EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0227

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-17 ta' Diċembru 2009.
Eva Martín Martín vs EDP Editores SL.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Audiencia Provincial de Salamanca - Spanja.
Direttiva 85/577/KEE - Artikolu 4 - Protezzjoni tal-konsumatur - Kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju - Tħassir tal-kuntratt - Obbligu tan-negozjat li jipprovdi informazzjoni dwar dan id-dritt - Nullità tal-kuntratt - Miżuri xierqa.
Kawża C-227/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-11939

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:792

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

“Direttiva 85/577/KEE — Artikolu 4 — Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju — Dritt ta’ xoljiment — Obbligu tan-negozjant li jipprovdi informazzjoni — Nullità tal-kuntratt — Miżuri xierqa”

Fil-Kawża C-227/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Salamanca (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2008, fil-proċeduri

Eva Martín Martín

vs

EDP Editores, SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), bħala President tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal EDP Editores SL, minn J. M. Sanchez Garcia, avukat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz u J. López-Medel Bascones, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Vidal Puig u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/557/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din it-talba giet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn EDP Editores SL (iktar ’il quddiem “EDP”) u Eva Martín Martín wara li din tal-aħħar irrifjutat li tosserva l-obbligi li kienet suġġetta għalihom wara li ffirmat kuntratt konkluż ma’ rappreżentant tal-EDP f’darha.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Ir-raba’ u s-sitt premessi tad-Direttiva jipprovdu:

“Billi l-karatteristika speċjali tal-kuntratti magħmula barra mill-uffiċju tan-negozjant hija li bħala regola huwa n-negozjant li jibda n-negozjati għall-kuntratt, li għalih[om] il-konsumatur ma jkunx lest jew li ma jeskludix; billi ta’ spiss il-konsumatur ma jkunx jista’ jqabbel il-kwalità ta’ l-offerta ma’ offerti oħra; […]

[…] l-konsumatur għandu jingħata d-dritt li jħassar [ta’ xoljiment] tul perjodu ta’ għallanqas sebat ijiem biex ikun jista’ jivverifika l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt;

[…] għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-konsumatur ikun informat bil-miktub b’dan il-perjodu ta’ riflessjoni”

4

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tgħodd għall-kuntratti li taħthom negozjant iforni merkanzija jew servizzi lil konsumatur u li jsiru:

[…]

waqt xi żjara minn xi negozjant:

i)

fid-dar tal-konsumatur jew f’dik ta’ xi konsumatur ieħor;

[…]

meta ż-żjara ma ssirx fuq talba espressa tal-konsumatur.”

5

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva:

“Fil-każ tat-transazzjonijiet li jaqgħu taħt l-iskop ta’ l-Artikolu 1, in-negozjanti jridu jagħtu lill-konsumaturi notifika bil-miktub tad-dritt tagħhom li jħassru [li jxolju] fil-perijodu stabilit fl-Artikolu 5, flimkien ma’ l-isem u l-indirizz ta’ xi persuna li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt kontriha.

Din in-notifika għandu jkollha d-data fuqha u jrid ikollha fiha dawk id-dettalji li jippermettu li l-kuntratt ikun identifikat. Trid tingħata lill-konsumatur:

a)

fil-każ ta’ l-Artikolu 1(1), fil-ħin li jkun sar il-kuntratt;

[…]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom tistabilixxi miżuri xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur f’dawk il-kazi meta l-informazzoni msemmija f’dan l-Artikolu ma tingħatax.”

6

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva:

“1.   Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jirrinunżja għall-effetti tal-ftehim tiegħu billi jibgħat avviż fi żmien perijodu ta’ mhux anqas minn sebat ijiem minn meta tkun waslet lill-konsumatur in-notifika msemmija fl-Artikolu 4, skond il-proċedura stabilita fil-liġi nazzjonali. […]

2.   L-għotja ta’ l-avviż ikollha l-effett li tħoll lill-konsumatur minn kull obbligazzjoni li ġejja mill-kuntratt imħassar [xolt].”

7

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma tipprojibix lill-Istati Membri milli jadottaw jew jiżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli biex jipproteġu lill-konsumatur fil-qasam li jkopru.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8

Il-Liġi 26/1991, tal-21 ta’ Novembru 1991, dwar il-kuntratti konklużi barra mil-lok tan-negozju (BOE Nru 283, tas-26 ta’ Novembru 1991), tittrasponi d-direttiva fid-dritt Spanjol.

9

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   Il-kuntratt jew l-offerta kuntrattwali, imsemmijin fl-Artikolu 1, għandhom jiġu fformalizzati bil-miktub, f’żewġ kopji, flimkien ma’ dokument ta’ revoka, u għandu jkollhom data u l-firma tal-konsumatur.

2.   Id-dokument tal-kuntratt għandu jkun fih, bi kliem ċar eżatt taħt l-ispazju riżervat għall-firma tal-konsumatur, referenza ċara u preċiża għad-dritt tal-istess konsumatur li jirrevoka l-kunsens tiegħu kif ukoll għall-kundizzjonijiet u l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

3.   Id-dokument ta’ revoka għandu jkun fih, b’mod ċar, il-kliem “dokument ta’ revoka” u għandu jindika l-isem u l-indirizz tal-persuna li jrid jintbagħat lilha, kif ukoll id-dettalji li jippermettu li jiġi identifikat il-kuntratt u l-kontraenti.

4.   Wara li jiġi ffirmat, in-negozjant jew il-persuna li taġixxi f’ismu għandu jagħti lill-konsumatur waħda mill-kopji tal-kuntratt kif ukoll id-dokument ta’ revoka.

5.   Huwa l-obbligu tan-negozjant li jipprova li l-obbligi li għalihom jirreferi dan l-Artikolu ġew eżegwiti”

10

L-Artikolu 4 tal-Liġi 26/1991 jesponi l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3 tagħha u jipprovdi:

“Il-kuntratt konkluż jew l-offerta ppreżentata bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-artikolu preċedenti jista’ jiġi annullat fuq talba tal-konsumatur.

In-negozjant ma jista’ fl-ebda każ jinvoka n-nullità ħlief jekk in-nuqqas huwa imputabbli esklużivament lill-konsumatur”.

11

Skont l-Artikolu 9 ta’ din il-liġi:

“Il-konsumatur ma jistax jirrinunzja għad-drittijiet mogħtija b’din il-liġi. Madankollu, il-klawżoli kuntrattwali li huma iktar favorevoli għall-konsumatur għandhom jitqiesu li huma validi”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fl-20 ta’ Mejju 2003, E. Martín Martín iffirmat, f’darha, kuntratt ma’ rappreżentant tal-impriża EDP li kellu bħala suġġett l-akkwist ta’ ħmistax-il ktieb, ħames DVDs kif ukoll DVD plejer. Dawn il-prodotti ġew ikkunsinnati lilha fit-2 ta’ Ġunju 2003.

13

Peress li ma rċevietx il-ħlas tal-merkanzija kkunsinnata, l-EDP talbet lil Juzgado de Primera Instancia Nru 1 de Salamanca tiftaħ proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas kontra E. Martín Martín, sabiex tħallas l-ammont ta’ EUR 1861.52, flimkien mal-interessi legali u spejjeż.

14

Peress li l-konvenuta, permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2007, ġiet ikkundannata tħallas is-somma mitluba, hija ppreżentat appell quddiem l-Audiencia Provincial de Salamanca.

15

Fid-deċiżjoni ta’ rinviju, l-Audiencia Provincial de Salamanca qieset, l-ewwel nett, li l-kuntratt inkwistjoni jista’ jiġi ddikjarat null sa fejn il-konvenuta ma ġietx debitament informata bid-dritt li tirrevoka l-kunsens tagħha f’terminu ta’ sebat ijiem mill-kunsinna tal-merkanzija, kif ukoll bil-kundizzjonijiet u bil-konsegwenzi tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Madankollu, din il-qorti tirrileva li ebda motiv ta’ nullità ma ġie invokat minn E. Martín Martín, la quddiem il-qorti tal-ewwel istanza u lanqas fl-appell.

16

Issa, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-Artikolu 4 tal-Liġi 26/1991 jeżiġi li jkun il-konsumatur li jitlob l-annullament tal-kuntratt konkluż bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din il-liġi u li, fid-dritt Spanjol, il-proċeduri ċivili huma ġeneralment irregolati mill-prinċipju msejjaħ tad-“dispożittiv” (“de justicia rogada”), li bis-saħħa tiegħu l-qorti ma tistax tevalwa ex officio l-fatti, il-provi u t-talbiet li ma jkunux imqajma mill-partijiet, l-Audiencia Provincial de Salamanca tistaqsi jekk, sabiex tiddeċiedi fuq appell mid-deċiżjoni tal-ewwel istanza, hija għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni biss il-motivi invokati fil-kuntest tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell, jew jekk, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jippermettuhiex tiddeċiedi ex officio dwar il-possibbiltà ta’ nullità tal-kuntratt.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Salamanca, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 153 KE, flimkien mal-Artikoli 3 KE u 95 KE, kif ukoll mal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [proklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1)], u mad-[Direttiva], b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti li quddiemha tressaq appell minn sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, tiddikjara ex officio n-nullità ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq, meta fl-ebda mument ma ntalbet din in-nullità mill-konsumatur konvenut, la fil-kuntest tal-oppożizzjoni tiegħu għall-proċeduri għal ordni ta’ ħlas fis-seduta u lanqas fl-appell?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, l-Audiencia Provincial de Salamanca essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti qorti nazzjonali tirrileva ex officio l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u tiddikjara n-nullità ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva peress li l-konsumatur ma ġiex informat bid-dritt ta’ xoljiment tiegħu, minkejja li din in-nullità fl-ebda mument ma ġiet invokata mill-konsumatur quddiem il-qrati nazzjonali.

19

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu mill-bidu jitfakkar li d-dritt Komunitarju ma jirrikjedix, fil-prinċipju, li l-qrati nazzjonali jissollevaw ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligahom jmorru lil hinn mil-limiti tal-kawża ddefiniti mill-partijiet u billi jibbażaw ruħhom fuq fatti u ċirkustanzi differenti minn dawk li fuqhom il-parti li għandha interess li tapplika l-imsemmija dispożizzjonijiet ibbażat it-talba tagħha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C-430/93, Ġabra p. I-4705, punt 22, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et., C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 36).

20

Din il-limitazzjoni tas-setgħa tal-qorti nazzjonali hija ġġustifikata bil-prinċipju li jipprovdi li, l-inizjattiva ta’ proċess tappartjeni lill-partijiet u li, għalhekk, il-qorti ma tistax taġixxi ex officio ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn l-interess pubbliku jeħtieġ l-intervent tagħha (ara s-sentenzi ċċitati van Schijndel u van Veen, punt 21, kif ukoll van der Weerd et., punt 35).

21

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk id-dispożizzjoni Komunitarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 4 tad-Direttiva, tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija bbażata fuq tali interess pubbliku.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-raba’ u mill-ħames premessi, id-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi lill-konsumatur kontra r-riskju li jirriżulta mill-konklużjoni ta’ kuntratti barra mil-lok tan-negozju (sentenza tal-10 ta’ April 2008, Hamilton, C-412/06, Ġabra p. I-2383, punt 32), peress li dawn il-kuntratti jikkaratterizzaw ruħhom mill-fatt li l-inizjattiva tan-negozjati normalment tirriżulta min-negozjant u li l-konsumatur b’ebda mod ma jkun ippreparat għal tali kuntratt billi, b’mod partikolari, iqabbel il-prezz u l-kwalità tal-offerti differenti disponibbli.

23

Huwa b’kunsiderazzjoni għal tali żbilanċ li d-Direttiva tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur billi tistabbilixxi, qabel xejn, id-dritt ta’ xoljiment tal-kuntratt. Fil-fatt, tali dritt huwa intiż preċiżament li jikkumpensa l-iżvantaġġ li jirriżulta għal konsumatur permezz ta’ kuntratti bieb-bieb barra mil-lok tan-negozju billi ttih il-possibbiltà, matul sebat ijiem jew inqas, li jevalwa l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hamilton, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

24

Sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur f’sitwazzjoni li ma jkunx qiegħed jistenna, id-Direttiva teżiġi, barra minn hekk, fl-Artikolu 4, li n-negozjant għandu jinforma bil-miktub lill-konsumatur bid-dritt li jħassar il-kuntratt kif ukoll bil-kundizzonijiet u l-modalitajiet tal-eżerċizzju li huwa suġġett għalihom tali dritt.

25

Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jirriżulta li t-terminu minimu ta’ sebat ijiem għandu jiġi kkalkolat mill-mument li fih il-konsumatur irċieva l-imsemmija informazzjoni mingħand in-negozjant. Din ir-regola hija dovuta għall-fatt li, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-konsumatur ma jkollux għarfien tad-dritt ta’ xoljiment tal-kuntatt, huwa ma jkunx jista’ jeżerċità tali dritt (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Heininger, C-481/99, Ġabra p. I-9945, punt 45).

26

Fi kliem ieħor, is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva ma timplikax biss li l-konsumatur, bħala l-parti l-inqas b’saħħitha, jiddisponi mid-dritt li jxolji il-kuntratt, iżda wkoll ikollu għarfien tad-drittijiet tiegħu billi jiġi informat bihom bil-miktub.

27

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva għandu rwol ewlieni fl-istruttura ġenerali tagħha, u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tagħha, bħala garanzija essenzjali ta’ eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ tħassir, u għalhekk, tal-effett utli tal-protezzjoni tal-konsumaturi mixtieq mil-leġiżlatur Komunitarju.

28

Konsegwentement, tali dispożzjoni taqa’ taħt l-interess pubbliku, li skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 20 tas-sentenza preżenti, jista’ jiġġustifika intervent pożittiv tal-qorti nazzjonali li ssib rimedju għan-nuqqas ta’ bilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u n-negozjant fil-kuntest tal-kuntratti konklużi barra mil-lok tan-negozju.

29

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li, f’każ li l-konsumatur ma jkunx ġie indebitament informat bid-dritt ta’ revoka, il-qorti nazzjonali li tressqet il-kawża quddiemha tista’ tirrileva ex officio l-ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva.

30

Filwaqt li ġie stabbilit dan il-punt, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-Audiencia Provincial de Salamanca, huwa neċessarju, it-tieni nett, li jingħataw preċiżjonijiet fir-rigward tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn tali ksur, u b’mod iktar speċifiku, tal-possibbiltà tal-qorti nazzjonali li tressqet il-kawża quddiemha li tiddikjara null il-kuntratt konkluż bi ksur tal-obbligu inkwistjoni dwar l-għoti ta’ informazzjoni.

31

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva jagħti lill-Istati Membri r-responsabbiltà li jirregolaw l-effetti ta’ ksur tal-obbligu għal informazzjoni, il-qrati nazzjonali li quddiemhom titressaq kawża bejn individwi, għandhom, min-naħa tagħhom, jinterpretaw sa fejn possibbli r-regoli kollha tad-dritt intern fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-Direttiva sabiex jaslu għal soluzzjoni konformi mal-għan mixtieq minnha (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Schulte, C-350/03, Ġabra p. I-9215, punti 69, 71 u 102).

32

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-kunċett ta’ “miżuri xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur” li jirreferi għalihom it-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva jirrikonoxxi lill-awtoritajiet nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn nuqqas ta’ informazzjoni, sa fejn din tkun eżerċitata skont l-għan tad-Direttiva sabiex tosserva l-protezzjoni rikonoxxuta lill-konsumaturi f’kundizzjonijiet xierqa meta mqabbla mal-kundizzjonijiet xierqa fir-rigward taċ-ċirkustanzi fil-kawża inkwistjoni.

33

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li d-Direttiva twettaq armonizzazzjoni minima sa fejn, skont l-Artikolu 8, din ma tipprekludix li l-Istati Membri jadottaw jew iżommu d-dispożizzjonijiet iktar favorevoli fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam kopert minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hamilton, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

34

F’dawn il-kundizzjonijiet, miżura, bħal dik li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju, li tikkonsisti fid-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt inkwistjoni, tista’ tiġi kklassifikata bħala “xierqa” skont l-imsemmi paragrafu tal-Artikolu 4, inkwantu tippenalizza l-ksur ta’ obbligu li l-osservanza tiegħu, kif ġie rrilevat fil-punti 26 u 27 tas-sentenza preżenti, huwa essenzjali għar-rieda tal-konsumatur u għat-twettiq tal-livell ta’ protezzjoni mixtieq mil-leġiżlatur Komunitarju.

35

Għandu jiġi ppreċiżat, fl-aħħar nett, li din il-konklużjoni ma teskludix il-fatt li miżuri oħra jistgħu wkoll jiżguraw l-imsemmi livell ta’ protezzjoni, bħal pereżempju, id-dekorrenza mill-ġdid tat-termini applikabbli fil-qasam ta’ xoljiment tal-kuntratt li jippermetti lill-konsumatur jeżerċità d-dritt mogħti lilu bl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva. Min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, ir-rieda tal-konsumatur li ma jħassarx il-kuntratt inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, Ġabra p. I-4713 punt 33).

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda hija li l-Artikolu 4 tad-Direttiva ma jipprekludix li qorti nazzjonali tiddikjara ex officio n-nullità ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva abbażi tal-fatt li l-konsumatur ma jkunx ġie informat bid-dritt ta’ xoljiment tiegħu, minkejja li din in-nullità fl-ebda mument ma ġiet invokata mill-konsumatur quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/557/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju, ma jipprekludix li qorti nazzjonali tiddikjara ex officio n-nullità ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva abbażi tal-fatt li l-konsumatur ma jkunx ġie informat bid-dritt ta’ xoljiment tiegħu, minkejja li din in-nullità fl-ebda mument ma ġiet invokata mill-konsumatur quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq