Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0455

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta' Novembru 2008.
    Heemskerk BV u Firma Schaap vs Productschap Vee en Vlees.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
    Regolamenti (KE) Nri 615/98, 1254/1999 u 800/1999 - Direttiva 91/628/KEE - Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni - Protezzjoni tal-annimali tal-ifrat matul it-trasport - Kompetenza ta’ korp amministrattiv ta’ Stat Membru biex jiddeċiedi, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-veterinarju uffiċjali, li l-mezz tat-trasport tal-annimali ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji - Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri - Eżami ex officio tal-motivi bbażati fuq id-dritt Komunitarju - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reformatio in pejus.
    Kawża C-455/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08763

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:650

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    25 ta’ Novembru 2008 ( *1 )

    “Regolamenti (KE) Nri 615/98, 1254/1999 u 800/1999 — Direttiva 91/628/KEE — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — Protezzjoni tal-annimali tal-ifrat matul it-trasport — Kompetenza ta’ korp amministrattiv ta’ Stat Membru biex jiddeċiedi, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-veterinarju uffiċjali, li l-mezz tat-trasport tal-annimali mhuwiex konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji — Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri — Eżami ex officio tal-motivi bbażati fuq id-dritt Komunitarju — Regola nazzjonali li tipprojbixxi r-reformatio in pejus”

    Fil-Kawża C-455/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-, fil-kawża

    Heemskerk BV,

    Firma Schaap

    vs

    Productschap Vee en Vlees,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u T. von Danwitz, Presidenti tal-Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský, J. Klučka (Relatur), A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn V. Kontolaimos u G. Kanellopoulos kif ukoll minn S. Papaioannou, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u T. van Rijn kif ukoll minn M. van Heezik, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 615/98, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jippreskrivi regoli dettaljati fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-benesseri tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport (ĠU L 82, p. 19), tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU L 340, p. 17), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad- (ĠU L 148, p. 52, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/628”), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 102, p. 11), u tal-Artikolu 33(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/99, tas-, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (ĠU L 160, p. 21).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Heemskerk BV u Firma Schaap minn naħa waħda, u Productschap Vee en Vlees (iktar ’il quddiem il-“Productschap”) min-naħa l-oħra, dwar il-ħlas lura ta’ parti mir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni li din tal-aħħar tikkunsidra li tħallset indebitament lil dawn iż-żewġ kumpanniji.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    Ir-Regolament Nru 1254/1999

    3

    Ir-Regolament Nru 1254/1999 ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (ĠU L 148, p. 24).

    4

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(9) tar-Regolament Nru 1254/99, il-ħlas ta’ rifużjoni għall-esportazzjoni ta’ annimali ħajjin għandu jkun suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-benesseri tal-annimali, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport.

    Ir-Regolament Nru 615/98

    5

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi li:

    “[…] il-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ annimali tal-ifrat ħajjin li jaqgħu taħt il-Kodiċi NC 0102 (iktar ’il quddiem imsejħa “annimali”) għandu jkun suġġett għall-osservanza, matul it-trasport tal-annimali lejn il-post tal-ewwel ħatt tagħhom fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali:

    tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE u

    tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6

    Skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament:

    “1.   Il-ħruġ tal-annimali mit-territorju doganali tal-Komunità jista’ jsir biss mill-punti ta’ ħruġ li ġejjin:

    post ta’ spezzjoni fil-konfini approvat b’deċiżjoni tal-Kummissjoni għal kontrolli veterinarji fuq ungulati ħajjin minn pajjiżi terzi

    jew

    punt ta’ ħruġ indikat mill-Istat Membru.

    2.   Veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ għandu jivverifika u jiċċertifika skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE [tas-17 ta’ Diċembru 1996, dwar ċ-ċertifikazzjoni tal-annimali u tal-prodotti tal-annimali (ĠU 1997 L 13, p. 28)], li:

    l-annimali jistgħu jwettqu l-vjaġġ previst skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE,

    il-mezz ta’ trasport li bih l-annimali joħorġu mit-territorju doganali tal-Komunità huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE

    u li

    ittieħdu provvedimenti għall-kura tal-annimali matul il-vjaġġ skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE.

    3.   Jekk il-veterinarju tal-punt ta’ ħruġ iqis li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ġew sodisfatti b’mod sodisfaċenti, huwa jiċċertifika din il-konstatazzjoni permezz tal-kliem

    […]

    Kontrolli meħtieġa mill-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 615/98 sodisfaċenti

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    7

    L-Artikolu 5(2), (3) u (7) tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi li:

    “2.   Flimkien mat-talba għall-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tar-Regolament [tal-Kummissjoni,] (KEE) Nru 3665/87 [tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1)] għandha tingħata prova, fit-terminu previst f’dan l-Artikolu, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 ġew irrispettati.

    Din il-prova għandha tingħata permezz:

    tad-dokument imsemmi fl-Artikolu 2(3) mimli kif suppost

    u

    jekk ikun il-każ, tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 3(2).

    […]

    3.   Ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma titħallasx fir-rigward tal-annimali li mietu matul it-trasport jew fir-rigward tal-annimali li għalihom l-awtorità kompetenti tqis — fid-dawl tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2, tar-rapporti ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 4 u/jew ta’ kull prova li hija għandha li tikkonċerna l-osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 — li d-direttiva fuq il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport ma ġietx irrispettata.

    […]

    7.   Meta jiġi stabbilit, wara l-ħlas tar-rifużjoni, li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport ma ġietx irrispettata, il-parti rilevanti tar-rifużjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, it-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 4, titqies li tħallset indebitament u tiġi rkuprata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) u (6) tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id-Direttiva 91/628

    8

    L-Artikolu 5A(1)(a) sa (c) tad-Direttiva 91/628 jipprovdi li:

    “A. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    1)

    kull trasportatur:

    a)

    huwa:

    […]

    ii)

    koperta minn awtorizzazzjoni valida għat-trasport kollu ta’ l-annimali bis-sinsla (vertebrati) li jitwettaq f’wieħed mit-territorji li għalihom issir referenza fl-Anness I tad-Direttiva 90/675/KEE, mogħtija mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment jew, jekk impriża stabbilita f’pajjiż terz hija involuta, minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni, bla ħsara għal impenn bil-miktub mill-persuna responsabbli għat-trasport li tintrabat li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità fis-seħħ.

    […]

    b)

    ma jittrasportax kull annimal, jew jikkawża kull annimal li jrid jiġi trasportat, b’mod li x’aktarx jikkawża korriment jew sofferenza mhux mistħoqqa lil dak l-annimal;

    c)

    juża, għat-trasport ta’ l-annimali li għalihom issir referenza f’din id-Direttiva, mezzi ta’ trasport li jiżguraw konformità mar-rekwiżiti tal-Komunità li jirrigwarjaw l-assistenza [il-benesseri] matul it-trasport […]”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    9

    L-Artikolu 8:69 tal-Liġi ġenerali dwar id-dritt amministrattiv (Algemene Wet Bestuursrecht) jgħid kif ġej:

    “1.

    Il-qorti li quddiemha tidher il-kawża għandha tagħti deċiżjoni billi tibbaża ruħha fuq ir-rikors, id-dokumenti ppreżentati quddiemha, l-investigazzjoni preliminari u l-eżami tal-kawża matul is-seduta.

    2.

    Il-qorti għandha tikkompleta l-motivi ex officio.

    3.

    Il-qorti tista’ tikkompleta l-fatti ex officio.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-25 ta’ Jannar 2000, kull waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjarat l-esportazzjoni ta’ 300 għoġġiela tqal lejn il-Marokk, għal liema operazzjoni huma talbu u kisbu l-ħlas ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni skont ir-Regolament Nru 800/1999.

    11

    Is-600 għoġġiela tqal, flimkien ma’ 40 għoġġiela tqal appartenenti lil impriża oħra, tgħabbew fl-istess ġurnata f’Moerdijk (l-Olanda) fuq bastiment irreġistrat fl-Irlanda, l-M/S Irish Rose (iktar ’il quddiem il-“bastiment”), sabiex jiġu ttrasportati lejn Kasablanka (il-Marokk). Il-veterinarju uffiċjali li kkontrolla l-operazzjoni ta’ imbarkazzjoni ċċertifika li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 615/98 kienu ġew sodisfatti.

    12

    L-imsemmi bastiment ġie awtorizzat mill-awtoritajiet Irlandiżi sabiex iġorr annimali fuq erja ta’ 986 m2.

    13

    Matul kontroll li sar fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4045/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-sezzjoni ta’ Garanziji tal-Gwida Agrikola u tal-Fond ta’ Garanziji ta’ l-Unjoni Ewropea u li qed iħassar id-Direttiva 77/435/KEE (ĠU L 388, p. 18), instab dokument fil-fajls amministrattivi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li minnu jirriżulta li l-kapaċità tat-trasport ta’ annimali ħajjin fil-bastiment inqabżet b’111 annimal tal-ifrat. Investigazzjoni aktar speċifika, imwettqa mis-Servizz Ġenerali ta’ Spezzjoni, uriet li l-veterinarju uffiċjali, fil-punt ta’ ħruġ, m’għamel l-ebda kontroll dwar jekk ir-regoli fir-rigward tad-densità ta’ tagħbija, li jinsabu fil-Kapitolu VI tal-Anness tad-Direttiva 91/628, ġewx irrispettati. Abbażi ta’ din l-investigazzjoni u ta’ dikjarazzjoni tal-persuna li akkumpanjat l-annimali matul it-trasport tagħhom lejn il-Marokk, l-imsemmi Servizz Ġenerali ta’ Spezzjoni ddeduċa li l-kundizzjonijiet għall-benesseri tal-annimali tal-ifrat matul it-trasport tagħhom, kif stipulati fid-Direttiva 91/628, ma ġewx irrispettati u li b’mod ċar kien hemm tagħbija żejda tal-bastiment.

    14

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Marzu 2004, il-Productschap irtirat ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u talbet il-ħlas lura tal-ammonti diġà mħallsa, b’żieda ta’ 10 %. Hija stabbiliet ukoll l-imgħaxijiet legali dovuti.

    15

    Permezz ta’ ittri tat-13 ta’ April 2004, kull waħda mill-imsemmija rikorrenti ppreżentat ilment kontra d-deċiżjonijiet tas-.

    16

    Bid-deċiżjonijiet tat-2 u tal-25 ta’ Awwissu 2005, il-Productschap iddeċidiet, wara li semgħet lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-, li żżomm id-deċiżjoni tal-irtirar u l-ħlas lura tar-rifużjoni, iżda naqset l-ammont tal-flus li kellhom jitħallsu lura. Peress li n-numru ta’ annimali tal-ifrat li kien jaqbeż dak permess għad-986 m2 awtorizzati kien ġie ttrasportat bi ksur tar-regoli stabbiliti bid-Direttiva 91/628, fosthom dawk dwar id-densità ta’ tagħbija, il-Productschap qieset li r-rifużjoni kellha tiġi rtirata u mħallsa lura fir-rigward tal-parti tat-tagħbija li ma rrispettatx ir-rekwiżiti relattivi għall-benesseri tal-annimali.

    17

    Għal dan il-għan, skont il-punt 47 tal-Anness tad-Direttiva 91/628, hija stabbiliet li r-regola ta’ tagħbija għat-trasport ta’ għoġġiela tqal bil-baħar kienet ta’ 1,70775 m2. Sabiex jiġi kkalkulat in-numru ta’ annimali ttrasportati bi ksur ta’ din ir-regola ta’ tagħbija, hija ddividiet l-erja tal-bastiment awtorizzata, jiġifieri 986 m2, bl-erja għal kull annimal. Minn dan hija kkonkludiet li n-numru ta’ annimali żejda ttrasportati mill-bastiment matul l-operazzjoni ta’ esportazzjoni kien ta’ 62.

    18

    Il-Productschap ikkalkulat il-parti tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li kellha tiġi rkuprata, abbażi ta’ dik mogħtija għan-numru żejjed ta’ annimali ttrasportati, b’mod proporzjonali għas-sehem tagħhom fl-operazzjoni kollha. Skont dan il-kalkolu, kull waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ntalbet tħallas lura r-rifużjoni għal 29 annimal. B’mod konformi mal-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 615/98, moqri flimkien mal-paragrafu 4 tal-istess Artikolu, ir-rifużjoni mogħtija, barra minn hekk, ġiet imnaqqsa b’ammont ugwali għal dak tar-rifużjoni rtirata.

    19

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tat-2 u tal- quddiem il-qorti tar-rinviju. In sostenn tar-rikors tagħhom, huma invokaw numru ta’ motivi li, essenzjalment, minn naħa, jirreferu għan-natura probatorja taċ-ċertifikat maħruġ mill-veterinarju uffiċjali, u min-naħa l-oħra, isostnu li l-kundizzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Irlandiża, skont liema l-bastiment seta’ jittrasporta annimali biss fuq erja ta’ 986 m2, ma kinitx applikabbli għal trasport mill-Olanda lejn il-Marokk.

    20

    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven identifikat argumenti oħrajn li jistgħu jkollhom influwenza fuq is-soluzzjoni tal-kawża principali. Madankollu, peress li dawn l-argumenti ma kinux tqajmu quddiemha, ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali ma jippermettux li dawn jiġu kkunsidrati. Mill-Artikolu 8:69 tal-Liġi ġenerali dwar id-dritt amministrattiv jirriżulta li l-qorti għandha tiddeċiedi biss fuq il-punti tal-kawża li jiġu sottomessi lilha mill-partijiet. Għalkemm huwa minnu li s-subartikolu 2 ta’ dan l-Artikolu jgħid li l-qorti tikkompleta ex officio l-motivi, jeħtieġ madankollu li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li l-qorti tagħti forma legali lill-ilmenti li r-rikorrent għamel kontra l-att amministrattiv ikkontestat. Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn dan l-obbligu li tikkompleta ex officio dawn il-motivi u l-evalwazzjoni li l-qorti hija marbuta li twettaq minn rajha. Tali evalwazzjoni tirriżulta biss fil-każ tal-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ordni pubbliku, jiġifieri dawk relatati mas-setgħat tal-korpi amministrattivi u ma’ dawk tal-qorti nnifisha kif ukoll mad-dispożizzjonijiet relatati mal-ammissibbiltà.

    21

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex marbuta, skont id-dritt Komunitarju, li tieħu inkunsiderazzjoni argumenti bbażati fuq dan id-dritt, li ma ġewx invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    22

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    a)

    B’deroga għaċ-ċertifikazzjoni mill-veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament […] Nru 615/98, korp amministrattiv għandu l-kompetenza li jiddeċiedi li t-trasport ta’ annimali kopert mill-imsemmija ċertifikazzjoni mhuwiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva [91/628]?

    b)

    Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda (a):

     

    L-eżerċizzju mill-korp amministrattiv ikkonċernat ta’ din il-kompetenza li taqa’ taħt id-dritt Komunitarju, huwa suġġett għal ċertu restrizzjonijiet u jekk iva, liema?

    2)

    Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

     

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dritt għal rifużjoni, pereżempju fil-każijiet imsemmija mir-Regolament […] Nru 800/1999, korp amministrattiv ta’ Stat Membru għandu jiddetermina jekk trasport ta’ annimali ħajjin jirrispettax ir-rekwiżiti Komunitarji dwar il-benesseri ta’ annimal abbażi ta’ kundizzjonijiet applikabbli fl-Istat Membru inkwistjoni jew inkella abbażi tal-kundizzjonijiet applikabbli fl-Istat li fih huwa rreġistrat il-bastiment li jittrasporta l-annimali ħajjin, jiġifieri l-Istat li pprovda awtorizzazzjoni lil dan il-bastiment?

    3)

    Id-dritt Komunitarju jimponi li jiġu eżaminati ex officio l-motivi bbażati fuq ir-Regolamenti […] Nri 1254/1999 u […] 800/1999, jiġifieri motivi li jeċċedu l-limiti tal-kawża kif imressqa quddiem il-qorti nazzjonali?

    4)

    Il-kunċett ta’ “suġġett għall-konformità mad-dispożizzjoni stabbilita fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-ħarsien [benesseri] ta’ l-annimali” imsemmi fl-Artikolu 33(9) tar-Regolament […] Nru 1254/1999 għandu jinftiehem fis-sens li, jekk jiġi stabbilit li bastiment li jittrasporta annimali ħajjin jitgħabba b’mod li tinqabeż it-tagħbija awtorizzata f’dan ir-rigward għal dan il-bastiment skont ir-rekwiżiti dwar il-benesseri tal-annimali, id-dispożizzjonijiet Komunitarji jiġu miksura biss fir-rigward tan-numru ta’ annimali li jaqbeż it-tagħbija awtorizzata jew għandu jiġi deċiż li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma ġewx irrispettati fir-rigward tal-annimali ħajjin kollha ttrasportati?

    5)

    L-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju timplika li, permezz tal-istħarriġ ex officio fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, jiġi eskluż il-prinċipju, stabbilit fid-dritt Olandiż tal-proċedura amministrattiva, li jgħid li l-persuna li tippreżenta rikors ma tistax ssib ruħha f’pożizzjoni iktar sfavorevoli minn dik li fiha hija kienet issib ruħha fin-nuqqas ta’ dan ir-rikors?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    23

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 615/98 u, partikolarment, l-Artikoli 1 u 5(3) u (7) tiegħu, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tista’ tiddeċiedi li trasport ta’ annimali ma seħħx b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, anke jekk, skont l-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament, il-veterinarju uffiċjali kien iċċertifika li dan it-trasport kien konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Fil-każ li tingħata risposta affermattiva, hija tixtieq tkun taf jekk il-kompetenza ta’ din l-awtorità hijiex suġġetta għal ċerti restrizzjonijiet.

    24

    Għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-kliem użat fl-Artikoli 1 u 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 tikkostitwixxi kundizzjoni għall-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Huwa l-esportatur li għandu jipprova, skont l-Artikolu 5(1) u (2) tal-istess regolament, li l-kundizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ġew sodisfatti. Għandu jiġi enfasizzat li, sabiex jikseb ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, l-esportatur għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni, il-prova li ġew osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament u konsegwentament, dawk tad-direttiva hawn fuq imsemmija, billi jippreżenta d-dokumenti msemmija fl-Artikoli 2(3) u 3(2) ta’ dan ir-regolament rispettivament. Fost dawn id-dokument hemm partikolarment iċ-ċertifikat tal-veterinarju uffiċjali.

    25

    F’dak li jirrigwarda n-natura probatorja ta’ dokumenti bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, hekk kif jirriżulta mill-għan tal-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament Nru 615/98, il-preżentazzjoni mill-esportatur tal-imsemmija dokumenti ma tikkostitwixxix prova juris et de jure li l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jew li d-Direttiva 91/628 ġew osservati. Fil-fatt, din il-prova hija suffiċjenti biss sakemm l-awtorità kompetenti ma jkollhiex provi fid-dawl ta’ liema hija tista’ tqis li d-direttiva msemmija ma ġietx osservata. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem użat fl-Artikolu 5(3) tal-istess regolament, li jgħid li l-awtorità kompetenti tista’ ma tħallasx ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni għall-annimali fir-rigward ta’ liema hija tqis, fid-dawl tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu (2) tal-imsemmi Artikolu 5, tar-rapporti ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u/jew ta’ kull prova oħra għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, li d-Direttiva 91/628 ma kinitx ġiet osservata (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Viamex Agrar Handel, C-96/06, Ġabra p. I-1413, punti 34 u 35).

    26

    Minkejja l-preżentazzjoni mill-esportatur ta’ ċertifikat maħruġ mill-veterinarju uffiċjali, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98, l-awtorità kompetenti tista’ tqis li l-esportatur la osserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament u lanqas dawk tad-Direttiva 91/628, bil-kundizzjoni li jkunu sodisfatti, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament (is-sentenza Viamex Agrar Handel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

    27

    Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li dan ir-raġunament, skont liema l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi, minkejja d-dokumenti ppreżentati mill-esportatur, li ma tħallasx ir-rifużjoni, japplika wkoll fil-każ meta r-rifużjoni tkun diġà tħallset lill-esportatur.

    28

    Kull interpretazzjoni oħra tneħħi l-effettività, minn naħa, tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 615/98, skont liema, meta jiġi stabbilit, wara l-ħlas tar-rifużjoni, li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport ma ġietx irrispettata, ir-rifużjoni hija rkuprata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) sa (6) tar-Regolament Nru 3665/87, u, min-naħa l-oħra, tal-kontrolli a posteriori msemmija fir-Regolament Nru 4045/89.

    29

    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk tali kompetenza hijiex suġġetta għal ċertu restrizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 615/98 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtorità kompetenti li b’mod arbitrarju tikkontesta l-provi li l-esportatur jannetti mat-talba tiegħu għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni. Fil-fatt, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti mhuwiex mingħajr limitu peress li dan huwa ristrett permezz ta’ dan l-Artikolu 5. Il-marġni ta’ diskrezzjoni msemmi jidher, partikolarment, li huwa limitat fir-rigward tan-natura u l-forza probatorja tal-provi li din l-awtorità tinvoka (ara s-sentenza Viamex Agrar Handel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

    30

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-awtorità kompetenti li għandha, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi u konkreti li jirrigwardaw il-benesseri tal-annimali li huma ta’ natura tali li jistabbilixxu li d-dokumenti annessi mill-esportatur mat-talba tiegħu għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma jippermettux li tiġi ppruvata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 matul it-trasport, u jekk ikun il-każ, huwa l-esportatur li għandu l-oneru li jipprova b’liema mod il-provi invokati mill-awtorità kompetenti biex turi li dan ir-regolament u din id-direttiva ma ġewx osservati, mhumiex rilevanti (is-sentenza Viamex Agrar Handel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

    31

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’kull każ, l-awtorità kompetenti hija obbligata li timmotiva d-deċiżjoni tagħha billi tagħti r-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-provi mressqa mill-esportatur ma jippermettux li jiġi stabbilit li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 ġew osservati. B’mod partikolari, għal dan l-iskop, l-awtorità msemmija hija obbligata li tagħmel evalwazzjoni oġġettiva tad-dokumenti li jiġu ppreżentati lilha mill-esportatur u li turi l-karattru xieraq tal-provi li hija tinvoka sabiex tistabbilixxi li d-dokumentazzjoni annessa mat-talba għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni mhijiex ta’ natura tali li tipprova li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva ġew osservati (is-sentenza Viamex Agrar Handel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    32

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li r-Regolament Nru 615/98 u, partikolarment, l-Artikoli 1 u 5(3) u (7) tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għandha l-kompetenza tiddeċiedi li trasport ta’ annimali ma sarx skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, anke jekk, il-veterinarju uffiċjali kien iċċertifika, skont l-Artikolu 2(3) tal-istess regolament, li dan it-trasport kien konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, l-imsemmija awtorità għandha tibbaża ruħha fuq provi oġġettivi, fir-rigward tal-benesseri tal-annimali, li huma tali li jikkontestaw id-dokumenti ppreżentati mill-esportatur. Huwa mbagħad f’idejn l-esportatur, jekk ikun il-każ, li jistabbilixxi li l-provi invokati mill-awtorità kompetenti biex turi li d-Direttiva 91/628 ma ġietx osservata, mhumiex rilevanti.

    Fuq it-tieni domanda

    33

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, li jiġi ppreċiżat jekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tad-dritt għal rifużjoni, fil-każijiet stipulati fir-Regolament Nru 800/1999, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni għandhiex, bil-għan li tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-benesseri tal-annimali matul it-trasport ġewx irrispettati, tieħu inkunsiderazzjoni l-erja disponibbli tal-bastiment abbażi tar-regoli fis-seħħ f’dan l-Istat Membru jew dik imsemmija meta ngħatat l-awtorizzazzjoni abbażi tar-regoli fis-seħħ fl-Istat li fih huwa rreġistrat il-bastiment.

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li kemm l-Istat ta’ esportazzjoni kif ukoll l-Istat li fih hu rreġistrat il-bastiment, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, huma t-tnejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    35

    Fir-rigward tal-erja totali ta’ bastiment li tista’ tintuża għat-trasport tal-annimali, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 91/628 ma fiha l-ebda dispożizzjoni espressa f’dan ir-rigward.

    36

    F’dan il-kuntest, fil-każ fejn bastiment ikun ingħata awtorizzazzjoni għal ċerta erja mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membru li fih hu rreġistrat il-bastiment, għandu jiġi kkonstatat li l-erja indikata fl-awtorizzazzjoni tirrifletti l-erja li fiha l-benesseri tal-annimali huwa ggarantit. Fil-fatt, huwa paċifiku li, sabiex tagħti awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha neċessarjament tagħmel kontrolli dettaljati sabiex tikkalkula l-erja totali tal-bastiment li tista’ tintuża u li hija tali li tiżgura l-benesseri tal-annimali matul it-trasport tagħhom.

    37

    Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni din l-erja rilevanti sabiex tevalwa jekk it-trasport tal-annimali fuq il-bastiment sarx billi ġew osservati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 dwar il-benesseri tal-annimali.

    38

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li, meta bastiment ikun ġie awtorizzat għat-trasport ta’ annimali għal ċerta erja mill-Istat Membru li fih hu rreġistrat il-bastiment, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni għandha tibbaża ruħha fuq din l-awtorizzazzjoni sabiex tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-benesseri tal-annimali matul it-trasport ġewx irrispettati.

    Fuq ir-raba’ domanda

    39

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi evalwata qabel it-tielet u l-ħames domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “konformità mad-dispożizzjoni[jiet] stabbilit[i] fil-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-ħarsien [benesseri] ta’ l-annimali” imsemmi fl-Artikolu 33(9) tar-Regolament Nru 1254/99, għandux jiġi interpretat fis-sens li, ladarba jiġi stabbilit li r-rekwiżiti Komunitarji fir-rigward tad-densità tat-tagħbija stipulati fil-punt 47 B tal-Kapitolu VI tal-Anness tad-Direttiva 91/628 ma ġewx irrispettati matul it-trasport tal-annimali, għandu jiġi konkluż li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx osservati f’dak li jikkonċerna l-annimali ħajjin ittrasportati kollha jew le.

    40

    Skont il-punt 47 B tal-Kapitolu VI tal-Anness tal-imsemmija direttiva, id-densità ta’ tagħbija għal kull annimal hija kkalkulata, fil-każ ta’ trasport bil-baħar, f’metri kwadri.

    41

    Hekk kif ġie rrelevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-erja kollha disponibbli għat-trasport tal-annimali fuq il-bastiment diviż bin-numru ta’ annimali li ġew effettivament ittrasportati ma tkunx konformi mal-erja għal kull annimal skont il-punt 47 B tal-Kapitolu VI tal-Anness tad-Direttiva 91/628, għandu jiġi kkunsidrat li r-regoli Komunitarji fil-qasam tad-densità tat-tagħbija ma ġewx osservati għal ebda wieħed mill-annimali ttrasportati. Fil-fatt huwa paċifiku li, fil-każ fejn tkun inqabżet id-densità tat-tagħbija, l-ispazju disponibbli għal kull annimal jonqos minħabba l-fatt li n-numru ta’ annimali fuq il-bastiment ikun ogħla min-numru awtorizzat skont dawn ir-regoli.

    42

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li t-tagħbija żejda ta’ bastiment taffetwa, bħala regola, lill-annimali kollha, peress li tagħti lok għal limitazzjoni taċ-ċaqliq fiżiku tagħhom, tnaqqis fl-ispazju meħtieġ għall-kumdità tagħhom, żieda fir-riskju li dawn l-annimali jweġgħu u kundizzjonijiet inferjuri ta’ trasport għall-annimali kollha ttrasportati u mhux biss għall-annimali żejda mgħobbija.

    43

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-kunċett ta’ “konformità mad-dispożizzjoni[jiet] stabbilit[i] fil-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-[benesseri] ta’ l-annimali” imsemmi fl-Artikolu 33(9) tar-Regolament Nru 1254/99 għandu jiġi interpretat fis-sens li, ladarba jiġi stabbilit li r-rekwiżiti Komunitarji fir-rigward tad-densità tat-tagħbija stipulati fil-punt 47 B tal-Kapitolu VI tal-Anness tad-Direttiva 91/628 ma ġewx irrispettati matul it-trasport tal-annimali, għandu, bħala regola, jiġi konkluż li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx osservati f’dak li jirrigwarda l-annimali kollha ħajjin ittrasportati.

    Fuq it-tielet u l-ħames domandi

    44

    Permezz tat-tielet u tal-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt Komunitarju jimponix fuq il-qorti nazzjonali li teżamina ex officio motivi bbażati fuq ir-Regolamenti Nri 1254/1999 u 800/1999 li jeċċedu l-limiti tal-kawża meta tali eżami jwassal sabiex jeskludi l-prinċipju tad-dritt Olandiż li l-persuna li tippreżenta rikors ma tistax issib ruħha f’pożizzjoni iktar sfavorevoli minn dik li hija kienet issib ruħha fiha fin-nuqqas tar-rikors (prinċipju tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus).

    45

    Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven tindika li, skont l-Artikolu 8:69 tal-Liġi ġenerali dwar id-dritt amministrattiv, bħala regola, hija ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni argumenti li jeċċedu l-limiti tal-kawża kif tkun ġiet iddefinita mill-partijiet. Barra minn hekk, hija tenfasizza li jekk id-dritt Komunitarju jimponilha li tissolleva ex officio l-motivi bbażati fuq ir-Regolamenti Nri 1254/1999 u 800/1999, hija tista’ tiġi kkonfrontata bir-regola proċedurali tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus stabbilita mid-dritt amministrattiv Olandiż, li l-persuna li tippreżenta rikors ma tistax issib ruħha f’pożizzjoni iktar sfavorevoli minn dik li fiha hija kienet issib ruħha fin-nuqqas ta’ rikors. Fil-fatt, hija ma teskludix li l-fatt li dawn ir-regolamenti jittieħdu inkunsiderazzjoni jista’ jkollu bħala konsegwenza li l-obbligi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsiru iktar onerużi.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jiġu rrelevat li d-dritt Komunitarju ma jistax jobbliga lil qorti nazzjonali tapplika ex officio dispożizzjoni Komunitarja meta tali applikazzjoni jkollha bħala konsegwenza li teskludi l-prinċipju, stabbilit fid-dritt proċedurali nazzjonali tagħha, tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus.

    47

    Fil-fatt, tali obbligu mhux biss imur kontra l-prinċipji tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li fuqhom hija bbażata l-imsemmija projbizzjoni, iżda jesponi lill-persuna li tkun ippreżentat rikors kontra att li jikkawżalha preġudizzju għar-riskju li tali rikors ipoġġiha f’pożizzjoni iktar sfavorevoli minn dik li fiha hija kienet issib ruħha li kieku ma kinitx ippreżentat dan ir-rikors.

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għall-ħames domandi hija li d-dritt Komunitarju ma jobbligax lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju meta tali applikazzjoni twassalha biex teskludi l-prinċipju, stabbilit fid-dritt nazzjonali rilevanti, tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 615/98, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jippreskrivi regoli dettaljati fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-benesseri tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport, u, partikolarment, l-Artikoli 1 u 5(3) u (7) tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għandha l-kompetenza tiddeċiedi li trasport ta’ annimali ma sarx skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-, anke jekk, il-veterinarju uffiċjali kien iċċertifika, skont l-Artikolu 2(3) tal-istess regolament, li dan it-trasport kien konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, l-imsemmija awtorità għandha tibbaża ruħha fuq provi oġġettivi, fir-rigward tal-benesseri tal-annimali, li huma tali li jikkontestaw id-dokumenti ppreżentati mill-esportatur. Huwa mbagħad f’idejn l-esportatur, jekk ikun il-każ, li jistabbilixxi li l-provi invokati mill-awtorità kompetenti biex turi li d-Direttiva 91/628, kif emendata bid-Direttiva 95/29, ma ġietx osservata, mhumiex rilevanti.

     

    2)

    Meta bastiment ikun ġie awtorizzat għat-trasport ta’ annimali għal ċerta erja mill-Istat Membru li fih hu rreġistrat il-bastiment, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni għandha tibbaża ruħha fuq din l-awtorizzazzjoni sabiex tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-benesseri tal-annimali matul it-trasport ġewx irrispettati.

     

    3)

    Il-kunċett ta’ “konformità mad-dispożizzjoni[jiet] stabbilit[i] fil-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-[benesseri] ta’ l-annimali” imsemmi fl-Artikolu 33(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/99, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella, għandu jiġi interpretat fis-sens li, ladarba jiġi stabbilit li r-rekwiżiti Komunitarji fir-rigward tad-densità tat-tagħbija stipulati fil-punt 47 B tal-Kapitolu VI tal-Anness tad-Direttiva 91/628, kif emendata bid-Direttiva 95/29, ma ġewx irrispettati matul it-trasport tal-annimali, għandu, bħala regola, jiġi konkluż li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx osservati f’dak li jirrigwarda l-annimali kollha ħajjin ittrasportati.

     

    4)

    Id-dritt Komunitarju ma jobbligax lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju meta tali applikazzjoni twassalha biex teskludi l-prinċipju, stabbilit fid-dritt nazzjonali rilevanti, tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq