Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62007CJ0531
Judgment of the Court (Second Chamber) of 30 April 2009. # Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft v LIBRO Handelsgesellschaft mbH. # Reference for a preliminary ruling: Oberster Gerichtshof - Austria. # Free movement of goods - National provisions on the obligation to sell imported books at fixed price - Measure having equivalent effect to a quantitative restriction on imports - Justification. # Case C-531/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-30 ta' April 2009.
Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft vs LIBRO Handelsgesellschaft mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
Moviment liberu tal-merkanzija - Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz stabbilit għall-kotba importati - Miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni - Ġustifikazzjoni.
Kawża C-531/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-30 ta' April 2009.
Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft vs LIBRO Handelsgesellschaft mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
Moviment liberu tal-merkanzija - Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz stabbilit għall-kotba importati - Miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni - Ġustifikazzjoni.
Kawża C-531/07.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:276
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
30 ta’ April 2009 ( *1 )
“Moviment liberu tal-merkanzija — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz stabbilit għall-kotba importati — Miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni — Ġustifikazzjoni”
Fil-Kawża C-531/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Novembru 2007, fil-proċedura
Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft
vs
LIBRO Handelsgesellschaft mbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann, P. Kūris, L. Bay Larsen u C. Toader (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft, minn B. Tonninger u E. Riegler, Rechtsanwälte, |
— |
għal LIBRO Handelsgesellschaft mbH, minn G. Prantl, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u G. Thallinger, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. Vendrolini, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Sauer u B. Schima, bħala aġenti, |
— |
għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, minn N. Fenger u F. Simonetti, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) KE, 10 KE, 28 KE, 30 KE, 81 KE u 151 KE. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata minn Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft (assoċjazzjoni professjonali tal-Kamra tal-Kummerċ għall-ħwienet tal-kotba u tal-mezzi tax-xandir, iktar ’il quddiem il-“Fachverband”) kontra LIBRO Handelsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “LIBRO”), sabiex din tal-aħħar tiġi ordnata tastjeni milli tirriklama l-bejgħ fit-territorju nazzjonali, ta’ kotba bi prezzijiet orħos minn dawk iffissati skont il-liġi federali dwar il-prezz stabbilit għall-kotba (Bundesgesetz über die Preisbindung bei Büchern, BGBl. I, 45/2000, iktar ’il quddiem il-“BPrBG”). |
Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
Il-BPrBG
3 |
L-Artikolu 1 tal-BPrBG huwa fformulat b’dan il-mod: “Din il-liġi federali hija applikabbli għall-pubblikazzjoni u l-importazzjoni, kif ukoll għall-kummerċ, ħlief għall-kummerċ elettroniku transkonfinali, ta’ kotba u partituri tal-mużika bil-lingwa Ġermaniża. L-għan tagħha huwa li jiġu stabbiliti prezzijiet li jikkunsidraw in-natura speċifika tal-ktieb bħala beni kulturali, l-interess tal-konsumaturi li l-kotba jkollhom prezzijiet raġonevoli, kif ukoll ir-realitajiet ekonomiċi tal-ħwienet tal-kotba.” |
4 |
L-Artikolu 3 tal-BPrBG jipprovdi: “(1) Il-pubblikatur jew l-importatur ta’ prodott fis-sens tal-Artikolu 1 huwa obbligat li jiffissa jew li jwassal għall-għarfien tal-pubbliku, prezz tal-bejgħ għall-pubbliku għall-prodotti fis-sens tal-Artikolu 1 li huwa jippubblika jew jimporta fit-territorju federali. (2) L-importatur ma jistax jiffissa prezz orħos, wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud [iktar ’il quddiem il-“VAT”], mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat jew irrakkomandat mill-pubblikatur għall-Istat fejn issir il-pubblikazzjoni, jew mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku rrakkomandat għat-territorju federali minn pubblikatur li ma jkollux l-uffiċċju reġistrat tiegħu fit-territorju ta’ Stat firmatarju tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). (3) Importatur li jixtri, fi Stat firmatarju tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), prodotti fis-sens tal-Artikolu 1 bi prezz orħos mill-prezzijiet tax-xiri tas-soltu jista’, b’deroga mill-paragrafu 2, jiffissa prezz orħos mill-prezz iffissat jew irrakkomandat mill-pubblikatur għall-Istat fejn issir il-pubblikazzjoni jew, fil-każ ta’ importazzjonijiet mill-ġdid, il-prezz iffissat mill-pubblikatur nazzjonali, b’mod proporzjonat mal-vantaġġ kummerċjali miksub. […] (5) Il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat skont il-paragrafi 1 sa 4 għandu jiżdied bit-taxxa fuq il-valur miżjud skont ir-rati fis-seħħ fl-Awstrija.” |
5 |
L-Artikolu 5 tal-BPrBG jipprevedi: “(1) Il-prezz li bih il-bejjiegħa finali jbiegħu lill-konsumaturi finali l-prodotti fis-sens tal-Artikolu 1 ma jistax ikun inqas minn massimu ta’ 5% mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat skont il-paragrafu 3. (2) Il-bejjiegħa finali ma jistgħux jirreklamaw, f’kuntest kummerċjali u għal finijiet kompetittivi, prezz orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku skont il-paragrafu 1. (3) L-Artikolu 1 ma japplikax għal prodotti fis-sens tal-Artikolu 1, li b’konformità mal-Artikolu 4, il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku tagħhom, ġie mgħarraf lill-pubbliku għall-ewwel darba iktar minn 24 xahar qabel, u li d-data tal-kunsinna tagħhom tmur lura għal iktar minn sitt xhur.” |
Is-sistema konvenzjonali ta’ Sammelrevers
6 |
Jirriżulta, b’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li, sat-30 ta’ Ġunju 2000, serje ta’ kuntratti standards li jikkostitwixxu s-sistema tas-Sammelrevers tal-1993 ġew konklużi bejn il-pubblikaturi u l-bejjiegħa tal-kotba Ġermaniżi u Awstrijaċi. Din is-sistema kienet tikkonċerna l-iffissar tal-prezz tal-bejgħ tal-kotba bil-lingwa Ġermaniża u kienet essenzjalment ibbażata fuq l-obbligu tal-bejjiegħa tal-kotba li josservaw il-prezz tal-bejgħ bl-imnut iffissat mill-pubblikatur. |
7 |
Il-Kummissjoni ġiet innotifikata bis-Sammelrevers u fit-22 ta’ Jannar 1998, hija adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u sussegwentement, f’nota tat-8 ta’ Frar 2000, hija talbet li l-pubblikaturi Awstrijaki joħorġu minn din is-sistema u li jiġi eliminat kull impatt transkonfinali sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2000. Għaldaqstant, fil-31 ta’ Marzu u fl-10 ta’ Mejju 2000, il-partijiet li qed jinnotifikaw, ippreżentaw verżjoni emendata tas-Sammelrevers li kienet tipprevedi t-terminazzjoni tal-kuntratti konklużi mill-pubblikaturi u l-bejjiegħa tal-kotba Awstrijaċi, li għaldaqstant ħarġu, b’mod formali, minn din is-sistema. Is-sistema l-ġdida kienet sussegwentement is-suġġett ta’ attestazzjoni negattiva [Każ COMP/34.657 — Sammelrevers (ĠU 2000, C 162, p. 25)], li fiha l-Kummissjoni kkonstatat in-nuqqas ta’ effetti sostanzjali fuq il-kummerċ transkonfinali. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 |
Il-Fachverband għandha l-kompetenza li tippubblika l-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku li l-bejjiegħa tal-kotba għandhom japplikaw skont l-Artikolu 3(1) tal-BPrBG meta jbigħu fl-Awstrija, kotba bil-lingwa Ġermaniża u li tiżgura li l-bejjiegħa bl-imnut josservaw il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku fil-pubbliċità relatata ma’ dawn il-kotba |
9 |
LIBRO topera 219-il fergħa fl-Awstrija, bi 80% tal-kotba li hija tikkummerċjalizza joriġinaw minn barra l-pajjiż. |
10 |
Mix-xahar ta’ Awwissu 2006, LIBRO bdiet tirreklama għall-bejgħ fit-territorju Awstrijak, kotba ppubblikati bil-Ġermaniż, bi prezzijiet orħos mill-prezzijiet minimi ffissati għat-territorju Awstrijak, abbażi tal-prezzijiet mitluba fil-Ġermanja. |
11 |
Il-Fachverband ippreżentat talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza nazzjonali intiża sabiex LIBRO tiġi ordnata tastjeni milli tirriklama b’dan il-mod. Il-Qorti tal-Prim’Istanza nazzjonali laqgħet din it-talba billi kkunsidrat li, minkejja li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar il-prezz stabbilit, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija li tmur kontra l-Artikolu 28 KE, din hija “iġġustifikata minħabba raġunijiet kulturali u minħabba l-ħtieġa li tiġi ppreservata d-diversità tal-mezzi tax-xandir”. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata minn sentenza tal-Qorti tal-Appell. |
12 |
LIBRO talbet reviżjoni ta’ din is-sentenza. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-Oberster Gerichtshof tirrileva li, fil-ġurisprudenza Komunitarja fil-qasam ta’ skemi ta’ prezzijiet, b’mod partikolari fis-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 1985, Association des Centres distributeurs Leclerc u Thouars Distribution (229/83, Ġabra p. 1), u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Échirolles Distribution (C-9/99, Ġabra p. I-8207), il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma rrispondietx għad-domanda jekk, u eventwalment taħt liema kundizzjonijiet, id-dritt Komunitarju jipprekludi legiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz stabbilit, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija tenfasizza li d-duttrina Awstrijaka hija diviża f’dak li jirrigwarda l-analiżi ta’ kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mar-regoli tad-dritt Komunitarju. |
13 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
14 |
Sa fejn il-kawża prinċipali tikkonċerna l-importazzjoni minn LIBRO ta’ kotba minn Stat Membru ieħor, ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu fuq id-domanda jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kummerċ intra-Komunitarju jipprekludux lil dawk tal-BPrBG dwar l-importazzjoni ta’ kotba bil-lingwa Ġermaniża, minn Stat Membru ieħor. |
Fuq l-ewwel domanda
15 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28 KE għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz tal-kotba importati, bħal dik tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tal-BPrBG. |
16 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 28 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5). |
17 |
Madankollu, mhijiex ta’ natura li tista’ tostakola b’dan il-mod, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra sakemm dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, u sakemm jolqtu bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip għall-bejgħ tal-prodotti li joriġinaw minn Stat Membru ieħor u li jissodisfaw ir-regoli stabbiliti minn dan l-Istat, mhijiex ta’ natura li tostakola l-aċċess tagħhom għas-suq jew li tagħmel dan l-aċċess iktar diffiċli milli tagħmlu diffiċli għall-prodotti nazzjonali (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard, C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097, punti 16 u 17, kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, Ġabra p. I-519, punt 36). |
18 |
Skont il-Fachverband u l-Gvern ta’ l-Awstrija, tal-Ġermanja u ta’ Franza, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistabbilixxi modalità ta’ bejgħ li tapplika bla ebda distinzjoni għall-kotba nazzjonali u importati, liema leġiżlazzjoni ma tipprevedix trattament inqas favorevoli għal dawn tal-aħħar, inkwantu hija tistabbilixxi obbligu sabiex jiġi ffissat l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku għall-kotba kollha bil-lingwa Ġermaniża, tkun xi tkun l-oriġini tagħhom. |
19 |
Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, id-domanda preliminari ma tirrigwardax l-Artikolu 3(1) tal-BPrBG li jikkonċerna l-obbligu tal-pubblikaturi u l-importaturi sabiex jiffissaw il-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-kotba nazzjonali u dawk importati rispettivament, iżda tikkonċerna l-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu li japplikaw biss għal kotba importati. |
20 |
Sakemm liġi nazzjonali dwar il-prezz tal-kotba, bħal dik tal-Artikolu 3 tal-BPrBG, ma tikkonċernax il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, iżda tikkonċerna biss il-modalitajiet li bihom dawn jistgħu jinbigħu, din għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna l-modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq. Hekk kif jirriżulta minn din is-sentenza, tali modalità ta’ bejgħ ma tistax madankollu taħrab mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 28 KE ħlief jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 17 tal-preżenti sentenza. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi Artikolu 3(2), billi jipprojbixxi lill-importaturi Awstrijaki ta’ kotba bil-lingwa Ġermaniża milli jiffissaw prezz orħos mill-prezz ta’ bejgħ għall-pubbliku ffissat jew irrakkomandat mill-pubblikatur għall-Istat fejn issir il-pubblikazzjoni, wara li titnaqqas il-VAT, jipprevedi, hekk kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, trattament inqas favorevoli għall-kotba importati, peress li huwa jostakola lill-importaturi Awstrijaki kif ukoll lill-pubblikaturi barranin milli jiffissaw il-prezzijiet bl-imnut minimi, skont il-karatteristiċi tas-suq tal-importazzjoni, filwaqt li l-pubblikaturi Awstrijaċi għandhom il-libertà li jiffissaw huma stess, tali prezzijiet għall-bejgħ bl-imnut minimi għal prodotti tagħhom, fis-suq nazzjonali. |
22 |
Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni bi ksur tal-Artikolu 28 KE, inkwantu għall-kotba importati, hija toħloq leġiżlazzjoni distinta li tirriżulta fi trattament inqas favorevoli għal prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Association des Centres distributeurs Leclerc u Thouars Distribution, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). |
23 |
Il-Gvern Ġermaniż enfasizza, matul is-seduta, li kull kunsiderazzjoni dwar l-effetti restrittivi tal-leġizlazzjoni Awstrijaka ma għandhom l-ebda bażi għaliex l-importazzjoni fl-Awstrija ta’ kotba li joriġinaw mill-Ġermanja, fil-verità tkopri l-parti l-kbira tas-suq tal-ewwel Stat, u li s-suq Awstrijak tal-kotba bil-lingwa Ġermaniża ma jistax ikun ikkunsidrat b’mod awtonomu meta mqabbel mas-suq Ġermaniż. Fil-fatt, jeżisti suq uniku fejn, peress li d-differenza fil-prezz tal-bejgħ bl-imnut hija minima, ma teżisti l-ebda kompetizzjoni bejn il-pubblikazzjonijiet differenti tal-istess ktieb mibjugħ f’dawn iż-żewġ Stati Membri. |
24 |
Din l-informazzjoni, li wara kollox mhijiex ikkontestata, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, anki jekk wieħed jissoponi li l-istamperiji tal-kotba bil-lingwa Ġermaniża, b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-Ġermanja, mhumiex żvantaġġati mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar il-prezz tal-kotba importati, liema leġiżlazzjoni tippermettilhom li jeżerċitaw kontroll fuq il-prezzijiet mitluba fis-suq Awstrijak u anki li jiżguraw li dawn il-prezzijiet ma jkunux inqas għoljin minn dawk mitluba fl-Istat fejn huma ppubblikati, tali kunsiderazzjonijiet ma jippermettux li jiġi eskluż li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li tirrestrinġi l-kapaċita ta’ kompetizzjoni tal-importaturi Awstrijaki, peress li dawn ma jistgħux jaġixxu liberament fis-suq tagħhom, kuntrarjament għall-pubblikaturi Awstrijaki li huma f’kompetizzjoni diretta magħhom. |
25 |
Barra minn hekk, il-Fachverband u l-Gvern Awstrijak jenfasizzaw li, fi kwalunkwe każ, il-libertà li jiffissaw il-prezz tal-bejgħ bl-imnut hija żgurata permezz tal-possibiltà, ipprovduta lill-importatur mill-Artikolu 3(3) tal-BPrBG li japplika prezz orħos minn dak mitlub mill-pubblikatur barrani, sakemm dan it-tnaqqis jikkorrispondi għal vantaġġ kummerċjali miksub mill-importatur, kif ukoll mill-possibiltà, ipprovduta lill-bejjiegħ finali mill-Artikolu 5 tal-BPrBG, li l-prezz iffissat jiġi mnaqqas b’5% fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-istess liġi. |
26 |
Min-naħa l-oħra, LIBRO tenfasizza li peress li l-prezz tal-kotba ma jistax ikun magħruf minn qabel ma jitqiegħdu fis-suq, sa fejn, kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali, il-prezzijiet li bihom il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut jixtru l-kotba mingħand il-pubblikaturi Ġermaniżi huma, bħala regola, sigrieti kummerċjali, huwa impossibbli għall-importaturi li jikkalkolaw il-vantaġġ kummerċjali miksub meta jixtru u għaldaqstant, li jikkalkolaw it-tnaqqis previst fl-Artikolu 3(3) tal-BPrBG. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-possibiltà ta’ tnaqqis previst minn dan il-paragrafu ma tistax tkun ikkunsidrata, kif sostna l-Gvern Awstrijak, bħala tip ta’ kumpens li jippermetti lill-importatur jirrifletti fil-prezz tal-bejgħ bl-imnut, il-vantaġġi kollha akkwistati mill-Istat Membru tal-esportazzjoni skont skema ta’ prezzijiet xierqa. Importatur li bħal LIBRO, jixtri numru kbir ta’ kotba ma jistax, minkejja din ir-regola fuq it-tnaqqis, jiffissa b’mod liberu, għall-kotba kollha importati, prezzijiet orħos minn dawk mitluba fl-Istat fejn tkun saret il-pubblikazzjoni. Fil-fatt, huwa jista’ japplika biss dan it-tnaqqis għall-kotba akkwistati minnu bi prezz iktar favorevoli. |
28 |
Bl-istess mod, is-setgħa tal-bejjiegħ finali li japplika tnaqqis ta’ 5% tal-prezz iffissat mill-pubblikaturi u importaturi, skont l-Artikolu 5(1) tal-BPrBG, li huwa rikonoxxut kemm għall-bejgħ ta’ kotba ppubblikati fl-Awstrija kif ukoll għal dawk il-kotba importati, ma jistax jikkostitwixxi iktar element li jiġġustifika l-konklużjoni li l-BPrBG tiggarantixxi l-libertà għall-impriżi kollha li għandhom sehem fl-istadji differenti tal-proċess kummerċjali sabiex jiffissaw il-prezz tal-kotba bil-lingwa Ġermaniża importati fl-Awstrija, peress li din is-setgħa tikkonċerna biss il-mument tal-bejgħ lill-konsumatur finali u li l-Artikolu 5(2) tal-BPrBG ma jippermettix li ssir pubbliċità dwar tnaqqis bħal dan. Għaldaqstant, il-prezz mgħarraf lill-pubbliku jibqa’ dak iffissat skont ir-regoli stabbiliti mill-Artikolu 3 tal-BPrBG. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-importaturi ta’ kotba bil-lingwa Ġermaniża milli jiffissaw prezz orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat jew irrakkomandat mill-pubblikatur fl-Istat fejn issir il-pubblikazzjoni, tikkostitwixxi “miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 28 KE. |
Fuq it-tieni domanda
30 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz stabbilit tal-kotba importati bħal dik tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tal-BPrBG, li, fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, għandha l-għan “li jiġu stabbiliti prezzijiet [tal-kotba] li jikkunsidraw in-natura speċifika tal-ktieb bħala beni kulturali, l-interess tal-konsumaturi li l-kotba jkollhom prezzijiet raġonevoli, kif ukoll ir-realitajiet ekonomiċi tal-ħwienet tal-kotba”, tistax tkun iġġustifikata permezz tal-Artikoli 30 KE u 151 KE. |
31 |
Il-Gvern Awstrijak jenfasizza li, fin-nuqqas ta’ tali sistema ta’ prezz minimu stabbilit għall-kotba importati bil-lingwa Ġermaniża, ikun hemm waqgħa fil-prezzijiet tal-kotba intiżi għall-pubbliku inġenerali li tipprovoka telf tal-marġni ta’ profitti mill-bejgħ ta’ dan it-tip ta’ kotba. Minn telf bħal dan, jirriżulta li l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kotba li huma iktar elaborati iżda inqas ekonomikament attraenti, ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu ffinanzjati u li l-ħwienet iż-żgħar tal-kotba li normalment jipproponu għażla kbira ta’ kotba ta’ dan it-tip, jiġu eliminati mis-suq mill-ħwienet il-kbar li qabel kollox ibigħu prodotti kummerċjali. Huwa jirrileva wkoll li f’suq bħal dak Awstrijak li huwa kkaratterizzat minn numru żgħir ħafna ta’ bejjiegħa tal-kotba u minn importazzjoni kunsiderevoli mill-Ġermanja, din is-sistema tikkostitwixxi mezz proporzjonat mal-finijiet li jintlaħqu l-għanijiet tal-imsemmija objettivi imperattivi ta’ interess ġenerali. |
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-objettivi invokati mill-qorti tar-rinviju, bħal dak tal-protezzjoni tal-ktieb bħala beni kulturali, ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni ta’ ġustifikazzjoni għal miżuri restrittivi fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 30 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Association des Centres distributeurs Leclerc u Thouars Distribution, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30). Fil-fatt, il-protezzjoni tad-diversità kulturali inġenerali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-“protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku” fis-sens tal-Artikolu 30 KE. |
33 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 151 KE li jikkonferma l-azzjoni tal-Komunità Ewropea fil-qasam kulturali, ma jistax jiġi invokat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, bħala dispożizzjoni li tinserixxi fid-dritt Komunitarju raġuni ta’ ġustifikazzjoni għal kull miżura nazzjonali fil-qasam li tista’ tfixkel il-kummerċ intra-Komunitarju. |
34 |
Min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-ktieb bħala beni kulturali tista’ tkun ikkunsidrata bħala ħtieġa imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika miżuri ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija, sakemm tali miżuri jkunu adegwati sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit, u sakemm ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq. |
35 |
F’dan ir-rigward, hekk kif kien irrilevat mill-Kummissjoni u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, l-għan tal-protezzjoni tal-ktieb bħala beni kulturali jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-importatur, pereżempju billi jingħata permess lilu jew lill-pubblikatur barrani, sabiex jiffissaw prezz tal-bejgħ għas-suq Awstrijak li jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ dan is-suq. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-importaturi ta’ kotba bil-lingwa Ġermaniża milli jiffissaw prezz orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat jew irrakkomandat mill-pubblikatur fl-Istat fejn issir il-pubblikazzjoni, la tista’ tkun iġġustifikata permezz tal-Artikoli 30 KE u 151 KE, u lanqas permezz ta’ ħtiġijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. |
37 |
Meta tiġi kkunsidrata r-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
38 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.