Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0278

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ttad-29 ta' Jannar 2009.
    Hauptzollamt Hamburg-Jonas vs Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb GmbH & Co. (C-278/07), Vion Trading GmbH (C-279/07) u Ze Fu Fleischhandel GmbH (C-280/07).
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej - Artikolu 3 - Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni - Determinazzjoni ta’ perijodu ta’ preskrizzjoni - Irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 - Regola ta’ preskrizzjoni li tagħmel parti mid-dritt ċivili ġenerali ta’ Stat Membru.
    Każijiet Magħquda C-278/07 sa C-280/07.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:38

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    29 ta’ Jannar 2009 ( *1 )

    “Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej — Artikolu 3 — Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni — Determinazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni — Irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 — Regola ta’ preskrizzjoni li tagħmel parti mid-dritt ċivili ġenerali ta’ Stat Membru”

    Fil-Kawżi magħquda C-278/07 sa C-280/07,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċedura

    Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

    vs

    Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb GmbH & Co. (C-278/07),

    Vion Trading GmbH (C-279/07),

    Ze Fu Fleischhandel GmbH (C-280/07),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, P. Kūris u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ April 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb GmbH & Co., minn F. Grashoff, avukat,

    għal Vion Trading GmbH, minn K. Landry, avukat,

    għal Ze Fu Fleischhandel GmbH, minn D. Ehle, avukat,

    għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

    għall-Gvern Franċiż, minn J.-C. Gracia, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u Z. Malůšková, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Settembru 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

    2

    Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) u Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb GmbH & Co., Vion Trading GmbH u Ze Fu Fleischhandel GmbH (iktar ’il quddiem il-“konvenuti fil-kawżi prinċipali”) fir-rigward tal-ħlas lura ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt Komunitarju

    3

    Skont it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2988/95, “atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha”.

    4

    Skont il-ħames premessa ta’ dan ir-regolament, “ mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skond dan ir-Regolament”.

    5

    L-Artikolu 1 tar-Regolament jiddisponi:

    “1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

    2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

    6

    L-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

    “1.   Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

    F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. […]

    It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragraf[u] 1 […]”

    7

    L-Artikolu 4(1) u (4) ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi:

    “1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

    permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

    […]

    4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

    8

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2988/95, dan tal-aħħar għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitjiet Ewropej, li seħħ fit-23 ta’ Diċembru 1995.

    Id-dritt nazzjonali

    9

    Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, fid-data tal-fatti fil-kawżi prinċipali, fil-Ġermanja ma kienet teżisti l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli f’kwistjonijiet ta’ natura amministrattiva relatati ma vantaġġi miksuba indebitament. Madankollu, kemm l-amministrazzjoni kif ukoll il-qrati Ġermaniżi applikaw b’analoġija l-preskrizzjoni ta’ tletin sena tad-dritt komuni, kif ipprovdut fl-Artikolu 195 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch). Mill-2002, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt komuni kien madankollu mqassar għal tliet snin.

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    Jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li, matul l-1993, il-konvenuti fil-kawżi prinċipali pproċedew għall-iżdoganar ta’ ċanga billi dan kellu jiġi esportat lejn il-Ġordanja u wara applikazzjoni tagħhom ibbenefikaw fuq dawn minn ħlasijiet bil-quddiem fuq ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

    11

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hauptzollamt, bid-deċiżjonijiet tat-23 ta’ Settembru 1999 (Kawża C-278/07) u tat- (Kawżi C-279/07 u C-280/07), talbet il-ħlas lura għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni inkwistjoni.

    12

    Għalhekk, il-konvenuti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw rikors fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Finanzgericht Hamburg. Din laqgħet dawn ir-rikorsi minħabba li r-regola ta’ preskrizzjoni, kif ipprovduta fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, tipprekludi kull ħlas lura inkwistjoni billi dawn ġew mitluba iktar minn erba’ snin wara l-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni kkontestati.

    13

    Fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-Finanzgericht, il-Hauptzollamt ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

    14

    B’mod partikolari, billi l-irregolaritajiet ikkontestati jirrigwardaw terminu preċedenti għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, il-Bundesfinanzhof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin, li huma formulati f’termini identiċi fit-tliet Kawżi C-278/07 sa C-280/07:

    “1)

    Għandu t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 […] jiġi applikat ukoll fil-każ fejn irregolarità tkun twettqet jew waqfet qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament?

    2)

    It-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit f’din id-dispożizzjoni japplika għall-miżuri amministrattivi bħalma huwa l-irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija b’riżultat ta’ irregolaritajiet?

    Fil-każ fejn ir-risposta għal dawn iż-żewġ domandi tkun fl-affermattiv:

    3)

    Jista’ Stat Membru japplika terminu itwal abbażi tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 anki meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet diġà tipprovdi għal tali terminu itwal qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament? Jista’ tali terminu itwal jiġi applikat ukoll fil-każ fejn ma kienx previst f’dispożizzjoni speċifika li tirrigwarda l-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jew li tirrigwarda miżuri amministrattivi inġenerali, iżda jirriżulta minn dispożizzjoni ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat li tkopri l-każijiet kollha ta’ preskrizzjoni li mhumiex is-suġġett ta’ dispożizzjoni speċifika?”.

    15

    Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 2007, il-Kawżi C-278/07 sa C-280/07 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-mitub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

    Osservazzjonijiet preliminari

    16

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti tal-konvenuti fil-kawżi prinċipali intiżi sabiex jikkontestaw l-espożizzjoni tal-motivi tal-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ irregolaritajiet lilhom ikkontestati, għandu jiġi mfakkar li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi l-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali. Fil-fatt, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jinsabu d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri, C-153/02, Ġabra p. I-13555, punti 34 u 35, kif ukoll tas-, ASM Brescia, C-347/06, Gabra p. I-5641, punt 28).

    17

    Konsegwentement, jeħtieġ li d-domandi preliminari jiġu eżaminati flimkien fil-kuntest fattwali kif stabbilit mill-Bundesfinanzhof.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq it-tieni domanda

    18

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ewwel, il-Bundesfinanzhof essenzjalment jistaqsi jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni pprovdut fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli mhux biss għall-penali, iżda wkoll għall-miżuri amministrattivi.

    19

    Għalhekk, din il-qorti tfittex il-konferma li l-kunċett ta’ “proċeduri” msemmi f’din id-dispożizzjoni jikkonċerna mingħajr distinzjoni kull pass meħud mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta’ irregolarità u li, konsegwentement, dan ma jirrigwardax biss il-miżuri li jistgħu jwasslu għal penali amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    20

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jintroduċi “regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità”, u dan sabiex, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tal-imsemmi regolament, “atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom, madankollu, jiġu ribattuti fl-oqsma kollha” (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C-278/02, Ġabra p. I-6171, punt 31).

    21

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi, fir-rigward ta’ proċeduri legali, terminu ta’ preskrizzjoni li jiddekorri minn meta ssir l-irregolarità li, skont l-Artikolu 1(2) tal-istess regolament, tkopri “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunità […]” (sentenza Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

    22

    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li b’mod partikolari jsostnu l-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn dan jirriżulta li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 japplika kemm għall-irregolaritajiet li jwasslu sabiex tiġi imposta penali amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan, kif ukoll għal dawk li huma suġġetti għal miżura amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, miżura li għandha bħala suġġett l-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament mingħajr madankollu ma jkollu n-natura ta’ penali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 34).

    23

    Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda huwa li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli għall-miżuri amministrattivi bħall-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni indebitament mogħtija lill-esportatur minħabba f’irregolaritajiet imwettqa minn dan tal-aħħar.

    Fuq l-ewwel domanda

    24

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regola ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, pprovduta fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 hijiex applikabbli għal irregolaritajiet imwettqa li waqfu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

    25

    L-ewwel nett, għandu jitqies li, qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, il-leġiżlatur Komunitarju ma kien ipprovda għal ebda regola ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru ta’ vantaġġi li operaturi ekonomiċi kisbu indebitament wara att jew nuqqas minn naħa tagħhom li kellu jew li seta’ kellu bħala effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet jew baġits immexxija minnhom.

    26

    Konsegwentement, qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, il-kwistjonijiet relatati mal-irkupru ta’ ammonti indebitament imħallsa skont id-dritt Komunitarju għandhom, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, ikunu deċiżi mill-qrati nazzjonali bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħhom, madankollu bil-kundizzjoni ta’ limiti imposti mid-dritt Komunitarju, fis-sens li l-metodi previsti mid-dritt nazzjonali ma jistgħux iwasslu sabiex ikun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-irkupru tal-għajnuna li ma ngħatatx u li l-applikazzjoni ta’ din għandha ssir b’mod mhux diskriminatorju meta mqabbel mal-proċeduri intiżi sabiex tittieħed deċiżjoni ta’ kawżi nazzjonali tal-istess tip (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber, C-336/00, Ġabra p. I-7699, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 u, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan, il-leġiżlatur Komunitarju madankollu kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam u li permezz tagħha kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, rinunzja għall-possibbiltà ta’ rkupru tal-ammonti tal-baġit Komunitarju li wieħed jirċievi indebitament wara li jkun skada terminu ta’ erba’ snin wara t-twettiq tal-irregolarità li effettwat il-ħlasijiet ikkontestati.

    28

    Minn dan jirriżulta li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95, kull vantaġġ li wieħed jirċievi indebitament mill-baġit Komunitarju jista’, fil-prinċipju, u bl-eċċezzjoni tas-setturi li għalihom il-leġiżlatur Komunitarju pprovda għal terminu iqsar, jiġi rkuprat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’terminu ta’ erba’ snin.

    29

    Fir-rigward tat-trattament mogħti lill-vantaġġi li wieħed jirċievi indebitament mill-baġit Komunitarju minħabba f’irregolaritajiet li ġew imwettqa qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2988/95, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament u bla ħsara għall-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur Komunitarju ddefinixxa b’dan il-mod regola ġenerali ta’ preskrizzjoni li permezz tagħha huwa b’mod volontarju naqqas għal erba’ snin it-terminu li matulu l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jaġixxu għan-nom u f’isem il-baġit Komunitarju, għandhom jew kellhom jirkupraw tali vantaġġi li wieħed indebitament irċevuti.

    30

    Madankollu, minħabba fil-prinċipju taċ-ċertezza legali, l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma jistax jippermetti lil dawn l-awtoritajiet nazzjonali li jirkupraw djun preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament li diġà ġew preskritti skont ir-regoli nazzjonali ta’ preskrizzjoni applikabbli fid-data tat-twettiq tal-irregolaritajiet inkwistjoni.

    31

    Fir-rigward tad-djun li jkunu qamu taħt regola nazzjonali ta’ preskrizzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li għadhom ma ġewx preskritti, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 għandu bħala konsegwenza li, bl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, tali dejn għandu jkun preskritt f’terminu ta’ erba’ snin li jibda jiddekorri minn meta jsiru l-irregolaritajiet.

    32

    F’ċirkustanzi bħal dawn, bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kull ammont li operatur jirċievi indebitament minħabba f’irregolarità preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 għandu, fil-prinċipju, ikun ikkunsidrat bħala preskritt fin-nuqqas ta’ kull att sospensiv adottat fl-erba’ snin wara li ssir l-irregolarità, att sospensiv li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament, huwa intiż bħala att li jkun innotifikat lill-persuna inkwistjoni, li jkun tal-awtorità kompetenti u intiż għall-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar din l-irregolarità.

    33

    Jirriżulta minn dan li, meta tiġi mwettqa irregolarità, bħal fil-kawżi prinċipali, matul is-sena 1993 u li hija suġġetta għal regola nazzjonali ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, tali irregolarità taqa’ taħt ir-regola ġenerali Komunitarja ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin u tkun, għalhekk, preskritta matul is-sena 1997 skont id-data preċiża ta’ meta twettqet din l-irregolarità li tmur lura għas-sena 1993, madankollu bla ħsara għall-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, li jipprovdu għal termini ta’ preskrizzjoni itwal.

    34

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li tingħata bħala risposta lill-ewwel domanda, li f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali, it-terminu ta’ preskrizzjoni li huwa pprovdut fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95:

    japplika għal irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament;

    jibda jiddekorri mid-data tat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni.

    Fuq it-tielet domanda

    35

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, minn naħa, jekk il-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, li japplikaw terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst fis-subparagrafu 1 tal-istess artikolu jista’ jirrigwarda regola ta’ preskrizzjoni preċedenti għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk terminu itwal għandux jirriżulta minn dispożizzjoni nazzjonali speċifika dwar l-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jew għall-azzjonijiet amministrattivi b’mod ġenerali jew jekk dan it-terminu jista’ wkoll jirriżulta minn dispożizzjoni ġenerali ta’ dritt komuni.

    36

    F’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali, li fihom l-irregolaritajiet ikkontestati lill-operaturi twettqu fl-1993 taħt regola nazzjonali ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-ammonti li wieħed jirċievi indebitament minħabba f’dawn l-irregolaritajiet kienu suxxettibbli, fin-nuqqas ta’ att sospensiv, li jkunu preskritti matul l-1997 jekk l-Istat Membru fejn twettqu l-irregolaritajiet ma eżerċitax il-fakulta offerta lilu mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95.

    37

    Jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li, fil-kawżi prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti talbu għall-ħlas lura tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni inkwistjoni bid-deċiżjonijiet tat-23 ta’ Settembru 1999 (Kawża C-278/07) u tat- (Kawżi C-279/07 u C-280/07).

    38

    Jirriżulta minn dan li l-preskrizzjoni tal-ammonti inkwistjoni dovut kellu fil-prinċipju jkun ikkunsidrat bħala effettiv bl-applikazzjoni tal-preskrizzjoni ġenerali ta’ erba’ snin ipprovduta fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    39

    Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, il-qrati Ġermaniżi komplew japplikaw it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena li jirriżulta mill-Artikolu 195 tal-kodiċi ċivili Ġermaniż għall-azzjonijiet intiżi għall-irkupru tar-rifużjonijiet li l-operaturi rċevew indebitament.

    40

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jirreferi għall-“possibilità” li l-Istati Membri “iżommu” jedd li jipprovdu terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak ipprovdut fl-ewwel subparagrafu tas-subparagrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

    41

    Għalhekk, jirriżulta mill-ifformular tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 li din id-dispożizzjoni ma tillimitax ruħha li tipprovdi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu. Fil-fatt, b’mod espress, dan is-subparagrafu 3 jagħraf ukoll lil dawn tal-aħħar il-fakultà li jżommu terminu ta’ preskrizzjoni itwal li kien jeżisti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

    42

    Jirriżulta li, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-Istati Membri jistgħu, minn naħa, ikomplu japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal li jeżistu fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, jintroduċu regoli ġodda ta’ preskrizzjoni li jipprovdu tali termini wara din id-data.

    43

    Fir-rigward tal-punt li jkun magħruf jekk dawn it-termini nazzjonali ta’ preskrizzjoni għandhomx ikunu speċifikament ipprovduti minn dispożizzjoni nazzjonali applikabbli għall-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jew, b’mod iktar ġenerali, għal azzjonijiet amministrattivi, għandu jitqies li l-ifformular tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 ma fihx elementi li espliċitament jissodisfaw din il-kwistjoni.

    44

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi li r-regoli settorjali jistgħu jipprovdu terminu iqsar għat-terminu ta’ erba’ snin, iżda li ma jkunx inqas minn tliet snin. Madankollu, din id-dispożizzjoni tirreferi għar-regoli settorjali adottati fuq livell Komunitarju, hekk kif huwa kkonfermat mill-ħames premessa ta’ dan ir-regolament, u mhux mir-regoli settorjali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

    45

    Barra minn dan, ir-Regolament Nru 2988/95 ma jipprovdi l-ebda mekkaniżmu ta’ informazzjoni jew ta’ notifika dwar l-użu magħmul mill-Istati Membri tal-fakulta tagħhom li jipprovdu għal termini itwal, b’mod konformi mal-Artikolu 3(3). Minn dan jirriżulta li l-ebda forma ta’ kontroll ma huwa pprovdut fuq livell Komunitarju la f’dak li jirrigwarda t-termini ta’ preskrizzjoni derogatorji applikati mill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni u la lis-setturi li fihom dawn iddeċidew li japplikaw tali termini.

    46

    Konsegwentement, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 m’għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, jipprovdu dawn it-termini ta’ preskrizzjoni itwal f’regoli speċifiċi u/jew settorjali.

    47

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li tingħata bħala risposta lit-tielet domanda preliminari, li t-termini ta’ preskrizzjoni itwal li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li japplikaw skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, jistgħu jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ta’ dritt komuni preċedenti għad-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

    Fuq l-ispejjeż

    48

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    It-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Europea, huwa applikabbli għall-miżuri amministrattivi bħall-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni indebitament mogħtija lill-esportatur minħabba f’irregolaritajiet imwettqa minn dan tal-aħħar.

     

    2)

    F’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali, it-terminu ta’ preskrizzjoni li huwa pprovdut fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95:

    japplika għal irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament;

    jibda jiddekorri mid-data tat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni.

     

    3)

    It-termini ta’ preskrizzjoni itwal li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li japplikaw skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, jistgħu jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ta’ dritt komuni preċedenti għad-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq