Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0182

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-17 ta' Settembru 2009.
    Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG vs Finanzamt München II.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital - Taxxa fuq il-kumpanniji - Xiri ta’ ishma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju - Kundizzjonijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tax-xerrej, tal-iżvalutar tal-ishma minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi.
    Kawża C-182/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-08591

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:559

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    17 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

    “Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital — Taxxa fuq il-kumpanniji — Xiri ta’ ishma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju — Kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tax-xerrej, tal-iżvalutazzjoni tal-ishma minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi”

    Fil-Kawża C-182/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2008, fil-proċedura

    Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG

    vs

    Finanzamt München II,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ April 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG., minn H.-M. Pott u T. Englert, avukati,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u tal-Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG, kumpannija in akkomandita sempliċi rregolata taħt il-liġi Ġermaniża li l-membri tagħha huma kumpanniji b’responsabbiltà limitata, u l-Finanzamt München II (iktar ’il-quddiem il-“Finanzamt”) dwar id-determinazzjoni tal-profitti tagħha għas-snin 1995 sa 1998.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    3

    Skont is-sistema ta’ tassazzjoni magħrufa bħala “imputazzjoni sħiħa”, fis-seħħ fil-Ġermanja fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, it-tassazzjoni ekonomika doppja tal-profitti distribwiti mill-kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja lill-persuni li jħallsu t-taxxa residenti fil-Ġermanja kienet evitata, skont l-Artikolu 36(2)(3) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EStG”) u l-Artikolu 49 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz, iktar ’il quddiem il-“KStG”), billi dawn il-persuni li jħallsu t-taxxa ngħataw id-dritt li jaqtgħu kompletament it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpanniji distributriċi kontra t-taxxa fuq id-dħul jew it-taxxa tagħhom fuq il-kumpanniji.

    4

    Skont l-Artikolu 36(4)(2) tal-EStG, id-dritt għall-imputazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, li jibbenefika minnu d-detentur tal-ishma residenti, inbidel fi dritt għar-rimbors sa fejn id-dejn fiskali tiegħu stess kien inqas mill-ammont bil-quddiem, fuq is-somma ddistribwita, tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Jirriżulta mill-Artikolu 20(1)(3) tal-EStG li dan id-dritt stess ġie kkunsidrat bħala parti mid-dħul.

    5

    Jekk is-sehem miżmum f’persuna ġuridika kien jagħmel parti mill-kapital operattiv tal-persuna taxxabbli residenti, din tal-aħħar tista’ tnaqqas, minn meta din tirċievi d-dividend, il-valur tal-ishma fil-bilanċ fiskali tagħha, skont l-Artikolu 6(1)(1) tal-EStG. Din l-iżvalutazzjoni, magħrufa bl-espressjoni “tnaqqis fuq il-valur parzjali tal-ishma” kienet ibbażata fuq l-idea li t-tqassim jikkostitwixxi biss sostituzzjoni tal-assi. Għalhekk, il-valur ta’ sehem tnaqqas bil-valur tad-distribuzzjoni relatat ma’ dan is-sehem.

    6

    Minn dan isegwi li d-distribuzzjoni grossa, li tinkludi d-dritt, previst mill-Artikolu 36 tal-EStG, għall-imputazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, u t-tnaqqis korrispondenti fuq il-valur parzjali tas-sehem kienu ġeneralment tal-istess ammont u kienu jikkanċellaw lil xulxin.

    7

    Minn dan il-fatt, id-distribuzzjonijiet ma ħolqux, fl-aħħar mill-aħħar, dħul. Għaldaqstant, ma kienx hemm dejn fiskali korrispondenti ghal kreditu tat-taxxa, li kien jikkonsisti f’parti mid-dħul moħluq mid-distribuzzjoni. Għalhekk, jekk il-persuna taxxabbli ma kellhiex, fis-sena kkonċernata, dħul ieħor, dan il-kreditu ta’ taxxa kien jinbidel fi dritt għal rifużjoni.

    8

    Il-profitt fuq il-bejgħ tal-ishma, li jikkonsisti fil-bilanċ tal-prezz tal-bejgħ fuq l-valur nominali tal-ishma, kien jikkostitwixxi dħul skont il-leġiżlazzjoni fiskali u kien suġġett, għall-persuni li jħallsu t-taxxa residenti, għat-taxxa fuq id-dħul, skont l-Artikolu 17 tal-EStG jew għat-taxxa fuq il-kumpanniji, skont l-Artikolu 8(2) tal-KStG.

    9

    Fir-rigward ta’ persuni li jħallsu t-taxxa mhux residenti, id-dħul tagħhom minn distribuzzjonijiet ta’ profitti ta’ kumpanniji residenti, kif ukoll il-profitti mill-bejgħ tal-ishma miżmuma minn tali kumpanniji ma kinux suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul jew għat-taxxa fuq il-kumpanniji Ġermaniżi.

    10

    Il-persuni li jħallsu t-taxxa mhux residenti lanqas ma setgħu jinvokaw l-applikazzjoni, għall-profitti mqassma lilhom minn kumpanniji residenti, tas-sistema ta’ imputazzjoni sħiħa u, b’hekk, ma setgħux jibbenefikaw minn kreditu tat-taxxa sal-ammont tat-taxxa mħallsa mill-kumpannija distributriċi residenti.

    11

    L-Artikolu 50c(1) u (4) tal-EStG, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet fiskali sabiex jiġi żgurat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tibqa’, fi ħdan is-suq intern Ewropew, post ta’ stabbiliment għall-kumpanniji [Gesetz zur Verbesserung der steuerlichen Bedingungen zur Sicherung des Wirtschaftsstandorts Deutschland im Europäischen Binnenmarkt (Standortsicherungsgesetz)], tat-13 ta’ Settembru 1993 (BGBl. 1993 I, p. 1569), kien ifformulat kif ġej:

    “1)   Persuna taxxabbli li tibbenefika mid-dritt għall-imputazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li tixtri sehem f’kumpannija […] suġġetta għal obbligu fiskali illimitat mingħand detentur ta’ ishma li ma jibbenefikax minn tali dritt għal imputazzjoni [...] ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-profitti t-tnaqqis fil-profitti li jirriżulta

    1.

    mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur parzjali iktar baxx jew

    2.

    miċ-ċessjoni jew mit-tneħħija tas-sehem,

    fis-sena tax-xiri jew matul waħda mid-disa’ snin segwenti, inkwantu dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur parzjali iktar baxx jew kull tnaqqis ieħor tal-profitti jirriżulta biss mid-distribuzzjoni tal-profitti jew mit-trasferiment ta’ profitti b’implementazzjoni ta’ ftehim ta’ superviżjoni, u t-tnaqqis tal-profitti ma jaqbiżx globalment l-ammont ibblukkat skont il-paragrafu 4.

    […]

    4)   L-ammont ibblukkat jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-valur nominali tas-sehem […]”

    12

    Il-liġi li temenda s-sistema fiskali tar-ristrutturazzjoni ta’ kumpanniji (Gesetz zur Änderung des Umwandlungssteuerrechts), tat-28 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3267, iktar ’il quddiem l-“UmwStG”), kienet daħħlet fid-dritt Ġermaniż il-possibbiltà ta’ tibdil ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju f’soċjetà filwaqt li jinżammu l-valuri fiskali tal-assi ttrasferiti, mingħajr ma jkun hemm profitti moħbija.

    13

    Skont l-Artikolu 4(4) tal-UmwStG, jekk il-patrimonju ta’ kumpannija kien ittrasferit lil soċjetà wara l-bidla legali tagħha, il-qligħ jew it-telf li jirriżulta mill-akkwist għandu jkun iddeterminati fuq il-livell tas-soċjetà billi jitqabblu l-valur li bih l-assi ttrasferiti kellhom jinxtraw u l-valur kontabbli ta’ ishma fil-kumpannija inkorporata. Skont l-Artikolu 14 tal-UmwStG, dan kien jgħodd ukoll fil-każ fejn kumpannija ġiet ittrasformata f’soċjetà.

    14

    B’hekk iddeterminat (“l-ewwel stadju”), il-qligħ jew it-telf li jirriżulta mill-akkwist għandu jkun, skont l-Artikolu 4(5) tal-UmwStG, miżjud jew imnaqqas bit-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas skont l-Artikolu 10(1) tal-UmwStG u bl-ammont ibblukkat skont l-Artikolu 50c tal-EStG sa fejn l-ishma fil-kumpannija akkwistata kienu inklużi, fid-data tat-trasferiment taħt il-liġi tat-taxxa, fl-assi tas-soċjetà inkorporata.

    15

    Jekk ikun baqa’ telf fuq l-akkwist (“it-tieni stadju”), il-valur ta’ assi tanġibbli u intanġibbli ttrasferiti kien jiżdied sal-valur parzjali tagħhom. Jekk xorta jibqa’ telf, dan inaqqas il-profitti tas-soċjetà li qed tinkorpora, skont l-Artikolu 4(6) tal-UmwStG.

    16

    L-Artikolu 10(1) tal-UmwStG kien ifformulata kif ġej:

    “It-taxxa fuq il-kumpanniji attribwibbli għall-partijiet tal-kapital stess tal-entità inkorporata, skont l-Artikolu 30(1)(1) u (2) tal-[KStG] li jistgħu jintużaw għat-tqassim li għandha tinqata’, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu 2, kontra t-taxxa fuq id-dħul jew it-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas mid-detenturi tal-ishma tas-soċjetà li qed tinkorpora jew fuq it-taxxa fuq id-dħul tal-persuna fiżika li qed tinkorpora.”

    Il-konvenzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

    17

    Il-konvenzjoni tas-26 ta’ Novembru 1964, bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda Ta’ Fuq, dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja u l-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa (BGBl 1,966 II, p. 358), fl-Artikolu III(1) tagħha, tistipula li “l-profitti industrijali u kummerċjali ta’ impriża ta’ waħda mit-territorji għandhom ikunu taxxabbli biss f’dak it-territorju, sakemm l-impriża ma teżerċitax, fit-territorju l-ieħor, attività industrijali jew kummerċjali permezz ta’ stabbiliment permanenti sitwat hemmhekk.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    18

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ġiet ikkostitwita fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-grupp Glaxo Wellcome, minħabba l-bidla, permezz ta’ tibdil fil-forma ġuridika, fl-1 ta’ Lulju 1995, ta’ Glaxo Wellcome GmbH (iktar ’il quddiem “GmbH GW”), kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata taħt il-liġi Ġermaniża.

    19

    L-istadji tar-ristrutturazzjoni tal-grupp Glaxo Wellcome jistgħu jiġu deskritti kif ġejjin.

    20

    Fis-26 ta’ Ġunju 1995, il-kumpannija rregolata taħt il-liġi Ġermaniża Glaxo Verwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem “GV GmbH”), li diġà kellha 95% tal-ishma ta’ GW GmbH, xtrat, mingħand Glaxo Group Limited (iktar ’il quddiem “GG Ltd”), il-kumpannija parent tagħha stabbilita fir-Renju Unit, 5% tal-ishma ta’ GW GmbH, u hija saret il-kumpannija parent waħdanija ta’ din tal-aħħar.

    21

    Fis-27 ta’ Ġunju u fis-7 ta’ Lulju 1995, GW GmbH u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali xtraw l-ishma kollha ta’ Wellcome GmbH (iktar ’il quddiem “W GmbH”). Il-kumpanniji li biegħu l-ishma kkonċernati huma GG Ltd, li kellha 99.98% tal-ishma ta’ W GmbH, kif ukoll Burroughs Wellcome Ltd, kumpannija parent ta’ GG Ltd, li kellha 0.02% tal-imsemmija ishma.

    22

    Permezz ta’ kuntratt ta’ għaqda tal-25 ta’ Awwissu 1995, W ġiet inkorporata retroattivament fid-29 ta’ Ġunju 1995 mill-azzjonist waħdani tal-ishma tagħha, GW GmbH.

    23

    Fit-30 ta’ Ġunju 1995, GV GmbH biegħet 1% tal-ishma li hija kellha f’GW lil Seftonpharm GmbH li kienet 100% proprjetà tagħha.

    24

    Fl-1 ta’ Lulju 1995, GW GmbH inbidlet f’kumpannija in akkomandita sempliċi rregolata taħt il-liġi Ġermaniża u issa għandha l-isem Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG.

    25

    Fil-jum ta’ din il-bidla, l-ishma ta’ GW GmbH li kienu jidhru fil-bilanċ ta’ GmbH (li jinkludu Seftonpharm GmbH) kienu vvalutati sa DEM 500 miljun. Skont l-Artikolu 4(4) u (5) tal-UmwStG, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkalkulat telf fuq l-akkwist ta’ ammont ta’ DEM 328096563 filwaqt li ttieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 50c tal-EStG, ammont ibblukkat ta’ DEM 22887706 iġġenerat mix-xiri ta’ 5% tal-ishma ta’ GW GmbH mingħand GG Ltd.

    26

    Il-Finanzamt ikkunsidrat li x-xiri minn GV GmbH, mingħand GG Ltd, ta’ ishma f’GW GmbH ma kienx l-uniku wieħed li ġġenera ammont ibblukkat fir-rigward tal-ishma mixtrija. Skont il-Finanzamt, l-ishma ta’ W GmbH mixtrija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mingħand GG Ltd u mingħand Burroughs Wellcome Ltd kienu jirrigwardaw ukoll ammont ibblukkat ta’ DEM 322565500. Wara l-inkorporazzjoni ta’ W GmbH minn GW GmbH, dan it-tieni ammont ibblukkat ma sparixxiex, iżda tressaq fuq l-ishma ta’ GW GmbH miżmuma minn GV GmbH. Skont il-Finanzamt, t-telf fuq l-akkwist li jirriżulta mill-bidla tal-forma legali ta’ GmbH GW għalhekk tnaqqas, meta ttieħed inkunsiderazzjoni l-ammont ibblukkat, għal DEM 5531063.

    27

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tikkontesta l-pożizzjoni tal-Finanzamt, essenzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk it-telf sostnut minn GW GmbH waqt l-imsemmija inkorporazzjoni huwiex imnaqqas minn ammont ibblukkat, fis-sens tal-Artikolu 50c tal-EStG, li jirriżulta mix-xiri minn GmbH GW ta’ ishma f’W GmbH.

    28

    Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, f’dan ir-rigward, rebħet l-kawża quddiem il-Finanzgericht München, il-Finanzamt ressaq appell quddiem il-Bundesfinanzhof.

    29

    Kuntrarjament għal dak li kienet ikkunsidrat il-Finanzgericht München, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, skont il-liġi Ġermaniża biss, l-imsemmi telf għandu jkun imnaqqas bl-ammont ibblukkat li jirriżulta mix-xiri minn GW GmbH ta’ ishma f’W GmbH.

    30

    Madankollu, skont il-Bundesfinanzhof, il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ammont ibblukkat taħt l-Artikolu 50c tal-EStG mhijiex eżenti minn dubju taħt id-dritt Komunitarju, peress li l-persuna taxxabbli hija ttrattata b’mod differenti skont jekk din tixtrix l-ishma minn għand detentur ta’ ishma li ma jibbenefikax minn kreditu tat-taxxa jew mingħand detentur ta’ ishma li ma jibbenefikax minn dan il-kreditu.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 52 […] jew l-Artikolu 73 B tat-Trattat […] jipprekludu li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ skema nazzjonali tal-imputazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, l-iżvalutar [żvalutazzjoni] tal-ishma tal-kumpannija, minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi, ma jaffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa meta persuna taxxabbli li tibbenefika minn kreditu tat-taxxa fuq il-kumpanniji tkun xtrat sehem f’kumpannija suġġetta għal obbligu fiskali illimitat mingħand detentur ta’ ishma li ma jibbenefikax minn dan it-tnaqqis ta’ taxxa, filwaqt li fil-każ ta’ xiri mingħand detentur ta’ ishma li jibbenefika minn kreditu tat-taxxa, dan l-iżvalutar [żvalutazzjoni] inaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej?”

    Fuq id-domanda preliminari

    32

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Ġermaniż, b’mod ġenerali, id-detenturi ta’ ishma mhux residenti fil-Ġermanja kienu suġġetti biss għal obbligu fiskali limitat u ma kellhomx id-dritt li jwettqu tpaċċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Isegwi li l-Artikolu 50c tal-EsTG kien primarjament applikabbli għaċ-ċessjoni ta’ ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti u, konsegwentement, suġġett għal obbligu fiskali illimitat, lil detenur tsl-ishma residenti fil-Ġermanja u, għalhekk, kellu d-dritt li jpaċi t-taxxa, minn detentur ta’ ishma mhux residenti u għaldaqstant li mhuwiex intitolat għall-imsemmi dritt.

    33

    Għaldaqstant, għandu jinftiehem li bid-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 52 jew 73 B tat-Trattat jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-iżvalutazzjoni ta’ ishma tal-kumpannija minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi ma taffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli residenti, meta din tal-aħħar xtrat ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti, mingħand detentur tal-ishma mhux residenti, filwaqt li, fil-każ ta’ xiri ta’ dawn l-ishma mingħand detentur ta’ ishma residenti, tali żvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej.

    34

    Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza fir-rispett tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 29; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 40; tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 36, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 16).

    35

    Peress li l-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda tagħha kemm fir-rigward tal-Artikolu 52 kif ukoll tal-Artikolu 73 B tat-Trattat, għandu jiġi ddeterminat preliminarjament jekk, u sa fejn, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taffettwa l-libertajiet ggarantiti minn dawn l-artikoli.

    Fuq il-libertà inkwistjoni fil-kawża prinċipali

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk liġi nazzjonali taqax taħt waħda jew oħra mil-libertajiet ta’ moviment, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-liġi inkwistjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C-157/05, Ġabra p. I-4051, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-miżura inkwistjoni, bħala prinċipju, fir-rigward ta’ waħda biss miż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda hija kompletament sekondarja għall-oħra u tista’ tingħaqad magħha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C-452/04, Ġabra p. I-9521, punt 34).

    38

    Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk, fl-ewwel lok, ix-xiri, minn resident, ta’ ishma f’kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti, bħal dak intiż fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxix moviment ta’ kapital skont l-Artikolu 73 B tat-Trattat.

    39

    Fin-nuqqas ta’ definizzjoni, fit-Trattat, tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital”, il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement irrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura annessa mad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu mħassar permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), minkejja li din kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (l-Artikoli 67 sa 73 tat-Trattat KEE ġew sostitwiti mill-Artikoli 73 B sa 73 G tat-Trattat KE, li min-naħa tagħhom saru l-Artikoli 56 KE sa 60 KE), bil-kundizzjoni li, skont l-introduzzjoni tagħha, il-lista inkluża fiha mhijiex ta’ natura eżawrjenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, van Hilten-van der Heijden, C-513/03, Ġabra p. I-1957, punt 39; tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 22; tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 38, kif ukoll tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 24).

    40

    Għaldaqstant jikkostitwixxu movimenti tal-kapital skont l-Artikolu 73 B(1) tat-Trattat, b’mod partikolari, l-investimenti diretti taħt il-forma ta’ sehem f’impriża permezz tad-detenzjoni ta’ ishma li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija u fil-kontroll tagħha (investimenti magħrufa bħala “diretti”) kif ukoll ix-xiri ta’ titoli fuq is-suq tal-kapital magħmul bl-intenzjoni biss li jitwettaq investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li tiġi influwenzata t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża (investimenti magħrufa bħala “tal-portfolio”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer, C-222/97, Ġabra p. I-1661, punt 21; tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-483/99, Ġabra p. I-4781, punti 36 u 37; tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-98/01, Ġabra p. I-4641, punti 39 u 40, kif ukoll tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-282/04 u C-283/04, Ġabra p. I-9141, punt 19).

    41

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-bejgħ mill-ġdid minn azzjonist mhux residenti ta’ azzjonijiet lill-kumpannija li ħarġithom residenti jikkostitwixxi moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 88/361 u tan-nomenklatura tal-movimenti tal-kapital li tinsab fl-Anness I ta’ din id-Direttiva (ara is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 29).

    42

    Fil-fatt, skont ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Anness tad-Direttiva 88/361, il-moviment liberu tal-kapital ikopri l-operazzjonijiet biex ikunu likwidati jew assenjati beni kkostitwiti.

    43

    Għaldaqstant, iċ-ċessjoni ta’ ishma fil-kumpanniji residenti minn investituri mhux residenti tikkostitwixxi moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 1 tal-imsemmija Direttiva, kif ukoll in-nomenklatura tal-movimenti tal-kapital li tinsab fl-Anness I tal-istess direttiva.

    44

    Għalhekk, għalkemm ix-xiri minn resident ta’ ishma fil-kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti mhuwiex imsemmi espressament, kif indikat mill-Gvern Ġermaniż, fin-nomenklatura tal-movimenti tal-kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 88/361, din l-operazzjoni tikkostitwixxi moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-moviment liberu tal-kapital.

    45

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 52 tat-Trattat, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-libertà ta’ stabbiliment, li dan l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li jinkludi d-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ stabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ kumpannija sussidjarja, fergħa jew aġenzija (sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding, C-471/04, Ġabra p. I-2107, punt 29; Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C-451/05, Ġabra p. I-8251, punt 62).

    46

    Il-kunċett ta’ stabbiliment skont it-Trattat huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhux l-Istat ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, billi jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-Komunità fil-qasam tal-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati Centro di Musicologia Walter Stauffer, punt 18 u ELISA, punt 63).

    47

    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw fir-rigward ta’ ċittadin jew kumpannija fi Stat Membru kkonċernat li jkollu sehem f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li jippermettilu jeżerċita influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 22; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitat iktar ’il fuq, punt 31; tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 27, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-207/07, punt 60).

    48

    Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-gvern Ġermaniż, waħda mill-ipoteżijiet maħsuba għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik li fiha detentur ta’ ishma mhux residenti jikkontrolla diversi kumpanniji sussidjarji stabbiliti fil-Ġermanja u jittrasferixxi l-ishma miżmuma f’waħda minnhom lill-kumpannija sussidjarja kkontrollata.

    49

    Madankollu huwa paċifiku li l-applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma tiddependix mill-ammont ta’ ishma mixtrija mid-detentur ta’ ishma mhux residenti u mhijiex limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom id-detentur tal-ishma jista’ jkollu influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija kkonċernata u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha.

    50

    Barra minn hekk, peress li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jipprevjeni li detenturi ta’ ishma mhux residenti milli jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali indebitu, iġġenerat direttament miċ-ċessjoni ta’ ishma li jista’ b’mod partikolari jsir biss sabiex jittieħed benefiċċju mill-imsemmi vantaġġ, u mhux għall-iskop tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jew bħala riżultat tal-eżerċizzju ta’din il-libertà, għandu jiġi kkunsidrat li l-aspett tal-moviment liberu tal-kapital ta’ din il-leġiżlazzjoni jipprevali fuq dak marbut mal-libertà ta’ stabbiliment.

    51

    Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha effetti restrittivi fuq il-libertà ta’ stabbiliment, tali effetti għandhom il-konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-moviment liberu tal-kapital u għaldaqstant, ma jiġġustifikawx eżami awtonomu tal-istess leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 52 tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 27; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; Fidium Finanz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

    52

    Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital.

    Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

    53

    Kif ġie rrilevat mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-konsegwenza li, meta persuna taxxabbli residenti tixtri ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti, l-iżvalutazzjoni ta’ dawn l-ishma minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividend ma taffettwax il-bażi taxxabbli tax-xerrej, filwaqt li, fil-każ ta’ xiri ta’ dawn l-ishma mingħand detentur ta’ ishma residenti, din l-iżvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej.

    54

    Din il-limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvalutazzjoni tal-ishma minħabba d-distribuzzjoni tal-ishma tapplika mis-sena tax-xiri tal-imsemmija ishma u matul id-disa’ snin ta’ wara, u tikkonċerna biss it-tnaqqis ta’ profitti li jirriżultaw minn operazzjoni ta’ distribuzzjoni jew ta’ trasferiment ta’ profitti skont ftehim ta’ kontroll u sakemm it-tnaqqis fil-profitti ma jaqbżix ċertu ammont, li jissejjaħ “l-ammont ibblukkat”.

    55

    Dan l-ammont ibblukkat, li huwa d-differenza bejn il-prezz tax-xiri mħallas mid-detentur residenti u l-valur nominali tal-ishma, japplika b’hekk għall-ishma mixtrija mingħand persuna mhux residenti, billi essenzjalment jiġu annullati l-effetti tal-iżvalutazzjoni tal-ishma li jirriżultaw mill-distribuzzjoni tal-profitt.

    56

    Il-possibbiltà għal persuna taxxabbli li mill-profitti taxxabbli tagħha tnaqqas it-telf relatat mat-tnaqqis parzjali fil-valur tal-ishma miżmuma mill-kumpannija, meta t-tnaqqis fil-valur tal-ishma jirriżulta mid-distribuzzjoni tal-profitt, tikkostitwixxi mingħajr dubju vantaġġ fiskali.

    57

    Issa, il-fatt li tagħti l-imsemmi vantaġġ lil persuna taxxabbli residenti biss f’każ ta’ xiri ta’ ishma f’kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma residenti trendi l-ishma miżmuma minn dawk mhux residenti inqas attraenti u, għalhekk, jista’ jiskoraġġixxi l-imsemmija persuna taxxabbli milli tixtrihom.

    58

    Barra minn hekk, tali trattament differenti jista’ wkoll jiskoraġġixxi l-investituri mhux residenti milli jixtru ishma fil-kumpannija residenti u b’hekk dan jikkostitwixxi għall-imsemmija kumpannija ostaklu għall-ġbir ta’ kapital li ġej minn Stati Membri oħra.

    59

    Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 73 B tat-Trattat.

    Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

    60

    Madankollu għandu jiġi kkunsidrat jekk tali restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital tistax tiġi ġġustifikata taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

    61

    Skont il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tipprevjeni li detentur ta’ ishma mhux residenti jikseb, permezz ta’ ċerti prattiċi, b’mod partikolari, bħal dawk deskritti mill-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess riżultat mil-lat ekonomiku bħal jekk ingħatalu kreditu tat-taxxa.

    62

    Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija għalhekk intiża sabiex tipproteġi l-koerenza tal-proċedura Ġermaniża ta’ imputazzjoni sħiħa u hija ġġustifikata, inkwantu jirriżulta mis-sentenzi Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, u tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C-284/06, Ġabra p. I-4571, illi l-fatt li kreditu ta’ taxxa intiż sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja ekonomika mhuwiex mogħti lil azzjonisti mhux residenti li jirċievu dividendi minn kumpanniji residenti ma jistax jitqies bħala kuntrarju għal-liġi Komunitarja.

    63

    Barra minn hekk kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-għoti ta’ kreditu tat-taxxa, mingħajr ma jkun hemm dejn fiskali bħal korrispettiv, lil detentur ta’ ishma mhux residenti li mhuwiex taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija distributriċi jkun jammonta għall-obbligu minn dan l-Istat Membru li jirrinunzja għat-taxxa ta’ parti mill-profitti li saru fit-territorju tiegħu. Il-Kummissjoni żżid, f’dan ir-rigward, li l-ħlas ta’ kreditu fiskali lil detentur ta’ ishma mhux residenti ma jistax jissodisfa l-funzjoni tal-imsemmi kreditu tat-taxxa, li huwa li jaġġusta t-taxxa ċċarġjat minn qabel fil-livell tal-kumpannija għar-rata individwali li għaliha hija suġġetta l-imsemmija persuna taxxabbli, iżda għandu l-effett biss li jċaqlaq il-beni taxxabbli nazzjonali għal Stat Membru ieħor.

    64

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li la l-ħtieġa li tiżgura l-operazzjoni tal-proċedura ta’ imputazzjoni, u lanqas dik li tiġi protetta l-koerenza fiskali jew li tigi ggarantita l-impożizzjoni waħda fil-Ġermanja ma jistgħu jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    65

    Din il-leġiżlazzjoni ma tistabbilixxi ebda rabta teknika bejn il-proċedura ta’ imputazzjoni u l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni, u għandha, barra minn hekk, l-effett li żżid it-taxxa fuq in-negozju tax-xerrej residenti, peress li l-kalkolu tal-profitti wkoll jiddetermina l-ammont ta’ din it-taxxa, li wkoll ma għandux rabta mal-imputazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

    66

    Fir-rigward tal-argumenti magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 73D(1)(a) tat-Trattat KE [li issa sar l-Artikolu 58(1)(a) KE], l-Artikolu 73 B tat-Trattat ma jiksirx id-dritt li għandhom l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jistabbilixxu distinzjoni bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa li ma jkunux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tar-residenza tagħhom jew il-post fejn il-kapital tagħhom huwa investit.

    67

    Madankollu l-Artikolu 73 D (1)(a) tat-Trattat, li, bħala deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa skont il-post fejn huma jirrisjedu jew l-Istat Membru li fih jinvestu l-kapital tagħhom tkun awtomatikament kompatibbli mat-Trattat. Fil-fatt, id-deroga tal-Artikolu 73 D(1)(a) tat-Trattat hija fiha nnfisha limitata minn dan l-Artikolu 73 D(3), li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 73 B” (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 28, u Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

    68

    Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn it-trattamenti mhux ugwali li huma permessi bis-saħħa tal-Artikolu 73 D (1)(a) tat-Trattat u d-diskriminazzjonijiet arbitrarji li huma pprojbiti mill-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex paragunabbli b’mod oġġettiv jew li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43; Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, Ġabra p. I-7685, punt 42).

    69

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’dak li jikkonċerna għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija distributriċi li għandu sistema sabiex jipprevjeni jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew it-tassazzjoni doppja ekonomika fir-rigward ta’ dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti, is-sitwazzjonijiet li fihom jinsabu l-azzjonisti benefiċjarji residenti ta’ dan l-Istat Membru u l-azzjonisti benefiċjarji residenti fi Stat Membru ieħor mhumiex neċessarjament komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 57).

    70

    Fil-fatt, meta kumpannija distributriċi u l-azzjonist benefiċjarju ma jirrisjedux fl-istess Stat Membru, l-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija distributriċi, jiġifieri l-Istat Membru minn fejn joriġinaw il-profitti, ma jinsabx fl-istess pożizzjoni, għal dak li jikkonċerna l-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impożizzjoni tas-sensiela ta’ taxxi u tat-tassazzjoni doppja ekonomika, bħall-Istat Membru fejn jirrisjedi l-azzjonist benefiċjarju (sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

    71

    Għandu madankollu jiġi nnutat li t-trattament differenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkonċernax is-sitwazzjoni ta’ detentur ta’ ishma skont jekk huwiex residenti jew mhux residenti u, għalhekk, il-possibilità ta’ dan id-detentur ta’ ishma li jibbenefika mill-kreditu tat-taxxa dwar it-taxxa mħallsa mill-kumpannija distributriċi.

    72

    L-imsemmi trattament differenzjali huwa limitat biss għall-detenturi tal-ishma li jkunu kisbu l-ishma tagħhom fil-kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma residenti jew mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti.

    73

    Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 139 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dak li jikkonċerna t-telf li jirriżulta minn tnaqqis parzjali fil-valur tal-ishma miżmuma f’kumpannija residenti, dawn id-detenturi ta’ ishma jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli kemm jekk ishma inxtraw mingħand persuna resident kemm jekk nxtraw minngħand persuni mhux residenti. Fil-fatt, id-distribuzzjoni tal-profitti tnaqqas il-valur ta’ sehem, kemm jekk jinxtara minn qabel mingħand persuna residenti jew mingħand persuna mhux residenti, u, f’dawn iż-żewġ każijiet, dan it-tnaqqis fil-valur ibatih id-detentur tal-ishma residenti.

    74

    Għalhekk, tali trattament differenti ma jirriflettix differenza oġġettiva fis-sitwazzjonijiet tal-imsemmija detenturi ta’ ishma.

    75

    Għandu wkoll jiġi stabbilit jekk restrizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi ġġustifikata mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali imsemmija mill-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni.

    76

    L-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni, magħmula fil-punti [61 sa 63] ta’ din is-sentenza, jistgħu jkunu marbuta mal-ħtieġa li tiġi protetta l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża, li tiġi żgurata t-taxxa fuq id-dħul iġġenerat fit-territorju Ġermaniż u li jiġu evitati l-arranġamenti artifiċjali li l-għan tagħhom huwa l-evażjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

    77

    Rigward, l-ewwel nett, l-argument dwar il-ħtieġa li tiġi protetta l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-ħtieġa li tiġi protetta l-koerenza ta’ sistema fiskali nazzjonali tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, punt 28; Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C-418/07, Ġabra p. I-8947, punt 43).

    78

    Sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkollu suċċess, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi madankollu rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari, fejn din in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza Papillon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    79

    Kif ġie rrilevat mill-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tipprevjeni li, permezz ta’ operazzjoni apparti d-distribuzzjoni tad-dividendi, id-detentur mhux residenti jista’ madankollu jibbenefika mill-istess riżultat mil-lat ekonomiku bħall-benefiċċju tal-kreditu tat-taxxa fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li fiha hu għandu l-ishma.

    80

    Issa, huwa paċifiku li l-iżvantaġġi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma direttament sostnuti mid-detentur tal-ishma residenti li jkun xtara l-imsemmija ishma mingħand persuni mhux residenti. Għal dan id-detentur ta’ ishma residenti, l-impossibbiltà li mill-profitti taxxabbli tiegħu jnaqqas it-telf relatat mat-tnaqqis parzjali fil-valur tal-ishma miżmuma fil-kumpannija residenti, meta t-tnaqqis fil-valur tal-ishma jirriżulta mid-distribuzzjoni tal-profitti, mhija kkumpensata minn ebda vantaġġ fiskali. Fil-fatt, il-kunsiderazzjoni li l-profitt li jagħmel il-persuna mhux residenti li biegħet l-ishma lid-detentur ta’ ishma residenti mhuwiex suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja hija irrilevanti fir-rigward tad-detentur tal-ishma residenti li jġarrab l-iżvantaġġ.

    81

    Għalhekk, rabta diretta, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt [78] ta’ din is-sentenza, hija nieqsa f’din il-każ u l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi protetta l-koerenza tas-sistema fiskali ta’ imputazzjoni sħiħa.

    82

    Madankollu, fir-rigward tal-argument dwar il-ħtieġa li tinżamm il-possibbiltà għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha b’konnessjoni mal-attivitajiet magħmula fit-territorju tagħha, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-tnaqqis fid-dħul fiskali ma għandux jitqies li huwa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li, bħala prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Manninen, iċċitata iktar’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll li jista’ jeżisti komportament ta’ natura tali li jikkomprometti d-dritt tal-Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tagħhom u li għalhekk jippreġudika tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46) li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 56, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 42).

    83

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li jekk l-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija distributriċi jiġi obbligat jassigura li l-profitti mqassma lil azzjonist mhux residenti ma jkunux suġġetti għal sensiela ta’ taxxi jew għal tassazzjoni doppja ekonomika, jew billi l-profitti jiġu eżentati mit-taxxa fir-rigward tal-kumpannija distributriċi jew billi jingħata lill-azzjonist vantaġġ fiskali li jikkorrispondi għat-taxxa mħallsa fuq l-imsemmija profitti mill-kumpannija distributriċi, dan ikun ifisser fil-fatt li dan l-Istat ikun obbligat jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa dħul minn attività ekonomika eżerċitata fit-territorju tiegħu (sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

    84

    Issa, l-operazzjonijiet apparti mid-distribuzzjoni ta’ dividendi, li jippermettu lid-detentur ta’ ishma mhux residenti li jikseb l-istess riżultat mil-lat ekonomiku bħal meta jingħata kreditu tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li fiha għandu l-ishma, jistgħu madankollu jikkompromettu l-possibbiltà tal-Istat ta’ residenza ta’ dik il-kumpannija li jeżerċita d-dritt tiegħu li jintaxxa dħul iġġenerat minn attività ekonomika eżerċitata fit-territorju tiegħu.

    85

    Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ ammont ugwali għall-kreditu tat-taxxa li jista’ jibbenefika minnu x-xerrej ta’ ishma residenti fil-prezz tal-bejgħ ta’ dawn l-ishma, u t-tpaċċija tat-tnaqqis fil-valur tal-imsemmija ishma wara d-distribuzzjoni tad-dividendi fuq l-ammont ta’ dividendi riċevuti mix-xerrej tal-istess ishma twassal, għal dan ix-xerrej residenti, jew għad-dritt li jaqta’ l-kreditu tat-taxxa kontra taxxi oħra dovuta minnu jew meta ma għandu ebda dħul li ieħor, għar-rifużjoni ta’ ammont ugwali għall-kreditu tat-taxxa fuq din it-taxxa fuq il-profitti mħallsa mill-kumpannija.

    86

    Issa, peress li l-prezz tal-ishma jinkludi l-ammont ekwivalenti għal kreditu tat-taxxa, l-għoti ta’ kreditu tat-taxxa jew ir-rifużjoni ta’ kreditu tat-taxxa ta’ ammont ekwivalenti lid-detentur ġdid ta’ ishma residenti jkollu l-konsegwenza li indirettament jibbenefika d-detentur tal-ishma mhux residenti minn kreditu tat-taxxa fuq it-taxxa ċċarġjata fuq il-kumpannija.

    87

    Dawn il-konsegwenzi ma jkunux limitati għat-tnaqqis ta’ dħul mit-taxxa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja iżda jimplikaw li, meta indirettament jingħata lil dawk li mhumiex residenti vantaġġ finanzjarju ekwivalenti għall-kreditu tat-taxxa fuq it-taxxa mħallsa fuq il-profitti ta’ kumpannija residenti, id-dħul ġeneralment taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dik il-kumpannija jkun ittrasferit għall-Istat Membru kompetenti sabiex jintaxxa l-profitt magħmul mill-persuna mhux residenti, u dan għalhekk imur kontra tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

    88

    Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jinżamm tqassim bilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri.

    89

    Rigward, fl-aħħar nett, l-argumenti li jikkonċernaw il-ħtieġa li tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-arranġamenti artifiċjali maħsuba biex jevadu s-sistema fiskali Ġermaniża, għandu jiġi kkonstatat li miżura nazzjonali li tillimita l-moviment liberu ta’ kapital tista’ tkun iġġustifikata meta hija tirrigwarda speċifikament l-arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika, u li l-uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ vantaġġ fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 55; Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 74, kif ukoll tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C-330/07, Ġabra p. I-9099, punt 35).

    90

    Fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, ikkonfermati mill-motivi tal-liġi li introduċiet fis-sistema legali Ġermaniża l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tiġġieled l-arranġamenti li bihom d-detenturi ta’ ishma mhux residenti jiksbu, waqt iċ-ċessjoni tal-imsemmija ishma, il-benefiċċju ta’ ammont ugwali għall-kreditu tat-taxxa fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija residenti, billi jkollhom rikors għal prattiki bħal dawk deskritti fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li jintużaw biss sabiex jibbenefikaw mill-imsemmi vantaġġ fiskali.

    91

    Meta llimitat id-dritt tad-detentur ġdid tal-ishma li jnaqqas mill-profitti taxxabbli tiegħu l-ammont tat-telf ikkawżat mill-iżvalutazzjoni tal-ishma kkonċernati, sakemm dawn ma jaqbżux l-“ammont ibblukkat”, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija tali li tipprevjeni prattiki li għandhom l-għan biss li jinkiseb għad-detentur ta’ ishma mhux residenti kreditu tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija residenti. Barra minn hekk, iż-żieda tal-bażi taxxabbli tad-detentur l-ġdid ta’ ishma residenti, li tirriżulta mill-imsemmija limitazzjoni, hija intiża sabiex jiġi evitat li dħul li ġeneralment huwa ntaxxat fil-Ġermanja jiġi ttrasferit, bħala parti mill-profitt kapitali li jkun sar mid-detentur preċedenti ta’ ishma mhux residenti ugwali għall-kreditu tat-taxxa mhux dovut, mingħajr ma jeħel taxxa fil-Ġermanja.

    92

    Tali leġiżlazzjoni hija, għalhekk, adatta li tikseb l-għanijiet ta’ żamma ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri u l-prevenzjoni tal-arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika, u li l-uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ vantaġġ fiskali.

    93

    Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni bħal din ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa.

    94

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, sa fejn il-kalkolu tal-ammont ibblukkat huwa bbażat fuq l-ispejjeż ta’ xiri tal-ishma kkonċernati, il-konsegwenzi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jmorrux lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jiġi żgurat li ammont ekwivalenti għall-kreditu tat-taxxa ma jkunx ingħata indebitament lid-detentur ta’ ishma mhux residenti.

    95

    Fil-fatt, l-imsemmija leġiżlazzjoni tapplika, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 170 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta persuna taxxabbli residenti tkun xtrat l-ishma tagħha f’kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti għal prezz li, għal kwalunkwe raġuni, jeċċedi l-valur nominali tal-imsemmija ishma.

    96

    Għalhekk, din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq il-preżunzjoni li kull żieda fil-prezz tal-bejgħ neċessarjament tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kreditu tat-taxxa u huwa magħmul biss għal dan il-għan. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 172 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li l-ishma nbigħu b’valur ogħla mill-valur nominali tagħhom għal raġunijiet oħra għajr biex id-detentur ta’ ishma jikseb kreditu fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji residenti, jew, fi kwalunkwe każ, li l-profitti mhux imqassma kif ukoll il-possibbiltà li jinkiseb kreditu tat-taxxa marbut mal-imsemmija ishma jikkostitwixxu biss element tal-prezz tax-xiri ta’ dawn l-ishma.

    97

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont ibblukkat u ż-żieda tal-bażi taxxabbli tad-detentur tal-ishma residenti jipproduċu konsegwenzi wkoll fir-rigward ta’ taxxi oħra li l-imsemmi detentur ta’ ishma jista’ jkun suġġett għalihom, u b’mod partikolari, fir-rigward tal-kalkolu tat-taxxa fuq in-negozju dovuta minnu. Issa, tali konsegwenzi jmorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    98

    Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-applikazzjoni tal-limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvalutazzjoni ta’ ishma minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi mis-sena tax-xiri tal-imsemmija ishma ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-kisba tal-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    99

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-għan ta’ prevenzjoni ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l-uniku għan tagħhom huwa l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu, għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 174 tal-konklużjonijiet tiegħu, li sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, miżura li ssegwi għan bħal dan għandha jippermetti lill-qorti nazzjonali li tipproċedi għal eżami każ b’każ, waqt li jiġu kkunsidrati l-partikolaritajiet ta’ kull każ, abbażi ta’ elementi oġġettivi, sabiex jiġi evalwat l-aġir abbużiv jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati.

    100

    Sa fejn leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tippermettiex li tiġi llimitata l-applikazzjoni tagħha għal arranġamenti purament artifiċjali, iddeterminati fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, iżda tapplika għall-każijiet kollha li fihom il-persuna taxxabbli residenti tkun xtrat ishma f’kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti għal prezz li, għal kwalunkwe raġuni li tkun, jeċċedi l-valur nominali ta’ dawn l-ishma, l-effetti ta’ tali leġiżlazzjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta’ prevenzjoni ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l-uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu.

    101

    Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 73 B tat-Trattat għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tipprovdi li l-iżvalutazzjoni tal-ishma tal-kumpannija minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi ma taffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli residenti, meta din tal-aħħar xtrat ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti, mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti, filwaqt li, fil-każ ta’ xiri mingħand detentur ta’ ishma residenti, tali żvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej.

    102

    Din il-konstatazzjoni tapplika fil-każijiet fejn tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi protett tqassim ibbilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri, kif ukoll sabiex jiġu impediti arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l-uniku għan tagħhom huwa l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

    Fuq l-ispejjeż

    103

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 73 B tat-Trattat (li sar l-Artikolu 56 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tipprovdi li l-iżvalutazzjoni tal-ishma tal-kumpannija minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi ma taffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli residenti, meta din tal-aħħar xtrat ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti, mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti, filwaqt li, f’każ ta’ xiri mingħand detentur ta’ ishma residenti, tali żvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej.

     

    Din il-konstatazzjoni tapplika fil-każijiet fejn tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi protett tqassim ibbilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri kif ukoll sabiex jiġu impediti arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l-uniku għan tagħhom huwa l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq