Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0016

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tad-9 ta' Ottubru 2008.
Marguerite Chetcuti vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Servizz pubbliku - Kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni - Rifjut ta’ kandidatura - Kundizzjonijiet għall-ammissjoni.
Kawża C-16/07 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-07469;FP-I-B-2-00017
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2008 II-B-2-00129

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:549

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Ottubru 2008 ( *1 )

“Appell — Servizz pubbliku — Kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni — Rifjut ta’ kandidatura — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni”

Fil-Kawża C-16/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-18 ta’ Jannar 2007,

Marguerite Chetcuti, membru tal-persunal awżiljarju tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti ż-Żejtun (Malta), irrappreżentata minn M.-A. Lucas, avukat,

appellanta,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Joris u K. Herrmann, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, M. G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tagħha, M. Chetcuti qed titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ Novembru 2006, Chetcuti vs Il-Kummissjoni (T-357/04, ĠabraSP p. I-A-2-255, II-A-2-1323, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tat- tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), kif ukoll tal-atti sussegwenti tal-imsemmija proċedura.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), fil-verżjoni tagħhom li kienet fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004, applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża, jipprovdi:

“L-ebda ħatra jew promozzjoni m’għandha ssir għal xi skop ieħor barra dak biex jimtela post vojt kif provdut f’dawn ir-Regolament[i] tal-Persunal.

Postijiet vojta f’istituzzjoni għandhom ikunu notifikati lill-persunal ta’ dik l-istituzzjoni hekk kif l-awtorità tal-ħatra tiddeċiedi li l-post għandu jimtela.

Jekk il-post vojt ma jistax jimtela minn trasferiment, promozzjoni jew kompetizzjoni interna, dan għandu jkun notifikat lit-tlett Komunitajiet Ewrope[j].”

3

L-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċita’, effiċjenza u integrita, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet.

[…]”

L-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Qabel ma jimtela post battal f’istituzzjoni, l-awtorità tal-ħatra għandha l-ewwel tikkunsidra:

a)

jekk il-post jistax jimtela minn promozzjoni jew trasferiment minn ġewwa l-istituzzjonijiet;

b)

jekk [jistgħux isiru] kompetizzjonijiet interni fl-istituzzjoni;

ċ)

x’applikazzjonijiet għat-trasferiment saru minn uffiċjali ta’ istituzzjonijiet oħra tat-tlett Komunitajiet Ewropej

u mbagħad issegwi l-proċedura għall-kompetizzjonijiet fuq il-bażi jew tal-kwalifiki, jew ta’ l-eżamijiet, jew ta’ kwalifiki kif ukoll l-eżamijiet. L-Anness III jippreżenta l-proċedura tal-kompetizzjoni.

Il-proċedura tista’ wkoll tkun segwita għall-iskop li tkun kostitwita riserva għal reklutaġġ fil-futur.”

5

L-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, bit-titolu “Kompetizzjonijiet” jipprovdi:

“1.   L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt.

Irid jispeċifika:

a)

l-għamla tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, kompetizzjoni interna għall-istituzzjonijiet, kompetizzjoni miftuħa […]);

b)

it-tip ta’ kompetizzjoni (jekk mhux fuq bażi ta’ jew il-kwalifiki jew l-eżamijiet, jew ta’ kemm il-kwalifiki kif ukoll l-eżamijiet);

ċ)

it-tip ta’ dmirijiet u l-kompiti involuti fil-posizzjoni li għandha timtela;

d)

id-diplomi u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali jew il-livell ta’ esperjenza meħtieġa għall-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Impjegati Oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“KIIO”), fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004, applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża, jipprovdi:

“Huwa meqjus bħala membru tal-persunal awżiljarju, fis-sens ta’ din is-sistema, il-membru tal-persunal imqabbad:

a)

sabiex jeżerċita part-time jew full-time, fil-limiti previsti fl-Artikolu 52, kompiti f’istituzzjoni mingħajr ma jkun assenjat għal impjieg inkluż fil-lista tal-pożizzjonijiet tal-persunal annessa fit-taqsima tal-baġit relatata ma’ din l-istituzzjoni;

b)

sabiex jissostitwixxi, wara eżami tal-possibbiltajiet ta’ post ta’ xogħol temporanju fost l-uffiċjali tal-istituzzjoni, meta, għal żmien provviżorju, ma jkunx kapaċi jeżerċita l-kompiti tiegħu:

uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju fil-kategoriji B, Ċ, D jew fis-servizz tal-lingwi,

eċċezzjonalment, uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju fil-kategorija A għajr dawk tal-gradi A 1 u A 2 li għandu impjieg speċjalizzat ħafna,

u mħallas mill-krediti globali miftuħin għal dan l-iskop taħt it-taqsima tal-baġit relatata mal-istituzzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Skont l-Artikolu 9 tal-KIIO, kull ingaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju għandu jkollu biss bħala skop li, fil-kundizzjonijiet previsti fit-Titolu II tagħhom, jimtela post vojt ta’ impjieg inkluż fil-lista tal-pożizzjonijiet tal-persunal annessa mat-taqsima tal-baġit relatata ma’ kull istituzzjoni.

8

L-Artikolu 12(1) tal-KIIO jipprovdi:

“L-ingaġġ tal-persunal temporanju għandu jkun dirett biex jiżgura għall-istituzzjoni s-servizzi ta’ persuni tal-ogħla livell ta’ abbiltà, effiċjenza u integrità, reklutati mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunitajiet. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

9

Bil-kontra, il-KIIO ma jinkludu l-ebda rekwiżit rigward il-kwalitajiet ta’ kompetenza u ta’ effiċjenza mistennija mill-membri tal-persunal awżiljarju għall-ingaġġ tagħhom.

10

L-Artikolu 52 tal-KIIO jipprovdi:

“It-tul ta’ żmien effettiv tal-ingaġġ ta’ membru tal-persunal awżiljarju, inkluż it-tul ta’ żmien tal-eventwali tiġdid tal-kuntratt tiegħu, ma jistax jaqbeż:

a)

it-tul ta’ żmien ta’ post ta’ xogħol temporanju li l-membru tal-persunal huwa msejjaħ li jiżgura, jekk huwa ġie mqabbad sabiex jissostitwixxi uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju li, għal żmien provviżorju, mhuwiex kapaċi jeżerċita l-kompiti tiegħu;

b)

it-tul ta’ żmien ta’ tliet snin, fil-każijiet l-oħrajn kollha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-fatti li wasslu għall-kawża

11

L-appellanta eżerċitat, bħala membru tal-persunal lokali, l-inkarigu ta’ segretarja fid-delegazzjoni tal-Kummissjoni f’Malta mill-1 ta’ Novembru 1991 sat-. Il-kuntratt tagħha ġie fi tmiemu mal-adeżjoni tar-Repubblika ta’ Malta fil-Komunità Ewropea fl-, li wasslet għat-tneħħija tad-delegazzjoni ta’ dan il-pajjiż.

12

Fis-27 ta’ April 2004, l-appellanta ffirmat kuntratt ta’ impjieg bħala membru tal-persunal awżiljarju tal-kategorija B, għal perijodu bejn l- u l-. L-Artikolu 2 ta’ l-kuntratt tagħha kien jipprovdi li hija kellha teżerċita funzjonijiet ta’ “impjegat b’inkarigi kumplessi ta’ abbozzar, korrezzjoni, kontabbiltà jew ta’ xogħlijiet tekniċi”.

13

Fis-6 ta’ April 2004, il-Kummissjoni ppubblikat “avviż ta’ kompetizzjoni interna għall-promozzjoni mill-kategorija B għall-kategorija A (COM/PA/04)”, dwar kompetizzjoni b’eżamijiet bil-għan li tiġi kkostitwita riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi (A 7/A 6).

14

Il-punt III.1 tal-avviż tal-kompetizzjoni, intitolat “Kondizzjonijiet għall-ammissjoni” kien jgħid li ġej:

“1.

Huma eliġibbli, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju msemmijin fit-Titolu I (Dispożizzjonijiet ġenerali), Artikolu 2 tal-[KIIO] li jaqgħu f’xi wieħed mill-gradi tal-kategorija B,

huma wkoll eliġibbli, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju msemmijin fit-Titolu I (Dispożizzjonijiet ġenerali), Artikolu 2 tal-[KIIO] li jaqgħu f’kategorija ogħla

u li, fid-data tat-terminu għall-preżentata tal-applikazzjonijiet […]:

[…]

b)

jkollhom almenu ħames snin anzjanità ta’ servizz fil-kategorija B jew f’kategorija ogħla bħala uffiċjal jew [membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal awżiljarju tal-gruppi I, II, III, IV u V] mal-Kummissjoni jew parzjalment ma’ istituzzjonijiet oħra jew aġenziji (anness I) li l-persunal tagħhom huwa rregolat mir-Regolamenti tal-Persunal jew mill-[KIIO].

[…]”

15

L-appellanta applikat għall-kompetizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

16

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni ta’ M. Chetcuti ġiet miċħuda peress li hija la kienet tissodisfa l-kundizzjoni ta’ anzjanità u lanqas il-kundizzjoni rigward l-istatus amministrattiv, sa fejn l-uffiċjali jew l-membri tal-persunal temporanju biss kienu eliġibbli.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Awwissu 2004, M. Chetcuti ppreżentat rikors għall-annulament tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll tal-atti sussegwenti tal-proċedura ta’ kompetizzjoni.

18

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija sostniet li, inkwantu jirriżerva l-aċċess għall-kompetizzjoni biss għall-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju, biex b’hekk jeskludi l-membri tal-persunal awżiljarju, l-avviż tal-kompetizzjoni jmur kontra l-Artikoli 4, 27 u 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal u kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata kienet illegali.

19

Permezz tat-tieni motiv tagħha, M. Chetcuti sostniet li l-avviż tal-kompetizzjoni, inkwantu jeżiġi anzjanità ta’ servizz ta’ ħames snin fil-kategorija B jew kategorija ogħla bħala uffiċjal, membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal awżiljarju fil-gruppi I sa V, u inkwantu jeskludi l-anzjanità miksuba bħala membru tal-persunal lokali, imur kontra l-Artikoli 27 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll kontra l-interess tas-servizz u l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għal din ir-raġuni wkoll, id-deċiżjoni kkontestata kienet illegali.

20

Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 49 sa 51 tas-sentenza appellata, in-natura u l-livell ta’ setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-proċeduri ta’ reklutaġġ. Hija kkunsidrat li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni lill-istituzzjonijiet f’dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ reklutaġġ u li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja huwa limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kkonċernata użatx id-diskrezzjoni tagħha b’mod manifestament żbaljat.

21

Fil-punti 52 u 53 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li d-diversi kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Komunità jissodisfaw il-ħtiġiet leġittimi tal-amministrazzjoni Komunitarja. Hija żiedet li r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti għar-reklutaġġ tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju huma differenti minn dawk stabbiliti għall-membri tal-persunal awżiljarju.

22

Fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li mill-avviż tal-kompetizzjoni jirriżulta b’mod espliċitu li din il-kompetizzjoni kienet “kompetizzjoni interna ta’ promozzjoni mill-kategorija B għall-kategorija A” tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju. Fil-punt 57 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, f’din il-kawża, ma kienx ġie stabbilit li l-Kummissjoni użat id-diskrezzjoni tagħha b’mod żbaljat meta pprovdiet għall-kundizzjoni għall-ammissjoni rigward il-kwalità ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju bl-esklużjoni ta’ dik ta’ membru tal-persunal awżiljarju.

23

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat bħala irrilevanti l-argument tal-appellanta li l-kompetizzjoni kienet tikkostitwixxi mhux biss kompetizzjoni għall-promozzjoni mill-kategorija B għall-kategorija A, iżda wkoll kompetizzjoni interna ta’ tip ieħor, peress li kienet miftuħa, minn naħa, għall-membri tal-persunal temporanju tal-kategorija A jew B u, min-naħa l-oħra, għall-uffiċjali tal-kategorija A. Hija enfasizzat li l-membri tal-persunal temporanju u l-uffiċjali ammissibbli għall-kompetizzjoni, kemm jekk huma fil-kategorija A jew B, u bil-kontra tal-membri tal-persunal awżiljarju, diġà ppruvaw il-kapaċitajiet tagħhom fir-reklutaġġ inizjali tagħhom, skont l-Artikoli 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u 12 tal-KIIO.

24

Ladarba dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar kienu diġà ġew applikati mar-reklutaġġ inizjali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju, l-argument tal-appellanta li l-Kummissjoni injorat l-għan ta’ kull reklutaġġ iddefinit fl-imsemmija dispożizzjonijiet kien infondat.

25

Fil-punt 61 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat il-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-KIIO, il-membri tal-persunal awżiljarju jistgħu jeżerċitaw kull tip ta’ funzjoni, meta l-ingaġġ tagħhom mhuwiex intiż sabiex jiżgura s-sostituzzjoni ta’ uffiċjali, mhuwiex biżżejjed sabiex dawn jiġu assimilati mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal temporanju għall-finijiet tal-kompetizzjonijiet ta’ promozzjoni.

26

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 62 tal-istess sentenza, li peress li s-sitwazzjoni ġuridika bejn, minn naħa, uffiċjali u membri tal-persunal temporanju u, min-naħa l-oħra, membri tal-persunal awżiljarju ma kinitx komparabbli minħabba l-kundizzjonijiet differenti ta’ reklutaġġ tagħhom, l-appellanta invokat b’mod żbaljat il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

27

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ewwel motiv tal-appellanta u kkonkludiet li, peress li l-Kummissjoni setgħet legalment tirriżerva għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal temporanju l-aċċess għall-kompetizzjoni inkwistjoni, iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tal-appellanta kienet ġustifikata. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qisitx bħala neċessarju li tiddeċiedi fuq it-tieni motiv rigward l-anzjanità meħtieġa għall-aċċess għall-kompetizzjoni kif ukoll fuq l-atti sussegwenti tal-proċedura tal-kompetizzjoni.

It-talbiet tal-partijiet

28

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2007, l-appellanta għamlet dan l-appell u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tannulla l-atti sussegwenti għall-proċedura tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, il-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-avviż tal-kompetizzjoni, deċiża mill-bord tal-għażla, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fuq din il-bażi tiddeċiedi n-numru ta’ postijiet li għandhom jimtlew, il-lista tal-kandidati adatti deċiża mill-bord tal-għażla fit-tmiem tax-xogħlijiet tagħha kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ ħatra adottati mill-Awtorità tal-Ħatra fuq din il-bażi, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u għal dawk tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

29

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanta għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

30

Mill-att jirriżulta li l-appellanta tinvoka, essenzjalment, tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

31

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni li s-sentenza appellata tikser il-kunċett ta’ “kompetizzjoni interna” fis-sens tal-Artikoli 4 u 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal u tikser l-għan ta’ kull reklutaġġ, kif jirriżulta mill-Artikoli 4(1) u 27 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanta tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanta ssostni li s-sentenza appellata mhijiex motivata suffiċjentement skont il-liġi.

32

Peress li l-argument prinċipali u preponderanti tal-appellanta huwa li t-trattament li hija rċeviet imur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-eżami ta’ dan l-appell għandu jinbeda bit-tieni aggravju.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

33

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanta ssostni li s-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fehma tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat qieset li s-sitwazzjoni ġuridika tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju mhijiex komparabbli ma’ dik tal-membri tal-persunal awżiljarju.

34

B’mod partikolari, l-appellanta ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija ġġustifikat din il-konklużjoni bil-konstatazzjoni li, b’mod differenti mill-uffiċjali u mill-membri tal-persunal temporanju, il-membri tal-persunal awżiljarju ma kellhomx juru, waqt ir-reklutaġġ inizjali tagħhom, l-ogħla livell ta’ kapaċita’, ta’ effiċjenza u ta’ integrità.

35

B’dan il-mod, l-appellanta tenfasizza li l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal temporanju fil-kategorija B urew biss il-kompetenzi tagħhom fir-rigward tal-funzjonijiet li jaqgħu taħt din il-kategorija u ma ġabux prova ta’ kompetenzi addizzjonali sabiex jeżerċitaw funzjonijiet ta’ kategorija A. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, mill-kundizzjonijiet differenti ta’ reklutaġġ tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju ma jirriżultax li s-sitwazzjoni tagħhom mhijiex komparabbli ma’ dik tal-membri tal-persunal awżiljarju għall-finijiet ta’ aċċess għal parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni inkwistjoni.

36

L-appellanta ssostni li l-fatt li l-membri tal-persunal awżiljarju jistgħu, bħall-uffiċjali u bħall-membri tal-persunal temporanju, jeżerċitaw kull tip ta’ funzjoni juri suffiċjentement il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw il-funzjonijiet tal-postijiet li għandhom jimtlew.

37

Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tad-differenzi relatati mal-ingaġġ tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju meta mqabbel ma’ dak tal-membri tal-persunal awżiljarju, l-esklużjoni tagħhom mill-kompetizzjoni inkwistjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

38

Hija tippreċiża li r-rekwiżit tal-ogħla livell ta’ kapaċità’, ta’ effiċjenza u ta’ integrità mitlub għar-reklutaġġ tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju jiddetermina mhux biss in-natura tar-rabta ġuridika tagħhom mal-istituzzjoni, iżda wkoll il-possibbiltà tagħhom li jibnu karriera jew le fi ħdan l-istituzzjoni.

39

Skont il-Kummissjoni, l-argumenti tal-appellanta rigward il-possibbiltà, għall-membri tal-persunal awżiljarju, li jeżerċitaw kull tip ta’ funzjoni ma huma sostnuti mill-ebda element konkret. Sempliċi possibbiltà, għal dawn tal-aħħar, li jeżerċitaw kull tip ta’ funzjoni mhijiex suffiċjenti sabiex jitqies li hemm lok li l-kompetizzjoni inkwistjoni tiġi miftuħa għalihom. Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan ir-rigward, li bil-kontra tal-membri tal-persunal awżiljarju, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju għandhom l-obbligu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12 tal-KIIO. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-eżerċizzju reali tal-funzjonijiet mill-membri tal-persunal awżiljarju ttieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest tat-tieni kriterju ta’ ammissjoni, li jinkludi, fil-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa, l-esperjenza miksuba inkwantu membru tal-persunal awżiljarju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 56, u tal-, Delay, C-276/07, Ġabra p. I-3635, punt 19).

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk, kif tallega l-appellanta, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li s-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju mhijiex komparabbli ma’ dik tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju.

42

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 87 sa 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-KIIO jirriżulta li jeżistu differenzi bejn l-istatus amministrattiv, ir-rekwiżiti ta’ reklutaġġ u l-kundizzjonijiet ta’ ingaġġ tal-membri tal-persunal awżiljarju u dawk tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju.

43

Qabel kollox, minn qari flimkien tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikoli 3 u 9 tal-KIIO jirriżulta li, bil-kontra tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju li jokkupaw impjieg speċifikament imsemmi fil-lista tal-pożizzjonijiet tal-persunal, il-membri tal-persunal awżiljarju jeżerċitaw, għajr fil-każ ta’ post ta’ xogħol temporanju, attività amministrattiva li mhijiex inkluża f’din il-lista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1979, Deshormes vs Il-Kummissjoni, 17/78, Ġabra p. 189, punt 35, u tad-, Fournier vs Il-Kummissjoni, 106/80, Ġabra p. 2759, punt 9).

44

Fit-tieni lok, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat fis-sentenza appellata, dispożizzjoni analoga għal dik applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal temporanju skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12(1) tal-KIIO ma teżistix għall-membri tal-persunal awżiljarju. Jirriżulta li, bil-kontra tal-każ tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju, il-membri tal-persunal awżiljarju m’għandhomx juru l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità fir-reklutaġġ tagħhom.

45

Fit-tielet lok, bil-kontra tal-każ tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju, il-membri tal-persunal awżiljarju mhumiex suġġetti għal sistema ta’ evalwazzjoni jew ta’ rapport perijodiku.

46

Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li l-Artikoli 32 tar-Regolamenti tal-Persunal u 8 tal-KIIO jinkludu, għall-membri tal-persunal temporanju, il-possibbiltà li huma jkomplu l-karriera tagħha inkwantu uffiċjali, b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal. F’dan il-każ, l-anzjanità fl-iskala miksuba inkwantu membru tal-persunal temporanju tinżamm, jekk il-membru tal-persunal inkwistjoni jinħatar uffiċjal fl-istess grad eżattament wara dan il-perijodu. Dispożizzjonijiet analogi ma jeżistux għall-membri tal-persunal awżiljarju.

47

Fil-ħames lok, il-membri tal-persunal awżiljarju ma jagħmlux parti mis-sistema ta’ sigurtà soċjali stabbilita bi qbil mal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet li jagħmlu parti minnha l-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju.

48

Għandu jiġi kkonstatat li minn dawn id-differenzi jirriżulta li l-membri tal-persunal awżiljarju mhumiex reklutati sabiex jeżegwixxu kompitu permanenti fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji. Bil-kontra, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-element distintiv ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju jinsab fil-prekarjetà tal-ingaġġ tiegħu f’termini ta’ żmien, peress li jista’ jiġi użat biss sabiex jiżgura sostituzzjoni temporanja jew sabiex ikunu jistgħu jitwettqu kompiti amministrattivi li jkunu għal żmien temporanju jew li jkunu jindirizzaw neċessità urġenti jew li ma jkunux iddefiniti b’mod preċiż (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Deshormes vs Il-Kummissjoni, punt 37, u Fournier vs Il-Kummissjoni, punt 9). Il-membri tal-persunal awżiljarju jikkostitwixxu, minħabba f’hekk, kategorija distinta ta’ membri tal-persunal li tissodisfa bżonnijiet distinti minn dawk tal-istituzzjonijiet li jimpjegawhom.

49

Minn dan jirriżulta li l-membri tal-persunal awżiljarju ma jistgħux jippretendu li jiġu assimilati mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal temporanju, fir-rigward tal-possibbiltà li jibnu karriera fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji.

50

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament qieset li s-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju hija differenti minn dik tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju u li, fid-dawl ta’ din id-differenza, l-esklużjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju mill-kompetizzjoni inkwistjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

51

Għaldaqstant, it-tieni aggravju tal-appellanta għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-ewwel aggravju

Fuq l-ammissjoni

52

Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li l-argument tal-appellanta, sa fejn hija tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-kompetizzjoni inkwistjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa inammissibbli. Hija tfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u tevalwahom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti u mingħajr l-ebda żnaturament tagħhom, ikkunsidrat, mal-qari tal-formulazzjoni u tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni, u għaldaqstant b’mod oġġettiv, li din il-kompetizzjoni interna kienet essenzjalment tikkostitwixxi kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija jew għal promozzjoni.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, meta l-Qorti tal-Prim’Istanzat tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara s-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51, u tat-, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C-266/06 P, Ġabra p. I-81, punt 72).

54

Minn dan jirriżulta li l-argument tal-appellanta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet klassifikazjoni ġuridika żbaljata tal-kompetizzjoni inkwistjoni huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

— L-argumenti tal-partijiet

55

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanta ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-kunċett ta’ “kompetizzjoni interna” fis-sens tal-Artikoli 4 u 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-għan ta’ kull reklutaġġ kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

56

Fl-ewwel lok, l-appellanta ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l-għan prinċipali tal-kompetizzjoni inkwistjoni li ġie assenjat b’mod suġġettiv permezz tat-titolu tal-avviż tal-kompetizzjoni, jiġifieri “avviż ta’ kompetizzjoni interna għall-promozzjoni”, sabiex tikkonstata liema kategoriji ta’ kandidati setgħu legalment jiġu ammessi jew le għall-imsemmija kompetizzjoni.

57

L-appellanta ssostni li tali konstatazzjoni kellha, minflok, tiġi bbażata fuq in-natura oġġettiva tal-kompetizzjoni, kif tirriżulta mill-kundizzjonijiet oġġettivi għall-ammissjoni stipulati fl-avviż tal-kompetizzjoni nnifsu. L-appellanta tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-kompetizzjoni inkwistjoni kienet miftuħa mhux biss għall-uffiċjali fil-kategorija B li xtaqu jsiru uffiċjali fil-kategorija A, iżda wkoll għall-membri tal-persunal temporanju fil-kategoriji A u B li xtaqu jinħatru bħala uffiċjali.

58

L-appellanta ssostni li ladarba kompetizzjoni kkontestata hija klassfikata bħala “kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni”, il-membri tal-persunal awżiljarju ma setgħux jiġu esklużi milli jipparteċipaw għaliha, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza u, b’mod partikolari, tas-sentenzi Rauch vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-31 ta’ Marzu 1965, 16/64, Ġabra p. 179), u Van Huffel vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, T-142/00, ĠabraSP p. I-A-219 u II-1011).

59

Sussidjarjament, l-appellanta ssostni li, anki jekk jista’ jitqies li l-Qorti tal-Prim’Istanza kklassifikat il-kompetizzjoni inkwistjoni bħala “kompetizzjoni għal promozzjoni” bl-esklużjoni ta’ “kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni”, hija wettqet żball ta’ liġi, għaliex tali klassifikazzjoni hija bbażata fuq kriterji suġġettivi adottati mill-partijiet. Hija ssostni li, anki jekk wieħed jippreżumi li l-kompetizzjoni kkontestata kellha essenzjalment bħala għan il-promozzjoni mill-kategorija B għall-kategorija A, jibqa’ l-fatt li din hija kompetizzjoni għal ħatra ta’ uffiċjali u li kellha tiġi kklassifikata bħala “kompetizzjoni interna” għaliex il-ġurisprudenza relatata mal-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tiddefinixxi tali kompetizzjoni bħala miftuħa għall-persunal uffiċjali fis-sens wiesa’, jiġifieri għal dawk kollha li huma fis-servizz tal-istituzzjoni bis-saħħa ta’ rabta ta’ dritt pubbliku.

60

Fit-tieni lok, l-appellanta ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-esklużjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju mill-kompetizzjoni inkwistjoni ma kinitx tippreġudika l-għan ta’ kull reklutaġġ kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u, b’mod partikolari, mis-sentenza Van Huffel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

61

L-appellanta ssostni li l-imsemmi għan jeżiġi li l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għal kompetizzjoni jkunu stabbiliti skont l-eżiġenzi tal-postijiet li għandhom jimtlew. Skont l-appellanta, dan mhuwiex il-każ fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni tal-kompetizzjoni inkwistjoni, għaliex huma jeskludu kategoriji ta’ kandidati li għandhom madankollu kwalitajiet ekwivalenti għal dawk tal-kandidati ammessi għall-kompetizzjoni.

62

L-appellanta ttenni, f’dan ir-rigward, li, għall-finijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni, is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju hija komparabbli ma’ dik tal-uffiċjali jew tal-membri tal-persunal temporanju fil-kategorija B, sa fejn ebda waħda minn dawn it-tliet kategoriji ta’ membri tal-persunal ma wriet kompetenzi fir-rigward tal-funzjonijiet li jaqgħu taħt il-kategorija A. Barra minn hekk, il-fatt li, skont l-Artikolu 3 tal-KIIO, il-membri tal-persunal awżiljarju jistgħu jeżerċitaw kull tip ta’ funzjoni jimplika li dawn il-membri tal-persunal għandhom kapaċità ekwivalenti jew kważi ekwivalenti għal dik tal-uffiċjali. Hija ssostni wkoll li l-avviż tal-kompetizzjoni nnifsu kien jippermetti, inkwantu esperjenza professjonali rilevanti, mhux biss il-perijodi kkompletati bħala uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju, iżda wkoll dawk ikkompletati bħala membru tal-persunal awżiljarju. Skont l-appellanta, minn dan jirriżulta li l-esperjenza miksuba f’funzjoni jew f’oħra hija ekwivalenti. L-appellanta tqis li l-prova tal-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità għandha tirriżulta mis-suċċess tal-eżamijiet ta’ qabel l-għażla minn qabel u mill-eżamijiet tal-għażla.

63

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet ġustament li l-kompetizzjoni inkwistjoni kienet essenzjalment kompetizzjoni ta’ promozzjoni mill-kategorija B għall-kategorija A, li kienet intiża għall-iżvilupp tal-karriera tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju, it-tnejn li huma diġà rreklutati mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-Artikoli 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u mal-Artikolu 12 tal-KIIO.

64

Skont il-Kummissjoni, anki jekk din il-kompetizzjoni kienet tikkostitwixxi wkoll, f’ċerti każijiet, kompetizzjoni ta’ ħatra ta’ uffiċjali, dan il-fatt ma jistax jobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra tiftaħ l-imsemmija kompetizzjoni lill-persunal kollu tal-istituzzjoni u, b’dan il-fatt, tevita l-għan prinċipali. Tali ipoteżi tippreġudika s-setgħa wiesgħa diskrezzjonali li għandha l-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-kompetizzjoni.

65

Il-Kummissjoni ssostni li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-appellanta, l-interess tas-servizz kien l-iżvilupp tal-karriera tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju, peress li tali għan kien diġà ġie deċiż bħala leġittimu mill-qorti Komunitarja (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 1975, Deboeck vs Il-Kummissjoni, 90/74, Ġabra p. 1123, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-, de Kerros u Kohn-Bergé vs Il-Kummissjoni, T-40/96 u T-55/96, ĠabraSP p. I-A-47 u II-135, punt 46). Barra minn hekk, hija ssostni li l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi wkoll għall-organizzazzjoni, għall-uffiċjali biss, ta’ kompetizzjonijiet interni, sabiex ikunu jistgħu jgħaddu għall-kategorija segwenti, u dan jeskludi l-parteċipazzjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju mill-imsemmija kompetizzjonijiet, għaliex, minħabba n-natura speċifika tas-sistema ta’ impjieg tagħhom, huma m’għandhomx dritt jippreżentaw ruħhom għal dawn il-kompetizzjonijiet.

66

Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza Rauch vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, m’għandhiex il-valur assolut li l-appellanta donnha qed tagħtiha. Hija tosserva li l-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza tikkonċerna kompetizzjoni organizzata fl-1963 li kienet influwenzata miċ-ċirkustanzi f’dak iż-żmien, jiġifieri dawk li fihom il-Kummissjoni kienet torganizza hija nfisha u kienet tagħmel użu kunsiderevoli mill-membri tal-persunal awżiljarju. Il-Kummissjoni ssostni li, fl-2004, hija kellha numru kbir ta’ uffiċjali u ta’ membri tal-persunal temporanju li, permezz ta’ din il-kompetizzjoni, hija xtaqet tagħtihom opportunità tal-aħħar li jgħaddu għall-kategorija segwenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ regolament li kien se jneħħi din il-possibbiltà.

67

Il-Kummissjoni tqis li l-appellanta għalxejn tinvoka l-eżiġenzi tal-postijiet li kellhom jimtlew sabiex tistabbilixxi n-nuqqas ta’ kwalunkwe rilevanza tal-kriterju relatat mar-reklutaġġ inizjali. Fil-fatt, waqt li kienet għaddejja l-kompetizzjoni, il-postijiet ta’ xogħol preċiżi li kellhom jimtlew kienu għadhom ma ġewx stabbiliti. Il-kompetizzjoni inkwistjoni kienet intiża sabiex tikkostitwixxi lista ta’ riżerva għal ċerti oqsma. Għaldaqstant, l-eżiġenzi marbuta mar-reklutaġġ inizjali kienu jikkostitwixxu kriterju adatt. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li ż-żamma tal-effiċjenza tal-kompetenzi u tal-integrità tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju kienet suġġetta għal evalwazzjoni perijodika.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li mill-avviż tal-kompetizzjoni jirriżulta li l-kompetizzjoni inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata bħala “kompetizzjoni interna ta’ promozzjoni mill-kategorija B għall-kategorija A”. Il-kompetizzjoni hija “kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal.

69

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza Rauch vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-appellanta ssostni li tali kompetizzjoni għandha neċessarjament tkun miftuħa għall-persuni kollha li jinsabu fis-servizz tal-istituzzjoni, tkun xi tkun il-kwalità tagħhom. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-membri tal-persunal awżiljarju ma jistgħux, a priori, jiġu esklużi minn kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni.

70

Argument bħal dan ma jistax jintlaqa’.

71

Għandu jiġi osservat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Rauch, iċċitata iktar ’il fuq, l-appellanta kkontestat id-dritt tal-Awtorità tal-Ħatra li testendi għall-membri tal-persunal awżiljarju d-dritt ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni. Il-kawża kienet tirrigwarda l-kwistjoni jekk l-Awtorità tal-Ħatra kellhiex jew le s-setgħa li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju għal kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni.

72

Għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta fil-pożittiv, iżda minn dan ma jirriżultax li l-Awtorità tal-Ħatra issa hija marbuta li tiftaħ kull kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni għall-persuni kollha li jinsabu fis-servizz tagħha.

73

Fil-fatt, anki jekk huwa minnu li qari purament litterali tas-sentenza Rauch , iċċitata iktar ’il fuq, jista’ jagħti l-impressjoni li l-persuni kollha fis-servizz tal-istituzzjoni huma kkonċernati minn kompetizzjoni interna fi ħdanha, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom ukoll jiġu interpretati b’mod konformi mal-istruttura u mal-għan tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-KIIO.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li rriferiet għas-sentenza Rauch vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet ġustament fil-punt 48 tas-sentenza appellata li l-kompetizzjoni interna tikkonċerna “fil-prinċipju” il-persuni kollha li jinsabu fis-servizz tal-istituzzjoni, iżda li, fid-dawl tas-setgħa wiesgħa diskrezzjonali li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lill-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, hija ċaħdet l-argument tal-appellanta.

75

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, jekk jiġi segwit l-argument tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara l-punt 66 ta’ din is-sentenza), li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fl-1965 fir-rigward tal-ġestjoni tal-persunal tal-istituzzjonijiet għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-eżiġenzi attwali.

76

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni li tgħid li l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li tammetti għal kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni l-persuni kollha li jinsabu fis-servizz tagħha, tippreġudika s-setgħa wiesgħa diskrezzjonali li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija mogħtija lill-istituzzjonijiet Komunitarji fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom u, b’mod partikolari, fl-istabbiliment tal-metodi u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (ara s-sentenzi Deboeck vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; tad-9 ta’ Frar 1984, Fabius vs Il-Kummissjoni, 39/83, Ġabra p. 627, punt 7; tat-, Vlachou vs Il-Qorti tal-Awdituri, 135/87, Ġabra p. 2901, punt 23, u tal-, Pflugradt vs BĊE, C-409/02 P, Ġabra p. I-9873, punt 42).

77

Il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għal kompetizzjoni għandhom jiġu stabbiliti fid-dawl tal-interess tas-servizz u, sabiex jiġi stabbilit dan l-interess, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa wiesgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 1987, Bouteiller vs Il-Kummissjoni, 324/85, Ġabra p. 529, punt 6; tat-, Bonino vs Il-Kummissjoni, 233/85, Ġabra p. 739, punt 5, u tat-, Il-Parlament vs Samper, C-277/01 P, Ġabra p. I-3019, punt 35).

78

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-kompetizzjoni inkwistjoni setgħet leġittimament teskludi lill-membri tal-persunal awżiljarju, mingħajr ma dan jimplika neċessarjament ksur tal-kunċett ta’ “kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni”.

79

L-appellanta ssostni wkoll li l-kompetizzjoni inkwistjoni tikser id-dispożizzjonijiet mandatorji tal-Artikolu 4(1) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdu li l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti fid-dawl tal-eżiġenzi tal-postijiet li għandhom jimtlew. Din l-eżiġenza ġiet injorata peress li l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni inkwistjoni jeskludi kategoriji ta’ kandidati potenzjali li għandhom kwalitatjiet ekwivalenti għal dawk tal-kandidati ammessi għall-kompetizzjoni.

80

Madankollu, dan l-argument mhuwiex konvinċenti.

81

Fl-ewwel lok, għar-raġunijiet esposti fil-punt [44] ta’ din is-sentenza, mhuwiex stabbilit li l-membri tal-persunal awżiljarju għandhom neċessarjament kwalitajiet ekwivalenti għal dawk tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju.

82

Fit-tieni lok, mill-obbligu li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni fid-dawl tal-postijiet li għandhom jimtlew ma jirriżultax li l-Awtorità tal-Ħatra hija marbuta li tammetti l-kategoriji kollha ta’ kandidati potenzjali għal kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni.

83

Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-esklużjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju mill-kompetizzjoni inkwistjoni ma tiksirx l-għan ta’ kull reklutaġġ, skont l-Artikoli 4(1) u 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

84

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

85

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanta ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma weġbitx għal ċerti argumenti li hija kienet invokat quddiem din il-qorti u, prinċipalment, għall-argument li jikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni li n-nuqqas fl-avviż tal-kompetizzjoni ta’ kwalunkwe kundizzjoni rigward il-kwalifiki mitluba huwa spjegat mill-fatt li l-kompetizzjoni inkwistjoni kienet intiża għall-parteċipazzjoni tal-kandidati li diġà kienu urew l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità fir-reklutaġġ inizjali tagħhom.

86

Il-Kummissjoni tqis li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanta, is-sentenza appellata hija suffiċjentement motivata inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza adottat il-kriterju ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 12 tal-KIIO waqt ir-reklutaġġ inizjali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju sabiex tiċħad l-ewwel motiv tar-rikors.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87

Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuq il-Qorti tal-Prim’Istanza, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 36 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jorbothiex li tesponi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed l-argumenti esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ għaldaqstant tkun impliċita, sakemm hija tippermetti lill-persuna affettwata minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tkun taf bil-motivi ta’ din id-deċiżjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103).

88

F’dan ir-rigward, mill-punti 49 sa 53, 56 u 57 kif ukoll mill-punti 59 sa 62 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat b’mod suffiċjenti skont il-liġi r-raġunijiet li għalihom l-esklużjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju mill-kompetizzjoni inkwistjoni kienet ġustifikata u wriet li l-għan assenjat għal kull reklutaġġ kien ġie osservat.

89

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

90

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

91

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 70 ta’ dawn ir-Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Madankollu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 122 ta’ dawn l-imsemmija Regoli, l-Artikolu 70 mhuwiex applikabbli fil-każ ta’ appell imressaq minn uffiċjal jew impjegat ieħor ta’ istituzzjoni kontra l-istess istituzzjoni.

92

Peress li M. Chetcuti tilfet l-appell prinċipali, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

M. Chetcuti hija kkundannata għall-ispejjeż tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq