EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0428

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Lulju 2009.
The Queen, fuq talba ta' Mark Horvath vs Secretary of State for Environment, Food and Rural Affairs.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) - ir-Renju Unit.
Politika agrikola komuni - Skemi diretti ta’ appoġġ - Regolament (KE) Nru 1782/2003 - Artikolu 5 u Anness IV - Rekwiżiti minimi għall-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba - Manutenzjoni ta’ mogħdijiet li fir-rigward tagħhom hemm servitujiet ta’ jedd ta’ mogħdija - Implementazzjoni minn Stat Membru - Trasferiment ta’ kompetenzi lill-awtoritajiet reġjonali ta’ Stat Membru - Diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju.
Kawża C-428/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-06355

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:458

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

“Politika agrikola komuni — Skemi ta’ appoġġ dirett — Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Artikolu 5 u Anness IV — Rekwiżiti minimi għall-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba — Manutenzjoni ta’ mogħdijiet li fir-rigward tagħhom hemm servitujiet ta’ dritt ta’ passaġġ — Implementazzjoni minn Stat Membru — Trasferiment ta’ kompetenzi lill-awtoritajiet reġjonali ta’ Stat Membru — Diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju”

Fil-Kawża C-428/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Settembru 2007, fil-kawża

The Queen, fuq talba ta’:

Mark Horvath

vs

Secretary of State for Environment, Food and Rural Affairs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, J.N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Makarczyk, U. Lõhmus (Relatur), A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Mark Horvath, minn M. Sheridan, barrister, R. Barker, solicitor, u A. Stanič, solicitor advocate,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs u I. Rao, bħala aġenti, assistiti minn Lord Davidson of Glen Clova, QC, u D. Wyatt, QC,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn N. Travers, BL,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Banks u F. Erlbacher, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 u tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Horvath u s-Secretary of State for Environment, Food and Rural Affairs (Ministeru għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali, iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”), dwar il-leġiżlazzjoni, adottata għat-territorju tal-Ingilterra, li tiddefinixxi r-rekwiżiti minimi għall-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (iktar ’il quddiem il-“KAAT” kif stabbiliti fl-Artikolu 5 u fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Ir-Regolament Nru 1782/2003 ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 36 KE, 37 KE u 299(2) KE.

4

Skont il-Premessa 1 ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet komuni għall-pagamenti diretti taħt il-varji skemi ta’ appoġġ għad-dħul fl-isfond tal-politika agrikola komuni.

5

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament, b’mod partikolari, jistabbilixxi regoli komuni fuq pagamenti diretti taħt skemi ta’ appoġġ għad-dħul fl-isfond tal-politika agrikola komuni li huma ffinanzjati mit-Taqsima “Garanzija” tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), kif ukoll appoġġ għad-dħul għall-bdiewa, jiġifieri l-iskema ta’ pagament uniku (iktar ’il quddiem l-“IPU”).

6

L-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 1782/2003 jiddefinixxi pagament dirett bħala pagament mogħti direttament lill-bdiewa taħt skema ta’ appoġġ għad-dħul imniżżla fl-Anness I tal-imsemmi regolament. L-IPU tinstab f’dan l-anness.

7

It-Titolu II tar-Regolament Nru 1782/2003 jinkludi l-Kapitolu 1 intitolat “Cross compliance” li huwa kompost mill-Artikoli 3 sa 9. L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “[b]idwi li jirċievi pagamenti diretti għandu jirrispetta l-kondizzjonijiet [rekwiżiti] amministrattivi statutarji msemmija fl-Anness III, skond il-kalendarju mniżżel f’dak l-Anness, u l-[KAAT] stabbilita taħt l-Artikolu 5”.

8

Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, ir-rekwiżiti amministrattivi statutarji msemmija fl-Anness III ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja f’oqsma differenti, b’mod partikolari f’dak tal-ambjent.

9

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraaw li l-art agrikola kollha, speċjalment art li m’għadiex tintuża għall-skopijiet ta’ produzzjoni, tinżamm f’kondizzjoni agrikola and [u] ambjentali tajba. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, il-kondizzjonijiet [rekwiżiti] minimi għall-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba fuq il-bażi tal-qafas stabbilit fl-Anness IV, wara li jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi taż-żoni konċernati, inklużi l-kondizzjonijiet tal-ħamrija u klimatiċi, sistemi tal-biedja eżistenti, użu ta’ l-art, newba ta’ l-uċuh tar-raba’, prattiċi tal-biedja, u strutturi ta’ l-irziezet. Dan hu mingħajr preġudizzju għall-’istandards’ li jirregolaw il-prattiċi agrikoli tajba kif applikati fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 u tal-miżuri agri-ambjentali applikati ’il fuq mil-livell ta’ referenza ta’ prattiċi agrikoli tajba.”

10

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1782/2003, meta l-KAAT jew ir-rekwiżiti amministrattivi statutarji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament mhumiex osservati, bħala riżultat ta’ azzjoni jew ommissjoni direttament attribwita lill-bidwi kkonċernat, l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għandu jingħata fis-sena kalendarja li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza, u wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11, għandu jitnaqqas jew jiġi kkanċellat.

11

L-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 intitolat “Il-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba msemmija fl-Artikolu 5” jipprovdi kif ġej:

Suġġett

Standards

Taħfir tal-ħamrija: Protezzjoni tal-ħamrija permezz ta’ miżuri xierqa

Għata minima ta’ ħamrija

Amministrazzjoni minima tal-art li tirrifletti kondizzjonijiet speċifiċi tas-siti

Żamma ta’ għelieqi mtarrġin

Materja organika tal-ħamrija: Manteniment [Manutenzjoni] tal-livelli tal-materja organika tal-ħamrija permezz ta’ prattiċi xierqa

Standards għan-newba tal-uċuh tar-raba’ fejn applikabbli

Amministrazzjoni ta’ art qasbija li tinħarat

Struttura tal-ħamrija: Manteniment [Manutenzjoni] tal-istruttura tal-ħamrija permezz ta’ miżuri xierqa

Użu xieraq tal-makkinarju

Livell minimu ta’ manteniment [manutenzjoni]: Żgura livell minimu ta’ manteniment [manutenzjoni]: u evita t-taħsir tal-ambjenti naturali

Rati minimi ta’ stocking ta’ bhejjem jew/u reġimi xierqa

Protezzjoni tal-mergħa permanenti

Żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ

Evita t-tnaqqir ta’ art agrikola mill-veġetazzjoni mhux mixtieqa

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12

Matul is-sena 1998, il-Parlament tar-Renju Unit adotta leġiżlazzjoni li tipprevedi “devoluzzjoni” (“devolution)” ta’ kompetenzi f’ċerti oqsma lill-Iskozja, lil Wales u lill-Irlanda ta’ Fuq. Bħala regola ġenerali, fl-oqsma kkonċernati l-Gvern tar-Renju Unit jintervjeni biss fir-rigward tal-Ingilterra. Skont il-kliem kemm tal-imsemmija leġiżlazzjoni kif ukoll ta’ Devolution Memorandum of Understanding li, fil-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ intenzjoni politika, tikkompleta lil din tal-aħħar, l-awtoritajiet reġjonali għandhom jimplementaw, fl-isferi ta’ kompetenzi rispettivi tagħhom, l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jaġixxu jew jilleġiżlaw b’mod li huwa inkompatibbli ma’ dan. Il-leġiżlazzjoni fuq id-devoluzzjoni tal-kompetenzi tagħti lill-ministri tar-Renju Unit setgħa residwali li tippermettilhom jintervjenu meta dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn l-obbligi.

13

Il-politika agrikola komuni inġenerali u l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003 b’mod partikolari jiffurmaw parti mill-oqsma kkonċernati mill-imsemmija devoluzzjoni u jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ kull waħda mill-awtoritajiet reġjonali.

14

Bil-għan li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1782/2003, is-Secretary of State, għall-Ingilterra biss, u kull waħda mill-awtoritajiet reġjonali adottaw regoli speċifiċi li jiddefinixxu, għall-KAAT, rekwiżiti minimi li huma parzjalment differenti.

15

Fl-Ingilterra, ir-regoli rilevanti huma d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-2004 dwar l-iskemi ta’ pagament uniku u ta’ appoġġ fil-kuntest tal-politika agrikola komuni (cross compliance) [The Common Agricultural Policy Single Payment and Support Schemes (Cross Compliance) (England) Regulations 2004 (SI 2004/3196, iktar ’il quddiem ir-“Regoli Ingliżi”]. L-istandards tal-KAAT huma ddefiniti fl-Iskeda (“Schedule”) tar-Regoli Ingliżi, li l-paragrafi 26 sa 29 tagħha, intitolati, “Servitujiet ta’ dritt ta’ passaġġ pubbliku” (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) jipprevedu:

“26.

Bidwi m’għandux

a)

mingħajr awtorizzazzjoni jew ġustifikazzjoni legali, iħarbat il-wiċċ ta’ mogħdija għall-mixi viżibbli, mogħdija għaż-żwiemel viżibbli, jew kwalunkwe passaġġ pubbliku viżibbli ieħor li jinkludi jew jikkonsisti fi triq għajr triq żviluppata, b’tali mod li jiġi ostakolat l-eżerċitar tal-dritt ta’ passaġġ pubbliku; jew

b)

mingħajr awtorizzazzjoni jew ġustifikazzjoni legali, jostakola volontarjament il-moviment liberu fuq passaġġ pubbliku viżibbli.

27.

Il-bidwi huwa obbligat li jżomm kull taraġ, xatba jew struttura simili mhux imsemmija fl-Artikolu 146(5) tal-Highways Act [Liġi dwar il-passaġġi pubbliċi] 1980 li jkunu jinsabu f’mogħdija għall-mixi viżibbli jew f’mogħdija għaż-żwiemel viżibbli fi stat li jippermetti li jiġi evitat kwalunkwe ostaklu mhux raġonevoli għad-drittijiet tal-persuni li jużaw dik il-mogħdija għall-mixi jew dik il-mogħdija għaż-żwiemel.

28.

1)

Meta bidwi jkun ħarbat il-wiċċ ta’ mogħdija għall-mixi viżibbli jew ta’ mogħdija għaż-żwiemel viżibbli (bl-eċċezzjoni ta’ mogħdijiet max-xifer ta’ għalqa) fil-każijiet awtorizzati fl-Artikolu 134 tal-Highways Act 1980, huwa obbligat, li fiż-żmien previst fl-Artikolu 134(7) tal-istess Att, li eventwalment jista’ jiġi estiż skont l-Artikolu 134(8):

a)

jerġa’ jirranġa l-wiċċ tal-mogħdija għall-mixi viżibbli jew tal-mogħdija għaż-żwiemel viżibbli f’wisa’ li jkun ta’ mill-inqas ugwali għall-wisa’ minimu tagħha b’tali mod li jkun jista’ jiġi eżerċitat il-jedd ta’ mogħdija taħt kundizzjonijiet raġonevoli

b)

jiddelimita l-mogħdija għall-mixi jew il-mogħdija għaż-żwiemel fuq l-art f’wisa’ li jkun ta’ mill-inqas ugwali għall-wisa’ minimu tagħha sabiex tkun tista’ tingħaraf mill-persuni li jkunu jixtiequ jużawha

2)

Il-kliem “wisa’ minimu”, fir-rigward ta’ passaġġ pubbliku għandhom l-istess tifsira bħal fl-Iskeda 12A tal-Highways Act 1980

29.

Fil-paragrafi 26, 27 u 28 ta’ dan l-Anness, il-kliem:

‘mogħdija għaż-żwiemel’, ‘triq’, ‘mogħdija max-xifer ta’ għalqa’, ‘mogħdija għall-mixi’u ‘triq żviluppata’ għandhom it-tifsiriet indikati fl-Artikolu 329(1) tal-Highways Act 1980; ‘passaġġ pubbliku’ għandu t-tifsira indikata fl-Artikolu 328 tal-Highways Act 1980 u ‘viżibbli’ tfisser identifikabbli bħala passaġġ minn persuna b’vista normali li tużah bil-mixi jew biż-żiemel”.

16

Ir-regoli li jiddefinixxu l-istandards tal-KAAT adottati mill-awtoritajiet reġjonali tal-Iskozja, ta’ Wales u tal-Irlanda ta’ Fuq ma jistipolawx rekwiżiti ekwivalenti għal dawk imsemmija fid-dispożizzjonijiet fil-kawża prinċipali.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li M. Horvath, bidwi fl-Ingilterra, għandu drittijiet għal pagament taħt l-IPU. L-artijiet tiegħu huma suġġetti għal servitujiet ta’ dritt ta’ passaġġ pubbliku kif imsemmija fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

18

Dan il-bidwi ppreżenta rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) tal-imsemmija dispożizzjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari huwa jargumenta, minn naħa, li s-Secretary of State ma kellux dritt jinkludi dispożizzjonijiet dwar is-servitujiet ta’ dritt ta’ passaġġ pubbliku fost ir-rekwiżiti minimi għall-KAAT li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1782/2003, iwassal għal tnaqqis tal-pagamenti taħt l-IPU. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkunsidra li l-inklużjoni ta’ tali dispożizzjonijiet fir-regoli Ingliżi, filwaqt li r-regoli stabbiliti għall-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq ma jinkludux rekwiżiti simili, tikkostitwixxi diskriminazzjoni li għandha bħala effett li tinvalida d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

19

Il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi li rispettivament jikkonċernaw dawn iż-żewġ punti tal-kawża pendenti quddiemha. Fir-rigward tat-tieni domanda, is-Secretary of State ppreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), li ċaħdet dan l-appell. Sussegwentement, il High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), irrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“Meta Stat Membru jħaddan sistema ta’ devoluzzjoni tal-kompetenzi lil awtoritajiet reġjonali, u li fiha l-Gvern ċentrali għandu l-poter li jaġixxi għat-territorju kollu tal-Istat Membru sabiex jassigura l-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont id-dritt Komunitarju, u fil-kuntest tar-[Regolament Nru 1782/2003]:

1)

Stat Membru jista’ jinkludi rekwiżiti marbuta mal-manutenzjoni ta’ servitujiet ta’ dritt ta’ passaġġ pubbliku viżibbli fost [l-istandards] tal-[KAAT] ddefiniti mill-Artikolu 5 u mill-Anness IV tar-[Regolament Nru 1782/2003]?

2)

Meta s-sistema kostituzzjonali ta’ Stat Membru tipprovdi li awtoritajiet reġjonali għandhom kompetenza leġiżlattiva fir-rigward ta’ partijiet differenti ta’ dan l-Istat Membru, il-fatt li dawn il-partijiet differenti jkollhom standards differenti għal dak li jirrigwarda l-[KAAT] skont l-Artikolu 5 u l-Anness IV tar-[Regolament Nru 1782/2003] jista’ jimplika diskriminazzjoni mhux aċċettabbli?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk Stat Membru jistax jinkludi, fost l-istandards tal-KAAT imsemmija fl-Artikolu 5 u fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003, rekwiżiti dwar il-manutenzjoni tal-mogħdijiet viżibbli li fir-rigward tagħhom hemm servitujiet ta’ dritt ta’ passaġġ pubbliku.

Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

21

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jipproponi li din id-domanda tingħata risposta negattiva. Huwa jqis li r-referenza, fl-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1782/2003, għall-kundizzjonijiet komuni għall-pagamenti diretti fil-kuntest tal-iskemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni tfisser li, f’dan il-qasam, għandu jkun hemm numru ta’ regoli bażiċi intiżi sabiex jintegraw standards bażiċi f’dan il-qasam, b’mod partikolari, ta’ KAAT li, bħala regola ġenerali, għandhom ikunu l-istess għall-operaturi kollha fit-territorju kollu tal-Komunità Ewropea. Ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-KAAT stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-istess regolament li għandhom ikunu sodisfatti sabiex jirċievu pagamenti diretti huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u l-Istati Membri ma jistgħux legalment jimponu kundizzjonijiet addizzjonali f’parti waħda jew iktar tat-territorju tagħhom. Id-dispożizzjonijeit inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala rekwiżiti minimi għaliex dawn jinvolvu piżijiet addizzjonali sinjifikattivi għall-bdiewa.

22

Skont M. Horvath, anki jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jitqiesu bħala li jistabbilixxu kundizzjonijiet ambjentali, dawn ma jikkostitwixxux rekwiżiti relatati mal-KAAT. Peress li r-Regolament Nru 1782/2003 huwa ġuridikament imsejjes fuq l-artikoli tat-Trattat KE relatati mal-agrikoltura, il-komponent ambjentali tal-KAAT għandu jitqies mhux bħala dispożizzjoni awtonoma li tipprevedi standards purament ambjentali, iżda, għall-kuntrarju, bħala li tipprevedi biss standards li huma rilevanti fil-qasam agrikolu. Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, l-Istituzzjonijiet Komunitarji biss għandhom is-setgħa jistabbilixxu r-regoli dwar ir-rekwiżiti ambjentali marbuta mad-drittijiet għall-IPU, rekwiżiti li jinsabu fl-Anness III ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu miżuri agroambjentali li l-applikazzjoni tagħhom taqbeż il-livell ta’ referenza tal-prattiċi agrikoli tajba u li għaldaqstant huma esklużi mill-KAAT, skont l-aħħar parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament.

23

Fl-aħħar nett, huwa tal-opinjoni li l-mogħdijiet li fir-rigward tagħhom hemm servitujiet ta’ jedd ta’ mogħdija, bħal dawk imsemmija fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux ikunu kklassifikati bħala karatteristiċi tal-pajsaġġ skont l-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 peress li dawn m’għandhomx sustanza u mhumiex permanenti minħabba l-fatt li, filwaqt li dawn għandhom neċessarjament ikunu stabbiliti mill-ġdid, dawn jistgħu xorta waħda jkunu legalment meqruda mill-bdiewa matul kull perijodu ta’ ħsad. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ tali servitujiet fuq dawn il-mogħdijiet ma tgħinx biex jiġi evitat it-taħsir tal-ambjenti naturali fis-sens tal-imsemmi anness.

24

Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li l-imsemmija mogħdijiet jistgħu jikkostitwixxu karatteristiċi tal-pajsaġġ u li l-manutenzjoni tagħhom tista’, għaldaqstant, tifforma waħda mir-rekwiżiti minimi għall-KAAT msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1782/2003.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

25

L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li mill-kliem stess tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta li l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li l-art agrikola tinżamm f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba. Għal dan il-għan huma għandhom jiddefinixxu, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, rekwiżiti minimi “fuq il-bażi tal-qafas stabbilit fl-Anness IV” ta’ dan ir-regolament li jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi taż-żoni kkonċernati.

26

Għalkemm huma u jiddefinixxu dawn ir-rekwiżiti l-Istati Membri huma għaldaqstant obbligati jirrispettaw l-imsemmi anness, dan xorta waħda jħallilhom ċerta setgħa diskrezzjonali, permezz tal-użu ta’ kunċetti u ta’ kliem ġenerali, fir-rigward tad-determinazzjoni konkreta tal-imsemmija rekwiżiti.

27

Barra minn hekk, mill-kliem stess tal-espressjoni “kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba” jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw KAAT għal finijiet ambjentali.

28

Din il-konstatazzjoni ma tistax tkun infirmata mill-fatt li r-Regolament Nru 1782/2003 huwa b’mod partikolari bbażat fuq l-Artikoli 36 KE u 37 KE, li jaqgħu taħt it-Titolu II tat-Tielet Parti tat-Trattat, intitolat “Agrikoltura”, u mhux fuq l-artikoli li jinsabu fit-Titolu XIX tal-istess parti tat-Trattat, intitolat “L-Ambjent”.

29

Fil-fatt, inkwantu r-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent, li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità, għandhom, skont l-Artikolu 6 KE, “ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji”, tali ħarsien għandu jkun ikkunsidrat bħala għan li jagħmel ukoll parti mill-politika komuni fil-qasam tal-agrikoltura. Il-leġiżlatur Komunitarju għalhekk jista’, fuq il-bażi tal-Artikoli 36 KE u 37 KE, jiddeċiedi li jippromwovi l-ħarsien tal-ambjent (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C 440/05, Ġabra p. I-9097, punt 60). Għaldaqstant, il-miżuri intiżi għal tali ħarsien, adottati fil-kuntest ta’ att Komunitarju bbażat fuq l-imsemmija Artikoli 36 KE u 37 KE, mhumiex limitati għal dawk intiżi sabiex jilħqu kunsiderazzjonijiet agrikoli.

30

Barra minn hekk, il-fatt li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, ir-rekwiżiti amministrattivi statutarji huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ambjent bl-ebda mod ma jimplika li r-rekwiżiti minimi għall-KAAT, hekk kif definiti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament ma jistgħux ukoll jaqgħu taħt il-qasam tal-ambjent.

31

Barra minn hekk, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta li d-definizzjoni, mill-Istati Membri, tar-rekwiżiti minimi għall-KAAT m’għandha ebda effett fuq il-klassifikazzjoni jew le ta’ dawn il-miżuri bħala miżuri agroambjentali.

32

Minn dan jirriżulta li obbligu ta’ manutenzjoni tal-mogħdijiet viżibbli li fir-rigward tagħhom hemm servitujiet ta’ dritt ta’ passaġġ pubbliku, bħal dak li jinsab fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’, anki jekk dan m’għandu ebda għan agrikolu iżda huwa ta’ natura ambjentali, jikkostitwixxi rekwiżit minimu fir-rigward tal-KAAT inkwantu dan jifforma parti mill-kuntest stabbilit fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003.

33

Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk tali mogħdijiet jistgħux, hekk kif iqisu l-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, jikkostitwixxu karatteristiċi tal-pajsaġġ, li ż-żamma tagħhom tinstab fost l-istandards imsemmija fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003.

34

Peress li l-kunċett ta’ “karatteristiċi tal-pajsaġġ” mhuwiex definit fir-Regolament Nru 1782/2003, hemm lok li dan jiġi interpretat, hekk kif tagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha, billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens normali tiegħu kif ukoll il-kuntest li fih dan huwa ġeneralment użat.

35

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-bżonn ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju jeskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jkun ikkunsidrat waħdu f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, imma jeżiġi kuntrarjament li jkun interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħrajn (sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1998, Mecklenburg, C-321/96, Ġabra p. I-3809, punt 29, u tad-29 ta’ Jannar 2009, Consiglio Nazionale degli Ingegneri, C-311/06, Ġabra p. I-415, punt 53). Għaldaqstant l-espressjoni “particularités topographiques” (karatteristiċi tal-pajsaġġ), li tinstab fil-verżjoni Franċiża tar-Regolament Nru 1782/2003, għandha għaldaqstant tkun imqabbla, pereżempju, mal-frażi “landscape features” (karatteristiċi topografiċi) użata fil-verżjoni Ingliża ta’ dan ir-regolament.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jipprekludi li mogħdijiet li fir-rigward tagħhom hemm servitujiet ta’ dritt ta’ passaġġ pubbliku, bħal dawk li jissemmew fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikunu definiti bħala karatteristiċi tal-pajsaġġ, peress li biss il-mogħdijiet viżibbli huma msemmija fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

37

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “karatteristiċi tal-pajsaġġ” li, b’mod partikolari, teskludi l-elementi li jirriżultaw mill-influwenzi tal-bniedem, tkun kuntrarja għas-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom meta jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-KAAT.

38

Il-qerda temporanja ta’ karatteristiċi tal-pajsaġġ, kif ukoll, kif jidher possibbli, f’ċerti ċirkustanzi, fil-każ tal-mogħdijiet inkwistjoni fil-kawża, ma tistax fiha nnifisha tippreġudika n-natura permanenti tagħhom. Fil-fatt, l-elementi naturali, bħall-veġetazzjoni jew il-meddet tal-ilma, jistgħu min-naħa tagħhom jissubixxu effetti staġunjarji mingħajr madankollu ma jieqfu jkunu kkunsidrati bħala li jifformaw parti mill-pajsaġġ. Din il-konstatazzjoni tapplika iktar u iktar għal dawn il-mogħdijiet peress li mill-paragrafu 28(1) tal-Iskeda tar-regoli Ingliżi jirriżulta li bidwi li jkun ħarbat, b’mod awtorizzat, il-wiċċ ta’ mogħdija għall-mixi viżibbli jew ta’ mogħdija għaż-żwiemel viżibbli huwa obbligat li jerġa’ jirranġah fiż-żmien previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

39

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat sa fejn l-obbligu ta’ manutenzjoni ta’ tali mogħdijiet jista’ jikkostitwixxi miżura li tapplika l-istandard li jinsab fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 li jikkonsisti fiż-żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ.

40

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-imsemmi standard jista’ jkollu żewġ komponenti ambjentali.

41

L-ewwel nett, il-karatteristiċi tal-pajsaġġ jikkostitwixxu komponenti fiżiċi tal-ambjent. Fir-rigward ta’ dan l-aspett, ir-rekwiżiti dwar iż-żamma ta’ dawn il-partikolaritajiet għandhom jikkontribwixxu għall-preżervazzjoni tagħhom bħala komponenti fiżiċi.

42

L-obbligi ta’ manutenzjoni jistgħu jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ tali mogħdijiet bħala komponenti fiżiċi tal-ambjent.

43

It-tieni nett, l-istandards dwar iż-żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ, li jinsabu fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003, huma assoċjati f’dan l-anness, mal-kwistjoni ta’ “Livell minimu ta’ manteniment [manutenzjoni]: Żgura livell minimu ta’ manteniment [manutenzjoni]: u evita t-taħsir tal-ambjenti naturali” Minn dan jirriżulta li obbligu li jirriżulta minn dawn l-istandards jista’ jkollu l-għan ambjentali li jiġi evitat it-taħsir tal-ambjenti naturali, mingħajr mhuwa neċessarju, hekk kif jindika l-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet tiegħu, li l-miżuri nazzjonali intiżi għaż-żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ u sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ manutenzjoni jkollhom ukoll tali għan.

44

Issa, kif irrilevaw il-qorti tar-rinviju kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, il-mogħdijiet bħal dawk imsemmija fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jikkontribwixxu lejn iż-żamma tal-ambjenti naturali.

45

F’dan il-każ, ir-rekwiżiti dwar iż-żamma tal-imsemmija mogħdijiet għandhom jikkontribwixxu sabiex jiġi evitat it-taħsir tal-ambjenti naturali. Jidher li l-obbligi li jirriżultaw mill-għan stipulat f’dawn id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa li jiġi garantit l-eżerċizzju tal-dritt ta’ passaġġ pubbliku, huma adatti sabiex jikkontribwixxu għal dan.

46

Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula tkun li Stat Membru jista’ jinkludi, fost l-istandards tal-KAAT msemmija fl-Artikolu 5 u fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003, rekwiżiti dwar il-manutenzjoni tal-mogħdijiet viżibbli li fir-rigward tagħhom hemm servitujiet ta’ dritt ta’ passaġġ pubbliku, sakemm l-imsemmija rekwiżiti jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ dawn il-mogħdijiet bħala karatteristiċi tal-pajsaġġ jew, jekk ikun il-każ, sabiex jiġi evitat it-taħsir tal-ambjenti naturali.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta s-sistema kostituzzjonali ta’ Stat Membru tipprovdi li l-awtoritajiet reġjonali għandhom kompetenza leġiżlattiva, l-adozzjoni biss, mill-imsemmija awtoritajiet, ta’ standards differenti dwar il-KAAT skont l-Artikolu 5 u l-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 tikkostitwixxix diskriminazzjoni kuntrarja għad-dritt Komunitarju.

48

L-ewwel nett, hemm lok li jingħad li, billi ta lill-Istati Membri l-kompitu li jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi għall-KAAT, il-leġiżlatur Komunitarju tagħhom il-possibbiltà li jieħdu inkunsiderazzjoni differenzi reġjonali eżistenti fit-territorju tagħhom.

49

Għandu wkoll jiġi mfakkar li, meta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew tar-regolamenti jagħtu setgħat lill-Istati Membri jew jimponulhom obbligi għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-kwistjoni dwar bl-liema mod l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat u l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi jistgħu jkunu fdati mill-Istati Membri lil organi interni speċifiċi taqa’ biss taħt is-sistema kostituzzjonali ta’ kull Stat (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1971, International Fruit Company et, 51/71 sa 54/71, Ġabra p. 1107, punt 4).

50

Għaldaqstant, skont ġurisprudenza kostanti kull Stat Membru jista’ jalloka internament il-kompetenzi u jimplementa l-atti tad-dritt Komunitarju li mhumiex direttament applikabbli permezz ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, sakemm din l-allokazzjoni tal-kompetenzi tippermetti implementazzjoni korretta tal-atti tad-dritt Komunitarju inkwistjoni (ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt, C-156/91, Ġabra p. I-5567, punt 23).

51

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li, meta t-test ta’ regolament jawtorizza lil Stat Membru jadotta miżuri ta’ implementazzjoni, ir-regoli ddettaljati għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huma rregolati mid-dritt pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1979, Eridania-Zuccherifici nazionali u Società italiana per l’industria degli zuccheri, 230/78, Ġabra p. 2749, punt 34, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et, C-313/99, Ġabra p. I-5719, punt 48).

52

Il-possibbiltà għall-Istati Membri, inkwantu s-sistema kostituzzjonali tagħhom jew id-dritt pubbliku tagħhom jawtorizzawhom, li jippermettu lil awtoritajiet reġjonali jew lokali jimplementaw atti tad-dritt Komunitarju hija, barra minn hekk, espressament rikonoxxuta mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003. Fil-fatt fl-imsemmija dispożizzjoni huwa indikat li l-“l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, il-kondizzjonijiet [rekwiżiti] minimi għall-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba fuq il-bażi tal-qafas stabbilit fl-Anness IV”

53

Fid-dawl tal-libertà li għaldaqstant igawdi minnha Stat Membru li jittrasferixxi l-kompetenzi tiegħu lill-awtoritajiet reġjonali sabiex jiddefinixxi r-rekwiżiti minimi dwar il-KAAT skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, ir-regoli adottati minn dawn l-awtoritajiet jistgħu jiddifferixxu bejn ir-reġjuni kkonċernati, b’mod partikolari, peress li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti.

54

Madankollu hemm lok li jiġi eżaminat jekk, f’dawn il-kundizzjonijiet, is-sempliċi differenza bejn ir-regoli li jistabbilixxu l-KAAT stabbiliti mill-awtoritajiet reġjonali tal-istess Stat Membru tikkostitwixxix diskriminazzjoni kuntrarja għad-dritt Komunitarju.

55

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ma tikkonċernax l-eventwali disparitajiet ta’ trattament li jistgħu jirriżultaw, bejn Stat Membru u ieħor, mid-diverġenzi eżistenti bejn il-leġiżlazzjonijiet tad-differenti Stati Membri sakemm dawn il-leġiżlazzjonijiet jaffettwaw bl-istess mod lill-persuni kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1979, van Dam et, 185/78 sa 204/78, Ġabra p. 2345, punt 10; tal-1 ta’ Frar 1996, Perfili, C-177/94, Ġabra p. I-161, punt 17, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 34).

56

Fir-rigward tal-aħħar kundizzjoni stipulata fil-punt preċedenti, hemm lok li jiġi rrilevat li, l-kawżi magħquda li taw lok għas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1986, Klensch et (201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477), invokata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, kienu preċiżament jikkonċernaw trattament mhux ugwali bejn produtturi ta’ Stat Membru li kien jirriżulta minn miżura, adottata minn dan l-Istat Membru, li kienet timplementa obbligu Komunitarju li kien jikkonċernhom. Huwa f’dan il-kuntest li fil-punt 11 ta’ din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta hemm għażla bejn diversi metodi ta’ implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja inkwistjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jikkunsidraw għażla li l-applikazzjoni tagħha fit-territorju tagħhom tkun ta’ natura li direttament jew indirettament toħloq diskriminazzjoni, skont l-Artikolu 40(3) tat-Trattat KEE ( li sar l-Artikolu 34(2) KE), bejn il-produtturi kkonċernati.

57

Meta, bħal fil-kawża prinċipali, huma l-awtoritajiet reġjonali ta’ Stat Membri li huma kompetenti sabiex jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi dwar il-KAAT skont l-Artikolu 5 u l-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003, diverġenzi eventwali bejn il-miżuri previsti minn dawn id-differenti awtoritajiet ma jistgħux, waħedhom, jikkostitwixxu diskriminazzjoni. Hekk kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza dawn il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament li l-Istat Membru inkwistjoni għandu.

58

Fir-rigward ta’ dak li ntqal, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li, meta s-sistema kostituzzjonali ta’ Stat Membru tipprovdi li awtoritajiet reġjonali għandhom kompetenza leġiżlattiva, l-adozzjoni biss, mill-imsemmija awtoritajiet, ta’ standards differenti dwar il-KAAT skont l-Artikolu 5 u l-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni kuntrarja għad-dritt Komunitarju.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, Awla Manja taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Stat Membru jista’ jinkludi, fost l-istandards tal-kundizzjoni agrikola ambjentali tajba msemmija fl-Artikolu 5 u fl-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, rekwiżiti dwar il-manutenzjoni tal-mogħdijiet viżibbli li fir-rigward tagħhom hemm servitujiet ta’ dritt ta’ passaġġ pubbliku, sakemm l-imsemmija rekwiżiti jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ dawn il-mogħdijiet bħala karatteristiċi tal-pajsaġġ jew, jekk ikun il-każ, sabiex jiġi evitat it-taħsir tal-ambjenti naturali.

 

2)

Meta s-sistema kostituzzjonali ta’ Stat Membru tipprovdi li awtoritajiet reġjonali għandhom kompetenza leġiżlattiva, l-adozzjoni biss, mill-imsemmija awtoritajiet, ta’ standards differenti dwar il-kundizzjoni agrikola ambjentali tajba skont l-Artikolu 5 u l-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni kuntrarja għad-dritt Komunitarju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq