EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CC0388

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 23 ta' Settembru 2008.
The Queen, fuq talba ta' The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (Age Concern England) vs Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice, Queen's Bench Division (Administrative Court) - ir-Renju Unit.
Direttiva 2000/78 - Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol - Diskriminazzjoni marbuta mal-età - Sensji minħabba l-irtirar - Ġustifikazzjoni.
Kawża C-388/07.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:518

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-23 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-388/07

The Queen, fuq it-talba ta’:

The Incorporated Trustees of the National Council on Ageing

(Age Concern England)

vs

Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform

“Direttiva 2000/78 — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Sensji minħabba rtirar — Ġustifikazzjoni”

I — Introduzzjoni

1.

B’digriet tal-24 ta’ Lulju 2007 ( 2 ), il-High Court of Justice (Queen’s Bench Division, Administrative Court, ir-Renju Unit) resqet numru ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tingħata deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas- li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 3 ). Bid-domandi tagħha, il-High Court essenzjalment tfittex li tivverifika jekk dik id-direttiva tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali intiża biex tittrasponi d-dispożizzjonijet tad-direttiva dwar id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età li jippermettu lil min iħaddem, taħt ċerti kundizzjonijiet, sabiex iġiegħel il-ħaddiema ta’ età ta’ 65 jew iktar sabiex jirtiraw.

2.

Din il-kwistjoni qamet fil-kuntest ta’ kawża miftuħa mill-Incorporated Trustees of the National Council on Ageing (Age Concern England) (iktar ’il quddiem ‘Age Concern England’) kontra s-Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform, fejn l-Age Concern England tikkontesta l-legalità ta’ dik il-leġiżlazzjoni.

3.

Dan il-każ, li, wara s-sentenzi Mangold ( 4 ), Lindorfer ( 5 ), Palacios de la Villa ( 6 ), u Bartsch ( 7 ), ser iżid mal-ġurisprudenza li qed toħroġ dwar id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titfa’ iktar dawl fuq l-obbligi tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, b’mod partikolari l-livell ta’ speċifiċità li bih dik il-projbizzjoni għandha tkun trasposta fil-liġi nazzjonali.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

4.

Id-Direttiva 2000/78 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 13 KE. Il-premessa 1, 14, u 25 tad-Direttiva jistipulaw kif ġej:

“(1)

Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għal-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali u kif jirriżultaw mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

[…]

(14)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabilixxu l-età tal-irtirar.

[…]

(25)

Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament fuq bażi ta’ età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.

[…]”

5.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li l-iskop tad-Direttiva huwa:

“[…] li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

6.

L-Artikolu 2 li jiddefinixxi l-kunċett ta’ diskriminazzjoni, jipprovdi kif ġej:

‘1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, "il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament" għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii)

fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.

[…]”

7.

L-Artikolu 6 jipprovdi għal ġustifikazzjoni għat-trattament differenti fuq bażi ta’ età:

‘1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(ċ)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

2.   Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji tal-irtirar jew tal-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli tal-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

B — Id-dritt nazzjonali rilevanti

8.

Id-digriet tar-rinviju jgħid li qabel l-1 ta’ Ottubru 2006 ma kien hemm l-ebda dispożizzjonijiet leġiżlattivi fir-Renju Unit li jimpedixxu d-diskriminazzjoni marbuta mal-età fir-rigward ta’ reklutaġġ u impjieg. Dawk li jħaddmu setgħu jkeċċu impjegati li kienu laħqu l-età tal-irtirar normali ta’ min iħaddimhom, jew, fin-nuqqas ta’ din l-età tal-irtirar normali, l-età ta’ 65. L-Artikoli 109 u 156 tal-Employment Rights Act 1996 (‘l-Att tal-1996’) kien jipprovdi li l-impjegati ma setgħux jitolbu kumpens għas-sensja f’ċirkustanzi bħal dawn.

9.

Fit-3 ta’ April 2006, ir-Renju Unit implementa d-Direttiva 2000/78 billi introduċa l-Employment Equality (Age) Regulations 2006, SI 1031/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

10.

L-Artikolu 3 tar-Regolament jiddefinixxi l-kunċetti ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta marbuta mal-età għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan jistipula kif ġej:

“(1)   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, persuna (“A”) tkun qiegħda tiddiskrimina kontra persuna oħra (“B”) jekk —

(a)

minħabba l-età ta’ B, A tittratta lil B b’mod inqas favorevoli milli hija tittratta jew kieku tittratta persuni oħra, jew

(b)

A tapplika għal B dispożizzjoni, kriterju jew prattika li hija tapplika jew kieku tapplika ugwalment għal persuni li mhumiex fl-istess grupp tal-età bħal B, iżda —

(i)

li tqiegħed jew kieku tqiegħed lill-persuni tal-istess grupp tal-età bħal B, fi żvantaġġ partikulari meta pparagunata ma’ persuni oħra, u

(ii)

li tqiegħed lil B f’dak l-iżvantaġġ,

u A ma tkunx tista turi li t-trattament jew, skont kif ikun il-każ, id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika hija mezz proporzjonat biex jintlaħaq għan leġittimu.”

11.

B’eċċezzjoni għar-regola ġenerali, l-Artikolu 30 tar-Regolament jipprovdi:

“(1)   Dan ir-Regolament japplika għall-impjegati fis-sens tal-Artikolu 230(1) tal-Att tal-1996, għall-persuni impjegata mal-Kuruna, għall-membri rilevanti tal-persunal tal-House of Commons, u għall-membri rilevanti tal-persunal tal-House of Lords.

(2)   Xejn fit-Taqsimiet 2 jew 3 m’għandu jirrendi illegali t-tkeċċija ta’ persuna li għaliha japplika dan l-Artikolu, li għandha l-età ta’ 65 sena jew iktar, fejn ir-raġuni għat-tkeċċija hija l-irtirar.

(3)   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, jekk ir-raġuni għat-tkeċċija tkunx l-irtirar jew le għandu jiġi stabbilit skont l-Artikoli 98 ZA sa 98 ZF tal-Att tal-1996.”

12.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-effett tal-Artikolu 30 huwa li, taħt il-liġi nazzjonali, impjegat, li għandu l-età ta’ 65 sena jew iktar, ma jistax jippretendi li t-tkeċċija tiegħu jew tagħha kienet att illegali ta’ diskriminazzjoni marbuta mal-età fejn ‘ir-raġuni għat-tkeċċija hija l-irtirar’.

13.

Jekk dan huwiex il-każ jew le, jiddependi fuq l-applikazzjoni tal-kriterji fl-Iskeda 8 tar-Regolament. Dawk il-kriterji jvarjaw skont jekk l-impjegat għandux 65 sena jew iktar, jekk l-impjegat għandux l-età normali tal-irtirar, u jekk il-persuna li qed tħaddem segwitx il-proċedura fl-Iskeda 6 tar-Regolament.

14.

B’hekk, skont l-Iskeda 6, jekk min iħaddem ikollu l-intenzjoni li jsostni li ‘r-raġuni għat-tkeċċija hija l-irtirar’ sabiex ikun jista’ jistrieħ fuq l-Artikolu 30, huwa għandu jagħti lill-impjegat bejn sitt xhur u sena avviż mid-data maħsuba għat-tkeċċija u mid-dritt tal-impjegat li jagħmel talba biex ma jiġix imkeċċi minħabba l-irtirar. L-impjegat, imbagħad, għandu d-dritt li jitlob formalment li ma jiġix imkeċċi minħabba l-irtirar, liema talba għandha tiġi kkunsidrata minn min iħaddem skont il-proċeduri stabbbiliti fl-Iskeda 6. Madanakollu, min iħaddem mhuwiex obbligat li jilqa’ din it-talba.

15.

L-Artikolu 7(4) tar-Regolament jissupplixxi l-Artikolu 30 billi jippermetti li min iħaddem li jiddiskrimina, f’dak li jirrigwarda r-reklutaġġ, kontra persuni ta’ età ta’ 65 sena jew iktar, meta l-Artikolu 30 ikun jista’ japplika għal persuna kkonċernata kieku din ġiet irreklutata. L-Artikolu 7 jipprovdi:

“1.   Huwa illegali għal min iħaddem li, meta jiġi biex jimpjega lil xi persuna fi stabbiliment fil-Gran Brittannja, jiddiskrimina kontriha —

(a)

fl-arranġamenti li huwa jagħmel sabiex jiġi deċiż lil min għandu joffri l-impjeg;

(b)

[…]

(c)

billi jiċħad li joffrilha, jew deliberatament ma joffrilhiex, impjieg.

[…]

4.   Bla ħsara għall-paragrafu (5), il-paragrafu (l)(a) u (ċ) ma japplikax għal persuna

(a)

illi l-età tagħha taqbeż l-età normali tal-irtirar stabbilita minn min iħaddem jew, jekk min iħaddem ma japplikax età normali tal-irtirar, l-età ta’ 65; jew

(b)

illi f’perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni tagħha lil min iħaddimha, tilħaq l-età tal-irtirar normali ta’ min iħaddimha jew, jekk min iħaddimha ma jkollux età tal-irtirar normali, tilħaq l-età ta’ 65.

5.   Il-paragrafu (4) japplika biss għal persuna li għaliha kien ikun jista’ japplika r-regolament 30 (l-eċċezzjoni għall-irtirar) kieku hija kienet ingaġġata minn min iħaddimha.

[…]

8.   Fil-paragrafu (4) “età tal-irtirar normali” hija l-età ta’ 65 jew iktar li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 98ZH tal-Att tal-1996.”

III — Il-kuntest fattwali, proċedura u d-domandi preliminari

16.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Incorporated Trustees of the National Council on Ageing (Age Concern England), hija istituzzjoni tal-karità li għandha l-iskop li tippromwovi l-benesseri ta’ persuni anzjani. Bil-kawża tagħha, l-Age Concern England qegħdha titlob dikjarazzjoni li partijiet mill-Artikoli 3, 7 u 30 huma illegali minħabba li r-Regolament ma jimplementax id-Direttiva 2000/78 kif suppost.

17.

B’mod partikolari, hija ssostni li l-Artikoli 30 u 7(4) u (5) jaqgħu taħt il-kamp tad-Direttiva 2000/78 u taħt il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni illegali fuq bażi ta’ età kif stabbilita hemmhekk u li l-Artikolu (6)1 tal-imsemmija Direttiva ma jippermettix lill-Istati Membri li jintroduċu difiża ġenerali ta’ ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età, kif provdut għaliha mill-Artikolu 3 tar-Regolament. L-imsemmi Artikolu jippermettilhom biss li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi li jelenkaw dawk l-atti ta’ trattament inqas favorevoli għal raġunijiet ta’ età li jistgħu jkunu ġġustifikati minn dak li jiddiskrimina jekk ikunu proporzjonati għall-kisba ta’ għan leġittimu. Barra dan, Age Concern England tissottometti li t-test li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni oġġettiva taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 huwa sostanzjalment differenti minn dak taħt l-Artikolu 2(2)(b) tal-istess Direttiva u li l-istandard sabiex ikun hemm ġustifkazzjoni oġġettiva ma ntlaħaqx fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ.

18.

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jikkontestaw din il-perspettiva. Huma jqisu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament ma jirrilevawx mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u li, fi kwalunkwe każ, huma konformi ma’ Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva.

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court issospendiet il-proċeduri u ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

“F’dak li jirrigwarda […] id-Direttiva 2000/78[…]:

1.

L-etajiet nazzjonali ta’ rtirar u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

(i)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa estiż għar-regoli nazzjonali li jippermettu lil min iħaddem li jissensja impjegati li għandhom l-età ta’ 65 jew iktar għal raġuni ta’ rtirar?

(ii)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jestendi għal regoli nazzjonali li jippermettu lil min iħaddem li jissensja impjegati tal-età ta’ 65 jew iktar għal raġuni ta’ irtirar meta dawn ir-regoli jkunu ġew introdotti wara l-adozzjoni tad-Direttiva?

(iii)

Fid-dawl tar-risposti għal (i) u (ii) ta’ hawn fuq

(1)

l-Artikolu 109 u/jew 156 tal-Att tal-1996, u

(2)

l-Artikoli 30 u 7, moqrija flimkien ma’ Skeda 8 u 6 tar-Regolament,

huma dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-etajiet ta’ rtirar fis-sens tal-Premessa 14 tad-Direttiva?

2.

Id-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età: raġuni ta’ ġustifikazzjoni

(iv)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jippermetti li l-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li skondha trattament differenti fuq bażi ta’ età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni, u dan meta jiġi stabbilit li huwa mezz proporzjonat sabiex jinkiseb għan leġittimu; jew huwa l-każ li l-Artikolu 6(1) jeżiġi li l-Istati Membri jiddefinixxu t-tipi ta’ trattament differenti li jistgħu jkunu b’dan il-mod iġġustifikati, b’lista jew miżura oħra li tkun simili fil-forma u l-kontenut tagħha għall-Artikolu 6(1)?

3.

Il-kriterji għall-iġġustifikar ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta

(v)

Teżisti xi differenza prattika sinjifikattiva, u, jekk iva, liema, bejn il-kriterji ta’ ġustifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva f’dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni indiretta, u l-kriterji ta’ ġustifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva f’dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età?”

IV — Analiżi ġuridika

A — Osservazzjonijiet preliminari

20.

Filwaqt li s-sentenza li għandha tingħata fil-kawża prinċipali tista’ tkun, kif enfasizzat Age Concern England fl-osservazzjonijiet tagħha, ferm importanti għas-sistema ta’ irtirar li teżisti fir-Renju Unit u jkollha impatt deċiżiv fuq numru kbir ta’ każijiet li jikkonċernaw l-irtirar obbligatorju u li huma pendenti quddiem il-qrati nazzjonali fir-Renju Unit, il-portata ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija, fil-fatt, relattivament limitata.

21.

B’mod partikolari, il-High Court of Justice, fid-digriet tar-rinviju tagħha, żammet lura intenzjonalment milli tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà bejn id-Direttiva 2000/79 u t-tip ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil min iħaddem li jkeċċi l-impjegati ta’ età ta’ 65 jew iktar, għal raġuni ta’ irtirar. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx lil din il-Qorti b’ebda informazzjoni sostanzjali li tippermettilha tanalizza jekk dawn ir-regoli jistgħux ikunu ġġustifikati taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva; u l-partijiet f’dawn il-proċeduri lanqas ma ddiskutew fid-dettall l-għanijiet potenzjali mfittxija mir-regoli nazzjonali in kwistjoni jew il-proporzjonalità ta’ dawk il-miżuri.

22.

Minflok, kif il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ġustament osservaw, il-High Court resqet domandi pjuttost speċifiċi lill-Qorti tal-Ġustizzja li huma ntiżi illi jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddisponi minn ċerti kwistjonijiet imqajma partikolarment minn Age Concern England u li tagħmel evalwazzjoni tagħha stess dwar jekk ir-Regolament hux konformi mad-Direttiva 2000/78.

23.

Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment, bid-Domandi (i), (ii) u (iii), li jien jidhirli li jkun xieraq li jiġu eżaminati flimkien, jekk tali leġiżlazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Dik id-domanda tista’ tingħatlha tweġiba malajr fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Palacios de la Villa ( 8 ).

24.

Iż-żewġ domandi li fadal huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin minħabba li t-tnejn li huma jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva u l-kompattibiltà bejn dan l-Artikolu u leġiżlazzjoni bħal dik in eżami f’dan il-każ. B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju l-ewwel tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jobbligax l-Istati Membri sabiex jispeċifikaw it-tipi ta’ differenzi ta’ trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati in konformità ma’ l-Artikolu 6. Wara, hija tistaqsi dwar il-kriterji ta’ ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età.

25.

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa biex tipprovdi risposti li jkunu utli għall-qorti nazzjonali, tista’ tipprovdilha gwida sabiex tippermettilha tagħti deċiżjoni, sakemm il-proċess tal-kawża prinċipali u l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew ippreżentati lilha jippermettulha tagħmel dan ( 9 ).

B — Età nazzjonali tal-irtirar u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (Domandi (i), (ii) u (iii))

26.

Bid-domandi (i), (ii) u (iii), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk ir-regoli nazzjonali dwar l-età tal-irtirar bħal dawk tar-Regolament, li jippermettu s-sensja minħabba l-irtirar ta’ persuna tal-età ta’ 65 jew iktar, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet

27.

F’dawn il-proċeduri, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Age Concern England, mill-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Italja kif ukoll mill-Kummissjoni. L-istess partijiet, ħlief għall-Gvern tal-Italja, kellhom ukoll ir-rappreżentanti tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit-2 ta’ Lulju 2008.

28.

Il-partijiet kollha jaqblu sostanzjalment fuq il-fatt li joħroġ ċar mis-sentenza Palacios de la Villa ( 10 ), li r-regoli nazzjonali dwar l-età għall-irtirar bħal dawk tar-Regolament, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. Il-Gvern tal-Italja, madankollu, jżid li sa fejn id-domanda (iii) għandha tinftiehem bħala li tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali, din għandha tiġi ddikjarata inammissibili.

2. Analiżi

29.

Id-Direttiva 2000/78 hija intiża li tissabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament ‘fl-impjieg u fix-xogħol’ għal persuni kollha, billi toffrilhom protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq wieħed mill-bażijiet koperti mill-Artikolu 1, li jinkludi l-età ( 11 ).

30.

Il-portata sostantiva tad-Direttiva 2000/78 hija ddefinita fid-dettal fl-Artikolu 3, B’mod partikolari, skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva, din tapplika fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità, “għall-persuni kollha […] f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

31.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li skont il-premessa 14 tad-Direttiva 2000/78, liema premessa għandha tittieħed in kunsiderazzjoni meta wieħed jiġi biex jinterpreta d-Direttiva, l-istess Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età tal-irtirar.

32.

Madankollu, f’Palacios de la Villa, il-Qorti interpretat dik il-premessa b’mod strett, u ddeċċidiet li din il-premessa “tillimita ruħha sabiex tispeċifika li l-imsemmija direttiva ma taffettwax il-kompetenza ta’ l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw l-età li fiha wieħed jikkwalifika sabiex jirtira” u li “bl-ebda mod ma tipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet tat-tmiem ta’ kuntratt ta’ impjieg meta tintlaħaq l-età ta’ l-irtirar hekk stabbilita.” ( 12 )

33.

Abbażi ta’ dawn il-premessi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Palacios de la Villa, ikkonstatat li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni f’dik il-kawża, li kienet tippermetti t-tmiem awtomatiku ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min iħaddem u ħaddiem meta l-istess ħaddiem ikun laħaq l-età ta’ 65, kienet taffettwa t-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-partijiet u, b’mod iktar ġenerali, l-ingaġġ tal-ħaddiem ikkonċernat f’xi xogħol, billi tipprekludi l-parteċipazzjoni futura tiegħu fis-suq tax-xogħol, u li dik il-leġiżlazzjoni kellha għalhekk tiġi meqjusa bħala li tistabbilixxi regoli li jirrigwardjaw “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 ( 13 ).

34.

Bla dubju l-istess raġunament japplika għal-leġiżlazzjoni bħalma hija dik li qiegħda fil-kwistjoni f’dan il-każ, li tippermetti lil min iħaddem ikeċċi impjegati tal-età ta’ 65 jew iktar jekk ir-raġuni għas-sensja tkun l-irtirar.

35.

Għaldaqstant, għad-Domandi (i) sa (iii) għandhom tingħata risposta fis-sens li d-Direttiva 2000/78 tapplika għal regoli nazzjonali, bħalma huma dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermettu lil min iħaddem ikeċċi impjegati ta’ età ta’ 65 jew iktar għal raġuni ta’ irtirar.

C — Ir-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni speċifika (Domanda (iv))

36.

Bid-domanda (iv) tagħha, li biha l-qorti tar-rinviju ċertament għandha f’moħħha d-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament, il-High Court tixtieq essenzjalment tkun taf jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jippermettix ġustifikazzjoni ġenerali għal trattament differenti fuq bażi ta’ età, bħal dik prevista mill-Artikolu 3 tar-Regolament, jew jekk dan l-Artikolu jimponix fuq l-Istati Membri sabiex jispeċifikaw it-tipi ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jiġu ġġustifikati permezz ta’ lista jew miżura oħra li fil-forma u fil-kontenut hija simili għal-lista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet

37.

Skont Age Concern England, hemm tliet problemi marbuta mal-Artikolu 3. L-ewwel nett, ir-Regolament 3 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn ġustifikazzjoni taħt l-Artikolu 6 u dik taħt l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78; ir-Regolament ma jispjegax x’differenzi ta’ trattament fuq bażi ta’ età jistgħu potenzjalment jiġu ġġustifikati; finalment, ir-Regolament ma jistabbilixxix x’objettivi jistgħu jiġġustifikaw dawk id-differenzi fit-trattament.

38.

F’dak li jirrigwarda b’mod speċifiku d-domanda (iv), Age Concern England issostni li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età stabbilita fid-Direttiva 2000/78 hija aspett partikolari tad-dritt fundamentali għal trattament ugwali u li l-eċċezzjonijiet kollha għal dan il-prinċipju għandhom ikunu ġġustifikati b’mod ċar. Barra minn hekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li d-diskriminazzjoni diretta, li altrimenti tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali, tista’ tkun iġġustifikata.

39.

Age Concern England issostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat b’mod strett b'mod li jillimita ċ-ċirkustanzi li fihom hija permessa l-ġustifikazzjoni. Fil-fehma tagħha, bil-fatt li fil-punt (a) sa (ċ) tat-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju jirrikorri għal lista illustrattiva ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi u raġonevoli, huwa ried jimponi fuq l-Istati membri l-obbligu li, fl-istrumenti ta’ implementazzjoni tagħhom, jistabbilixxu lista speċifika ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati b’referenza għal xi għan leġittimu. Din il-pożizzjoni hija kkorroborata mill-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78. Kuntrarjament, id-Direttiva ma tippermettix li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tipprovdi li trattament differenti (mhux speċifikat) fuq il-bażi ta’ l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni jekk huwa dan it-trattament huwa mezz proporzjonali biex jintlaħaq xi għan leġittimu.

40.

Bħala rimarka ġenerali, ir-Renju Unit jinnota li Age Concern England tipprova, b’mod mhux adattat, testendi il-portata ta’ dan ir-rinviju, li madankollu huwa limitat għad-domandi speċifiċi mressqa mill-High Court lill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jenfasizza li s-sistema dettaljata ta’ rtirar fir-Renju Unit u l-kwistjoni dwar jekk is-sistema hijiex proporzjonali u ġustifikabbli, li tinvolvi numru kbir ta’ kunsiderazzjonijiet kumplessi, mhijiex daqshekk il-kwistjoni f’din il-kawża. Hija tikkontesta wkoll li l-aċċess għall-qrati huwa impossibbli, kif Age Concern England tidher li qegħda tissuġġerixxi. Din l-allegazzjoni hija bbażata fuq konfużjoni bejn, min-naħa, id-dmir skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78, li jkun żgurat li l-proċeduri ġudizzjarji jkunu disponibbli għall-infurzar ta’ obbligi taħt id-Direttiva u, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva biex ma jikkunsidrawx ċerti distinzjonijiet fuq il-bażi ta’ età bħala diskriminazzjoni illegali.

41.

Fir-rigward tad-Domanda (iv), il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta l-interpretazzjoni proposta minn Age Concern England u jsostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jobbligax lill-Istati Membri jiddefinixxu, permezz ta’ lista jew miżura oħra li hija simili fil-forma jew fil-kontenut għal-lista tal-Artikolu 6(1), it-tipi ta’ differenzi fit-trattement li jistgħu jkunu ġġustifikati bħala li jikkostitwixxu mezz proporzjonat biex jintħalaq għan leġittimu fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni. In sostenn tal-fehma tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit jirreferi għad-diċitura tal-Artikolu 6(1) u tal-premessa 25 tad-Direttiva, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Palacios de la Villa ( 14 ), l-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva u l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri jgawdu fl-implimentazzjoni tad-Direttivi skont l-Artikolu 249 KE. Meta kien qed ifassal l-Artikolu 6(1) tad-direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju kien ferm konxju li ma kienx ser ikun realistiku li jiġu identifikati minn qabel it-tipi ta’ sitwazzjonijiet li fihom id-differenzi fit-trattament fuq il-bażi ta’ età jistgħu jkunu ġustifikati. Ikun inqas u inqas xieraq li l-Istati Membri jkunu obbligati jħejju lista bħal din.

42.

Il-Gvern tal-Italja jsostni wkoll li l-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri għal meta ssir it-traspożizzjoni tad-Direttivi trendi superfluwa li wieħed jiddefinixxi permezz ta’ lista speċifika, it-tipi ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġustifikati.

43.

Il-Kummissjoni ssostni li l-ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ età, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, għandu jkun iġġustifikat minn obbjettiv ta’ interess pubbliku/ta’ livell ta’ politika soċjali. Hija tifhem l-Artikolu 6(1), kif interpretat fid-dawl tal-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78, jipprovdi forma limitata ta’ eċċezzjoni għad-dritt fundamentali li hija ġustifikata b’riferiment għall-kunsiderazzjonijiet partikolari ta’ politika soċjali li tapplika fis-sitwazzjoni ta’ Stat Membru speċifiku. B’hekk l-Artikolu 6(1) jimplika li huwa neċessarju li tkun introdotta miżura nazzjonali speċifika li tirrifletti sett partikolari ta’ ċirkostanzi u obbjettivi. Ir-Regolament 30, li jipprovdi li t-tkeċċija ta’ persuna fl-età ta’ 65 jew iktar hija legali ‘fejn ir-raġuni għat-tkeċċija hija l-irtirar’, jipprovdi eżempju ċar ta’ din il-miżura. Min iħaddem għalhekk japplika politika nazzjonali għal ċirkostanzi speċifiċi, imma l-għażla ta’ dik il-politika hija f’idejn l-Istat Membru u mhux f’idejn min iħaddem.

2. Analiżi

44.

Peress li din id-domanda tikkonċerna kwistjoni ta’ ‘teknika leġiżlattiva’ fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, iktar milli l-portata materjali tagħha, jidher li huwa xieraq li wieħed jibda billi jfakkar xi prinċipji bażiċi li jikkonċernaw safejn jasal l-obbligu tal-Istati Membri li jittrasponu xi direttiva.

45.

Fuq naħa waħda, il-kliem stess tal-Artikolu 249 KE jindika li, peress li d-direttivi jorbtu f’dak li jirrigwarda r-riżultat li jrid jintlaħaq, l-Istati Membri, fil-prinċipju, huma liberi li jagħżlu l-mod u l-mezzi biex jimplimentaw id-direttiva. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-grad ta’ flessibbiltà mħollija lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ direttivi jimplika wkoll li t-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali mhux neċessarjament teħtieġ azzjoni leġiżlattiva f’kull Stat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutatment irrikonoxxiet li mhux dejjem huwa neċessarju li r-rekwiżiti tad-direttiva jiġu adottati formalment f’dispożizzjoni legali speċifika u espressa u dan peress li l-kuntest legali ġenerali jista’ jkun biżżejjed biex tkun implimentata d-direttiva, dejjem skont il-kontenut tagħha ( 15 ).

46.

Mill-banda l-oħra, huwa ċar li, filwaqt li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-nezzi, huma jinsabu f’kull każ obbligati li jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw li d-Direttiva jkollha effett sħiħ, u dan skont l-objettivi li hija jkollha ( 16 ).

47.

Il-bżonn li jkun żgurat li d-dritt Komunitarju jiġi applikat b’mod sħiħ jeħtieġ li l-Istat Membri, fl-ewwel lok, iġibu l-leġiżlazzjoni tagħhom konformi mad-dritt Konunitarju, u ovvjament, ma jadottawx liġijiet ġodda li jistgħu jippreġudikaw l-effettività sħiħa ta’ xi direttiva speċifika. Madankollu, iktar minn hekk, jista’ jkun meħtieġ, speċjalment fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ xi direttiva jkunu intiżi li joħolqu drittijiet għall-individwi, li jiġu adottati liġijiet sabiex joħolqu sitwazzjoni li tkun suffiċjentement ċerta, ċara u trasparenti, b’mod illi l-individwi jkunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali ( 17 ).

48.

F’dan il-kuntest, l-iskop tad-Direttiva 2000/78, skont l-Artikolu 1 magħqud mal-Artikolu 3(1)(ċ), huwa li joffri lill-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, protezzjoni effettiva kontra diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 1, li jinkludu l-età ( 18 ).

49.

Id-Direttiva għalhekk tfittex li toffri protezzjoni effettiva lill-individwi, partikolarment dawk f’relazzjonijiet (orizzontali) ma’ individwi oħra fil-kuntest ta’ impjieg, minn diskriminazzjoni abbażi inter alia ta’ età. Mill-Artikoli 9 u 10 tad-direttiva u l-premessi 29 u 31 tad-Direttiva, jirriżulta ċar li l-Istati Membri huma meħtieġa li jipprovdu mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali għal dak il-għan u li, ladarba jkun hemm każ prima facie ta’ diskriminazzjoni, jipprovdu għall-inverżjoni fl-oneru tal-prova mill-persuna li tkun qed tallega li hija l-vittima għall-fuq il-konvenut.

50.

Fid-dawl tal-protezzjoni sostantiva li d-Direttiva 2000/78 hija għaldaqstant intiża li toffri lill-individwi kontra forom ta’ diskriminazzjoni pprojbiti taħt id-Direttiva, wieħed jista’ jargumenta li l-implimentazzjoni sħiħa tad-direttiva ma tkunx ġiet milħuqa meta jiġi żgurat biss li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, hija fil-verità konformi mar-rekwiżiti tat-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol li joħorġu mid-Direttiva.

51.

Pjuttost, sabiex l-individwi, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, jkunu jistgħu jagħmlu użu b’mod effettiv tad-dritt tagħhom li jkunu ttrattati b’mod ugwali u b’mod iktar partikolari, biex ma jbagħtux minn diskriminazzjoni pprojbita fuq il-bażi ta’ età, fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri huma obbligati li, fir-rigward tax-xogħol u tal-impjieg, jadottaw regoli fil-liġi domestika tagħhom li jipprovdu b’mod speċifiku u b’ċarezza suffiċjenti, għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ età, kif prevista b’mod partikolari fl-Artikolu 1 magħdud mal-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78. Jidhirli li l-Artikolu 3 tar-Regolament jikkostitwixxi prinċipalment regola tali ta’ dritt nazzjonali, in kwantu jistabbilixxi definizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għall-finijiet tad-dritt nazzjonali.

52.

Madankollu, b’kuntrast ma’ dak li Age Concern England jidher li qed tissuġġerixxi, jiena ma naħsibx li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha fil-liġi nazzjonali hija nieqsa mill-preċiżjoni meħtieġa jew mhijiex biżżejjed speċifika minħabba biss li l-leġiżlazzjoni domestika kkonċernata ma tipprovdix b’mod speċifiku it-tipi ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati taħt l-Artikolu 6(1).

53.

Bħalma jirrimarka l-Gvern tar-Renju Unit, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi biss diversi eżempji ta’ differenzi fit-trattament sabiex juri t-tipi ta’ differenzi fit-trattament li huma indirizzati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), u ċjoè, dawk li jistgħu jiġu meqjusa bħala oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati minn għan leġittimu u huma għalhekk kumpatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva ( 19 ).

54.

Minn dan wieħed ma jistax jiddeduċi li l-Istati Membri, fl-istrumenti ta’ implimentazzjoni tagħhom, huma meħtieġa jipprovdu lista speċifika ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati b’riferenza għal xi għan leġittimu. Fid-dawl tal-varjetà ta’ sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jqumu dawn id-differenzi ta’ trattament, wieħed jista’ jargumenta wkoll li jkun impossibbli li tiġi stabbilita minn qabel lista bħal din, mingħajr ma tkun ristretta indebitament il-portata tal-ġustifikazzjoni pprovduta fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

55.

Finalment, wieħed għandu jżomm f’moħħu li r-Regolament 3 ma jistabbilixxix il-portata tal-projbizzjoni taħt il-liġi nazzjonali tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età fl-impjieg u fix-xogħol b’mod iżolat minn regoli oħra, li huma iktar speċifiċi, li jirregolaw sitwazzjonijiet u aspetti partikolari, bħalma huwa r-Regolament 30 fir-rigward tal-irtirar obbligatorju.

56.

Jiena nikkonkludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa r-Regolament 3, ma jkunx inkumpatibbli ma’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 sempliċiment minħabba li ma jkunx fih lista speċifika ta’ forom ta’ trattament permissibbli.

57.

Jiena għalhekk nipproponi li r-risposta għad-Domanda (iv) tkun fis-sens li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu leġiżlazzjoni li tipprovdi li xi differenza fit-trattament fuq il-bażi ta’ età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni jekk jiġi deċiż li hija mezz proporzjonat sabiex jintlaħaq għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1). Madanakollu, l-istess Artikolu ma jobbligax lill-Istati Membri jiddefinixxu t-tipi ta’ differenzi ta’ trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati taħt l-Artikolu 6(1) permezz ta’ lista jew miżura oħra li hija simili fil-forma u fil-kontenut għal-lista fl-Artikolu 6(1).

D — It-test sabiex tiġi ġġustifikata d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta

58.

Bid-Domanda (v), il-qorti tar-rinviju qed tfittex gwida dwar kif għandha taċċerta li l-Artikoli 7(4), 7(5) u 30 tar-Regolament, in kwantu dawn jippermettu lil min iħaddem ikeċċi impjegati li għandhom l-età ta’ 65 jew iktar meta r-raġuni għat-tkeċċija tkun l-irtirar, huma ġustifikati taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Għal dan il-għan, hija tixtieq tkun taf jekk hemmx xi differenza prattika bejn it-testijiet dwar il-ġustifikazzjoni pprovduta fl-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, rispettivament.

1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet

59.

Age Concern England tenfasizza n-natura eċċezzjonali tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 u l-interpretazzjoni b’mod strett li dan għandu jingħata għal dik ir-raġuni. Dwar dan, hija tibbaża ruħha fuq l-għan u d-diċitura tal-Artikolu 6 u l-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78 u fit-travaux préparatoires.

60.

Hija tinnota li l-Artikolu 6(1) jillimita d-derogi mill-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni għall-miżuri li huma ġustifikati bħala kemm ‘oġġettivi’ u kif ukoll ‘raġonevoli’. Hija tosserva li l-użu ta’ dik il-kundizzjoni doppja huwa uniku fid-dritt Komunitarju sussidjarju u huwa marbut direttament mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-qasam tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess jew razza. Skont Mangold, ( 20 ) minħabba li l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ età huwa prinċipju ġenerali tad-dirtt Komunitarju, kwalunkwe ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta’ età għandha tkun suġġetta għal livell għoli ta’ skrutinju.

61.

Għalhekk Age Concern England tieħu l-pożizzjoni li t-test dwar il-ġustifikazzjoni pprovdut fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva fir-rigward ta’ diskriminazzjoni indiretta huwa, ċertament, differenti minn dak ipprovdut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta.

62.

Age Concern England tikkonkludi li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-konvenut jista’ jiġġustifika trattament inqas favorevoli fuq il-bażi ta’ età biss billi juri li d-differenza fit-trattament huwa ġġustifikat kemm oġġettivament kif ukoll raġonevolment. L-użu ta’ dawk it-termini jindika li dik il-ġustifikazzjoni għandha tkun permessa biss fejn hemm raġunijiet b’saħħithom u f’ċirkustanzi eċċezzjonali u limitati ħafna tat-tip preskritt fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 jew f’ċirkustanzi simili partikulari.

63.

Mill-banda l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit huwa tal-fehma li, abbażi tat-tifsira u l-għan tad-Drettiva 2000/78, l-istorja leġiżlattiva tagħha u s-sentenza Palacios de la Villa ( 21 ), mhemm ebda differenza prattika bejn it-test tal-ġustifikazzjoni preskritt fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva u t-test tal-ġustifikazzjoni preskritt fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Huwa jargumenta li Age Concern England tagħti wisq importanza lill-użu tal-kelma“raġonevolment” magħquda mal-kelma “oġġettivament”. Huwa jirrimarka li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jirreferi wkoll għal sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta, bħal pereżempju, il-kundizzjonijiet minimi tal-anzjanità jew esperjenza professjonali meħtieġa għall-aċċess għall-impjieg (punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva). Ġeneralment wieħed jista’ jistrieħ fuq ġustifikazzjoni oġġettiva u proporzjonata sabiex jirribatti xi ilment ta’ diskriminazzjoni, kemm fid-dritt Komunitarju kif ukoll taħt il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

64.

Il-Gvern tal-Italja huwa tal-fehma li l-Artikoli 2(2) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 huma differenti fil-portata tagħhom, fis-sens li d-derogi mill-prinċipju ta’ non-diskriminaazzjoni fuq il-bażi tal-età permessi taħt l-Artikolu 6(1) huma iktarwiesgħa minn dawk irregolati mill-Artikolu 2 tad-Direttiva.

65.

Il-Kummissjoni taqbel mal-Gvern tar-Renju Unit li d-differenza fid-diċitura bejn l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 mhijiex sinjifikattiva. Minflok, hija tara d-distinzjoni essenzjali bejn iż-żewġ artikoli bħala li tirrigwarda l-kwistjoni dwar min għandu jipprovdi l-ġustifikazzjoni, in-natura tagħha, u kif din għandha tiġi ippruvata. Matul is-seduta il-Kummissjoni spjegat li hija tara l-Artikolu 6(1) bħala forma ta’ lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva, u bħala li jipprovdi l-unika ġustifikazzjoni possibbli għal diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età.

66.

Bħalma jipprovdi b’mod espliċitu l-Artikolu 6(1), huwa l-Istat Membru li għandu jiġġustifika l-għażliet ta’ politika “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”. Mis-sentenza Palacios de la Villa ( 22 ) jirriżulta ċar ukoll li l-għan wara miżura leġiżlattiva speċifika għandu jkun kapaċi li jiġi identifikat direttament mid-diċitura tagħha jew mill-kuntest ġenerali tagħha, inkluż pereżempju minn dokumenti uffiċjali. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 2(2) tad-direttiva jiffoka fuq jekk min iħaddem waħdu jistax jiġġustifika l-prattiċi tiegħu ta’ impjieg.

67.

Il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għan-noti ta’ spjegazzjoni maħruġa mid-Department of Trade and Industry, tinnota li l-objettiv soċjo-politiku li għandhu r-Regolament huwa dak li jkun hemm “ippjanar tal-forza tax-xogħol’ u li jkun evitat impatt negattiv fuq il-pensjonijiet u benefiċċji oħra marbuta max-xogħol, objettivi dawn li jaqgħu fil-kategorija ta’ għanijiet leġittimi kontemplati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal numru ta’ kunsiderazzjonijiet u kriterji li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu kont tagħhom meta teżamina l-proporzjonalità tar-regoli inkwistjoni (pereżempju, jekk humiex approprjati u neċessarji).

2. Evalwazzjoni

68.

F’dinja perfetta kulħadd jiġi ġġudikat individwalment u skont il-merti tiegħu, kulħadd ikun ittrattat bl-istess mod safejn ikun l-istess u differenti safejn ikun differenti. F’dinja perfetta kullħadd ikun għalhekk mogħti dak li hu tiegħu u ssir ġustizzja.

69.

Sfortunatament, ġustizzja perfetta f’dak is-sens għandha tibqa’ barra mill-portata tal-liġi ta’ din id-dinja. Bħala ‘regola’, il-liġi għandha min-natura tagħha tkun ġenerali; bħala tali għandha tiffaċċja r-realtà biss permezz tal-astratt, u huwa imbaghad f’idejn il-qrati, l-amministrazzjonijiet u l-individwi li japplikawha għall-każijiet individwali u għalhekk li ‘jittraduċu’ l-liġi ġenerali fil-każ ideali, f’ġustizzja individwali.

70.

Għalhekk il-liġi tiġġeneralizza u tikkategorizza; hija tindirizza l-individwi u s-sitwazzjonijiet individwali permezz ta’ prismi ta’ tipi, kategoriji, karatteristiċi u klassijiet; tiddifferenzja skont ċerti kriterji ( 23 ). Madankollu, matul iż-żmien, ċerti klassifikazzjonijiet ġew rrikonoxxuti mill-ordni legali bħala li huma inaċċettabbli u li jmorru kontra l-valuri li huma l-bażi tagħha. Fil-linja tal-Artikolu 13 KE, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jidentifika r-reliġjon u t-twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali bħala kriterji li fuqhom, in prinċipju, id-differenzi fil-liġi jistgħu ma jkunux ibbażati fuqhom, jiġifieri, sakemm ma jiġix stabbilit li dik id-differenza hija oġġettivament iġġustifikata.

71.

Klassifikazzjonijiet jew differenzi fit-trattament ibbażati, direttament jew indirettament, fuq dawn ir-raġunjiet huma għalhekk fil-prinċipju ‘suspettużi’ u jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni illegali, għalkemm mill-possibiltajiet ta’ ġustifikazzjoni pprovduti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva jirriżulta li dan jista’ ma jkunx il-każ. Kollox jiddependi — b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-differenzi, fit-trattament fuq il-bażi ta’ età.

72.

B’mod speċifiku fir-rigward tal-età, fil-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78, il-leġiżlatur Komunitarju enfasizza li illi huwa “essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

73.

L-età hija identifikata fost ir-raġunijet msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva in kwantu l-Artikolu 6(1) fih ġustifikazzjoni speċifika għad-differenza fit-trattament fuq il-bażi tal-età — sakemm dawk l-inugwaljanzi ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni pprojbita taħt l-Artikolu 2 — “jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu proporzjonali u neċessarji”.

74.

Ġie nnutat qabel, li dik il-pożizzjoni partikolarment raffinata għad-differenzi fit-trattament fuq il-bażi tal-età tirrifletti differenza ġenwina bejn l-età u r-raġunijet l-oħra msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva ( 24 ). Min-natura tagħha l-età mhijiex ‘raġuni suspettuża’, tal-inqas mhux daqs, pereżempju, ir-razza u s-sess. Għalkemm id-differenzi bbażati fuq l-età, il-limiti fl-età u l-miżuri relatati mal-età huma, bħala prinċipju, sempliċi biex jiġu amministrati, ċari u trasparenti, id-divrenzjar ibbażat fuq l-età, il-limiti ta’ età u l-miżuri relatati ma’ l-età, paradossalment, huma għall-kuntrarju mifruxin fil-liġi u b’mod partikolari fil-leġiżlazzjoni soċjali u dwar l-impjiegi. Fl-istess ħin, l-età tikkostitwixxi kriterju flessibbli. Il-fatt dwar jekk trattament differenzjat jikkostitwixix diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età tista’ ma jiddependix biss fuq il-kwistjoni dwar jekk din hijiex ibbażata direttament jew indirettament fuq l-età, iżda hija wkoll kwistjoni dwar liema età hija kkonċernata. Għalhekk, jista’ ikun ħafna iktar diffiċli milli fil-każ, pereżempju, ta’ trattament differenzjat fuq il-bażi ta’ sess sabiex jiġi stabbilit fejn jieqaf it-trattament differenzjat ġustifikabbli u fejn tibda d-diskriminazzjoni inġustifikabbli. Finalment, safejn il-limiti bbażati fuq l-età bħall-età tal-irtirar previsti mir-Regolament jinvolvu distinzjoni bbażata direttament fuq l-età, dawn għandhom awtomatikament jiġu eżaminati taħt il-kappa tad-diskriminazzjoni diretta kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78.

75.

Bil-fatt li l-Artikolu 6(1) jipprovdi għal possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni speċifika u addizzjonali, dan l-Artikolu għandu l-għan li jieħu in kunsiderazzjoni n-natura u d-diffikultajiet speċifiċi tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età. Huwa ovvjament intiż biex jippermetti lill-Istati Membri jżommu prattiċi ta’ impjiegi bbażati fuq l-età u jistabbilixxu jew jippreżervaw limiti tal-età sakemm dawn ikunu ġġustifikati minn għan ta’ politika soċjali jew tal-impjiegi. Għal dan il-għan, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jikkontempla wkoll ġustifikazzjoni għad-differenzi fit-trattament ibbażati direttament fuq l-età, li hija unika fost il-forom ta’ diskriminazzjoni pprojbiti taħt id-Direttiva ( 25 ).

76.

F’dan is-sens, u kontra dak li Age Concern England tidher li qed tissuġġerixxi, il-possibiltajiet taħt id-Direttiva ta’ iġġustifikar ta’ differenzi fit-trattament fuq il-bażi ta’ età huma iktar estensivi minn dawk bbażati fuq ir-raġunijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva. Madankollu, din il-konstatazzjoni m’għandhix tiġi interpretata bħala li tagħmel diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età fil-qiegħ tal-‘ġerarkija’ apparenti tar-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni previsti mid-Direttiva. Minflok, din tikkostitwixxi pjuttost espressjoni ta’ differenzi materjali bejn dawk ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni u l-mod kif dawk l-istess raġunijiet jiffunzjonaw bħala kriterji ġuridiċi. Mhijiex kwistjoni ta’ valur jew importanza, iżda kwistjoni ta’ kif wieħed jiddelimita b’mod adegwat il-portata tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

77.

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni, li tippermetti lil min iħaddem sabiex jissensja lill-impjegati tal-età ta’ 65 jew iktar meta r-raġuni għas-sensja hija l-irtirar, dik ir-regola għandha titqies bħala li tintroduċi differenza fit-trattament bbażata direttament fuq l-età, li tikkostitwixxi potenzjalment diskriminazzjoni diretta kif deskritta fl-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

78.

Għalhekk il-ġustifikazzjoni possibbli għaliha taqa’ biex tiġi eżaminata biss taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, is-sentenza Palacios de la Villa, li kienet tikkonċerna wkoll regola li kienet tipprovdi għall-irtirar obbligatorju (għalkemm differenti f’ċerti aspetti), tipprovdi gwida fuq diversi aspetti li huma rilevanti għal dan il-każ.

79.

Fir-rigward tat-test għall-iġġustifikar li għandu jiġi applikat taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jiena naqbel mal-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit li f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ skrutinju li għandu jiġi applikat għal miżuri nazzjonali li jaqgħu taħt l-Artikolu 6(1), l-ebda importanza m’għandha tingħata lill-użu tal-kelma ‘raġonevolment’ flimkien ma’ ‘objettivament’. Mill-ġurisprudenza jidher ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta teżamina l-ġustifikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, ma tapplikax test speċifiku ta’ ‘raġonevolezza’ bħala tali. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tapplika l-espressjoni konġunta ‘objettivament u raġonevolment’ biex turi l-leġittimità tal-għan li jkollha l-miżura nazzjonali in kwistjoni ( 26 ). Iktar minn hekk, Age Concern England ma kinitx kapaċi toħroġ tifsira ta’ ‘raġonevolment’ li hija distinta minn ‘objettivament’ in kwantu jikkonċerna l-livell ta’ skrutinju li huwa meħtieġ.

80.

Barra minn hekk, fis-sentenza Palacios de la Villa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex tkunu ġustifikabbli taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, mhux meħtieġ li l-miżura nazzjonali in kwistjoni tirreferi espressament għal għan leġittimu tat-tip previst fl-Artikolu 6(1); huwa biżżejjed li “li elementi oħra, li jirriżultaw mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu li jiġi identifikat l-għan wara din il-miżura sabiex ikun jista’ jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-leġittimità tagħha kif ukoll tan-natura approprjata u neċessarja tal-mezzi adottati sabiex jitwettaq dan il-għan.” ( 27 )

81.

Infatti, meta wieħed iżomm f’moħħu l-massima leġiżlttiva antika ‘lex imperat, non docet’, il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ta’ dispożizzjoni m’għandiex tiddependi fuq l-objettivi deskritti b’mod espress.

82.

Madankollu, jiena naħseb li dak li possibbilità bħal din tippreżumi huwa li fi kwalunkwe każ hemm xi tip ta’ leġiżlazzjoni, u jiena naqbel ukoll mal-Kummissjoni li wieħed jista’ jargumenta li dan jista’ jiġi dedott mill-premessa 25 (‘dispożizzjonijiet speċifiċi’) u mid-diċitura stess tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. L-imsemmi Artikolu 6(1) jirrigwarda primarjament il-miżuri nazzjonali li jirriflettu għażliet ta’ politika soċjali u ta’ impjieg u mhux deċiżjonijiet individwali ta’ min iħaddem. ( 28 ) Għaldaqstant, il-ġustifikazzjoni ta’ miżuri li jipprovdu għal differenzi fit-trattament fuq il-bażi ta’ età taqa’ biex tiġi eżaminata mill-Istat Membru, ‘fil-kuntest tal-liġi nazzjonali’.

83.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan m’għandux jeskludi l-possibbiltà li wieħed jiġġustifika r-regoli nazzjonali li jagħtu xi poteri diskrezzjonali jew ċerta flessibbilità lill-awtoritajiet jew anke lill-individwi. Dan ifisser biss li d-domanda li għandha ssir f’każ bħal dan, fir-rigward ta’ regola bħar-Regolament 30 u fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, mhijiex dwar jekk id-deċiżjoni individwali ta’ min iħaddem biex iġiegħel impjegat jirtira hija ġġustifikata, iżda jekk regola li biha min iħaddem huwa permess li jagħmel hekk fuq il-bażi tal-irtirar jekk l-impjegat ikun tal-età ta’ 65 jew iktar, hijiex iġġustifikata b’referenza għal xi għan leġittimu, bħal ma huwa previst fl-Artikolu 6(1) ( 29 ).

84.

Imbagħad, jekk l-għan leġittimu jkun jista’ jiġi identifikat, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jeħtieġ li l-mezzi wżati biex jintlaħaq dak l-għan ikunu ‘approprjati u neċessarji’.

85.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza Palacios de la Villa, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-ġurisprudenza stabbilita li skont hija” l-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u ta’ l-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri biex jintlaħaq tali għan.” ( 30 )

86.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet il-kunsiderazzjonijiet diversi u kumplessi li l-awtoritajiet nazzjonli kkonċernati jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni f’dak li jirrigwarda r-regoli dwar l-irtirar u kkonkludiet li huwa f’idejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn l-interessi differenti involuti, basta jkunu osservati r-rekwiżiti tal-proporzjonalità ( 31 ).

87.

Din tidher li qed tissuġġerixxi li l-Istati Membri jibqgħalhom diskrezzjoni relattivament wiesgħa meta jidentifikaw il-mezzi li għandhom jintużaw biex jintħalaq l-għan leġittimu li jirrigwarda l-politika soċjali u ta’ impjieg segwita, li hija possibbilment riflessa wkoll fil-kliem tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-każ, li skont dik ir-risposta, tali regoli mhumiex preklużi jekk il-“mezzi adottati biex jintlaħaq dan l-għan ta’ interess ġenerali ma jidhrux li huma inapproprjati u mhux neċessarji għal dan il-għan.” ( 32 )

88.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda (v) tkun fis-sens li regola bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil min iħaddem ikeċċi impjegati li għandhom tal-età ta’ 65 jew iktar jekk ir-raġuni għat-tkeċċija tkun l-irtirar, tista’ tkun in prinċipju ġġustifikata taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jekk ir-regola hija objettivament u raġonevolment iġġustifikata fil-kuntest tal-liġi nazzjonali b’għan leġittimu li jirrigwarda l-politika tal-impjieg u s-suq tax-xogħol u ma jkunx jidher li l-mezzi adottati biex jintlaħaq dan l-għan ta’ interess pubbliku huma inapproprjati u mhux neċessarji għal dan il-għan.

V — Konklużjoni

89.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari skont kif ġej:

id-Direttiva 2000/78 tapplika għal regoli nazzjonali, bħalma huwa r-Regolament, li jippermetti lil min iħaddem ikeċċi impjegati tal-età ta’ 65 jew iktar minħabba l-irtirar;

l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jippermetti li l-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi li differenza fit-trattament fuq il-bażi ta’ età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni jekk huwa intiż sabiex ikun mezz proporzjonali sabiex jintlaħaq għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1). Madankollu, dan l-Artikolu ma jeħtieġx li l-Istati Membri jiddefinixxu t-tipi ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati taħt l-Artikolu 6(1) f’lista jew f’miżura oħra li hija simili fil-forma u fil-kontenut għal-lista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva;

regola bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil min iħaddem jissensja impjegati tal-età ta’ 65 jew iktar jekk ir-raġuni għas-sensja tkun l-irtirar, tista’ fil-prinċipju tkun iġġustifikata taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jekk dik ir-regola hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata fil-kuntest tal-liġi nazzjonali b’għan leġittimu li jirrigwarda l-politika tal-impjieg u s-suq tax-xogħol u ma jkunx jidher li l-mezzi adottati biex jintlaħaq dan l-għan ta’ interess pubbliku huma inadegwati u mhux neċessarji għal dan il-għan.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Dan wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Awwissu 2007 (faks li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzju fid-).

( 3 ) ĠU 2000 L 303, p. 16.

( 4 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005 (C-144/04, Ġabra p. I-9981).

( 5 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007 (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767), għalkemm fl-aħħar mill-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja finalment iddeċidiet dak il-każ purament abbażi ta’ diskriminazzjoni marbuta mas-sess. Ara, madankollu, l-ewwel konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, ippreżentati fis-, u t-tieni konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, ippreżentati fit- wara li reġa’ nfetaħ il-każ.

( 6 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007 (C-411/05, Ġabra p. I-8531).

( 7 ) Sentenza C-427/06, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, madankollu, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2008.

( 8 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

( 9 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tat-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C-167/97, p. Ġabra p. I-623, punt 68, u s-sentenza tas-, Freers u Speckmann, C-278/93, Ġabra p. I-1165, punt 24.

( 10 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

( 11 ) Ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 42.

( 12 ) Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 44.

( 13 ) Ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 45 sa 47.

( 14 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 51 sa 55.

( 15 ) Ara pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 76, u s-sentenza tal-, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-49/00, Ġabra p. I-8575, punt 21.

( 16 ) F’dan is-sens, ara pereżempju s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-216/05, Ġabra p. I-10787, punt 26, u s-sentenza tal-, Emmott, C-208/90, Ġabra p. I-4269, punt 18.

( 17 ) f’dan is-sens, ara pereżempju s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 76, u s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-162/99, Ġabra p. I-541, punt 22.

( 18 ) Ara l-punti 28 u 29 iktar ’il fuq.

( 19 ) F’dan is-sens ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 52.

( 20 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

( 21 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 60 sa 65.

( 22 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 57.

( 23 ) Jekk il-liġi tħalli wisq spazju għal deċiżjonijiet individwali, hija tkun qiegħda tippreġudika l-funzjonijiet intrinsiċi tagħha, u ċioe’ dawk li tistabbilixxi ċertezza legali u b’mod iktar ġenerali, ‘l-istat tad-dritt’; mill-banda l-oħra, jekk il-liġi ma tieħux biżżejjed kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali, hija tista’ twassal għal inġustizzja inaċċettabbli.: summum ius, summa iniuria …

( 24 ) F’dan is-sens, ara pereżempju l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 61 sa 63, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Lindorfer, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 83 u 84.

( 25 ) F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kif Age Concern Limited ammettiet fis-seduta, l-Artikolu 6(1) jirreferi wkoll, fost l-eżempji ta’ trattament potenzjalment ġustifikabbli, għal ċirkustanzi li jikkorispondu iktar għal diskriminazzjoni indiretta iktar milli diskriminazzjoni diretta, pereżempju fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Għaldaqstant, id-distinzjoni bejn il-ġustifikazzjonijiet previsti, fl-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(1) rispettivament, mhijiex distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta.

( 26 ) Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 59 u 60, u s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 64 sa 66.

( 27 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 54 sa 57.

( 28 ) Għal dan il-għan, ara wkoll ir-referenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal-“l-għażla li jista’ jkollhom jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati” f’Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 69.

( 29 ) Naħseb li l-omissjoni ta’ dik id-distinzjoni hija r-raġuni għal ċerta konfużjoni u nuqqas ta’ preċiżjoni f’dan il-każ.

( 30 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 68, b’referenza għas-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 63.

( 31 ) Sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 68 sa 71.

( 32 ) Ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 77; ara wkoll, b’mod iktar espliċitu f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi f’dak il-każ, fil-punt 74.

Fuq