Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0124

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-16 ta' Lulju 2009.
    Gilbert Snauwaert et. (C-124/08) un Géry Deschaumes (C-125/08) vs Belgische Staat.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
    Regolament (KEE) Nru 2913/92 - Kodiċi Doganali tal-Komunità - Dejn doganali - Ammont ta’ dazju - Komunikazzjoni lid-debitur - Att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali.
    Każijiet Magħquda C-124/08 u C-125/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-06793

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:469

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    16 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

    “Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Dejn doganali — Ammont tad-dazji — Komunikazzjoni lid-debitur — Att li jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali”

    Fil-Kawżi magħquda C-124/08 u C-125/08,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Frar 2008, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2008, fil-proċedura

    Gilbert Snauwaert,

    Algemeen Expeditiebedrijf Zeebrugge BVBA,

    Coldstar NV,

    Dirk Vlaeminck,

    Jeroen Den Haerynck,

    Ann De Wintere (C-124/08),

    Géry Deschaumes (C-125/08)

    vs

    Belgische Staat,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur), P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal G. Snauwaert, Algemeen Expeditiebedrijf Zeebrugge BVBA u Coldstar NV, minn J. Verbist, advocaat,

    għal J. Den Haerynck, minn E. Gevers, advocaat,

    għal A. De Wintere, minn H. Van Bavel u P. Wytinck, advocaten,

    għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, bħala aġent,

    għall-Gvern Elleniku, minn S. Spyropoulos, Z. Chatzipavlou u V. Karra, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u S. Schønberg, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 221(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Doganali”).

    2

    Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, fil-Kawża C-124/08, minn naħa, G. Snauwaert, Algemeen Expeditiebedrijf Zeebrugge BVBA, Coldstar NV, D. Vlaeminck, J. Den Haerynck u A. De Wintere u, min-naħa l-oħra il-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) u, fil-Kawża C-125/08, minn naħa G. Deschaumes u min-naħa l-oħra l-Belgische Staat fir-rigward ta’ talbiet għal irkupru a posteriori ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    L-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “1.   Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.

    […]

    3.   Komunikazzjoni lid-debitur m’għandhiex issir wara l-għeluq ta’ perjodu ta’ tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta’ att li jista’ jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista’, sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta’ dak il-perjodu ta’ tliet snin.”

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    4

    Il-kawżi prinċipali, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, jirrigwardaw diversi frodi fir-rigward tal-importazzjoni ta’ laħam mhux ammess fis-suq Ewropew li seħħew fil-Belġju f’nofs is-snin 1990.

    5

    Dawn il-frodi kienu intiżi, minn naħa, biex jitqiegħed fis-suq Ewropew laħam irħis li kien joriġina minn Stati terzi li normalment ma kienx tajjeb għall-konsum mill-bniedem skont ir-regoli nazzjonali u Komunitarji u, min-naħa l-oħra, biex jintalbu indebitament rifużjonijiet fuq l-importazzjoni.

    6

    Bħala konsegwenza tal-imsemmija frodi, ġew evażi dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward tal-merkanzija inkwistjoni, peress li l-awtoritajiet doganali kompetenti ma kellhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jiddaħħlu fil-kontijiet.

    Il-Kawża C-124/08

    7

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-124/08 jirriżulta li, fi tmiem il-proċeduri li saru, fl-ewwel istanza, quddiem il-correctionele rechtbank van Antwerpen (Qorti Kriminali ta’ Antwerp) u fl-appell, quddiem il-hof van beroep te Antwerpen (Qorti tal-Appell ta’ Antwerp), G. Snauwaert, D. Vlaeminck, J. Den Haerynck u A. De Wintere ġew ikkundannati in solidum għall-ħlas tad-dazji u t-taxxi fuq l-importazzjoni evażi kif ukoll għall-ħlas tal-interessi moratorji. Algemeen Expeditiebedrijf Zeebrugge BVBA u Coldstar NV ġew iddikjarati responsabbli taħt il-liġi ċivili għall-ammonti dovuti rispettivament minn G. Snauwaert u J. Den Haerynck.

    8

    Il-qorti tar-rinviju tindika li, insostenn tal-appell tagħhom fuq punt ta’ liġi kontra s-sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen tal-25 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokaw b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 221(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali, u sostnew li din l-aħħar imsemmija qorti ddeċidiet żbaljatament, minn naħa, li n-nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet jew id-dħul tardiv fil-kontijiet tal-ammonti tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni legalment dovuti ma jaffettwax il-fakultà tal-awtoritajiet doganali li jirkupraw a posteriori l-imsemmija dazji u, min-naħa l-oħra, li, għall-finijiet tal-estenzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha nħoloq id-dejn doganali previst fl-imsemmi paragrafu (3), mhuwiex rilevanti li jkun magħruf l-awtur tal-att li jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali li minħabba fih l-awtoritajiet ma setgħux jiddeterminaw l-imsemmi ammont.

    9

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie (Qorti ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 221(1) tal-[Kodiċi Doganali], għandu jinftiehem fis-sens li l-komunikazzjoni ta’ dejn doganali lill-persuna taxxabbli tista’ tiġi mwettqa b’mod legali biss wara li d-dejn doganali jkun iddaħħal fil-kontijiet jew, fi kliem ieħor, fis-sens li l-komunikazzjoni ta’ dejn doganali lill-persuna taxxabbli […] għandha dejjem isseħħ wara l-inklużjoni tiegħu fil-kontijiet sabiex tkun legali jew konformi [mal-imsemmija dispożizzjoni]?

    2)

    L-Artikolu 221(3) tal-[Kodiċi Doganali], għandu jinftiehem fis-sens li l-possibbiltà għall-awtoritajiet doganali biex jikkomunikaw b’mod legali l-ammont imdaħħal fil-kontijiet, wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin li jiddekorri mid-data li fiha nħoloq id-dejn doganali, meta dan id-dejn jirriżulta minn att li jista’ jagħti lok għal proċeduri f’qorti kriminali, teżisti biss fil-konfront tal-persuna li hija responsabbli għal [dan l-]att?”

    Il-Kawża C-125/08

    10

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-125/08 jirriżulta li, permezz ta’ sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen tat-2 ta’ Mejju 2007, G. Deschaumes ġie kkundannat għall-ħlas ta’ dazji u taxxi fuq l-importazzjoni evażi kif ukoll għall-ħlas tal-interessi moratorji.

    11

    Il-qorti tar-rinviju tindika li, insostenn tal-appell tiegħu fuq punt ta’ liġi kontra l-imsemmija sentenza, G. Deschaumes invoka, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, u sostna li l-hof van beroep te Antwerpen ma kkonstatatx li d-dejn doganali ddaħħal fil-kontijiet qabel ma ġie kkomunikat u li ma jirriżultax mill-atti tal-proċess tal-kawża prinċipali li dan id-dħul fil-kontijiet seħħ.

    12

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari identika għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C-124/08.

    13

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ April 2008, il-Kawżi C-124/08 u C-125/08 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

    14

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli għar-raġuni li mhumiex immotivati biżżejjed.

    15

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu jaqgħu d-domandi li hija tagħmel jew li, għall-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C-67/96, Ġabra p. I-5751, punt 39, tal-11 ta’ April 2000, Deliège, C-51/96 u C-191/97, Ġabra p. I-2549, punt 30, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, Ġabra p. I-8613, punt 38).

    16

    L-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma għandhiex tippermetti biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġibiet utli, iżda għandha wkoll tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tkun mħarsa, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Albany, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 30 u Wilson, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

    17

    F’dan il-każ, minn naħa, id-deċiżjonijiet tar-rinviju fihom biżżejjed dettalji sabiex jippermettu lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw osservazzjonijiet. Jirriżulta barra minn hekk mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Belġjan u minn dak Elleniku kif ukoll mill-Kummissjoni li dawn setgħu effettivament jieħdu pożizzjoni fuq id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    18

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija suffiċjentement informata mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lilha sabiex tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula.

    19

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula.

    Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C-124/08 u fuq l-unika domanda fil-Kawża C-125/08

    20

    Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni mill-awtoritajiet doganali lid-debitur, skont il-proċeduri xierqa, tal-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li għandu jitħallas tista’ ssir validament biss jekk l-ammont ta’ dawn id-dazji jkun iddaħħal fil-kontijiet preċedentement mill-imsemmija awtoritajiet.

    21

    F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi mfakkar li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li d-dħul fil-kontijiet li, skont l-Artikolu 217(1) tal-imsemmi Kodiċi, jikkonsisti fid-dħul tal-ammont tad-dazji, mill-awtoritajiet doganali, fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti, għandu bilfors jippreċedi l-komunikazzjoni lid-debitur tal-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni (sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C-201/04, Ġabra p. I-2049, punt 46).

    22

    Fil-fatt, tali żvolġiment kronoloġiku tal-proċeduri ta’ dħul fil-kontijiet u ta’ komunikazzjoni tal-ammont tad-dazji, affermat fit-titolu stess tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali, “Dħul fil-kontijiet u komunikazzjoni ta’ l-ammont tad-dazju lid-debitur”, għandu jiġi rrispettat sabiex ma jiġux ikkawżati differenzi ta’ trattament bejn il-persuni responsabbli għall-ħlas u, konsegwentement, isir dannu għall-funzjonament armonjuż tal-unjoni doganali (sentenza Molenbergnatie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    23

    Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C-124/08 u għall-unika domanda magħmula fil-Kawża C-125/08 għandha tkun li l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni mill-awtoritajiet doganali lid-debitur, skont il-proċeduri xierqa, tal-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li għandu jitħallas tista’ ssir b’mod validu biss jekk l-ammont ta’ dawn id-dazji jkun iddaħħal fil-kontijiet preċedentement mill-imsemmija awtoritajiet.

    Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C-124/08

    24

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha jinħoloq id-dejn doganali, l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jistgħu jikkomunikaw b’mod validu l-ammont tad-dazji li għandu jiġi rkuprat biss fil-konfront tal-persuna li hija responsabbli għall-att li jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali li minħabba fih l-awtoritajiet doganali ma setgħux jiddeterminaw l-ammont eżatt tal-imsemmija dazji.

    25

    B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-espressjoni “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali” użata fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tkopri l-atti li, skont l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu qed jippruvaw jiksbu rkupru a posteriori, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala reati fis-sens tad-dritt kriminali nazzjonali [ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1697/79, tal-24 ta’ Lulju 1979, dwar l-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni li ma ntalbux mill-persuna taxxabbli fir-rigward ta’ merkanzija ddikjarata għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu li jitħallsu dawn id-dazji (ĠU L 197, p. 1), is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1991, Meico-Fell, C-273/90, Ġabra p. I-5569, punt 9].

    26

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża wkoll li l-klassifikazzjoni ta’ att, mill-awtoritajiet doganali, bħala “att li jista’ jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali” ma tikkostitwixxix konstatazzjoni li effettivament twettaq reat kriminali. L-imsemmija klassifikazzjoni ssir biss fil-kuntest u għall-finijiet ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva li l-uniku għan tagħha huwa li tippermetti lill-imsemmija awtoritajiet jirrimedjaw għal ġbir inkorrett jew insuffiċjenti ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1697/79, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, ZF Zefeser, C-62/06, Ġabra p. I-11995, punt 28).

    27

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, il-komunikazzjoni tal-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni li għandu jitħallas għandha ssir fil-konfront tad-debitur tad-dejn doganali.

    28

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel sentenza tal-paragrafu (3) tal-imsemmi Artikolu tistipula regola ta’ preskrizzjoni li skontha din il-komunikazzjoni ma tistax issir wara li jkun skada t-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha jinħoloq id-dejn doganali.

    29

    Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, it-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu tipprovdi li l-awtoritajiet doganali jistgħu, sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, iwettqu tali komunikazzjoni wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu meta jkun bħala riżultat ta’ att li jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt tad-dazji legalment dovuti.

    30

    Konsegwentement, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-ammont tad-dazji jista’ jiġi kkomunikat lid-debitur wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin meta, wara li twettaq att li jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali, l-awtoritajiet doganali inizjalment ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt tad-dazji legalment dovuti, inkluż meta l-imsemmi debitur ma jkunx l-awtur ta’ dan l-att.

    31

    Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-użu tal-kliem “komunikazzjoni bħal dik” fit-tieni sentenza tal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, li jirreferu għall-kliem “[k]omunikazzjoni lid-debitur” li jinsabu fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma tillimitax il-komunikazzjoni tad-dazji li għandhom jitħallsu biss lid-debitur li jkun l-awtur tal-att li jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali.

    32

    Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C-124/08 għandha tkun li l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali jistgħu jikkomunikaw b’mod validu lid-debitur l-ammont tad-dazji legalment dovuti wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha jinħoloq id-dejn doganali meta l-ammont eżatt tal-imsemmija dazji ma setax jiġi ddeterminat mill-imsemmija awtoritajiet bħala riżultat ta’ att li jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali, inkluż meta l-imsemmi debitur ma jkunx l-awtur ta’ dan l-att.

    Fuq l-ispejjeż

    33

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 221(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni mill-awtoritajiet doganali lid-debitur, skont il-proċeduri xierqa, tal-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li għandu jitħallas tista’ ssir b’mod validu biss jekk l-ammont ta’ dawn id-dazji jkun iddaħħal fil-kontijiet preċedentement mill-imsemmija awtoritajiet.

     

    2)

    L-Artikolu 221(3) tar-Regolament Nru 2913/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali jistgħu jikkomunikaw b’mod validu lid-debitur l-ammont tad-dazji legalment dovuti wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha jinħoloq id-dejn doganali meta l-ammont eżatt tal-imsemmija dazji ma setax jiġi ddeterminat mill-imsemmija awtoritajiet bħala riżultat ta’ att li jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali, inkluż meta l-imsemmi debitur ma jkunx l-awtur ta’ dan l-att.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq