EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0138

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-15 ta' Ottubru 2009.
Hochtief AG u Linde-Kca-Dresden GmbH vs Közbeszerzések Tanácsa Közbeszerzési Döntőbizottság.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Fővárosi Ítélőtábla - l-Ungerija.
Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet - Proċeduri mibdija wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/18/KE u qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva - Proċeduri nnegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti - Obbligu li jiġi ammess numru minimu ta’ kandidati xierqa - Obbligu li tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina.
Kawża C-138/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-09889

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:627

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Proċeduri mibdija wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/18/KE u qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva — Proċeduri nnegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti — Obbligu li jiġi ammess numru minimu ta’ kandidati xierqa — Obbligu li tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina”

Fil-Kawża C-138/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2008, fil-proċedura

Hochtief AG,

Linde-Kca-Dresden GmbH

vs

Közbeszerzések Tanácsa Közbeszerzési Döntőbizottság,

fil-preżenza ta’:

Budapest Főváros Önkormányzata,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, aġent President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Hochtief AG u Linde-Kca-Dresden GmbH, minn A. László u E. Kiss, ügyvédek,

għall-Budapest Főváros Önkormányzata, minn J. Molnár u G. Birkás, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, R. Somssich, K. Borvölgyi u K. Mocsári-Gál, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Kukovec, A. Sipos, B. Simon u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet], (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163) kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/37”), kif ukoll ir-relazzjonijiet legali eżistenti b’mod tranżitorju bejn din id-direttiva u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, kuntratti pubbliċi għal provvisti u kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Hochtief AG u Linde-Kca-Dresden GmbH, minn naħa, u l-Közbeszerzések Tanácsa Közbeszerzési Döntőbizottság (Kumitat ta’ arbitraġġ tal-Kunsill tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“KTKD”), min-naħa l-oħra, dwar proċedura nnegozjata ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/37 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttva:

[…]

g)

“proċeduri negozjati” huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn l-awtoritajiet ta’ kuntrattar [l-awtoritajiet kontraenti] jikkonsultaw kuntratturi tal-għażla tagħhom u jinnegozjaw it-termini tal-kuntratt ma’ wieħed jew aktar minnhom;

h)

kuntrattur li jissottometti offerta se jingħata t-terminu ta’ dak li jagħmel l-offerta u wieħed li fittex stedina biex jieħu sehem fil-proċeduri ristretti jew negozjati se jingħata t-terminu ta’ “kandidat.””

4

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/37:

“L-awtoritajiet ta’ kuntrattar jistgħu jagħtu l-kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi tagħhom bil-proċedura negozjata, b’pubblikazzjoni qabel ta’ avviż ta’ kuntratt [avviż ta’ sejħa għal offerti] u wara li jkunu għażlu l-kandidati skond il-kriterju kwalitattiv magħruf pubblikament, fil-każi li ġejjin:

a)

fil-każ ta’ offerti irregolari bħala risposta għal proċedura miftuħa jew ristretta jew fil-każ ta’ offerti li mhumiex aċċettabbli fil-dispożizzjonijiet nazzjonali li jaqblu mal-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV, sakemm t-termini oriġinali tal-kuntratt ma jkunux mibdula sostanzjalment. L-awtoritajiet ta’ kuntrattar m’għandhomx, f’dawn il-każi, jippubblikaw avviż ta’ kuntratt fejn huma jinkludu f’proċedura negozjata bħal din l-intrapriżi kollha li jissodisfaw il-kriterju ta’ l-Artikoli 24 sa 29 li, waqt il-proċedura miftuħa jew ristretta ta’ qabel, issottomettew offerti bi qbil mat-talbiet formali tal-proċedura ta’ offerti;

b)

meta x-xogħlijiet involuti jsiru purament għal skop ta’ riċerka, esperiment jew progress, u mhux biex jistabbilixxu vijabbiltà kummerċjali jew biex jiġbru lura l-ispejjeż tar-riċerka u progress;

ċ)

f’każi eċċezzjonali, meta n-natura tax-xogħlijiet jew tar-riskji li jġibu magħhom ma jippermettux li jingħata prezz sħiħ minn qabel.”

5

L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 93/37 jipprovdi:

“Il-kuntratti għandhom ikunu mogħtija fuq il-bażi ta’ kriterji stabbiliti fil-Kapitolu 3 ta’ dan it-Titolu, billi jittieħed akkont ta’ l-Artikolu 19, wara li l-addattabbiltà tal-kuntratturi mhux esklużi permezz ta’ l-Artikoli 24 tkun ġiet ivverifikata mill-awtoritajiet ta’ kuntrattar bi qbil mal-kriterji tal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja u t-tagħrif jew kapaċità teknika li hemm referenza dwarhom fl-Artikoli 26 sa 29.”

6

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Fi proċeduri ristretti jew innegozjati l-awtoritajiet ta’ kuntrattar għandhom, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija irrelatata mal-pożizzjoni personali tal-kuntrattur kif ukoll mal-informazzjoni u l-formalitajiet meħtieġa għall-evalutazzjoni tal-kondizzjonijiet minimi ta’ natura ekonomika u teknika li għandhom ikunu esegwiti minnu, jagħżlu mill-kandidati bil-kwalifiki meħtieġa mill-Artikoli 24 sa 29 dawk li huma sejrin jistiednu biex jissottomettu l-offerta jew biex jinnegozjaw.

2.   Meta l-awtoritajiet ta’ kuntrattar jagħtu kuntratt bil-proċedura ristretta, huma jistgħu jippreskrivu il-medda li fiha jaqgħu n-numru ta’ intrapriżi li jkun beħsiebhom jistiednu. F’dan il-każ l-estensjoni għandha tkun indikata fl-avviż tal-kuntratt. L-estensjoni għandha tkun indikata fl-avviż tal-kuntratt. L-estensjoni għandha tkun iddeterminata fid-dawl tan-natura tax-xogħol li għandu jsir L-estensjoni għandha tikkonsisti f’mill-anqas 5 intrapriżi u tista’ tasal sa 20.

F’kull każ, in-numru ta’ kandidati mistiedna biex jagħmlu l-offerti għandu jkun suffiċjenti biex jassigura li jkun hemm kompetizzjoni ġenwina.

3.   Meta l-awtoritajiet ta’ kuntrattar jagħtu kuntratt bi proċedura nnegozjata kif hemm referenza dwarha fl-Artikolu 7(2), in-numru ta’ kandidati magħżula [ammessi] biex jinnegozjaw m’għandux ikun anqas minn tlieta basta li jkun hemm numru biżżejjed ta’ kandidati xierqa.

4.   Kull Stat Membru għandu jara li l-awtoritajiet ta’ kuntrattar joħorġu stediniet mingħajr diskriminazzjoni lejn ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jissdisfaw it-talbiet meħtieġa u bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk taċ-ċittadini tiegħu.”

7

L-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar 2006. Huma għandhom minnufih jinfurmaw il-Kummissjoni tagħhom.

[…]”

8

L-Artikolu 82 tal-imsmemija direttiva, taħt it-titolu “[t]ibdiliet”, jipprovdi:

“Id-Direttiva 92/50/KEE, ħlief għall-Artikolu 41 tagħha, u d-Direttivi 93/36/KEE u 93/37[…] għandhom jiġu mibdula […] b’effett mid-data esibita fl-Artikolu 80, mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw l-iskadenzi għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ddikjarati fl-Anness XI.

Ir-referenzi għad-Direttivi mibdulin għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għad-Direttivi u għandhom jiġu moqrija skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XII.”

9

Id-Direttiva 2004/18 daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004.

Id-dritt nazzjonali

10

Id-Direttiva 93/37 ġiet trasposta fid-dritt Ungeriż permezz tal-Liġi CXXIX tal-2003 fuq il-kuntratti pubbliċi (a közbeszerzésekről szóló 2003 évi CXXIX. törvény, Magyar Közlöny 2003/157, iktar ’il quddiem il-“Kbt”).

11

L-Artikolu 130 (1)(2) u (7) tal-Kbt, li japplika għall-proċeduri nnegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti, jipprovdi:

“1)   L-awtorità kontraenti tiddetermina f’din il-proċedura n-numru tal-offerenti, jew il-limitu massimu u minimu tagħhom, sabiex imbagħad tagħmel sejħa għal offerti għal numru ta’ kandidati xierqa u li jippreżentaw applikazzjoni valida li jista’ jilħaq il-limitu massimu previst jew, għall-inqas, numru suffiċjenti ta’ dawn il-kandidati.

2)   In-numru minimu ta’ parteċipanti jew il-limitu minimu msemmi ma jistax ikun inqas minn tlieta. Dan in-numru jew dan il-limitu massimu u limitu minimu għandhom ikunu xierqa għas-suġġett tal-kuntratt u għandha tiġi ggarantita kompetizzjoni ġenwina fiċ-ċirkustanzi kollha.

[…]

7)   L-awtorità kontraenti tistieden individwalment, direttament u bil-miktub lill-kandidati magħżula, li n-numru tagħhom jikkorrispondi, jekk in-numru ta’ kandidati meqjusa xierqa jippermetti dan, man-numru jew mal-limitu massimu u minimu stabbiliti - abbażi tal-kapaċitajiet finanzjarji u ekonomiċi kif ukoll tekniċi jew professjonali tagħhom — sabiex jagħmlu offerta. Jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx stabbiliet in-numru jew il-limitu massimu u minimu, il-kandidati kollha xierqa għandhom jiġu mistiedna sabiex jagħmlu offerta. Il-kandidati mistiedna biex jagħmlu offerta ma jistgħux iressqu offerta kollettiva.”

12

Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2004/18 kienet għadha ma ġietx trasposta fid-dritt Ungeriż.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Il-kawża prinċipali tirrigwarda proċedura nnegozjata għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet għal ammont li jaqbeż il-limitu Komunitarju. Il-kwistjoni hija bejn żewġ kumpanniji kummerċjali stabbiliti fil-Ġermanja, Hochtief AG u Linde-KCA-Dresden GmbH, minn naħa, u l-KTKD, min-naħa l-oħra. L-awtorità kontraenti ta’ dan il-kuntratt, jiġifieri l-Budapest Főváros Önkormányzata (il-gvern lokali ta’ Budapest), interveniet fil-kawża, insostenn tal-KTKD.

14

Fil-5 ta’ Frar 2005, il-Budapest Főváros Önkormányzata ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sejħa għal espressjoni ta’ interess fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-limitu minimu u dak massimu tal-kandidati li setgħu jiġu mistiedna sabiex jagħmlu offerta kienu, rispettivament, ta’ tlieta u ħamsa.

15

Fl-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-applikazzjonijiet, kien hemm ħames kandidati, inkluż il-konsorzju fformat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fid-dawl tal-applikazzjonijiet ippreżentati, il-Budapest Főváros Önkormányzata, minn naħa, eskluda l-applikazzjoni ta’ dan il-konsorzju bħala inammissibbli għal “inkompatibbiltà” u, min-naħa l-oħra, iddeċieda li jkompli l-proċedura biż-żewġ kandidati deskritti bħala “xierqa”, billi jibgħatilhom sejħa għal offerti.

16

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-Budapest Főváros Önkormányzata quddiem il-KTKD, billi sostnew b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 130 tal-Kbt, peress li n-numru ta’ kandidati xierqa ma kienx laħaq il-limitu minimu previst, il-proċedura ma setgħetx titkompla. Il-KTKD ċaħad dan ir-rikors.

17

Imbagħad, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża kontra d-deċiżjoni tal-KTKD billi bbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq l-Artikolu 22(2) u (3) tad-Direttiva 93/37. Peress li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża fl-ewwel istanza wkoll ċaħdet ir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju.

18

Huwa f’dan il-kuntest li l-Fővárosi Ítélőtábla ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2004/18 […], li ssostitwixxa l-Artikolu 22 tad-Direttiva […] 93/37[…], huwa applikabbli jekk proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku bdiet fi żmien meta, għalkemm id-Direttiva 2004/18[…] kienet diġà daħlet fis-seħħ, it-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tagħha ma kienx skada, b’mod li hija ma kinitx għadha ġiet integrata fid-dritt nazzjonali?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: fid-dawl tat-termini tal-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2004/18[…], li skonthom “[f]i kull każ in-numru ta’ kandidati mistiedna għandu jkun biżżejjed biex jiżgura kompetizzjoni ġenwina”, il-limitazzjoni tan-numru ta’ kandidati xierqa għandha tinftiehem fis-sens li, fil-każ ta’ proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti, fit-tieni fażi tal-għoti tal-kuntratt, għandu imperattivament ikun hemm numru minimu (tlieta) ta’ kandidati?

3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 93/37[…] li jkun hemm “numru biżżejjed ta’ kandidati xierqa” għandha tinftiehem fis-sens li, fin-nuqqas ta’ numru biżżejjed ta’ kandidati sabiex jinlaħaq il-limitu minimu (tlieta), il-proċedura ma tistax titkompla permezz tas-sejħa għal offerti?

4)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fin-negattiv: it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 93/37[…], dispożizzjoni li tinsab fost ir-regoli relattivi għall-proċedura ristretta, li skontha “[f’]kull każ, in-numru ta’ kandidati mistiedna biex jagħmlu l-offerti għandu jkun suffiċjenti biex jassigura li jkun hemm kompetizzjoni ġenwina”, huwa applikabbli għall-proċedura nnegozjata li tinkludi żewġ fażijiet imsemmija fl-Artikolu 22(3)?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

19

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju kellha żżid mad-domandi magħmula domanda oħra, dwar in-nuqqas ta’ osservanza, permezz tal-leġiżlazzjoni Ungeriża tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ta’ proporzjonalità, peress li din il-leġiżlazzjoni teskludi awtomatikament mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, il-persuni jew il-kumpanniji li jkunu pparteċipaw fix-xogħlijiet preparatorji ta’ kuntratt mingħajr ma tagħtihom l-possibbiltà li juru li ma hemmx effett ħażin fuq il-kompetizzjoni. Skont l-imsemmija rikorrenti, miżuri analogi li jinsabu fid-dritt nazzjonali ta’ Stati Membri oħra ġew meqjusa inkompatibbli mal-liġi Komunitarja permezz tas-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, Ġabra p. I-1559), kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C-213/07, Ġabra p. I-9999).

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C-306/99, Ġabra p. I-1, punt 88; tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 16, kif ukoll tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios, C-260/07, Ġabra p. I-2437, punt 28).

21

Għaldaqstant is-setgħa li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja hija mogħtija biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer, 44/65, Ġabra p. 1191, 1198; tas-17 ta’ Settembru 1998, Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne, C-412/96, Ġabra p. I-5141, punt 23, kif ukoll tas-6 ta’ Lulju 2000, ATB et, C-402/98, Ġabra p. I-5501, point 29).

22

Barra minn hekk, bdil fis-sustanza tad-domandi preliminari jew risposta għad-domandi addizzjonali msemmija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet tagħhom jkun inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-Artikolu 234 KE kif ukoll mal-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ April 1982, Holdijk et, 141/81 sa 143/81, Ġabra p. 1299, punt 6; tat-30 ta’ Jannar 1997, Wiljo, C-178/95, Ġabra p. I-585, punt 30; tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International, C-352/95, Ġabra p. I-1729, punt 14, kif ukoll Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

23

F’din il-kawża, peress li l-qorti tar-rinviju la aċċettat il-ħtieġa u lanqas ir-rilevanza ta’ domanda dwar il-motivi jew iċ-ċirkustanzi tal-esklużjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel analiżi f’dan ir-rigward.

Fuq l-ewwel domanda

24

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2004/18 hijiex applikabbli għal proċedura ta’ kuntratt pubbliku mibdija wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, b’tali mod li l-imsemmija direttiva ma kinitx għadha ġietx inkorporata fid-dritt nazzjonali.

25

Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jiġu kkritikati talli jkunu għadhom ma adottawx il-miżuri ta’ implementazzjoni tagħha fis-sistema legali tagħhom (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 43, kif ukoll tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 114).

26

B’hekk, fil-kawża prinċipali, fil-bidu tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, id-Direttiva 2004/18 ma kinitx ġiet trasposta fis-sistema legali Ungeriża, peress li t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar ma kienx għadu skada, b’tali mod li d-Direttiva 93/37 kienet għadha applikabbli f’dan l-istadju tal-proċedura.

27

Sa fejn il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet għadha pendenti fid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/18, tqum ukoll il-kwistjoni tal-eventwali applikabbiltà ta’ din id-direttiva fil-kawża prinċipali.

28

F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Ungeriż waqt is-seduta jirriżulta li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li teskludi l-proposta tal-konsorzju fformat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li tkompli l-proċedura biż-żewġ kandidati meqjusa xierqa ttieħdet qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/18.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-liġi applikabbli għall-kawża prinċipali tiġi ddeterminata b’riferiment għad-data tal-għoti tal-kuntratt, meta d-deċiżjoni li fir-rigward tagħha ġie allegat ksur tad-dritt Komunitarju f’dan il-każ ittieħdet qabel id-data msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-337/98, Ġabra p. I-8377, punt 40).

30

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva 2004/18 mhijiex applikabbli għal deċiżjoni meħuda minn awtorità kontraenti waqt l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

Fuq it-tieni domanda

31

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għad-domanda preċedenti, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

32

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 93/37 għandux jiġi interpretat fis-sens li proċedura nnegozjata għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma tistax titkompla, fin-nuqqas ta’ numru suffiċjenti ta’ kandidati sabiex jintlaħaq il-limitu minimu ta’ tliet kandidati stabbilit minn din id-dispożizzjoni.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 93/37 tinkludi, fost id-dispożizzjonijiet tagħha, regoli dwar l-iżvolġiment tal-proċedura.

34

B’hekk, fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, mill-inqas żewġ fażijiet differenti huma previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 93/37, jiġifieri, minn naħa, l-eventwali esklużjoni tal-offerenti jew tal-kandidati skont l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, kif ukoll il-verifika, skont il-kriterji ta’ kapaċità ekonomika, finanzjarja u teknika msemmija fl-Artikoli 26 sa 29 tal-imsemmija direttiva u stabbiliti għall-proċedura kkonċernata, jekk l-offerenti jew il-kandidati li ma ġewx esklużi humiex xierqa, u, min-naħa l-oħra, l-għoti tal-kuntratt abbażi tal-kriterji stabbiliti għall-imsemmija proċedura fost dawk previsti fit-Kapitolu 3 tat-Titolu IV tal-istess direttiva, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 ta’ din tal-aħħar.

35

Fil-proċedura nnegozjata, bejn l-ewwel fażi msemmija hawn fuq u l-fażi tal-għoti tal-kuntratt, isseħħ il-fażi ta’ negozjati bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati ammessi sabiex jinnegozjaw.

36

Skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 93/37, meta kuntratt jingħata bil-proċedura nnegozjata, in-numru ta’ kandidati ammessi sabiex jinnegozjaw m’għandux ikun ta’ inqas minn tlieta, sakemm ikun hemm numru suffiċjenti ta’ kandidati xierqa.

37

Għalhekk jirriżulta mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni li l-awtoritajiet aġġudikatriċi huma obbligati li jossevaw, għall-inqas, rigward in-numru ta’ kandidati magħżula biex jinnegozjaw, il-limitu minimu ta’ kandidati stabbilit mill-istess dispożizzjoni, sakemm in-numru ta’ kandidati xierqa jippermetti dan.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat bħala “kandidat xieraq” fis-sens tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 93/37, kwalunkwe kuntrattur li jkun talab stedina sabiex jieħu sehem fil-proċedura kkonċernata u li, fost dawk li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa fl-Artikoli 24 sa 29 ta’ din id-direttiva, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ natura ekonomika u teknika stabbiliti għal din il-proċedura.

39

Fil-fatt, minn naħa, il-“kandidat” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(h) tad-Direttiva 93/37, bħala l-kuntrattur li jkun talab stedina sabiex jieħu sehem fi proċedura ristretta jew fi proċedura nnegozjata.

40

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 93/37, fil-proċeduri nnegozjati, l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu, abbażi tal-informazzjoni rigward il-pożizzjoni personali tal-kuntrattur kif ukoll tal-informazzjoni u l-formalitajiet meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ natura ekonomika u teknika li għandhom jiġu sodisfatti minn dan il-kuntrattur, mill-kandidati bil-kwalifiki meħtieġa fl-Artikoli 24 sa 29, dawk li huma sejrin jistiednu biex jinnegozjaw.

41

Minn dan isegwi li l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 93/37 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratt jingħata bi proċedura nnegozjata, in-numru tal-kandidati ammessi sabiex jinnegozjaw ma jistax ikun ta’ inqas minn tlieta, sakemm ikun hemm numru suffiċjenti ta’ kuntratturi li jkunu talbu stedina sabiex jieħdu sehem fil-proċeduri inkwistjoni u li, fost dawk li għandhom il-kwalifiki meħtieġa fl-Artikoli 24 sa 29 ta’ din id-direttiva, jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ natura ekonomika u teknika stabbiliti għal din il-proċedura.

42

B’hekk, meta kuntratt jingħata bil-proċedura nnegozjata u n-numru tal-kandidati xierqa ma jilħaqx il-limitu minimu stabbilit għall-proċedura kkonċernata, li ma jistax ikun ta’ inqas minn tlieta, l-awtorita kontraenti tista’ madankollu tkompli l-proċedura billi tistieden lill-kandidat jew lill-kandidati xierqa sabiex jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tal-kuntratt.

43

Kif il-Kummissjoni osservat ġustament, kieku kien mod ieħor, il-ħtieġa soċjali identifikata u ddefinita mill-awtorità kontraenti, li din l-awtorità kien beħsiebha tissodisfa bl-għoti tal-kuntratt kkonċernat, ma tkunx tista’ tiġi sodisfatta mhux minħabba n-nuqqas ta’ kandidati xierqa, iżda minħabba l-fatt li n-numru ta’ dawn ikun inqas mill-imsemmi limitu minimu.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 93/37 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratt jingħata bi proċedura nnegozjata u n-numru ta’ kandidati xierqa jkun inqas mil-limitu minimu stabbilit għall-proċedura kkonċernata, l-awtorità kontraenti tista’ madankollu tkompli l-proċedura billi tistieden lill-kandidat jew lill-kandidati xierqa sabiex jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tal-imsemmi kuntratt.

Fuq ir-raba’ domanda

45

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rijnviju tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 93/37 huwiex applikabbli għall-proċedura nnegozjata ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-istruttura tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 93/37 jirriżulta li t-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 22(2) jirreferi biss għall-kuntratti li jingħataw bil-proċedura ristretta.

47

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skont l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/37, din id-direttiva hija intiża sabiex tiżviluppa kompetizzjoni effettiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, Fracasso u Leitschutz, C-27/98, Ġabra p. I-5697, punt 26; tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C-285/99 u C-286/99, Ġabra p. I-9233, punt 34; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 89, kif ukoll tas-7 ta’ Ottubru 2004, Sintesi, C-247/02, Ġabra p. I-9215, punt 35).

48

B’hekk, sabiex tilħaq l-għan tal-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva, id-Direttiva 93/37 tipprova torganizza l-għoti tal-kuntratti b’tali mod li l-awtorità kontraenti tkun f’pożizzjoni li tqabbel offerti differenti, u li tagħżel l-iktar waħda vantaġġjuża, abbażi ta’ kriterji oġġettivi (sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq, Fracasso u Leitschutz, punt 31, kif ukoll Sintesi, punt 37).

49

Għalhekk, għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 93/37 jipprovdi li, f’kull każ, meta l-awtoritajiet kontraenti jagħtu kuntratt bi proċedura ristretta, in-numru ta’ kandidati ammessi sabiex jagħmlu offerta għandu jkun suffiċjenti biex jiżgura kompetizzjoni ġenwina, din id-dispożizzjoni sempliċement issemmi b’mod espliċitu wieħed mill-għanijiet ġenerali tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sintesi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

50

Minn dan isegwi li, għalkemm id-Direttiva 93/37 ma tinkludix dispożizzjoni analoga għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2), f’dak li jirrigwarda l-proċeduri nnegozjati, l-awtorita kontraenti li tuża dawn il-proċeduri fil-każijiet msemmija fl-Artikolu 7(2) tal-immemija direttiva għandha madankollu tieħu ħsieb tiggarantixxi kompetizzjoni ġenwina.

51

F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi enfasizzat li, f’dawn il-każijiet, l-użu tal-proċedura nnegozjata jirrikjedi l-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti, intiża sabiex jintbagħtu l-applikazzjonijiet. Kif ġie indikat fil-punt 14 ta din l-istess sentenza, din il-miżura ġiet osservata fil-kawża prinċipali.

52

Imbagħad, rigward il-fażi ta’ negozjati tal-kuntratt, l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 93/37 jobbliga lill-awtorità kontraenti tistieden numru suffiċjenti ta’ kandidati sabiex jieħdu sehem f’din il-fażi. Jekk dan in-numru huwiex suffiċjenti jew le sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina għandu jiġi ddeterminat skont il-karatteristiċi u s-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat.

53

Fl-aħħar nett, jekk f’tali proċedura, in-numru tal-kandidati xierqa ma jilħaqx il-limitu minimu stabbilit għall-proċedura kkonċernata, li, skont id-Direttiva 93/37, ma jistax ikun ta’ inqas minn tlieta, għandu jiġi ammess li, minkejja li l-kundizzjonijiet ta’ natura ekonomika u teknika speċifiċi għal din il-proċedura ġew stabbiliti u applikati b’mod korrett, l-awtorità kontraenti madankollu żgurat kompetizzjoni ġenwina.

54

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li d-Direttiva 93/37 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina huwa sodisfatt meta l-awtorità kontraenti tuża l-proċedura nnegozjata taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, kuntratti pubbliċi għal provvisti u kuntratti pubbliċi għal servizzi] mhijiex applikabbli għal deċiżjoni adottata minn awtorità kontraenti, waqt l-għoti ta’ kuntratt pubbbliku għal xogħlijiet, qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

 

2)

L-Artikolu 22(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratt jingħata bi proċedura nnegozjata u n-numru tal-kandidati xierqa ma jilħaqx il-limitu minimu stabbilit għall-proċedura kkonċernata, l-awtorità kontraenti tista’ madankollu tkompli l-proċedura billi tistieden lill-kandidat jew lill-kandidati xierqa sabiex jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tal-imsemmi kuntratt.

 

3)

Id-Direttiva 93/37, kif emendata bid-Direttiva 97/52, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina huwa sodisfatt meta l-awtorità kontraenti tuża l-proċedura nnegozjata taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Fuq