tiġi żgurata l‑protezzjoni tad‑drittijiet li l‑individwi jgawdu taħt id‑dritt tal‑Unjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 39 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

64      Tali rimedji ma għandhomx ikunu inqas favorevoli mir-rimedji simili ta’ natura interna (prinċipju tal‑ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu l‑eżerċizzju tad‑drittijiet mogħtija mis‑sistema legali tal‑Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Unibet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

65      Minn dan isegwi li l‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, stabbiliti fl‑Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, ma jobbligawx lill‑awtoritajiet nazzjonali jxolju kuntratt u lanqas lill‑qrati nazzjonali jagħtu ordni f’kull każ ta’ allegat ksur ta’ dan l‑obbligu fl‑għoti ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi. Hija s‑sistema legali interna li għandha tirregola r‑rimedji legali maħsuba sabiex tiġi żgurata l‑protezzjoni tad‑drittijiet li l‑individwi jgawdu taħt dan l‑obbligu, b’tali mod li dawn ir‑rimedji ma jkunux inqas favorevoli mir-rimedji legali simili ta’ natura interna u lanqas ma jagħmlu l‑eżerċizzju ta’ dawn id‑drittijiet prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

66      Il‑qorti tar‑rinviju tqajjem, fl‑aħħar nett, domanda oħra. Skont din il‑qorti, żvilupp tad‑dritt mill‑qrati biss ma jistax jikkostitwixxi liġi ta’ protezzjoni li tkun il‑bażi ta’ responsabbiltà taħt il‑Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch). Id‑dritt konswetudinarju biss jista’ jikkostitwixxi dispożizzjoni legali fis‑sens ta’ dan il‑kodiċi. Filwaqt li tirreferi għall‑ġurisprudenza tal‑Bundesverfassungsgericht (Qorti kostituzzjonali), il‑qorti tar‑rinviju ssostni li r‑rikonoxximent tad‑dritt konswetudinarju jeħtieġ użu fit‑tul, kontinwu, kostanti, uniformi u ġenerali, kif ukoll l‑aċċettazzjoni tiegħu bħala regola vinkolanti mill‑individwi kkonċernati.

67      Madankollu, għall‑qorti nazzjonali, l‑obbligu ta’ trasparenza fformulat fis‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja huwa tant reċenti li ma jistax jiġi kkunsidrat li għandu l‑istatus ta’ dritt konswetudinarju, kif iddefinit fil‑punt preċedenti.

68      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li l‑obbligu ta’ trasparenza jirriżulta mid‑dritt tal‑Unjoni u, b’mod partikolari, mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 sa 19). Dawn id‑dispożizzjonijiet, li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiżgura l‑osservanza tagħha, għandhom effett dirett fis‑sistema legali interna tal‑Istati Membri u għandhom preċedenza fuq kull dispożizzjoni kuntrarja tad‑dritt nazzjonali.

69      Skont, b’mod partikolari, l‑Artikolu 4(3) TUE, huma l‑awtoritajiet kollha tal‑Istati Membri li għandhom jiżguraw l‑osservanza tad‑dispożizzjonijiet legali tal‑Unjoni fil‑kuntest tal‑kompetenzi tagħhom (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, Ġabra p. I‑411, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

70      Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tagħti lil‑liġi nazzjonali li hija għandha tapplika, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar‑rekwiżiti tad‑dritt tal‑Unjoni u li tippermetti, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l‑osservanza tal‑obbligu ta’ trasparenza (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tas‑27 ta’ Frar 2003, Santex, C‑327/00, Ġabra p. I‑1877, punt 63 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

71      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir‑risposta li għandha tingħata għall‑ewwel, it‑tieni u r‑raba’ domandi hija li l‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, stabbiliti fl‑Artikolu 43 KE u 49 KE, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, ma jobbligawx lill‑awtoritajiet nazzjonali jxolju kuntratt u lanqas lill‑qrati nazzjonali jagħtu ordni f’kull każ ta’ allegat ksur ta’ dan l‑obbligu fl‑għoti ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi. Hija s‑sistema legali interna li għandha tirregola r‑rimedji legali maħsuba sabiex tiġi żgurata l‑protezzjoni tad‑drittijiet li l‑individwi jgawdu taħt dan l‑obbligu, b’tali mod li dawn ir‑rimedji ma jkunux inqas favorevoli mir-rimedji legali simili ta’ natura interna u lanqas ma jagħmlu l‑eżerċizzju ta’ dawn id‑drittijiet prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. L‑obbligu ta’ trasparenza jirriżulta direttament mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE, li għandhom effett dirett fis‑sistemi legali interni tal‑Istati Membri u għandhom preċedenza fuq kull dispożizzjoni kuntrarja tad‑dritt nazzjonali.

 Fuq l‑ispejjeż

72      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija dik il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Meta emendi fid‑dispożizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi jkollhom karatteristiċi sostanzjalment differenti minn dawk li kienu ġġustifikaw l‑għoti tal‑kuntratt ta’ konċessjoni inizjali u jkunu, għaldaqstant, ta’ natura li juru r‑rieda tal‑partijiet li jinnegozjaw mill‑ġdid it‑termini essenzjali ta’ dan il‑kuntratt, ikun hemm lok li jiġu adottati, skont is‑sistema legali interna tal‑Istat Membru kkonċernat, il‑miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi stabbilita mill‑ġdid it‑trasparenza fil‑proċedura, inkluż proċedura għall‑għoti ġdida. Jekk ikun il‑każ, il‑proċedura għall‑għoti ġdida għandha tiġi organizzata skont modalitajiet aġġustati għall‑karatteristiċi speċifiċi tal‑konċessjoni ta’ servizzi inkwistjoni u għandha tippermetti li impriża stabbilita fit‑territorju ta’ Stat Membru jkun jista’ jkollha aċċess għal informazzjoni adegwata dwar din il‑konċessjoni qabel ma din tingħata.

2)      Meta impriża li tkun ingħatat konċessjoni tikkonkludi kuntratt dwar servizzi li jaqgħu fil‑portata tal‑konċessjoni mogħtija lilha minn awtorità reġjonali jew lokali, l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll mill‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza ma japplikax jekk din l‑impriża:

–        kienet ġiet inkorporata minn din l‑awtorità reġjonali jew lokali għall‑finijiet tar‑rimi tal‑iskart u tat‑tindif tat‑toroq iżda topera wkoll fis‑suq;

–        hija miżmuma, sa livell ta’ 51 %, mill‑imsemmija awtorità reġjonali jew lokali iżda d‑deċiżjonijiet amministrattivi ma jistgħux jiġu adottati mingħajr maġġoranza ta’ tliet kwarti tal‑voti tal‑laqgħa ġenerali ta’ din l‑impriża;

–        ikollha biss kwart mill‑membri tal‑bord ta’ superviżjoni, inkluż il‑president ta’ dan il‑bord, maħtura minn din l‑istess awtorità reġjonali jew lokali, u

–        takkwista iktar min‑nofs id‑dħul mill‑bejgħ tagħha minn kuntratti sinallagmatiċi dwar ir‑rimi tal‑iskart u t‑tindif tat‑toroq fit‑territorju tal‑imsemmija awtorità reġjonali jew lokali, kuntratti li din tal‑aħħar tiffinanzja permezz tat‑taxxi lokali mħallsa mir‑residenti fit‑territorju tagħha.

3)      Il‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, stabbiliti fl‑Artikolu 43 KE u 49 KE, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, ma jobbligawx lill‑awtoritajiet nazzjonali jxolju kuntratt u lanqas lill‑qrati nazzjonali jagħtu ordni f’kull każ ta’ allegat ksur ta’ dan l‑obbligu fl‑għoti ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi. Hija s‑sistema legali interna li għandha tirregola r‑rimedji legali maħsuba sabiex tiġi żgurata l‑protezzjoni tad‑drittijiet li l‑individwi jgawdu taħt dan l‑obbligu, b’tali mod li dawn ir‑rimedji ma jkunux inqas favorevoli mir-rimedji legali simili ta’ natura interna u lanqas ma jagħmlu l‑eżerċizzju ta’ dawn id‑drittijiet prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. L‑obbligu ta’ trasparenza jirriżulta direttament mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE, li għandhom effett dirett fis‑sistemi legali interni tal‑Istati Membri u għandhom preċedenza fuq kull dispożizzjoni kuntrarja tad‑dritt nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq