EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0038

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-20 ta' Novembru 2008.
Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading BV vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni - Deċiżjoni tal-Kummissjoni - Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali - Eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari - Nuqqas ta’ ingann - Traskuraġni manifesta tal-importatur.
Kawża C-38/07 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08599

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:641

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Novembru 2008 ( *1 )

“Appell — Remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali — Eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari — Nuqqas ta’ ingann — Traskuraġni manifesta tal-importatur”

Fil-Kawża C-38/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fid-29 ta’ Jannar 2007,

Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading BV, irrappreżentata minn H. de Bie, advocaat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis, bħala aġent, assistit minn F. Tuytschaever, advocaat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, P. Kūris, u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading BV (iktar ’il quddiem “H & S”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Novembru 2006, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods vs Il-Kummissjoni (T-382/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullamnt tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 19/2002, tas-, li tikkonstata li r-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni mhijiex iġġustifikata f’każ partikolari (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni relattiva għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-karta tar-ross

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), stabbilixxa nomenklatura kompleta tal-merkanzija li tiġi importata jew esportata fil-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem in-“NM”), u din in-nomenklatura tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

3

Is-subintestaturi 19019099 u 19059020 tan-NM, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1624/97, tat-13 ta’ Awwissu 1997, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 224, p. 16), setgħu jiġu applikati f’dan il-każ.

4

L-intestaturi 1901 u 1905 tan-NM kif ukoll is-subintestaturi korrispondenti, fil-verżjoni tagħhom fil-lingwa Maltija, jistipulaw kif ġej:

“1901

Estratt tax-xgħir; preparazzjonijiet ta’ l-ikel tad-dqiq, groats (xgħir u barli mitħun oħxon), pasta, lamtu jew estratt tax-xgħir, ma fihomx kawkaw […], li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra; preparazzjonijiet ta’ l-ikel ta’ oġġetti ta’ titli 0401 sa 0404, ma fihomx kawkaw […], li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:

[…]

 

1901 90 99

— — —

oħrajn:

[…]

 

1905

Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u oġġetti oħrajn tal-furnara, fihom il-kawkaw jew le; ostji tat-tqarbin, cachets vojta ta’ kwalita’ li huma tajbin għal użu farmaċewtiku, karti tas-siġill (sealing wafers), karta ostja u prodotti simili:

[…]

 

1905 90

oħrajn:

[…]

 

1905 90 20

— —

Ostji tat-tqarbin, cachets vojta ta’ kwalita’ li huma tajbin għal użu farmaċewtiku, karti tas-siġill (sealing wafers), karta ostja u prodotti simili.”

5

Il-verżjoni Olandiża tan-NM tiddeskrivi l-intestatura 1905 u s-subintestaturi korrispondenti b’dan il-mod:

“1905

Brood, gebak, biscuits en andere bakkerswaren, ook indien deze producten cacao bevatten; ouwel in bladen, hosties, ouwels voor geneesmiddelen, plakouwels en dergelijke producten van meel of van zetmeel:

[…]

 

1905 90

andere:

[…]

 

1905 90 20

— —

ouwel in bladen, hosties, ouwels voor geneesmiddelen, plakouwels en dergelijke producten, van meel of van zetmeel.”

6

Sabiex tassigura l-applikazzjoni uniformi tan-NM fil-Komunità, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tista’ tadotta, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, regolamenti intiżi biex jikklassifikaw merkanzija partikolari fin-NM.

7

Skont l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1196/97, tas-27 ta’ Ġunju 1997, li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-nomenklatura magħquda (ĠU L 170, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ klassifikazjoni”), jaqgħu taħt is-subintestatura 19059020 tan-NM “[p]reparazzjoni[jiet] ta’ l-ikel, f’forma ta’ folji nexfin li jgħaddi d-dawl minnhom, ta’ qisien differenti, magħmulin minn dqiq tar-ross, melħ u ilma”. F’dan l-Anness, huwa speċifikat ukoll li “[d]awn il-folji, wara li jixxarbu fl-ilma […], huma ġeneralment użati biex jagħmlu r-wrappers għall-ispring-rolls jew prodotti simili”.

Il-leġiżlazzjoni relattiva għar-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni

8

L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad- (ĠU 1997, L 17, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jiddisponi:

“1.   Taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 64(2) u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet adottati fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 243(2)(b), kull persuna tista’ taħtar rappreżentant fin-negozjati tagħha ma’ l-awtoritajiet doganali biex jesegwixxi l-atti u l-formalitajiet stipulati mir-regoli doganali.

2.   Din ir-rappreżentazzjoni tista’ tkun:

diretta, f’liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra,

jew

indiretta, f’liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ persuna oħra.

[…]”

9

L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat,

li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja [manifesta] ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

2.   Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq […]”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża kif jirriżultaw mis-sentenza appellata

10

H & S, stabbilita fl-Olanda, timporta l-karta tar-ross mill-Vjetnam. Għal dan il-għan, hija użat is-servizzi ta’ aġent doganali, il-kumpannija Switch Customs Brokers BV, li hija għażlet bħala r-rappreżentant dirett tagħha skont l-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi Doganali.

11

H & S iddikjarat il-karta tar-ross li kienet timporta taħt il-kodiċi 19019099 tan-NM. Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 1996, l-amministrazzjoni doganali Olandiża (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni doganali”) indikat lill-appellanti li l-karta tar-ross inkwistjoni kellha effettivament tiġi kklassifikata taħt l-imsemmi kodiċi.

12

Fis-27 ta’ Ġunju 1997, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni, li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat- u li daħal fis-seħħ fid-.

13

Minkejja l-eżistenza ta’ dan ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni, H & S kompliet timporta l-karta tar-ross taħt il-kodiċi 19019099 tan-NM u l-amministrazzjoni doganali kompliet taċċetta 29 dikjarazzjoni f’6 xhur taħt din il-klassifikazzjoni (b’kontroll tad-dokumenti u, f’każ wieħed, kontroll tal-merkanzija). Fis-16 ta’ Marzu 1998, din tal-aħħar madankollu informat lill-appellanti li l-merkanzija inkwistjoni ma kellhiex tiġi kklassifikata fis-subintestatura 19019099, iżda fis-subintestatura 19059020 tan-NM. Iktar tard fl-istess ġurnata, hija madankollu kkonstatat il-konformità ta’ dikjarazzjoni li kienet tikklassifika l-karta tar-ross fis-subintestatura 19019099 tan-NM. Mis- ’il quddiem, l-appellanti importat il-karta tar-ross billi kklassifikatha fis-subintestatura 19059020 tan-NM.

14

B’ittra tat-22 ta’ Novembru 2000, l-amminstrazzjoni doganali informat lil H & S li, għall-perijodu bejn it- u l-, hija kienet ser iddaħħal sussegwetnement fil-kontijiet dazji fuq l-importazzjoni għal ammont totali ta’ 645399,50 NLG (jiġifieri EUR 292869,52) għar-raġuni li din il-kumpannija kienet, matul l-imsemmi perijodu, ikklassifikat il-merkanzija inkwistjoni b’mod żbaljat, billi l-kodiċi 19059020 tan-NM huwa dak li hu konformi mar-Regolament ta’ klassifikazzjoni. Wara li ġie aġġustat, dan l-ammont finalment ġie ffissat għal 636518,40 NLG, li jikkorrispondi għad-dikjarazzjonijiet ippreżentati bil-klassifikazzjoni żbaljata fis-subintestatura 19019099 tan-NM matul il-perijodu bejn il- u t-.

15

Fuq talba ta’ H & S f’dan is-sens, ir-Renju tal-Belġju, fit-13 ta’ Settembru 2002, talab lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi, skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, jekk kienx iġġustifikat li din il-kumpannija tingħata remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni.

16

Fis-17 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, hija kkonstatat li kien hemm sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. Madankollu, hija kkunsidrat li H & S kienet uriet traskuraġni manifesta, peress li, għalkemm hija operatur ta’ esperjenza u r-Regolament ta’ klassifikazzjoni elimina l-kumplessita tal-leġiżlazzjoni li setgħet teżisti qabel, hija ma kinitx ħadet passi biex tinforma ruħha fir-rigward tal-eżattezza tal-prattika tal-amministrazzjoni doganali, li kjarament kienet tmur kontra l-imsemmi Regolament.

Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Settembru 2004, H & S ressqet rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata li fih hija talbet, minn naħa, li d-deċiżjoni tiġi annullata sa fejn hija kienet tikkonstata li t-talba għal remissjoni tad-dazji ma kinitx iġġustifikata u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, talbet li r-rikors jiġi miċħud u li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

18

Insostenn tar-rikors tagħha, H & S sostniet tliet motivi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata relattivi għal, fl-ewwel lok, ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, fit-tieni lok, ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali u, fit-tielet lok, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

19

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ta’ H & S.

20

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, H & S invokat, b’mod partikolari, il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni minħabba l-fatt li l-verżjoni Olandiża tan-NM, għad-differenza tal-verżjonijiet fil-lingwi l-oħra, ma kienx fiha referenza espressa għall-“għaġina f’folji nexfin magħmula mid-dqiq”, b’mod li, bħal ma kienet għamlet l-amministrazzjoni doganali li, fil-passat, kienet irrakkomandat li din il-merkanzija tiġi kklassifikata fis-subintestatura 19019099 tan-NM, din il-kumpannija setgħet, b’bona fide, tikkunsidra li l-folji tar-ross kienu jaqgħu taħt din is-subintestatura. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni jmur kontra l-verżjoni Olandiża tan-NM u għalhekk ma setax jiġi invokat kontriha.

21

H & S sostniet ukoll li hija ma kinitx importatriċi b’esperjenza u li l-esperjenza professjonali tal-aġent doganali tagħha ma tistax tiġi imputata lilha. F’dan ir-rigward, hija sostniet li t-traskuraġni eventwali ta’ dan tal-aħħar, li ma kienx informa ruħu dwar ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni biex jiġi deċiż li hija kienet ħatja ta’ traskuraġni manifesta.

22

F’dan ir-rigward, wara li speċifikat, qabel kollox, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-kawża kienet tirrigwarda esklużivament il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tikkunsidra li H & S kienet ħatja ta’ traskuraġni manifesta, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fil-punt segwenti tal-istess sentenza, li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl u Söhlke (C-48/98, Ġabra p. I-7877, punt 56), kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-traskuraġni manifesta, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom ta lok għad-dejn doganali, l-esperjenza proessjonali kif ukoll id-diliġenza tal-operatur.

23

Fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ klassifikazzjoni kienet ġabet fi tmiem il-kumplessità eventwali tal-leġiżlazzjoni li kienet inħolqot min-nuqqas ta’ ċerti termini fil-verżjoni Olandiża tas-subintestatura 19059020 tan-NM. Fil-punt 70 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’ Istanza ddeċidiet li l-elementi relattivi għall-eventwali traskuraġni tal-aġent doganali, inkluża l-esperjenza professjonali tiegħu, kellhom jiġu kkunsidrati bħala r-responsabbiltà ta’ H & S. Fl-aħħar nett, fil-punt 75 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li meta jkun hemm dubji dwar l-applikazzjoni eżatta tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservazzjoni tagħhom jista’ jwassal għal dejn doganali, huwa l-operatur li għandu jinforma ruħu u jipprova jikseb il-kjarifiki kollha possibbli sabiex ma jiksirx dawn id-dispożizzjonijiet.

24

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet minn dan, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li, billi ma ppruvawx jiksbu informazzjoni mingħand l-amministrazzjoni doganali fuq ir-raġunijiet għalfejn il-prattika ta’ klassifikazzjoni tagħha ma kinitx taqbel mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ klassifikazzjoni, H & S u l-aġent doganali tagħha ma kinux urew id-diliġenza meħtieġa mill-Artikolu 239 tal-kodiċi doganali.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li H & S ma kienet uriet la ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u lanqas evalwazzjoni żbaljata tal-fatti mill-Kummissjoni, jew nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u, konsegwentement, ċaħdet l-ewwel motiv.

26

Permezz tat-tieni motiv tagħha, H & S akkużat lill-Kummissjoni b’rigorożità eċċessiva, bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, meta ma kkunsidratx l-iżbalji tal-amministrazzjoni doganali fl-evalwazzjoni tad-diliġenza tal-importatur.

27

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li t-traskuraġni tal-amministrazzjoni doganali kienet diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, iżda li, madankollu, ma setgħetx tiddispensa lir-rikorrenti mill-konsegwenzi tat-traskuraġni tagħha stess.

28

Fir-rigward tat-tielet motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li, meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali ma jkunux sodisfatti, ir-rifjut li tingħata remissjoni tad-dazji ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq l-appell

29

Permezz tal-appell tagħha, H & S titlob l-annullament tas-sentenza appellata u tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud bħala infondat u li H & S tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

31

Insostenn tal-appell tagħha, H & S tqajjem, essenzjalment, aggravju wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni relattiva għan-nuqqas ta’ traskuraġni manifesta tal-operatur. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet li jikkorrispondu għat-tliet elementi kkunsidrati mill-ġurisprudenza fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, jiġifieri l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni, l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tal-importatur.

32

Il-Kummissjoni tikkunsidra, min-naħa tagħha, li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali b’mod korrett. Barra minn hekk, filwaqt li tippreċiża li mhijiex biħsiebha tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, hija tikkonstata li H & S tirrepeti, xi drabi kelma b’kelma, l-argumenti li hija sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

Fuq l-ammissibbiltà

33

Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, C-499/04 P, Ġabra p. I-1751, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Appell li jkun limitat għal ripetizzjoni jew riproduzzjoni testwali tal-motivi u l-argumenti li jkunu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċittata).

35

Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel grad jistgħu jerġgħu jiġu diskussi fl-appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ b’dan il-mod jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-proċedura tal-appell tkun ipprivata minn parti mis-sinjifikat tagħha (sentenza Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm l-appellanti tirrikorri għal argumenti li diġà ġew ippreżentati insostenn tar-rikors għal annullament tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija madankollu tikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija minn din tal-aħħar fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tiġi sodifatta l-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ traskuraġni manifesta tal-importatur, kif prevista fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-appell għandu jiġi eżaminat.

Fuq l-ewwel parti, relattiva għall-kumplessità tal-leġiżlazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

38

Skont H & S, il-klassifikazzjoni tal-karta tar-ross fis-subintestatura 19059020 tan-NM għadha mhijiex stabbilita, hekk kif jikkonferma l-fatt li l- Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda) għamelt talbet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, kawża rreġistrata bin-numru C-375/07. Dan il-fatt isostni l-pożizzjoni tal-appellanti li tqis li din hija leġiżlazzjoni kumplessa, partikolarment minħabba n-nuqqasijiet fl-abbozzar tal-verżjoni Olandiża tan-NM u l-persistenza tal-amministrazzjoni doganali Olandiża li taċċetta klassifikazzjoni allegatament żbaljata. Barra minn hekk, l-appellanti tikkunsidra li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni ma setax ineħħi l-ambigwità relattiva għall-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni, peress li l-klassifikazzjoni magħmula minn dan ir-Regolament tmur kontra n-NM u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Uelzena Milchwerke (C-12/94, Ġabra p. I-2397).

39

Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni applikabbli mhijiex kumplessa u, fi kwalunkwe każ, ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni li l-applikazzjoni tiegħu hija kkontestata f’dan il-każ, ikkjarifika r-regoli fis-seħħ. Fil-verità, l-argumenti ta’ H & S jiffukaw fuq il-kwistjoni tal-kumplessità tal-klassifikazzjoni tal-karta tar-ross. Tali argumentazzjoni ma tikkonċernax il-proċedura ta’ remissjoni tad-dazji, iżda r-realtà tad-dejn doganali, jiġifieri r-rikors ippreżentat minn H & S quddiem il-qorti nazzjonali kontra l-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija fis-subintestatura 19059020 tan-NM meqjusa korretta mill-amministrazzjoni doganali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk teżistix traskuraġni manifesta fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ħoloq id-dejn doganali, kif ukoll l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tal-operatur (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, C-443/05 P, Ġabra p. I-7209, punt 174 u l-ġurisprudenza ċċittata).

41

F’dan ir-rigward, hemm indizju importanti li x’aktar jipprova n-natura kumplessa tal-problema li għandha tiġi riżolta, jekk kien neċessarju li jiġi adottat, minħabba d-diverġenzi eżistenti fl-Istati Membri differenti għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija, regolament li jikkjarifika finalment l-intestatura tariffiarja li taħtha għandha tiġi kklasifikata l-merkanzija (ara s-sentenza tal-1 ta’ April 1993, Hewlett Packard France, C-250/91, Ġabra p. I-1819, punt 23).

42

Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-remissjoni tad-dazji mitluba minn H & S kienet tikkonċerna operazzjonijiet ta’ importazzjoni li seħħew preċiżament wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ klassifikazzjoni. Għalkemm, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni, il-kliem użat fil-verżjoni Olandiża tas-subintestatura 19059020 tan-NM seta’ jidher inqas preċiż minn dak użat f’verżjonijiet f’lingwi oħra, jibqa’ l-fatt li dan ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni, li hu applikabbli direttament u li hu vinkolanti fl-elementi kollha tiegħu, jiddeskrivi b’mod espress u ċar il-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati fl-imsemmija subintestatura u li għalihom jikkorrispondu dawk importati mill-appellanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C-375/07, Ġabra p. I-8689, punt 52).

43

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ klassifikazzjoni kienet ġabet fi tmiem il-kumplessità eventwali tal-leġiżlazzjoni li kienet inħolqot min-nuqqas ta’ ċerti termini fil-verżjoni Olandiża tal-intestatura 1905 tan-NM u, preċiżament, tas-subintestatura 19059020 tan-NM.

44

Barra minn hekk, m’għandhomx jitqajmu dubji dwar din il-konstatazzjoni minħabba l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 20 tas-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1990, Deutsche Fernsprecher (C-64/89, Ġabra p. I-2535), ikkunsidrat li, f’każ bħal dak inkwistjoni hawnhekk, fejn operatur kien irċieva konferma darbtejn dwar il-korrettezza tal-intestatura żbaljata li fuqha kien ġie bbażat it-trattament doganali, l-iżball ripetut tal-awtorità doganali kien jikkostitwixxi indizju li x’aktarx jipprova li l-problema li kellha tiġi riżolta kienet ta’ natura kumplessa.

45

Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, kif ġie speċifikat fil-punt 5 tagħha, ir-rikorrenti, li kienet qed tiddubita mill-fondatezza ta’ eżenzjoni mid-dazju doganali li kienet ibbenefikat minnha, kienet talbet lill-uffiċċju doganali biex jeżamina l-każ tagħha mill-ġdid u b’hekk kisbet mingħand id-direttur ta’ dan l-uffiċċju l-konferma tal-eżenzjoni doganali. Fil-każ preżenti, huwa paċifiku li H & S ma kisbitx tali konferma wara li staqsiet lill-amministrazzjoni doganali dwar il-prattika tagħha li kienet tmur kontra l-kontenut tar-Regolament ta’ klassifikazzjoni. Kulma għamlet kien li għamlet dikjarazzjonijiet doganali, li ġew aċċettati sakemm din l-amministrazzjoni indunat bil-klassifikazzjoni żbaljata.

46

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-leġiżlazzjoni tariffarja inkwistjoni, fil-verżjoni Olandiża applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ, ma kinitx partikolarment kumplessa.

47

Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi respinta.

Fuq it-tieni parti, relattiva għall-esperjenza professjonali tal-importatur

L-argumenti tal-partijiet

48

H & S issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball meta ddeċidiet li l-esperjenza professjonali tal-aġent doganali tagħha kellha tiġi imputata lilha. Hija tenfasizza, minn naħa, li hija tieħu ħsieb biss il-produzzjoni u l-bejgħ u għalhekk b’ebda mod ma hi speċjalizzata fl-operazzjonijiet ta’ importazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tmur kontra l-volontà tal-leġiżlatur, peress li impriża rappreżentata direttament minn aġent tkun tista’ tibbenefika minn remissjoni tad-dazji inqas minn kumpannija li tagħmel id-dikjarazzjonijiet doganali tagħha hija stess.

49

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun tikkunsidra li l-esperjenza professjonali tal-aġent doganali kellha tiġi imputata lill-impriża importatriċi, peress li, f’każ ta’ rappreżentazzjoni diretta, id-dikjarazzjoni ssir minnu f’isem u għan-nom tal-importatur. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat fi kwalunkwe każ li l-appellanti kienet importatriċi ta’ esperjenza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50

Sabiex tiġi evalwata l-esperjenza professjonali ta’ importatur, li tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kundizzjoni relattiva għan-nuqqas ta’ traskuraġni manifesta fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, għandu jsir magħruf jekk dan huwiex operatur ekonomiku li l-attività professjonali tiegħu tikkonsisti, essenzjalment, f’operazzjonijiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni jew le u jekk kienx diġà akkwista ċerta esperjenza fl-eżerċizzju ta’ dawn l-operazzjonijiet (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Söhl & Söhlke, punt 57, kif ukoll Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, punt 188).

51

Madankollu, l-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi l-possibbiltà għal operatur li jqabbad rappreżentat. B’hekk, għall-finijiet tat-twettiq tal-atti u l-formalitajiet previsti mir-regolament doganali, ir-rappreżentanza ta’ operatur tista’ tkun jew diretta, meta r-rappreżentant jaġixxi f’isem u għan-nom tal-operatur, jew indiretta, meta r-rappreżentant jaġixxi f’ismu, iżda għan-nom ta’ ħaddieħor (sentenza Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni iċċitata iktar ’il fuq, punt 184).

52

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-operatur li jqabbad aġent doganali, kemm fil-kuntest ta’ rappreżentanza diretta jew indiretta, huwa fi kwalunkwe każ debitur tad-dejn doganali fir-rigward tal-awtoritajiet doganali u ma jistax jeżonera ruħu mir-responsabbiltà tiegħu billi jinvoka żbalji kommessi minn dan l-aġent (ara s-sentenza Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 186 u 187).

53

Bl-istess mod, l-operatur li jqabbad aġent doganali ma jistax jevita rkupru a posteriori tad-dazju doganali billi jinvoka n-nuqqas ta’ esperjenza tiegħu fir-rigward tal-formalitajiet doganali. Fil-fatt, jekk ikun il-każ, l-operaturi jistgħu jevitaw il-kundizzjoni marbuta mal-esperjenza professjonali billi jużaw sistematikament is-servizzi ta’ speċjalisti fil-qasam doganali u b’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni H & S, ikunu l-operaturi li jwettqu l-operazzjonijiet doganali tagħhom waħedhom li jkunu żvantaġġati fil-konfront tal-proċedura prevista mill-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. Barra minn hekk, u hekk kif tirrikonoxxi l-appellanti stess fil-punt 71 tal-appell tagħha, operatur rappreżentat jibbenefika mingħajr dubju mill-esperjenza professjonali tal-aġent doganali tiegħu.

54

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li, sa fejn l-aġent aġixxa f’isem u għan-nom tal-importatur, l-elementi rigward l-eventwali traskuraġni ta’ dan l-aġent, inkluż il-livell tal-esperjenza professjonali tiegħu, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-traskuraġni ta’ dan l-importatur.

55

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti intiż biex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tinsab fil-punt 63 tas-sentenza appellata, fis-sens li hija stess kellha ċerta esperjenza fil-qasam tal-importazzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-każ tal-iżnaturament tal-elementi ppreżentati quddiemha, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

56

Għaldaqstant, l-imsemmi argument għandu jiġi respint bħala inammissibbli.

57

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, anki t-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti, relattiva għad-diliġenza tal-importatur

L-argumenti tal-partijiet

58

H & S issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali billi eżiġiet minn importatur li d-diliġenza tiegħu tkun tali li huwa jasal biex jikkontesta l-klassifikazzjoni tariffarja magħmula mill-amministrazzjoni doganali tiegħu. F’dan il-każ, din il-kumpannija ma tarax għalfejn kellha timxi b’dan il-mod peress li, minn naħa, kien jidhrilha li l-klassifikazzjoni ta’ prodotti “mhux imsajrin” fis-subintestatura tariffarja 19019099 kienet konformi man-NM u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni seta’ jikkonċerna biss prodotti “msajrin”. Barra minn hekk, l-appellanti tikkunsidra li ma jistax ikun mistenni mill-operaturi li jsiru jafu bid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Billi kompliet tagħmel id-dikjarazzjonijiet doganali tagħha fis-subintestatura 19019099 tan-NM, dikjarazzjonijiet li ġew aċċettati mill-amministrazzjoni doganali, hija b’hekk aġixxiet bid-diliġenza meħtieġa. Minbarra dan, jekk seta’ kien hemm traskuraġni, din kienet ikkawżata mill-aġent doganali tagħha u ma tistax tiġi imputata lilha. Fl-aħħar nett, H & S issostni li, anki jekk hija setgħet kienet traskurata, din it-traskuraġni kienet minima fil-konfront ta’ dik tal-imsemmija amministrazzjoni.

59

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kundizzjoni relattiva għad-diliġenza tal-operatur. Hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta jkun hemm dubji dwar l-applikazzjoni eżatta tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jwassal għal dejn doganali, huwa l-operatur li għandu jinforma ruħu u jipprova jikseb il-kjarifiki kollha possibbli sabiex ma jiksirx dawn id-dispożizzjonijiet. Huwa paċifiku li kemm H & S kif ukoll l-aġent doganali tagħha ma kinux jafu bir-Regolament ta’ klassifikazzjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ħaġa li fiha nfisha tikkostitwixxi traskuraġni. A fortiori ma setgħux jitolbu kjarifiki mingħand l-amministrazzjoni doganali dwar l-intestatura tariffarja li kellha tintuża biex in-NM tiġi applikata b’mod korrett.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60

Għandu jiġi mfakkar qabel kollox li l-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet u f’ċerti każijiet speċifiċi, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal tali ħlas lura jew remissjoni għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Peress li n-nuqqas ta’ “traskuraġni [manifesta]” huwa kundizzjoni sine qua non biex ikun jista’ jiġi pretiż ħlas lura jew remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni, isegwi li dan il-kunċett għandi jiġi interpretat b’tali mod li n-numru ta’ każijiet ta’ ħlas lura jew ta’ remissjoni jibqa’ limitat (sentenza Söhl & Söhlke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

61

Id-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli fir-rigward tat-tariffa doganali għandhom bilfors jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Ufiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Huma jikkostitwixxu, mid-data meta jiġu ppubblikati, l-unika liġi pożittiva f’dan il-qasam, liġi li huwa preżunt li kulħadd jaf biha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1989, Binder, 161/88, Ġabra p. 2415, punt 19).

62

Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni, li ġie ppubblikat kif suppost fl-imsemmi, inkluż fil-verżjoni Olandiża tiegħu, u li konsegwentement kien applikabbli direttament u kien vinkolanti fl-intier tiegħu, jiddeskrivi b’mod espliċitu u ċar il-merkanzija li għandha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 19059020 tan-NM u li għaliha tikkorrispondi dik importata minn H & S.

63

Minn dan isegwi li l-appellanti ma tistax issostni li hija setgħet, b’bona fide, tqis li dan ir-regolament ma kienx jikkonċerna l-prodotti li hija kienet timporta, f’dan il-każ, prodotti mhux imsajrin.

64

Fir-rigward tal-iżbalji tal-amministrazzjoni doganali li taw raġun lill-appellanti fl-għażla tagħha tas-subintestatura 19019099 tan-NM għall-operazzjonijiet tagħha ta’ importazzjoni, għandu jiġi rilevat li operatur diliġenti, li jkun sar jaf b’regolament ta’ klassifikazzjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, ma jistax jillimita ruħu li jkompli jimporta l-merkanzija tiegħu taħt kodiċi tan-NM għall-unika raġuni li din il-klassifikazzjoni ġiet aċċettata minn din l-amministrazzjoni. Fil-fatt, li kieku traskuraġni bħal din kellha tiġi aċċettata, l-operaturi ikunu qed jiġu inkoraġġuti biex japprofittaw ruħhom mill-iżbalji tal-awtoritajiet doganali tagħhom.

65

Barra minn hekk, hekk kif ikkonstatat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 103 tas-sentenza appellata, l-iżball tal-amministrazzjoni doganali, li diġà kien ittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ meta ġiet eżaminata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, ma jistax, bħala regola, jiddispensa lill-operatur mill-konsegwenzi tat-traskuraġni tiegħu.

66

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, f’sitwazzjoni bħal dik tal-appellanti, l-operatur ikun għad għandu l-possibbiltà li jikkontesta l-eżistenza tad-dejn doganali, jekk ikun il-każ billi jinvoka l-illegalità tar-Regolament ta’ klassifikazzjoni, ħaġa li wara kollox H & S għamlet quddiem il-qorti nazzjonali, li adixxiet lill-Qori tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, kawża li tat lok għas-sentenza Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, iċċittata iktar ’il fuq.

67

Fir-rigward tal-argument ta’ H & S li jipprova jikkontesta l-possibbiltà li tiġi imputata lilha t-traskuraġni tal-aġent doganali tagħha, dan ma jistax jintlaqa’ fid-dawl ta’ dak li ġie mfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

68

Minn dan jirriżulta li t-tielet parti għandha tiġi miċħuda wkoll.

69

Peress li t-tliet partijiet tal-uniku aggravju mqajjem minn H & S insostenn tal-appell tagħha ġew respinti, l-aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

70

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li H & S tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading BV hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq