Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62007CJ0138
Judgment of the Court (First Chamber) of 12 February 2009.#Belgische Staat v Cobelfret NV.#Reference for a preliminary ruling: Hof van Beroep te Antwerpen - Belgium.#Directive 90/435/EEC - Article 4(1) - Direct effect - National legislation designed to prevent double taxation of distributed profits - Deduction of the amount of dividends received from a parent company’s basis of assessment only in so far as it has made taxable profits.#Case C-138/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-12 ta' Frar 2009.
Belgische Staat vs Cobelfret NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Beroep te Antwerpen - il-Belġju.
Direttiva 90/435/KEE - Artikolu 4(1) - Effett dirett - Leġiżlazzjoni nazzjonali bil-għan li titneħħa t-taxxa doppja mill-profitti mqassma - Tnaqqis tal-ammont ta’ dividendi riċevuti mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent biss sa fejn tkun għamlet profitti taxxabbli.
Kawża C-138/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-12 ta' Frar 2009.
Belgische Staat vs Cobelfret NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Beroep te Antwerpen - il-Belġju.
Direttiva 90/435/KEE - Artikolu 4(1) - Effett dirett - Leġiżlazzjoni nazzjonali bil-għan li titneħħa t-taxxa doppja mill-profitti mqassma - Tnaqqis tal-ammont ta’ dividendi riċevuti mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent biss sa fejn tkun għamlet profitti taxxabbli.
Kawża C-138/07.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:82
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
12 ta’ Frar 2009 ( *1 )
“Direttiva 90/435/KEE — Artikolu 4(1) — Effett dirett — Leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li titneħħa t-taxxa doppja fuq il-profitti mqassma — Tnaqqis tal-ammont ta’ dividendi riċevuti mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent biss sa fejn tkun għamlet profitti taxxabbli”
Fil-Kawża C-138/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van beroep te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Marzu 2007, fil-proċedura
Belgische Staat
vs
Cobelfret NV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Cobelfret NV, minn A. Huyghe u M. Isenbaert, avukati, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, bħala aġent, assistita minn J. Werbrouck, advocaat, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, W. Wils u W. Roels, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147 — 150). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Belgische Staat u l-kumpannija Cobelfret NV (iktar ’il quddiem “Cobelfret”) dwar l-istabbiliment tal-ammont tad-dħul taxxabbli ta’ din taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin fiskali 1992 sa 1998. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 |
Skont it-tielet premessa tagħha, id-Direttiva 90/435 għandha l-għan, b’mod partikolari, li telimina l-iżvantaġġi fiskali sostnuti mill-gruppi ta’ kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta pparagunati ma’ gruppi ta’ kumpanniji tal-istess Stat Membru. |
4 |
Taħt l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 90/435, l-istatus tal-kumpannija parent għandu jiġi attribwit lil kull kumpannija ta’ Stat Membru li twettaq ċerti kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva u li jkollha sehem minimu ta’ 25 % fil-kapital ta’ kumpannija ta’ Stat Membru ieħor li twettaq l-istess kundizzjonijiet. |
5 |
L-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi : “1. Meta kumpannija ġenitur [parent], bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur [parent] għandu, għajr meta din ta’ l-aħħar tiġi llikwidata, jew:
2. Madankollu, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżomm il-għażla li jipprovdi illi kull impost li jkollu x’jaqsam ma’ l-ishma u kull telf li jirriżulta mit-tqassim tal-qligħ tal-kumpannija sussidjarja jistgħu ma jitnaqqsux mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija ġenitur [parent]. Meta l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma f’dan il-każ jiġu ffissati bħala rata waħda uniformi, l-ammont iffissat ma jistax jaqbeż il 5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja.” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 |
Id-Direttiva 90/435 ġiet trasposta fil-liġi Belġjana permezz tal-liġi tat-23 ta’ Ottubru 1991 (Belgisch Staatsblad, tal-15 ta’ Novembru 1991, p. 25619), li biddel is-sistema ta’ dħul intaxxat b’mod definittiv (iktar ’il quddiem is-“sistema DID”) eżistenti u ffissat għal 95 % l-ammont tal-dividendi riċevuti li jistgħu jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent. |
7 |
Wara l-kodifikazzjoni li seħħet fl-1992, id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar is-sistema DID inġabru fl-Artikoli 202, 204 u 205 tal-Kodiċi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, ikkoordinat mid-Digriet Irjali tal-10 ta’ April 1992 u kkonfermat mil-liġi tat-12 ta’ Ġunji 1992 (Suppliment għal Belgisch Staatsblad tat-30 ta’ Lulju 1992, iktar ’il quddiem “KTD 1992”), kif implementat mid-Digriet Irjali ta’ Eżekuzzjoni tal-Kodiċi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992 (Belgisch Staatsblad tat-13 ta’ Settembru 1993, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali ta’ Eżekuzzjoni tal-KTD 1992”). |
8 |
Skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, kumpannija tista’ tnaqqas mir-riżultat tagħha 95 % tad-dividendi riċevuti mingħand is-sussidjarji tagħha skont id-Direttiva 90/435, għal dħul intaxxat b’mod definittiv (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis DID”). |
9 |
Il-funzjonament tas-sistema DID jista’ jkun deskritt fil-qosor kif ġej. Inizjalment, id-dividend imqassam mis-sussidjarja għandu jkun inkluż fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent. Imbagħad, dan id-dividend huwa mnaqqas minn din il-bażi taxxabbli, iżda biss sa fejn, għall-perijodu taxxabbli kkonċernat, profitt pożittiv wara t-tnaqqis ta’ profitti oħra eżentati. |
10 |
B’hekk, l-Artikolu 202 tal-KTD 1992 jipprovdi: “1. Għandhom jitnaqqsu wkoll mill-profitti mill-perijodu taxxabbli, sa fejn huma inklużi:
[…]” |
11 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 204 tal-KTD 1992 juża’ l-kliem li ġej: “Id-dħul li jista’ jitnaqqas skont l-Artikolu 202(1)(1) […] suppost jaqa’ taħt il-profitti tal-perijodu taxxabbli sa 95 % tal-ammont miġbur jew riċevut eventwalment miżjud bil-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq id-dħul fuq proprjetà mobbli reali jew fittizja […]” |
12 |
L-Artikolu 205(2) tal-KTD 1992 jipprovdi: “It-tnaqqis previst fl-Artikolu 202 huwa limitat għall-ammont tal-profitti tal-perijodu taxxabbli, li jibqa’ wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 199 […] […]” |
13 |
L-Artikolu 77 tad-Digriet Irjali ta’ Eżekuzzjoni tal-KTD 1992 jipprovdi: “L-ammonti previsti fl-Artikoli 202 sa 205 tal-[KTD] 1992 li jistgħu jitnaqqsu abbażi tad-dħul intaxxat b’mod definittiv […] huma mnaqqsa sal-ammont tal-profitti li jibqgħu wara li jiġi applikat l-Artikolu 76; dan it-tnaqqis iseħħ fid-dawl tal-provenjenza tal-profitti, u minn qabel fuq dawk li fihom l-imsemmija ammonti huma inklużi.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 |
Cobelfret, kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Belġju, irċeviet, matul is-snin fiskali 1992 sa 1998, dividendi fuq l-ismha tagħha f’kumpanniji stabbiliti fit-territorju Komunitarju, għalkemm kienet qed tagħmel telf matul diversi minn dawn is-snin. |
15 |
Skont il-leġiżlazzjoni Belġjana, Cobelfret ma setgħetx tibbenefika mit-tnaqqis DID għal snin li fihom għamlet telf, u lanqas tittasferixxi għas-sena ta’ wara l-parti ta’ dan it-tnaqqis DID li ma ntużatx, meta t-tnaqqis DID li Cobelfret setgħet titlob kien għola mill-profitti taxxabbli tagħha. |
16 |
Konsegwentement, peress li kkunsidrat li d-dividendi riċevuti ma kinux totalment eżentati mit-taxxa, Cobelfret ressqet ilmenti dwar l-avviż ta’ taxxa għat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin fiskali 1992 sa 1998. |
17 |
Peress li dawn l-ilmenti ġew miċħuda, Cobelfret ressqet rikors quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Antwerp), li, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2005, ikkunsidrat b’mod partikolari li l-fatt li jiġi limitat it-tnaqqis DID għall-ammont tal-profitti magħmula matul il-perijodu taxxabbli u li kien jirriżulta wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 199 tal-KTD 1992 iwassal għal tassazzjoni parzjali tal-profitti mqassma ta’ Cobelfret, ħaġa li hija inkompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. |
18 |
Il-Belgische Staat appella mill-imsemmija sentenza quddiem il-Hof van beroep te Antwerpen (Qorti tal-appell ta’ Antwerp). Din il-qorti kkunsidrat li, sabiex tiġi stabbilita r-realtà tad-dħul taxxabli ta’ Cobelfret għal dak li jirrigwarda s-snin fiskali kontenzjużi, huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-effett dirett tad-Direttiva 90/435 kif ukoll fuq l-inkompatibbiltà eventwali tal-Artikolu 205(2) tal-KTD 1992 ma’ din id-direttiva. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Leġiżlazzjoni bħal dik tas-[sistema DID], li abbażi tagħha dividendi rilevanti l-ewwel jiġu miżjuda mal-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent u, suċċessivament, l-ammont tad-dividendi riċevuti jitnaqqas biss, skont l-Artikolu 205(2) tal-[KTD 1992], mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent (sa ammont ta’ 95 %) jekk l-imsemmija kumpannija parent tkun għamlet profitt taxxabbli, hija kompatibbli mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435 […] sa fejn ir-riżultat ta’ tali restrizzjoni fuq it-tnaqqis [DID] huwa li kumpannija parent, f’sena finanzjarja sussegwenti, tiġi ntaxxata fuq id-dividendi li hija tkun irċeviet fil-każ fejn hija ma kellhiex, jew ma kellhiex biżżejjed profitti taxxabbli matul il-perijodu taxxabbli li fih hija rċeviet id-dividendi, jew minn tal-anqas ir-riżultat li t-telf fiskali marbut mal-perijodu taxxabbli inkwistjoni jintuża b’mod żbaljat u konsegwentement ma jibqax trasferibbli sal-ammont tad-dividendi riċevuti, li, f’kull każ, fin-nuqqas ta’ telf fiskali, xorta waħda kellhom jiġu eżentati sa 95 %?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
20 |
Hekk kif jirriżulta mil-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 90/435 tipprovdi għat-tqassim tal-profitti rċevuti mill-kumpanniji ta’ Stat Membru li jkunu ġejjin mis-sussidjarji tagħhom fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din skont it-tipi ta’ kumpanniji kif elenkati fl-anness ta’ din id-direttiva, filwaqt li l-Artikolu 3(1) tagħha jipprovdi għal sehem minimu li minnu kumpannija tista’ tiġi kkunsidrata bħala kumpannija parent u oħra bħala s-sussidjarji tagħha taħt id-Direttiva 90/435. |
21 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-qort tar-rinviju naqset milli tindika l-provenjenza tad-dividendi riċevuti minn Cobelfret u l-perċentwali ta’ ishma li din tal-aħħar kellha fil-kumpanniji li jqassmu d-dividendi. |
22 |
Cobelfret issostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma ġiet ikkontradita f’dan ir-rigward mill-Gvern Belġjan, li hija rċeviet dividendi tas-sussidjarji tagħha stabbiliti fir-Renju Unit u li l-ishma tagħha f’dawn kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/435. |
23 |
Jekk il-verifika tal-preċiżjoni ta’ dawn il-fatti ma ssirx fl-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u taqa’ taħt il-qorti nazzjonali (sentenza tas-16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger, 104/77, Ġabra p. 791, punt 4), hija ukoll il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-Artikolu 234 KE, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti deċiżjoni kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss, b’mod partikolari, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, C-500/06, Ġabra p. I-5785, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Issa, fil-kawża preżenti, ma jirriżultax b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju meħtieġa mill-qorti tar-rinviju hija rrilevanti għaliha, peress li l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari bara minn hekk ma ġietx ikkontestata la minn Cobelfret, la mill-Gvern Belġjan u lanqas mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. |
Fuq il-mertu
26 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra neċessarju li jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni jistax ikollha effett dirett. Dawn iż-żewġ aspetti għandhom jiġu eżaminati separatament. |
Fuq il-portata tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435
27 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-dividendi riċevuti minn kumpannija parent huma inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha, sabiex imbagħad jitnaqqsu sa massimu ta’ 95 % sa fejn għall-perijodu taxxabbli kkonċernat, ikun hemm profitt pożittiv wara t-tnaqqis ta’ profitt eżenti ieħor. |
28 |
Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet premessa tagħha, id-Direttiva 90/435 hija intiża sabiex telimina, billi tiġi stabbilita sistema ta’ tassazzjoni komuni, kull żvantaġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji fl-istess Stat Membru u sabiex b’hekk tiffaċilita l-ġabra ta’ kumpanniji fuq livell Komunitarju (ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2008, Banque Fédérative du Crédit Mutuel, C-27/07, Ġabra p. I-2067, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità fuq il-livell ta’ tassazzjoni, tat-tqassim ta’ profitt minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija parent tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, id-Direttiva 90/435 għaldaqstant hija intiża sabiex tevita taxxa doppja ta’ dawn il-profitti, f’termini ekonomiċi, jiġifieri sabiex jiġi evitat li l-profitti mqassma ma jkunx intaxxat, l-ewwel darba, f’idejn il-kumpannija sussidjarja u, it-tieni darba, f’idejn il-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banque Fédérative du Crédit Mutuel, iċċitata, punti 24 u 27). |
30 |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jipprovdi li meta kumpannija parent, bis-saħħa tal-assoċjazzjoni mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat Membri li fih hija stabbilita l-kumpannija parent għandu jew iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti, jew jawtorizza lill-kumpannija parent sabiex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa tagħha dik il-frazzjoni tat-taxxa tas-sussidjarja relatata ma’ dawn il-profitti u, jekk dan ikun il-każ, l-ammont tat-taxxa minn ras il-għajn imposta mill-Istat Membru li fih tkun residenti s-sussidjarja, sal-limitu tal-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti (sentenza Banque Fédérative du Crédit Mutuel, iċċitata, punt 25). |
31 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 b’hekk tħalli espliċitament lill-Istati Membri l-għażla bejn is-sistema tal-eżenzjoni u s-sistema tal-imputazzjoni, li, fir-rigward ta’ azzjonist li jirċievi d-dividendi, mhux neċessarjament iwasslu għall-istess riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punti 43 u 44). |
32 |
Mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Belġjan jirriżulta li s-sistema li r-Renju tal-Belġju għażel hija dik prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Skont dan il-gvern, it-tnaqqis DID jiggarantixxi li l-ebda taxxa ma tittieħed mill-kumpannija parent fuq id-dividendi riċevuti minnha minħabba s-sehem tagħha fis-sussidjarji tagħha. |
33 |
Għandu jingħad li l-obbligu tal-Istat Membru li għażel is-sistema prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 li jastjeni milli jintaxxa l-profitti li l-kumpannija parent tirċievi bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha m’għandu miegħu l-ebda kundizzjoni u huwa espress taħt l-unika riżerva tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu kif ukoll ta’ dik prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. |
34 |
L-ebda kundizzjoni ma hija partikolarment prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ profitti taxxabbli oħra sabiex id-dividendi riċevuti mill-kumpannija parent ma jkunux suġġetti għat-taxxa. |
35 |
Madankollu, is-sistema DID, li tipprovdi li d-dividendi riċevuti minn kumpannija parent jiġu miżjuda mal-bażi taxxabbli tagħha u li, b’hekk, ammont ta’ 95 % ta’ dawn id-dividendi jitnaqqas biss minn din il-bażi meta jeżistu profitti taxxabbli fil-kumpannija parent, għandha bħala effett li din il-kumpannija parent tista’ tibbenefika totalment minn dan il-vantaġġ biss jekk ma tkunx sostniet, fir-rigward ta’ dħul taxxabbli ieħor, riżultat negattiv għall-istess perijodu. |
36 |
Issa, hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Istati Membri ma jistgħux unilateralment jistabbilixxu miżuri restrittivi, bħar-rekwiżit tal-eżistenza ta’ profitti taxxabbli tal-kumpannija parent, biex b’hekk jimponu kundizzjonijiet fuq il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-vantaġġi previsti mid-Direttiva 90/435. |
37 |
Barra minn hekk, meta l-kumpannija parent ma tagħmilx profitti taxxabbli oħra fil-perijodu taxxabbli kkonċernat, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha effett li tnaqqas it-telf tal-kumpannija parent sad-dividendi riċevuti. |
38 |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan jammetti li l-limitazzjoni tat-tnaqqis DID tipproduċi effetti fuq it-telf tal-kumpannija parent. Madankollu, skont dan il-gvern, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ma jimplikax il-projbizzjoni ta’ effetti bħal dawn fuq it-telf. |
39 |
Issa, għandu jingħad li mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana tipprovdi għat-trasferiment tat-telf għal fuq snin fiskali sussegwenti. Konsegwentement, it-tnaqqis tat-telf tal-kumpannija parent li seta’ jibbenefika minn dan it-trasferiment sal-ammont tad-dividendi riċevuti għandu effett fuq il-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija fis-sena fiskali wara dik li fiha dawn id-dividendi jkunu riċevuti, sa fejn dawn il-profitti jkunu ogħla mit-telf trasferibbli. Fil-fatt, wara t-tnaqqis tat-telf trasferibbli, l-imsemmija bażi taxxabbli ssir ogħla. |
40 |
Isegwi li, anki jekk id-dividendi riċevuti mill-kumpannija parent mhumiex intaxxati taħt it-taxxa tal-kumpanniji fis-sena fiskali li fiha dawn id-dividendi tqassmu, jirriżulta li l-imsemmi tnaqqis tat-telf tal-kumpannija parent jista’ jkollu bħala effett li l-imsemmija kumpannija parent tiffaċċa indirettament taxxa fuq dawn id-dividendi fis-snin fiskali sussegwenti, meta r-riżultat tal-kumpannija parent ikun pożittiv. |
41 |
Madankollu, effett bħal dan tal-limitazzjoni tat-tnaqqis DID mhuwiex kompatibbli mal-kliem u lanqas mal-għanijiet u s-sistema tad-Direttiva 90/435. |
42 |
Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, ma jistax jiġi dedott mill-użu tal-kliem “iżomm lura milli jintaxxa” fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, minflok il-verb “eżenta” li dan jammetti effett bħal dan tal-limitazzjoni tat-tnaqqis DID fuq it-telf tal-kumpannija parent. |
43 |
Hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, xejn fl-istruttura jew fl-għan tad-Direttiva 90/435 ma jissuġġerixxi li hemm xi differenza sinjifikanti bejn il-kunċetti ta’ “żamma lura mill-intaxxar” u “eżenzjoni mit-taxxa” tal-profitti riċevuti mill-kumpannija parent, il-Qorti tal-Ġustizzja xi kultant użat il-kelma “eżenzjoni”, u xi kultant l-obbligu li “iżomm lura milli jintaxxa” fis-sens tal-Artikolu 4(1) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 53; sentenzi ċċitati Test Claimants in the FII Group Litigation, punti 44 u 102, kif ukoll il-Banque Fédérative du Crédit Mutuel, punt 44). |
44 |
Fit-tieni lok, il-Gvern Belġjan isostni li s-sistema DID hija kompatibbli mad-Direttiva 90/435, peress li, billi d-dividendi riċevuti mis-sussidjarji stabbiliti fil-Belġju jiġu ttratati bl-istess mod bħal dawk ta’ sussidjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra, din is-sistema jirnexxielha tasal għall-għan imsemmi fit-tielet premessa ta’ din id-direttiva, li huwa li jiġi eliminat kull żvantaġġ tal-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta pparagunat mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji rreġistrati fl-istess Stat Membru. |
45 |
Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 39 u 40 tas-sentenza preżenti, meta l-kumpannija parent ma tkunx għamlet profitti taxxabbli matul il-perijodu li fih huma riċevuti d-dividendi, is-sistema DID ma tippermettix li jintlaħaq totalment l-għan tal-prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika, kif previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. |
46 |
Konsegwentement, il-fatt li, meta tiġi applikata l-imsemmija sistema għad-dividendi mqassma kemm mis-sussidjarji rreġistrati lokalment kif ukoll minn dawk irreġistrati fi Stati Membri oħra, ir-Renju tal-Belġju jipprova jelimina kull żvantaġġ fil-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti kkomparat meta mqabbel mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat Membru, ma jiġġustifikax l-applikazzjoni ta’ sistema li mhijiex kompatibbli mas-sistema ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva. |
47 |
Fit-tielet lok, filwaqt li l-Gvern Belġjan ma jsostnix li s-sistema magħżula hija dik tat-tassazzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, huwa ma jistax jinvoka l-fatt li l-limitazzjoni tat-tnaqqis DID twassal għall-inqas għall-istess riżultat bħal dak tas-sistema ta’ tassazzjoni u li xejn ma jindika li s-sistema l-oħra, li tidher fl-ewwel inċiż tal-istess paragrafu 1, għandha twassal għal riżultat iktar favorevoli minn dak previst fit-tieni inċiż. |
48 |
Issa, minn naħa, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, l-għażla bejn is-sistema ta’ eżenzjoni u s-sistema tal-imputazzjoni mhux neċessarjament twassal għall-istess riżultat fil-kumpannija li tirċievi d-dividendi. |
49 |
Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru li ma jkunx ittraspona fis-sistema legali nazzjonali tiegħu d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva ma jistax jipprekludi liċ-ċittadini Komunitarju r-restrizzjonijiet li seta’ jimponi taħt dawn id-dispożizzjonijiet (ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki, C-184/04, Ġabra p. I-3039, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Bl-istess mod, Stat Membru li fit-traspożizzjoni ta’ direttiva għażel waħda mis-sistemi alternattivi previsti minn din ma jistax japplika l-effetti jew il-limitazzjonijiet li setgħu jirriżultaw mill-implementazzjoni tas-sistema l-oħra. |
51 |
Fir-raba’ lok, għandu jingħad li r-riferimenti li saru mill-Gvern Belġjan għad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142 — 146), kif ukoll għall-mudell tal-konvenzjoni mfassla mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) huma irrilevanti għall-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. |
52 |
Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, ma jistax jiġi dedott mid-Direttiva 90/434 u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6 tagħha li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jeħtieġ biss li d-dividendi riċevuti minn kumpannija parent li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Belġju tas-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħra jiġu ttrattati bl-istess mod bħad-dividendi mħallsa mis-sussidjarji ta’ din il-kumpannija stabbilita fil-Belġju, mingħajr ma tipprojbixxi l-effetti fuq it-telf li jseħħ mil-limitazzjoni tat-tnaqqis DID. |
53 |
Fil-fatt, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 90/434 jipprovdi li, sa fejn u sakemm, jekk il-ħidmiet ta’ inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attiv u l-iskambji tal-ishma jkunu ġew effettwati bejn kumpanniji mill-Istati Membri tal-kumpannija li titrasferixxi, l-Istati Membri jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-kumpannija riċevitriċi li tieħu fuqha t-telf tal-kumpannija li titrasferixxi li ma jkunx għadu ġie eżawst għall-għanijiet tat-taxxa, l-Istati Membri għandhom jestendu dawn id-dispożizzjonijiet biex jiġi kopert it-teħid ta’ dan it-telf mill-istabbilimenti permanenti tal-kumpannija riċevitriċi fit-territorju tiegħu. B’hekk, dan l-artikolu għandu kontenut materjali differenti minn dak tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Barra minn hekk, ma jagħmel l-ebda referenza għal din l-aħħar dispożizzjoni. |
54 |
Il-Gvern Belġjan ma setax lanqas juża’ n-nuqqas, fil-mudell tal-konvenzjoni mfassal mill-OECD, tar-regoli preċiżi li jirrigwardaw il-metodi li permezz tagħhom is-sistema ta’ eżenzjoni għandha tiġi implementata, b’mod li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu dan. |
55 |
F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jingħad li att Komunitarju bħad-Direttiva 90/435, sakemm ma jkunx indikat speċifikament mod ieħor, għandu jiġi interpretat fil-kuntest tas-sorsi u tas-sistema legali Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1973, Muras, 12/73, Ġabra p. 963, punt 7). |
56 |
Huwa biss fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ att konvenzjonali jew unilaterali, il-kriterji ta’ kif titqassam is-setgħa tagħhom li jiġbru t-taxxa, b’mod partikolari, sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja, li jieħdu l-miżuri neċessarji għal dan il-għan, billi jużaw, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ tqassim użati fil-prassi fiskali internazzjonali, inkluż il-mudelli ta’ konvenzjoni mfasslin mill-OECD (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fil-każ preżenti, dan mhux il-każ. |
57 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, id-domanda għandha tiġi risposta li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li d-dividendi riċevuti minn kumpannija parent huma inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha, sabiex sussegwentement jitnaqqsu sa massimu ta’ 95 % sa fejn, għall-perijodu taxxabbli kkonċernat, ikun hemm profitt pożittiv wara t-tnaqqis ta’ profitti eżentati l-oħra. |
Fuq l-effett dirett tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435
58 |
Għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew ikun għamel traspożizzjoni tagħhom b’mod inkorrett (ara, b’mod patikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 11; tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 25, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 103). |
59 |
Il-Gvern Belġjan isostni li l-għażla mogħtija mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 lill-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-metodi tat-trattament fiskali tal-profitti mqassma lil kumpannija parent mis-sussidjarji tagħha, kif ukoll in-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-metodi u l-portata tagħhom għandhom bħala konsegwenza li din id-dispożizzjoni mhijiex inkundizzjonata jew, għall-inqas, mhijiex suffiċjentement speċifika sabiex toħloq effett dirett. |
60 |
Skont il-Gvern Belġjan, l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tiġi meqjusa l-iktar bħala inkundizzjonata u suffiċjentement speċifika fir-rigward tar-riżultat minimu li huwa ggarantit mill-implementazzjoni ta’ kull wieħed mill-metodi li hija tawtorizza. |
61 |
Minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li f’dan ir-rigward, l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri, li jagħżlu minn fost nurmu ta’ mezzi possibbli sabiex jintlaħaq ir-riżultat meħtieġ mid-direttiva, ma teskludix għall-individwi, li jressqu quddiem il-qrati nazzjonali d-drittijiet li l-kontenut tiegħu jista’ jiġi ddeterminat bi preċiżjoni suffiċjenti abbażi biss tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Francovich et, iċċitata, punt 17, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Flughafen Köln vs Bonn, C-226/07, Ġabra p. I-5999, punt 30). |
62 |
Madankollu, f’dan il-każ m’għandux jiġi vverifikat jekk, minkejja l-għażla mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, huwa possibbli li jiġu identifikati d-drittijiet minimi mogħtija lill-individwi taħt din id-dispożizzjoni. |
63 |
Fil-fatt, sa fejn jirriżulta mill-atti li r-Renju tal-Belġju jkun għażel għas-sistema prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, huwa suffiċjenti li jiġi vverifikat jekk din id-dispożizzjoni hijiex inkundizzjonata u suffiċjentement speċifika sabiex tkun tista’ tiġi invokata quddiem il-qrati nazzjonali. |
64 |
Issa, l-obbligu li wieħed jastjeni milli jintaxxa l-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1), huwa fformulat fi kliem mhux ekwivoċi u mhuwiex suġġett marbut ma xi kundizzjoni u u lanqas suġġett fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu għal xi att ieħor, li jinħareġ kemm mill-istituzzjonijiet Komunitarji kif ukoll mill-Istati Membri. |
65 |
B’hekk jirriżulta li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 huwa inkundizzjonat u suffiċjentement speċifiku sabiex ikun jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali. |
Fuq it-talba tal-limitazzjoni fiż-żmien tal-effetti tas-sentenza
66 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita fiż-żmien l-effetti tas-sentenza tagħha, fil-każ fejn din kellha tinterpreta l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħas-sistema DID. |
67 |
Insotenn tat-talba tiegħu, dan il-gvern qajjem l-aspettattiva legittima li dan il-gvern seta’ jkollu, meta l-Kummissjoni kienet approvat impliċitament is-sistema DID, il-portata ta’ applikazzjoni mhux speċifika tal-imsemmi Artikolu 4(1), in-nuqqas ta’ ġurisprudenza fuq dan il-punt kif ukoll l-impatt li s-sentenza jkollha fuq il-finanzi pubbliċi Belġjani jekk din is-sistema kellha tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mad-Direttiva 90/435. |
68 |
Minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa biss f’każijiet għal kollox eċċezzjonali li hija jista’ jkollha, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali li jagħmel parti mis-sistema legali Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Sa biex tali limitazzjoni tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jiġu sodisfatti, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński, C-313/05, Ġabra p. I-513, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Issa, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Gvern Belġjan dwar l-aspettattivi legittimi, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, l-imsemmi gvern b’ebda mod ma prova, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jew matul is-seduta, juri li jeżisti riskju bħal dan ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi. |
70 |
Għalhekk, mhuwiex meħtieġ li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien. |
Fuq l-ispejjeż
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li d-dividendi riċevuti minn kumpannija parent huma inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha, sabiex sussegwentement jitnaqqsu sa l-ammont ta’ mhux iktar minn 95 % sa fejn, għall-perijodu taxxabbli kkonċernat, ikun hemm profitt pożittiv wara t-tnaqqis ta’ profitti eżentati l-oħra. |
L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 huwa inkundizzjonat u suffiċjentement speċifiku sabiex ikun jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.