Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0192

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-12 ta' Novembru 2009.
    TeliaSonera Finland Oyj.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein hallinto-oikeus - il-Finlandja.
    Settur tat-telekomunikazzjonijiet - Komunikazzjonijiet elettroniċi - Direttiva 2002/19/KE - Artikolu 4(1) - Netwerks u servizzi - Ftehim ta’ interkonnessjoni bejn impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet - Obbligu ta’ negozjati in bona fede - Kunċett ta’ ‘operatur ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet’ - Artikoli 5 u 8 - Kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali - Impriża li m’għandhiex saħħa sinjifikattiva fuq is-suq.
    Kawża C-192/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-10717

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:696

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    12 ta’ Novembru 2009 ( *1 )

    “Settur tat-telekomunikazzjonijiet — Komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/19/KE — Artikolu 4(1) — Netwerks u servizzi — Ftehim ta’ interkonnessjoni bejn impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet — Obbligu ta’ negozjati in bona fide — Kunċett ta’ ‘operatur ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet’ — Artikoli 5 u 8 — Kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq”

    Fil-Kawża C-192/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-proċedura

    TeliaSonera Finland Oyj,

    fil-preżenza ta’:

    iMEZ Ab,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tar-raba’ Awla, aġent President tat-Tieni Awla, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ April 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal TeliaSonera Finland Oyj, minn K. Mattila, oikeustieteen kandidaatti,

    għal iMEZ Ab, minn S. Aalto, asianajaja,

    għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

    għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Litwan, minn I. Jarukaitis, bħala aġent,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Mol, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

    għall-Gvern Rumen, minn A. Ciobanu-Dordea, bħala aġent, assistit minn E. Gane u L. Nicolae, consilieri,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Koskinen u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminarja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1), 5 u 8 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors bejn TeliaSonera Finland Oyj (iktar ’il quddiem “TeliaSonera”), aventi kawża ta’ Sonera Mobile Networks Oy u l-Viestintävirasto (awtorità tat-telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem l-“ART” u iMEZ Ab (iktar ’il quddiem “iMEZ”) fir-rigward ta’ deċiżjoni meħuda fil-11 ta’ Diċembru 2006 mill-ART fir-rigward ta’ TeliaSonera.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    Il-premessi 5, 6, 8 u 19 tad-Direttiva tal-Aċċess jistabbilixxu li:

    “(5)

    F’suq miftuħ u kompetittiv, ma għandu jkun hemm ebda restrizzjonijiet li jipprevjenu lill-impriżi milli jinnegozjaw arranġamenti ta’ aċċess u ta’ interkonnessjoni bejniethom, b’mod partikolari arranġamenti transkonfin[ali], bla ħsara għar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat [KE]. Fil-kuntest tal-ksib ta’ suq aktar effiċjenti, u verament pan-Ewropew, b’kompetizzjoni effettiva, aktar għażla u servizzi kompetittivi lill-konsumaturi, impriż li jirċievu talbiet għall-aċċess jew inter-konnessjoni għandhom fil-prinċipju jikkonkludu dawn l-arranġamenti fuq bażi kummerċjali u jinnegozjaw in bona fide.

    (6)

    Fi swieq fejn għad baqa’ differenzi kbar fis-saħħa ta’ l-innegozjar bejn l-impriżi, u fejn xi impriżi joqgħodu fuq l-istruttura fornuta minn oħrajn għat-twassil tas-servizzi tagħhom, huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas biex jiġi żgurat li s-suq jiffunzjona b’mod effettiv. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jiżguraw, fejn in-negozjati kummerċjali jfallu, aċċess u inter-konnessjoni adegwati u l-interoperabilità ta’ servizzi fl-interess ta’ l-utent finali. B’mod partikolari, jistgħu jiżguraw konnettività tarf ma tarf billi jimponu obbligi proporzjonati fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utent finali; […]

    […]

    (8)

    L-operaturi tan-networks li jikkontrollaw l-aċċess lill-klijenti tagħhom stess jagħmlu dan fuq il-bażi ta’ numri jew indirizzi uniċi minn firxa ta’ numeri jew indirizzi publikat. Operaturi oħra ta’ networks għandhom għandhom ikunu jistgħu jwasslu t-traffiku lill-klijenti tagħhom, u għalhekk għandhom ikunu jistgħu jinterkonnettjaw direttament jew indirettament ma’ xulxin. Id-drittijiet u l-obbligi eżistenti għan-negozjar ta’ inter-konnessjoni għandhom għalhekk jinżammu fis-seħħ. […]

    […]

    (19)

    L-obbligu ta’ l-aċċess għall-infrastruttura tan-networks jista’ jkun ġustifikat bħala mezz biex tiżdied il-kompetizzjoni, iżda l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jibbilanċjaw id-drittijiet tas-sid ta’ l-infrastruttura biex jisfrutta l-infrastruttura tiegħu għall-benefiċċju tiegħu stess, u d-drittijiet ta’ fornituri oħra ta’ servizzi li jkollhom aċċess għall-faċilitajiet li huma essenzjali għall-forniment ta’ servizzi kompetituri. Fejn obbligi huma mposti fuq operaturi li jeħtiġuhom li jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għall-elementi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati u l-użu tagħhom, dawk it-talbiet għandhom jiġu rifjutati biss fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma l-kapaċità teknika jew il-ħtieġa li tinżamm l-integrità tan-network. […]”

    4

    Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Aċċess:

    “[D]in id-Direttiva […] tarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ma’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati. L-għan huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju, skond il-prinċipji tas-suq intern, għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi li ser jirriżultaw f’kompetizzjoni sostenibbli, interoperabilità ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u benefiċċji għall-konsumatur.”

    5

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jinkludi b’mod partikolari d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “[…]

    (a)

    “aċċess” tfisser it-tagħmil disponibbli ta’ faċilitajiet u/jew servizzi, lill-impriża oħra, taħt kondizzjonijiet definiti, fuq bażi jew esklussiva jew mhux esklussiva, għall-għan tal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Tkopri fost ħwejjeġ oħra: aċċess għall-elementi ta’ network u faċilitajiet assoċjati, li jista’ jinvolvi l-konnessjoni ta’ tagħmir, b’mezzi fissi jew mhux fissi (b’mod partikolari dan jinkludi aċċess ma linja lokali u għal faċilitajiet u servizzi meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi fuq il-linja lokali), aċċess għal infrastruttura fiżika li tinkludi bini, kanali u arbli; l-aċċess għal sistemi relevanti ta’ software inklużi s-sistemi ta’ sostenn operazzjonali, aċċess għat-traduzzjoni tan-numru jew għal sistemi li joffru funzjonalità ekwivalenti, aċċess għal networks fissi u mobbli, b’mod partikolari għar-roaming, aċċess għal sistemi ta’ aċċess kondizzjonat għall-servizzi tat-televiżjoni diġitali; aċċess għal servizzi ta’ network virtwali;

    (b)

    “interkonnessjoni” tfisser il-konnessjoni fiżika u loġika ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet wżati mill-istess impriża jew waħda differenti sabiex tippermetti lill-utenti ta’ impriża waħda li jikkomunikaw ma utenti ta’ l-istess impriża jew oħra, jew li jkollhom aċċess għal servizzi provduti minn impriża oħra. Is-servizzi jistgħu jiġu fornuti mill-partijiet involuti jew minn partijiet oħra li jkollhom aċċess għan-network. L-interkonnessjoni hija tip speċifiku ta’ aċċess implimentat bejn operaturi ta’ networks pubbliċi;

    (ċ)

    “operatur” tfisser impriża li tforni jew tawtorizza l-provvista ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew faċilità assoċjata;

    […]”

    6

    Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Aċċess:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda restrizzjonijiet li jipprevjenu impriżi fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri differenti milli jinnegozjaw bejniethom ftehim jew arranġamenti tekniċi u kummerċjali għall-aċċess u/jew interkonnessjoni, skond il-liġi tal-Komunità. L-impriża li titlob aċċess jew interkonnessjoni ma għandhiex il-ħtieġa li tkun awtorizzata li topera fl-Istat Membru fejn l-aċċess jew l-interkonnessjoni tintalab, jekk ma tkunx qed tforni servizzi jew ma tkunx topera network f’dak l-Istat Membru.”

    7

    L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Drittijiet u obbligi għall-impriżi” jaqra kif ġej:

    “1.   L-operaturi ta[n]-network[s] pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet għandu jkollhom dritt u, meta jintalbu minn impriżi oħra hekk awtorizzati, obbligazzjoni li jinnegozjaw interkonnessjoni ma’ xulxin għall-għan li jfornu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament, sabiex tiġi żgurata provista u interoperabilità ta’ servizzi mal-Komunità kollha. L-operaturi għandhom joffru aċċess u interkonnessjoni lill-impriżi oħra fuq termini u kondizzjonijiet konsistenti ma l-obbligi imposti mill-awtorità regolatorja nazzjonali skond Artikoli 5, 6, 7 u 8.

    […]”

    8

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Setgħat u responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni”, jipprovdi:

    “1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)], iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabilità ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.

    B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi b’saħħa sinjifikanti fis-suq skond Artikolu 8, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu:

    (a)

    sal-limitu li huwa meħtieġ biex tiġ żgurata konnettività tarf sa tarf, obbligi fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tar-network tagħhom fejn dan ma jkunx diġà l-każ;

    […]

    2.   Meta jipprovdu obbligi fuq operatur biex jipprovdi aċċess skond Artikolu 12, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jistipulaw kondizzjonijiet tekniċi jew operazzjonali li għandhom jitħarsu mill-fornitur u/jew il-benefiċjarji ta’ dak l-aċċess skond il-liġi tal-Komunità, fejn meħtieġ biex tiġi żgurata l-operazzjoni normali tar-network. Kondizzjonijiet li jirreferi għall-implimentazzjoni ta’ standards tekniċi speċifiċi jew speċifikazzjonijiet għandhom jirrispettaw Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    3.   L-obbligi u l-kondizzjonijiet imposti skond il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, u għandhom jiġu mplimentati skond il-proċedura msemmija f’Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    4.   Fir-rigward ta’ l-aċċess u l-interkonnessjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja nazzjonali nazzjonali jkollha s-setgħa li tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess fejn ġustifikat jew, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-impriżi, fuq talba ta’ xi wieħed mill-partijiet involuti, sabiex tiżgura l-għanijiet tal-politika ta’ Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru), skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7, 20 u 21 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).”

    9

    L-Artikoli 6 sa 13 tad-Direttiva tal-Aċċess jiddefinixxu l-obbligi imposti fuq l-operaturi u l-proċeduri għar-reviżjoni tas-suq.

    10

    B’mod partikolari, l-Artikoli 8 sa 12 ta’ din id-direttiva jiddefinixxu l-obbligi u l-proċeduri applikabbli għall-operaturi li huma identifikati li għandhom saħħa sinjifikanti f’suq partikolari.

    11

    Skont it-termini tal-imsemmi Artikolu 12 intitolat “Obbligi ta’ aċċess għal, u użu ta’, faċilitajiet ta’ networks speċifiċi”:

    “1.   L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8, timponi obbligi fuq operaturi biex jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati, fost ġwejjeġ oħra f’sitwazzjonijiet fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li ċ-ċaħda għall-aċċess jew termini u kondizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu it-tfaċċar ta’ suq kompetittiv sostenibbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew li ma jkunux fl-interess ta’ l-utent finali.

    L-operaturi jistgħu jiġu mitluba inter alia:

    (a)

    li jagħtu lill-partijiet terzi aċċess għal elementi speċifikati u/jew faċilitajiet ta’ networks, inkluż aċċess disassoċjat għal-linja lokali;

    (b)

    li jinnegozjaw in bona fide ma’ impriżi li jitolbu l-aċċess;

    […]

    (ġ)

    li jipprovdu s-servizzi speċifiċi meħtieġa biex tiġi żgurata l-interoperabilità ta’ servizzi tarf sa tarf lill-utenti, inklużi faċilitajiet għall-servizzi ta’ networks intelliġenti jew roaming fuq networks mobbli;

    […]

    (i)

    li jagħmlu interkonnessjoni ma’ networks jew faċilitajiet ta’ networks.

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu ma’ dawk l-obbligi kondizzjonijiet li jkopru l-ekwità, r-raġonevolezza u l-puntwalità.

    […]”

    12

    Min-naħa tagħha, id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), tinkludi fl-Artikolu 2(2)(a) tagħha d-definizzjoni li ġejja:

    “‘awtorizzazzjoni ġenerali’ tfisser qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jistipula obbligi speċifiċi għas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha jew għal tipi speċifiċi ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi, skond din id-Direttiva”.

    13

    L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Lista minima tad-drittijiet [minimi] li joħorġu mill-awtorizzazzjoni ġenerali” taqra kif ġej:

    “1.   Impriżi awtorizzati bis-saħħa ta’ Artikolu 3, għandu jkollhom id-dritt:

    (a)

    li jfornu networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi;

    […].

    2.   Fejn dawk l-impriżi jfornu networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet lill-pubbliku l-awtorizzazzjoni ġenerali għandha wkoll tagħtihom id-dritt:

    (a)

    li jinnegozjaw l-interkonnessjoni ma’ u fejn japplika li jiksbu aċċess għal jew interkonnessjoni minn fornituri oħra ta’ networks pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet u servizzi koperti minn awtorizzazzjoni ġenerali f’kull post fil-Komunità taħt il-kondizzjonijiet ta’ u skond id-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva tal-Aċċess);

    […]”

    14

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jipprovdi:

    “1.   L-awtorizzazzjoni ġenerali għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi […] tista’ tkun suġġetta biss għall-kondizzjonijiet elenkati rispettivament [fit-Taqsima] A […] ta’ l-Anness. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati b’relazzjoni man-network jew servizz konċernat, mhux diskriminatorji, proporzjonati u trasparenti.

    2.   L-obbligi speċifiċi li jistgħu jiġu mposti fuq fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi taħt Artikoli 5(1), 5(2), 6 u 8 tad-Direttiva tal-Aċċess […] għandhom ikunu legalment separati mid-drittijiet u l-obbligi ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali […]

    […]”

    15

    Skont il-parti A tal-Anness tal-imsemmija direttiva, waħda mill-kundizzjonijiet fuq liema tista’ tingħata awtorizzazzjoni ġenerali hija li tiġi żgurata interoperabbiltà ta’ servizzi u l-interkonnessjoni ta’ netwerks b’konformità mad-Direttiva tal-Aċċess.

    16

    Fir-rigward tad-Direttiva “Kwadru”, fl-Artikolu 2 tagħha din tinkludi b’mod partikolari d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “[…]

    (ċ)

    “[servizzi] ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir, iżda esklużi servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzu ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi; ma jinkludix servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, kif definiti f’Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337),] li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta’ sinjali b’networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi;

    (d)

    “networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet” tfisser network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi wżati kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għall-provista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi;

    […]”

    17

    L-Artikoli 8 sa 13 tad-Direttiva “Kwadru” jiddefinixxu x’għandhom jagħmlu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex jissodisfaw l-għanijiet tal-kompetizzjoni, tal-iżvilupp tas-suq intern u ta’ sostenn tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

    Id-dritt nazzjonali

    18

    L-Artikolu 2 tal-liġi dwar is-suq tal-komunikazzjoni [Viestintämarkkinalaki (393/2003)], tat-23 ta’ Mejju 2003, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi dan li ġej:

    “Skont din il-liġi,

    […]

    (13)

    “interkonnessjoni” tfisser il-konnessjoni fiżika u loġika ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni differenti, sabiex jiġi ggarantit l-aċċess tal-utenti għan-netwerk u għas-servizzi ta’ komunikazzjoni ta’ impriża oħra tat-telekomunikazzjoni;

    […]

    (17)

    “impriża tan-netwerk” tfisser impriża li tforni netwerk ta’ komunikazzjonijet fil-pussess tagħha jew li għandha għal raġuni oħra, sabiex tittrażmetti, tqassam jew tforni messaġġi;

    […]

    (19)

    “impriża ta’ servizzi” tfisser impriża li tittrażmetti messaġġi permezz ta’ network ta’ komunikazzjonijiet li hija għandha jew li kisbet minn impriża tan-network sabiex tużah jew li tiddistribwixxi jew tforni messaġġi f’network ta’ komunikazzjonijiet tal-massa;

    […]

    (21)

    “impriża ta’ telekomunikazzjonijiet” tfisser kull impriża ta’ network jew kull impriża ta’ servizzi;

    […]”

    19

    Skont l-Artikolu 39 ta’ din il-liġi, intitolat “Obbligi ta’ interkonnessjoni li għandhom l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet”, impriża ta’ telekomunikazzjonijiet għandha tinnegozzja l-interkonnessjoni ma’ impriża oħra ta’ telekomunikazzjonijiet. Skont il-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu, l-ART tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi fuq impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq l-obbligu li tagħmel konnessjoni fuq netwerk jew servizz ta’ komunikazzjonijiet ta’ impriża oħra tat-telekomunikazzjonijiet. Il-paragrafu (3) tal-imsemmi artikolu jawtorizza wkoll lill-ART sabiex timponi obbligu identiku fuq impriżi li ma għandhomx saħħa sinjifikattiva fis-suq sakemm l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet ikkonċernati jikkontrollaw il-konnessjonijiet tal-utenti għan-network ta’ komunikazzjonijiet u li dan l-obbligu jkun neċessarju sabiex jiżgura l-interkonnessjoni tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    20

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-10 ta’ Mejju 2006, iMEZ talbet lill-ART, awtorità regolatorja nazzjonali Finlandiża, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-konklużjoni ma’ TeliaSonera ta’ ftehim ta’ interkonnessjoni dwar it-trażmissjoni ta’ messaġġi ta’ test (iktar ’il quddiem l-“SMS”) u ta’ messaġġi multimedjali (iktar ’il quddiem l-“MMS”).

    21

    Fit-18 ta’ Mejju 2006, l-ART irrinvjat il-każ għal proċedura ta’ konċiljazzjoni, li mir-riżultat tagħha kien ġie kkonstatat il-falliment tan-negozjati.

    22

    Fis-7 ta’ Awwissu 2006, iMEZ, kumpannija stabbilita fl-Isvezja talbet lill-ART tordna lil TeliaSonera tinnegozja l-interkonnessjoni in bona fide billi pproponitilha ftehim reċiproku għal kundizzjonijiet raġonevoli. Sussidjarjament, u fin-nuqqas ta’ dan, iMEZ talbet li jiġi impost fuq TeliaSonera obbligu ta’ interkonnessjoni reċiproka kemm għall-SMS kif ukoll għall-MMS u ta’ ffissar ta’ rati ta’ terminazzjoni għal dawn iż-żewġ tipi ta’ messaġġi fuq il-bażi tal-ispejjeż esposti, u dan b’mod nondiskriminatorju. Iktar sussidjarjament, iMEZ talbet li tiġi ddefinita bħala suq rilevanti tat-telekomunkazzjonijiet it-terminazzjoni tal-SMS u tal-MMS fuq in-network mobbli partikolari u li TeliaSonera tiġi rrikonoxxuta bħala impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fl-imsemmi suq, u b’hekk tippermettilha li taċċedi għall-interkonnessjoni.

    23

    B’deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2006, l-ART ikkonstatat li TeliaSonera kienet naqset mill-obbligu ta’ negozjati li hija kellha taħt l-Artikolu 39 tal-Liġi dwar is-suq tat-telekomunikazzjoni u ordnatilha tinnegozja in bona fide l-interkonnessjoni tas-servizzi ta’ SMS u ta’ MMS ma’ iMEZ. Skont din id-deċiżjoni, in-negozjati kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet intiżi mill-interkonnessjoni u jitilqu mill-ipoteżi skont liema l-funzjonament tajjeb tas-servizzi ta’ SMS u ta’ MMS bejn is-sistemi seta’ jiġi żgurat f’kundizzjonijiet raġonevoli li jippermettu lill-utenti jużaw is-servizzi ta’ messaġġi tal-impriżi kkonċernati.

    24

    TeliaSonera ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema), fejn sostniet li l-ART ma kinitx kompetenti biex timponi rekwiżiti sostanzjali fir-rigward tat-termini ta’ ftehim li għandu jiġi nnegozjat f’dak li jikkonċerna l-interkonnessjoni tas-servizzi ta’ SMS u ta’ MMS. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, TeliaSonera titlob, minn naħa, li jiġi kkonstatat li hija aġixxiet b’mod konformi mal-obbligu ta’ negozjati previst fl-Artikolu 39 tal-liġi dwar is-suq tat-telekomunikazzjoni u, min-naħa l-oħra, li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-ART tal-11 ta’ Diċembru 2006.

    25

    F’dan il-kuntest, il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [tal-Aċċess], […] meta moqri flimkien, minn naħa, mal-premessi 5, 6 u 8 tal-preambolu għal din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, mal-Artikolu 8 u l-Artikolu 5 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    (a)

    leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprovdi, skont l-Artikolu 39(1) tal-[liġi dwar is-suq tat-telekomunikazzjoni], li kwalsiasi impriża tat-telekomunikazzjoni għandha l-obbligu li tinnegozja l-interkonnessjoni ma’ impriża oħra tat-telekomunikazzjoni u fil-każ affermattiv,

    (b)

    awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tikkonstata li l-obbligu tan-negozjar ma jkunx ġie sodisfatt jekk impriża tat-telekomunikazzjoni, li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq, tkun offriet l-interkonnessjoni lil impriża oħra b’kundizzjonijiet li l-awtorità tqis li huma kompletament unilaterali u li l-awtorità tqis li huma tali li jostakolaw l-iżvilupp ta’ suq tal-imnut kompetittiv, meta l-istess kundizzjonijiet jkunu fil-prattika pprekludew lit-tieni impriża msemmija milli toffri lill-klijenti tagħha l-possibbiltà li jibagħtu [MMS] lill-utenti finali tan-network tal-impriża tat-telekomunikazzjoni u, fil-każ affermattiv,

    (ċ)

    awtorità regolatorja nazzjonali tista’, permezz tad-deċiżjoni tagħha, tordna lill-impriża tat-telekomunikazzjoni ċċitata iktar ’il fuq, li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq, tinnegozja in bona fide l-interkonnessjoni tas-servizzi tal-SMS u tal-[MMS], bejn is-sistemi ta[ż-żewġ ]impriżi [kkonċernati], b’mod li, fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet mixtieqa b’dik l-interkonnessjoni u li n-negozjati jseħħu fuq il-premessa li l-funzjonament tajjeb tas-sertvizzi tal-SMS u tal-[MMS] bejn is-sistemi tal-impriżi jista’ jintlaħaq meta jkun hemm kundizzjonijiet raġjonevoli li jippermettu lill-utenti jkollhom il-possibbiltà li jużaw is-servizzi ta’ komunikazzjoni tal-impriżi tat-telekomunikazzjoni?

    2)

    In-natura tan-netwerk ta’ iMEZ Ab u l-kwistjoni dwar jekk iMEZ għandhiex titqies bħala li hija operatur tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jaffettwaw l-evalwazzjoni tad-domandi ċċitati iktar ’il fuq?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda u t-tieni domanda

    26

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, moqrija flimkien mal-premessi 5, 6 u 8 kif ukoll l-Artikoli 5 u 8 tagħha, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tillimitax il-possibbiltà li tinvoka l-obbligu li jsiru negozjati fil-qasam tal-interkonnessjoni lill-operaturi biss tan-networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet. Permezz tat-tieni domanda tagħha, li jaqbel li tiġi eżaminata flimkien, din il-qorti tfittex ukoll li ssir taf jekk, bħala konsegwenza, l-istatus u n-natura tan-netwerk ta’ impriża li tinvoka favur tagħha l-obbligu ta’ negozjati għandux effett fuq ir-relazzjonijiet mal-impriża l-oħra kkonċernata.

    27

    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tad-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 tal-liġi dwar is-suq tat-telekomunikazzjoni kif esposti fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, l-ewwel domanda li saret hija intiża fil-verità sabiex isir magħruf jekk l-obbligu ta’ negozjati previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jistax jiġi invokat mill-fornituri ta’ servizzi sabiex tiġi żgurata interoperabbiltà ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

    28

    Mit-termini tal-imsemmi Artikolu 4(1) jirriżulta li l-obbligu sabiex tiġi nnegozjata interkonnessjoni jaqa’ fuq l-operaturi kollha tan-networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet meta impriża oħra, li jkollha awtorizzazzjoni, titlob dan.

    29

    Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni, għandu jiġi osservat li, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jiddefinixxi l-“awtorizzazzjoni ġenerali”, mogħtija lill-impriżi skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, bħala “qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

    30

    Għalhekk l-imsemmija awtorizzazzjoni tikkonċerna wkoll l-impriżi tas-servizzi.

    31

    Madankollu, l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jippreċiża li l-impriżi li jkollhom tali awtorizzazzjoni li joffru netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku jistgħu jinnegozjaw l-interkonnessjoni ma’ fornituri oħra ta’ network jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet skont id-Direttiva tal-Aċċess.

    32

    L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Aċċess jiddefinixxi l-“interkonnessjoni” bħala “il-konnessjoni fiżika u loġika ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet”, qabel ma jenfasizza li din “hija tip speċifiku ta’ aċċess implimentat bejn operaturi ta’ networks pubbliċi”.

    33

    Barra minn hekk, ir-reċiproċità tal-interkonnessjoni, prevista mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, timplika li ż-żewġ partijiet għan-negozjati għandhom ikunu operaturi ta’ netwerks pubbliċi.

    34

    Barra minn hekk, l-obbligu ta’ negozjati stipulat fl-istess dispożizzjoni huwa biss dwar l-interkonnessjoni ta’ netwerks, bl-esklużjoni ta’ forom oħra ta’ aċċess għan-netwerks (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-227/07, Ġabra p. I-8403, punt 36), u japplika biss għall-operaturi tan-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet fil-konfront ta’ operaturi oħra ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet.

    35

    Konsegwentement, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li ma jaqgħux taħt il-kategorija tal-“operaturi ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet” ma jistgħux jinvokaw l-obbligu ta’ negozjati previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess.

    36

    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi obbligu ta’ negozjati huwa indipendenti mill-impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq u ma jimplikax l-obbligu li jiġi konkluż ftehim ta’ interkonnessjoni, iżda biss in-negozjati fuq tali ftehim.

    37

    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, kif sostnut mill-Gvern Olandiż, l-Istati Membri jistgħux jipprovdu permezz ta’ leġiżlazzjoni ġenerali bħal-liġi dwar is-suq tat-telekomunikazzjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-possibbiltà għall-fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li jinvokaw l-obbligu ta’ negozjati li japplika għall-operaturi ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet.

    38

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-qafas leġiżlattiv ġdid li daħal fis-seħħ fl-2002 fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, kompost mid-Direttiva Kwadru kif ukoll mid-direttivi partikolari, fosthom id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u d-Direttiva tal-Aċċess, għandu l-għan li joħloq qafas armonizzat għal-leġiżlazzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet kif ukoll tar-riżorsi u tas-servizzi relatati f’ambjent ta’ kompetizzjoni effettiva.

    39

    Fit-tieni lok, kemm il-premessa 5 kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jagħtu, lill-impriżi, libertà li jinnegozjaw u li jikkonkludu kuntratti. Din il-libertà taqa’ taħt l-għan tad-Direttiva tal-Aċċess stabbilit fl-Artikolu 1(1) tagħha, li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ “qafas regolatorju […] li [jwassal għal] kompetizzjoni sostenibbli, interoperabilità ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u benefiċċji għall-konsumatur”.

    40

    Minn dan isegwi, kif isostni l-Gvern Rumen, li obbligu ta’ negozjati bħal dak imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jikkostitwixxi eċċezzjoni u għandu, konsegwentement, ikun interpretat b’mod strett.

    41

    Fit-tielet lok, l-Artikoli 5 sa 8 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxu b’mod preċiż l-obbligi li l-Istati Membri għandhom josservaw fir-rigward tad-determinazzjoni tas-setgħat u tar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

    42

    Għalhekk, is-setgħa tal-leġiżlatur nazzjonali hija debitament irregolata.

    43

    Fir-raba’ lok, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 64 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, u kuntrarjament għal dak sostnut mill-Gvern Olandiż, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma jistax iservi bħala bażi għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    44

    Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jipprovdi biss għal awtorizzazzjoni ġenerali suġġetta għall-kundizzjonijiet elenkati fil-parti A tal-Anness ta’ din id-direttiva, li jirrinvija, fil-punt 3 tiegħu, għad-Direttiva tal-Aċċess.

    45

    Minn dan isegwi li d-Direttiva tal-Aċċess toħloq kuntest li fih isiru n-negozjati jew jiġu ddeterminati l-obbligi li għandhom l-impriżi ta’ komunikazzjonijiet.

    46

    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi kkonstatat li n-natura tan-netwerk ta’ impriża li tinvoka favur tagħha l-obbligu ta’ negozjati msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess u l-kwistjoni dwar jekk din l-impriża hijiex operatur ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet għandhom effett fuq ir-relazzjonijiet mal-impriża l-oħra kkonċernata safejn l-Istati Membri ma jistgħux jimponu dan l-obbligu ta’ negozjati previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess fuq operaturi oħra minbarra dawk tan-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet.

    47

    Hija l-qorti tar-rinviju, billi tuża d-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Aċċess u tad-Direttiva Kwadru li għandha tiddeċiedi, jekk fid-dawl tal-istatus u n-natura tal-operaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn jistgħux jiġu kkwalifikati bħala operaturi ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet.

    48

    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda kif ukoll għat-tieni domanda li saret għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, moqri flimkien mal-premessi 5, 6, 8 u 19 ta’ din id-direttiva kif ukoll l-Artikoli 5 u 8 ta’ din id-direttiva, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-liġi dwar is-suq tat-telekomunikazzjoni sakemm ma tillimitax il-possibbiltà li jiġi invokat l-obbligu ta’ negozjati fil-qasam ta’ interkonnessjoni ta’ netwerks fuq l-operaturi ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet biss. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk, fid-dawl tal-istatus u n-natura tal-operaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn jistgħux jiġu kkwalifikati bħala operaturi ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda

    49

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk awtorità regolatorja nazzjonali tistax tikkunsidra li ġie ppreġudikat l-obbligu li tiġi nnegozjata interkonnessjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess meta impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq toffri l-interkonnessjoni, kif previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, lil impriża oħra b’kundizzjonijiet unilaterali li jostakolaw l-iżvilupp ta’ suq tal-imnut kompetittiv meta dawn il-kundizzjonijiet jimpedixxu lill-kijenti tat-tieni impriża milli jibbenefikaw mis-servizzi ta’ din tal-aħħar.

    50

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligi ta’ regolamentazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali huma stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 13 tad-Direttiva Kwadru. Hija interpretat ukoll l-imsemmi Artikolu 8 fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli intiżi sabiex jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jiżguraw li ma jkun hemm ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi u billi jneħħu l-aħħar ostakoli għall-provvista tal-imsemmija servizzi fuq livell Ewropew (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 62 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Fit-tieni lok, il-premessa 5 tad-Direttiva tal-Aċċess tistabbilixxi li l-impriżi li jirċievu talba ta’ aċċess jew ta’ interkonnessjoni għandhom, bħala regola, jikkonkludu ftehim fuq bażi kummerċjali u jinnegozzjaw in bone fide.

    52

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jintervjenu fin-nuqqas ta’ ftehim sabiex jiżguraw l-osservanza tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Kwadru.

    53

    Fit-tielet lok, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, li jistabbilixxi obbligu ta’ negozjati fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 28 sa 36 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ammess li n-negozjati għandhom isiru in bona fide.

    54

    Fir-raba’ lok, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Gvern Finlandiż, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Aċċess ma jistax iservi bħala bażi ta’ evalwazzjoni bħal dik intiża mill-qorti tar-rinviju, sakemm l-operatur destinatarju tat-talba ta’ interkonnessjoni ma jkunx, b’konformità mal-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva, ġie kkunsidrat li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq ikkonċernat skont l-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva.

    55

    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li li r-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tikkunsidra li jkun ġie ppreġudikat l-obbligu li tiġi nnegozzjata interkonnessjoni meta impriża li ma jkollhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq toffri l-interkonnessjoni lil impriża oħra fuq kundizzjonijiet unilaterali li jostakolaw l-iżvilupp ta’ suq tal-imnut kompetittiv meta dawn il-kundizzjonijiet jimpedixxu lill-kijenti tat-tieni impriża milli jibbenefikaw mis-servizzi ta’ din tal-aħħar.

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel domanda

    56

    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk awtorità regolatorja nazzjonali tistax tordna impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq tinnegozja in bona fide ma’ impriża oħra l-interkonnessjoni ta’ servizzi ta’ SMS u ta’ MMS bejn is-sistema ta’ dawn iż-żewġ impriżi.

    57

    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-premessa neċessarja għar-risposta għal din il-parti tal-ewwel domanda hija li jew l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess japplika għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li ż-żewġ operaturi kkonċernati huma operaturi ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, iżda l-obbligi imposti f’dan l-artikolu ma ġewx osservati mill-operatur li kien intalab jinnegozja interkonnessjoni, jew li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu minħabba li wieħed mill-operaturi inkwistjoni ma jistax jiġi kkwalifikat bħala operatur ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet.

    58

    Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mit-termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva Aċċess jirriżulta li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom l-għan li jiżguraw aċċess u interkonnessjoni adegwati kif ukoll l-interoperabbiltà tas-servizzi b’mezzi li ma humiex elenkati b’mod limitat.

    59

    F’dan il-kuntest, skont l-imsemmi tieni paragrafu tal-Artikolu 5(1)(a), l-imsemmija awtoritajiet għandhom ikunu f’pożizzjoni li jimponu “obbligi fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tar-network”, bl-uniku skop li jiżguraw l-konnettività tarf sa tarf.

    60

    Fit-tieni lok, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva tal-Aċċess jikkonċerna kemm l-aċċess kif ukoll l-interkonnessjoni, u jimponi l-għoti ta’ awtonomija ta’ intervent lill-awtoritajiet nazzjonali, peress li jipprovdi li l-imsemmija awtoritajiet jistgħu b’mod partikolari jintervjenu ex officio sabiex jiżguraw l-osservanza tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Kwadru, u dan mingħajr ma jiddefinixxi jew jillimita l-modalitajiet ta’ dan l-intervent.

    61

    B’hekk jidher li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva Kwadru u tad-Direttiva tal-Aċċess jippermettu lil awtorità regolamentari nazzjonali tieħu deċiżjoni li tordna lil impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq imma li tikkontrolla l-aċċess għall-utenti finali li tinnegozja jew interkonnessjoni taż-żewġ netwerks inkwistjoni jekk min jagħmel it-talba għal tali aċċess irid ikun ikkwalifikat bħala operatur ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, jew interoperabbiltà tas-servizzi ta’ SMS u ta’ MMS jekk dan l-operatur ma jaqax taħt din il-kwalifika.

    62

    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għat-tielet parti tal-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tordna lil impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq iżda li tikkontrolla l-aċċess għall-utenti finali biex tinnegozja in bona fide ma’ impriża oħra interkonnessjoni taż-żewġ netwerks ikkonċernati, jekk min jagħmel it-talba għal tali aċċess għandu jkun ikkwalifikat bħala operatur ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, jew interoperabbiltà tas-servizzi ta’ SMS u ta’ MMS jekk dan l-operatur ma jaqax taħt din il-kwalifika.

    Fuq l-ispejjeż

    63

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, moqri flimkien mal-premessi 5, 6, 8 u 19 ta’ din id-direttiva kif ukoll l-Artikoli 5 u 8 ta’ din id-direttiva, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-liġi dwar is-suq tat-telekomunikazzjoni (Viestintämarkkinalaki) tat-23 ta’ Mejju 2003 sakemm ma tillimitax il-possibbiltà li jiġi invokat l-obbligu ta’ negozjati fil-qasam ta’ interkonnessjoni ta’ netwerks fuq l-operaturi ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet biss. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk, fid-dawl tal-istatus u n-natura tal-operaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn jistgħux jiġu kkwalifikati bħala operaturi ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet.

     

    2)

    Awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tikkunsidra li jkun ġie ppreġudikat l-obbligu li tiġi nnegozzjata interkonnessjoni meta impriża li ma jkollhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq toffri l-interkonnessjoni lil impriża oħra fuq kundizzjonijiet unilaterali li jostakolaw l-iżvilupp ta’ suq tal-imnut kompetittiv meta dawn il-kundizzjonijiet jimpedixxu lill-klijenti tat-tieni impriża milli jibbenefikaw mis-servizzi tagħha.

     

    3)

    Awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tordna lil impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq iżda li tikkontrolla l-aċċess għall-utenti finali sabiex tinnegozja in bona fide ma’ impriża oħra interkonnessjoni taż-żewġ netwerks inkwistjoni, jekk min jagħmel it-talba għal tali aċċess għandu jkun ikkwalifikat bħala operatur ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, jew interoperabbiltà tas-servizzi ta’ SMS u ta’ MMS jekk dan l-operatur ma jaqax taħt din il-kwalifika.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

    Fuq