Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0425

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Ottubru 2009.
Enviro Tech (Europe) Ltd vs Stat Belġjan.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - il-Belġju.
Ambjent u Protezzjoni tal-konsumaturi - Klassifikazzjoni, ippakkjar u ttikkettjar tan-n-propil bromid bħala sustanza perikoluża - Direttiva 2004/73/KE - Direttiva 67/548/KEE - Obbligu ta’ traspożizzjoni.
Kawża C-425/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-10035

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:635

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Ambjent u protezzjoni tal-konsumaturi — Klassifikazzjoni, ippakkjar u ttikkettjar tan-n-propil bromid bħala sustanza perikoluża — Direttiva 2004/73/KE — Direttiva 67/548/KEE — Dmir ta’ traspożizzjoni”

Fil-Kawża C-425/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Settembru 2008, fil-proċedura

Enviro Tech (Europe) Ltd

vs

L-Istat Belġjan,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (President tal-Awla), K. Schiemann, P. Kūris, L. Bay Larsen u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Enviro Tech (Europe) Ltd, minn C. Mereu u E. Cusas, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, assistit minn P. Legros, S. Rodrigues u J. Sohier, avukati,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u M. A Engman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. Oliver u O. Beynet, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE tad-29 ta’ April 2004 li tadatta għall-progress tekniku għad-29 darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardjaw il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 27), fid-dawl tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1967 (ĠU 1967, 196, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/59/KE, tas-6 ta’ Awwissu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 28, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 67/548”), u b’mod partikolari tal-Annessi V (Titolu A.9) u VI (punt 4.2.3) tagħha.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Enviro Tech (Europe) Ltd (iktar ’il quddiem “Enviro Tech”), kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Ingliż, u l-Istat Belġjan li fiha qed jintalab l-annullament tal-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid mill-Anness III tad-digriet irjali tal-11 ta’ Marzu 2005 li jemenda d-digriet irjali tal-11 ta’ Jannar 1993 li jirregola l-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u l-ittikkettjar tal-preparazzjonijiet perikolużi għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu tagħhom (Moniteur belge tal-5 ta’ Ġunju 2005, p. 30680, iktar ’il quddiem id-“digriet irjali tal-11 ta’ Marzu 2005”), li jittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/73.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

Id-Direttiva 67/548

3

Id-Direttiva 67/548 tikkostitwixxi, fil-qasam tal-prodotti kimiċi, l-ewwel direttiva ta’ armonizzazzjoni li tistabbilixxi r-regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti sustanzi u ta’ ċerti preparazzjonijiet.

4

Din l-ewwel direttiva ta’ armonizzazzjoni kienet is-suġġett, qabel l-emendi li saru bid-Direttiva 2001/59 għall-Anness VI tagħha, emendi li saru, b’mod partikolari, bid-Direttiva tal-Kunsill 92/32/KEE, tat-30 ta’ April 1992, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 155), għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet prinċipali inkwistjoni fil-każ preżenti u bid-Direttiva tal-Kummissjoni 92/69/KEE, tal-31 ta’ Lulju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 256), għal dak li jirrigwarda l-metodi li permezz tagħhom jiġi stabbilit il-flash point previst fit-Titolu A.9 tal-Anness V tiegħu.

5

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 67/548, jikklassifika bħala “perikolużi”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, is-sustanzi u l-preparazzjonijiet li, b’mod partikolari, “jieħdu n-nar malajr ħafna [jieħdu n-nar estremament malajr]”, “jieħdu n-nar malajr ħafna” u “fjammabbli” jew “tossiċi għar-riproduzzjoni”.

6

B’mod konformi mal-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanzi fjammabbli li jinsabu fil-punti 2.2.3 sa 2.2.5 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548, il-likwidi jistgħu jkunu kklassifikati b’dan il-mod:

“li jaqbad malajr [fjammabbli]” jekk il-flash point tagħhom hija bejn 21 oC u 55 oC. Dawn il-likwidi b’hekk jingħataw it-tikketta R10;

“li jaqbad [jieħdu n-nar] malajr ħafna ” jekk il-flash point tagħhom hija iktar baxxa minn 21 oC. Dawn il-likwidi għandhom jingħataw it-tiketta R11, jew

“li jaqbad [jieħdu n-nar] estremament malajr” meta l-flash point tagħhom hija iktar baxxa minn 0 oC u t-temperatura meta l-likwidu jiftaħ jagħli (jew, fil-każ ta’ medda ta’ temperaturi, it-temperatura inizjali meta l-likwidu jiftaħ jagħli) hija ta’ mhux iktar minn 35 oC. Dawn il-likwidi għandhom jingħataw it-tiketta R 12.

7

It-Titolu A.9 tal-Anness V tad-Direttiva 67/548 jistabbilixxi l-metodi kif jiġu stabbiliti l-flash points. Għal dan il-għan, huwa jidentifika żewġ metodi, imsejħa tal-ekwilibriju u tan-nuqqas ta’ ekwilibriju, li fuq il-bażi tagħhom jintgħażel il-materjal u l-istrumenti tal-qies, u l-istandards ISO korrispondenti.

8

B’hekk, il-metodu tal-ekwilibriju jirreferi għall-istandards ISO 1516, 3680, 1523 u 3679. Il-metodu tan-nuqqas ta’ ekwilibriju juża ċertu apparat ta’ qies tal-flash point, fosthom dak li jissejjaħ apparat Pensky-Martens, li jirreferi għall-użu tal-istandards segwenti: ISO 2719, EN 11, DIN 51758, ASTM D 93, BS 2000-34 u NF M07-019.

9

Fir-rigward tas-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, il-punt 4.2.3 tal-Anness VI, tad-Direttiva 67/548, jaqsamhom fi tliet kategoriji:

kategorija 1: “sostanzi magħrufa li jfixklu l-fertilità fil-bniedem” u “sostanzi magħrufa li jikkawżaw tossiċità fl-iżvilupp tal-bniedem”;

kategorija 2: “sostanzi li għandhom jiġu meqjusa bħala li jfixklu l-fertilità fil-bniedem” u “sostanzi li għandhom jiġu meqjusa bħala li jikkawżaw tossiċità fl-iżvilupp tal-bniedem”, u

kategorija 3: “sostanzi li jnisslu tħassib għall-fertilità umana” u “sostanzi li jnisslu tħassib fil-bnedmin minħabba fil-possibilità ta’ effetti tossiċi fl-iżvilupp”.

10

Il-punt 4.2.3.1 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ klassifikazzjoni u Tikketta u wara li kkunsidraw l-istat preżenti ta’ l-għarfien, dawn is-sostanzi ġew imqassma fi tliet kategoriji.

[…]

Kategorija 2

Sostanzi li għandhom jiġu meqjusa bħala li jfixklu l-fertilità fil-bnedmin

Hemm biżżejjed xiehda biex tnissel preżunzjoni qawwija li l-esposizzjoni umana għal sostanza tista’ tirriżulta fi tfixkil fil-fertilità fuq il-bażi ta’:

xiehda ċara fi studji fuq l-annimali ta’ tfixkil fil-fertilità fin-nuqqas ta’ effetti tossiċi, jew, xiehda ta’ tfixkil fil-fertilità li jiġri bejn wieħed u ieħor fl-istess livelli ta’ dożi bħal effetti tossiċi oħra iżda li mhix konsegwenza sekondarja mhux speċifika ta’ effetti tossiċi oħra,

informazzjoni relevanti oħra.

[…]”

11

Fir-rigward tat-testijiet li jistgħu jsiru sabiex jiġu kklassifikati s-sustanzi kimiċi, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 67/548 jipprovdi:

“1.   Testijiet fuq kimiċi magħmula fil-qafas ta’ din id-Direttiva għandhom bħala prinċipju ġenerali isiru skond il-metodi preskritti fl-Anness V. Il-propjetajiet fiżiċi u kimiċi tas-sustanzi għandhom ikunu determinati skond il-metodi speċifikati fl-Anness V. A […]”.

12

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 67/548 jipprovdi li l-prinċipji ġenerali tal-klassifikazzjoni u tal-ittikkettjar tas-sustanzi u tal-preparazzjonijiet għandhom ikunu applikati skont il-kriterji previsti fl-Anness VI, ħlief meta ħtiġijiet kuntrarji relattivi għall-preparazzjonijiet perikolużi huma speċifikati f’Direttivi separati.

13

Il-punt 1.6.1(b) tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jippreċiża li l-informazzjoni meħtieġa għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar tista’ tinkiseb b’mod partikolari mir-riżultati ta’ testijiet preċedenti, minn informazzjoni li tirriżulta minn xogħlijiet ta’ referenza jew minn esperjenza prattika. Huwa jispeċifika wkoll li, b’mod iktar ġenerali, “ġudizzji [l-opinjonijiet ta’] esperti wkoll jistgħu jittieħdu in konsiderazzjoni”.

14

L-Artikolu 28 tad-Direttiva 67/548 jipprovdi għall-adattament tagħha għall-progress tekniku, billi jiddisponi li “[l]-emendi meħtieġa għall-adattament ta’ l-Annessi għall-progress tekniku għandhom ikunu adottati bil-proċedura preskritta fl-Artikolu 29”.

15

Il-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 67/548 hija s-segwenti:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

2.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f’terminu ta’ żmien li l-president jista’ jippreskrivi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza preskritta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikunu mwieżna bil-mod preskritt f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk huma skond l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba m’humiex skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

(a)

Ħlief fil-każijiet msemmija fis-subparagrafu (b) isfel, jekk, mat-tmiem ta’ perjodu ta’ tliet xhur mid-data ta’ referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni. Dan il-perjodu għandu jkun sitt xhur fil-każ msemmi fl-Artikolu 31(2).

b)

Fil-każ ta’ miżuri għall-adattament għall-progress tekniku fl-Annessi II, VI, VII u VIII, jekk, mat-tmiem ta’ perjodu ta’ tliet xhur mid-data ta’ referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni, ħlief meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-imsemmija miżuri b’maġġoranza sempliċi”.

Id-Direttiva 2004/73

16

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/73 jipprovdi numru ta’ emendi għall-Annessi I u V tad-Direttiva 67/548.

17

Għal dak li jirrigwarda l-ittikkettjar tan-n-propil bromid, l-Anness I, B, ta’ din id-direttiva jimponi li jissemmew ir-referenzi R60, R11, R36/37/38, R48/20, R63, R67, S53, jew S45, li t-tifsira tagħhom hija s-segwenti: R60 (jista’ jfixkel il-fertilità), R11 (jieħu n-nar malajr ħafna), R36/37/38 (jirrita l-għajnejn, is-sistema respiratorja u l-ġilda), R48/20 (riskju ta’ effetti gravi għas-saħħa f’każ ta’ espożizzjoni fit-tul premezz tan-nifs), R63 (riskju possibbli fit-tqala ta’ effetti dannużi għat-trabi), R67 (teħid tan-nifs tal-fwar jista’ jikkawża għejja u sturdament), S53 (għandu jiġi evitat l-espożizzjoni għalih — ikseb istruzzjonijiet speċjali qabel l-użu) u S45 [f’każ ta’ inċident jew ta’ ħass ħażin, ikkonsulta tabib immedjatament (jekk possibbli urih it-tiketta)].

Id-dritt nazzjonali

18

Id-digriet irjali tal-11 ta’ Marzu 2005 ittraspona fid-dritt Belġjan id-Direttiva 2004/73.

19

Fir-rigward tal-ittikkettjar tan-n-propil bromid, dan id-digriet irriproduċa r-rekwiziti li jinsabu fl-Anness I, B, tad-Direttiva 2004/73.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Enviro Tech tipproduċi prodotti msejħa Ensolv®, familja ta’ solventi bbrevettati abbażi ta’ n-propil bromid, li l-formola tagħhom hija ddisinjata speċifikament sabiex jitneħħa l-grass minn apparat delikat permezz tal-fwar.

21

F’kawża mressqa fit-23 ta’ Diċembru 2003 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, irreġistrata bin-numru T-422/03, Enviro Tech u Enviro Tech International Inc. talbu l-annullament ta’ żewġ ittri tal-Kummissjoni datati t-3 ta’ Novembru 2003 dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid li ser issir tan-n-propil bromid.

22

Fis-16 ta’ Lulju 2004, dawn l-istess rikorrenti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-Direttiva 2004/73 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, irreġistrat bin-numru T-291/04.

23

F’dawn iż-żewġ kawżi, li ġew magħquda, Enviro Tech titlob ukoll kumpens għad-danni li hija tikkunsidra li subiet minħabba l-atti li qed titlob l-annullament tagħhom. Barra minn hekk, il-kawżi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ġew sospiżi, sakemm tiġi deċiża l-kawża preżenti.

24

Enviro Tech fetħet kawża wkoll quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tikkontesta l-klassifikazzjoni, bħala sustanza perikoluża, tan-n-propil bromid.

25

B’hekk, skont id-dokumenti fil-proċess, proċeduri nazzjonali huma pendenti quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit). Dawn il-proċeduri wkoll ġew sospiżi sakemm tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawżi Magħquda T-422/03 u T-291/04.

26

Fil-Belġju, fis-6 ta’ Settembru 2005, Enviro Tech ippreżentat quddiem il-Conseil d’État rikors għall-annullament tal-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid mill-Anness III tad-digriet irjali tal-11 ta’ Marzu 2005.

27

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji fuq jekk id-Direttiva 2004/73, li tikklassifika n-n-propil bromid bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna u bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni, hijiex konformi mad-Direttiva 67/548. F’każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, il-Conseil d’État jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-Renju tal-Belġju kienx obbligat ma jittrasponix il-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid hekk kif tirriżulta mid-Direttiva 2004/73 jew jirrifjuta din il-klassifikazzjoni.

28

Il-Conseil d’État, filwaqt li kkunsidra li l-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mid-dritt Komunitarju tinkludi d-dritt għall-individwi li jikkontestaw, b’mod inċidentali, il-legalità tar-regoli Komunitarji quddiem il-qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri kontra r-regola nazzjonali ta’ traspożizzjoni, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-Direttiva [2004/73] hija konformi mad-Direttiva Qafas 67/548, b’mod iktar partikolari, mal-punt A.9 tal-Anness V, li jistabbilixxi l-metodi tad-determinazzjoni tat-temperatura l-iktar baxxa li fiha n-[n-propil bromid] tista’ taqbad (flash points), sa fejn tikklassifika l-nPB bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna (R 11) fuq il-bażi ta’ test wieħed imwettaq f’temperatura ta’ –10oC?

Id-Direttiva [2004/73] hija konformi mad-Direttiva Qafas [67/548], b’mod iktar partikolari, mal-punt 4.2.3 tal-Anness VI tagħha, sa fejn tikklassifika n-[n-propil bromid] bħala sustanza tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni (R 60), minn naħa, mingħajr riżultati ċari, fi studji xierqa fuq annimal, tal-effetti tossiċi osservati sabiex tiġġustifika preżunzjoni qawwija li l-espożizzjoni tal-bniedem għal sustanza bħal din tista’ twassal għal effetti tossiċi fuq l-iżvilupp u, min-naħa l-oħra, fuq il-bażi tat-testijiet li fihom ġew osservati effetti tossiċi biss fl-annimali li jiġu ssuġġettati għal konċentrazzjoni ta’ 250 PPM, jiġifieri ħdax-il darba iktar mill-massimu u erbgħin darba l-medja tal-konċentrazzjoni ta’ [n-propil bromid] li għaliha l-bniedem huwa espost meta juża l-prodott?

Id-Direttiva [2004/73] hija konformi mad-Direttiva Qafas [67/548], b’mod iktar partikolari, mal-Annessi V u VI tagħha, sa fejn tikklassifika n-[n-propil bromid] bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna (R11) u bħala sustanza tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni (R60) fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni mingħajr ma jiġu osservati l-metodi u l-kriterji stabbiliti fl-Annessi V u VI tad-Direttiva [67/548]?

Id-Direttiva [2004/73] hija konformi mad-Direttiva Qafas [67/548], sa fejn tikklassifika n-[n-propil bromid] bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna (R 11) u bħala sustanza tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni (R 60) fuq il-bażi ta’ testijiet li huma differenti minn dawk magħmula fuq prodotti kompetituri, b’mod partikolari, il-kloru tal-aloġenu, u bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità?

2)

F’każ ta’ non-konformità tad-Direttiva [2004/73] mad-Direttiva [67/548], ir-Renju tal-Belġju kellu jastjeni milli jittrasponi fid-dritt nazzjonali l-klassifikazzjoni tan-[n-propil bromid] kif tirriżulta mid-Direttiva [2004/73], jew anki jirrifjuta li jaċċetta din il-klassifikazzjoni, minkejja li skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/73], ‛L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Ottubru 2005, l-iktar tard’?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

L-osservazzjonijiet tal-partijiet

29

Enviro Tech tinvoka numru ta’ argumenti kontra d-Direttiva 2004/73.

30

B’hekk, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-imsemmija direttiva, billi tikklassifika n-n-propil bromid bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna, hija illegali billi l-metodi ta’ kif jiġu stabbiliti l-flash points stipulati fit-Titolu A.9 tal-Anness V tad-Direttiva 67/548, ma ġewx irrispettati. Il-Kummissjoni wettqet illegalità meta bbażat ruħha fuq test wieħed li sar f’temperatura ta’ -10 °C bl-apparat Pensky-Martens skont l-istandard ISO 1523 u mingħajr ma rrispettat il-metodu marbut ma’ din l-ispeċifikazzjoni, li jimponi li l-valur jiġi stabbilit bejn 10 oC u 110 oC.

31

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid bħala sustanza tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni, Enviro Tech tikkunsidra li l-Kummissjoni wettqet żball meta segwiet ir-rakkomandazzjoni tal-grupp ta’ ħidma f’dan is-sens. Hija ssostni b’mod partikolari li t-testijiet li saru fuq il-firien ma jipprovdux prova suffiċjenti li tippermetti li jiġi rikonoxxut li kienet teżisti preżunzjoni qawwija li l-espożizzjoni tal-bniedem għal din is-sustanza tkun tossika għar-riproduzzjoni. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni wkoll li t-tossiċita għall-annimali li kienet ġiet osservata kienet seħħet wara livell ta’ espożizzjoni 16-il darba ogħla minn dak tal-espożizzjoni medja tal-bniedem u iktar minn 40 darba ogħla mil-livell ta’ espożizzjoni f’każ ta’ manipulazzjoni u ta’ użu normali mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali stess.

32

Fit-tielet lok, Enviro Tech issostni li, skont id-Direttiva 2004/73, in-n-propil bromid huwa kklassifikat bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna u tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, u dan mingħajr ma ġew irrispettati l-metodi u l-kriterji stabbiliti fl-Annessi V u VI ta’ din id-direttiva.

33

Fir-raba’ lok, skont id-Direttiva 2004/73, in-n-propil bromid huwa kkunsidrat bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna u tossika għar-riproduzzjoni taħt il-kategorija 2 fuq il-bażi ta’ testijiet differenti minn dawk li saru fuq prodotti kompetituri u mingħajr ma ġie kkunsidrat il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

34

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-klassifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif tirriżulta mid-Direttiva 2004/73, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk id-deskrizzjoni bħala fjammabbbli li tista’ tiġi attribwita lilha hija bbażata fuq flash point li setgħet tiġi nnutata biss f’temperatura ta’ -10oC, meta fil-fatt normalment is-sustanza tintuża f’temperatura tal-kamra. Il-kisba ta’ riżultati bħal dawn b’hekk timplika ċertu diżonestà intellettwali peress li, għall-kumplament, l-ebda flash point ma ġiet ikkonstatata bejn 10oC u +110oC, u l-istess japplika fir-rigward tal-evidenza tal-effetti tossiċi u tal-preżunzjoni qawwija tal-effetti dannużi għall-fertilità tal-bniedem.

35

Il-Gvern Belġjan jipproponi li jirrispondi li d-Direttiva 2004/73 hija konformi mad-Direttiva 67/548 fir-rigward tal-erba’ punti invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

36

Il-Gvern Svediż jikkunsidra, bħall-Gvern Belġjan, li, minn naħa, id-Direttiva 2004/73 hija konformi mad-Direttiva 67/548 u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna (R 11) twettqet b’mod konformi mal-kriterji u mal-metodi preskritti.

37

Minn naħa, kemm ir-riżultati taż-żewġ testijiet li saru fil-laboratorju indipendentement minn xulxin kif ukoll l-informazzjoni li ġiet ippubblikata u li kienet suġġetta għal kalkoli oħra, juru li l-flash point tan-n-propil bromid hija ferm iktar baxxa minn 21oC. In-n-propil bromid b’hekk għandu jkun ikklassifikat bħala li sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna (R 11).

38

Min-naħa l-oħra, informazzjoni li tirriżulta minn testijiet ta’ kwalità li saru fuq annimali juru li n-n-propil bromid għandu effetti nettament tossiċi fuq ir-riproduzzjoni. Dawn l-effetti ma jimmanifestawx ruħhom biss f’każ ta’ dożi għoljin u huma kkunsidrati bħala rilevanti għall-bniedem. In-n-propil bromid għandu konsegwentement jiġi kklassifikat kemm bħala sustanza li għandha tiġi meqjusa bħala li tfixkel il-fertilità fil-bniedem (R 60) u kif ukoll bħala sustanza li tnissel tħassib għall-fertilità umana u fil-bniedem minħabba fil-possibbiltà ta’ effetti tossiċi fl-iżvilupp (R 63).

39

Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-eżami tad-domandi li l-Conseil d’État irrefera lill-Qorti tal-Ġustizzja ma żvela l-ebda element ta’ tali natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2004/73 billi hija tikklassifika n-n-propil bromid bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna (R 11) u tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni (R 60).

40

B’hekk, fir-rigward tal-fjammabbiltà, il-punt 2.2.4 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jindika, għall-klassifikazzjoni fil-kategorija tas-sustanza “ li jaqbad [tieħu n-nar] malajr ħafna”, flash point iktar baxx minn 21oC, mingħajr indikazzjoni tal-valur minimu iktar baxx. B’hekk it-temperatura ta’ -10oC tissodisfa mingħajr dubju l-kriterji stabbiliti mid-definizzjoni tal-kategorija “li jaqbad [tieħu n-nar] malajr ħafna”.

41

Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu A.9 tal-Anness V tad-Direttiva 67/548 ma jiddeterminawx il-mod kif għandhom isiru t-testijiet tal-fjammabbiltà. Fir-realtà, l-imsemmi Titolu A.9 jiddeskrivi, iktar milli jimponi, ċerti parametri għat-testijiet. B’hekk teżisti flessibbiltà fl-użu tal-metodi tat-testijiet. Barra minn hekk, il-punt 1.6.3.2 li jidher taħt l-imsemmi Titolu A.9 isemmi espressament l-istandard ISO 1523 u, konsegwentement, l-użu ta’ dan il-parametru partikolari ma jistax ikun kuntrarju għall-Anness V tad-Direttiva 67/548.

42

Fir-rigward tan-natura tossika għar-riproduzzjoni tan-n-propil bromid, il-Kummissjoni tikkunsidra li, peress li l-kriterji tal-klassifikazzjoni fil-kategorija 2 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 ta’ sustanza li jalteraw il-fertilità fil-bniedem huma mingħajr dubju sodisfatti, kemm fir-rigward tal-provi miksuba mill-esperimenti fuq speċi ta’ annimali kif ukoll fir-rigward tal-elementi korroboranti, huwa ġustifikat li l-grupp ta’ ħidma kkonkluda li l-bromopropane kellu jiġi kklassifikat b’dan il-mod. Barra minn hekk, marġni ta’ flessibbiltà hija neċessarja sabiex jiġu interpretati r-riżultati tat-testijiet li jsiru fuq l-annimali fir-rigward tal-effetti possibbli fuq il-bniedem.

43

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-ilmenti li jikkonċernaw l-allegat injorar tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn huma infondati.

44

B’hekk, id-Direttiva 2004/73 irrispettat il-metodi u l-kriterji stabbiliti mill-Annessi V u VI tad-Direttiva 67/548 u l-Kummissjoni fl-ebda każ ma bbażat ruħha biss fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

45

Fir-rigward tal-allegat injorar tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid bħala sustanza perikoluża hija bbażata fuq opinjonijiet xjentifiċi maħsuba sew u kriterji preċiżi previsti mill-Annessi V u VI tad-Direttiva 67/548, u li hija proporzjonali għar-riskji potenzjali identifikati.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

— Osservazzjonijiet preliminari

46

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-kuntest tekniku u ġuridiku kompless, li huwa ta’ natura essenzjalment evoluttiva, id-Direttiva 67/548 tagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kummissjoni fir-rigward tal-portata tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex l-annessi ta’ din id-direttiva jiġu adattati għall-progress tekniku.

47

Hekk kif ġie deċiż, fejn l-awtoritajiet Komunitarji jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn abbuż ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti Komunitarja ma tistax, effettivament, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ta’ natura xjentifika u teknika minflok dik tal-istituzzjonijiet li lilhom biss it-Trattat ikkonferixxa dan il-kompitu (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C-326/05 P, Ġabra p. I-6557, punti 75 sa 77).

— Fuq id-domanda dwar il-fjammabbiltà

48

B’mod konformi mal-punt 1.2 li jidher taħt it-Titolu A.9 tal-Anness V tad-Direttiva 67/548, il-fjammabbiltà ta’ likwidu hija stabbilita fl-ewwel lok billi jiġi kkalkulat il-flash point tiegħu. Il-flash point huwa kompost mit-temperatura l-iktar baxxa ta’ likwidu li fiha, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-metodu tal-ittestjar, il-fwawar tiegħu jifformaw mal-arja taħlita li tieħu n-nar.

49

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi tikklassifika n-n-propil bromid bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna, id-Direttiva 2004/73 ma rrispettatx il-metodi ta’ kif għandhom jiġu stabbiliti l-flash points kif definiti fit-Titolu A.9 tal-Anness V, tad-Direttiva 67/548.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif ġie msemmi fil-punti 7 u 8 tas-sentenza preżenti, sabiex jiġi stabbilit il-flash point tal-likwidi tista’ ssir għażla bejn metodu tal-ekwilibriju użat skont l-istandards ISO 1516, 3680, 1523 jew 3679, jew metodu tan-non-ekwilibriju. Hekk kif sostna l-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-għażla tal-metodu l-iktar rilevanti tiddependi mill-proprjetajiet tas-sustanza li għandha tiġi analizzata.

51

Dawn il-metodi jinvolvu kriterji għall-għażla tal-materjal skont il-gradjent tat-temperatura li fih irid jittieħed il-qies. Jeżisti numru ta’ kategoriji ta’ strumenti li jieħdu l-qies applikabbli għall-gradjenti differenti ta’ temperatura.

52

Mill-atti tal-kawża jirriżulta li l-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha fuq l-opinjoni tal-esperti fil-qasam kontenuta fir-rapport tal-grupp ta’ esperti fuq il-fjammabbiltà li ltaqa’ fl-4 ta’ Diċembru 2002 (Dokument Nru ECBI/59/02, iktar ’il quddiem “ir-rapport tal-esperti fuq il-fjammabbiltà”), ikkunsidrat li n-n-propil bromid kien sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna minħabba r-riżultati miksuba wara esperimenti li saru, fost l-oħrajn, skont il-metodu tal-ekwilibriju u l-istandard ISO 1523, b’apparat Pensky-Martens, li ppermetta li jiġi identifikat flash point ta’-10 oC.

53

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna hija bbażata fuq ir-riżultat ta’ test wieħed li sar skont il-parametri msemmija iktar ’il fuq, ir-rapport tal-esperti fuq il-fjammabbiltà jippermetti li din l-allegazzjoni tiġi respinta.

54

B’hekk, minn dan id-dokument jirriżulta li numru ta’ testijiet saru skont l-istandards tal-kalkolu ta’ flash point l-iktar użati u li l-parti l-kbira ta’ dawn it-testijiet ma ppermettewx li jiġi identifikat flash point għas-sustanza inkwistjoni.

55

Madankollu, hekk kif enfasizza l-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li huwa ġeneralment diffiċli li jiġi ddeterminat il-flash point għall-idrokarbonji aloġenati bħan-n-propil bromid, li għandhom proprjetajiet li wara kalkoli jistgħu jwasslu għal riżultati ineżatti jew mhux preċiżi. Hekk kif ifakkar l-istandard ISO 1523 stess, ir-riżultati miksuba mit-taħlitiet ta’ solventi li jikkontjenu idrokarbonji aloġenati għandhom jiġu kkunsidrati b’attenzjoni, peress li jistgħu jagħtu riżultati anomali.

56

Madankollu, ir-riżultat miksub bil-metodu tal-ekwilibriju u l-istandard ISO 1523 b’apparat Pensky-Martens mhux l-uniku wieħed li wera l-eżistenza għall-n-propil bromid ta’ flash point iktar baxx minn 21 °C.

57

Minbarra l-miżura msemmija, ir-rapport tal-esperti fuq il-fjammabbiltà jinkludi riżultati ta’ test ieħor li sar bl-istess apparat, iżda skont il-metodu tan-non-ekwilibriju, ASTM D 93-94, li jikkorrispondi eżattament mar-rekwiżiti tal-punt 1.6.3.2 li jidher taħt it-Titolu A.9 tal-Anness V tad-Direttiva 67/548, u li stabbilixxa flash point tan-n-propil bromid ta’-4,5oC. Barra minn dawn it-testijiet, sar ukoll kalkolu teoretiku tal-flash point, li wera li n-n-propil bromid jista’ jieħu n-nar sa minn -7 oC. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni u wara deliberazzjonijiet, l-opinjoni tal-maġġoranza tal-grupp ta’ esperti kienet li n-n-propil bromid hija sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna li għandha tiġi klassifikata bħala R 11.

58

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li kemm il-grupp ta’ esperti kif ukoll il-Kummissjoni ma bbażawx ruħhom fuq test wieħed iżda fuq numru ta’ elementi xjentifiċi li ppermettew li jiġi skopert, għan-n-propil bromid, flash point iktar baxx minn 21 oC, u dan ppermettielhom li jikklassifikaw din is-sustanza fil-kategorija tal-likwidi li “jaqbad [jieħdu n-nar] malajr ħafna”, b’mod konformi mal-punti 2.2.3 sa 2.2.5 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548.

59

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tallega li, skont il-parametri tekniċi, l-apparat Pensky-Martens huwa iktar adattat sabiex tiġi stabbilita l-flash point skont l-istandard ISO 1523 f’gradjent ta’ temperatura bejn 10 oC u 110 oC.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, il-fatt li l-miżuri twettqu f’gradjent ta’ temperatura differenti mill-gradjent rakkomandat għall-istrument ta’ qies jista’ jaffettwa l-affidabbiltà tal-klassifikazzjoni.

61

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, meta tiġi kkunsidrata l-marġni ta’ sigurtà li għandha tiġi osservata għar-riżultat miksub skont it-temperatura stabbilita għall-klassifikazzjoni, dan il-fatt ma jista ikun suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jitpoġġew fid-dubju l-konklużjonijiet tal-grupp ta’ esperti u tal-Kummissjoni, li n-n-propil bromid għandu jiġi kklassifikat bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna.

62

B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, meta awtorità Komunitarja tintalab, fil-kuntest tal-ħidma tagħha, tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi, is-setgħa diskrezzjonali li hija għandha hija applikabbli wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni ta’ fatti li jikkostitwixxu l-bażi tal-azzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères vs Il-Kunsill, 138/79, Ġabra p. 3333, punt 25, u tal-21 ta’ Jannar 1999, Upjohn, C-120/97, Ġabra p. I-223, punt 34). Barra minn hekk, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-istituzzjoni kompetenti għandha l-obbligu li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14).

63

Mir-rapport tal-grupp ta’ esperti fuq il-fjammabbiltà jirriżulta li, anki jekk dawn ma kinux unanimi fuq il-kwistjoni jekk in-n-propil bromid kellux jiġi kklassifikat bħala R 11 jew le, fi ħdan l-imsemmi grupp il-maġġoranza kienet tal-opinjoni li kellu jiġi kklassifikat hekk. Għandu jiġi osservat li kien hemm qbil fost l-esperti dwar il-fatt li n-n-propil bromid kellu kemm flash point kif ukoll medda ta’ splużjoni li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, konsegwentament, huwa jippreżenta riskju intrinsiku ta’ fjammabbiltà.

64

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tan-natura tan-n-propil bromid bħala li jieħu n-nar, il-Kummissjoni segwiet l-opinjoni tal-grupp ta’ esperti fuq il-fjammabbiltà, li hija bbażata fuq riżultati ta’ numru ta’ testijiet li saru skont metodi differenti, ikkonfermati permezz ta’ informazzjoni bbażata fuq pubblikazzjonijiet speċjalizzati.

65

Konsegwentement, jidher li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li tiddisponi minnha l-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid bħala sustanza li “tieħu n-nar malajr ħafna” mhuwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter, u li l-Kummissjoni ma eċċedietx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

— Fuq id-domanda dwar it-tossiċità għar-riproduzzjoni umana

66

Peress illi l-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni umana hija bbażata biss fuq ir-riżultati tat-testijiet li saru fuq annimali, li żvelaw l-eżistenza ta’ effetti tossiċi kunsiderevoli fuq ir-riproduzzjoni tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-fatt li dawn ir-riżultati jistgħu jiġu interpretati b’mod estensiv sabiex jiġi dedott li s-sustanza inkwistjoni kienet ta’ ħsara għar-riproduzzjoni umana.

67

Il-kriterji tal-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni huma indikati fil-punt 4.2.3 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548. B’mod partikolari, sabiex sustanza tiġi kklassifikata fil-kategorija 2 ta’ tossiċità fuq il-bażi ta’ tfixkil tal-fertilità, għandu jkun hemm provi manifesti ta’ tfixkil tal-fertilità fi speċi ta’ annimali, akkumpanjati jew minn provi ulterjuri fuq il-mekkaniżmu jew is-sit ta’ azzjoni jew fuq l-eżistenza ta’ analoġija kimika ma’ aġenti oħra ta’ “antifertilità” magħrufa, jew minn informazzjoni oħra li tippermetti li jiġi konkluż li effetti oħra simili jkunu jistgħu jiġu osservati fil-bniedem.

68

Issa, hekk kif jirriżulta mir-rapporti konċiżi tal-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma CMR — Prodotti karċinoġeni, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni tal-14-16 ta’ Mejju 2003 u tal-15-17 ta’ Jannar 2003 (dokumenti Nru ECBI/56/03 Rev.2 u Nru ECBI/30/03 Rev.3, iktar ’il quddiem ir-“rapporti tal-grupp ta’ ħidma CMR”), il-motivi għall-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid fil-kategorija 2 ta’ tossiċità huma bbażati fuq l-effetti ħżiena fuq il-fertilità, ikkonstatati fl-istudji standard fuq speċi ta’ firien kif ukoll fuq ix-xebh strutturali bejn din is-sustanza u l-isomer tagħha, it-2-bromopropane, magħruf ukoll bħala iso-bromopropane, ikklassifikat fil-kategorija 1 tat-tossiċità minħabba kemm alterazzjoni magħrufa fil-fertilità umana kif ukoll l-effetti tossiċi fuq l-iżvilupp fil-bniedem.

69

Barra minn hekk, il-fatt li n-n-propil bromid jikkawża danni kunsiderevoli fl-organi riproduttivi tal-firien taż-żewġ sessi wara li jingħataw dożi li ma tawx lok għal effetti oħra sistematiċi jammonta għall-effett l-iktar notevoli li jirriżulta mill-istudji msemmija fir-rapporti tal-grupp ta’ ħidma CMR. Barra minn hekk, dawn l-istudji jikkonkludu li l-effetti tossiċi ma jimmanifestawx ruħhom biss f’każ ta’ għoti ta’ dożi għoljin.

70

B’hekk jidher li l-opinjoni tal-esperti ġiet ibbażata fuq il-kriterji previsti fil-punt 4.2.3 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 u b’mod partikolari fil-punt 4.2.3.3 ta’ dan l-anness u li b’hekk, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ din l-opinjoni, setgħet validament tikklassifika n-n-propil bromid bħala sustanza “tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni”.

71

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li tiddisponi minnha l-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid bħala sustanza “tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni” mhuwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter, u li l-Kummissjoni ma eċċedietx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

— Fuq id-domandi dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

72

Quddiem il-Conseil d’État, Enviro Tech sostniet li l-Kummissjoni applikat biss il-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna u tossika għar-riproduzzjoni, sabiex tevita l-kriterji previsti fl-Annessi V u VI tad-Direttiva 67/548.

73

Barra minn hekk, hija allegat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ġie injorat f’din il-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid.

74

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha ta’ klassifikazzjoni tan-n-propil bromid fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, iżda bbażat ruħha fuq analiżi li saru b’mod konformi mal-metodi u l-kriterji previsti fl-Annessi V u VI tad-Direttiva 67/548.

75

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq testijiet differenti minn dawk li saru fuq prodotti kompetituri, b’mod partikolari l-aloġeni tal-kloru.

76

Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-pożizzjoni tal-Gvern Svediż, l-istruttura tal-aloġeni tal-kloru, hija differenti ħafna minn dik tal-aloġeni tal-bromu.

77

Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma wrietx li l-klassifikazzjoni tan-n-propil bromid bħala sustanza li “tieħu n-nar malajr ħafna” u sustanza “tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 67/548, hija manifestament mhux xierqa għat-twettiq tal-għan imħaddan u li l-inkonvenjenti kkawżati minn din il-klassifikazzjoni mhumiex proporzjonali għal dan l-għan.

78

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela l-ebda element ta’ tali natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2004/73, sa fejn din tikklassifika n-n-propil bromid bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna (R 11) u tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni (R 60).

Fuq it-tieni domanda

79

Peress li t-tieni domanda saret biss fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità tad-Direttiva 2004/73 mad-Direttiva 67/548, m’hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domandi preliminari ma żvela l-ebda element ta’ tali natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE, tad-29 ta’ April 2004, li tadatta għall-progress tekniku għad-29 darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1967, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardjaw il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi, sa fejn din tikklassifika n-n-propil bromid bħala sustanza li tieħu n-nar malajr ħafna (R 11) u tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni (R 60).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq