EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0040

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-6 ta' Ottubru 2009.
Asturcom Telecomunicaciones SL vs Cristina Rodríguez Nogueira.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de Primera Instancia nº 4 de Bilbao - Spanja.
Direttiva 93/13/KEE - Kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Klawżola ta’ arbitraġġ inġusta - Nullità - Deċizjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret res judicata - Eżekuzzjoni forzata - Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali ta’ eżekuzzjoni li tqajjem ex officio n-nullità tal-klawżola ta’ arbitraġġ inġusta - Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
Kawża C-40/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-09579

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:615

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Direttiva 93/13/KEE — Kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Klawżola ta’ arbitraġġ inġusta — Nullità — Deċizjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret res judicata — Eżekuzzjoni inforzata — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali ta’ eżekuzzjoni li tqajjem ex officio n-nullità tal-klawżola ta’ arbitraġġ inġusta — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Fil-Kawża C-40/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n 4 de Bilbao (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

Asturcom Telecomunicaciones SL

vs

Maria Cristina Rodríguez Nogueira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano (Relatur), E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Asturcom Telecomunicaciones SL, minn P. Calderón Plaza u P. García Ibaceta, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn K. Veres, R. Somssich, u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għal eżekuzzjoni inforzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li saret finali bejn il-kumpannija Asturcom Telecomunicaciones SL (iktar ’il quddiem “Asturcom”) u M. C. Rodríguez Nogueira dwar il-ħlas ta’ somom dovuti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ abbonament għat-telefonija ċellulari li l-imsemmija kumpannija kienet ikkonkludiet ma’ din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

4

Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

5

L-anness tal-istess direttiva jinkludi lista indikattiva ta’ klawżoli li jistgħu jitqiesu li huma inġusti. Fost dawn, fil-punt 1(q) ta’ dan l-anness jissemmew il-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li “jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jeħtieġ lill-konsumatur li jieħu kwistjoni esklussivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’disposizzjonijiet legali, biex b’hekk jirristrinġu l-evidenza disponibbli għalih b’mod esaġerat jew jimponu fuqu l-oneru tal-prova li, skond il-liġi applikabbli, għandu jkun fuq parti oħra tal-kuntratt.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6

Taħt id-dritt Spanjol, il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti kienet żgurata fl-ewwel lok mil-Liġi Ġenerali 26/2004 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-utent (Ley General 26/1984 para la Defensa de los Consumidores y Usuarios), tad-19 ta’ Lulju 1984 (BOE Nru 176, tal-24 ta’ Lulju 1984, iktar ’il quddiem il-“Liġi 26/1984”).

7

Il-Liġi 26/1984 ġiet emendata bil-Liġi 7/1998 dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti (Ley 7/1998 sobre Condiciones Generales de la Contratación), tat-13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal-14 ta’ April 1998, iktar ’il quddiem il-“Liġi 7/1998”), li ttrasponiet id-Direttiva 93/13 fid-dritt nazzjonali.

8

Il-Liġi 7/1998 b’mod partikolari daħħlet fil-Liġi 26/1984 l-Artikolu 10a, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li għandhom “jitqiesu bħala klawżoli inġusti l-istipulazzjonijiet kollha li ma jkunux ġew innegozjati individwalment meta, minkejja l-ħtieġa ta’ bona fede, dawn joħolqu żbilanċ sinjifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. Fi kwalunkwe każ, jitqiesu bħala klawżoli inġusti d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel dispożizzjoni addizzjonali ta’ din il-liġi. […]”

9

L-Artikolu 8 tal-Liġi 7/1998 jipprovdi:

“1.   Huma ipso jure nulli l-kundizzjonijiet ġenerali li, bi ħsara għall-aderent, imorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi jew ta’ kull regola oħra imperattiva jew projbittiva, ħlief jekk dawn ma jippenalizzawx b’mod differenti l-ksur tagħhom.

2.   B’mod partikolari, huma nulli l-kundizzjonijiet ġenerali inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ konsumatur, kif huma ddefiniti, fi kwalunkwe każ, mill-Artikolu 10a u l-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 26/1984 […]”.

10

Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura ta’ arbitraġġ kienet irregolata mil-Liġi 60/2003 dwar l-arbitraġġ (Ley 60/2003 de Arbitraje), tat-23 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 309 tas-26 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Liġi 60/2003”).

11

L-Artikolu 8(4) u (5) tal-Liġi 60/2003 kien jipprovdi:

“4.   Il-qorti tal-prim’istanza tal-post fejn tingħata d-deċiżjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tagħha, b’mod konformi mal-Artikolu 545(2) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili […]

5.   Ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ għandu jitressaq quddiem l-Audiencia Provincial tal-post fejn tkun ingħatat”.

12

L-Artikolu 22(1) u (2) tal-Liġi 60/2003 kien jipprovdi:

“1.   L-arbitri għandhom kompetenza biex jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom stess, inkluż dwar l-eċċezzjonijiet relatati mal-eżistenza jew il-validità tal-ftehim ta’ arbitraġġ jew kull eċċezzjoni oħra li l-aċċettazzjoni tagħha tipprekludi l-eżami tal-merti tal-kawża. F’dan ir-rigward, ftehim ta’ arbitraġġ li jagħmel parti minn kuntratt jitqies bħala ftehim distint mill-klawżoli l-oħrajn tal-kuntratt. Id-deċiżjoni li tikkonstata n-nullità tal-kuntratt ma twassalx ipso jure għan-nullità tal-ftehim ta’ arbitraġġ.

2.   L-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti jridu jiġu mressqa l-iktar tard mal-preżentata tar-risposta, u l-fatt li parti tkun innominat jew ipparteċipat fin-nomina tal-arbitri ma jċaħħadhiex mid-dritt li tressaq dawk l-eċċezzjonijiet. Eċċezzjoni li tallega li l-kwistjoni hija ultra vires is-setgħat tal-arbitri trid tiġi mressqa matul il-proċedura ta’ arbitraġġ malli titqajjem il-kwistjoni ta’ ultra vires.

L-arbitri jistgħu jaċċettaw l-eċċezzjonijiet imressaq sussegwentement biss jekk id-dewmien ikun iġġustifikat”.

13

L-Artikolu 40 tal-istess liġi kien ifformulat b’dan il-mod:

“Deċiżjoni finali tista’ tkun suġġetta għal azzjoni ta’ annullament, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu”.

14

L-Artikolu 41(1) tal-Liġi 60/2003 kien jistipola:

“1.   Id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata biss meta l-parti li titlob l-annullament tallega u tipprova:

a)

li l-ftehim ta’ arbitraġġ ma jeżistix jew mhuwiex validu.

[…]

f)

li d-deċiżjoni tmur kontra l-ordni pubbliku.

[…]”

15

Skont l-Artikolu 41(4) ta’ din il-liġi, ir-rikors għal annullament kellu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

16

L-Artikolu 43 tal-Liġi 60/2003 kien jipprovdi:

“Is-sentenza finali għandha l-effetti ta’ res judicata u ma tistax tkun suġġetta għal rikors ta’ reviżjoni, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-proċedura ċivili applikabbli għad-deċiżjonijiet finali.”

17

L-Artikolu 44 tal-istess liġi kien jippreċiża:

“L-eżekuzzjoni inforzata tad-deċiżjonijiet hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili u minn dan it-titolu.”

18

L-Artikolu 517(2)(2) tal-Liġi 1/2000 dwar il-proċedura ċivili (Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, iktar ’il quddiem il-“Liġi 1/2000”), jipprovdi li s-sentenzi jew id-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ huma suġġetti għal eżekuzzjoni inforzata.

19

L-Artikolu 559(1) tal-Liġi 1/2000 jipprovdi kif ġej:

“Il-konvenut fl-eżekuzzjoni jista’ wkoll jopponi għall-eżekuzzjoni minħabba d-difetti proċedurali segwenti:

1.

il-konvenut fl-eżekuzzjoni ma għandux in-natura jew ir-rappreżentanza msemmija fit-talba;

2.

ir-rikorrent fl-eżekuzzjoni ma għandux il-kapaċità jew rappreżentanza jew ma ġġustifikax li għandu n-natura jew ir-rappreżentanza msemmija fit-talba;

3.

nullità totali tad-digriet tal-eżekuzzjoni minħabba li dan ma jinkludix id-deċiżjoni jew is-sentenza ta’ arbitraġġ li tiddeċiedi l-kundanna, id-dokument ippreżentat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet legali meħtieġa sabiex dan ikun eżekuttiv, jew minħabba ksur, waqt l-eżekuzzjoni, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 520 ta’ din il-liġi;

4.

jekk it-titolu eżekuttiv huwa deċiżjoni ta’ arbitraġġ mhux ifformalizzata minn nutar jew minħabba n-nuqqas ta' awtentiċità tagħha.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

Fl-24 ta’ Mejju 2004, M. C. Rodríguez Nogueira kkonkludiet ma’ Asturcom kuntratt ta’ abbonament għat-telefonija ċellulari. Dan il-kuntratti kellu klawżola ta’ arbitraġġ li tissuġġetta kull kwistjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt għall-arbitraġġ tal-Asociación Europea de Arbitraje de Derecho y Equidad (Assoċjazzjoni Ewropea ta’ arbitraġġ u soluzzjonijiet bonarji, iktar ’il quddiem l-“AEADE”). Il-post fejn kienet stabbilita din l-awtorità ta’ arbitraġġ, li ma kienx indikat fil-kuntratt, jinsab f’Bilbao.

21

Peress li M. C. Rodríguez Nogueira ma kinitx ħallset ċertu numru ta’ kontijiet u kienet xoljiet il-kuntratt qabel l-iskadenza tal-perijodu minimu ta’ abbonament miftiehem Asturcom bdiet proċedura ta’ arbitraġġ kontriha quddiem l-AEADE.

22

Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, mogħtija fl-14 ta’ April 2005, ikkundannat lil M. C. Rodríguez Nogueira tħallas is-somma ta’ EUR 669.60.

23

Peress li M. C. Rodríguez Nogueira ma kienet ressqet ebda azzjoni għal annullament kontra din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, din saret definittiva.

24

Fid-29 ta’ Ottubru 2007, Asturcom ippreżentat quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n 4 de Bilbao rikors għall-eżekuzzjoni inforzata ta’ din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

25

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti tikkonstata li l-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt ta’ abbonament hija inġusta, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li, qabel kollox, l-ispejjeż li l-konsumatur kellu jsostni sabiex imur fil-post ta’ fejn għandu jsir l-arbitraġġ kienu ogħla mill-ammont tas-somma li kienet is-suġġett tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, skont l-istess qorti, dan il-post kien jinsab f’distanza sinjifikattiva mill-post ta’ residenza tal-konsumatur u mhuwiex indikat fil-kuntratt. Fl-aħħar nett, din il-qorti telabora hija stess il-kuntratti li huma sussegwentement użati mill-impriżi tat-telekomunikazzjoni.

26

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll li, min-naħa, il-Liġi 60/2003 ma tippermettix lill-arbitri jqajmu ex officio n-nullità tal-klawżoli ta’ arbitraġġ inġusti u li, min-naħa l-oħra, il-Liġi 1/2000 ma tipprevedi ebda dispożizzjoni dwar l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ arbitraġġ mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq rikors għal eżekuzzjoni inforzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret finali.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-regoli proċedurali nazzjonali, il-Juzgado de Primera Instancia n 4 de Bilbao ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-protezzjoni tal-konsumaturi skont id-[Direttiva 93/13] timplika li l-qorti li tkun ġiet adita b’rikors għall-eżekuzzjoni inforzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ finali u li tkun ingħatat fil-kontumaċja tal-konsumatur għandha tevalwa ex officio n-nullità tal-ftehim ta’ arbitraġġ u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni għar-raġuni li l-imsemmi ftehim ta’ arbitraġġ jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ inġusta bi ħsara għall-konsumatur?”

28

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali adita b’rikors għall-eżekuzzjoni inforzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret res judicata u li tkun ingħatat fil-kontumaċja tal-konsumatur hijiex obbligata tqajjem ex officio n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur kif ukoll tannulla l-imsemmija deċiżjoni.

29

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew il-fornitur, għal dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C-240/98 sa C-244/98, Ġabra p. I-4941, punt 25 u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C-168/05, Ġabra p. I-10421, punt 25).

30

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza din hija dispożizzjoni imperattiva li hija intiża li tbiddel l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-parti kontraenti l-oħra (sentenzi Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, Ġabra p. I-4713, punt 25).

31

Sabiex tiżgura l-protezzjoni maħsuba mid-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll enfasizzat diversi drabi li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt (sentenzi ċċitati iktar ’il quddiem Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, punt 27 u Mostaza Claro, punt 26).

32

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali hija marbuta tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (sentenza Mostaza Claro, iċċitat iktar ’il fuq, punt 38).

33

Il-kawża preżenti tiddistingwi ruħha madankollu minn dik li wasslet għas-sentenza Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, peress li M. C. Rodríguez Nogueira baqgħat kompletament passiva fil-kors tad-diversi proċeduri li jirrigwardaw il-kwistjoni tagħha ma’ Asturcom u, b’mod partikolari, hija ma ressqitx azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija mill-AEADE sabiex tikkontesta n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ, b’mod li din id-deċiżjoni sadanittant kisbet is-saħħa ta’ res judicata.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-eżiġenza li wieħed jissostiwixxi l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kokontraenti b’ekwilibriju reali tali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar, jobbligax lill-qorti ta’ eżekuzzjoni tiżgura protezzjoni assoluta lill-konsumatur, u dan fin-nuqqas ta’ kull azzjoni ġudizzjarja mressqa minn dan tal-aħħar sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu, u minkejja regoli proċedurali nazzjonali li jimplementaw il-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata.

35

F’dan ir-rigward, għandha qabel kollox titfakkar l-importanza li għandu, kemm fis-sistema legali Komunitarja kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali, il-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata.

36

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunita tippreċiża li, sabiex tiżgura kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jintużaw ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi ma jkunux jistgħu jiġu iktar ikkontestati (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 38, tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer, C-234/04, Ġabra p. I-2585, punt 20, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C-2/08, Ġabra p. I-7501, punt 22).

37

Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt Komunitarju ma jimponix fuq qorti nazzjonali li ma tapplikax ir-regoli preoċedurali nazzjonali li jikkonferixxu l-awtorità tar-res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan jippermetti li jingħata rimedju għal ksur ta’ dispożizzjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha, tad-dritt Komunitarju bid-deċiżjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari s-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C-126/97, Ġabra p. I-3055, punti 47 u 48, Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, kif ukoll Fallimento Olimpiclub, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

38

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata jaqgħu taħt is-sistema legali nazzjonali tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas li jitmexxew b’mod li jirrendu fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kapferer, punt 22, u Fallimento Olimpiclub, punt 24).

39

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u tad-dettalji tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’dan id-dawl, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li huma l-bażi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 14, u Fallimento Olimpiclub, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

40

F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali saret definittiva minħabba l-fatt li l-konsumatur ikkonċernat ma ressaqx rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni fit-terminu previst għal dan il-għan.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurispridenza stabbilita, id-determinazzjoni ta’ terminu perentorju raġjonevoli għall-preżentata ta’ rikors fl-interess taċ-ċertezza legali hija kompatibbli mad-dritt komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5, tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 28, kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C-2/06, Ġabra p. I-411, punt 58). Fil-fatt, dawn it-termini mhumiex tali li jirrendu pratikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana, C-255/00, Ġabra p. I-8003, punt 34).

42

Għandha għaldaqstant tiġi vverifikata n-natura raġjonevoli ta’ terminu ta’ xahrejn, kif previst mill-Artikolu 41(4) tal-liġi 60/2003, li fl-iskadenza tiegħu, fin-nuqqas ta’ rikors għal annullament, deċiżjoni ta’ arbitraġġ issir definittiva u tikseb b’hekk l-awtorità ta’ res judicata.

43

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, terminu ta’ 60 ġurnata ma jistax fih innifsu jiġi kkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Peterbroeck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

44

Fil-fatt, terminu perentorju bħal dan għandu natura raġjonevoli fis-sens li jippermetti evalwazzjoni kemm ta’ jekk hemmx raġunijiet li jippermettu kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ kif ukoll, jekk ikun il-każ, li jitfassal rikors għall-annullament ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rgward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, bl-ebda mod ma ġie sostnut li r-regoli nazzjonali proċedurali li jirregolaw il-preżentata ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, u b’mod partikolari t-terminu ta’ xahrejn mogħti għal dan il-għan, ma kinux raġjonevoli.

45

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 41(4) tal-liġi 60/2003, it-terminu jibda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. B’hekk, fil-kawża prinċipali, il-konsumatur ma setax jinsab f’sitwazzjoni fejn it-terminu preskrittiv jibda jiddekorri, jew ikun skada, mingħajr ma lanqas ikun jaf li sofra l-effetti tal-klawżola ta’ arbitraġġ inġusta fil-konfront tiegħu.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, terminu għall-preżentata ta’ rikors bħal dan jidher li huwa konformi mal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn mhuwiex ta’ natura fih innifsu li jirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li konsumatur għandu taħt id-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Santex, C-327/00, Ġabra p. I-1877, punt 55).

47

F’kull każ, l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma għandhiex twassal, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jintalab li qorti nazzjonali mhux biss tikkumpensa nuqqas ta’ natura proċedurali ta’ konsumatur li ma jkunx jaf bid-drittijiet tiegħu, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, imma wkoll tpatti għal kollox għall-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat li, bħall-konvenut fil-kawża prinċipali, la pparteċipa fil-proċedura ta’ arbitraġġ u lanqas ressaq azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ li minħabba f’hekk saret definittiva.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-regoli proċedurali stabbiliti mis-sistema Spanjola ta’ protezzjoni tal-konsumatur mill-klawżoli inġusti ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur mid-Direttiva 93/13.

49

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, huwa jitlob li l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali sabiex tiġi mistħarrġa ex officio regola tad-dritt Komunitarju ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw l-applikazzjoni ex officio ta’ regoli tal-istess grad tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C-430/93 u C-431/93, Ġabra p. I- 4705, punti 13 u 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmi prinċipju ġiex osservat fil-kawża li hija adita biha l-qorti nazzjonali, hija din tal-aħħar, li hija biss tkun edotta b’konoxxenza diretta tal-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi fil-qasam tad-dritt nazzjonali, li għandha teżamina kemm is-suġġett kif ukoll l-elementi essenzjali tar-rikorsi allegatament simili ta’ natura nazzjonali (ara b’mod partikolari s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et, C-78/98, Ġabra p. I-3201, punti 49 u 56). Madankollu, fid-dawl tal-evalwazzjoni li din il-qorti trid twettaq, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindika lilha ċerti elementi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Preston et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

51

Issa, kif ġà tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa dispożizzjoni ta’ natura imperattiva. Għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva, kollha kemm hi, tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(1)(t) KE, miżura indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Komunità Ewropea u, b’mod partikolari, sabiex jogħlew il-livell tal-għajxien u l-kwalità tal-ħajja fil-Komunità kollha (sentenza Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

52

B’hekk, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6 tagħha għandu jitqies li huwa regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fis-sistema legali nazzjonali, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku.

53

Minn dan jirriżulta li, sa fejn il-qorti nazzjonali li tintalab tiddeċiedi dwar rikors għall-eżekuzzjoni inforzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ definittiva jkollha, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali tagħha, tevalwa ex officio kemm klawżola ta’ arbitraġġ tmur kontra r-regoli nazzjonali dwar ordni pubbliku, hija marbuta wkoll li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ din il-klawżola fid-dawl tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pannon GSM, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

54

Obbligu bħal dan jaqa’ fuq il-qorti nazzjonali meta jkollha, fil-kuntest tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, is-sempliċi possibbiltà li tevalwa ex officio jekk klawżola bħal din tmurx kontra r-regoli nazzjonali dwar ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq van Schijndel u van Veen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 13, 14 u 22, kif ukoll Kempter, punt 45).

55

Issa, fir-rigward tal-kawża priċipali, skont il-gvern Spanjol, il-qorti ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li saret definittiva għandha l-ġurisdizzjoni tevalwa ex officio n-nullità ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, minħabba l-fatt li din il-klawżola tmur kontra r-regoli nazzjonali dwar ordni pubbliku. Din il-ġurisdizzjoni ġiet irrikonoxxuta barra minn hekk minn diversi sentenzi reċenti tal-Audiencia Provincial de Madrid, kif ukoll tal-Audiencia Nacional.

56

Hija l-qorti nazzjonali għaldaqstant li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li hija adita biha.

57

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-konstatazzjoni mill-qorti ta’ eżekuzzjoni tal-eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inġusta f’kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu li l-klawżoli inġusti ma jkunux jorbtu lill-konsumatur, “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom”.

58

Barra minn hekk, kif issuġġerixxa l-gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet, skont il-liġi nazzjonali tagħha, il-konsegwenzi kollha li timplika l-eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inġusta fir-rigward ta’ sentenza fuq klawżola ta’ arbitraġġ, sa fejn din il-klawżola ma torbotx lill-konsumatur.

59

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li tingħata risposta lid-domanda magħmula li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali adita b’rikors għall-eżekuzzjoni inforzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret res judicata u li tkun ingħatat fil-kontumaċja tal-konsumatur, hija marbuta, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, li tevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, sa fejn, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, hija tkun tista’ teffettwa tali evalwazzjoni fil-kuntest ta’ rikorsi simili ta’ natura nazzjonali. Jekk dan ikun il-każ, hija din il-qorti li għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn din l-evalwazzjoni skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li l-konsumatur ma jkunx marbut minn din il-klawżola.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali adita b’rikors għall-eżekuzzjoni inforzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret res judicata u li tkun ingħatat fil-kontumaċja tal-konsumatur, hija marbuta, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, li tevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, sa fejn, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, hija tkun tista’ teffettwa tali evalwazzjoni fil-kuntest ta’ rikorsi simili ta’ natura nazzjonali. Jekk dan ikun il-każ, hija din il-qorti li għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn din l-evalwazzjoni skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li l-konsumatur ma jkunx marbut minn din il-klawżola.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq