EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0270

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-19 ta' Marzu 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Politika agrikola komuni - Miżati relatati ma’ spezzjonijiet u kontrolli veterinarji - Direttiva 85/73/KEE -Regolament (KE) Nru 882/2004.
Kawża C-270/07.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:168

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Politika agrikola komuni — Miżati relatati ma’ spezzjonijiet u kontrolli veterinarji — Direttiva 85/73/KEE — Regolament (KE) Nru 882/2004”

Fil-Kawża C-270/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Erlbacher u A. Szmytkowska, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti, assistiti minn U. Karpenstein, Rechtsanwalt,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adattatx għad-dispożizzjonijiet Komunitarji l-Artikolu 4 tal-liġi li timplementa l-leġiżlazzjonijiet dwar l-ispezzjoni tas-saħħa tal-laħam u tal-laħam tat-tjur tal-Land ta’ Schleswig-Holstein (Ausführungsgesetz zum Fleischhygienerecht und zum Geflügelfleischrecht für das Land Schleswig-Holstein), tat-12 ta’ Jannar 1998 (GVOBl. Schl.-H. 1998, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein”), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset jew tkompli tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 1 u 5(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE tad- dwar l-iffinanzjar tal-ispezzjonijiet veterinarji u l-kontrolli koperti bid-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE, 90/675/KEE u 91/496/KEE (ĠU L 32, p. 14), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/79/KEE tat- (ĠU L 24, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/73”), kif ukoll, mill-, taħt l-Artikolu 27(2), (4) u (10) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament u tal-Kunsill tad- dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, p. 1, u rettifika ĠU L 191, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 776/2006 tat- (ĠU L 136, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 882/2004”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2

Mill-qari tal-Artikoli 3(1)(A)(d) u 5(1)(a)(ii) flimkiem mal-Anness I, tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 fuq kundizzjonijiet ta’ saħħa għall-produzzjoni u sabiex ikun mqiegħed fis-suq laħam frisk (ĠU 1964, 121, p. 2012), kif emendata u kkonsolidata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/497/KEE tad- (ĠU L 268, p. 69, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 64/433”) jirriżulta li l-ispezzjonijiet post mortem tal-laħam frisk għandhom jinkludu, jekk ikun meħtieġ, testijiet tal-laboratorju li jinkludu, jekk ikun il-każ, eżami batterjoloġiku u tfittxija għal residwi ta’ sustanzi b’effett farmakoloġiku.

3

Id-Direttiva 64/433 kienet ġiet imħassra, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006, permezz tad-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- li tirrevoka ċerti direttivi rigward iġene tal-ikel u kondizzjonijiet ta’ saħħa għall-produzzjoni u sabiex ikunu mqiegħda fis-suq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali intiżi li għall-konsum mill-bniedem u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE u 92/118/KEE u Deċiżjoni tal-Kunsill 95/408/KE (ĠU L 157, p. 33).

4

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/41, ir-referenzi b’mod partikolari għad-Direttiva 64/433 għandhom jinftiehmu bħala li qed isiru, skont il-kuntest, għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, p. 55), u għar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum (ĠU L 139, p. 206, u rettifika ĠU L 226, p. 83).

5

Mill-qari tal-Artikolu 5(1)(d) u (f) tar-Regolament Nru 854/2004 flimkien mal-Kapitolu II, D u F tal-Anness I ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li l-ispezzjonijiet post mortem tal-laħam frisk għandhom jinkludu testijiet tal-laboratorju, kull fejn jitqiesu meħtieġa, biex tintlaħaq dijanjosi definittiva; jew biex tinkixef, b’mod partikolari l-preżenza ta’ mard tal-annimali jew ta’ fatturi oħra li jistgħu jeħtieġu li l-laħam jiġi ddikjarat mhux tajjeb għall-konsum uman jew li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-użu tiegħu. Il-veterinarju uffiċjali għandu wkoll jiżgura li jseħħ kull ittestjar fil-laboratorju ieħor meħtieġ.

6

Fir-rigward tal-iffinanzjar tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli inkwistjoni, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/73 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li jiġbru miżata Komunitarja sabiex tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw minn dawn l-ispezzjonijiet u kontrolli.

7

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 85/73, il-miżata Komunitarja għandha tiġi ffissata b’mod li tkopri l-ispejjeż sostnuti mill-awtorità kompetenti fir-rigward tal-ispejjeż tas-salarji u tas-sigurtà soċjali li jirriżultaw mis-servizz tal-ispezzjoni, kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi li jkunu ntefqu fit-twettiq tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet, li jistgħu jinkludu n-nefqa li hemm bżonn għat-taħriġ matul is-servizz tal-ispetturi. Barra minn hekk, skont il-subparagrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jitolbu ammont li jeċċedi l-livelli tal-miżati Komunitarji, bil-kundizzjoni li l-miżata totali mitluba minn kull Stat Membru ma teċċedix l-ispiża reali tal-ispezzjoni. L-Artikolu 5(4) jipprovdi li l-miżati Komunitarji għandhom jissostitwixxu t-taxxi l-oħra kollha tal-ispezzjonijiet sanitarji jew il-miżata mitluba mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, jew lokali tal-Istati Membri għall-ispezzjonijiet u l-kontrolli msemmija fl-Artikoli 1 tal-istess direttiva.

8

Il-punt 1 tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 jistabbilixxi l-ammonti standard għall-ispejjeż tal-ispezzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-qatla. Ir-regoli ddettaljati ta’ finanzjament tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-operazzjonijiet tat-tqattiegħ huma stipulati fil-punt 2 tal-istess kapitolu. Skont il-punt 4(a) u (b) ta’ dan il-Kapitolu I:

“Sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jkunu żdiedu, l-Istati Membri jistgħu:

a)

jew iżidu l-ammonti normali [standard] tal-miżati kif stabbilit fil-punti 1 u 2 (a) għall-istabbilimenti individwali.

[…]

b)

jew tintalab miżata speċjali li tkopri l-ispejjeż reali.”

9

L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 882/2004 jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jiġbru tariffi [miżati] jew piżijiet [taxxi] biex ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali.

2.   Iżda, fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Anness IV, taqsima A, u l-Anness V, taqsima A, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġbir ta’ tariffa [miżata].

[…]

4.   It-tariffi [Il-miżati] miġbura għall-għanijiet ta’ kontrolli uffiċjali skond il-paragrafu 1 jew 2:

(a)

m’għandhomx ikunu għola mill-ispejjeż magħmula mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli b’relazzjoni mal-partiti [punti] elenkati fl-Anness VI; u

b)

jistgħu jiġu ffisati f’rata fissa fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż magħmula mill-awtoritajiet kompetenti fuq perjodu ta’ żmien partikolari jew, fejn japplika, fl-ammonti ffissati fl-Anness IV, ta[q]sima B jew fl-Anness V, taqsima B.

[…]

10.   Mingħajr preġudizzju għall-nefqiet li jirriżultaw mill-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 28, l-Istati Membri m’għandhomx jiġbru xi tariffi [miżati]oħra minbarra dawk imsemmija f’dan l-Artikolu għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10

L-Artikolu 4 tal-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein tipprovdi s-segwenti:

“1)   il-livelli tal-miżata għall-ispezzjoni ante u post mortem, inklużi t-testijiet ta’ riċerka ta’ residwi, ta’ trikonu u l-kontrolli tas-saħħa, huma stabbiliti għal kull annimal, skont l-ispeċi; fl-istabbilimenti ta’ tqattiegħ, li fihom il-laħam jitqatta’ jew jitneħħilu l-għadam, dawn huma ffissati għal kull tunnellata ta’ laħam bl-għadam.

2)   Il-kalkolu tal-livelli ta’ miżata jinkludi:

1.

is-salarji u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-persunal ta’ spezzjoni,

2.

l-ispejjeż amministrattivi tat-twettiq tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet, li magħhom jistgħu jiġu miżjuda l-ispejjeż tat-taħriġ kontinwu tal-persunal ta’ spezzjoni.

3)   Il-miżati amministrattivi huma miżjuda bi proporzjon li jista’ jkun

1.

sa 100% meta l-att amministrattiv jitwettaq fuq talba bejn is-sitta ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu, fl-impriżi l-kbar bejn is-sitta ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu, is-Sibt wara t-tlieta ta’ wara nofsinhar u l-Ħdud u l-ġranet ta’ vaganzi pubbliċi.

2.

sa 50% meta l-att amministrattiv jitwettaq fuq talba barra l-ħinijiet ta’ spezzjoni jew il-ġranet tal-qatla stabbiliti.

4)   […]

Minbarra l-miżati, għandhom jinġabru […] l-ispejjeż li ġejjin:

[…]

2.

[l-] ispejjeż tat-trasport għall-eżamijiet batterjoloġiċi (kampjuni batterjoloġiċi, kampjuni BSE u kampjuni suspetti oħrajn, ħlief ta’ dawk tat-testijiet ta’ riċerka ta’ residwi […]) u

3.

[l-] ispejjeż ta’ eżami li jikkonċernaw il-kampjuni msemmija fil-paragrafu 2 […]”

Il-proċedura prekontenzjuża

11

Wara li rċeviet ilment, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Marzu 2005, bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ittra ta’ intimazzjoni li biha informat lil dan l-Istat Membru li hija kienet tqis li l-Artikolu 4(4) tal-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein mhuwiex konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 85/73, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-, Stratmann u Fleischversorgung Neuss (C-284/00 u C-288/00, Ġabra p. I-4611).

12

Fl-20 ta’ Mejju 2005, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni, u sostnew li d-dubji tal-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 85/73 fid-dritt nazzjonali kienu infondati u li s-sentenza Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, mhijiex rilevanti f’dan il-każ.

13

Billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, fl-4 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fejn irrepetiet l-ilmenti msemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni u stiednet lir-Repubblika Ġermaniża tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

14

Peress li l-imsemmi Stat Membru ma rrispondiex għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

15

Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Arikolu 4(4) tal-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan tal-aħħar jistgħu jiġbru s-somom li jikkorrispondu għall-ispejjeż sostnuti għat-twettiq ta’ eżamijiet batterjoloġiċi fuq il-laħam frisk oltrè l-ammont standard tal-miżata Komunitarja. Issa, fis-sentenza Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li kemm mill-kliem tad-Direttivi 64/433 u 85/73 kif ukoll mill-għan ta’ dawn tal-aħħar jirriżulta li l-ispejjeż li jirriżultaw minn dawn l-eżamijiet huma koperti mill-miżata Komunitarja miġbura mill-Istati Membri skont din l-aħħar direttiva.

16

Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni Komunitarja l-ġdida, jiġifieri r-Regolamenti Nri 853/2004 u 854/2004, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, kif ukoll ir-Regolament Nru 882/2004, b’effett mill-, ma biddel xejn fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, mill-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn ir-regolamenti jirriżulta li l-eżamijiet batterjoloġiċi għadhom jagħmlu parti mill-ispezzjonijiet u mill-kontrolli tas-saħħa obbligatorji li l-ispejjeż tagħhom huma koperti mill-miżata Komunitarja. Għaldaqstant, dawn l-eżamijiet ma jistgħu jagħtu lok għal ġbir ta’ ebda taxxa oħra ħlief dik relatata ma’ din il-miżata. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(4) tal-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein huwa kuntrarju għall-għan tad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti, peress li dawn tal-aħħar huma intiżi, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fis-sentenza tagħha Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, applikabbli b’analoġija għal-leġiżlazzjoni Komunitarja l-ġdida, sabiex jirrimedjaw għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jwasslu għal diskrepanzi fil-livell ta’ ffinanzjar tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli. Issa, hemm riskju li dan l-għan ma jintlaħaqx jekk ċerti miżuri ta’ ispezzjoni previsti fid-dritt Komunitarju ma jaqgħux taħt is-sistema ta’ finanzjament Komunitarja hekk armonizzata u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżati nazzjonali speċifiċi.

17

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dispożizzjoni bħall-Artikolu 4(4) tal-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein ma tistax tkun ibbażata fuq il-punt 4 tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet b’mod espliċitu l-possibbiltà li jiġi invokat dan l-istess punt 4(b) sabiex jiġu kkunsidrati spejjeż sostnuti għall-eżamijiet batterjoloġiċi oltrè l-ammonti standard tal-miżata. Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li miżata miġbura skont l-imsemmija dispożizzjoni għandha tieħu l-forma ta’ ħlas standard. Madankollu, dan il-każ ma jikkonċernax żieda ġenerali fl-ammont standard tal-miżata Komunitarja li tkopri l-ispejjeż reali kollha. Għaldaqstant, l-Artikolu 4(4) tal-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein huwa kuntrarju għas-subparagrafu 1 tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 85/73.

18

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Feyrer (C-374/97, Ġabra, p. I-5153), invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tal-pożizzjoni tagħha, mhijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, il-kwistjonijiet trattati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza huma differenti ħafna minn dawk imqajma f’din il-kawża.

19

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein kienet ġiet adottata abbażi tad-dispożizzjoniet maqgħuda tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/73 u tal-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A ta’ din tal-aħħar, li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri jistgħu jiġbru miżata li tkopri l-ispejjeż reali tal-ispezzjonijiet tal-laħam tal-qatla u tal-kontrolli tas-saħħa ta’ dan tal-aħħar.

20

L-ewwel nett, l-imsemmi Stati Membri jirrileva li l-miżata prevista fil-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein għall-ispezzjoni tal-annimali għall-qatla u l-kontrolli tas-saħħa ma tinkludix l-ispejjeż ta’ trasport u tal-ispezzjoni tal-kampjuni meħuda sabiex isiru eżamijiet batterjoloġiċi. Barra minn hekk, dan huwa konformi mad-dritt nazzjonali, li abbażi tiegħu, miżata f’ebda każ ma tista’ tkopri tali spejjeż. Għaldaqstant huwa leġittimu li jinġabru, b’mod separat, somom intiżi sabiex ikopru tali spejjeż.

21

Sussegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Land ta’ Schleswig-Holstein la jiġbor, bħala miżati għall-ispezzjonijiet u l-kontrolli tal-laħam frisk, l-ammonti standard previsti fil-punti 2 u 3 tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 u lanqas il-miżati intiżi sabiex iżidu l-ammonti standard skont il-punt 4(a) tal-istess kapitolu. Għaldaqstant ma jistax jiġi sostnut, kif issosnti l-Kummissjoni, li l-imsemmija somom huma miġbura “b’mod addizzjonali” għall-miżata Komunitarja standard. F’dan ir-rigward, hemm differenza kbira bejn il-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein u dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, skont il-punt 32 tas-sentenza Feyrer, iċċitata iktar ’il fuq, l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw, mingħajr ebda kundizzjoni preliminari, il-fakultà mogħtija lilhom fil-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, bil-kundizzjoni li l-miżata speċifika ma teċċedix l-ispejjeż reali. Konsegwentement, meta din il-kundizzjoni hija osservata, miżati speċifiċi jistgħu jiġu miġbura fir-rigward ta’ diversi provvisti ta’ servizzi. Madankollu, bħal f’dan il-każ, m’għandux ikun hemm ħlas doppju.

22

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Artikolu 4(4) tal-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein mhuwiex kuntrarju la għall-kliem u lanqas għall-għan tal-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73. Fil-fatt, minn naħa, mill-qari ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi meħuda flimkien jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix il-ġbir ta’ diversi miżati parzjali u lanqas il-ġbir ta’ miżati u ta’ imposti kkumulati li jikkostitwixxu “miżata totali”. Min-naħa l-oħra, l-għan imfittex minn din id-direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni tal-bażijiet ta’ kalkolu tal-miżati, m’għandux iwassal għal armonizzazzjoni tar-rati applikabbli peress li d-direttiva nnifisha tipprevedi derogi li jippermettu lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni strutturi differenti ta’ spejjeż.

23

L-imsemmi Stati Membru jżid li huwa barra minn hekk inevitabbli li l-ammont tal-miżata inkwistjoni jvarja każ b’każ peress li l-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni jvarjaw skont il-kundizzjonijiet eżistenti fil-biċċeriji u t-tipi ta’ ispezzjonijiet li għandhom isiru. Miżata intiża sabiex tkopri l-ispejjeż reali li jirriżultaw tiddistingwi ruħha speċifikament minn miżata standard mill-fatt li, fl-ewwel każ, l-ispejjeż jiddependu mill-biċċerija kkonċernata, filwaqt li, fit-tieni każ, dawn l-ispejjeż huma applikati għall-biċċeriji kollha. Dispożizzjoni bħall-Artikolu 4(4) tal-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein bl-ebda mod ma tmur kontra l-projbizzjoni li jinqabżu l-ispejjeż reali tal-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 85/73.

24

Peress li r-Regolamenti Nri 853/2004 u 854/2004 kif ukoll 882/2004, applikabbli rispettivament mill-1 ta’ Jannar 2006 u mill-, bl-ebda mod ma jbiddlu din is-sitwazzjoni, l-argumenti invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-punti 19 sa 23 ta’ din is-sentenza japplikaw b’anoloġija għal dawn ir-regolamenti l-ġodda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tinvoka żewġ ilmenti insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati fuq il-ksur tal-obbligi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħt, fl-ewwel lok, l-Artikoli 1 u 5(3) u (4) tad-Direttiva 85/73 u, fit-tieni lok, ir-Regolament Nru 882/2004.

Fuq l-ewwel ilment

26

Bil-għan li tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-ewwel ilment, għandu, qabel kollox, jiġi stabbilit jekk is-sentenza Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni, hijiex rilevanti f’dan il-każ u li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 għandux jiġi interpretat skont it-tifsira sostnuta mill-imsemmija istituzzjoni, li abbażi tagħha miżata miġbura skont din id-dispożizzjoni għandha tieħu l-forma ta’ ħlas standard.

27

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikazzjoni b’analoġija tas-sentenza Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, għas-sitwazzjoni ġuridika inkwistjoni f’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja mingħajr mhija kontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, il-Land ta’Schleswig-Holstein la jiġbor, bħala miżati għall-ispezzjonijiet u l-kontrolli tal-laħam frisk, l-ammonti standard previsti fil-punti 2 u 3 tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 u lanqas il-miżati intiżi sabiex iżidu l-ammonti standard skont dan l-istess punt 4(a) tal-Kapitolu I.

28

Peress li huwa paċifiku li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġbru biss miżata speċifika, anki jekk din tal-aħħar hija komposta minn diversi ammonti, għandu jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein tiddistingwi ruħha fuq punt importanti minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq.

29

Minn dan isegwi li s-soluzzjoni kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi applikata b’analoġija għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

30

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, fil-punt 56 tas-sentenza tagħha Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, li l-miżata stipulata f’din id-dispożizzjoni għandha tieħu l-forma ta’ ħlas standard.

31

Fil-fatt, iż-żidiet imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmi punt 56 huma dawk stipulati fil-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Diriettiva 85/73, peress li din id-dispożizzjoni biss tuża l-kliem “iżidu” u “ammonti normali [standard]”. It-tieni parti tal-imsemmi punt 56, li tirrigwarda l-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri li jiġbru miżata speċifika ta’ ammont għola mil-livelli tal-miżati Komunitarji, ma tagħmel l-ebda referenza għal ħlas standard, iżda tillimita ruħha tissuġġetta l-implementazzjoni ta’ din il-possibbiltà għall-unika kundizzjoni li din il-miżata tkopri l-ispejjeż reali kollha.

32

Minn dan isegwi li l-imsemmija miżata għandha, minn naħa, ma teċċedix l-ammont tal-ispejjeż reali sostnuti u, min-naħa l-oħra, tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-ispejjeż kollha mingħajr ma’ xi wħud minnhom jistgħu jiġu esklużi. Għaldaqstant din ma tistax tieħu l-forma ta’ miżata “normali [standard]” fis-sens li l-Kummissjoni tifhem din il-kelma peress li, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 52 tas-sentenza tagħha Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, huwa fin-natura stess ta’ miżata ffissata b’mod standard li teċċedi f’ċerti każijiet l-ispiża reali tal-miżuri li hija intiża tiffinanzja u li tkun inqas minn din f’każijiet oħra.

33

Hemm lok li jingħad ukoll li dan il-qari tal-punt 56 tas-sentenza Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, huwa kompletament konformi mal-istruttura ġenerali ta’ din tal-aħħar, peress li dan il-punt jifforma parti minn raġunament iktar wiesa’ intiż sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-ispejjeż relatati ma’ eżamijiet batterjoloġiċi u mar-riċerka ta’ trikonu magħmula skont id-dritt Komunitarju sekondarju humiex koperti mill-miżata Komunitarja miġbura mill-Istati Membri għall-ispezzjonijiet u l-kontrolli tas-saħħa tal-laħam frisk skont dan l-istess dritt Komunitarju jew jekk dan tal-aħħar jawtorizzax lill-imsemmija Stati Membri jiġbru miżata speċifika li għandha tiżdied mal-miżata Komunitarja sabiex tkopri dawn l-ispejjeż.

34

Inkwantu, fil-kuntest tat-trattament tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li tat lok għas-sentenza Stratmann u Fleischversorgung Neuss, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx irrispondiet għad-domanda dwar jekk miżata miġbura skont il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 għandhiex tieħu l-forma ta’ ħlas standard, mill-imsemmija sentenza ma tista’ tiġi misluta ebda konklużjoni rigward ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda.

35

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li interpretazzjoni tal-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 li abbażi tagħha miżata miġbura skont din id-dispożizzjoni ma tistax tkun ikkostitwita minn diversi elementi, hija invalidata mis-sentenza Feyrer, iċċitata iktar ’il fuq.

36

Fil-fatt, fil-punt 26 tal-imsemmija sentenza Feyer, li fih issir referenza għall-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont l-Artikolu 2(3) ta’ din tal-aħħar, li sar l-Artikolu 5(3), il-“miżata totali miġbura” li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun għola mill-figura reali tal-ispejjeż tal-ispezzjoni. Issa, miżata “totali” tirriżulta neċessarjament mill-addizzjoni ta’ diversi elementi kostituttivi tagħha.

37

Il-fatt li l-miżata inkwistjoni f’dan il-każ hija komposta minn diversi elementi ta’ infieq mhijiex għaldaqstant, fiha nnifisha, tali li trendi din il-miżata inkompatibbli mal-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73.

38

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li l-miżata inkwistjoni ma teċċedix l-ispejjeż reali. Minn dan isegwi li, fuq dan il-punt, din il-miżata lanqas ma tikser il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Feyrer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 sa 29).

39

Għall-istess raġuni, l-imsemmija miżata lanqas ma tikser l-Artikoli 1 u 5(4) tad-Direttiva 85/73.

40

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-għanijiet ta’ trasparenza u tal-ġlieda kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma jipprekludux il-ġbir ta’ miżata bħal dik imsemmija fl-ewwel ilment tal-Kummissjoni.

41

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan ta’ trasparenza, għandu jiġi rrilevat li, l-imsemmija miżata turi b’mod ċar u ddettaljat in-natura tad-diversi elementi li minnhom hija kkostitwita, din tippermetti lid-debitur jagħraf il-kompożizzjoni eżatta tal-miżata totali u b’dan il-mod tqiegħdu f’pożizzjoni, minn naħa, li jagħmel modifiki fl-organizzazzjoni tal-attività tiegħu sabiex jimmassima l-funzjonament tagħha, b’mod partikolari billi jfaddal fuq ċerti spejjeż, u, min-naħa l-oħra, li jqabbel jekk ikun il-każ l-ispejjeż tiegħu ma’ dawk ta’ operaturi ekonomiċi oħrajn.

42

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-għan ta’ ġlieda kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, għandu jiġi mfakkar li din il-ġlieda mhijiex imwettqa permezz tal-introduzzjoni ta’ miżata ta’ ammont uniformi għall-Komunità Ewropea kollha, iżda permezz tal-adozzjoni ta’ regoli armonizzati dwar l-iffinanzjar tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli tas-saħħa tal-laħam frisk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Feyrer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). Għaldaqstant il-miżuri għall-ispezzjoni u l-kontroll ġew armonizzati hekk kif ġew armonizzati wkoll, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 85/73 u mill-punti 4 u 5 tal-Kapitolu I tal-Anness A ta’ din tal-aħħar, id-diversi elementi tal-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-miżata Komunitarja.

43

Issa, inkwantu mhuwiex stabbilit u lanqas allegat li l-miżata prevista fl-Artikolu 4 tal-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein tkopri elementi ta’ spejjeż għajr dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew teċċedi l-ammont tal-ispejjeż reali, din mhijiex tali li tqiegħed fid-dubju l-għan ta’ ġlieda kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mfittex mid-Direttiva 85/73.

44

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-argument invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-ewwel ilment tagħha ma jistax jintlaqa’.

45

Minn dan isegwi li l-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni lment

46

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li, minn wara l-1 ta’ Jannar 2007, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 27(2), (4) u (10) tar-Regolament Nru 882/2004 billi m’adattatx għal dawn id-dispożizzjonijiet dawk tal-Artikolu 4 tal-Liġi ta’ implementazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein.

47

Rigward dan l-ilment, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li d-dispożittiv tal-opinjoni motivata tas-6 ta’ Lulju 2006 ma jirreferix għal allegat nuqqas tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 882/2004, peress li, barra minn hekk, sar applikabbli biss f’data sussegwenti għal dik li fiha din l-opinjoni kienet ġiet innotifikata lill-imsemmi Stat Membru.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha huwiex ammissibbli.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ meta jiskadi t-terminu li l-Kummissjoni tkun tat lill-Istat Membru inkwistjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 32, u tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-275/04, Ġabra p. I-9883, punt 34).

50

Għalkemm it-talbiet li jinstabu fir-rikors ma jistgħux, fil-prinċipju, jiġu estiżi lil hinn minn nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi allegati fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u fl-ittra ta’ intimazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali ta’ att Komunitarju, li sussegwentement ikun ġie emendat jew imħassar, li jkunu nżammu permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kontroversja ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat, taħt il-piena li jkun hemm ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jirregolaw il-proċeduri li jikkonstataw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-363/00, Ġabra p. I-5767, punt 22, u L-Kummissjoni vs Il-Beljġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

51

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-miżati jew it-taxxi msemmija fl-Artikolu 27(2), (4) u (10) tar-Regolament Nru 882/2004 jistgħu, kif jirriżulta b’mod iktar partikolari mis-subparagrafu (b) tat-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jiġu stabbiliti b’rati standard.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-miżati u taxxi huma fondamentalment differenti mill-miżati li l-Istati Membri jistgħu jiġbru skont il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, li, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, ma setgħux jieħdu l-forma ta’ ħlas standard, iżda kellhom jikkorrispondu għall-ispejjeż reali.

53

Minn dan isegwi li, permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni estendiet is-suġġett tal-kawża kif jirriżulta mill-opinjoni motivata għal obbligu li jirriżulta mir-Regolament Nru 882/2004 li ma jikkorrispondix għal obbligu fid-Direttiva 85/73 u, għaldaqstant, din l-istituzzjoni kisret ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jirregolaw il-proċeduri li għandhom iwasslu għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

54

Għaldaqstant, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

55

Fid-dawl ta’ dawk li ntqal preċedentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud kompletament.

Fuq l-ispejjeż

56

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq