Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0478

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2009.
Budĕjovický Budvar, národní podnik vs Rudolf Ammersin GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Handelsgericht Wien - l-Awstrija.
Trattati bilaterali bejn Stati Membri - Protezzjoni fi Stat Membru ta’ indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika ta’ Stat Membru ieħor - Isem ‘Bud’ - Użu tat-trade mark American Bud - Artikoli 28 KE u 30 KE - Regolament (KE) Nru 510/2006 - Qafas ta’ reogli Komunitarji ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini - Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka - Miżuri tranżitorji - Regolament (KE) Nru 918/2004 - Kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema Komunitarja - Natura eżawrjenti.
Kawża C-478/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-07721

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:521

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

“Trattati bilaterali bejn Stati Membri — Protezzjoni fi Stat Membru ta’ indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika ta’ Stat Membru ieħor — Isem ‘Bud’ — Użu tat-trade mark American Bud — Artikoli 28 KE u 30 KE — Regolament (KE) Nru 510/2006 — Sistema Komunitarja ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini — Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka — Miżuri tranżitorji — Regolament (KE) Nru 918/2004 — Kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema Komunitarja — Natura eżawrjenti”

Fil-Kawża C-478/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2007, fil-proċedura

Budějovický Budvar, národní podnik

vs

Rudolf Ammersin GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti tal-Awla, P. Kūris, E. Juhász, L. Bay Larsen u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Budějovický Budvar, národní podnik, minn C. Petsch, avukat,

għal Rudolf Ammersin GmbH, minn C. Hauer, B. Goebel u C. Schulte, avukati,

għall-Gvern Ċek, minn T. Boček u M. Smolek, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias u K. Marinou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Doherty u B. Schima kif ukoll minn M. Vollkommer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28 KE u 30 KE tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 918/2004 tad-29 ta’April 2004 li jintroduċi arranġamenti transitorji għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ismijiet ta’ oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel b’konnessjoni mal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, l-Latvja, l-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, s-Slovenja u s-Slovakkja (ĠU L 163, p. 88), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 93, p. 12).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Budějovický Budvar, národní podnik (iktar ’il quddiem “Budvar”, birrerija stabbilita fil-belt ta’ Česke Budějovice (ir-Repubblika Ċeka), u Rudolf Ammersin GmbH (iktar ’il quddiem “Ammersin”), ditta kummerċjali stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija) li topera negozju ta’ distribuzzjoni ta’ xorb, rigward it-talba ta’ Budvar li tipprojbixxi lil Ammersin li tikkummerċjalizza taħt it-trade mark American Bud birra prodotta mill-birrerija Anheuser-Busch Inc. (iktar ’il quddiem “Anheuser-Busch”), stabbilita f’Saint Louis (l-Istati Uniti), għar-raġuni li, skont trattati bilaterali li jorbtu lir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Awstrija, l-użu tal-isem “Bud” fir-Repubblika tal-Awstrija huwa rriżervat għall-birra prodotta fir-Repubblika Ċeka.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikoli 1 sa 5 tal-Ftehim ta’ Liżbona, tal-31 ta’ Ottubru 1958, dwar il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u r-reġistrazzjoni internazzjonali tagħhom (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Liżbona”), rrivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 13172, p. 205, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Liżbona”), jipprovdi:

“1)   Il-pajjiżi li għalihom japplika dan il-Ftehim jikkostitwixxu Unjoni Speċjali fil-qafas tal-Unjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali.

2)   Huma jobbligaw ruħhom li jipproteġu, fit-territorji tagħhom, skont it-termini ta’ dan il-Ftehim, id-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Speċjali, li huma rikonoxxuti u protetti bħala tali fil-pajjiż ta’ oriġini u rreġistrati fl-Uffiċċju Internazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali […] li għalih tirreferi l-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali [ODPI].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Liżbona:

“1)   F’dan il-Ftehim, ‘denominazzjoni tal-oriġini’ tfisser l-isem ġeografiku ta’ pajjiż, ta’ reġjun jew ta’ lokalità li jservi sabiex jindika prodott li joriġina minn hemm u li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma dovuti esklużivament jew essenzjalment għall-ambjent ġeografiku, li jinkludi l-fatturi naturali u umani.

2)   Il-pajjiż ta’ oriġini huwa dak li ismu, jew dak li fih jinsab ir-reġjun jew il-lokalità li isimhom, jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini li tat il-fama tagħha lill-prodott.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Id-denominazzjoni tal-oriġini BUD (Denominazzjoni tal-oriġini Nru 598) ġiet irreġistrata fl-10 ta’ Marzu 1975, għall-birra, quddiem l-ODPI, skont il-Ftehim ta’ Liżbona.

Id-dritt Komunitarju

L-Att ta’ Adeżjoni

6

Skont l-Artikolu 20 tal-Att ta’ Adeżjoni:

“L-atti mniżżla fl-Anness II ma’ dan l-Att għandhom ikunu adattati kif speċifikat f’dak l-Anness.”

7

Fl-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni, intitolat “Lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 20 tal-Att ta’ l-Adeżjoni”,

“31996 R 1107: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet u l-ismijiet ġijografikiċi ta’ l-oriġini skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2081/92 (ĠU L 148 […] p. 1), kif emendat bi:

[…]

32002 R 1829: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1829/2002 ta’ l-14 [ta’ Ottubru] 2002 (ĠU L 277 […] p. 10).

a)

Fl-Artikolu 1, jiżdied is-sub-paragrafu li ġej:

“L-ismijiet ‘Budějovické pivo’, ‘Českobudějovické pivo’ et ‘Budějovický měšťanský var’għandhom ikunu reġistrati bħala indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) u imniżżla fl-Anness skond l-ispeċifikazzjonijiet sottomessi lill-Kummissjoni. Dan huwa bla ħsara għal xi trademark tal-birra jew drittijiet oħra li jeżistu fl-Unjoni Ewropea fid-data ta’ l-adeżjoni.”

b)

Fil-Parti B tal-Anness, dan li ġej jidħol taħt l-intestatura “Birra”:

‘Ir-Repubblika Ċeka:

Budějovické pivo (IGP)

Českobudějovické pivo (IGP)

Budějovický měšťanský [var] (PGI)’.”

Ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92

8

Is-seba’ premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU L 208, p. 1), tipprovdi:

“[…] hemm differenzi fil-prassi nazzjonali għall-implementazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi; billi għandha tiġi prevista prassi tal-Komunità; billi struttura ta’ regoli tal-Komunità dwar il-protezzjoni tippermetti l-iżvilupp ta’ indikazzjonijiet geografiċi u d- denominazzjoni ta’ l-oriġini; billi minħabba illi tipprovdi metodu iktar uniformi din l-istruttura tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti li għandhom dawn l-indikazzjonijiet u b’hekk tittejjeb il-kredibilità tal-prodotti f’għajnejn il-konsumaturi”.

9

L-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 2081/92 jistabbilixxu l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, imsejħa “proċedura normali”. Skont l-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament, l-applikazzjoni għandha tintbagħat lill-Istat Membru fejn tinsab iż-żona ġeografika kkonċernata. Dan l-Istat Membru jikkonferma, skont l-ewwel subaragrafu tal-Artikolu 5(5) tal-istess regolament, illi l-applikazzjoni hija ġġustifikata u għandu jibgħat l-applikazzjoni lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

10

Billi huwa meħtieġ ċertu żmien sabiex tiġi proċessata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mill-Kummissjoni u li, u billi l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħtu protezzjoni nazzjonali temporanja sakemm ikun hemm deċizjoni Komunitarja dwar ir-reġistrazzjoni tal-isem, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 535/97, tas-17 ta’ Marzu 1997, li jemenda Regolament (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 83, p. 3) daħħal it-test li ġej wara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 2081/92:

“Dak l-Istat Membru jista’, fuq bażi transitorja biss, jagħti fuq livell nazzjonali protezzjoni fis-sens tar-Regolament preżenti bid-denominazzjoni [isem] trasmessa bil-mod preskritt, u, fejn ikun il-każ, perjodu ta’ aġġustament, mid-data ta’ dik it-trasmissjno[n]i […]

Protezzjoni transitorja nazzjonali bħal din għandha tieqaf fid-data li fiha tittieħed deċizjoni fuq ir-reġistrazzjoni taħt dan ir-Regolament. […]

Protezzjoni transitorja nazzjonali bħal din għandha tieqaf fid-data li fiha tittieħed deċizjoni fuq ir-reġistrazzjoni taħt dan ir-Regolament. […]

Il-konsegwenzi ta’ protezzjoni nazzjonali bħal din, meta denominazzjoni [isem] ma tkunx ġiet irreġistrata taħt dan ir-Regolament, għandhom ikunu ir-responsabbiltà esklusiva ta’ l-Istat Membru konċernat.

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri taħt it-tieni subparagrafu għandhom jipproduċu effetti fuq livell nazzjonali biss; ma għandux ikollhom effett fuq in-negozju intra-Komunitarju.”

11

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 jistabbilixxi proċedura ta’ reġistrazzjoni, applikabbli għar-reġistrazzjoni tal-ismijiet li kienu diġà jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, imsejħa “proċedura semplifikata”. Din id-dispożizzjoni tipprovdi b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2081/92, l-ismijiet tagħhom li huma jixtiequ jirreġistraw skont din il-proċedura.

12

Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li l-ewwel proposta ta’ reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjoni tal-oriġini, li l-Kummissjoni kellha tiżviluppa skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 2081/92, ġiet ippreżentata lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biss fix-xahar ta’ Marzu 1996, filwaqt li l-parti l-kbira tal-perijodu tranżitorju ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 13(2) tal-istess regolament kien skada, ir-Regolament Nru 535/97, li daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Marzu 1997 ssostitwixxa dan l-aħħar paragrafu bit-test segwenti:

“B’deroga għall-paragrafu 1(a) u (b), Stati Membri jistgħu iżommu sistemi nazzjonali li jippermettu l-użu ta’ denominazzjonijiet reġistrati taħt l-Artikolu 17 għal perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin wara d-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni, basta li:

il-prodotti jkunu ġew negozjati legalment bl-użu ta’ dawk id-denominazzjonijiet għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament,

l-impriżi ikunu nnegozjaw legalment il-prodotti konċernati bl-użu ta’ dawk id-denominazzjonijiet kontinwament matul il-perjodu msemmi fl-ewwel inċiż,,

it-tabelli jindikaw b’mod ċar l-oriġini vera tal-prodott.

Madanakollu, din id-deroga ma tistax twassal għan-negozju tal-prodotti liberament fit-territorju ta’ Stat Membru fejn dawk id-denominazzjonijiet kienu projbiti.”

13

L-Artikolu 1(15) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 692/2003 tat-8 ta’ April 2003 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 99, p. 1), jipprovdi:

“L-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 17 għandhom jiġu mħassra. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Artikolu għandhom jibqgħu jgħoddu għal ismijiet irreġistrati jew għal ismijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bil-proċedura prevista fl-Artikolu 17 qabel ma daħal fis-seħħ dan ir-Regolament.”

Ir-Regolament Nru 510/2006

14

Ir-Regolament Nru 2081/92, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003 (ĠU L 122, p. 1), ġie mħassar skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 510/2006. Dan l-aħħar regolament daħal fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil-31 ta’ Marzu 2006.

15

Il-Premessa 6 tar-Regolament Nru 510/2006 tipprovdi:

“Għandha ssir dispożizzjoni għal approċċ Komunitarju għad-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Sistema Komunitaarja ta’ protezzjoni tippermetti l-iżvilupp ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ l-oriġini billi, filwaqt li tipprovdi approċċ aktar uniformi, sistema bħal din tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti li jkollhom indikazzjonijiet bħal dawn u jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-prodotti f’għajnejn il-konsumatur.”

16

Skont il-Premessa 19 ta’ dan ir-regolament:

“L-ismijiet li jkunu diġà reġistrati taħt ir-Regolament [….] Nru 2091/92 […]fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jibqgħu jiġu protetti taħt dan ir-Regolament u jiġu inklużi awtomatikament fir-reġistru. […]”

17

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi r-regoli dwar il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli maħsuba għal konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I għat-Trattat u għall-oġġetti ta’ l-ikel elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament u għall-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

[…]

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi oħrajn.”

18

L-Anness I tal-istess regolament, intitolat “Oġġetti ta’ l-ikel imsemmijin fl-Artikolu 1(1)”, isemmi l-“birra” fl-ewwel inċiż tiegħu.

19

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 510/2006, intitolat “Denominazzjoni ta’ l-oriġini u indikazzjoni ġeografika” jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

a)

“denominazzjoni ta’ l-oriġini” tfisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użata biex tiddeskrivi prodott agrikolu jew oġġett ta’ l-ikel:

li joriġina f’dak ir-reġjun, il-post speċifiku jew il-pajjiż,

li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklussivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu, u

li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tiegħu jsiru fiż-żona ġeografika definita;

b)

“indikazzjoni ġeografika” tfisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użata biex tiddeskrivi prodott agrikolu jew oġġett ta’ l-ikel:

li joriġina f’dak ir-reġjun, il-post speċifiku jew il-pajjiż, u

li jippossjedi kwalità speċifika, reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn li huma attribwitibbli għal dak l-oriġini ġeografiku, u

li l-produzzjoni u/jew l-ipproċessar u/jew it-tħejjija tiegħu jsiru fiż-żona ġeografika definita.

2.   Ismijiet ġeografiċi jew mhux ġeografiċi tradizzjonali li jiddenominaw prodott agrikolu jew oġġett ta’ l-ikel li jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu kkunsidrati bħala denominazzjonijiet ta’ l-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi.”

20

L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Biex ikun eliġibbli għal denominazzjoni ta’ l-oriġini protetta (PDO) jew indikazzjoni ġeografika protetta (PGI), prodott agrikolu jew oġġett ta’ l-ikel għandu jikkonforma ma’ speċifikazzjoni ta’ prodott.”

21

L-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 510/2006 jistabbilixxu l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament, fejn l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tkun relatata ma’ żona ġeografika fi Stat Membru, l-applikazzjoni għandha tkun indirizzata lil dak l-Istat Membru. Skont l-Artikolu 5(5) tal-istess regolament, l-Istat Membru għandu jagħtu bidu għal proċedura ta’ oġġezzjoni nazzjonali u sussegwentement jistabbilixxi deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni. F’każ ta’ deċiżjoni favorevoli, dan l-Istat Membru jibgħat lill-Kummissjoni d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 7 tal-Artikolu 5 sabiex tittieħed deċiżjoni finali meħuda fit-tmiem il-proċedura rregolata mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 510/2006 li tinkludi, b’mod partikolari, proċedura ta’ oppożizzjoni.

22

Skont l-Artikolu 5(6) ta’ dan ir-regolament:

“L-Istat Membru jista’, fuq bażi transitorja biss, jagħti protezzjoni skond dan ir-Regolament fil-livell nazzjonali lill-isem, u, fejn xieraq, perijodu ta’ aġġustament, b’effett mid-data li fiha tiġi pprżentata l-applikazzjoni lill-Kummissjoni.

Il-perijodu ta’ aġġustament previst fl-ewwel subparagrafu jista’ jingħata biss bil-kundizzjoni li l-impriżi konċernati jkunu kkummerċjalizzaw legalment il-prodotti in kwistjoni, bl-użu kontinwu ta’ l-ismijiet konċernati għal mhux inqas mill-aħħar ħames snin u jkunu għamlu dan il-punt fil-proċedura ta’ oġġezzjoni nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5.

Protezzjoni nazzjonali transitorja bħal din għandha tieqaf fid-data li fiha tittieħed deċiżjoni dwar reġistrazzjoni skond dan ir-Regolament.

Il-konsegwenzi ta’ protezzjoni nazzjonali transitorja bħal din, fejn isem mhux reġistrat skond dan ir-Regolament, għandhom ikunu r-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru konċernat biss.

Il-miżuri meħudin minn Stat Membru skond l-ewwel subparagrafu għandhom jipproduċu effetti f’livell nazzjonali biss, u ma għandu jkollhom l-ebda effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jew internazzjonali.”

23

L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Ismijiet reġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

a)

kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem reġistrat fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex koperti mir-reġistrazzjoni safejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew safejn l-użu ta’ l-isem jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-isem protett;

b)

kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, ukoll jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkkumpanjat minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni” jew simili;

[…]”

Ir-Regolament Nru 918/2004

24

Il-Premessi 2 sa 4 tar-Regolament Nru 918/2004 jipprovdu:

“(2)

L-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 jipprovdi, iżda, li indikazzjonijiet ġeografiċi u ismijiet ta’ oriġini jistgħu jingħataw protezzjoni transitorja nazzjonali minn Stati Membri mid-data li fiha jintbagħtu lill-Kummissjoni l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ dawk l-ismijiet. Il-konsegwenzi ta’dik il-protezzjoni nazzjonali fil-każi fejn isem ma jkunx reġistrat fil-livell tal-Komunità huma għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru konċernat.

(3)

Wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, l-Latvja, l-Litwanja,l-Ungerija, Malta, l-Polonja, s-Slovenja u s-Slovakja, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ismijiet ta’ oriġini ta’ dawn il-pajjiżi (iktar ’il quddiem ‘l-Istati Membri l-ġodda’) jistgħu għalhekk jiġu reġistrati fil-livell tal-Komunità taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 u protetti taħt l-Artikolu 13.

(4)

Sabiex tiġi faċilitata s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet lill-Kummissjoni mill-Istati Membri l-ġodda u tiġi żgurata protezzjoni li titkompla ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi relevanti u ismijiet ta’ oriġini, għandha ssir dispożizzjoni għal dawn l-Istati Membri biex tinżamm il-protezzjoni nazzjonali li kienet etżisti fit-30 ta’ April 2004 sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, kemm-il darba tkun intbagħtet lill-Kummissjoni applikazzjoni għar-reġistrazzjoni sal-31 ta’ Ottubru 2004.”

25

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 918/2004 jipprovdi:

“Il-protezzjoni nazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ismijiet ta’ oriġini skond it-tifsira tar-regolament (KEE) Nru 2081/92 li kienu jeżistu fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, l-Latvja, l-Litwanja,l-Ungerija, Malta, l-Polonja, s-Slovenja u s-Slovakkja fit-30 ta’ April 2004 jistgħu jinżammu minn dawk l-Istati Membri sal-31 ta’ Ottubru 2004.

Fejn tkun intbagħtet lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2004 applikazzjoni għar-reġistrazzjoni taħt ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92, dik il-protezzjoni tista’ tinżamm sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni skond l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament.

Il-konsegwenzi ta’ dik il-protezzjoni nazzjonali fil-każi fejn l-isem ma jkunx reġistrat fil-livell tal-Komunità huma għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru konċernat.”

Id-dritt nazzjonali

Il-konvenzjoni bilaterali

26

Il-11 ta’ Ġunju 1976, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka kkonkludew trattat dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, id-denominazzjonijiet tal-oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza tal-prodotti agrikoli u industrijali (iktar ’il quddiem: il-“konvenzjoni bilaterali”).

27

Wara l-approvazzjoni u r-ratifika tagħha, il-konvenzjoni bilaterali ġiet ippubblikata fil-Bundesgesetzblatt für die Republik Österreich tad-19 ta’ Frar 1981 (BFB1. 75/1981). Skont l-Artikolu 16(2) tagħha, il-konvenzjoni bilaterali daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 1981 għal perijodu indeterminat.

28

L-Artikolu 1 tal-konvenzjoni bilaterali jipprovdi:

“Kull Stat kontraenti jimpenja ruħu li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jipproteġi b’mod effettiv, mill-kompetizzjoni żleali fil-qasam tal-kummerċ, l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, id-denominazzjonijiet tal-oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza ta’ prodotti agrikoli u industrijali li jaqgħu taħt il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 5 u speċifikati fil-ftehim previst fl-Artikolu 6, kif ukoll l-ismijiet u l-illustrazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 8(2).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

29

Skont l-Artikolu 2 tal-konvenzjoni bilaterali:

“B’indikazzjonijiet ta’ provenjenza, wieħed jifhem denominazzjonijiet tal-oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza fis-sens ta’ dan it-trattat, l-indikazzjonijiet kollha direttament jew indirettament marbuta mal-provenjenza ta’ prodott. Indikazzjoni bħal din hija ġeneralment ikkostitwita minn denominazzjoni ġeografika. Madankollu, hija tista’ tkun ikkostitwita wkoll minn espressjonijiet oħra jekk f’dawn l-espressjonijiet, flimkien mal-prodott hekk denominat, dawk ikkonċernati fil-pajjiż ta’ oriġini jaraw indikazzjoni tal-pajjiż ta’ produzzjoni. Dawn id-denominazzjonijiet jistgħu jinkludu, minbarra l-indikazzjoni ta’ territorju ta’ provenjenza ġeografikament iddeterminata, espressjonijiet marbuta mal-kwalità tal-prodott ikkonċernat. Dawn il-proprjetajiet partikolari tal-prodotti huma esklużivament jew prinċipalment riżultat ta’ influwenzi ġeografiċi jew umani.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30

L-Artikolu 3(1) tal-konvenzjoni bilaterali jipprovdi:

“[…] id-denominazzjonijiet Ċekoslovakki stipulati fi ftehim konkluż skont l-Artikolu 6 huma rriżervati fir-Repubblika tal-Awstrija esklużivament għal prodotti Ċekoslovakki.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

31

Il-punt B(2) tal-Artikolu 5(1) tal-konvenzjoni bilaterali jsemmi l-birer fost il-kategoriji ta’ prodotti Ċeki kkonċernati mill-protezzjoni stabbilita minn din il-konvenzjoni.

32

Skont l-Artikolu 6 tal-konvenzjoni bilaterali:

“Id-denominazzjonijiet ta’ prodotti, li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 5, li jibbenefikaw mill-protezzjoni tat-trattat u li għalhekk mhumiex denominazzjonijiet ġeneriċi għandhom jiġu elenkati fi ftehim li għandu jiġi konkluż bejn il-gvernijiet taż-żewġ Stati kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33

L-Artikou 7 tal-konvenzjoni bilaterali huwa miktub kif ġej:

“1.   Jekk l-ismijiet u d-denominazzjonijiet protetti skont l-Artikoli 3, 4, 6 u 8(2) ta’ dan it-trattat jintużaw bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest ta’ attività kummerċjali sabiex jiġu deskritti prodotti, b’mod partikolari għall-preżentazzjoni jew għall-ippakkjar tagħhom, jew fuq fatturi, noti ta’ kunsinna jew dokumenti kummerċjali oħra jew fir-reklamar, issir applikazzjoni tal-miżuri ġudizzjarji u amministrattivi kollha li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat kontraenti li fih hija mitluba l-protezzjoni, huma previsti għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali jew sabiex jiġu pprevenuti altrimenti d-denominazzjonijiet illegali, fil-kundizzjonijiet stabbiliti għal din il-leġiżlazzjoni u fid-dawl tal-Artikolu 9.

2.   Sa fejn ikun hemm riskju ta’ konfużjoni fil-kuntest ta’ attivitajiet kummerċjali, il-paragrafu 1 japplika wkoll jekk id-denominazzjonijiet protetti skont it-trattat jintużaw taħt forma emendata jew għal prodotti li mhumiex dawk li għalihom ġew attribwiti mill-ftehim previst fl-Artikolu 6.

3.   Il-paragrafu 1 japplika wkoll jekk id-denominazzjonijiet protetti skont dan it-trattat jintużaw taħt forma ta’ traduzzjoni jew b’indikazzjoni tal-provenjenza effettiva, jew flimkien ma’ referenzi bħal “xorta”, “tip”, “kif prodotti fi”, “imitazzjoni” jew simili.

4.   Il-paragrafu 1 ma japplikax għat-traduzzjonijiet ta’ denominazzjonijiet ta’ wieħed mill-Istati kontraenti jekk it-traduzzjoni hija terminu ta’ lingwa li jintuża kuljum fi Stat kontraenti ieħor.”

Il-ftehim bilaterali

34

Skont l-Artikolu 6 tal-konvenzjoni bilaterali, ftehim fuq l-applikazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem il-“ftehim bilaterali” u, flimkien mal-konvenzjoni bilaterali, it-“trattati bilaterali inkwistjoni”) ġie konkluż fis-7 ta’ Ġunju 1979.

35

L-Anness B tal-ftehim bilaterali jipprovdi:

“Denominazzjonijiet Ċekoslovakki għal prodotti agrikolu u industrijali

[…]

B Ikel u agrikoltura (minbarra l-inbid)

[…]

2. Birra

Repubblika Soċjalista Ċeka

[…]

Bud

Budějovické pivo

Budějovické pivo Budvar

Budějovické Budvar

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

36

Il-kawża prinċipali diġà tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar (C-216/01, Ġabra p. I-13617) li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, li quddiemha dehret l-istess qorti tar-rinviju li kienet ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, qalet:

“1)

L-Artikolu 28 KE u r-Regolament […] Nru 2081/92 […], kif emendat bir-Regolament […] Nru 535/97 […] ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz, li tagħti għal indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta ta’ dan il-pajjiż terz protezzjoni fl-Istat Membru importatur li hija indipendenti minn kull riskju ta’ qerq u li tippremetti li tiġi pprevenuta l-importazzjoni ta’ merkanzija legalment ikkummerċjalizzata fi Stat Membru ieħor.

2)

L-Artikolu 28 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz li tagħti lil isem li ma jirreferix la direttament u lanqas indirettament f’dan il-pajjiż għall-provenjenza ġeografika tal-prodott li huwa jindika protezzjoni fl-Istat Membru importatur li hija indipendenti minn kull riskju ta’ qerq u li tippermetti li tiġi pprevenuta l-importazzjoni ta’ merkanzija legalment ikkummerċjalizzata fi Stat Membru ieħor.

3)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 307 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti ta’ Stat Membru, bla ħsara tal-verifiki li għandhom isiru minnha fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi pprovduti minn din is-sentenza, li tapplika dispożizzjonijiet ta’ trattati bilaterali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konklużi bejn dan l-Istat u pajjiż terz, li jinkludu l-protezzjoni ta’ isem ta’ dan il-pajjiż terz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultaw li jmorru kontra r-regoli tat-Trattat KE, għar-raġuni li dan huwa obbligu li jirriżulta minn konvenzjonijiet konklużi preċedentement għad-data ta’ adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tal-Istat Membru kkonċernat. Sakemm wieħed mill-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 307 KE jippermetti li titneħħa l-inkompatibbilità bejn konvenzjoni preċedenti għal tali adeżjoni u dan it-trattat, l-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jawtorizza lil dan l-Istat sabiex ikompli japplika tali konvenzjoni sa fejn din tinkludi obbligi li għalihom dan jibqa’ marbut skont id-dritt internazzjonali.”

37

Fil-punti 28 sa 42 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, il-kawża prinċipali hija miġbura fis-sunt li ġej:

“28

Budvar tikkummerċjalizza l-birra, b’mod partikolari taħt it-trade marks Budějovický Budvar u Budweiser Budvar, u tesporta l-birra msejħa ‘Budweiser Budvar’, b’mod partikolari lejn l-Awstrija.

29

Ammersin tikkummerċjalizza b’mod partikolari l-birra tat-trade mark American Bud prodotta mill-birrerija Anheuser-Busch li hija tixtri mingħand id-ditta kummerċjali Josef Sigl KG (iktar ’il quddiem ‘Joseph Sigl’), stabbilita f’Obertrum (l-Awstrija), importatriċi esklużiva ta’ din il-birra fl-Awstrija.

30

B’att promotur tat-22 ta’ Lulju 1999, Budvar talbet lill-qorti tar-riviju li tordna lil Ammersin li ma tużax, fit-territorju Awstrijak, fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha, id-denominazzjoni Bud jew denominazzjonijiet oħra li jixxiebħu li jistgħu jagħtu lok għal konfużjoni, għal birra jew merkanzija li tixxiebah jew fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, ħlief jekk dawn ikunu prodotti ta’ Budvar. Minbarra dan, hija talbet it-tneħħija tad-denominazzjonijiet kollha li jmorru kontra din il-projbizzjoni, kif ukoll il-preżentazzjoni ta’ kontabbiltà u l-pubblikazzjoni tal-kawża. Ir-rikors kien jinkludi wkoll talba għal miżuri provviżorji.

31

Ir-rikors fil-kawża prinċipali ta’ Budvar huwa bbażat, essenzjalment, fuq żewġ fondamenti legali distinti.

32

L-ewwel nett, Budvar issostni li t-trade mark American Bud, irreġistrata bħala trade mark għal Anheuser-Busch, tippreżenta xebh li jagħti lok għal konfużjoni skont il-leġiżlazzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali flimkien mat-trade marks prijoritarji tagħha stess li jibbenefikaw minn protezzjoni fl-Awstrija, jiġifieri Budwieser, Budweiser Budvar u Bud.

33

It-tieni nett, Budvar issostni li l-użu tad-denominazzjoni American Bud għal birra li ġejja minn Stat li mhuwiex ir-Repubblika Ċeka jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni bilaterali minħabba li d-denominazzjoni Bud, imsemmija fl-Anness B tal-ftehim bilaterali, tikkostitwixxi denominazzjoni protetta, skont l-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, li għalhekk hija rriżervata esklużivament lill-prodotti Ċeki.

34

Fil-15 ta’ Ottubru 1999, il-qorti tar-rinviju ordnat il-miżuri provviżorji mitluba minn Budvar.

35

Ir-rikors ippreżentat minn Ammersin kontra dawn il-miżuri quddiem l-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija) ma ġiex milqugħ u l-appell ippreżentat quddiem l-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) ġie miċħud. Peress illi l-proċeduri għal miżuri provviżorji diġà twettqu, il-Handelsgericht Wien qed tikkunsidra din il-kawża fir-rigward tal-mertu.

36

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, qabel ma ppreżentat ir-rikors fil-kawża prinċipali, Budvar kienet diġà ppreżentat, quddiem il-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija), rikors identiku, kemm fir-rigward tas-suġġett tiegħu kif ukoll fuq il-bażi legali tiegħu, għal dak ippreżentat fil-kawża prinċipali, iżda magħmul kontra Josef Sigl.

37

F’din il-kawża parallela, il-Landesgericht Salzburg ordnat il-miżuri provviżorji mitluba u l-Oberlandesgericht Linz (l-Awstrija) ma laqgħetx l-appell ippreżentat kontra dan id-digriet. B’digriet tal-1 ta’ Frar 2000, l-Oberster Gerichtshof ċaħdet ir-rikors f’“Reviżjoni” kontra d-digriet mogħti fl-appell u kkonfermat il-miżuri provviżorji.

38

Il-qorti tar-rinviju tindika li dan id-digriet tal-Oberster Gertichtshof huwa bbażat essenzjalment fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

39

L-Oberster Gerichtshof, li llimitat l-eżami tagħha fuq il-motiv ibbażat fuq il-konvenzjoni bilaterali, iddeċidiet li l-projbizzjoni mitluba fir-rigward ta’ Josef Sigl, il-konvenuta, tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 28 KE.

40

Madankollu, hija kkunsidrat li dan l-ostakolu huwa kompatibbli mal-Artikolu 28 KE minħabba li l-protezzjoni tad-denominazzjoni Bud, kif prevista mill-konvenzjoni bilaterali, taqa’ taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 30 KE.

41

Skont il-qorti tar-rinviju, jidher li l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li d-denominazzjoni Bud hija ‘indikazzjoni ġeografika sempliċi jew indikazzjoni ta’ provenjenza indiretta’, jiġifieri indikazzjoni li tippresupponi biss li garanziji assoċjati mad-denominazzjoni tal-oriġini — bħall-produzzjoni fl-osservanza ta’ regoli ta’ kwalità jew ta’ manifattura sabbiliti u kkontrollati mill-awtoritajiet, jew il-karatteristiċi partikolari tal-prodott — jiġu osservati. Barra minn hekk, id-denominazzjoni Bud tibbenefika minn ‘protezzjoni assoluta’, jiġifieri indipendenti minn kull riskju ta’ konfużjoni jew ta’ qerq.

42

Fid-dawl tal-argumenti żviluppati quddiemha, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dubju raġonevoli jeżisti fir-rigward tat-tweġibiet li jsiru għall-mistoqsijiet ta’ dritt Komunitarju li l-kawża prinċipali tqajjem, b’mod partikolari minħabba li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika imsejħa sempliċi’, li ma jinkludux ir-riskju ta’ qerq, jaqgħux ukoll taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 30 KE.”

38

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tkompli bl-iżviluppi li seħħew minn meta ngħatat is-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, kif ġej.

39

B’deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2004, il-qorti tar-rinviju ċaħdet ir-rikors ta’ Budvar billi bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-isem “Bud” mhuwiex indikazzjoni ta’ provenjenza peress illi l-popolazzjoni Ċeka ma tassoċjax dan l-isem ma’ parti mit-territorju speċifiku fir-Repubblika Ċeka u li hija qatt ma użat dan il-pajjiż sabiex tindika post. Il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li l-protezzjoni ta’ dan l-isem bit-trattati bilaterali inkwistjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 28 KE. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata b’sentenza tal-Oberlandesgericht Wien tal-21 ta’ Marzu 2005.

40

Madankollu, b’digriet tad-29 ta’ Novembru 2005, l-Oberster Gerichtshof annullat id-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri u rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, sabiex din tagħti deċiżjoni ġdida wara li tkun wettqet il-proċeduri.

41

Skont l-Oberster Gerichtshof, il-kwistjoni jekk l-isem “Bud” jiddeskrivix reġjun jew parti mit-territorju tar-Repubblika Ċeka għandha tiġi kkunsidrata flimkien mal-kriterji ta’ indikazzjoni ta’ provenjenza sempliċi u indiretta.

42

Fid-dawl tal-punti 54 u 101 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk l-isem “Bud” huwiex tal-inqas kapaċi li jinforma lill-konsumatur li l-prodott hekk indikat ġej minn parti mit-territorju speċifiku, minn reġjun speċifiku jew minn pajjiż speċifiku. Għalhekk irridu nistaqsu jekk il-konsumaturi jifhmux dan l-isem, assoċjat mal-birra, bħala indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi jew indiretta. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għadha ma eżaminatx din il-kwistjoni.

43

Sussegwentement, b’deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2006, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li bbażat prinċipalment fuq riżultati ta’ stħarriġ tal-opinjoni kkomunikata minn Anheuser-Busch, mill-ġdid ċaħdet ir-rikors ta’ Budvar għar-raġuni li l-konsumaturi Ċeki ma jifhmux l-isem “Bud”, assoċjat mal-birra, bħala indikazzjoni ta’ provenjenza.

44

Madankollu, l-Oberlandesgericht Wien annullat din id-deċiżjoni b’sentenza tal-10 ta’ Lulju 2006 u, mill-ġdid, irrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, għar-raġuni essenzjali li l-qorti tar-rinviju kellha tikkompleta l-proċedura peress illi hija ma kinitx laqgħet talba għal miżuri istruttorji mitluba minn Budvar, li kellha bħala għan perizja ġudizzjara wara twettiq ta’ stħarriġ tal-opinjoni mal-grupp tal-popolazzjoni rilevanti u li kellha tillimata ruħha għall-kwistjonijiet:

jekk il-konsumaturi Ċeki jassoċjawx l-isem “Bud” ma’ birra;

jekk, billi jassoċjaw huma stess l-isem “Bud” ma’ birra jew permezz ta’ konnessjoni ssuġġerita mill-espert ġudizzjarju bejn dan l-isem u l-birra, dawn jinkludux dan l-isem bħala li jindika li l-birra ġejja minn parti mit-territorju speċifiku, minn reġjun speċifiku jew minn pajjiż speċifiku, u

f’każ ta’ tweġiba affermattiva għall-mistoqsija preċedenti, f’liema parti mit-territorju, f’liema reġjun jew f’liema pajjiż huma jassoċjaw l-isem “Bud” b’konnessjoni mal-birra.

45

Il-qorti tar-rinviju tqis li hija meħtieġa talba għal deċiżjoni preliminari ġdida.

46

L-ewwel nett, hekk kif juri l-iżvolġiment tal-proċedura wara li ingħatat is-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, jeżistu inċertezzi fir-rigward tal-portata ta’ din is-sentenza.

47

L-ewwel nett, hemm il-kwistjoni jekk il-punti 54 u 101 ta’ din is-sentenza għandhomx jinftehmu fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk isem jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ provenjenza sempliċi u indiretta li tista’ tkun kompatibbli mal-Artikolu 28 KE, huwiex importanti biss, skont iċ-ċirkustanzi fattwali u ta’ kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, jekk l-isem “Bud” jidentifikax reġjun jew parti mit-territorju ta’ dan l-istat, jew jekk pjuttost għandux jiġi eżaminat jekk, assoċjat mal-prodott li għandu dan l-isem, f’dan il-każ il-birra, dan l-isem huwiex kapaċi li jinforma l-konsumaturi jekk il-prodott li għandu dan l-isem huwiex ġej minn parti mit-territorju speċifiku, minn reġjun speċifiku jew minn pajjiż speċifiku mingħajr mhuwa neċessarju li, skont l-imsemmija kundizzjonijet u kunċetti, dan l-isem jidentifikax inkwantu tali, tali parti mit-territorju, tali reġjun jew tali pajjiż.

48

Sussegwentement, l-inċertezza tibqa’ wkoll fuq il-metodu li għandu jiġi segwit mill-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina jekk, fid-dawl tal-kriterji li għandhom għalhekk jiġu applikata minnha, l-isem inkwistjoni jikkostitwixxix indikazzjoni ta’ provenjenza sempliċi u indiretta. B’mod partikolari tqum il-kwistjoni jekk għandhiex issir stħarriġ tal-opinjoni u liema livell ta’ kunsens huwa meħtieġ.

49

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tar-riferiment, fil-punt 101 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, għaċ-ċirkustanzi fattwali prevalenti fir-Repubblika Ċeka, tqum il-kwistjoni jekk ir-rekwiżiti konkreti għandhomx jiġu imposti kemm għall-kwalità kif ukoll tat-tul tal-użu li jsir mill-isem “Bud”. Hekk lok b’mod partikolari li wieħed jistaqsi fuq il-kwistjoni jekk dan l-isem intużax bħala indikazzjoni ġeografika jew bħala trade mark. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa f’dan ir-rigward paċifiku li ebda impriża stabbilita fir-Repubblika Ċeka minbarra Budvar ma użat l-isem “Bud” u li din użatu bħala trade mark u mhux bħala indikazzjoni ta’ provenjenza.

50

It-tieni nett, skont il-qorti tar-rinviju, il-kuntest fattwali u legali tal-kawża prinċipali ssubixxa emendi essenzjali fir-rigward ta’ dak eżistenti meta din il-qorti ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni.

51

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, skont is-sitwazzjoni prevalenti fil-pajjiż tal-oriġini, jiġifieri fir-Repubblika Ċeka, l-isem “Bud” huwa protett bħala denominazzjoni tal-oriġini. Wara r-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem quddiem l-ODPI skont l-Ftehim ta’ Liżbona, din il-protezzjoni kienet estendiet għal Stati oħra, li wkoll huma partijiet f’dan il-ftehim.

52

Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ din id-denominazzjoni tal-oriġini jikkorrispondu għal dawk li jibbenefikaw minnhom id-denominazzjonijiet tal-oriġini bħal dawk iddefiniti fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 510/2006. Għalhekk mhuwiex aktar possibbli li wieħed jibbaża fuq l-ipoteżi li l-isem “Bud” jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ provenjenza sempliċi u indiretta li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

53

Dan huwa kkonfermat mill-Att ta’ Adeżjoni peress illi dan jipproteġi tlett indikazzjonijiet ta’ provenjenza relatati mal-birra prodotta fil-belt ta’ Česke Budějovice, jiġifieri “Budějovické pivo”, “Českobudějovické pivo” u “Budějovický měšťanský var”, li jindikaw birra qawwija bħala “Bud Super Strong”.

54

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ġdida, iqumu żewġ mistoqsijiet.

55

L-ewwel nett, tqum il-kwisjtoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwarha, dwar jekk ir-Regolament Nru 510/2006 għandux natura definittiva fis-sens li jipprekludi protezzjoni prevista bid-dritt nazzjonali jew trattat bilaterali ta’ ismijiet, bħad-denominazzjoni tal-oriġini “Bud” li r-reġistrazzjoni tagħha ma ntalbitx mitluba skont dan ir-regolament iżda li bħala prinċipju taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu (iktar ’il quddiem in-natura “eżawrjenti” tar-Regolament Nru 510/2006).

56

Il-qorti tar-rinviju tqis li r-Regolament Nru 918/2004, peress illi jipprovdi perijodu tranżitorju ta’ protezzjoni li matulu l-protezzjoni nazzjonali tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tista’ tinżamm, huwa bbażat manifestament fuq tali natura eżawrjenti.

57

Madankollu, anki jekk kien ġie deċiż li r-Regolament Nru 510/2006 ma għandux tali natura eżawrjenti, il-qorti tar-rinviju tqis li għad irrid jiġi eżaminat jekk, f’kull każ, dan ir-regolament jipprekludix l-estensjoni tal-protezzjoni ta’ denominazzjoni tal-oriġini lil Stati Membri oħra peress illi huwa meqjus li dan ir-regolament għandu natura eżawrjenti f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni transkonfinali fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

58

It-tieni nett, tqum il-kwistjoni tan-natura eżawrjenti tal-protezzjoni mogħtija mill-Att ta’ Adeżjoni għall-birer prodotti fil-belt ta’ Česke Budějovice taħt il-forma tal-indikazzjonijiet ġeografiċi “Budějovické pivo”, “Českobudějovické pivo” et “Budějovický měšťanský var” protetti skont ir-Regolament Nru 510/2006. Tali natura eżawrjenti timplika li l-eżistenza ta’ tali protezzjoni tipprekludi li jintuża isem ieħor bħal “Bud” li jindika wkoll il-birra prodotta f’din il-belt, protett bħala denominazzjoni tal-oriġini skont id-dritt nazzjonali.

59

Anki jekk tali natura eżawrjenti ma kinitx rikonoxxuta, għandu wkoll jiġi eżaminat jekk l-eżistenza tal-protezzjoni ta’ dawn it-tliet ismijiet tipprekludix tal-inqas l-estensjoni tal-protezzjoni nazzjonali ta’ indikazzjoni ġeografika oħra bħal “Bud” għal Stati Membri oħra permezz tat-trattati bilaterali konklużi bejn Stati Membri.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Handelsgericht Wien ikkunsidrat li soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiema tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi prelimianri li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 28 KE tal-protezzjoni ta’ isem bħala indikazzjoni ġeografika li fil-pajjiż ta’ oriġini la huwa l-isem ta’ post u lanqas mhuwa l-isem ta’ reġjun, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-[sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq] ressqet ir-rekwiżiti li skont dawn tali isem għandu:

skond iċ-ċirkustanzi fattwali u

l-kunċetti prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini, jindika reġjun jew post fit-territorju ta’ dan l-Istat

u l-protezzjoni tiegħu għandha tkun iġġustifikata abbażi tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE.

Dawn ir-rekwiżiti jfissru:

li l-isem jissodisfa, bħala tali, funzjoni konkreta ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ parti mit-territorju speċifiku jew ta’ reġjun speċifiku jew huwa biżżejjed li l-isem assoċjat mal-prodott għandu dan l-isem jkun idoneu biex jindika lill-konsumaturi li dan il-prodott ġej minn parti mit-territorju speċifiku jew minn żona speċifika tat-territorju tal-pajjiż ta’ oriġini?

li t-tliet kundizzjonijiet jikkostitwixxu kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu eżaminati separatament?

li jeħtieġ li ssir stħarriġ tal-opinjoni mal-konsumaturi sabiex jiġu ddeterminati l-kunċetti prevalenti fil-pajjiż tal-oriġini u — fl-affermattiv — li għall-finijiet ta’ protezzjoni huwa meħtieġ grad baxx, medju jew għoli ta’ fama u ta’ rikonoxximent?

li l-isem ġie effettivament użat bħala indikazzjoni ġeografika fil-pajjiż ta’ oriġini minn diversi impriżi, u mhux minn waħda biss, u li l-użu bħala trade mark minn impriża waħda biss imur kontra l-protezzjoni?

2)

Il-fatt li isem la jkun ġie nnotifikat fit-terminu ta’ sitt xhur previst fir-Regolament (KE) Nru 918/2004 u lanqas b’xi mod ma tkun saret xi applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest tar-Regolament Nru 510/2006 għandu bħala effett li jinvalida protezzjoni nazzjonali eżistenti jew, f’kull każ, protezzjoni estiża bilateralment lil Stat Membru ieħor jekk l-isem jikkostitwixxi, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat ta’ oriġini, indikazzjoni ġeografika kwalifikata skont ir-Regolament Nru 510/2006?

3)

Il-fatt li, fil-kuntest tal-Att ta’ Adeżjoni, Stat Membru, skont ir-Regolament Nru 510/2006, jkun talab il-protezzjoni ta’ diversi indikazzjonijiet ġeografiċi kwalifikati ta’ oġġetti tal-ikel, għandu bħala konsegwenza li protezzjoni nazzjonali mogħtija lil isem ieħor li jindika l-istess prodott jew, f’kull każ, protezzjoni estiża bilateralment lil Stat Membru ma tistax tinżamm iktar u li, f’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 510/2006 għandu effett [eżawrjenti]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

Fuq l-ammissibbiltà

61

Skont Budvar, wieħed għandu jistaqsi fuq il-kwistjoni jekk l-ewwel domanda hijiex ta’ natura ipotetika u għalhekk inammissibbli peress illi, skont il-qorti tar-rinviju, l-ipoteżi li fuqha din hija bbażata, jiġifieri li l-kelma “Bud” kif protetta bit-trattati bilaterali inkwistjoni tikkostitwixxi isem ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indirett ma taqax taħt l-indikazzjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2081/92, opinjoni li barra minn hekk diġà ġiet adottata mill-Oberster Gerichtshof u għalhekk meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala ipoteżi ta’ dritt liġi msemmija mill-ewwel domanda magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punti 41, 54 u 77 ta’ din is-sentenza) ma tistax tiġi kkunsidrata.

62

Fil-fatt, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis li fil-preżent il-punt ta’ tluq għandu jkun il-premessa li, fir-Repubblika Ċeka, l-isem “Bud” huwa protett bħala denominazzjoni tal-oriġini kkunsidrata bħala kwalifikata, jiġifieri denominazzjoni tal-oriġini li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 510/2006, kamp ta’ applikazzjoni identiku fuq dan il-punt għal dak tar-Regolament Nru 2081/92, peress li huwa b’hekk li dan ġie rreġistrat għand l-ODPI skont l-Ftehim ta’ Liżbona, fejn huma d-denominazzjonijiet tal-oriġini kwalifikati biss li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali reġistrazzjoni.

63

F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C-333/07, Ġabra p. I-10807, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

L-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jkun hemm f’rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tikkunsidra l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara, b’mod partikolari, sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Kattner Stahlbau, C-350/07, Ġabra p. I-1513, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni ġdida tal-qorti tar-rinviju li l-isem “Bud”, kif protett bit-trattati bilaterali inkwistjoni, għandu jiġi kwalifikati bħala denominazzjoni tal-oriġini, interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tifforma l-bażi tat-tieni u t-tielet domandi preliminari f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, tikkostitwixxi ipoteżi ċerta sinjifikattivament differenti minn dik imsemmija mill-ewwel domanda fit-talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, u li ssostni wkoll l-ewwel domanda f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri jekk din kinitx indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta.

66

Madankollu ma jistax jiġi eskluż li fir-realtà dawn huma żewġ ipoteżijiet distini u a priori li jistgħu jiġu ppreveduti u li, f’dan l-istadju, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex l-intenzjoni li tiċħad b’mod definittiv l-ipoteżi tal-indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta b’mod li hija kienet qajmet l-ewwel domanda għall-każ fejn hija xorta waħda taċċetta din l-istess ipoteżi.

67

Minbarra dan, il-klassifikazzjoni bħala denominazzjoni tal-oriġini tal-isem “Bud” kif protett bit-trattati bilaterali inkwisjtoni, tikkonċerna kwistjoni rilevanti tad-dritt nazzjonali biss li tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati superjuri, dawk li barra minn hekk diġà, fil-passat taw deċiżjonijiet li fosthom kien hemm dawk li espressament taw klassifikazzjoni differenti.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li n-natura ipotetika tal-ewwel domanda mhijiex stabbilita. Għaldaqstant, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li jibbenefikaw minnha it-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma tinqalibx permezz ta’ dubji espressi minn Budvar.

69

Minn dan jirriżulta li l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

70

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi li jkun hemm ċarezza dwar il-punt 101 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq.

71

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li din l-ewwel domanda tikkonċerna l-protezzjoni tal-isem “Bud” bħala indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi skont trattati bilaterali inkwistjoni, konklużi fil-11 ta’ Ġunju 1976 u fis-7 ta’ Ġunju 1979 bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka. Għalhekk dawn huma trattati bilaterali konklużi fi żmien sew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-kawża prinċipali ma tikkonċernax is-sitwazzjoni ta’ trattati bilaterali konklużi fi żmien meta l-Istati inkwistjoni huma effettivament Stati Membri.

72

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa neċessarju li dan il-punt 101 jitqiegħed fil-kuntest tal-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħha dan il-punt jagħmel parti integrali.

73

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 54 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-ewwel domanda magħmula f’din il-kawża tieħu l-ipoteżi li l-isem “Bud” jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta, jiġifieri isem li għalih ma teżistix konnessjoni diretta bejn, minn naħa, kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott u, min-naħa l-oħra, l-oriġini ġeografika speċifika tiegħu u li, għalhekk, ma jaqax taħt l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 2081/92 (ara sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, Warsteiner Brauerei, C-312/98, Ġabra p. I-9187, punti 43 u 44), isem li, minbarra dan, mhuwiex bħala tali isem ġeografiku, iżda li tal-inqas huwa idoneu sabiex jinforma lill-konsumatur li l-prodott li għandu dan l-isem ġie minn post, minn reġjun jew minn pajjiż speċifiku (ara sentenza tal-10 ta’ Novembru 1992, Exportur, C-3/91, Ġabra p. I-5529, punt 11).

74

Filwaqt li bbażat fuq din l-ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-protezzjoni assoluta, jiġifieri indipendenti minn kull riskju ta’ qerq, ta’ indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta bħal dik mogħtija lill-isem “Bud” bit-trattati bilaterali inkwistjoni, peress illi hija tista’ toħloq restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97), tistax tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt Komunitarju.

75

Fil-punt 99 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fir-rigward ta’ protezzjoni mogħtija minn konvenzjoni bilaterali essenzjalment tal-istess natura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija diġà ddeċidiet li l-għan ta’ tali konvenzjoni li jikkonsisti li jipprevjeni li l-prodotturi ta’ Stat kontraenti jutilizzaw l-ismijiet ġeografiċi ta’ Stat ieħor, billi jużaw għalhekk ir-reputazzjoni li hija marbuta mal-prodotti tal-impriżi stabbiliti fir-reġjuni jew il-postijiet li dawn l-ismijiet jindikaw, huwa intiż sabiex jiżgura l-lealtà tal-kompetizzjoni, peress illi tali għan jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skont l-Artikolu 30 KE, sakemm l-ismijiet inkwistjoni ma jkunux kisbu, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-konvenzjoni jew wara din id-data, natura ġenerika fl-Istat ta’ oriġini (ara sentenzi Exportur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C-87/97, Ġabra p. I-1301, punt 20).

76

Fil-punt 100 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 1, 2 u 6 tal-konvenzjoni bilaterali, tali għan jikkostitwixxi l-bażi tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilit bit-trattati bilaterali inkwistjoni.

77

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 101 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, li, jekk jirriżulta minn verifiki tal-qorti tar-rinviju li, skont iċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, l-isem “Bud” jindika reġjun jew parti mit-territorju ta’ dan l-Istat u li l-protezzjoni tiegħu hija ġġustifikata fir-rigward tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE, dan ukoll ma jipprekludix li din il-protezzjoni tiġi estiża għat-territorju ta’ Stat Membru, bħal, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Awstrija.

78

Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-riferiment magħmul f’dan il-punt ta’ din is-sentenza għaċ-ċirkustanzi fattwali u għall-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, din l-espressjoni għandha tinftiehem fil-kuntest partikolari tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tad-denominazzjoni “Bud” skont trattati bilaterali inkwistjoni, li huwa li dan il-mekkaniżmu, bħal fil-każ pereżempju ta’ dak inkwistjoni fis-sentenza Exportur, iċċitata iktar ’il fuq, huwa bbażat fuq estensjoni tal-protezzjoni, bħal dik prevista fl-Istat Membru ta’ oriġini, f’dan il-każ ir-Repubblika Ċeka, għall-Istat Membru ta’ importazzjoni, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Awstrija.

79

Tali mekkaniżmu huwa kkaratterizzat mir-ċirkustanza, li tidderoga mill-prinċipju ta’ territorjalità, li l-protezzjoni mogħtija hija stabbilita bid-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll biċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti eżistenti f’dan l-Istat (sentenza Exportur, iċċitata iktar ’il fuq, punti 12, 13 u 38).

80

Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk l-isem “Bud” jikkostitwixxix indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet u kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka.

81

B’mod partikolari, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 54 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, isem ta’ provenjenza ġeografika sempliċi għandu natura indiretta jekk huwa mhuwiex bħala tali isem ġeografiku, iżda li, tal-inqas, huwa idoneu sabiex jinforma lill-konsumatur li l-prodott li għandu dan l-isem ġej min post, minn reġjun jew minn pajjiż speċifiku.

82

Għandu jiġi konkluż li, sabiex jiġi stabbilit jekk isem bħal “Bud” jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta li l-protezzjoni tagħha skont trattati bilaterali inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont iċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, dan l-isem, anki jekk mhuwiex, bħala tali, isem ġeografiku, tal-inqas huwa idoneu sabiex jinforma lill-konsumatur li l-prodott li għandu dan l-isem ġej minn reġjun jew minn parti mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

83

Min-naħa l-oħra, jekk tali eżami juri li l-isem inkwistjoni ma għandux din il-kapaċità minima li jevoka l-provenjenza ġeografika tal-prodott ikkonċernat, il-protezzjoni tiegħu ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skont l-Artikolu 30 KE u bħala prinċipju jmur kontra l-Artikolu 28 KE sakemm ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat b’mod ieħor (sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, punti 107 sa 111).

84

F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, ir-riferiment, fil-punt 101 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, li l-protezzjoni tal-isem “Bud” għandha tkun iġġustifikata fir-rigward tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE, jirriżulta minn dak li ntqal li l-qorti tar-rinviju għandha barra minn hekk tivverfika, ukoll fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali u tal-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, jekk, hekk kif huwa indikat fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, l-isem inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkunx kiseb, fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-trattati bilaterali inkwistjoni jew wara din id-data, natura ġenerika f’dan l-Istat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 99 u 100 tal-istess sentenza, li l-għan tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minn dawn it-trattati jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skont l-Artikolu 30 KE.

85

Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li jekk jirriżulta, skont verifiki msemmija fil-punti 82 u 84 ta’ din is-sentenza, li, skont iċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, l-isem “Bud” inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-inqas huwa idoneu li jinforma lill-konsumatur li l-prodott li għandu dan l-isem ġej minn reġjun jew parti mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li, skont dawn l-istess ċirkustanzi fattwali u ta’ kunċetti, dan l-isem ma kisibx, fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-trattati bilaterali inkwistjoni jew wara din id-data, natura ġenerika f’dan l-Istat Membru, jirriżulta li l-Artikoli 28 KE u 30 KE ma jipprekludux protezzjoni nazzjonali ta’ tali indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u lanqas barra minn hekk l-estensjoni ta’ din il-protezzjoni permezz ta’ trattat bilaterali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, punti 101 u 102 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel domanda, li għandha tiġi eżaminata issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk, fil-kuntest tal-verifiki li għandhom isiru minn din il-qorti, għandhiex issir stħarriġ tal-opinjoni mal-konsumaturi sabiex jiġu stabbiliti l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka u, barra minn hekk, tistaqsi liema livell ta’ fama u ta’ rikonoxximent għandu jinkiseb.

87

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, fuq dawn il-punti, id-dritt Komunitarju ma jistabbilixxi ebda dispożizzjoni partikolari.

88

Madankollu, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fuq is-suġġett, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tindika l-qrati kompetenti u li tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jieħdu minħabba l-effett dirett tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jagħmlux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C-2/06, Ġabra p. I-411, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni Komunitarja fil-qasam, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, skont id-dritt nazzjonali tagħha, hekk hemmx lok li tordna li jsir stħarriġ tal-opinjoni sabiex jiġu ċċarati ċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka sabiex tivverifika jekk l-isem “Bud” jistax jiġi kwalifikat bħala indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta u li huwa ma jkunx kiseb natura ġenerika f’dan l-Istat Membru. Huwa wkoll fir-rigward ta’ dan l-istess dritt nazzjonali li l-qorti tar-rinviju, jekk hija tqis neċessarju li tordna sħarriġa tal-opinjoni, għandha tiddetermina, għall-finijiet ta’ dawn il-verifiki, il-perċentwali ta’ konsumaturi kkunsidrata bħala biżżejjed sinjifikattiva (ara, b’analoġija, sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky, C-210/96, Ġabra p. I-4657, punti 35 kif ukoll 36).

90

Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ parti tal-ewwel domanda, li għandha tiġi eżaminata l-aħħar, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk jirriżultax mill-punt 101 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, u b’mod partikolari mir-riferiment li jsir għaċ-ċirkustanzi fattwali prevalenti fir-Repubblika Ċeka, li rekwiżiti konkreti għandhom jiġu imposti kemm fir-rigward tal-kwalità kif ukoll tat-tul tal-użu li jsir minn isem fis-sens li dan l-isem għandu effettivament ikun intuża bħala indikazzjoni ġeografika fl-Istat Membru ta’ oriġini minn diversi impriżi u mhux, bħal ma jkun il-każ għall-isem inkwistjoni fil-kawża prinċipali, unikament bħala trade mark minn impriża waħda.

91

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-punt 101 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, speċjalment jekk jitqiegħed fil-kuntest tar-raġunament li sar fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza (ara punti 73 sa 77 ta’ din is-sentenza), ma jagħtix sostenn għall-argument li l-Artikolu 30 KE jinkludi rekwiżit konkret kemm għall-kwalità kif ukoll tat-tul tal-użu li jsir minn isem fl-Istat Membru ta’ oriġini sabiex il-protezzjoni tiegħu tkun iġġustifikata fid-dawl tal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skont dan l-artikolu.

92

Fil-fatt, jirriżulta minn qari konġunt tal-punti 54 u 99 sa 101 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Artikolu 30 KE ma jipprekludix l-estensjoni mogħtija bit-trattati bilaterali inkwistjoni tal-protezzjoni speċifika prevista għall-isem “Bud” għat-territorju ta’ Stat Membru barra r-Repubblika Ċeka peress illi l-għan ta’ din il-protezzjoni jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skont dan l-artikolu, sakemm madankollu jiġi vverifikat li, skont iċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, dan l-isem jista’ jiġi kwalifikat bħala indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta u li dan ma jkunx kiseb natura ġenerika f’dan l-Istat Membru.

93

Għaldaqstant, l-Artikolu 30 KE, kif interpretat fil-punt 101 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, ma jimponix rekwiżit konkret għall-kwalità u tat-tul tal-użu li jsir minn isem fl-Istat Membru ta’ oriġini sabiex il-protezzjoni tiegħu tkun iġġustifikata fid-dawl ta’ dan l-artikolu. Il-kwistjoni jekk tali rekwiżit japplikax fil-kuntest tal-kawża prinċipali għandha tiġi stabbilita mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari s-sistema ta’ protezzjoni prevista bit-trattati bilaterali inkwistjoni.

94

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li mill-punt 101 tas-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ‘il fuq, jirriżulta li:

sabiex jiġi stabbilit jekk isem bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwxxi indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta li l-protezzjoni tagħha skont trattati bilaterali inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont iċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, dan l-isem, anki jekk mhuwiex, bħala tali, isem ġeografiku, huwiex tal-inqas idoneu sabiex jinforma lill-konsumatur li l-prodott li għandu dan l-isem huwiex ġej minn reġjun jew minn parti mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru;

il-qorti tar-rinviju għandha, minbarra dan, tivverifika, mill-ġdid fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka jekk, hekk kif huwa indikat fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, l-isem inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkunx kiseb, fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-trattati bilaterali inkwistjoni jew wara din id-data, natura ġenerika f’dan l-Istat Membru, peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 99 u 100 tal-istess sentenza, li l-għan tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilit minn dawn it-trattati jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skont l-Artikolu 30 KE;

fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni Komunitarja fil-qasam, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, skont id-dritt nazzjonali tagħha, jekk għandhiex tordna stħarriġ tal-opinjoni sabiex tiċċara ċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka sabiex jiġi vverifikat jekk l-isem “Bud” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kwalifikat bħala indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta u li dan ma jkunx kiseb natura ġenerika f’dan l-Istat Membru. Huwa wkoll fid-dawl ta’ dan l-istess dritt nazzjonali li l-qorti tar-rinviju, jekk hija tqis neċessarju li tordna stħarriġ tal-opinjoni, għandha tistabbilixxi, għall-finijiet ta’ dawn il-verifiki, il-perċentwali ta’ konsumaturi kkunsidrata suffiċjentement sinjifikattiva, u

l-Artikolu 30 ma jimponix rekwiżit konkret għall-kwalità u tat-tul tal-użu li jsir minn isem fl-Istat Membru ta’ oriġini sabiex il-protezzjoni tiegħu tkun iġġustifikata fid-dawl ta’ dan l-artikolu. Il-kwistjoni jekk tali rekwiżit japplikax fil-kuntest tal-kawża prinċipali għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari s-sistema ta’ protezzjoni prevista bit-trattati bilaterali inkwistjoni.

Fuq it-tieni domanda

95

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-sistema Komunitarja ta’ protezzjoni li jipprovdi r-Regolament Nru 510/2006 għandhiex natura eżawrjenti b’mod li dan ir-regolament jipprekludi l-applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni prevista minn trattati li jorbtu żewġ Stati Membri, bħat-trattat bilaterali inkwistjoni, li jagħtu lil isem, rikonoxxut skont il-liġi ta’ Stat Membru bħala li jikkostitwixxi denominazzjoni tal-oriġini, protezzjoni fi Stat Membru ieħor fejn din il-protezzjoni hija effettivament mitluba minkejja li ma saret ebda applikazzjoni għal reġistrazzjoni għad-denominazzjoni tal-oriġini skont dan ir-regolament.

Osservazzjonijiet preliminari

96

L-ewwel nett, għandu jitfakkar fl-ewwel lok, hekk kif intqal fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, li, skont il-qorti tar-rinviju, din id-domanda tirreferi għall-ipoteżi li, fir-Repubblika Ċeka, l-isem “Bud” huwa protett bħala denominazzjoni tal-oriġini u mhux bħala indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi.

97

Għandu jiġi rrilevat, it-tieni nett, li, sa minn meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka aderixxiet mal-Unjoni Ewropea.

98

Isegwi li, peress li t-trattati bilaterali inkwistjoni illum jikkonċernaw żewġ Stati Membri, id-dispożizzjonijiet tagħhom ma jistgħux japplikaw fir-relazzjonijiet bejn dawn l-Istati jekk huma jmorru kontra d-dritt Komunitarju, b’mod partikolari jekk imorru kontra r-regoli tat-trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Ravil, C-469/00, Ġabra p. I-5053, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Minbarra dan, għandu jiġi indikat li l-Artikolu 307 KE ma japplikax għal tali konvenzjonijiet peress li ebda Stat terz ma jagħmel parti minnhom (sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci, 235/87, Ġabra p. 5589, punt 21).

100

It-tielet nett, għandu jitfakkar li, skont il-qorti tar-rinviju, huwa bħala denominazzjoni tal-oriġini li dan l-isem ġie rreġistat u huwa dejjem protett skont il-Ftehim ta’ Liżbona.

101

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, kuntrarjament għar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tagħmilx parti minn dan il-ftehim, b’mod li l-protezzjoni li jipprovdi dan l-istess ftehim ma tistax tiġi invokata f’dan l-aħħar Stat Membru.

102

Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk in-natura eżawrjenti tar-Regolament Nru 510/2006 tipprekludix eventwali protezzjoni tal-isem inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont il-Ftehim ta’ Liżbona ma tqumx fil-kawża prinċipali.

103

Peress illi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ denominazzjoni tal-oriġini li jipprovdi l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Liżbona kienet, essenzjalment, identika għal dik tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 510/2006, jirriżulta minn dan, skont il-qorti tar-rinviju, li l-isem “Bud” jikkostitwixxi denominazzjoni tal-oriġini fis-sens ta’ dan ir-regolament.

104

Madankollu, huwa paċifiku li, illum, ma saritx applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ dan l-isem skont ir-Regolament Nru 510/2006. Ukoll mhuwiex ikkontestat li ebda applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ dan l-istess isem ma ġiet mibgħuta lill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 2081/92 fil-kuntest ta’ arranġamenti tranżitorji previsti bir-Regolament Nru 918/2004 fil-qasam ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti fl-għaxar Stati li saru Stati Membri tal-Unjoni Ewropea matul it-tkabbir ta’ qabel tal-aħħar tagħha.

105

Għaldaqstant, it-tieni domanda tirreferi għall-ipotezi li l-protezzjoni tal-isem “Bud” mitluba fir-Repubblika tal-Awstrija minn Budvar skont trattati bilaterali inkwistjoni hija fondata fuq l-estensjoni għal dan l-Istat Membru tal-protezzjoni ta’ dan l-isem bħala denominazzjoni tal-oriġini kif eżistenti fir-Repubblika Ċeka, isem li jirrispondi wkoll għad-definizzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini skont ir-Regolament Nru 510/2006.

106

Għalhekk tqum b’mod partikolari aktar il-kwistjoni jekk ir-Regolament Nru 510/2006 għandux natura eżawrjenti li tipprekludi tali protezzjoni nazzjonali u, konsegwentement, ukoll l-estensjoni ta’ din il-protezzjoni skont trattat bilaterali inkwistjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

107

Skont ġurisprudenza kostanti, ir-Regolament Nru 2081/92 għandu bħala għan li jiżgura protezzjoni uniformi, fil-Komunità, tal-ismijiet ġeografiċi li huwa jkopri kif ukoll stabbilixxa l-obbligu ta’ reġistrazzjoni Komunitarja ta’ dawn l-ismijiet sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni f’kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

Dan l-għan jirriżulta mis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 2081/92 (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol, C-129/97 u C-130/97, Ġabra p. I-3315, punti 25 kif ukoll 26), li huwa, essenzjalment identiku għall-Premessa 6 tar-Regolament Nru 510/2006, li jgħid li:

“Għandha ssir dispożizzjoni għal approċċ Komunitarju għad-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Sistema Komunitarja dwar sistema ta’ protezzjoni tippermetti l-iżvilupp ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ l-oriġini billi, filwaqt li tipprovdi approċċ aktar uniformi, sistema bħal din tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti li jkollhom indikazzjonijiet bħal dawn u jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-prodotti f’għajnuna lil-konsumatur.”

109

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-leġiżlazzjoni Komunitarja turi tendenza ġenerali li tiżdied il-kwalità tal-prodotti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, sabiex tiżdied ir-reputazzjoni tal-imsemmija prodotti, b’mod partikolari, permezz tal-użu ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini li jgawdu protezzjoni partikolari. Din it-tendenza ġiet ikkonkretizzata b’mod partikolari għall-prodotti agrikoli bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2081/92 li, fid-dawl tal-premessi tiegħu, huwa intiż b’mod partikolari sabiex jissodisfa l-istennija tal-konsumatur fil-qasam ta’ prodotti ta’ kwalità u ta’ oriġini ġeografika ċerta kif ukoll sabiex jiffaċilita l-kisba mill-produtturi, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali, tal-aħjar dħul f’korripsettiv ta’ sforz kwalitattiv reali (ara, f’dan is-sens, sentenzi Ravil, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2003, Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, C-108/01, Ġabra p. I-5121, punt 63).

110

Id-denominazzjonijiet tal-oriġini jaqgħu taħt id-drittijiet ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipproteġi lill-benefiċjarji tagħhom minn użu abbużiv tal-imsemmija denominazzjonijiet minn terzi li jixtiequ japprofittaw mir-reputazzjoni li dawn ikunu kisbu. Tali denominazzjonijiet huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l-prodott li għandu dawn id-denominazzjonijiet ikun ġej minn żona ġeografika speċifika u li għandu ċerti karatteristiċi partikulari. Huma jistgħu jgawdu reputazzjoni kbira fost il-konsumaturi u jikkostitwixxu għall-produtturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jużawhom, mezz essenzjali sabiex jiksbu klijentela. Ir-reputazzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tiddependi mill-immaġni tagħhom li jkollhom il-konsumaturi. Min-naħa tagħha, din l-immaġni tiddependi essenzjalment, mill-karatteristiċi partikolari u, b’mod iktar ġenerali, mill-kwalità tal-prodott. Hija din tal-aħħar li, fl-aħħar mill-aħħar, fuqha hija bbażata r-reputazzjoni tal-prodott. Fil-perċezzjoni tal-konsumatur, ir-rabta bejn ir-reputazzjoni tal-produtturi u l-kwalità tal-prodotti tiddependi wkoll mill-konvinzjoni tiegħu li l-prodotti mibjugħa bid-denominazzjoni tal-oriġini huma awtentiċi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ravil, punt 49, kif ukoll Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, punt 64).

111

Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 510/2006, adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 37 KE, jikkostitwixxi strument tal-politika agrikola komuni intiż essenzjalment sabiex jiżgura lill-konsumaturi li prodotti agrikoli li għandhom indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont dan ir-regolament jippreżentaw, minħabba l-provenjenza minn żona ġeografika speċifika tagħhom, ċerti karatteristiċi partikolari u, għaldaqstant, joffru garanzija ta’ kwalità dovuta għall-provenjenza ġeografika tagħhom, bl-għan li jippermetti lill-operaturi agrikoli li jkunu għamlu sforz kwalitattiv li jiksbu f’korrispettiv l-aħjar dħul u jipprekludu li terzi ma japprofittawx ruħhom abbużivament mir-reputazzjoni li tirriżulta mill-kwalità ta’ dawn il-prodotti.

112

Madankollu, jekk kien possibbli għall-Istati Membri li jippermettu lill-produtturi tagħhom li jużaw fit-territorji nazzjonali tagħhom wieħed mill-indikazzjonijiet jew wieħed mis-simboli li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 510/2006 jirriżerva għall-ismijiet irreġistrati skont dan ir-regolament, billi jibbażaw fuq dritt nazzjonali li jista’ tirrispondi għal rekwiżiti inqas vinkolanti minn dawk imposti fil-kuntest ta’ dan ir-regolament għall-prodotti inkwistjoni, din il-garanzija ta’ kwalità, li tikkostitwixxi l-funzjoni essenzjali tad-drittijiet mogħtija skont ir-Regolament Nru 510/2006, tirriskja li ma tiġix żgurata, li jista’ wkoll, fis-suq intern, jikkomprometti l-għan ta’ kompetizzjoni ugwali bejn il-produtturi ta’ prodotti li għandhom dawn l-indikazzjonijiet jew simboli u jista’, b’mod partikolari, joħloq dannu għad-drittijiet li għandhom jiġu rriżervati lill-produtturi li jkunu għamlu sforz kwalitattiv reali sabiex ikunu jistgħu jużaw indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont dan ir-regolament.

113

Dan ir-riskju ta’ ħsara lill-għan ċentrali li tiġi żgurata l-kwalità tal-prodotti agrikoli kkonċernati huwa għaldaqstant iktar importanti peress illi, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntrarjament għat-trade marks, ebda miżura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni ta’ eventwali strutturi nazzjonali ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ma ġiet adottata parallellament.

114

Għandu jiġi konkluż li l-għan tar-Regolament Nru 510/2006 mhuwiex li jistabbilixxi, minbarra regoli nazzjonali li jistgħu jkomplu jeżistu, sistema addizzjonali ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi kwalifikati, bħal pereżempju dik stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), iżda li jipprovdi sistema ta’ protezzjoni uniformi u eżawrjenti għal tali indikazzjonijiet.

115

Diversi karatteristiċi tas-sistema ta’ protezzjoni hekk kif prevista bir-Regolamenti Nru 2081/92 u 510/2006 huma b’mod qawwi favur in-natura eżawrjenti ta’ din is-sistema.

116

L-ewwel nett, kuntrarjament għall-istrutturi Komunitarji oħra ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali bħal dawk tat-trade mark Komunitarja skont ir-Regolament Nru 40/94 jew tal-varjetajiet ta’ pjanti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227, p. 1), il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tar-Regolamenti Nru 2081/92 u 510/2006 hija bbażata fuq qsim tal-kompetenzi bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni, peress li d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ isem ma tistax tittieħed mill-Kummissjoni, ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ressqilha talba għal dan il-għan u din it-talba ma tistax issir ħlief jekk l-Istat Membru jkun ivverifika li hija ġġustifikata (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C-269/99, Ġabra p. I-9517, punt 53).

117

Il-proċeduri nazzjonali ta’ reġistrazzjoni huma għalhekk integrati fil-proċedura deċiżjonali Komunitarja u jikkostitwixxu parti essenzjali minnha. Huma jistgħu jeżistu barra mis-sistema ta’ protezzjoni Komunitarja.

118

Fir-rigward tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni Komunitarja, jidher ukoll li l-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 510/2006, dispożizzjoni essenzjalment identika għall-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 2081/92 li tidħol f’dan ir-regolament permezz tar-Regolament Nru 535/97, jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jagħtu, taħt ir-responsabbiltà unika tagħhom, protezzjoni nazzjonali tranżitorja sakemm deċiżjoni tittieħed fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

119

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li, fis-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 2081/92, meta l-Istati Membri jkollhom kompetenza sabiex jieħdu deċiżjonijiet, anki jekk provviżorji, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, din il-kompetenza tirrżulta minn regoli espressi (sentenza Chiciak u Fol, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

120

Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, dispożizzjoni ta’ din in-natura ma jkollha ebda sens jekk l-Istati Membri setgħu f’kull każ jikkonservaw l-istrutturi tagħhom stess ta’ protezzjoni ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi skont ir-Regolamenti Nru 2081/92 u Nru 510/2006 u li jagħmluhom jeżistu ma’ dawn ir-regolamenti.

121

It-tieni nett, in-natura eżawrjenti tas-sistema ta’ protezzjoni kif previst bir-Regolamenti Nru 2081/92 u 510/2006 hija wkoll attestata bl-arranġamenti tranżitorji previsti għall-ismijiet nazzjonali eżistenti bħall-isem Ċek “Bud” inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

122

B’hekk, l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 stabbilixxa proċedura ta’ reġistrazzjoni msejħa simplifikata għall-ismijiet nazzjonali legalment protetti fl-Istat Membru li jkun talab ir-reġistrazzjoni tagħhom jew, fl-Istati Membri fejn sistema ta’ protezzjoni ma kinitx teżisti, ġew stabbiliti peremzz tal-użu (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2002, Bigi, C-66/00, Ġabra p. I-5917, punt 28).

123

Kien previst li, jekk ir-reġistrazzjoni tagħhom kienet mitluba f’terminu ta’ sitt xhur, il-protezzjoni nazzjonali tagħhom setgħet, taħt ċerti kundizzjonijiet tinżamm matul perijodu tranżitorju ta’ ħames snin skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, perijodu li, sussegwentement, ġie estiż għal perijodu supplementari ta’ ħames snin bir-Regolament Nru 535/97.

124

Peress li din is-sistema speċifika għall-protezzjoni tranżitorja ta’ ismijiet nazzjonali eżistenti kienet ġiet imħassra bl-Artikolu 1(15) tar-Regolament Nru 692/2003, il-Kummissjoni, bir-Regolament Nru 918/2004, ipprovdiet arranġamenti tranżitorji fil-qasam ta’ protezzjoni nazzjonali tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti fl-għaxar Stati li saru Stati Membri matul it-tkabbir ta’ qabel tal-aħħar tal-Unjoni Ewropea, ibbażati fuq dawk previsti għall-ħmistax-il Stati Membri qodma.

125

Dawn id-dispożizzjonijiet huma partikolarment rilevanti f’dan il-każ, peress illi, skont il-qorti tar-rinviju, l-isem “Bud” kien jeżisti f’dak iż-żmien bħala denominazzjoni ġeografiku fir-Repubblika Ċeka.

126

Permezz tar-Regolament Nru 918/2004, kien previst li l-protezzjoni nazzjonali tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi skont ir-Regolament Nru 2081/92 eżistenti fl-għaxar Stati Membri ġodda fit-30 ta’ April 2004 setgħet tinżamm matul sitt xhur. Madankollu, peress li l-proċedura simplifikata ma kinitx teżisti aktar, dan ir-regolament kien jipprovdi li, meta applikazzjoni għal reġistrazzjoni kellha tintbagħat f’dan it-terminu ta’ sitt xhur, din il-protezzjoni nazzjonali setgħet tinżamm sakemm deċiżjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2081/92 tittieħed mill-Kummissjoni.

127

Dan ir-regolament jikkonferma, konsegwentement, għall-għaxar Stati Membri ġodda dak li diġà kien il-każ għall-ħmistax-il Stati Membri qodma, jiġifieri li l-protezzjoni nazjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi kwalifikati eżistenti hija permessa biss jekk il-kundizzjonijiet tar-regoli ta’ dritt tranżitorju speċifikament previsti għal tali indikazzjonijiet jiġu sodisfatti, fosthom dik li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’terminu ta’ sitt xhur, ħaġa li l-awtoritajiet Ċeki kienu naqqsu li jagħmlu f’dak li jikkonċerna l-isem “Bud” inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

128

Madankollu, dawn l-istrutturi speċifiċi u, b’mod partikolari, l-awtorizzazzjoni espressa mogħtija, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-Istati Membri sabiex iżommu, b’mod tranżitorju, il-protezzjoni nazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi kwalifikati eżistenti ma jkunux ċari biżżejjed jekk is-sistema Komunitarja ta’ protezzjoni ta’ tali indikazzjonijiet kienet tippreżenta natura mhux eżawrjenti li timplika li l-Istati Membri jikkonservaw f’kull każ possibbiltà mingħajr limitu sabiex iżommu tali drittijiet nazzjonali.

129

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li s-sistema Komunitarja ta’ protezzjoni li jipprovdi r-Regolament Nru 510/2006 għandha natura eżawrjenti b’mod li dan ir-regolament jipprekudi l-applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni prevista minn trattati li jorbtu żewġ Stati Membri, bħat-trattati bilaterali inkwistjoni, li jagħtu lil isem, rikonoxxut skont il-liġi ta’ Stat Membru bħala li jikostitwixxi denominazzjoni tal-oriġini, protezzjoni fi Stat Membru ieħor fejn din il-protezzjoni hija effettivament mitluba minkejja li ma kinitx saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal din id-denominazzjoni tal-oriġini skont dan ir-regolament.

130

Fid-dawl għar-risposta tat-tieni domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

131

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Mill-punt 101 tas-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar(C-216/01) jirriżulta li:

sabiex jiġi stabbilit jekk isem bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwxxi indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta li l-protezzjoni tagħha skont trattati bilaterali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont iċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, dan l-isem, anki jekk mhuwiex, bħala tali, isem ġeografiku, huwiex tal-inqas idoneu sabiex jinforma lill-konsumatur li l-prodott li għandu dan l-isem huwiex ġej minn reġjun jew minn parti mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru;

il-qorti tar-rinviju għandha, minbarra dan, tivverifika, mill-ġdid fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u tal-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka jekk, hekk kif huwa indikat fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, l-isem inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkunx kiseb, fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-trattati bilaterali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew wara din id-data, natura ġenerika f’dan l-Istat Membru, peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej diġà ddeċidiet, fil-punti 99 u 100 tal-istess sentenza, li l-għan tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minn dawn it-trattati jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skont l-Artikolu 30 KE;

fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni Komunitarja fil-qasam, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, skont id-dritt nazzjonali tagħha, jekk hemmx lok li jiġi ordnat stħarriġ tal-opinjoni sabiex jiġu ċċarati ċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka sabiex jiġi vverifikat jekk l-isem “Bud” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kklassifikat bħala indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta u li dan ma jkunx kiseb natura ġenerika f’dan l-Istat Membru. Huwa wkoll fir-rigward ta’ dan l-istess dritt nazzjonali li l-qorti tar-riniju, jekk hija tqis neċessarju li tordna stħarriġ tal-opinjoni, għandha tistabbilixxi, għall-finijiet ta’ dawn il-verifiki, il-perċentwali ta’ konsumaturi kkunsidrata suffiċjentement sinjifikattiva, u

l-Artikolu 30 ma jimponix rekwiżit konkret għall-kwalità u tat-tul ta’ żmien tal-użu li jsir minn isem fl-Istat Membru ta’ oriġini sabiex il-protezzjoni tiegħu tkun iġġustifikata fir-rigward ta’ dan l-artikolu. Il-kwistjoni jekk tali rekwiżit japplikax fil-kuntest tal-kawża prinċipali għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari s-sistema ta’ protezzjoni prevista bit-trattati bilaterali inkwistjoni.

 

2)

Is-sistema Komunitarja ta’ protezzjoni li jipprovdi r-Regolament (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel għandha natura eżawrjenti b’mod li dan ir-regolament jipprekudi l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni prevista minn trattati li torbtu żewġ Stati Membri, bħat-trattati bilaterali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jagħtu lil isem, rikonoxxut skont il-liġi ta’ Stat Membru bħala li jikkostitwixxi denominazzjoni tal-oriġini, protezzjoni fi Stat Membru ieħor fejn din il-protezzjoni hija effettivament mitluba minkejja li ma kinitx saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal din id-denominazzjoni tal-oriġini skont dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq