Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0044

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-10 ta' Settembru 2009.
    Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK ry et. vs Fujitsu Siemens Computers Oy.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein oikeus - il-Finlandja.
    Proċeduri għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 98/59/KE- Approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-sensji kollettivi - Artikolu 2 - Protezzjoni tal-ħaddiema - Informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema - Grupp ta’ impriżi - Kumpannija parent - Kumpannija sussidjarja.
    Kawża C-44/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-08163

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:533

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    10 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

    “Proċeduri għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 98/59/KE — Approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet kollettivi — Artikolu 2 — Protezzjoni tal-ħaddiema — Informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema — Grupp ta’ impriżi — Kumpannija parent — Sussidjarja”

    Fil-Kawża C-44/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

    Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK ry et

    vs

    Fujitsu Siemens Computers Oy,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    Għal Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK ry et, minn H. Laitinen, asianajaja,

    għal Fujitsu Siemens Computers Oy, minn P. Uoti, asianajaja,

    għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Huttunen, P. Aalto u J. Enegren, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ April 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata mill-Korkein oikeus (Qorti suprema) fil-kuntest ta’ kawża bejn Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK ry et u Fujitsu Siemens Computers Oy (iktar ’il quddiem l-“FSC”) dwar l-obbligu li jsiru konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    Fis-17 ta’ Frar 1975, il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej adotta d-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar tkeċċijiet kollettivi (ĠU L 48, p. 29), li ġiet emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/56/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1992 (ĠU L 245, p. 3).

    4

    Id-Direttiva 75/129 ġiet revokata mid-Direttiva 98/59. It-tieni, id-disa’ u l-ħdax-il premessa tal-aħħar imsemmija direttiva jipprovdu hekk:

    “[…] huwa importanti li jkun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta’ redundancies [tkeċċijiet] kollettivi waqt li jittieħed kont tal-bżonn ta’ żvilupp ibbilanċjat, ekonomiku u soċjali fil-Komunità;

    […]

    […] għandu jkun stipulat li din id-Direttiva tapplika fil-prinċipju wkoll għall- redundancies kollettivi li jirriżulta meta l-attivitajiet ta’ l-istabbiliment jitwaqqfu bħala riżultat ta’ deċiżjoni ġudizzjarja;

    […]

    […] huwa neċessarju li l-obbligi ta’ min iħaddem fejn għandhom x’jaqsmu l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u n-notifika japplikaw indipendentament minn jekk id-deċiżjoni dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi jiġi minn min iħaddem jew minn impriża li tikkontrolla lil dak li jħaddem”.

    5

    L-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

    “Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.”

    6

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies [tkeċċijiet] kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.”

    7

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 jippreċiża li, sabiex jgħinu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema sabiex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet, ifornihom bl-informazzjoni rilevanti kollha u li jagħtihom notifka bil-miktub tal-elementi elenkati f’dan is-subparagrafu.

    8

    Taħt l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 98/59:

    “L-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1, 2, u 3, għandhom japplikaw irrespettivament minn jekk id-deċiżjoni dwar [ir-]redundancies [tkeċċijiet] kollettivi [tkunx] qed tittieħed minn min iħaddem jew minn impriża li tikkontrolla lil min iħaddem.

    Waqt li jkun qed jiġi kkunsidrat il-ksur allegat tal-ħtiġiet ta’ l-informazzjoni, tal-konsultazzjoni u tan-notifika stabbiliti f’din id-Direttiva, m’għandux jittieħed kont ta’ xi difiża fuq il-parti ta’ min iħaddem fuq il-bażi li l-informazzjoni neċessarja ma ġietx ipprovduta lil min iħaddem mill-impriża li ħadet id-deċiżjoni li wasslet għar-redundancies [tkeċċijiet] kollettivi.”

    9

    L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi hekk:

    “Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi.

    […]

    Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies [tkeċċijiet] kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy [tkeċċija], in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy [tkeċċija] għandu jiġi effettwat.”

    10

    L-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “1.   Il-redundancies [it-tkeċċijiet] kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

    2.   Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir- redundancies kollettivi proġettati.”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    11

    Il-liġi 725/1978, dwar il-kooperazzjoni fi ħdan l-impriżi [yhteistoiminnasta yrityksissä annettu laki (725/1978)], kif emendata bil-liġijiet 51/1993 u 906/1996 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kooperazzjoni”), tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li, sabiex ittejjeb l-attività tal-impriżi kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol u li tagħmel iktar effettiv il-kooperazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegati kif ukoll il-kooperazzjoni reċiproka tal-impjegati, għandhom jiġu miżjuda l-possibbiltajiet għall-ħaddiema li jkollhom impatt fuq it-trattament tal-kwistjonijiet konnessi max-xogħol tagħhom u mal-post tax-xogħol tagħhom.

    12

    Skont l-Artikolu 6(3) u 3b tal-liġi dwar il-kooperazzjoni, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ kooperazzjoni, l-għeluq jew it-trasferiment f’lokalità oħra tal-impriża jew ta’ parti minn din, kif ukoll żieda jew tnaqqis sostanzjali tal-attività tagħha kif ukoll, b’mod partikolari, it-tpoġġija f’xogħol part-time, f’sensi temporanji u t-tkeċċijiet li jkunu ser jiġu implementati għal raġunijiet ta’ produzzjoni jew li għandhom karattru ekonomiku.

    13

    L-Artikolu 7(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li, qabel ma tittieħed deċiżjoni minn min iħaddem dwar il-kwistjoni msemmija fl-Artikolu 6, huwa għandu jagħmel konsultazzjonijiet dwar il-motivi tal-miżura, l-effetti tagħha u l-alternattivi li hemm għaliha, mal-ħaddiema kif ukoll mal-aġenti jew mar-rappreżentati tal-impjegati kkonċernati. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, min iħaddem għandu, qabel ma jagħti bidu għall-proċedura ta’ kooperazzjoni, jagħti l-informazzjoni meħtieġa lill-ħaddiema kkonċernati kif ukoll lir-rappreżentanti tal-impjegati kkonċernati dwar it-trattament tal-każ. Din l-informazzjoni, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-motivi tat-tkeċċijiet previsti, stima tan-numru ta’ ħaddiema f’diversi kategoriji affettwati mit-tkeċċija, stima taż-żmien li fih huwa previst li ser jingħataw it-tkeċċijiet ippjanati, kif ukoll informazzjoni dwar il-prinċipji li fuq il-bażi tagħhom ġew identifikati l-ħaddiema affettwati mit-tkeċċija, għandhom jingħataw bil-miktub meta min iħaddem ikollu l-ħsieb li jwettaq tkeċċijiet, li jwaqqaf iħaddem, temporanjament, għal perijodu ta’ iktar minn 90 jum jew li jpoġġi fuq xogħol part-time ta’ mill-inqas 10 ħaddiema.

    14

    L-Artikolu 7a(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi li għandha ssir proposta bil-miktub tal-konsultazzjonijiet fil-każ imsemmi fl-Artikolu 6(1) sa (5) ta’ mill-inqas ħamest ijiem qabel ma jibdew il-konsultazzjonijiet, jekk il-miżura li tkun ser tiġi nnegozjata fil-fatt tagħti lok għal tkeċċijiet, tpoġġija fuq xogħol part-time jew f’waqfien temporanju mix-xogħol ta’ ħaddiem wieħed jew iktar.

    15

    Skont l-Artikolu 7b tal-liġi dwar il-kooperazzjoni, meta l-proposta ta’ konsultazzjoni tikkonċerna miżuri dwar tnaqqis ta’ impjegati, din il-proposta jew l-informazzjoni inkluża fiha għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lis-servizzi tax-xogħol sa minn meta jibdew il-konsultazzjonijiet, sakemm informazzjoni ekwivalenti ma jkunux ġew trażmessi qabel f’kuntest ieħor. Jekk l-elementi rilevanti miġbura f’konsultazzjonijiet kienu jvarjaw b’mod kunsiderevoli mill-informazzjoni trażmessa preċedentement, min iħaddem għandu jjipprovdi wkoll dawn l-elementi lis-servizzi tax-xogħol.

    16

    Skont l-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, jekk min iħaddem u r-rappreżentanti tal-impjegati ma jkunux ftehmu dwar xi proċedura oħra, min iħaddem jitqies li eżegwixxa l-obbligu ta’ konsultazzjoni meta l-miżura prevista tkun ġiet trattata skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi. Madankollu, jekk din il-miżura verament tagħti lok għal tkeċċijiet, tqegħid fuq xogħol part-time, jew f’waqfien temporanju mix-xogħol għal perijodu ta’ iktar minn 90 jum għal mill-inqas 10 ħaddiema, min iħaddem ma jitqiesx li eżegwixxa l-obbligu tiegħu ta’ konsultazzjoni ħlief meta jkunu għaddew ta’ mill-inqas sitt ġimgħat minn meta jkunu bdew il-konsultazzjonijiet. Barra minn hekk, l-eżami tal-alternattivi għall-miżuri intenzjonati ma jistax jibda qabel ma jkunu għaddew sebat ijiem mill-eżami tal-motivi u l-effetti, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor.

    17

    Skont l-Artikolu 15a tal-liġi dwar il-kooperazzjoni, meta d-deċiżjoni tkun ittieħdet, intenzjonalment jew b’negliġenza manifesta, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) sa (3), tal-Artikolu 7(a) jew tal-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi u, għal raġunijiet marbuta ma’ din id-deċiżjoni, ħaddiem ikun tpoġġa fuq xogħol part-time, qgħad temporanju, jew ikun tkeċċa, dan il-ħaddiem għandu dritt li jikseb mingħand min iħaddem kumpens li jikkorrispondi għal massimu ta’ 20 xahar salarju.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Wara r-raggruppament ta’ ċerti attivitajiet kummerċjali fil-qasam tal-informatika ta’ Fujitsu Ltd u ta’ Siemens AG f’impriża waħda, il-grupp Fujitsu Siemens Computers beda l-attivitajiet tiegħu fl-1 ta’ Ottubru 1999.

    19

    FSC hija sussidjarja ta’ Fujitsu Siemens Computers (Holding) BV (iktar ’il quddiem il-“kumpannija parent”), kumpannija stabbilita fl-Olanda. Fl-imsemmija data, dan il-grupp kellu fabbriki f’Espoo (Kilo) (il-Finlandja) kif ukoll fl-Augsbourg, f’Paderborn u f’Sömmerda (il-Ġermanja).

    20

    F’laqgħa li seħħet fis-7 ta’ Diċembru 1999, id-direttorat tal-kumpannija parent, kompost mill-membri eżekuttivi tal-bord tad-diretturi tiegħu, iddeċieda jipproponi lil din il-kumpannija parent li tingħalaq il-fabbrika f’Kilo.

    21

    Fil-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 1999, l-imsemmi bord tad-diretturi ddeċieda li jappoġġa din il-proposta, mingħajr madankollu ma ttieħdet deċiżjoni għal dak li jirrigwarda l-imsemmija fabbrika.

    22

    Fl-istess jum, FSC ipproponiet konsultazzjonijiet li seħħew bejn l-20 ta’ Diċembru 1999 u l-31 ta’ Jannar 2000.

    23

    Il-bord tad-diretturi ta’ FSC, prinċipalment kompost mid-diretturi tal-grupp u li kellu bħala president lill-viċi-president tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija parent, adotta, fl-1 ta’ Frar 2000, deċiżjoni dwar il-waqfien tal-attività tal-FSC bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet ta’ bejgħ ta’ kompjuters fil-Finlandja. Din bdiet tkeċċi l-impjegati tagħha fit-8 ta’ Frar 2000. B’kollox, madwar 450 minn 490 ħaddiem li kienet timpjega tkeċċew.

    24

    Ċerti wħud minn dawn il-ħaddiema sostnew li FSC kisret il-liġi dwar il-kooperazzjoni fl-okkażjoni tad-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar tal-1999 u fil-bidu tal-2000, f’dak li jirrigwarda l-għeluq tal-fabbrika f’Kilo. L-imsemmija ħaddiema għaddew it-talbiet tagħhom għall-kumpens previst minn din il-liġi, bil-għan tal-irkupru tagħhom, lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma unions. Dawn dehru għal dan il-għan quddiem l-Espoon käräjäoikeus (qorti tal-ewwel istanza f’Espoo).

    25

    Fil-proċeduri quddiem din il-qorti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li, fil-kuntest tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija parent, kienet fil-fatt ittieħdet deċiżjoni definittiva l-iktar tard fl-14 ta’ Diċembru 1999, li kienet tipprovdi li tillimita l-attività tal-faċilità ta’ produzzjoni ta’ Kilo u li tisseparaha mill-attività tal-grupp qabel ma tittrasferiha fil-Ġermanja, b’mod li din il-fabbrika tieqaf teżisti bħala parti mill-grupp. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni vera kienet ittieħdet fl-14 ta’ Diċembru 1999, qabel ma kienu seħħew il-konsultazzjonijiet mal-impjegati imposti mil-liġi dwar il-kooperazzjoni. Il-konvenuta għall-kawża prinċipali kienet b’hekk allegatament kisret, intenzjonalment jew b’negliġenza manifesta, din il-liġi.

    26

    FSC Minn naħa tagħha, FSC sostniet li, fil-laqgħa tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija parent tal-14 ta’ Diċembru 1999, ma kienet ittieħdet l-ebda deċiżjoni dwar il-faċilità ta’ produzzjoni u, min-naħa l-oħra, li kienu għadhom jeżistu alternattivi possibbli, bħall-kontinwazzjoni tal-attività bl-istess mod jew b’mod ristrett, il-bejgħ tagħha jew kontinwazzjoni tal-attività f’kollaborazzjoni ma’ impriża oħra. Barra minn hekk, FSC sostniet li l-kunċett tad-deċiżjoni ta’ min iħaddem timplika l-intervent tal-korp kompetenti tal-kumpannija kkonċernata, jiġifieri, fil-każ preżenti, il-bord tagħha tad-diretturi, u li d-deċiżjoni dwar il-waqfien kienet ittieħdet minn dan fl-1 ta’ Frar 2000, jiġifieri wara l-għeluq tal-konsultazzjonijiet.

    27

    L-Espoon käräjäoikeus ikkunsidrat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma wrietx li l-bord tad-diretturi tal-kumpannija parent kien iddeċieda dwar l-għeluq tal-fabbrika ta’ Kilo b’tali mod li l-interazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiema fi ħdan l-FSC għall-kawża prinċipali ma setgħetx iseħħ bil-mod previst mil-liġi dwar il-kooperazzjoni. Skont din il-qorti, l-alternattivi għall-għeluq ta’ din il-fabbrika kienu reali u l-alternattivi għaliha kienu ġew eżaminati fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet. L-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors peress li kkonkludiet li d-deċiżjoni dwar dan l-għeluq kienet ittieħdet fil-laqgħa tal-bord tad-diretturi tal-FSC tal-1 ta’ Frar 2000, peress li ma setgħetx tinstab soluzzjoni oħra u li l-imsemmija konsultazzjonijiet kienu reali u xierqa.

    28

    Fl-istadju tal-appell, il-Helsingin hovioikeus (Qorti tal-Appell ta’ Helsinki), filwaqt li ppreċiżat li d-deċiżjoni definittiva prevista fl-Artikolu 7(1) tal-liġi dwar il-kooperazzjoni setgħet tittieħed biss minn min iħaddem, jiġifieri mill-konvenuta għall-kawża prinċipali, u li l-pjani ppreżentati mill-kumpannija parent ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ konsultazzjoni previst minn din il-liġi, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Espoon käräjäoikeus.

    29

    Il-Korkein oikeus, li kienet qeda titratta l-appell imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59 u tal-liġi fuq il-kooperazzjoni kellhom ċerti differenzi f’dak li jirrigwarda l-istruttura kif ukoll il-kontenut tagħhom u li b’hekk, ir-rabta bejniethom mhix ċara fl-aspetti kollha.

    30

    Peress li kkunsidrat li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59 hija neċessarja sabiex tittieħed deċiżjoni, il-Korkein oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jinbdew konsultazzjonijiet ‘fi żmien tajjeb’ meta wieħed ‘jikkontempla’‘redundancies [tkeċċijiet] kollettivi’ tal-ħaddiema jeħtieġ li l-konsultazzjonijiet jibdew meta jkun ġie kkonstatat li d-deċiżjonijiet strateġiċi jew il-modifikazzjonijiet adottati fir-rigward tal-attività kummerċjali jrendu neċessarju tkeċċijiet kollettivi tal-ħaddiema? Jew aħjar li din l-imsemmija dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li jinbdew il-konsultazzjonijiet joriġina diġà minħabba li min iħaddem jikkontempla li jadotta miżuri jew modifiki li jirrigwardaw l-attività kummerċjali bħal modifika tal-kapaċità ta’ produzzjoni jew konċentrazzjoni tal-produzzjoni, li l-konsegwenza prevedibbli tagħhom hija n-neċessità ta’ tkeċċijiet kollettivi tal-ħaddiema?

    2)

    Fid-dawl tal-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva jirreferi għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet, l-Artikolu 2(1) ta[’ din i]d-direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jibdew konsultazzjonijiet ‘fi żmien tajjeb’ meta wieħed ‘jikkontempla redundancies [tkeċċijiet] kollettivi’ jeħtieġ li l-konsultazzjonijiet jibdew diġà qabel mal-evalwazzjoni magħmula minn min iħaddem tkun waslet fi stadju li jippermetti lil min iħaddem jidentifika u jagħti lill-ħaddiema l-informazzjoni msemmija [fil-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva]?

    3)

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat, flimkien mal-Artikolu 2(4) tagħha, fis-sens li, f’każ li min iħaddem huwa kkontrollat minn kumpannija oħra, l-obbligu ta’ min iħaddem li jibda l-konsultazzjonijiet mar-rappreżentant tal-ħaddiema joriġina meta jew min iħaddem jew il-kumpannija parent li tikkontrolla lil dan tal-aħħar tikkontempla li taġixxi bil-għan li twettaq tkeċċijiet kollettivi tal-ħaddiema fis-servizz ta’ min iħaddem?

    4)

    Fil-każ ta’ konsultazzjonijiet li għandhom jitwettqu fi ħdan sussidjarja li tagħmel parti minn grupp, u fl-evalwazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 98/59 tal-obbligu previst fl-Artikolu 2(1) li jinbdew konsultazzjonijiet “fi żmien tajjeb” meta wieħed “jikkontempla” tkeċċijiet kollettivi, l-obbligu li jinbdew konsultazzjonijiet joriġina diġà meta d-direttorat tal-grupp jew tal-kumpannija parent jikkontempla tkeċċijiet kollettivi iżda din l-evalwazjoni tkun għadha ma ġietx ippreċiżata sal-punt li tikkonċerna l-ħaddiem fis-servizz ta’ ċerta kumpannija sussidjara taħt il-kontroll tagħha jew l-obbligu li jinbdew konsultazzjonijiet fi ħdan is-sussidjarja joriġina biss fil-mument li fih id-direttorat tal-grupp jew tal-kumpannija parent jikkontempla tkeċċijiet kollettivi espressament fis-sussidjarja kkonċernata?

    5)

    Meta min iħaddem huwa impriża (sussidjarja li tagħmel parti minn grupp) li hija kkontrollata fis-sens tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 98/59 minn impriża oħra (kumpannija parent jew id-direttorat ta’ grupp), l-[imsemmi] Artikolu 2 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċedura ta’ konsultazzjoni li hija msemmija fih għandha tiġi konkluża qabel ma tittieħed deċiżjoni fil-livell tal-kumpannija parent jew tad-direttorat tal-grupp f’dak li jirrigwarda t-tkeċċijiet kollettivi li għandhom jiġu implementati fi ħdan is-sussidjarja?

    6)

    Jekk id-Direttiva 98/59 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-proċedura ta’ konsultazzjoni li għandha tiġi mwettqa fi ħdan is-sussidjarja għandha tkun konkluża qabel ma tittieħed deċiżjoni li tagħti lok għal tkeċċijiet kollettivi tal-ħaddiema [ta’ din is-sussidjarja] fil-livell tal-kumpannija parent jew tad-direttorat tal-grupp, deċiżjoni li għandha bħala effett dirett li timplementa tkeċċijiet kollettivi fi ħdan is-sussidjarja hija l-unika deċiżjoni determinanti f’dan il-kuntest jew jeħtieġ li l-proċedura ta’ konsultazzjoni tkun konkluża diġà qabel ma tittieħed, fil-livell tal-kumpannija parent jew tad-direttorat tal-grupp, deċiżjoni kummerċjali jew strateġika li abbażi tagħha t-tkeċċijiet kollettivi fi ħdan is-sussidjarja huma probabbli iżda għadhom mhumiex ċerti u definittivi?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    31

    L-FSC issostni li l-ewwel erba’ domandi kontenuti fid-deċiżjoni preliminari huma inammissibbli fin-nuqqas ta’ konnessjoni mal-kawża prinċipali. Hija tikkunsidra li, peress li l-mument meta l-konsultazzjonijiet għandhom isiru mar-rappreżentanti tal-ħaddiema mhux kwistjoni li tqajmet fit-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-risposta għal dawn id-domandi mhix neċessarja sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża prinċipali. Barra minn hekk, skont l-FSC, id-domanda tirrigwarda sitwazzjoni ipotetika.

    32

    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża, li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C-12/08, Ġabra p. I-6653, punt 27).

    33

    Għalhekk, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2008, Zablocka-Weyhermüller, C-221/07, Ġabra p. I-9029, punt 20 u Mono Car Styling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

    34

    Issa, fil-każ preżenti, għandu jingħad li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali forniet lill-Qorti tal-Ġustizzja espożizzjoni dettaljata tal-kuntest legali u ta’ fatt tal-kawża prinċipali kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li risposta għall-ewwel erba’ domandi magħmula hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

    35

    Konsegwentement, dawn id-domandi preliminari huma ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    36

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex kjarifiki fuq it-tifsira tal-espressjoni “ikun qed jikkontempla redundancies [tkeċċijiet] kollettivi”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59, sabiex jiġi stabbilit il-punt tat-tluq tal-obbligu ta’ konsultazzjoni previst fl-imsemmi Artikolu 2. Hija tistaqsi f’dan ir-rigward jekk il-mument meta joriġina dan l-obbligu huwiex dak meta jiġi kkonstatat li xi deċiżjonijiet strateġiċi jew modifiki tal-attività kummerċjali tal-impriża jagħmlu neċessarji tkeċċijiet kollettivi tal-ħaddiema, jew il-mument meta huwa previst li jiġu adottati deċiżjonijiet jew modifiki bħal dawn li jagħmlu tkeċċijiet bħal dawn neċessarji.

    37

    Preliminarjament, għandu jingħad li l-kawża preżenti hija marbuta mad-deċiżjonijiet ekonomiċi u kummerċjali li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-impjieg ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema fi ħdan impriża, u mhux mad-deċiżjonijiet li għandhom direttament bħala għan li jtemmu kuntratti speċifiċi ta’ xogħol.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikoli 2(1) u 3(1) tad-Direttiva 98/59, l-obbligi ta’ min iħaddem ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika joriġinaw qabel id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jittermina kuntratti ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk, C-188/03, Ġabra p. I-885, punti 36 u 37). Fil-fatt, f’każ bħal dan, għadha teżisti l-possibbiltà li jiġi evitat jew, għall-inqas, li jitnaqqsu t-tkeċċijiet kollettivi jew li jittaffu l-konsegwenzi.

    39

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59 jipprovdi l-obbligu għal min iħaddem li jibda konsultazzjonijiet fi żmien tajjeb mar-rappreżentanti tal-ħaddiema meta “ikun qed jikkontempla redundancies [tkeċċijiet] kollettivi”. Hekk kif sostna l-avukat ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta minn paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni li, f’moħħ il-leġiżlatur Komunitarju, l-oriġini tal-obbligu ta’ konsultazzjoni inkwistjoni hija marbuta mal-eżistenza ta’ intenzjoni, f’moħħ min iħaddem, li jipproċedi bi tkeċċijiet kollettivi.

    40

    Ir-referenzi kontenuti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 98/59 għall-“pjan” ta’ tkeċċijiet kollettivi jikkonfermaw l-eżistenza ta’ intenzjoni bħala fattur meta jibdew l-obbligi previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari fl-Artikolu 2 tagħha.

    41

    Minn dan isegwi li l-obbligu ta’ konsultazzjoni previst fl-imsemmi Artikolu 2 huwa preżunt li jibda jseħħ meta min iħaddem għandu l-intenzjoni li jwettaq tkeċċija kollettiva jew jistabbilixxi pjan ta’ tkeċċija kollettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 1985, Dansk Metalarbejderforbund u Specialarbejderforbundet i Danmark, 284/83, Ġabra p. 553, punt 17).

    42

    Madankollu għandu jingħad ukoll li, hekk kif jirriżulta mit-test tiegħu stess, id-Direttiva 98/59 tibda wkoll l-obbligi li hija tipprovdi, b’mod partikolari l-obbligu ta’ konsultazzjoni previst fl-Artikolu 2 tagħha, f’sitwazzjonijiet li fihom il-perspettivi ta’ tkeċċija kollettiva mhumiex direttament l-għażla ta’ min iħaddem.

    43

    Fil-fatt, l-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva jitfa’ responsabbiltà fuq min iħaddem tar-rispett tal-obbligi ta’ informazzjoni u tal-konsultazzjoni li jirriżultaw minn din id-direttiva, anki jekk id-deċiżjoni dwar tkeċċija kollettiva tirriżulta mhux minn din, iżda mill-impriża li tikkontrollah, u anki meta hija ma tkunx ġiet immedjatament u korrettement informata dwar din id-deċiżjoni.

    44

    F’kuntest ekonomiku kkaraterizzat minn l-eżistenza ta’ numru qed jikber ta’ gruppi ta’ impriżi, din id-dispożizzjoni tippermetti li tiżgura, meta impriża hija kkontrollata minn impriża oħra, it-twettiq b’mod effettiv tal-għan tad-Direttiva 98/59, li, hekk kif indikat fit-tieni premessa tagħha, huwa li jipprovdi għaż-żieda tal-protezzjoni għall-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi (sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, Athinaïki Chartopoiïa, C-270/05, Ġabra p. I-1499, punt 25).

    45

    Barra minn hekk, hekk kif ġustament osserva l-Gvern tar-Renju Unit, bidu kmieni wisq tal-obbligu ta’ konsultazzjoni jista’ jwassal għal riżultati kuntrarji għall-għan tad-Direttiva 98/59, bħal restrizzjoni tal-flessibbiltà tal-impriżi fir-rigward tar-ristrutturazzjoni tagħhom, iż-żieda tal-pressjoni amministrattiva u li l-ħaddiema jiġu ppreokkupati b’mod inutli dwar is-sigurtà tax-xogħol tagħhom.

    46

    Fl-aħħar nett, il-ġustifikazzjoni u l-effikaċità tal-konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema huma preżunti li kienu l-fatturi li ġew ikkunsidrati matulhom, peress li huwa impossibbli li jsiru konsultazzjonijiet b’mod xieraq u b’mod konformi mal-għanijiet tagħhom mingħajr determinazzjoni tal-elementi rilevanti dwar it-tkeċċijiet kollettivi previsti. Dawn l-għanijiet huma, skont il-kliem tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/59, li jiġi evitat it-terminazzjoni ta’ kuntratti tax-xogħol jew li jitnaqqas in-numru kif ukoll li jitnaqqsu l-konsegwenzi (ara s-sentenza, Junk, iċċitata, punt 38). Issa, meta hija prevista biss deċiżjoni li hija preżunta li twassal għal tkeċċijiet kollettivi, konsegwentement, tkeċċijiet kollettivi bħal dawn huma biss probabbiltà u l-fatturi rilevanti għall-konsultazzjonijiet mhumiex magħrufa, b’hekk l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu.

    47

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li ssir rabta bejn l-oriġini tal-obbligu ta’ konsultazzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni strateġika jew kummerċjali li tagħmel neċessarji tkeċċijiet kollettivi tal-ħaddiema tidher li hija ta’ natura li tneħħi parzjalment l-effett utili ta’ dan l-obbligu. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 2, il-konsultazzjonijiet għandhom jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet kollettivi previsti. Issa, konsultazzjoni li tibda filwaqt li tkun diġà ttieħdet deċiżjoni li tagħmel neċessarji tkeċċijiet kollettivi bħal dawn ma tkunx tista’ titratta b’mod utli l-eżami ta’ alternattivi possibbli sabiex dawn jiġu evitati.

    48

    Konsegwentement għandu jiġi kkunsidrat li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha tinbeda minn min iħaddem fil-mument meta tkun ġiet adottata deċiżjoni strateġika jew kummerċjali li ġġegħlu li jipprevedi jew li jipproġetta tkeċċijiet kollettivi.

    49

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-adozzjoni, fi ħdan grupp ta’ impriżi, ta’ deċiżjonijiet strateġiċi jew ta’ modifiki ta’ attivitajiet li jġiegħlu lil min iħaddem jipprevedi jew jipproġetta tkeċċijiet kollettivi, tpoġġi fuq min iħaddem l-obbligu li jikkonsulta mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

    Fuq it-tieni domanda

    50

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-bidu tal-obbligu ta’ min iħaddem li jibda konsultazzjonijiet fuq it-tkeċċijiet kollettivi previsti jiddependix fuq il-fatt li min iħaddem huwa diġà f’pożizzjoni li jagħti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59.

    51

    Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi b’mod ċar li l-informazzjoni prevista għandha tkun fornuta minn min iħaddem “fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet”, sabiex “jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi”.

    52

    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li din l-informazzjoni tista’ tiġi kkomunikata f’konsultazzjonijiet u mhux neċessarjament fil-mument tal-ftuħ ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.

    53

    Fil-fatt, hekk kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 u 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-loġika ta’ din id-dispożizzjoni hija li min iħaddem iforni lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni rilevanti tul il-konsultazzjonijiet. Flessibbiltà hija indispensabbli, peress li, minn naħa, din l-informazzjoni tista’ ssir disponibbli biss f’mumenti differenti tal-proċess ta’ konsultazzjoni, li jimplika li min iħaddem għandu l-possibbiltà u l-obbligu li jikkompletahom fil-proċess. Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ dan l-obbligu ta’ min iħaddem huwa li jippermetti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema li jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni b’mod kemm jista’ jkun komplet u effettiv, u, sabiex dan isir, kull informazzjoni rilevanti għandha tkun fornuta sal-aħħar mument tal-imsemmi proċess.

    54

    Minn dan isegwi li l-punt tat-tluq tal-konsultazzjonijiet ma jkunx jiddependi fuq il-fatt li min iħaddem huwa diġà f’pożizzjoni li jjipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni kollha msemmija fil-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59.

    55

    Konsegwentement ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-oriġini tal-obbligu ta’ min iħaddem li jibda konsultazzjonijiet fuq it-tkeċċijiet kollettivi previsti ma jiddependix fuq il-fatt li dan ikun diġà f’pożizzjoni li jjipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59.

    Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

    56

    Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, minn naħa, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4), tal-imsemmija direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ grupp ta’ impriżi komposti minn kumpannija parent u minn sussidjarja jew iktar, l-obbligu ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema joriġina kemm jekk huwa min iħaddem kif ukoll jekk hija l-kumpannija parent li tikkontrolla lil min iħaddem li jippjanaw it-tkeċċijiet kollettivi u, min naħa l-oħra, jekk l-oriġini tal-obbligu li jibda konsultazzjonijiet teħtieġx li tkun identifikata s-sussidjarja li fiha jista’ jsiru tkeċċijiet kollettivi.

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, taħt l-Artikolu 2(1) u (3) kif ukoll taħt l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 98/59, l-uniku destinatarju tal-obbligi fil-qasam tal-informazzjoni, ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika huwa min iħaddem, jiġifieri persuna fiżika jew ġuridika li qegħdha f’kuntratt ta’ xogħol ma’ ħaddiema li jistgħu jitkeċċew.

    58

    Impriża li tista’ tikkontrolla lil min iħaddem, anki jekk hija tista’ tieħu deċiżjonijiet li jillimitaw lil min iħaddem, ma għandhiex il-kwalità tal-persuna li tħaddem.

    59

    Hekk kif sostniet il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn naħa, l-organizzazzjoni tad-direzzjoni ta’ grupp ta’ impriżi hija kwistjoni interna u, min-naħa l-oħra, bħal fil-każ tad-Direttiva 75/129, id-Direttiva 98/59 ma għandhiex l-għan li tillimita l-libertà ta’ grupp bħal dan milli jipproċedi bl-organizzazzjoni tal-attivitajiet tiegħhu b’mod li jidhirlu l-iktar xieraq għall-bżonnijiet tiegħu (ara f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 75/129, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1995, Rockfon, C-449/93, Ġabra p. I-4291, punt 21).

    60

    Id-Direttiva 98/59 bħad-Direttiva 75/129 tassigura biss armonizzazzjoni parzjali tar-regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi. B’hekk hija ma twassalx għall-armonizzazzjoni tas-sistemi kollha nazzjonali ta’ rappreżentazzjoni tal-ħaddiema fl-impriża (ara, fir-rigward tad-Direttiva 75/129, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-383/92, Ġabra p. I-2479, punt 25 u ġurisprudenza ċċitata).

    61

    Fil-kuntest ta’ din l-armonizzazzjoni parzjali, hekk kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, meta adotta d-Direttiva 92/56 imbagħad id-Direttiva 98/59, il-leġiżlatur Komunitarju ried jimla lakuna fil-leġiżlazzjoni preċedenti u jippreċiża l-obbligi ta’ min iħaddem li jifformaw parti minn grupp ta’ impriżi. B’hekk, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 98/59 jipprovdi li l-obbligu ta’ konsultazzjoni japplika għal min iħaddem indipendentement mill-fatt li d-deċiżjoni li tirrigwarda t-tkeċċijiet kollettivi toriġina minn min iħaddem jew minn impriża li tikkontrollah.

    62

    Konsegwentement, għandha tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4), tad-Direttiva 98/59 li skont din, taħt dawn id-dispożizzjonijiet, indipendentement mill-fatt li xi tkeċċijiet kollettivi huma previsti jew ippjanati wara deċiżjoni tal-impriża li timpjega ħaddiema kkonċernati jew ta’ deċiżjoni tal-kumpannija parent tagħha, hija dejjem l-ewwel waħda li hija obbligata, bħala min iħaddem, li tagħmel konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħha.

    63

    Għal dak li jirrigwarda l-mument tal-oriġini ta’ dan l-obbligu, huwa evidenti, hekk kif osserva l-Gvern Finlandiż, li l-konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jinbdew biss jekk tkun magħrufa l-impriża li fiha t-tkeċċijiet kollettivi jkunu jistgħu jseħħu. Fil-fatt, meta l-kumpannija parent ta’ grupp ta’ impriżi tadotta deċiżjonijiet ta’ natura li jkollhom riperkussjonijiet fuq l-impjieg ta’ ħaddiema fi ħdan dan il-grupp, hija s-sussidjarja li l-ħaddiema tagħha jistgħu jiffaċċjaw tkeċċijiet kollettivi li għandha, fil-kwalità tagħha ta’ min iħaddem tagħmel konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Konsegwentement mhux possibbli li jinbdew konsultazzjonijiet bħal dawn sakemm l-imsemmija sussidjarja ma tkunx ġiet identifikata.

    64

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-għanijiet assenjati għall-konsultazzjonijiet, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/59, dawn jirrigwardaw għall-inqas il-possibbiltajiet li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet kollettivi kif ukoll il-possibbiltajiet li jitnaqqsu l-konsegwenzi permezz ta’ miżuri soċjali ta’ akkompanjament bil-għan b’mod partikolari tal-għajnuna għall-impjieg jew għal taħriġ mill-ġdid ta’ ħaddiema li jitkeċċew. Issa, sabiex konsultazzjoni fuq dawn id-domandi tagħmel sens, trid tkun magħrufa s-sussidjarja li l-impjegati tagħha huma affettwati mit-tkeċċijiet kollettivi previsti.

    65

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tal-imsemmija direttiva, għandu jkun interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ grupp ta’ impriżi magħmul minn kumpannija parent u minn sussidjarja waħda jew iktar, l-obbligu ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema ma jinħoloqx, fil-konfront tas-sussidjarja li għandha l-kwalità ta’ persuna li tħaddem, ħlief meta tkun identifikata din is-sussidjarja li fi ħdanha jkun hemm possibbiltà li jseħħu tkeċċijiet kollettivi.

    Fuq il-ħames u s-sitt domanda

    66

    Permezz tal-ħames u s-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex kjarimenti fuq il-mument tal-għeluq tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59, għall-każ fejn fil-preżenza ta’ grupp ta’ impriżi magħmula minn kumpannija parent u minn sussidjarja waħda jew iktar, id-deċiżjoni li twassal eventwalment jew neċessarjament għat-tkeċċijiet kollettivi tittieħed fil-livell ta’ kumpannija parent.

    67

    Hekk kif ġie espost fil-kuntest tar-risposta mogħtija għat-tielet u r-raba’ domanda, l-obbligu ta’ konsultazzjoni previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59 jorbot biss lil min iħaddem.

    68

    Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li hija tista’ toħloq obbligu bħal dan fir-rigward tal-kumpannija parent.

    69

    B’hekk jirriżulta li hija dejjem is-sussidjarja, bħala min iħaddem, li għandha r-responsabbiltà li tagħmel konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema li jistgħu jiġu affettwati minn tkeċċijiet kollettivi previsti u, jekk ikun il-każ, li tbati hi stess il-konsegwenzi tal-inosservanza tal-obbligu ta’ konsultazzjoni jekk hija ma ġietx immedjatament u korrettement informata b’deċiżjoni tal-kumpannija parent tagħha li tagħmel neċessarji tkeċċijiet bħal dawn.

    70

    Għal dak li jirrigwarda l-għeluq tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta tapplika d-Direttiva 98/59, it-terminazzjoni ta’ kuntratt tax-xogħol ma tistax iseħħ minn min iħaddem ħlief wara l-għeluq tal-imsemmija proċedura, jiġifieri wara li jkun irrispetta l-obbligi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza Junk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Minn dan isegwi li l-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha tkun ikkompletata qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ ħaddiema.

    71

    Fil-kuntest ta’ grupp ta’ impriżi bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li deċiżjoni tal-kumpannija parent li għandha bħala effett dirett li ġġiegħel waħda mill-kumpanniji sussidjarji tagħha tittermina l-kuntratti tal-ħaddiema kkonċernati permezz ta’ tkeċċijiet kollettivi tista’ tittieħed biss fl-għeluq tal-proċedura ta’ konsultazzjoni fi ħdan din is-sussidjarja u dan, suġġetta li tesponi lil din, bħala min iħaddem, għall-konsegwenzi tal-inosservanza ta’ din il-proċedura.

    72

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames u s-sitt domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ grupp ta’ impriżi, il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha tiġi konkluża mis-sussidjarja kkonċernata minn tkeċċijiet kollettivi qabel mal-imsemmija sussidjarja, jekk ikun il-każ fuq struzzjoni diretta tal-kumpannija parent tagħha, tittermina l-kuntratti tal-ħaddiema kkonċernati minn dawn it-tkeċċijiet.

    Fuq l-ispejjeż

    73

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-adozzjoni, fi ħdan grupp ta’ impriżi, ta’ deċiżjonijiet strateġiċi jew ta’ modifiki ta’ attivitajiet li jġiegħlu lil min iħaddem li jipprevedi jew li jipproġetta tkeċċijiet kollettivi, tpoġġi fuq min iħaddem obbligu ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

     

    2)

    L-oriġini tal-obbligu ta’ min iħaddem li jibda konsultazzjonijiet fuq it-tkeċċijiet kollettivi previsti ma jiddependix fuq il-fatt li dan ikun diġà f’pożizzjoni li jjipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59.

     

    3)

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tal-imsemmija direttiva, għandu jkun interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ grupp ta’ impriżi magħmula minn kumpannija parent u minn sussidjarja waħda jew iktar, l-obbligu ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema ma jinħoloqx, fil-konfront tas-sussidjarja li għandha l-kwalità ta’ persuna li tħaddem, ħlief meta tkun identifikata din is-sussidjarja li fi ħdanha jkun hemm possibbiltà li jseħħu tkeċċijiet kollettivi.

     

    4)

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ grupp ta’ impriżi, il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha tiġi konkluża mis-sussidjarja kkonċernata minn tkeċċijiet kollettivi qabel mal-imsemmija sussidjarja, jekk ikun il-każ fuq struzzjoni diretta tal-kumpannija parent tagħha, tittermina l-kuntratti tal-ħaddiema kkonċernati minn dawn it-tkeċċijiet.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

    Fuq