Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CO0282

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tat-18 ta' Marzu 2010.
    Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (CFCMCEE) vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Appell - Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikoli 7(1)(b) u 7(1)(ċ) - Rifjut ta’ reġistrazzjoni - Evalwazzjoni globali rigward prodotti u servizzi kkonċernati mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni - Prodotti u servizzi li jikkostitwixxu gruppi omoġenei - Appell parzjalment infondat u parzjalment manifestament inammissibbli.
    Kawża C-282/09 P.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:153

    Kawża C-282/09 P

    Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (CFCMCEE)

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

    “Appell — Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 7(1)(b) u (ċ) — Rifjut ta’ reġistrazzjoni — Evalwazzjoni globali rigward prodotti u servizzi kkonċernati mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Prodotti u servizzi li jikkostitwixxu gruppi omoġenji — Appell parzjalment manifestament infondat u parzjalment manifestament inammissibbli”

    Sommarju tad-digriet

    1.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Eżami separat tar-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni tar-rifjut ta’ reġistrazzjoni — Portata

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1) u 73)

    2.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Eżami separat tad-diversi raġunijiet għal rifjut — Sovrapożizzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni tar-raġunijiet indikati fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar‑Regolament Nru 40/94

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1))

    1.        L-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut indikati fl-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja għandu, minn naħa, jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li għaliha l-awtorità kompetenti tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha bħala prinċipju tkun motivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi.

    Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati kollha meta l-istess raġuni għal rifjut tista’ titqajjem għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi. Dan id-dritt tal-awtorità kompetenti ma jistax b’mod partikolari jkun ta’ preġudizzju għar-rekwiżit essenzjali li kull deċiżjoni li tirrifjuta l‑benefiċċju ta’ dritt irrikonoxxut mid-dritt Komunitarju tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju intiż li jiżgura l-ħarsien effettiv ta’ dan id-dritt u li, minn dan il-fatt, għandu jirrigwarda l-legalità tar-raġunijiet.

    Minn naħa, tali dritt jestendi biss għall-prodotti jew għas-servizzi li jkollhom bejniethom rabta diretta u konkreta suffiċjenti, b’mod tali li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi omoġenji biżżejjed. Min‑naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi tal-Ftehim ta’ Nice ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm tali omoġenjità, peress li dawn il‑klassijiet ta’ spiss ikollhom varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li mhux neċessarjament ikollhom tali rabta diretta u konkreta suffiċjenti bejniethom.

    (ara l-punti 37-40)

    2.        Għalkemm teżisti ċerta sovrapożizzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark indikati fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, xorta jibqa’ l-fatt li kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-imsemmi Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija indipendenti mill-oħrajn u tirrikjedi eżami separat.

    Is-sovrapożizzjoni bejn ir-raġunijiet assoluti għal rifjut timplika li trade mark verbali deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi tista’, minħabba dan il-fatt, ma tkunx ta’ karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l‑istess prodotti jew servizzi, bla ħsara għal raġunijiet oħra li jistgħu jiġġustifikaw dan in-nuqqas ta’ karattru distintiv.

    (ara l-punti 50, 52)







    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    18 ta’ Marzu 2010 (*)

    “Appell – Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 7(1)(b) u (ċ) – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Evalwazzjoni globali rigward prodotti u servizzi kkonċernati mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Prodotti u servizzi li jikkostitwixxu gruppi omoġenji – Appell parzjalment manifestament infondat u parzjalment manifestament inammissibbli”

    Fil-Kawża C-282/09 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2009,

    Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (CFCMCEE), stabbilita fi Strasbourg (Franza), irrappreżentata minn P. Greffe u L. Paudrat, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża hija:

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Levits, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1        Permezz tal-appell tagħha, Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (iktar ’il quddiem “CFCMCEE”) qed titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tal-20 ta’ Mejju 2009, CFCMCEE vs UASI (P@YWEB CARD u PAYWEB CARD) (T‑405/07 u T-406/07, Ġabra p. II‑1441, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-Qorti ċaħdet parzjalment ir-rikorsi tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-10 ta’ Lulju 2007 (Każ R 119/2007-1) u tat-12 ta’ Settembru 2001 Każ R 120/2007-1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), li ċaħdu l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tas-sinjali “P@YWEB CARD” u “PAYWEB CARD” bħala trade marks Komunitarji (iktar ’il quddiem is-“sinjali inkwistjoni”).

     Il-kuntest ġuridiku

    2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), ġie mħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1) li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, il-kawża li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali tibqa’ rregolata, fid-dawl tad-data tal-fatti, bir-Regolament Nru 40/94.

    3        L-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdu:

    “Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

    […]

    (b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

    (ċ)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

    4        L-Artikolu 73 tal-istess regolament, dwar ir-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet huma bbażati, jipprovdi

    “Id-deċiżjonijiet ta’ l-[UASI] għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.”

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    5        Fl-1 ta’ Ġunju 2004, CFCMCEE applikat għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjali inkwistjoni quddiem il-UASI.

    6        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 9, 36 u 38 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li hemm fil-punt 2 tas-sentenza appellata.

    7        Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-18 u tad-19 ta’ Jannar 2005, l-eżaminatur tal-UASI rrifjuta r-reġistrazzjoni tas-sinjali inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

    8        Fit-18 ta’ Marzu 2005, CFCMCEE ppreżentat osservazzjonijiet b’risposta għall-oġġezzjonijiet tal-UASI.

    9        Fil-5 u s-7 ta’ Diċembru 2006, l-eżaminatur tal-UASI kkonferma d-deċiżjonijiet ta’ rifjut għall-prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni.

    10      Fis-16 ta’ Jannar 2007, CFCMCEE ppreżentat rikors kontra kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet.

    11      L-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ċaħad dawn ir-rikorsi abbażi biss tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    12      CFCMCEE ppreżentat rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

     Is-sentenza appellata

    13      Fuq is-sinjifikat tas-sinjali inkwistjoni, fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 50/94, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li dawn is-sinjali huma magħmula minn termini li waħedhom għandhom sinjifikat għall-pubbliku medju li jitkellem bl-Ingliż, jew li għandu għarfien elementari tal-lingwa Ingliża. Il-Qorti Ġenerali żżid, fil-punt 47 tal-imsemmija sentenza, li “t-termini magħquda ‘p@yweb’ u ‘payweb’, li jistgħu jindikaw infrastruttura elettronika jew tal-informatika bi ħlas kif ukoll servizzi bi ħlas offerti f’dan il-kuntest, ma jistgħux joħolqu impressjoni inabitwali jew arbitrarja tat-trade marks mitluba mill-perspettiva tal-konsumatur medju”.

    14      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell tal-UASI seta’ validament jikkunsidra li l-pubbliku rilevanti li jitkellem bl-Ingliż jipperċepixxi immedjatament is-sinjali inkwistjoni, kemm fid-dettalji tagħhom kif ukoll kollha flimkien, bħala “kards li jippermettu jew aċċess bi ħlas għal netwerk ta’ komunikazzjoni informatika jew elettronika, bħall-Internet, jew ħlas elettroniku fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali magħmula permezz ta’ tali netwerk” (punt 50 tas-sentenza appellata).

    15      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjali inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali l-ewwel ikkonstatat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li l-“prodotti u s-servizzi kkonċernati li jaqgħu fil-klassijiet 9, 36 u 38 skont il-Ftehim ta’ Nizza [Nice] huma varjati ħafna u jaqgħu taħt diversi gruppi u kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi”.

    16      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata, li, meta l-istess raġuni għal rifjut titqajjem għal kategorija jew għal grupp ta’ prodotti jew servizzi, huwa possibbli li tiġi limitata għal motivazzjoni globali għall-prodotti jew għas-servizzi kollha kkonċernati, iżda li, madankollu, il-possibbiltà għall-UASI li jagħti motivazzjoni globali ma għandhiex tippreġudika l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni, skont l-Artikolu 253 KE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-prodotti jew servizzi kkonċernati “jkollhomx bejniethom rabta diretta u konkreta suffiċjenti, tali li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi omoġenji biżżejjed sabiex l-UASI jkun jista’ jagħti tali motivazzjoni globali”. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat li s-sempliċi fatt li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi skont il-Ftehim ta’ Nice ma huwiex suffiċjenti għal dan il-għan, peress li dawn il-klassijiet ta’ spiss ikollhom varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li mhux neċessarjament ikollhom rabta diretta u konkreta suffiċjenti bejniethom.

    17      Rigward il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 tal-imsemmi ftehim, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li l-kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, u radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, apparat tat-televiżjoni, u mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni jikkostitwixxu grupp omoġenju ta’ prodotti “minħabba l-karatteristiċi tagħhom u minħabba l-funzjonijiet simili, jew mhux identiċi, tagħhom”

    18      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tal-prodotti kollha msemmija fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet, iżda laqgħetha, għall-punti 64 u 65 tal-imsemmija sentenza, għat-tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku.

    19       Rigward is-servizzi ta’ kards ta’ kreditu u s-servizzi ta’ kards ta’ debitu li jaqgħu fil-klassi 36 tal-Ftehim ta’ Nice, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, u f’dan qablet mad-deċiżjonijiet ikkontestati, li huma omoġenji sa fejn jirreferu, b’mod partikolari, għal operazzjonijiet li jitwettqu mill-bogħod permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kard ta’ ħlas imqabbda mal-Internet u b’mod iktar ġenerali ma’ netwerk tal-informatika. Għaldaqstant, hija aċċettat li dawn is-servizzi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali motivazzjoni globali u ddeċidiet li l-Bord tal-Appell tal-UASI ġustament ikkunsidra li dawn it-trade marks għandhom funzjoni ta’ preżentazzjoni kummerċjali tal-imsemmija servizzi u kkonkluda li dawn is-sinjali ma humiex ta’ karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar (punti 75 sa 78 tas-sentenza appellata).

    20      It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li s-servizzi l-oħra li jaqgħu fl-imsemmija klassi 36 għandhom “ċerta konnessjoni” bejniethom peress li għandhom l-istess għan, jiġifieri li jsiru, fil-qasam tal-assigurazzjoni, kif ukoll fl-qasam bankarju, fil-qasam finanzjarju, u fil-qasam tal-informatika, tranżazzjonijiet kummerċjali, inkluż il-ħlas permezz ta’ kard, u jekk ikun il-każ, b’mezz elettroniku. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali aċċettat li jistgħu jitqiesu li jaqgħu fi grupp omoġenju ta’ servizzi għall-finijiet ta’ motivazzjoni globali.

    21      Il-Qorti Ġenerali qieset, wara dan, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li s-sinjali inkwistjoni ma humiex ta’ karattru distintiv fir-rigward tal-imsemmija servizzi peress li jindikaw “[i]l‑possibbiltà li jsiru, grazzi għal kard, operazzjonijiet ta’ ħlas mill‑bogħod jew b’mezz elettroniku fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li jaqgħu taħt il-qasam tal-proprjetà immobbli, il-qasam ta’ assigurazzjoni, il-qasam bankarju, il-qasam finanzjarju u l-qasam tal-informatika.”

    22      Dwar is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 38 tal-Ftehim ta’ Nice, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ komunikazzjonijiet permezz ta’ terminali tal-kompjuters, ta’ spedizzjoni ta’ messaġġi, ta’ trażmissjoni ta’ messaġġi, ta’ informazzjoni dwar telekomunikazzjonijiet, ta’ sistema elettronika ta’ messaġġi, ta’ trażmissjoni ta’ messaġġi, ta’ trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ stampi bl-għajnuna ta’ kompjuter, ta’ trażmissjoni bis-satellita, ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerks tal-Internet, tal-Intranet u tal-Extranet, ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni interattivi informatiċi, ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni li ġejja minn bażi ta’ data informatika, is-servizzi internazzjonali ta’ trażmissjoni ta’ data bejn sistemi informatiċi li jinsabu f’netwerk, ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni online huma omoġenji peress li komuni bejniethom hemm funzjoni ta’ trażmissjoni ta’ data permezz tal-Internet jew ta’ netwerks oħra ta’ komunikazzjoni. Ġie deċiż sussegwentement li s-sinjali inkwistjoni jiddeskrivu kwalità ta’ dawn is-servizzi, jiġifieri l-fatt li jista’ jkun hemm aċċess għall-Internet jew għal netwerks oħra ta’ komunikazzjoni permezz ta’ kard u li hemmhekk isiru operazzjonijiet ta’ trażmissjoni ta’ data u tranżazzjonijiet oħra online, pereżempju għall-għanijiet ta’ xirja u ħlas mill-bogħod magħmula permezz ta’ kard manjetika jew “smart card”.

    23      Fl-aħħar nett, peress li rrilevat, fil-punt 12 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati esklużivament fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 93 tal-istess sentenza, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) ma hijiex is-suġġett tal-kawża li għandha quddiemha.

    24      Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali, minn naħa annullat parzjalment id-deċiżjonijiet ikkontestati, sa fejn huma rrifjutaw ir-reġistrazzjoni tas-sinjali inkwistjoni bħala trade marks Komunitarji għall-prodotti u għas-servizzi li ġejjin:

    –        apparat u strumenti fotografiċi, ċinematografiċi, tas-sinjali, ta’ kontroll (spezzjoni), apparat għar-reġistrazzjoni, it-trażmissjoni, ir-riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew ta’ stampi; diski għar‑reġistrazzjoni, aġendi elettroniċi, distributuri awtomatiċi, tejps tal-vidjo (video tapes), magni li jagħtu l-flus, il-biljetti, id‑dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet, kameras (apparat ċinematografiku), kassetts vidjo, CD-ROMs, magni li jaqraw il‑kowds ta’ linji (bar codes), diski kompatti (awdjo vidjo), diski ottiċi kompatti, detekters tal-flus foloz, diski flessibbli (floppy disks), tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, tagħmir li jġorr id-data b’mod ottiku, skrins tal-vidjo, apparat għall-ipproċessar tal‑informazzjoni, apparat ta’ interkomunikazzjoni, interfaces (informatiċi), scanners (informatiċi), software (programmu reġistrati), monitors (programmi tal-kompjuter), kompjuters, tagħmir periferiku għal kompjuter, programmi tal-kompjuter irreġistrati, programmi tas-sistemi ta’ operattivi rreġistrati (għal kompjuters), apparat radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, apparat tat-televiżjoni, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, apparat għar‑reġistrazzjoni tal-ħin, trażmettituri (telekomunikazzjoni), unitajiet ċentrali ta’ trattament (proċessuri), li jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice;

    –        aġenziji ta’ informazzjoni (ġodda) b’mod partikolari fil-qasam bankarju, komunikazzjonijiet radjofoniċi, komunikazzjonijiet telefoniċi, spedizzjoni ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi, xandir ta’ programmi tat-televiżjoni, trażmissjonijiet radjofoniċi, trażmissjonijiet televiżivi, kiri ta’ apparat ta’ telekomunikazzjoni, kiri ta’ apparat għat-trażmissjoni ta’ messaġġi, kiri ta’ telefons, radjotelefonija mobbli, servizzi telefoniċi, li jaqgħu fil-klassi 38 skont il-Ftehim ta’ Nice.

    25      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi dwar ir-reġistrazzjoni tas-sinjali inkwistjoni bħal trade marks Komunitarji għall-prodotti u s-servizzi li ġejjin:

    –        kards tal-memorja jew b’mikroproċessur, kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparati tat-televiżjoni, li jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice;

    –        servizzi ta’ kards ta’ kreditu u servizzi ta’ kards ta’ debitu, li jaqgħu fil-klassi 36 skont il-Ftehim ta’ Nice;

    –        affarijiet dwar proprjetà immobbli, assigurazzjoni kontra l-inċidenti, factoring, affarijiet bankarji, affarijiet finanzjarji, affarijiet monetarji, aġenziji ta’ kreditu, aġenziji ta’ rkupru ta’ dejn, analiżi finanzjarja, assigurazzjonijiet, self għal kera, evalwazzjoni (stima) ta’ proprjetà immobbli, ħruġ ta’ titoli ta’ valur, fond tas-sigurtà soċjali, kostituzzjoni, investiment u kollokament tal-kapital, sigurtajiet (garanziji), operazzjonijiet ta’ kambju, verifika ta’ ċekkijiet, ħruġ ta’ ċekkijiet tal-ivvjaġġar, konsultazzjoni f’materja finanzjarja, senserija f’assigurazzjonijiet, senserija fi proprjetà immobbli, senserija fil-Borża, kreditu, depożitu ta’ oġġetti ta’ valur, depożiti f’kaxxaforti, tfaddil, stimi u evalwazzjonijiet finanzjarji (assigurazzjoni, banek, proprjetà immobbli), servizzi ta’ trusts, servizzi ta’ finanzjament, informazzjoni finanzjarja (assigurazzjoni, banek, proprjetà immobbli), servizzi ta’ investiment u kollokament ta’ fondi, trasferiment elettroniku ta’ fondi, amministrazzjoni ta’ patrimonji, informazzjoni finanzjarja, irkupru ta’ kirjiet, assigurazzjoni tal-mard, assigurazzjoni marittima, self b’rahan, operazzjonijiet finanzjarji, operazzjonijiet monetarji, għajnuna (sponsorship) finanzjarju, self (finanzi), tranżazzjonijiet finanzjarji, assigurazzjoni fuq il-ħajja, amministrazzjoni ta’ kontijiet ta’ valur, servizzi ta’ informazzjoni finanzjarji online, servizzi ta’ informazzjoni finanzjarji interattivi informatiċi, bl-esklużjoni, għas-servizzi kollha indikati fl-applikazzjonijiet għal trade mark, tas-servizzi li jikkonċernaw il‑kura tas‑saħħa u t-teknoloġiji mediċi minn terzi persuni li jħallsu, li jaqgħu fil-klassi 36 tal-Ftehim ta’ Nice, sa fejn il-provvista ta’ dawn is-servizzi tirrikjedi jew tirrigwarda l-użu ta’ kard;

    –        telekomunikazzjonijiet, aġenziji ta’ informazzjoni (ġodda) b’mod partikolari fil-qasam bankarju, komunikazzjonijiet radjofoniċi, komunikazzjonijiet telefoniċi, xandir ta’ programmi tat-televiżjoni, trażmissjonijiet radjofoniċi, trażmissjonijiet televiżivi, informazzjoni dwar telekomunikazzjonijiet, kiri ta’ apparat ta’ telekomunikazzjonijiet, kiri ta’ apparat għat-trażmissjoni ta’ messaġġi, kiri ta’ telefons, radjotelefonija mobbli, servizzi telefoniċi, trażmissjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerks tal-Internet, tal-Intranet u tal‑Extranet, servizzi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni interattivi informatiċi, trażmissjoni ta’ informazzjoni li ġejja bażi ta’ data informatika, servizzi internazzjonali ta’ trażmissjoni ta’ data bejn sistemi informatiċi li jinsabu f’netwerk, trażmissjoni ta’ informazzjoni online, bl‑esklużjoni, għas-servizzi kollha indikati fl-applikazzjonijiet għal trade mark, tas-servizzi li jikkonċernaw il-kura tas-saħħa u t-teknoloġiji mediċi minn terzi persuni li jħallsu, li jaqgħu fil-klassi 38 skont il-Ftehim ta’ Nice, sa fejn il-provvista ta’ dawn is-servizzi jirrikjedi jew jirrigwarda l-użu ta’ kard.

     It-talbiet tal-partijiet

    26      Permezz tal-appell tagħha, CFCMCEE titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment is-sentenza appellata kif ukoll tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    27      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew, għall-inqas, bħala infondat u tikkundanna lil CFCMCEE għall-ispejjeż.

     Fuq l-appell

    28      Skont l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull waqt, wara rapport tal-Imħallef Relatur u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell totalment jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

    A –  L-argumenti tal-partijiet

    29      Fil-kuntest tal-ewwel miż-żewġ aggravji ppreżentati insostenn tal-appell tagħha, CFCMCEE ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 billi kkonfermat id-deċiżjonijiet ikkontestati rigward ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tas-sinjali inkwistjoni għall-prodotti u s-servizi li ġejjin:

    –        kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, li jaqgħu taħt il-klassi 9 tal-Ftehim ta’ Nice;

    –        affarijiet dwar proprjetà immobbli, assigurazzjoni kontra l-inċidenti, aġenziji ta’ rkupru ta’ dejn, analiżi finanzjarja, assigurazzjonijiet, self għal kera, evalwazzjoni (stima) ta’ proprjetà immobbli, ħruġ ta’ titoli ta’ valur, fond tas-sigurtà soċjali, operazzjonijiet ta’ kambju, verifika ta’ ċekkijiet, ħruġ ta’ ċekkijiet tal-ivvjaġġar, konsultazzjoni f’materja finanzjarja, senserija f’assigurazzjonijiet, senserija fi proprjetà immobbli, senserija fil-Borża, depożitu ta’ oġġetti ta’ valur, depożiti f’kaxxaforti, stimi u evalwazzjonijiet finanzjarji (assigurazzjoni, banek, proprjetà immobbli), informazzjoni finanzjarja (assigurazzjoni, banek, proprjetà immobbli), amministrazzjoni ta’ patrimonji, informazzjoni finanzjarja, irkupru ta’ kirjiet, assigurazzjoni tal-mard, assigurazzjoni marittima, assigurazzjoni fuq il-ħajja, servizzi ta’ informazzjoni finanzjarji online, servizzi ta’ informazzjoni finanzjarji interattivi informatiċi, li jaqgħu fil-klassi 36, fis-sens tal-imsemmi ftehim,

    –        servizzi ta’ komunikazzjonijiet permezz ta’ terminals tal-kompjuters, trażmissjoni ta’ messaġġi, spedizzjoni ta’ messaġġi, informazzjoni dwar telekomunikazzjonijiet, kiri ta’ apparat ta’ telekomunikazzjonijiet, sistema elettronika ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ stampi bl-għajnuna ta’ kompjuter, trażmissjoni bis-satellita jaqgħu fil-klassi 38 tal-istess ftehim.

    30      CFCMCEE ppreċiżat f’dan ir-rigward li l-Bord tal-Appell tal-UASI sempliċement analizza l-karattru distintiv tas-sinjali inkwistjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati, b’mod globali, mingħajr ma mmotiva d-deċiżjoni tiegħu, rigward kull prodott u servizz imsemmi.

    31      Issa, peress li dawn il-prodotti u servizzi ma jikkostitwixxux grupp omoġenju, id-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll is-sentenza appellata huma vvizzjati minn nuqqas manifest ta’ motivazzjoni li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

    32      Skont CFCMCEE, prodotti jew servizzi jkunu omoġenji biss jekk għandhom l-istess natura u l-istess funzjoni. Jekk dawn iż-żewġ kriterji kumulattivi ma jkunux sodisfatti, kif hemm f’dan il-każ, motivazzjoni globali tiġi eskluża.

    33      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, dwar il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar il-kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, li jaqgħu fil-klassi 9 tal-Ftehim ta’ Nice, CFCMCEE ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet in-nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjali inkwistjoni min-natura deskrittiva tagħhom. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-punt 54 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI (C-304/06 P, Ġabra p. I-3297), li jgħid li kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament hija indipendenti mill-oħrajn u titlob kunsiderazzjoni separata.

    34      Skont il-UASI, meta l-istess raġuni għal rifjut tista’ titqajjem għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi, l-awtorità kompetenti tista’ tillimita ruħha għal motivazzjoni globali għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati kollha. L-UASI jenfasizza, barra minn hekk, li CFCMCEE qed tħallat il-kwistjoni tal-omoġenjità ta’ kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi ma’ dik tas-sinjifikat (u tan-nuqqas ta’ karattru distintiv) tat-trade marks li huma s-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni meta dawn ikunu eżaminati taħt kull wieħed minn dawn il-kategoriji. Issa, l-ewwel domanda biss hija rilevanti fil-kuntest tal-eżami ta’ aggravju bbażat fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94. It-tieni domanda hija rilevanti biss fil-kuntest tal-eżami ta’ aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    35      Barra minn hekk, il-UASI jikkunsidra bħala manifestament infondat l-argument imressaq minn CFCMCEE li jgħid li l-prodotti u servizzi huma omoġenji biss, u dan jikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbbli għall-motivazzjoni globali ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni, biss meta għandhom kemm l-istess natura u l-istess funzjoni. Fil-fatt CFCMCEE ma wrietx li l-kriterji dwar in-natura u l-funzjoni għandhom ikunu sodisfatti kumulattivament. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni kemm in-natura kif ukoll il-funzjonijiet tal-prodotti kkonċernati.

    36      Fl-aħħar nett, l-UASI jsostni li l-kumplament tal-appell ta’ CFCMCEE huwa inammissibbli fin-nuqqas ta’ ineżattezza fattwali fl-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    37      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut għandu jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li għaliha l-awtorità kompetenti tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha bħala prinċipju tkun motivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, Ġabra p. I-1455, punt 34).

    38      Madankollu, dwar din l-aħħar eżiġenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li meta l-istess raġuni għal rifjut tista’ titqajjem għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, l-awtorità kompetenti tista’ sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati kollha (sentenza BVBA Management, Training en Consultancy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

    39      Barra minn hekk, dan id-dritt tal-awtorità kompetenti ma jistax b’mod partikolari jkun ta’ preġudizzju għar-rekwiżit essenzjali li kull deċiżjoni li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt irrikonoxxut mid-dritt Komunitarju tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju intiż li jiżgura l-ħarsien effettiv ta’ dan id-dritt u li, minn dan il-fatt, għandu jirrigwarda l-legalità tar-raġunijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BVBA Management, Training en Consultancy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40      F’dan il-każ, mill-punt 55 tas-sentenza appellata jirriżulta, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet korrettament mill-imsemmija ġurisprudenza li tali dritt jestendi biss għall-prodotti jew għas-servizzi li jkollhom bejniethom rabta diretta u konkreta suffiċjenti, tali li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi omoġenji biżżejjed. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat ġustament li s-sempliċi fatt li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi tal-Ftehim ta’ Nice ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm tali omoġenjità, peress li dawn il-klassijiet ta’ spiss ikollhom varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li mhux neċessarjament ikollhom rabta diretta u konkreta suffiċjenti bejniethom.

    41      Wara li rrilevat, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ motivazzjoni jikkkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali stħarrġet, fil-punti 58 sa 92 tal-istess sentenza, jekk il-Bord tal-Appell eżaminax u mmotivax b’mod suffiċjenti, in-nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjali inkwistjoni rigward il-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet irrifjutata r-reġistrazzjoni tal-imsemmija sinjali bħala trade marks Komunitarji.

    42      F’dan ir-rigward, rigward il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 tal-Ftehim ta’ Nice li għalihom intalab l-annullament tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li huma jikkostitwixxu, minħabba l-karatteristiċi u l-funzjonijiet simili tagħhom, jew saħansitra identiċi, grupp suffiċjentement omoġenju sabiex il-UASI jkun jista’ jagħti motivazzjoni globali.

    43      Bl-istess mod, rigward is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 tal-imsemmi ftehim li għalihom intalab l-annullament tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 80 tal-istess sentenza, li dawn is-servizzi kollha għandhom karatteristika komuni jew l-istess għan, jiġifieri li jsiru tranżazzjonijiet kummerċjali, inkluż il-ħlas permezz ta’ kard, u dan, jekk ikun il-każ, b’mezz elettroniku hekk li jistgħu jitqiesu bħala li jaqgħu fi grupp omoġenju ta’ servizzi għall-finijiet ta’ motivazzjoni globali.

    44      Fl-aħħar nett, rigward is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 38 tal-imsemmi Ftehim li għalihom intalab l-annullament tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 84 tal-imsemmija sentenza, li dawn is-servizzi jaqgħu fi grupp omoġenju ta’ servizzi konnessi direttament mal-qasam tal-informatika u tal-Internet jew netwerks oħra ta’ komunikazzjoni, permezz ta’ kard u li hemmhekk isiru operazzjonijiet ta’ trażmissjoni ta’ data u tranżazzjonijiet oħra online, bħalma huma xiri u ħlas mill-bogħod.

    45      Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata l-allegazzjoni ta’ CFCMCEE fil-kuntest tal-ewwel aggravju, li jgħid li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 meta ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ omoġenjità suffiċjenti rigward il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalab l-annullament tas-sentenza appellata.

    46      Għandu wkoll jiġi miċħud bħala manifestament infondat l-ilment imressaq minn CFCMCEE fil-kuntest tal-ewwel aggravju li jgħid li l-Qorti Ġenerali kienet ibbażat l-imsemmija konstatazzjoni fuq kriterji żbaljati. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 tas-sentenza appellata ma jirriżultax li l-kriterji rilevanti sabiex tiġi evalwata l-omoġenjità tal-prodotti u s-servizzi huma kumulattivi u huma limitati għan-natura kif ukoll għall-funzjoni tagħhom. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-motivi tas-sentenza appellata msemmija fil-punti 41 sa 43 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ġustament ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-omoġenjità tal-prodotti u tas-servizzi b’mod partikolari rigward il-karatteristiċi tagħhom, il-kwalitajiet essenzjali komuni tagħhom kif ukoll il-funzjonijiet tagħhom.

    47      Sa fejn, fil-kuntest tal-ewwel aggravju, CFCMCEE tikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Fil-fatt, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u sabiex tevalwa l-provi. Għalhekk, ħlief fil-każ tad-distorsjoni tagħhom, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma jikkostitwixxux punti ta’ dritt li huma suġġetti, fihom infushom, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C-214/05 P, Ġabra p. I-7057, punt 26).

    48      Issa peress li ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi ppreżentati lill-Qorti Ġenerali ma ġie allegat sa fejn jirrigwarda l-imsemmija konstatazzjonijiet, hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel aggravju, sa fejn jikkritika dawn il-konstatazzjonijiet, bħala manifestament inammissibbli.

    49      Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel aggravju bħala parzjalment manifestament infondat u parzjalment manifestament inammissibbli.

    50      Dwar it-tieni aggravju, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 54 tas-sentenza Eurohypo vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li għalkemm teżisti ċerta sovrapożizzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark indikati fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94, xorta jibqa’ l-fatt li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-imsemmi Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija indipendenti mill-oħrajn u tirrikjedi eżami separat.

    51      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett, fil-punti 30 sa 34 tas-sentenza appellata, eżaminat l-eżistenza ta’ raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni dedotta mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, filwaqt li fakkret il-bażijiet legali kif ukoll il-prinċipji tal-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark. Sussegwentement hija analizzat, fil-punti 35 sa 51 tal-istess sentenza, il-perċezzjoni tas-sinjali inkwistjoni mill-pubbliku rilevanti. Fi tmiem din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell seta’ validament jikkunsidra, essenzjalment, li l‑imsemmija sinjali, evalwati kollha flimkien, ma għandhomx karattru inabitwali jew arbitrarju u li l-pubbliku rilevanti li jitkellem bl-Ingliż jipperċepihom immedjatament, kemm fid-dettalji tagħhom kif ukoll kollha flimkien, bħala li jirrigwardaw kards li jippermettu jew aċċess bi ħlas għal netwerk ta’ komunikazzjoni informatika jew elettronika, bħall‑Internet, jew ħlas elettroniku fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali magħmula permezz ta’ tali netwerk. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 58 sa 62 tas-sentenza appellata, il-karattru distintiv tas-sinjali inkwistjoni, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 tal-Ftehim ta’ Nice, li fir-rigward tagħhom intalab l-annullament tas-sentenza appellata.

    52      Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tas-sentenza appellata, is-sovrapożizzjoni bejn ir-raġunijiet assoluti għal rifjut timplika, b’mod partikolari, li trade mark verbali deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi tista’, minħabba dan il-fatt, ma tkunx ta’ karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, bla ħsara għal raġunijiet oħra li jistgħu jiġġustifikaw dan in-nuqqas ta’ karattru distintiv (ara, b’analoġija, is-sentenza Eurohypo vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    53      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 60 tas-sentenza appellata li s-sinjali inkwistjoni għandhom karattru deskrittiv fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, li jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice, hekk li ma humiex ta’ karattru deskrittiv.

    54      Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

    55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

     Fuq l-ispejjeż

    56      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li CFCMCEE tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tordna:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (CFCMCEE) hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq