Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0157

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-2 ta' Ottubru 2008.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Kuntratti pubbliċi għal provvisti - Direttiva 93/36/KEE - Għoti ta’ kuntratti pubbliċi mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż minn qabel - Ħelikopters ħfief għall-pulizija u l-korp nazzjonali tat-tifi tan-nar.
    Kawża C-157/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-07313

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:530

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    2 ta’ Ottubru 2008 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttiva 93/36/KEE — Għoti ta’ kuntratti pubbliċi mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż minn qabel — Ħelikopters ħfief għall-pulizija u l-korp nazzjonali tat-tifi tan-nar”

    Fil-Kawża C-157/06,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-23 ta’ Marzu 2006,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis u D. Recchia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tas-Sitt Awla, aġent President tat-Tieni Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur), J.-C. Bonichot u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2008,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi adottat id-Digriet tal-Ministru tal-Intern tal-11 ta’ Lulju 2003, Nru 558/A/04/03/RR, (iktar ’il quddiem, id-“digriet ministerjali”), li jawtorizza d-deroga mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti għax-xiri ta’ ħelikopters ħfief intiżi għall-bżonnijiet tal-forzi tal-pulizija u tal-korpi nazzjonali tat-tifi tan-nar, mingħajr ma ġiet sodisfatta ebda waħda mill-kundizzjonijiet li setgħu jiġġustifikaw tali deroga, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1), u b’mod partikolari, l-Artikoli 2(1)(b), 6 u 9 tagħha.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2

    L-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 jipprovdi dan li ġej:

    “1.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

    […]

    (b)

    kuntratti ta’ provvista li huma ddikjarati sigrieti jew li l-eżekuzzjoni tagħhom trid tiġi akkumpanjata b’miżuri ta’ sigurtà speċjali skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri kkonċernati jew meta l-protezzjoni ta’ l-interessi bażiċi tas-sigurtà ta’ l-Istat Membru titlob dan.”

    3

    L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprovdi li:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2, 4 u 5(1), din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti kollha li jirralata għalihom l-Artikolu 1(a), li jinkludu dawk koperti b’kuntratti mogħtija minn awtoritajiet kontraenti fil-qasam tad-difiża barra l-prodotti li għalihom japplika l-Artikolu [296](1)(b) tat-Trattat tal-[KE].”

    4

    L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

    “1.   Fl-għotja ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri definiti fl-Artikolu 1(d), (e) u (f), fil-każi mogħtija hawn taħt.

    2.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta’ provvista tagħhom bi proċedura negozjata fil-każ ta’ offerti irregolari b’reazzjoni għal proċedura miftuħa jew ristretta jew fil-każ ta’ offerti li huma inaċċettabbli taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV, sakemm it-termini oriġinali tal-kuntratt mhumiex immodifikati sostanzjalment. L-awtoritajiet kontraenti għandhom f’każijiet bħal dawn jippubblikaw avviż għall-offerti sakemm jinkludu fi proċeduri negozjati bħal dawn, l-intrapriżi kollha li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-Artikoli 20 sa 24 li, matul il-proċedura miftuħa jew ristretta ta’ qabel, issottomettew offerti skond il-kundizzjonijiet formali tal-proċedura tal-offerti.

    3.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta’ provvista tagħhom bil-proċedura negozjata mingħajr ma l-avviż għall-offerti jiġi ppubblikat minn qabel, fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    fin-nuqqas ta’ offerti jew ta’ dawk li jippreżentaw l-offerti addattati b’reazzjoni għal proċedura miftuħa jew ristretta sakemm it-termini oriġinali tal-kuntratt ma jiġux immodifikati sostanzjalment u jekk ir-rapport ikun ikkomunikat lill-Kummissjoni;

    (b)

    meta l-prodotti [i]nvoluti huma ffabbrikati purament għall-għan ta’ riċerka, esperiment, studju jew żvilupp, din id-dispożizzjoni mhi[ji]ex estiża għall-produzzjoni ta’ kwantità biex tiġi stabbilita l-vijabbiltà kummerċjali jew biex jiġu rkuprati spejjeż ta’ riċerka u żvilupp;

    (ċ)

    meta, għal raġunijiet tekniċi jew artistiċi, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklussivi, il-prodotti fornuti jistgħu jiġu ffabbrikati jew mibgħuta biss minn fornitur partikolari;

    (d)

    sa fejn hu strettament meħtieġ, għal raġunijiet ta’ urġenza estrema li seħħew minn ċirkustanzi imprevedibbli mill-awtoritajiet kontraenti kkonċernati, il-limitu ta’ żmien preskritt għal proċeduri miftuħa, ristretti jew negozjati li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 ma jistgħux jinżammu. Iċ-ċirkostanzi invokati biex jiġġustifikaw l-urġenza estrema ma jridu fl-ebda każ ikunu attribwibbli għall-awtoritajiet kontraenti;

    (e)

    għal kunsinni addizzjonali mill-fornitur oriġinali li huma intenzjonati jew bħala sostituzzjoni parzjali tal-provvisti jew stallazzjonijiet normali jew bħala l-estensjoni tal-provvisti jew estensjonijiet eżistenti fejn bidla fil-fornitur tobbliga lill-awtorità kontraenti li takkwista materjal li għandu karatteristiċi tekniċi differenti li jirriżultaw f’inkompatibbiltà jew diffikultajiet tekniċi disproporzjonati fit-tħaddim u l-manteniment. It-tul ta’ kuntratti bħal dawn kif ukoll dak ta’ kuntratti rikurrenti [ma] jista[x], bħala regola ġenerali, [jaqbeż] it-tliet snin.

    4.   Fil-każijiet kollha l-oħra, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l-kuntratti ta’ provvista tagħhom bi proċedura miftuħa jew bi proċedura ristretta.”

    5

    L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi dan li ġej:

    “1.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jgħarrfu, kemm jista’ jkun malajr wara l-bidu tas-sena tal-budget tagħhom, permezz ta’ avviż indikattiv, l-akkwist totali għal kull żona ta’ prodott li huma għandhom il-ħsieb li jagħtu matul it-12-il xahar ta’ wara, fejn il-valur totali stmat, meta wieħed jikkonsidra d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 5, huwa ugwali jew akbar minn [EUR] 750000.

    Iż-żona tal-prodott għandha tiġi stabbilità mill-awtoritajiet kontraenti permezz ta’ referenza għan-nomenklatura ‘Klassifika ta’ Prodotti Skond l-Attivitajiet (CPA)’. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ referenza fl-avviż ta’ pożizzjonijiet partikolari tan-nomenklatura skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 32(2).

    2.   L-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jagħtu kuntratt pubbliku ta’ provvista permezz ta' proċedura miftuħa, ristretta jew innegozjata fil-każijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 6(2), għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ avviż.

    3.   L-awtoritajiet kontraenti li jkunu taw kuntratt għandhom jgħarrfu [r]-riżultat permezz ta’ avviż. Madankollu, ċerta informazzjoni fuq l-għotja tal-kuntratt tista’, f'ċerti każijiet, ma tiġix ippubblikata meta l-ħruġ ta’ informazzjoni bħal din jimpedixxi l-infurzar tal-liġi jew b’mod ieħor imur kontra l-interess pubbliku, tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impiriżi partikolari, pubbliċi jew privati, jew tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri.

    4.   L-avviżi għandhom jinkitbu skond il-mudelli mogħtija fl-Anness IV u għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni rikjesta f’dawn il-mudelli. L-awtoritajiet kontraenti jista’ ma jkollhomx bżonn kundizzjonijiet oħra barra dawk speċifikati fl-Artikolu 22 u 23 meta jitolbu [i]nformazzjoni li tikkonċerna l-istandards ekonomiċi u tekniċi li huma jkollhom bżonn mill-fornituri għas-selezzjoni tagħhom (It-Taqsima 11 ta’ l-Anness IV B, it-Taqsima 9 ta’ l-Anness IV Ċ u t-Taqsima 8 ta’ l-Anness IV D).

    5.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jibagħtu l-avviżi malajr kemm jista’ jkun u bil-mezzi l-aktar addattati lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Fil-każ tal-proċedura mgħaġġla li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 12, l-avviż għandu jintbagħat b’telex, telegramm jew telefax.

    L-avviż li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jintbagħat malajr kemm jista’ jkun fil-bidu ta’ kull sena tal-budget.

    L-avviż li hemm referenza għalih fil-paragrafu 3 għandu jintbagħat sa l-aktar tard 48 jum wara l-għotja tal-kuntratt ikkonċernat.

    6.   L-avviżi li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 3 għandhom jiġu ppubblikati fit-totalità tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fil-bank tad-data TED fil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet, fejn it-test fil-lingwa oriġinali jkun l-uniku wieħed awtentiku.

    7.   L-avviż[i] li hemm referenza għalih[om] fil-paragrafu 2 għand[hom] jiġ[u] ppubblikat[i] fit-totalità [tagħhom] fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fil-bank tad-data TED fil-lingwi oriġinali tagħhom. Sommarju ta’ l-elementi importanti ta’ kull avviż għandu jiġi ppubblikat bil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet, fejn it-test fil-lingwa oriġinali jkun l-unika wieħed awtentiku.

    8.   L-Uffiċ[ċ]ju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandu jippubblika l-avviżi sa mhux aktar tard minn 12-il jum minn meta jintbagħtu. Fil-każ tal-proċedura mħaffa li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 12, dan il-perjodu għandu jitnaqqas għal ħamest ijiem.

    9.   L-avviżi m’għandhomx jiġu ppubblikati fil-Ġurnali Uffiċjali jew fil-ġurnali tal-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti qabel id-data li fiha jintbagħtu lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej; huma għandhom isemmu din id-data. Huma ma jridx ikun fihom informazzjoni barra dik ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    10.   L-awtoritajiet kontraenti jridu jkunu jistgħu jipprovdu prova tal-jum li fih ikunu ntbagħtu.

    11.   In-nefqa tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviżi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tinġarr mill-Komunitajiet. It-tul ta’ l-avviż ma jridx ikun ta’ aktar minn paġna tal-Ġurnal, jew bejn wieħed u ieħor 650 kelma. Kull edizzjoni tal-Ġurnal li jkun fiha avviż wieħed jew aktar għandha tirriproduċi l-mudell ta’ l-avviz jew avviżi li fuqhom huma bbażati l-avviż jew avviżi ppubblikati.”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    6

    Id-digriet ministerjali jipprovdi li:

    “1.

    Il-provvisti ta’ ħelikopters ħfief intiżi għall-bżonnijiet tal-forzi tal-pulizija u tal-korpi nazzjonali tat-tifi tan-nar għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri partikolari tas-sigurtà li japplikaw ukoll għall-azzjonijiet tal-grupp tekniku ta’ evalwazzjoni u tal-kummissjoni interministerjali msemmija fid-dikjarazzjoni.

    2.

    Għall-għoti ta’ dawn il-provvisti, tista’ ssir deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 358, tal-[24 ta’ Lulju 1992], emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 402, tal-[ (iktar ’il quddiem id-“digriet leġiżlattiv Nru 358/1992”)], sakemm, fil-każ partikolari, ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-[subparagrafu] (c) tal-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet.”

    7

    Id-digriet leġiżlattiv Nru 358/1992, li jirreferi għalih id-digriet ministerjali, huwa l-liġi li tittrasponi l-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista.

    8

    L-Artikolu 4(c) tad-digriet leġiżlattiv Nru 358/1992 jirripproduċi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    9

    Il-Kummissjoni, meta ġiet informata bl-eżistenza tad-digriet ministerjali u qieset li ma kienx konformi mal-Artikoli 2(1)(b), 6 u 9 tad-Direttiva 93/36, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fl-1 April 2004, li r-Repubblika Taljana rrispondiet għaliha fit-.

    10

    Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, fl-14 ta’ Diċembru 2004 bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana fejn talbitha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha tirċevieha.

    11

    Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2005, ir-Repubblika Taljana informat lill-Kummissjoni li kienet għadha ma rrispondietx fid-dettall għall-imsemmija opinjoni motivata, iżda li hija kienet “bdiet proċess ta’ riflessjoni fil-fond f’dan ir-rigward”, li l-ewwel riżultati tiegħu “kienu jwasslu li jinħaseb li l-qari tal-imsemmi digriet seta’ jikkawża ċerta perplessità dwar il-konformità tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista mal-qafas leġiżlattiv fis-seħħ fuq livell Komunitarju.” Din l-ittra kienet tkompli b’turija ta’ xewqa li jinbeda djalogu tekniku mad-dipartimenti tal-Kummissjoni li seta’ “jakkumpanja l-proċess ta’ riflessjoni inkwistjoni u jwassal għal eżami mill-ġdid tal-leġiżlazzjoni msemmija iktar ’il fuq li tieħu inkunsiderazzjoni diversi aspetti imperattivi f’dan il-qasam.”

    12

    Minkejja żewġ ittri tal-Kummissjoni tal-14 ta’ April u tas-26 ta’ Mejju 2005, li fihom informat lir-Repubblika Taljana li kienet lesta li tibda djalogu mad-dipartimenti ministerjali kkonċernati, dan id-djalogu tekniku qatt ma seħħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    Fuq ir-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    13

    Il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Taljana talli permezz tad-digriet ministerjali, eskludiet, illegalment, il-provvisti ta’ ħelikopters ħfief għall-bżonnijiet tal-forzi tal-pulizija u tal-korpi nazzjonali tat-tifi tan-nar, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/36, peress li ebda waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva ma ġiet irrispettata.

    14

    F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-imsemmija ħelikopters huma intiżi għall-forzi tal-pulizija u għall-korpi nazzjonali tat-tifi tan-nar, jiġifieri għal dipartimenti ċivili li, normalment ma jiħdux sehem f’operazzjonijiet militari. Barra minn hekk, il-fatt li l-installazzjoni ta’ armament ħafif jitqies bħala sempliċi eventwalità jikkonferma li l-ħelikopters inkwistjoni huma intiżi għal użu essenzjalment ċivili. Fl-aħħar nett, il-fatt li dawn il-ħelikopters għandu jkollhom ċerti karatteristiċi simili għal dawk ta’ ħelikopters militari mhuwiex biżżejjed sabiex dawn jitqiesu bħala provvisti militari. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, dawn huma inġenji tal-ajru li jista’ jkollhom użu doppju.

    15

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, anki jekk dawn huma biss provvisti militari, id-Direttiva 93/36 lanqas għandha tapplika għalihom u ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw id-deroga prevista fl-Artikolu 2(1)(b) tagħha għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru li jinvoka din id-deroga. F’dan il-każ, hija tikkunsidra li r-Repubblika Taljana ma stabbilixxietx il-leġittimità tar-rikors tagħha għad-deroga msemmija f’din id-dispożizzjoni.

    16

    Ir-Repubblika Taljana ssostni li, fil-kuntest internazzjonali attwali, il-kunċetti ta’ gwerra u ta’ materjal tal-gwerra nbidlu b’mod sostanzjali meta mqabbla mat-tifsira oriġinali tagħhom, bħall-kunċett ta’ protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali. In-natura militari tal-ħelikopters li huma s-suġġett tal-provvisti previsti fid-digriet ministerjali ma tistax tiġi kkontestata peress li dawn il-ħelikopters jistgħu jintużaw għal missjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali. Fil-fatt, kif iddeterminat minn kummissjoni interministerjali mwaqqfa għal dan il-għan, dawn il-ħelikopters għandu jkollhom ċerti karatteristiċi tekniċi li jippermettulhom li eventwalment jintużaw bħala armi u sistemi ta’ difiża, b’mod li jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Ministeru tad-Difiża.

    17

    Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 huma sodisfatti. Hija tibbaża l-affermazzjoni tagħha fuq l-argument li jeħtieġ li jkun hemm l-ikbar diskrezzjoni dwar il-provvisti inkwistjoni minħabba l-użu tagħhom bħala armi u l-interoperabbiltà tagħhom ma’ materjal militari. Din hija r-raġuni li għaliha s-sigriet ma jistax jiġi ggarantit fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa.

    18

    Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li, peress li l-inġenji tal-ajru inkwistjoni jistgħu jiġu kkwalifikati mingħajr ebda restrizzjoni bħala materjal militari, anki fil-każ li kellu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 ma japplikawx għal din il-kawża, il-provvisti inkwistjoni xorta waħda jaqgħu taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 296 KE u għalhekk ir-regoli Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi mhumiex applikabbli għalihom.

    19

    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li dan ir-rikors huwa inammissibbli peress li qed jiġi miksur il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fil-fatt, hija ssostni li l-kwistjoni li hija s-suġġett tal-kawża diġà ġiet eżaminata u evalwata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-337/05, Ġabra p. I-2173).

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fuq l-ammissibbiltà

    20

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li tiġi rrilevata differenza essenzjali bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq. F’din il-kawża, ir-Repubblika Taljana aġixxiet abbażi tad-Digriet tal-Ministru tal-Intern filwaqt li l-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda l-legalità ta’ prattika tal-awtoritajiet Taljani. Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li, f’din il-kawża, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi invokat b’suċċess.

    21

    Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Taljana għandha tiġi miċħuda.

    Fuq il-mertu

    22

    Preliminarjament jeħtieġ li jiġi rrilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-ammonti tal-kuntratti msemmija fid-digriet ministerjali jaqbżu l-limitu stabbilit fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 93/36, u b’hekk dawn jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    23

    Jeħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li skont ġurisprudenza stabbilita kull deroga għar-regoli intiżi li jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mit-Trattat KE fis-settur tal-kuntratti pubbliċi għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-71/92, Ġabra p. I-5923, point 36) u huwa dak li jixtieq jibbenefika minnha li għandu jġib prova li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-deroga effettivament jeżistu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-328/92, Ġabra p. I-1569, punti 15 u 16, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 58).

    24

    F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana ssostni li d-digriet ministerjali jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 296 KE u 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-ħelikopters imsemmija f’dan id-digriet huma oġġetti b’użu doppju, jiġifieri jistgħu jintużaw għal skopijiet ċivili kif ukoll militari.

    25

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li bis-saħħa tal-Artikolu 296(1)(b) KE, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri li jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà u li jirrigwardaw il-produzzjoni u l-kummerċ tal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra, bil-kundizzjoni madankollu li dawn il-miżuri ma jfixklux il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni għal dak li jikkonċerna l-prodotti mhux intiżi għal skopijiet speċifikament militari (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

    26

    Mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni għandhom ikunu intiżi għal skopijiet speċifikament militari. Minn dan jirriżulta li x-xiri ta’ tagħmir, li ma jkunx ċert jekk l-użu tiegħu jkunx militari, għandu jsir skont ir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    27

    Madankollu, huwa paċifiku li d-digriet ministerjali jikkonċerna, kif tammetti r-Repubblika Taljana, ħelikopters li żgur ser jintużaw għal finijiet ċivili iżda li mhux bil-fors ser jintużaw għal finijiet militari.

    28

    Konsegwentement, l-Artikolu 296(1)(b) KE, li jirreferi għalih l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/36 ma jistax jiġi invokat b’suċċess mir-Repubblika Taljana sabiex tiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza r-rikors għall-proċedura negozjata għax-xiri tal-imsemmija ħelikopters.

    29

    Barra minn hekk, l-imsemmi Stat Membru jinvoka l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36.

    30

    L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-bżonn li jiġi previst obbligu ta’ kunfidenzjalità bl-ebda mod ma jwaqqaf ir-rikors għal proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

    31

    Għaldaqstant, ir-rikors għall-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza x-xiri tal-ħelikopters inkwistjoni skont il-proċedura negozjata jidher li huwa sproporzjonat fid-dawl tal-għan li jitwaqqaf it-tixrid ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-produzzjoni tagħhom. Fil-fatt, ir-Repubblika Taljana ma urietx li tali għan ma setax jintlaħaq fil-kuntest ta’ proċedura għal sejħa għal offerti kif previst fl-istess direttiva (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

    32

    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, is-sempliċi fatt li jiġi affermat li l-provvisti inkwistjoni huma ddikjarati sigrieti, li huma akkumpanjati minn miżuri speċjali ta’ sigurtà jew li huwa neċessarju li jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regoli Komunitarji sabiex jipproteġu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat, mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-derogi previsti fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 effettivament jeżistu.

    33

    Konsegwentement, l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 ma jistax jiġi invokat b’suċċess mir-Repubblika Taljana sabiex tiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza r-rikors għal proċedura negozjata għax-xiri tal-imsemmija ħelikopters.

    34

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li jiġi ddikjarat li, billi adottat id-digriet ministerjali, li jawtorizza d-deroga mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti għax-xiri ta’ ħelikopters ħfief intiżi għall-bżonnijiet tal-forzi tal-pulizija u tal-korpi nazzjonali tat-tifi tan-nar, mingħajr ma ġiet sodisfatta ebda waħda mill-kundizzjonijiet li setgħu jiġġustifikaw tali deroga, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 93/36, u b’mod partikolari, l-Artikoli 2(1)(b), 6 u 9 tagħha.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi adottat id-Digriet tal-Ministeru tal-Intern Nru 558/A/04/03/RR, tal-11 ta’ Lulju 2003, li jawtorizza d-deroga mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti għax-xiri ta’ ħelikopters ħfief intiżi għall-bżonnijiet tal-forzi tal-pulizija u tal-korpi nazzjonali tat-tifi tan-nar, mingħajr ma ġiet sodisfatta ebda waħda mill-kundizzjonijiet li setgħu jiġġustifikaw tali deroga, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1), u b’mod partikolari, l-Artikoli 2(1)(b), 6 u 9 tagħha.

     

    2)

    Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq